EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CP0417

Opinjoni tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fit-3 ta’ Marzu 2015.
Livio Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T-401/11 P, EU:T:2014:625) — Servizz pubbliku — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea bbażata fuq nuqqas ta’ istituzzjoni li twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjali tagħha — Uffiċjal deċedut — Dannu morali subit mill-uffiċjal qabel il-mewt tiegħu — Danni materjali u morali subiti mill-membri tal-familja tal-uffiċjal — Kompetenza — Qorti Ġenerali — Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea — Preġudizzju għall-unità tad-dritt tal-Unjoni.
Kawża C-417/14 RX-II.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:593

OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentata fit-3 ta’ Marzu 2015 ( 1 )

Kawża C‑417/14 RX-II

Livio Missir Mamachi di Lusignano

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625) — Servizz pubbliku — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Dannu subit mill-uffiċjal qabel il-mewt tiegħu — Dannu personali tal-qraba tal-uffiċjal li miet — Kompetenza — Qorti Ġenerali — Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea — Arkitettura ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea”

1. 

Fuq proposta tal-Ewwel Avukat Ġenerali, l-Awla għall-eżami mill-ġdid tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, abbażi tal-Artikolu 193(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tibda proċedura ta’ eżami mill-ġdid fir-rigward tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625) ( 2 ).

2. 

Fid-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 2 tad-dispożittiv:

“L-eżami mill-ġdid għandu jsir dwar il-kwistjoni jekk is-sentenza tal-Qorti Ġenerali [...] tippreġudikax l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni sa fejn l-imsemmija Qorti Ġenerali, bħala qorti tal-appell, iddeċidiet li kellha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, bħala qorti tal-ewwel istanza, dwar rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni [Ewropea]

ibbażat fuq nuqqas ta’ istituzzjoni li twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjali tagħha;

ippreżentat minn terzi persuni fil-kapaċità tagħhom ta’ aventi dritt ta’ uffiċjal deċedut kif ukoll fil-kapaċità tagħhom ta’ membri tal-familja ta’ tali uffiċjal; [u]

intiż għal kumpens għad-danni morali sostnuti mill-uffiċjal deċedut stess kif ukoll danni materjali u morali sostnuti minn dawn it-terzi persuni.”

I – Il-kuntest ġuridiku

A – It-Trattat Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

3.

Skont l-Artikolu 256(1) TFUE, ‘‘[i]l-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni fl-ewwel istanza tar-rikorsi msemmija fl-Artikoli 263, 265, 268, 270 u 272, bl-eċċezzjoni ta’ dawk assenjati lil qorti speċjalizzata stabbilita taħt l-Artikolu 257 u ta’ dawk li l-Istatut [tal-Qorti tal-Ġustizzja] jirriserva għall-Qorti tal-Ġustizzja. L-Istatut [tal-Qorti tal-Ġustizzja] jista’ jipprovdi li l-Qorti Ġenerali tkun kompetenti għal kategoriji oħra ta’ rikors”.

4.

Fost l-artikoli differenti elenkati fl-Artikolu 256 TFUE, l-Artikolu 268 TFUE jipprevedi l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li “tittratta każijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kumpens għal danni kif previst fit-tieni u t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 340 [TFUE]” u l-Artikolu 270 TFUE il-kompetenza tagħha li “tiddeċiedi kull tilwima bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha, fil-limiti u taħt il-kondizzjonjijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali [tal-Unjoni Ewropea] u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-oħra ta’ l-Unjoni” (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

B – L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja

5.

Konformement mal-Artikolu 1 tal-Anness 1 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea “għandu jeżerċita fl-ewwel istanza l-kompetenza li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet bejn l-Unjoni u l-impjegati tagħhom skond l-Artikolu 270 [TFUE], inklużi dawk il-kwistjonijiet bejn il-korpi jew aġenziji kollha u l-impjegati tagħhom li fir-rigward tagħhom il-kompetenza hija attribwita lill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea”.

6.

Il-kunflitti eventwali ta’ kompetenza li jistgħu jinqalgħu bejn il-qrati differenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tas-servizz pubbliku huma rregolati mill-Artikolu 8 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.   Fejn xi talba jew att proċedurali ieħor li jkunu indirizzati lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġu preżentati bi żball lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali, dawn għandhom jiġu trasmessi immedjatament minn dan ir-Reġistratur lir-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Bl-istess mod, fejn xi talba jew att proċedurali ieħor li jkunu indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti Ġenerali jiġu preżentati bi żball lir-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dawn għandhom jiġu trasmessi immedjatament minn dan ir-Reġistratur lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali.

2   Fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku isib li mhuwiex kompetenti sabiex jieħu konjizzjoni ta’ kawża li taqa’ fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali, huwa għandu jirriferi l-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti Ġenerali. Bl-istess mod, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali jsibu li kawża taqa’ fil-kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-Qorti mitluba għandha tirriferi l-kawża lil dan ta’ l-aħħar li ma jistax, f’dak il-każ, jiċħad il-kompetenza tiegħu.

3   Fejn quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u l-Qorti Ġenerali jinġiebu kawżi li fihom titqajjem l-istess kwistjoni ta’ interpretazzjoni jew li fihom jitqanqal dubbju dwar il-validità ta’ l-istess att, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, wara li jisma’ l-partijiet, jista’ jissospendi l-proċedimenti sakemm il-Qorti Ġenerali tagħti d-deċiżjoni tagħha.

Fejn quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u l-Qorti Ġenerali jinġiebu kawżi li jkollhom l-istess oġġett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jastjeni milli jassumi l-kompetenza tiegħu sabiex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi l-kawża.”

C – Ir-Regolamenti tal-Persunal

7.

L-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li:

“1.   Uffiċjal huwa assigurat, mid-data ta’ meta jibda s-servizz, kontra r-riskju tal-mard minn fuq il-post tax-xogħol u ta’ aċċident [...].Huwa għandu jikkontribwixxi għan-nefqa ta’ l-assigurazzjoni kontra r-riskji mhux tax-xogħol sa 0.1 % tas-salarju tiegħu.

It-tali regoli għandhom jispeċifikaw liema riskji mhu koperti.

2   Il-benefiċċji pagabbli jkunu kif ġej:

a)

Fil-każ ta’ mewt:

Pagament lill-persuni mniżżla hawn taħt ta’ somma f’daqqa daqs ħames darbiet is-salarju bażiku fis-sena tal-mejjet maħduma b’riferenza għall-ammonti fix-xahar tas-salarju riċevut matul it-tnax il-xahar qabel l-aċċident:

lill-konsorti u t-tfal tal-mejjet skond il-liġi tas-suċċessjoni li tirregola l-proprjetà ta’ l-uffiċjal; madankollu, l-ammont pagabbli lill-konsorti m’għandux ikun anqas minn 25 % tas-somma f’daqqa;

fejn m’hemmx persuni tal-kategorija t’hawn fuq, lid-dixxedenti l-oħra skond il-liġi tas-suċċessjoni li tirregola l-proprjetà ta’ l-uffiċjal;

fejn m’hemmx persuni mill-ebda waħda miż-żewġ kategoriji t’hawn fuq, lill-qraba ta’ warajh [axxendenti] skond il-liġi tas-suċċessjoni li tirregola l-proprjetà ta’ l-uffiċjal;

fejn m’hemmx persuni fl-ebda waħda mit-tliet kategoriji t’hawn fuq, lill-istituzzjoni.

[…]”

8.

Skont l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal “[il]l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollu ġurisdizzjoni f’kull tilwima bejn l-Unjoni u kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal dwar il-legalità ta’ att li jaffettwa ħażin lit-tali persuna fis-sens ta’ l-Artikolu 90(2). F’tilwim ta’ karattru finanzjarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollu ġurisdizzjoni mingħajr limitu”.

II – L-isfond tal-kawża suġġetta għal eżami mill-ġdid

9.

Fit-18 ta’ Settembru 2008, M. Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, uffiċjal tal-Unjoni Ewropea, miet f’ċirkustanzi traġiċi meta kien assenjat mad-delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’Rabat (il-Marokk).

10.

Wara dan il-mewt, missieru, Livio Missir Mamachi di Lusignano, ippreżenta, f’ismu proprju u bħala rappreżentant legali tal-eredi ta’ ibnu, rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jikseb, minn naħa waħda, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Frar 2009, li biha din tal-aħħar kienet ċaħdet it-talba tiegħu ta’ kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-qtil ta’ ibnu u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni li tħallas lilu, kif ukoll lil ulied ibnu, diversi somom bħala kumpens għad-danni materjali u morali li jirriżultaw mill-imsemmi qtil ( 3 ).

11.

Dan ir-rikors huwa bbażat fuq in-nuqqas mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjali u huwa ntiż kemm għall-kumpens għad-dannu morali sostnut mill-uffiċjal innifsu, li r-rikorrenti jitlob f’isem ulied l-uffiċjal deċedut fil-kapaċità tagħhom ta’ aventi kawża, u l-kumpens għad-dannu materjali u morali subit mir-rikorrent u l-ulied l-uffiċjal deċedut fil-kapaċità tagħhom ta’ membri tal-familja ta’ dan tal-aħħar.

12.

Fir-rigward tat-talba għal kumpens għad-danni subiti mir-rikorrenti u ulied l-uffiċjal deċedut, il-Qorti Ġenerali qieset li kienet taqa’ fil-kompetenza tagħha. Hija kkonkludiet li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu jikkonstata li ma kienx kompetenti sabiex jieħu konjizzjoni tagħha. Konsegwentement, kellu jirrinvija l-kawża lilha, konformement mal-Artikolu 8(2) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

13.

Rigward it-talba għal kumpens għad-danni subiti mill-uffiċjal qabel il-mewt tiegħu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, għalkemm kompetenti li jieħu konjizzjoni tagħha, kien ċaħadha b’mod żbaljat bħala inammissibbli fir-rigward tar-regola ta’ “konkordanza” bejn it-talba u l-ilment amministrattiv. Peress li l-kwistjoni ma kinitx, fir-rigward ta’ din it-talba, fi stat li tiġi deċiża, il-Qorti Ġenerali qieset li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li għalih għandha tirrinvija dan l-aspett tar-rikors, kellu neċessarjament jikkonstata li l-Qorti Ġenerali u huwa stess kienu aditi b’kawżi li għandhom l-istess suġġett.

14.

Fil-fatt, il-ġenituri ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, uliedu kif ukoll ħuh u oħtu, wara l-preżentata tal-appell li wassal għas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625), marru quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jiksbu l-kundanna tal-Kummissjoni għar-rimbors tad-danni mhux materjali li huma jqisu li ġew subiti mill-fatt tal-qtil ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano ( 4 ).

15.

Skont il-Qorti Ġenerali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien, konsegwentement, obbligat li jastjeni milli jassumi l-kompetenza tiegħu sabiex il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi fuq dawn il-kawżi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

16.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li qieset li hija kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq it-talbiet kollha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tirrinvija l-kawża kollha lilha stess, bħala qorti tal-ewwel istanza.

III – Analiżi

17.

Konformement mal-qafas stabbilit mill-Awla għall-eżami mill-ġdid fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura, l-analiżi tiegħi se tindirizza, essenzjalment, il-kwistjoni ta’ jekk il-Qorti Ġenerali ippreġudikatx l-unità jew il-konsistenza tad-dritt tal-Unjoni meta ddeċidiet li hija kienet kompetenti sabiex tiddeċiedi, bħala qorti tal-ewwel istanza, fuq rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni bbażat fuq nuqqas ta’ istituzzjoni li twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura protezzjoni għall-uffiċjali tagħha, ippreżentat minn terzi fil-kapaċità tagħhom ta’ aventi kawża ta’ uffiċjal deċedut kif ukoll fil-kapaċità tagħhom ta’ membri tal-familja ta’ tali uffiċjal u intiż għall-kumpens tad-dannu morali subit mill-uffiċjal deċedut stess kif ukoll tad-id-danni materjali u morali lir-rikorrenti sostnew personalment.

18.

Konformement mal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk is-sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi ( 5 ). Huwa biss fil-każ li tali konstatazzjoni ssir li għandi nitratta, it-tieni nett, il-kwistjoni ta’ jekk l-interpretazzjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali tippreġudikax l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni ( 6 ).

A – Fuq l-eventwali żball ta ’ liġi tal-Qorti Ġenerali

1. Osservazzjonijiet preliminari

19.

Qabel kollox, għandhom, minn naħa, jiġu ddeterminati t-tipi differenti ta’ dannu li għalihom intalab il-kumpens kif ukoll il-kapaċità li biha r-rikorrent jaġixxi għal kull wieħed minnhom u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet applikabbli.

20.

L-ewwel nett, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tad-danni, naqbel mat-tipoloġija adottata mill-Qorti Ġenerali abbażi tal-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ( 7 ). Skont din il-kategorizzazzjoni, tliet tipi ta’ dannu jistgħu, bħala regola ġenerali, jkunu kkumpensati mill-persuna responsabbli, jiġifieri:

id-dannu morali subit mill-vittma stess, wara sofferenza fiżika u/jew morali li ġiet qabel mewtha, jekk huwa stabbilit li hija kienet konxja tagħha;

id-dannu materjali subit mill-qraba tal-vittma, li jiddependi mid-dħul li huma kienu jirċievu mid-decujus, u

id-dannu morali subit mill-qraba tal-vittma, minħabba l-eżistenza ta’ rabta affettiva partikolari mad-decujus.

21.

It-talbiet ifformulati mir-rikorrent jaqgħu f’din il-klassifikazzjoni u l-premessi li fuqhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tibbaża l-punt 42 tas-sentenza tagħha jidhru, għaldaqstant, fondati:

id-dannu morali ex haerede, jiġifieri dak subit minn Alessandro Missir Mamachi di Lusignano qabel il-mewt tiegħu, huwa mitlub mill-aventi kawża tiegħi f’din il-kapaċità u mhux f’isimhom proprju. Dan jikkorrispondi għall-ewwel kategorija ta’ dannu identifikat fil-punt preċedenti.

iż-żewġ tipi l-oħra ta’ dannu li l-kumpens tagħhom huwa mitlub, jiġifieri d-dannu materjali tal-ulied u, min-naħa l-oħra, id-dannu morali tal-ulied u tal-missier ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, huma mitluba mir-rikorrent u min-neputijiet tiegħu f’isimhom stess, indipendentement mill-kapaċità tagħhom ta’ aventi kawża. Huwa jikkorrispondu rispettivament għat-tieni u t-tielet kategoriji ta’ dannu identifikat fil-punt preċedenti.

22.

It-tieni nett, rigward id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali t-tnejn eżerċitaw il-kompetenza li hemm fl-Artikolu 270 TFUE f’xi żmien speċifiku tal-istorja tal-integrazzjoni Ewropea.

23.

Madankollu, wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill, 2004/752/KE Euratom, tat-2 ta’ Novembru 2004, li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea ( 8 ), l-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jattribwixxi din lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

24.

Dan l-Artikolu 270 TFUE huwa ta’ importanza kbira peress li jispeċifika li l-kompetenza relattiva għal tilwim bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal hija eżerċitata “fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal”.

25.

Issa, skont l-Artikolu 91(1) tal-imsemmi statut, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa kompetenti għal “kull tilwima bejn l-Unjoni u kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal dwar il-legalità ta’ att li jaffettwa ħażin lit-tali persuna fis-sens ta’ l-Artikolu 90(2)”.

26.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari jirriżulta li ċ-ċavetta għat-tqassim tal-kompetenzi neċessarjament tinsab fl-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet – l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal – sa fejn is-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni timplika li “l-kompetenza ta’ waħda [mill-] qrati sabiex tiddeċiedi fuq rikors teskludi neċessarjament il-kompetenza tal-oħra[jn]” ( 9 ).

2. L-estensjoni tal-kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

27.

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa għaldaqstant kompetenti għal “kull tilwima bejn l-Unjoni u kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal dwar il-legalità ta’ att li jaffettwa ħażin lit-tali persuna fis-sens ta’ l-Artikolu 90(2) [tar-Regolamenti tal-Persunal]” ( 10 ).

28.

Issa, fil-każ tal-mewt ta’ uffiċjal, l-Artikolu 73(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jiggarantixxi l-ħlas ta’ kapital li jkun ekwivalenti għal ħames darbiet is-salarju bażiku fis-sena tiegħu (maħdum b’riferiment għall-ammont tas-salarju ta’ kull xahar li jkun irċieva fit-tnax-il xahar ta’ qabel l-inċident).

29.

Skont il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, l-imsemmi kapital jingħata lill-konjuġi tal-uffiċjal li miet u lil uliedu jew, fin-nuqqas “lill-werrieta [dixxendenti] l-oħra skond il-liġi tas-suċċessjoni li tirregola l-proprjetà ta’ membru tal-persunal” ( 11 ).

30.

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom, fil-fatt, l-għan li “jirregolaw ir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-uffiċjali tagħhom, li jistabbilixxu sensiela ta’ drittijiet u obbligi reċiproċi, u jirrikonoxxu, favur ċerti membri tal-familja tal-uffiċjal, id-drittijiet li jistgħu jsostnu mal-[Unjoni]” ( 12 ).

31.

Għaldaqstant mill-formulazzjoni tal-Artikolu 73(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta indubjament li kemm id-dixxendenti kif ukoll l-axxendenti tal-uffiċjal huma persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri, sabiex nuża l-espressjoni użata mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, “espressament meħuda inkunsiderazzjoni” minnhom ( 13 ).

32.

Konformement mal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa kompetenti sabiex jiddeċiedi “kull tilwima bejn l-Unjoni u kull persuna” u relatata ma’ att tal-Awtorità tal-Ħatra li taffettwah ħażin (bħal deċiżjoni relatata mal-kumpens wara l-mewt ta’ uffiċjal).

33.

Madankollu l-Qorti Ġenerali ċaħdet din it-teżi mressqa quddiemha mill-Kummissjoni għal żewġ raġunijiet:

minn naħa, din l-interpretazzjoni “[t]issuġġetta l-implementazzjoni proċedurali tad-dritt komuni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għal dik tad-dritt partikolari tas-sigurtà soċjali tal-uffiċjali kif previst mir-Regolamenti [tal-Persunal għalkemm ma kinux jeżistu]. Issa, ma teżistix raġuni valida li għaliha l-kompetenza eċċezzjonali tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fir-rigward tal-uffiċjali, għandha b’dan il-mod ikollha prijorità fuq il-kompetenza ġenerali tal-Qorti Ġenerali biex tieħu konjizzjoni ta’ kull kawża li tirrigwarda r-responsabbiltà tal-Unjoni” ( 14 ). Din il-konstatazzjoni hija iktar neċessarja hawnhekk peress li dak li hemm inkwistjoni f’din il-kawża “ma huwiex l-obbligu tal-Kummissjoni għall-ħlas tal-benefiċċji statutorji ggarantiti [...] iżda l-obbligu eventwali tagħha li tikkumpensa għad-danni materjali u morali kollha allegati” ( 15 ),

Min-naħa l-oħra “anki jekk jiġi preżunt li l-argument tal-Kummissjoni huwa applikabbli fil-każ tal-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, ma huwiex hekk fil-każ tar-rikorrent Livio Missir Mamachi di Lusignano nnifsu, peress li dan tal-aħħar ma għandux il-kapaċità ta’ aventi kawża, fis-sens tal-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti [msemmija] fil-preżenza tal-ulied” ( 16 ).

34.

B’dan il-mod, jidhirli li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli.

35.

L-ewwel nett, it-tieni argument ma huwiex rilevanti fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-qorti kompetenti. Fil-fatt, f’din il-kawża, l-elenku fl-Artikolu 73(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ma jservix sabiex jiddetermina l-benefiċjarju tad-dritt previst taħt din id-dispożizzjoni, iżda biss bħala fattur ta’ rabta għall-kriterju ta’ kompetenza ddefinit fl-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan il-kuntest preċiż, il-fatt li l-uffiċjal deċedut kellu ulied ma jeskludix il-fatt li l-axxendenti u d-dixxendenti jkunu wkoll “persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal”, skont l-espressjoni tal-Artikolu 91(1) tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal.

36.

It-tieni nett, ma hijiex kwistjoni li “[t]issuġġetta l-implementazzjoni proċedurali tad-dritt komuni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għal dik tad-dritt partikolari tas-sigurtà soċjali tal-uffiċjali kif previst mir-Regolamenti [tal-Persunal imsemmija]”, iżda, biss li tiġi ddeterminata l-qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar talba li, marbuta mar-responsabbiltà tal-Unjoni, ma hijiex indipendenti mill-kumpens previst mir-Regolamenti tal-Persunal.

37.

Fil-fatt, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-uffiċjal għandu jkun jista’ jikseb kumpens sħiħ ( 17 ). Għaldaqstant għandu dritt “li jitlob kumpens addizzjonali meta l-istituzzjoni hija responsabbli għall-inċident skont id-dritt komuni u li l-benefiċċji tal-iskema tar-Regolamenti tal-Persunal ma humiex biżżejjed sabiex jiżguraw il-kumpens sħiħ għad-dannu subit” ( 18 ).

38.

L-invokazzjoni tad-“dritt komuni” f’din is-sentenza tirreferi sempliċement għar-regoli tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali. Fil-fatt, l-espressjoni hija ntiża għal dak li huwa “residwalment applikabbli għall-każijiet kollha li ma hemmx eċċezzjoni għalihom”, jiġifieri “r-regola ġenerali li għandha, fin-nuqqas ta’ test speċjali jew ta’ deroga partikolari, tirregola tip ta’ kawża”. ( 19 )’F’din il-kawża, id-dritt għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali għaldaqstant jikkostitwixxi d-dritt komuni dwar il-kumpens għal dannu, b’mod oppost għar-Regolamenti tal-Persunal li huma “test speċjali” li jipprevedu skema speċifika ta’ kumpens.

39.

Kuntrarjament għal dak li timplika l-Qorti Ġenerali fil-punti 54 sa 58 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali sempliċement irrikonoxxiet fis-sentenza Leussink vs Il-Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371) id-dritt għal kumpens addizzjonali, mingħajr ma huwa permess li jinġibed xi argument relatat mal-kompetenza tal-qrati tal-Unjoni. F’din il-kawża, din il-kwistjoni ma kinitx tqajmet, peress li s-sentenza ngħatat fi żmien meta l-Qorti tal-Ġustizzja kienet l-unika qorti eżistenti.

40.

Madankollu, għalkemm it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kienx għadu jeżisti fid-data tal-għoti tas-sentenza Lucaccioni vs Il-Kummissjoni (C‑257/98 P, EU:C:1999:402), ir-regola ta’ kompetenza tista’ tiġi dedotta mill-iżviluppi li l-Qorti tal-Ġustizzja ffokat fuq ir-relazzjoni bejn, minn naħa, il-kumpens tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, il-kumpens addizzjonali dovut abbażi tad-“dritt komuni” tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali.

41.

Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, qabel kollox, iddeċidiet li s-sistema ta’ kumpens b’rata fissa prevista fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u dik regolata mill-Artikolu 340 TFUE ma kinux indipendenti ( 20 ). Insegwitu, hija ddeduċiet minn din il-premessa u min-neċessità għall-uffiċjal li jikseb kumpens sħiħ li l-benefiċċji rċevuti taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti kompetenti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu li jista’ jiġi kkumpensat, fil-kuntest tar-rikors għad-danni ppreżentat minn uffiċjal abbażi ta’ nuqqas li jinvolvi r-responsabbiltà tal-istituzzjoni li timpjegah ( 21 ).

42.

Fi kliem ieħor, konformement ma’ din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tista’ tiġi kkwalifikata bħala stabbilita, ma jistax jiġi eskluż “id-dritt tal-uffiċjali u tal-aventi kawża tiegħu li jitolbu kumpens addizzjonali meta l-istituzzjoni hija responsabbli għall-inċident skont id-dritt komuni [tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali] u li l-benefiċċji tal-iskema tar-Regolamenti tal-Persunal ma humiex biżżejjed sabiex jiżguraw il-kumpens sħiħ għad-dannu subit” ( 22 ).

43.

Peress li dan huwa benefiċċju “addizzjonali” u li ż-żewġ sistemi ta’ kumpens ma humiex indipendenti, il-benefiċċji riċevuti taħt ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat id-dannu kkumpensat abbażi tal-Artikolu 340 TFUE, u hija neċessarjament il-qorti kompetenti għall-kumpens prijoritarju ( 23 ) li hija kompetenti għall-kumpens addizzjonali.

44.

F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Avukat Ġenerali Slynn kien tkellem diġà, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi magħquda Leussink vs Il-Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:265), minn “kompetenza residwali sabiex jiġi żgurat, jekk ikun il-każ, il-ħlas ta’ ammonti addizzjonali bħala kumpens għad-dannu subit” ( 24 ).

45.

Issa, peress li l-kumpens addizzjonali, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa rregolat mid-dritt komuni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, il-kumpens prijoritarju huwa neċessarjament dak previst mir-Regolamenti tal-Persunal.

46.

Din il-konklużjoni hija imposta iktar u iktar illum li l-kumpens ta’ prijorità ngħata mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea lil qorti speċjalizzata fis-sens tal-Artikolu 19 TUE, li l-kompetenza tagħha tiddependi fuq il-kapaċità tar-rikorrent (li jirreferu għalih ir-Regolamenti tal-Persunal).

47.

Barra minn hekk, ir-regola ta’ kompetenza li niddefendi tirrispondi mhux biss għal-loġika, iżda wkoll għall-interess tal-ekonomija tal-proċedura rrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet Il-Kummissjoni vs IAMA Consulting ( 25 ).

48.

Bl-istess mod li, “fis-sistema Komunitarja tar-rimedji ta’ dritt tal-Unjoni, il-kompetenza sabiex tiddeċiedi fuq rikors prinċipali timplika l-eżistenza ta’ kompetenza sabiex tiġi deċiża fuq kull kontrotalba mressqa matul l-istess proċedura derivanti mill-istess att jew mill-istess fatt li jifforma s-suġġett tar-rikors” ( 26 ), il-kompetenza sabiex tiddeċiedi fuq talba ta’ prijorità timplika dik sabiex tiddeċiedi fuq kwalunkwe talba addizzjonali li ġejja mill-istess att jew mill-istess fatt.

49.

Il-fatt li t-talbiet magħmula f’din il-kawża jirrigwardaw biss il-benefiċċji addizzjonali ma jibdel xejn f’dan ir-raġunament. Fil-fatt, il-qorti kompetenti ma tistax tvarja skont jekk ir-rikors ikun fih biss talba b’rata fissa (li ddeskrivejt bħala prijoritarja) jew għall-kuntrarju talba waħda addizzjonali, jiġifieri t-tnejn. Il-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi barra minn hekk impliċitament, peress li tammetti li t-talba magħmula f’isem l-uffiċjal deċedut, li madankollu hija ntiża biss għad-dannu morali personali tiegħu li, ma huwiex kopert mir-Regolamenti tal-Persunal, u għaldaqstant regolata mid-dritt għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, taqa’ għaldaqstant fil-kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ( 27 ).

50.

Meta ddeċidiet li “f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, l-uniku kuntest legali ddelimitat mill-Artikoli 268 TFUE u 270 TFUE, l-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti [tal-Persunal], jimponi li jiġi konkluż li l-familjari ta’ uffiċjal deċedut huma neċessarjament obbligati jippreżentaw żewġ rikorsi, wieħed quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-ieħor quddiem il-Qorti Ġenerali, skont jekk dawn jirrigwardawx drittijiet tal-uffiċjal inkwistjoni jew jekk jitolbux kumpens għal dannu materjali jew morali, li jkun personalment għalihom” ( 28 ), il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet iċċitati.

51.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-iżviluppi ulterjuri li l-Qorti Ġenerali tiddedika għall-mod kif issolvi d-duplikazzjoni proċedurali li temmen li għandha tikkonstata.

52.

Fil-fatt, peress li dawn l-iżviluppi tal-Qorti Ġenerali huma bbażati fuq premessa falza, u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa kompetenti għat-talbiet kollha magħmula mir-rikorrent, huma ipso facto ivvizzjati b’dan l-iżball ta’ liġi.

53.

Konformement mal-Artikolu 256(2) TFUE, għandu jiġi ddeterminat ukoll jekk dan l-iżball ta’ dritt relatat mal-interpretazzjoni u mal-applikazzjoni tal-Artikoli 268 TFUE u 270 TFUE, tal-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal jippreġudikax l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

B – Fuq l-eżistenza ta ’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni

1. Il-kriterji ta’ evalwazzjoni

54.

It-tliet sentenzi ta’ eżami mill-ġdid mogħtija sal-lum mill-Qorti tal-Ġustizzja jippermettu li jiġi identifikati erba’ kriterji ta’ evalwazzjoni utli għad-determinazzjoni ta’ preġudizzju eventwali għall-unità u għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tista’ tikkostitwixxi preċedent għal kawżi fil-ġejjieni ( 29 );

il-Qorti Ġenerali tbegħdet minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 30 );

l-iżbalji tal-Qorti Ġenerali jikkonċernaw kunċett li ma jaqax esklużivament taħt id-dritt tas-servizz pubbliku, iżda li huwa applikabbli indipendentement mill-qasam inkwistjoni ( 31 ), u

ir-regoli jew il-prinċipji li l-Qorti Ġenerali kisret għandhom post importanti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 32 ).

55.

Dawn il-kriterji li jistgħu jitqiesu “kollha kemm huma” ( 33 ) u ma humiex kumulattivi u għaldaqstant ma hemmx obbligu li jkunu kollha preżenti sabiex preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni jiġi kkonstatat ( 34 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja stess, fis-sentenza Eżami mill-ġdid Il-Kummissjoni vs Strack ( 35 ), qieset li t-tieni u r-raba’ kriterji elenkati iktar ’il fuq kienet biżżejjed sabiex jikkostitwixxu preġudizzju għall-unità u għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

2. Evalwazzjoni

56.

Fil-kuntest tal-applikazzjoni u tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, tal-Anness 1 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tar-Regolamenti tal-Persunal ikkunsidrati, il-Qorti Ġenerali tbegħdet mill-konsegwenzi proċedurali tad-dritt, għall-uffiċjal u l-membri tal-familja tiegħu msemmija fir-Regolamenti tal-Persunal, li jitolbu kumpens addizzjonali meta l-istituzzjoni hija responsabbli għall-inċident skont id-dritt komuni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali u li l-benefiċċji tal-iskema tar-Regolamenti tal-Persunal ma hijiex biżżejjed sabiex jiżguraw kumpens sħiħ għad-dannu subit.

57.

Iktar speċifikament, dawn il-konsegwenzi ma ġewx evalwati kif xieraq mill-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn iddeċidiet li l-qraba ta’ uffiċjal deċedut kienu neċessarjament marbuta li jippreżentaw żewġ rikorsi, wieħed quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-ieħor quddiem il-Qorti Ġenerali, skont jekk dawn jirrigwardawx drittijiet tal-uffiċjal inkwistjoni jew jekk jitolbux kumpens għal dannu materjali jew morali, li jkun personalment għalihom. Meta għamlet dan, il-Qorti Ġenerali jidhirli li ppreġudikat l-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni għat-tliet raġunijiet li ġejjin.

a) Ir-regoli miksura għandhom post importanti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ir-raba’ kriterju iċċitat iktar ’il fuq)

58.

Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni għandhom importanza partikolari għad-dritt tal-Unjoni.

59.

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat fis-sentenza Eżami mill-ġdid M vs EMEA, dan japplika għal “[b]’mod partikolari, l‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja u l‑Anness tiegħu, [li] jagħmlu parti mid‑dritt primarju” ( 36 ).

60.

Issa, f’din il-kawża, l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikoli 268 TFUE u 270 TFUE, tal-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

61.

Dawn ir-regoli ma humiex biss parti mid-dritt primarju (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal), iżda flimkien huma involuti, barra minn hekk, fid-definizzjoni tal-arkitettura ġudizzjarja tal-Unjoni billi jiddefinixxu l-kompetenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, b’effett ta’ dan, dawk ta’ qrati oħrajn.

62.

Issa, id-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-arkitettura ġudizzjarja huwa involuti fl-implementazzjoni ta’ “sistema ġudizzjarja xierqa għan-natura tal-Unjoni Ewropea, koerenti, effikaċi u aċċessibbli għal-partijiet kollha” ( 37 ), li hija bla dubju wieħed mill-komponenti tal-“Istat tad-dritt”, valur fundamentali li fuqu hija bbażata l-Unjoni skont l-Artikolu 2 TUE u l-preambolu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 38 ).

63.

F’dan ir-rigward, għalkemm qist, fil-kuntest tal-eżami tal-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, li ma kienx neċessarju li jiġu eżaminati l-iżviluppi ulterjuri li l-Qorti Ġenerali ddedikat għall-mod kif issolvi d-duplikazzjoni proċedurali wara l-qsim tal-kompetenzi li għaliha hija waslet, inqis madankollu li r-regola ta’ estensjoni tal-kompetenza proprja tagħha, kif ukoll l-applikazzjoni tagħha fil-kuntest tal-appell li hija adita bih, jikkontribwixxu wkoll għall-preġudizzju għall-unità tad-dritt tal-Unjoni billi taggrava l-ksur tal-arkitettura ġudizzjarja tal-Unjoni kif maħsuba mit-Trattati.

64.

Fil-fatt, dawn l-iżviluppi, ir-regola ta’ proroga tal-kompetenza li tirriżulta minnhom kif ukoll il-konsegwenzi li l-Qorti Ġenerali ġibdet minnhom għall-eżitu tal-appell, jinvolvu l-ksur ta’ regoli li għandhom importanza partikolari fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni sa fejn jiddefinixxu t-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Unjoni u l-mekkaniżmu speċifiku tal-appell.

b) Il-Qorti Ġenerali tbiegħdet minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-tieni kriterju ċċitat iktar ’il fuq)

65.

Meta affermat il-prinċipju ta’ duplikazzjoni proċedurali, il-Qorti Ġenerali ppreġudikat il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni billi tbegħdet mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja.

66.

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-kuntest tal-analiżi tiegħi relatata mal-estensjoni tal-kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, meta t-talba relatata mal-kumpens addizzjonali tħalli l-isfera amministrattiva u ssir kontenzjuża, mhux biss is-sistema ta’ kumpens b’rata fissa prevista fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u dik regolata mill-Artikolu 340 TFUE ma humiex indipendenti ( 39 ), iżda, barra minn hekk, il-kompetenza ta’ waħda mill-qrati sabiex tiddeċiedi fuq rikors teskludi neċessarjament il-kompetenza tal-oħra ( 40 ).

c) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tista’ tikkostitwixxi preċedent għal kawżi fil-ġejjieni (l-ewwel kriterju ċċitat iktar ’il fuq)

67.

Għall-finijiet ta’ kompetenza, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali wkoll tista’ tikkostitwixxi preċedent għal kawżi fil-ġejjieni sa fejn hija tistabbilixxi regola ta’ kompetenza ġenerali favur tagħha, għad-detriment tal-kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

68.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena nqis li, bis-sentenza tagħha Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, UE:T:2014:625), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreġudikat l-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

IV – L-effetti tal-eżami mill-ġdid

69.

L‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 62b tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja jipprovdi li, jekk il‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddikjara li d‑deċiżjoni tal‑Qorti Ġenerali tippreġudika l‑unità jew il‑koerenza tad‑dritt tal-Unjoni, hija għandha tirrinvija l‑kawża quddiem il‑Qorti Ġenerali li tkun marbuta bil‑punti ta’ liġi deċiżi mill‑Qorti tal‑Ġustizzja. Meta tibgħat lura l-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, barra minn hekk, tindika l-effetti tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi fir-rigward tal-partijiet fil-kawża. Bħala eċċezzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ hija nfisha tiddeċiedi b’mod definittiv, jekk is-soluzzjoni tat-tilwima tirriżulta, fid-dawl tar-riżultat tal-eżami mill-ġdid, il-konstatazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

70.

Il-kwistjoni tal-effetti ta’ eżami mill-ġdid qatt ma hija sempliċi. Hija saħansitra inqas sempliċi f’din il-kawża minħabba t-tressiq tat-tieni tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali, wara l-preżentata tal-appell li wassal għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali li hija s-suġġett tal-eżami mill-ġdid (sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni, T‑401/11 P, EU:T:2014:625), iżda tirrigwarda l-konsegwenzi tal-istess fatt kontenzjuż u fil-preżenza, parzjalment, tal-istess rikorrenti (Kawża T‑494/11, Missir Mamachi di Lusignano et vs Il-Kummissjoni). Għalkemm din it-tieni kawża ma tirrigwardax l-eżami mill-ġdid nnifsu fil-veru sens tal-kelma, ser nikkunsidra sabiex inkun eżawstiv il-konsegwenzi proċedurali eventwali ta’ din it-tieni kawża.

A – L-effetti tal-eżami mill-ġdid stricto sensu

71.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 62b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “[hija] ma tistax sempliċement tikkonstata l-preġudizzju fuq il-koerenza u/jew l-unità tad-dritt tal-Unjoni mingħajr ma tislet konsegwenzi minn din il-konstatazzjoni fir-rigward tat-tilwima kkonċernata” ( 41 ).

72.

Fl-ewwel lok, għaldaqstant, hemm lok li tiġi annullata s-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625) sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat ex officio li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux kompetenza biex jieħu konjizzjoni tat-talba għall-kumpens ta’ dannu personali, kemm materjali kif ukoll morali, tar-rikorrent b’mod personalment u tal-ulied ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano u sa fejn iddeċidiet li tirrinvija dan l-aspett tar-rikors lilha stess sabiex tieħu konjizzjoni tagħha bħala qorti tal-ewwel istanza.

73.

Għandha wkoll tiġi annullata s-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625) sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li fiċ-ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, fejn ulied l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal deċedut jitolbu l-kumpens għal diversi danni kkawżati mill-istess att, kemm fil-kapaċità tagħhom ta’ aventi kawża kif ukoll f’isimhom personali u jure proprio, huma liberi li jgħaqqdu dawn it-talbiet sabiex jippreżentaw rikors wieħed quddiem il-Qorti Ġenerali.

74.

Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat it-trattament li għandu jiġi rriżervat lill-appell tal-appellant.

75.

F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li jiġi indikat li l-appellant ibbaża l-appell tiegħu fuq tliet aggravji. L-ewwel aggravju kien l-iżball ta’ liġi mwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku meta aċċetta eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni u ddikjara inammissibbli t-talba għal kumpens għad-dannu morali subit minn Alessandro Missir Mamachi di Lusignano u uliedu. Bit-tieni aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li llimita sa 40 % is-sehem ta’ responsabbiltà tal-Kummissjoni, fl-avveniment ta’ dannu. Bit-tielet aggravju, l-appellant finalment qies li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien ammetta b’mod żbaljat li l-Kummissjoni, fid-dawl tal-benefiċċji tar-Regolamenti tal-Persunal mogħtija lill-ulied ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, kienet irrimborsat integralment id-dannu subit. Peress li segwiet il-loġika tiegħu, il-Qorti Ġenerali llimitat l-eżamini tagħha ta’ dan l-appell biss għall-qasam tal-kompetenza li hija qabel kienet irrikonoxxut lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (jiġifieri t-talba għal kumpens għal dannu morali ex haerede subit minn Alessandro Missir Mamachi di Lusignano), peress li t-talbiet l-oħra tqiesu bħala li jaqgħu fil-kompetenza tagħha stess ( 42 ).

76.

F’dan il-qafas strettament limitat, l-ewwel aggravju ntlaqa’. Dan ifisser li s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ġiet annullata sa fejn laqgħet l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni ( 43 ).

77.

Peress li qies li l-kwistjoni kienet fi stat li tiġi deċiża, il-Qorti Ġenerali, kif awtorizzat mill-Artikolu 13(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, analizzat hija stess din l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u qisitha infondata.

78.

Fl-assenza ta’ eżami mill-ġdid fuq dan il-punt, inqis li dan l-annullament u l-analiżi mill-Qorti Ġenerali tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li kienet ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandhom jitqiesu finali.

79.

Sussegwentement, fir-rigward tal-eċċezzjonijiet l-oħra ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali qieset li l-kawża ma kinitx fi stat li tiġi deċiża ( 44 ).

80.

Madankollu hija qieset li r-rinviju tal-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kienx iġġustifikat sa fejn dan tal-aħħar kellu l-għażla biss li ma jibqax ikun adit bil-kawża favur il-Qorti Ġenerali skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Kawża F-50/09, Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni, u l-Kawża T‑494/11, Missir Mamachi di Lusignano et vs Il-Kummissjoni, li għandha, skontha, l-istess suġġett) ( 45 ).

81.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-analiżi tiegħi tar-regoli applikabbli, hija ser tikkonferma l-kompetenza esklużiva tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors ippreżentat mill-appellanti fil-kawża prinċipali, hija stess, kif ukoll ulied l-uffiċjal deċedut li jirrappreżentawh, peress li huma, “persuni li għalihom japplikaw dawn ir-regoli” fis-sens tal-Artikolu 91(1) tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal.

82.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu għaldaqstant tiġi annullata wkoll is-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625) sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kienet hija li kellha tieħu konjizzjoni, bħala qorti tal-ewwel istanza, tal-eċċezzjonijiet l-oħra ta’ inammissibbiltà invokati mill-Kummissjoni minflok ma tirrinvija dan l-aspett tal-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

83.

Fl-aħħar nett, għandi nindirizza l-kwistjoni tat-trattament li għandhom jingħataw it-tieni u t-tielet aggravji invokati mir-rikorrent insostenn tal-appell tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali.

84.

Fil-fatt, is-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625) kkonkludiet għall-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-intier tagħha, u dan biss abbażi ta’ kwistjoni ta’ kompetenza mqajma ex officio u tal-ewwel aggravju ibbażat, essenzjalment, fuq applikazzjoni ħażina mit-Tribunal għas-Servizz pubbliku tar-regola proċedurali ta’ korrispondenza bejn l-ilment amministrattiv u r-rikors kontenzjuż. L-aggravji l-oħra, konsegwentement, ma ġewx ittrattati.

85.

Issa, kuntrarjament għal dak li rrilevat l-Avukat Ġenerali Kokott waqt il-Kawża C‑579/12 RX-II, ma nistax sfortunatament nafferma li “t-trattament tal-imsemmija aggravji la jeħtieġ konstatazzjonijiet fattwali u lanqas dibattiti ġuridiċi ulterjuri li jistgħu jiġġustifikaw rinviju quddiem il-Qorti Ġenerali” ( 46 ).

86.

Kuntrarjament għal dak li tipprovdi l-aħħar sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-soluzzjoni tat-tilwima ma tirriżultax, fid-dawl tar-riżultat tal-eżami mill-ġdid, mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

87.

Minkejja ċ-ċirkustanzi partikolarment dulurużi tal-fatti li wasslu għal din il-kawża u t-terminu li diġà għadda mill-introduzzjoni tat-tilwima, jien ninsab kostrett li nipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Hija din li għandha tiddeċiedi, bħala qorti tal-appell, fuq it-tieni u t-tielet aggravji invokati mill-appellant qabel ma tirrinvija, min-naħa tagħha, il-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

88.

Fil-fatt, dan tal-aħħar għandu, skont l-interpretazzjoni proposta tar-regoli proċedurali, jiddeċiedi, fi kwalunkwe każ, fuq l-eċċezzjonijiet l-oħra ta’ inammissibbiltà invokati mill-Kummissjoni ab initio u li kienu meqjusa, mill-Qorti Ġenerali stess, bħala li ma kinux fi stat li jiġu deċiżi ( 47 ). Barra minn hekk, jekk ikun il-każ [fil-każ ta’ żball (żbalji) ta’ liġi li ser ikun(u) kkonstatat(i) mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tat-tieni u t-tielet aggravji], jirrevedi s-sentenza tagħha fid-dawl taż-żewġ sentenzi li l-Qorti Ġenerali tat fil-Kawża T-401/11 P.

89.

Madankollu ma nistax ninjora l-kawża Missir Mamachi di Lusignano et vs Il-Kummissjoni (T‑494/11).

B – L-impatt eventwali tal-kawża Missir Mamachi di Lusignano et vs Il-Kummissjoni (T‑494/11)

90.

Kif diġà kelli l-okkażjoni li nsemmi, wara l-introduzzjoni tal-appell fil-kawża li tat lok għas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625), missier l-uffiċjal deċedut u ulied dan tal-aħħar – jiġifieri, ir-rikorrenti fil-Kawża F-50/09 – ressqu, flimkien ma’ omm l-uffiċjal deċedut kif ukoll ħuh u oħtu, tilwima oħra quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jiksbu kumpens għad-dannu morali kkawżat mill-għajbien ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano.

91.

Skont ir-regoli ta’ kompetenza li għalihom wasalt, il-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet ta’ ulied u l-ġenituri tal-uffiċjal deċedut, peress li dawn huma koperti mir-Regolamenti tal-Persunal, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal.

92.

Madankollu, bla ħsara għal eżami bir-reqqa tar-rikors ippreżentat fil-Kawża T‑494/11 każ, it-talbiet imressqa minn missier u ulied l-uffiċjal deċedut jidhru analogi għat-talbiet għal kumpens għad-dannu morali fil-Kawża F‑50/09, kemm abbażi kif ukoll fir-rigward tas-suġġett tat-talba u l-att fl-oriġini tagħha. Huma għandhom, fi kwalunkwe każ, jiġu ddikjarati inammissibbli minħabba lis alibi pendens ( 48 ). Il-Qorti Ġenerali għandha, barra minn hekk, tiddikjara lilha nnifisha inkompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba ta’ omm l-uffiċjal deċedut, hija stess “persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti [tal-Persunal]”.

93.

Madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti għal talbiet ta’ ħu u oħt l-uffiċjal deċedut. Peress li dawn ma humiex “persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal” fis-sens tal-Artikolu 91(1) tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, hija l-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors tagħhom.

94.

Jekk din id-dissoċjazzjoni ta’ kompetenza skont min jagħmel it-talba hija ta’ dispjaċir, ma hijiex mingħajr preċedent fil-kawżi tal-Unjoni ( 49 ).

95.

Madankollu, fil-konfigurazzjoni speċifika li dwarha qed nitratta, meta l-Kawża F‑50/09 tirritorna quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wara li l-Qorti Ġenerali tkun iddeċidiet fuq it-tliet aggravji tal-appell T‑401/11, hija għandha tirrinvija l-kawża skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

96.

Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrikjedi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiċħad il-kompetenza tiegħu u jirrinvija l-kawża li huwa adit biha lill-Qorti Ġenerali meta dawn iż-żewġ qrati jkunu aditi b’kawżi li fihom l-istess suġġett. Issa, jekk ir-rikorrenti ma humiex l-istess – missier (u omm) l-uffiċjal deċedut u t-tfal minn naħa, ħuh u oħtu min-naħa l-oħra – għandi t-tendenza li nqis li l-kawżi għandhom l-istess suġġett peress li huma t-tnejn intiżi li jiksbu l-kumpens għal dannu morali subit minħabba l-għajbien tal-istess qrib, minħabba l-istess aġir tal-istituzzjoni “li timpjega” l-vittma.

97.

Ironija ġudizzjarja, minħabba dan ir-rikors doppju, hija għaldaqstant il-Qorti Ġenerali li, finalment, għandha tieħu konjizzjoni tat-talbiet kollha, kemm fil-Kawża F‑50/09 kif ukoll fil-Kawża T-494.

V – Spejjeż

98.

Skont l-Artikolu 195(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li hija s-suġġett tal-eżami mill-ġdid tkun ingħatat skont l-Artikolu 256(2) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

99.

Fl-assenza ta’ regoli speċifiċi li jirregolaw it-tqassim tal-ispejjeż fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid, fid-dawl tan-natura oġġettiva tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, – miftuħa għall-inizjattiva tal-Ewwel Avukat Ġenerali mhux ta’ wieħed mill-partijiet fl-istanza – nipproponi li l-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjonijiet suġġetti għal eżami mill-ġdid għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati ma’ din il-proċedura.

100.

Din is-soluzzjoni hija barra minn hekk konformi ma’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fl-ewwel żewġ sentenzi ta’ eżami mill-ġdid tagħha, bid-differenza mat-tielet sentenza ta’ eżami mill-ġdid hija spjegata bir-riżultat milħuq mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din l-aħħar kawża ( 50 ).

VI – Konklużjoni

101.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara u tiddeċiedi:

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625) tippreġudika l-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni sa fejn l-imsemmija Qorti Ġenerali, bħala qorti ta’ appell, ddeċidiet li l-qraba ta’ uffiċjal deċedut huma neċessarjament obbligati jippreżentaw żewġ rikorsi, wieħed quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-ieħor quddiem il-Qorti Ġenerali, skont jekk dawn jirrigwardawx drittijiet tal-uffiċjal inkwistjoni jew jekk jitolbux kumpens għal dannu materjali jew morali, li jkun personalment għalihom.

2)

L-imsemmija sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea hija annullata sa fejn ikkonstatat ex officio li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux kompetenza biex jieħu konjizzjoni tat-talba għall-kumpens tad- dannu personali, kemm materjali kif ukoll morali, tar-rikorrent b’mod personalment u tal-familjari ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano u sa fejn iddeċidiet li tirrinvija dan l-aspett tar-rikors lilha stess sabiex tieħu konjizzjoni tagħha bħala qorti tal-ewwel istanza.

3)

L-imsemmija sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea hija annullata sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li fiċ-ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, fejn il-qraba ta’ uffiċjal jew tal-membru tal-persunal deċedut jitolbu l-kumpens għal diversi danni kkawżati mill-istess att, kemm fil-kapaċità tagħhom ta’ aventi kawża kif ukoll f’isimhom personali u jure proprio, huma liberi li jgħaqqdu dawn it-talbiet sabiex jippreżentaw rikors wieħed quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

4)

L-imsemmija sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea hija annullata sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kienet hija li kellha tieħu konjizzjoni, bħala qorti tal-ewwel istanza, tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà invokati mill-Kummissjoni minflok ma tirrinvija dan l-aspett tat-tilwima quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

5)

Il-kawża hija rrinvijata għall-kumplament lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex teżamina t-tieni u t-tielet aggravji invokati minn Livio Missir Mamachi di Lusignano insostenn tal-appell tiegħu qabel ma tirrinvija l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea sabiex dan tal-aħħar jiddeċiedi, għall-inqas, fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà invokati mill-Kummissjoni Ewropea u li ma kinux għadhom eżaminati jew, fil-każ ta’ identità ta’ suġġett mal-Kawża T-494/11, tiċħad il-ġurisdizzjoni tagħha u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

6)

Livio Missir Mamachi di Lusignano u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati mal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Deċiżjoni Eżami mill-ġdid Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (C-417/14 RX, EU:C:2014:2219).

( 3 ) It-talba għal kumpens għaldaqstant ma tirrigwardax il-kumpens imħallas lill-eredi ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano abbażi tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 70 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kummissjoni ħallset lil ulied l-uffiċjal deċedut ir-remunerazzjoni globali tad-deċedut mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Diċembru 2006. Il-Kummissjoni kienet ukoll ħallsithom is-somma ta’ EUR 414308.90, bħala somma f’daqqa mħallsa fil-każ ta’ mewt, skont l-Artikolu 73 tal-imsemmija regolamenti, minħabba l-mewt tal-konjuġi, skont l-Artikolu 25 tal-Anness X tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet lill-erba’ ulied, mill-1 ta’ Jannar 2007, id-dritt għall-pensjoni tal-orfni pprovduta fl-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal (EUR 4376.82 kull xahar) u l-allowance tal-edukazzjoni msemmi fl-Anness VII tar-regolamenti (EUR 2287.19 kull xahar). Barra minn hekk, ingħatat promozzjoni post mortem ngħatat lill-uffiċjal deċedut b’effett retroattiv fl-1 ta’ Settembru 2005 li ttieħdet inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-pensjoni ta’ orfni u tas-somma f’daqqa mħallsa fil-każ ta’ mewt. Fl-aħħar nett, permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni tat lil kull wild, sal-età ta’ 19, għajnuna speċjali ta’ kull xahar għal raġunijiet soċjali, ugwali għall-ammont ta’ allowance għall-ulied dipendenti (EUR 1332.76 kull xahar), u dan abbażi tal-Artikolu 76 tar-Regolamenti tal-Persunal. Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2008, din l-aħħar somma kienet irduppjat mill-1 ta’ Awissu 2008.

( 4 ) Kawża Missir Mamachi di Lusignano et vs Il-Kummissjoni (T-494/11). Din il-kawża ġiet sospiża mill-Qorti Ġenerali pendenti s-sentenza li kellha tingħata fil-Kawża T-401/11. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tibda l-eżami mill-ġdid tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Ottubru 2014, għal darb’oħra ssospendiet din il-kawża pendenti s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 5 ) Skont l-Artikolu 193(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Awla tal-eżami mill-ġdid tiddeċiedi “jekk hemmx lok li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tiġi eżaminata mill-ġdid”. Madankollu din id-dispożizzjoni tispeċifika li “[i]d-deċiżjoni li tiġi eżaminata mill-ġdid id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għandha tindika biss il-kwistjonijiet li għandhom ikunu s-suġġett tal-eżami mill-ġdid (l-enfasi hija tiegħi). L-Artikolu 195(4) tal-imsemmi regoli jikkonferma li huwa biss ladarba ittieħdet id-deċiżjoni ta’ eżami mill-ġdid li l-Awla ta’ eżami mill-ġdid “tiddeċiedi fil-mertu, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali”.

( 6 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Eżami mill-ġdid M vs EMEA (C‑197/09 RX‑II, EU:C:2009:804, punt 25); Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 24), kif ukoll Eżami mill-ġdid Il-Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 25).

( 7 ) Punt 40 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625).

( 8 ) ĠU L 333, p. 7.

( 9 ) Digriet Il-Kummissjoni vs IAMA Consulting (C‑517/03, EU:C:2004:326, punt 15).

( 10 ) Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. L-enfasi hija tiegħi.

( 11 ) Fin-nuqqas ta’ persuni ta’ din il-kategorija, il-kapital għaldaqstant imur lejn l-istituzzjoni stess.

( 12 ) Sentenza Johannes (C‑430/97, EU:C:1999:293, punt 19). L-enfasi hija tiegħi.

( 13 ) Ara l-punt 17 tan-nota tal-osservazzjonijiet ippreżentata mill-Kummissjoni.

( 14 ) Punt 63 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625).

( 15 ) Punt 64 tas-sentrenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625).

( 16 ) Punt 62 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625).

( 17 ) Sentenza Lucaccioni vs Il-Kummissjoni (C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 22).

( 18 ) Sentenza Leussink vs Il-Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371, punt 13), l-enfasi hija tiegħi. Ara wkoll is-sentenza Lucaccioni vs Il-Kummissjoni (C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 22).

( 19 ) Cornu, G. (dir.), Vocabulaire juridique, Presses universitaires de France (PUF), 7 ed., 1988. L -ewwel definizzjoni hija taħt il-kelma “commun” (komuni) u t-tieni taħt il-kelma “principe” (prinċipju). Fil-fatt, f’dan il-ktieb, l-espressjoni “droit commun” (dritt komuni) tirreferi għad-definizzjoni tal-kelma “commun”, li hija stess tirreferi għal fil tal-kelma “principe”. Id-“droit commun” jista wkoll jiġu ddefinit bħala r-“regoli normalment applikabbli fid-dritt privat” (definizzjoni tal-Lexique de termes juridiques, Dalloz, 5 ed., 1981).

( 20 ) Punt 21.

( 21 ) Punt 21.

( 22 ) Sentenza Leussink vs Il-Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371, punt 13), l-enfasi hija tiegħi.

( 23 ) Il-kumpens prijoritarju jipprekludi l-kumpens addizzjonali. Dawn iż-żewġ tipi ta’ kumpens, li, flimkien, jiżguraw kumpens sħiħ. Nippreferi l-isem “kumpens prijoritarju” minn “kumpens prinċipali”, peress li dan tal-aħħar jissuġġerixxi distinzjoni bejn iż-żewġ kumpensi abbażi ta’ ammonti li ma hemmx lok għaliha.

( 24 ) L-enfasi hija tiegħi (p. 2814 tal-Ġabra). Għandu jiġi speċifikat li din is-silta tirreferi għad-dannu subit mill-uffiċjal innifsu. B’danakollu, l-Avukat Ġenerali Slynn iqis ukoll ammissibbli r-rikors ippreżentat parallellament minn mart u ulied l-uffiċjal (p. 2818 tal-Ġabra).

( 25 ) C-517/03, EU:C:2004:326.

( 26 ) Ibidem (punt 17).

( 27 ) Punt 65 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625).

( 28 ) Idem.

( 29 ) Sentenzi Eżami mill-ġdid M vs EMEA (C‑197/09 RX‑II, EU:C:2009:804, punt 62) kif ukoll Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 50).

( 30 ) Sentenzi Eżami mill-ġdid M vs EMEA (C‑197/09 RX‑II, EU:C:2009:804, punt 63) kif ukoll Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 51).

( 31 ) Sentenzi Eżami mill-ġdid M vs EMEA (C‑197/09 RX‑II, EU:C:2009:804, punt 64) kif ukoll Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 52).

( 32 ) Sentenzi Eżami mill-ġdid M vs EMEA (C‑197/09 RX‑II, EU:C:2009:804, punt 65) kif ukoll Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 53).

( 33 ) Sentenza M vs EMEA (C‑197/09 RX‑II, EU:C:2009:804, punt 66).

( 34 ) “[L]-erba’ kunsiderazzjonijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tasal li tikkonstata li l-ksur taż-żewġ regoli proċedurali inkwistjoni [...] kien ikkawża ‘preġudizzju għall-unità u għall-koerenza tad-dritt [tal-Unjoni]’ la huma minimi u lanqas eżawrjenti” (opinjoni tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX‑II, EU:C:2012:733, punt 70).

( 35 ) C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570.

( 36 ) C‑197/09 RX‑II, EU:C:2009:804, punt 65.

( 37 ) Din id-definizzjoni tikkorrispondi għall-għan li Kovar, R., jagħti għall-orgnizzazzjoni mill-ġdid tal-arkitettura tas-sistema ġudiżżjarja tal-Unjoni wqra t-Trattat ta’ Nice (“La réorganisation de l’architecture juridictionnelle de l’Union”, f’ Dony, M., u Bribosia, E. (ed.), L’avenir du système juridictionnel de l’Union européenne, Éditions de l’Université de Bruxelles, Bruxelles, 2002, p. 33 sa 48, speċjalment p. 35).

( 38 ) Mingħajr ma dan jaffettwa l-importanza tiegħu, nirrileva li l-preambolu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tħares lejn l-istat ta’ dritt mhux bħala valur, iżda bħala prinċipju.

( 39 ) Sentenza Lucaccioni vs Il-Kummissjoni (C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 21).

( 40 ) Digriet Il-Kummissjoni vs IAMA Consulting (C‑517/03, EU:C:2004:326, punt 15).

( 41 ) Sentenzi Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 57) kif ukoll Eżami mill-ġdid Il-Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 62).

( 42 ) Punt 80 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625).

( 43 ) Punt 98 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano/Commission (T‑401/11 P, EU:T:2014:625).

( 44 ) Punt 113 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625).

( 45 ) Punti 114 sa 117 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625).

( 46 ) Opinjoni Eżami mill-ġdid Il-Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:573, punt 79).

( 47 ) Punt 113 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625).

( 48 ) Fuq il-kundizzjonijiet tal-lis alibi pendens u l-konsegwenzi tiegħu, ara b’mod partikolari is-sentenzi Hoogovens Groep vs Il-Kummissjoni (172/83 u 226/83, EU:C:1985:355, punt 9) kif ukoll Diezler et vs KES (146/85 u 431/85, EU:C:1987:457, punt 12), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża magħquda Comitato “Venezia vuole vivere”et vs Il-Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P et C‑76/09 P, EU:C:2010:771, punt 52). Ara, wkoll Lenaerts, K., Maselis, I. u Gutman, K., EU Procedural Law, Oxford University Press, 2014, no 25.44.

( 49 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jaqsmu, b’mod partikolari, il-kawżi għall-annullament ibbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE, skont jekk ir-rikors ġiex ippreżentat minn individwu jew minn istituzzjoni pereżempju. Iż-żewġ qrati jaqsmu wkoll il-kompetenza għar-rikorsi għal annullament ippreżentati mill-Istati Membri skont l-istituzzjoni li adottat l-att ikkontestat (ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja).

( 50 ) Fis-sentenza Eżami mill-ġdid Il-Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570), il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, qieset li kienet fi stat li teżamina hija stess l-aggeavji invokati mill-Kummissjoni insotenn tal-appell tagħha. Dwar l-ispejjeż, il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant iddeċidiet li “[f]in-nuqqas ta’ regoli speċifiċi li jirregolaw il-qsim tal-ispejjeż fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid u ġaladarba l-Kummissjoni, b’konsegwenza tal-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali [...] u taċ-ċaħda definittiva tal-appell li hija kienet ippreżentat kontra s-sentenza [tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku], tilfet fil-kuntest tal-imsemmi appell, [kien] jeħtieġ, f’dan il-każ, li tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn G. Strack kemm fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll ta’ din il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid”(punt 71).

Fuq