Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0317

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-5 ta’ Frar 2015.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 45 TFUE — Regolament (UE) Nru 492/2011 — Moviment liberu tal-ħaddiema — Aċċess għall-impjiegi — Servizz pubbliku lokali — Konoxxenzi lingwistiċi — Modalità ta’ prova.
    Kawża C-317/14.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:63

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    5 ta’ Frar 2015 ( *1 )

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 45 TFUE — Regolament (UE) Nru 492/2011 — Moviment liberu tal-ħaddiema — Aċċess għall-impjiegi — Servizz pubbliku lokali — Konoxxenzi lingwistiċi — Modalità ta’ prova”

    Fil-Kawża C‑317/14,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-2 ta’ Lulju 2014,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Enegren u D. Martin, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn L. Van den Broeck, J. Van Holm u M. Jacobs, bħala aġenti,

    konvenut,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, A. Borg Barthet u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata li, billi rrikjeda mill-kandidati għall-pożizzjonijiet fid-dipartimenti lokali stabbiliti fir-reġjuni tal-lingwa Franċiża jew tal-lingwa Ġermaniża, li fir-rigward tagħhom ma jkunux jeżistu diplomi u ċertifikati li juru li huma wettqu l-istudju tagħhom fil-lingwa kkonċernata, li jiksbu ċ-ċertifikat maħruġ mill-uffiċċju ta’ selezzjoni dipendenti tas-servizz pubbliku federali Persunal u Organizzazzjoni (SELOR), wara li jkunu għaddew mill-eżami organizzat minn dan l-organu, bħala l-unika modalità ta’ prova dwar il-konoxxenzi lingwistiċi sabiex jiksbu dawn il-pożizzjonijiet, ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 45 TFUE u skont ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, p. 1).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    2

    Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 257, p. 2), imsemmi fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża, ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament Nru 492/2011 mis-16 ta’ Ġunju 2011, jiġifieri f’data wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Il-kliem tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 492/2011 madankollu jirriproduċi, f’termini inoltrati, il-kliem tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1612/68 u jipprevedi:

    “Taħt dan ir-Regolament, dispożizzjonijiet stabbiliti b’liġi, regolament, jew azzjoni amministrativa ta’ xi Stat Membru m’għandhomx japplikaw:

    a)

    fejn huma jillimitaw l-applikazzjoni għal u l-offerti ta’ impjieg, jew id-dritt ta’ ċittadini barranin li jidħlu għal u jwettqu xogħol jew jissuġġettaw lil dawn għall-kondizzjonijiet mhux applikabbli fir-rigward tal-istess ċittadini tagħhom; jew

    b)

    fejn, għalkemm applikabbli irrispettivament miċ-ċittadinanza, l-għan jew l-effett esklużiv jew prinċipali tagħhom hu li jżommu ċittadini ta’ Stati Membri oħra ’l bogħod mill-impjieg offrut.

    L-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għall-kondizzjonijiet marbutin ma’ għarfien lingwistiku minħabba n-natura tal-kariga li għandha timtela.”

    Id-dritt Belġjan

    3

    Il-Kostituzzjoni tiddefinixxi erba’ reġjunijiet lingwistiċi, jiġifieri erba’ partijiet distinti tat-territorju nazzjonali fejn japplikaw regoli unformi marbuta mal-użu tal-lingwi, partikolarment fil-qasam amministrattiv. Dawn huma r-reġjun tal-lingwa Franċiża, ir-reġjun tal-lingwa Olandiża, ir-reġjun tal-lingwa Ġermaniża u r-reġjun ta’ Bruxelles-Capitale fejn jintużaw żewġ lingwi.

    4

    Id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu III tal-liġijiet ikkoordinati dwar l-użu tal-lingwi fil-qasam amministrattiv, tat-18 ta’ Lulju 1966 (Moniteur belge tat-2 ta’ Awwissu 1966, p. 7799, iktar ’il quddiem il-“liġijiet ikkoordinati”), li ġew emendati sussegwentement, jirregolaw b’mod partikolari l-użu tal-lingwi fid-dipartimenti lokali, li huma ddefiniti fl-Artikoli 1(2) u 9 ta’ dawn il-liġijiet bħala l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jipprovdu servizz pubbliku jew li jaqdu missjoni li l-liġi jew is-setgħat pubbliċi fdawhom bihom fl-interess ġenerali u li l-attività tagħhom ma tmurx lil hinn minn komun.

    5

    It-Taqsima II tal-liġijiet ikkoordinati tikkonċerna l-applikazzjoni tagħhom għar-reġjuni tal-lingwa Franċiża, tal-lingwa Olandiża u tal-lingwa Ġermaniża. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 15(1) ta’ dawn tal-aħħar jipprovdi:

    “Fid-dipartimenti lokali stabbiliti fir-reġjuni tal-lingwa Franċiża, tal-lingwa Olandiża jew tal-lingwa Ġermaniża, ħadd ma jista’ jiġi maħtur jew promoss f’kariga jew f’impjieg jekk ma jkunx jaf il-lingwa tar-reġjun.

