Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0309

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-2 ta’ Settembru 2015.
Confederazione Generale Italiana del Lavoro (CGIL) u Istituto Nazionale Confederale Assistenza (INCA) vs Presidenza del Consiglio dei Ministri et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul — Direttiva 2003/109/KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Ħruġ u tiġdid tal-permess ta’ residenza — Kundizzjoni — Kontribuzzjoni finanzjarja obbligatorja — Ammont tmien darbiet ogħla minn dak għall-kisba tal-karta ta’ identità nazzjonali — Ksur tal-prinċipji tad-Direttiva 2003/19/KE.
Kawża C-309/14.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:523

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

2 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul — Direttiva 2003/109/KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Ħruġ u tiġdid tal-permess ta’ residenza — Kundizzjoni — Kontribuzzjoni finanzjarja obbligatorja — Ammont tmien darbiet ogħla minn dak għall-kisba tal-karta ta’ identità nazzjonali — Ksur tal-prinċipji tad-Direttiva 2003/19/KE”

Fil-Kawża C‑309/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Ġunju 2014, fil-proċedura

Confederazione Generale Italiana del Lavoro (CGIL),

Istituto Nazionale Confederale Assistenza (INCA)

vs

Presidenza del Consiglio dei Ministri,

Ministero dell’Interno,

Ministero dell’Economia e delle Finanze,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, J. L. da Cruz Vilaça u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ April 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Confederazione Generale Italiana del Lavoro (CGIL), minn V. Angiolini, L. Formilan u L. Santini, avvocati,

għall-Istituto Nazionale Confederale Assistenza (INCA), minn V. Angiolini, L. Formilan u L. Santini, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Franċiż, minn F.‑X. Bréchot u D. Colas, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou‑Durande u A. Aresu, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal‑25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), kif emendata bid-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2011 (ĠU L 132, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/109”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Confederazione Generale Italiana del Lavoro (iktar ’il quddiem iċ-“CGIL”) flimkien mal-Istituto Nazionale Confederale Assistenza (iktar ’il quddiem l-“INCA”), u l-Presidenza del Consiglio dei Ministri (Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri), flimkien mal-Ministero dell’Interno (Ministeru tal-Intern) u mal-Ministero dell’Economia e delle Finanze (Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi), għall-finijiet tal-annullament ta’ digriet adottat minn dawn iż-żewġ ministeri, fis‑6 ta’ Ottubru 2011, dwar il-kontribuzzjoni li għandha titħallas għall-ħruġ u t-tiġdid tal-permess ta’ residenza (GURI Nru 304, tal‑31 ta’ Diċembru 2011, iktar ’il quddiem id-“digriet 2011”), kif ukoll kull att preparatorju, konsekuttiv jew konness.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessi 9, 10 u 18 tad-Direttiva 2003/109:

“(9)

Il-konsiderazzjonijiet ekonomiċi ma għandhomx ikunu bażi għar-rifjut ta’ l-għoti ta’ status ta’ residenti għal perjodu fit-tul u ma għandhomx ikunu kunsidrati bħala li jfixxklu l-kondizzjonijiet relevanti.

(10)

Għandu jiġi preskritt sett ta’ regoli li jirregolaw il-proċeduri għall-eżami ta’ l-applikazzjoni għall-istatus ta’ residenti ta’ perjodu twil ta’ żmien. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu effettivi u maniġġabbli, u jagħtu kont ta’ l-ammont normali tax-xogħol ta’ l-amministrazzjonijiet ta’ l-Istati Membri, kif ukoll ikunu trasparenti u ġusti, sabiex joffru ċ-ċertezza legali adattata lil dawk konċernati. Dawn ma għandhomx jikkostitwixxu mezz biex ifixklu l-eżerċizzju tad-dritt tar-residenza.

[…]

(18)

L-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet li skond dawn id-dritt tar-residenza fi Stat Membru ieħor jista’ jiġi akkwistat minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ikunu residenti għat-tul għandu jikkontribwixxi għal ksib effettiv tas-suq intern bħala żona li fiha il-moviment ħieles ta’ persuni jiġi assigurat. Dan jista’ ukoll jikkostitwixxi fattur prinċipali ta’ mobilità, notevolment fis-suq ta’ l-impiegi ta’ l-Unjoni.”

