Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0506

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-9 ta’ Settembru 2015.
    Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro AE vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Kuntratt li jagħti għajnuna finanzjarja Komunitarja favur proġett fil-qasam tal-kollaborazzjoni medika – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirkupra parti mis-somom imħallsa minn qabel – Rikors għal annullament – Inammissibbiltà.
    Kawża C-506/13 P.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:562

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    9 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

    “Appell — Kuntratt li jagħti għajnuna finanzjarja Komunitarja favur proġett fil-qasam tal-kollaborazzjoni medika — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirkupra parti mis-somom imħallsa minn qabel — Rikors għal annullament — Inammissibbiltà”

    Fil-Kawża C‑506/13 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-11 ta’ Settembru 2013,

    Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn E. Tzannini, avukat,

    rikorrenti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Lejeune, bħala aġent, assistita minn E. Petritsi, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, S. Rodin, A. Borg Barthet, M. Berger u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Frar 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro AE (iktar ’il quddiem “Lito”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni (T-552/11, EU:T:2013:349, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha, din, minn naħa, ċaħdet it-talba għal annullament ta’ nota ta’ debitu maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea, fid-9 ta’ Settembru 2011, sabiex tirkupra s-somma ta’ EUR 83001.09 mħallsa fil-kuntest ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja insostenn ta’ proġett fil-qasam tal-kollaborazzjoni medika (iktar ’il quddiem in-“nota ta’ debitu”) u, min-naħa l-oħra, laqgħet il-kontrotalba mressqa minn din l-istituzzjoni intiża għall-kundanna ta’ Lito sabiex tħallas l-imsemmija somma, flimkien mal-interessi moratorji.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    2

    Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew deskritti fil-punti 1 sa 8 tas-sentenza appellata, kif ġej:

    “1.

    Ir-rikorrenti - [Lito,] hija sptar tal-maternità speċjalizzat fl-oqsma tal-ostetriċja, tal-ġinekoloġija u tal-kirurġija. Hija membru ta’ konsorzju li, fit-12 ta’ Mejju 2014, ikkonkluda mal-[Kummissjoni] il-kuntratt C510743 dwar proġett, imsemmi Ward in Hand (WIH) [iktar ’il quddiem il-‘proġett WIH’], fejn il-Kummissjoni intrabtet li tagħti l-kontribut finanzjarju tagħha permezz tal-ħlas ta’ diversi partijiet (iktar ’il quddiem il-‘kuntratt’). Il-proġett [WIH] beda fl-1 ta’ Mejju 2004 u spiċċa fil-31 ta’ Jannar 2006. Fil-kuntest [ta’ dan] il-proġett [...], il-Kummissjoni ħallset lir-rikorrenti, bħala għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea, bħala total, is-somma ta’ EUR 99349.50.

    2

    Skont l-Artikolu 5(1) tal-kuntratt, dan huwa rregolat mid-dritt Belġjan. Fil-fatt, skont l-Artikolu 5(2) tiegħu, il-Qorti Ġenerali, u, f’każ ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-uniċi kompetenti sabiex jiddeċiedu kull tilwima bejn l-Unjoni, minn naħa, u l-membri tal-konsorzju, min-naħa l-oħra, dwar il-validità, l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-kuntratt.

    3

    Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ April 2009, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija kienet ser tiġi suġġetta għal kontroll, fil-forma ta’ verifika finanjarja, minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett WIH. Minn din l-ittra jirriżulta li r-rikorrenti kien se jkollha tippreżenta, matul il-verifika, il-provi tal-preżenza tal-persunal impjegat fil-kuntest [ta’ dan] il-proġett. Matul il-verifika, li saret bejn l-4 u s-6 ta’ Awwissu 2009, ir-rikorrenti ma ppreżentatx il-provi ta’ preżenza ta’ reġistrazzjoni tas-siegħat ta’ xogħol tal-persunal tagħha li hija talbet ir-rimbors għalihom.

    4

    Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti l-abbozz ta’ rapport ta’ verifika li kien jistabbilixxi n-nuqqas tal-imsemmija nota ta’ debitu meħtieġa, u talbitha biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Permezz ta’ emails tat-13 u s-16 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-riżultat tal-verifika kif ukoll provi ta’ preżenza relatati max-xogħol iddedikat għall-proġett [WIH]. Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Diċembru 2009, li magħha kien anness ir-rapport tal-verifika finali, il-Kummissjoni żammet il-konklużjonijiet li kienu ġew ifformulati fl-abbozz tar-rapport ta’ verifika.

    5

    Fil-25 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti ittra ta’ informazzjoni preliminari għal proċedura ta’ rkupru, fejn stabbilixxiet li għandu jiġi rrimborsat l-ammont ta’ EUR 93778.90. Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni li l-osservazzjonijiet preċedentement mibgħuta jerġgħu jiġu eżaminati u approvati mill-ġdid.

    6

    Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Mejju 2011, wara l-eżami tal-provi prodotti mir-rikorrenti, il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-parteċipazzjoni ta’ membru tal-persunal, V., għall-proġett [WIH] u aċċettat li jingħaddu s-siegħat ta’ xogħol li hija kienet iddedikat [għal dan] il-proġett [...], filwaqt li enfasizzat li l-eżiġenzi kuntrattwali f’dan ir-rigward ma kienux sodisfatti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni aċċettat li jingħaddu spejjeż indiretti li jammontaw għal 20 % tal-ispejjeż diretti rikonoxxuti. L-ammont li għandu jiġi rrimborsat, konsegwentement, tnaqqas għal EUR 83001,09. Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti fformulat osservazzjonijiet.

    7

    Peress li kkunsidrat madankollu li r-risposta tar-rikorreti ma kienet ipprovdiet l-ebda element ġdid ta’ natura li jipprova s-siegħat ta’ xogħol imwettqa mill-membri l-oħra tal-persunal fil-kuntest tal-proġett [WIH], il-Kummissjoni bagħtitilha, permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Awwissu 2011, l-osservazzjonijiet finali tagħha. Fl-aħħar nett, fis-16 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti [in-nota ta’ debitu], fejn stednitha tħallas is-somma ta’ EUR 83001.09 sal-24 ta’ Ottubru 2011 [...].

    8

    Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Novembru 2011, li r-rikorrenti rċeviet fil-15 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni fakkritha dwar id-dejn tagħha, billi enfasizzat li fuq dan kien hemm interessi bir-rata ta’ 5 % fis-sena, li jikkorrispondu għal EUR 11.37 għal kull jum ta’ dewmien, u li, fit-18 ta’ Novembru 2011, l-interessi akkumulati kienu jammontaw għal EUR 284.25”.

    Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    3

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Ottubru 2011, Lito ppreżentat rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

    4

    Fil-kuntest tar-risposta ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni għamlet kontrotalba intiża għall-kundanna ta’ Lito għar-rimbors parzjali tal-għajnuna finanzjarja mħallsa fil-kuntest tal-proġett WIH kif ukoll għall-ħlas tal-interessi moratorji.

    5

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 17 sa 31 tas-sentenza appellata, li l-elementi li jinsabu fil-fajl ma jippermettux li jiġi konkluż li n-nota ta’ debitu hija intiża sabiex tipproduċi effetti legali vinkolanti li jmorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw mill-kuntratt u jimplikaw l-eżerċitar ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika mogħtija lill-Kummissjoni fil-kwalità tagħha ta’ awtorità amministrattiva. Għaldaqstant, din in-nota ta’ debitu ma tinsabx fost l-atti li l-annullament tagħhom jista’ jiġi mitlub abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat minn Lito.

    6

    Fil-punti 32 sa 81 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kontrotalba mressqa mill-Kummissjoni u bbażata fuq l-allegat ksur minn Lito tal-obbligi kuntrattwali tagħha, b’mod partikolari dak stabbilit fl-Artikolu 14(1)(a) tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt f’dak li jikkonċerna ż-żamma tal-provi ta’ preżenza u r-reġistrazzjoni tas-sigħat ta’ xogħol imwettqa mill-persunal fil-kuntest tal-proġett WIH. Fit-tmiem tal-analiżi tagħha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-imsemmija talba hija fondata.

    7

    Għaldaqstant, hija kkundannat lil Lito tħallas lill-Kummissjoni l-ammont ta’ EUR 83001.09 prinċipalment, flimkien mal-interessi moratorji bir-rata ta’ 5 % li jibdew jiddekorru mill-25 ta’ Ottubru 2011 sal-ħlas tad-dejn prinċipali.

    It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali

    8

    Lito titlob lill-Qorti Ġenerali tannulla s-sentenza appellata, tiddeċiedi l-kawża fil-mertu u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    9

    Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lil Lito għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    Fuq l-ewwel aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    10

    Permezz tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 263 TFUE, Lito takkuża lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi sa fejn iddeċidiet li l-kontenut tan-nota ta’ debitu kien sempliċement isostni drittijiet li l-Kummissjoni kienet tibbaża fuq dispożizzjonijiet kuntrattwali, filwaqt li kellha tikkonstata li l-imsemmija nota kienet tirriżulta mill-użu minn din tal-aħħar tal-prerogattivi tagħha ta’ setgħa pubblika. Adottata sabiex tipproduċi effetti eżekuttivi skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 299 TFUE, in-nota ta’ debitu tikkostitwixxi att li l-legalità tiegħu għandha tiġi eżaminata mill-qorti tal-Unjoni fil-kuntest ta’ rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TUE.

    11

    F’dan ir-rigward, Lito tfakkar, minn naħa, li l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 19(5) tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt, rriżervat id-dritt li tadotta deċiżjoni eżekuttiva fis-sens tal-Artikolu 299 TFUE. Minħabba n-natura ambigwa tad-dokument inkwistjoni, rikonoxxuta bħala tali mill-Qorti Ġenerali fil-punt 29 tas-sentenza appellata, kellu jintlaqa’, fi kwalunkwe każ, ir-rikors ippreżentat minn Lito sabiex jiġi ppreservat id-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja garantit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    12

    Min-naħa l-oħra, il-fatt li, fit-test stess tan-nota ta’ debitu hemm ukoll riferiment għall-fakultà li tintuża l-proċedura prevista fl-Artikolu 299 TFUE, kellu jwassal lill-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, tilqa’ l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat minn Lito.

    13

    Lito żżid li, billi żammet id-data ta’ skadenza ffissata unilateralment mill-Kummissjoni fin-nota ta’ debitu bħala data ta’ bidu tal-interessi, il-Qorti Ġenerali indirettament aċċettat, fil-punti 73 u 77 tas-sentenza appellata, li n-nota ta’ debitu għandha natura eżekuttiva u għalhekk ma hijiex dokument purament informattiv.

    14

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-ewwel aggravju, li ma huwa bbażat fuq l-ebda fundament legali, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Sussidjarjament, peress li l-Qorti Ġenerali rreferiet għar-raġunament segwit fid-digriet tagħha Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni (T‑353/10, EU:T:2011:589) u li din id-deċiżjoni saret res judicata, ma jistax jibqa’ jingħad li n-nota ta’ debitu tikkostitwixxi att preparatorju ta’ natura informattiva mingħajr setgħa eżekuttiva.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    15

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Lito tallega, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li n-nota ta’ debitu ma għandhiex il-karatteristiċi ta’ att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

    16

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE jista’ jiġi ppreżentat fir-rigward tal-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tiegħu (ara f’dan is-sens, is-sentenzi IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9, u Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 51).

    17

    Ir-rikors għal annullament huwa intiż sabiex jiżgura r-rispett tad-dritt fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat FUE u, għalhekk, huwa kontra dan l-għan li tingħata interpretazzjoni restrittiva tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikors billi tiġi llimitata l-portata tagħhom għall-kategoriji ta’ atti msemmija fl-Artikolu 288 TFUE biss (ara, f’dan is-sens, sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 8).

    18

    Xorta jibqa’ l-fatt li din il-kompetenza ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-trattat tal-qorti tal-Unjoni ma tapplikax meta s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent tkun taqa’ fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali li l-qafas ġuridiku tagħhom huwa rregolat mil-liġi nazzjonali magħżula mill-partijiet kontraenti.

    19

    Fil-fatt, jekk il-qorti tal-Unjoni tirrikonoxxi lilha nfisha l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-annullament ta’ atti li jaqgħu f’kuntest purament kuntrattwali, hija tirriskja mhux biss li tneħħi s-sens tal-Artikolu 272 TFUE, li jippermetti li tingħata l-ġurisdizzjoni tal-Unjoni abbażi tal-klawżola ta’ arbitraġġ, iżda wkoll, fil-każ fejn il-kuntratt ma jkunx fih klawżola bħal din, li testendi l-ġurisdizzjoni tagħha lil hinn mil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 274 TFUE, li jagħti lill-qrati nazzjonali l-ġurisdizzjoni tad-dritt komuni sabiex jiddeċiedu tilwimiet li l-Unjoni tkun parti minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Maag vs Il-Kummissjoni, 43/84, EU:C:1985:328, punt 26).

    20

    Minn dan jirriżulta li, fil-preżenza ta’ kuntratt li jorbot lir-rikorrenti ma’ waħda mill-istituzzjonijiet, il-qrati tal-Unjoni jistgħu jiġu aditi b’rikors abbażi tal-Artikolu 263 TFUE biss jekk l-att ikkontestat huwa intiż sabiex jipproduċi effetti legali vinkolanti li jinsabu barra mir-relazzjoni kuntrattwali li torbot lill-partijiet u li jimplikaw l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika mogħtija lill-istituzzjoni kontraenti fil-kwalità tagħha ta’ awtorità amministrattiva.

    21

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fl-ipoteżi fejn istituzzjoni, u b’mod iktar partikolari l-Kummissjoni, tagħżel, sabiex talloka għajnuna finanzjarja, li tikkonkludi kuntratt taħt il-qafas tal-Artikolu 272 TFUE, hija għandha tibqa’ f’dan il-qafas. Għalhekk, hija għandha, b’mod partikolari, tevita l-użu, fil-kuntest tar-relazzjonijiet mal-kontraenti tagħha, formulazzjonijiet ambigwi li jistgħu jinftiehmu mill-kontraenti bħala li jaqgħu taħt setgħa ta’ deċiżjoni unilaterali li tmur lil hinn mill-istipulazzjonijiet kuntrattwali.

    22

    F’dan il-każ, kif osservat il-Qorti Ġenerali, fil-punt 28 tas-sentenza appellata, l-ebda element tal-proċess ma jippermetti li jiġi konkluż li l-Kummissjoni aġixxiet billi użat il-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika.

    23

    Fir-rigward, b’mod partikolari tan-nota ta’ debitu, mill-punti 25 u 26 tas-sentenza appellata jirriżulta li din taqa’ fil-kuntest tal-kuntratt, sa fejn għandha bħala għan l-irkupru ta’ dejn li jirriżulta minn stipulazzjonijiet tal-imsemmi kuntratt. Fil-fatt, in-nota ta’ debitu għandha tkun intiża bħala intimazzjoni li tinkludi l-indikazzjoni tad-data ta’ skadenza kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ ħlas u li din ma tistax tiġi mqabbla ma’ titolu eżekuttiv, minkejja li ssemmi l-mezz ta’ eżekuzzjoni tal-Artikolu 299 TFUE bħala għażla possibbli fost oħrajn li għandha l-Kummissjoni fl-ipoteżi fejn id-debitur ma jeżegwixxix fid-data ta’ skadenza stabbilita.

    24

    Għalhekk, kellha raġun il-Qorti Ġenerali tikkonkludi, fil-punt 28 tas-sentenza appellata, li n-nota ta’ debitu ma tipproduċix effetti legali li joriġinaw mill-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, iżda, għall-kuntrarju, li għandha tiġi kkunsidrata bħala indissoċjabbli mir-rapporti kuntrattwali eżistenti bejn il-Kummissjoni u Lito.

    25

    Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, li ma tistax tiġi adita b’rikors abbażi tal-Artikolu 263 TFUE.

    26

    Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, indipendentement mill-fatt li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, fil-punt 29 tas-sentenza appellata, in-natura ambigwa tan-nota ta’ debitu, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif iggarantit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma huwa affettwat bl-ebda mod. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-artikolu ma għandux l-għan li jibdel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni, kif jirriżulta wkoll mill-ispjegazzjonijiet relatati ma’ dan l-artikolu, li għandhom, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 97, u d-digriet von Storch et vs BĊE, C‑64/14 P, EU:C:2015:300, punt 55).

    27

    Fir-rigward tal-argument ta’ Lito bbażat fuq allegat ksur, mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jitfakkar li għalkemm, skont ġurisprudenza stabbilita, il-possibbiltà li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li tnisslu fih tamiet fondati minn xi istituzzjoni li ser tinżamm is-sitwazzjoni eżistenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Di Lenardo u Dilexport, C‑37/02 u C‑38/02, EU:C:2004:443, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata), Lito madankollu baqgħet ma werietx b’liema mod il-Kummissjoni nisslet fiha tali speranza f’dak li jikkonċerna l-allegata ammissibbiltà tar-rikors għal annullament li hija ppreżentat.

    28

    Fir-rigward tal-argument dwar id-data ta’ minn meta bdew jakkumulaw l-interessi moratorji, intiż kontra l-punti 73 sa 77 tas-sentenza appellata, dan għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tat-tielet aggravju.

    29

    Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tieni aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    30

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ somma mħallsa indebitament, Lito takkuża lill-Qorti Ġenerali li żnaturat, fil-punti 47 sa 69 tas-sentenza appellata, il-kunċett ta’ rkupru tal-indovut kif jirriżulta mill-Artikolu 1376 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan u li applikatu b’mod żbaljat għall-fatti tal-kawża inkwistjoni.

    31

    Lito ssostni li, minn naħa, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1376 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan jirrikjedu element intenzjonali jew żball, element suġġettiv li f’dan il-każ ma jeżistix. Min-naħa l-oħra, id-data relevanti sabiex jiġi kkunsidrat li ħlas huwa indovut hija dik ta’ meta ġie riċevut dan il-ħlas, li tikkorrispondi għall-kunsinna tal-proġett WIH. Lito tqis li l-fatt li ma pproduċietx il-provi tal-preżenza ma jistax jiġi mqabbel mal-assenza tal-kunsinna ta’ dan il-proġett.

    32

    Lito tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ċaħdet, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, il-provi tal-preżenza ex post, bil-logo tal-kumpannija u li b’hekk jikkonferma n-natura awtentika tagħhom. Lito tfakkar li, minħabba amalgamazzjoni mal-impriżi tal-grupp ikkonċernat, kien impossibbli għaliha, fid-data tal-verifika, li tirkupra l-provi tal-preżenza li kienu fformulati b’mod elettroniku.

    33

    Barra minn hekk, Lito ssostni li kienet onestament konvinta li l-Kummissjoni kienet irrinunzjat għad-drittijiet tagħha peress li din ma kkuntattjathiex matul ħames snin wara l-kunsinna tal-proġett WIH.

    34

    Skont il-Kummissjoni, għandhom jiġu analizzati flimkien it-tieni, ir-raba’ sas-sitta u t-tmien aggravju sabiex jiġu miċħuda kollha bħala inammissibbli peress li huma intiżi sabiex jiksbu evalwazzjoni ġdida tal-elementi ta’ fatt u tal-provi, ma jinkludu la indikazzjoni tal-elementi kkritikati, u lanqas ma jinkludu kritika fir-rigward tas-sentenza appellata u jikkostitwixxu riproduzzjoni fidila tal-aggravji diġà ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali.

    35

    Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li mill-punti 56 sa 59 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma bidlet jew żnaturat il-provi prodotti meta ċaħdet, peress li ma jirrispondux għar-rekwiżiti stabbiliti skont il-kuntratt, il-provi tal-preżenza ppreżentati ex post minn Lito kif ukoll ir-rapporti ta’ ħlasijiet perijodiċi mibgħuta lill-Kummissjoni matul il-proġett WIH.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    36

    F’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “somma mħallsa indebitament”, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 48 sa 50 tas-sentenza appellata, id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt, u b’mod iktar partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13(1) u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 14(1)(a) tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt, li abbażi tagħhom Lito kellha tirreġistra s-sigħat ta’ xogħol iddedikati għall-proġett WIH u li tiċċertifikahom tal-inqas darba fix-xahar minn persuna maħtura jew awtorizzata għal dan il-għan.

    37

    Wara li enfasizzat, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, l-importanza tar-responsabbiltajiet meħuda fir-rigward tal-kundizzjonijiet finanzjarji, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 52 u 53 tas-sentenza appellata, li mir-rapport ta’ verifika finali jirriżulta li Lito ma kinitx irreġistrat is-sigħat ta’ xogħol skont l-istipulazzjonijiet tal-kuntratt.

    38

    Il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 55 u 56 tas-sentenza appellata, l-argumenti ta’ Lito dwar l-impossibbiltà li tipprovdi l-provi tal-preżenza minħabba l-eżistenza ta’ amalgamazzjoni ma’ kumpannija oħra. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-provi tal-preżenza ppreżentati ex post minn Lito ma huma la datati u lanqas iċċertifikati minn persuna maħtura għal dan il-għan, kuntrarjament għal dak li huwa espressament previst fl-Artikolu 14(1)(a) tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt, u għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala provi li jattestaw is-sigħat ta’ xogħol imwettqa għall-proġett WIH.

    39

    Sa fejn Lito tressaq, fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, l-istess argument bħal dak diġà ppreżentat fl-ewwel istanza, mingħajr ma turi f’hiex kien jikkonsisti l-iżball allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punti 55 u 56 tas-sentenza appellata, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Interporc vs Il-Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punt 16).

    40

    Fir-rigward tal-kritika dwar l-iżnaturament tal-kunċett ta’ rkupru tal-indovut, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    41

    Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma tista’ tiġi kkritikata bl-ebda żnaturament tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Belġjan, minħabba li ddeċidiet, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li l-produzzjoni tal-provi tal-preżenza tirrappreżenta obbligu kuntrattwali fih innifsu, li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jikkostitwixxi ksur kuntrattwali li jista’ jwassal għar-rimbors tas-somom imħallsa minn qabel.

    42

    Minn dan jirriżulta li r-rimbors tas-somom imħallsa jista’ jintalab indipendentement mid-data tal-kunsinna tal-proġett WIH jew tan-natura suġġettiva li huwa allegatament suġġett għalih l-irkupru tal-indovut fid-dritt Belġjan.

    43

    Barra minn hekk, u skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, Lito ma tistax tinvoka ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fl-assenza ta’ garanziji preċiżi min-naħa tal-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-azzjoni għal irkupru tal-indovut.

    44

    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

    Fuq it-tielet aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    45

    Permezz tat-tielet aggravju, Lito takkuża lill-Qorti Ġenerali li kisret il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari d-dritt għal smigħ u d-dritt għal smigħ xieraq, billi tikkundannaha, fil-punti 73 sa 77 tas-sentenza appellata, għall-ħlas ta’ interessi moratorji mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-argumenti tagħha li n-nota ta’ debitu, li għandha natura purament informattiva, ma tistax tiġi kkunsidrata li tistabbilixxi skadenza ta’ ħlas li jekk tinqabeż tagħti lok għall-interessi moratorji.

    46

    Lito ssostni li l-punt ta’ tluq meta jibdew jiddekorru l-imsemmija interessi huwa illegali peress li ġie stabbilit unilateralment mill-Kummissjoni fin-nota ta’ debitu, dokument li ġie kkwalifikat mill-Qorti Ġenerali bħala “informattiv”. Lito żżid li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx biżżejjed l-evalwazzjoni tagħha f’dak li jikkonċerna r-rata ta’ dawn l-interessi u l-punt ta’ tluq meta jibdew jiddekorru ta’ dawn tal-aħħar.

    47

    Il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti Ġenerali għamlet domandi preċiżi lill-partijiet dwar ir-rata ta’ interessi u ħadet inkunsiderazzjoni, fl-analiżi tagħha, l-argumenti mressqa mill-partijiet.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    48

    Qabelxejn, għandu jitfakkar li d-dritt għal smigħ fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ma jimplikax li l-qorti għandha ddaħħal integralment l-allegazzjonijiet kollha ta’ kull waħda mill-partijiet fid-deċiżjoni tagħha. Dan id-dritt jimplika, għall-kuntrarju, li l-qorti, wara li tkun semgħet l-imsemmija allegazzjonijiet u evalwat il-provi, tieħu deċiżjoni dwar it-talbiet tar-rikors u timmotiva d-deċiżjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Schröder et vs Il-Kummissjoni, C‑221/97 P, EU:C:1998:597, punt 24 u Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, C‑404/04 P, EU:C:2007:6, punt 125).

    49

    F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet dwar l-interessi moratorji fil-punti 73 sa 77 tas-sentenza appellata, ikkonformatx ma’ tali rekwiżiti.

    50

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali applikat, fil-punti 74 sa 77 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 19(2) tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt. B’hekk, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 44 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-interessi moratorji jkopru l-perijodu li jibda fil-ġurnata wara d-data stabbilita, mill-Kummissjoni, għall-ħlas tas-somma dovuta u jintemm filgħaxija fid-data meta jsir il-ħlas tat-totalità tal-ammont dovut. L-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi wkoll li, fin-nuqqas ta’ ħlas fid-data stabbilita mill-Kummissjoni, l-ammont dovut mill-parti kontraenti jkun suġġett għal interessi bir-rata msemmija fl-Artikolu 3(6) tal-imsemmija kundizzjonijiet, li jiffissa r-rata ta’ interessi għal dik applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda bi 3.5 %.

    51

    Issa, huwa paċifiku li Lito, fl-ebda mument tal-proċeduri, ma kkontestat il-validità ta’ dawn l-istipulazzjonijiet kuntrattwali.

    52

    Barra minn hekk, wara li osservat, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li r-rata ta’ interessi applikabbli kienet ta’ 1.5 %, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fid-dawl taż-żieda li għandha tiġi applikata, rata ta’ 5 %, fejn l-interessi moratorji jibdew jiddekorru mill-25 ta’ Ottubru 2011, il-ġurnata wara d-data ta’ ħlas indikata fin-nota ta’ debitu.

    53

    Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-Qorti Ġenerali applikat sewwa d-dispożizzjonijiet kuntrattwali, billi mmotivat biżżejjed skont il-liġi d-deċiżjoni tagħha.

    54

    Konsegwentement, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq ir-raba ’ motiv

    L-argumenti tal-partijiet

    55

    Permezz tar-raba’ aggravju, ibbażat fuq applikazzjoni ta’ kriterji ġuridiċi żbaljati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-provi, Lito takkuża lill-Qorti Ġenerali li qieset, fil-punti 52 sa 56 tas-sentenza appellata, li hija kienet stabbilixxiet provi tal-ħinijiet tax-xogħol u li l-provi tal-preżenza ppreżentati ma kinux jikkorrispondu għar-rekwiżiti stabbiliti mill-kuntratt, filwaqt li l-provi tal-preżenza mibgħuta ex post kienu fuq karta uffiċjali tal-impriża, fejn l-eżistenza tal-logo kienet tikkonferma n-natura oriġinali tagħhom. Billi għamlet tali evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali għamlet konstatazzjonijiet ineżatti, billi żnaturat il-kontenut tal-provi prodotti minn Lito, kif ukoll kwalifika legali żbaljata tal-imsemmija provi.

    56

    Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-punti 60 sa 64 tas-sentenza appellata, li l-produzzjoni tal-korrispondenza bejn il-persuni li ħadmu fuq il-proġett WIH ma kinitx ta’ natura li tipprova t-tul ta’ żmien li matulu dawn effettivament ħadmu fil-kuntest ta’ dan il-proġett, peress li l-forza probatorja ta’ din il-korrispondenza tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq din sabiex tnaqqas, a posteriori, l-ammont li hija talbet li jiġi rrimborsat.

    57

    Lito tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ukoll fil-punt 61 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet li hija ma għandhiex l-obbligu li tfittex fl-annessi kkomunikati minn Lito l-elementi li jistgħu jservu ta’ bażi għall-argumenti ta’ din, filwaqt li, fil-punt 63 ta’ din l-istess sentenza, hija bbażat l-argumenti fuq il-fatt li l-kontenut ta’ dawn l-annessi huwa relatat ma’ elementi ta’ natura amministrattiva jew purament ta’ organizzazzjoni.

    58

    Il-Kummissjoni ssostni li l-analiżi tal-ispejjeż eliġibbli mill-Qorti Ġenerali taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-elementi ta’ fatt li ma tistax tiġi eżaminata mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet korrettament, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li hija ma hijiex obbligata tfittex il-provi, li jistgħu jkunu ta’ bażi għall-argument ta’ Lito, f’anness voluminuż li, barra minn hekk, jikkonċerna biss elementi disponibbli tal-proġett WIH, li jistgħu jipprovaw l-eżekuzzjoni tajba ta’ dan.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    59

    Qabelxejn, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti intiżi kontra l-punti 52 sa 56 tas-sentenza appellata, peress li dawn jitħalltu, taħt il-kopertura ta’ allegat żnaturament tal-provi, ma’ dawk diġà mqajma fil-kuntest tat-tieni aggravju u li ġew miċħuda fil-punt 40 ta’ din is-sentenza bħala inammissibbli.

    60

    Fir-rigward tal-argument dwar l-evalwazzjoni tal-annessi kkomunikati minn Lito, għandu jiġi kkonstatat li din tal-aħħar tirriproduċi essenzjalment, l-argument li kienet diġà ppreżentat fl-ewwel istanza, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 61 sa 63 tas-sentenza appellata.

    61

    Issa, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet hemmhekk li ma għandhiex l-obbligu li tanalizza fid-dettall l-annessi voluminużi mibgħuta minn Lito, b’mod partikolari minħabba l-fatt li dawn id-dokumenti ma kinux, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li juru l-ħin ta’ xogħol effettivament iddedikat għall-proġett WIH. Hija żżid li l-forza probatorja ta’ din il-korrispondenza lanqas ma tista’ tirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni aċċettat li tikkunsidra bħala eliġibbli s-sigħat ta’ xogħol effettwati minn impjegati, peress li tali fatt ma jistax jinfluwenza l-ġustifikazzjoni tal-ħin ta’ xogħol tal-impjegati l-oħra skont is-sistema ta’ reġistrazzjoni tas-sigħat ta’ xogħol kif prevista mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali.

    62

    Minn dak li jippreċedi jirriżulta li, permezz tal-argumenti tagħha, Lito sempliċement tikkritika s-soluzzjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punti 62 u 63 tas-sentenza appellata, u tfittex, fil-verità, li tikseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li jaqa’ barra mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 50).

    63

    Konsegwentement, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

    64

    Fir-rigward tal-akkuża magħmula lill-Qorti Ġenerali dwar il-punt 63 tas-sentenza appellata, ma teżisti l-ebda kontradizzjoni fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, sa fejn ma hijiex din tal-aħħar li għamlet analiżi tal-kontenut tal-annessi kkomunikati, iżda din tirriżulta mill-indikazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni u li ma ġietx ikkontestata minn Lito.

    65

    Konsegwentement, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

    Fuq il-ħames aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    66

    Il-ħames motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali matul l-evalwazzjoni tan-natura legali tal-provi tal-preżenza.

    67

    Lito ssostni li, għalkemm ċertament kull impriża għandha l-obbligu li żżomm rapporti perijodiċi li jippermettu li jiġi deskritt għal kull impjegat u kull unità ta’ ħin ix-xogħol ipprovdut għall-proġett WIH, hija ma tistax madankollu twassal biex jitħassar ix-xogħol imwettaq, taħt piena li jkun obbligu sproporzjonat, anzi abbużiv. Peress li l-kunċett ta’ rapport perijodiku ma huwa iddefinit, la fil-leġiżlazzjoni Ewropea u lanqas fil-ġurisprudenza tal-Unjoni, għandu jiġi ddeterminat każ b’każ, il-grad ta’ preċiżjoni meħtieġ minn kull rapport skont il-bżonnijiet speċifiċi.

    68

    Il-Kummissjoni tfakkar li, fil-kuntratti dwar programmi li jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja, il-benefiċjarju huwa legalment obbligat jirreġistra u jiddikjara b’mod preċiż l-ispejjeż tiegħu u jiġġustifika l-ammissibbiltà tagħhom. F’dan il-kuntest, hija tippreċiża wkoll li l-kunsinna ta’ proġett hija totalment indipendenti mill-obbligu tal-benefiċjarju li jiġġustifika l-ammissibbiltà tal-ispejjeż tiegħu.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    69

    Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li Lito sempliċement terġa’ tirriproduċi l-argumenti li kienet diġà ppreżentat fl-ewwel istanza, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-qari tal-punt 43 tas-sentenza appellata.

    70

    Barra minn hekk, għalkemm Lito tikkritika r-raġunament tal-Qorti Ġenerali billi tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija madankollu ma tindika l-ebda punt tal-motivi tas-sentenza appellata li jista’ jkun suxxettibbli għal tali kritika.

    71

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li teżerċita l-missjoni li għandha fil-kuntest tal-appell u li tagħmel l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara d-digriet Greinwald vs Wessang, C‑608/12 P, EU:C:2014:394, punt 28).

    72

    Konsegwentement, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    Fuq is-sitt aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    73

    Permezz tas-sitt aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq u regoli ta’ proċedura li jiggarantixxi l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet bejn il-kontraenti, Lito takkuża lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet, b’mod totalment arbitrarju, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li l-provi tal-preżenza prodotti minn Lito fl-annessi ma jikkorrispondux għar-rekwiżiti ffissati fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali u, fil-punt 63 tal-istess sentenza, li dawn il-provi ma jippermettux li jintwera l-ħin ta’ xogħol effettivament iddedikat għall-proġett WIH.

    74

    Minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat unilateralment li l-provi tal-preżenza prodotti ma kinux adegwati sabiex jistabbilixxu s-sigħat ta’ xogħol maħduma fil-kuntest tal-imsemmi proġett u li l-Qorti Ġenerali segwiet dan ir-raġunament billi bbażat ruħha fuq id-dispożizzjonijiet kuntrattwali, Lito hija żvantaġġata meta mqabbla ma’ din l-istituzzjoni, li hija, f’din il-kawża, ġudikant u parti. Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet kuntrattwali huma ta’ natura inġusta u li huma kuntrarji għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    75

    Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali debitament evalwat, abbażi tal-istipulazzjonijiet kuntrattwali li jorbtu lill-partijiet, il-provi kollha ppreżentati, billi rrispettat id-drittijiet tad-difiża kif ukoll il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

    76

    Fir-rigward tal-allegata natura inġusta tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt u n-nuqqas ta’ konformità tagħhom mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni ssostni li dawn l-allegazzjonijiet huma fformulati għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell u, għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    77

    Fir-rigward tas-sitt aggravju, li huwa, mill-ġdid, intiż kontra l-punti 56 u 63 tas-sentenza appellata, li diġà kienu s-suġġett ta’ analiżi fil-kuntest tat-tieni u tar-raba’ aggravji, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-korrispondenza ppreżentata minn Lito bħala prova, iżda li hija ddeċidiet li ma kinitx biżżejjed minħabba li ma kinitx ta’ natura li turi, skont l-istipulazzjonijiet kuntrattwali, il-ħin ta’ xogħol effettivament iddedikat mill-impjegati ta’ Lito għall-proġett WIH.

    78

    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi akkużata li adottat deċiżjoni arbitrarja bi ksur tar-rekwiżiti tad-dritt għal smigħ xieraq.

    79

    F’dak li jikkonċerna l-kritika li d-dispożizzjonijiet kuntrattwali huma sproporzjonati, anki inġusti, għandu jiġi kkonstatat li Lito, fl-ebda mument tal-proċedura, ma kkontestat il-validità tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali applikabbli bejn il-partijiet.

    80

    Billi ssostni, fil-kuntest ta’ dan l-appell, li dawn id-dispożizzjonijiet kuntrattwali huma inġusti u kuntrarji għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, Lito tinvoka għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali aggravju li ma tqajjimx quddiem il-Qorti Ġenerali.

    81

    Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali kkonstatata abbażi tal-motivi invokati quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    82

    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li s-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

    Fuq is-seba ’ aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    83

    Permezz tas-seba’ aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tan-natura ġuridika tal-metodi ta’ evalwazzjoni tal-ispejjeż, Lito ssostni, wara li fakkret id-diversi mudelli li jippermettu li jiġu ddeterminati l-ispejjeż eliġibbli, li n-nota ta’ debitu għandha tiġi annullata minħabba l-fatt li l-metodu tal-ispejjeż totali minn fejn huma mnaqqsa l-ispejjeż ġenerali f’somma waħda ma huwiex meħud inkunsiderazzjoni.

    84

    Il-Kummissjoni tqis li l-iżviluppi ta’ Lito ma humiex ta’ natura li jikkontestaw ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    85

    Għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-punt 42 tas-sentenza appellata, li l-kontrotalba tal-Kummissjoni kienet fondata, fl-ewwel lok, fuq in-nuqqas ta’ osservanza minn Lito tal-obbligu tagħha li żżomm il-provi tal-preżenza skont l-Artikolu 14(1)(a) tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt, u, fit-tieni lok, fuq il-fatt li Lito bbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq il-metodu tal-ispejjeż totali għall-kalkolu tal-ispejjeż indiretti relatati mal-proġett WIH.

    86

    Peress li l-Qorti Ġenerali laqgħet, fil-punti 47 sa 64 tas-sentenza appellata, il-fondatezza tal-kontrotalba abbażi tal-ewwel aggravju, ma hemmx lok li ssir analiżi tal-argument ibbażat fuq il-metodu tal-ispejjeż totali.

    87

    Għalhekk, l-akkuża fformulata minn Lito fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura ġuridika tal-metodi ta’ evalwazzjoni tal-ispejjeż għandha tiġi miċħuda peress li ma tistax twassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

    88

    Konsegwentement, is-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

    Fuq it-tmien aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    89

    Permezz tat-tmien aggravju, Lito takkuża lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-atitudni tal-Kummissjoni ma kinitx abbużiva, meta talbet ir-rimbors tal-ammonti mħallsa, meta, fl-ittra tagħha tal-24 ta’ Mejju 2011, hija ammettiet li l-proġett WIH kien ibbenefika minn xogħol permanenti u effettiv. Skont Lito, il-fatt li ma setgħetx tipproduċi l-provi tal-preżenza mat-twettiq tal-verifika ma jistax jitqabbel ma’ assenza tat-twettiq tal-obbligu essenzjali li jirriżulta mill-kuntratt u li jikkonsisti fil-kunsinna tal-proġett WIH.

    90

    Il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet kuntrattwali, li Lito ntrabtet bihom volontarjament meta ġie konkluż il-kuntratt, ma huma la inġusti u lanqas kuntrarji għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    91

    Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tat-tmien aggravju tagħha, Lito tillimita ruħha sabiex tirriproduċi argumenti li diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr, mill-bqija, ma tindika l-elementi kritiċi tas-sentenza li huwa mitlub l-annullament tagħha, u lanqas l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. B’hekk Lito tfittex fil-verità sabiex tikseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li huwa barra mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Eurocoton et vs Il-Kunsill, C‑76/01 P, EU:C:2003:511, punti 46 u 47).

    92

    Għalhekk, hemm lok li t-tmiem aggravju jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    93

    Fi kwalunkwe każ, l-argument għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

    94

    Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ikun hemm użu ħażin ta’ poter meta istituzzjoni teżerċita l-kompetenzi tagħha bl-għan esklużiv jew, almenu, determinanti li jintlaħqu finijiet differenti minn dawk sostnuti jew sabiex tiġi evitata proċedura speċjalment prevista mit-Trattat sabiex jiġu rrimedjati ċ-ċirkustanzi f’dan il-każ (sentenzi Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C‑84/94, EU:C:1996:431, punt 69; Windpark Groothusen vs Il-Kummissjoni, C‑48/96 P, EU:C:1998:223, punt 52, u Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 75).

    95

    B’hekk, l-użu ħażin ta’ poter jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li permezz tagħhom il-qorti tal-Unjoni tevalwa l-legalità tal-att ikkontestat fil-kuntest ta’ rikors għal annullament abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Internationale Handelsgesellschaft, 11/70, EU:C:1970:114, punt 3).

    96

    Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, ir-rikorrent jista’ jakkuża lill-istituzzjoni kontraenti biss bi ksur tal-istipulazzjonijiet kuntrattwali jew ksur tad-dritt applikabbli għall-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Zoubek, 426/85, EU:C:1986:501, punt 11).

    97

    Minn dan jirriżulta li l-aggravju ta’ annullament ibbażat fuq allegat użu ħażin ta’ poter tal-Kummissjoni u intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar il-legalità tal-att ikkontestat fid-dawl tar-regoli tat-trattat, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    98

    Madankollu, fl-ipoteżi fejn it-tmien aggravju kellu jiġi mifhum bħala ibbażat fuq aġir abbużiv tal-Kummissjoni fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali li jorbtuha ma’ Lito, kien ikollu jiġi kkonstatat li Lito ma kkontestat, fl-ebda mument tal-proċedura, la l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali mill-Qorti Ġenerali fil-punti 48 sa 53 tas-sentenza appellata, u lanqas l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ammont li ntalab li jiġi rrimborsat, kif jirriżulta mill-punt 65 tas-sentenza appellata.

    99

    Barra minn hekk, l-affermazzjoni ta’ Lito li l-kunsinna tal-proġett WIH tirrappreżenta, fil-verità, l-obbligu essenzjali tal-kuntratt, lanqas ma hija ta’ natura li jiġi konkluż li kien hemm aġir abbużiv tal-Kummissjoni, peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li Lito kienet naqset mill-obbligu tagħha li żżomm il-provi tal-preżenza u li tirreġistra s-sigħat ta’ xogħol imwettqa mill-persunal skont l-Artikolu 14(1)(a) tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt.

    100

    Minn dan isegwi li t-tmien aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat.

    Fuq id-disa ’ aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    101

    Permezz tad-disa’ aggravju tagħha, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, Lito takkuża lill-Qorti Ġenerali li ma ddeċidietx li n-nota ta’ debitu hija nieqsa minn kwalunkwe bażi, peress li r-riferiment għall-ittri tal-24 ta’ Mejju 2011 u tas-17 ta’ Awwissu 2011 kienet insuffiċjenti f’dan ir-rigward.

    102

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argumenti ta’ Lito għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    103

    Permezz ta’ dan id-disa’ aggravju, Lito takkuża lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li naqset milli tiddeċiedi dwar it-tieni aggravju mqajjem fil-kuntest tar-rikors għal annullament fl-ewwel istanza u relatat man-nuqqas ta’ motivazzjoni tan-nota ta’ debitu.

    104

    Issa, minn naħa, huwa importanti li jiġi rrilevat li l-argument ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni abbażi tal-Artikolu 296 TFUE ma jistax jintlaqa’ fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 272 TFUE.

    105

    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-analiżi tal-fondatezza tal-kontrotalba, il-Qorti Ġenerali fil-punti 65 sa 69 ivverifikat il-kalkolu tas-somma mitluba mill-Kummissjoni abbażi tal-indikazzjonijiet ipprovduti minn din tal-aħħar u mhux ikkontestati minn Lito.

    106

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 70 sa 72 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet debitament speċifikat il-kundizzjonijiet ta’ rimbors u d-data ta’ ħlas tas-somom mitluba, sa fejn dawn jirriżultaw kemm mill-ittra tal-24 ta’ Mejju 2011 kif ukoll mill-indikazzjonijiet li jinsabu fin-nota ta’ debitu stess, taħt it-titolu “Kundizzjonijiet ta’ ħlas”.

    107

    Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma tista’ tiġi akkużata bl-ebda żball ta’ liġi fir-rigward tal-obbligu tal-motivazzjoni u d-disa’ aggravju għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq l-għaxar aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    108

    Permezz tal-għaxar u l-aħħar aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, Lito takkuża lill-Qorti Ġenerali li ma ddeċidietx li l-Kummissjoni ssanzjonat sempliċi differenzi formali fir-rigward tal-proċedura li kellha tiġi osservata, billi talbet, ħames snin wara l-għeluq tal-programm li ta lok għall-proġett WIH, ir-rimbors tal-ammonti mħallsa, minkejja l-fatt li x-xogħol ta’ riċerka kien sar b’bona fide u l-għajnuna finanzjarja kienet ġiet riċevuta skont l-obbligi kuntrattwali.

    109

    Il-Kummissjoni tfakkar li s-suġġett tal-kawża ma huwiex il-proġett WIH imwettaq minn Lito, iżda l-osservanza minn tal-aħħar tal-obbligi li għandha dwar id-determinazzjoni tal-ispejjeż eliġibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta li nisslet f’Lito xi speranza leġittima.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    110

    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li Lito baqgħet ma werietx b’liema mod il-Kummissjoni nisslet, fiha, speranza fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ metodi ta’ determinazzjoni tal-ispejjeż eliġibbli differenti minn dawk miftiehma fil-kuntratt.

    111

    L-argument ta’ Lito għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

    112

    Fir-rigward tat-terminu li fih il-Kummissjoni tista’ titlob ir-rimbors tal-ammonti mħallsa, għandu jiġi enfasizzat, kif jirriżulta mill-punt 79 tas-sentenza appellata, li jekk il-Kummissjoni tista’, skont l-Artikolu 17(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt, tagħmel verifika fir-rigward ta’ wieħed mill-parteċipanti f’terminu ta’ ħames snin mill-għeluq tal-programm inkwistjoni, hija tista, iktar u iktar, effettivament titlob ir-rimbors tas-somom imħallsa f’dan it-terminu.

    113

    Barra minn hekk, billi tibbaża ruħha fuq l-eżekuzzjoni b’bona fide tax-xogħlijiet ta’ riċerka fil-kuntest tal-proġett WIH, Lito tipprova, mill-ġdid, taħbi l-fatt li din it-tilwima tikkonċerna unikament l-allegat ksur tal-obbligu li żżomm provi tal-preżenza u li tirreġistra s-sigħat ta’ xogħol imwettqa mill-persunal, kif previst fl-Artikolu 14(1)(a) tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt.

    114

    L-argumenti ta’ Lito għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda bħala infondati.

    115

    Konsegwentement, l-għaxar u l-aħħar aggravju mqajjem minn Lito għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    116

    Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li l-ebda wieħed mill-aggravju ppreżentati minn Lito insostenn tal-appell tagħha ma jista’ jintlaqa’.

    117

    Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    118

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Lito tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro AE hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

    Fuq