Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CC0179

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fis-17 ta’ Settembru 2015.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2006/123/KE – Artikoli 14 sa 16 – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ vawċers fiskalment vantaġġjużi mogħtija mill-persuni li jimpjegaw lill-impjegati tagħhom u li jistgħu jintużaw għall-finijiet ta’ akkomodazzjoni, ta’ ħin liberu u/jew ta’ provvista tal-ikel – Restrizzjonijiet – Monopolju.
    Kawża C-179/14.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:619

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOT

    ippreżentati fis-17 ta’ Settembru 2015 ( 1 )

    Kawża C‑179/14

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    L-Ungerija

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 49 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Artikolu 56 TFUE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Direttiva 2006/123/KE — Artikoli 14 sa 16 — Ħruġ ta’ vawċers għall-ikliet fiskalment vantaġġjużi — Restrizzjonijiet — Ġustifikazzjoni — Monopolju”

    1. 

    Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi tadotta l-leġiżlazzjoni nazzjonali l-ġdida li daħlet fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2012 dwar il-ħruġ ta’ vawċers għall-ikliet kif ukoll ta’ vawċers għall-ħin liberu u għall-vaganzi, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-punt 3 tal-Artikolu 14, l-Artikolu 15(1), (2)(b) u (d), u (3), kif ukoll 16 tad-Direttiva 2006/123/KE ( 2 ) u l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE.

    2. 

    Fl-ewwel parti tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment tqis li din il-leġiżlazzjoni minn issa ’l quddiem tissuġġetta l-ħruġ tal-kard elettronika Széchenyi (iktar ’il quddiem il-“kard SZÉP”) għal kundizzjonijiet restrittivi b’tali mod li l-istabbilimenti finanzjarji li għandhom is-sede tagħhom irreġistrata fl-Ungerija biss ikunu jistgħu joħorġu din il-kard ( 3 ), liema fatt imur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123 dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    3. 

    Fit-tieni parti tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment tqis li l-imsemmija leġiżlazzjoni tikser ukoll l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, sa fejn din tikkonferixxi lil fondazzjoni bi skop ta’ benefiċċju pubbliku, jiġifieri Magyar Nemzeti Üdülési Alapítvány (Fondazzjoni nazzjonali Ungeriża għall-vaganzi, iktar ’il quddiem l-“FNUV”), il-monopolju għall-ħruġ ta’ vawċers li jippermettu lill-impjegati ta’ impriża jiksbu benefiċċji in natura fl-għamla ta’ ikliet lesti għall-konsum (iktar ’il quddiem il-“vawċers Erzsébet”).

    4. 

    F’dawn il-konklużjonijiet, qabel kollox se nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara r-rikors ammissibbli, b’eċċezzjoni tal-motiv nieqes minn preċiżjoni dwar ir-rekwiżit ta’ rabta kuntrattwali ta’ mill-inqas ħames snin ma’ mutwa ta’ assigurazzjoni għall-ħruġ tal-kard SZÉP.

    5. 

    Sussegwentement ser nesponi r-raġunijiet għalfejn inqis, fl-ewwel lok, li l-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar din il-kard tikkostitwixxi ksur tal-punt 3 tal-Artikolu 14, tal-Artikolu 15(1), (2)(b), u (3), kif ukoll tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 u, fit-tieni lok, li l-ilment dwar il-ksur tal-Artikolu 15(2)(d) ta’ din id-direttiva għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    6. 

    Fl-aħħar nett, ser nindika r-raġunijiet għalfejn inqis li r-rikors għandu jintlaqa’ fir-rigward tal-ilment dwar il-vawċers Erzsébet.

    I – Il-kuntest ġuridiku

    A – Id-dritt tal-Unjoni

    1. It-Trattat FUE

    7.

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE:

    “Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu projbiti. Tali projbizzjoni għandha testendi ruħha wkoll għal restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta’ aġenziji, fergħat u sussidjarji, minn ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.”

    8.

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE jiddisponi:

    “Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fl-Unjoni għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.”

    2. Id-Direttiva 2006/123

    9.

    It-Taqsima 2, intitolata “ħtiġijiet [rekwiżiti] ipprojbiti jew suġġetti għal evalwazzjoni”, tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, dwar il-“[l]ibertà għall-istabbiliment ta’ fornituri”, hija komposta mill-Artikoli 14 u 15.

    10.

    L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva dwar il-“ħtiġijiet [rekwiżiti] ipprojbiti”, jipprevedi:

    “L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw l-aċċess għal, jew l-eżerċizzju ta’, attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom għal konformità ma’ xi waħda minn dawn li ġejjin:

    [...]

    3)

    restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-fornitur li jagħżel bejn stabbiliment prinċipali jew wieħed sekondarju, b’mod partikolari obbligu fuq il-fornitur li jkollu l-istabbiliment prinċipali tiegħu fit-territorju tagħhom, jew restrizzjonijiet fuq il-libertà li jagħżel bejn stabbiliment fis-sura ta’ aġenzija, fergħa jew sussidjarju;

    [...]”

    11.

    L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, dwar ir-“[r]ekwiżiti li għandhom jiġu evalwati”, jiddisponi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk, taħt is-sistema legali tagħhom, kwalunkwe mir-rekwiżiti elenkati fil-paragafu 2 huma imposti u għandhom jiżguraw li tali rekwiżiti huma kompatibbli mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jaddattaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli ma’ dawk il-kondizzjonijiet.

    2.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tagħmilx l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha soġġetta għal konformità ma’ kwalunkwe minn dawn ir-rekwiżiti mhux-diskriminatorji:

    [...]

    b)

    obbligu għal fornitur li jieħu formola legali speċifika;

    [...]

    d)

    rekwiżiti, għajr dawk li jikkonċernaw kwistjonijiet koperti mid-Direttiva 2005/36/KE [ ( 4 )] jew previsti fi strumenti Komunitarji oħrajn, li jirriżervaw l-aċċess għall-attività ta’ servizz ikkonċernata għal fornituri speċifiċi skond in-natura speċifika ta’ l-attività;

    [...]

    3.   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

    a)

    non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżiti m’għandhomx ikunu diskriminatorji la direttament lanqas indirettament skond in-nazzjonalità jew, fir-rigward ta’ kumpanniji, skond il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat;

    b)

    bżonn: ir-rekwiżiti għandhom ikunu ġġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

    ċ)

    proporzjonalità: ir-rekwiżiti għandhom ikunu adatti biex jiżguraw li jintlaħaq l-objettiv mixtieq; m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv; u ma għandux ikun possibbli li dawk ir-rekwiżiti jiġu sostitwiti minn miżuri oħrajn, anqas restrittivi li jwasslu għall-istess riżultat.

    [...]”

    12.

    Taħt il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Moviment liberu ta’ servizzi”, l-Artikolu 16 tiegħu jirrigwarda l-“[l]ibertà tal-provvista ta’ servizzi”. Dan jiddikjara:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti.

    L-Istat Membru fejn ġie provdut is-servizz għandu jiżgura aċċess liberu u eżerċizzju liberu ta’ attività ta’ servizz fi ħdan it-territorju tiegħu.

    L-Istati Membri m’għandhomx jagħmlu l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom soġġett għal konformità ma’ xi rekwiżit li ma jirrispettax il-prinċipji li ġejjin:

    a)

    non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżit m’għandux ikun diskriminatorju la direttament lanqas indirettament fir-rigward tan-nazzjonalità jew, f’każ ta’ persuni ġuridiċi, fir-rigward ta’ l-Istat Membru fejn huma stabbiliti;

    b)

    bżonn: il-bżonn għandu jkun ġusitifikat għal raġunijiet tal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent;

    ċ)

    proporzjonalità: ir-rekwiżit għandu jkun adatt biex jikseb l-objettivi mfittxa, u m’għandux imur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan l-objettiv.

    2.   L-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw il-libertà għall-provvista ta’ servizzi f’każ ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor billi jimponu xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

    a)

    obbligu fuq il-fornitur li jkollu stabbiliment fit-territorju tagħhom;

    [...]

    3.   L-Istat Membru fejn il-fornitur imur m’għandux ikun imxekkel milli jimponi rekwiżiti fir-rigward tal-provvista ta’ attività ta’ servizz, fejn ikunu ġustifikati minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika, saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent u skond il-paragrafu 1 [...].

    [...]”

    B – Id-dritt Ungeriż

    1. Is-sistema ta’ benefiċċji in natura

    13.

    L-Artikolu 71 tal-Liġi Nru CXVII tal-1995 dwar it-taxxa fuq id-dħul jippermetti lill-persuni li jimpjegaw li jagħtu lill-impjegati tagħhom benefiċċji in natura b’kundizzjonijiet fiskali vantaġġjużi.

    14.

    Is-sistema ta’ dawn il-benefiċċji in natura ġiet emendata notevolment bil-Liġi Nru CLVI tal-2011 li temenda ċerti liġijiet fiskali u liġijiet oħra dwar dawn il-liġijiet fiskali ( 5 ). Konformement mal-Artikolu 477 tagħha, din il-liġi daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2012. L-Artikolu 71 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, kif emendat bil-Liġi Nru CLVI tal-2011, jiddisponi:

    “1.   Huma kkwalifikati bħala benefiċċji in natura mogħtija mill-persuna li timpjega lill-impjegat:

    a)

    il-parti tad-dħul li ma taqbiżx l-ammont tal-paga minima għal kull persuna u għal kull sena fiskali, mogħtija lill-impjegat personalment jew lill-membri tal-familja tiegħu permezz ta’ benefiċċji għall-vaganzi, ipprovduti fir-residenza tal-vaganzi miżmuma jew amministrata mill-persuna li timpjega;

    b)

    skont l-għażla tal-persuna li timpjega,

    ba)

    il-parti tad-dħul li ma taqbiżx HUF 12500, mogħtija fid-dawl tal-konsum ta’ ikliet fil-kuntest ta’ servizzi kkwalifikati bħala ta’ provvista tal-ikel fuq il-post tax-xogħol (fil-kantin), fil-punt tal-provvista tal-ikel li jopera fis-sit tal-persuna li timpjega [inkluż il-vawċers u/jew il-vawċers elettroniċi maħruġa mill-persuna li timpjega jew mill-persuna li tmexxi l-punt ta’ provvista tal-ikel, li jistgħu jintużaw b’mod esklużiv fil-punt ta’ provvista tal-ikel (fil-kantin) li jopera fis-sit tal-persuna li timpjega, li jistgħu jintużaw għall-finijiet u bil-valur imsemmija iktar ’il fuq], u/jew

    bb)

    fuq id-dħul mogħti fil-forma ta’ vawċers Erzsébet, il-parti tad-dħul li ma taqbiżx HUF 5000 fix-xahar, mogħtija kull xahar mill-bidu tar-relazzjoni legali li sservi bħala bażi għall-imsemmi benefiċċju (anki b’effett retroattiv fl-istess sena fiskali);

    c)

    fir-rigward tal-kard [SZÉP],

    ca)

    l-għajnuna limitata għall-ammont ta’ HUF 225000 fl-istess sena fiskali jekk din tiġi minn diversi emittenti, imħallsa fis-subkont ‘akkomodazzjoni’ tal-kard, li tista’ tintuża għall-finijiet tas-servizzi ta’ akkomodazzjoni previsti mid-digriet [tal-Gvern Nru 55/2011, tat‑12 ta’ April 2011, li jirregola l-ħruġ u l-użu tal-kard għall-ħin liberu Széchenyi ( 6 )];

    cb)

    l-għajnuna limitata għall-ammont ta’ HUF 150000 fl-istess sena fiskali jekk din tiġi minn diversi emittenti, imħallsa fis-subkont ‘provvista tal-ikel’ tal-kard, li tista’ tintuża għall-finijiet tas-servizzi ta’ provvista tal-ikel previsti mid-digriet [SZÉP] u pprovduti f’punti ta’ provvista ta’ ikel sħun (inkluż il-provvista tal-ikel fuq il-post tax-xogħol);

    cc)

    l-għajnuna limitata għall-ammont ta’ HUF 75000 fl-istess sena fiskali jekk din tiġi minn diversi emittenti, imħallsa fis-subkont ‘divertiment’ tal-kard, li tista’ tintuża għall-finijiet tas-servizzi previsti mid-digriet [SZÉP] u intiżi li jaqdu skopijiet ta’ ħin liberu, rikreazzjoni u ħarsien tas-saħħa;

    [...]”

    2. Il-kard SZÉP

    15.

    L-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP jiddisponi:

    “Huwa permess li joħroġ il-kard kull fornitur ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tal-Liġi Nru XCVI tal-1993 dwar il-fondi ta’ assigurazzjoni mutwa (iktar ’il quddiem il-’Liġi dwar il-mutwi ta’ assigurazzjoni’) – minbarra l-persuni fiżiċi u l-fornituri ta’ servizzi marbuta b’kuntratt mal-imsemmi fornitur ta’ servizzi – li jkun ġie stabbilit għal tul ta’ żmien indeterminat jew għal tul ta’ żmien iddeterminat ta’ mill-inqas ħames snin mill-bidu tal-ħruġ tal-kard u li, flimkien mal-istess kumpannija kummerċjali rrikonoxxuta bħala grupp ta kumpanniji jew li tiffunzjona b’mod effettiv bħala tali fis-sens tal-Liġi Nru IV tal-2006 [dwar il-kumpanniji kummerċjali], jew b’mod konġunt mal-mutwa ta’ assigurazzjoni ddefinita fl-Artikolu 2(2)(a) tal-Liġi dwar il-mutwi ta’ assigurazzjoni, li l-fornitur ta’ servizzi jkun ilu f’relazzjoni kummerċjali magħha għal mill-inqas ħames snin – minbarra l-attivitajiet ta’ ġestjoni ta’ depożiti u t-tqegħid ta’ investiment – jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    a)

    ikollu uffiċċju miftuħ għall-klijentela f’kull komun tal-Ungerija fejn il-popolazzjoni tkun ta’ iktar minn 35000 persuna;

    b)

    matul l-aħħar sena finanzjarja mitmuma tiegħu, huwa stess ikun ħareġ fil-kuntest tas-servizzi ta’ ħlas mill-inqas 100000 strument ta’ ħlas minbarra flus;

    c)

    ikollu mill-inqas sentejn esperjenza fil-qasam tal-ħruġ tal-kards ta’ vawċers elettroniċi li jagħtu d-dritt għal benefiċċji in natura fis-sens tal-Artikolu 71 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul u jkun ħareġ iktar minn 25000 kard ta’ vawċers skont iċ-ċifri tal-aħħar sena finanzjarja mitmuma tiegħu.

    [...]”

    16.

    Skont l-Artikolu 2(2)(d), tal-Liġi dwar il-mutwi ta’ assigurazzjoni, il-fornitur ta’ servizzi huwa ddefinit kif ġej:

    “‘fornitur ta’ servizzi’: kull persuna fiżika, ġuridika u kumpannija kummerċjali mingħajr personalità ġuridika li, fuq il-bażi tal-kuntratt konkluż mal-mutwa ta’ assigurazzjoni, twettaq f’isem din tal-aħħar operazzjonijiet li jaqgħu taħt l-attivitajiet tal-mutwa ta’ assigurazzjoni, tagħmilhom possibbli jew tiffavorixxihom, jew li tipprovdi hija stess is-servizzi tal-mutwa ta’ assigurazzjoni, minbarra l-fornituri ta’ servizzi tal-assigurazzjonijiet għall-mard [...].”

    17.

    Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali:

    “1.   Din il-liġi tiddetermina l-ħolqien, l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-kumpanniji kummerċjali li għandhom sede fit-territorju tal-Ungerija [...].

    2.   [...] barra minn hekk, din il-liġi tiddetermina l-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta’ kumpanniji rikonoxxuti [...].”

    18.

    L-Artikolu 2 ta’ din il-liġi jipprevedi:

    “1.   Kumpannija kummerċjali tista’ tieħu biss il-forma prevista minn din il-liġi.

    2.   Is-soċjetajiet f’isem kollettiv u s-soċjetajiet in akkomandita sempliċi ma għandhomx il-personalità ġuridika. Huma l-kumpanniji privati b’responsabbiltà limitata u l-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata li għandhom il-personalità ġuridika.”

    19.

    Skont l-Artikolu 55 ta’ din il-liġi:

    “1.   Konformement mat-termini tal-liġi dwar il-kontabbiltà, il-kumpannija kummerċjali li hija marbuta tippreżenta l-kontijiet annwali kkonsolidati (kumpannija prinċipali) u l-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata jew il-kumpannija privata b’responsabbiltà limitata li fuqha l-kumpannija prinċipali għandha influwenza determinanti fis-sens tal-liġi dwar il-kontabbiltà (kumpannija sussidjarja) jistgħu jiddeċiedu li jiffunzjonaw bħala grupp ta’ kumpanniji rikonoxxut billi jagħmlu kuntratt ta’ ġestjoni bejniethom bl-għan li jilħqu l-għanijiet kummerċjali komuni tagħhom.

    [...]

    3.   Ir-reġistrazzjoni tal-funzjonament fi grupp ta’ kumpanniji rikonoxxut fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji ma toħloqx suġġett tad-dritt distint mill-kumpanniji kummerċjali li jagħmlu parti mill-grupp.”

    20.

    Skont l-Artikolu 64(1) tal-Liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali:

    “It-termini tal-Artikolu 60 huma applikabbli wkoll f’każ ta’ nuqqas ta’ kuntratt ta’ ġestjoni u ta’ reġistrazzjoni bħala grupp ta’ kumpanniji rikonoxxut bil-kundizzjoni li, wara kooperazzjoni fit-tul, mingħajr waqfien, li tkun ilha teżisti għal mill-inqas tliet snin bejn il-kumpannija prinċipali u l-kumpannija/i sussidjarja/i, il-kumpanniji kummerċjali li jappartjenu għall-istess grupp ta’ kumpanniji jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom skont l-istess strateġija kummerċjali u li l-imġiba effettiva tagħhom tiggarantixxi tqassim prevedibbli u bbilanċjat tal-vantaġġi u l-inkonvenjenzi li jirriżultaw mill-funzjonament fi grupp.”

    21.

    L-Artikolu 2(b) tal-Liġi Nru CXXXII tal-1997 dwar il-fergħat u l-aġenziji kummerċjali tal-impriżi li għandhom is-sede tagħhom barra mill-pajjiż (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-fergħat”) jiddefinixxi t-terminu “fergħa” bil-mod li ġej:

    “‘fergħa’: kull unità kummerċjali mingħajr personalità ġuridika tal-impriża barranija, mogħnija b’awtonomija kummerċjali, li ġiet irreġistrata fir-reġistru nazzjonali tal-kummerċ u tal-kumpanniji bħala fergħa tal-impriża barranija, bħala forma awtonoma ta’ kumpannija”.

    3. Il-vawċers Erzsébet

    22.

    Konformement mal-punt 87 tal-Artikolu 3 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, kif emendata bl-Artikolu 1(5) tal-Liġi Nru CLVI tal-2011, il-vawċers Erzsébet huma ddefiniti bil-mod li ġej:

    “‘vawċers Erzsébet’: vawċers maħruġa mill-[FNUV] f’forma elettronika jew f’forma stampata, li jistgħu jintużaw għax-xiri ta’ ikliet lesti għall-konsum [...].”

    23.

    Il-vawċers Erzsébet jaqgħu taħt il-programm Erzsébet, li huwa rregolat mil-Liġi Nru CIII tal-2012 dwar il-programm Erzsébet.

    24.

    Skont l-Artikolu 1 ta’ din il-liġi:

    “Il-programm Erzsébet jipprevedi li jnaqqas b’mod sinjifikattiv, fil-kuntest eżistenti, in-numru ta’ persuni soċjalment fil-bżonn, u b’mod partikolari l-għadd ta’ tfal, li ma għandhomx il-possibbiltà li jieklu iktar minn darba kuljum, li jibbenefikaw minn dieta tajba għas-saħħa adattata għall-età tagħhom, li jgawdu mill-istat ta’ saħħa meħtieġ għall-kisba tal-għarfien u s-serħan meħtieġ għar-riġenerazzjoni.”

    25.

    L-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi jiddisponi:

    “1.   Għall-finijiet ta’ din il-liġi, wieħed jifhem bi:

    a)

    ‘programm Erzsébet’: kull programm u kull servizz b’għan soċjali organizzat u mwettaq mill-Istat bl-għan li jiġu implementati l-għanijiet previsti fl-Artikolu 1, li ma għandhomx rwol bi skop ta’ lukru fis-suq;

    b)

    ‘vawċers Erzsébet’: vawċers maħruġa mill-[FNUV], li jistgħu jintużaw:

    ba)

    għax-xiri ta’ ikliet lesti għall-konsum [...];

    2.   L-implementazzjoni tal-programm Erzsébet hija żgurata mill-FNUV.

    [...]”

    26.

    Il-FNUV hija fondazzjoni bi skop ta’ benefiċċju pubbliku rreġistrata fl-Ungerija. Din tista’ tassenja l-patrimonju li ngħata lilha għall-finijiet ta’ vaganzi soċjali, għall-provvista ta’ servizzi u ta’ prestazzjoniijet konnessi kif ukoll għall-implementazzjoni ta’ programmi soċjali oħra.

    27.

    L-Artikolu 6 tal-Liġi dwar il-programm Erzsébet jipprevedi:

    “1.   Il-[FNUV] tista’, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-kompiti b’rabta mal-programm Erzsébet, tikkonkludi fteh ma’ korpi ċivili, soċjetajiet kummerċjali u kull persuna fiżika jew ġuridika oħra.

    2   Bl-għan tat-twettiq tal-missjonijiet pubbliċi ddefiniti [fil-liġi], l-Istat jiffavorixxi l-istabbiliment, l-iżvilupp u l-użu ta’ lukandi u siti ta’ kampeġġi li jservu ta’ bażi għall-missjonijiet ta’ vaganzi soċjali u għall-programmi għal-logħob u t-tfal.”

    28.

    L-Artikolu 7 ta’ din il-liġi huwa marbut mad-dħul fis-seħħ tagħha.

    II – Il-proċedura prekontenzjuża

    29.

    Wara li qieset li, bl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali l-ġdida dwar il-vawċers għall-ikliet, vawċers għall-ħin liberu u vawċers għall-vaganzi, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 9, 10, il-punt 3 tal-Artikolu 14, l-Artikolu 15(1), (2)(b) u (d) u (3), kif ukoll l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123/KE u l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, il-Kummissjoni, fil‑21 ta’ Ġunju 2012, indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru.

    30.

    Permezz ta’ ittra ta’ risposta tal‑20 ta’ Lulju 2012, l-Ungerija ddikjarat li l-introduzzjoni tar-restrizzjonijiet innotati mill-Kummissjoni hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Fl-istess ħin, hija ppreżentat proposti ta’ emendi għad-dispożizzjonijiet dwar il-kard SZÉP, sabiex tarmonizzahom mad-dritt tal-Unjoni. Fir-rigward tal-vawċers Erzsébet, l-Ungerija kkomunikat, fl-anness mehmuż mar-risposta tagħha, id-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar il-programm Erzsébet u l-għanijiet tagħhom, adottati fix-xahar ta’ Lulju 2012.

    31.

    Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lill-Ungerija li fiha sostniet li l-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar il-kard SZÉP u l-vawċers Erzsébet kienet tmur kontra d-dispożizzjonijiet previsti fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha.

    32.

    Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Diċembru 2012, l-Ungerija rrispondiet għal din l-opinjoni motivata billi reġgħet tenniet, essenzjalment, l-osservazzjonijiet li kienet ifformulat fl-ittra tagħha tal‑20 ta’ Lulju 2012 u billi kompliet tikkontesta kull nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    33.

    Wara li qieset li r-risposti ma kinux sodisfaċenti, il-Kummissjoni, permezz ta’ talba tal‑10 ta’ April 2014, ippreżentat dan ir-rikors.

    III – It-talbiet tal-partijiet

    34.

    Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tikkonstata li billi introduċiet u żammet fis-seħħ is-sistema tal-kard SZÉP, irregolata bid-digriet SZÉP (u emendata bil-Liġi Nru CLVI tal-2011), l-Ungerija kisret id-Direttiva 2006/123 sa fejn:

    l-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP, interpretat flimkien mal-Artikolu 2(2)(d) tal-Liġi dwar il-mutwi ta’ assigurazzjoni, mal-Artikolu 2(b) tal-Liġi dwar il-fergħat kif ukoll mal-Artikoli 1, 2(1) u (2), 55(1) u (3), u 64(1) tal-Liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali, jeskludi l-possibbiltà li fergħat ta’ impriżi joħorġu l-kard SZÉP u, għalhekk, jikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 14(3) u 15(2)(b) tad-Direttiva 2006/123;

    l-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP, interpretat flimkien mal-Artikoli 1, 2(1) u (2), 55(1) u (3), u 64(1) tal-Liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali, mal-Artikolu 2(2)(d) tal-Liġi dwar il-mutwi ta’ assigurazzjoni kif ukoll mal-Artikolu 2(b) tal-Liġi dwar il-fergħat, ma jirrikonoxxix, fir-rigward tal-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(a) sa (c) tad-digriet SZÉP, l-attività ta’ dawk il-gruppi ta’ impriżi li l-kumpannija parent tagħhom ma hijiex kumpannija stabbilita skont id-dritt Ungeriż u li l-membri tagħhom ma jagħmlux użu mill-forom ta’ kumpannija previsti mid-dritt Ungeriż u, għalhekk, jikser l-Artikolu 15(1), (2)(b) u 3 tad-Direttiva 2006/123;

    l-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP, moqri flimkien mal-Artikoli 1, 2(1) u (2), 55(1) u (3) u 64(1) tal-Liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali, mal-Artikolu 2(2)(d) tal-Liġi dwar il-mutwi ta’ assigurazzjoni kif ukoll mal-Artikolu 2(b) tal-Liġi dwar il-fergħat, jirriżerva l-possibbiltà li l-banek u l-istabbilimenti finanzjarji joħorġu l-kard SZÉP, peress li huma biss dawn il-korpi li jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 13 u, għalhekk, jikser l-Artikolu 15(1), (2)(d) u (3) tad-Direttiva 2006/123;

    l-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP jikser l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 sa fejn jissuġġetta l-ħruġ tal-kard SZÉP għall-eżistenza ta’ stabbiliment Ungeriż;

    sussidjarjament, sa fejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123 iċċitati fl-ewwel inċiż ma jkoprux id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-istess inċiż, tiddikjara li s-sistema tal-kard SZÉP irregolata bid-digriet SZÉP, tikser l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE;

    tikkonstata li s-sistema ta’ vawċers Erzsébet irregolata bil-Liġi Nru CLVI tal-2011 u bil-Liġi Nru CIII tal-2012, li tistabbilixxi monopolju favur organi pubbliċi fil-kuntest tal-ħruġ ta’ vawċers għall-ikliet kesħin u li daħlet fis-seħħ mingħajr ma kienet ippreċeduta minn perijodu tranżitorju xieraq jew mill-miżuri tranżitorji neċessarji, tikser l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, sa fejn l-Artikoli 1(5) u 477 tal-Liġi Nru CLVI tal-2011 kif ukoll l-Artikoli 2(1) u (2), 6 u 7 tal-Liġi Nru CIII tal-2012 jipprevedu restrizzjonijiet sproporzjonati;

    tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

    35.

    L-Ungerija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors tal-Kummissjoni bħala infondat għall-parti li tirrigwarda s-sistema tal-kard SZÉP u bħala inammissibbli għall-parti relatata mas-sistema tal-vawċers Erzsébet.

    sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat fir-rigward taż-żewġ sistemi.

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    IV – Ir-rikors

    A – Fuq l-ammissibbiltà

    1. L-argumenti prinċipali tal-partijiet

    36.

    Fir-risposta tagħha, l-Ungerija invokat l-inammissibbiltà tal-ilment dwar il-vawċers Erzsébet għar-raġuni li l-punt tat-talbiet tal-Kummissjoni relatat magħhom huwa ambigwu.

    37.

    Skont l-Ungerija, fl-ewwel lok, dan il-punt tat-talbiet jindika b’mod żbaljat l-“Artikoli 1 u 5” tal-Liġi Nru CLVI tal-2011 minflok l-Artikolu 1(5) tagħha. L-Ungerija ssostni, fit-tieni lok, li hija ma tifhimx għal liema raġunijiet l-Artikolu 477 ta’ din il-liġi kif ukoll id-dispożizzjonijiet rigward il-Liġi dwar il-programm Erzsébet, jiġifieri l-Artikoli 2(1) u (2), 6(1) u (2), u 7, previsti fit-talbiet tar-rikors tal-Kummissjoni, jikkostitwixxu ksur tad-dritt tal-Unjoni. L-Ungerija tinnota, fit-tielet lok, li fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ċċitati mill-Kummissjoni, jidher li sar ilment dwar il-leġiżlazzjoni kollha dwar il-programm Erzsébet, liema fatt jikkontradixxi d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li skontha r-rikors ma jirrigwardax l-azzjonijiet ta’ politika soċjali implementati fil-kuntest ta’ dan il-programm.

    38.

    Il-Kummissjoni tqis li d-dikjarazzjonijiet tal-Ungerija ma jistgħux jintlaqgħu.

    2. L-evalwazzjoni tiegħi

    39.

    Wara li nkun spjegajt ir-raġunijiet għalfejn inqis, bħall-Kummissjoni, li l-motivi ta’ inammissibbiltà dwar il-leġiżlazzjoni rigward il-vawċers Erzsébet għandhom jiġu miċħuda, jidhirli li huwa meħtieġ li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-ilmenti dwar il-kard SZÉP.

    a) Fuq l-ammissibbiltà tal-ilment dwar il-vawċers Erzsébet

    40.

    Fl-ewwel lok, inqis li l-Kummissjoni, fir-replika tagħha, irrikonoxxiet l-iżball imwettaq fir-riferiment għal-Liġi Nru CLVI tal-2011, billi indikat li r-riferiment korrett ma huwiex dak għall-Artikoli 1 u 5 ta’ din il-liġi, iżda dak għall-Artikolu 1(5) tagħha. Il-Kummissjoni għalhekk ippreżentat, permezz ta’ ittra separata, rettifika dwar dan il-punt. Bħall-Kummissjoni, inqis li dan l-iżball ma jikkompromettix il-ftehim tajjeb tar-rikors.

    41.

    Fit-tieni lok, inqis li mill-punt 74 tar-rikors jirriżulta mingħajr ambigwità li r-rikors tal-Kummissjoni jirrigwarda biss parti mil-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar il-vawċers Erzsébet u mhux l-azzjonijiet ta’ politika soċjali kollha implementati fil-kuntest tal-programm Erzsébet. Fil-fatt, f’dan il-punt 74, il-Kummissjoni tikkonstata li r-rikors “jimmira lejn is-sistema ta’ vawċers Erzsébet biss sa fejn din tipprevedi li l-kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega għax-xiri ta’ ikliet lesti għall-konsum tista’ titqies bħala vantaġġ in natura biss jekk dan ix-xiri jsir bl-għajnuna ta’ vawċers Erzsébet”.

    42.

    F’dan ir-rigward, ir-riferiment, fit-talbiet tar-rikors, għaż-żewġ liġijiet nazzjonali li jistabbilixxu din is-sistema ġdida ta’ vawċers Erzsébet, u b’mod iktar preċiż għal ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali relatati, b’mod partikolari, mad-definizzjoni ta’ dawn il-vawċers u d-dħul fis-seħħ tas-sistema, jidhirli li huwa rilevanti.

    43.

    Barra minn hekk, bħall-Kummissjoni, inqis li skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, l-Ungerija kellha, sa mill-fażi prekontenzjuża, tinvoka inkonsistenzi possibbli fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati mill-Kummissjoni.

    44.

    Fi kwalunkwe każ, inqis li l-ilment dwar il-vawċers Erzsébet, kif jinsab fit-talbiet tar-rikors, ma pprekludiex lill-Ungerija milli tinvoka l-argumenti tagħha u għalhekk ma llimitax id-drittijiet tagħha tad-difiża. F’dan ir-rigward, ninnota li l-Ungerija, b’mod partikolari, fil-kontroreplika tagħha qieset li “[kien] possibbli li jiġu invokati argumenti fuq il-mertu kontra l-ilmenti tal-Kummissjoni” ( 7 ).

    45.

    Fir-rigward tal-elementi preċedenti, inqis li r-rikors għandu jiġi ddikjarat bħala ammissibbli fir-rigward tal-ilment dwar is-sistema tal-vawċers Erzsébet.

    b) Fuq l-ammissibbiltà tal-ilmenti dwar il-kard SZÉP

    46.

    Wara li qrajt ir-rikors, inqis li dan ma huwiex ċar b’mod assolut fir-rigward ta’ ċerti lmenti b’rabta mal-leġiżlazzjoni fir-rigward tal-kard SZÉP, b’mod partikolari minħabba inkoerenza bejn it-test tar-rikors stess u t-talbiet tiegħu.

    47.

    F’dan ir-rigward, ninnota li fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tikkonstata li r-rekwiżit li skontu impriża tista’ tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP bil-konklużjoni ta’ kuntratt ma’ mutwa ta’ assigurazzjoni, bil-kundizzjoni li din ir-rabta kuntrattwali tkun ilha għal mill-inqas ħames snin, “[jippreġudika] l-Artikolu 49 TFUE, minħabba li dan [ikun jirrestrinġi] mingħajr raġuni valida ċ-ċirku ta’ impriżi li jistgħu joħorġu l-kard” ( 8 ). Madankollu, fit-talbiet tar-rikors, ma nsibx iktar traċċi ta’ dan il-motiv.

    48.

    Meta ġiet mistoqsija dwar dan il-punt, matul is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li, fil-fehma tagħha, din il-kundizzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 u għandha għalhekk tiġi evalwata fir-rigward tal-Artikolu 49 TFUE. Barra minn hekk, hija tqis li l-imsemmija kundizzjoni, meqjusa flimkien mal-kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP, hija koperta mill-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva 2006/123, li jipprojbixxi r-rekwiżiti li jirriżervaw l-aċċess għall-attività ta’ servizz ikkonċernata għal fornituri speċifiċi minħabba n-natura speċifika tal-attività. Skont il-Kummissjoni, dan il-motiv għalhekk jaqa’ indirettament taħt it-tielet ilment tat-talbiet tar-rikors.

    49.

    Minbarra l-fatt li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni hija qasira ħafna fir-rigward ta’ dan l-allegat ksur, nikkonstata li din lanqas ma tissodisfa r-rekwiżiti f’termini ta’ koerenza u preċiżjoni konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, li hija bbażata fuq l-Artikolu 120(ċ) attwali tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 9 ).

    50.

    Fil-fatt, konformement ma’ din il-ġurisprudenza, kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tat-tilwima u l-espożizzjoni sommarja tal-motivi, u din l-indikazzjoni għandha tkun “ċara u preċiża biżżejjed” sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jiġu indikati b’mod koerenti u li jkunu jistgħu jinftiehmu fir-rikors innifsu u li t-talbiet ta’ dan tal-aħħar għandhom jiġu fformulati mingħajr ambigwità sabiex jiġi evitat li l‑Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment ( 10 ).

    51.

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dawn ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 120(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eżami ex officio ( 11 ).

    52.

    Inżid ngħid li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, “fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE, dan għandu jippreżenta l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni kkontestat, kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista’ jsostni b’mod effettiv l-eċċezzjonijiet tad-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat” ( 12 ).

    53.

    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli fir-rigward tal-motiv dwar ir-rekwiżit ta’ rabta kuntrattwali ta’ mill-inqas ħames snin ma’ mutwa ta’ assigurazzjoni, hekk kif previst fl-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP.

    B – Fuq il-mertu

    54.

    Qabel ma nindirizza l-ilment dwar il-vawċers Erzsébet, se neżamina l-ilmenti dwar il-kard SZÉP.

    1. L-ilmenti dwar il-kard SZÉP

    a) L-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123

    i) L-argumenti prinċipali tal-partijiet

    55.

    Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-konformità tal-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar il-kard SZÉP mad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi evalwata, prinċipalment, fid-dawl tad-Direttiva 2006/123. Huwa biss jekk jinstab li din id-direttiva ma tapplikax li jkun xieraq, fil-fehma tagħha, li jitwettaq eżami tal-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE.

    56.

    Skont il-Kummissjoni, id-Direttiva 2006/123 hija applikabbli, f’dan il-każ, sa fejn il-ħruġ u l-użu tal-kard SZÉP ma jikkostitwixxux wieħed mis-servizzi espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, il-Kummissjoni tinnota li d-digriet SZÉP la jista’ jiġi deskritt bħala strument fiskali, fis-sens tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2006/123 ( 13 ), u lanqas bħala “servizz finanzjarju”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tal-imsemmija direttiva ( 14 ).

    57.

    Mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-Ungerija kienet ikkontestat, waqt il-fażi prekontenzjuża, l-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123, billi qieset li l-attività ta’ ħruġ u użu tal-kard SZÉP, kif tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, tikkostitwixxi servizz finanzjarju u għalhekk ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

    ii) L-evalwazzjoni tiegħi

    58.

    Bħall-Kummissjoni, inqis li l-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123 ma hijiex f’dubju, u dan minħabba r-raġunijiet li ġejjin.

    59.

    Fl-ewwel lok, ninnota li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 ġie ddeterminat min-negattiv ( 15 ), jiġifieri li din tapplika għas-servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru ( 16 ), minbarra dawk li ġew espressament esklużi mill-imsemmija direttiva.

    60.

    Bħall-Kummissjoni, inqis li l-attività ta’ ħruġ tal-kard SZÉP ma taqax fil-qasam fiskali, fis-sens tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2006/123, u ma tikkostitwixxix servizz finanzjarju relatat mal-pagamenti, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva, b’tali mod li din tapplika f’dan ir-rikors.

    61.

    Fir-rigward tal-qasam fiskali, mill-atti tal-proċess jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ma jirrigwardawx il-benefiċċji in natura jew l-aspetti fiskali nnifishom tas-sistema tal-kard SZÉP, iżda huma relatati biss mal-attività ta’ ħruġ ta’ din il-kard, li barra minn hekk tagħti dritt għal benefiċċji in natura. Għalhekk, l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jaqax fil-qasam fiskali.

    62.

    Fir-rigward tal-kwalifika bħala “servizz finanzjarju”, ninnota, bħall-Kummissjoni, li, skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-digriet SZÉP, il-kard SZÉP “għandha biss l-għan li tidentifika lill-impjegat li jibbenefika mill-għajnuna, lillmembri tal-familja tiegħu, lill-persuna li timpjegah, kif ukoll lill-fornitur ta’ servizzi, u ma tintużax għall-ħażna ta’ flus elettroniku, u lanqas għall-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament diretti”. F’dan il-kuntest, l-attività ta’ ħruġ ta’ din il-kard ma tistax tiġi deskritta bħala “servizz finanzjarju” konness mal-pagamenti.

    63.

    Fit-tieni lok, bħall-Kummissjoni nqis li s-servizzi offruti permezz ta’ strumenti bħall-kard SZÉP ma humiex irregolati minn leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni li tirrigwarda b’mod speċifiku s-servizzi finanzjarji. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota ġustament li la d-Direttiva 2007/64/KE ( 17 ) u lanqas id-Direttiva 2009/110/KE ( 18 ) ma jkopru l-attività ta’ ħruġ ta’ vawċers identiċi għall-kard SZÉP.

    64.

    Issa, l-esklużjoni tas-servizzi finanzjarji mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 hija spjegata mill-eżistenza, f’dan il-qasam, ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni ( 19 ).

    65.

    Barra minn hekk, għalkemm l-Ungerija kellha ssostni, matul il-fażi prekontenzjuża, li l-kard SZÉP setgħet titqies bħala servizz finanzjarju, jien ma sibtx iktar traċċi ta’ tali argument fin-noti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    66.

    Għalhekk, peress li ma hijiex koperta minn leġiżlazzjoni speċifika fil-qasam tas-servizz finanzjarju u billi ma taqax fil-qasam fiskali, l-attività inkwistjoni f’dan ir-rikors taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123.

    67.

    Fir-rigward tal-elementi preċedenti kollha, inqis li din id-direttiva hija applikabbli.

    68.

    Il-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2006/123 tatx lok għal armonizzazzjoni eżawrjenti ma tqajmitx mill-partijiet. Madankollu, bħall-kwistjoni tal-applikabbiltà ta’ din id-direttiva, l-eżami tagħha jikkostitwixxi prekundizzjoni meħtieġa.

    69.

    Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta qasam ikun is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fil-livell tal-Unjoni, kull miżura nazzjonali relatata ma għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, iżda fid-dawl ta’ dawk tal-miżura ta’ armonizzazzjoni ( 20 ). Il-konstatazzjoni ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti tkun tfisser, b’mod partikolari, li ma jkun possibbli li persuna tirrikorri għall-ġustifikazzjonijiet mhux previsti mid-Direttiva 2006/123, jiġifieri l-ġustifikazzjonijiet espressament previsti fl-Artikoli 52 TFUE u 62 TFUE jew anki ċerti raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali żviluppati mill-ġurisprudenza ( 21 ).

    70.

    Din il-kwistjoni kienet is-suġġett ta’ dibattiti ta’ natura duttrinali ( 22 ).

    71.

    Permezz ta’ sentenza reċenti ( 23 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel darba ddeċidiet dwar din il-kwistjoni billi qieset li “interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2006/123, li tgħid li l-Istati Membri jistgħu jiġġustifikaw rekwiżit ipprojbit mill-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva fuq il-bażi tad-dritt primarju tneħħi kwalunkwe effett utli ta’ din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar billi timmina, b’mod definittiv, l-armonizzazzjoni mfittxija li din id-direttiva stabbilixxiet” ( 24 ).

    72.

    Fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza ( 25 ). Skont dan tal-aħħar “[i]d-Direttiva dwar is-Servizzi [id-Direttiva 2006/123], minħabba n-natura tagħha ta’ strument orizzontali li jkopri firxa wiesgħa ta’ servizzi (dawk kollha li ma humiex speċifikament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali tagħha), ma għandhiex l-għan li tarmonizza b’mod ġenerali r-regolamentazzjoni materjali tas-servizzi differenti fuq livell nazzjonali, iżda hemm aspetti konkreti li fihom twettaq armonizzazzjoni speċifika kompluta” ( 26 ). Huwa żied jgħid li tali armonizzazzjoni eżawrjenti speċifika tapplika għall-Artikoli 14 u 16 tal-imsemmija direttiva ( 27 ).

    73.

    Għalhekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2006/123 twassal għal armonizzazzjoni eżawrjenti fir-rigward tal-Artikolu 14 tagħha dwar il-libertà ta’ stabbiliment għas-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Inqis li tista’ tinżamm l-istess soluzzjoni għall-Artikoli 15 u 16 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, bħal fil-każ tal-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa lista bir-rekwiżiti restrittivi li għandhom jiġu eliminati mill-ordinament ġuridiku nazzjonali tal-Istati Membri ( 28 ).

    74.

    Minn dan isegwi li l-eżami tal-konformità tal-leġiżlazzjoni Ungeriża inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni għandha ssir fir-rigward tad-Direttiva 2006/123.

    b) Id-determinazzjoni tal-libertà fundamentali kkonċernata

    i) L-argumenti prinċipali tal-partijiet

    75.

    Filwaqt li l-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar il-kard SZÉP għandha tiġi eżaminata fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-Ungerija tqis, min-naħa l-oħra, li hi biss l-evalwazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment li hija rilevanti.

    76.

    Fil-fatt, l-Ungerija tikkonstata li l-kard tista’ tinħareġ biss minn kumpannija li jkollha stabbiliment li jinsab fit-territorju tal-Istat Membru fejn jiġu pprovduti s-servizzi.

    77.

    F’dan ir-rigward, l-Ungerija tqis li l-emittenti tal-kards SZÉP għandhom ikunu ankrati organikament fil-ħajja ekonomika u soċjali tal-Ungerija, liema fatt ma jistax jinkiseb b’servizz ipprovdut b’mod temporanju. Barra minn hekk, hija tindika li l-argument imressaq mill-Kummissjoni fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi transkonfinali, li skontu l-kard SZÉP tista’ tiġi ttoppjata minn distanza jew li wieħed jista’ joħloq, mingħajr ma jkun jinsab l-Ungerija, l-infrastruttura meħtieġa għall-funzjonament tas-sistema, huwa validu l-iktar fuq livell teoretiku. L-Ungerija tgħid ukoll li l-ipoteżi ta’ provvisti ta’ servizzi limitrofi u mwettqa fil-livell reġjonali ma hijiex realistika u ma tiħux inkunsiderazzjoni l-loġika stess tal-kard SZÉP li teħtieġ li l-fornituri li jaċċettawha jkunu jeżistu fit-territorju Ungeriż kollu.

    ii) L-evalwazzjoni tiegħi

    78.

    Kuntrarjament għall-Ungerija, inqis li l-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP għandu jiġi evalwat kemm fid-dawl tal-artikoli tad-Direttiva 2006/123 dwar il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll fid-dawl ta’ dawk il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    79.

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, “[f]’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-prinċipji ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ libertà ta’ stabbiliment, għandu jiġi ddeterminat jekk l-operatur ekonomiku huwiex stabbilit jew le fl-Istat Membru li fih huwa joffri s-servizz inkwistjoni [...]. Meta dan ikun stabbilit fl-Istat Membru li fih huwa joffri dan is-servizz, huwa jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment, kif definit fl-Artikolu [49 TFUE]. Meta, min-naħa l-oħra, l-operatur ekonomiku ma jkunx stabbilit fl-Istat Membru destinatarju, huwa jkun fornitur transkonfinali li jaqa’ taħt il-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi previst fl-Artikolu [56 TFUE]” ( 29 ).

    80.

    Ninnota li d-Direttiva 2006/123 ikkodifikat din il-ġurisprudenza ( 30 ), b’tali mod li dawn il-prinċipji japplikaw ukoll fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

    81.

    Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-attività ta’ operatur għandhiex taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment, prevista fl-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 2006/123, jew taħt il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, previst fl-Artikolu 16 tagħha, l-ewwel nett għandu jiġi vverifikat jekk l-operatur huwiex stabbilit jew għandux l-intenzjoni li jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor minbarra l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu.

    82.

    F’dan il-każ, bħalma kkonstatat il-Kummissjoni, u hija ma ġietx kontradetta mill-Ungerija dwar dan il-punt, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP japplikaw mingħajr distinzjoni kemm għall-impriżi stabbiliti fl-Ungerija kif ukoll għall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra l-Ungerija.

    83.

    F’dan ir-rigward, ninnota li dawn il-kundizzjonijiet, essenzjalment, jeżiġu “stabbiliment permanenti” fl-Ungerija għall-impriżi kollha li jixtiequ joħorġu l-kard SZÉP.

    84.

    Fil-fehma tiegħi, ir-rekwiżit ta’ stabbiliment permanenti jista’ jaqa’ taħt il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi “u” tal-libertà ta’ stabbiliment ( 31 ). Fil-fatt, tali rekwiżit ikun jaqa’ taħt il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-każ fejn l-operatur ikkonċernat ma jkunx stabbilit fl-Ungerija u jkun jixtieq jipprovdi s-servizz inkwistjoni b’mod transkonfinali. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn l-operatur ikkonċernat ikollu stabbiliment sekondarju fl-Ungerija jew ikun jixtieq jistabbilixxi ruħu f’dan l-Istat Membru, dan l-istess rekwiżit għalhekk ikun jaqa’ taħt il-prinċipju tal-libertà ta’ stabbiliment ( 32 ).

    85.

    Barra minn hekk, l-argument tal-Ungerija li minħabba l-kumplessità tal-attività ta’ ħruġ tal-kard SZÉP, l-emittent għandu jkun ankrat organikament fil-ħajja ekonomika u soċjali tal-Ungerija, b’tali mod li l-ipoteżi ta’ provvista transkonfinali ma tkunx prattikabbli, ma jikkonvinċinix.

    86.

    Fil-fatt, bħall-Kummissjoni nqis li, minn naħa, impriża stabbilita fi Stat Membru minbarra l-Ungerija u li tiddeċiedi li toħroġ il-kard SZÉP f’dan l-Istat Membru għandha d-dritt li tuża l-infrastruttura meħtieġa għall-finijiet tal-provvista ta’ dan is-servizz u ma tistax tiġi obbligata tistabbilixxi ruħha hemmhekk għal dan l-għan ( 33 ) u, min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi eskluż, f’dan il-każ, li l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra l-Ungerija huma interessati jeżerċitaw tali attività fl-Ungerija.

    87.

    Fir-rigward tal-elementi preċedenti, inqis li, skont is-sitwazzjoni kkonċernata, tista’ tkun affettwata libertà waħda jew oħra. Se nuri kif ir-rekwiżit ta’ stabbiliment permanenti fl-Ungerija jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2006/123 fiż-żewġ każijiet.

    88.

    Qabel ma neżamina l-ewwel ilment, nosserva li kemm fl-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni allegat ksur tas-sistema Ungeriża relatata mal-kard SZÉP fir-rigward tal-Artikoli 9 u 10 ta’ din id-direttiva. Peress li dan il-ksur ma jerġax jiġi invokat fir-rikors, għandu jitqies li ġie abbandunat mill-Kummissjoni, u dan għalhekk jirrestrinġi s-suġġett tar-rikors, liema fatt evidentement ma jikkostitwixxix raġuni għal inammissibbiltà ( 34 ).

    c) Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-punt 3 tal-Artikolu 14 u tal-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva 2006/123

    89.

    L-ewwel nett, nikkonstata li, matul is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li, fir-rigward tal-ewwel ilment dwar l-esklużjoni tal-fergħat ta’ kumpannija barranija, kien hemm biss ksur tal-punt 3 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123. Għalhekk, hija abbandunat ir-riferiment għall-Artikolu 15(2)(b) ta’ din id-direttiva. L-evalwazzjoni tiegħi b’hekk se tkun limitata għall-allegat ksur tal-punt 3 tal-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva.

    i) L-argumenti prinċipali tal-partijiet

    90.

    Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP huwa ta’ natura diskriminatorja u jikser il-punt 3tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123, sa fejn dan l-Artikolu 13 jipprekludi lill-fergħat Ungeriżi ta’ kumpanniji kummerċjali barranin milli joħorġu l-kard SZÉP.

    91.

    Issa, skont il-Kummissjoni, il-punt 3 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123 jipprojbixxi b’mod ċar, mingħajr ebda possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni, l-issuġġettar tal-aċċess għal attività ta’ servizzi jew l-eżerċizzju tagħha fit-territorju Ungeriż għal rekwiżit li jillimita l-libertà tal-fornitur li jagħżel bejn stabbiliment prinċipali jew sekondarju.

    92.

    Skont l-Ungerija, l-esklużjoni tal-fergħat ta’ kumpanniji barranin hija ġġustifikata mir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali permessi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u fid-Direttiva 2006/123, jiġifieri l-protezzjoni tal-konsumaturi jew tal-persuni li jirrikorru għal servizzi ( 35 ) u l-protezzjoni tal-kredituri. Fil-fatt, l-impriżi li jkunu integrati fil-ħajja ekonomika Ungeriża biss ikunu jistgħu jeżerċitaw l-attività ta’ ħruġ ta’ kards SZÉP, liema fatt jimplika li dawn għandhom ikunu impriżi stabbiliti fl-Ungerija.

    ii) L-evalwazzjoni tiegħi

    93.

    Mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-ewwel ilment huwa bbażat fuq interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni tal-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP, moqri flimkien mal-Liġi dwar il-mutwi ta’ assigurazzjoni u mal-Liġi dwar il-fergħat, li skontha fergħa ta’ impriża barranija ma hijiex koperta mid-definizzjoni ta’ “fornitur ta’ servizz” u għalhekk ma tistax toħroġ il-kard SZÉP. Peress li din l-interpretazzjoni ma ġietx ikkontestata mill-Ungerija, jien inqisha bħala stabbilita.

    94.

    Bħall-Kummissjoni, inqis li l-fatt li fergħa ta’ impriża barranija ma tistax toħroġ il-kard SZÉP jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123.

    95.

    Fil-fatt, din l-impriża barranija tkun tista’ toħroġ din il-kard biss li kieku hija kellha toħloq stabbiliment prinċipali fl-Ungerija. Madankollu, tali rekwiżit huwa espressament ipprojbit minn din id-dispożizzjoni.

    96.

    Infakkar li, skont l-imsemmija dispożizzjoni, l-aċċess għal attività ta’ servizzi jew l-eżerċizzju tagħha ma jistax ikun suġġett, mill-Istati Membri, għal rekwiżit li jillimita l-libertà tal-fornitur li jagħżel bejn stabbiliment prinċipali jew sekondarju, b’mod partikolari dak li fornitur ikollu l-istabbiliment prinċipali tiegħu fit-territorju tagħhom.

    97.

    Barra minn hekk, ma jista’ jiġi ammess ebda motiv ta’ ġustifikazzjoni invokat mill-Ungerija, peress li r-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123 ma jistgħux jiġu ġġustifikati ( 36 ).

    98.

    Bħalma kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, in-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni jirriżulta kemm mill-kliem tal-Artikolu 14 kif ukoll mill-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2006/123 ( 37 ).

    99.

    Minn naħa, it-titolu tal-imsemmi Artikolu 14 jindika li r-rekwiżiti elenkati fil-paragrafi 1 sa 8 tiegħu huma “pprojbiti” ( 38 ).

    100.

    Min-naħa l-oħra, l-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2006/123 hija bbażata, għal dak li jirrigwarda l-libertà ta’ stabbiliment, fuq distinzjoni ċara bejn ir-rekwiżiti pprojbiti, li kif ġie kkonstatat preċedentement huma rregolati mill-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, u dawk suġġetti għal evalwazzjoni, li jinsabu fl-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva ( 39 ).

    101.

    L-evalwazzjoni prevista fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123 qabel kollox tikkonsisti, għall-Istati Membri, f’li jiġi eżaminat jekk is-sistema legali tagħhom tipprevedix wieħed mir-rekwiżiti elenkati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu u, sussegwentement, f’li jiġi żgurat li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità msemmija fil-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu ( 40 ).

    102.

    L-Artikolu 15(3)(b) tad-Direttiva 2006/123 jipprovdi d-definizzjoni tan-natura ta’ neċessità. Għalhekk, rekwiżit previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu għandu jitqies bħala meħtieġ jekk dan ikun iġġustifikat minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

    103.

    Issa, tali possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni ma hijiex prevista għar-rekwiżiti “pprojbiti” elenkati fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123 ( 41 ).

    104.

    Minn dan jirriżulta li r-rekwiżit ta’ stabbiliment permanenti previst fl-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP, li jipprekludi lill-fergħa Ungeriża ta’ impriża barranija milli toħroġ il-kard SZÉP, jikser il-punt 3 tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2006/123.

    105.

    Għalhekk, l-ewwel ilment għandu jintlaqa’.

    d) Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 15(1), (2)(b) u (3) tad-Direttiva 2006/123

    i) L-argumenti prinċipali tal-partijiet

    106.

    Il-Kummissjoni tikkonstata li, skont l-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP, impriża tista’ tissodisfa r-rekwiżiti previsti f’dan l-artikolu mhux biss b’mod individwali, iżda wkoll flimkien ma’ grupp ta’ kumpanniji rikonoxxut mil-Liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali.

    107.

    Madankollu, l-imsemmi artikolu, moqri flimkien mal-Artikoli 1(1), 2(1), 55(1) u (3), kif ukoll 64 tal-Liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali, ma jippermettix lil impriża tissodisfa flimkien ma’ tali grupp ta’ kumpanniji l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ tal-kard SZÉP sakemm il-kumpanniji kummerċjali ta’ dan il-grupp ma jkunux ikkostitwiti skont id-dritt Ungeriż, ikollhom is-sede rreġistrata tagħhom fit-territorju Ungeriż u joperaw fil-forma ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata jew kumpanniji privati b’responsabbiltà limitata.

    108.

    Għalhekk, skont il-Kummissjoni, impriża ma tkunx tista’ tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ tal-kard SZÉP, li jinsabu fl-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP, billi tassoċja ruħha ma’ kumpannija kummerċjali stabbilita fi Stat Membru ieħor minbarra l-Ungerija. L-istess konstatazzjoni tapplika wkoll fil-każ fejn l-impriżi membri ta’ grupp ikollhom is-sede rreġistrata tagħhom fl-Ungerija u jkunu kkostitwiti skont id-dritt Ungeriż, iżda ma joperawx fil-forma legali ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata jew kumpanniji privati b’responsabbiltà limitata.

    109.

    Il-Kummissjoni tqis li dawn ir-rekwiżiti jmorru kontra l-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva 2006/123, li jipprevedi li impriża ma tistax tiġi obbligata tieħu forma legali speċifika. Barra minn hekk, hija tqis li tali rekwiżiti huma diskriminatorji u li l-Ungerija la pprovdiet ġustifikazzjoni u lanqas stabbilixxiet in-natura bżonjuża u proporzjonata tagħhom, b’tali mod li għandhom jitqiesu li jmorru kontra l-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva.

    110.

    Skont l-Ungerija, ir-restrizzjonijiet b’rabta mal-gruppi ta’ impriżi huma ġġustifikati mir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali diġà invokati.

    ii) L-evalwazzjoni tiegħi

    111.

    Fil-każ fejn il-fornitur jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ tal-kard SZÉP flimkien ma’ impriża oħra u għalhekk bħala grupp ta’ kumpanniji ( 42 ), il-fatt li jkun meħtieġ li l-kumpanniji kummerċjali, membri ta’ dan il-grupp, inkluża l-kumpannija parent, ikunu kkostitwiti skont id-dritt Ungeriż, li jimplika li dawn ikollhom sede rreġistrata fl-Ungerija, u li dawn jieħdu forma legali ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata jew kumpanniji privati b’responsabbiltà limitata, jikser l-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva 2006/123?

    112.

    Ninnota li mill-atti tal-proċess jirriżulta li dawn iż-żewġ rekwiżiti, relatati, l-ewwel nett, mas-sede rreġistrata u, it-tieni nett, mal-forma legali speċifika, jirriżultaw mill-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP, moqri flimkien mal-Artikoli 1, 2(1) u (2), 55(1) u (3), kif ukoll 64(1) tal-Liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali.

    113.

    Għalkemm inqis, bħall-Kummissjoni, li dawn ir-rekwiżiti ma humiex konformi mad-Direttiva 2006/123, ma nistax naderixxi, min-naħa l-oħra, mal-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tagħti tal-Artikolu 15(2)(b) ta’ din id-direttiva, sa fejn hija tgħid li ż-żewġ rekwiżiti jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

    114.

    Fil-fehma tiegħi, dawn iż-żewġ rekwiżiti għandhom jiġu analizzati b’mod separat. Għall-kuntrarju tal-Kummissjoni, inqis li r-rekwiżit marbut mas-sede rreġistrata ma jaqax taħt l-Artikolu 15(2)(b) tal-imsemmija direttiva, iżda taħt il-punt 1 tal-Artikolu 14 jew l-Artikolu 16(2)(a) tagħha, skont jekk il-kumpannija kummerċjali tal-grupp ta’ kumpanniji kkonċernat tkun tixtieq tistabbilixxi ruħha fl-Ungerija jew tipprovdi s-servizz inkwistjoni b’mod transkonfinali.

    115.

    L-evalwazzjoni tiegħi għalhekk se tkun limitata għall-eżami tar-rekwiżit marbut mal-forma legali kif identifikat mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha.

    116.

    Bħall-Kummissjoni, nikkonstata li r-rekwiżit li skontu l-impriżi li jiffunzjonaw bħala grupp ta’ kumpanniji għandhom jieħdu forma legali ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata jew kumpanniji privati b’responsabbiltà limitata jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva 2006/123 ( 43 ).

    117.

    Bħalma tqis ġustament il-Kummissjoni, dan ir-rekwiżit ma jippermettix lil impriżi jissodisfaw l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ tal-kard SZÉP billi tibbaża ruħha fuq l-esperjenza miksuba minn kumpannija kummerċjali li ħadet forma legali differenti minn dik prevista mid-dritt Ungeriż u dan jeskludi wkoll lill-impriżi li għandhom is-sede rreġistrata tagħhom fl-Ungerija, iżda li ma joperawx fil-forma meħtieġa.

    118.

    Jien tal-fehma li tali rekwiżit jikkostitwixxi ostakolu serju għall-istabbiliment ta’ fornituri li ġejjin minn Stati Membri minbarra l-Ungerija peress li dan jobbligahom jibdlu l-forma tagħhom jew l-istruttura legali tagħhom ( 44 ).

    119.

    Mir-risposta tal-Ungerija jirriżulta li hija ma tikkontestax in-natura restrittiva ta’ dan ir-rekwiżit. Hija tqis, min-naħa l-oħra, li dan huwa ġġustifikat mill-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-kredituri, mingħajr ma tipprovdi iżjed preċiżazzjonijiet dwar in-natura bżonjuża u proporzjonata tiegħu. Fil-fatt, l-Ungerija tillimita ruħha li ssostni li l-impriżi li ħadu forma legali ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata jew kumpanniji privati b’responsabbiltà limitata biss għandhom l-esperjenza u l-infrastruttura meħtieġa għall-eżerċizzju tal-attività ta’ ħruġ tal-kard SZÉP u sabiex jiggarantixxu r-rekwiżiti f’termini ta’ garanziji li jirriżultaw min-natura ta’ din l-attività.

    120.

    Għalkemm dawn il-motivi jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 15(3)(b) tad-Direttiva 2006/123 ( 45 ), li jiġġustifikaw ir-rekwiżit ta’ forma legali speċifika, inqis li tali rekwiżit ma huwiex xieraq sabiex jiggarantixxi l-kisba tal-għanijiet segwiti. Fil-fatt, ir-riskji inerenti għall-attività ta’ impriżi emittenti kif deskritti mill-Ungerija, bħall-insolvenza tagħhom, ma humiex direttament marbuta mal-forma legali ta’ dawn l-impriżi ( 46 ). Għalhekk, ma nifhimx kif dan ir-rekwiżit huwa xieraq sabiex jiggarantixxi l-protezzjoni tal-konsumaturi u dik tal-kredituri.

    121.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni lment għandu jintlaqa’, sa fejn dan jikkonċerna r-rekwiżit relatat mal-forma legali speċifika.

    e) Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 15(1), (2)(d) u (3) tad-Direttiva 2006/123

    i) L-argumenti prinċipali tal-partijiet

    122.

    Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP, moqri flimkien mal-Artikoli 1, 2(1) u (2), 55(1) u (3), kif ukoll 64(1) tal-Liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali, mal-Artikolu 2(2)(d) tal-Liġi dwar il-mutwi ta’ assigurazzjoni u mal-Artikolu 2(b) tal-Liġi dwar il-fergħat, jirriżerva l-possibbiltà ta’ ħruġ tal-kard SZÉP lill-banek u l-istituzzjonijiet tal-kreditu stabbiliti fis-suq Ungeriż, jiġifieri tliet banek li għandhom is-sede rreġistrata tagħhom fl-Ungerija, li huma biss jistgħu jipprovdu l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP.

    123.

    Għalhekk, skont il-Kummissjoni, dan l-aħħar artikolu jirriżerva l-aċċess għall-attività ta’ servizzi kkonċernata għal fornituri partikolari minħabba n-natura speċifika tal-attività u konsegwentement jikser l-Artikolu 15(2)(d) u (3) tad-Direttiva 2006/123, sa fejn dawn il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ huma indirettament diskriminatorji u la huma bżonjużi u lanqas proporzjonati.

    124.

    Fir-rigward tan-natura indirettament diskriminatorja, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ previsti fl-Artikolu 13(b) u (ċ) tad-digriet SZÉP, dwar il-ħruġ mill-fornitur ta’ mill-inqas 100000 strument ta’ ħlas minbarra flus matul l-aħħar sena finanzjarja mitmuma u mill-inqas sentejn esperjenza fil-qasam tal-ħruġ ta’ vawċers elettroniċi fis-suq Ungeriż rispettivament, jeskludu d-dħul ta’ impriżi ġodda fis-suq ikkonċernat u jistgħu jiġu osservati biss mill-impriżi diġà preżenti fis-suq Ungeriż.

    125.

    Fir-rigward tar-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali invokati mill-Ungerija biex tiġġustifika dawn ir-restrizzjonijiet, jiġifieri l-protezzjoni tal-konsumaturi u dik tal-kredituri, il-Kummissjoni tinnota li, meqjusa individwalment, dawn huma konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mal-Artikolu 4(8) tad-Direttiva 2006/123.

    126.

    Madankollu, skont il-Kummissjoni, dawn ir-raġunijiet ma jissodisfawx ir-rekwiżiti f’termini ta’ neċessità u proporzjonalità. F’dan ir-rigward, b’mod partikolari, l-ewwel nett hija tqis li l-Ungerija ma wrietx sa fejn il-leġiżlazzjoni l-ġdida tagħha tikkostitwixxi risposta għall-problemi konkreti li rriżultaw taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti, it-tieni nett, li fil-maġġoranza tal-Istati Membri, il-ħruġ ta’ strumenti identiċi għall-kard SZÉP ma kienx suġġett għal rekwiżiti paragunabbli, it-tielet nett, li l-protezzjoni tal-konsumaturi u dik tal-kredituri kontra r-riskji ta’ insolvenza u l-ineffettività tal-emittenti ta’ din il-kard tista’ tiġi żgurata minn miżuri inqas vinkolanti bħal pereżempju sistemi ta’ sorveljanza tal-emittenti, ġestjoni tad-depożitu tal-ammonti mqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni, garanziji bankarji, l-implementazzjoni ta’ servizz telefoniku jew ir-reklutaġġ ta’ rappreżentanti kummerċjali, ir-raba’ nett, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li rekwiżit identiku għal dak dwar il-ftuħ ta’ uffiċċju fil-komuni kollha li għandhom popolazzjoni ta’ iktar minn 35000 abitant imur kontra d-dritt tal-Unjoni ( 47 ) u, il-ħames nett, li anki l-istabbilimenti ta’ kreditu ma humiex suġġetti għal kundizzjonijiet daqshekk stretti.

    127.

    L-Ungerija tfakkar, l-ewwel nett, li l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ stretti applikabbli għall-kard SZÉP huma ġġustifikati mir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali diġà msemmija.

    128.

    L-Ungerija sussegwentement tippreċiża li r-riskji fil-funzjonament tas-sistema ta’ din il-kard, b’mod partikolari r-riskju ta’ insolvenza, jikkonċentraw fuq l-emittent tal-imsemmija kard ( 48 ). Għalhekk, sabiex jiġu protetti bl-aħjar mod il-persuna li timpjega, l-impjegat u l-persuna li taċċetta l-kard SZÉP, kienet meħtieġa l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni bil-kundizzjonijiet stretti għall-ħruġ ta’ din il-kard. Barra minn hekk, skont l-Ungerija, din in-neċessità ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-fatt li Stati Membri oħra ma jimponux kundizzjonijiet daqstant stretti.

    129.

    Fir-rigward tar-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-Ungerija tqis li l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ ġew adottati filwaqt li ttieħdet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-portata mistennija tas-sistema tal-kards SZÉP. Fil-fehma tagħha, f’ċifri attwali, l-imsemmija kundizzjonijiet la jistgħu jitqiesu bħala neqsin minn neċessità u lanqas bħala sproporzjonati ( 49 ).

    130.

    Fl-aħħar nett l-Ungerija telenka r-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ li jinsabu fl-Artikolu 13(a) sa (ċ) tad-digriet SZÉP huma ġġustifikati, bżonjużi u proporzjonati.

    131.

    Fir-rigward tar-rekwiżit għal emittent tal-kard SZÉP jew għall-grupp ta’ kumpanniji li jagħmel parti minnu li jkollu uffiċċju miftuħ għall-klijentela f’kull komun tal-Ungerija fejn il-popolazzjoni hija ta’ iktar minn 35000 abitant ( 50 ), previst fl-Artikolu 13(a) tad-digriet SZÉP, l-Ungerija tikkonstata li dan se jiggarantixxi li kull detentur ta’ din il-kard ikollu l-possibbiltà li jagħmel mistoqsijiet fir-rigward tal-imsemmija kard permezz ta’ kuntatt personali, viċin id-dar tiegħu.

    132.

    Fir-rigward tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 13(b) tad-digriet SZÉP li jimponi lill-emittent tal-kard SZÉP jew lill-grupp ta’ kumpanniji li jagħmel parti minnu li, matul l-aħħar sena finanzjarja mitmuma tiegħu, ikun ħareġ mill-inqas 100000 strument ta’ ħlas minbarra flus fil-kuntest tas-servizzi ta’ ħlas, l-Ungerija tqis, b’mod partikolari, li fid-dawl tal-ammonti konsegwenti li jgħaddu permezz ta’ din il-kard, huma biss l-impriżi li għandhom bażi finanzjarja stabbli u esperjenza ċerta fil-ġestjoni ta’ ammonti sinjifikattivi u fil-ħruġ ta’ metodi ta’ ħlas minbarra fi flus li jistgħu joħorġu l-imsemmija kard.

    133.

    Fir-rigward tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 13(ċ) tad-digriet SZÉP, li jipprevedi li l-emittent għandu jkun ħareġ iktar minn 25000 kard ta’ vawċers fis-sena preċedenti u għandu jkollu mill-inqas sentejn esperjenza f’din l-attività, dan ikun jippermetti, skont l-Ungerija, li jiġi ggarantit li dan l-emittent ikollu esperjenza fil-funzjonament ta’ kards ta’ vawċers elettroniċi identiċi għall-kards SZÉP.

    ii) L-evalwazzjoni tiegħi

    134.

    Qabel kollox, ninnota li l-Kummissjoni ssemmi espressament il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet nazzjonali l-oħra msemmija fir-rikors tagħha. Għalhekk, permezz tat-tielet ilment tagħha, hija ma tirreferix biss għall-kundizzjonijiet ta’ ħruġ previsti b’mod speċifiku fil-punti a u c ta’ dan l-Artikolu 13, iżda wkoll il-kundizzjonijiet diġà eżaminati dwar il-ħtieġa li wieħed ikollu stabbiliment prinċipali fl-Ungerija biex ikun jista’ joħroġ, b’mod individwali jew bħala grupp ta’ kumpanniji, il-kard SZÉP. Dan l-ilment għalhekk huwa mmirat lejn ir-rekwiżiti kollha f’daqqa.

    135.

    Sussegwentement, bħall-Kummissjoni, inqis li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP, meqjusa flimkien, jikkostitwixxu diskriminazzjoni mhux diretta, iżda indiretta, ibbażata fuq il-post fejn tinsab is-sede rreġistrata.

    136.

    F’dan ir-rigward, ninnota li l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet previsti ma tirriżerva espressament l-attività ta’ ħruġ tal-kards SZÉP biss għall-kumpanniji li għandhom is-sede rreġistrata tagħhom fl-Ungerija u hawnhekk għalhekk ma hijiex involuta diskriminazzjoni diretta.

    137.

    Madankollu, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-impriżi tal-kreditu li għandhom is-sede rreġistrata tagħhom fl-Ungerija biss ikunu jistgħu, de facto, jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP, liema fatt ma huwiex ikkontestat mill-Ungerija.

    138.

    Issa, sa fejn huma inkwistjoni kundizzjonijiet indirettament diskriminatorji bbażati fuq il-post tas-sede rreġistrata, dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħux jikkostitwixxu rekwiżiti li jirriżervaw l-aċċess għall-attività ta’ servizz ikkonċernata għal fornituri partikolari minħabba n-natura speċifika tal-attività, fis-sens tal-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva 2006/123. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi biss ir-“rekwiżiti mhux-diskriminatorji” ( 51 ).

    139.

    Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li l-imsemmija kundizzjonijiet, meqjusa flimkien, ma jaqgħux taħt l-imsemmija dispożizzjoni, iżda taħt il-punt 1 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123, li jipprojbixxi, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti diskriminatorji bbażati indirettament fuq il-post tas-sede rreġistrata ( 52 ).

    140.

    Fir-rigward tal-kunsiderazzjoni preċedenti, inqis li l-Kummissjoni waslet għal interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva 2006/123, li ma tistax tapplika f’dan il-każ.

    141.

    Inżid li, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li din id-dispożizzjoni hija applikabbli, inqis li l-attività ta’ ħruġ ta’ vawċers għall-ikliet kif ukoll ta’ vawċers għall-ħin liberu u għall-vaganzi ma humiex ikkaratterizzati minn “natura speċifika” li teħtieġ li l-aċċess għal din l-attività jiġi rriżervat għal fornituri speċifiċi. Fil-fatt, il-ħruġ ta’ dawn il-vawċers jikkostitwixxi, fl-Istati Membri minbarra l-Ungerija, attività komunement eżerċitata minn operaturi privati minbarra stabbilimenti finanzjarji ( 53 ).

    142.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    f) Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123

    i) L-argumenti prinċipali tal-partijiet

    143.

    Għall-kuntrarju tal-Ungerija, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 japplika f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, hija tikkonstata li l-kard SZÉP tista’ tinħareġ minn impriża stabbilita fi Stat Membru minbarra l-Ungerija, b’mod partikolari billi teżerċita d-dritt tagħha li tuża l-infrastruttura meħtieġa għall-finijiet tat-twettiq tas-servizzi tagħha fit-territorju Ungeriż. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, tali impriża tista’ tipprovdi wkoll is-servizzi tagħha b’mod transkonfinali mingħajr ma jkollha infrastruttura sinjifikattiva fl-Ungerija.

    144.

    Fil-fehma tal-Kummissjoni, billi jipprevedi li emittent tal-kard SZÉP għandu jkollu stabbiliment permanenti fl-Ungerija, l-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP jikser l-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2006/123, sa fejn dan ir-rekwiżit ma jissodisfax il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, neċessità u proporzjonalità, kif elenkati fl-Artikolu 16(1) ta’ din d-direttiva.

    ii) L-evalwazzjoni tiegħi

    145.

    Il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP, bħalma stajna nikkonstataw diġà, jimponu li fornitur li jixtieq joħroġ il-kard SZÉP għandu jkollu stabbiliment permanenti fl-Ungerija. Fil-fatt, infakkar li huma biss l-impriżi li għandhom is-“sede rreġistrata” tagħhom fl-Ungerija u li għandhom, b’mod partikolari, “uffiċċju” miftuħ għall-klijentela f’kull komun tal-Ungerija b’popolazzjoni ogħla minn 35000 abitant jistgħu joħorġu din il-kard.

    146.

    Tali rekwiżit ta’ stabbiliment permanenti fl-Ungerija jikkostitwixxi restrizzjoni pprojbita skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123?

    147.

    Fil-fehma tiegħi, din id-domanda għandha tingħata risposta pożittiva.

    148.

    Fl-ewwel lok, nikkonstata li l-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2006/123 jipprojbixxi b’mod ċar dan ir-rekwiżit.

    149.

    Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor billi jobbligaw lill-fornitur ikollu “stabbiliment” fit-territorju tagħhom.

    150.

    F’dan ir-rigward, ninnota li l-kunċett ta’ stabbiliment, kif previst mid-Direttiva 2006/123, jikkostitwixxi kunċett wiesa’, li jista’ jiġbor kemm l-impriżi li għandhom sede rreġistrata fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, kif ukoll l-istabbilimenti prinċipali, u l-istabbilimenti sekondarji li pereżempju jassumu l-forma ta’ uffiċċju.

    151.

    Fil-fatt, konformement mal-premessa 37 u mal-punt 5 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, dan il-kunċett jimplika, l-ewwel nett, is-segwitu effettiv ta’ attività ekonomika permezz ta’ stabbiliment fiss għal perijodu indefinit. Din il-premessa tippreċiża, sussegwentement, b’mod partikolari, li dan ir-rekwiżit jista’ wkoll jiġi ssodisfatt meta kumpannija tkun ikkostitwita għal perijodu speċifiku. L-imsemmija premessa tiddikjara, fl-aħħar nett, li stabbiliment ma għandux bżonn jieħu l-forma ta’ sussidjarja, fergħa jew aġenzija, iżda jista’ jikkonsisti f’uffiċċju mmexxi mill-persunal tal-fornitur stess jew minn persuna li hija indipendenti iżda awtorizzata li taġixxi fuq bażi permanenti għall-impriża, kif ikun il-każ b’aġenzija.

    152.

    Fir-rigward tal-elementi preċedenti, inqis li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP, li jissuġġettaw il-ħruġ tal-kard SZÉP għar-rekwiżit li jkun hemm sede rreġistrata u diversi uffiċċji fl-Ungerija, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2006/123 u għandhom jitqiesu bħala pprojbiti fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni.

    153.

    Fit-tieni lok, ninnota li l-ġurisprudenza tqis li dan ir-rekwiżit jiċħad il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 54 ).

    154.

    Fil-fatt, ir-rekwiżit li skontu impriża għandu jkollha l-istabbiliment tagħha fi Stat Membru ta’ destinazzjoni jmur direttament kontra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, sa fejn dan jipprekludi, f’dan l-Istat Membru, il-provvista ta’ servizzi mill-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra ( 55 ). Għalhekk, l-impriżi li jixtiequ joħorġu l-kard SZÉP fl-Ungerija huma obbligati jirrinunzjaw għal din il-provvista, jew joħolqu fit-territorju Ungeriż stabbiliment permanenti, li jimponilhom eżerċizzju stabbli u kontinwu ta’ din l-attività professjonali fl-Ungerija ( 56 ).

    155.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonstata li r-rekwiżit previst fl-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2006/123 jikkostitwixxi wieħed mill-eżempji ta’ rekwiżiti li Stat Membru ma jistax, bħala prinċipju, jimponi fil-każ ta’ servizzi pprovduti fit-territorju tiegħu minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor u li diġà ġie meqjus bħala inkompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    156.

    Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2006/123, bħall-Artikolu 14 ta’ dik id-direttiva, jikkostitwixxi “lista sewda” u għalhekk jinkludi ċerti rekwiżiti li huma pprojbiti fihom infushom ( 57 ).

    157.

    Fil-fatt, peress li l-ġurisprudenza diġà qieset dawn ir-rekwiżiti bħala inkompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE, teżisti preżunzjoni qawwija li dawn ma jistgħux jiġu ġġustifikati minn wieħed mill-erba’ għanijiet ta’ interess ġenerali previsti fl-Artikolu 16(3) tal-imsemmija direttiva ( 58 ), peress li dawn normalment ma humiex proporzjonati ( 59 ).

    158.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jien tal-fehma li l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2006/123 ma japplikax għar-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 16(2) tagħha b’tali mod li r-rekwiżit ta’ stabbiliment fl-Ungerija ma jistax jiġi ġġustifikat.

    159.

    Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li, billi obbligat lill-impriżi jkollhom stabbiliment permanenti fit-territorju tagħha, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123.

    160.

    Għalhekk, ir-raba’ lment għandu jintlaqa’.

    g) Fuq il-ksur tal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE

    i) L-argumenti prinċipali tal-partijiet

    161.

    Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinnota, sussidjarjament, li filwaqt li d-Direttiva 2006/123 ma kinitx applikabbli, id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ tal-kard SZÉP għandhom jiġu evalwati kemm fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 56 TFUE, sa fejn fornitur ikun jista’ jipprovdi s-servizz inkwistjoni billi jistabbilixxi jew ma jistabbilixxix ruħu fl-Ungerija. Għalhekk, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma tistax titqies bħala kompletament sekondarja meta mqabbla mal-libertà ta’ stabbiliment u ma tistax tintrabat ma’ din tal-aħħar.

    162.

    Skont il-Kummissjoni, ksur tal-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi kkonstatat, minħabba li, l-ewwel nett, id-dispożizzjonijiet Ungeriżi previsti fil-kuntest tal-ewwel ilment sat-tielet wieħed jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ neċessità u proporzjonalità u, it-tieni nett, l-introduzzjoni ta’ kundizzjonijiet ġodda ta’ ħruġ seħħet mingħajr perijodu tranżitorju xieraq, liema fatt jippreġudika l-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 60 ).

    163.

    Fir-rigward tal-Artikolu 56 TFUE, il-Kummissjoni tikkonstata li, għall-istess raġunijiet bħal dawk imqajma fil-kuntest tar-raba’ lment, ir-rekwiżit ta’ stabbiliment permanenti fl-Ungerija jikkostitwixxi restrizzjoni diskriminatorja, li la n-neċessità u lanqas il-proporzjonalità tagħha ma ġew stabbiliti mill-Ungerija, b’mod li din tikser dan l-Artikolu 56.

    164.

    Fir-rigward tal-allegata assenza ta’ perijodu tranżitorju suffiċjenti, l-Ungerija tqis, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni ma pprovdietx elementi probatorji insostenn tad-dikjarazzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, fil-qasam tal-politika fiskali u soċjali, l-impriżi ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq assenza ta’ emenda tal-leġiżlazzjoni.

    ii) L-evalwazzjoni tiegħi

    165.

    Sa fejn inqis li d-Direttiva 2006/123 tapplika f’dan ir-rikors, l-eżami tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fir-rigward tal-Artikolu 49 TFUE u 56 TFUE ma huwiex meħtieġ.

    166.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment imressaq sussidjarjament mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

    2. L-ilment dwar il-vawċers Erzsébet

    167.

    Qabel kollox, ninnota li mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni u l-Ungerija jibdew bil-premessa li l-FNUV tikkostitwixxi “kumpannija”, fis-sens tat-Trattat FUE, li fir-rigward tagħha japplikaw l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE. Għaldaqstant inqis li dan il-fatt ġie stabbilit.

    a) L-argumenti prinċipali tal-partijiet

    168.

    Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar il-ħruġ u l-użu tal-vawċers Erzsébet jikser l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE.

    169.

    Il-Kummissjoni tippreċiża, minn qabel, li r-rikors tagħha huwa dirett lejn is-sistema ta’ dawn il-vawċers biss sa fejn din tipprevedi li l-kontribut tal-persuna li timpjega għax-xiri ta’ ikliet lesti għall-konsum jista’ jitqies bħala benefiċċju in natura biss jekk dan ix-xiri jseħħ bl-għajnuna tal-imsemmija vawċers. Għalhekk, ir-rikors tagħha ma jirrigwardax l-azzjonijiet l-oħra ta’ politika soċjali implementati fil-kuntest tal-programm Erzsébet, bħal, pereżempju, l-għajnuniet diretti u mmirati lill-persuni soċjalment żvantaġġati.

    170.

    Skont il-Kummissjoni, il-ħruġ tal-vawċers Erzsébet jikkostitwixxi attività ekonomika li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE. Insostenn tal-pożizzjoni tagħha, hija tinnota, fl-ewwel lok, b’mod partikolari, li fil-passat, din l-attività kienet żgurata fl-Ungerija minn kumpanniji kummerċjali u li dan għadu l-każ f’diversi Stati Membri, fit-tieni lok, li l-ħruġ tal-vawċers Erzsébet ma jikkostitwixxix miżura soċjali, peress li dawn il-vawċers jistgħu jingħataw liberament mill-persuna li timpjega sa ammont iddeterminat minnha, u dan irrispettivament mis-sitwazzjoni soċjali tal-impjegati tagħha b’mod li hawnhekk la qed jiġi implementat il-prinċipju ta’ solidarjetà u lanqas mhu qed isir kontroll mill-Istat u ffissar minnu tal-ammont tal-benefiċċji u, fit-tielet lok, li l-ħruġ tal-vawċers Erzsébet ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “[attività] li [taqa’] fl-ambitu ta’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika”, fis-sens tal-Artikoli 51 TFUE ( 61 ) u 62 TFUE ( 62 ), minħabba n-nuqqas li tiġi kkostitwita parteċipazzjoni diretta u speċifika f’dan l-eżerċizzju.

    171.

    Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-leġiżlazzjoni Ungeriża tirrestrinġi l-ħruġ tal-vawċers Erzsébet, billi tissuġġetta l-organizzazzjoni u l-promozzjoni tal-attività ekonomika għal sistema ta’ esklużività favur operatur wieħed, b’tali mod li kull operatur ieħor, stabbilit fi Stat Membru minbarra l-Ungerija jew stabbilit fl-Ungerija, ma jkunx jista’ joħroġ dawn il-vawċers.

    172.

    Il-Kummissjoni tindika li tali restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment ma tistax tiġi ġġustifikata permezz ta’ għanijiet ta’ politika soċjali. Il-Kummissjoni żżid tgħid li l-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-koerenza tas-sistema ta’ tassazzjoni lanqas ma tista’ tikkostitwixxi ġustifikazzjoni valida sa fejn, b’mod partikolari, ir-regoli dwar il-ħruġ tal-vawċers Erzsébet u t-tassazzjoni tagħhom ikunu indipendenti minn xulxin.

    173.

    Skont il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Ungeriża, barra minn hekk, hija sproporzjonata, sa fejn, l-ewwel nett, jeżistu miżuri inqas restrittivi fil-każ ta’ finanzjament tal-għanijiet soċjali permezz ta’ benefiċċji in natura, bħall-ġbir ta’ kontribuzzjoni unika fuq dawn il-benefiċċji, it-tnaqqis tal-eżenzjoni mit-taxxa ta’ ammont identiku jew anki l-akkwist minn Stat Membru tal-vawċers Erzsébet qabel ma jiġu ddistribwiti lill-persuni l-iktar fil-bżonn u, it-tieni nett, l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ monopolju twettqet mingħajr l-osservanza ta’ perijodu tranżitorju xieraq fir-rigward tal-impriżi preżenti sa dak iż-żmien fis-suq tal-ħruġ tal-vawċers Erzsébet.

    174.

    Skont l-Ungerija, l-attività li tikkonsisti fil-ħruġ ta’ vawċers Erzsébet ma tikkostitwixxix attività ekonomika, peress li la tiġi eżerċitata f’kundizzjonijiet tas-suq u lanqas bil-għan li jintlaħaq skop ta’ lukru u li din lanqas ma ssegwi għan ta’ kapitalizzazzjoni. Fil-fatt, id-dħul li ġej mill-ħruġ jista’ jintuża biss għal finijiet ta’ għajnuna soċjali u fi spirtu ta’ solidarjetà.

    175.

    L-Ungerija żżid tgħid li l-attività ta’ ħruġ tal-vawċers Erzsébet taqa’ taħt il-kontroll mill-Istat, peress li din tkun inħolqot, ġiet irregolata u stabbilita minnu. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, l-Istat Membru huwa liberu jiddetermina kif u f’liema każ jistgħu jingħataw dawn il-benefiċċji. Bl-istess mod, huwa jista’ jiddeċiedi wkoll li joħroġ dawn il-vawċers huwa stess minflok ma jiftaħ din l-attività għas-suq. Fl-Ungerija, l-Istat iddeċieda li jeżerċita din l-attività huwa stess, permezz tal-FNUV, maħluqa mill-gvern u diversi federazzjonijiet professjonali.

    176.

    Barra minn hekk, l-Ungerija tippreċiża li l-ħruġ tal-vawċers li joħolqu vantaġġi fiskali huwa integrat fis-sistema ta’ protezzjoni soċjali li r-riżorsi tagħha huma alimentati minn din l-attività, fejn dan huwa konformi mal-prinċipju li skontu d-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jġestixxu s-sistema ta’ sigurtà soċjali tagħhom, filwaqt li jiżgura l-bilanċ finanzjarju.

    177.

    Skont l-Ungerija, il-ħruġ tal-vawċers Erzsébet jikkostitwixxi, barra minn hekk, attività li fil-konfront tagħha l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tkun awtomatikament eskluża, peress li l-vawċers għall-ikliet għandhom sens biss fil-kuntest tal-politika fiskali u soċjali proprja tal-Ungerija. Fil-fatt, hija responsabbiltà tal-Ungerija li tiddeċiedi jekk hija tixtieqx tintroduċi jew le tali vawċers fil-kuntest tas-sistema fiskali jew soċjali tagħha u dawn il-vawċers jistgħu jiġu ddistribwiti biss fuq il-bażi tar-regoli u tal-benefiċċji fiskali validi fl-Ungerija.

    178.

    L-Ungerija tenfasizza li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, intitolata “Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020” ( 63 ), tħeġġeġ ir-rikors għal metodi ta’ finanzjament innovattivi fil-qasam soċjali, li l-vawċers Erzsébet, skont l-Ungerija, jikkostitwixxu eżempju tagħhom.

    179.

    Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-attività kkonċernata tikkostitwixxi attività ekonomika, l-Ungerija sussidjarjament tqis li l-organizzazzjoni ta’ din l-attività fil-forma ta’ monopolju pubbliku hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    180.

    L-Ungerija żżid tgħid li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-fatt li l-attività inkwistjoni tiġi fdata lil korp irregolat mid-dritt pubbliku obbligat li jiddedika d-dħul kollu għal għan iddefinit jikkostitwixxi mezz iktar effettiv sabiex jintlaħaq l-għan segwit milli l-organizzazzjoni tal-attività fuq il-bażi tas-suq jew anki t-tassazzjoni ta’ din l-attività ( 64 ). Insostenn tal-argument tagħha, l-Ungerija hawnhekk tirreferi għall-ġurisprudenza rilevanti fil-qasam tal-logħob tal-ażżard ( 65 ).

    181.

    Fir-rigward tal-allegata assenza ta’ perijodu tranżitorju suffiċjenti, l-Ungerija tikkonstata li, fil-qasam tal-politika fiskali u soċjali, l-operaturi ma jistgħux jiddependu fuq assenza ta’ emenda tal-leġiżlazzjoni. F’dan ir-rigward, l-Ungerija tenfasizza, l-ewwel nett, li l-emendi leġiżlattivi kienu prevedibbli mix-xahar ta’ April 2011, fil-mument tal-adozzjoni tad-digriet SZÉP, b’tali mod li l-fornituri bbenefikaw minn terminu itwal minn dak li tistenna l-Kummissjoni, it-tieni nett, li l-vawċers Erzsébet ikunu jikkostitwixxu biss forma ta’ benefiċċji in natura fiskalment vantaġġjużi, li tirrappreżenta madwar 8 % tat-total tal-benefiċċji mogħtija lill-impjegati mill-operaturi u, it-tielet nett, li dawn l-operaturi, li joħorġu firxa wiesgħa ta’ vawċers oħra, jibqgħu joħorġu vawċers, inklużi vawċers għall-ikliet, bħal qabel. Għalhekk, skont l-Ungerija, l-emenda tar-regoli ma affettwatx il-parti tas-suq tal-vawċers għall-ikliet u l-fornituri ma ġewx esklużi mis-suq.

    b) L-evalwazzjoni tiegħi

    182.

    Qabel ma nibda l-eżami tiegħi, nikkonstata li, f’dan il-każ, id-domandi dwar jekk, minn naħa, il-leġiżlazzjoni Ungeriża li tirrigwarda l-vawċers Erzsébet taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 u, min-naħa l-oħra, jekk din id-direttiva kinitx suġġetta għal armonizzazzjoni eżawrjenti, ma ġewx imqajma mill-partijiet. Fil-fatt, il-Kummissjoni tidher li tibda billi tikkonstata li l-imsemmija direttiva ma hijiex applikabbli sa fejn din teżamina l-konformità tal-leġiżlazzjoni fid-dawl tal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE.

    183.

    Madankollu, dawn id-domandi huma importanti. Fil-fatt, bħalma ppreċiżajt diġà, fil-każ li jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2006/123 tapplika għall-attività ta’ ħruġ tal-vawċers Erzsébet u li din wasslet għal armonizzazzjoni eżawrjenti f’dan il-qasam, l-eżami tal-imsemmija leġiżlazzjoni ma jistax jiġi evalwat fir-rigward tat-Trattat FUE, iżda biss skont din id-direttiva.

    184.

    L-attività ta’ ħruġ tal-vawċers Erzsébet, eżerċitata esklużivament mill-FNUV, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123?

    185.

    Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv.

    186.

    Fil-fatt, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/123, relatat mas-suġġett tagħha, jipprevedi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 tiegħu, li din id-direttiva ma tkoprix, b’mod partikolari, l-abolizzjoni ta’ monopolji li jipprovdu servizzi.

    187.

    Il-premessa 8 tal-imsemmija direttiva tipprovdi kjarifiki dwar dan il-punt billi tippreċiża li “[h]uwa xieraq li d-dispożizzjonijiet [tagħha] dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi għandu japplika biss sakemm l-attivitajiet trattati huma miftuħa għal kompetizzjoni, sabiex dawn ma jobbligawx lill-Istati Membri [...] li jabolixxu monopolji eżistenti” ( 66 ).

    188.

    Għalhekk, fil-fehma tiegħi, meta attività ma tkunx miftuħa għall-kompetizzjoni, b’mod partikolari għax hija eżerċitata minn monopolju pubbliku eżistenti, din l-attività ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123.

    189.

    Inqis, fid-dawl tax-xogħol preparatorju ta’ din id-direttiva ( 67 ), li din l-esklużjoni hija ġġustifikata, b’mod partikolari, mill-fatt li l-imsemmija direttiva ma għandhiex taffettwa l-eżistenza kontinwa tal-monopolji li diġà jipprovdu servizzi ( 68 ).

    190.

    Fid-dawl tal-elementi preċedenti, inqis li l-attività li tinvolvi monopolju li joħroġ vawċers għall-ikliet, bħall-vawċers Erzsébet, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2006/123. Minn dan jirriżulta li l-eżami tad-domanda dwar l-armonizzazzjoni ta’ din id-direttiva f’dan il-qasam ma għadux meħtieġ.

    191.

    Madankollu, ninnota li ċ-ċirkustanza li din l-attività tkun eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma twassalx sabiex din ma tibqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt primarju, u b’mod partikolari l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE ( 69 ).

    192.

    B’hekk, l-attività ta’ ħruġ inkwistjoni trid tkun tikkostitwixxi attività ekonomika, peress li tali attività biss taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli. Dan l-element għandu jiddetermina s-segwitu tal-evalwazzjoni tiegħi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hijiex sorpriża li l-partijiet ikunu żviluppaw diversi argumenti insostenn tal-pożizzjoni rispettiva tagħhom dwar dan il-punt.

    193.

    F’dan ir-rigward, ninnota li hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ “stabbiliment”, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment, jimplika l-eżerċizzju effettiv ta’ “attività ekonomika” permezz ta’ installazzjoni stabbli fl-Istat Membru ospitanti għal tul ta’ żmien indeterminat ( 70 ). Għalhekk, l-attività ekonomika għandha titqies bħala r-raġuni nnifisha tal-libertà ta’ stabbiliment.

    194.

    Fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 57 TFUE jirriżulta li l-kunċett ta’ “servizzi”, fis-sens tat-Trattati, jinkludi servizzi normalment mogħtija bi ħlas. Id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha l-imsemmi kunċett ikopri kull attività ekonomika mhux imħallsa normalment mogħtija bi ħlas ( 71 ). Barra minn hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-karatteristika essenzjali tal-ħlas tinsab fil-fatt li dan jikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku tas-servizz inkwistjoni ( 72 ).

    195.

    Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċetti ta’ attività ekonomika u provvista ta’ servizzi għandhom jingħataw interpretazzjoni wiesgħa sa fejn dawn jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE ( 73 ).

    196.

    Fir-rigward tas-soluzzjonijiet ġurisprudenzjali preċedenti, għandu jiġi vverifikat jekk l-attività ta’ ħruġ tal-vawċers Erzsébet tikkostitwixxix attività ekonomika mhux imħallsa ( 74 ), peress li hija pprovduta għal remunerazzjoni.

    197.

    Mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-FNUV toħroġ vawċers Erzsébet għall-persuna li timpjega meta din tkun għażlet li takkwista minnhom. Kif ikkonstatat l-Ungerija nnifisha fir-risposta tagħha, l-akkwist ta’ dawn il-vawċers huwa ta’ benefiċċju ekonomiku għall-persuna li timpjega għax dan iġib miegħu “obbligi fiskali mnaqqsa” ( 75 ). Nifhem li l-persuna li timpjega tibbenefika minn “tnaqqis fiskali” għall-vawċers akkwistati u mogħtija lill-impjegati fil-forma ta’ benefiċċji in natura.

    198.

    Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, inqis li l-attività ta’ ħruġ tal-vawċers Erzsébet għandha titqies bħala attività ekonomika, u dan għal erba’ raġunijiet.

    199.

    Fl-ewwel lok, inqis li t-tnaqqis fiskali li tibbenefika minnu l-persuna li timpjega jikkostitwixxi l-“korrispettiv ekonomiku” tal-ħruġ tal-vawċers Erzsébet u jippreżenta natura ta’ remunerazzjoni għall-profitt tal-FNUV, sa fejn, mingħajr dan id-dħul, din ma tkunx tista’ tiffinanzja l-programm Erzsébet.

    200.

    Fil-fatt, mill-atti tal-proċess jirriżulta li dan il-programm ma jibbenefikax minn riżorsi baġitarji tal-Istat, iżda mid-dħul li ġej minn dawn il-vawċers biss. Għalhekk, l-attività ta’ ħruġ tal-imsemmija vawċers tikkostitwixxi l-uniku metodu ta’ finanzjament tal-imsemmi programm. Barra minn hekk, bħalma tippreċiża l-Ungerija fir-risposta tagħha, billi jagħti tnaqqis fiskali lill-persuni li jimpjegaw fil-każ ta’ benefiċċji in natura, l-Istat jirrinunzja dħul fiskali sinjifikattiv permezz ta’ dan it-tnaqqis u dan id-dħul għalhekk jiġi assenjat lill-programm Erzsébet, li huwa implementat mill-FNUV.

    201.

    Fit-tieni lok, l-argument tal-Ungerija intiż li juri li l-attività inkwistjoni ma hijiex attività ekonomika minħabba l-iskop soċjali tagħha ma jikkonvinċinix.

    202.

    F’dan ir-rigward, bħall-Kummissjoni nqis li n-natura tal-attività għandha tiġi distinta mill-użu tad-dħul magħmul minnha. Għalhekk, l-attività ta’ ħruġ tal-vawċers Erzsébet tikkostitwixxi attività ekonomika indipendentement mill-fatt li d-dħul li jsir jintuża għal għan soċjali.

    203.

    Tali soluzzjoni tirriżulta, fil-fehma tiegħi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fis-sentenza tagħha Schindler ( 76 ), dwar l-attività ta’ lotterija, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, “[g]ħalkemm [...] il-liġi tipprevedi li l-benefiċċji mogħtija minn lotterija jistgħu jintużaw biss għal ċerti għanijiet, b’mod partikolari ta’ interess ġenerali, jew anki li dawn għandhom jingħataw lill-baġit tal-Istat, dawn ir-regoli ta’ allokazzjoni tal-profitti ma jimmodifikawx in-natura tal-attività inkwistjoni u ma jneħħulhiex il-karattru ekonomiku tagħha” ( 77 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    204.

    F’dan ir-rigward, nosserva wkoll li ġiet ikkunsidrata soluzzjoni simili mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt l-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ attività ekonomika li jikkaratterizza l-kunċett ta’ impriża fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni ( 78 ).

    205.

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, diversi drabi, li “l-għan soċjali [tas-sistema inkwistjoni] [ma huwiex minnu nnifsu] biżżejjed sabiex [jeskludi] li l-attività kkonċernata tkun ikklassifikata bħala attività ekonomika” ( 79 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex din l-attività ma tkunx tikkostitwixxi attività ekonomika, għandhom għalhekk jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet oħra, jiġifieri, l-ewwel nett, l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà u, it-tieni nett, il-kontroll eżerċitat mill-Istat ( 80 ).

    206.

    Għalkemm din il-ġurisprudenza tintervjeni fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni u tirrigwarda l-attività tal-korpi li jipprovdu assigurazzjoni kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol, inqis li din hija rilevanti, b’analoġija, għall-evalwazzjoni tiegħi sa fejn id-definizzjoni tal-kunċett ta’ attività ekonomika inkwistjoni tikkundizzjona, bħalma jagħmel għal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-applikabbiltà tar-regoli tat-Trattat FUE fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni.

    207.

    Bħall-Kummissjoni, nikkonstata li f’dan il-każ, l-ebda waħda miż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija minn din il-ġurisprudenza ma hija ssodisfatta fil-kuntest tal-ħruġ tal-vawċers Erzsébet. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ solidarjetà ma huwiex implementat peress li dawn il-vawċers jistgħu jingħataw biss fuq ir-rieda tal-persuna li timpjega u bil-mod stabbilit minnha. Bħalma ssostni ġustament il-Kummissjoni, tali marġni ta’ manuvra ma jiggarantixxix li l-impjegati bi dħul iktar baxx jistgħu jaċċedu għall-imsemmija vawċers b’kundizzjonijiet preferenzjali meta mqabbla mal-impjegati bi dħul ogħla. Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni dwar il-kontroll mill-Istat, ninnota li l-Ungerija la tista’ timponi l-akkwist, mill-persuna li timpjega, tal-vawċers Erzsébet, la tispeċifika min se jkunu d-destinatarji effettivi ta’ dawn il-vawċers, u lanqas tiddeċiedi l-ammont li l-persuna li timpjega għandha talloka għall-imsemmija vawċers.

    208.

    Barra minn hekk, inqis li, jekk għandi niddeskrivi l-attività ta’ ħruġ tal-vawċers Erzsébet bħala strument ta’ investiment soċjali identiku għall-bonds ta’ investimenti soċjali previsti mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 178 ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 81 ), dan isaħħaħ għalhekk is-soluzzjoni tiegħi li niddeskrivi din l-attività bħala “attività ekonomika”. Fil-fatt, bħalma tippreċiża l-Ungerija, l-akkwist tal-vawċers Erzsébet b’hekk jikkostitwixxi investiment soċjali, li għalih l-impriża tikseb tnaqqis fiskali, li għalhekk għandu jitqies bħala korrispettiv ekonomiku.

    209.

    Fit-tielet lok, inqis li l-argument tal-Ungerija li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk l-attività tikkostitwixxix attività ekonomika jew le ma huwiex koerenti. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel issostni li ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ attività ekonomika, b’tali mod li l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE ma humiex applikabbli ( 82 ), l-Ungerija sussegwentement tikkonstata li dawn iż-żewġ artikoli ma nkisrux f’dan il-każ ( 83 ), liema fatt madankollu jippresupponi, fil-fehma tiegħi, l-applikabbiltà minn qabel tagħhom.

    210.

    Fir-raba’ lok, bħall-Kummissjoni, inqis li l-attività ta’ ħruġ tal-vawċers Erzsébet ma tistax tiġi kkwalifikata bħala attività li taqa’ fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE u l-Artikolu 62 TFUE.

    211.

    F’dan ir-rigward, qabel kollox nikkonstata li bħala derogi mir-regoli fundamentali tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE u l-Artikolu 62 TFUE għandhom jingħataw interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħhom għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġu mħarsa l-interessi li l-Istati Membri jistgħu jipproteġu abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ( 84 ). Minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta wkoll li d-deroga prevista fl-imsemmija dispożizzjonijiet għandha tkun ristretta għall-attivitajiet li, ikkunsidrati fihom infushom, jammontaw għal parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika ( 85 ).

    212.

    Mill-atti tal-proċess, u b’mod partikolari mir-risposta tal-Ungerija għall-opinjoni motivata tas‑27 ta’ Diċembru 2012, jirriżulta li hija tillimita ruħha għall-konstatazzjoni li l-ħruġ tal-vawċers jiġi kkwalifikat bħala missjoni pubblika u soċjali, mingħajr ma tipprovdi l-prova ta’ parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikabbiltà tal-Artikoli 51 TFUE u 62 TFUE għall-attività inkwistjoni ma tistax tiġi aċċettata.

    213.

    Fir-rigward tal-elementi preċedenti kollha, inqis li l-attività ta’ ħruġ tal-vawċers Erzsébet tikkostitwixxi attività ekonomika li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE.

    214.

    Jifdal li jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni Ungeriża inkwistjoni tistabbilixxix restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, jekk ikun il-każ, jekk dawn ir-restrizzjonijiet jistgħux jiġu ġġustifikati.

    215.

    L-ewwel nett, nikkonstata li l-Artikolu 106 TFUE ma ssemmiex mill-partijiet waqt il-proċedura bil-miktub. B’risposta għal domanda magħmula waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-Artikolu 106(2) TFUE ( 86 ) ma japplikax, f’dan il-każ, sa fejn il-ħruġ tal-vawċers Erzsébet ma jikkostitwixxix servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.

    216.

    Fir-rigward tal-atti tal-proċess, jien ma għandix elementi suffiċjenti li jippermettuli nevalwa l-kwistjoni dwar jekk l-attività ta’ ħruġ ta’ dawn il-vawċers tikkostitwixxix servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Madankollu, ninnota li l-Artikolu 106(1) TFUE, li jirreferi għal artikoli oħra tad-dritt sostantiv tat-Trattat FUE, jipprekludi li l-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-impriżi li lilhom jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi, jadottaw u jżommu fis-seħħ leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE ( 87 ).

    217.

    It-tieni nett, nikkonstata li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE jimponu t-tneħħija ta’ restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li għandhom jiġu kkunsidrati bħala restrizzjonijiet ta’ dan it-tip il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet ( 88 ).

    218.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkaratterizzat restrizzjoni għal dawn il-libertajiet f’kawża dwar leġiżlazzjoni nazzjonali analoga għal dik inkwistjoni f’dan ir-rikors, sa fejn din il-leġiżlazzjoni kienet tattribwixxi kompetenza esklużiva liċ-ċentri ta’ assistenza fiskali biss sabiex joffru lill-persuni taxxabbli ċerti servizzi ta’ konsulenza u ta’ assistenza fil-qasam fiskali ( 89 ).

    219.

    Fil-fatt, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-imsemmija leġiżlazzjoni, billi tirriżerva dawn l-attivitajiet għal dawn iċ-ċentri, “twaqqaf totalment l-aċċess għas-suq tas-servizzi in kwistjoni ta’ l-operaturi ekonomiċi li huma stabbiliti fi Stati Membri oħrajn” ( 90 ).

    220.

    Fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li tali leġiżlazzjoni, billi tillimita l-possibbiltà li jiġu stabbiliti ċentri ta’ assistenza fiskali għal ċerti persuni ġuridiċi li għandhom is-sede tagħhom fl-Italja, “tista’ tirrendi iktar diffiċli, jekk mhux timpedixxi totalment, l-eżerċizzju mill-operaturi ekonomiċi li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħrajn tad-dritt tagħhom li jistabbilixxu rwieħhom fl-Italja bl-għan li jipprovdu s-servizzi in kwistjoni” ( 91 ).

    221.

    Inżid ngħid li l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea qieset ukoll li “l-leġiżlazzjoni Fjamminga li tagħti d-dritt esklużiv lil [kumpannija privata tat-televiżjoni li titkellem bl-Olandiż stabbilita fil-Flanders] tirrendi impossibbli l-istabbiliment fil-Belġju ta’ kumpannija kompetitriċi minn Stat Membru ieħor li tkun tixtieq ixxandar mill-Belġju reklamar televiżiv intiż għall-Komunità Fjamminga kollha. Din il-konstatazzjoni biss [hija] suffiċjenti biex jiġi kkaratterizzat l-ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment” ( 92 ).

    222.

    F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Ungeriża tagħti drittijiet esklużivi lill-FNUV biex toħroġ il-vawċers Erzsébet.

    223.

    Fir-rigward tas-soluzzjonijiet ġurisprudenzjali msemmija iktar ’il fuq, il-fatt li tiġi rriżervata l-esklussività tal-attività ta’ ħruġ ta’ dawn il-vawċers lill-FNUV jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, sa fejn l-aċċess għas-suq tal-ħruġ tal-imsemmija vawċers huwa totalment eskluż.

    224.

    Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, ikun possibbli għal fornitur li ma għandux stabbiliment fl-Ungerija, li joħroġ vawċers għal ikliet, bħall-vawċers Erzsébet. Fil-fatt, bħalma qieset ġustament il-Kummissjoni waqt is-seduta, tali attività tista’ titwettaq minn distanza, b’mod partikolari permezz tal-internet jew bit-telefon, u tali mod ta’ funzjonament huwa diġà pprattikat għall-ħruġ ta’ vawċers għal servizzi fil-Belġju.

    225.

    Fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment, inqis li l-leġiżlazzjoni Ungeriża inkwistjoni tipprekludi lil impriżi oħra li jixtiequ joħorġu l-vawċers Erzsébet milli jistabbilixxu ruħhom fl-Ungerija, b’tali mod li din tikkostitwixxi restrizzjoni għal din il-libertà.

    226.

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali restrittiva, li tapplika għal kull impriża li teżerċita jew li tixtieq teżerċita attività fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, bħal dik inkwistjoni f’dan ir-rikors, tista’ tiġi ġġustifikata meta din tissodisfa raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bil-kundizzjoni li tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan tagħha u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq ( 93 ).

    227.

    Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali restrittiva, nikkonstata li l-argument tal-Ungerija ma huwiex ikkaratterizzat minn ċarezza perfetta. Fir-rigward tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, l-Ungerija tinvoka prinċipalment tliet ġustifikazzjonijiet, jiġifieri l-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-koerenza tas-sistema ta’ tassazzjoni, it-titjib tal-alimentazzjoni tal-popolazzjoni u l-finanzjament tas-sistema tal-benefiċċji soċjali.

    228.

    Fir-rigward tal-preżervazzjoni tal-koerenza tas-sistema ta’ tassazzjoni, ninnota li l-Ungerija ma tipprovdix argumenti b’appoġġ għall-pożizzjoni tagħha. Għalhekk, bħall-Kummissjoni, ma nifhimx kif l-attività ta’ ħruġ tal-vawċers Erzsébet mogħtija lil monopolju tippreserva l-koerenza ta’ din is-sistema.

    229.

    Fir-rigward tat-titjib tal-alimentazzjoni tal-popolazzjoni, l-Ungerija ma tiżviluppa l-ebda argument li juri li s-sistema ta’ ħruġ tal-vawċers Erzsébet kif ġiet implementata hija meħtieġa u tikkostitwixxi l-mod l-iktar xieraq sabiex jintlaħaq dan l-għan.

    230.

    Fir-rigward tal-għan ta’ finanzjament tas-sistema ta’ benefiċċji soċjali, l-Ungerija tillimita ruħha li tiddikjara, l-ewwel nett, li fis-sistema attwali, il-ħruġ ta’ dawn il-vawċers li jagħtu lok għal vantaġġi fiskali huwa integrat fis-sistema ta’ protezzjoni soċjali u jiffunzjona bħala element tas-sistema ta’ provvista tar-riżorsi soċjali, it-tieni nett, li hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt tal-Unjoni ma jmurx kontra l-kompetenza tal-Istati Membri li jġestixxu s-sistema ta’ sigurtà soċjali tagħhom, inklużi d-dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi sabiex jiżguraw il-bilanċ finanzjarju, u, it-tielet nett, li l-vawċers Erzsébet huma l-unika riżorsa għall-attivitajiet iffinanzjati permezz tal-programm Erzsébet u li, fin-nuqqas tad-dħul li ġej minn dawn il-vawċers, ma jkunx possibbli li jiġi ffinanzjat proġett ta’ tali portata fuq il-baġit tal-Istat.

    231.

    Skont l-Ungerija, għalkemm l-għan ta’ finanzjament tal-benefiċċji soċjali segwit seta’ jintlaħaq permezz ta’ mezzi oħra, il-fatt li l-attività inkwistjoni tiġi fdata lil korp irregolat mid-dritt pubbliku li jkun obbligat li jiddedika d-dħul kollu għal għan speċifiku jikkostitwixxi mezz iktar effettiv sabiex jintlaħaq dan l-għan.

    232.

    F’dan ir-rigward, nosserva li hija effettivament ġurisprudenza stabbilita li l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom ( 94 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dawn l-Istati Membri għandhom, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, jiżguraw li ma jiksrux id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, u b’mod partikolari dawk dwar il-prinċipji tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 95 ). Barra minn hekk, skont din il-ġurisprudenza, huwa paċifiku li riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali jista’ jikkostitwixxi, fih innifsu, raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika ostakolu għal dawn il-prinċipji ( 96 ).

    233.

    Madankollu, f’dan il-każ, bħalma tikkonstata ġustament il-Kummissjoni, l-Ungerija ma tipprovdix elementi li juru li jeżisti tali riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali.

    234.

    Barra minn hekk, bħall-Kummissjoni nqis li għalkemm għandha tiġi ammessa l-eżistenza ta’ din ir-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, l-Ungerija jmissha uriet kif l-għoti esklużiv tal-attività ta’ ħruġ tal-vawċers Erzsébet lill-FNUV kien jikkostitwixxi miżura bżonjuża u proporzjonata sabiex jintlaħaq l-għan ta’ finanzjament tal-benefiċċji soċjali.

    235.

    Fil-fatt, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom juru, minn naħa, li l-leġiżlazzjoni tagħhom hija bżonjuża sabiex jinkiseb l-għan imfittex u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija leġiżlazzjoni hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 97 ).

    236.

    Fir-rigward tal-elementi li għandi għad-dispożizzjoni tiegħi, nosserva li ma kienx stabbilit b’mod konklużiv li l-Ungerija kienet studjat il-kwistjoni dwar jekk l-għan segwit setax jintlaħaq permezz ta’ mezzi oħra inqas restrittivi ( 98 ). Fil-fatt, hija llimitat ruħha li ssostni li s-sistema, kif ġiet implementata, tikkostitwixxi l-iktar miżura effikaċi mingħajr ma pproduċiet provi dwar dan il-punt.

    237.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tivverifika jekk il-kundizzjonijiet ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità humiex issodisfatti f’dan il-każ.

    238.

    Barra minn hekk, bħalma tikkonstata l-Kummissjoni, setgħu jiġu implementati miżuri inqas restrittivi mill-Ungerija biex tilħaq l-għan ta’ finanzjament tal-benefiċċji soċjali.

    239.

    Barra minn hekk, bħall-Kummissjoni, inqis li perijodu tranżitorju limitat għal ftit iktar minn xahar ( 99 ) jidher insuffiċjenti sabiex jippermetti b’mod raġonevoli lill-operaturi kkonċernati jadattaw ruħhom għaċ-ċirkustanzi l-ġodda ( 100 ). Fil-fehma tiegħi, tali soluzzjoni timponi b’mod speċjali li, f’dan il-każ, dawn iċ-ċirkustanzi l-ġodda jwasslu għal sitwazzjoni monopolistika fis-suq tal-ħruġ tal-vawċers għall-ikliet li jibbenefikaw minn tnaqqis fiskali, li timplika l-eliminazzjoni tal-operaturi attivi minn qabel f’dan is-suq u għalhekk tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ tagħhom ( 101 ).

    240.

    Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju tal-Ungerija, inqis li r-riferiment għall-ġurisprudenza fil-qasam tal-logħob tal-ażżard biex jiġi sostnut li l-istabbiliment ta’ monopolju pubbliku għall-ħruġ tal-vawċers Erzsébet huwa ġġustifikat u proporzjonat ma huwiex rilevanti.

    241.

    F’dan ir-rigward, ninnota li hija ġurisprudenza stabbilita li Stat Membru, skont is-setgħa diskrezzjonali tiegħu, jista’ jagħti b’mod leġittimu d-dritt għall-operazzjoni tal-logħob tal-flus lil operatur uniku ( 102 ).

    242.

    Madankollu, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, minn naħa, din l-għażla ta’ rikors għal sistema ta’ dritt esklużiv mogħti lil operatur uniku ssegwi l-għan speċifiku ta’ protezzjoni tal-konsumaturi minn spiża eċċessiva marbuta mal-logħob u ta’ prevenzjoni tar-riskju ta’ frodi kkawżat minn ammonti sinjifikattivi li l-logħob tal-flus jippermetti li jinġabru u li, min-naħa l-oħra, ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-imsemmija għażla għandhom jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità ( 103 ).

    243.

    F’dan il-każ, bħalma tikkonstata ġustament il-Kummissjoni, tali effetti negattivi marbuta mal-logħob tal-flus, jiġifieri l-vizzju u l-frodi, ma jeżistux fil-kuntest tal-attività ta’ ħruġ tal-vawċers Erzsébet. Minn dan jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, dawn is-soluzzjonijiet ġurisprudenzjali ma jistgħux jiġu trasposti fil-każ tagħna.

    244.

    Fid-dawl tal-elementi preċedenti kollha, inqis li l-ilment dwar il-vawċers Erzsébet għandu jintlaqa’.

    V – Konklużjoni

    245.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiddikjara r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inammissibbli fir-rigward tal-motiv dwar ir-rekwiżit ta’ rabta kuntrattwali ta’ mill-inqas ħames snin ma’ mutwa ta’ assigurazzjoni, kif previst mill-Artikolu 13 tad-Digriet Governattiv Nru 55/2011, tat‑12 ta’ April 2011, dwar il-ħruġ u l-użu tal-kard għall-ħin liberu Széchenyi;

    tiddikjara r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ammissibbli u fondat sa fejn jakkuża lill-Ungerija li:

    billi eskludiet lill-fergħat ta’ kumpanniji barranin mill-possibbiltà li joħorġu l-kard elettronika Széchenyi, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont il-punt 3 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern;

    billi rriżervat il-possibbiltà tal-ħruġ ta’ din il-kard lill-gruppi ta’ kumpanniji li l-membri tagħhom jieħdu forma legali ta’ kumpanniji previsti mid-dritt Ungeriż, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 15(1), (2)(b) u (3) tad-Direttiva 2006/123;

    billi imponiet l-eżistenza ta’ stabbiliment fl-Ungerija sabiex tkun tista’ tinħareġ l-imsemmija kard, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2006/123;

    bl-attribuzzjoni tad-drittijiet esklużivi ta’ ħruġ tal-vawċers li jippermettu lill-impjegati jiksbu benefiċċji in natura fil-forma ta’ ikliet lesti għall-konsum lil organu pubbliku mingħajr perijodu jew miżuri tranżitorji xierqa, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE;

    tiċħad il-kumplament tar-rikors;

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Ungerija għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.


    ( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 )   Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).

    ( 3 )   Minn issa, ninnota li l-imsemmija kard tista’ tintuża mill-impjegati ta’ impriża sabiex jinkiseb benefiċċju in natura fl-għamla ta’ servizz ta’ provvista tal-ikel, ta’ akkomodazzjoni jew marbuta ma’ ħin liberu.

    ( 4 )   Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU L 255, p. 22).

    ( 5 )   Iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru CLVI tal-2011”.

    ( 6 )   Iktar ’il quddiem id-“digriet SZÉP”.

    ( 7 )   Punt 6.

    ( 8 )   Punt 64.

    ( 9 )   Skont din id-dispożizzjoni, ir-rikors imsemmi fl-Artikolu 21 tal-Istatut għandu jinkludi s-suġġett tat-tilwima, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni sommarja ta’ dawn il-motivi.

    ( 10 )   Ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑211/08, EU:C:2010:340, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata); Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑458/08, EU:C:2010:692, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑678/13, EU:C:2015:358, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 11 )   Ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Estonja (C‑39/10, EU:C:2012:282, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑281/11, EU:C:2013:855, punti 121 sa 123). kif ukoll. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (C‑343/08, EU:C:2010:14, punt 25).

    ( 12 )   Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑375/10, EU:C:2011:184, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata). Korsiv miżjud minni.

    ( 13 )   Skont din id-dispożizzjoni, din id-direttiva “m’għandhiex tapplika għall-qasam tat-tassazzjoni”.

    ( 14 )   Din id-dispożizzjoni tipprevedi li d-Direttiva 2006/123 ma għandhiex tapplika għal “servizzi finanzjarji, bħal dawk bankarji, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni, il-pensjonijiet tax-xogħol jew personali, titoli, il-fondi ta’ investiment, il-pagamenti, il-parir dwar investiment, inklużi s-servizzi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2006/48/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 177, p. 1)]”.

    ( 15 )   Ara Chabaud, L., “La directive 2006/123/CE du Parlement européen et du Conseil du 12 décembre 2006 relative aux services dans le marché intérieur. Les exclusions explicites: article 2”, La directive «services», Brussell, Bruylant, 2011, p. 35, b’mod speċjali p. 39.

    ( 16 )   Ara l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.

    ( 17 )   Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU L 319, p. 1). Ara l-Artikolu 3(k) tad-Direttiva 2007/64.

    ( 18 )   Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, p. 7). L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2009/110 jirreferi għall-Artikolu 3(k) tad-Direttiva 2007/64.

    ( 19 )   Skont diversi awturi, fir-rigward tas-servizzi finanzjarji tapplika l-frażi Specialia generalibus derogant. Għalhekk, id-Direttiva 2006/123 tikkostitwixxi l-liġi ġenerali applikabbli peress li ma teżisti l-ebda leġiżlazzjoni speċifika oħra. Ara, b’mod partikolari, Chabaud, L., op. cit., p. 39 u 40. Tali analiżi hija kkonfermata, fil-fehma tiegħi, mill-premessa 18 tad-Direttiva 2006/123. Fil-fatt, skont l-ewwel sentenza ta’ din il-premessa, is-“[s]ervizzi finanzjarji għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva peress li dawn l-attivitajiet huma suġġetti għal leġislazzjoni Komunitarja speċifika, immirata, bħal f’din id-Direttiva, li tikseb suq ġenwin intern għas-servizzi”.

    ( 20 )   Ara s-sentenza UPC DTH (C‑475/12, EU:C:2014:285, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 21 )   Ara, b’mod partikolari, Lemaire, C., “La directive, la liberté d’établissement et la libre prestation des services. Confirmations, innovations?”, Revue Europe, Ġunju 2007, Nru 6, fajl 10, p. 15, punt 42, u Huglo, J.‑G., “Droit d’établissement et libre prestation de services”, Jurisclasseur Europe, Faxxikolu 710, punti 7, 73 u 101.

    ( 22 )   Ara, b’mod partikolari, Huglo, J.‑G., op. cit., punti 7, 55, 73, 99 u 101; Lemaire, C., op. cit., punt 42, u Hatzopoulos, V., “Que reste-t-il de la directive sur les services?”, Cahiers de droit européen, Nri 3-4, 2007, p. 299, b’mod speċjali p. 323 u 324.

    ( 23 )   Sentenza Rina Services u Rina (C‑593/13, EU:C:2015:399).

    ( 24 )   Punt 37. Korsiv miżjud minni.

    ( 25 )   Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Rina Services u Rina (C‑593/13, EU:C:2015:159).

    ( 26 )   Punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, anki f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-każijiet magħquda Duomo Gpa et (C‑357/10 sa C‑359/10, EU:C:2011:736, punt 61). F’dan ir-rigward, ninnota li fil-proposta tagħha għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi fis-suq intern [COM(2004) 2 final], il-Kummissjoni kkonstatat li din il-proposta tibbaża fuq “armonizzazzjoni mfittxija” [traduzzjoni mhux uffiċjal] u li din l-armonizzazzjoni tirrigwarda, b’mod partikolari, it-tneħħija ta’ ċerti tipi ta’ rekwiżiti (p. 9 u 10).

    ( 27 )   Punt 24 tal-imsemmija konklużjonijiet.

    ( 28 )   Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawżi magħquda Duomo Gpa et (C‑357/10 sa C‑359/10, EU:C:2011:736, punt 61) u Hatzopoulos, V., op. cit., p. 351, punt 3.1.2.1.3.

    ( 29 )   Ara s-sentenza Duomo Gpa et (C‑357/10 sa C‑359/10, EU:C:2012:283, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑514/03, EU:C:2006:63, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 30 )   Ara l-premessa 77 ta’ din id-direttiva.

    ( 31 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑514/03, EU:C:2006:63, punt 22).

    ( 32 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑439/99, EU:C:2002:14, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International (C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 46).

    ( 33 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑145/99, EU:C:2002:142, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 34 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (C‑198/12, EU:C:2014:1316, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 35 )   Hija tgħid li “l-konsumaturi jew il-persuni li jirrikorru għal servizzi huma impjegati li għandhom kard SZÉP” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 36 )   Ara s-sentenza Rina Services u Rina (C‑593/13, EU:C:2015:399, punt 28).

    ( 37 )   Ibidem (punt 29).

    ( 38 )   Ibidem (punt 30).

    ( 39 )   Ibidem (punt 31).

    ( 40 )   Ibidem (punt 32).

    ( 41 )   Ibidem (punt 35).

    ( 42 )   Nosserva li l-Ungerija enfasizzat, matul is-seduta, li din is-sitwazzjoni tirriżulta biss jekk il-fornitur ma jkunx jista’ jissodisfa biss ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 13 tad-digriet SZÉP.

    ( 43 )   Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, f’diversi sentenzi, in-natura restrittiva ta’ tali kundizzjoni [ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑439/99, EU:C:2002:14, punt 32); Gambelli et (C‑243/01, EU:C:2003:597, punt 48); Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑171/02, EU:C:2004:270, punti 41 sa 44), kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑514/03, EU:C:2006:63, punt 31)].

    ( 44 )   Ara l-manwal dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi, li l-verżjoni bil-Malti tiegħu hija disponibbli fuq is-sit tal-Internet http://ec.europa.eu/internal_market/services/docs/services-dir/guides/handbook_mt.pdf. Nosserva li dan ma huwiex strument ġuridikament vinkolanti, iżda li jista’ jikkostitwixxi għajnuna għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/123.

    ( 45 )   Il-kunċett ta’ “raġunijiet aktar importanti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-interess pubbliku [raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali]”, previst minn din id-dispożizzjoni, huwa ddefinit fil-premessa 40 ta’ din id-direttiva, li tipprevedi, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-konsumaturi u dik tal-kredituri.

    ( 46 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑514/03, EU:C:2006:63, punt 32).

    ( 47 )   Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑465/05, EU:C:2007:781, punti 8788 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 48 )   Fir-risposta tagħha, l-Ungerija ppreċiżat li, fil-qasam tal-funzjonament tal-kard SZÉP, ir-rwol ewlieni huwa tal-impriża li toħroġ din il-kard. Fil-fatt, jekk persuna li timpjega tiddeċiedi li tagħti lill-impjegati tagħha l-benefiċċju tal-kard SZÉP, din tikkonkludi kuntratt ma’ impriża jew numru ta’ impriżi emittenti u tindikalhom il-valur tal-benefiċċji li għandu jingħata lill-impjegati. L-emittenti tal-imsemmija kard għalhekk jiftħu reġistru nominali ta’ vawċers elettroniċi u jirreġistraw fih l-ammonti li jikkorrispondu għall-istruzzjonijiet tal-persuna li timpjega. Meta l-impjegati, imbagħad, jiksbu servizz bil-kard SZÉP, il-valur korrispondenti tas-servizz jitħallas mill-emittent tagħha ftit jiem wara lill-persuni li jaċċettaw din il-kard. L-Ungerija tenfasizza li, f’din is-sistema, iċ-ċirkulazzjoni tal-flus tista’ ssir biss bil-kooperazzjoni tal-emittent. Din iżżid tgħid li, kieku l-emittent kellu jsir insolventi, il-flus tal-impjegati jisparixxu wkoll, peress li dawn għandhom biss vawċers li, fihom infushom, ma għandhom l-ebda valur finanzjarju u l-persuni li jaċċettaw il-kard SZÉP ma jiksbux il-valur korrispondenti tas-servizzi diġà pprovduti.

    ( 49 )   Mir-risposta tal-Ungerija jirriżulta li, sal-aħħar tax-xahar ta’ April 2014, 970000 persuna kellhom kard SZÉP u tqassmu 22000 kard mill-impriżi emittenti lil qraba tal-impjegati. Fl-2013, il-persuni li jimpjegaw ħallsu HUF 68 biljun (EUR 227 miljun) għall-kards SZÉP. L-infiq magħmul minn dawn il-kards, fl-2013, kien ta’ HUF 68 biljun (EUR 227 miljun), li jirrappreżenta iktar minn 20 miljun tranżazzjoni. L-impriżi emittenti kkonkludew, sa issa, 55000 kuntratt ma’ punti li jaċċettaw il-kards SZÉP.

    ( 50 )   Fir-risposta tagħha, l-Ungerija tippreċiża li jeżistu 25 belt fejn in-numru ta’ abitanti huwa ogħla minn 35000.

    ( 51 )   Ninnota li l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jsemmi għal darbtejn li dan japplika biss għar-rekwiżiti nondiskriminatorji. Fil-fatt, skont il-paragrafu 2(d), l-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tissuġġettax l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għall-konformità ma’ “rekwiżiti mhux-diskriminatorji” li jirriżervaw l-aċċess għall-attività ta’ servizz ikkonċernat għal fornituri speċifiċi skont in-natura speċifika tal-attività. Bl-istess mod, dan jippreċiża, fil-paragrafu 3(a) tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti msemmija f’dan il-paragrafu 2 jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ “non-diskriminazzjoni” li skontha r-rekwiżiti ma għandhomx ikunu diskriminatorji la direttament u lanqas indirettament skont il-post tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanniji.

    ( 52 )   Għalhekk, għandu jitqies li, meta r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jkunu diskriminatorji, dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14 tagħha u għandhom jitqiesu ex officio bħala inammissibbli. Ara, f’dan is-sens, D’Acunto, S., “Directive Service (2006/123/CE): radiographie juridique en dix points”, Revue du droit de l’Union européenne, Nru 2-2007, p. 261, b’mod speċjali p. 291.

    ( 53 )   Nosserva li, b’mod partikolari fil-Belġju u fi Franza, operaturi privati jipproponu servizzi simili.

    ( 54 )   Ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑101/94, EU:C:1996:221, punt 31); Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑439/99, EU:C:2002:14, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑518/09, EU:C:2011:501, punt 71).

    ( 55 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑257/05, EU:C:2006:785, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata); Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑465/05, EU:C:2007:781, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata); Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑546/07, EU:C:2010:25, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑518/09, EU:C:2011:501, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 56 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑518/09, EU:C:2011:501, punt 70).

    ( 57 )   Ara, f’dan is-sens, Sibony, A.‑L., u Defossey, A., “Liberté d’établissement et libre prestation de services”, Revue trimestrielle de droit européen, 2009, p. 511; Peglow, K., “La libre prestation de services dans la directive no 2006/123/CE – réflexion sur l’insertion de la directive dans le droit communautaire existant”, Revue trimestrielle de droit européen, Nru 1, 2008, p. 67, b’mod speċjali l-punti 56, 61 u 62, kif ukoll D’Acunto, S., op. cit., li jikkonstata, b’mod partikolari, li “l-lista ta’ ostakoli indikati fl-Artikolu 16(2) hija lista sewda ta’ ostakoli pprojbiti bħal dik li tinsab fl-Artikolu 14 bl-unika differenza (sinjifikattiva) li, fit-termini tad-direttiva, it-tieni lista hija eżawrjenti filwaqt li dik tal-Artikolu 16 hija purament indikattiva” (p. 296).

    ( 58 )   Skont din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru li fih jiċċaqlaq il-fornitur jibqa’ liberu li jimponi rekwiżiti dwar il-provvista tal-attività ta’ servizz meta dawn ir-rekwiżiti jkunu ġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika, saħħa pubblika jew protezzjoni tal-ambjent u bil-kundizzjoni li dawn jkunu nondiskriminatorji, bżonjużi u proporzjonati.

    ( 59 )   Ara l-punt 7.1.3.4 tal-manwal tal-Kummissjoni msemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44.

    ( 60 )   Skont il-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ tali perijodu tranżitorju, l-impriżi li jkunu kkonkludew kuntratti qafas fit-tul mas-sħab kuntrattwali tagħhom ikollhom diffikultajiet biex jadattaw fi żmien daqshekk qasir għall-kuntest legali l-ġdid, li jwassal għal tnaqqis sinjifikattiv fid-dħul mill-bejgħ tagħhom u telf ta’ impjiegi.

    ( 61 )   Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE, “[a]ttivitajiet li fi kwalunkwe Stat, jaqgħu, anke inċidentalment, fl-ambitu ta’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika, jiġu eżentati mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu sa fejn jirrigwarda dak l-Istat”.

    ( 62 )   L-Artikolu 62 TFUE, bir-riferiment għall-Artikolu 51 TFUE, irendi l-eżenzjoni dwar l-attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika applikabbli fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    ( 63 )   COM (2013) 83 finali/2.

    ( 64 )   Punt 70 tar-risposta tagħha.

    ( 65 )   Sentenza Läärä et (C‑124/97, EU:C:1999:435, punt 41). F’dan ir-rigward, ninnota li, min-naħa l-oħra, fil-punt 26 tal-kontroreplika tagħha, l-Ungerija tqis li għall-ħruġ tal-vawċers Erzsébet ma tistax tiġi applikata l-ġurisprudenza fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard preċiżament minħabba n-nuqqas ta’ natura transkonfinali u l-impossibbiltà ta’ tali natura u n-nuqqas ta’ eżistenza ta’ riskji identiċi għall-perikli li jista’ jippreżenta l-logħob tal-ażżard. Għalhekk, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tapplikax il-ġurisprudenza fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, ir-raġunament tal-Ungerija huwa inkoerenti.

    ( 66 )   Korsiv miżjud minni.

    ( 67 )   Ara r-rapport dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi fis-suq intern (dokument tal-Parlament A6‑0409/2005).

    ( 68 )   Paġna 33.

    ( 69 )   Ara Michel, V., “Le champ d’application de la directive ‘services’: entre cohérence et régression?”, La directive «services» en principe(s) et en pratique, Bruylant, 2011, p. 49.

    ( 70 )   Ara s-sentenza VALE Építési (C‑378/10, EU:C:2012:440, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 71 )   Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza Smits u Peerbooms (C‑157/99, EU:C:2001:404, punt 58).

    ( 72 )   Ara s-sentenza Humbel u Edel (263/86, EU:C:1988:451, punt 17).

    ( 73 )   Ara s-sentenza Deliège (C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 74 )   F’dan ir-rigward, ninnota li ma hemmx dubju li din l-attività tikkostitwixxi attività mhux imħallsa. Fil-fatt, f’dan il-każ ma jista’ jinstab ebda rapport ta’ subordinazzjoni.

    ( 75 )   Punt 50.

    ( 76 )   C‑275/92, EU:C:1994:119.

    ( 77 )   Punt 35. Korsiv miżjud minni.

    ( 78 )   F’dan ir-rigward, ninnota li, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ attività ekonomika jikkaratterizza l-kunċett ta’ impriża. Fil-fatt, dan l-aħħar kunċett jinkludi kull entità li teżerċita “attività ekonomika”, indipendentement mill-istatus legali tagħha, u l-metodu ta’ finanzjament tagħha. Fir-rigward tal-kunċett ta’ attività ekonomika, dan huwa ddefinit bħala kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti u servizzi f’suq partikolari.

    ( 79 )   Ara s-senteza Kattner Stahlbau (C‑350/07, EU:C:2009:127, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 80 )   Ibidem (punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 81 )   Skont l-Ungerija, il-vawċers Erzsébet huma identiċi għal tali bonds f’termini tal-funzjoni u l-għan tagħhom. F’din il-komunikazzjoni l-Kummissjoni tippreċiża l-funzjonament ta’ dawn il-bonds ta’ investiment soċjali billi ssemmi li, “[b]’bond b’impatt soċjali tipiku, investitur privat jiffinanzja fornitur tas-servizzi soċjali biex jiġi implimentat programm soċjali bi tpattija għal wegħda (‘bond’) mis-settur pubbliku li l-investiment inizjali jiġi rimburżat u titħallas rata ta’ qligħ jekk il-programm jikseb ir-riżultati soċjali ddefiniti minn qabel” (nota ta’ qiegħ il-paġna 17).

    ( 82 )   Punti 45 sa 47 tar-risposta tagħha.

    ( 83 )   Punt 48 tar-risposta tagħha.

    ( 84 )   Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑160/08, EU:C:2010:230, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 85 )   Ibidem (punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 86 )   Skont din id-dispożizzjoni, “[k]ull impriża responsabbli sabiex topera servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali jew li jkollha l-karattru ta’ monopolju fiskali għandha tkun suġġetta għar-regoli tat-Trattati [...] safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża”.

    ( 87 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Vlaamse Televisie Maatschappij vs Il‑Kummissjoni (T‑266/97, EU:T:1999:144, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata); United Pan‑Europe Communications Belgium et (C‑250/06, EU:C:2007:783, punti 1415), kif ukoll ASM Brescia (C‑347/06, EU:C:2008:416, punt 61).

    ( 88 )   Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑465/05, EU:C:2007:781, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 89 )   Ara s-sentenza Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti (C‑451/03, EU:C:2006:208, punt 32).

    ( 90 )   Ibidem (punt 33). Ara wkoll, f’dan is-sens, fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, is-sentenza Dickinger u Ömer (C‑347/09, EU:C:2011:582, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 91 )   Ibidem (punt 34).

    ( 92 )   Ara s-sentenza Vlaamse Televisie Maatschappij vs Il‑Kummissjoni (T‑266/97, EU:T:1999:144, punt 114).

    ( 93 )   Ara s-sentenzi Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti (C‑451/03, EU:C:2006:208, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll DKV Belgium (C‑577/11, EU:C:2013:146, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 94 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kattner Stahlbau (C‑350/07, EU:C:2009:127, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 95 )   Ibidem (punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 96 )   Ibidem (punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 97 )   Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑438/08, EU:C:2009:651, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Leichtle (C‑8/02, EU:C:2004:161, punt 45) kif ukoll Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑260/04, EU:C:2007:508, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 98 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑320/03, EU:C:2005:684, punt 89).

    ( 99 )   Bejn l-adozzjoni tal-Liġi Nru CLVI tal-2011 adottata fit‑12 ta’ Novembru 2011 u d-dħul fis-seħħ tagħha, fl‑1 ta’ Jannar 2012.

    ( 100 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑320/03, EU:C:2005:684, punt 90).

    ( 101 )   F’dan ir-rigward, bħall-Kummissjoni ninnota li għalkemm l-operaturi kkonċernati xorta waħda jistgħu joħorġu vawċers li jkomplu jibbenefikaw minn tassazzjoni vantaġġjuża, bħall-vawċers ta’ rigal u l-vawċers għad-dħul lura l-iskola, is-sehem fis-suq ta’ dawn il-vawċers huwa żgħir fil-konfront tal-vawċers Erzsébet. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, għas-sena 2012, jiġifieri s-sena immedjatament wara l-bidla leġiżlattiva, il-vawċers Erzsébet kienu jirrappreżentaw sehem fis-suq ta’ 11.5 %, filwaqt li s-sehem fis-suq tal-vawċers ta’ rigal kien ta’ 0.4 % u dak tal-vawċers tad-dħul lura l-iskola ta’ 0.9 %.

    ( 102 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Läärä et (C‑124/97, EU:C:1999:435, punti 35, 3739); Sporting Exchange (C‑203/08, EU:C:2010:307, punt 37), kif ukoll Dickinger u Ömer (C‑347/09, EU:C:2011:582, punti 4849).

    ( 103 )   Ibidem (punti 37 u 39; punti 31 u 36, kif ukoll punti 48 u 50, rispettivament).

    Fuq