Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0023

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2015.
    Post Danmark A/S vs Konkurrencerådet.
    Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Sø- og Handelsretten.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 82 KE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq għad-distribuzzjoni tal-posta fi kwantità kbira – Reklamar dirett bil-posta – Sistema ta’ tnaqqis retroattiv – Effett ta’ esklużjoni – Kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv – Livell ta’ probabbiltà u natura serja ta’ effett antikompetittiv.
    Kawża C-23/14.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:651

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    6 ta’ Ottubru 2015 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 82 KE — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Suq għad-distribuzzjoni tal-posta fi kwantità kbira — Reklamar dirett bil-posta — Sistema ta’ tnaqqis retroattiv — Effett ta’ esklużjoni — Kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv — Livell ta’ probabbiltà u natura serja ta’ effett antikompetittiv”

    Fil-Kawża C‑23/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal għall-Affarijiet Marittimi u kummerċjali (Sø- og Handelsretten, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Jannar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Jannar 2014, fil-proċedura

    Post Danmark A/S

    vs

    Konkurrencerådet,

    fil-preżenza ta’:

    Bring Citymail Danmark A/S,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, J. L. da Cruz Vilaça (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Marzu 2015,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Post Danmark A/S, minn S. Zinck, avukat, u T. Lübbig, avukat,

    għal Bring Citymail Danmark A/S, minn P. Jakobsen, avukat,

    għall-Gvern Daniż, minn M. Wolff, bħala aġent, assistita minn J. Pinborg, avukat,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier u L. Malferrari kif ukoll minn L. Grønfeldt, bħala aġenti,

    għall-Awtorità ta’ Sorveljanza AELE, minn X. Lewis u M. Schneider kif ukoll minn M. Moustakali, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Mejju 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 82 KE.

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata f’kuntest ta’ kawża bejn Post Danmark A/S (iktar ’il quddiem “Post Danmark”) u Konkurrencerådet (Il-Kunsill għall-kompetizzjoni) dwar sistema ta’ tnaqqis retroattiv implementata minn din l-impriża fis-snin 2007 u 2008 għar-riklamar bil-posta fi kwantità kbira.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    3

    Meta seħħew il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri matul is-snin 2007 u 2008, Post Danmark kienet ikkontrollata mill-Istat Daniż u inkarigata mis-servizz postali universali tad-distribuzzjoni f’ġurnata, fit-territorju Daniż kollu, tal-korrispondenza u tal-pakketti, b’mod partikolari ta’ posta fi kwantità kbira, li tiżen inqas minn 2 kg. Hija kienet obbligata li tapplika sistema ta’ tariffi skont liema l-prezzijiet tas-servizzi li jaqgħu taħt l-obbligu ta’ servizz universali ma setgħux ivarjaw ikun xi jkun il-post ta’ destinazzjoni.

    4

    Sabiex tiġi kkompensata tal-obbligu ta’ servizz universali u tas-sistema ta’ tariffa unika li kienu imposti fuqha, Post Danmark kellha monopolju legali fuq id-distribuzzjoni tal-korrispondenza, inkluż fil-kuntest tal-posta fi kwantità kbira, b’mod partikolari tar-reklamar dirett bil-posta, ta’ piż massimu ta’ 50 gramma.

    5

    Ir-reklamar dirett bil-posta huwa parti mis-suq tal-posta fi kwantità kbira, li jikkonsisti fid-distribuzzjoni, fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni, tar-reklamar bil-posta li għandu l-istess kontenut, bl-indirizz tad-destinatarju.

    6

    Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li Post Danmark implementat sistema ta’ tnaqqis għar-reklamar dirett bil-posta fl-2003, fi żmien meta ma kienx hemm kompetizzjoni fis-suq tad-distribuzzjoni tal-posta fi kwantità kbira u fejn il-monopolju fuq id-distribuzzjoni tal-korrispondenza kien japplika fuq il-korrispondenza kollha li tiżen massimu ta’ 100 gramma.

    7

    Dan it-tnaqqis japplika għall-posta mibgħuta mill-klijent, li tinkludi minn tal-inqas 3000 eżemplari kull darba, peress li l-posta kollha trid jew tilħaq minimu ta’ 30000 korrispondenza kull sena, jew tirrappreżenta ammont gross tal-ispejjeż tal-posta annwali ta’ mill-inqas DKK 300000 (bejn wieħed u ieħor EUR 40200). Din is-sistema ta’ tnaqqis tinkludi skala ta’ rati ta’ bejn 6 % sa 16 %, peress li din tal-aħħar tkun tapplika għall-klijenti li jibagħtu iktar minn 2 miljuni ta’ posta fis-sena, jew posta li tammonta għal iktar minn DKK 20 miljun (bejn wieħed u ieħor EUR 2680426) fis-sena. L-iskala tat-tnaqqis kienet “standarizzata”, jiġifieri li l-klijenti kollha setgħu jiksbu l-istess tnaqqis skont ix-xiri tagħhom akkumulat matul il-perijodu ta’ referenza, jiġifieri sena.

    8

    Post Danmark u l-klijenti tagħha jikkonkludu, fil-bidu tas-sena, ftehimiet li jindikaw il-kwantitajiet ta’ posta stmata għal dik is-sena. It-tnaqqis kien jingħata u l-fatturazzjoni ssir perjodikament fuq din il-bażi. Fl-aħħar tas-sena, Post Danmark kienet twettaq aġġustament meta l-kwantitajiet mibgħuta ma kinux l-istess bħal dawk li kienu s-suġġett tal-istima inizjali. Il-prezz għall-posta ta’ kull klijent kien aġġustat fl-aħħar tas-sena, b’effett retroattiv fil-bidu ta’ din l-istess sena, abbażi tal-kwantità tal-posta effettivament mibgħuta. Ir-rata tat-tnaqqis finalment miżmuma kienet għalhekk tapplika lill-posta kollha mibgħuta matul il-perijodu kkonċernat u mhux esklużivament għall-posta li teċċedi l-kwantità inizjalment stmata. Bl-istess mod, klijent li kellu volum ta’ posta inferjuri għall-kwantità stmata kellu jirrimborsa lil Post Danmark.

    9

    Is-sistema ta’ tnaqqis inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tapplika għall-materjal pubbliċitarju kollu bl-indirizz tad-destinatarju, sew jekk jaqa’ jew ma jaqax taħt il-monopolju ta’ Post Danmark u sew jekk id-distribuzzjoni tkun jew ma tkunx fiż-żoni li ma humiex koperti minn operaturi oħra. Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-progressività tat-tnaqqis applikata lis-servizzi tar-reklamar dirett bil-posta kienet tibbenefika iktar lill-klijenti ta’ daqs medju, peress li l-kwantitajiet mibgħuta mill-klijenti l-iktar importanti kienu ferm ikbar mil-livell superjuri.

    10

    Bring Citymail Danmark A/S (iktar ’il quddiem “Bring Citymail”), sussidjarja tal-Poste Norge AS, kumpannija li hija inkarigata bis-servizz tal-posta universali fin-Norveġja, fl-1 ta’ Jannar 2007, bdiet tqassam posta kummerċjali, inkluż taħt il-forma ta’ reklamar dirett bil-posta, fid-Danimarka. Bring Citymail kienet toffri servizz ta’ distribuzzjoni ta’ din il-posta mhux f’terminu ta’ ġurnata minn meta tintbagħat, iżda f’terminu ta’ tliet ijiem. Dan is-servizz kien jibbenefika minn tal-inqas 1 miljun unità domestika f’Kopenħagen (Danimarka) u lil tal-madwar, li kien jikkorrispondi għal madwar 40 % tat-totalità tal-unitajiet domestiċi kkonċernati.

    11

    Matul il-perijodu rilevanti, Bring Citymail kienet l-unika kompetittriċi serja ta’ Post Danmark fis-suq tal-posta fi kwantità kbira.

    12

    Bring Citymail irtirat mis-suq Daniż fl-2010 wara li ġarrbet telf sostanzjali. Skont spjegazzjonijiet ipprovduti f’dan ir-rigward, hija allegatament ġarrbet dannu ta’ DKK 500 miljun (bejn wieħed u ieħor EUR 67010654) minħabba fl-ispejjeż tal-istabbiliment u fir-riżultati negattivi matul is-snin finanzjarji 2006 sa 2009.

    13

    Wara lment ippreżentat minn Bring Citymail, il-Kunsill għall-kompetizzjoni kkunsidra, permezz tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Ġunju 2009, li Post Danmark kienet abbużat minn pożizzjoni dominanti fis-suq tad-distribuzzjoni tal-posta fi kwantità kbira meta applikat, fis-snin 2007 u 2008, tnaqqis għar-reklamar dirett bil-posta li kellu l-effett li jorbot lill-klijenti u li “jagħlaq” is-suq, mingħajr ma setgħet tissostanzja titjib fl-effiċjenza li seta’ jibbenefika lill-konsumaturi u jinnewtralizza l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni tal-imsemmija tnaqqis.

    14

    Il-Kunsill għall-kompetizzjoni qies b’mod partikolari li Post Danmark kienet sieħba kummerċjali inevitabbli fis-suq tal-posta fi kwantità kbira, peress li hija kellha iktar minn 95 % f’suq fejn l-aċċess għalih kien sar diffiċli minħabba fit-tfixkil importanti u li kien ikkaratterizzat mill-ekonomiji ta’ skala. Iktar minn hekk, Post Danmark kienet tgawdi minn vantaġġi strutturali importati mogħtija b’mod partikolari mill-monopolju previst mil-liġi, peress li, matul il-perijodu rilevanti, iktar minn 70 % tal-posta kollha fi kwantità kbira fid-Danimarka kienet taqa’ taħt dan il-monopolju, kif ukoll kopertura ġeografika unika kienet tinkludi lid-Danimarka kollha.

    15

    Skont il-Kunsill għall-kompetizzjoni, dawn l-elementi rrestrinġu lill-klijentela ta’ dan it-tip ta’ servizzi sabiex jduru fuq Post Danmark għal 70 % tal-posta li fuqha din tal-aħħar kellha dritt esklużiv u għall-parti sinjifikanti tal-posta fi kwantità kbira li kellha tiġi mqassma lil hinn mill-kopertura ġeografika ta’ Bring Citymail, hekk li, fiż-żona ġeografika proprja tagħha, Bring Citymail setgħet tikkompeti biss fuq madwar 30 % tal-posta.

    16

    Barra minn hekk, il-Kunsill għall-kompetizzjoni insista fuq l-istruttura u l-kontenut tas-sistema ta’ tnaqqis, b’mod partikolari n-natura retroattiva tagħha mal-perijodu ta’ sena għall-kisba tad-drittijiet u l-estensjoni tar-rati applikabbli għat-tnaqqis. Skont il-konstatazzjonijiet tal-Kunsill għall-kompetizzjoni, madwar żewġ terzi tal-posta mibgħuta bħala reklamar dirett bil-posta li ma hijiex koperta mill-monopolju ma setgħetx tiġi ttrasferita minn Post Danmark għal Bring Citymail mingħajr riperkussjonijiet negattivi fuq l-iskala tat-tnaqqis.

    17

    Minn dan huwa ddeduċa li l-imsemmija sistema kienet tinvolvi effett ta’ esklużjoni antikompetittiv fis-suq. F’dan ir-rigward, il-Kunsill għall-kompetizzjoni qies, għal kuntrarju ta’ Post Danmark, li ma kienx xieraq li l-evalwazzjoni tal-effett ta’ esklużjoni antikompetittiv fis-suq ikkawżat mis-sistema ta’ tnaqqis tiġi bbażata fuq il-kriterju “tal-kompetitur daqstant effettiv”, li kien jimplika paragun bejn il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-impriża dominanti. Fil-fatt, skont din l-awtorità, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tas-suq ikkonċernat, ma jistax jiġi rikjest, għall-finijiet ta’ dan il-paragun, li kompetitur ġdid ikun effiċjenti fiż-żmien qasir daqs Post Danmark.

    18

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni tal-appell tal-kompetizzjoni (Konkurrenceankenævnet) ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Kunsill għall-kompetizzjoni tal-24 ta’ Ġunju 2009.

    19

    Post Danmark ippreżentat il-kawża quddiem it-Tribunal għall-Affarijiet Marittimi u kummerċjali li kkunsidra li, għalkemm huwa stabbilit li, sabiex tkun tmur kontra l-Artikolu 82 KE, sistema ta’ tnaqqis, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, irid ikollha ċertu effett ta’ esklużjoni fis-suq, madankollu jeżisti dubju rigward il-kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi stabbilit jekk tali sistema tistax konkretament ikollha effett ta’ esklużjoni li jmur kontra l-Artikolu 82 KE.

    20

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal għall-Affarijiet Marittimi u kummerċjali ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Liema linji gwida għandhom jiġu segwiti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu minn impriża dominanti ta’ sistema ta’ tnaqqis li tapplika limiti ta’ volum standardizzati, li għandha barra minn hekk il-karatteristiċi deskritti fid-digriet tar-rinviju, jikkostitwixxix abbuż minn pożizzjoni dominanti bi ksur tal-Artikolu 82 KE?

    Fil-kuntest tar-risposta tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża l-importanza li għandu, fl-evalwazzjoni, il-fatt li l-iskali tas-sistema ta’ tnaqqis ikunu jew jkunux stabbiliti b’tali mod li s-sistema tkun applikabbli għall-parti l-kbira tal-klijenti fis-suq.

    Fil-kuntest tar-risposta tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża wkoll l-importanza li għandhom, skont il-każ, il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-impriża dominanti fl-evalwazzjoni ta’ tali sistema ta’ tnaqqis fir-rigward tal-Artikolu 82 KE (jiġifieri l-importanza tal-kriterju tat-tip ‘kompetitur daqstant effettiv’).

    Parallelament, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża l-importanza li għandhom f’dan ir-rigward il-karatteristiċi tas-suq, u b’mod partikolari jekk dawn jistgħux jiġġustifikaw ir-rikors għal [l-użu tal-]eżamijiet u analiżi differenti minn kriterju [tal-]kompetitur daqstant effettiv sabiex jintwera l-effett ta’ esklużjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 24 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni — [intitolata] “Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE [għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti]” [(ĠU 2009, C 45, p. 7)]).

    2)

    Sa liema punt l-effett antikompetittiv ta’ sistema ta’ tnaqqis li għandha l-karatteristiċi deskritti [fil-punti 10 sa 11] fid-digriet tar-rinviju għandu jkun probabbli u gravi sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE?

    3)

    Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domandi, liema huma ċ-ċirkustanzi preċiżi li l-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa jekk sistema ta’ tnaqqis, f’kuntest bħal dak li huwa deskritt fid-digriet tar-rinviju (jiġifieri fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq u dawk tas- sistema ta’ tnaqqis), għandha jew jista’ jkollha konkretament effett ta’ esklużjoni fis-suq tali li jikkostitwixxi abbuż li jaqa’ taħt l-Artikolu 82 KE?

    F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li l-effett ta’ esklużjoni fis-suq ikun notevoli?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-ewwel domanda, u l-ewwel subparagrafu tat-tielet domanda

    21

    Permezz tal-ewwel u tat-tieni subparagrafi tal-ewwel domanda, u tal-ewwel subparagrafu tat-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tispeċifika l-kriterji li għandhom jiġu applikati biex jiġi stabbilit jekk sistema ta’ tnaqqis, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistax ikollha effett ta’ esklużjoni fis-suq, bi ksur tal-Artikolu 82 KE. Il-qorti tar-rinviju titlob ukoll x’importanza għandha tingħata, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għall-fatt li l-imsemmija sistema ta’ tnaqqis tkun applikabbli għall-parti l-kbira tal-klijenti fis-suq.

    22

    Mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sistema ta’ tnaqqis użata minn Post Danmark matul is-snin 2007 u 2008 kellha tliet karatteristiċi prinċipali.

    23

    L-ewwel nett, l-iskala tat-tnaqqis, li tinkludi rati ta’ bejn 6 % sa 16 %, kienet “standarizzata”, jiġifieri li l-klijenti kollha setgħu jiksbu l-istess tnaqqis skont ix-xiri tagħhom akkumulat matul il-perijodu ta’ referenza annwali.

    24

    It-tieni nett, it-tnaqqis kien “kundizzjonali”, fis-sens li Post Danmark u l-klijenti tagħha kkonkludew, fil-bidu tas-sena, ftehimiet fejn kienu indikati l-kwantitajiet tal-posta stmati għall-imsemmija sena. Fl-aħħar tas-sena, Post Danmark kienet tagħmel aġġustament meta l-kwantitajiet ippreżentati ma kinux jaqblu ma dawk li kienu ġew stmati inizjalment.

    25

    It-tielet nett, it-tnaqqis kien “retroattiv”, fis-sens li, meta l-livell tal-posta stabbilit inizjalment kien inqabeż, ir-rata tat-tnaqqis miżmum fl-aħħar tas-sena kienet tapplika għall-posta kollha mibgħuta matul il-perijodu kkonċernat u mhux esklużivament għall-posta li teċċedi l-kwantità inizjalment stmata.

    26

    Għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE għal sistema ta’ tnaqqis, hemm lok li jitfakkar li, billi jipprojbixxi l-isfruttament abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq, sa fejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi affettwat, dan l-artikolu jkopri l-aġir li huwa ta’ natura li jinfluwenza l-istruttura ta’ suq fejn il-livell tal-kompetizzjoni jkun diġà ddgħajjef, minħabba, preċiżament, fil-preżenza tal-impriża li tokkupa tali pożizzjoni, u li għandu bħala effett li jostakola iż-żamma tal-livell ta’ kompetizzjoni li tkun għadha eżistenti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ dik il-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, EU:C:1983:313, punt 70, u British Airways vs Il-Kummissjoni, C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punt 66).

    27

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, għad-differenza tat-tnaqqis kwantitattiv, marbut esklużivament mal-volum tax-xiri li jsir mingħand il-produttur rilevanti li ma huwiex, bħala prinċipju, ta’ natura li jikser l-Artiklu 82 KE, tnaqqis għal lealtà, li għandu t-tendenza li jipprekludi, permezz tal-għoti ta’ vantaġġi finanzjarji, ix-xiri tal-klijenti mingħand produtturi kompetituri għall-bżonnijiet kollha tagħhom jew għal parti importanti minnhom, jikkostitwixxi abbuż fis-sens ta’ dan l-artikolu (ara s-sentenzi Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, EU:C:1983:313, punt 71, kif ukoll Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni,C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 70).

    28

    Fir-rigward tas-sistema ta’ tnaqqis inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi osservat li din is-sistema ma tistax titqies bħala sempliċi tnaqqis kwantitattiv marbut esklużivament mal-volum tax-xiri, sa fejn it-tnaqqis inkwistjoni jingħata mhux għal kull ordni individwali, b’hekk jikkorrispondi għall-ekonomiji tal-ispejjeż imwettqa mill-fornitur, iżda skont l-ordnijiet kollha li jsiru matul perijodu partikolari. Barra minn hekk, hija ma hijiex marbuta ma’ obbligu jew ma’ wegħda tax-xerrejja li jixtru esklużivament jew ċertu porzjon mill-bżonnijiet tagħhom mingħand Post Danmark, punt li kien jiddistingwiha mit-tnaqqis għal lealtà fis-sens tal-ġurisprudenza indikata fil-punt preċedenti.

    29

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi stabbilit jekk l-impriża f’pożizzjoni dominanti abbużatx minn din il-pożizzjoni billi użat sistema ta’ tnaqqis bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li huwa neċessarju li jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha, b’mod partikolari l-kriterji u r-regoli dwar l-għoti tat-tnaqqis, u li jiġi eżaminat jekk it-tnaqqis iwassalx, billi jipprovdi vantaġġ li ma huwa bbażat fuq ebda servizz ekonomiku li jiġġustifikah, li x-xerrej titneħħielu jew tiġi ristretta l-possibbiltà tal-għażla, sa fejn jirrigwarda s-sorsi ta’ provvisti tiegħu, li jiġi miċħud l-aċċess fis-suq tal-kompetituri, li japplikaw fir-rigward ta’ sħab kummerċjali kundizzjonijiet mhux ugwali għal prestazzjonijiet ekwivalenti jew li tiġi msaħħa l-pożizzjoni dominanti permezz ta’ kompetizzjoni distorta (sentenzi British Airways vs Il-Kummissjoni, C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punt 67, kif ukoll Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni,C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 71).

    30

    Fid-dawl tal-partikolaritajiet ta’ din il-kawża, għad hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżami taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, l-estensjoni tal-pożizzjoni dominanti ta’ Post Danmark u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni.

    31

    F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi vverifikat jekk dan it-tnaqqis jistax jipproduċi effett ta’ esklużjoni, jiġifieri jekk huwiex minnu nnifsu kapaċi, minn naħa, li jagħmel iktar diffiċli, jew impossibbli, l-aċċess għas-suq mill-kompetituri tal-impriża f’pożizzjoni dominanti u, min-naħa l-oħra, li jagħmel iktar diffiċli, jew impossibbli għall-kontraenti ma’ dik l-impriża, l-għażla bejn diversi sorsi ta’ provvisti jew imsieħba kummerċjali. Sussegwentement, għandna nfittxu jekk teżistix ġustifikazzjoni ekonomika u oġġettiva għat-tnaqqis mogħti (sentenza British Airways vs Il-Kummissjoni, C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punti 68 u 69).

    32

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kriterji u tar-regoli dwar l-għoti tat-tnaqqis, huwa importanti jitfakkar li t-tnaqqis inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien “retroattiv”, fis-sens li, jekk il-limitu stabbilit inizjalment fil-bidu tas-sena għall-kwantitajiet ta’ posta kien inqabeż, ir-rata tat-tnaqqis miżmuma fl-aħħar tas-sena kienet tapplika lill-posta kollha mibgħuta matul il-perijodu ta’ referenza u mhux esklużivament għall-posta li teċċedi l-limitu inizjalment stmat. Min-naħa l-oħra, klijent li kellu volum ta’ posta inferjuri għall-kwantità stmata kellu jirrimborsa lil Post Danmark.

    33

    Issa, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-obbligi kuntrattwali tal-partijiet kontraenti tal-impriża f’pożizzjoni dominanti u l-pressjoni eżerċitata fuqhom jistgħu jkunu partikolarment qawwija meta tnaqqis ma jirrigwardax biss iż-żieda fix-xiri tal-prodotti ta’ din l-impriża minn dawn il-partijiet kontraenti matul il-perijodu meħud inkunsiderazzjoni, iżda jestendi wkoll għal dan ix-xiri kollu. B’dan il-mod, varjazzjonijiet proporzjonalment modesti ta’ bejgħ tal-prodotti tal-impriża f’pożizzjoni dominanti jipproduċu effetti sproporzjonati fuq il-partijiet kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British Airways vs Il-Kummissjoni, C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punt 73).

    34

    Barra minn jekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li s-sistema ta’ tnaqqis inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet ibbażata fuq perijodu ta’ referenza ta’ sena. Issa, kull sistema ta’ tnaqqis mogħtija skont il-kwantitajiet mibjugħa matul perijodu ta’ referenza relattivament twil teżerċita neċessarjament, fl-aħħar tal-perijodu ta’ referenza, iktar pressjoni fuq ix-xerrej, li huwa nkoraġġut jikseb fatturat neċessarju sabiex jieħu l-vantaġġ jew sabiex ma jġarrabx it-telf previst għall-perijodu kollu (sentenza Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, EU:C:1983:313, punt 81).

    35

    Konsegwentement, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 37 u 38 tal-konklużjonijiet tagħha, tali sistema ta’ tnaqqis tista’ tagħmilha iktar faċli għall-impriża dominanti sabiex torbot lill-klijent tagħha stess kif ukoll sabiex tattira lill-klijenti tal-kompetituri tagħha u, finalment, tiġbed lejha l-parti inkwistjoni tad-domanda fis-suq rilevanti. Dan l-effett qiegħed jissaħħaħ mill-fatt li, fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tnaqqis, mingħajr distinzjoni, kien japplika għall-parti tad-domanda inkwistjoni kif ukoll għall-parti tad-domanda li ma hijiex inkwistjoni, jiġifieri, f’dan l-aħħar każ, għall-materjal pubbliċitarju indirizzat sa 50 gramma koperti mill-monopolju legali ta’ Post Danmark.

    36

    Fil-kawża prinċipali, jirriżulta mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, għal 25 mill-klijenti l-iktar importanti ta’ Post Danmark, li jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor in-nofs tal-volum tat-tranżazzjonijiet fis-suq rilevanti matul il-perijodu inkwistjoni, madwar żewġ terzi tal-posta taħt il-forma ta’ reklamar dirett bil-posta li ma hijiex koperta mill-monopolju ma setgħetx tiġi ttrasferita minn Post Danmark għal Bring Citymail mingħajr riperkussjonijiet negattivi fuq l-iskala tat-tnaqqis. Fil-każ li tali konstatazzjoni tkun ikkonfermata, ċirkustanza li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, l-inkoraġġament li jieħdu l-provvisti esklużivament jew sostanzjalment mingħand Post Danmark ikun partikolarment qawwi, u tali li tonqos b’mod sinjifikanti l-libertà tal-għażla tal-klijenti fir-rigward tas-sorsi ta’ provvisti tagħhom.

    37

    Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-istandardizzazzjoni tal-iskala tat-tnaqqis, li tirrigwarda l-fatt li l-klijenti kollha setgħu jiksbu l-istess tnaqqis skont ix-xiri tagħhom akkumulat matul il-perijodu ta’ referenza, tali karatteristika tippermetti, ċertament, li jiġi konkluż li, bħala prinċipju, is-sistema ta’ tnaqqis implementata minn Post Danmark ma kinitx tirreferi għal applikazzjoni, fir-rigward ta’ sħab kummerċjali, tal-kundizzjonijiet mhux ugwali għal prestazzjonijiet ekwivalenti, fis-sens tal-Artikolu 82(c) KE.

    38

    Madankollu, is-sempliċi fatt li sistema ta’ tnaqqis ma tkunx diskriminatorja ma jostakolax il-fatt li hija titqies bħala li tista’ toħloq effett ta’ esklużjoni fis-suq, bi ksur tal-Artikolu 82 KE. Fil-fatt, fis-sentenza Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, EU:C:1983:313, punti 86 u 91), il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li ċaħdet l-ilment tal-Kummissjoni skont liema s-sistema ta’ tnaqqis applikata minn Michelin kienet diskriminatorja, madankollu ddeċidiet li s-sistema kienet tikser l-Artikolu 82 KE, peress li l-bejjiegħa bl-imnut kienu jiddependu fuq din il-kumpannija.

    39

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-estensjoni tal-pożizzjoni dominanti ta’ Post Danmark u taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kompetizzjoni fis-suq tal-posta fi kwantità kbira, jirriżulta mid-digriet tar-rinviju li Post Danmark kellha 95 % f’dan is-suq fejn l-aċċess għalih kien protett minn ostakoli importanti u li kien ikkaratterizzat mill-ekonomiji ta’ skala sinjifikattivi. Post Danmark kellha wkoll vantaġġi strutturali mogħtija b’mod partikolari mill-monopolju legali fuq id-distribuzzjoni tal-korrispondenza ta’ piż massimu ta’ 50 gramma li kienet tirrigwarda 70 % tal-posta kollha fi kwantità kbira. Iktar minn hekk, Post Danmark kellha kopertura ġeografika unika li kienet tinkludi lid-Danimarka kollha.

    40

    Issa, il-pussess ta’ parti mis-suq estremament importanti jpoġġi lill-impriża li għandha tali pussess f’sitwazzjoni ta’ saħħa li jagħmilha sieħba obbligatorja u li jiżguralha indipendenza fl-aġir (sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, EU:C:1979:36, punt 41). F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa partikolarment diffiċli għall-kompetituri tal-imsemmija impriża li jagħmlu offerta iktar attraenti fir-rigward tat-tnaqqis ibbażat fuq il-volum globali tal-bejgħ. Minħabba fil-parti tagħha fis-suq li huwa kunsiderevolment ikbar, l-impriża f’pożizzjoni dominanti tikkostitwixxi bħala regola ġenerali sieħba kummerċjali inevitabbli fis-suq (ara s-sentenza British Airways vs Il-Kummissjoni, C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punt 75).

    41

    Din iċ-ċirkustanza, flimkien mal-elementi indikati fil-punt 39 ta’ din is-sentenza li jikkontribwixxu għall-ispeċifikazzjoni tas-sitwazzjoni kompetittiva eżistenti fis-suq rilevanti, tippermetti li jiġi konkluż li l-kompetizzjoni f’suq bħal dan kienet diġà limitata ħafna.

    42

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li sistema ta’ tnaqqis użata minn impriża, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, mingħajr ma torbot b’obbligu formali lill-klijenti ma’ din tal-aħħar, madankollu tagħmilha iktar diffiċli li dawn il-klijenti jieħdu l-provvisti tagħhom minn impriżi kompetituri, toħloq effett ta’ esklużjoni antikompetittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 72).

    43

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll x’inhi l-importanza li għandha tingħata, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-sistema ta’ tnaqqis implementata minn Post Danmark, għall-fatt li din is-sistema tapplika għall-parti l-kbira tal-klijentela fis-suq.

    44

    Iċ-ċirkustanza li t-tnaqqis imwettaq minn Post Danmark jirrigwarda parti kbira mill-klijenti fis-suq ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, indizju ta’ aġir abbużiv ta’ din l-impriża.

    45

    Fil-fatt, fil-kuntest ta’ kawża li kellha bħala suġġett b’mod partikolari l-evalwazzjoni tat-tnaqqis għal lealtà mwettaq minn impriża f’pożizzjoni dominanti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx hemm bżonn li jiġi vverifikat, rispettivament, kemm kien in-numru tal-kuntratti li jinkludu l-klawżola kkontestata u tal-kuntratti fejn din ma kinitx tidher (sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, EU:C:1975:174, punt 511).

    46

    Madankollu, il-fatt li s-sistema ta’ tnaqqis, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkopri l-parti l-kbira tal-klijentela fis-suq jista’ jikkostitwixxi indizju utli dwar l-importanza ta’ din il-prattika u dwar l-impatt tagħha fis-suq, u b’hekk issaħħaħ, b’kull probabbiltà, l-effett ta’ esklużjoni antikompetittiv.

    47

    Fl-aħħar nett, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonstata l-eżistenza tal-effetti antikompetittivi attribwibbli lil Post Danmark, għandu jitfakkar li impriża f’pożizzjoni dominanti tista’ madankollu tiġġustifika aġir li jista’ jaqa’ taħt il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 82 KE.

    48

    B’mod partikolari, tali impriża tista’ turi li l-effett ta’ esklużjoni li jirriżulta mill-aġir tagħha jista’ jiġi kkumpensat, jew anki jiġi ssuperat, permezz ta’ vantaġġi f’dak li jirrigwarda l-effiċjenza li minnha jgawdu wkoll il-konsumaturi (ara s-sentenzi British Airways vs Il-Kummissjoni, C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punt 86, u TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 76).

    49

    F’dan l-aħħar rigward, hija l-impriża f’pożizzjoni dominanti li għandha turi li ż-żieda fl-effiċjenza li tista’ tirriżulta mill-aġir ikkunsidrat tinnewtralizza l-effetti dannużi probabbli fuq il-kompetizzjoni u fuq l-interessi tal-konsumaturi fis-swieq affettwati, li din iż-żieda fl-effiċjenza kienet jew tista’ titwettaq permezz ta’ dan l-aġir, li dan tal-aħħar huwa indispensabbli għat-twettiq tagħha u li ma jeliminax kompetizzjoni effettiva billi jneħħi totalment jew il-parti l-kbira tas-sorsi eżistenti tal-kompetizzjoni attwali jew potenzjali (sentenza Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 42).

    50

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-ewwel domanda u għall-ewwel subparagrafu tat-tielet domanda, hija li, sabiex jiġi stabbilit jekk sistema ta’ tnaqqis, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, implementata minn impriża f’pożizzjoni dominanti, jistax ikollha effett ta’ esklużjoni fis-suq, bi ksur tal-Artikolu 82 KE, għandhom jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi kollha f’dan il-każ, b’mod partikolari l-kriterji u r-regoli dwar l-għoti tat-tnaqqis, l-estensjoni tal-pożizzjoni dominanti tal-impriża kkonċernata u l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-kompetizzjoni fis-suq rilevanti. Iċ-ċirkustanza li l-imsemmija sistema ta’ tnaqqis tkopri l-parti l-kbira tal-klijentela fis-suq tista’ tikkostitwixxi indizju utli dwar l-importanza ta’ din il-prattika u dwar l-impatt tagħha fis-suq, u b’hekk issaħħaħ, b’kull probabbiltà, l-effett ta’ esklużjoni antikompetittiv.

    Fuq it-tielet u r-raba ’ subparagrafi tal-ewwel domanda

    51

    Permezz tat-tielet u tar-raba’ subparagrafi tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tispeċifika l-importanza li għandha tingħata lill-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ sistema ta’ tnaqqis fid-dawl tal-Artikolu 82 KE.

    52

    Peress li l-qorti tar-rinviju invokat, fir-raba’ subparagrafu tal-ewwel domanda tagħha, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu [82 KE] għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti”, hemm lok li jiġi osservat preliminarjament li dan it-test huwa limitat li jiddefinixxi l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tal-għażla tal-kawżi li hija trid issegwi bħala kwistjoni ta’ prijorità, hekk li l-prassi amministrattiva segwita minn din tal-aħħar ma jkollhiex effett vinkolanti fuq l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u fuq il-qrati nazzjonali.

    53

    Hemm lok li jiġi osservat li l-applikazzjoni tal-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv tikkonsisti fl-eżami ta’ jekk il-prassi tal-ipprezzar ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jirriskja li jipprekludi mis-suq kompetitur effiċjenti daqs din l-impriża.

    54

    Dan il-kriterju huwa bbażat fuq tqabbil tal-prezzijiet applikati minn impriża f’pożizzjoni dominanti u ta’ ċerti spejjeż magħmula minn din l-impriża kif ukoll fuq analiżi ta’ din l-istrateġija tagħha (ara s-sentenza Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 28).

    55

    Il-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv kien speċifikament applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq prattiki ta’ prezzijiet baxxi taħt il-forma ta’ prezzijiet selettivi jew prezzijiet predatorji (ara, għall-prezzijiet selettivi, is-sentenza Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punti 28 sa 35, kif ukoll, għall-prezzijiet predatorji, is-sentenzi AKZO vs Il-Kummissjoni, C‑62/86, EU:C:1991:286, punti 70 sa 73, u France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑202/07 P, EU:C:2009:214, punti 107 u 108) kif ukoll ta’ kompressjoni fuq il-marġni (sentenza TeliaSonera Sverige, C-52/09, EU:C:2011:83, punti 40 sa 46).

    56

    Fir-rigward tat-tqabbil tal-prezzijiet u tal-ispejjeż fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE għas-sistema tat-tnaqqis, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatturazzjoni lill-klijenti tal-“prezzijiet negattivi”, jiġifieri prezzijiet inferjuri għall-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid, ma tikkostitwixxix kundizzjoni preliminari għal konstatazzjoni tal-karattru abbużiv ta’ sistema ta’ tnaqqis retroattiv minn impriża f’pożizzjoni dominanti (sentenza Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, C-549/10 P, EU:C:2012:221, punt 73). F’din l-istess kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-assenza ta’ tqabbil tal-prezzijiet u tal-ispejjeż ma tikkostitwixxix żball ta’ liġi (sentenza Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, C-549/10 P, EU:C:2012:221, punt 80).

    57

    Minn dan isegwi li, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 61 u 63 tal-konklużjonijiet tagħha, ma huwiex possibbli li jinsilet mill-Artikolu 82 KE jew mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja obbligu legali li jsir użu sistematiku għall-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv biex tiġi kkonstatata n-natura abbużiva tas-sistema ta’ tnaqqis użata minn impriża f’pożizzjoni dominanti.

    58

    Din il-konklużjoni madankollu ma għandhiex ikollha bħala effett li teskludi, a priori, l-użu tal-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv fil-kawżi li jikkontestaw is-sistema ta’ tnaqqis sabiex jiġu eżaminati għall-konformità mal-Artikolu 82 KE.

    59

    Min-naħa l-oħra, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikkaratterizzata mill-fatt li l-impriża f’pożizzjoni dominanti għandha parti mis-suq importanti ħafna u minn vantaġġi strutturali mogħtija b’mod partikolari mill-monopolju legali ta’ din l-impriża li kienet tirrigwarda 70 % tal-posta fis-suq rilevanti, l-applikazzjoni tal-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv hija rrilevanti sa fejn l-istruttura tas-suq tagħmilha prattikament impossibbli li jidħol fis-suq kompetitur daqstant effettiv.

    60

    Barra minn hekk, f’suq, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-aċċess għalih kien protett minn ostakoli importanti, il-preżenza ta’ kompetitur inqas effettiv tista’ tikkontribwixxi sabiex tintensifika l-pressjoni kompetittiva fuq dan is-suq u, b’dan il-mod, tiġi eżerċitata limitazzjoni fuq l-aġir tal-impriża f’pożizzjoni dominanti.

    61

    Il-kriterju ta’ kompetitur daqstant effettiv għandu għalhekk jitqies bħala strument fost oħrajn sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ sfruttament abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti fil-kuntest ta’ sistema ta’ tnaqqis.

    62

    Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u għar-raba’ subparagrafi tal-ewwel domanda għandha tkun li l-applikazzjoni tal-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv ma tikkostitwixxix kundizzjoni indispensabbli sabiex tiġi kkonstatata n-natura abbużiva ta’ sistema ta’ tnaqqis, fid-dawl tal-Artikolu 82 KE. F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni tal-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv hija rrilevanti.

    Fuq it-tieni domanda u fuq it-tieni subparagrafu tat-tielet domanda

    63

    Permezz tat-tieni domanda u tat-tieni subparagrafu tat-tielet domanda, li għandhom jingħataw risposta flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikolu 82 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, l-effett antikompetittiv ta’ sistema ta’ tnaqqis, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jkun, minn naħa, probabbli u, min-naħa l-oħra, gravi jew notevoli.

    64

    Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda, il-probabbiltà ta’ effett antikompetittiv, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza li, sabiex jintwera jekk l-impriża f’pożizzjoni dominanti għamlitx użu abbużiv ta’ din il-pożizzjoni permezz tal-applikazzjoni ta’ sistema ta’ tnaqqis, għandu, b’mod partikolari, jiġi eżaminat jekk it-tnaqqis iwassalx li x-xerrej titneħħielu jew tiġi ristretta l-possibbiltà tal-għażla, sa fejn jirrigwarda s-sorsi ta’ provvisti tiegħu, li jiġi miċħud l-aċċess fis-suq tal-kompetituri, li japplikaw fir-rigward ta’ sħab kummerċjali kundizzjonijiet mhux ugwali għal prestazzjonijiet ekwivalenti jew li tiġi msaħħa l-pożizzjoni dominanti permezz ta’ kompetizzjoni distorta.

    65

    F’dan ir-rigward u kif speċifikat l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tagħha, l-effett antikompetittiv ta’ prattika stabbilita ma jistax ikun ta’ natura purament ipotetika.

    66

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, sabiex tiġi stabbilita n-natura abbużiva ta’ tali prattika, l-effett antikompetittiv tagħha f’dan is-suq għandu jeżisti, iżda ma għandux neċessarjament ikun konkret, peress li huwa suffiċjenti li jkun hemm dimostrazzjoni ta’ effett antikompetittiv potenzjali ta’ natura li jeskludi lill-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqs l-impriża f’pożizzjoni dominanti (sentenza TeliaSonera Sverige, C-52/09, EU:C:2011:83, punt 64).

    67

    Minn dan isegwi li jaqgħu biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE l-impriżi f’pożizzjoni dominanti li l-aġir tagħhom jista’ jkollu effett antikompetittiv fuq is-suq.

    68

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ sistema ta’ tnaqqis li tillimita l-kompetizzjoni għandha ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, b’mod partikolari r-regoli u l-kriterji skont liema jingħata t-tnaqqis, in-numru tal-klijenti kkonċernati u l-karatteristiċi tas-suq li fuqu topera l-impriża dominanti.

    69

    Tali evalwazzjoni hija intiża li tistabbilixxi jekk l-aġir tal-impriża f’pożizzjoni dominanti jwassalx għall-esklużjoni effettiva jew probabbli tal-kompetituri, li tippreġudika l-kompetizzjoni u, għalhekk, lill-interessi tal-konsumaturi (sentenza Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 44).

    70

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tan-natura gravi jew notevoli tal-effett antikompetittiv, għalkemm huwa minnu li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti, waħedha, ma timplika l-ebda kritika fir-rigward tal-impriża kkonċernata (sentenza Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 21), l-aġir ta’ tali impriża, minħabba l-fatt li l-istruttura kompetittiva tas-suq diġà ddgħajfet, jista’ tagħti lok għal sfruttament abbużiv tal-pożizzjoni dominanti tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, EU:C:1979:36, punt 123, u France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑202/07 P, EU:C:2009:214, punt 107).

    71

    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li hija l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti li għandha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax bl-aġir tagħha l-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern (ara s-sentenza Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    72

    Barra minn hekk, sa fejn l-istruttura kompetittiva tas-suq diġà ddgħajfet minħabba fil-preżenza tal-impriża dominanti, kull restrizzjoni addizzjonali fuq din l-istruttura kompetittiva tista’ tikkostitwixxi sfruttament abbużiv tal-pożizzjoni dominanti (sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, EU:C:1979:36, punt 123).

    73

    Minn dan jirriżulta li l-istabbiliment ta’ kriterju tal-apprezzabbiltà (de minimis) sabiex jiġi determinat sfruttament abbużiv tal-pożizzjoni dominanti ma huwiex iġġustifikat. Fil-fatt, din il-prattika antikompetittiva tista’, min-natura tagħha stess, toħloq restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni li ma humiex negliġibbli, jew anki telimina l-kompetizzjoni fis-suq fejn topera l-impriża kkonċernata.

    74

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 82 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, l-effett antikompetittiv ta’ sistema ta’ tnaqqis użata minn impriża f’pożizzjoni dominanti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jkun probabbli, mingħajr ma jkun meħtieġ li jintwera li huwa ta’ natura gravi jew notevoli.

    Fuq l-ispejjeż

    75

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1) Sabiex jiġi stabbilit jekk sistema ta’ tnaqqis, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, implementata minn impriża f’pożizzjoni dominanti jistax ikollha effett ta’ esklużjoni fis-suq, bi ksur tal-Artikolu 82 KE, għandhom jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi kollha f’dan il-każ, b’mod partikolari l-kriterji u r-regoli dwar l-għoti tat-tnaqqis, l-estensjoni tal-pożizzjoni dominanti tal-impriża kkonċernata u l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-kompetizzjoni fis-suq rilevanti. Iċ-ċirkustanza li l-imsemmija sistema ta’ tnaqqis tkopri l-parti l-kbira tal-klijentela fis-suq tista’ tikkostitwixxi indizju utli dwar l-importanza ta’ din il-prattika u dwar l-impatt tagħha fis-suq, u b’hekk issaħħaħ, b’kull probabbiltà, l-effett ta’ esklużjoni antikompetittiv.

     

    2) L-applikazzjoni tal-kriterju tal-“kompetitur daqstant effettiv” ma tikkostitwixxix kundizzjoni indispensabbli sabiex tiġi kkonstatata n-natura abbużiva ta’ sistema ta’ tnaqqis, fid-dawl tal-Artikolu 82 KE. F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni tal-kriterju tal-“kompetitur daqstant effettiv” hija rrilevanti.

     

    3) L-Artikolu 82 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, l-effett antikompetittiv ta’ sistema ta’ tnaqqis użata minn impriża f’pożizzjoni dominanti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jkun probabbli, mingħajr ma jkun meħtieġ li jintwera li huwa ta’ natura gravi jew notevoli.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

    Fuq