4

Taħt it-titolu “Permess [UE] ta’ residenza għal residenti għat-tul”, l-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom joħorġu Permess [UE] ta’ residenza għal residenza għat-tul lir-residenti għat-tul. Il-permess għandu ikun validu għal ta’ l-anqas ħames snin; dan għandu ma’ l-applikazzjoni jekk meħtieġa, jiġġedded awtomatikament malli jiskadi.”

5

L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Eżami ta’ l-applikazzjonijiet u l-ħruġ tal-permess ta’ residenza”, jipprovdi:

“[…]

2.   Jekk il-kondizzjonijiet li hemm provvidiment dwarhom fl-Artikoli 14, 15 u 16 jiġu sodisfatti, allura, bla ħsara għad-disposizzjonijiet li jirrelataw mal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika, it-tieni Stat Membru għandu joħroġ lir-resident għat-tul permess ta’ residenza li jiġġedded. Il-permess ta’ residenza għandu, b’applikazzjoni, jekk meħtieġ, jiġġedded malli jiskadi. It-tieni Stat Membru għandu jinforma lill-ewwel Stat Membru bid-deċiżjoni tiegħu.

3.   It-tieni Stat Membru għandu joħroġ lill-membri tal-familja ta’ residenti għat-tul permessi ta’ residenza li ikunu validi għall-istess perjodu bħal dak tal-permess maħruġ lir-residenti għat-tul.”

Id-dritt Taljan

6

L-Artikolu 5(2b) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998, tal‑25 ta’ Lulju 1998, dwar test uniku tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni u r-regoli dwar il-kundizzjoni tal-barrani (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 191, tat‑18 ta’ Awwissu 1998), inkluż f’dan id-digriet leġiżlattiv permezz tal-Artikolu 1(22)(b) tal-Liġi Nru 94, tal‑15 ta’ Lulju 2009, dwar dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ sigurtà pubblika (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 170, tal‑24 ta’ Lulju 2009), jipprovdi:

“It-talba ta’ ħruġ u ta’ tiġdid ta’ permess ta’ residenza għandu jkun suġġett għall-ħlas ta’ kontribuzzjoni, li l-ammont tagħha għandu jkun stabbilit bejn minimu ta’ EUR 80 u massimu ta’ EUR 200 b’digriet tal-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi, b’konsultazzjoni mal-Ministru tal-Intern, li jistabbilixx barra minn hekk il-modalitajiet ta’ ħlas kif ukoll il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 14a(2) [tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998]. Il-ħlas tal-kontribuzzjoni ma huwiex meħtieġ għall-ħruġ u t-tiġdid tal-permess ta’ residenza minħabba l-ażil, l-applikazzjonijiet għall-ażil, għall-protezzjoni sussidjarja, għall-permess ta’ residenza minħabba raġunijiet umanitarji.”

7

L-Artikolu 14a tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 jistabbilixxi u jirregola l-Fond għar-ripatrijazzjonijiet (“Fondi rimpatri”) kif ġej:

“1.   Għandu jiġi stabbilit Fond għar-ripatrijazzjonijiet fi ħdan il-Ministero dell’Interno, sabiex jiġu ffinanzjati l-ispejjeż marbuta mar-ritorn tal-barranin lejn il-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ provenjenza tagħhom.

2.   Nofs il-kwota miksuba mill-ġbir tal-kontribuzzjoni msemmja fl-Artikolu 5(2b), kif ukoll il-kontribuzzjonijiet eventwalment previsti mill-Unjoni Ewropea għall-għanijiet segwii mill-Fond għandu jiġi ttrasferit lill-Fond. Il-kwota residwa tal-kontribuzzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2b) għandha tiġi ttrasferita lejn l-estimi tal-baġit tal-Ministeru tal-Intern, biex jiġu koperti l-ispejjeż marbuta mal-investigazzjoni tal-applikazzjonijiet ta’ ħruġ u ta’ tiġdid tal-permessi ta’ residenza.”

8

Id-Digriet 2011, adottat skont l-Artikoli 5(2b) u 14a tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998, jiffissa l-ammont tal-kontribuzzjonijiet li għandhom jitħallsu għall-ħruġ u t-tiġdid ta’ titolu ta’ residenza skont kif ġej:

“a)

EUR 80 għall-permessi ta’ residenza ta’ tul ta’ żmien ogħla minn tliet xhur u inqas minn jew ugwali għal sena;

b)

EUR 100 għall-permessi ta’ residenza ta’ tul ta’ żmien ogħla minn sena u inqas minn jew ugwali għal sentejn;

c)

EUR 200 għall-ħruġ tal-permess ta’ residenza KE għar-residenti għat-tul u għall-applikanti għal permess ta’ residenza fis-sens tal-Artikolu 27(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru [286/1998].”

9

Minkejja li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda riferiment għal dispożizzjonijiet nazzjonali oħra li jistabbilixxu somom oħra li għandhom jitħallsu għall-ħruġ u t-tiġdid tal-permessi ta’ residenza, mill-osservazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll miċ-CGIL u l-INCA jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni Taljana preeżistenti, li għadha fis-seħħ, għall-ħruġ u t-tiġdid tal-permessi ta’ residenza għandu jitħallas ammont totali ta’ EUR 73.50, indipendentement mit-tul ta’ żmien tal-permess ta’ residenza, minbarra l-kontribuzzjonijiet previsti mid-Digriet 2011.

10

B’mod partikolari, mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriżulta li, skont l-Artikolu 7sb(1)(b) tad-Digriet Liġi Nru 7, tal‑31 ta’ Jannar 2005, li jipprovdi dispożizzjonijiet urġenti għall-università u għar-riċerka, għall-patrimonju u għall-attivitajiet kulturali, għat-twettiq tax-xogħlijiet strateġiċi kbar, għall-mobbiltà tal-uffiċjali pubbliċi u għas-simplifikazzjoni tal-formalitajiet relatati mal-kontribuzzjonijiet tal-bolla u mat-taxxi ta’ konċessjoni, li ġie kkonvertit f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 43, tal‑31 ta’ Marzu 2005, il-permessi ta’ residenza f’forma kartaċea għandhom jiġu ssostitwiti, meta ssir l-applikazzjoni għall-ewwel ħruġ jew tiġdid tagħhom, b’permessi ta’ residenza elettroniċi konformement mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002, tat‑13 ta’ Ġunju 2002, li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiz terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 3), u dan mill‑1 ta’ Jannar 2006.

11

Konformement mal-Artikolu 1 tad-digriet tal-Ministru tal-Ekonomija u tal-Finanzi tal‑4 ta’ April 2006 li jiffissa l-ammont tal-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-applikanti għall-permess ta’ residenza elettroniku, l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż huwa ffissat għal EUR 27.50, inkluża t-taxxa fuq il-valur miżjud.

12

Skont l-artikolu uniku tad-digriet tal-Ministru tal-Intern tat‑12 ta’ Ottubru 2005, li jiffissa l-ammont tal-oneru fuq il-persuna kkonċernata għall-ħruġ u għat-tiġdid tal-permessi u tat-titoli ta’ residenza fil-kuntest tal-ftehim konkluż fis-sens tal-Artikolu 39(4a) tal-Liġi Nru 3, tas‑16 ta’ Diċembru 2003, l-ispiża għas-servizz li għandu jħallas l-applikant għal din it-tip ta’ proċedura hija ffissata għal EUR 30.

13

Fl-aħħar nett, konformement mal-parti 1 tal-Artikolu 4 tat-tariffa li tinsab fl-Anness A tad-Digriet Nru 642 tal-President tar-Repubblika, tas‑26 ta’ Ottubru 1972, li jipprovdi regolamentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-bolla, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-bolla għall-ħruġ jew it-tiġdid tal-permessi ta’ residenza huwa stabbilit b’mod fiss għal EUR 16.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14

Iċ-CGIL u l-INCA, talbu lit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (tribunal amministrattiv reġjonali għar-reġjun ta’ Lazio) l-annullament tad-Digriet 2011, fejn sostnew li l-kontribuzzjoni li għandha titħallas, skont dan id-digriet, għall-ħruġ u t-tiġdid ta’ permess ta’ residenza lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma hijiex ekwa u/jew hija sproporzjonata.

15

Il-qorti tar-rinviju qieset li kien meħtieġ li tiġi eżaminata ex officio l-konformità, mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’dan ir-rigward, tar-regoli nazzjonali li jimponu, billi jiffissaw b’mod partikolari limiti fil-leġiżlazzjoni ta’ implementazzjoni, il-ħlas ta’ kontribuzzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza.

16

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju, billi straħet fuq is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑508/10, EU:C:2012:243), tosserva li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat jista’ josserva l-prinċipji msemmija mid-Direttiva 2003/109 biss jekk l-ammont tal-kontribuzzjonijiet mitluba, li jistgħu madankollu jvarjaw ġewwa sensiela ta’ valuri, ma jilħqux, mill-iktar valur żgħir, somma li tkun sproporzjonatament għolja u għaldaqstant sproporzjonata meta mqabbla mal-ammont dovut miċ-ċittadini tal-istess Stat sabiex jiksbu titolu analogu bħal karta nazzjonali ta’ identità.

17

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑508/10, EU:C:2012:243), tqiesu li huma inkompatibbli mal-prinċipji ddikjarati mid-Direttiva 2003/109 id-dispożizzjonijiet tal-ordinament ġuridiku tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li kien jipprovdi, u dan sa mill-iżgħar valur tal-kontribuzzjoni mitluba għall-ħruġ ta’ titolu ta’ residenza, ammont ugwali għal madwar seba’ darbiet dak meħtieġ għall-ħruġ ta’ karta nazzjonali ta’ identità għal ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat.

18

Fid-dawl tal-fatt li l-ispiża għall-ħruġ tal-karta ta’ identità nazzjonali fl-Italja hija attwalment ta’ madwar EUR 10, skont il-qorti tar-rinviju, u li l-inqas ammont iffissat mid-Digriet 2011 huwa ta’ EUR 80, b’tali mod li l-oneru finanzjarju impost fuq iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex jikseb il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza fit-territorju nazzjonali huwa madwar tmien darbiet ogħla, din il-qorti tesprimi dubji fir-rigward tal-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-prinċipji tad-Direttiva 2003/109, fid-dawl tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑508/10, EU:C:2012:243).

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-prinċipji stabbiliti mid-Direttiva 2003/109 […] kif emendata u kkompletata suċċessivament, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik stabbilita bl-Artikolu 5(2b) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286, tal‑25 ta’ Lulju 1998, li tipprovdi li ‘t-talba ta’ ħruġ u ta’ tiġdid ta’ permess ta’ residenza għandu jkun suġġett għall-ħlas ta’ kontribuzzjoni, li l-ammont tagħha għandu jkun stabbilit bejn minimu ta’ EUR 80 u massimu ta’ EUR 200 b’digriet tal-Ministru tal-Ekonomija u tal-Finanzi, b’konsultazzjoni mal-Ministru tal-Intern, li jistabbilixx barra minn hekk il-modalitajiet ta’ ħlas […]’, fejn b’tali mod jiġi stabbilit ammont minimu tal-kontribuzzjoni ta’ madwar tmien darbiet tal-ispiża għall-ħruġ ta’ karta tal-identità nazzjonali?”

Fuq id-domanda preliminari

20

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2003/109 tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li japplikaw għall-ħruġ jew it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat, il-ħlas ta’ kontribuzzjoni li l-ammont tagħha jvarja bejn EUR 80 u EUR 200.

21

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-premessi 4, 6 u 12 tad-Direttiva 2003/109, l-għan prinċipali ta’ din tal-aħħar huwa l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti fit-tul fl-Istati Membri (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑508/10, EU:C:2012:243, punt 66).

22

Għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw il-ħruġ ta’ permessi u ta’ titoli ta’ residenza skont id-Direttiva 2003/109 għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet u li, fl-iffissar tal-ammont ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, huma jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑508/10, EU:C:2012:243, punt 64).

23

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istat Membri f’dan ir-rigward ma hijiex mingħajr limiti, u li dawn tal-aħħar ma jistgħux japplikaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ tippreġudika t-twettiq tal-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2003/109 u, għalhekk, li ċċaħdilha l-effettività tagħha (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑508/10, EU:C:2012:243, punt 65).

24

Barra minn hekk, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-miżuri għall-implementazzjoni tad-Direttiva 2003/109 għandhom ikunu idonei għat-twettiq tal-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex dawn jinkisbu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑508/10, EU:C:2012:243, punt 75).

25

Għalhekk, għalkemm l-Istati Membru jistgħu jissuġġettaw il-ħruġ tal-permessi ta’ residenza taħt id-Direttiva 2003/109 għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-livell li fuqu dawn huma ffissati ma għandux ikollu la bħala għan u lanqas bħala effett li joħloq ostakolu għall-kisba ta’ status ta’ resident għat-tul mogħti minn din id-direttiva kif ukoll ta’ drittijiet oħra li jirriżultaw minn dan l-istatus, inkella jiġu ppreġudikati kemm l-għan segwit minn din id-direttiva kif ukoll l-ispirtu tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑508/10, EU:C:2012:243, punt 69).

26

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ammont tal-kontribuzzjoni inkwistjoni huwa ta’ EUR 80 għall-ħruġ u t-tiġdid tal-permessi ta’ residenza ta’ tul ta’ żmien ogħla minn tliet xhur u inqas minn jew ugwali għal sena, ta’ EUR 100 għall-permessi ta’ residenza ta’ tul ta’ żmien ogħla minn sena u inqas minn jew ugwali għal sentejn, u ta’ EUR 200 għall-ħruġ tal-permess ta’ residenza UE għar-residenti għat-tul.

27

Issa, l-effett finanzjarju ta’ kontribuzzjoni bħal din jista’ jkun kunsiderevoli għal ċerti ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2003/109 għall-għoti tal-permessi ta’ residenza msemmija minnha, u dan huwa wisq iżjed minnu meta, fid-dawl tat-tul ta’ żmien ta’ permessi bħal dawn, dawn iċ-ċittadini jkunu kostretti jitolbu t-tiġdid tat-titoli tagħhom pjuttost ta’ spiss u li, mal-ammont ta’ din l-istess kontribuzzjoni jista’ jiżdied dak ta’ kontribuzzjonijiet oħra previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali preeżistenti, b’tali mod li, f’ċirkustanzi bħal dawn, l-obbligu ta’ ħlas tal-kontribuzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jikkostitwixxi ostakolu għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jinvokaw id-drittijiet tagħhom mogħtija minn din id-direttiva.

28

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, sew fl-osservazzjonijiet tagħhom kif ukoll waqt is-seduta, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni rrilevaw li, skont il-leġiżlazzjoni Taljana preeżistenti, li għadha fis-seħħ, kontribuzzjoni oħra li l-ammont tagħha jammonta għal EUR 73.50 għandha titħallas, fi kwalunkwe każ, kemm għall-ħruġ kif ukoll għat-tiġdid tal-permessi ta’ residenza, u dan indipendentement mit-tul ta’ żmien tal-permess ta’ residenza inkwistjoni, fejn dan l-ammont jiżdied ma’ dak tal-kontribuzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

29

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 14a tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998, nofs id-dħul iġġenerat mill-ġbir tal-kontribuzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa intiż sabiex jiffinanzja l-ispejjeż marbuta mar-ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ provenjenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li nstabu li kienu f’sitwazzjoni illegali fit-territorju nazzjonali, fejn il-gvern Taljan ikkonferma dan il-punt waqt is-seduta.

30

Għalhekk, l-argument tal-gvern Taljan li l-kontribuzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tkun sproporzjonata, peress li d-dħul iġġenerat minn din il-kontribuzzjoni huwa marbut mal-attività ta’ investigazzjoni neċessarja bil-għan li tiġi vverifikata l-osservanza tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tal-permessi ta’ residenza taħt id-Direttiva 2003/109, ma jistax jintlaqa’.

31

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2003/109 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, li japplikaw għall-ħruġ jew għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat, il-ħlas ta’ kontribuzzjoni li l-ammont tagħha jvarja bejn EUR 80 u EUR 200, sa fejn din il-kontribuzzjoni hija sproporzjonata fir-rigward tal-għan segwit minn din id-direttiva u tista’ toħloq ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija minnha.

Fuq l-ispejjeż

32

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal‑25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, kif emendata bid-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2011, tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, li japplikaw għall-ħruġ jew għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat, il-ħlas ta’ kontribuzzjoni li l-ammont tagħha jvarja bejn EUR 80 u EUR 200, sa fejn din il-kontribuzzjoni hija sproporzjonata fir-rigward tal-għan segwit minn din id-direttiva u tista’ toħloq ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija minnha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Fuq