Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0219

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-11 ta’ Novembru 2015.
    Kathleen Greenfield vs The Care Bureau Ltd.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Employment Tribunal Birmingham.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ftehim qafas dwar xogħol part-time – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Dritt għal-leave annwali bil-ħlas – Kalkolu tad-drittijiet għal leave f’każ ta’ żieda fil-ħin tax-xogħol – Interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ pro rata temporis.
    Kawża C-219/14.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:745

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    11 ta’ Novembru 2015 ( * )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Ftehim qafas dwar xogħol part-time — Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol — Direttiva 2003/88/KE — Dritt għal-leave annwali bil-ħlas — Kalkolu tad-drittijiet għal leave f’każ ta’ żieda fil-ħin tax-xogħol — Interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ pro rata temporis”

    Fil-Kawża C‑219/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Employment Tribunal Birmingham (Tribunal industrijali ta’ Birmingham, ir-Renju Unit) permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ April 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Mejju 2014, fil-proċedura

    Kathleen Greenfield

    vs

    The Care Bureau Ltd,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Għaxar Awla, li qed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, A. Borg Barthet u S. Rodin, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Settembru 2015,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal The Care Bureau Ltd, minn I. Pettifer, solicitor,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie, bħala aġent, assistit minn G. Facenna, barrister,

    għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

    għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. de Ree, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u J. Enegren, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Klawżola 4(2) tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas dwar xogħol part-time”), li jinsab anness mad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE, tas-7 ta’ April 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 278), u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn K. Greenfield u The Care Bureau Ldt (iktar ’il quddiem “Care”) dwar il-kalkolu tal-allowance finanzjarja għal-leave annwali bil-ħlas mhux meħud li K. Greenfield tqis li għandha dritt għalih wara t-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprovdi:

    “1.

    Fejn għandhom x’jaqsmu il-kondizzjonijiet tax-xogħol, ħaddiema part-time m’għandhomx jiġu ttrattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full‑time ta’ l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat.

    2.

    Meta approprjat, il-prinċipju tal-pro rata temporis għandu japplika.”

    4

    Il-Klawżola 6(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time tipprovdi:

    5

    Skont il-premessa 5 tad-Direttiva 2003/88:

    6

    L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2033/88, intitolat “Leave annwali”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

    2.   Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

    7

    L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, intitolat “Disposizzjonijiet l-aktar favorevoli”, jipprovdi:

    “Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema jew li jiffaċilitaw jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv jew ta’ ftehim oħrajn konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija li huma aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.”

    8

    L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 jistabbilixxi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Madankollu, ma hija permessa ebda deroga fir-rigward tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

    Id-dritt tar-Renju Unit

    9

    Ir-Regolament tal-1998 dwar il-ħin tax-xogħol (Working Time Regulations 1998, SI 1998/1833), kif emendat mir-Regolament li jemenda tal-2007 [Working Time (Amendment) Regulations 2007, SI 2007/2079, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-ħin tax-xogħol”], jipprovdi, fl-Artikolu 13 tiegħu, dwar id-dritt għal-leave annwali:

    “1)

    Bla ħsara għall-paragrafu 5, ħaddiem għandu dritt għal erba’ ġimgħat ta’ leave annwali matul kull sena ta’ leave.

    [...]

    5)

    Meta d-data li fiha jibda l-kuntratt ta’ xogħol tkun iktar tard mid-data meta (permezz ta’ ftehim rilevanti) tibda l-ewwel sena ta’ leave tiegħu, il-leave li l-ħaddiem ikun intitolat għalih f’dik is-sena ta’ leave huwa proporzjon tal-perijodu applikabbli skont il-[paragrafu 1], ugwali għall-proporzjon ta’ dik is-sena ta’ leave li jkun fadal fid-data li fiha l-kuntratt tiegħu ikun beda.”

    10

    L-Artikolu 13(a) tar-Regolament dwar il-ħin tax-xogħol jipprovdi:

    “1)   Bla ħsara għall-paragrafi 3 u 5 tal-Artikolu 26(a), ħaddiem għandu dritt, matul kull sena ta’ leave, għal perijodu ta’ leave addizzjonali stabbilit konformement mal-paragrafu 2.

    2)   Il-perijodu ta’ leave addizzjonali li għandu dritt għalih ħaddiem skont il-paragrafu (1) huwa:

    a)

    matul is-sena ta’ leave kollha li tibda fl-1 ta’ Ottubru 2007 jew wara, iżda qabel l-1 ta’ April 2008, ta’ 0.8 ġimgħa;

    b)

    matul is-sena ta’ leave kollha li tibda qabel l-1 ta’ Ottubru 2007, ta’ parti minn 0.8 ġimgħa proporzjonali għat-tul tas-sena li tibda fl-1 ta’ Ottubru 2007 li tkun għaddiet fl-aħħar ta’ din is-sena ta’ leave;

    c)

    matul is-sena ta’ leave kollha li tibda fl-1 ta’ April 2008, ta’ 0.8 ġimgħa;

    d)

    matul is-sena ta’ leave kollha li tibda wara l-1 ta’ April 2008, iżda qabel l-1 ta’ April 2009, ta’ 0.8 ġimgħa u ta’ parti minn 0.8 ġimgħa addizjonali proporzjonali għat-tul ta’ sena li tibda fl-1 ta’ April 2009 li tkun għaddiet fl-aħħar ta’ din is-sena ta’ leave;

    e)

    matul is-sena ta’ leave kollha li tibda fl-1 ta’ April 2009 jew wara, ta’ 1.6 ġimgħa.

    3)   It-total tad-drittijiet previsti fil-paragrafu 2 u fl-Artikolu 13(1), huwa limitat għal 28 ġurnata.

    4)   Għal finijiet ta’ dan l-artikolu, is-sena ta’ leave ta’ ħaddiem tibda fl-istess data bħal dik ta’ meta tibda s-sena ta’ leave tal-ħaddiem għall-finijiet tal-Artikolu 13.

    5)   Meta d-data li fiha jibda l-kuntratt ta’ xogħol ta’ ħaddiem tkun iktar tard mid-data meta tibda l-ewwel sena ta’ leave tiegħu, il-leave addizzjonali li jkun intitolat għalih il-ħaddiem f’dik is-sena ta’ leave huwa ugwali għall-parti mit-tul previst fil-paragrafu 2 proporzjonali għal tul ta’ sena ta’ leave li jkun fadal fid-data li fiha l-kuntratt tiegħu ikun beda.

    [...]”

    11

    Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar il-ħin tax-xogħol:

    “1)   Dan l-Artikolu japplika meta: a) il-kuntratt ta’ xogħol jiġi tterminat matul is-sena ta’ leave tal-ħaddiem, u b) fid-data meta t-terminazzjoni tal-kuntratt tidħol fis-seħħ (id-data tat-tmiem tal-kuntratt), il-proporzjon li l-ħaddiem ikun ħa mil-leave meta mqabbel ma’ dak li għalih hu intitolat skont [l-Artikolu 13 u l-Artikolu 13(a)] fis-sena ta’ leave ikun differenti mill-proporzjon tas-sena ta’ leave li tkun għaddiet.

    2)   Meta l-proporzjon ta’ leave li jkun ittieħed mill-ħaddiem huwa inqas mill-proporzjon tas-sena ta’ leave li tkun għaddiet, il-persuna li timpjegah tista’ tħallsu allowance bħala kumpens għal-leave mħallas b’mod konformi mal-paragrafu (3).

    3)   Il-ħlas dovut skont il-paragrafu (2) għandu jkun:

    a)

    is-somma prevista għall-finijiet ta’ dan l-artikolu permezz ta’ ftehim speċifiku jew,

    b)

    fin-nuqqas tad-dispożizzjonijiet applikabbli ta’ ftehim speċifiku, somma ugwali għall-ammont li kien ikun dovut lill-ħaddiem skont l-Artikolu 16 għall-perijodu ta’ leave stabbilit skont il-formula (A x B) - C: A tkun it-tul tal-leave li jkollu dritt għalih il-ħaddiem skont [l-Artikolu 13 u l-Artikolu 13(a)]; B tkun il-parti tas-sena ta’ leave tal-ħaddiem li skadiet qabel id-data tat-tmiem tal-kuntratt, u C tkun it-tul tal-leave meħud mill-ħaddiem bejn il-bidu tas-sena ta’ leave u d-data tat-tmiem tal-kuntratt.

    4)   Ftehim speċifiku jista’ jipprovdi li meta l-parti tal-leave meħuda mill-ħaddiem teċċedi l-parti tas-sena ta’ leave li skadiet, huwa għandu jikkumpensa lill-persuna li timpjegah permezz ta’ ħlas, jew jagħmel xogħol addizzjonali jew mod ieħor.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12

    K. Greenfield kienet impjegata ta’ Care mill-15 ta’ Ġunju 2009. Hija kienet taħdem bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ xogħol li fih kien previst li s-sigħat u l-ġranet ta’ xogħol kienu jvarjaw minn ġimgħa għall-oħra. Ir-remunerazzjoni dovuta għal kull ġimgħa kienet tvarja skont in-numru ta’ ġranet u ta’ sigħat ta’ xogħol li jkunu twettqu.

    13

    Bis-saħħa kemm tad-dritt tar-Renju Unit kif ukoll ta’ dan il-kuntratt ta’ xogħol, K. Greenfield kellha dritt għal 5.6 ġimgħat ta’ leave kull sena. Is-sena ta’ leave għall-kalkolu tal-leave tagħha kienet bdiet fil-15 ta’ Ġunju.

    14

    K. Greenfield telqet minn Care fit-28 ta’ Mejju 2013. Ma huwiex ikkontestat li hija kienet ħadet 7 ijiem leave mħallas matul l-aħħar sena ta’ leave. Hija kienet ħadmet total ta’ 1729.5 sigħat u kienet ibbenefikat minn leave imħallas għal total ta’ 62.84 siegħa.

    15

    K. Greenfield kienet ħadet dawn is-sebat ijiem ta’ leave mħallas matul ix-xahar ta’ Lulju 2012. Matul it-tnax-il ġimgħa li kienu jippreċedu immedjatament dan il-leave, ir-ritmu ta’ xogħol tagħha kien ta’ ġurnata fil-ġimgħa.

    16

    Mix-xahar ta’ Awwissu 2012, K. Greenfield bdiet taħdem skont ir-ritmu ta’ xogħol ta’ tnax-il ġurnata sħiħa u jumejn ta’ mistrieħ meħuda bħala weekend, ġimgħa iva u ġimgħa le. Dan ir-ritmu kien jikkorrispondi għal medja ta’ 41.1 siegħa ta’ xogħol fil-ġimgħa. Kien ġie stipulat minn Care li s-sigħat kollha ta’ xogħol ta’ K. Greenfield, inkluż is-sigħat supplimentari, ser jintużaw għall-kalkolu tad-drittijiet għal-leave annwali bil-ħlas mill-persuna interessata.

    17

    Fix-xahar ta’ Novembru 2012, K. Greenfield talbet ġimgħa leave mħallas. Care informatha li, fid-dawl tal-jiem ta’ leave li kienet ħadet matul ix-xahar ta’ Ġunju u dak ta’ Lulju 2012, hija kienet eżawriet id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas tagħha. Id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas kien ikkalkolat fid-data li fiha l-leave ttieħed u dan abbażi tar-ritmu ta’ xogħol matul il-perijodu ta’ tnax-il ġimgħa ta’ qabel ma ttieħed il-leave. Peress li K. Greenfield kienet ħadet il-leave tagħha f’mument meta r-ritmu ta’ xogħol kien ta’ ġurnata fil-ġimgħa, hija kienet ħadet l-ekwivalenti ta’ seba’ ġimgħat ta’ leave mħallsa u, għalhekk, kienet eżawriet id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas tagħha.

    18

    Peress li qieset li kellha dritt għal kumpens għal leave mħallas li ma tteħidx, K. Greenfield ħadet azzjoni kontra l-persuna li timpjegaha quddiem l-Employment Tribunal Birmingham (Tribunal industrijali ta’ Birmingham), li laqa’ t-talba tagħha.

    19

    Fid-29 ta’ Awwissu 2013, Care talbet lill-Employment Tribunal Birmingham (Tribunal industrijali ta’ Birmingham) sabiex jipprovdi r-raġunijiet tiegħu bil-miktub. Fit-8 ta’ Ottubru 2013, dan it-tribunal ippropona li jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu minħabba l-fatt li s-sitwazzjoni legali inkwistjoni kienet suffiċjentement inċerta sabiex rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja jkun meħtieġ. Wara s-sottomissjoni, mill-partijiet, tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-Employment Tribunal Birmingham (Tribunal industrijali ta’ Birmingham) madankollu qies li tali rinviju ma kienx neċessarju u pprovda bil-miktub ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

    20

    Fid-19 ta’ Diċembru 2013, Care appellat minn din id-deċiżjoni quddiem l-Employment Appeal Tribunal (Tribunal tal-Appell industrijali), li ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Employment Tribunal Birmingham (Tribunal industrijali ta’ Birmingham).

