Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0597

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-17 ta’ Settembru 2015.
    Total SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tax-xema’ tal-paraffin – Suq tax-xema’ ratba – Ksur imwettaq minn kumpannija sussidjarja miżmuma 100 % minn kumpannija parent – Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha – Responsabbiltà tal-kumpannija parent li tirriżulta esklużivament mill‑aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha – Sentenza li tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq is-sussidjarja – Effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-kumpannija parent.
    Kawża C-597/13 P.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:613

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    17 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

    “Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tax-xema’ tal-paraffin — Suq tax-xema’ ratba — Ksur imwettaq minn kumpannija sussidjarja miżmuma 100 % minn kumpannija parent — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha — Responsabbiltà tal-kumpannija parent li tirriżulta esklużivament mill‑aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha — Sentenza li tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq is-sussidjarja — Effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-kumpannija parent”

    Fil-Kawża C‑597/13 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-22 ta’ Novembru 2013,

    Total SA, stabbilita f’Courbevoie (Franza), irrappreżentata minn É. Morgan de Rivery u É. Lagathu, avukati,

    rikorrenti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier u P. Van Nuffel, bħala aġenti,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Rosas, E. Juhász (Relatur), D. Šváby u A. Prechal, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Wahl,

    Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2015,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Marzu 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Bl-appell tagħha, Total SA (iktar ’il quddiem “Total”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Total vs Il-Kummissjoni (T‑548/08, EU:T:2013:434, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha intiż, prinċipalment, għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 – Candle Waxes) (sommarju ppubblikat fil-ĠU 2009, C 295, p. 17, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), u, sussidjarjament, għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqha.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

    2

    Is-sentenza appellata tinkludi l-konstatazzjonijiet li ġejjin:

    “1

    Permezz tad-Deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni [Ewropea] kkonstatat li l-appellanti u s-sussidjarja tagħha miżmuma kważi 100 % minnha, jiġifieri Total France SA [(iktar ’il quddiem ‘Total France’)], kienu, flimkien ma’ impriżi oħra, kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Vol. 52, p. 3)], billi pparteċipaw f’akkordju fis-suq tax-xema’ tal-paraffin fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u fis-suq Ġermaniż tax-xema’ ratba.

    2

    Id-destinatarji tad-deċiżjoni [kkontestata] huma l-kumpanniji segwenti: […], kif ukoll l-appellanti u s-sussidjarja tagħha […]

    3

    Ix-xema’ tal-paraffin hija prodotta fir-raffinerija abbażi ta’ żejt mhux maħdum. Hija tintuża għall-produzzjoni ta’ prodotti bħal xemgħat, prodotti kimiċi, tajers u prodotti tal-karozzi, kif ukoll għall-industriji tal-gomma, tal-ippakkettjar, tal-adeżivi u taċ-ċuwingamm (premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata).

    4

    Ix-xema’ ratba hija l-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni tax-xema’ tal-paraffin. Hija prodotta f’raffineriji bħala prodott sekondarju fil-produzzjoni taż-żjut ta’ bażi miż-żejt mhux maħdum. Hija tinbiegħ ukoll lil klijenti finali, pereżempju lil produtturi ta’ particle boards (premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

    5

    Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni tagħha wara li [kumpannija] informataha, b’ittra tas-17 ta’ Marzu 2005, dwar l-eżistenza ta’ akkordju […] (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

    6

    Fit-28 u fid-29 ta’ April 2005, il-Kummissjoni pproċediet, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 (KE) u 82 (KE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), b’verifiki fil-bini ta’ […] Total [France] (premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata).

    7

    F’dak li jikkonċerna lil Total France, il-verifiki twettqu abbażi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ April 2005, li tordna lill-appellanti u lill-impriżi kollha kkontrollati direttament jew indirettament minnha, inkluża Total France, li jissuġġettaw ruħhom għal spezzjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 […]

    8

    Id-deċiżjoni ta’ spezzjoni [tal-Kummissjoni tat-18 ta’ April 2005,] ġiet innotifikata lil Total France fit-28 ta’ April 2005. Din ma ġietx innotifikata lill-appellanti.

    9

    Total France irċeviet talbiet għal informazzjoni mingħand il-Kummissjoni fit-3 ta’ Novembru 2005 u fis-27 ta’ Novembru 2006 u rrispondiet għalihom rispettivament fit-23 ta’ Diċembru 2005 u fit-13 ta’ Diċembru 2006. Fit-30 ta’ Jannar 2007, hija rċeviet domandi kumplimentari mingħand il-Kummissjoni, li din irrispondiet għalihom fl-4 ta’ April 2007.

    10

    Fid-29 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet [lid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata], fosthom l-appellanti u Total France (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata).

    11

    B’ittra tat-13 ta’ Awwissu 2007, l-appellanti ppreżentat osservazzjonijiet bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet […]

    12

    Fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni organizzat seduta li fiha pparteċipat l-appellanti.

    13

    Wara s-seduta, l-appellanti rċeviet diversi talbiet għal informazzjoni mingħand il-Kummissjoni. It-talbiet tal-21 ta’ Diċembru 2007 u tad-29 ta’ Mejju 2008 kienu jirrigwardaw id-dħul mill-bejgħ tal-appellanti u ta’ Total France, b’mod partikolari fis-swieq tax-xema’ tal-paraffin u tax-xema’ ratba. It-talba tal-4 ta’ April 2008 kienet tirrigwarda l-materjalità tal-ksur li kienet ħadet sehem fih Total France. L-appellanti rrispondiet rispettivament fl-20 ta’ Frar, fit-8 ta’ April u fl-10 ta’ Ġunju 2008, filwaqt li indikat li hija ma kinitx taf bil-ksur ilmentat kontra Total France.

    14

    Skont id-deċiżjoni [kkontestata], impjegati ta’ Total France kienu pparteċipaw fil-ksur matul il-perijodu kollu tiegħu. B’hekk il-Kummissjoni żammet lil Total France direttament responsabbli mill-akkordju (premessi 555 u 556 tad-deċiżjoni [kkontestata]). Il-Kummissjoni sostniet li mill-inqas 98 % tal-kapital ta’ Total France kien miżmum mill-appellanti u li seta’ jiġi preżunt, abbażi ta’ dan, li din kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Total France, peress li ż-żewġ kumpanniji jifformaw parti mill-istess impriża (premessi 557 sa 559 tad-deċiżjoni [kkontestata]). B’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali dwar l-identità tal-proprjetarji l-oħra ta’ Total France, l-appellanti ppreċiżat li l-bqija tal-kapital tagħha kien ukoll miżmum minnha, b’mod indirett. B’hekk, matul l-istanza ġie rrilevat li Total France kienet sussidjarja miżmuma 100 % mill-appellanti matul il-perijodu inkwistjoni.

    15

    Il-multi imposti f’dan il-każ ġew ikkalkolati abbażi tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2) […] fis-seħħ fil-mument tan-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet [lid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata].”

    3

    L-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdu:

    Artikolu 1

    L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81(1) (KE) u, mill-1 ta’ Jannar 1994, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, matul il-perijodi indikati, fi ftehim kontinwu u/jew prattika miftiehma fis-settur tax-xema’ tal-paraffin fis-suq komuni u, mill-1 ta’ Jannar 1994, fiż-ŻEE:

    […]

    Total France […]: mit-3 ta’ Settembru 1992 sat-28 ta’ April 2005; u

    Total […]: mit-3 ta’ Settembru 1992 sat-28 ta’ April 2005.

    Fir-rigward tal-impriżi segwenti, il-ksur jikkonċerna wkoll, għall-perijodi indikati, ix-xema’ ratba mibjugħa lil klijenti finali fis-suq Ġermaniż:

    Total France […]: mit-30 ta’ Ottubru 1997 sat-12 ta’ Mejju 2004; u

    Total […]: mit-30 ta’ Ottubru 1997 sat-12 ta’ Mejju 2004.

    […]

    Artikolu 2

    Il-multi segwenti huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

    […]

    Total France […] flimkien u in solidum ma’ Total […]: EUR 128163000.”

    4

    Fil-premessa 577 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-parti l-kbira tal-argumenti ta’ Total kienu bbażati fuq il-kapaċità tas-sussidjarja li taġixxi b’mod awtonomu fil-kuntest tat-tmexxija kurrenti tal-attivitajiet kummerċjali tagħha. Fil-premessa 578 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjonijiet dwar il-kunċett ta’ “azzjoni awtonoma” ta’ sussidjarja, b’mod partikolari l-evalwazzjoni li tgħid li “l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ sussidjarja ma jeħtieġx intervent ta’ kuljum fit-tmexxija tal-operat tas-sussidjarja”.

    5

    F’din l-istess premessa, il-Kummissjoni żiedet is-segwenti:

    “Fil-fatt, [Total] tammetti li tilgħab rwol ta’ koordinazzjoni istituzzjonali u ta’ kontroll tal‑orjentazzjonijiet strateġiċi u għandha s-setgħa li tapprova jew li ma taqbilx mal-investimenti l-iktar importanti jew kull bdil sinjifikattiv tal-attivitajiet fi ħdan il-grupp. Dan juri li [Total], bħala kumpannija parent, għandha interess u tilgħab rwol fil-konfront tas-sussidjarji tagħha bħala azzjonista li tixtieq tipproteġi l-interessi finanzjarji ta’ proprjetà tagħha u l-interessi tagħha fil-qasam tal-istrateġija kummerċjali. [Total] telenka wkoll il-lista ta’ ċerti suġġetti bħall-politika dwar ir-riżorsi umani, iż-żamma tal-kontijiet ikkonsolidati, id-determinazzjoni tal-politika fiskali tal-grupp, u ċerti kompiti oħra operazzjonali orizzontali, bħas-sigurtà industrijali, l-ambjent, l-amministrazzjoni ta’ fondi f’kundizzjonijiet rispettabbli ta’ etika, l-attivitajiet ta’ finanzjament, eċċ, li jaqgħu f’idejn [Total] f’isem il-grupp kollu ”

    6

    Fil-premessi 579 sa 582 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat l-argumenti ta’ Total ibbażati fuq in-nuqqas ta’ sovrappożizzjoni tar-responsabbiltajiet ta’ tmexxija bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja, minħabba li s-sussidjarja qatt ma rċeviet istruzzjonijiet mingħand il-kumpannija parent dwar il-politika li għandha tiġi applikata għall-kummerċjalizzazzjoni tax-xema’ tal-paraffin, li s-sussidjarja qatt ma informat lill-kumpannija parent bl-attivitajiet tagħha fis-suq inkwistjoni u, finalment, li x-xema’ tal-paraffin hija attività marġinali ħafna kemm għas-sussidjarja kif ukoll għall-kumpannija parent. Fil-premessa 585 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-provi mressqa minn Total ma kinux biżżejjed biex jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti li tirriżulta miż-żamma diretta jew indiretta minnha tal-kważi totalità tal-kapital tas-sussidjarja tagħha Total France.

    Is-sentenza kkontestata

    7

    Bir-rikors tagħha ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Diċembru 2008, l-appellanti talbet, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet tikkonċernaha, billi invokat seba’ motivi insostenn tat-talbiet tagħha. Sussidjarjament, hija talbet ukoll it-tneħħija jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha in solidum ma’ Total France, billi invokat żewġ motivi f’dan ir-rigward. Għal dan il-għan, l-appellanti sostniet essenzjalment li hija ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha u li din kellha, b’hekk, aġir awtonomu fis-suq. Konsegwentement, peress li din ma kinitx hija stess involuta fl-akkordju inkriminat, l-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha ma setax jiġi imputat lilha. L-appellanti kienet barra minn hekk ikkontestat it-tul tal-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha, kif ikkalkolat mill-Kummissjoni. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmija motivi kollha.

    8

    Fil-punt 73 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rriproduċiet litteralment l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni esposti fil-premessa 578 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-punti 74 sa 99 tas-sentenza appellata, din eżaminat kull wieħed mill-argumenti ta’ Total dwar l-awtonomija tal-azzjoni tas-sussidjarja tagħha u qieset, fil-punt 102 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet, ġustament, ikkunsidrat li l-appellanti ma kienx irnexxielha tikkonfuta l-preżunzjoni li tgħid li hija kienet teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha.

    9

    Fil-punti 215 sa 219 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti ta’ Total dwar it-tul ta’ parteċipazzjoni fil-ksur tas-sussidjarja ta’ din il-kumpannija u, fil-punt 224 tas-sentenza appellata, din iddeċidiet:

    “Fir-rigward tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li [l-appellanti] ma uriet l-ebda żball jew irregolarità fid-deċiżjoni [kkontestata] li kien jiġġustifika t-tneħħija tal-multa imposta fuqha jew it-tnaqqis tal-ammont tagħha. Hija tikkunsidra wkoll li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-gravità u tul tal-ksur imwettaq [mill-appellanti], l-ammont tal-multa imposta fuq din tal-aħħar huwa xieraq.”

    Is-sentenza Total Raffinage Marketing vs Il-Kummissjoni (T‑566/08)

    10

    Bis-sentenza Total Raffinage Marketing vs Il-Kummissjoni (T‑566/08, EU:T:2013:423), adottata fl-istess jum bħas-sentenza appellata f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali naqset għal EUR 125459842 is-somma tal-multa imposta fuq is-sussidjarja Total France, li Total Raffinage Marketing SA kienet saret l-aventi kawża tagħha, filwaqt li ċaħdet il-bqija tar-rikors li din tal-aħħar kienet ippreżentat parallellament għar-rikors ta’ Total, il-kumpannija parent. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni, fid-determinazzjoni tal-koeffiċjent multiplikatur li jirrifletti t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Total France fil-ksur, kienet kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, billi assimilat perijodu ta’ parteċipazzjoni ta’ 7 xhur u 28 ġurnata għax-xema’ tal-paraffin u perijodu ta’ parteċipazzjoni ta’ 6 xhur u 12-il ġurnata għax-xema’ ratba għall-parteċipazzjoni ta’ sena sħiħa. Min-naħa l-oħra, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma naqsitx bl-istess mod il-multa imposta fuq Total.

    Fuq l-appell

    11

    L-appell huwa bbażat fuq sitt aggravji. Bl-ewwel u t-tielet aggravji tagħha, l-appellanti tosserva li, għalkemm ir-responsabbiltà tagħha hija dderivata b’mod sħiħ minn dik tas-sussidjarja tagħha, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx, fir-rigward tagħha, l-istess tnaqqis fl-ammont tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha bħal dak li bbenefikat minnu din tal-aħħar. B’hekk din taqqlet, mingħajr ebda bażi legali, is-sanzjoni li ġiet imposta fuq l-appellanti. Bit-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tannulla d-deċiżjoni kkontestata minħabba ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Bir-raba’ u s-sitt aggravji tagħha, imqajma sussidjarjament, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’applikazzjoni tas-setgħa ta’ riforma tagħha u fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, biex tiffissa, fir-rigward tagħha, multa tal-istess ammont bħal dak li ġie adottat fir-rigward tas-sussidjarja tagħha.

    12

    Qabel kollox għandu jiġi eżaminat it-tieni aggravju u wara, flimkien, l-ewwel u t-tielet aggravji tal-appell.

    Fuq it-tieni motiv

    L-argumenti tal-partijiet

    13

    Total tilmenta li fl-eżerċizzju tal-istħarriġ tal-legalità tagħha, il-Qorti Ġenerali wettqet żball tal-liġi billi naqset milli tannulla d-deċiżjoni kkontestata minħabba ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma wettqitx l-eżami tal-argumenti mressqa mill-appellanti intiżi biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti ta’ din tal-aħħar fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha.

    14

    Skont Total, il-kuntest ta’ din il-kawża huwa simili għal dak li wassal għas-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 167) u b’hekk teħtieġ, min-naħa tal-Kummissjoni, motivazzjoni msaħħa fir-rigward tar-raġunijiet għalfejn hija kienet tqis li l-provi mressqa mill-appellanti ma kinux suffiċjenti biex jikkonfutaw din il-preżunzjoni. L-appellanti invokat diversi provi għal dan il-għan, bħall-awtonomija tas-sussidjarja tagħha, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni minn din lill-kumpannija parent tal-azzjoni tagħha fis-suq u l-assenza ta’ struzzjonijiet mill-kumpannija parent lis-sussidjarja għat-tmexxija tal-attività tagħha. Issa, il-Kummissjoni ma rrispondietx għal dawn il-provi, liema ħaġa tikkostitwixxi nuqqas ta’ motivazzjoni, jiġifieri l-ksur ta’ formalità essenzjali, li l-Qorti Ġenerali kellha tqajjem ex officio, peress li tali motiv huwa wieħed ta’ ordni pubbliku (ara s-sentenza Siemens et vs Il-Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, EU:C:2013:866, punt 321).

    15

    Fin-nuqqas ta’ possibbiltà li tidentifika l-punti tad-deċiżjoni kkontestata li jimmotivaw b’mod dettaljat il-provi mressqa mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali kellha tqajjem ex officio l-motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u tippronunzja l-annullament tagħha. Minflok ma rrikorriet għal tali metodu, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 75 sa 102 tas-sentenza appellata, tat l-evalwazzjoni tagħha stess għal kull wieħed minn dawn l-elementi, u b’hekk issostitwixxiet ruħha għall-Kummissjoni.

    16

    Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa inammissibbli, minħabba li l-appellanti tipprova, permezz tiegħu, tibdel is-suġġett tat-tilwima hekk kif ġie diskuss quddiem il-Qorti Ġenerali, billi tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv relattiv għan-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Skont il-Kummissjoni, in-natura ta’ ordni pubbliku ta’ motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tippermetti lill-qorti li tinvokah ex officio, iżda ma jfissirx li l-Qorti Ġenerali hija marbuta, inkella tiġi annullata s-sentenza tagħha, li tistħarreġ ex officio l-aspetti kollha tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux quddiemha.

    17

    Il-Kummissjoni tirrileva li l-provi mressqa mill-appellanti, jiġifieri l-awtonomija finanzjarja tas-sussidjarja ta’ din tal-aħħar, il-fatt li din is-sussidjarja għandha l-amministrazzjoni lokali tagħha stess, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha fuq l-azzjoni ta’ din tal-aħħar u d-daqs marġinali tal-attività li lilha kien jikkonċerna l-akkordju li jikkostitwixxi ksur fuq id-dħul mill-bejgħ tal-kumpannija parent, kienu jikkostitwixxu argumenti li kienu tressqu fil-kuntest tar-raba’ motiv tar-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali u kienu jirreferu għal żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, u mhux għal nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Il-Qorti Ġenerali rrispondiet għal dawn il-motivi li kienu intiżi biex jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti. B’hekk, din kellha quddiemha, fil-kuntest tal-eżami ta’ dan il-motiv tar-rikors, mhux kwistjoni ta’ motivazzjoni, iżda kwistjoni ta’ mertu.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    18

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-Unjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità sostantiva li għandha tkun distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, għaliex din tidħol fil-kuntest tal-legalità fl-mertu tal-att ikkontestat (ara s-sentenzi Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑40/12 P, EU:C:2013:768, punt 46).

    19

    F’dan il-każ, l-appellanti kkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali l-evalwazzjoni, fil-punt 578 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-ħjiel li kienet invokat biex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti. Hija sostniet li l-Kummissjoni kienet żbaljat meta ċaħdet il-provi mressqa sabiex tipprova n-nuqqas ta’ influwenza determinanti tagħha fuq l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja tagħha, mingħajr madankollu ma tinvoka li din kienet f’dan ir-rigward kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fid-deċiżjoni kkontestata.

    20

    Għandu jiġi osservat, hekk kif jirriżulta mill-punt 8 ta’ din is-sentenza, li wara li rrepetiet litteralment l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni esposti fil-premessa 578 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 74 sa 99 tas-sentenza appellata, kull wieħed mill-argumenti ta’ Total dwar l-awtonomija ta’ azzjoni tas-sussidjarja tagħha u waslet, fil-punt 102 tas-sentenza appellata, għall-konklużjoni li kien ġustament li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-appellanti ma kienx irnexxielha tikkonfuta l-preżunzjoni msemmija.

    21

    Issa, l-ewwel parti tat-tieni motiv hija bbażata, essenzjalment, fuq l-istess argumenti bħal dawk invokati mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali biex tikkontesta mhux eventwali ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, iżda allegata applikazzjoni żbaljata tal-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti. Madankollu, fl-istadju tal-appell, l-appellanti ma tikkritikax iktar il-fondatezza tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali li jinsab f’dawn il-punti tas-sentenza appellata, iżda tikkontesta biss l-iżball ta’ liġi li din wettqet meta naqset milli tissanzjona l-insuffiċjenza allegata tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward taċ-ċħid tal-provi mressqa mill-appellanti intiżi biex jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti.

    22

    B’hekk, il-parti msemmija tintroduċi, fl-istadju tal-appell, argument ġdid li jikkonsisti fil-kontestazzjoni tan-natura xierqa tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti. Minn dan isegwi li l-parti msemmija għandha titqies inammissibbli, peress li, fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-qrati li jkunu semgħu l-kawża fuq il-mertu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni, C-40/12 P, EU:C:2013:768, punt 52).

    23

    Peress li din l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija inammissibbli, it-tieni parti ta’ dan l-aggravju, li biha l-appellanti tallega lil l-Qorti Ġenerali wettqet sostituzzjoni tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandha tiġi miċħuda wkoll, peress li din tinvolvi neċessarjament eżami tal-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

    24

    Konsegwentement, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud b’mod sħiħ.

    Fuq l-ewwel u t-tielet aggravji

    L-argumenti tal-partijiet

    25

    Total issostni li, peress li r-responsabbiltà stabbilita fir-rigward tagħha u l-kundanna tagħha għall-ħlas in solidum tal-multa kienu joriġinaw mis-sempliċi responsabbiltà tas-sussidjarja tagħha, il-Qorti Ġenerali, billi naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq din is-sussidjarja mingħajr ma wettqet l-istess tnaqqis fir-rigward tal-kumpannija parent tagħha, aggravat is-sanzjoni imposta fuq din tal-aħħar. Fid-dawl ta’ din ir-responsabbiltà ta’ natura kompletament idderivata, id-differenza bejn l-ammonti tal-multi imposti lill-kumpannija parent u lis-sussidjarja tagħha, jiġifieri ammont ta’ EUR 2704158, tikkostitwixxi multa nieqsa minn kull bażi legali. Barra minn hekk, din il-bidla fin-natura tar-responsabbiltà tagħha tirriżulta mis-sentenza appellata mingħajr ma nagħtatilha l-possibbiltà, f’xi mument tal-proċedura, li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan il-punt, liema ħaġa tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

    26

    Skont l-appellanti, is-sitwazzjoni inkwistjoni hija l-istess bħal dik li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Tomkins (C‑286/11 P, EU:C:2013:29), li biha l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonstatat li r-responsabbiltà tal-kumpannija parent kienet purament idderivata u aċċessorja għal dik tas-sussidjarja tagħha u kienet b’hekk tiddependi mir-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar, wettqet l-allinjament tal-ammont tal-multa imposta fuq il-kumpannija parent ma’ dak imnaqqas mill-ammont impost fuq is-sussidjarja tagħha. Issa, is-sitwazzjoni tal-appellanti hija f’dan il-każ dik ta’ kumpannija parent li r-responsabbiltà tagħha hija kompletament idderivata ir-responsabbiltà tas-sussidjarja tagħha. L-appellanti tirrileva li, peress li t-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur inkwistjoni li ġie imputat lilha jista’ jkun biss identiku għal dak imputat fir-rigward tas-sussidjarja tagħha u peress li t-tnaqqis tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha jirriżulta unikament mit-tnaqqis ta’ dan it-tul f’dak li jikkonċerna lil din il-kumpannija waħedha, il-Qorti Ġenerali kellha tagħmel użu mis-setgħa ta’ riforma tagħha, hekk kif kien il-każ fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Tomkins (C‑286/11 P, EU:C:2013:29), u tadatta l-ammont tal-multa imputata lill-kumpannija parent skont l-ammont tal-multa finalment imposta lis-sussidjarja tagħha.

    27

    Total iżżid li kemm is-sentenza appellata kif ukoll is-sentenza Total Raffinage Marketing vs Il-Kummissjoni (T‑566/08, EU:T:2013:423) ingħataw fl-istess jum mill-istess kulleġġ ġudikanti, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali, li ddeċidiet li ma tirriformax il-multa li ġiet imposta fuq l-appellanti, kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn żewġ kawżi li jirrigwardaw l-istess fatti u li jikkonċernaw lil żewġ entitajiet tal-istess impriża. Barra minn hekk, fil-kuntest tas-setgħa ta’ riforma tagħha, il-Qorti tal-Unjoni għandha l-awtorità li tibdel l-ammont tal-multa. Min-naħa l-oħra, din ma għandhiex l-awtorità li tibdel in-natura in solidum u unika tar-responsabbiltà u tal-multa li tirriżulta minnha fir-rigward tal-entitajiet li jifformaw l-istess impriża, meta r-responsabbiltà tal-kumpannija parent tkun esklużivament dipendenti mir-responsabbiltà tas-sussidjarja tagħha. B’hekk, il-Qorti Ġenerali, meta bidlet in-natura in solidum u unika tar-responsabbiltà ta’ Total u tas-sussidjarja tagħha u, konsegwentement, tal-multa imposta fuqha, wettqet żball ta’ liġi.

    28

    Il-Kummissjoni tqis li l-argumentazzjoni tal-appellanti hija infondata, għaliex din hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li tgħid li l-Qorti Ġenerali, meta ċaħdet ir-rikors tal-appellanti, aggravat ir-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar. Issa, meta ċaħdet dan ir-rikors, il-Qorti Ġenerali ħalliet sħaħ kemm ir-responsabbiltà tal-appellanti kif ukoll l-ammont tal-multa fit-totalità tagħha. It-tnaqqis mill-Qorti Ġenerali tal-ammont tal-multa imposta fuq is-sussidjarja ma kellu ebda effett fuq il-firxa tar-responsabbiltà tal-appellanti, li tibqa’ marbuta tħallas l-ammont sħiħ tal-multa.

    29

    Il-Kummissjoni tosserva li s-sempliċi fatt li, għal frazzjoni tal-multa, Total saret l-uniku debitur fil-konfront tal-Kummissjoni ma jikkostitwixxix emenda tal-multa li ġiet imposta fuqha u hija biss il-konsegwenza inevitabbli tad-deċiżjoni adottata mill-Qorti Ġenerali, fis-sentenza Total Raffinage Marketing vs Il-Kummissjoni (T‑566/08, EU:T:2013:423), li tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq il-kodebitur tagħha. B’mod ġenerali, is-sitwazzjoni ta’ kumpannija parent ikkundannata in solidum mas-sussidjarja tagħha ma tistax tiġi distinta minn dik ta’ entitajiet legali oħra li nżammew responsabbli in solidum u jinsabu kodebituri tal-multa imposta. Fil-każ ta’ kundanna in solidum għall-ħlas ta’ multa, it-tnaqqis tal-ammont tagħha minn fuq wieħed mill-kodebituri jagħmel inevitabbilment lill-kodebitur l-ieħor unikament responsabbli għall-ammont korrispondenti għal dan it-tnaqqis.

    30

    Skont il-Kummissjoni, ikun dejjem mixtieq li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jippreżentaw flimkien rikors uniku kontra d-deċiżjoni li timponi multa fuqhom. Meta l-kumpannija parent tagħżel li titlob l-annullament u r-riforma tal-multa tagħha permezz ta’ rikors għaliha stess, ir-riżultat ta’ dan ir-rikors ikun jiddependi mill-argumenti invokati għal dan il-għan u mhux minn eventwali argumenti mressqa mis-sussidjarja tagħha f’rikors parallel. F’kull każ, il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Tomkins (C‑286/11 P, EU:C:2013:29) dwar l-“identiċità tas-suġġett” tar-rikorsi paralleli tal-kumpanniji parent u tas-sussidjarji tagħhom ma humiex sodisfatti f’dan il-każ. Għalkemm huwa minnu li kemm Total kif ukoll is-sussidjarja tagħha kkritikaw quddiem il-Qorti Ġenerali l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tat-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur, madankollu l-Qorti Ġenerali naqqset l-ammont tal-multa lis-sussidjarja abbażi ta’ argumenti li kienu tressqu minnha, iżda mhux mill-kumpannija parent.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    31

    Bl-ewwel u t-tielet aggravji tagħha, l-appellanti tikkontesta l-fatt li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sentenza Total (T‑566/08, EU:T:2013:423) li naqqset il-multa imposta fuq Total France għal EUR 125459842. Hija ssostni li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li rriżultat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Tomkins (C-286/11 P, EU:C:2013:29), il-Qorti Ġenerali kienet marbuta li tnaqqas il-multa msemmija anki f’dak li jikkonċerna lil Total.

    32

    Il-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi. L-għażla tal-awturi tat-Trattati kienet li jintuża l-kunċett ta’ “impriża” bħala referenza għall-awtur ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni li jista’ jiġi ssanzjonat skont l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE u mhux kunċetti oħra, bħall-kunċetti ta’ “kumpannija” jew ta’ “persuna ġuridika”, użati b’mod partikolari fl-Artikolu 54 TFUE (ara s-sentenza Il-Kummissjoni et vs Siemens Österreich et, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punti 41 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    Il-kunċett ta’ impriża jirreferi għal kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità u mill-metodu ta’ finanzjament tagħha. Dan il-kunċett għandu jinftiehem li jirreferi għal entità ekonomika, anki jekk, minn perspettiva legali, din l-unità tkun tikkonsisti minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Meta tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, din ikollha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (ara s-sentenza Il-Kummissjoni et vs Siemens Österreich et, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punti 43 u 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    F’dan il-kuntest, f’ċerti ċirkustanzi, persuna ġuridika li ma hijiex l-awtur ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tista’ madankollu tiġi ssanzjonata għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ persuna ġuridika oħra, meta dawn il-persuni jkunu t-tnejn li huma jifformaw parti mill-istess entità ekonomika u jkunu b’hekk jifformaw l-impriża li kisret l-Artikolu 101 TFUE (ara s-sentenza Il-Kummissjoni et vs Siemens Österreich et, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 45).

    35

    B’hekk, l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent meta din tal-aħħar teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punti 58 u 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Fil-każ fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha, tkun teżisti preżunzjoni konfutabbli li tgħid li l-kumpannija parent teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni imputat ir-responsabbiltà ta’ Total France lil Total u imponiet fuqhom flimkien u in solidum multa ta’ EUR 128163000. Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 10 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali naqset, bis-sentenza tagħha Total Raffinage Marketing vs Il-Kummissjoni (T‑566/08, EU:T:2013:423), il-multa imposta fuq is-sussidjarja Total France għal EUR 125459842.

    38

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’sitwazzjoni fejn ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent tkun purament idderivata minn dik tas-sussidjarja tagħha u li fiha ebda fattur ieħor ma jikkaratterizza individwalment l-aġir ilmentat kontra l-kumpannija parent, ir-responsabbiltà ta’ din il-kumpannija parent ma tistax teċċedi dik tas-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Tomkins, C‑286/11 P, EU:C:2013:29, punti 37, 39, 43 u 49).

    39

    L-applikazzjoni mill-qrati tal-Unjoni tal-prinċipji li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza teħtieġ li jkunu sodisfatti ċerti rekwiżiti proċedurali, b’mod partikolari l-preżentata ta’ rikorsi paralleli mis-sussidjarja u mill-kumpannija parent li jkollhom l-istess suġġett (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Tomkins, C‑286/11 P, EU:C:2013:29, punt 49). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett tal-“istess suġġett” ma jeħtieġx l-identiċità tal-firxa tar-rikorsi ta’ dawn il-kumpanniji u tal-argumenti invokati minnhom (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Tomkins, C‑286/11 P, EU:C:2013:29, punt 43).

    40

    Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, dawn il-kundizzjonijiet kienu sodisfatti. Fil-fatt, l-istess bħall-kumpannija parent u s-sussidjarja inkwistjoni fl-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Tomkins (C‑286/11 P, EU:C:2013:29), kemm Total kif ukoll Total France kienu ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata u dawn ir-rikorsi kellhom l-istess suġġett, sa fejn kienu jikkonċernaw, b’mod partikolari, it-tul tal-ksur.

    41

    Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet biss, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Tomkins (C‑286/11 P, EU:C:2013:29), dwar il-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn kumpannija parent li r-responsabbiltà tagħha tkun totalment idderivata minn dik tas-sussidjarja tagħha, ir-riżultat tar-rikors ippreżentat minn din tal-aħħar, madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenza Areva et vs Il-Kummissjoni (C-247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punti 136 sa 138), jirriżulta li, meta jkunu sodisfatti r-rekwiżiti proċedurali rrilevati fil-punti preċedenti, il-kumpannija parent li r-responsabbiltà tagħha hija totalment idderivata minn dik tas-sussidjarja tagħha għandha, bħala prinċipju, tibbenefika minn eventwali tnaqqis fir-responsabbiltà tas-sussidjarja tagħha li ġiet imputata lilha.

    42

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni r-riżultat tas-sentenza Total Raffinage Marketing vs Il-Kummissjoni (T‑566/08, EU:T:2013:423).

    43

    Minn dan isegwi li l-ewwel u t-tielet aggravji tal-appell huma fondati.

    44

    Konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma wettqitx l-allinjament tal-ammont tal-multa imposta fuq Total ma’ dak tal-multa imposta fuq Total France.

    45

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u anki fid-dawl tas-sentenza mogħtija llum stess fil-Kawża Total Marketing Services vs Il-Kummissjoni (C‑634/13 P, EU:C:2015), ma hemmx lok li jiġu eżaminati r-raba’ sas-sitt aggravji sussidjarji tal-appell.

    46

    B’konformità mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell huwa fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kawża ladarba l-istat tal-atti jippermetti li dan iseħħ. Dan huwa l-każ hawnhekk.

    47

    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 38 sa 44 ta’ din is-sentenza, l-ammont tal-multa imposta fuq Total għandu jitnaqqas għal-livell ta’ dik imposta fuq is-sussidjarja tagħha, Total France, hekk kif iffissat fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Total Raffinage Marketing vs Il-Kummissjoni (T‑566/08, EU:T:2013:423).

    48

    B’hekk, l-ammont tal-multa imposta fuq Total flimkien u in solidum ma’ Total France fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi ffissat għas-somma ta’ EUR 125459842.

    Fuq l-ispejjeż

    49

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    50

    Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1), il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 138(3) tal-istess Regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

    51

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi deċiż, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, li Total għandha tbati tliet kwarti mill-ispejjeż tal-Kummissjoni u mill-ispejjeż tagħha stess esposti fil-kuntest tal-appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-Kummissjoni għandha tbati kwart mill-ispejjeż tagħha stess u ta’ dawk ta’ Total marbuta ma’ dawn iż-żewġ proċeduri.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Total vs Il-Kummissjoni (T‑548/08, EU:T:2013:434) hija annullata sa fejn din ma wettqitx allinjament tal-ammont tal-multa imposta fuq Total SA ma’ dak tal-multa imposta fuq Total Raffinage Marketing SA bis-sentenza Total Raffinage Marketing vs Il-Kummissjoni (T‑566/08, EU:T:2013:423).

     

    2)

    Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

     

    3)

    L-ammont tal-multa imposta fuq Total SA flimkien u in solidum ma’ Total Raffinage Marketing SA fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 – Candle Waxes), huwa ffissat għas-somma ta’ EUR 125459842.

     

    4)

    Total SA għandha tbati tliet kwarti mill-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea u mill-ispejjeż tagħha stess marbuta mal-appell preżenti u mal-proċedura tal-ewwel istanza.

     

    5)

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati kwart mill-ispejjeż tagħha stess u mill-ispejjeż ta’ Total SA marbuta mal-appell preżenti u mal-proċedura tal-ewwel istanza.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq