EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0061

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2015.
Orizzonte Salute - Studio Infermieristico Associato vs Azienda Pubblica di Servizi alla persona San Valentino – Città di Levico Terme et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale regionale di giustizia amministrativa di Trento.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 89/665/KEE – Kuntratti pubbliċi – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Spejjeż ta’ aċċess għall-ġustizzja amministrattiva fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi – Dritt għal rimedju effettiv – Spejjeż dissważivi – Stħarriġ ġudizzjarju ta’ atti amministrattivi – Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza – Effett utli.
Kawża C-61/14.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:655

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

6 ta’ Ottubru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 89/665/KEE — Kuntratti pubbliċi — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Spejjeż ta’ aċċess għall-ġustizzja amministrattiva fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi — Dritt għal rimedju effettiv — Spejjeż dissważivi — Stħarriġ ġudizzjarju ta’ atti amministrattivi — Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza — Effett utli”

Fil-Kawża C‑61/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale regionale di giustizia amministrativa di Trento (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Frar 2014, fil-proċedura

Orizzonte Salute – Studio Infermieristico Associato

vs

Azienda Pubblica di Servizi alla persona San Valentino – Città di Levico Terme,

Ministero della Giustizia,

Ministero dell’Economia e delle Finanze,

Presidenza del Consiglio die Ministri,

Segretario Generale del Tribunale regionale di giustizia amministrativa di Trento,

fil-preżenza ta’:

Associazione Infermieristica D & F Care,

Camera degli Avvocati Amministrativisti,

Camera Amministrativa Romana,

Associazione dei Consumatori Cittadini Europei,

Coordinamento delle associazioni e dei comitati di tutela dell’ambiente e dei diritti degli utenti e dei consumatori (Codacons),

Associazione dei giovani amministrativisti (AGAmm),

Ordine degli Avvocati di Roma,

Società italiana degli avvocati amministrativisti (SIAA),

Ordine degli Avvocati di Trento,

Consiglio dell’ordine degli Avvocati di Firenze,

Medical Systems SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas, E. Juhász (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Frar 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

Għall-Orizzonte Salute – Studio Infermieristico Associato, minn M. Carlin, M. Napoli, M. Zoppolato u M. Boifava, avukati,

għall-Azienda Pubblica di Servizi alla persona San Valentino – Città di Levico Terme, minn R. De Pretis, avukat,

għall-Camera degli Avvocati Amministrativisti, minn A. Grappelli, M. Ida Leonardo, M. Rossi Tafuri, F. Marascio, M. Martinelli, E. Papponetti u M. Togna, avukati,

għall-Camera Amministrativa Romana, minn F. Tedeschini, C. Malinconico, P. Leozappa, F. Lattanzi, A. M. Valorzi, avukati,

għall-Associazione dei Consumatori Cittadini europei, minn C. Giurdanella, P. Menchetti u S. Raimondi u E. Barbarossa, avukati,

għall-Coordinamento delle associazioni per la tutela dell’ambiente e dei diritti degli utenti e consumatori (Codacons), minn C. Rienzi, G. Giuliano, V. Graziussi, u G. Ursini, avukati,

għall-Associazione dei Giovani Amministrativisti (AGAmm), minn G. Leccisi u J. D’Auria, avukati,

għall-Ordine degli Avvocati di Roma, minn S. Orestano, S. Dore u P. Ziotti, avukati,

għas-Società Italiana degli Avvocati Amministrativisti (SIAA), minn F. Lubrano, E. Lubrano u P. De Caterini, A. Guerino, A. Lorang, B. Nascimbene, E. Picozza, F. G. Scocca, F. Sorrentino, avukati,

għal Medical Systems SpA, minn R. Damonte, M. Carlin u E. Boglione, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Elleniku, minn K. Paraskevopoulou u V. Stroumpouli, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Moro u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-7 ta’ Mejju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħolijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246), kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007, (ĠU L 335, p. 31, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Orizzonte Salute – Studio Infermieristico Associato (iktar ’il quddiem “Orizzonte Salute”) u, min-naħa l-oħra, l-Azienda Pubblica di Servizi alla persona San Valentino – Città di Levico Terme (Aġenzija pubblika ta’ servizzi ta’ assistenza personali San Valentino tal-belt ta’ Levico Terme, iktar ’il quddiem l-“Azjenda”), kif ukoll il-Ministero della Giustizia (Ministeru tal-Ġustizzja), il-Ministero dell’Economia e delle Finanze (Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi), il-Presidenza del Consiglio dei Ministri (Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri) u s-Segretario Generale del Tribunale regionale di giustizia amministrativa di Trento [Segretarju Ġenerali tat-Tribunal Reġjonali Amministrattiv ta’ Trento (l-Italja)], dwar l-estensjoni ta’ kuntratt għall-għoti ta’ servizzi ta’ infermieri u s-sejħa għal offerti li ġiet ippubblikata sussegwentement kif ukoll l-ispejjeż ġudizzjarji li għandhom jitħallsu għat-tressiq ta’ rimedju ġudizzjarju amministrattiv fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Fi kliem it-tielet premessa tad-Direttiva 89/665, il-ftuħ tal-kuntratti pubbliċi għall-kompetizzjoni mill-Unjoni jeħtieġ żieda sostanzjali fil-garanziji ta’ trasparenza u nondiskriminazzjoni u huwa importanti, sabiex ikun hemm effetti tanġibbli, li jkun hemm rimedji effettivi u rapidi fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew tar-regoli nazzjonali li jimplementaw dan id-dritt.

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal-31 ta’ Marzu 2004] dwar il-kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132], sakemm tali kuntratti ma jkunux esklużi skond l-Artikoli 10 sa 18 ta’ din id-Direttiva.

Il-kuntratti fis-sens ta’ din id-Direttiva jinkludu kuntratti pubbliċi, ftehim qafas, konċessjonijiet ta’ xogħlijiet pubbliċi u sistemi dinamiċi ta’ xiri.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ kuntratti li jaqgħu taħt id-Direttiva 2004/18/KE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru [d-dritt tal-Unjoni] fil-qasam tal-appalti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu [dan id-dritt].

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn impriżi li jiddikjaraw li jkunu sofrew dannu fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt b’riżultat tad-distinzjoni magħmula minn din id-Direttiva bejn regoli nazzjonali li jkunu qed jimplimentaw [id-dritt tal-Unjoni] u regoli nazzjonali oħra.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli ddettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għal kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.

[...]”

5

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Limiti massimi għal kuntratti pubbliċi”, jistabbilixxi l-livelli massimi tal-valuri meqjusa li ’l fuq minnhom, l-għoti ta’ kuntratt għandu jsir skont ir-regoli ta’ din id-direttiva.

6

Dawn il-limiti massimi jinbidlu f’intervalli regolari permezz ta’ regolamenti tal-Kummissjoni u jiġu aġġustati għaċ-ċirkustanzi ekonomiċi. Fid-data li fiha seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, il-limitu massimu li kien jikkonċerna l-kuntratti għal servizzi mogħtija minn awtoritajiet kontraenti li ma humiex awtoritajiet governattivi ċentrali kien stabbilit fl-ammont ta’ EUR 193000 permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1177/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, li jemenda d-Direttivi 2004/17/KE, 2004/18/KE u 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-limiti massimi tagħhom applikabbli għall-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti (ĠU L 314, p. 64).

Id-dritt Taljan

7

L-Artikolu 13(1) tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 115, tat-30 ta’ Mejju 2002, kif emendat bil-Liġi Nru 228 tal-24 ta’ Diċembru 2012 (iktar ’il quddiem id-“digriet”), stabbilixxa sistema ta’ tassazzjoni ta’ atti ġudizzjarji, ikkostitwita minn kontribuzzjoni unifikata, stabbilita proporzjonalment mal-valur tal-kawża.

8

B’differenza minn dak previst għall-proċeduri ċivili, l-Artikolu 13(6a) tad-Digriet jistabbilixxi l-ammont tal-kontribuzzjoni unifikata indipendentement mill-valur tal-kawża għall-proċeduri amministrattivi.

9

Skont l-istess Artikolu 13(6a), fil-każ ta’ azzjonijiet imressqa quddiem il-qrati amministrattivi reġjonali u l-Consiglio di Stato, l-ammont tal-kontribuzzjoni unifikata titla’ bħala regola ġenerali għal EUR 650. Madankollu, f’din id-dispożizzjoni, għal materji partikolari, ammonti differenti huma stabbiliti, li jistgħu jitnaqqsu jew jiżdiedu.

10

Skont l-Artikolu 13(6a)(d) tad-Digriet, il-kontribuzzjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi titla’ għal:

EUR 2000 meta l-valur tal-kuntratt huwa daqs jew inqas minn EUR 200000;

EUR 4000 għall-kawżi li l-valur tagħhom huwa bejn EUR 200000 u EUR 1000000, u

EUR 6000 għal dawk ta’ valur ikbar minn EUR 1000000.

11

Skont l-Artikolu 13(1a) tad-Digriet, għall-proċeduri tal-appell fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, dawn l-ammonti jiżdiedu b’50 %.

12

Skont l-Artikolu 13(1c) tad-Digriet, meta l-appell, anki inċidentali, jiġi integralment miċħud jew iddikjarat inammissibbli jew ma jkunx jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, il-parti li tkun ippreżentatu tkun marbuta tħallas somma addizzjonali, bħala l-kontribuzzjoni unifikata, f’ammont identiku għal dak imħallas għall-istess appell, prinċipali jew inċidentali.

13

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, il-kontribuzzjoni unifikata titħallas mhux biss mar-reġistrazzjoni fir-reġistru tar-rikors promotur, iżda wkoll għall-azzjoni inċidentali u l-motivi addizzjonali li jintroduċu talbiet ġodda.

14

Mill-Artikolu 14(3) tad-Digriet jirriżulta li l-valur tal-kawża ma għandux jikkorrispondi għal marġni ta’ profitt li jista’ jirriżulta mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt stabbilit mill-entitajiet kontraenti, iżda għall-ammont tal-valur bażiku ta’ dan il-kuntratt.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

Orizzonte Salute hija assoċjazzjoni li tipprovdi servizzi ta’ kura tal-infermieri għal entitajiet pubbliċi u privati. Bl-azzjoni tagħha, estiża f’diversi okkażjonijiet b’motivi addizzjonali, hija tikkontesta, quddiem il-qorti tar-rinviju, l-attribuzzjonijiet suċċessivi tal-ġestjoni tas-servizz ta’ kura tal-infermieri mill-Azjenda lill-Associazione infermieristica D & F Care kif ukoll deċiżjonijiet oħra meħuda mill-Azjenda.

16

Il-ġestjoni ta’ dan is-servizz ġiet attribwita, fl-ewwel lok, bl-estensjoni tal-kuntratt konkluż mal-Associazione infermieristica D & F Care għal perijodu preċedenti u, sussegwentement, fl-ambitu ta’ sejħa għal offerti indirizzata biss lil ċerti assoċjazzjonijiet akkreditati mill-kulleġġ Infermieri Professionali Assistenti Sanitari Vigilatrici d’Infanzia (IPASVI) (Infermiera professjonali, Assistenti tas-saħħa u Infermiera tal-kura tat-tfal) li miegħu Orizzonte Salute ma kinitx irreġistrata.

17

Orizzonte Salute ħalset, bħala spejjeż ġudizzjarji, kontribuzzjoni unifikata fl-ammont ta’ EUR 650, li tikkorrispondi għall-ispiża sabiex tiġi introdotta azzjoni amministrattiva ordinarja.

18

Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2013, is-Segretario Generale del Tribunale regionale di giustizia amministrativa di Trento stieden lil Orizzonte Salute tikkompleta l-ħlas li sar preċedentement, sa fejn, minħabba l-motivi addizzjonali tagħha, il-kawża kienet issa tittratta l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, bil-għan li titħallas il-kontribuzzjoni unifikata għal dan it-tip ta’ kawżi, li issa kienet titla’ għal EUR 2000.

19

Permezz ta’ azzjoni ġdida, imressqa fit-2 ta’ Lulju 2013, Orizzonte Salute attakkat din id-deċiżjoni, billi invokat ksur tal-Artikolu 13(6a) tad-Digriet u, barra minn hekk, l-illegalità kostituzzjonali ta’ din id-dispożizzjoni.

20

Huwa fid-dawl ta’ din l-azzjoni li l-amministrazzjonijiet Statali ressqu azzjoni ġudizzjarja fejn eċċepixxew in-nuqqas ta’ kompetenza tal-qorti amministrattiva de quo, peress li l-kontribuzzjoni unifikata tikkostitwixxi tranżazzjoni fiskali li l-kontestazzjoni tagħha taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti fiskali. Huma kkontestaw ukoll il-fondatezza tal-imsemmija azzjoni.

21

Il-qorti tar-rinviju tindika, filwaqt li taċċetta li l-kontribuzzjoni unifikata għandha l-karatteristiċi ta’ taxxa, li, il-kawża pendenti quddiemha tittratta att li joriġina mis-Segretario Generale tagħha li għandu l-karatteristiċi ta’ deċiżjoni amministrattiva. B’hekk, fil-fehma tagħha, hemm lok li d-deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2013 tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti amministrattiva. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li Orizzonte Salute għandha interess fl-annullament tat-talba għall-ħlas ta’ spejjeż ġudizzjarji miżjuda.

22

Din il-qorti tfakkar li, għall-proċeduri amministrattivi, kuntrarjament għal dak li huwa previst għall-proċeduri ċivili, l-ammont tal-kontribuzzjoni unifikata ma huwiex marbut mal-valur tal-kawża u, għal materji partikolari tad-dritt amministrattiv, hemm stabbiliti ammonti speċifiċi.

23

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-qasam tal-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-kontribuzzjoni unifikata li għandha titħallas hija sostanzjalment ikbar mill-ammonti li għandhom jitħallsu għall-kawżi amministrattivi suġġetti għall-proċedura ordinarja.

24

Hija tikkunsidra li t-tassazzjoni tal-azzjonijiet quddiem il-qorti amministrattiva, partikolarment fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, tista’ tiddiswadi lill-impriżi milli jkomplu bl-azzjoni ġudizzjarja tagħhom u toħloq għalhekk problemi ta’ konformità mal-kriterji u l-prinċipji tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Hija tippreżumi li l-profitt tal-impriża jilħaq, b’mod ġenerali, madwar 10 % tal-ammont tal-kuntratt u tqis li l-ħlas antiċipat ta’ kontribuzzjoni unifikata li teċċedi l-ammont ta’ tali profitt jista’ jwassal lill-individwi sabiex jirrinunzjaw għal ċerti mekkaniżmi proċedurali.

25

B’hekk, skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tillimita d-dritt għal azzjoni ġudizzjarja, tirrestrinġi l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju, tiddiskrimina kontra l-operaturi ta’ kapaċità finanzjarja dgħajfa meta mqabbla mal-operaturi b’kapaċità finanzjarja sinjifikattiva u tiżvantaġġahom b’paragun ma’ dawk li, fl-ambitu tal-attivitajiet tagħhom, jadixxu lill-qrati ċivili u kummerċjali. Hija tal-fehma li l-ispiża sostnuta mill-Istat għall-finijiet tal-funzjonament tal-ġustizzja amministrattiva fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi ma hijiex sostanzjalment differenti, distinta jew ogħla min dik marbuta mal-proċeduri ta’ tipi oħra ta’ kontenzjuż.

26

Il-qorti tar-rinviju tirreferi għad-dottrina li tipprovdi li l-leġiżlatur nazzjonali xtaq ċertament inaqqas il-piż ta’ xogħol ġudizzjarju b’lura u jiffaċilita kemm ir-realizzazzjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi kif ukoll l-akkwist pubbliku ta’ beni u ta’ servizzi. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li l-kontenzjuż fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi tnaqqas b’mod sinjifikattiv sa mis-sena 2012.

27

Hija tispeċifika li l-valur tal-kuntratt pubbliku, ikkalkulat b’mod globali, huwa ikbar mil-limitu massimu previst mid-Direttiva 2004/18. Hija tikkunsidra, għalhekk, li l-prinċipji ta’ effikaċità, ta’ rapidità, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ aċċessibbiltà, li jinsabu fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, huma applikabbli għall-kawża prinċipali. Skont l-approċċ tagħha, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikser dawn il-prinċipji kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv, affermat mill-ġdid fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale regionale di giustizia amministrativa di Trento ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-prinċipji stabbiliti mid-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE [...] jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali [...] li timponi ammonti għolja ta’ kontribuzzjoni unifikata għall-aċċess għall-ġustizzja amministrattiva fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi?”

Fuq l-ammissibbiltà tal-osservazzjonijiet bil-miktub sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-intervenjenti fil-kawża prinċipali

29

Fil-proċedura tal-kawża prinċipali, intervjenew sabiex isostnu lil Orizzonte Salute u ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Coordinamento delle associazioni e dei comitati di tutela dell’ambiente e dei diritti degli utenti e dei consumatori (Codacons) (Koordinazzjoni tal-assoċjazzjonijiet u tal-kumitati ta’ protezzjoni tal-ambjent u tad-drittijiet tal-utenti u tal-konsumaturi), il-Camera Amministrativa Roma (Kamra Amministrattiva ta’ Ruma), l-Associazione dei Consumatori Cittadini Europei (Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi Ewropej), l-Ordine degli Avvocati di Roma (Ordni tal-Avukati ta’ Ruma), l-Associazione dei giovani amministrativisti (Assoċjazzjoni taż-Żgħażagħ tad-Dritt Amministrattiv), is-Società italiana degli avvocati amministrativisti (Soċjetà Taljana tal-Avukati tad-Dritt Amministrattiv) (iktar ’il quddiem l-“intervenjenti fil-kawża prinċipali”).

30

Il-Gvern Taljan jinvoka l-inammissibbiltà tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-intervenjenti wara li ngħatat id-deċiżjoni tar-rinviju u s-sospensjoni tal-istanza fil-kawża prinċipali. Din l-inammissibbiltà tirriżulta mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-qorti nazzjonali ma għandhiex il-fakultà li, wara s-sospensjoni tal-proċedura, tevalwa l-ammissibbiltà ta’ intervent sussegwenti għar-rinviju. Dan il-gvern iqis li għandhom jitneħħew mill-proċess l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi li ma humiex dawk involuti fid-data ta’ meta tressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari, sabiex jiġi evitat li l-proċedura ssir actio popularis.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari, huma awtorizzati jippreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mal-Artikolu 96(1) tar-Regoli tal-Proċedura moqri flimkien mal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet fil-kawża prinċipali, l-Istati Membri, il-Kummissjoni kif ukoll, fejn applikabbli, l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu tal-Unjoni Ewropea li adotta l-att li l-validità jew l-interpretazzjoni tiegħu tkun ikkontestata, l-Istati partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, li ma humiex Stati Membri, l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA u l-Istati terzi kkonċernati. Peress li l-enumerazzjoni li tinsab f’dawn id-dispożizzjonijiet hija eżawrjenti, dan id-dritt ma jistax jiġi estiż għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma humiex espressament previsti.

32

Il-“partijiet fil-kawża prinċipali” huma, skont l-Artikolu 97(1) tar-Regoli tal-Proċedura, iddeterminati bħala tali mill-qorti tar-rinviju, konformement mar-regoli proċedurali nazzjonali. Konsegwentement, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tiddetermina, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, il-partijiet fil-kawża prinċipali pendenti quddiemha.

33

Ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika jekk deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li taċċetta intervent quddiemha tkunx ittieħdet konformement ma’ dawn ir-regoli. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha timxi ma’ tali deċiżjoni sa fejn din ma ġietx inkluża fl-ambitu ta’ rimedji previsti mid-dritt nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenzi Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz, C‑309/02, EU:C:2004:799, punt 26, kif ukoll Burtscher,C‑213/04, EU:C:2005:731, punt 32).

34

Issa, f’dan il-każ ma huwiex qed jiġi sostnut li d-deċiżjoni dwar l-ammissjoni tal-intervenjenti fil-kawża prinċipali ma kinitx konformi mar-regoli li jirregolaw il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju u lanqas li ġiet ippreżentata azzjoni kontra din id-deċiżjoni.

35

Ma tistax tiġi rrikonoxxuta l-kwalità ta’ “parti fil-kawża prinċipali”, fis-sens tal-Artikolu 96(1) tar-Regoli tal-Proċedura, moqri flimkien mal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, lil persuna u din ma tistax tiġi aċċettata fi proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja prevista fl-Artikolu 267 TFUE, meta din il-persuna tippreżenta quddiem qorti nazzjonali t-talba tagħha għal intervent mhux sabiex tieħu sehem attiv fil-proċedura quddiem l-istanza nazzjonali, iżda biss sabiex tipparteċipa fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, id-digriet Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2009:789, punt 9).

36

Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li ma hemm xejn fil-proċess li juri li l-intervenjenti fil-kawża prinċipali ma humiex intiżi li jassumu rwol attiv fil-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju u li se jfittxu li jesprimu ruħhom biss fl-ambitu tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

37

Finalment, ikun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u mar-rekwiżit li l-kawżi għal deċiżjoni preliminari jiġu ttrattati fi żmien raġonevoli l-fatt li l-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba ammissjonijiet suċċessivi ta’ intervenjenti u t-terminu ta’ xahrejn previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-preżentata tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ dawn l-intervenjenti, ma tkunx tista’ tingħalaq jew il-proċedura jkollha tinfetaħ mill-ġdid.

38

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Artikolu 97(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedi li, meta qorti nazzjonali tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-ammissjoni ta’ parti ġdida fil-kawża prinċipali, meta l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà pendenti, din il-parti għandha taċċetta l-proċedura fl-istat li tkun fih fid-data ta’ din l-informazzjoni.

39

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ titwassal sabiex tippermetti lil intervenjent ammess fil-proċedura fil-kawża prinċipali jippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub biss fit-terminu li jkollhom, għal dan l-għan, il-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li lilhom it-talba għal deċiżjoni prinċipali tkun ġiet inizjalment innotifikata.

40

Għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-preżentata tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-intervenjenti ammessi fil-kawża prinċipali mill-qorti tar-rinviju ma kkostitwixxietx riskju, la għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u lanqas sabiex il-kawża tiġi ttrattata fi żmien raġonevoli. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma kienx hemm lok li tirrikorri għall-fakultà msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

41

Fid-dawl tal-premess, l-argumenti tal-Gvern Taljan intiżi sabiex l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-intervenjenti fil-kawża prinċipali jiġu ddikjarati inammissibbli għandhom jiġi miċħuda. Dawn l-osservazzjonijiet bil-miktub sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja huma ammissibbli.

Fuq id-domanda preliminari

42

Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi, mat-tressiq ta’ azzjoni fi proċeduri ġudizzjarji amministrattivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, il-ħlas ta’ spejjeż ġudizzjarji li huma ogħla minn dawk imposti f’oqsma oħra.

43

L-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665 jeżiġi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu l-eżistenza ta’ rimedji effikaċi u fl-iqsar żmien possibbli kontra d-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kontraenti inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u li jiżguraw aċċessibbiltà wiesgħa ta’ rimedji għal kull persuna li għandha jew kellha interess li tikseb kuntratt partikolari u ġiet jew setgħet ġiet ippreġudikata minn ksur allegat.

44

Din id-direttiva tħalli lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali fl-għażla tal-garanziji proċedurali li hija għandha tipprevedi u l-formalitajiet marbuta magħhom (ara s-sentenza Combinatie Spijker Infrabouw-De Jonge Konstruktie et, C‑568/08, EU:C:2010:751, punt 57).

45

Partikolarment, id-Direttiva 89/665 ma tinkludi ebda dispożizzjoni li tittratta speċifikament l-ispejjeż ġudizzjarji mħallsa mill-individwi meta jressqu, konformement mal-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-direttiva, azzjoni għal annullament kontra deċiżjoni allegatament illegali li tirrigwarda proċedura tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

46

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, huwa l-kompitu ta’ kull Stat Membru li, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, jirregola l-modalitajiet tal-proċedura amministrattiva u dawk tal-proċedura ġudizzjarja intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jiddeduċu mid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, dawn il-modalitajiet proċedurali ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet simili previsti għall-ħarsien ta’ drittijiet taħt l-ordinament ġuridiku intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenzi Club Hotel Loutraki et, C‑145/08 u C‑149/08, EU:C:2010:247, punt 74 kif ukoll eVigilo, C‑538/13, EU:C:2015:166, punt 39).

47

Barra minn hekk, ladarba tali spejjeż ġudizzjarji jikkostitwixxu modalitajiet proċedurali għal rimedju ġudizzjarju intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-kandidati u lill-offerenti ppreġudikati minn deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kontraenti, dawn ma għandhomx jippreġudikaw l-effettività tad-Direttiva 89/665 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Universale-Bau et, C‑470/99, EU:C:2002:746, punt 72, kif ukoll eVigilo,C‑538/13, EU:C:2015:166, punt 40).

48

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan jimplika rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja, stipulat fl-Artikolu 47 tal-Karta, li l-qorti nazzjonali għandha tosserva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sánchez Morcillo u Abril García, C-169/14, EU:C:2014:2099, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

B’hekk, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 għandu neċessarjament jiġi interpretat fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li huma inklużi fl-imsemmija karta, b’mod partikolari, id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti, previst fl-Artikolu 47 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ryneš, C‑212/13, EU:C:2014:2428, punt 29).

50

Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk leġiżlazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax titqies konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, kif ukoll mal-effettività tad-Direttiva 89/665.

51

Iż-żewġ aspetti ta’ din il-verifika jikkonċernaw, minn naħa, l-ammonti tal-kontribuzzjoni unifikata li għandhom jitħallsu sabiex titressaq azzjoni fi proċeduri ġudizzjarji amministrattivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u, min-naħa l-oħra, il-każijiet ta’ kumulu ta’ tali kontribuzzjonijiet imħallsa fl-ambitu tal-istess proċedura ġudizzjarja amministrattiva fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

Fuq il-kontribuzzjoni unifikata li għandha titħallas sabiex titressaq azzjoni fil-proċeduri ġudizzjarji amministrattivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi

52

Qabelxejn, għandu jitfakkar, bħalma osserva l-Gvern Awstrijak, li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, din tapplika għall-kuntratti previsti mid-Direttiva 2004/18, minbarra l-każijiet fejn dawn il-kuntratti huma esklużi skont l-Artikoli 10 sa 18 ta’ din id-direttiva tal-aħħar.

53

Issa, skont l-Artikolu 7, li jinsab fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Skop”, din tipprevedi biss kuntratti pubbliċi li l-valur tagħhom meqjus mingħajr it-taxxa fuq il-valur miżjud huwa daqs jew ogħla mil-limiti massimi previsti f’din id-dispożizzjoni.

54

Minn dan isegwi li l-kuntratti pubbliċi għal servizzi mogħtija minn awtoritajiet kontraenti li ma humiex awtoritajiet governattivi ċentrali li l-valur tagħhom huwa inqas minn EUR 193000 ma humiex previsti mid-Direttiva 2004/18 u, konsegwentement, lanqas ma huma previsti mid-Direttiva 89/665.

55

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li s-sistema tal-ispejjeż ġudizzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi tliet ammonti fissi ta’ kontribuzzjoni unifikata li jitilgħu għal EUR 2000, EUR 4000 u EUR 6000, għat-tliet kategoriji ta’ kuntratti pubbliċi, jiġifieri dawk ta’ valur ta’ EUR 200000 jew inqas, dawk li l-valur tagħhom jinsab bejn EUR 200000 u EUR 1000000, u dawk ta’ valur ogħla minn EUR 1000000.

56

Mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sistema tal-ammonti fissi ta’ kontribuzzjoni unifikata hija proporzjonata għall-valur tal-kuntratti pubbliċi li jaqgħu taħt dawn it-tliet kategoriji differenti u hija, fit-totalità tagħha, ta’ natura digressiva.

57

Fil-fatt, il-kontribuzzjoni unifikata li għandha titħallas, espressa f’perċentwali mill-valuri “limiti” tat-tliet kategoriji ta’ kuntratti pubbliċi, tvarja minn 1.0 % sa 1.036 % tal-valur tal-kuntratt jekk dan ikun jinsab bejn EUR 193000 u EUR 200000, minn 0.4 % sa 2.0 %, jekk dan il-valur ikun jinsab bejn EUR 200000 u EUR 1000000, u tikkorrispondi għal 0.6 % tal-valur tal-kuntratt jew inqas, jekk dan il-valur jeċċedi EUR 1000000.

58

Issa, l-ispejjeż ġudizzjarji li għandhom jitħallsu għat-tressiq ta’ azzjoni fil-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, li ma jeċċedux 2 % tal-valur tal-kuntratt ikkonċernat, ma jistgħux irendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

59

Ebda fattur imqajjem mill-qorti tar-rinviju jew mill-partijiet interessati li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jqiegħed f’dubju din il-konstatazzjoni.

60

Partikolarment, fir-rigward tal-istabbiliment tal-kontribuzzjoni unifikata skont il-valur tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u mhux skont il-profitt li l-impriża li tipparteċipa fis-sejħa għal offerti għandha dritt tistenna minn dan il-kuntratt, għandu jiġi indikat, minn naħa, li diversi Stati Membri jirrikonoxxu l-possibbiltà li l-ispejjeż ġudizzjarji li għandhom jitħallsu għandhom jiġu kkalkulati billi jibbażaw ruħhom fuq il-valur tas-suġġett li l-kawża tittratta.

61

Min-naħa l-oħra, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fl-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, regola li teħtieġ kalkoli speċifiċi għal kull sejħa għal offerti u għal kull impriża, li r-riżultat tagħhom jista’ jiġi kkontestat, hija kkumplikata u imprevedibbli.

62

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kontribuzzjoni unifikata Taljana bi preġudizzju għall-operaturi ekonomiċi ta’ kapaċità finanzjarja dgħajfa, għandu, minn naħa, jiġi rrilevat li, bħalma osservat il-Kummissjoni, din il-kontribuzzjoni hija imposta indistintament, kemm fil-forma tagħha kif ukoll fl-ammont tagħha, fir-rigward tal-individwi kollha li jixtiequ jressqu azzjoni kontra deċiżjoni adottata mill-awtoritajiet kontraenti.

63

Hemm lok li jiġi kkonstatat li tali sistema ma toħloqx diskriminazzjoni bejn l-operaturi li jaġixxu fl-istess settur ta’ attività.

64

Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet tad-direttivi tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, bħall-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/18, jirriżulta li l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’kuntratt pubbliku tippreżupponi kapaċità ekonomika u finanzjarja xierqa.

65

Finalment, minkejja li r-rikorrent huwa obbligat iħallas il-kontribuzzjoni unifikata mal-preżentata tal-azzjoni ġudizzjarja tiegħu kontra deċiżjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, il-parti li titlef hija fil-prinċipju marbuta li tirrimborsa l-ispejjeż ġudizzjarji mħallsa mill-parti li tirbaħ il-kawża.

66

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-fatt li, fil-qasam tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-kontribuzzjoni unifikata li għandha titħallas hija ikbar minn, minn naħa, l-ammonti li għandhom jitħallsu għall-kawżi amministrattivi sottomessi għall-proċedura ordinarja u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż ġudizzjarji sostnuti fil-proċeduri ċivili, ma jistax fih innifsu juri ksur ta’ dan il-prinċipju.

67

Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ekwivalenza, kif imfakkar fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, jimplika trattament ugwali ta’ azzjonijiet ibbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali u ta’ dawk, simili, ibbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni, u mhux l-ekwivalenza tar-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli għal tilwimiet ta’ natura differenti bħalma huma l-kontenzjuż ċivili, minn naħa, u l-kontenzjuż amministrattiv, min-naħa l-oħra, jew għal tilwimiet li jaqgħu taħt żewġ oqsma tad-dritt differenti (ara s-sentenza ÖBB Personenverkehr, C-417/13, EU:C:2015:38, punt 74).

68

Fil-każ ineżami, ebda fattur issollevat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jista’ jsostni l-argument li s-sistema tal-kontribuzzjoni unifikata Taljana tapplika b’mod differenti għall-azzjonijiet ibbażati fuq id-drittijiet li l-individwi jiddeduċu mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi milli għal dawk ibbażati fuq il-ksur tad-dritt intern li għandu l-istess suġġett.

69

Minn dan għandu jiġi konkluż li l-ispejjeż ġudizzjarji li għandhom jitħallsu mal-preżentata ta’ azzjoni fil-proċeduri ġudizzjarji amministrattivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, bħall-kontribuzzjoni unifikata inkwistjoni fil-kawża prinċipali, la jippreġudikaw l-effettività tad-Direttiva 89/665 u lanqas il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

Fuq il-kumulu ta ’ kontribuzzjonijiet imħallsa fil-kuntest tal-istess proċedura ġudizzjarja amministrattiva fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi

70

Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-kontribuzzjoni unifikata għandha titħallas mhux biss mar-reġistrazzjoni fir-reġistru tar-rikors promotur, ippreżentat kontra deċiżjoni meħuda minn awtorità kontraenti fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, iżda l-istess ammont għandu jitħallas ukoll għall-azzjonijiet inċidentali u l-motivi addizzjonali introdotti minn talbiet ġodda matul l-istanza.

71

Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li, fi kliem ċirkulari tas-Segretario Generale, tat-18 ta’ Ottubru 2001, hija biss l-introduzzjoni ta’ atti proċedurali awtonomi meta mqabbla mar-rikors promotur u li huma intiżi li jestendu b’mod sinjifikattiv is-suġġett tat-tilwima li tagħti lok għall-ħlas ta’ spejjeż addizzjonali.

72

Il-ħlas ta’ spejjeż ġudizzjarji multipliċi u kumulattivi fl-ambitu tal-istess proċedura amministrattiva la jmur kontra, bħala prinċipju, għall-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, lanqas għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

73

Fil-fatt, tali ħlas jikkontribwixxi, bħala prinċipju, għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ġudizzjarja, sa fejn dan jikkostitwixxi sors ta’ finanzjament tal-attività ġudizzjarja tal-Istati Membri u tiskoraġġixxi t-tressiq ta’ talbiet li jkunu manifestament infondati jew li jkunu intiżi biss sabiex idewmu l-proċedura.

74

Dawn l-għanijiet jistgħu jiġġustifikaw applikazzjoni multiplika tal-ispejjeż ġudizzjarji bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali biss meta l-għanijiet tal-azzjonijiet jew tal-motivi addizzjonali jkunu fil-fatt distinti u jkunu jikkostitwixxu estensjoni sinjifikattiva tas-suġġett tal-kawża diġà pendenti.

75

Min-naħa l-oħra, jekk dan ma huwiex il-każ, obbligu ta’ ħlas addizzjonali ta’ spejjeż ġudizzjarji minħabba l-preżentata ta’ tali azzjonijiet jew motivi jkun kuntrarju għall-aċċessibbiltà għal rimedji ggarantita mid-Direttiva 89/665 u għall-prinċipju ta’ effettività.

76

Meta persuna tippreżenta diversi azzjonijiet ġudizzjarji jew diversi motivi addizzjonali fl-ambitu tal-istess proċedura ġudizzjarja, il-fatt biss li l-għan finali ta’ din il-persuna huwa dak li tikseb kuntratt partikolari ma jfissirx neċessarjament identiċità tas-suġġetti tal-azzjonijiet tagħha jew tal-motivi tagħha.

77

Fil-każ ta’ kontestazzjoni minn parti kkonċernata, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li teżamina s-suġġetti tal-azzjonijiet ippreżentati minn individwu jew tal-motivi ssollevati minnu fl-ambitu tal-istess proċedura. Jekk il-qorti nazzjonali tikkonstata li dawn is-suġġetti ma humiex distinti jew ma jikkostitwixxux estensjoni sinjifikattiva tas-suġġett tal-kawża diġà pendenti, hija għandha tiddispensa lil dan l-individwu mill-obbligu ta’ ħlas ta’ spejjeż ġudizzjarji kumulattivi.

78

Barra minn hekk, ma tqajjem ebda element quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jista’ jqiegħed f’dubju l-konformità tal-kumulu ta’ kontribuzzjonijiet unifikati mal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

79

Fid-dawl tal-premess, għad-domanda li saret għandha tingħata risposta bil-mod kif ġej:

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-ħlas ta’ spejjeż ġudizzjarji bħalma hija l-kontribuzzjoni unifikata inkwistjoni fil-kawża prinċipali meta titressaq, quddiem il-qrati amministrattivi, azzjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ma jipprekludux la l-impożizzjoni ta’ spejjeż ġudizzjarji multipliċi fuq individwu li jressaq diversi azzjonijiet ġudizzjarji marbuta mal-istess għoti ta’ kuntratt pubbliku u lanqas li dan l-individwu jiġi obbligat iħallas spejjeż ġudizzjarji addizzjonali sabiex ikun jista’ jressaq motivi addizzjonali dwar l-istess għoti ta’ kuntratt pubbliku, fl-ambitu ta’ proċedura ġudizzjarja pendenti. Madankollu, fil-każ ta’ kontestazzjoni minn parti kkonċernata, hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina s-suġġetti tal-azzjonijiet imressqa minn individwu jew il-motivi mqajma minnu fl-ambitu tal-istess proċedura. Jekk il-qorti nazzjonali tikkonstata li dawn is-suġġetti ma humiex fil-fatt distinti jew ma jikkostitwixxux estensjoni sinjifikattiva tas-suġġett tal-kawża diġà pendenti, il-qorti nazzjonali għandha tiddispensa lil dan l-individwu mill-obbligu ta’ ħlas ta’ spejjeż ġudizzjarji kumulattivi.

Fuq l-ispejjeż

80

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħolijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet], kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, u bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007, kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-ħlas ta’ spejjeż ġudizzjarji bħalma hija l-kontribuzzjoni unifikata inkwistjoni fil-kawża prinċipali meta titressaq, quddiem il-qrati amministrattivi, azzjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

 

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, kif emendata bid-Direttiva 2007/66, kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ma jipprekludux la l-impożizzjoni ta’ spejjeż ġudizzjarji multipliċi fuq individwu li jressaq diversi azzjonijiet ġudizzjarji marbuta mal-istess għoti ta’ kuntratt pubbliku u lanqas li dan l-individwu jiġi obbligat iħallas spejjeż ġudizzjarji addizzjonali sabiex ikun jista’ jressaq motivi addizzjonali dwar l-istess għoti ta’ kuntratt pubbliku, fl-ambitu ta’ proċedura ġudizzjarja pendenti. Madankollu, fil-każ ta’ kontestazzjoni minn parti kkonċernata, hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina s-suġġetti tal-azzjonijiet imressqa minn individwu jew il-motivi mqajma minnu fl-ambitu tal-istess proċedura. Jekk il-qorti nazzjonali tikkonstata li dawn is-suġġetti ma humiex fil-fatt distinti jew ma jikkostitwixxux estensjoni sinjifikattiva tas-suġġett tal-kawża diġà pendenti, il-qorti nazzjonali għandha tiddispensa lil dan l-individwu mill-obbligu ta’ ħlas ta’ spejjeż ġudizzjarji kumulattivi.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Fuq