    L-eżamijiet ta’ ammissjoni u ta’ promozzjoni għandhom isiru fl-istess lingwa.

    Il-kandidat jiġi ammess għall-eżami biss jekk ikun jirriżulta mid-diplomi jew ċertifikati tal-istudji rikjesti li dan segwa tagħlim fil-lingwa msemmija iktar ’il fuq. Fin-nuqqas ta’ tali diploma jew ċertifikat, il-konoxxenza tal-lingwa għandha qabel xejn tiġi pprovata permezz ta’ eżami.

    Jekk il-kariga jew l-impjieg jingħata mingħajr eżami ta’ ammissjoni, il-kapaċità lingwistika rikjesta tiġi stabbilita permezz ta’ provi stabbiliti għal dan l-għan mill-paragrafu 3.”

    6

    Fil-kuntest tal-Kapitolu VI tal-liġijiet ikkoordinati, marbuta mad-dispożizzjonijiet partikolari, l-Artikolu 53 ta’ dawn tal-aħħar kien jipprevedi fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata:

    “Is-segretarju permanenti għar-reklutaġġ huwa l-unika persuna kompetenti sabiex toħroġ ċertifikati bil-għan li tiċċertifika l-konoxxenzi lingwistiċi rikjesti mil-liġi tat-2 ta’ Awwissu 1963.”

    7

    Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-segretarjat permanenti għar-reklutaġġ ġie ssostitwit mis-SELOR, l-unika organu awtorizzat joħroġ ċertifikati intiżi għall-kandidati li għaddew mill-eżamijiet li huwa jorganizza fi Brussell.

    Il-proċedura prekontenzjuża

    8

    Fit-22 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju tal-Belġju, fejn hija indikat li r-rekwiżit ta’ mezz ta’ prova unika li tixhed il-konoxxenzi lingwistiċi, stabbilit fil-leġiżlazzjoni Belġjana bħala preliminari għall-aċċess għal pożizzjonijiet li jistgħu jingħataw fid-dipartimenti lokali tar-reġjuni tal-lingwa Franċiża, tal-lingwa Olandiża jew tal-lingwa Ġermaniża, jikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 45 TFUE u mir-Regolament Nru 1612/68.

    9

    L-awtoritajiet tal-komunità Fjamminga wieġbu bl-ittra tad-19 ta’ Lulju 2010, fejn esprimew id-disponibbiltà tagħhom li jallinjaw il-leġiżlazzjoni Fjamminga marbuta mar-rekwiżiti tal-persuni pubbliċi li jħaddmu fil-qasam lingwistiku mad-dritt tal-Unjoni.

    10

    Permezz tal-ittra tat-8 ta’ Novembru 2010, id-dipartimenti tal-Kummissjoni talbu lir-Renju tal-Belġju li jibgħatilhom abbozz ta’ emenda leġiżlattiva kif ukoll kalendarju ta’ adozzjoni preċiż u ddettaljat. Permezz ta’ nota tal-20 ta’ Diċembru 2010, l-awtoritajiet tal-komunità Fjamminga bagħtu abbozz preliminari ta’ digriet li l-adozzjoni tiegħu kienet prevista fix-xahar ta’ Jannar 2011.

    11

    Minħabba li ma rċeviet l-ebda risposta oħra mir-Renju tal-Belġju, il-Kummissjoni, fl-20 ta’ Mejju 2011, bagħtitlu opinjoni motivata, fejn stednitu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu magħha fi żmien xahrejn, liema terminu jibda jiddekorri min-notifika ta’ din l-opinjoni.

    12

    Ir-Renju tal-Belġju wieġeb permezz tal-ittra tat-2 ta’ Diċembru 2011, fejn tenna l-volontà tiegħu li jallinja d-dritt Belġjan mad-dritt tal-Unjoni, iżda sostna wkoll il-kumplessità tal-kwistjoni tal-użu tal-lingwi fil-qasam amministrattiv fi ħdan dan l-Istat Membru minħabba l-eżistenza ta’ diversi reġjuni lingwistiċi u ta’ partikolaritajiet marbuta mat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-entitajiet federali differenti.

    13

    Permezz tal-ittri tas-27 ta’ Marzu, tat-13 ta’ Lulju u tas-17 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni talbet lir-Renju tal-Belġju informazzjoni addizzjonali dwar is-sitwazzjoni eżistenti f’kull reġjun lingwistiku.

