Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0647

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-4 ta’ Frar 2015.
    Office national de l'emploi vs Marie-Rose Melchior.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour du travail de Bruxelles.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali — Kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà għall-benefiċċju tal-allowances tal-qgħad fi Stat Membru — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ xogħol li twettqu bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea stabbilita f’dan l-Istat Membru — Assimilazzjoni tal-ġranet ta’ qgħad kkumpensati skont il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej għal ġranet ta’ xogħol — Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.
    Kawża C-647/13.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:54

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    4 ta’ Frar 2015 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali — Kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà għall-benefiċċju tal-allowances tal-qgħad fi Stat Membru — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ xogħol li twettqu bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea stabbilita f’dan l-Istat Membru — Assimilazzjoni tal-ġranet ta’ qgħad kkumpensati skont il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej għal ġranet ta’ xogħol — Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali”

    Fil-Kawża C‑647/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour du travail de Brussell (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Novembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Diċembru 2013, fil-proċedura

    Office national de l’emploi

    vs

    Marie-Rose Melchior,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader, E. Jarašiūnas (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal M. Melchior, minn S. Capiau, avukat,

    għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u D. Martin, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u tal-Artikolu 34(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Office national de l’emploi (iktar ’il quddiem l-“ONEM”) u M. Melchior dwar ir-rifjut ta’ dan l-aħħar organu li jagħti lill-persuna kkonċernata l-benefiċċju ta’ allowances tal-qgħad.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 96 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej (KEE, Euratom, KEFA), stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 5), hekk kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130, iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprovdi:

    “1.   Dak li kien membru tal-persunal bil-kuntratt li jispiċċa bla xogħol meta s-servizz tiegħu ma’ istituzzjoni tal-Komunità jispiċċa, u:a)

    li

    ma jirċevix pensjoni ta’ l-irtirar jew benefiċċju ta’ l-invalidità mill-Komunità,

    (b)

    li s-servizz tiegħu ma spiċċax b’riżenja jew bil-kanċellament tal-kuntratt minħabba raġunijiet dixxiplinarji,

    (ċ)

    li ħadem minimu ta’ sitt xhur servizz,

    (d)

    li huwa residenti fi Stat Membru,

    għandu jkun eliġibbli għal benefiċċju tal-qgħad fix-xahar bil-kondizzjonijiet imniżżlin hawn taħt.

    Fejn huwa intitolat għal benefiċċji tal-qgħad taħt skema nazzjonali, huwa obbligat jiddikjara dan lill-istituzzjoni li kien magħha, li għandha tavża lill-Kummissjoni minufih b’dan. Fit-tali każijiet, l-ammont ta’ dawk il-benefiċċji għandu jitnaqqas mill-benefiċċju mħallas taħt il-paragrafu 3.

    2.   Biex ikun eliġibbli għall-benefiċċju tal-qgħad, dak li qabel kien membru tal-persunal bil-kuntratt għandu:

    a)

    jkun irreġistrat, fuq it-talba tiegħu stess, li qed ifittex xogħol ma’ l-awtoritajiet ta’ l-impieg ta’ l-Istati Membri fejn jistabbilixxi r-residenza tiegħu;

    b)

    jħares l-obbligi mniżżla mill-liġi ta’ dak l-Istat Membru għall-persuni li jirċievu l-benefiċċji tal-qgħad taħt dik il-liġi;

    ċ)

    jibgħat kull xahar lill-istituzzjoni li kien magħha, li mill-ewwel għandha tgħaddih lill-Kummissjoni, ċertifikat maħruġ mill-awtorità nazzjonali kompetenti ta’ l-impieg li jgħid jekk ħarisx l-obbligi u l-kondizzjonijiet riferuti f’(a) u (b) jew le.

    Il-benefiċċju jista’ jingħata jew ikun mantnut mill-Komunità, anki meta l-obbligi nazzjonali riferuti taħt (b) ma tħarsux, f’każijiet ta’ mard, aċċident, maternità, invalidità jew sitwazzjoni rikonoxxuta li hija simili, jew meta awtorità nazzjonali, kompetenti biex twettaq dawk l-obbligi, tat dispensa.

    [...]

    7.   Il-membri tal-persunal bil-kuntratt [kollha] għandhom jikkontribwixxu terz ta’ l-iffinanzjar ta’ l-iskema ta’ l-assigurazzjoni kontra l-qgħad [...].

    [...]

    9.   Id-dipartimenti nazzjonali bir-responabbiltà għall-impieg u l-qgħad, li jaġixxu skont il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw flimkien b’manjiera effettiva biex jiżguraw li dan l-Artikolu ikun applikat sewwa.

    [...]”

    Id-dritt Belġjan

    4

    Id-Digriet Irjali tal-25 ta’ Novembru 1991, li jirregola l-qgħad (Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 1991, p. 29888, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali”), fil-verżjoni tiegħu kif applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, jistabbilixxi, fl-Artikolu 30 tiegħu, li, sabiex ikun intitolat għall-benefiċċju tal-allowances tal-qgħad, ħaddiem full-time li jkollu iktar minn 50 sena għandu jwettaq perijodu ta’ prova li jinkludi 624 jum ta’ xogħol matul is-36 xahar ta’ qabel ma titressaq it-talba għall-allowances.

    5

    Skont l-Artikolu 37(1) ta’ dan id-Digriet Irjali:

    “[...] għandu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala xogħol imwettaq, ix-xogħol normali effettiv u s-servizzi supplimentari mingħajr mistrieħ kumpensatorju, imwettqa fi professjoni jew f’impriża li huma suġġetti għas-sigurtà soċjali, settur tal-qgħad, li għalihom simultanjament:

    tħallset remunerazzjoni għall-inqas ugwali għas-salarju minimu stabbilit b’dispożizzjoni legali jew leġiżlattiva jew ftehim kollettiv ta’ xogħol li jorbot l-impriża jew, fin-nuqqas, mill-użu;

    ġew miżmuma fuq ir-remunerazzjoni mħallsa, il-kontribuzzjonijiet regolatorji tas-sigurtà soċjali, inklużi dawk tas-settur tal-qgħad.

    [...]”

    6

    L-Artikolu 37(2) tad-Digriet Irjali jipprovdi li:

    “Ix-xogħol imwettaq barra mill-pajjiż jittieħed inkunsiderazzjoni jekk ikun sar fil-kuntest ta’ impjieg li jagħti lok, fil-Belġju, għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, inklużi dawk tas-settur tal-qgħad.

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 37(2) japplika biss madankollu jekk il-ħaddiem, wara x-xogħol li jkun wettaq barra mill-pajjiż, iwettaq perijodi ta’ xogħol bħala persuna impjegata skont il-leġiżlazzjoni Belġjana.”

    7

    Skont l-Artikolu 38(1)(1)(a) tad-Digriet Irjali, huma assimilati għal ġranet ta’ xogħol, għall-applikazzjoni tal-Artikoli 30 et seq tal-imsemmi digriet, il-ġranet li taw lok għall-ħlas ta’ allowance b’applikazzjoni tal-liġi dwar l-assigurazzjoni tal-qgħad.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    8

    Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, M. Melchior, li hija ta’ nazzjonalità Belġjana, kellha diversi xogħlijiet bħala impjegata fil-Belġju qabel ma bdiet taħdem mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fi Brussell, mill-1 ta’ Marzu 2005 sad-29 ta’ Frar 2008, bħala membru tal-persunal bil-kuntratt.

    9

    Permezz tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2008, l-ONEM irrifjuta li jtiha l-benefiċċju tal-allowances tal-qgħad, li hija kienet talbet fl-1 ta’ Marzu 2008, għar-raġuni li ma kinitx ippruvat li kienet wettqet 624 ġranet ta’ xogħol matul is-36 xahar ta’ qabel ma ressqet it-talba tagħha, peress li dan l-organu ma jiħux inkunsiderazzjoni l-perijodu li matulu l-persuna kkonċernata ħadmet mal-Kummissjoni.

    10

    Wara li ħadet il-benefiċċju tal-allowance tal-qgħad stabbilita mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg għal perijodu ta’ 12-il xahar mill-1 ta’ Marzu 2008 u kellha diversi impjiegi fil-Belġju bejn l-20 ta’ Awwissu 2008 u t-13 ta’ Lulju 2009, M. Melchior ressqet talba ġdida għall-allowances tal-qgħad li ġiet miċħuda b’deċiżjoni tal-ONEM fis-26 ta’ Awwissu 2009, għall-istess raġuni li ma ppruvatx li wettqet 624 jum ta’ xogħol matul is-36 xahar ta’ qabel ma tressqet l-imsemmija talba, jiġifieri matul il-perijodu bejn l-14 ta’ Lulju 2006 u t-13 ta’ Lulju 2009.

    11

    Sabiex jiddetermina n-numru ta’ ġranet ta’ xogħol imwettqa, l-ONEM qies biss il-perijodi korrispondenti għal dawn id-diversi impjiegi. Huwa rrifjuta, minn naħa, li jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ attività imwettaq fis-servizz tal-Kummissjoni bħala perijodu ta’ xogħol imwettaq barra mill-pajjiż, fis-sens tal-Artikolu 37(2) tad-Digriet Irjali, u, min-naħa l-oħra, li jassimila, abbażi tal-Artikolu 38(1)(1)(a) tal-istess digriet, il-perijodu ta’ qgħad ikkumpensat skont il-Kondizzjonijiet tal-impjieg bħala perijodu ta’ xogħol.

    12

    M. Melchior ikkontestat id-deċiżjoni tal-ONEM tas-26 ta’ Awwissu 2009 quddiem it-Tribunal du travail de Bruxelles, li, permezz tas-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, annulla l-imsemmija deċiżjoni, iddikjara l-persuna kkonċernata bħala ammissibbli għall-benefiċċju tal-allowances tal-qgħad mill-14 ta’ Lulju 2009 u kkundanna lill-ONEM għall-ħlas tal-allowances tal-qgħad dovuti minn din id-data.

    13

    L-ONEM ippreżenta appell minn din is-sentenza quddiem il-Cour du travail de Bruxelles, fejn talab li din tal-aħħar tiġi emendata u li tiġi mill-ġdid stabbilita d-deċiżjoni tas-26 ta’ Awwissu 2009.

    14

    Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Cour du travail de Bruxelles iddikjarat li l-tnaqqis imsemmi fl-Artikolu 37(1) tad-Digriet Irjali huwa dak previst mil-leġiżlazzjoni Belġjana u li, mingħajr preġudizzju għall-impatt possibbli tad-dritt tal-Unjoni, l-imsemmi Digriet Irjali ma jimponix li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tnaqqis imwettaq, jekk ikun il-każ fil-Belġju, taħt xi skema oħra ta’ qgħad barra dik stabbilita minnu. Hija tirrileva, konsegwentement, li, irrispettivament mid-dritt tal-Unjoni, il-qorti tal-ewwel istanza ma setgħetx tqis li t-tnaqqis possibbli magħmul skont il-Kondizzjonijiet tal-impjieg kien tnaqqis fis-sens tal-imsemmi Artikolu 37(1) tad-Digriet Irjali.

    15

    Il-Cour du travail de Bruxelles, meta eżaminat ir-rekwiżiti li jistgħu jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni dwar it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ attività mwettqa fis-servizz ta’ istituzzjoni Ewropea stabbilita fil-Belġju, filwaqt li rreferiet għas-sentenzi Ferlini (C‑411/98, EU:C:2000:530, punt 41) u My (C‑293/03, EU:C:2004:821, punt 35), kif ukoll għad-digriet Ricci u Pisaneschi (C‑286/09 u C‑287/09, EU:C:2010:420, punt 26), tikkonstata li M. Melchior ma tistax tkun deskritta bħala ħaddiem fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35) jew tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72). Bl-istess mod, hija tikkonstata li ħaddiem li, bħal M. Melchior, li ħadmet għal istituzzjoni Ewropea stabbilita fil-Belġju, u li, preċedentement, ma ħadem imkien ieħor ħlief f’dan l-Istat Membru ma jistax jinvoka d-dispożizzjonijiet tat-trattat FUE li jiggarantixxu l-moviment ħieles tal-ħaddiema, peress li dawn ma japplikawx għal sitwazzjonijiet purament interni.

    16

    Il-Cour du travail de Bruxelles madankollu tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’diversi okkażjonijiet, qieset li l-leġiżlazzjoni Belġjana dwar il-pensjonijiet ma tiżgurax, b’mod suffiċjenti, il-portabbiltà tad-drittijiet tal-ħaddiem li kien jaħdem kemm mas-servizz ta’ min iħaddem Belġjan u ma’ istituzzjoni Ewropea. Hija tiċċita f’dan ir-rigward is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (137/80, EU:C:1981:237, punt 19) u My (EU:C:2004:821). Filwaqt li l-ONEM isostni li r-raġunament li jinsab f’din l-aħħar sentenza huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ dispożizzjoni speċifika fil-qasam tal-pensjonijiet, b’tali mod li dan ir-raġunament ma jistax jiġi applikat għall-iskema tal-assigurazzjoni tal-qgħad, il-Cour de travail de Bruxelles għandha dubji dwar dan l-argument u tirrileva li s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza preżenti tidher li hija marbuta mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Hija tirrileva barra minn hekk li din is-soluzzjoni ġiet applikata mhux biss fil-qasam tal-pensjonijiet, iżda wkoll fil-qasam tal-allowances tal-ġenituri u tal-familja kif ukoll dwar vantaġġ fiskali. .

    17

    Il-Cour du travail de Bruxelles tqis li jista’ jiġi dedott minn din il-ġurisprudenza li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, kif previst fl-Artikolu 4(3)TUE, jipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikoli 37 u 38(1)(1)(a) tad-Digriet Irjali kif interpretati mill-ONEM. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li hemm kontradizzjoni mal-Artikolu 34(1) tal-Karta, li l-ewwel subparagrafu tiegħu huwa bbażat, b’mod partikolari, skont l-Ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), fuq l-Artikolu 12 tal-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit-18 ta’ Ottubru 1961 u rriveduta fi Strasbourg fit-3 ta’ Mejju 1996.

    18

    Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour du travail de Bruxelles iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u l-Artikolu 4(3) TUE, minn naħa, u l-Artikolu 34(1) tal-[Karta], min-naħa l-oħra, jipprekludu li, fir-rigward tal-eleġibbiltà għal allowances ta’ qgħad, Stat Membru jirrifjuta

    li jieħu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ xogħol li twettqu bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea stabbilita f’dan l-Istat Membru, b’mod partikolari meta, kemm qabel, kif ukoll wara l-perijodu ta’ xogħol bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, ix-xogħol ikun twettaq bħala ħaddiem impjegat skont il-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru;

    li jassimila l-granet ta’ qgħad ikkumpensati skont [il-Kondizzjonijiet tal-impjieg], ma’ ġranet ta’ xogħol filwaqt li l-ġranet ta’ qgħad ikkumpensati skont il-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru, jibbenefikaw minn tali assimilazzjoni?”

    Fuq id-domanda preliminari

    19

    Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li d-deċiżjoni tal-ONEM inkwistjoni fil-kawża prinċipali saret fis-26 ta’ Awwissu 2009, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

    20

    Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 KE u l-Artikolu 34(1) tal-Karta jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, interpretata fis-sens li, għall-eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-allowances tal-qgħad, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ xogħol imwettqa bħala membru tal-persunal bil-kuntratt f’istituzzjoni tal-Unjoni stabbilita f’dan l-Istat Membru u ma humiex assimilati bħala ġranet ta’ xogħol il-ġranet ta’ qgħad li wasslu għall-ħlas ta’ allowance tal-qgħad skont il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, filwaqt li l-ġranet ta’ qgħad ikkumpensati skont il-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru jibbenefikaw minn tali assimilazzjoni.

    21

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u li, fin‑nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni Ewropea, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet tal-ħruġ ta’ servizzi fil-qasam tas-sigurtà soċjali. Madankollu xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi Kristiansen, C‑92/02, EU:C:2003:652, punt 31, u Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 40).

    22

    Fir-rigward tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, għandu jitfakkar ukoll li dawn, bħar-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), kienu stabbiliti permezz ta’ Regolament tal-Kunsill, ir-Regolament Nru 259/68, li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 249 KE, għandhom portata ġenerali, jorbtu fl-intier tagħhom u huma applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha. Minn dan isegwi li, apparti mill-effetti li għandhom fl-ordni intern tal-amministrazzjoni tal-Unjoni, ir-Regolamenti tal-Persunal jobbligaw ukoll lill-Istati Membri sa fejn il-kooperazzjoni tagħhom hija meħtieġa għall-implementazzjoni tagħhom (sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, EU:C:1981:237, punti 7 u 8; Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 186/85, EU:C:1987:208, punt 21, u Kristiansen, EU:C:2003:652, punt 32).

    23

    Il-Gvern Belġjan jispjega li l-iskema ta’ assigurazzjoni tal-qgħad hija bbażata fil-Belġju fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà li jimplika l-ħlas minn qabel ta’ kontribuzzjonijiet. Skont dan il-gvern, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-allowances tal-qgħad stabbiliti minn din l-iskema ma jiksru ebda regola tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ebda dispożizzjoni partikolari tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Għaldaqstant, huwa jqis li s-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza My (EU:C:2004:821) ma tistax tiġi applikata għall-kawża preżenti.

    24

    Issa, ċertament, l-Artikolu 96(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jipprevedi l-ħlas, taħt ċerti kundizzjonijiet, ta’ allowance tal-qgħad lill-ex membru tal-persunal bil-kuntratt li jinsab mingħajr impjieg wara t-terminazzjoni tas-servizz tiegħu ma’ istituzzjoni tal-Unjoni, ma jeskludix, fih innifsu, restrizzjoni oħra fuq il-kompetenza tal-Istati Membri dwar id-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji previsti mill-iskema nazzjonali bħal dik li tirriżulta minn dan l-artikolu sabiex jirrispettaw in-natura komplementari tal-allowance tal-qgħad previst fl-imsemmi artikolu fil-konfront ma’ dak li possibbilment jista’ jitlob l-ex membru tal-persunal bil-kuntratt taħt l-imsemmija skema nazzjonali.

    25

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza My (EU:C:2004:821), li l-Artikolu 10 KE, meħud flimkien mar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni snin ta’ xogħol li ċittadin tal-Unjoni jkun wettaq fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni għall-finijiet tal-eliġibbiltà għal dritt għal pensjoni ta’ rtirar kmieni taħt l-iskema nazzjonali. Fid-digriet Ricci u Pisanechi (EU:C:2010:420), il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li dan japplika wkoll f’dak li jikkonċerna l-eliġibbiltà għal pensjoni ta’ rtirar ordinarju.

    26

    Sabiex iddeċidiet hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma bbażatx ruħha fuq dispożizzjoni speċifika tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda, meta rreferiet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (EU:C:1981:237), ikkonstatat, fil-punti 45 sa 48 tas-sentenza My (EU:C:2004:821) li, bħar-rifjut li jittieħdu l-miżuri meħtieġa għat-trasferiment tal-valur attwarjali ekwivalenti jew dak fiss ta’ drittijiet tal-pensjoni fl-iskema tal-pensjoni Komunitarja, previst fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tagħhom, tali leġiżlazzjoni tista’ tagħmel iktar diffiċli r-reklutaġġ, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ta’ uffiċjali nazzjonali li għandhom ċerta anzjanità. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fil-fatt, tali leġiżlazzjoni kienet tali li tiskoraġġixxi l-eżerċizzju ta’ attività professjonali fi ħdan tali istituzzjoni, sa fejn ħaddiem, li qabel kien membru ta’ skema ta’ pensjoni nazzjonali, meta jaċċetta impjieg ma’ waħda minnhom, jirriskja li jitlef il-possibbiltà li jibbenefika, taħt din l-iskema, minn benefiċċju tax-xjuħija li għalih kien ikollu jedd kieku ma aċċettax dan l-impjieg. Hija tqis li ma jistgħux jiġu aċċettati konsegwenzi bħal dawn fid-dawl tad-dmir ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza leali li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-Unjoni u li huwa espress fl-obbligu, previst fl-Artikolu 10 KE, li jiffaċilitawlu l-adempiment tal-missjoni tiegħu.

    27

    Issa, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tiħux inkunsiderazzjoni, għall-eliġibbiltà tal-benefiċċju tal-allowances tal-qgħad, il-perijodi ta’ xogħol imwettqa bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni stabbilit f’dan l-Istat Membru hija wkoll tali li tagħmel iktar diffiċli ir-reklutaġġ, minn dawn l-istituzzjonijiet, ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt. Fil-fatt, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 51 sa 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali leġiżlazzjoni tista’ tiskoraġġixxi lill-ħaddiema li jirrisjedu f’dan l-Istat Membru milli jeżerċitaw f’istituzzjoni tal-Unjoni impjieg li t-tul tiegħu, limitat b’leġiżlazzjoni, ifisser li huma ser ikollhom jidħlu jew jerġgħu jidħlu fis-suq nazzjonali tax-xogħol, ladarba, minħabba dan l-impjieg, huma jirriskjaw li ma jilħqux in-numru ta’ ġranet ta’ xogħol rikjesti minn din il-leġiżlazzjoni sabiex jirċievu allowances fil-każ ta’ qgħad.

    28

    Tali leġiżlazzjoni tirriskja li toħloq l-istess effett ta’ deterrent fir-rigward tan-nuqqas ta’ assimilazzjoni ta’ ġranet ta’ qgħad li jwasslu għall-ħlas ta’ allowance tal-qgħad skont il-Kondizzjonijiet tal-impjieg għal ġranet tax-xogħol għall-eliġibbiltà tad-dritt għall-allowances tal-qgħad f’dan l-Istat Membru, peress li l-ġranet ta’ qgħad ikkumpensati skont il-leġiżlazzjoni tiegħu jibbenefikaw minn tali assimilazzjoni.

    29

    Konsegwentement, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata d-domanda magħmula fid-dawl tal-Artikolu 34(1) tal-Karta, għandha tingħata risposta għal din id-domanda li l-Artikolu 10 KE, flimkien mal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, interpretata fis-sens li, għall-eliġibbiltà għall-benefiċċji tal-allowances tal-qgħad, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ xogħol imwettqa bħala membru tal-persunal bil-kuntratt f’istituzzjoni tal-Unjoni stabbilita f’dan l-Istat Membru u ma humiex assimilati bħala jiem tax-xogħol il-jiem ta’ qgħad li wasslu għall-ħlas ta’ allowance tal-qgħad skont il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, filwaqt li l-jiem ta’ qgħad ikkumpensati skont il-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru jibbenefikaw minn tali assimilazzjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    30

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 10 KE, flimkien mal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej, stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni, hekk kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, interpretata fis-sens li, għall-eliġibbiltà għall-benefiċċji tal-allowances tal-qgħad, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ xogħol imwettqa bħala membru tal-persunal bil-kuntratt f’istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea stabbilita f’dan l-Istat Membru u ma humiex assimilati bħala jiem tax-xogħol il-jiem ta’ qgħad li wasslu għall-ħlas ta’ allowance tal-qgħad skont il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej, filwaqt li l-ġranet ta’ qgħad ikkumpensati skont il-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru jibbenefikaw minn tali assimilazzjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq