Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0417

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-10 ta’ Settembru 2015.
    Livio Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T-401/11 P, EU:T:2014:625) — Servizz pubbliku — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea bbażata fuq nuqqas ta’ istituzzjoni li twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjali tagħha — Uffiċjal deċedut — Dannu morali subit mill-uffiċjal qabel il-mewt tiegħu — Danni materjali u morali subiti mill-membri tal-familja tal-uffiċjal — Kompetenza — Qorti Ġenerali — Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea — Preġudizzju għall-unità tad-dritt tal-Unjoni.
    Kawża C-417/14 RX-II.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:588

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    10 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

    “Eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T-401/11 P, EU:T:2014:625) — Servizz pubbliku — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea bbażata fuq nuqqas ta’ istituzzjoni li twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjali tagħha — Uffiċjal deċedut — Dannu morali subit mill-uffiċjal qabel il-mewt tiegħu — Danni materjali u morali subiti mill-membri tal-familja tal-uffiċjal — Kompetenza — Qorti Ġenerali — Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea — Preġudizzju għall-unità tad-dritt tal-Unjoni”

    Fil-Kawża C‑417/14 RX-II

    li għandha bħala suġġett l-eżami mill-ġdid, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(2) TFUE, tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Awla tal-Appell) tal-10 ta’ Lulju 2014, Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625), mogħtija fil-proċedura

    Livio Missir Mamachi di Lusignano, residenti f’Kerkhove Avelgem (il-Belġju),

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas, E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

    Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-deuta tal-25 ta’ Frar 2015,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal L. Missir Mamachi di Lusignano, minn F. Di Gianni, G. Coppo u A. Scalini, avukati,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Curral, G. Gattinara u D. Martin, bħala aġenti,

    wara li rat l-Artikoli 62a u 62b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

    wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Din il-proċedura għandha bħala għan l-eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Awla tal-Appell) tal-10 ta’ Lulju 2014, Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625). Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (F-50/09, EU:F:2011:55), li ċaħdet ir-rikors għad-danni ppreżentat minn Livio Missir Mamachi di Lusignano intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2009, li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea ċaħdet it-talba tiegħu għal kumpens għad-danni materjali u morali li jirriżultaw mill-qtil ta’ ibnu Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, uffiċjal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“uffiċjal deċedut”), u, min-naħa l-oħra, għall-kundanna tal-Kummissjoni li tħallsu, kif ukoll lill-aventi kawża ta’ ibnu, diversi somom bħala kumpens materjali u morali li jirriżultaw minn dan il-qtil.

    2

    L-eżami mill-ġdid jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk is-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625) tippreġudikax jew l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, fil-kapaċità tagħha bħala qorti tal-appell, qieset li kienet kompetenti sabiex tiddeċiedi, bħala qorti tal-ewwel istanza, dwar rikors għad-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni

    ibbażat fuq nuqqas ta’ istituzzjoni li twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjali tagħha,

    ippreżentat minn terzi fil-kapaċità tagħhom ta’ aventi kawża tal-uffiċjal kif ukoll fil-kapaċità tagħhom ta’ membri tal-familja tal-persunal, u li

    huwa intiż għall-kumpens għad-danni morali subiti mill-uffiċjal innifsu kif ukoll id-danni materjali u morali subiti minn dawn it-terzi.

    Il-kuntest ġuridiku

    L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

    3

    L-Artikolu 1 tal-Anness 1 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa miktub kif ġej:

    “It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ l-Unjoni Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku’, għandu jeżerċita fl-ewwel istanza l-kompetenza li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet bejn l-Unjoni u l-impjegati tagħhom skond l-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea, inklużi dawk il-kwistjonijiet bejn il-korpi jew aġenziji kollha u l-impjegati tagħhom li fir-rigward tagħhom il-kompetenza hija attribwita lill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea.”

    4

    L-Artikolu 8 tal-Anness I għall-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedi li:

    “1.   Fejn xi talba jew att proċedurali ieħor li jkunu indirizzati lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġu preżentati bi żball lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali, dawn għandhom jiġu trasmessi immedjatament minn dan ir-Reġistratur lir-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Bl-istess mod, fejn xi talba jew att proċedurali ieħor li jkunu indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti Ġenerali jiġu preżentati bi żball lir-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dawn għandhom jiġu trasmessi immedjatament minn dan ir-Reġistratur lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali.

    2.   Fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku isib li mhuwiex kompetenti sabiex jieħu konjizzjoni ta’ kawża li taqa’ fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali, huwa għandu jirriferi l-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti Ġenerali. Bl-istess mod, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali jsibu li kawża taqa’ fil-kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-Qorti mitluba għandha tirriferi l-kawża lil dan ta’ l-aħħar li ma jistax, f’dak il-każ, jiċħad il-kompetenza tiegħu.

    3   Fejn quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u l-Qorti Ġenerali jinġiebu kawżi li fihom titqajjem l-istess kwistjoni ta’ interpretazzjoni jew li fihom jitqanqal dubbju dwar il-validità ta’ l-istess att, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, wara li jisma’ l-partijiet, jista’ jissospendi l-proċedimenti sakemm il-Qorti Ġenerali tagħti d-deċiżjoni tagħha.

    Fejn quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u l-Qorti Ġenerali jinġiebu kawżi li jkollhom l-istess oġġett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jastjeni milli jassumi l-kompetenza tiegħu sabiex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi l-kawża.”

    Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea

    5

    L-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll is-sistema applikabbli għall-membri tal-persunal l-oħra ta’ dawn il-Komunitajiet, u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, p. 1) hekk kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130), jipprovdi:

    “L-Unjoni għandha tassisti kull uffiċjal, partikolarment fi proċeduri kontra kull persuna li tagħmel theddid, atti jew kliem ta’ insult jew defamatorji, jew kull attakk fuq persuna jew proprjeta’ li għalihom huwa jew membru mill-familja tiegħu huwa suġġett minħabba l-posizzjoni jew id-dmirijiet tiegħu.

    Huma għandhom jikkumpensaw in solidum l-uffiċjal għall-ħsara li sofra fit-tali każijiet, sakemm l-uffiċjal ma kkawżax il-ħsara intenzjonalment jew b’negliġenza gravi u ma kienx kapaċi jikseb kumpens mill-persuna li kkważata.”

    6

    L-Artikolu 73 ta’ dawn ir-regolamenti jipprovdi:

    “1.   Uffiċjal huwa assigurat, mid-data ta’ meta jibda s-servizz, kontra r-riskju tal-mard minn fuq il-post tax-xogħol u ta’ aċċident [...]. Huwa għandu jikkontribwixxi għan-nefqa ta’ l-assigurazzjoni kontra r-riskji mhux tax-xogħol sa 0.1 % tas-salarju tiegħu.

    It-tali regoli għandhom jispeċifikaw liema riskji mhux koperti.

    2.   Il-benefiċċji pagabbli jkunu kif ġej:

    a)

    Fil-każ ta’ mewt:

    Pagament lill-persuni mniżżla hawn taħt ta’ somma f’daqqa daqs ħames darbiet is-salarju bażiku fis-sena tal-mejjet maħduma b’riferenza għall-ammonti fix-xahar tas-salarju riċevut matul it-tnax il-xahar qabel l-aċċident:

    lill-konsorti u t-tfal tal-mejjet skond il-liġi tas-suċċessjoni li tirregola l-proprjetà ta’ l-uffiċjal; madankollu, l-ammont pagabbli lill-konsorti m’għandux ikun anqas minn 25 % tas-somma f’daqqa;

    fejn m’hemmx persuni tal-kategorija t’hawn fuq, lid-dixxedenti l-oħra skond il-liġi tas-suċċessjoni li tirregola l-proprjetà ta’ l-uffiċjal;

    fejn m’hemmx persuni mill-ebda waħda miż-żewġ kategoriji t’hawn fuq, lill-qraba ta’ warajh [lill-axxendenti] skond il-liġi tas-suċċessjoni li tirregola l-proprjetà ta’ l-uffiċjal;

    fejn m’hemmx persuni fl-ebda waħda mit-tliet kategoriji t’hawn fuq, lill-istituzzjoni.

    [...]”

    7

    L-Artikolu 90 ta’ dawn l-istess regolamenti jipprovdi:

    “1.   Kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolament tal-Persunal tista’ tibgħat talba lill-awtorità tal-ħatra biex tieħu deċiżjoni dwaru. L-awtorità għandha tavża l-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni rraġunata tagħha fi żmien erbgħa xhur mid-data ta’ meta ssir it-talba. Jekk fl-aħħar ta’ dak il-perjodu, ma tasal l-ebda tweġiba għat-talba, din titqies li tikkostitwixxi deċiżjoni taċita li ma kenitx aċċettata, li kontriha ilment jista’ jsir skond il-paragrafu li ġej.

    2.   Kull persuna li japplikaw għaliha dawn ir-Regolamenti tal-Persunal tista’ tibgħat ilment lill-awtorità tal-ħatra kontra att li taffettwah ħażin, kemm jekk l-imsemmi awtorità ħadet deċiżjoni, jew fejn naqset li tadotta miżura preskritta mir-Regolamenti tal-Persunal. [...]”

    8

    L-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Il-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] għandu jkollu ġurisdizzjoni f’kull tilwima bejn l-Unjoni u kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal dwar il-legalità ta’ att li jaffettwa ħażin lit-tali persuna fis-sens ta’ l-Artikolu 90(2). F’tilwim ta’ karattru finanzjarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollu ġurisdizzjoni mingħajr limitu.

    2.   Appell lill-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea ] jintlaqa’ biss jekk:

    l-awtorità tal-ħatra qabel kienet irċevit ilment mitfugħ skond l-Artikolu 90(2) fil-perjodu preskritt fih, u

    l-ilment ma kienx aċċettat b’deċiżjonijiet espressi jew b’deċiżjoni taċita.

    3.   L-appelli taħt il-paragrafu 2 għandom isiru fi żmien tliet xhur. [...]”

    L-isfond tal-kawża suġġetta għal eżami mill-ġdid

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    9

    L-uffiċjal deċedut inqatel fit-18 ta’ Settembru 2006 ma’ martu f’Rabat (il-Marokk), fejn kellu jieħu l-kariga ta’ kunsillier politiku u diplomatiku mad-delegazzjoni tal-Kummissjoni. Il-qtil twettaq f’dar bl-għamara mikrija minn din id-delegazzjoni għall-uffiċjal, martu u l-erba’ wliedhom.

    10

    Wara dan l-avveniment, l-ulied tqiegħdu taħt it-tutela tan-nannu paternali tagħhom, ir-rikorrent, u tan-nanna paternali tagħhom.

    11

    Il-Kummissjoni, fost oħrajn, ħallset ukoll lill-ulied tal-uffiċjal deċedut, fil-kapaċità tagħhom ta’ eredi ta’ dan tal-aħħar, il-benefiċċji previsti fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u rrikonoxxiet lil dawn l-ulied id-dritt għal benefiċċji oħra previsti f’dawn l-istess regolamenti.

    12

    Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Frar 2008 indirizzata lill-Kummissjoni, ir-rikorrent wera n-nuqqas ta’ qbil tiegħu fir-rigward tal-ammonti tas-somom imħallsa lill-erba’ neputijiet tiegħu. Peress li d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni b’risposta għal din l-ittra ma ssodisfatux, huwa ppreżenta, permezz ta’ nota tal-10 ta’ Settembru 2008, ilment kontra din id-deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, fejn sostna li l-Kummissjoni kienet responsabbli għal nuqqas amministrattiv, minħabba nuqqasijiet fl-obbligu tagħha li tipproteġi l-persunal tagħha. Huwa sostna wkoll li l-Kummissjoni kienet responsabbli anki mingħajr nuqqas, u, sussidjarjament, il-ksur minnha tal-Artikolu 24 ta’ dawn ir-regolamenti, li skonthom il-Komunitajiet għandhom l-obbligu li jħallsu in solidum id-dannu kkawżat minn terz lill-membri tal-persunal tagħhom. Dan l-ilment ġie miċħud mill-Kummissjoni permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2009.

    Is-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (F‑50/09, EU:F:2011:55)

    13

    Peress li sostna li l-Kummissjoni kienet naqset mill-obbligu tagħha ta’ protezzjoni tal-membru tal-persunal tagħha, ir-rikorrent ippreżenta rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2009 li ċaħdet l-ilment tiegħu u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens, l-ewwel nett, għad-dannu materjali subit minn ulied l-uffiċjal deċedut, f’isimhom, it-tieni nett, għad-dannu morali subit minn dawn l-ulied, f’isimhom, it-tielet nett, għad-dannu morali subit minnu stess bħala missier l-uffiċjal deċedut, f’ismu stess, ir-raba’ nett, għad-dannu morali subit mill-uffiċjal deċedut, f’isem uliedu, peress li dawn huwa l-aventi kawża ta’ missierhom.

    14

    Permezz tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (F‑50/09, EU:F:2011:55), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad l-imsemmi rikors bħal parzjalment infondat, sa fejn jirrigwarda d-danni materjali, u parzjalment inammissibbli, sa fejn jirrigwarda d-danni morali allegati. Ir-rikorrent ippreżenta appell kontra din is-sentenza.

    Is-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625)

    15

    Fis-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625), il-Qorti Ġenerali eżaminat ex officio il-kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jieħu konjizzjoni tar-rikors fl-ewwel istanza. Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali ddistingwiet, fil-punti 20 u 39 sa 42 ta’ din is-sentenza, id-diversi kapijiet ta’ dannu li r-rikorrent talab kumpens għalihom u ppreċiżat il-kapaċità li fiha aġixxa fir-rigward ta’ kull wieħed minnhom. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikorrent jitlob:

    f’isem ulied l-uffiċjal deċedut, il-kumpens għad-dannu materjali subit minnhom, peress li dan id-dannu kien ikkostitwit min-“nuqqas ta’ gwadann tal-uffiċjal maqtul li kienu jirċievu bejn id-data tal-mewt tiegħu u d-data probabbli tal-irtirar mhux volontarju tiegħu”;

    f’isem ulied l-uffiċjal deċedut, il-kumpens għad-dannu morali minnhom, peress li dan id-dannu kien ikkostitwit mit-tbatija li tirriżulta mill-mewt taż-żewġ ġenituri tagħhom kif ukoll mit-trawma kkawżata mill-fatt li kienu xhieda tal-agunija ta’ dawn tal-aħħar;

    f’ismu proprju, il-kumpens għad-dannu morali subit minnu bħala missier l-uffiċjal deċedut, peress li dan id-dannu kien ikkostitwit mit-tbatija li tirriżulta mill-mewt ta’ ibnu, kif ukoll,

    f’isem ulied l-uffiċjal deċedut, peress li dawn jirrappreżentaw lil missierhom, il-kumpens għad-dannu morali subit minn dan tal-aħħar, peress li dan id-dannu kien ikkostitwit mis-sofferenza fiżika subita fil-mument tal-aggressjoni u dak tal-mewt tiegħu, kif ukoll is-sofferenza fiżika li tirriżulta, b’mod partikolari, mill-kuxjenza tal-imminenza tal-mewt.

    16

    Wara li ddikjara ruħu li hija kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq dawn it-talbiet kollha, il-Qorti Ġenerali għamlet, b’mod partikolari, distinzjoni bejn id-dannu subit mill-uffiċjal deċedut, minn naħa, u d-danni subiti minn ulied dan tal-aħħar kif ukoll mir-rikorrent, min-naħa l-oħra.

    17

    Fir-rigward tad-dannu materjali u morali subiti mir-rikorrent u minn ulied l-uffiċjal deċedut, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta ddikjara ruħu kompetenti sabiex jieħu konjizzjoni tar-rikors sa fejn huwa ntiż għall-kumpens ta’ dawn id-danni, u kkonkludiet li l-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiemha sabiex tiġi deċiża bħala qorti tal-ewwel istanza.

    18

    F’dan ir-rgward, il-Qorti Ġenerali, fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-kompetenzi rispettivi tal-Qorti Ġenerali u tat-Tribunal għas-Swervizz Pubbliku, iddeċidiet kif ġej fil-punti 47 sa 53 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625):

    “47

    Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, din id-delimitazzjoni hija bbażata fuq l-istatus personali tar-rikorrent u fuq l-oriġini tat-tilwima, skont ġurisprudenza stabbilita li tgħid li tilwima bejn uffiċjal u l-istituzzjoni li minnha huwa dipendenti jew kien dipendenti tipproċedi, meta toriġina mir-rabta tal-impjieg li torbot jew kienet torbot lill-persuna interessata mal-istituzzjoni, fil-kuntest tal-Artikolu 270 TFUE (li kien l-Artikolu 236 KE) u tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti [tal-Persunal] u tinsab, konsegwentement, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 268 TFUE (li kien Artikolu 235 KE) u 340 TFUE (li kien Artikolu 288 KE), li jirregolaw is-sistema ġenerali tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (sentenzi Meyer-Burckhardt vs Il-Kummissjoni, 9/75, EU:C:1975:131, punt 7; Reinarz vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, 48/76, EU:C:1977:30, punt 10; kif ukoll Allo et vs Il-Kummissjoni, 176/83, EU:C:1985:290, punt 18, u d-digriet Pomar vs Il-Kummissjoni, 317/85, EU:C:1987:267, punt 7, sentenza Polinsky vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-1/02, EU:T:2004:298, punt 47).

    48

    Madankollu, l-imsemmija ġurisprudenza ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk huwiex quddiem il-Qorti Ġenerali jew quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li l-qraba [tal-uffiċjal deċedut] kellhom iressqu t-talba tagħhom għall-kumpens għad-dannu personali, kemm materjali kif ukoll morali, li huma jqisu li ġarrbu. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, fil-fatt, din il-ġurisprudenza ma ssemmix b’mod speċifiku li l-każ ta’ tilwima (i) bejn uffiċjal jew ex uffiċjal u l-istituzzjoni li minnha jiddependi jew kien jiddependi u (ii) li toriġina mir-rabta tal-impjieg li torbot jew li kienet torbot, u għaldaqstant hija biss parzjalment applikabbli fil-każ ta’ tilwima li ssib ċertament toriġina mir-rabta tal-impjieg, iżda li topponi mhux uffiċjal jew ex uffiċjal, iżda qarib terz, membru familjari tiegħu jew li jinvoka d-drittijiet tiegħu, u l-istituzzjoni li minnha jiddependi jew kien jiddependi dan l-uffiċjal.

    49

    Jekk dan it-terz għandux id-drittijiet tal-uffiċjal jew tal-ex uffiċjal ikkonċernat, u għaldaqstant jekk jaġixxix fil-kwalità ta’ aventi kawża tiegħu, li jaġixxi f’din il-kwalità, sabiex tibbenefika s-suċċessjoni, il-kumpens ta’ dannu tal-uffiċjal innifsu, tali traspożizzjoni hija meħtieġa, billi l-kawża tibqa’, minkejja d-devoluzzjoni tas-suċċessjoni li sseħħ, tilwima bejn uffiċjal u l-istituzzjoni li minnha kien jiddependi, li toriġina fir-rabta tal-impjieg li kienet torbothom.

    50

    F’dan il-każ, din il-kunsiderazzjoni tiswa fir-rigward it-tieni dannu mitlub mir-rikorrent, kif indikat fil-punt 20 iktar ’il fuq, jiġifieri d-dannu morali ex haerede, subit [mill-uffiċjal deċedut] bejn il-mument tal-aggressjoni tiegħu u dak ta’ mewtu. F’dan is-sens, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrileva ġustament, fl-aħħar sentenza tal-punt 116 tas-sentenza appellata, li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 iktar ’il fuq kienet applikabbli għal tilwima bejn l-aventi kawża ta’ uffiċjal deċedut jew ir-rappreżentant legali tagħhom u l-istituzzjoni li minnha dan l-uffiċjal kien dipendenti.

    51

    Min-naħa l-oħra, jekk l-imsemmi terz jaġixxi bil-għan li jikseb kumpens għal dannu li huwa personali, kemm jekk dan id-dannu jkun materjali u kemm jekk morali, tali traspożizzjoni tal-ġurisprudenza inkwistjoni ma hija ġġustifikata la mill-kontenut tagħha u lanqas mill-kunsiderazzjonijiet ta’ prinċipju li jkunu ispirawha. Anki jekk jiġi ammess li tali tilwima toriġina mir-rabta tal-impjieg bejn l-uffiċjal ikkonċernat u l-istituzzjoni, il-kundizzjoni suġġettiva personali, marbuta mal-istatus tal-uffiċjal proprjetarju tad-drittijiet inkwistjoni, fi kwalunkwe każ hija nieqsa u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, għaldaqstant, fil-prinċipju, ma huwiex kompetenti ratione personae biex jieħu konjizzjoni tagħha taħt l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti.

    52

    Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, is-sentenza [Il-Kummissjoni vs Petrilli (T‑143/09 P, EU:C:2010:531)] tikkonferma din l-analiżi u tesponi r-raison d’être tagħha. Fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kontenzjuż fil-qasam tas-servizz pubbliku skont l-Artikolu 236 KE (li sar Artikolu 270 TFUE) u l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti, inkluż dak intiż għall-kumpens għal dannu kkawżat lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal, isegwi regoli partikolari u speċjali meta mqabbel ma’ dawk li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 235 KE (li sar l-Artikolu 268 TFUE) u tal-Artikolu 288 KE (li sar l-Artikolu 340 TFUE). Skont il-Qorti Ġenerali, fil-fatt, meta taġixxi bħala persuna li timpjega, l-Unjoni hija suġġetta għal responsabbiltà ikbar, li timmanifesta ruħha b’obbligu li tikkumpensa d-danni kkawżati lill-persunal tagħha għal kull illegalità mwettqa f’din il-kwalità, minkejja, skont id-dritt komuni, li hija obbligata li tikkumpensa biss id-danni kkawżati minn ksur ‘suffiċjentement ikkaratterizzat’ minn regola tad-dritt (ġurisprudenza stabbilita wara s-sentenza [Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361]).

    53

    Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet tas-sistema partikolari u speċjali tar-responsabbiltà ikbar tal-Unjoni fid-dawl tal-persunal tagħha, iġġustifikata b’mod partikolari mir-relazzjoni tal-impjieg, bid-drittijiet tiegħu, u l-obbligi speċifiċi bħad-dmir ta’ premura, u b’relazzjoni ta’ fiduċja li għandha teżisti bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom, fl-interess ġenerali, huma nieqsa fil-każ ta’ terzi mhux uffiċjali. Anki fir-rigward tal-eqreb membri tal-familja ta’ uffiċjal, u bla ħsara għall-benefiċċji soċjali bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 76 tar-Regolamenti [tal-Persunal], il-ġurisprudenza ma tirrikonoxxix l-eżistenza ta’ dmir ta’ premura tal-istituzzjonijiet lejnhom (sentenza [Leussink et vs Il‑Kummissjoni, 169/83 u 136/84, EU:C:1986:371], punti 21 sa 23).”

    19

    Il-Qorti Ġenerali qieset li dan l-orjentament tal-ġurisprudenza ġie kkonfermat b’deċiżjonijiet oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 55 sa 59 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625), stabbiliet il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

    “55

    B’hekk, fid-digriet Fournier vs Il‑Kummissjoni, [(114/79 à 117/79, EU:C:1980:124)], iċċitat iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja vvalidat, fil-prinċipju tagħha, tal-inqas b’mod impliċitu, il-fatt li l-membri tal-familja ta’ uffiċjal li jaġixxu ‘fuq bażi spontanja’ u li jitolbu l-kumpens għal dannu subit ‘personalment’, għandhom jirrikorru għall-Artikolu 178 [tat-Trattat KEE] (li sar l-Artikolu 268 TFUE) minflok l-Artikolu 179 KEE [tat-Trattat KEE] (li sar l-Artikolu 270 TFUE).

    56

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din l-għażla fis-sentenza [Leussink et vs Il‑Kummissjoni, (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371)], f’kuntest fejn ir-rikorrenti kienu espressament ibbażaw ir-rikors għad-danni tagħhom fuq bażi legali differenti skont jekk kinux jew le uffiċjali, jiġifieri l-Artikolu 179 [tat-trattat KEE] għas-Sur Leussink u l-Artikoli 178 [tat-Trattat KEE] u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 215 [tat-Trattat KEE], għall-konjuġi u l-ulied tiegħu.

    57

    Fil-konklużjonijiet tiegħu għas-sentenza [Leussink et vs Il‑Kummissjoni (169/83 et 136/84, EU:C:1986:371)], l-Avukat Ġenerali Sir Gordon Slynn irrikonoxxa li r-rikors tal-familja kien ġie korrettament ibbażat fuq l-Artikoli 178 [tat-Trattat KEE] u 215 [tat-Trattat KEE], billi kien jirrigwarda d-danni separati subiti minnha u li ma kienx jikkonċerna tilwima bejn uffiċjal u l-istituzzjoni tiegħu.

    58

    Mingħajr ma qatgħet formalment din il-kwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu vvalidat l-għażla tal-invokazzjoni tal-Artikolu 178 [tat-Trattat KEE], minflok l-Artikolu 179 KEE, fir-rigward tal-familja tal-uffiċjal, fil-punt 25 tas-sentenza [Leussink et vs Il‑Kummissjoni , 169/83 u 136/84, EU:C:1986:371)], iċċitata iktar ’il fuq, filwaqt li hija qieset li t-tilwima kienet issib ’l-oriġini tagħha fir-relazzjoni bejn l-uffiċjal u l-istituzzjoni’. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod espliċitu bbażat id-deċiżjoni tagħha dwar l-ispejjeż fuq l-Artikolu 69 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jiġifieri d-dispożizzjoni applikabbli għar-rikorsi ta’ individwi li ma humiex uffiċjali.

    59

    Fl-aħħar nett, permezz tas-sentenza Vainker vs Il‑Parlament, [(T‑48/01, EU:T:2004:61)], il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tas-Sinjura Vainker bħala infondat, billi bbażat ruħha fuq il-preċedent tas-sentenza [Leussink et vs Il-Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371)], u billi vvalidat b’mod impliċitu l-għażla tal-Artikolu 235 KE bħala bażi legali adegwata ta’ dan ir-rikors.”

    20

    Fir-rigward tal-possibbiltà għall-aventi kawża tal-uffiċjal deċedut li jippreżenta rikors abbażi tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti Ġenerali kkonstatat kif ġej fil-punti 61 sa 65 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625):

    “61   Ċertament, il-possibbiltà, saħansitra l-obbligu, għall-aventi kawża ta’ uffiċjal deċedut, li jippreżentaw rikors fuq il-bażi tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti [tal-Persunal], bil-għan li jiġi rrikonoxxut il-benefiċċju tal-ħlasijiet previsti fl-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti, diġà ġie rrikonoxxut mill-qorti tal-Unjoni mill-inqas b’mod impliċitu (sentenza [Bitha vs Il‑Kummissjoni, T‑23/95, EU:T:1996:3]; sentenza [Klein vs Il‑Kummissjoni, EU:F:2009:3]; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet [Hotzel-Wagenknecht vs Il‑Kummissjoni, T‑145/00, punt 17).

    62   Madankollu, l-ewwel nett, dan l-argument huwa validu biss għall-aventi kawża speċifikament indikati fl-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti [tal-Persunal], jiġifieri l-konjuġi u l-ulied jew, fin-nuqqas ta’ dawn, id-dixxendenti l-oħra jew, fin-nuqqas tagħhom, id-dixxendenti l-oħra jew, fin-nuqqas tagħhom, l-axxendenti jew fl-aħħar, fin-nuqqas tagħhom, l-istituzzjoni nnifisha. B’hekk, f’dan il-każ, anki jekk jiġi preżunt li l-argument tal-Kummissjoni huwa applikabbli fil-każ tal-erba’ wlied [tal-uffiċjal deċedut], ma huwiex hekk fil-każ tar-rikorrent Livio Missir Mamachi di Lusignano nnifsu, peress li dan tal-aħħar ma għandux il-kwalità ta’ aventi kawża, fis-sens tal-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti [tal-Persunal] fil-preżenza tal-ulied. Dan ma huwiex iktar fil-każ tal-omm, ta’ ħu u ta’ oħt Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, li huma rikorrenti fil-każ parallel T-494/11.

    63   It-tieni nett, dan l-argument jissuġġetta l-implementazzjoni proċedurali tad-dritt komuni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għal dik tad-dritt partikolari tas-sigurtà soċjali tal-uffiċjali kif previst mir-Regolamenti. Issa, ma teżistix raġuni valida li għaliha l-kompetenza eċċezzjonali tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fir-rigward tal-uffiċjali, għandha b’dan il-mod ikollha prijorità fuq il-kompetenza ġenerali tal-Qorti Ġenerali biex tieħu konjizzjoni ta’ kull kawża li tirrigwarda r-responsabbiltà tal-Unjoni.

    64   It-tielet nett, fl-aħħar, anki fir-rigward tal-erba’ wlied [tal-uffiċjal deċedut], dak li qed jiġi ttrattat f’dan il-każ ma huwiex l-obbligu tal-Kummissjoni għall-ħlas tal-benefiċċji statutorji ggarantiti, liema benefiċċji, barra minn hekk, diġà tħallsu lill-persuni kkonċernati, iżda l-obbligu eventwali tagħha li tikkumpensa għad-danni materjali u morali kollha allegati. Il-Qorti Ġenerali tfakkar, f’dan ir-rigward, li r-rikorrent isostni b’mod speċifiku, fil-kuntest tat-tielet aggravju tal-appell, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta ħa inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kumpens ta’ dawn id-danni, l-imsemmija benefiċċji statutorji rrikonoxxuti lill-ulied [l-uffiċjal deċedut]. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx possibbli li regola ta’ kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tiġi bbażata fuq id-dispożizzjoni tal-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti [tal-Persunal], filwaqt li jiġi preċiżament allegat li l-imsemmi artikolu ma jikkostitwixxix il-bażi tar-rikors ippreżentat fl-isem tal-erba’ wlied [tal-uffiċjal deċedut].

    65   Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, l-uniku kuntest legali ddelimitat mill-Artikoli 268 TFUE u 270 TFUE, l-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti [tal-Persunal], jimponi li jiġi konkluż li l-familjari ta’ uffiċjal deċedut huma neċessarjament obbligati jippreżentaw żewġ rikorsi, wieħed quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-ieħor quddiem il-Qorti Ġenerali, skont jekk dawn jirrigwardawx drittijiet tal-uffiċjal inkwistjoni jew jekk jitolbux kumpens għal dannu materjali jew morali, li jkun personalment għalihom.”

    21

    Sabiex tiġi evitata “dupplikazzjoni proċedurali” il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 73 u 74 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625), fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u fil-preżenza ta’ raġunijiet imperattivi marbuta maċ-ċertezza legali, mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, mal-ekonomija tal-ġudizzju u mal-prevenzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji konfliġġenti, li, fejn l-aventi kawża ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal deċedut jitolbu l-kumpens ta’ diversi danni kkawżati mill-istess att, kemm fil-kapaċità tagħhom ta’ aventi kawża kif ukoll f’isimhom personali u jure proprio, huma liberi li jgħaqqdu dawn it-talbiet biex jippreżentaw rikors uniku. Il-Qorti Ġenerali żiedet li dan ir-“rikors uniku” għandu jiġi ppreżentat quddiemu stess, peress li din tal-aħħar ma hijiex biss il-qorti “ġeneralista”, u li għandha fuq din il-bażi “ġurisdizzjoni sħiħa”, bil-kontra tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li huwa l-“qorti ta’ eċċezzjoni”, iżda hija wkoll il-qorti ta’ grad superjuri mqabbel ma’ dan tal-aħħar.

    22

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 75 u 76 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625), tirrileva b’mod partikolari li, jekk, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, il-qraba ta’ uffiċjal deċedut kienu obbligati jippreżentaw żewġ rikorsi, il-Qorti Ġenerali u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kienu fl-istess ħin ikunu aditi b’kawżi bl-istess talba. F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu immedjatament jastjeni milli jassumi l-kompetenza tiegħu sabiex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi l-kawża. Il-Qorti Ġenerali qies li, fil-punti 77 u 78 ta’ din is-sentenza, li, f’dan il-każ, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku “ma għandux kompetenza ab initio” sabiex jieħu konjizzjoni tar-rikors ippreżentat mir-rikorrent, ħlief fir-rigward tat-talba għall-kumpens tad-dannu morali subit mill-uffiċjal deċedut. Konsegwentement, fil-punt 78 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux kompetenza sabiex jieħu konjizzjoni tat-talba għall-kumpens ta’ danni subiti mir-rikorrent u minn ulied l-uffiċjal deċedut, u annullat, f’dan ir-rigward, is-sentenza appellata.

    23

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, fil-punti 102 u 103 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625), li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu jikkonstata li ma kellux kompetenza sabiex jieħu konjizzjoni tat-talba għal kumpens għad-danni subiti mir-rikorrent u ulied l-uffiċjal deċedut u, insegwitu, li tiġi rrinvijata lilha, konformement mal-Artikolu 8(2) tal-Anness 1 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Peress li t-tilwima kienet, f’dan il-każ, fi stat li tiġi deċiża, il-Qorti Ġenerali qieset li kellha tiġi rrinvijata lilu stess dan l-aspett tar-rikors, sabiex tieħu konjizzjoni tiegħu bħala qorti tal-ewwel istanza.

    24

    Fir-rigward tad-dannu subit mill-uffiċjal deċedut u li r-rikorrent jitlob kumpens għalih f’isem uliedu, il-Qorti Ġenerali, wara li fakkret, fil-punt 80 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, UE:T:2014:625), li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu kompetenza sabiex jieħu konjizzjoni ta’ din it-talba, eżaminat, fil-punti 81 sa 98 ta’ din is-sentenza, l-appell. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, billi laqa’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għall-finijiet li tiġi kkontestata l-ammissibbiltà tal-imsemmija talba, kien wettaq żball ta’ liġi u, konsegwentement, annullat, f’dan ir-rigward, Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (F‑50/09, EU:F:2011:55).

    25

    Fil-punti 113 sa 117 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625), il-Qorti Ġenerali qieset li, f’dak li jikkonċerna din l-istess talba, li l-kawża ma kinitx fi stat li tiġi deċiża, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kienx ħa pożizzjoni fuq l-eċċezzjonijiet l-oħra ta’ inammissibbiltà imqajma mill-Kummissjoni, u li, f’dan ir-rigward, l-imsemmija kawża kellha, fil-prinċipju, tiġi rrinvijata lil din il-qorti. Madankollu, il-Qorti Ġenerali osservat li, jekk wieħed kellu jwettaq tali rinviju, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun minnufih obbligat jikkonstata li huwa stess u l-Qorti Ġenerali huma attwalment aditi b’kawżi li għandhom l-istess suġġett, jiġifieri, għal tal-ewwel, il-Kawża T‑494/11 u, għal tat-tieni, din il-kawża, u tkun kostretta, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tastjeni milli jassumi l-kompetenza tiegħu sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi fuq dawn iż-żewġ kawżi.

    26

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kawża F‑50/09 għandha tiġi rrinvijata fl-intier tagħha quddiemha sabiex tieħu konjizzjoni tagħha bħala qorti tal-ewwel istanza.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    27

    Wara l-proposta tal-Ewwel Avukat Ġenerali li tiġi eżaminata mill-ġdid is-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P,-UE:T:2014:625), l-Awla ta’ Eżami mill-ġdid qieset, fid-deċiżjoni Eżami mill-ġdid Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (C‑417/14 EU:C:2014:2219), adottata skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 62 tat-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 193(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li kien hemm lok li jsir eżami mill-ġdid ta’ din is-sentenza sabiex jiġi ddeterminat jekk tippreġudikax l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

    28

    Il-kwistjonijiet li, skont din id-deċiżjoni, għandhom ikunu suġġetti għal eżami mill-ġdid huma riprodotti fil-punt 2 ta’ din is-sentenza.

    Fuq il-kwistjoni suġġetta għal eżami mill-ġdid

    29

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa, konformement mal-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, responsabbli għall-eżerċizzju, fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel istanza, tal-kompetenza mogħtija lili sabiex jiddeċiedi t-tilwim li jaqa’ fil-kontenzjuż tas-servizz pubbliku tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 270 TFUE. Din il-kompetenza tirrigwarda, skont dan l-aħħar artikolu, “kull tilwima” bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha “fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-oħra ta’ l-Unjoni”.

    30

    Fid-dawl ta’ tali riferiment għar-Regolamenti tal-Persunal, hemm lok għaldaqstant, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-Istatut, b’mod partikolari l-Artikoli 90 u 91 tiegħu, li jimplementaw l-Artikolu 270 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Syndicat général du personnel des organismes européens vs Il-Kummissjoni, 18/74, EU:C:1974:96, punt 14).

    31

    Ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom bħala għan li jirregolaw ir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-uffiċjali tagħhom, li jistabbilixxi serje ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproċi u jirrikonoxxu, favur ċerti membri tal-familja tal-uffiċjal, drittijiet li huma jistgħu jsostnu quddiem l-Unjoni Ewropea (sentenza Johannes, C-430/97, EU:C:1999:293, punt 19).

    32

    B’hekk, l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jispeċifika l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-kontenzjuż tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, billi jipprovdi li din tal-aħħar hija kompetenti li tiddeċiedi fuq “f’kull tilwima” bejn l-Unjoni u “kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal” u dwar il-legalità ta’ att li jikkawża preġudizzju lil din il-persuna fis-sens tal-Artikolu 90(2) ta’ dawn ir-regolamenti. Konformement ma’ din l-aħħar dispożizzjoni “kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal” tista’ tmur quddiem l-Awtorità tal-Ħatra b’ilment kontra att li jikkawżalha preġudizzju.

    33

    Fir-rigward tal-kompetenza ratione personae tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet, li jirreferu, f’termini ġenerali, għal “kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal”, ma jippermettux, fihom infushom, li ssir distinzjoni skont jekk ir-rikors tressaqx minn uffiċjal jew minn kwalunkwe persuna oħra li għalihom japplikaw dan ir-regolamenti. B’hekk, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż mill-Qorti Ġenerali fil-punt 51 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T-401/11 EU:T:2014:625), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa kompetenti ratione personae sabiex jieħu konjizzjoni mhux biss ta’ rikors ppreżentati mill-uffiċjali iżda wkoll ta’ rikorsi ppreżentati minn kwalunkwe persuna oħra li għaliha japplikaw l-imsemmija regolamenti.

    34

    L-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal jindika espressament id-“dixxendenti” kif ukoll lill-“qraba ta’ warajh [axxendenti]” tal-uffiċjal bħala l-persuni li jistgħu, fil-każ tal-mewt ta’ dan tal-aħħar, jibbenefikaw minn benefiċċju. Minn dan jirriżulta li kemm ir-rikorrent kif ukoll ulied l-uffiċjal deċedut huma persuni li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni.

    35

    Kuntrarjament għal dak li ġie deċiż mill-Qorti Ġenerali fil-punti 62 u 64 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T-401/11 P, EU:T2014:625), il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrent u ulied l-uffiċjal deċedut għandhomx effettivament f’dan il-każ id-dritt għall-benefiċċji ggarantiti mir-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 73 ta’ dawn tal-aħħar, ma tistax, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali b’mod partikolari fil-punt 35 tal-opinjoni tiegħu, tittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-kompetenza ratione personae tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku abbażi tal-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal Ġustizzja, moqri flimkien mal-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Kieku kien mod ieħor, kien ikun neċessarju, għall-finijiet li tiġi deċiża l-kompetenza ratione personae tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jieħu konjizzjoni ta’ rikors ippreżentat quddiemu, li jiġi eżaminat minn qabel il-mertu ta’ dan ir-rikors.

    36

    Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa kompetenti ratione personae sabiex jieħu konjizzjoni tat-talba għal kumpens imressqa mir-rikorrent kemm f’ismu propju kif ukoll f’isem ulied l-uffiċjal deċedut.

    37

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kompetenza ratione materiae tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku testendix għar-rikorsi għad-danni bbażati fuq nuqqas minn istituzzjoni ta’ twettiq tal-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjali tagħha, għandu jiġi rrilevat li kemm l-Artikolu 270 TFUE kif ukoll l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, li japplikaw għal “kull tilwima bejn l-Unjoni u aġenti tagħha” għandhom jastjenu milli jiddefinixxu n-natura tar-rikors disponibbli fil-każ ta’ ċaħda ta’ lment amministrattiv. B’hekk, meta tilwima tikkonċerna l-legalità ta’ att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrent, fis-sens tal-Artikolu 90 ta’ dawn ir-regolamenti, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa kompetenti sabiex jieħu konjizzjoni, irrispettivament min-natura tar-rikors inkwistjoni (ara, fir-rigward tal-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, qabel l-istituzzjoni tal-Qorti Ġenerali u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, is-sentenza Meyer-Burckhardt vs Il-Kummissjoni, 9/75, EU:C:1975:131, punt 10).

    38

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tilwima bejn uffiċjal u l-istituzzjoni li minnha jiddependi taqa’, meta toriġina fir-rabta ta’ impjieg li tgħaqqad il-persuna kkonċernata mal-istituzzjoni, fl-Artikolu 270 TFUE u fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, anki jekk din hija rikors għad-danni (ara s-sentenzi Meyer-Burckhardt vs Il-Kummissjoni, 9/75, EU:C:1975:131, punt 10; Reinarz vs Il-Kummissjoni u l-Kunsill, 48/76, EU:C:1977:30, punti 10 u 11, kif ukoll Allo et vs Il-Kummissjoni, 176/83, EU:C:1985:290, punt 18; digriet Pomar vs Il-Kummissjoni, 317/85, EU:C:1987:267, punt 7; sentenza Schina vs Il-Kummissjoni, 401/85, EU:C:1987:425, punt 9).

    39

    Barra minn hekk, il-kompetenza sħiħa li tagħti t-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, moqrija flimkien mal-Artikolu 270 TFUE u mal-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tippermettilha, fit-tilwim ta’ natura pekunjarja, jekk ikun hemm lok, li tikkundanna lill-konvenut ex officio sabiex iħallas kumpens għad-dannu kkawżat minħabba nuqqas tiegħu, u f’każ bħal dan, wara li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, tiddetermina d-dannu subit ex æquo et bono (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Reinarz vs Il-Kummissjoni u l-Kunsill, 48/76, EU:C:1977:30, punt 11; Houyoux u Guery vs Il-Kummissjoni, 176/86 u 177/86, EU:C:1987:461, punt 16; Il-Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, EU:C:2008:107, punt 58, kif ukoll Gogos vs Commission, C-583/08 P, EU:C:2010:287, punt 44). Jikkostitwixxu b’mod partikolari “kawżi ta’ natura pekunjarja”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, l-azzjonijiet intiżi għall-ħlas minn naħa ta’ istituzzjoni lil uffiċjal (sentenza Gogos vs Il-Kummissjoni, C-583/08 P, EU:C:2010:287, punt 45).

    40

    Il-Qorti tal-Ġustizzja minn dan ikkonkludiet li hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tippronunzja, jekk ikun il-każ, kontra istituzzjoni għall-ħlas ta’ somma li għaliha r-rikorrent huwa intitolat skont ir-Regolamenti tal-Persunal jew kwalunkwe att ġuridiku ieħor (sentenza Weißenfels vs Il-Parlament, C‑135/06 P, EU:C:2007:812, punt 68).

    41

    B’hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa kompetenti ratione materiae sabiex jieħu konjizzjoni ta’ rikors għad-danni ippreżentat minn uffiċjal kontra l-istituzzjoni li minnha jiddependi, meta t-tilwima toriġina fir-rabta ta’ impjieg li tgħaqqad il-persuna kkonċernata mal-istituzzjoni.

    42

    Dan japplika wkoll għal rikors għad-danni ppreżentat minn kwalunkwe persuna li, għalkemm mhux uffiċjal, japplikaw għaliha l-imsemmija Regolamenti tal-Persunal minħabba rabtiet ta’ familja li għandha ma’ uffiċjal, meta t-tilwima toriġina fir-rabta ta’ impjieg li tgħaqqad dan l-uffiċjal mal-istituzzjoni kkonċernata, minħabba l-fatt li l-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, moqri flimkien mal-Artikolu 270 TFUE u mal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, jagħti, kif ġie kkonstatat fil-punti 32, 33 u 37 ta’ din is-sentenza, lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-kompetenza sabiex jieħu konjizzjoni ta’ “kull tilwima” bejn l-Unjoni u kull “persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal”.

    43

    F’dan ir-rigward u kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fil-punti 54 sa 56 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625), la d-digriet Fournier vs Il-Kummissjoni (114/79 sa 117/79, EU:C:1980:124) u lanqas is-sentenza Leussink vs Il-Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371) ma jippermettu li jiġi konkluż li tilwima bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ kienet taqa’ fil-kompetenza tal-Qorti Ġenerali, u mhux f’dik tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

    44

    Qabel kollox, dawn id-deċiżjonijiet ingħataw mill-Qorti tal-Ġustizzja fi żmien meta l-Qorti Ġenerali u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kinux għadhom ġew istitwiti, u fejn, sussegwentement, ma qamet ebda kwistjoni relatata mal-delimitazzjoni tal-kompetenzi tal-qrati.

    45

    Insegwitu, fir-rigward b’mod partikolari tas-sentenza Leussink vs Il-Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li rikors għad-danni ppreżentat mill-membri tal-familja ta’ uffiċjal, skont l-Artikolu 178 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 178 tat-Trattat KE, li huwa stess sar l-Artikolu 235KE, li huwa stess sar l-Artikolu 268 TFUE), u intiż għal kumpens għad-dannu immaterjali li kien subit minnhom wara inċident fuq il-post tax-xogħol li dan l-uffiċjal kien vittma tiegħu, kien jaqa’ fil-kontenzjuż tas-servizz pubbliku. Fil-fatt, fil-punt 25 ta’ din is-sentenza preżenti dwar l-ispejjeż tal-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat l-Artikolu 70 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, fil-verżjoni applikabbli dak iż-żmien, li jgħid li l-ispejjeż minfuqa mill-istituzzjonijiet fil-kawżi ta’ uffiċjali jibqgħu r-responsabbiltà tal-istituzzjoni inkwistjoni, ladarba r-rikors inkwistjoni, għalkemm ippreżentat taħt l-Artikolu 178 tat-Trattat KEE, oriġina fir-relazzjoni bejn l-uffiċjal ikkonċernat u l-istituzzjoni li taħtha jaqa’.

    46

    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda d-digriet Fournier vs Il-Kummissjoni (114/79 sa 117/79, EU:C:1980:124), ma jistax jiġi dedott minnu ebda konklużjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk rikors ippreżentat mill-membri tal-familja ta’ uffiċjal u intiż għall-ksib tal-kumpens li huwa personali għalihom jaqax fil-kontenzjuż tas-servizz pubbliku tal-Unjoni u b’hekk fil-kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha, f’dan id-digriet, li tippreċiża li imur kontra s-sistema ta’ rimedji stabbilita mid-dritt tal-Unjoni sabiex tittratta l-irregolaritajiet fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, li jiġi ammess li, għal abbuż ta’ proċedura, rikors għad-danni bbażat fuq tali irregolaritajiet jista’ jsir mill-membri tal-familja ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, li jaġixxu f’isimhom stess, stess, anki jekk huma jallegaw li jkunu personalment ġarrbu dannu f’din il-kapaċità.

    47

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li rikors għad-danni ppreżentat minn membru tal-familja ta’ uffiċjal li jibbenefika mill-kopertura tal-Iskema komuni ta’ assigurazzjoni għall-mard jaqa’ fil-kontenzjuż tas-servizz pubbliku tal-Unjoni (ara d-digriet Lenz vs Il-Kummissjoni, C-277/95, EU:C:1996:456, punt 55).

    48

    F’dan il-każ, id-diversi kapijiet tat-talbiet għad-danni, elenkati fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, kollha jirrigwardaw danni li jirriżultaw mill-mewt tal-uffiċjal deċedut u huma bbażati fuq allegat nuqqas ta’ twettiq mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjali tagħha. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li din it-tilwima, mhux biss sa fejn tikkonċerna d-dannu morali subit mill-uffiċjal deċedut iżda wkoll sa fejn tirrigwarda l-kumpens għad-danni materjali u morali subit minn ulied dan l-uffiċjal kif ukoll għad-dannu morali subit mir-rikorrent, toriġina fir-rabta ta’ impjieg li tgħaqqad l-uffiċjal deċedut mal-istituzzjoni. B’hekk, u konformement mas-soluzzjoni adottata fis-sentenza Leussink vs Il-Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371), għandu jitqies li din it-tilwima toriġina f’din ir-rabta ta’ impjieg.

    49

    Il-fatt li, skont il-Qorti Ġenerali, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fir-rigward tal-membri tal-familja tal-uffiċjal, imsemmija fir-Regolamenti tal-Persunal, hija suġġetta għall-kundizzjonijiet sostantivi li jirriżultaw mill-Artikolu 340 TFUE, filwaqt li l-responsabbiltà fir-rigward tal-uffiċjal għandha regoli partikolari u speċjali dwar dawn il-kundizzjonijiet, ma jistax, kuntrarjament għal dak li jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 52 sa 59 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625), jeskludi f’dan ir-rigward il-kompetenza ratione materiae tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, moqri flimkien mal-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

    50

    Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punti 37 u 38 ta’ din is-sentenza, rikors għad-danni ppreżentat minn persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal jaqa’ fil-kompetenza ratione materiae tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, meta joriġina fir-rabta ta’ impjieg li tgħaqqad l-uffiċjal mal-istituzzjoni, peress li n-natura tat-tilwima inkwistjoni hija irrilevanti f’dan ir-rigward. Bħal tilwima li tirrigwarda dritt espressament previst f’dawn ir-regolamenti tal-persunal, tilwima relatata ma’ dritt għal kumpens tista’ tirrikjedi, fil-prinċipju, mill-qorti tal-Unjoni li din tal-aħħar tagħmel kunsiderazzjonijiet li jirrelataw ma’ din ir-rabta ta’ impjieg, li jiġġustifikaw il-kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tieħu konjizzjoni, fil-kapaċità tiegħu bħala qorti speċjalizzata fil-kontenzjuż tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, ta’ dan it-tip ta tilwima. B’hekk, il-kompetenza ratione materiae ta’ din il-qorti tirriżulta mill-oriġini tat-tilwima inkwistjoni, u mhux mill-bażi legali li tista’ tibbaża d-dritt għal kumpens, u dan huwa kkonfermat mis-sentenza Leussink vs Il-Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371) imsemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza.

    51

    Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-punt 2 ta’ din is-sentenza, id-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet sostantivi li għalihom huwa suġġett, f’dan il-każ, id-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, ma hijiex is-suġġett ta’ din il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid.

    52

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa kompetenti sabiex jieħu konjizzjoni, abbażi tal-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, moqri flimkien mal-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, tar-rikors ippreżentat mir-rikorrent kollu kemm hu.

    53

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fis-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummmissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625),

    fil-punt 65, li “l-familjari ta’ uffiċjal deċedut huma neċessarjament obbligati jippreżentaw żewġ rikorsi, wieħed quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-ieħor quddiem il-Qorti Ġenerali, skont jekk dawn jirrigwardawx drittijiet tal-uffiċjal inkwistjoni jew jekk jitolbux kumpens għal dannu materjali jew morali, li jkun personalment għalihom”;

    fil-punti 77, 78, 102 et 103, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kellu kompetenza ab initio sabiex jieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors sa fejn dan jikkonċerna t-talbiet għal kumpens għad-danni subiti mir-rikorrent u ulied l-uffiċjal deċedut u li, peress li dawn it-talbiet jaqgħu fil-kompetenza tal-Qorti Ġenerali, għandhom jiġu rrinvijati lilha, sabiex tieħu konjizzjoni tagħhom bħala qorti tal-ewwel istanza;

    fil-punti 113 sa 117, li għandu jiġi rrinvijat ukoll, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikors sa fejn jikkonċerna d-dannu morali subit mill-uffiċjal deċedut qabel ma miet u li r-rikorrent jitlob kumpens għalih f’isem ulied dan tal-aħħar, peress li dawn huma l-aventi kawża ta’ missierhom.

    Fuq l-eżistenza ta ’ preġudizzju għall-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni

    54

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, istitwit abbażi tal-Artikolu 225 A KE (li sar l-Artikolu 257 TFUE), huwa qorti speċjalizzat fis-sens tal-Artikolu 256 TFUE, li jeżerċita, konformement mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 270 TFUE, tal-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kompetenza sabiex jieħu konjizzjoni tal-kontenzjuż tas-servizz pubbliku tal-Unjoni. B’hekk u kuntrarjament għal dak deċiż mill-Qorti Ġenerali fil-punti 63 u 74 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux biss “kompetenza bħala eċċezzjoni”.

    55

    Meta rrinvijat dan ir-rikors quddiemha stess sabiex tieħu konjizzjoni tiegħu bħala qorti tal-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mill-kompetenza oriġinali tiegħu u stabbiliet regola ta’ kompetenza favur tagħha, li hija tali li jkollha konsegwenzi fuq id-determinazzjoni tal-qorti kompetenti fl-appell u, konsegwentement, fuq l-istruttura tal-livelli ta’ ġurisdizzjoni fil-Qorti tal-Ġustizzja.

    56

    Issa, Is-sistema ġudizzjarja kif stabbilita permezz tat-Trattat FUE, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2004/752/KE Euratom, tat-2 ta’ Novembru 2004, li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 333, p. 7), tagħmel b’hekk delimitazzjoni preċiża tal-kompetenzi rispettivi tat-tliet qrati tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, b’mod li l-kompetenza ta’ waħda minn dawn iż-żewġ qrati biex tieħu deċiżjoni fl-ewwel istanza fuq rikors teskludi neċessarjament il-kompetenza tal-oħra (ara, f’dan is-sens, id-digriet Il-Kummissjoni vs IAMA Consulting, C-517/03, EU:C:2004:326, punt 15).

    57

    Ir-regoli ta’ kompetenza tal-qrati tal-Unjoni kif previsti mit-Trattat FUE kif ukoll fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-anness tiegħu jagħmlu parti mid-dritt primarju u jokkupaw post ċentrali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. L-osservanza tagħhom tikkostitwixxu, lil hinn mill-kwistjonijiet involuti biss fil-kontenzjuż tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, rekwiżit fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku u kundizzjoni essenzjali sabiex tiġi żgurata l-unità tad-dritt tal-Unjoni.

    58

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżbalji ta’ dritt li jivvizzjaw is-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625), kif ġew ikkonstatati fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, jippreġudikaw l-unità tad-dritt tal-Unjoni.

    Fuq il-konsegwenzi li għandhom jinġibdu mill-eżami mill-ġdid

    59

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 62b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tippreġudika l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, hija għandha tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali li hija marbuta mill-punti ta’ liġi deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja. Meta tirrinvija l-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, barra minn hekk, tindika l-effetti tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li għandhom jitqiesu li huma definittivi fir-rigward tal-partijiet fil-kawża. Bħala eċċezzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ hija nnifisha tiddeċiedi b’mod definittiv, jekk is-soluzzjoni tat-tilwima tirriżulta, fid-dawl tar-riżultat tal-eżami mill-ġdid, mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

    60

    Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax sempliċement tikkonstata l-preġudizzju għall-koerenza jew l-unità tad-dritt tal-Unjoni mingħajr ma tislet konsegwenzi minn din il-konstatazzjoni fir-rigward tat-tilwima kkonċernata (sentenza Eżami mill-ġdid Il-Kummissjoni vs Strack, C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    61

    Fir-rigward ta’ din it-tilwima, għaldaqstant, għandha fl-ewwel lok tiġi annullata s-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625), sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat ex officio, fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, in-nuqqas ta’ kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jieħu konjizzjoni tat-talba għal kumpens tad-danni personali subiti mir-rikorrent u ulied l-uffiċjal deċedut u fejn hija kkonkludiet, fil-punti 102 u 103 tal-imsemmija sentenza, li din it-talba taqa’ fil-kompetenza tagħha stess u li kien hemm lok li dan l-aspett tar-rikors jiġi rrinvijat quddiemha stess, sabiex tieħu konjizzjoni tagħha bħala qorti tal-ewwel istanza.

    62

    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda t-talba ta’ kumpens għad-dannu morali subit mill-uffiċjal deċedut, għandha tiġi annullata s-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11, UE:T:2014:625), sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 117 ta’ din is-sentenza, li dan l-aspett tal-kawża kellu wkoll jiġi rrinvijat quddiemha sabiex tieħu konjizzjoni tagħha bħala qorti tal-ewwel istanza.

    63

    Fir-rigward ta’ dak li għandu jsir dwar l-appell ippreżentat mir-rikorrent, għandu jiġi rrilevat li, fl-ewwel aggravju ta’ dan l-appell, il-persuna kkonċernata lmentat li l-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ dritt, meta ddeċieda li hija fondata waħda mill-eċċezzjonijiet mqajma mill-Kummissjoni u meta ddeċieda li hija inammissibbli, fil-punt 91 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (F‑50/09,UE:F:2011:55), it-talba għall-kumpens tad-danni morali subiti mir-rikorrent, mill-uffiċjal deċedut kif ukoll minn ulied dan tal-aħħar. Issa, dan l-ewwel motiv, sa fejn jikkonċerna t-talba għal kumpens tad-dannu subit mill-uffiċjal deċedut, intlaqgħet mill-Qorti Ġenerali fil-punti 98 u 104 sa 112 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, UE:T:2014:625). L-annullament, f’dan ir-rigward, tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (F‑50/09, UE:F:2011:55) għandu jitqies bħala definittiv fl-assenza ta’ eżami mill-ġdid fuq dan il-punt.

    64

    Madankollu, peress li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-imsemmi l-ewwel aggravju, sa fejn jikkonċerna ċ-ċaħda mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-punt 91 tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (F‑50, UE:F:2011:55), tat-talba ta’ kumpens għal danni morali subiti mir-rikorrent u minn ulied l-uffiċjal deċedut, hemm lok li dan l-aspett tal-kawża jiġi rrinvijat quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar dan fil-kapaċità tagħha ta’ qorti ta’ appell.

    65

    Fir-rigward tat-tieni u t-tielet aggravji, li bihom ġie kkontestat ir-rifjut tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tilqa’ t-talba ta’ kumpens għad-dannu materjali subit minn ulied l-uffiċjal deċedut, il-Qorti Ġenerali llimitat l-eżami ta’ dan l-appell għall-kwistjoni biss tal-kompetenza ġudizzjarja. Għalhekk, huwa xieraq li jsir rinviju ta’ dan l-aspett tal-każ quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi fuq dan tal-aħħar fil-kapaċità tagħha bħala qorti ta’ appell.

    Fuq l-ispejjeż

    66

    Skont l-Artikolu 195(6), tar-Regoli tal-Proċedura, meta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li hija s-suġġett tal-eżami mill-ġdid tkun ingħatat skont l-Artikolu 256(2) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    67

    Fl-assenza ta’ regoli speċifiċi dwar kif għandhom jitqassmu l-ispejjeż fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid, għandu jiġi deċiż li l-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali li ppreżentaw noti jew osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kwistjonijiet li huma s-suġġett tal-eżami mill-ġdid għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati ma’ din il-proċedura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Is-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625) tippreġudika l-unità tad-dritt tal-Unjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, bħala qorti ta’ appell, iddeċidiet:

    li l-familjari ta’ uffiċjal deċedut huma neċessarjament obbligati jippreżentaw żewġ rikorsi, wieħed quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-ieħor quddiem il-Qorti Ġenerali, skont jekk dawn jirrigwardawx drittijiet tal-uffiċjal inkwistjoni jew jekk jitolbux kumpens għal dannu materjali jew morali, li jkun personalment għalihom;

    li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea ma kellux kompetenza ab initio sabiex jieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors sa fejn dan jikkonċerna t-talbiet għal kumpens għad-danni subiti minn Livio Missir Mamachi di Lusignano u minn ulied Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, u li, peress li dawn it-talbiet jaqgħu fil-kompetenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu rrinvijati lilha, sabiex tieħu konjizzjoni tagħhom bħala qorti tal-ewwel istanza;

    li għandu jiġi rrinvijat quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-rikors sa fejn jikkonċerna d-dannu morali subit minn Alessandro Missir Mamachi di Lusignano qabel ma miet u li Alessandro Missir Mamachi di Lusignano jitlob kumpens għalih f’isem ulied dan tal-aħħar, peress li dawn huma l-aventi kawża ta’ missierhom.

     

    2)

    Is-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625) għandha titqies bħala definittiva sa fejn, permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, fis-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (F‑50/09, EU:F:2011:55), wettaq żball ta’ liġi billi laqa’ l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni Ewropea u billi ċaħad, għal dan il-motiv, bħala inammissibbli t-talba għall-kumpens tad-dannu morali subit minn Alessandro Missir Mamachi di Lusignano.

     

    3)

    L-imsemmija sentenza hija annullata għall-bqija.

     

    4)

    Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

     

    5)

    Livio Missir Mamachi di Lusignano u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom marbuta mal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Fuq