Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CC0483

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fit-12 ta’ Novembru 2015.
    KA Finanz AG vs Sparkassen Versicherung AG Vienna Insurance Group.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Oberster Gerichtshof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konvenzjoni ta’ Ruma – Liġi applikabbli – Amalgamazzjoni transkonfinali – Direttiva 78/855/KEE – Direttiva 2005/56/KE – Amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist – Protezzjoni tal-kredituri – Trasferiment tal-attiv u l-passiv kollu tal-kumpannija li tiġi akkwistata lill-kumpannija li takkwista.
    Kawża C-483/14.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:757

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOT

    ippreżentati fit-12 ta’ Novembru 2015 ( 1 )

    Kawża C‑483/14

    KA Finanz AG

    vs

    Sparkassen Versicherung AG Vienna Insurance Group

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Dritt tal-kumpanniji — Kunċett ta’ ‘dritt tal-kumpanniji’ — Amalgamazzjoni transkonfinali tal-kumpanniji — Protezzjoni tal-kredituri — Liġi applikabbli u regoli ta’ kunflitt applikabbli fil-każ ta’ amalgamazzjoni transkonfinali tal-kumpanniji — Drittijiet tad-detenturi tat-titoli, minbarra ishma, li għandhom drittijiet speċjali marbuta magħhom”

    1. 

    Fil-kawża preżenti, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) tixtieq tistabbilixxi liema hija l-liġi applikabbli f’tilwima bejn il-kumpannija li qed twettaq l-inkorporazzjoni u kreditur tal-kumpannija li qed tiġi inkorporata u jekk, fil-każ ta’ amalgamazzjoni transkonfinali, il-kumpannija li qed twettaq l-inkorporazzjoni tistax unilateralment tittermina r-relazzjoni legali li torbotha mad-detentur tal-obbligi subordinati u tħallsu totalment.

    2. 

    F’dawn il-konklużjonijiet ser nispjega r-raġunijiet li għalihom inqis li, meta, fl-amalgamazzjoni, il-kumpannija li qed tiġi inkorporata tkun għamlet użu mill-ħruġ ta’ obbligi subordinati, li jkunu tat-tip bħal dawk eżaminati fil-kawża prinċipali, dawn tal-aħħar ma jiġux trażmessi lill-kumpannija li qed twettaq l-inkorporazzjoni, ħlief jekk fil-jum tal-amalgamazzjoni, il-fondi komplementari tagħha riżultanti mill-istess kienu għadhom jeżistu, li huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tivverifika. Jekk dan ikun il-każ, ser nispjega għalfejn naħseb li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2005/56/KE ( 2 ) għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni transkonfinali, kuntratti bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, konklużi mill-kumpannija li qed tiġi inkorporata, jiġu trasferiti lill-kumpannija li qed twettaq l-inkorporazzjoni, li jwassal għall-applikazzjoni tal-liġi magħżula mill-partijiet fil-mument tal-konklużjoni inizjali ta’ dawn il-kuntratti. Sussegwentement ser nindika r-raġunijiet li għalihom inqis li l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva, moqri inkonnessjoni mal-Artikolu 13(1) tat-Tielet Direttiva 78/855/KEE ( 3 ), għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dejn naxxenti minn strumenti finanzjarji bħalma huma l-obbligi subordinati inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux igawdu, fid-dawl tan-natura tagħhom, ħlief minn protezzjoni ekwivalenti għal dik li minnha kienu jibbenefikaw qabel l-amalgamazzjoni transkonfinali.

    I – Il-kuntest ġuridiku

    A – Il-Konvenzjoni ta ’ Ruma

    3.

    L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 ( 4 ), jistabbilixxi kif ġej:

    “1.   Ir-regoli ta’ din il-Konvenzjoni għandhom japplikaw għall-obbligi kuntrattwali f’kull sitwazzjoni li tinvolvi għażla bejn il-liġijiet ta’ pajjiżi differenti.

    2.   Huma m’għandhomx japplikaw għal:

    [...]

    e)

    kwistjonijiet regolati bil-liġi tal-kumpanniji u korpi oħra maqgħuda [ġuridiċi] jew mhux maqgħuda [mhux ġuridiċi] bħalma huma l-ħolqien, b’reġistrazzjoni jew mod ieħor, il-kapaċità legali, l-organizzazzjoni interna jew l-istralċ ta’ kumpanniji u korpi oħra maqgħuda [ġuridiċi] jew mhux maqgħuda [mhux ġuridiċi] u r-responsabbiltà personali ta’ uffiċjali u membri bħala tali għall-obbligi tal-kumpannija jew tal-korp;

    [...]”

    4.

    Il-Konvenzjoni ta’ Ruma ġiet issostitwita permezz tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) ( 5 ).

    B – Id-dritt tal-Unjoni

    1. It-Tielet Direttiva 78/885

    5.

    It-Tielet Direttiva 78/855 kellha l-għan li tiggarantixxi, fl-Istati Membri kollha, protezzjoni minima tal-interessi tal-membri u ta’ terzi f’każ ta’ amalgamazzjonijiet ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata ( 6 ). B’mod partikolari, hija kienet tiżgura li t-twettiq tal-amalgamazzjoni ma jkunx ta’ preġudizzju għall-kredituri, kemm ta’ self b’obbligazzjoni u kemm jekk le, u għad-detenturi ta’ titoli oħra tal-kumpanniji li jamalgamaw ( 7 ).

    6.

    B’hekk, it-Tielet Direttiva 78/855 kienet tistabbilixxi kif ġej:

    “[...]

    Artikolu 13

    1.   Il-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom jiddisponu għal sistema adegwata ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tal-kredituri tal-kumpanniji li qed jiġu inkorporati li l-pretensjonijiet tagħhom kienu saru qabel il-publikazzjoni ta’ l-abbozz tat-termini ta’ l-għaqda u li ma’ kienux jagħlqu fil-ħin ta’ dik il-pubblikazzjoni.

    2.   Għal dan il-għan, il-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom ta’ l-anqas jiddisponu li dawn il-kredituri għandu jkollhom id-dritt li jiksbu protezzjoni adegwata meta s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanniji li qed jiġu inkorporati tagħmel din il-protezzjoni neċessarja u meta dawk il-kredituri m’għandhomx diġà din il-protezzjoni.

    3.   Din il-protezzjoni tista’ tkun differenti għall-kredituri tal-kumpannija li qed takkwista u għal dawk tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata.

    Artikolu 14

    Bla ħsara għar-regoli dwar l-eżerċizzju kollettiv tad-drittijiet tagħhom, l-Artikolu 13 għandu japplika għad-detenturi ta’ obbligazzjonijiet tal-kumpanniji li qed jiġu inkorporati, ħlief fejn l-għaqda kienet approvata minn laqgħa tad-detenturi ta’ l-obbligazzjonijiet, jekk laqgħa bħal din hemm dispożizzjoni għaliha fil-liġijiet nazzjonali, jew tad-detenturi ta’ l-obbligazzjonijiet individwalment.

    Artikolu 15

    Id-detenturi ta’ titoli, għajr ishma, li għandhom magħhom drittijiet speċjali, għandhom jkunu mogħtija drittijiet fil-kumpannija li qed takkwista ta’ l-anqas ekwivalenti għal-dawk li kellhom fil-kumpannija li qed tiġi akkwistata, sakemm il-bidla ta’ dawk id-drittijiet [ma tkunx] ġiet approvata permezz ta’ laqgħa tad-detenturi ta’ dawk it-titoli, jekk laqgħa bħal din ikun hemm dispożizzjoni għaliha fil-liġijiet nazzjonali, jew mid-detenturi ta’ dawk it-titoli individwalment, jew sakemm id-detenturi jkollhom il-jedd għax-xiri mill-ġdid tat-titoli tagħhom mill-kumpannija li qed takkwista.

    [...]

    Artikolu 19

    1.   Għaqda għandu jkollha l-konsegwenzi li ġejjin ipso jure u fl-istess ħin:

    a)

    it-trasferiment, kemm bejn il-kumpannija li qed tiġi akkwistata u l-kumpannija li qed takkwista u fejn għandhom x’jaqsmu terzi persuni, lill-kumpannija li qed takkwista ta’ l-attiv u l-passiv kollu tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata;

    b)

    l-azzjonisti tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata jsiru azzjonisti tal-kumpannija li qed takkwista;

    ċ)

    il-kumpannija li qed tiġi akkwistata ma tibqax teżisti.

    2.   L-ebda ishma fil-kumpannija li qed takkwista m’għandhom jinbidlu ma’ ishma fil-kumpannija li qed tiġi akkwistata li jkunu jew:

    a)

    f’idejn il-kumpannija li qed takkwista innifisha jew permezz ta’ persuna li taġixxi f’isimha iżda għan-nom [tal-kumpannija];

    jew

    b)

    mill-kumpannija stess li qed tiġi akkwistata jew permezz ta’ persuna li taġixxi f’isimha iżda għan-nom [tal-kumpannija].

    3.   Dan ta’ hawn fuq m’għandux jaffettwa l-liġijiet ta’ Stati Membri li jeħtieġu l-kompletar ta’ formalitajiet speċjali għat-trasferiment ta’ ċerti assi, drittijiet u obbligazzjonijiet mill-kumpannija li qed tiġi akkwistata li jkunu effettivi kontra terzi persuni. Il-kumpannija li qed takkwista tista’ twettaq dawn il-formalitajiet hi stess; iżda l-liġijiet ta’ l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-kumpannija li qed tiġi akkwistata li tkompli twettaq dawn il-formalitajiet għal perjodu limitat li ma jistax, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, ikun iffissat għal aktar minn sitt xhur mid-data li fiha tibda sseħħ l-għaqda.

    [...]”

    7.

    It-Tielet Direttiva 78/855 ġiet issostitwita permezz tad-Direttiva 2011/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-mergers ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata ( 8 ).

    2. Id-Direttiva 2005/56

    8.

    Id-Direttiva 2005/56 għandha l-għan li tiffaċilita l-amalgamazzjonijiet transkonfinali bejn kumpanniji b’kapital azzjonarju ta’ tipi differenti, li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri differenti ( 9 ).

    9.

    Il-premessa 3 tal-imsemmija direttiva tistabbilixxi:

    “Sabiex jiġu ffaċilitati l-operazzjonijiet ta’ mergers transkonfinali, irid ikun stabbilit li, sakemm din id-Direttiva ma tgħidx mod ieħor, kull kumpannija li tieħu sehem f’merger transkonfinali, u kull terza parti kkonċernata, tibqa’ suġġetta għad-dispożizzjonijiet u l-formalitajiet tal-liġi nazzjonali li tkun applikabbli fil-każ ta’ merger nazzjonali. Ebda mid-dispożizzjonijiet u l-formalitajiet ta’ liġi nazzjonali li għalihom issir referenza f’din id-Direttiva ma għandhom jintroduċu restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment jew fuq il-moviment liberu tal-kapital ħlief fejn dawn jistgħu ikunu ġustifikati skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] u b’mod partikolari b’rekwiżiti ta’ l-interess ġenerali u huma t-tnejn meħtieġa, u proporzjonali, għall-kisba ta’ dawn ir-rekwiżiti prevalenti.”

    10.

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/56 huwa redatt kif ġej:

    “1.   Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor f’din id-Direttiva,

    a)

    mergers transkonfinali għandhom ikunu possibbli biss bejn tipi ta’ kumpanniji li jistgħu jingħaqdu taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri rilevanti, u

    b)

    kumpannija li tieħu sehem f’merger transkonfinali għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet u l-formalitajiet tal-liġi nazzjonali li tkun taqgħa taħtha. [...]

    2.   Id-dispożizzjonijiet u l-formalitajiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) għandhom b’mod partikulari jinkludu dawk li jikkonċernaw il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-merger u, filwaqt li jittieħed kont tan-natura transkonfinali tal-merger, tal-protezzjoni tal-kredituri tal-kumpanniji li qed jingħaqdu, tad-detenturi ta’ obbligazzjonijiet u tad-detenturi ta’ titoli jew ishma, kif ukoll ta’ impjegati fir-rigward ta’ drittijiet għajr dawk irregolati mill-Artikolu 16. Stat Membru jista’, fil-każ ta’ kumpanniji li jipparteċipaw f’merger transkonfinali u regolati mil-liġi tiegħu, jadotta dispożizzjonijiet maħsuba biex jiżguraw protezzjoni xierqa għal membri f’minoranza li opponew il-merger transkonfinali.”

    11.

    L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi kif ġej:

    “1.   Merger transkonfinali li jitwettaq kif stipulat fil-punti (a) u (ċ) ta’ l-Artikolu 2(2) għandu jkollu l-konsegwenzi li ġejjin mid-data msemmija fl-Artikolu 12:

    a)

    l-attiv u l-passiv kollu tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata għandu jkun trasferit lill-kumpannija li qed takkwista;

    b)

    il-membri tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata għandhom isiru membri tal-kumpannija li qed takkwista;

    ċ)

    il-kumpannija li qed tiġi akkwistata ma għandhiex tibqa teżisti.

    [...]”

    C – Id-dritt Awstrijak

    12.

    L-Artikolu 226(1) tal-liġi dwar il-kumpanniji limitati b’ishma, (Aktiengesetz), tal-31 ta’ Marzu 1965 ( 10 ), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AktG”), jistabbilixxi li, kemm-il darba jippreżentaw ruħhom fi żmien sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tal-amalgamazzjoni, il-kredituri tal-kumpanniji kkonċernati għandhom jiksbu l-garanziji, jekk ma jkunux jistgħu jitolbu l-ħlas favur tagħhom. Dan id-dritt ma jingħatax lil kredituri madankollu ħlief jekk juru, b’mod kredibbli, li l-amalgamazzjoni tikkostitwixxi riskju għall-ħlas tad-dejn tagħhom. Il-kredituri għandhom jiġu informati dwar dan id-dritt fil-kuntest tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni.

    13.

    L-Artikolu 226(2) tal-AktG jippreċiża li d-dritt li wieħed jeżiġi l-garanziji mhux disponibbli favur il-kredituri li, fil-proċedura ta’ insolvenza, jiddisponu minn dritt għal ħlas preferenzjali minn fond ikkostitwit skont id-dispożizzjonijiet legali għall-finijiet tal-protezzjoni tagħhom u mpoġġi taħt is-sorveljanza tal-awtorità kompetenti.

    14.

    Skont l-Artikolu 226(3) tal-AktG, id-detenturi tal-obbligi u tat-titoli parteċipattivi għandhom jingħataw drittijiet ekwivalenti jew għandhom jitħallsu kumpens li jkun adegwat fid-dawl tat-tibdil fid-drittijiet jew tad-dritt innifsu.

    15.

    Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tittrasponi l-Artikolu 15 tat-Tielet Direttiva 78/855.

    II – Il-kawża prinċipali

    16.

    Matul is-sena 2005, Sparkassen Versicherung AG Vienna Insurance Group (iktar ’il quddiem “Sparkassen Versicherung”), stabbilita fl-Awstrija, issottoskriviet xi obbligi f’żewġ kuntesti ta’ ħruġ ta’ self subordinat minn Kommunalkredit International Bank Ltd (iktar ’il quddiem il-“kumpannija li wettqet il-ħruġ”), stabbilita f’Ċipru.

    17.

    Skont l-Artikoli 3(1) tal-kundizzjonijiet ta’ ħruġ, self minnhom kellu marbut miegħu r-rata ta’ interessi ta’ 4.01 % u l-ieħor ta’ 3.84 %. Barra minn hekk, skont l-Artikoli 2 ta’ dawn il-kundizzjonijiet, id-djun li jirriżultaw minn dawn it-titoli jikkostitwixxu djun mhux garantiti u subordonati fuq il-kumpannija li wettqet il-ħruġ, li jirrankjaw pari passu bejniethom. F’każ ta’ xoljiment, ta’ stralċ jew ta’ falliment tal-imsemmija kumpannija, il-djun li jirriżultaw minn dawn it-titoli ma jistgħux jiġu rregolati ħlief wara li jkunu ġew onorati d-djun mhux subordonati. Għalhekk l-ebda ammont ma jista’ jitħallas abbażi ta’ dawn it-titoli sakemm ma jkunux tħallsu għalkollox id-djun kollha mhux subordinati tal-kredituri tal-kumpannija li wettqet il-ħruġ u li jgawdu dritt ta’ preċedenza, jew sakemm ma jkunux ġew ikkostitwiti riżervi suffiċjenti għal dawn l-ammonti. Barra minn hekk, id-detentur ma jistax jissodisfa d-djun tiegħu li jirriżultaw mit-titoli, bi djun tal-kumpannija li wettqet il-ħruġ. Dawn l-Artikoli 2 jistabbilixxu wkoll li fl-ebda mument fil-ġejjieni ma jista’ jkun hemm u ma hija ser tiġi pprovduta garanzjia konvenzjonali minn din il-kumpannija jew minn terza persuna sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-detenturi riżultanti mit-titoli. L-ebda ftehim fil-ġejjieni ma jista’ jillimita n-natura subordinata kif deskritta fl-imsemmija Artikoli 2, u lanqas javvanza d-data tal-iskadenza tat-titoli jew iqassar it-terminu ta’ preavviż applikabbli.

    18.

    L-Artikoli 4(1)(b) tal-kundizzjonijiet ta’ ħruġ tas-self, relatati mal-ħlas tal-interessi, jistabbilixxu li l-valur nominali ma jistax jiġi rrimborsat u l-interessi ma jistgħux jitħallsu, ħlief jekk il-kapital tal-kumpannija li wettqet il-ħruġ u li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, ma jinżilx, minħabba dan il-ħlas, taħt il-limiti stabbiliti mil-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-fondi tal-banek, stabbiliti mill-Bank Ċentrali ta’ Ċipru.

    19.

    L-Artikoli 9(1) ta’ dawn il-kundizzjonijiet jindikaw li fil-każ ta’ xoljiment jew ta’ stralċ tal-kumpannija li wettqet il-ħruġ (ħlief għall-finijiet jew bħala konsegwenza ta’ amalgamazzjoni, ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ tisħiħ waqt li tkun għadha fi stat “ta’ solvenza”, f’liema kuntest il-kumpannija li tissussisti essenzjalment tieħu taħt idejha l-assi u l-obbligi tal-kumpannija li wettqet il-ħruġ), kwalunkwe detentur jista’ jiddikjara t-titolu tiegħu dovut u jitlob ir-rimbors immedjat tiegħu sal-limitu tal-ammont tar-rimbors antiċipat, kif ukoll tal-interessi li jkunu mmaturaw sad-data tar-rimbors.

    20.

    Skont l-Artikolu 12(1) tal-imsemmija kundizzjonijiet, il-forma u l-kontenut tat-titoli kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi tad-detenturi tal-kumpannija li wettqet il-ħruġ, huma suġġetti għal-liġi Ġermaniża.

    21.

    Fl-aħħar tas-sena 2008, il-kumpannija li wettqet il-ħruġ ma baqgħetx tissodisfa r-rekwiżiti minimi relatati mal-fondi proprji stabbiliti mil-Linji gwida tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru. Għalhekk ma baqgħetx tħallas l-interessi previsti fil-kundizzjonijiet ta’ ħruġ.

    22.

    Fit-18 ta’ Settembru 2010, l-amalgamazzjoni tal-kumpannija li wettqet il-ħruġ (il-kumpannija li ġiet inkorporata) ma’ KA Finanz AG (iktar ’il quddiem “KA Finanz”) (kumpannija li wettqet l-inkorporazzjoni), stabbilita fl-Awstrija, ġiet reġistrata fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji. Ġie wkoll preċiżat, mill-qorti tar-rinviju u minn Sparkassen Versicherung, li KA Finanz itterminat unilateralment is-self subordinat sottoskritt minn Sparkassen Versicherung. Din tal-aħħar tippreċiża, b’mod iktar partikolari, li, fl-abbozz komuni ta’ amalgamazzjoni tas-27 ta’ April 2010, huwa indikat li dan is-self huwa meqjus bħala dritt speċjali, li mhux miżmum minn KA Finanz, li saret evalwazzjoni tiegħu u li minn din l-evalwazzjoni rriżulta li l-valur ta’ dan id-dritt kien ta’ żero. Għalhekk tniżżel, f’dan l-abbozz, li l-imsemmi dritt qed jiġi tterminat b’effett mid-data tal-amalgamazzjoni transkonfinali u li ma huwa ser jingħata ebda kumpens inkambju.

    23.

    Peress li l-interessi ma baqgħux jitħallsu mill-kumpannija li wettqet il-ħruġ, Sparkassen Versicherung ippreżentat rikors quddiem il-qrati Awstrijaċi sabiex tobbliga lil KA Finanz tħallas is-somma ta’ EUR 1.57 miljun, li tirrappreżenta l-interessi dovuti għas-snin 2009 u 2010 fuq is-self subordinat. Sparkassen Versicherung tqis, fil-fatt, li KA Finanz, bħala kumpannija li wettqet l-inkorporazzjoni, hija l-aventi kawża universali tagħha. Sussidjarjament, hija qed titlob li jiġi ddikjarat l-obbligu ta’ KA Finanz li tikkonferixxi favur tagħha drittijiet ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 226(3) tal-AktG u dak li tagħmel tajjeb għad-dannu kollu li jirriżulta mill-ommissjoni tagħha li tagħmel dan. KA Finanz tqis, min-naħa tagħha, li hija ma assumietx l-obbligi tal-kumpannija li wettqet il-ħruġ u li, għall-kuntrarju, l-amalgamazzjoni kellha l-effett tat-terminazzjoni tal-istess. Fl-opinjoni tagħha, peress li l-ħlas tal-interessi u r-rimbors tal-kapital kien jiddependi fuq id‑dispożizzjoni ta’ fondi proprji min-naħa tal-kumpannija li wettqet il-ħruġ, l-obbligi inkwistjoni kellhom in-natura ta’ fondi proprji, li kien jimplika r-riskju ta’ telf totali. Għalhekk, it-titoli kienu parteċipattivi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. KA Finanz talbet għalhekk li jiġi ddikjarat, fil-kuntest tal-inkorporazzjoni tal-kumpannija li wettqet il-ħruġ, li s-self subordinat kien ġie tterminat u li, sussidjarjament, l-obbligi li kienu jappartjenu lil din il-kumpannija ma ġewx trażmessi lilha.

    24.

    Fl-ewwel istanza, il-Handelsgericht Wien (qorti kummerċjali ta’ Vjenna) ċaħdet, permezz ta’ deċiżjoni interlokutorja tas-26 ta’ Ġunju 2012, it-talba għal dikjarazzjoni preliminari mressqa minn KA Finanz kif ukoll it-talba sussidjarja tagħha. Hija ddeċidiet li l-obbligi inkwistjoni la kienu titoli parteċipattivi u lanqas titoli oħra li jistgħu jiġu assimilati ma’ xi azzjonijiet, peress li ma kellhomx in-natura ta’ kapital proprju u lanqas ma kienu jiddependu fuq benefiċċji tal-kumpannija. Għalhekk, skont il-Handelsgericht Wien (qorti kummerċjali ta’ Vjenna), KA Finanz ma kellhiex id-dritt li tittermina l-obbligi inkwistjoni fil-kuntest tal-amalgamazzjoni. Kuntrarjament, hija qieset li s-self kien ġie ttrasferit lil KA Finanz fil-kuntest tat-trażmissjoni universali tal-patrimonju. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-Handelsgericht Wien (qorti kummerċjali ta’ Vjenna) ma tatx deċiżjoni dwar il-kwistjoni li jiġi stabbilit liema kienet il-liġi applikabbli għat-tilwima miġjuba quddiemha.

    25.

    Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ April 2013, l-Oberlandesgericht Wien (qorti reġjonali superjuri ta’ Vjenna) ikkonfermat, fl-appell, id-deċiżjoni tal-Handelsgericht Wien (qorti kummerċjali ta’ Vjenna). Hija qieset, b’mod partikolari, li l-effetti legali tal-amalgamazzjoni kienu jagħmlu parti mill-istatus personali u li t-trażmissjoni tal-patrimonju fil-kuntest tal-amalgamazzjoni kellha, għalhekk, tiġi evalwata fid-dawl tal-liġi li tirregola l-istatus ta’ KA Finanz, il-kumpannija li wettqet l-inkorporazzjoni, jiġifieri l-liġi Awstrijaka.

    26.

    KA Finanz ippreżentat appell ta’ “Reviżjoni” quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar tippreċiża li dan l-appell jikkonċerna l-kwistjoni li jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 226(3) tal-AktG huwiex applikabbli għall-obbligi subordinati sottoskritti minn Sparkassen Versicherung.

    III – Id-domandi preliminari

    27.

    Peress li kellha xi dubji dwar l-interpretazzjoni li kellha tingħata lid-dritt tal-Unjoni, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    L-Artikolu 1(2)(e) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li

    a)

    operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni bħal inkorporazzjonijiet u diviżjonijiet u

    b)

    ir-regola ta’ protezzjoni tal-kredituri fil-kuntest ta’ tali operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 15 tat-Tielet Direttiva [78/855]

    jaqgħu taħt il-klawżola ta’ esklużjoni tad-“dritt tal-kumpanniji” mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni?

    2)

    Ir-risposta hija l-istess fil-każ li jiġi applikat l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/35?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel u għat-tieni domandi: l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ruma-I , imsemmija fl-Artikolu 1(2)(d) tal-imsemmi regolament – dispożizzjoni li ġiet wara l-Artikolu 1(2)(e) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma – twassal għall-istess riżultat jew għandha tiġi interpretata b’mod differenti? Jekk iva, b’liema mod?

    4)

    Id-dritt primarju tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 56 TFUE jew il-moviment liberu tal-kapital u libertà tal-pagamenti skont l-Artikolu 63 TFUE, jipprovdi indikazzjonijiet rigward ir-regoli ta’ kunflitt li għandhom jiġu applikati għall-inkorporazzjonijiet, u b’mod partikolari rigward il-punt dwar jekk il-liġi applikabbli hijiex il-liġi nazzjonali tal-Istat tal-kumpannija li qed tiġi inkorporata jew il-liġi nazzjonali tal-kumpannija li qed twettaq l-inkorporazzjoni?

    5)

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għar-raba’ domanda: Mid-dritt derivat tal-Unjoni, u b’mod partikolari mid-Direttiva 2005/56, mid-Direttiva 2011/35 jew mis-Sitt Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1982, ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(ġ) tat-Trattat dwar id-diviżjoni ta’ kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata [ ( 11 )], jirriżultaw prinċipji rigward ir-regoli ta’ kunflitt li għandhom jiġu applikati, u b’mod partikolari rigward il-punt dwar jekk il-liġi applikabbli hijiex il-liġi nazzjonali tal-Istat tal-kumpannija inkorporata jew il-liġi nazzjonali tal-kumpannija li qed twettaq l-inkorporazzjoni, jew jekk humiex ir-regoli nazzjonali dwar kunflitt li għandhom jiddeċiedu ma’ liema regoli sostantivi nazzjonali s-sitwazzjoni inkwistjoni hija marbuta?

    6)

    L-Artikolu 15 tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 78/855, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ inkorporazzjoni transkonfinali, il-persuna li toħroġ l-azzjonijiet [twettaq il-ħruġ] tista’, fil-konfront tad-detenturi ta’ titoli, għajr azzjonijiet li magħhom huma marbuta drittijiet speċjali, b’mod partikolari fil-każ ta’ self subordinat, ittemm ir-relazzjoni ġuridika u tħallas lid-detenturi?

    7)

    Ir-risposta hija l-istess fil-każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/35?”

    IV – L-analiżi tiegħi

    28.

    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament Ruma-I, dan tal-aħħar japplika għal kuntratti konklużi fis-17 ta’ Diċembru 2009 u wara din id-data.

    29.

    Skont il-kliem tal-Artikolu 33 tiegħu, id-Direttiva 2011/35 daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2011.

    30.

    Għalhekk, dawn iż-żewġ testi mhumiex applikabbli għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali.

    31.

    Is-Sitt Direttiva 82/891 tirregola d-diviżjonijiet ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata. Peress li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-amalgamazzjoni ta’ dawn il-kumpanniji, din id-direttiva mhix rilevanti għar-riżoluzzjoni ta’ din it-tilwima.

    32.

    Għalhekk, inqis li mhux meħtieġ li nirrispondi għat-tieni, għat-tielet u għas-seba’ domanda kif ukoll għall-ħames domanda peress li din tikkonċerna s-Sitt Direttiva 82/891 u d-Direttiva 2011/35.

    33.

    Għal dak li għandu x’jaqsam mal-mertu tad-dritt li l-interpretazzjoni tiegħu qed tiġi sottomesssa lill-Qorti tal-Ġustizzja, jidhirli li s-soluzzjoni tiddependi fuq in-natura reali ta’ din il-forma partikolari ta’ finanzjament tal-impriżi, li dawn l-obbligi subordinati jikkostitwixxu.

    34.

    Il-prinċipju tat-titolu subordinat inkwistjoni jikkonsisti, għal dak li jkun qed jinvesti, fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-emittent, ta’ fondi għal perijodu partikolarment twil, f’dan il-każ ta’ 25 sena ( 12 ). Ir-remunerazzjoni, ta’ ammont li huwa ogħla minn dak ta’ self ordinarju, jagħmel tajjeb kemm għall-medda twila ta’ żmien li matulu l-kapital investit ser ikun fiss, kif ukoll għar-riskju li jirriżulta minn dan, għal dak li għandu x’jaqsam mar-rimbors tiegħu. Fil-fatt, il-ħlas tal-kapital ma jistax jitwettaq ħlief wara li l-kredituri l-oħra, anke dawk li ma għandhomx garanzija, ikunu diġà tħallsu.

    35.

    It-tul ta’ żmien pattwit li matulu l-kapital investit ser ikun fiss, jiġġenera, mingħajr dubju, riskju għal dak li għandu x’jaqsam mas-sitwazzjoni tal-kumpannija fil-ġejjieni fi tmiem ta’ perijodi daqstant twal, jekk mhux ukoll, xi drabi, indefiniti.

    36.

    Dan jagħti lok, fl-opinjoni tiegħi, għal żewġ konsegwenzi differenti iżda komplementari, waħda fir-rigward tal-investitur u l-oħra fir-rigward tal-emittent. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-investitur, il-kuntratt huwa ċertament aleatorju. Min jaf jekk fi żmien 25 sena, il-kumpannija tkunx għadha teżisti u jekk tkunx għadha fi stat ta’ solvenza? Għal dak li għandu x’jaqsam mal-emittent, il-fondi miksuba ser ikunu fissi fuq medda ta’ tul ta’ żmien u ser jiġu meqjusa bħala tali. Peress li dawn id-djun mhumiex għal żmien qasir, ser jippermettu lil emittent itejjeb l-istruttura tal-karta tal-bilanċ tiegħu, daqslikieku kienu fondi proprji, anke jekk ma jikkorrispondux għad-definizzjoni legali ta’ dawn tal-aħħar.

    37.

    Bħala opinjoni ġenerali, nista’ nqis li l-osservazzjonijiet differenti li jirriżultaw mid-duttrina jwasslu għall-konklużjoni ta’ nuqqas ta’ qbil kunċettwali f’qasam li huwa ’l bogħod milli jkun armonizzat.

    38.

    Għal din ir-raġuni, inqis li għandi nsejjes ruħi fuq in-natura, fil-fatt, sui generis ta’ dan il-kuntratt partikolari u nosserva li l-perijodu, min-naħa, u n-natura aleatorja tal-investiment, min-naħa l-oħra, jagħtu lill-fondi meqjusa n-natura ta’ fondi proprji, anke jekk, għall-eżattezza, nippreferi li nikklassifikahom bħala “fondi proprji komplementari”, li hija l-klassifikazzjoni pprovduta mill-Kumitat ta’ Basel ( 13 ).

    39.

    Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, mhux ikkontestati fuq dan il-punt waqt is-seduta, Sparkassen Versicherung tindika li “ [mill-klawżola relatata mal-ħlas], kif ukoll mid-dispożizzjonijiet relatati mal-kundizzjonijiet ta’ ħruġ, jirriżulta li t-titoli inkwistjoni huma fondi proprji Lower Tier 2 fis-sens tal-prattika tas-sorveljanza bankarja u tal-ħruġ, b’applikazzjoni tal-ftehim ta’ Basel I u II” ( 14 ). It-titoli Lower Tier 2 huma meqjusa bħala fondi proprji komplementari mill-Kumitat ta’ Basel għall-kontroll bankarju ( 15 ).

    40.

    In-natura tal-fondi proprji hija rrinforzata permezz tan-natura aleatorja tal-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni, inkwantu, f’każ li l-pagamenti ma jibqgħux jitħallsu jew f’każ ta’ stralċ, dawn il-fondi proprji ma għandhomx għalfejn jiġu rrimborsati sakemm it-totalità tal-kredituri l-oħra ma jkunux tħallsu qabilhom, biex b’hekk il-massa tad-djun titħaffef bl-ammont korrispondenti.

    41.

    Jekk il-kumpannija hija f’sitwazzjoni fejn ir-rimbors tal-imsemmija fondi proprji mhux prevedibbli, it-telf tagħhom ikun jikkostitwixxi, għall-investitur, it-twettiq tar-riskju intrinsiku tal-kuntratt innifsu u, mid-definizzjoni tiegħu stess, ma tista’ titressaq l-ebda talba. L-għajbien tal-fondi, riżultat eventwali tal-kuntratt aleatorju konkluż, iġib miegħu, fil-fatt, l-għajbien tad-dejn u b’hekk ma jkunx hekk iktar lok li titqajjem il-kwistjoni tal-liġi applikabbli.

    42.

    Il-kwistjoni kollha għalhekk hija dik li jiġi stabbilit jekk, fil-mument tal-amalgamazzjoni, kienx hemm dejn li kien għadu jeżisti favur Sparkassen Versicherung, li jirriżulta mis-sottoskrizzjoni tal-obbligi subordinati u, għalhekk, li jiġi ddeterminat jekk, fil-mument ta’ din l-amalgamazzjoni, il-qagħda tal-kumpannija li wettqet il-ħruġ kinitx turi l-eżistenza tal-fondi inkwistjoni. Fil-fatt, anke jekk huwa ċar li l-amalgamazzjoni ma ġġibx magħha l-istralċ tal-kumpannija li ġiet inkorporata, li madankollu ġiet xolta, jidher li huwa meħtieġ li, fil-mument tal-amalgamazzjoni-inkorporazzjoni, l-ammont tal-attiv u l-passiv li għadda għand il-kumpannija li wettqet l-inkorporazzjoni jiġi stabbilit, li normalment għandu jkun fil-mira ta’ studju approfondit mill-awdituri. Jidhirli li tkun kawtela tajba jekk f’sitwazzjoni bħal din isiru l-kontijiet, anke jekk dan iservi biss sabiex jiġi evitat li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi mingħajr valur li fil-fatt ikunu jikkostitwixxu attivi fittizji.

    43.

    L-għajbien tad-dejn, li bl-ebda mod ma huwa imprevedibbli fil-ħajja ta’ kumpannija, u li l-okkorrenza tiegħu għaldaqstant twassal għal eżitu sfavorevoli, anke f’data antiċipata meta mqabbla mat-terminu inizjalment pattwit, jidhirli li jagħmel parti mir-riskju inerenti għal dan it-tip ta’ kuntratt.

    44.

    Kif diġà ntqal fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din l-evalwazzjoni jidher li saret sabiex twassal għall-konklużjoni li l-valur tal-imsemmija titoli li jirrappreżentaw l-investiment inkwistjoni kien ekwivalenti għal żero.

    45.

    Madankollu, f’dak li jikkonċerna kwistjoni ta’ fatt, ikun il-kompitu tal-qorti nazzjonali li tistabbilixxi jekk il-fondi proprji komplementari kkostitwiti b’dan il-mod kinux fil-kumpannija li ġiet inkorporata fil-mument tal-amalgamazzjoni.

    46.

    Huwa meħtieġ, madankollu, li titqies l-ipoteżi li l-kumpannija li ġiet inkorporata kienet fi stat ta’ solvenza.

    47.

    Kieku dan kien il-każ, allura tkun tqum, fil-fatt, il-kwistjoni tal-liġi applikabbli għall-kawża prinċipali. Inkwantu, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2005/56, l-amalgamazzjoni transkonfinali ġġib magħha, mid-data li fiha din l-amalgamazzjoni ssir effettiva, it-trasferiment tal-patrimonju kollu attiv u passiv tal-kumpannija li qed tiġi inkorporata, lil kumpannija li qed twettaq l-inkorporazzjoni ( 16 ), din l-aħħar kumpannija ssir l-aventi kawża universali tal-ewwel waħda, u b’hekk tassumi l-kuntratti kollha tagħha konklużi qabel l-amalgamazzjoni, mingħajr ma dan iġib miegħu novazzjoni. Għalhekk, il-liġi magħżula mill-partijiet fil-mument tal-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti, tibqa’ l-liġi applikabbli għat-tilwima, jiġifieri, fil-kawża preżenti, il-liġi Ġermaniża.

    48.

    Għalhekk, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni transkonfinali, kuntratti bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali konklużi mill-kumpannija li qed tiġi inkorporata, jiġu ttrasferiti lill-kumpannija li qed twettaq l-inkorporazzjoni, li jwassal għall-applikazzjoni tal-liġi magħżula mill-partijiet fil-mument tal-konklużjoni inizjali ta’ dawn il-kuntratti.

    49.

    Barra minn hekk, jekk ikun hemm xi ammonti dovuti bħala interessi li kienu mmaturaw u ma tħallsux qabel l-għajbien tal-fondi proprji u komplementari tal-kumpannija li wettqet il-ħruġ, id-dejn riżultanti għandu jibbenefika minn protezzjoni li hija ekwivalenti għal dik li tirriżulta mill-kuntratt inizjali u suġġetta għall-istess riskji. Skont l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2005/56, kumpannija li tkun qed tipparteċipa f’amalgamazzjoni transkonfinali għandha tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet u mal-formalitajiet tal-liġi nazzjonali li taħtha tkun taqa’, peress li dawn id-dispożizzjonijiet u dawn il-formalitajiet jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-kredituri tal-kumpanniji li jkunu qed jiġu amalgamati ( 17 ). Inkwantu l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ruħhom mal-Artikoli 13 sa 15 tat-Tielet Direttiva 78/855 dwar il-protezzjoni tal-kreditur fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni nazzjonali, niddeduċi, minn dan, li d-Direttiva 2005/56 qed tagħmel riferiment għal dawn id-diżpozizzjonijiet u li l-kredituri, fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni transkonfinali, għandhom igawdu mill-istess protezzjoni bħall-kredituri f’amalgamazzjoni nazzjonali. B’mod iktar preċiż, fost l-imsemmija dispożizzjonijiet, huwa biss l-Artikolu 13 tat-Tielet Direttiva 78/855 li jidhirli li huwa applikabbli għat-tip ta’ obbligu inkwistjoni, minħabba n-natura partikolari ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jestendi dan l-Artikolu 13 għall-każ tal-obbligi sempliċi, li ma jistgħux jiġu assimilati għad-detenturi tal-obbligi subordinati.

    50.

    L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva jikkonċerna, min-naħa tiegħu, it-titoli għajr l-azzjonijiet li għandhom drittijiet speċjali. Id-detenturi ta’ dawn it-titoli jgawdu minn dritt ta’ protezzjoni li għall-inqas hija ekwivalenti għal dik li minnha kienu jibbenefikaw qabel l-amalgamazzjoni, u għalhekk hija potenzjalment iktar estiża. Minħabba n-natura proprja tat-titoli inkwistjoni, din id-dispożizzjoni ma tistax tapplika fil-konfront tagħhom. Fil-fatt, it-tip ta’ obbligu kkonċernat ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jikklassifika bħala titoli “li għandhom magħhom drittijiet speċjali”, peress li n-natura speċifika tagħhom tikkonċedi drittijiet li huma partikolarment favorevoli għall-emittent u mhux għas-sottoskrittur. L-inverżjoni ta’ dan l-iżbilanċ, anke jekk unikament fir-rigward tal-ħlas tal-interessi li l-modalitajiet għall-pagament tagħhom jiddependu fuq l-istruttura stess tal-kuntratt, twassal hawnhekk għat-tibdil ta’ dan tal-aħħar.

    51.

    Madankollu, huwa indispensabbli li n-natura tal-kuntratt inizjali tat-tip bħal dawk hawnhekk eżaminati, tiġi għalkollox konservata, peress li fin-nuqqas ta’ dan, isseħħ in-novazzjoni li mid-definizzoni tagħha stess hija estranja għall-amalgamazzjoni, peress li hija inkompatibbli mal-kwalità ta’ aventi kawża universali tal-kumpannija li tkun qed twettaq l-inkorporazzjoni.

    52.

    Fil-fatt, peress li dan il-kuntratt huwa ta’ natura aleatorja, bir-riskju jkun wieħed assunt mill-investitur, kwalunkwe garanzija li ssaħħaħ id-dejn, twassal sabiex tnaqqas, jekk mhux anke telimina r-riskju u għalhekk tbiddel in-natura tal-kuntratt inizjali u potenzjalment dik tal-fondi kkostitwiti b’dan il-mod u tad-drittijiet marbuta miegħu.

    53.

    Għalhekk, bħala eżempju, tkun liema tkun ir-regola ta’ kunflitt ta’ liġi applikabbli, ma tistax twassal għall-eżitu li jista’ jirriżulta mill-Artikolu 226(1) tal-AktG, li jistabbilixxi, f’ċerti każijiet, li l-kreditur li ma setax jiġi rrimborsat, jista’ jitlob il-garanziji jekk jagħti prova li l-amalgamazzjoni tikkostitwixxi riskju għar-rimbors tiegħu.

    54.

    Bl-istess mod, għal dak li għandu x’jaqsam mal-inkorporazzjoni ta’ kumpannija fi stat ta’ solvenza, il-possibbiltà għal parti jew għal oħra fil-kuntratt ta’ ħruġ, li teżiġi t-terminazzjoni ta’ dan tal-aħħar f’każ ta’ amalgamazzjoni ulterjuri, ma tistax tirriżulta jekk mhux permezz ta’ stipulazzjoni espressa fl-imsemmi kuntratt fil-mument tal-konklużjoni inizjali tiegħu, stipulazzjoni li, fi kwalunkwe każ, ma tistax issir meta s-sitwazzjoni tat-telf tal-fondi proprji tkun seħħet qabel l-amalgamazzjoni inkwistjoni.

    55.

    Għalhekk, fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, inqis li l-Artikolu 4(1) u (2) tat-Tielet Direttiva 2005/56, moqri inkonnessjoni mal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 78/855, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-djun naxxenti minn strumenti finanzjarji bħalma huma l-obbligi subordinati inwkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jgawdu biss, minħabba n-natura tagħhom, minn protezzjoni ekwivalenti għal dik li minnha kienu jibbenefikaw qabel l-amalgamazzjoni transkonfinali.

    V – Konklużjoni

    56.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema):

    Meta, fl-amalgamazzjoni, il-kumpannija li qed tiġi inkorporata tkun għamlet użu mill-ħruġ ta’ obbligi subordinati, li jkunu tat-tip bħal dawk eżaminati fil-kawża prinċipali, dawn tal-aħħar ma jiġux trażmessi lill-kumpannija li qed twettaq l-inkorporazzjoni, ħlief jekk fil-mument tal-amalgamazzjoni, il-fondi komplementari tagħha riżultanti hekk ikkostitwiti kienu għadhom jeżistu, li huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tivverifika.

    Fl-affermattiv, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar mergers transkonfinali ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni transkonfinali, kuntratti bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali konklużi mill-kumpannija li qed tiġi inkorporata, jiġu ttrasferiti lill-kumpannija li qed twettaq l-inkorporazzjoni, li jwassal għall-applikazzjoni tal-liġi magħżula mill-partijiet fil-mument tal-konklużjoni inizjali ta’ dawn il-kuntratti.

    L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2005/56, moqri inkonnessjoni mal-Artikolu 13(1) tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill, tad-9 ta’ Ottubru 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(ġ) tat-Trattat dwar l-għaqda ta’ kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-djun naxxenti minn strumenti finanzjarji bħalma huma l-obbligi subordinati inwkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jgawdu biss, minħabba n-natura tagħhom, minn protezzjoni ekwivalenti għal dik li minnha kienu jibbenefikaw qabel l-amalgamazzjoni transkonfinali.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar mergers transkonfinali ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata (ĠU L 310, p. 1).

    ( 3 ) It-Tielet Direttiva tal-Kunsill, tad-9 ta’ Ottubru 1978, ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(ġ) tat-Trattat dwar l-għaqda ta’ kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 42).

    ( 4 ) ĠU C 169 tat-8.7.2005, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”.

    ( 5 ) ĠU L 177, p. 6, u rettifika ĠU 2009, L 309, p. 87, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma-I”.

    ( 6 ) It-tielet u r-raba’ premessa ta’ din id-direttiva.

    ( 7 ) Is-sitt premessa tal-imsemmija direttiva.

    ( 8 ) ĠU L 110, p. 1.

    ( 9 ) Ara l-premessa 1 ta’ din id-direttiva.

    ( 10 ) BGBl. I, 98/1965, p. 1089.

    ( 11 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 50.

    ( 12 ) Ara l-annessi tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Sparkassen Versicherung.

    ( 13 ) Il-Kumitat ta’ Basel twaqqaf fl-1974. Huwa nkarigat mit-tisħiħ tas-solidità tas-sistema finanzjarja dinjija kif ukoll mill-effikaċja tal-kontroll kawt u tal-kooperazzjoni bejn ir-regolaturi bankarji (https://acpr.banque-france.fr/international/la-cooperation-au-niveau-international/les-instances-internationales/secteur-banque/le-comite-de-bale.html).

    ( 14 ) Ara l-punt 5 ta’ dawn l-osservazzjonijiet.

    ( 15 ) Ara p. 15 tad-dokument tal-Kumitat ta’ Basel dwar il-kontroll bankarju, intitolat “Konverġenza internazzjonali tal-miżura u tan-normi tal-fondi proprji”, [traduzzjoni mhux uffiċjali] disponibbli fl-indirizz tal-internet http://www.bis.org/publ/bcbs128fre.pdf.

    ( 16 ) Ara wkoll l-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva li jindika, b’mod partikolari, li “merger” tfisser operazzjoni li biha kumpannija waħda jew iktar, meta jiġu xolti mingħajr likwidazzjoni, jittrasferixxu l-attiv u l-passiv kollu tagħhom lil kumpannija oħra eżistenti.

    ( 17 ) Il-premessa 3 ta’ din id-direttiva tindika li “kull kumpannija li tieħu sehem f’merger transkonfinali, u kull terza parti kkonċernata, tibqa’ suġġetta għad-dispożizzjonijiet u l-formalitajiet tal-liġi nazzjonali li tkun applikabbli fil-każ ta’ merger nazzjonali”.

    Fuq