Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0069

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Ottubru 2015.
    Dragoș Constantin Târșia vs Statul român u Serviciul Public Comunitar Regim Permise de Conducere si Inmatriculare a Autovehiculelor.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Sibiu.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività — Awtorità ta’ res judicata — Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament — Ħlas lura ta’ taxxi miġbura minn Stat Membru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni — Deċiżjoni ġudizzjarja finali li timponi l-ħlas ta’ taxxa li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni — Talba għar-reviżjoni ta’ tali deċiżjoni ġudizzjarja — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti r-reviżjoni, fid-dawl ta’ deċiżjonijiet preliminari sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji finali mogħtija fi proċeduri amministrattivi biss.
    Kawża C-69/14.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:662

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    6 ta’ Ottubru 2015 ( * )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività — Awtorità ta’ res judicata — Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament — Ħlas lura ta’ taxxi miġbura minn Stat Membru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni — Deċiżjoni ġudizzjarja finali li timponi l-ħlas ta’ taxxa li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni — Talba għar-reviżjoni ta’ tali deċiżjoni ġudizzjarja — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti r-reviżjoni, fid-dawl ta’ deċiżjonijiet preliminari sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji finali mogħtija fi proċeduri amministrattivi biss”

    Fil-Kawża C‑69/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Sibiu (qorti reġjonali ta’ Sibiu, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Frar 2014, fil-proċedura

    Dragoș Constantin Târșia

    vs

    Statul român,

    Serviciul public comunitar regim permise de conducere și înmatriculare a autovehiculelor,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, M. Ilešič (Relatur), L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Ó Caoimh u J.‑C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Berger, A. Prechal, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Jannar 2015,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal D. C. Târșia, minnu nnifsu,

    għall-Gvern Rumen, minn R. Radu u V. Angelescu kif ukoll minn D. Bulancea, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna kif ukoll minn B. Czech u K. Pawłowska, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u G.‑D. Bălan, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ April 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 110 TFUE, tal-Artikolu 6 TUE, tal-Artikoli 17, 20, 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn D. C. Târșia minn naħa u Statul român (l-Istat Rumen), irrappreżentat mill-Ministerul Finanţelor şi Economiei (Ministeru tal-Finanzi u tal-Ekonomija) flimkien mas-Serviciul public comunitar regim permise de conducere şi înmatriculare a autovehiculelor (servizz pubbliku komunitarju li jirrigwarda s-sistema ta’ liċenzji tas-sewqan u r-reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur) min-naħa l-oħra, dwar rikors għar-reviżjoni ta’ deċiżjoni finali, mogħtija minn qorti nazzjonali, li timponi fuq D. C. Târșia l-ħlas ta’ taxxa li sussegwentement instabet li kienet inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    Il-kuntest ġuridiku Rumen

    3

    L-Artikolu 21 tal-Liġi Nru 554/2004 dwar proċeduri amministrattivi (Legea contenciosului administrativ Nru 554/2004), tat-2 ta’ Diċembru 2004 (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 1154 tas-7 ta’ Diċembru 2004, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar proċeduri amministrattivi”), kif kien fis-seħħ fid-data meta ġiet ippreżentata t-talba għal reviżjoni kien jipprevedi:

    “1)   Ir-rimedji ġudizzjarji previsti fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jistgħu jiġu eżerċitati kontra deċiżjonijiet definittivi u irrevokabbli meħuda minn organi ta’ proċeduri amministrattivi.

    2)   Barra minn dak ipprovdut mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, sentenzi li jkunu saru definittivi u irrevokabbli u li jiksru s-supremazija tad-dritt [tal-Unjoni] irregolata mill-Artikolu 148(2) moqri flimkien mal-Artikolu 20(2) tal-Kostituzzjoni Rumena, kif emendata, għandhom jikkostitwixxu motivi għal reviżjoni. It-talba għal reviżjoni għandha titressaq fil-15-il jum ta’ wara d-data tal-komunikazzjoni, li ssir permezz ta’ deroga għar-regola stabbilita fl-Artikolu 17(3), fuq talba debitament motivata tal-persuna kkonċernata, fil-15-il jum ta’ wara l-għoti tad-deċiżjoni. Id-deċiżjoni dwar it-talba għal reviżjoni għandha tingħata b’urġenza u bi prijorità f’terminu massimu ta’ 60 jum minn meta tiġi rreġistrata.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    4

    D. C. Târșia, ċittadin Rumen, xtara karozza użata minn Franza fit‑3 ta’ Mejju 2007. Sabiex ikun jista’ jirreġistra din il-vettura fir-Rumanija, fil-5 ta’ Ġunju 2007, huwa kellu jħallas l-ammont ta’ RON 6899.51 (madwar EUR 1560) bħala taxxa speċjali fuq vetturi privati, dovuta skont l-Artikoli 214a u 214b tal-Kodiċi Fiskali, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fid-data tar-reġistrazzjoni ta’ din il-vettura.

    5

    Billi qies li din it-taxxa hija inkompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE, D. C. Târșia beda proċedura ta’ natura ċivili quddiem il-Judecătoria Sibiu (qorti tal-ewwel istanza ta’ Sibiu), sabiex jikseb il-ħlas lura tal-ammont tal-imsemmija taxxa. Billi kkundannat lill-Istat Rumen permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, din il-qorti laqgħat din it-talba minħabba li din l-istess taxxa tmur kontra l-Artikolu 110 TFUE.

    6

    L-Istat Rumen, irrappreżentat mill-Ministeru tal-Finanzi u tal-Ekonomija appella fil-kassazzjoni minn din is-sentenza. Permezz tad-Deċiżjoni Nru 401/2008, it-taqsima tad-dritt ċivili tat-Tribunalul Sibiu (qorti reġjonali ta’ Sibiu) illimitat il-ħlas lura tat-taxxa speċjali fuq il-vetturi privati mħallsa minn D. C. Târșia għal ammont ugwali għad-differenza bejn din it-taxxa u t-taxxa, sussegwenti, fuq it-tniġġis dovuta skont id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 50/2008 li jistabbilixxi taxxa fuq it-tniġġis tal-vetturi bil-mutur (Ordonanţă de urgenţă a Guvernului Nru 50/2008 pentru instituirea taxei pe poluare pentru autovehicule) tal‑21 ta’ April 2008 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 327 tal-25 ta’ April 2008).

    7

    Fid-29 ta’ Settembru 2011, ġie ppreżentat rikors għal reviżjoni kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar minn D. C. Târșia quddiem it-Tribunalul Sibiu (qorti reġjonali ta’ Sibiu). D. C. Târșia talab, abbażi tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi dwar proċeduri amministrattivi, minn naħa, l-annullament tad-Deċiżjoni Nru 401/2008 ta’ din il-qorti u, min-naħa l-oħra, li tingħata deċiżjoni mill-ġdid, minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet, fis-sentenza tagħha Tatu (C‑402/09, EU:C:2011:219), li l-Artikolu 110 TFUE jipprekludi taxxa bħal dik fuq it-tniġġis li tirriżulta mill-imsemmi Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 50/2008. Konsegwentement, D. C. Târșia qies li l-appell tal-Istat Rumen ġie milqugħ bi ksur tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u li t-taxxa speċjali fuq il-vetturi privati mħallsa minnu kellha titħallas lura lilu kollha kemm hi.

    8

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-regoli proċedurali applikabbli għall-proċeduri ċivili ma jipprevedux il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja finali minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, minkejja li tali rikors jista’ jiġi ppreżentat skont ir-regoli proċedurali li jirregolaw il-proċeduri amministrattivi.

    9

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Sibiu (qorti reġjonali ta’ Sibiu) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikoli 17, 20, 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l‑Artikolu 110 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju ta’ ċertezza legali stabbilit mid-dritt [tal-Unjoni] u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jiġu interpretati bħala li jipprekludu leġiżlazzjoni bħall-Artikolu 21(2) tal-[Liġi dwar proċeduri amministrattivi] li jipprovdi għal reviżjoni interna ta’ sentenzi ta’ qrati nazzjonali mogħtija esklużivament fi kwistjonijiet kontenzjużi amministrattivi bi ksur tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt [tal-Unjoni] u li ma jippermettux il-possibbiltà li jirrevedu deċiżjonijiet ta’ qrati nazzjonali mogħtija f’kuntesti li ma humiex proċeduri kontenzjużi amministrattivi (ċivili, kriminali) fil-każ ta’ ksur tal-istess prinċipju ta’ supremazija tad-dritt [tal-Unjoni] f’dawn is-sentenzi?”

    Fuq id-domanda preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    10

    Il-Gvern Rumen iqis li din t-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex ammissibbli. F’dan ir-rigward, dan il-gvern isostni, fl-ewwel lok, li r-relazzjoni legali bejn D. C. Târșia u l-Istat taqa’ taħt id-dritt fiskali. Konsegwentement, id-dritt proċedurali applikabbli għal din it-talba ta’ D. C. Târșia huwa d-dritt proċedurali fiskali li jaqa’ taħt id-dritt tal-proċeduri amministrattivi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li huwa l-kulleġġ ġudikanti tal-qorti tar-rinviju, li għandha kompetenza fil-materji ċivili u li tat id-deċiżjoni Nru 401/2008 li ġiet adita bir-rikors għal reviżjoni ta’ din id-deċiżjoni, din il-qorti għandha tapplika d-dritt proċedurali relatat mal-proċeduri amministrattivi, inklużi d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-motiv għall-ftuħ tar-rikors għal reviżjoni previst fl-Artikolu 21(2) tal-Liġi dwar proċeduri amministrattivi.

    11

    Fit-tieni lok, il-Gvern Rumen isostni li D. C. Târșia seta’ jeżerċita rikors straordinarju għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni. Dan ir-rimedju legali kien jippermetti r-rinviju tal-kawża inkwistjoni lil kulleġġ ġudikanti inkarigat mill-proċeduri amministrattivi, li seta’ japplika l-Artikolu 21(2) tal-Liġi dwar proċeduri amministrattivi. Peress li l-ordinament ġuridiku Rumen jiggarantixxi rimedju effettiv li jiżgura l-kompatibbiltà tas-sitwazzjoni ta’ D. C. Târșia mad-dritt tal-Unjoni, ir-risposta għad-domanda ma hijiex utli għas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

    12

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenzi Fish Legal u Shirley, C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 30, kif ukoll Verder LabTec,C‑657/13, EU:C:2015:331, punt 29).

    13

    B’mod partikolari, ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, li tivverifika jew li tqiegħed inkwistjoni l-eżattezza tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmula mill-qorti nazzjonali, peress li din l-interpretazzjoni taqa’ fil-kompetenza esklużiva ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, meta tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari minn qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali kif deskritt lilha mill-imsemmija qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Winner Wetten, C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 35; Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 22, u Logstor ROR Polska, C‑212/10, EU:C:2011:404, punt 30).

    14

    Minbarra dan, ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar talba magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (sentenzi Nicula, C‑331/13, EU:C:2014:2285, punt 23, u Verder LabTec, C‑657/13, EU:C:2015:331, punt 29).

    15

    F’dan il-każ, jekk jiġi milqugħ l-argument tal-Gvern Rumen li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tapplika r-regoli proċedurali relatati mal-proċeduri amministrattivi minkejja li hija adita b’talba għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fil-kuntest ta’ rikors ta’ natura ċivili, dan jirriżulta fl-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li, madankollu, taqa’ fil-kompetenza tal-qorti tar-rinviju biss.

    16

    Issa, skont din il-qorti, peress li l-Artikolu 21(2) tal-Liġi dwar proċeduri amministrattivi jipprevedi l-possibbiltà ta’ reviżjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji finali mogħtija fil-kuntest ta’ rikors amministrattiv, huwa ma japplikax għall-kawża prinċipali billi din tal-aħħar hija ta’ natura ċivili.

    17

    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-klassifikazzjoni, sabiex jiġu ddeterminati l-modalitajiet applikabbli għar-rimbors ta’ taxxa nazzjonali miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, tar-relazzjonijiet legali stabbiliti bejn l-awtorità fiskali ta’ Stat Membru u persuni taxxabbli meta tinġabar tali taxxa taqa’ taħt id-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi IN. CO. GE.’90 et , C‑10/97 sa C‑22/97, EU:C:1998:498, punt 26).

    18

    Għaldaqstant, l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Rumen għandha tiġi miċħuda.

    19

    Għal dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-eżistenza ta’ rimedji effettivi fl-ordinament ġuridiku nazzjonali li, fi kwalunkwe każ, jippermettu lil D. C. Târșia jikseb effettivament rimedju, huwa biżżejjed li jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li, fil-kawża prinċipali, tistaqsi dwar il-possibbiltà li hija tirrevedi deċiżjoni ġudizzjarja finali mogħtija fil-kuntest ta’ rikors ta’ natura ċivili, li tista’ tevalwa, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, obbligata li tagħti deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Transportes Urbanos y Servicios Generales, C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 25, u Nicula, C‑331/13, EU:C:2014:2285, punt 21).

    20

    Peress li ebda dokument fil-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha ma jippermetti li jiġi konkluż li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex utli għall-qorti tar-rinviju, it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Gvern Rumen ma tistax tiġi milqugħa.

    21

    Fid-dawl ta’ dan, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni għandha tkun relatata mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Issa, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix ir-reviżjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji finali mogħtija kemm fil-proċeduri ċivili u lanqas fil-proċeduri kriminali li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Sa fejn mill-proċess jirriżulta, mingħajr ebda ambigwità, li l-kawża prinċipali ma hijiex ta’ natura kriminali, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif isostnu l-Gvern Rumen u l-Gvern Pollakk, li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward ċarament ma jkollha ebda rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

    22

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli, ħlief sa fejn hija tirrigwarda l-impossibbiltà ta’ reviżjoni ta’ deċiżjonijiet finali mogħtija mill-qrati fi proċeduri kriminali li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    Fuq il-mertu

    23

    Preliminarjament għandu jitfakkar li mill-proċess jirriżulta li fuq D. C. Târșia ġie impost, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fil-kuntest ta’ rikors ta’ natura ċivili, il-ħlas tat-taxxa fuq it-tniġġis ta’ vetturi bil-mutur li l-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddikjarat inkompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE fis-sentenza Tatu (C‑402/09, EU:C:2011:219), mogħtija wara d-data li fiha din id-deċiżjoni ġudizzjarja saret finali.

    24

    Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt għal rimbors ta’ taxxi miġbura minn Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni huwa l-konsegwenza u jikkomplementa d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxu tali taxxi, hekk kif ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma, fil-prinċipju, obbligati jirrimborsaw it-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi Littlewoods Retail et, C‑591/10, EU:C:2012:478, punt 24; Irimie, C‑565/11, EU:C:2013:250, punt 20, kif ukoll Nicula,C‑331/13, EU:C:2014:2285, punt 27).

    25

    Barra minn hekk, meta Stat Membru jkun ġabar taxxi bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, l-individwi għandhom id-dritt għar-rimbors mhux biss tat-taxxa miġbura indebitament iżda wkoll tal-ammonti mħallsa lil dan l-Istat jew miżmuma minnu b’relazzjoni diretta ma’ din it-taxxa. Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ obbligu tal-Istati Membri li jħallsu lura bl-interessi l-ammonti tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta minn dan id-dritt tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Littlewoods Retail et, C‑591/10, EU:C:2012:478, punti 2526, kif ukoll Irimie,C‑565/11, EU:C:2013:250, punti 2122).

    26

    Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ ħlas lura ta’ taxxi nazzjonali miġbura indebitament, huwa l-obbligu ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li jindika l-qrati kompetenti u li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali għar-rimedji ġudizzjarji maħsuba sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet li l-persuni taxxabbli jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral, 33/76, EU:C:1976:188, punt 5; Aprile, C‑228/96, EU:C:1998:544, punt 18; kif ukoll Test Claimants in the Franked Investment Income Group Litigation, C‑362/12, EU:C:2013:834, punt 31).

    27

    Il-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi li huma intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-persuni taxxabbli għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx madankollu jkunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw rimedji simili previsti mil-leġiżlazzjoni interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma jiġu amministrati b’tali mod li jirrendu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Rewe‑Zentralfinanz u Rewe-Zentral, 33/76, EU:C:1976:188, punt 5; Transportes Urbanos y Servicios Generales, C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 31; kif ukoll Test Claimants in the Franked Investment Income Group Litigation, C‑362/12, EU:C:2013:834, punt 32).

    28

    Sa fejn, f’dan il-każ, il-ħlas lura ta’ taxxa ddikjarata inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jinsab ostakolat mill-eżistenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja finali li timponi l-ħlas ta’ din it-taxxa, għandha titfakkar l-importanza li għandu, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata. Fil-fatt, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet legali kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li ma jkunx possibbli li jiġu kkontestati iktar deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru finali wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji kollha disponibbli jew wara li jkun skada t-terminu previst għal dawn ir-rimedji (sentenza Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk, li kieku jsir hekk, dan jippermetti li tiġi rrimedjata sitwazzjoni nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ dan id-dritt (sentenza Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Madankollu, jekk ir-regoli proċedurali interni applikabbli jinkludu l-possibbiltà li, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-qorti nazzjonali tirriforma deċiżjoni li jkollha l-awtorità ta’ res judicata sabiex tirrendi s-sitwazzjoni kompatibbli mad-dritt nazzjonali, din il-possibbiltà għandha tipprevali, konformement mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jekk jiġu ssodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, sabiex is-sitwazzjoni inkwistjoni terġa’ tiġi konformi mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 62).

    31

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preliminari preċedenti, għandu jitqies li l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali ma jkollhiex il-possibbiltà li tirrevedi deċiżjoni ġudizzjarja finali mogħtija fil-kuntest ta’ rikors ta’ natura ċivili, meta din id-deċiżjoni tirriżulta li tkun inkompatibbli ma’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja wara d-data li fiha l-imsemmija deċiżjoni tkun saret finali, minkejja li tali possibbiltà teżisti fir-rigward tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji finali li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni mogħtija fil-kuntest ta’ rikors ta’ natura amministrattiva.

    Fuq il-prinċipju ta’ ekwivalenza

    32

    Mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 27 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jipprojbixxi lil Stat Membru milli jipprevedi modalitajiet proċedurali inqas favorevoli għat-talbiet għal rimbors ta’ taxxa bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni minn dawk applikabbli għar-rimedji simili bbażati fuq ksur tad-dritt intern (ara wkoll is-sentenza Weber’s Wine World et, C‑147/01, EU:C:2003:533, punt 104).

    33

    Madankollu, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tipparaguna, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju, minn naħa, ir-rimedji ġudizzjarji ta’ natura amministrattiva bbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, ir-rimedji ġudizzjarji ta’ natura ċivili bbażati fuq il-ksur ta’ dan id-dritt.

    34

    F’dan ir-rigward, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-istess prinċipju jimplika trattament ugwali għar-rimedji bbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali u dawk simili bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni u mhux l-ekwivalenza tar-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli għal proċeduri ta’ natura differenti bħal, fil-kawża prinċipali, il-proċeduri ċivili minn naħa u l-proċeduri amministrattivi min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ekwivalenza ma huwiex rilevanti f’sitwazzjoni li, bħal fil-kawża prinċipali, tikkonċerna żewġ tipi ta’ rikorsi bbażati, kemm wieħed kif ukoll l-ieħor, fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenza ÖBB Personenverkehr, C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 74).

    35

    Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jipprekludix li qorti nazzjonali ma jkollhiex il-possibbiltà li tirrevedi deċiżjoni ġudizzjarja finali mogħtija fil-kuntest ta’ rikors ta’ natura ċivili, meta din id-deċiżjoni tirriżulta li tkun inkompatibbli ma’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja wara d-data li fiha l-imsemmija deċiżjoni tkun saret finali, minkejja li tali possibbiltà teżisti fir-rigward tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji finali li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni mogħtija fil-kuntest ta’ rikors ta’ natura amministrattiva.

    Fuq il-prinċipju ta’ effettività

    36

    Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzji tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol tar-regoli kkonċernati fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u d-dettalji ta’ dawn ir-regoli, quddiem il-varji istanzi nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    F’din il-perspettiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema legali nazzjonali kkonċernata, bħalma huma l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Fallimento Olimpiclub, C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 27, kif ukoll Agrokonsulting-04,C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-Qorti t’al-Ġustizzja fakkret, diversi drabi, l-importanza li għandu l-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 38). Għaldaqstant, ġie deċiż li d-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni rilevanti ta’ dan id-dritt adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja wara d-deċiżjoni ta’ korp ġudizzjarju li jkollha l-awtorità ta’ res judicata, dan għandu, bħala prinċipju jirriforma din id-deċiżjoni (sentenza Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 60).

    39

    F’dan il-każ, ebda ċirkustanza partikolari tal-kawża prinċipali, li tirriżulta mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha, ma tiġġustifika approċċ differenti minn dak meħud mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza, li jipprovdi li d-dritt tal-Unjoni ma jitlobx lill-qorti nazzjonali tiċħad l-applikazzjoni tar-regoli proċedurali interni li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk dan kieku jippermetti li sitwazzjoni nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ dan id-dritt tiġi rrimedjata.

    40

    Fid-dawl ta’ dan, sa fejn id-deċiżjoni ġudizzjarja finali li timponi fuq D. C. Târșia l-ħlas ta’ taxxa li essenzjalment sussegwentement ġiet iddikjarata inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, ittieħdet minn qorti nazzjonali li tagħti deċiżjoni finali, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li, minħabba, fost oħrajn, il-fatt li ksur tad-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni minn tali deċiżjoni normalment ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat, l-individwi ma jistgħux jiġu miċħuda l-possibbiltà li jżommu lill-Istat responsabbli sabiex b’dan il-mezz jiksbu protezzjoni legali tad-drittijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 34, u Traghetti del Mediterraneo, C‑173/03, EU:C:2006:391, punt 31).

    41

    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-risposta għad-domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, li qorti nazzjonali ma jkollhiex il-possibbiltà li tirrevedi deċiżjoni ġudizzjarja finali mogħtija fil-kuntest ta’ rikors ta’ natura ċivili, meta din id-deċiżjoni tirriżulta li tkun inkompatibbli ma’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja wara d-data li fiha l-imsemmija deċiżjoni tkun saret finali, minkejja li tali possibbiltà teżisti fir-rigward tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji finali li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni mogħtija fil-kuntest ta’ rikors ta’ natura amministrattiva.

    Fuq l-ispejjeż

    42

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, li qorti nazzjonali ma jkollhiex il-possibbiltà li tirrevedi deċiżjoni ġudizzjarja finali mogħtija fil-kuntest ta’ rikors ta’ natura ċivili, meta din id-deċiżjoni tirriżulta li tkun inkompatibbli ma’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea wara d-data li fiha l-imsemmija deċiżjoni tkun saret finali, minkejja li tali possibbiltà teżisti fir-rigward tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji finali li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni mogħtija fil-kuntest ta’ rikors ta’ natura amministrattiva.

     

    Firem


    ( * )   Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

    Fuq