    14

    B’risposta għal dawn it-talbiet, dan l-Istat Membru ttrażmetta lill-Kummissjoni abbozz ta’ deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni tal-komunità Fjamminga kif ukoll abbozz preliminari ta’ digriet u abbozz preliminari ta’ deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni tal-komunità Franċiża.

    15

    Sussegwentement, id-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni tad-digriet tal-komunità Fjamminga ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni. Il-komunità Franċiża wkoll bagħtet lill-Kummissjoni kopja tad-digriet tas-7 ta’ Novembru 2013, dwar il-prova tal-konoxxenzi lingwistiċi rikjesti mil-liġijiet dwar l-użu tal-lingwi fil-qasam amministrattiv. Madankollu, dan id-digriet għad irid jiġi kkompletat minn deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma rċiviet l-ebda informazzjoni dwar ir-reġjun tal-lingwa Ġermaniża.

    16

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta r-rikors odjern.

    17

    Permezz tal-ittra tat-18 ta’ Diċembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Diċembru 2014, ir-Renju tal-Belġju informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li huwa ttrażmetta lill-Kummissjoni d-deċiżjoni tal-Gvern tal-komunità Franċiża, tat-22 ta’ Ottubru 2014, dwar l-eżekuzzjoni tad-digriet tas-7 ta’ Novembru 2013 imsemmi fil-punt 15 ta’ din is-sentenza.

    Fuq ir-rikors

    L-argumenti tal-partijiet

    18

    Il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 492/2011, l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra jkollhom konoxxenzi lingwistiċi neċessarji minħabba n-natura tal-impjieg previst.

    19

    Madankollu, din l-istituzzjoni tenfasizza li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit lingwistiku għandu jiġi implementat b’mod proporzjonat u mhux diskriminatorju. Hija żżid li, fis-sentenza tagħha Angonese (C‑281/98, EU:C:2000:296), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan ma huwiex il-każ ta’ obbligu, impost minn persuna li tħaddem għall-aċċess ta’ kandidat għal kompetizzjoni għar-reklutaġġ, li jagħti prova tal-konoxxenzi lingwistiċi esklużivament permezz ta’ diploma waħda maħruġa minn provinċja waħda ta’ Stat Membru.

    20

    Il-Kummissjoni tqis li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta fil-leġiżlazzjoni Belġjana, sa fejn din tirrikjedi minn kandidat, sabiex dan jiġi ammess f’kompetizzjoni għar-reklutaġġ, li dan jagħti prova tal-konoxxenzi lingwistiċi tiegħu permezz ta’ diploma waħda, maħruġa esklużivament fil-Belġju.

    21

    Ir-Renju tal-Belġju ma jikkontestax il-fondatezza tar-rikors u sempliċement jirrintraċċa l-iżvilupp tax-xogħlijiet leġiżlattivi mibdija sabiex jikkonforma ruħu mal-ilment tal-Kummissjoni, fejn spjega li t-tul tat-termini huwa marbut mal-istruttura kumplessa ta’ dan l-Istat Membru.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    22

    Skont il-ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-persuni huma intiżi li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Istati Membri, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kwalunkwe natura fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jqiegħdu fi żvantaġġ lil dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Las, C‑202/11, EU:C:2013:239, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    Dawn id-dispożizzjonijiet u, b’mod partikolari, l-Artikolu 45 TFUE għalhekk jipprekludu kull miżura li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, min-naħa taċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (sentenza Las, EU:C:2013:239, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    Ċertament, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 492/2011 jirrikonoxxi d-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu kundizzjonijiet marbuta mal-konoxxenzi lingwistiċi rikjesti minħabba n-natura tal-impjieg previst.

    25

    Madankollu, id-dritt li jiġi rikjest ċertu livell ta’ konoxxenza ta’ lingwa skont in-natura tal-impjieg ma jistax jippreġudika l-moviment liberu tal-ħaddiema. Ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-miżuri maħsuba sabiex jimplementawhom ma għandhomx ikunu sproporzjonati fir-rigward tal-għan imfittex u l-metodu ta’ applikazzjoni tagħhom ma għandux joħloq diskriminazzjonijiet għad-dannu taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Groener, C‑379/87, EU:C:1989:599, punt 19).

    26

    F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi rrikonoxxut li jista’ jkun leġittimu li jiġi rikjest minn kandidat f’kompetizzjoni organizzata sabiex jingħata impjieg f’dipartiment lokali, jiġifieri f’entità li tipprovdi servizz pubbliku jew inkarigata b’missjoni ta’ interess ġenerali fit-territorju ta’ komun, li dan ikollu, f’livell li jkun adegwat għan-natura tal-impjieg previst, konoxxenzi tal-lingwa tar-reġjun li jkun jinsab fiha l-komun ikkonċernat. Fil-fatt, jista’ jiġi kkunsidrat li impjieg f’tali dipartiment jirrikjedi l-kapaċità ta’ komunikazzjoni mal-awtoritajiet amministrattivi lokali kif ukoll, fejn xieraq, mal-pubbliku.

    27

    F’tali każ, il-pussess ta’ diploma li tirrikonoxxi s-suċċess f’eżami tal-lingwa jista’ jikkostitwixxi kriterju li jippermetti l-evalwazzjoni tal-konoxxenzi lingwistiċi rikjesti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Angonese, EU:C:2000:296, punt 44).

    28

    Madankollu, il-fatt li jiġi rikjest, kif jipprevedu l-liġijiet ikkoordinati, minn kandidat f’kompetizzjoni għar-reklutaġġ li dan jipproduċi l-prova tal-konoxxenzi lingwistiċi tiegħu billi jippreżenta tip uniku ta’ ċertifikat, li jinħareġ biss minn organu Belġjan wieħed inkarigat, għal dan l-għan, sabiex jorganizza eżamijiet tal-lingwa fit-territorju Belġjan, jidher, fid-dawl tal-imperattivi tal-moviment liberu tal-ħaddiema, sproporzjonat inkonnesjoni mal-għan imfittex.

    29

    Fil-fatt, dan ir-rekwiżit jeskludi kull teħid inkunsiderazzjoni tal-grad ta’ konoxxenzi li diploma miksuba fi Stat Membru ieħor, fir-rigward tan-natura u t-tul tal-istudji li din tixhed it-tlestija tagħhom, tippermetti li jiġi preżunt fir-rigward tad-detentur tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Angonese, EU:C:2000:296, punt 44).

    30

    Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit, filwaqt li huwa applikabbli mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, jisfavorixxi fir-realtà iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jkunu jixtiequ japplikaw għal impjieg f’dipartiment lokali fil-Belġju.

    31

    Dan ir-rekwiżit fil-fatt jisforza lill-persuni kkonċernati residenti fi Stati Membri oħra, jiġifieri, fil-maġġoranza ċittadini ta’ dawn l-Istati, sabiex jidħlu fit-territorju Belġjan unikament sabiex il-konoxxenzi tagħhom jiġu evalwati fil-kuntest ta’ eżami indispensabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikat rikjest għall-preżentazzjoni tal-kandidatura tagħhom. Il-piżijiet addizzjonali li timplika tali sfurzar huma ta’ natura li jirrendu iktar diffiċli l-aċċess għall-impjiegi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Angonese, EU:C:2000:296, punti 38 sa 39).

    32

    Ir-Renju tal-Belġju ma invoka l-ebda għan li t-twettiq tiegħu jista’ jiġġustifika dawn l-effetti.

    33

    Sa fejn ir-Renju tal-Belġju jsostni li nbdew xogħlijiet leġiżlattivi bil-għan li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata tinġab f’konformità mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni iżda li dawn tal-aħħar għandhom isegwu proċeduri twal u kumplessi minħabba l-istruttura ta’ dan il-pajjiż, hemm lok li jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet mill-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu, anki kostituzzjonali, sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑288/12, EU:C:2014:237, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Jeħtieġ li jiżdied li, fi kwalunkwe każ, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni li kienet teżisti fl-Istat Membru fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni bidliet li jkunu seħħew wara (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑640/13, EU:C:2014:2457, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi rrikjeda mill-kandidati għall-pożizzjonijiet fid-dipartimenti lokali stabbiliti fir-reġjuni tal-lingwa Franċiża jew tal-lingwa Ġermaniża, li fir-rigward tagħhom ma jkunx jirriżulta mid-diplomi jew miċ-ċertifikati rikjesti li huma segwew it-tagħlim bil-lingwa kkonċernata, li huma jipproduċu l-prova tal-konoxxenzi lingwistiċi tagħhom permezz ta’ tip wieħed ta’ ċertifikat, maħruġ esklużivament minn organu uffiċjali Belġjan wieħed wara eżami organizzat minn dan l-organu fit-territorju Belġjan, ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 45 TFUE u r-Regolament Nru 492/2011.

    Fuq l-ispejjeż

    36

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju tal-Belġju tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Billi rrikjeda mill-kandidati għall-pożizzjonijiet fid-dipartimenti lokali stabbiliti fir-reġjuni tal-lingwa Franċiża jew tal-lingwa Ġermaniża, li fir-rigward tagħhom ma jkunx jirriżulta mid-diplomi jew miċ-ċertifikati rikjesti li huma segwew it-tagħlim bil-lingwa kkonċernata, li huma jipproduċu l-prova tal-konoxxenzi lingwistiċi tagħhom permezz ta’ tip wieħed ta’ ċertifikat, maħruġ esklużivament minn organu uffiċjali Belġjan wieħed wara eżami organizzat minn dan l-organu fit-territorju Belġjan, ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 45 TFUE u r-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni.

     

    2)

    Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq