EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0634

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-17 ta’ Settembru 2015.
Total Marketing Services SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kompetizzjoni – Suq tax-xema’ tal-paraffin – Suq tax-xema’ ratba – Tul tal-parteċipazzjoni f’akkordju illegali – Waqfien tal-parteċipazzjoni – Interruzzjoni tal-parteċipazzjoni – Assenza ta’ kuntatti kollużivi stabbiliti matul ċertu perijodu – Tkomplija tal-ksur – Oneru tal-prova – Tbegħid pubbliku – Perċezzjoni tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju tal-intenzjoni ta’ tbegħid – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipji ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ individwalità tal-pieni.
Kawża C-634/13 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:614

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

17 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“Appell — Kompetizzjoni — Suq tax-xema’ tal-paraffin — Suq tax-xema’ ratba — Tul tal-parteċipazzjoni f’akkordju illegali — Waqfien tal-parteċipazzjoni — Interruzzjoni tal-parteċipazzjoni — Assenza ta’ kuntatti kollużivi stabbiliti matul ċertu perijodu — Tkomplija tal-ksur — Oneru tal-prova — Tbegħid pubbliku — Perċezzjoni tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju tal-intenzjoni ta’ tbegħid — Obbligu ta’ motivazzjoni — Prinċipji ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ individwalità tal-pieni”

Fil-Kawża C‑634/13 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-26 ta’ Novembru 2013,

Total Marketing Services SA, aventi kawża ta’ Total Raffinage Marketing, irrappreżentata minn A. Vandencasteele, C. Lemaire u S. Naudin, avukati,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Van Nuffel u A. Biolan, bħala aġenti, assistiti minn N. Coutrelis, avukat,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász (Relatur), D. Šváby u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Marzu 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bl-appell tagħha, Total Marketing Services SA, aventi kawża ta’ Total Raffinage Marketing, li qabel kienet Total France SA (iktar ’il quddiem “Total France”), titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Total Raffinage Marketing vs Il-Kummissjoni (T‑566/08, EU:T:2013:423, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż, prinċipalment, għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008, li tirrigwarda proċediment taħt l-Artikolu [81 KE] u l-Artikolu 53 tal‑Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 – Candle Waxes) (sommarju ppubblikat fil-ĠU 2009, C 295, p. 17, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u, sussidjarjament, għat-tnaqqis fl-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

2

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet il-konstatazzjonijiet li ġejjin:

“1

Permezz tad-[deċiżjoni kkontestata], il-Kummissjoni [Ewropea] ikkonstatat li [Total France] u l-kumpannija parent tagħha li kellha 100 % minnha, Total SA, kienu, flimkien ma’ impriżi oħra, kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)[, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3)] billi pparteċipaw f’akkordju fis-suq tax-xema’ tal-paraffin fiż-ŻEE u fis-suq Ġermaniż tax-xema’ ratba.

2

Id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata huma, minbarra [Total France] u l-kumpannija parent tagħha Total SA (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, il-“grupp Total” jew “Total”), il-kumpanniji segwenti: […].

3

Ix-xema’ tal-paraffin hija prodotta fir-raffinerija abbażi ta’ żejt mhux maħdum. Hija tintuża għall-produzzjoni ta’ prodotti bħax-xemgħat, prodotti kimiċi, tajers u prodotti tal-karozzi, kif ukoll għall-industriji tal-gomma, tal-ippakkettjar, tal-adeżivi u taċ-ċuwingamm (premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata).

4

Ix-xema’ ratba hija l-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni ta’ xema’ tal-paraffin. Hija prodotta f’raffineriji bħala prodott sekondarju fil-produzzjoni taż-żjut ta’ bażi miż-żejt mhux maħdum. Hija tinbiegħ ukoll lil klijenti finali, pereżempju lil produtturi ta’ particle boards (premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

5

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni tagħha wara li [kumpannija] informataha, b’ittra tas-17 ta’ Marzu 2005, dwar l-eżistenza ta’ akkordju […] (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

6

Fit-28 u fid-29 ta’ April 2005, il-Kummissjoni pproċediet, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 (KE) u 82 (KE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), b’verifiki fil-bini ta’ […] Total [France] (premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata).

7

Fid-29 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet [lid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata], fosthom Total France (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata). B’ittra tal-14 ta’ Awwissu 2007 Total France wieġbet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

8

Fl-10 u fil-11 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni organizzat seduta li pparteċipat fiha Total France (premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

9

Fid-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-provi li kellha, il-Kummissjoni qieset li d-destinatarji, li jikkostitwixxu l-parti l-kbira tal-produtturi tax-xema’ tal-paraffin u tax-xema’ ratba fi ħdan iż-ŻEE, kienu pparteċipaw fi ksur uniku, kumpless u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li jkopri t-territorju taż-ŻEE. Dan il-ksur kien jikkonsisti fi ftehim jew fi prattiki miftiehma li kienu jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet u l-iskambju u l-iżvelar ta’ informazzjoni sensibbli fuq il-pjan kummerċjali li jaffettwa x-xema’ tal-paraffin (iktar ’il quddiem il-“parti prinċipali tal-ksur”). F’dak li jirrigwarda […] Total, il-ksur li jaffettwa lix-xema’ tal-paraffin kien jirrigwarda wkoll it-tqassim ta’ klijenti jew it-tqassim tas-swieq (iktar ’il quddiem it-“tieni parti tal-ksur”). Barra minn hekk, il-ksur imwettaq minn […] Total kien jirrigwarda wkoll ix-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali fis-suq Ġermaniż (iktar ’il quddiem il-“parti dwar ix-xema’ ratba tal-ksur”) (premessi 2, 95, 328 u l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

10

Il-prattiki li jikkostitwixxu ksur seħħew matul laqgħat antikompetittivi msejħa “laqgħat tekniċi” jew saħansitra laqgħat “Blauer Salon” mill-parteċipanti u matul il-“laqgħat tax-xema’ ratba” ddedikati speċifikament għall-kwistjonijiet dwar ix-xema’ ratba.

11

Skont id-deċiżjoni kkontestata, impjegati ta’ Total France kienu pparteċipaw direttament fil-ksur matul it-tul kollu tiegħu. Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li Total France kienet responsabbli minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju (premessi 555 u 556 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, Total France, bejn l-1990 u sat-tmiem tal-ksur, kienet, direttament jew indirettament, miżmuma f’ammont ta’ iktar minn 98 % minn Total SA. Il-Kummissjoni qieset li seta’ jiġi preżunt fuq din il-bażi li Total SA kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Total France, peress li ż-żewġ kumpanniji kienu jifformaw parti mill-istess impriża (premessi 557 sa 559 tad-deċiżjoni kkontestata). Bħala tweġiba għal domanda orali matul is-seduta dwar l-imputazzjoni tar-responsabbiltà fuq il-kumpannija parent tagħha, [Total France] rriferiet għall-informazzjoni kollha kkomunikata minn Total SA fil-Kawżi marbuta T‑548/08, Total SA vs Il-Kummissjoni, deċiża f’dan il-jum. Fl-imsemmija kawża, Total SA ppreċiżat, bħala tweġiba għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li Total France kienet direttament jew indirettament miżmuma f’ammont ta’ 100 % minnha, matul il-perijodu inkwistjoni.

12

L-ammont tal-multi imposti f’din il-kawża ġie kkalkolat fuq il-bażi tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 […] (iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”), fis-seħħ fil-mument tan-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-kumpanniji li jinsabu fil-punt 2 iktar ’il fuq.

[…]

15

[B’applikazzjoni tal-linji gwida tal-2006, i]l-Kummissjoni waslet għall-ammont bażiku tal-multa aġġustat ta’ EUR 128163000.

16

Fin-nuqqas ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa […], l-ammont bażiku aġġustat ta’ EUR 128163000 jammonta għall-ammont totali tal-multa (premessa 785 tad-deċiżjoni kkontestata).

17

Id-Deċiżjoni kkontestata tinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet segwenti:

“Artikolu 1

L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81(1) (KE) u, mill-1 ta’ Jannar 1994, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, matul il-perijodi indikati, fi ftehim kontinwu u/jew prattika miftiehma fis-settur tax-xema’ tal-paraffin fis-suq komuni u, mill-1 ta’ Jannar 1994, fiż-ŻEE:

[…]

Total France […]: mit-3 ta’ Settembru 1992 sat-28 ta’ April 2005; u

Total SA: mit-3 ta’ Settembru 1992 sat-28 ta’ April 2005.

Fir-rigward tal-impriżi segwenti, il-ksur jikkonċerna wkoll, għall-perijodi indikati, ix-xema’ ratba mibjugħa lil klijenti finali fis-suq Ġermaniż:

Total France […]: mit-30 ta’ Ottubru 1997 sat-12 ta’ Mejju 2004; u

Total SA: mit-30 ta’ Ottubru 1997 sat-12 ta’ Mejju 2004.

[…]

Artikolu 2

Il-multi segwenti huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

[…]

Total France […] flimkien u in solidum ma’ Total SA: EUR 128163000.

[…]”

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

3

Insostenn tat-talbiet fir-rikors tagħha, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Diċembru 2008, l-appellanti kienet invokat ħdax-il motiv. It-tnax il-motiv tqajjem waqt is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti Ġenerali. Din tal-aħħar ċaħdet dawn il-motivi kollha, bl-eċċezzjoni tat-tmien motiv, li kien ibbażat fuq l-illegalità tal-metodu ta’ kalkolu deskritt fil-paragrafu 24 tal-linji gwida tal-2006. Il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni, fid-determinazzjoni tal-koeffiċjent multiplikatur li jirrifletti t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Total France fil-ksur, kienet kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, billi kkunsidrat perijodu ta’ parteċipazzjoni ta’ 7 xhur u 28 ġurnata (għax-xema’ tal-paraffin) u ta’ 6 xhur u 12-il ġurnata (għax-xema’ ratba) bħala parteċipazzjoni ta’ sena sħiħa. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali naqset l-ammont totali tal-multa imposta fuq l-appellanti minn EUR 128163000 għal EUR 125459842. Min-naħa l-oħra, fis-sentenza Total vs Il-Kummissjoni (T‑548/08, EU:T:2013:434), il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod sħiħ ir-rikors ippreżentat mill-kumpannija parent Total SA u ma naqsitx bl-istess mod il-multa imposta fuqha.

It-talbiet tal-partijiet

4

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali eskludiet, bi żball, il-waqfien tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur wara t-12 ta’ Mejju 2004;

tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali eskludiet, bi żball, kull differenza fit-trattament mhux iġġustifikata bejn l-appellanti u Repsol YPF Lubricantes y Especialidades SA, Repsol Petróleo SA u Repsol YPF SA (iktar ’il quddiem “Repsol”), dwar it-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur;

tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali eskludiet, bi żball, l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur bejn is-26 ta’ Mejju 2000 u s-26 ta’ Ġunju 2001;

tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ma rrispondietx għall-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-provi tal-aġir kompetittiv tal-appellanti fis-suq;

tiddeċiedi b’mod definittiv, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, b’hekk, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lill-appellanti u, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tnaqqas il-multa imposta fuq l-appellanti;

fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix b’mod definittiv f’din il-kawża, tirriżerva l-ispejjeż u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u

fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 69 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

5

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż, inklużi dawk quddiem il-Qorti Ġenerali.

Fuq l-appell

6

L-appell huwa bbażat fuq erba’ aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta ’ liġi fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur wara l-laqgħa tal-11 u tat-12 ta ’ Mejju 2004 u sat-28 ta ’ April 2005

7

Fil-punt 370 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċċitat il-premessa 602 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi:

“[L-appellanti] tiddikjara li ma pparteċipat fl-ebda laqgħa teknika wara dik tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004 u żżid tgħid li r-rappreżentant tagħha annulla l-vjaġġ tiegħu għal-laqgħa tat-3 u tal-4 ta’ Novembru 2004, skont komunikazzjoni interna, wara l-pariri tas-superjur tiegħu. Il-Kummissjoni ssostni li l-ebda prova ma teżisti dwar irtirar eventwali mill-akkordju. Fil-każ ta’ ksur kumpless, il-fatt li impriża ma tkunx preżenti f’laqgħa jew ma taqbilx ma dak li jkun ġie diskuss matul il-laqgħa ma jfissirx li l-impriża waqfet milli tipparteċipa fi ksur kontinwu. Sabiex ittemm il-ksur, l-impriża għandha b’mod ċar tiddissoċja ruħha mill-akkordju. […] [L-appellanti] ma pproduċietx prova preċiża li tipprovdi li hija adottat, b’mod totalment awtonomu, strateġija unilaterali fis-suq u li hija ddissoċjat ruħha b’mod ċar u miftuħ mill-attivitajiet tal-akkordju. Għall-kuntrarju, il-provi li għandha l-Kummissjoni juru li [l-appellanti] rċeviet l-istedini uffiċjali għal tliet laqgħa tekniċi segwenti (jiġifieri l-aħħar tliet laqgħat tekniċi organizzati qabel l-eżekuzzjoni tal-ispezzjoni). Il-Kummissjoni tirrimarka li r-rappreżentant ta[l-appellanti] kkonferma li kien ser jipparteċipa għal-laqgħa tat-3 u tal-4 ta’ Novembru 2004, minkejja li sussegwentement jidher li kien annulla l-vjaġġ tiegħu. Bl-istess mod, fir-rigward tal-laqgħa tat-23 u tal-24 ta’ Frar 2005, kamra kienet ġiet irriżervata minn [Sasol Wax International AG, Sasol Holding in Germany GmbH u Sasol Limited, organizzaturi ta’ din il-laqgħa, (iktar ’il quddiem ‘Sasol’)] għar-rappreżentant [tal-appellanti] fil-lukanda li fiha [kienet] saret il-laqgħa, riżervazzjoni li sussegwentement [kienet] ġiet annullata. Il-Kummissjoni tikkonkludi minn dan għalhekk li, għal Sasol u l-parteċipanti l-oħra, kien ċar li [l-appellanti] kienet ipparteċipat fl-akkordju sal-aħħar. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li d-diskussjonijiet organizzati matul il-laqgħat ma kinux fundamentalment differenti minn dawk organizzati fil-laqgħat preċedenti, iżda li l-parteċipanti baqgħu jiddiskutu ż-żieda tal-prezz mingħajr ma semmew kwalunkwe trattattiva [tal-appellanti] li titlaq mill-akkordju (ara l-premessi 175, 176 u 177) u li kien normali li impriżi ma jipparteċipawx għal ċerti laqgħat matul l-akkordju. Dawn iż-żewġ elementi juru li [l-appellanti] ma kinitx meqjusa bħala li ħalliet l-akkordju wara l-laqgħa ta’ Mejju 2004. Il-komunikazzjoni interna tar-rappreżentant ta[l-appellanti] dwar ir-raġunijiet li ma jipparteċipax f’laqgħa ma jistgħux fi kwalunkwe każ jitqiesu bħala tbegħid pubbliku. Peress li l-ebda informazzjoni oħra ma tissuġġerixxi li hija ddissoċjat ruħha mill-akkordju, il-Kummissjoni tqis li l-parteċipazzjoni ta[l-appellanti] fl-akkordju ma ntemmx qabel l-ispezzjoni.”

8

Fil-punti 372 sa 379 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali aċċettat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kriterju tat-tbegħid pubbliku kif ukoll il-perċezzjoni ta’ dan it-tbegħid mill-parteċipanti l-oħra tal-akkordju, u kkonstatat li l-appellanti ma kinitx tbiegħdet pubblikament mill-akkordju skont il-perċezzjoni tal-parteċipanti l-oħra.

9

Barra minn hekk, fil-punti 377 sa 379 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali evalwat il-posta elettronika interna tat-3 ta’ Novembru 2004, mibgħuta mir-rappreżentant tal-appellanti għal-laqgħat tekniċi lil impjegat ieħor tal-appellanti, li kienet tgħid is-segwenti “Fid-dawl tal-għan tal-laqgħa fl-Awstrija, jien ser insegwi r-rakkomandazzjoni ta’ Thibault. Ser nikkanċella l-vjaġġ tiegħi għal Vjenna (tluq inizjali previst illum wara nofsinhar)”, u kkonkludiet li posta elettronika interna, mhux ikkomunikata lill-parteċipanti l-oħra, ma tistax tikkostitwixxi tbegħid pubbliku. Barra minn hekk, fil-punt 380 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li s-sempliċi fatt li l-appellanti ma kinitx ipparteċipat fl-aħħar laqgħat tekniċi bl-ebda mod ma juri li ma użatx l-informazzjoni dwar il-prezzijiet applikati mill-kompetituri tagħha li hija kienet irċeviet matul l-għexur ta’ laqgħat tekniċi preċedenti, li hija kienet assistiet għalihom, u li ma bbenefikatx mill-ftehim dwar it-tqassim tas-swieq u tal-klijenti implementati matul l-imsemmija laqgħat. Fl-istess punt, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-appellanti ma kienet ipproduċiet ebda prova li turi li hija ma komplietx bl-implementazzjoni tal-akkordju fit-12 ta’ Mejju 2004.

L-argumenti tal-partijiet

10

L-appellanti ssostni li, wara l-laqgħa teknika tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004, hija ma pparteċipat għal ebda waħda mit-tliet laqgħat organizzati wara din id-data u sal-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fit-28 u fid-29 ta’ April 2005, liema ħaġa tikkostitwixxi assenza mhux interrotta ta’ sena, perijodu li jeċċedi b’ħafna l-intervalli abitwali ta’ tliet xhur għaż-żamma ta’ laqgħat kollużorji. Barra minn hekk, ebda ftehim illegali bejn l-appellanti u l-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, ta’ liema natura jkun, ma ġie pprovat jew allegat matul dan il-perijodu. Apparti dan, il-posta elettronika interna msemmija fil-punt 9 ta’ din is-sentenza tistabbilixxi li l-assenza tar-rappreżentant tagħha fil-laqgħat wara dik ta’ Mejju 2004 ma kinitx aċċidentali, iżda tirriżulta mill-istruzzjonijiet tal-ġerarkija tiegħu marbuta mas-suġġett ta’ dawn il-laqgħat.

11

Issa, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit ta’ tbegħid pubbliku huwa bbażat fuq il-premessa essenzjali li entità li pparteċipat f’laqgħa antikompetittiva titqies li aċċettat il-kontenut tagħha sakemm din ma tbegħditx minnu fil-miftuħ (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni , C-204/00 P, C‑205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 81 u 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti Ġenerali, dwar l-amministrazzjoni tal-prova tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ entità f’akkordju, jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova mhux biss l-eżistenza tal-akkordju, iżda anki t-tul tiegħu u li, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul tal-ksur, din għandha tinvoka, mill-inqas, provi li jkunu relatati ma’ fatti li jkunu relatati biżżejjed ratione temporis, b’mod li jista’ raġonevolment jiġi aċċettat li dan il-ksur sar b’mod mhux interrott bejn żewġ dati preċiżi.

12

Minn dan, l-appellanti tikkonkludi li, fin-nuqqas ta’ kull prova ta’ kuntatti jew ta’ manifestazzjonijiet kollużivi bejn entità u l-parteċipanti l-oħra f’akkordju lil hinn minn ċertu data u għal perijodu determinat, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża l-konstatazzjoni tal-kontinwità tal-parteċipazzjoni ta’ din l-entità fl-akkordju fuq l-allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ tbegħid. Meta vvalidat dan l-approċċ tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova tat-tul tal-parteċipazzjoni fi ksur, li jinsab fuq din, u b’hekk wettqet żball ta’ liġi.

13

Filwaqt li tenfasizza li dan l-aggravju tal-appell ma jirrigwardax it-tul ta’ interruzzjoni tal-parteċipazzjoni f’akkordju, iżda l-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni sa tmiem l-akkordju, il-Kummissjoni tosserva li, b’dan l-aggravju, l-appellanti tirrepeti biss l-argumenti mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali dwar l-evalwazzjoni tal-elementi fattwali, b’tali mod li dan l-aggravju għandu jitqies, prinċipalment, bħala inammissibbli.

14

Sussidjarjament, il-Kummissjoni tirrileva li t-tul tal-parteċipazzjoni fi ksur huwa kwistjoni ta’ fatt li l-prova tiegħu għandha titressaq każ b’każ skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. F’dan il-każ, il-prova tal-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur tirriżulta mill-għaqda ta’ żewġ elementi marbuta b’mod indissoċjabbli, jiġifieri, minn naħa, il-fatt li din baqgħet tiġi mistiedna għal-laqgħat tekniċi, liema ħaġa tissupponi li min jistieden kien għadu jikkunsidraha li tifforma parti mill-akkordju, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li hija ma tbegħditx minn dan l-akkordju. B’hekk, la l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali ma bbażaw ruħhom biss fuq l-assenza ta’ tbegħid pubbliku tal-appellanti.

15

Fil-qosor, il-Kummissjoni ssostni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali tikkonferma li l-assenza ta’ tbegħid pubbliku hija element li għandu importanza kbira fil-każ fejn jiġi kkonstatat ħjiel ieħor li jindika kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni fl-akkordju u li, f’kull każ, il-perċezzjoni tal-membri l-oħra tal-akkordju hija essenzjali. Fil-premessa 602 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, minflok ma tibbaża ruħha esklużivament fuq l-assenza ta’ tbegħid pubbliku tal-appellanti, semmiet ħjiel li kellu jiġi evalwat flimkien. Il-Qorti Ġenerali evalwat b’mod sovran il-valur li għandu jingħata lil dawn il-provi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

16

Huwa stabbilit li l-appellanti ma pparteċipatx għall-aħħar tliet laqgħat kollużorji tal-akkordju, li seħħew bejn it-12 ta’ Mejju 2004 u d-29 ta’ April 2005.

17

Wara li ċċitat litteralment, fil-punt 370 tas-sentenza appellata, il-premessa 602 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali kkonfermat, fil-punti 372 sa 374 ta’ din is-sentenza, il-fondatezza tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni espressa f’din il-premessa, li tgħid li l-appellanti kienet kompliet tipparteċipa fil-ksur lil hinn minn Mejju 2004.

18

Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma setax jiġi konkluż il-waqfien definittiv tal-appartenenza ta’ impriża għal akkordju ħlief jekk din l-impriża kienet tbiegħdet pubblikament mill-kontenut tal-akkordju, u żiedet tgħid li l-kriterju determinanti tal-evalwazzjoni f’dan ir-rigward kienet il-fehma li kellhom il-parteċipanti l-oħra fl-akkordju dwar l-intenzjoni tal-impriża msemmija.

19

Hekk kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, anki meta ma jkunx ikkontestat li impriża ma tkunx għadha tipparteċipa fil-laqgħat kollużorji ta’ akkordju, hija tkun marbuta li titbiegħed pubblikament minn dan tal-aħħar, sabiex ikun jista’ jitqies li din waqfet milli tipparteċipa fih, u l-prova ta’ dan it-tbegħid għandha tiġi evalwata skont il-perċezzjoni tal-parteċipanti l-oħra f’dan l-akkordju.

20

Għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tbegħid pubbliku huwa meħtieġ sabiex impriża li pparteċipat f’laqgħat kollużorji tkun tista’ tistabbilixxi li l-parteċipazzjoni tagħha kienet nieqsa minn kull spirtu antikompetittiv. Għal dan il-għan, l-impriża inkwistjoni għandha turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet tipparteċipa għal dawn il-laqgħat f’perspettiva differenti minn tagħhom (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 81 u 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’laqgħa antikompetittiva toħloq preżunzjoni min-natura illegali ta’ din il-parteċipazzjoni, preżunzjoni li din l-impriża għandha taqleb permezz tal-prova ta’ tbegħid pubbliku, li għandha tiġi pperċepita bħala tali mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Comap vs Il-Kummissjoni, C‑290/11 P, EU:C:2012:271, punti 74 sa 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Għalhekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi tbegħid pubbliku biss fil-kuntest tal-parteċipazzjoni ta’ impriża f’laqgħat antikompetittivi, bħala prova indispensabbli biex tinqaleb il-preżunzjoni msemmija fil-punt preċedenti, mingħajr madankollu ma teżiġi f’kull ċirkustanza tbegħid li jtemm il-parteċipazzjoni fil-ksur.

23

Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni mhux f’laqgħat antikompetittivi individwali, iżda fi ksur li jestendi fuq diversi snin, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-assenza ta’ tbegħid pubbliku tikkostitwixxi biss waħda mill-provi fost oħrajn li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bil-għan li jiġi stabbilit jekk impriża effettivament komplietx tipparteċipa fi ksur jew, kuntrarjament, waqfet milli tipparteċipa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C-441/11 P, EU:C:2012:778, punt 75).

24

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 372 u 374 tas-sentenza appellata, li t-tbegħid pubbliku jikkostitwixxi l-uniku metodu għal kumpannija involuta f’akkordju biex tipprova t-terminazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan l-akkordju, anki fil-każ fejn din il-kumpannija ma tkunx ipparteċipat f’laqgħat kollużorji.

25

Madankollu, dan l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali ma jistax iwassal għall-annullament tal-konklużjonijiet tas-sentenza appellata dwar il-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur bejn it-12 ta’ Mejju 2004 u d-29 ta’ April 2005.

26

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha, fil-parti l-kbira tal-każijiet, tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ ħjiel li, ikkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 57, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C-441/11 P, EU:C:2012:778, punt 70).

27

Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ ksur li jestendi fuq diversi snin, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li ma tressqitx il-prova diretta tal-parteċipazzjoni ta’ kumpannija f’dan il-ksur matul perijodu determinat ma jipprekludix li din il-parteċipazzjoni tkun ikkonstatata, ukoll matul dan il-perijodu, sakemm din il-konstatazzjoni tkun ibbażata fuq ħjiel oġġettiv u konkordanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punti 97 u 98, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 72).

28

Fil-fatt, għalkemm it-tbegħid pubbliku ma huwiex l-uniku metodu li għandha kumpannija involuta f’akkordju biex tipprova t-terminazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan l-akkordju, xorta jibqa’ l-fatt li tali tbegħid jikkostitwixxi fatt importanti li jista’ jistabbilixxi t-terminazzjoni ta’ aġir antikompetittiv. In-nuqqas ta’ tbegħid pubbliku jikkostitwixxi sitwazzjoni fattwali li l-Kummissjoni tista’ tinvoka biex tipprova t-tkomplija ta’ aġir antikompetittiv ta’ kumpannija. Madankollu, fil-każ fejn, matul perijodu sinifikanti, ikunu seħħew diversi laqgħat kollużorji fl-assenza tal-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-kumpannija kkonċernata, il-Kummissjoni għandha wkoll tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq provi oħra.

29

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 377 sa 379, ikkonstatat ġustament li l-posta elettronika interna tat-3 ta’ Novembru 2004 mibgħuta mir-rappreżentant tal-appellanti lil impjegat ieħor tagħha, ma setgħetx tipprova tbegħid pubbliku.

30

Issa, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċħid ta’ dan il-motiv fir-rikors tal-ewwel istanza ma huwiex iġġustifikat mis-sempliċi assenza ta’ tbegħid pubbliku tal-appellanti. Fil-fatt, mill-premessa 602 tad-deċiżjoni kkontestata, iċċitata fil-punt 370 tas-sentenza appellata, jirriżulta li kienu jeżistu provi ta’ fatt oħra li kienet semmiet il-Kummissjoni u li ma kinux ġew ikkontestati mill-appellanti, bħall-konferma inizjali tal-parteċipazzjoni tar-rappreżentant tal-appellanti fil-laqgħa tat-3 u tal-4 ta’ Novembru 2004 u r-riżervazzjoni inizjali għal dan tal-aħħar, mill-organizzatriċi tal-laqgħat kollużorji, ta’ kamra f’lukanda għal-laqgħa tat-23 u tal-24 ta’ Frar 2005.

31

Għalhekk, dawn il-provi ta’ fatt, flimkien mal-assenza ta’ tbegħid pubbliku tal-appellanti u l-perċezzjoni tal-organizzatriċi tal-laqgħat kollużorji, kienu jikkostitwixxu ħjiel konkordanti li jippermetti li tiġi konkluża t-tkomplija tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fl-akkordju.

32

Konsegwentement, peress li l-ewwel aggravju tal-appell huwa ineffettiv, ma jistax jiġi milqugħ.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta ’ liġi fir-rigward tal-konstatazzjoni ta ’ nuqqas ta ’ interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur bejn is-26 ta ’ Mejju 2000 u s-26 ta ’ Ġunju 2001

33

Fil-premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, skont id-dikjarazzjonijiet ta’ Sasol, Total ġiet akkużata, waqt il-laqgħa tal-25 u tas-26 ta’ Mejju 2000, mill-parteċipanti l-oħra f’din il-laqgħa, li tbigħ bi prezzijiet baxxi ħafna.

34

Il-premessa 603 tad-deċiżjoni kkontestata hija mfassla b’dan il-mod:

“Total France […] tallega li hija interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha bejn l-2000 u l-2001 u l-fatt li r-rappreżentant tagħha ħareġ mil-laqgħa [tal-25 u tas-26 ta’ Mejju 2000] mgħaddab kien jikkostitwixxi sinjal ta’ tbegħid. […] Il-Kummissjoni tirrimarka […] li ebda informazzjoni ma tissuġġerixxi li Total iddissoċjat ruħha pubblikament mill-akkordju. Il-fatt li [X, rappreżentant ta’ Total France] ħareġ mil-laqgħa ma jikkostitwixxix waħdu tbegħid pubbliku, peress li Total stess ma ssostnix li [X] ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jtemm il-parteċipazzjoni ta’ Total fl-akkordju. L-għadab ta’ [X] pjuttost juri li ma kienx sodisfatt mill-ftehim konklużi. Il-preżenza mill-ġdid ta’ Total wara inqas minn sena tikkonferma l-intenzjoni tagħha li ma ttemmx il-parteċipazzjoni tagħha. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax l-assenza qasira u temporanja ta’ Total bħala li tikkostitwixxi interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju.”

35

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, essenzjalment, fil-punti 401 u 402 tas-sentenza appellata, li ma kienx ipprovat li, waqt il-laqgħa li nżammet fil-25 u fis-26 ta’ Mejju 2000, ir-rappreżentant tal-appellanti kien biegħed ruħu mill-ksur skont il-perċezzjoni tal-parteċipanti l-oħra f’din il-laqgħa.

L-argumenti tal-partijiet

36

L-appellanti tosserva li, hekk kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni li saret quddiem il-Kummissjoni minn impriża li kienet tifforma parti mill-akkordju, ir-rappreżentant tagħha telaq ħesrem u fi stat ta’ eżasperazzjoni mil-laqgħa tal-25 u tas-26 ta’ Mejju 2000 u ma pparteċipax iktar f’ebda mit-tliet laqgħat segwenti sakemm ir-rappreżentant il-ġdid tagħha assista għal dik tas-26 u tas-27 ta’ Ġunju 2001. Il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali, jiġifieri li l-appellanti ma ppreżentatx il-prova ta’ tbegħid pubbliku, tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza. B’hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi f’dan ir-rigward, u dan iktar u iktar peress li l-approċċ tagħha fir-rigward tal-appellanti kien kuntrarju għal dak segwit fir-rigward ta’ impriża oħra li pparteċipat f’dan l-akkordju.

37

Il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li dan l-appell huwa inammissibbli. Fil-fatt, dan jikkostitwixxi aggravju ta’ fatt, għaliex jirrigwarda kemm l-evalwazzjoni dwar it-tul tal-parteċipazzjoni f’akkordju kif ukoll il-kunċett ta’ tbegħid pubbliku, li t-tnejn jikkostitwixxu sitwazzjonijiet ta’ fatt. L-appellanti sempliċement tpoġġi indiskussjoni l-interpretazzjoni tal-fatti min-naħa tal-Qorti Ġenerali.

38

Sussidjarjament, il-Kummissjoni tosserva li dan l-aggravju huwa infondat, peress li hija ma limitatx ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni, biex tikkonstata l-kontinwità tal-parteċipazzjoni fl-akkordju kkontestat bejn is-26 ta’ Mejju 2000 u s-26 ta’ Ġunju 2001, l-assenza ta’ tbegħid pubbliku, hekk kif jirriżulta mill-premessa 603 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti Ġenerali kkonfermat din l-analiżi billi ma bbażatx ruħha biss fuq l-assenza ta’ tbegħid, iżda wkoll fuq l-analiżi taċ-ċirkustanzi li fihom ir-rappreżentant tal-appellanti kien telaq mil-laqgħa tal-25 u tas-26 ta’ Mejju 2000. Il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju huwa kwistjoni ta’ fatt u li, f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ provi ta’ kuntatti antikompetittivi jew ta’ parteċipazzjoni f’tali kuntatti matul perijodu ta’ sena ma jistax ikun biżżejjed, fih innifsu, biex jistabbilixxi l-interruzzjoni ta’ dan l-akkordju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39

Għandu jiġi kkonstatat li dan l-aggravju tal-appell huwa bbażat fuq żewġ argumenti bbażati, minn naħa, fuq il-fatt li l-aġir tar-rappreżentant tal-appellanti waqt il-laqgħa tal-25 u tas-26 ta’ Mejju 2000 jixhed li din kellha l-intenzjoni li titbiegħed pubblikament mill-akkordju inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li l-appellanti ma pparteċipat f’ebda waħda mit-tliet laqgħat kollużorji organizzati bejn is-26 ta’ Mejju 2000 u s-26 ta’ Ġunju 2001.

40

F’dak li jikkonċerna l-kwistjoni jekk l-aġir tar-rappreżentant tal-appellanti waqt il-laqgħa tal-25 u tas-26 ta’ Mejju 2000 kienx ta’ natura li jipprova tbegħid pubbliku, għandu jiġi rrilevat li dan l-aġir kien is-suġġett ta’ eżami mill-Kummissjoni fil-premessa 603 tad-deċiżjoni kkontestata, u li dan l-eżami kien is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti Ġenerali. F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-punti 398 u 401 tas-sentenza appellata, wara li evalwat iċ-ċirkustanzi li fihom seħħet din il-laqgħa u ħadet inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni li l-parteċipanti l-oħra fil-laqgħa msemmija seta’ jkollhom tal-atitudni tar-rappreżentant tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni, fil-punt 402 ta’ din is-sentenza, li din l-atitudni ma turix tbegħid pubbliku fir-rigward tal-akkordju antikompetittiv. Issa, tali evalwazzjoni fattwali ma tistax, konformement mal-ġurisprudenza, tkun is-suġġett ta’ stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

41

F’dak li jikkonċerna l-punt jekk l-assenza ta’ parteċipazzjoni tal-appellanti fit-tliet laqgħat kollużorji li seħħew bejn is-26 ta’ Mejju 2000 u s-26 ta’ Ġunju 2001 tikkostitwixxix prova tal-interruzzjoni tal-involviment tagħha fl-akkordju, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punt 402 tas-sentenza tagħha, billi rreferiet għall-konklużjonijiet li kienet waslet għalihom fil-punt 372 tal-istess sentenza, l-istess żball ta’ liġi bħal dak irrilevat fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel aggravju tal-appell, billi kkunsidrat li kienet l-appellanti li kellha tipprova li hija tbiegħdet minn dan l-akkordju, skont il-perċezzjoni tal-parteċipanti l-oħra, minkejja l-fatt li hija ma kinitx ipparteċipat f’dawn il-laqgħat.

42

Madankollu, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li diġà ssemmiet diġà fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, il-fatt li ma ġietx ippreżentata l-prova diretta tal-parteċipazzjoni ta’ kumpannija f’akkordju matul ċertu perijodu ma jipprekludix li, fil-kuntest ta’ ksur li jestendi fuq diversi snin, il-parteċipazzjoni f’dan l-akkordju, anki matul dan il-perijodu, titqies bħala stabbilita, meta din tkun ibbażata fuq ħjiel oġġettiv u konkordanti.

43

F’dan il-każ, l-assenza ta’ tbegħid pubbliku tal-appellanti ma kienx l-uniku element li għalih l-aġir tal-appellanti għandu jitqies bħala ksur anki matul il-perijodu inkwistjoni.

44

Fil-fatt, mill-punti 398 u 401 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-fatt li r-rappreżentant tal-appellanti telaq ħesrem mil-laqgħa tal-25 u tas-26 ta’ Mejju 2000 kien dovut għal raġunijiet personali u ma setgħetx titqies bħala manifestazzjoni tar-rieda ta’ Total France stess li titbiegħed mill-akkordju, li kienet tikkorrispondi wkoll mal-perċezzjoni li parteċipanti oħra f’din il-laqgħa seta’ kellhom ta’ dan l-avveniment. Barra minn hekk, wara s-sostituzzjoni ta’ dan ir-rappreżentant b’impjegat ieħor, Total France reġgħet bdiet tipparteċipa fil-laqgħat kollużorji, liema fatt kien ta’ natura li jikkorrobora l-kunsiderazzjoni li tgħid li l-aġir tal-imsemmi rappreżentant kien dovut għall-eżistenza ta’ kunflitt ta’ natura personali.

45

Konsegwentement, flimkien mal-assenza ta’ tbegħid pubbliku, kien jeżisti ħjiel oġġettiv u konkordanti li jippermetti li ma jiġix konkluż li kien hemm interruzzjoni fil-parteċipazzjoni tal-appellanti fl-akkordju matul il-perijodu inkwistjoni.

46

Għalhekk, peress li t-tielet aggravju tal-appell huwa ineffettiv, dan ma jistax jiġi milqugħ.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta ’ ugwaljanza fit-trattament, fuq l-iżnaturament tal-provi u fuq nuqqas ta ’ motivazzjoni

47

Fil-punt 386 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-parteċipazzjoni ta’ Repsol fl-akkordju kienet intemmet fl-4 ta’ Awwissu 2004, peress li, għal-laqgħa li kellha ssir fl-istess jum, Repsol ma kienet irċeviet mingħand Sasol, l-organizzatriċi tal-laqgħat, ebda invit uffiċjali li kellu l-aġenda tal-laqgħa, liema ħaġa turi li Sasol kellha dubji fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ Repsol fl-akkordju.

48

Fil-punt 387 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-waqfien ta’ inviti uffiċjali bl-aġenda tal-laqgħat lil Repsol kien juri b’mod ċar li Sasol kienet bidlet il-perċezzjoni u li din ma kinitx iktar ċerta mill-parteċipazzjoni ta’ Repsol fl-akkordju wara l-4 ta’ Awwissu 2004, u li din il-prova kienet biżżejjed biex jitqies li Repsol kienet tbiegħdet minn dan l-akkordju skont il-perċezzjoni li kellhom il-parteċipanti l-oħra fih. Min-naħa l-oħra, fil-punti 388 sa 390 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li dan ma kienx il-każ għall-appellanti, peress li din baqgħet tirċievi l-inviti uffiċjali bl-aġenda tal-laqgħat, u kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet ittrattat b’mod differenti lil sitwazzjonijiet differenti u, konsegwentement, ma kinitx kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

L-argumenti tal-partijiet

49

L-appellanti tirrileva li din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija bbażata, l-ewwel nett, fuq żball ta’ fatt. Fil-fatt, mill-fajl ippreżentat mill-Kummissjoni lill-Qorti Ġenerali jirriżulta li, għal-laqgħa tat-3 u tal-4 ta’ Awwissu 2004, Repsol kienet irċeviet, bħall-appellanti, minbarra invit mingħajr l-aġenda tal-laqgħa, l-istess invit imsejjaħ “uffiċjali” li kien jinkludi l-aġenda tal-laqgħa. Repsol kienet ukoll id-destinatarja ta’ invit għal-laqgħa tat-3 u tal-4 ta’ Novembru 2004. Għalhekk, il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq żnaturament tal-provi. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kienet teħtieġ prova ta’ tbegħid pubbliku mingħand l-appellanti, iżda mhux mingħand Repsol, li l-irtirar tagħha mill-akkordju ġie aċċettat anki mingħajr tbegħid. Issa, is-sentenza appellata ma tressaq ebda elementi li jistgħu jiġġustifikaw tali differenza fit-trattament, liema ħaġa tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

50

Il-Kummissjoni ssostni prinċipalment li dan l-aggravju tal-appell huwa ineffettiv, għaliex, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna lil Repsol, tali żball ma jikkonċernax lill-appellanti u għalhekk ma huwiex tali li jwassal għat-tnaqqis tat-tul tal-ksur ikkonstatat għal din tal-aħħar, liema kwistjoni tidħol esklużivament fil-kuntest tal-ewwel aggravju.

51

Sussidjarjament, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, f’dak li jikkonċerna l-laqgħa tat-3 u tal-4 ta’ Awwissu 2004, hija kkunsidrat li Repsol kienet għada membru tal-akkordju fid-data li fiha seħħet din il-laqgħa u li l-assenza tar-rappreżentant tagħha waqt il-laqgħa msemmija ma kinitx tikkostitwixxi ħjiel ta’ rtirar mill-akkordju. F’dak li jikkonċerna l-laqgħa tat-3 u tal-4 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni tirrikonoxxi wkoll li Repsol kienet irċeviet l-istess invit bħall-appellanti, bl-aġenda tal-laqgħa, mingħajr madankollu ma titqies li kienet għadha membru fl-akkordju. Madankollu, anki jekk jitqies li tali konstatazzjoni tiġi minn żnaturament tal-provi, dan l-iżnaturament huwa irrilevanti għaliex, fuq dan l-istess invit komuni, ir-rappreżentant tal-appellanti ssemma bħala li kellu kamra rriżervata, diversament minn dak ta’ Repsol, li l-Kummissjoni tikkunsidra bħala differenza importanti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

52

Għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 386 u 387 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti dwar it-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Repsol fl-akkordju. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-proċess u hekk kif ammettiet il-Kummissjoni, din tal-aħħar ikkunsidrat li, f’dak li jikkonċerna l-laqgħa tat-3 u tal-4 ta’ Awwissu 2004, Repsol kienet għadha membru tal-akkordju, peress li l-assenza tar-rappreżentant tagħha ma setgħetx tikkostitwixxi ħjiel ta’ rtirar, u peress li, f’dak li jikkonċerna l-laqgħa tat-3 u tal-4 ta’ Novembru 2004, Repsol kienet irċeviet l-istess tip ta’ invit bħall-appellanti. Għalhekk, il-preżentazzjoni li tinsab fil-punti ċċitati iktar ’il fuq tas-sentenza appellata hija vvizzjata minn żnaturament ta’ provi ta’ fatt.

53

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat ukoll li, fil-punt 387 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha unikament fuq id-dubju tal-organizzatriċi tal-laqgħat kollużorji fir-rigward tar-rieda ta’ Repsol li tipparteċipa f’dawn il-laqgħat wara l-4 ta’ Awwissu 2004, u kkonkludiet li din il-prova kienet biżżejjed biex jitqies li Repsol kienet tbiegħdet mill-akkordju skont il-perċezzjoni li kellhom il-parteċipanti l-oħra. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma ssuġġettatx lil Repsol għall-istess rekwiżit ta’ prova ta’ tbegħid pubbliku bħal dak li ssuġġettat għalih lill-appellanti, liema ħaġa tixhed applikazzjoni mhux koerenti ta’ dan ir-rekwiżit u tikkostitwixxi nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament.

54

Madankollu, u f’kull każ, minkejja li ġie kkonstatat, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel u tat-tielet aggravji tal-appell, li l-approċċ tal-Qorti Ġenerali dwar ir-rekwiżit ta’ tbegħid pubbliku kien żbaljat fil-liġi, l-iżbalji hekk imwettqa ma jistgħux jiġu invokati utilment mill-appellanti.

55

Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi kkonċiljat mal-osservanza tal-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza The Rank Group, C‑259/10 u C‑260/10, EU:C:2011:719, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, peress li, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel aggravju tal-appell, il-konstatazzjoni tat-tul tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fl-akkordju ġiet meqjusa bħala regolari, it-trattament favorevoli eventwalment inġustifikat mogħti lil Repsol ma jistax iwassal għat-tnaqqis ta’ dan it-tul.

56

Għaldaqstant, it-tieni aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-raba ’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta ’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta ’ individwalità tal-pieni kif ukoll fuq ir-rekwiżit ta ’ motivazzjoni

57

Il-premessa 696 tad-deċiżjoni kkontestata hija redatta kif ġej:

“Ċertu numru ta’ impriżi jsostnu li ma implementawx il-ftehim u jenfasizzaw il-kwantità redotta ta’ ittra bit-tariffi li huma bagħtu jew irċevew. Ċerti impriżi jsostnu li l-aġir tagħhom fis-suq ma kienx influwenzat mill-ftehim. Il-Kummissjoni ma tqisx, fl-ewwel lok, li dawn is-sempliċi dikjarazzjonijiet jikkostitwixxu prova biżżejjed dwar l-assenza tal-implementazzjoni fis-sens tal-linji gwida tal-2006 […]. Il-Kummissjoni, fit-tieni lok, tosserva li l-fatt li jintbagħtu jew li jiġu riċevuti ittri bit-tariffi ma kienx jikkostitwixxi l-uniku strument ta’ implementazzjoni, li prinċipalment kienet isseħħ permezz (ta’ tentattivi) ta’ żidiet tal-prezz regolari kkomunikati fis-suq, ġieli dokumentati mill-provi tal-laqgħat tekniċi.”

58

B’risposta għall-ħames motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq ksur tal-linji gwida tal-2006, f’dak li jikkonċerna l-assenza ta’ implementazzjoni tal-prattiki li jikkostitwixxu ksur allegati, liema assenza tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti abbażi tal-paragrafu 29 ta’ dawn il-linji gwida, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 406 u 407 tas-sentenza appellata, wara li rriproduċiet litteralment il-premessa 696 tad-deċiżjoni kkontestata, irreferiet għall-iżviluppi tagħha dwar l-eżami tat-tieni aggravju tar-rikors u kkonkludiet li l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni relattivi għall-implementazzjoni tal-aggravju mill-appellanti kienu ssostanzjati minn provi biżżejjed.

L-argumenti tal-partijiet

59

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tirrispondi għall-motiv tagħha bbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-provi ekonomiċi minħabba l-fatt li hija kienet aġixxiet konformement mar-regoli tal-kompetizzjoni u li teżamina r-rilevanza u l-kontenut ta’ dawn il-provi. Fil-fatt, l-appellanti kienet ippreżentat lill-Kummissjoni, u sussegwentement lill-Qorti Ġenerali, analiżi ekonomika fil-fond li tkopri l-perijodu ta’ ksur kollu u li turi li hija qatt ma implementat il-ftehim li kienu ġew konklużi waqt il-laqgħat tekniċi. Din l-analiżi qatt ma ssemmiet mhux biss fid-deċiżjoni kkontestata, iżda anki fis-sentenza appellata, filwaqt li l-punti 406 u 407 ta’ din tal-aħħar ma jagħtu ebda risposta lill-argumenti tal-appellanti. F’dan il-kuntest, din tal-aħħar tirrileva li l-argumenti tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni aggravju tar-rikors, li għalih jirreferi l-punt 407 tas-sentenza appellata, jirrigwardaw l-implementazzjoni tal-akkordju fuq livell globali u mhux l-aġir individwali ta’ kull impriża involuta.

60

Prinċipalment, il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju tal-appell huwa inammissibbli, peress li l-appellanti ma tindikax b’mod preċiż l-elementi kritiċi tas-sentenza appellata u lanqas ma tressaq argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku lil din it-talba. Barra minn hekk, b’dan l-aggravju, l-appellanti trid fir-realtà tikseb stħarriġ komplet mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-ħames motiv tar-rikors fl-ewwel istanza.

61

Sussidjarjament, il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti Ġenerali ddedikat il-punti 405 sa 408 tas-sentenza appellata għall-eżami ta’ dan il-ħames motiv u tosserva li dawn il-punti jirreferu għall-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv tar-rikors fl-ewwel istanza. Issa, fil-punti 243 sa 259 ta’ din is-sentenza, li jifformaw parti mill-eżami ta’ dan it-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali kkonfermat ir-raġunament tal-Kummissjoni li jgħid li l-appellanti ma kinitx ressqet il-provi li juru li hija kienet adottat aġir antikompetittiv fis-suq. Barra minn hekk, fil-punti 163 sa 190 tas-sentenza appellata, li jifformaw parti wkoll mill-eżami tal-imsemmi tieni motiv, il-Qorti Ġenerali, li bbażat ruħha fuq provi konkreti, ċaħdet l-argument tal-appellanti li jgħid li din ma implementatx l-akkordju fuq il-prezzijiet.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

62

Bir-raba’ aggravju tal-appell tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tirrispondi l-ħames motiv tar-rikorrenti fl-ewwel istanza bbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-provi tal-aġir allegatament kompetittiv tagħha u, b’mod partikolari, fuq evalwazzjoni ekonomika fil-fond li tkopri l-perijodu kollu tal-ksur.

63

Għandu jiġi kkonstatat li din l-argumentazzjoni toriġina minn qari manifestament żbaljat tas-sentenza appellata, u b’mod iktar partikolari mir-raġunament tal-Qorti Ġenerali msemmi fil-punti 406 u s-segwenti ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, wara li ċċitat litteralment, fil-punt 406 tas-sentenza appellata, il-premessa 696 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni kienet tirreferi, b’mod ġenerali, għall-fatt li “ċertu numru ta’ impriżi” kienu jsostnu li ma implementawx il-ftehim fil-kuntest tal-akkordju inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali rreferiet, fil-punt 407 ta’ din is-sentenza, għall-iżviluppi li għamlet fl-eżami tat-tieni u tar-raba’ partijiet tat-tieni motiv tar-rikors fl-ewwel istanza.

64

Bit-tieni parti ta’ dan il-motiv, l-appellanti kienet qed tallega l-assenza ta’ prova tal-implementazzjoni tal-ftehim ta’ ffissar tal-prezzijiet.

65

Għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 166 sa 185 tas-sentenza appellata, li huma ddedikati għall-eżami ta’ din l-allegazzjoni, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-mezzi ta’ prova mressqa mill-Kummissjoni li jikkonċernaw ukoll il-parteċipazzjoni individwali tal-appellanti fl-implementazzjoni tal-ftehim imsemmija, bħal ittri tat-tariffi skambjati bejn il-parteċipanti fl-akkordju u li jħabbru żieda fil-prezz, ittri li jindikaw, wara arranġamenti konklużi waqt il-laqgħa kollużorja preċedenti, żidiet fil-prezz għall-klijenti kif ukoll dikjarazzjonijiet magħmula f’dan ir-rigward minn parteċipanti fl-akkordju u li jirreferu barra minn hekk għal komunikazzjonijiet telefoniċi bejn rappreżentanti tal-impriżi involuti fl-akkordju biex tiġi żgurata l-implementazzjoni tajba tal-ftehim milħuqa.

66

Wara li rrilevat, fil-punt 189 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha informazzjoni dwar iktar minn 50 laqgħa antikompetittiva bejn l-1992 u l-2005, u li din kienet ippreżentat 343 ittra tat-tariffi tal-appellanti intiżi biex jinformaw lill-klijenti tagħha biż-żidiet tariffarji futuri, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 190 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni kienet ġustament ikkonstatat l-implementazzjoni tal-akkordju mill-appellanti.

67

Bir-raba’ parti tat-tieni motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, l-appellanti kienet qiegħda tallega li adottat aġir fis-suq konformi mar-regoli tal-kompetizzjoni.

68

Issa, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, fil-punti 233 sa 259 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat fid-dettall l-argumentazzjoni tal-appellanti, inkluża r-riferenza għal evalwazzjoni ekonomika tal-politika tal-prezzijiet tagħha. Minbarra l-eżami konkret ta’ dawn l-argumenti, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatt li l-appellanti kienet ipparteċipat fil-maġġoranza ta’ iktar minn 50 laqgħa antikompetittiva li nżammu bejn l-1992 u l-2005, li hija kienet ammettiet li żiedet regolarment il-prezzijiet tagħha, liema ħaġa kienet minnha nnifisha ħjiel ta’ applikazzjoni tal-ftehim konklużi waqt dawn il-laqgħat, u li hija kienet bagħtet f’dan ir-rigward 343 ittra ta’ informazzjoni lill-klijenti tagħha. Għalhekk, din waslet għall-konklużjoni li ċ-ċirkustanzi invokati mill-appellanti ma kinux jippermettu li jiġi konkluż li, matul il-perijodu ta’ tlettax-il sena li matulhom din kienet aderixxiet mal-ftehim li jikkostitwixxu ksur, hija kienet effettivament evitat l-applikazzjoni tagħhom billi adottat aġir kompetittiv fis-suq.

69

Konsegwentement, l-ilment tal-appellanti, li jgħid li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-aġir individwali tagħha iżda eżaminat is-sitwazzjoni tagħha flimkien ma’ dik tal-parteċipanti l-oħra fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-akkordju fuq livell globali, huwa infondat.

70

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-raba’ aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud ukoll.

71

Peress li ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

72

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż skont it-talba tal-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Total Marketing Services SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq