EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0344

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tas-17 ta’ Settembru 2015.
Kyowa Hakko Europe GmbH vs Hauptzollamt Hannover.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Taħlitiet ta’ aċidi amminiċi użati għal għanijiet tal-preparazzjoni tal-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar allerġiċi għall-proteini tal-ħalib tal-baqra – Klassifikazzjoni fl-intestaturi tariffarji 2106 ‘preparazzjonijiet ta’ l-ikel’ jew 3003 ‘medikamenti’.
Kawża C-344/14.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:615

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

17 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika — Klassifikazzjoni tal-merkanzija — Taħlitiet ta’ aċidi amminiċi użati għal għanijiet tal-preparazzjoni tal-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar allerġiċi għall-proteini tal-ħalib tal-baqra — Klassifikazzjoni fl-intestaturi tariffarji 2106 ‘preparazzjonijiet ta’ l-ikel’ jew 3003 ‘medikamenti’”

Fil-Kawża C‑344/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Qorti Federali tal-Finanzi (Bundesfinanzhof, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Lulju 2014, fil-proċedura

Kyowa Hakko Europe GmbH

vs

Hauptzollamt Hannover,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Kyowa Hakko Europe GmbH, minn M. Tervooren, avukat, u P. Kalski,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u A. Caeiros, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestaturi tariffarji 2106 u 3003 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007, tal-20 ta’ Settembru 2007 (ĠU L 286, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Kyowa Hakko Europe GmbH (iktar ’il quddiem “Kyowa Hakko”) u l-Hauptzollamt Hannover (uffiċċju doganali prinċipali ta’ Hannover) rigward informazzjoni tariffarja vinkolanti (iktar ’il quddiem “ITV”) dwar il-klassifikazzjoni ta’ taħlitiet ta’ aċidi amminiċi użati għal għanijiet tal-preparazzjoni tal-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar allerġiċi għall-proteini tal-ħalib tal-baqra.

Il-kuntest ġuridiku

3

In-NM, stabbilita bir-Regolament Nru 2658/87, hija fondata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u għall-kodifikazzjoni ta’ oġġetti, żviluppata mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), u stabbilita mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni ta’ oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 (iktar ’il quddiem is-“SA”). Din il-konvenzjoni ġiet approvata, bil-protokoll ta’ emenda tagħha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4

It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, tinkludi Taqsima IV, li tinkludi, b’mod partikolari, il-Kapitolu 21, intitolat “Preparazzjonijiet diversi tajbin għall-ikel”.

5

Il-Kapitolu 21 tan-NM li jinkludi l-intestatura 2106 huwa fformulat kif ġej:

“2106 Preparazzjonijiet ta’ l-ikel li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra”.

6

Dan il-Kapitolu 21 jinkludi wkoll is-subintestaturi li ġejjin:

“2106 10

‐ Konċentrati ta’ proteini u sustanzi ta’ proteini minsuġin:

[...]

[...]

2106 90

‐ Oħrajn:

[...]

[...]

 

‐ ‐ Oħrajn:

2106 90 92

‐ ‐ ‐ Ma fihomx xaħmijiet tal-ħalib, sukrows, isoglukows, glukows jew lamtu jew fihom, bil-piż, inqas minn 1,5 % xaħam tal-ħalib, 5 % sukrows jew isoglukows, 5 % glukows jew lamtu”.

7

In-Nota 1 ta’ dan il-Kapitolu 21 hija fformulata kif ġej:

“Dan il-kapitlu ma jkoprix:

[...]

f)

ħmira ppreżentata bħala duwa jew prodotti oħrajn ta’ titlu 3003 jew 3004;

[...]”

8

It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, tinkludi wkoll Taqsima VI, li fiha hemm, b’mod partikolari, il-Kapitolu 30, intitolat “Prodotti farmaċewtiċi”.

9

Il-Kapitolu 30 tan-NM jinkludi l-intestatura 3003, li hija fformulata kif ġej:

“3003 Medikamenti (ħlief oġġetti ta’ titlu 3002, 3005 jew 3006) li jikkonsistu f’żewġ kostitwenti jew aktar li tħalltu flimkien għal użi terapewtiċi jew profilattiċi, mhux ippreżentati f’dożi meqjusin jew f’forom jew f’pakki għal bejgħ bl-imnut”.

10

Dan il-Kapitolu 30 jinkludi wkoll is-subintestaturi li ġejjin:

“3003 10 00

‐ Li fihom peniċillini jew derivattivi tagħhom, bi struttura ta’ aċtu peniċillaniku, jew streptomiċini jew derivattivi tagħhom

3003 20 00

‐ Li fihom antibijotiċi oħrajn

 

‐ Li fihom ormoni jew prodotti oħrajn ta’ titlu 2937 iżda ma fihomx antibijotiċi:

[...]

[...]

3003 40 00

‐ Li fihom alkalojdi jew derivattivi tagħhom iżda ma fihomx ormoni jew prodotti oħrajn ta’ titlu 2937 jew antibijotiċi:

[...]

[...]

3003 90

‐ Oħrajn”

11

Dan il-Kapitolu 30 tan-NM jinkludi l-intestatura 3004, li hija fformulata kif ġej:

“3004 Medikamenti (ħlief oġġetti ta’ titlu 3002, 3005 jew 3006) li jikkonsistu fi prodotti mħalltin jew mhux imħalltin għal użi terapewtiċi jew profilattiċi, ippreżentati f’dożi meqjusin (inklużi dawk f’forma ta’ sistemi li jingħataw mill-ġilda (transdermali)) jew f’forom jew f’pakki għal bejgħ bl-imnut”.

12

In-Nota 1 tal-Kapitolu 30 tan-NM hija fformulata kif ġej:

“Dan il-kapitlu ma jkoprix:

a)

ikel jew xorb (bħal ikel djetetiku, dijabetiku jew fortifikat, supplimenti ta’ ikel, xorb toniku u ilma minerali), ħlief preparazzjonijiet nutrittivi biex jingħataw ġol-vina (Taqsima IV);”

13

In-Nota addizzjonali tal-Kapitolu 30 tan-NM tipprovdi:

“Titlu 3004 jinkludi preparazzjonijiet mediċinali mill-ħxejjex u preparazzjonijiet ibbażati fuq dawn is-sustanzi attivi: vitamini, minerali, aminoaċti jew aċti-grassi essenzjali, f’pakki għal bejgħ bl-imnut. Dawn il-preparazzjonijiet huma kklassifikati f’titlu 3004 jekk ikollhom fuq it-tabella, fuq il-pakkett jew fl-istruzzjonijiet għal min jużahom li jkunu magħhom dawn l-istqarrijiet dwar:

a)

il-mard speċifiku, uġigħ jew is-sintomi tagħhom li għalihom għandu jintuża l-prodott;

b)

il-konċentrazzjoni ta’ sustanza jew sustanzi attivi li jinsabu fihom;

ċ)

doża; u

d)

mod ta’ applikazzjoni.

Dan it-titlu jinkludi preparazzjonijiet mediċinali omeopatiċi meta dawn josservaw il-kundizzjonijiet ta’ (a), (ċ) u (d).

Fil-każ ta’ preparazzjonijiet bbażati fuq vitamini, minerali, amino-aċti jew aċti-grassi essenzjali, il-livell ta’ waħda minn dawn is-sustanzi għal kull doża irrikmandata kuljum indikata fuq it-tabella għandu jkun ogħla sewwa mill-konċessjoni irrikmandata kuljum biex tinżamm is-saħħa jew il-benesseri ġenerali.”

14

Barra minn hekk, in-Noti ta’ spjega tal-SA ppubblikati mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (Edizzjoni 2007), dwar l-intestatura 30.03 tas-SA, jikkorrispondu mal-intestatura 3003 tan-NM (iktar ’il quddiem is-“Noti ta’ Spejga tas-SA”).

“Id-diversi dispożizzjonijiet li jinsabu fil-formulazzjoni tal-intestatura ma japplikawx la għall-ikel u lanqas għax-xorb (bħal: ikel dijetetiku, ikel fortifikat, ikel għal dijabetiċi, xorb toniku u ilma minerali naturali jew artifiċjali), li jsegwu t-taqsimiet proprji tagħhom. Dan huwa essenzjalment il-każ ta’ preparazzjonijiet tal-ikel li jinkludu biss sustanzi nutrittivi. L-elementi nutrittivi l-iktar importanti li jinsabu f’dan l-ikel huma l-proteini, il-karboidrati u x-xaħmijiet. Il-vitamini u l-melħ minerali wkoll għandhom rwol fin-nutrizzjoni.

L-istess japplika għall-ikel u għax-xorb, miżjuda ma’ sustanzi mediċinali, mill-mument meta dawn is-sustanzi ma għandhom ebda skop ieħor ħief li joħolqu bilanċ dijetetiku aħjar, li jżidu l-valur enerġetiku jew nutrittiv tal-prodott, li jbiddlu t-togħma tiegħu u li jħallu lil dan il-prodott il-karatteristika tiegħu ta’ preparazzjoni tal-ikel.

[...]

Minbarra dan, din l-intestatura ma tkoprix is-supplimenti tal-ikel li jinkludu vitamini jew melħ minerali li huma intiżi li jżommu lill-ġisem b’saħħtu, iżda li ma għandhomx indikazzjonijiet relatati mal-prevenzjoni jew mal-kura ta’ marda. Dawn il-prodotti, li normalment huma ppreżentati f’forma likwida, iżda li jistgħu jiġu ppreżentati wkoll f’forma ta’ trab jew ta’ pillola, ġeneralment jaqgħu taħt in-Nru 21.06 jew taħt il-Kapitolu 22.

Min-naħa l-oħra, jibqgħu kklassifikati hawnhekk il-preparazzjonijiet li fihom is-sustanzi tal-ikel jew ix-xorb huma sempliċement intiżi sabiex iservu bħala sostenn, bħala eċċipjent jew sabiex jagħtu togħma ħelwa lis-sustanza jew sustanzi mediċinali, sabiex b’mod partikolari tiġi ffaċilitata l-assorbiment tagħhom.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Kyowa Hakko tipproduċi taħlitiet ta’ aċidi amminiċi, imsejħa RM0630 u RM0789, li huma komposti minn aċidi amminiċi individwali differenti puri ħafna (iktar ’il quddiem il-“prodotti inkwistjoni”). Il-prodotti inkwistjoni huma prodotti b’tali mod li ma jinkludux proteini tal-ħalib tal-baqra. Kyowa Hakko tipprovdi, bl-ingrossa, dawn il-prodotti lil impriża oħra li tużahom, u li żżidilhom karboidrati u xaħmijiet, għal għanijiet tal-preparazzjoni tal-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar allerġiċi għall-proteini tal-ħalib tal-baqra. Il-prodotti inkwistjoni, li jissostitwixxu l-proteini tal-ħalib tal-baqra li jikkawżaw allerġiji, jinkludu s-sustanzi neċessarji għall-iżvilupp tas-sistema immunitarja u tal-iżvilupp ta’ dawn it-tfal.

16

Permezz ta’ talba tat-12 ta’ Awwissu 2008, imressqa quddiem l-awtorità doganali Ġermaniża kompetenti sabiex tagħti ITV (Bundesfinanzdirektion B), Kyowa Hakko talbiet l-għoti ta’ ITV relatata mal-klassifikazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fin-NM. F’din it-talba, hija pproponiet li dawn il-prodotti jiġu kklassifikati fis-subintestatura 3003 90 tan-NM. Issa, din l-awtorità tatha, fit-23 ta’ Ottubru 2008, ITV li tikklassifika dawn il-prodotti f’subintestatura tal-intestatura 2106 tan-NM, jiġifieri s-subintestatura 2106 90 92.

17

Fl-24 ta’ Novembru 2008, Kyowa Hakko ressqet ilment quddiem l-uffiċċju doganali prinċipali ta’ Hannover, fejn ikkontestat il-klassifikazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fin-NM stabbilita mill-Bundesfinanzdirektion B. F’dan l-ilment, hija sostniet li l-prodotti inkwistjoni kellhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 3003 tan-NM, minħabba li kienu ġew ipproċessati fi prodotti użati prinċipalment għal għanijiet terapewtiċi f’każ ta’ allerġija għall-ħalib tal-baqra, allerġiji għal ikel ieħor, mard tas-sistema diġestiva kif ukoll bħala profilattiċi. B’deċiżjoni tal-5 ta’ Jannar 2011, l-uffiċċju doganali prinċipali ta’ Hannover ċaħad dan l-ilment bħala infondat.

18

Fl-1 ta’ Frar 2011, Kyowa Hakko ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg (Finanzgericht Hamburg). B’deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2012, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors, billi ddeċidiet li l-prodotti inkwistjoni ma kellhomx jiġu kklassifikati fl-intestatura 3003 tan-NM. Fid-deċiżjoni tagħha, din il-qorti, filwaqt li bbażat fuq in-Noti ta’ spjega tas-SA, b’mod partikolari rrilevat li l-prodotti inkwistjoni, li jipprovdu unikament il-komponenti fi proteina neċessarji għad-dieta, kellhom jitqiesu, fis-sistema applikabbli tan-NM, li huma “sustanzi nutrittivi” u mhux “sustanzi attivi mediċinali”, b’mod li kellhom jiġu kklassifikati mhux bħala “medikamenti”, iżda pjuttost bħala “preparazzjonijiet ta’ l-ikel”. Minbarra dan, skont l-istess qorti, il-prodotti inkwistjoni ma għandhomx effett terapewtiku.

19

Fit-2 ta’ Novembru 2012, Kyowa Hakko ppreżentat, quddiem il-qorti tar-rinviju, appell fuq punti ta’ liġi kontra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg. F’dan l-appell, Kyowa Hakko żżomm mal-argument tagħha li l-prodotti inkwistjoni għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 3003 tan-NM. Hija essenzjalment issostni li n-Noti ta’ spjega tas-SA ma għandhomx saħħa legali vinkolanti. F’dan ir-rigward, hija tagħmel riferiment ukoll għal deċiżjoni tal-Qorti Superjuri (Taqsima tat-Tassazzjoni u tal-Kanċellerija) [Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber), ir-Renju Unit], tas-27 ta’ Settembru 2013, mogħtija fl-appell, li kienet ikklassifikat l-istess taħlita ta’ aċidi amminiċi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fl-intestatura 3003 tan-NM.

20

Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tirrileva li n-NM ma tipprovdi ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “medikament”. Madankollu hija tikkunsidra li l-prodotti inkwistjoni ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “medikamenti” fis-sens tal-intestatura 3003 tan-NM. F’dan ir-rigward, din il-qorti tqis li dawn il-prodotti, użati bħala sostituzzjoni għal prodotti tal-ħalib allerġeniċi tant li s-sistema immunitarja tal-wild allerġiku għall-proteini tal-ħalib tal-baqra ma tiżviluppax kompletament, ma jidhrux li għandhom skop terapewtiku jew profilattiku. Il-prodotti inkwistjoni sempliċement jissostitwixxu komponent patoġeniku tad-dieta normali tat-tarbija, mingħajr ma jaġixxu fuq l-allerġija għall-proteini tal-ħalib tal-baqra u mingħajr ma jikkurawha jew inaqqsuha.

21

Madankollu, anki jekk hija tikkunsidra li l-prodotti inkwistjoni għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 2106 tan-NM u li d-deċiżjonijiet adottati f’dan is-sens kemm mill-uffiċċju doganali prinċipali ta’ Hannover kif ukoll mill-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg huma fondati, il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tal-pożizzjoni differenti espressa fid-deċiżjoni tal-Qorti Superjuri (Taqsima tat-Tassazzjoni u tal-Kanċellerija), tas-27 ta’ Settembru 2013, deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja tirriżulta neċessarja sabiex tiġi ppreċiżata l-klassifikazzjoni korretta ta’ dawn il-prodotti fin-NM u, għaldaqstant, sabiex tiġi ggarantita interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Federali tal-Finanzi ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Taħlitiet ta’ aċidi amminiċi bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża (RM0630 jew RM0789), li minnhom jiġi ffabbrikat (flimkien ma’ karboidrati u xaħmijiet) prodott tal-ikel li jissostitwixxi sustanza li hija fil-prinċipju essenzjali u li hija preżenti fl-ikel normali iżda li tista’ tikkawża reazzjonijiet allerġiċi f’ċerti każijiet partikolari u, b’hekk, jistgħu jiġu evitati problemi tas-saħħa kkawżati mill-allerġiji u mtaffija disturbi eżistenti, għandhom jiġu kklassifikati bħala prodotti mediċinali kkostitwiti minn prodotti mħallta bejniethom, ippreparati għal finijiet terapewtiċi jew profilattiċi, fis-sens tal-intestatura 3003 tan-NM?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: it-taħlitiet ta’ aċidi amminiċi għandhom jiġu kklassifikati bħala preparazzjonijiet tal-ikel taħt l-intestatura 2106 tan-NM, li, skont in-nota 1(a) tal-Kapitolu 30 ta’ din in-nomenklatura, huma esklużi mill-imsemmi kapitolu, minħabba li ma għandhom l-ebda effett profilattiku jew terapewtiku li jmur lil hinn mill-provvista ta’ nutrizzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

23

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li taħlitiet ta’ aċidi amminiċi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jintużaw għal għanijiet tal-preparazzjoni tal-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar allerġiċi għall-proteini tal-ħalib tal-baqra, għandhomx jiġu kklassifikati fl-intestatura 3003 tan-NM, bħala “prodotti mediċinali kkostitwiti minn prodotti mħallta bejniethom, ippreparati għal finijiet terapewtiċi jew profilattiċi”, jew fl-intestatura 2106 ta’ din in-nomenklatura, bħala “preparazzjonijiet tal-ikel”.

24

Għandu l-ewwel nett, jiġi enfasizzat li, meta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jitressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa iktar li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li bl-implementazzjoni tagħhom il-qorti nazzjonali tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM, milli li tikklassifikahom hija stess, u dan peress li l-Qorti tal-Ġustizzja mhux neċessarjament tiddisponi mill-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, jidher li l-qorti nazzjonali tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex twettaq il-klassifikazzjoni inkwistjoni (ara s-sentenzi Proxxon, C‑500/04, EU:C:2006:111, punt 23; Digitalnet et, C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11, EU:C:2012:745, punt 61, kif ukoll Vario Tek, C‑178/14, EU:C:2015:152, punt 18).

25

Sussegwentement għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanziji għandu jiġi identifikat, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, hekk kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u min-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Thyssen Haniel Logistic, C‑459/93, EU:C:1995:160, punt 8, kif ukoll Nutricia, C‑267/13, EU:C:2014:277, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li n-Noti ta’ spjega mfassla, f’dak li jikkonċerna n-NM, mill-Kummissjoni u, għal dak li jikkonċerna s-SA, mill-ODD, jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji, mingħajr madankollu ma huma legalment vinkolanti [ara, b’mod partikolari, is-sentenza TNT Freight Management (Amsterdam), C‑291/11, EU:C:2012:459, punt 32].

27

Fir-rigward tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti inkwistjoni, li huma taħlitiet ta’ aċidi amminiċi prodotti b’tali mod li ma jinkludux proteini tal-ħalib tal-baqra u jintużaw għal għanijiet tal-preparazzjoni tal-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar, dawn il-prodotti għandhom, bħala prinċipju, jaqgħu taħt il-Kapitolu 21 tan-NM intitolat “Preparazzjonijiet diversi tajbin għall-ikel”, u, għalhekk, jiġu kklassifikati fl-intestatura 2106 “preparazzjonijiet ta’ l-ikel li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra”.

28

Madankollu, jirriżulta min-Nota 1(f) tal-Kapitolu 21 li huma esklużi minnu “prodotti oħrajn ta’ titlu 3003 jew 3004”, jiġifieri l-prodotti li għandhom jiġu kklassifikati bħala “medikamenti” fis-sens ta’ dawn l-aħħar intestaturi. Konsegwentement, tqum il-kwistjoni jekk il-prodotti inkwistjoni għandhomx jaqgħu taħt din il-klassifikazzjoni.

29

Skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, sabiex prodotti jiġu kklassifikati fil-Kapitolu 30 tan-NM, li jiġi mistħarreġ jekk dawn tal-aħħar għandhomx profil terapewtiku jew profilattiku ddefinit b’mod ċar, li l-effett tiegħu jiffoka fuq funzjonijiet preċiżi tal-ġisem tal-bniedem jew inkella jekk jistgħux jiġu applikati fil-prevenzjoni jew fil-kura ta’ marda jew ta’ kundizzjoni ta’ mard. Anki meta l-prodott ikkonċernat ma għandux effett terapewtiku jew profilattiku proprju, iżda jiġi applikat fil-prevenzjoni jew fil-kura ta’ marda jew ta’ kundizzjoni ta’ mard, dan għandu, sa fejn ikun intenzjonat speċifikament għal dan l-użu, jitqies li huwa ppreparat għal użu terapewtiku jew profilattiku (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Nutricia, C‑267/13, EU:C:2014:277, punt 20).

30

Jirriżulta minn ġurisprudenza mfakkra fil-punti 25 u 29 ta’ din is-sentenza li d-destinazzjoni ta’ prodott tista’ tikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn din tkun inerenti għall-imsemmi prodott, liema inerenza għandha tkun tista’ tiġi evalwata abbażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prodott li, minħabba l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu, huwa naturalment iddestinat għal użu mediku jista’ jiġi kklassifikat fil-Kapitolu 30 tan-NM (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Thyssen Haniel Logistic, C‑459/93, EU:C:1995:160, punti 13 u 14, kif ukoll Nutricia, C‑267/13, EU:C:2014:277, punt 21).

31

F’dan il-każ, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, il-prodotti inkwistjoni jintużaw għal skop ta’ preparazzjoni tal-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar allerġiċi għall-proteini tal-ħalib tal-baqra. Tali prodotti ma jistgħux jiġu kklassifikati fil-Kapitolu 30 tan-NM ħlief jekk, minħabba l-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tagħhom, huma kellhom effett terapewtiku jew profilattiku proprju tagħhom jew, tal-inqas, kienu naturalment iddestinati għal użu mediku, ħaġa li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

32

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li ma jistgħux jitqiesu li għandhom effett terapewtiku proprju tagħhom fir-rigward tat-trabi allerġiċi għall-proteini tal-ħalib tal-baqra prodotti li, mingħajr ma jistgħu jaġixxu fuq l-allerġija jew jikkurawha, jintużaw bħala prodotti ta’ sostituzzjoni puri, li jservu biss sabiex jissostitwixxu dawn il-proteini allerġeniċi billi jipprovdu l-komponenti fi proteina mhux allerġeniċi li huma neċessarji għad-dieta ta’ dawn it-trabi mingħajr, madankollu, ma jwasslu waħedhom sabiex ineħħu din l-allerġija.

33

It-tieni nett, ma jistgħux jitqiesu li għandhom effett profilattiku propju intiż sabiex jipprevjeni marda jew kundizzjoni ta’ mard prodotti li l-konsum tagħhom ma jippermettix lil tarbija allerġika li tkun assorbiet proteini tal-ħalib tal-baqra allerġeniċi li tevita li tiżviluppa reazzjoni allerġika għal dawn il-proteini, iżda pjuttost iservu sabiex jitnaqqsu, jew saħansitra jiġu eliminati, il-proteini allerġeniċi mid-dieta alimentari tat-tarbija kkonċernata, billi jsir użu minn ikel ta’ sostituzzjoni mhux allerġeniku.

34

It-tielet nett, ma jistgħux jitqiesu li huma naturalment iddestinati għal użu mediku, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza, prodotti li minnhom jiġi prodott ikel għat-trabi, li ma huwiex neċessarjament ikkonsmat fil-kuntest ta’ kura medika u li l-konsum tiegħu lanqas ma jirrikjedi sorveljanza medika. Minbarra dan, tali prodotti, li lanqas ma jistgħu jservu bħala sostenn, bħala eċċipjent jew sabiex jagħtu togħma ħelwa lil sustanzi mediċinali, sabiex jiġi ffaċilitat l-assorbiment tagħhom, ma jistgħux jiġu kklassifikati, skont in-Noti ta’ spjega tas-SA, fl-intestatura 3003 tan-NM.

35

Barra minn hekk, jirriżulta mill-formulazzjoni stess tan-Nota 1(a) tal-Kapitolu 30 tan-NM li huma esklużi minn dan il-kapitolu l-ikel jew ix-xorb dijetetiku, ħlief il-preparazzjonijiet nutrittivi biex jingħataw ġol-vina, li jintużaw għal għanijiet purament alimentari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nutricia, C‑267/13, EU:C:2014:277, punt 28). Minn dan jirriżulta li l-prodotti magħmula esklużivament għal preparazzjonijiet nutrittivi li jagħmlu parti mid-dieta ta’ kuljum ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “prodotti mediċinali kkostitwiti minn prodotti mħallta bejniethom, ippreparati għal finijiet terapewtiċi jew profilattiċi” fis-sens tal-intestatura 3003 tan-NM.

36

Minbarra dan jirriżulta min-Noti ta’ spjega tas-SA li l-preparazzjonijiet tal-ikel li jinkludu biss sustanzi nutrittivi ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “prodotti mediċinali” skont l-intestatura 30.03 tas-SA, li tikkorrispondi mal-intestatura 3003 tan-NM (ara f’dan is-sens, is-sentenza LTM, C‑201/96, EU:C:1997:523, punt 48). Dan huwa partikolarment il-każ ta’ prodotti li huma purament ikel ta’ sostituzzjoni li ma jinkludi ebda sustanza mediċinali attiva fir-rigward tal-allerġiji.

37

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li d-domandi magħmula għandhom jiġu risposti li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li taħlitiet ta’ aċidi amminiċi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jintużaw għal għanijiet tal-preparazzjoni tal-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar allerġiċi għall-proteini tal-ħalib tal-baqra, għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 2106 ta’ din in-nomenklatura, bħala “preparazzjonijiet ta’ l-ikel”, peress li, minħabba l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, dawn il-prodotti ma jippreżentawx profil terapewtiku jew profilattiku ddefinit b’mod ċar, li l-effett tiegħu jiffoka fuq funzjonijiet preċiżi tal-ġisem tal-bniedem u, għaldaqstant, ma jistgħux jiġu applikati fil-prevenzjoni jew fil-kura ta’ marda jew ta’ kundizzjoni ta’ mard, u lanqas ma huma naturalment iddestinati għal użu mediku, ħaġa li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007, tal-20 ta’ Settembru 2007, għandha tiġi interpretata fis-sens li taħlitiet ta’ aċidi amminiċi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jintużaw għal għanijiet tal-preparazzjoni tal-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar allerġiċi għall-proteini tal-ħalib tal-baqra, għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 2106 ta’ din in-nomenklatura, bħala “preparazzjonijiet ta’ l-ikel”, peress li, minħabba l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, dawn il-prodotti ma jippreżentawx profil terapewtiku jew profilattiku ddefinit b’mod ċar, li l-effett tiegħu jiffoka fuq funzjonijiet preċiżi tal-ġisem tal-bniedem u, għaldaqstant, ma jistgħux jiġu applikati fil-prevenzjoni jew fil-kura ta’ marda jew ta’ kundizzjoni ta’ mard, u lanqas ma huma naturalment iddestinati għal użu mediku, ħaġa li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kważa: il-Ġermaniż.

Fuq