    21

    Fl-istess ħin, jiġifieri fit-12 ta’ Diċembru 2013, Care kienet talbet lill-Employment Tribunal Birmingham (Tribunal industrijali ta’ Birmingham) sabiex jeżamina mill-ġdid is-sentenza tiegħu. Dan it-tribunal laqa’ din it-talba waqt is-seduta tal-24 ta’ Frar 2014 u rrevoka din is-sentenza, minn naħa, minħabba fi żball ta’ kalkolu li kien fiha u, min-naħa l-oħra, sabiex jagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    22

    Quddiem l-Employment Tribunal Birmingham (Tribunal industrijali ta’ Birmingham), K. Greenfield sostniet li d-dritt nazzjonali, moqri flimkien mad-dritt tal-Unjoni, jimponi li leave diġà akkumulat u meħud jiġi kkalkolat mill-ġdid retroattivament u aġġustat skont iż-żieda tan-numru ta’ sigħat ta’ xogħol, pereżempju wara li xogħol part-time isir full-time, sabiex ikun proporzjonali għan-numru l-ġdid ta’ sigħat ta’ xogħol u mhux għan-numru ta’ sigħat ta’ xogħol li twettqu fid-data meta ttieħed il-leave.

    23

    Care ssostni li d-dritt tal-Unjoni ma jipprovdix għal din il-possibbiltà li jsir kalkolu mill-ġdid u li l-Istati Membri ma humiex għaldaqstant obbligati li jintroduċu tali aġġustament fid-dritt nazzjonali.

    24

    Peress li kellu dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kawża li tressqet quddiemu, l-Employment Tribunal Birmingham (Tribunal industrijali ta’ Birmingham) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Il-prinċipju ta’ “pro rata temporis”, imsemmi fil-Klawżola 4(2) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali [bħall-Artikoli] 13, 13A u 14 tar-Regolamenti dwar il-ħin tax-xogħol ikollha l-effett, fil-każ ta’ żieda fis-sigħat tax-xogħol ta’ impjegat, li l-ammont ta’ leave diġà akkumulat jiġi aġġustat proporzjonalment għas-sigħat tax-xogħol il-ġodda, bir-riżultat li l-ħaddiem li jżid is-sigħat tax-xogħol tiegħu jkollu dritt li l-leave miksub jiġi kkalkolat mill-ġdid abbażi tas-sigħat addizzjonali tiegħu?

    2)

    Il-Klawżola 4(2) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time jew l-Artikolu 7 tad-Direttiva [2003/88] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali [bħall-Artikoli] 13, 13A u 14 tar‑Regolamenti dwar il-ħin tax-xogħol ikollha l-effett, fil-każ ta’ żieda fis-sigħat tax-xogħol ta’ impjegat, li l-ammont ta’ leave diġà akkumulat jiġi aġġustat proporzjonalment għas-sigħat tax-xogħol il-ġodda, bir-riżultat li l-ħaddiem li jżid is-sigħat tax-xogħol tiegħu jkollu dritt li l-leave miksub jiġi kkalkolat mill-ġdid abbażi tas-sigħat tax-xogħol il-ġodda?

    3)

    Jekk id-domandi (1) u/jew (2) jingħataw risposta affermattiva, il-kalkolu mill-ġdid japplika biss għall-porzjon tas-sena ta’ referenza [sena ta’ leave] għall-kalkolu tal-leave li matulha l-impjegat ħadem sigħat addizzjonali jew għal perijodu ieħor?

    4)

    Fil-kalkolu tal-perijodu ta’ leave meħud minn ħaddiem, il-Klawżola 4(2) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time jew l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeżiġu li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali [bħall-Artikoli] 13, 13A u 14 tar-Regolamenti dwar il-ħin tax-xogħol ikollha l-effett li jiġi adottat approċċ differenti skont jekk tiġix ikkalkolata allowance kumpensatorja tad-dritt għal leave annwali fi tmiem ir-relazzjoni tax-xogħol jew jiġix ikkalkolat id-dritt għal leave annwali li jkun għad fadal fil-każ li tinżamm ir-relazzjoni tax-xogħol?

    5)

    Jekk id-domanda (4) tingħata risposta affermattiva, x’inhi d-differenza fl-approċċ li għandu jiġi adottat?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel sat-tielet domandi

    25

    Permezz tal-ewwel sat-tielet domandi tagħha, li huwa xieraq li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk il-Klawżola 4(2) tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, f’każ ta’ żieda fin-numru ta’ sigħat ta’ xogħol imwettqa minn ħaddiem, l-Istati Membri għandhomx l-obbligu jew humiex ipprojbiti li jipprovdu li d-drittijiet għal-leave annwali bil-ħlas diġà akkumulati, u eventwalment meħuda, jiġu kkalkolati mill-ġdid, jekk meħtieġ retroattivament, skont ir-ritmu l-ġdid ta’ xogħol ta’ dan l-impjegat u, fil-każ fejn hemm bżonn ta’ kalkolu mill-ġdid, jekk dan jirrigwardax biss il-perijodu li matulu l-ħin ta’ xogħol tal-imsemmi impjegat kien żdied jew is-sena ta’ leave kollha.

    26

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas ta’ kull ħaddiem għandu jitqies bħala prinċipju ta’ dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari, li ma tista’ ssir l-ebda deroga minnu, u li l-implementazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tista’ sseħħ biss fil-limiti espressament stabbiliti (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi BECTU, C‑173/99, EU:C:2001:356, punt 43, u Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols, C‑486/08, EU:C:2010:215, punt 28).

    27

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, diversi drabi, li d-dritt għal leave annwali bil-ħlas, mogħti lil kull ħaddiem huwa, bħala prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni, espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li l-Artikolu 6(1) TUE jirrikonoxxilha l-istess valur legali bħat-trattati (ara, b’mod partikolari, sentenza Heimann u Toltschin, C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Mill-imsemmija ġurisprudenza jirriżulta, barra minn hekk, li d-dritt għal leave annwali bil-ħlas ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols, C‑486/08, EU:C:2010:215, punt 29, kif ukoll Heimann u Toltschin, C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Huwa stabbilit, barra minn hekk, li l-għan tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas huwa sabiex jippermetti lill-ħaddiem biex jistrieħ mill-eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu skont il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu (sentenza KHS, C‑214/10, EU:C:2011:761, punt 31). Għalhekk, id-drittijiet għal-leave annwali bil-ħlas huma kkostitwiti u għandhom jiġu kkalkolati skont ir-ritmu ta’ xogħol previst mill-kuntratt ta’ xogħol.

    30

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-unità ta’ ħin li fuq din il-bażi jsir il-kalkolu, hemm lok li jiġi osservat li l-unità li tissemma fid-Direttiva 2003/88 għal dak li jirrigwarda t-tul massimu fil-ġimgħa ta’ xogħol hija ta’ “siegħa”.

    31

    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 5 tad-Direttiva 2003/88, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea jqis li l-kunċett ta’ serħan użat f’din id-direttiva, b’mod partikolari dak tas-serħan annwali, għandu jiġi espress fi ġranet, f’sigħat u/jew fi frazzjonijiet ta’ ġurnata jew ta’ siegħa.

    32

    Minn dan isegwi li l-kalkolu tad-drittijiet għal-leave annwali minimu bil-ħlas għandu, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, isir skont il-ġranet jew is-sigħat u/jew il-frazzjonijiet ta’ ġurnata jew ta’ siegħa ta’ xogħol li jitwettaq u li huma previsti fil-kuntratt ta’ xogħol.

    33

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-perijodu ta’ xogħol li jirrelataw miegħu d-drittijiet għal-leave annwali bil-ħlas u l-konsegwenzi eventwali li emenda tar-ritmu ta’ xogħol, fir-rigward tan-numru ta’ sigħat ta’ xogħol, jista’ jew għandu jkollha, minn naħa, fuq it-total tad-drittijiet għal leave diġà akkumulat u, min-naħa l-oħra, fuq l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet waqt il-perijodu, hemm lok jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-teħid ta’ leave annwali waqt perijodu suċċessiv għall-perijodu li matulu d-drittijiet għall-imsemmi leave kienu ġew akkumulati, ma għandu l-ebda relazzjoni mal-ħin ta’ xogħol imwettaq mill-ħaddiem matul dan il-perijodu suċċessiv (sentenza Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols, C‑486/08, EU:C:2010:215, punt 32).

    34

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet ukoll li emenda u, b’mod partikolari, tnaqqis tal-ħin ta’ xogħol minn wieħed full-time għal xogħol part-time ma jistax inaqqas id-dritt għal-leave annwali li l-ħaddiem akkumula waqt il-perijodu ta’ xogħol full-time (sentenza Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols, C‑486/08, EU:C:2010:215, punt 32, u digriet Brandes, C‑415/12, EU:C:2013:398, punt 30).

    35

    Minn dan isegwi li, għal dak li jirrigwarda l-kostituzzjoni tad-drittijiet għal leave mħallas, għandha ssir distinzjoni fir-rigward tal-perijodi li matulhom il-ħaddiem kien jaħdem skont ritmi ta’ xogħol differenti, peress li n-numru ta’ unitajiet ta’ serħan annwali kkostitwiti skont in-numru ta’ unitajiet ta’ xogħol għandhom jiġu kkalkolati għal kull perijodu.

    36

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ pro rata temporis previst fil-Klawżola 4(2) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time.

    37

    Fil-fatt, jekk huwa minnu, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju hija xierqa għall-għoti ta’ leave annwali għall-perijodu ta’ xogħol part-time, peress li, għal tali perijodu, it-tnaqqis ta’ leave annwali meta mqabbel ma’ dak mogħti għall-perijodu ta’ xogħol full-time huwa ġġustifikat għal raġunijiet oġġettivi, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmi prinċipju ma jistax jiġi applikat ex post għal dritt għal-leave annwali akkumulat matul perijodu ta’ xogħol full-time.

    38

    Issa, għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-Klawżola 4(2) tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time u dawk tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ma jirrikjedux għalhekk li l-Istati Membri jagħmlu kalkolu mill-ġdid tad-drittijiet għal-leave annwali diġà kkostitwit, meta ħaddiem iżid in-numru ta’ sigħat tiegħu ta’ xogħol, huma lanqas ma jipprekludu li l-Istati Membri jadottaw dispożizzjonjiet iktar favorevoli għall-ħaddiema u li jagħmlu kalkolu ġdid.

    39

    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Klawżola 6(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time u mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88, dawn iż-żewġ atti, li jimplementaw biss protezzjoni minima ta’ ċerti drittijiet tal-ħaddiema, ma jillimitawx l-għażla li għandhom l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali sabiex japplikaw jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-ħaddiema u jipprovdu għal kalkolu ġdid tad-drittijiet għal leave annwali bil-ħlas.

    40

    Hemm lok li jingħad li d-distinzjoni li għandha ssir bejn ir-ritmi differenti tax-xogħol għall-kostituzzjoni tad-drittijiet għal leave annwali bil-ħlas ma għandhiex madankollu effett fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet miksuba. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, il-leave annwali miksub waqt perijodu ta’ referenza jista’ jittieħed waqt perijodu suċċessiv u l-ħin ta’ mistrieħ miksub ma jitlifx is-sinjifikat tiegħu fir-rigward tal-effett pożittiv tal-leave annwali bil-ħlas għas-sigurtà u għas-saħħa tal-ħaddiema jekk jittieħed mhux filwaqt tal-perijodu li matulu kien ġie kkostitwit u li matulu l-imsemmi ħaddiem kien jaħdem full-time, iżda waqt perijodu suċċessiv li matulu kien jaħdem part-time (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Federatie Nederlandse Vakbeweging, C‑124/05, EU:C:2006:244, punt 30, u s-sentenza KHS, C‑214/10, EU:C:2011:761, punt 32).

    41

    L-istess konklużjoni tapplika, a fortiori, meta l-leave ma jitteħidx waqt il-perijodu li matulu kien ġie kkostitwit u li matulu l-ħaddiem kien jaħdem part-time, iżda matul perijodu suċċessiv li matulu kien jaħdem full-time.

    42

    Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda, il-perijodu li l-kalkolu l-ġdid tad-drittijiet għal-leave annwali bil-ħlas għandu jirrelata miegħu, meta, bħal fil-kwistjoni prinċipali, il-ħaddiem li kien kiseb drittijiet għal leave annwali bil-ħlas matul perijodu ta’ xogħol part-time jżid in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol u jgħaddi għal xogħol full-time, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza, in-numru ta’ unitajiet ta’ serħan annwali kkostitwiti skont in-numru ta’ unitajiet ta’ xogħol għandu jiġi kkalkolat għal kull perijodu separatament.

    43

    F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni jeħtieġ, għalhekk, li jsir kalkolu mill-ġdid tad-drittijiet għal-leave annwali bil-ħlas biss għal dak li jirrigwarda il-perijodu ta’ xogħol li matulu l-ħaddiem żied in-numru ta’ sigħat tiegħu ta’ xogħol. L-unitajiet ta’ leave annwali bil-ħlas li diġà ttieħdu matul il-perijodu ta’ xogħol part-time u li jeċċedu d-drittijiet għal-leave annwali bil-ħlas ikkostitwiti matul dan l-istess perijodu għandhom jitnaqqsu mid-drittijiet il-ġodda kkostitwiti matul il-perijodu ta’ xogħol li matulu l-ħaddiem żied is-sigħat ta’ xogħol tiegħu.

    44

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel sat-tielet domandi għandha tkun li l-Klawżola 4(2) tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’każ ta’ żieda fin-numru ta’ sigħat ta’ xogħol imwettqa minn ħaddiem, l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu li jipprovdu li d-drittijiet għal-leave annwali bil-ħlas diġà akkumulati, u eventwalment meħuda, jiġu kkalkolati mill-ġdid retroattivament skont ir-ritmu l-ġdid ta’ xogħol ta’ dan il-ħaddiem. Madankollu, kalkolu ġdid għandu jsir għall-perijodu li matulu l-ħin ta’ xogħol kien żdied.

    Fuq ir-raba ’ u l-ħames domandi

    45

    Permezz tar-raba’ u tal-ħames domandi, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk il-Klawżola 4(2) tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kalkolu tad-drittijiet għal leave annwali bil-ħlas isir skont prinċipji differenti meta tiġi stabbilita l-allowance kumpensatorja għal-leave annwali bil-ħlas mhux meħud dovuta f’każ fejn ir-relazzjoni ta’ xogħol tiġi tterminata jew meta qed tiġi stabbilita l-bqija tad-drittijiet għal leave annwali bil-ħlas f’każ ta’ żamma tar-relazzjoni ta’ xogħol.

    46

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, qabel kollox, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel sat-tielet domandi, u b’differenza minn dak li jidher li qed tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, iċ-ċirkustanza dwar jekk il-kalkolu tad-drittijiet għal leave annwali bil-ħlas għandux isir matul ir-relazzjoni ta’ xogħol jew wara li din ġiet itterminata hija nieqsa minn kull effett fuq il-metodi użati għal dan il-kalkolu.

    47

    Sussegwentement, hemm lok, li jiġi speċifikat li l-kalkolu tad-drittijiet għal-leave annwali bil-ħlas isir separatament mill-kalkolu tal-allowance finanzjarja għal-leave annwali bil-ħlas mhux meħud dovut lill-ħaddiem, peress li, sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tiġi stabbilita, għandu, qabel kollox, jiġi kkalkolat l-ammont ta’ dawn id-drittijiet.

    48

    Fl-aħħar nett, hemm lok, li jitfakkar li l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2003/88 ma tistabbilixxi espressament il-mod kif l-allowance finanzjarja li tissostitwixxi l-perijodu jew perijodi minimi ta’ leave annwali mħallas għandha tiġi kkalkolata fil-każ li r-relazzjoni ta’ xogħol tkun ġiet itterminata (sentenza Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 57).

    49

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Ftehim qafas dwar xogħol part-time ma jinkludix indikazzjonijiet għal dak li jirrigwarda r-regoli għall-kalkolu ta’ dan il-kumpens.

    50

    Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-frażi “leave annwali bil-ħlas” li tinsab fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 tfisser li, tul il-perijodu ta’ leave annwali, fis-sens ta’ din id-direttiva, ir-remunerazzjoni għandha tibqa’ titħallas u li, fi kliem ieħor, il-ħaddiem għandu jirċievi r-remunerazzjoni normali għal dan il-perijodu ta’ serħan (sentenza Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 58).

    51

    Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fir-rigward ta’ ħaddiem li ma huwiex f’pożizzjoni, minħabba raġunijiet indipendenti mill-volontà tiegħu, li jeżerċita d-dritt tiegħu għal leave annwali bil-ħlas qabel it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, il-kumpens finanzjarju li għalih huwa intitolat għandu jiġi kkalkolat b’mod li l-imsemmi ħaddiem ikun f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik li huwa kien ikun kieku eżerċita l-imsemmi dritt matul il-perijodu tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu. Minn dan isegwi li r-remunerazzjoni ordinarja tal-ħaddiem, li hija dik li għandha tinżamm matul il-perijodu ta’ serħan li jikkorrispondi għal-leave annwali bi ħlas, hija wkoll determinanti f’dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-kumpens finanzjarju ta’ leave annwali mhux meħud fl-aħħar tar-relazzjoni ta’ xogħol (sentenza Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 61).

    52

    Għalhekk, il-kalkolu tal-kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud għandu jsir skont l-istess metodi bħal dawk użati għall-kalkolu tar-remunerazzjoni ordinarja, peress li l-mument li fih isir dan il-kalkolu, bħala prinċipju, huwa rrilevanti.

    53

    Madankollu, ma huwiex eskluż li l-mument meta għandu jsir dan il-kalkolu jista’ jkollu impatt fuq il-metodu ta’ kif huwa jsir.

    54

    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-remunerazzjoni tkun magħmula minn bosta elementi, l-istabbiliment tar-remunerazzjoni ordinarja teħtieġ analiżi speċifika. Hija l-qorti nazzjonali li, f’tali sitwazzjoni, għandha tevalwa, fid-dawl tal-prinċipji identifikati mill-ġurisprudenza, jekk, abbażi ta’ medja fuq perijodu ta’ riferiment li hija kkunsidrata rappreżentattiva, il-metodi ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni ordinarja u tal-kumpens finanzjarju għal-leave annwali bil-ħlas mhux meħud jilħqux l-għan segwit fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lock, C‑539/12, EU:C:2014:351, punt 34).

    55

    Anki jekk ma jirriżultax mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-remunerazzjoni ta’ K. Greenfield hija magħmula minn diversi elementi, analiżi speċifika, analoga għal dik deskritta fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, tkun madankollu neċessarja, b’mod partikolari jekk l-ammont tar-remunerazzjoni dovut matul il-leave annwali u dak tal-kumpens għal-leave mhux meħud iridu jkunu differenti minħabba tibdil, fil-ħin u fir-rigward tal-unità tal-ħin tax-xogħol, fir-remunerazzjoni ta’ K. Greenfield.

    56

    Fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-qorti nazzjonali, għalhekk, li għandha tivverifika jekk ir-remunerazzjoni ta’ K. Greenfield kinitx magħmula minn diversi elementi jew jekk, matul l-aħħar sena ta’ xogħol tal-persuna interessata, kienx hemm tibdil fir-rigward tal-unità tal-ħin tax-xogħol li hija għamlet riferiment għaliha, sabiex jiġi stabbilit jekk il-metodu ta’ kalkolu tal-kumpens finanzjarju għal leave annwali bil-ħlas mhux meħud previst mid-dritt nazzjonali huwiex konformi mar-regoli u mal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha u mal-għan segwit fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88.

    57

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ u għall-ħames domandi għandha tkun li l-Klawżola 4(2) tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kalkolu tad-drittijiet għal leave annwali bil-ħlas għandu jsir skont l-istess prinċipji, sew jekk jirrigwarda l-istabbiliment tal-allowance kumpensatorja għal-leave annwali bil-ħlas mhux meħud dovuta f’każ fejn ir-relazzjoni ta’ xogħol tiġi tterminata u sew jekk jirrigwarda l-istabbiliment tal-bqija tad-drittijiet għal-leave annwali bil-ħlas f’każ ta’ żamma tar-relazzjoni ta’ xogħol.

    Fuq l-ispejjeż

    58

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Il-Klawżola 4(2) tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab anness mad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE, tas-7 ta’ April 1998, u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’każ ta’ żieda fin-numru ta’ sigħat ta’ xogħol imwettqa minn ħaddiem, l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu li jipprovdu li d-drittijiet għal-leave annwali bil-ħlas diġà akkumulati, u eventwalment meħuda, jiġu kkalkolati mill-ġdid retroattivament skont ir-ritmu l-ġdid ta’ xogħol ta’ dan il-ħaddiem. Madankollu, kalkolu ġdid għandu jsir għall-perijodu li matulu l-ħin ta’ xogħol kien żdied.

     

    2)

    Il-Klawżola 4(2) tal-imsemmi ftehim qafas u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kalkolu tad-drittijiet għal leave annwali bil-ħlas għandu jsir skont l-istess prinċipji, sew jekk jirrigwarda l-istabbiliment tal-allowance kumpensatorja għal-leave annwali bil-ħlas mhux meħud dovuta f’każ fejn ir-relazzjoni ta’ xogħol tiġi tterminata u sew jekk jirrigwarda l-istabbiliment tal-bqija tad-drittijiet għal-leave annwali bil-ħlas f’każ ta’ żamma tar-relazzjoni ta’ xogħol.

     

    Firem


    ( * )   Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Fuq