Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0325

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tad-19 ta’ Novembru 2015.
SBS Belgium NV vs Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers (SABAM).
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Brussel.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva Nru 2001/29/KE – Artikolu 3(1) – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Kunċetti ta’ ‘komunikazzjoni’ u ta’ ‘pubbliku’ – Distribuzzjoni ta’ programmi tat-televiżjoni – Teknika magħrufa bħala ‘injezzjoni diretta’.
Kawża C-325/14.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:764

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

19 ta’ Novembru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva Nru 2001/29/KE — Artikolu 3(1) — Komunikazzjoni lill-pubbliku — Kunċetti ta’ ‘komunikazzjoni’ u ta’ ‘pubbliku’ — Distribuzzjoni ta’ programmi tat-televiżjoni — Teknika magħrufa bħala ‘injezzjoni diretta’”

Fil-Kawża C‑325/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Brussel (qorti tal-appell ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ġunju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Lulju 2014, fil-proċedura

SBS Belgium NV

vs

Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers (SABAM),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn J. Malenovský (Relatur), li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, M. Safjan u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal SBS Belgium NV, minn P. Maeyaert u A. De Bleeckere, avukati,

għall-Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers (SABAM), minn E. Marissens, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Segoin u F.‑X. Bréchot, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn SBS Belgium NV (iktar ’il quddiem “SBS”) u l-Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en uitgevers (SABAM) (soċjetà belġjana ta’ awturi, kompożituri u pubblikaturi) dwar l-obbligu ta’ ħlas ta’ remunerazzjoni adegwata għax-xandir ta’ programmi permezz tat-teknika ta’ injezzjoni diretta.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 23 u 27 tad-Direttiva 2001/29 jipprovdu:

“(23)

Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor.

[...]

(27)

Is-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi biex tkun tista’ iseħħ jew biex iseħħ komunikazzjoni ma twassalx fiha nfisha għal komunikazzjoni fit-tifsira ta’ din id-Direttiva.”

4

Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

[...]

3.   Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

5

Is-SABAM, soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur, tirrappreżenta lill-awturi fil-qasam tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-użu minn terzi tax-xogħlijiet tagħhom protetti mid-dritt tal-awtur u għall-ġbir tar-remunerazzjoni dovuta għal dan l-użu.

6

SBS hija organizzazzjoni tax-xandir kummerċjali li tittrażmetti bil-lingwa Olandiża li tipproduċi u topera programmi televiżivi. Fil-kuntest tal-attivitajiet tax-xandir tagħha, SBS topera diversi stazzjonijiet kummerċjali privati fil-Belġju. L-ipprogrammar tagħha jinkludi kemm programmi prodotti minnha stess kif ukoll programmi mixtrija minn djar tal-produzzjoni u minn fornituri ta’ programmi nazzjonali u barranin.

7

SBS ixxandar il-programmi tagħha esklużivament permezz ta’ teknika msejħa “injezzjoni diretta”. Dan huwa proċess f’żewġ stadji li fihom SBS tittrażmetti s-sinjali tagħha li jikkontjenu programmi lid-distributuri tagħha, bħal Belgacom, Telenet u TV Vlaanderen, minn linja privata ‘point to point’. F’dan l-istadju, dawn is-sinjali ma jistgħux jiġu riċevuti mill-pubbliku ġenerali. Id-distributuri imbagħad jittrażmetti dawn is-sinjali, wara l-encryption jew le, lill-abbonati tagħhom sabiex ikunu jistgħu jaraw programmi fuq it-televiżjoni tagħhom, jekk ikun hemm bżonn bl-użu ta’ decoder disponibbli minn għand id-distributur. Skont id-distributur ikkonċernat, is-sinjali huma trażmessi bis-sattelita, fir-rigward ta’ TV Vlaanderen, bil-kejbil, fir-rigward ta’ Telenet, jew bil-linja xDSL, fir-rigward ta’ Belgacom.

8

SABAM tqis li SBS, bħala organizzazzjoni tax-xandir, twettaq att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva Nru 2001/29, meta xxandar permezz tat-teknika tal-injezzjoni diretta. Għalhekk tkun meħtieġa l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur. Hija talbet, bħala kumpens, il-ħlas ta’ ċerta somma ta’ flus.

9

SBS tikkontesta din it-talba. Skontha, huma biss id-distributuri u l-organi l-oħra tal-istess tip li jwettqu komunikazzjoni lill-pubbliku rilevanti fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur. Hija għalhekk tqis li l-ebda remunerazzjoni ma hija dovuta.

10

Ir-Rechtbank van koophandel tae Brussel (qorti tal-kummerċ ta’ Brussell) laqgħet it-talba ta’ SABAM u kkundannat lil SBS sabiex tħallas kważi miljun euro bħala drittijiet tal-awtur għas-sena 2009.

11

SBS appellat kontra s-sentenza mogħtija minn din il-qorti quddiem il-qorti tar-rinviju.

12

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van beroep te Brussell (qorti tal-appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduru quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

Fuq id-domanda preliminari

13

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva Nru 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li organu tax-xandir huwa involut f’att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni meta jittrażmetti s-sinjali tiegħu li jikkontjenu programmi esklużivament għad-distributuri tas-sinjali, mingħajr ma’ dawn is-sinjali jkunu disponibbli għall-pubbliku matul u meta ssir din it-trażmissjoni, dawn id-distributuri imbagħad jibagħtu l-imsemmija sinjali lill-abbonati rispettivi tagħhom sabiex dawn ikunu jistgħu jaraw dawn il-programmi.

14

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2001/29 għandha l-għan prinċipali li tistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni favur l-awturi, li tippermettilhom jiksbu remunerazzjoni adegwata għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, b’mod partikolari f’każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, kif inhu ddikjarat espliċitament fil-premessa 23 tal-imsemmija direttiva (sentenza ITV Broadcasting et, C‑607/11, EU:C:2013:147, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

15

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jinkludi żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri “att ta’ komunikazzjoni” ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan tal-aħħar lil “pubbliku” (ara s-sentenza Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 16).

16

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-“att ta’ komunikazzjoni”, dan jirreferi għal kwalunkwe trażmissjoni ta’ xogħlijiet protetti, irrispettivament mill-mezz jew il-proċess tekniku użat (sentenza Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 193).

17

Barra minn hekk, kull trażmissjoni jew ritrażmissjoni mill-ġdid ta’ xogħol li tuża mezz tekniku speċifiku għandu jkun, fil-prinċipju, awtorizzat individwalment mill-awtur tax-xogħol inkwistjoni (sentenza ITV Broadcasting et, C‑607/11, EU:C:2013:147, punt 24).

18

F’dan il-każ, mid-domanda għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-organu tax-xandir inkwistjoni fil-kawża prinċipali jittrażmetti s-sinjali li jikkontjenu l-programmi, lil diversi distributuri ta’ sinjali, permezz tas-sattelita, kejbil jew linja xDSL, u għalhekk permezz ta’ mezzi differenti jew proċessi tekniċi.

19

Minn dan isegwi li tali trażmissjonijiet, paralleli jew le, għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu “atti ta’ komunikazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

20

Fit-tieni lok, sabiex jiġi indirizzat il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva Nru 2001/29, xorta huwa neċessarju, kif tfakkar fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, li x-xogħlijiet protetti jkunu effettivament ikkomunikati lil “pubbliku”.

21

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “pubbliku” jirreferi għal kwalunkwe numru ta’ destinatarji, telespettaturi potenzjali, u jimplika, barra minn hekk, numru pjuttost kbir ta’ persuni (ara f’dan is-sens, is-sentenzi SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punti 37 u 38, kif ukoll ITV Broadcasting et, C‑607/11, EU:C:2013:147, punt 32).

22

Issa, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta wkoll b’mod ċar mid-domanda preliminari, l-organu tax-xandir inkwistjoni jittrażmetti s-sinjali li jikkontjenu l-programmi lil distributuri individwali u speċifiċi mingħajr ma’ telespettaturi potenzjali jista’ jkollhom aċċess għalihom.

23

Għaldaqstant, ix-xogħlijiet trażmessi mill-organu tax-xandir, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma humiex ikkomunikati lill-“pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva Nru 2001/29, iżda lil professjonisti individwali u speċifiċi.

24

Minħabba n-natura kumulattiva, imfakkra fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, taż-żewġ komponenti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, peress li l-kundizzjoni skont liema x-xogħlijiet protetti għandhom ikunu kkomunikati lill-pubbliku ma hijiex issodisfatta, it-trażmissjonijiet magħmula minn organu tax-xandir bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqgħux, fil-prinċipju, fil-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva Nru 2001/29.

25

Madankollu, ma jistax qabel kollox jiġi eskluż faċilment li, f’ċerti sitwazzjonijiet, l-abbonati tad-distributuri, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu jitqiesu bħala l-“pubbliku” għal liema t-trażmissjoni oriġinali ġiet magħmula mill-organizzazzjoni tax-xandir.

26

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett huwa paċifiku li d-distributuri bħal dawk f’dan il-każ, ma humiex, fi kwalunkwe każ, parti minn tali pubbliku, b’differenza għal entitajiet, bħal stabbilimenti ta’ lukandi li kienu s-suġġett ta’ kawżi li taw lok għas-sentenzi SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764) u Phonographic Performance (Ireland) (C‑162/10, EU::C:2012:141).

27

Minn dan isegwi li l-abbonati li huma d-destinatarji tat-trażmissjonijiet effettwati mid-distributuri inkwistjoni ma jistgħux ikunu, a priori, meqjusa bħala pubbliku “ġdid” li ma kienx kopert bl-att ta’ komunikazzjoni oriġinali effettwat mill-organizzazzjoni tax-xandir (ara, għall-kuntrarju, s-sentenza SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 40).

28

Konsegwentement, fil-kawża prinċipali, jeżisti “pubbliku” wieħed biss, jiġifieri dak tal-abbonati kollha ta’ kull distributur rispettiv.

29

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-kliem tad-domanda, kif magħmula mill-qorti tar-rinviju, li kien wara l-intervent ta’ dawn id-distributuri li l-abbonati ta’ dawn tal-aħħar jistgħu jaraw il-programmi tat-televiżjoni.

30

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-distribuzzjoni ta’ xogħol imxandar minn professjonist, bħal dak f’dan il-każ, lill-abbonati tiegħu, jirrappreżenta provvista ta’ servizz awtonomu mwettaq bil-għan li jiżgura benefiċċju, jiġifieri l-prezz tal-abbonament li qed jitħallas mill-imsemmija persuni, mhux lill-organizzazzjoni tax-xandir iżda lil dan il-professjonist, u mhux minħabba xi benefiċċji tekniċi, iżda għal aċċess għall-komunikazzjoni inkwistjoni u għalhekk, għal xogħlijiet protetti (ara b’analoġija, is-sentenza Airfield u Canal Digitaal, C‑431/09 u C‑432/09, EU:C:2011:648, punt 80).

31

Trażmissjoni magħmula minn professjonist, taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, ma tikkostitwixxix għaldaqstant sempliċi mezz tekniku sabiex tiġi żgurata jew imtejba r-riċezzjoni tax-xandira oriġinali fiż-żona ta’ kopertura (ara, b’analoġija, is-sentenza Airfield u Canal Digitaal, C‑431/09 u C‑432/09, EU:C:2011:648, punt 79).

32

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li d-distributur jista’ jkun f’pożizzjoni mhux awtonoma fir-rigward tal-organizzazzjoni tax-xandir u li l-provvista tas-servizz ta’ distribuzzjoni tiegħu hija purament ta’ natura teknika, b’tali mod li l-intervent tiegħu jikkostitwixxi f’sempliċi mezz tekniku fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, s-sentenzi Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 194 u Airfield u Canal Digitaal, C‑431/09 u C‑432/09, EU:C:2011:648, punti 74 u 79).

33

Jekk dan kien il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, l-abbonati tad-distributuri inkwistjoni jistgħux jitqiesu bħala l-pubbliku rilevanti tal-komunikazzjoni mwettqa mill-organizzazzjoni tax-xandir bir-riżultat li din tal-aħħar effettwat “komunikazzjoni lill-pubbliku”.

34

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva Nru 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li organizzazzjoni tax-xandir ma twettaqx att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta tittrażmetti s-sinjali tagħha li jikkontjenu programmi esklużivament lid-distributuri tas-sinjali, mingħajr li dawn is-sinjali huma aċċessibbli lill-pubbliku matul u fil-ħin ta’ din it-trasmissjoni, imbagħad dawn id-distributuri jibagħtu l-imsemmija sinjali lill-abbonati rispettivi tagħhom bil-għan li dawn ikunu jistgħu jaraw dawn il-programmi, għajr meta l-intervent tad-distributuri inkwistjoni jikkostitwixxi sempliċi mezz tekniku, li hija għall-qorti tar-rinviju biex tivverifika dan.

Fuq l-ispejjeż

35

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva Nru 2001/29 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li organizzazzjoni tax-xandir ma twettaqx att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta tittrażmetti s-sinjali tagħha li jikkontjenu programmi esklużivament lid-distributuri tas-sinjali, mingħajr li dawn is-sinjali huma aċċessibbli lill-pubbliku matul u fil-ħin ta’ din it-trażmissjoni, imbagħad dawn id-distributuri jibagħtu l-imsemmija sinjali lill-abbonati rispettivi tagħhom bil-għan li dawn ikunu jistgħu jaraw dawn il-programmi, għajr meta l-intervent tad-distributuri inkwistjoni jikkostitwixxi sempliċi mezz tekniku, li hija għall-qorti tar-rinviju biex tivverifika dan.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq