Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0095

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Lulju 2015.
    Unione Nazionale Industria Conciaria (UNIC) u Unione Nazionale dei Consumatori di Prodotti in Pelle, Materie Concianti, Accessori e Componenti (Uni.co.pel) vs FS Retail et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Tribunale di Milano.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-merkanzija – Artikoli 34 TFUE sa 36 TFUE – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Direttiva 94/11/KE – Artikoli 3 u 5 – Armonizzazzjoni eżawrjenti – Projbizzjoni milli tiġi ostakolata l-kummerċjalizzazzjoni tax-xeddijiet tas-saqajn li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ ttikkettjar tad-Direttiva 94/11 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l-pajjiż ta’ oriġini jiġi indikat fuq it-tikketta ta’ prodotti mmanifatturati barra mill-pajjiż li jużaw l-espressjoni bit-Taljan ‘pelle’ – Oġġetti rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera.
    Kawża C-95/14.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:492

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    16 ta’ Lulju 2015 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-merkanzija — Artikoli 34 TFUE sa 36 TFUE — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Direttiva 94/11/KE — Artikoli 3 u 5 — Armonizzazzjoni eżawrjenti — Projbizzjoni milli tiġi ostakolata l-kummerċjalizzazzjoni tax-xeddijiet tas-saqajn li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ ttikkettjar tad-Direttiva 94/11 — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l-pajjiż ta’ oriġini jiġi indikat fuq it-tikketta ta’ prodotti mmanifatturati barra mill-pajjiż li jużaw l-espressjoni bit-Taljan ‘pelle’ — Oġġetti rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera”

    Fil-Kawża C‑95/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Milano (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Frar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Frar 2014, fil-proċedura

    Unione Nazionale Industria Conciaria (UNIC),

    Unione Nazionale dei Consumatori di Prodotti in Pelle, Materie Concianti, Accessori e Componenti (Uni.co.pel)

    vs

    FS Retail,

    Luna Srl,

    Gatsby Srl,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur), E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2015,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Unione Nazionale Industria Conciaria (UNIC), minn G. Floridia, A. Tornato, M. Mussi, A. Fratini u G. P. Geminiani, avukati,

    għall-Unione Nazionale dei Consumatori di Prodotti in Pelle, Materie Concianti, Accessori e Componenti (Uni.co.pel), minn G. Floridia, A. Tornato, M. Mussi, G. Geminiani u A. Fratini, avukati,

    għal FS Retail, minn M. Sapio, avukat,

    għal Luna Srl, minn A. Cattel u M. Concetti, avukati,

    għal Gatsby Srl, minn A. Terenzi, avukat,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

    għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman, B. Koopman u H. Stergiou, bħala aġenti,

    għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson, N. Otte Widgren, K. Sparrman, L. Swedenborg, E. Karlsson u F. Sjövall, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u G. Zavvos, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ April 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 TFUE sa 36 TFUE, l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 94/11/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tat-23 ta’ Marzu 1994, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tikkettjar tal-materjali li jintużaw fil-komponenti ewlenin tax-xeddijiet tas-saqajn għall-bejgħ lill-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 13, p. 173), u tal-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Ottubru 2013, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, l-Unione Nazionale Industria Conciaria (UNIC), sindakat nazzjonali tal-ħaddiema membru tal-Konfederazzjoni tal-industrija Taljana u li jirrappreżenta l-iktar operaturi kkwalifikati fis-settur tal-kunzatura, u l-Unione Nazionale dei Consumatori di Prodotti in Pelle, Materie Concianti, Accessori e Componenti (Uni.co.pel), assoċjazzjoni tal-konsumaturi mingħajr skop ta’ lukru li tfittex li tilħaq għan ta’ solidarjetà soċjali, u, min-naħa l-oħra, FS Retail, Luna Srl et Gatsby Srl, kumpanniji rregolati mid-dritt Taljan, dwar il-kummerċjalizzazzjoni fl-Italja, mingħajr indikazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini tal-prodott, tax-xeddijiet tas-saqajn li fuq il-pett ta’ ġewwa jsemmu l-kliem ġeneriku bit-Taljan “pelle” (ġilda fina) jew “vera pelle” (ġilda fina ġenwina).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8, iktar ’il quddiem id-Direttiva 98/34”), l-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni Ewropea kull abbozz ta’ regolament tekniku li jkunu jixtiequ jadottaw. Huma għandhom ukoll jipprovdu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom ikun meħtieġ li jiġi stabbilit tali regolament tekniku, sakemm dawn ir-raġunijiet ma jkunux diġà jirriżultaw mill-abbozz. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika mill-ewwel lill-Istati Membri l-oħra bl-abbozz ta’ regolament tekniku u bid-dokumenti kollha li jkunu ntbagħtulha. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test definittiv ta’ regolament tekniku lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

    4

    Skont l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, l-adozzjoni ta’ abbozz ta’ regolament tekniku nnotifikat skont l-Artikolu 8 għandha tiġi posposta għal tliet xhur mid-data li fiha l-Kummissjoni tirċievi l-komunikazzjoni tal-abbozz ta’ regolament tekniku. Dan l-artikolu jipprovdi, b’mod partikolari, li dan il-perijodu għandu jiġi estiż għal sitt xhur jekk il-Kummissjoni jew Stat Membru ieħor jagħtu opinjoni dettaljata fis-sens li l-miżura prevista tista’ toħloq ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija ġewwa s-suq intern. Il-perijodu ta’ sospensjoni għandu jiġi estiż għal tnax-il xahar jekk, fi żmien tliet xhur mid-data li fiha tiġi rċevuta l-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tħabbar l-intenzjoni tagħha li tipproponi jew li tadotta leġiżlazzjoni fuq is-suġġett kopert mill-abbozz ta’ regolament tekniku.

    5

    L-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kien jipprovdi:

    “Merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż wieħed għandha titqies li toriġina mill-pajjiż fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar sostanzjali, ekonomikament ġustifikat jew ħidma f’impriża mgħammra għal dak l-iskop u li tirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li tirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura.”

    6

    Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Ottubru 2013, ħassar ir-Regolament Nru 2913/92. Madankollu, l-Artikolu 60 ta’ dan il-kodiċi, li għandu kontenut essenzjalment identiku għal dak tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2913/92, japplika biss, skont l-Artikolu 288(2) tal-imsemmi kodiċi, mill-1 ta’ Mejju 2016.

    7

    L-ewwel sat-tielet, il-ħames u s-seba’ premessi tad-Direttiva 94/11 jipprovdu:

    “[b]illi f’ċerti Stati Membri jeżistu Regolamenti dwar it-tikkettjar tax-xeddijiet tas-saqajn li huma mmirati biex jipproteġu u jgħarrfu lill-pubbliku kif ukoll biex jiżguraw l-interessi legittimi ta’ l-industrija;

    [b]illi n-nuqqas ta’ qbil bejn dawn ir-Regolamenti jheddu illi joħolqu ostakoli għall-kummerċ ġewwa l-Komunità, u b’hekk jippreġudika l-ħidma tas-suq intern;

    [b]illi, sabiex jiġu evitati l-problemi minħabba s-sistemi differenti, l-intestaturi ta’ sistema komuni tat-tikkettjar tax-xeddijiet tas-saqajn għandhom jiġu ddefiniti b’mod preċiż;

    […]

    [b]illi hu fl-interess kemm tal-konsumaturi u kemm ta’ l-industrija tax-xeddijiet tas-saqajn illi tiġi introdotta sistema li tnaqqas ir-riskju ta’ frodi billi tkun indikata n-natura preċiża tal-materjali wżati fil-komponenti prinċipali tax-xeddijiet tar-riġlejn;

    […]

    [b]illi t-tqarrib lejn xulxin tal-leġislazzjonijiet nazzjonali huwa l-mod approprjat sabiex jitneħħew dawn l-ostakoli għall-kummerċ ħieles; billi dan l-għan ma jistgħax jinkiseb b’mod sodisfaċenti mill-Istat Membru individwali; billi din id-Direttiva tistabbilixxi biss dawk il-ħtiġiet illi huma indispensabbli għall-moviment ħieles tal-prodotti li għalihom tapplika,

    […]”

    8

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, ‘xeddijiet tas-saqajn’ ifissru l-oġġetti kollha li jkollhom qiegħ applikat iddisinjat sabiex jipproteġi jew jgħatti s-sieq, inklużi l-partijiet mqiegħda fis-suq separatament li hemm referenza għalihom fl-Anness I.”

    9

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi x-xeddijiet tas-saqajn kollha imqiegħda fis-suq jilħqu l-ħtiġiet tat-tikkettjar ta’ din id-Direttiva mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra tal-Komunità.

    2.   Meta xeddijiet tas-saqajn li ma jkunux konformi mad-dispożizzjonijiet dwar il-ħtiġiet tat-tikkettjar jiġu mqiegħda fis-suq, l-Istat Membru kompetenti għandu jieħu l-azzjoni approprjata speċifikata fil-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu.”

    10

    L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jaqra kif ġej:

    “Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti oħra Komunitarji, l-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu jew jimpedixxu t-tqegħid fis-suq tax-xeddijiet tas-saqajn li jħarsu l-ħtiġiet tat-tikkettjar ta’ din id-Direttiva, bl-użu tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati li jirregolaw it-ittikkettjar ta’ ċerti tipi ta’ xeddijiet tas-saqajn jew tax-xeddijiet tas-saqajn in ġenerali.”

    11

    L-Artikolu 4 tal-istess direttiva jipprovdi:

    “1.   It-tikkettjar għandu jagħti tagħrif dwar il-materjal, stabbilit skond l-Anness I, li jikkostitwixxi mill-inqas 80 % tal-wiċċ tal-parti ta’ fuq, u tal-inforra u s-suletta, tax-xedd, u mill-inqas 80 % tal-volum tal-pett. Jekk l-ebda materjal ma jammonta għal mill-inqas 80 %, it-tagħrif għandu jingħata fuq iż-żewġ materjali prinċipali wżati fil-kompożizzjoni tax-xedd.

    2.   It-tagħrif għandu jingħata fuq ix-xedd. Il-fabbrikant jew l-aġent awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità jista’ jagħżel rappreżentazzjoni bil-piktogrammi jew indikazzjonijiet bil-miktub f’mill-inqas l-ilsien jew l-ilsna li jistgħu jintagħżlu mill-Istat Membru konsumatur b’konformità mat-Trattat, kif imfisser u muri fl-Anness I. L-Istati Membri, fid-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom għandhom jiżguraw illi l-konsumaturi huma infurmati sew bit-tifsir ta’ din ir-rappreżentazzjoni bil-piktogrammi, filwaqt li jiżguraw illi dawk id-dispożizzjonijiet ma joħolqux ostakoli għall-kummerċ.

    3.   Għall-għan ta’ din id-Direttiva, it-tikkettjar għandu jkun jikkonsisti fit-twaħħil tat-tagħrif meħtieġ fuq mill-inqas wieħed mill-par tax-xeddijiet. Dan jista’ jsir permezz ta’ stampar, twaħħil, ibbozzar jew billi titwaħħal tikketta.

    4.   It-tikkettja għandha tkun tidher, imwaħħla sew u aċċessibbli u l-qisien tal-piktogrammi għandhom ikunu kbar biżżejjed sabiex jagħmluha faċli illi wieħed jifhem it-tagħrif li jkun hemm fihom. Ma għandux ikun possibbli illi t-tikketta tqarraq bil-konsumatur.

    5.   Il-fabbrikant jew l-aġent awtorizzat tiegħu stabbiliti fil-Komunità għandhom ir-responsabbiltà li jfornu t-tikketta u għar-reqqa tat-tagħrif illi din ikun fiha. Jekk la l-fabbrikant u lanqas l-aġent awtorizzat tiegħu ma jkunu stabbiliti fil-Komunità, dan l-obbligu għandu jmiss lill-persuna responsabbli mill-ewwel tqegħid fis-suq Komunitarju tax-xeddijiet tas-saqajn. Il-bejjiegħ bl-imnut għandu jibqa’ responsabbli sabiex jiżgura illi x-xeddijiet mibjugħa minnu jkollhom it-tikkettjar approprjat preskritt minn din id-Direttiva.”

    12

    Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 94/11:

    “Tagħrif testwali addizzjonali, imwaħħal, jekk ikun meħtieġ, fuq it-tikkettjar jista’ jiżdied mat-tagħrif meħtieġ f’din id-Direttiva. Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu jew jimpedixxu t-tqegħid fis-suq tax-xeddijiet tas-saqajn li jikkonformaw mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, skond l-Artikolu 3.”

    Id-dritt Taljan

    13

    L-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8, tal-14 ta’ Jannar 2013, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġodda dwar l-użu tat-termini bit-Taljan “cuoio”, “pelle” u “pelliccia” u derivattivi jew sinonimi tagħhom (GURI Nru 25, tat-30 ta’ Jannar 2013, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 8/2013”), jipprovdi, b’mod partikolari, li “[h]uwa pprojbit li jitqiegħdu għall-bejgħ jew li jiġu kkummerċjalizzati b’mezzi oħra, billi jintużaw it-termini ‘cuoio’ [ġilda], ‘pelle’ [ġilda fina], ‘pelliccia’ [fêr] u d-derivattivi jew is-sinonimi tagħhom, bħala aġġettivi jew nomi, anki jekk jiddaħħlu bħala prefissi jew suffissi f’kelmiet oħra jew taħt l-ismijiet ġeneriċi ta’ ‘pellame’ [ġilda], ‘pelletteria’ jew ‘pellicceria’ [‘ilbies tal-fêr’], u anki jekk ikunu tradotti f’lingwa differenti mit-Taljan, oġġetti li ma jinkisbux esklużivament minn ġlud tal-annimali maħduma speċifikament sabiex jiġu kkonservati l-karatteristiċi naturali tagħhom u, fi kwalunkwe każ, prodotti differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 1”. Il-prodotti miksuba permezz ta’ xogħol f’pajjiżi barranin u li jkollhom fuqhom l-imsemmi kliem bit-Taljan għandhom, b’mod obbligatorju, jinkludu ttikkettjar li jindika l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

    14

    B’applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li jkun fihom ġilda mhux Taljana u li jkollhom fuqhom kliem bit-Taljan tikkostitwixxi preżunzjoni mhux konfutabbli ta’ qerq bil-konsumatur.

    15

    Il-Liġi Nru 8/2013 ma tagħmilx distinzjoni bejn il-merkanzija prodotta f’pajjiżi terzi u dik immanifatturata jew ikkummerċjalizzata legalment fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea differenti mir-Repubblika Taljana.

    16

    Skont l-Artikolu 4 ta’ din il-liġi, il-ksur tal-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni prevista f’din il-leġiżlazzjoni jwassal għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi f’ammont li jvarja bejn EUR 10000 u EUR 50000 kif ukoll għall-qbid amministrattiv tal-merkanzija kkonċernata.

    Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    17

    Permezz ta’ rikors għal miżuri provviżorji ppreżentat fis-27 ta’ Settembru 2013 quddiem il-qorti tar-rinviju, l-UNIC u l-Uni.co.pel talbu li jiġu adottati miżuri provviżorji bl-urġenza kontra l-konvenuti fil-kawża prinċipali.

    18

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jallegaw li dawn tal-aħħar ikkummerċjalizzaw fit-territorju Taljan, bi ksur tal-Liġi Nru 8/2013, xeddijiet tas-saqajn li fuq il-pett ta’ ġewwa jsemmu l-kliem ġeneriku bit-Taljan “pelle” (ġilda fina) jew “vera pelle” (ġilda fina ġenwina), mingħajr ebda indikazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini tal-prodott. Għalhekk il-pubbliku jitqarraq fir-rigward tal-oriġini tal-ġilda, billi jattribwixxilha bi żball oriġini Taljana minħabba l-marka Taljana mwaħħla fuq il-prodott. Barra minn hekk, l-immarkar “pelle” jew “vera pelle” magħmul fuq il-pett ta’ ġewwa jagħti x’jifhem, bi żball, li x-xedd tas-saqajn kollu kemm hu, inklużi l-komponenti tiegħu tal-ġilda, huwa ta’ oriġini Taljana, meta dan ma huwiex il-każ.

    19

    Għaldaqstant, ir-rikorrenti talbu lill-qorti tar-rinviju tordna lill-konvenuti fil-kawża prinċipali ma jqiegħdux iktar fis-suq Taljan tali xeddijiet tas-saqajn, meta jkunu nieqsa minn indikazzjoni li ssemmi l-pajjiż ta’ oriġini tal-ġilda użata. Huma jitolbu wkoll li ma’ din l-ordni jiġu imposti pagamenti ta’ penalità.

    20

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ċerti xeddijiet tas-saqajn li huma s-suġġett tal-kawża pendenti quddiem dik il-qorti huma prodotti f’pajjiżi terzi, bħaċ-Ċina, kif tindika t-tikketta tal-plastik imwaħħla fuq il-pett ta’ barra. Madankollu, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din l-indikazzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Liġi Nru 8/2013, għaliex ma tirrigwardax speċifikament l-oriġini tal-ġilda bħala komponent tax-xedd tas-saqajn, iżda tirrigwarda l-oriġini tax-xedd tas-saqajn kollu kemm hu. Għalhekk, f’tali ċirkustanzi, it-twaħħil tal-kliem “vera pelle” fuq il-pett ta’ ġewwa jista’ jwassal lill-konsumatur sabiex jaħseb li dawn ix-xeddijiet tas-saqajn, minkejja li prodotti barra mill-pajjiż, inħadmu b’ġilda ta’ oriġini Taljana. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ xeddijiet tas-saqajn oħra, l-oriġini Ewropea jew mhux Ewropea tal-ġilda użata hija kkontestata.

    21

    Il-qorti tar-rinviju tqis, qabel xejn, li, bis-saħħa tas-sentenza Eggers (13/78, EU:C:1978:182, punt 25), id-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-Liġi Nru 8/2013 jistgħu jikkostitwixxu miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, għaliex preżunzjoni ta’ kwalità marbuta ma’ rekwiżit li l-proċess ta’ produzzjoni kollu jew parti minnu jsir fit-territorju nazzjonali, b’mod li jiġi llimitat jew żvantaġġat proċess li l-fażijiet tiegħu jseħħu kompletament jew parzjalment fi Stati Membri oħra, hija inkompatibbli mas-suq uniku.

    22

    Hija tistaqsi wkoll jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix din il-leġiżlazzjoni nazzjonali biss meta tikkonċerna l-prodotti tal-ġilda miksuba permezz ta’ xogħol u kkummerċjalizzati legalment fl-Istati Membri, jew meta tikkonċerna l-prodotti tal-ġilda miksuba permezz ta’ xogħol f’pajjiżi terzi u li jkunu għadhom ma ġewx ikkummerċjalizzati fl-Unjoni.

    23

    Barra minn hekk, dik il-qorti tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 8/2013, li jipprojbixxi ċ-ċirkulazzjoni tax-xeddijiet tas-saqajn li l-immarkar tagħhom madankollu jissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 94/11, għandux jitqies li jimponi obbligu ta’ indikazzjoni tal-oriġini inkompatibbli mal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva.

    24

    Fl-aħħar nett, hija tixtieq issir taf jekk il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u r-regoli li skontha merkanzija, li fil-produzzjoni tagħha jkunu involuti żewġ pajjiżi jew iktar, titqies li toriġina mill-pajjiż li fih sar l-aħħar ipproċessar jew xogħol sostanzjali jipprekludux ukoll il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    25

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Milano ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikoli [34 TFUE sa 36 TFUE], korrettament interpretati, jipprekludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2013 – li timponi ttikkettjar li jindika l-pajjiż ta’ oriġini għall-prodotti miksuba permezz ta’ xogħol li sar f’pajjiżi terzi u li għandhom it-terminu bit-Taljan ‘pelle’ – għall-prodotti tal-ġilda legalment ipproċessati u kkumerċjalizzati fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea, peress li din il-liġi nazzjonali tissarraf f’miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva prekluża mill-Artikolu 34 TFUE u mhux iġġustifikata mill-Artikolu 36 TFUE?

    2)

    L-Artikoli [34 TFUE sa 36 TFUE], korrettament interpretati, jipprekludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2), tal-Liġi Nru 8/2013 – [li] timponi ttikkettjar li jindika l-pajjiż ta’ oriġini għall-prodotti miksuba permezz ta’ xogħol li sar f’pajjiżi terzi u li għandhom it-terminu bit-Taljan ‘pelle’ – għall-prodotti tal-ġilda miksuba permezz ta’ xogħol f’pajjiżi terzi u mhux legalment ikkumerċjalizzati diġà fl-Unjoni Ewropea, peress li din il-liġi nazzjonali tissarraf f’miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva prekluża mill-Artikolu 34 TFUE u mhux iġġustifikata mill-Artikolu 36 TFUE?

    3)

    L-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 94/11, korrettament interpretati, jipprekludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2013 – li timponi ttikkettjar li jindika l-pajjiż ta’ oriġini għall-prodotti miksuba permezz ta’ xogħol li sar f’pajjiżi terzi u li għandhom it-terminu bit-Taljan ‘pelle’ – għall-prodotti tal-ġilda legalment ipproċessati u kkumerċjalizzati fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea?

    4)

    L-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 94/11, korrettament interpretati, jipprekludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2013 – li timponi ttikkettjar li jindika l-pajjiż ta’ oriġini għall-prodotti tal-ġilda miksuba permezz ta’ xogħol li sar fi Stati mhux membri tal-Unjoni u li għadhom ma ġewx legalment ikkummerċjalizzati fl-Unjoni Ewropea?

    5)

    L-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 952/2013, korrettament interpretat, jipprekludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2013 – li timponi ttikkettjar li jindika l-pajjiż ta’ oriġini għall-prodotti miksuba permezz ta’ xogħol li sar f’pajjiżi terzi u li għandhom it-terminu bit-Taljan ‘pelle’ – għall-prodotti tal-ġilda miksuba permezz ta’ xogħol li sar fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea u li għadhom ma ġewx legalment ikkummerċjalizzati fl-Unjoni Ewropea?

    6)

    L-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 952/2013, korrettament interpretat, jipprekludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru°8/2013 – li timponi ttikkettjar li jindika l-pajjiż ta’ oriġini għall-prodotti miksuba permezz ta’ xogħol li sar fuqhom f’pajjiżi terzi u li għandhom it-terminu bit-Taljan ‘pelle’ – għall-prodotti tal-ġilda miksuba permezz ta’ xogħol li sar fuqhom fi Stati mhux membri tal-Unjoni Ewropea li għadhom ma ġewx legalment ikkummerċjalizzati fl-Unjoni Ewropea?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq id-Direttiva 98/34

    26

    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 8/2013 ma humiex applikabbli sa fejn dawn tal-aħħar ġew adottati bi ksur tal-perijodu ta’ sospensjoni ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/34.

    27

    Il-Kummissjoni tafferma li rċeviet notifika tal-Liġi Nru 8/2013 fid-29 ta’ Novembru 2012 u indikat, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 98/34, li t-terminu għall-adozzjoni ta’ din il-liġi kellu jiġi pospost sal-1 ta’ Marzu 2013. Bi ksur manifest ta’ din id-dispożizzjoni, il-Liġi Nru 8/2013 ġiet adottata fl-14 ta’ Jannar 2013 u daħlet fis-seħħ fl-14 ta’ Frar 2013.

    28

    Waqt is-seduta, UNIC u Uni.co.pel kkonfermaw l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni u żiedu li l-awtoritajiet Taljani ħadu miżuri sabiex jirrimedjaw dan il-ksur tad-dispożizzjonijiet obbligatorji tad-Direttiva 98/34 billi ħassru l-Liġi Nru 8/2013 permezz tal-Artikolu 26 tal-Liġi Nru 161, tat-30 ta’ Ottubru 2014. Skont din il-liġi ta’ tħassir, leġiżlazzjoni ġdida f’dan il-qasam għandha tiġi adottata fi żmien tnax-il xahar, b’osservanza tal-obbligi ta’ notifika tar-regolamenti tekniċi previsti mid-Direttiva 98/34.

    29

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li regolament tekniku ma jistax jiġi applikat meta ma jkunx ġie nnotifikat skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, jew meta, minkejja li jkun ġie nnotifikat, ikun ġie approvat u implementat qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ sospensjoni ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva (ara s-sentenzi CIA Security International, C‑194/94, EU:C:1996:172, punti 41, 44 u 54, u Unilever, C‑443/98, EU:C:2000:496, punt 49).

    30

    Konsegwentement, fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-Liġi Nru 8/2013 daħlitx fis-seħħ bi ksur tat-terminu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/34. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, il-ksur ta’ dan it-terminu jikkostitwixxi difett proċedurali sostanzjali ta’ natura li jwassal għall-inapplikabbiltà tar-regolament tekniku inkwistjoni. Kif irrilevat ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 44 sa 47 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2013 ma jistax, f’dan il-każ, jiġi applikat fil-konfront ta’ individwi.

    31

    Madankollu, peress li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompitu li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenza Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq l-ewwel u t-tielet domandi

    32

    Permezz tal-ewwel u tat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 34 TFUE sa 36 TFUE u l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 94/11 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi, inter alia, il-kummerċjalizzazzjoni tal-komponenti tal-ġilda tax-xeddijiet tas-saqajn li joriġinaw minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi u li, f’dan il-każ tal-aħħar, diġà ġew ikkummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor jew fl-Istat Membru kkonċernat, meta dawn il-prodotti ma jinkludux indikazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

    33

    Peress li dawn iż-żewġ domandi jirrigwardaw kemm l-interpretazzjoni tad-dritt primarju kif ukoll dik tad-Direttiva 94/11, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kull miżura nazzjonali f’qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fuq il-livell tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dik il-miżura ta’ armonizzazzjoni, u mhux fid-dawl ta’ dawk tad-dritt primarju (sentenzi Gysbrechts u Santurel Inter, C‑205/07, EU:C:2008:730, punt 33, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑421/12, EU:C:2014:2064, punt 63).

    34

    Għalhekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-armonizzazzjoni mwettqa minn din id-direttiva, b’mod partikolari fl-Artikoli 3 u 5 tagħha, hijiex ta’ natura eżawrjenti.

    35

    Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet billi tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet li tfittex li tilħaq il-leġiżlazzjoni li huma jagħmlu parti minnha (ara s-sentenza Sneller, C‑442/12, EU:C:2013:717, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Mill-premessi 1 sa 3 u 7 tad-Direttiva 94/11 jirriżulta li din id-direttiva tfittex li tiddefinixxi b’mod preċiż l-elementi ta’ sistema komuni ta’ ttikkettjar tax-xeddijiet tas-saqajn sabiex jiġu evitati l-problemi kkawżati mid-disparitajiet bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f’dan il-qasam, li jirriskjaw li joħolqu ostakoli għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni. L-armonizzazzjoni ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet titqies li hija l-mezz xieraq sabiex jitneħħew dawn l-ostakoli għall-kummerċ ħieles, billi dan il-għan ma jistax jintlaħaq b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri meqjusa individwalment.

    37

    Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 58 u 59 tal-konklużjonijiet tagħha, qari flimkien tal-Artikoli 1 u 4 u tal-Anness I tad-Direttiva 94/11 jindika li din id-direttiva ma tistabbilixxix rekwiżiti minimi f’dak li jirrigwarda l-ittikkettjar tal-materjali użati fil-komponenti ewlenin tax-xeddijiet tas-saqajn, iżda tipprovdi regoli eżawrjenti. Konsegwentement, l-Istati Membri ma humiex intitolati jadottaw rekwiżiti iktar stretti.

    38

    Għalkemm huwa minnu li, skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li “tagħrif testwali addizzjonali” jiġi “imwaħħal, jekk ikun meħtieġ, fuq it-tikkettjar”, sabiex “jiżdied mat-tagħrif meħtieġ f’din id-Direttiva”, jibqa’ l-fatt li, skont l-istess Artikolu 5, l-Istati Membri ma jistgħux “jipprojbixxu jew jimpedixxu t-tqegħid fis-suq tax-xeddijiet tas-saqajn li jikkonformaw mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, skond l-Artikolu 3”.

    39

    Għalhekk, minn interpretazzjoni letterali tal-imsemmija Artikoli 3 u 5, moqrija fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 94/11, jirriżulta li din id-direttiva twettaq armonizzazzjoni eżawrjenti f’dak li jirrigwarda l-kontenut tal-uniċi obbligi ta’ ttikkettjar tal-materjali użati fil-komponenti ewlenin tax-xeddijiet tas-saqajn li, ladarba jiġu ssodisfatti, jiskattaw il-projbizzjoni għall-Istati Membri milli jostakolaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn l-oġġetti.

    40

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’dak li jirrigwarda l-ittikkettjar tal-komponenti tal-ġilda tax-xeddijiet tas-saqajn li joriġinaw minn Stati Membri oħra jew li diġà ġew irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera fit-territorju tal-Unjoni, għandha tiġi evalwata biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 94/11, u mhux ta’ dawk tad-dritt primarju.

    41

    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni fid-dawl tad-Direttiva 94/11, għandu jitfakkar li l-miżuri previsti għal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, bħad-Direttiva 94/11, japplikaw b’mod identiku kemm għall-prodotti li joriġinaw mill-Istati Membri kif ukoll għall-prodotti li joriġinaw minn pajjiżi terzi li jinsabu f’ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, f’dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan l-Unjoni, il-prodotti li jibbenefikaw miċ-ċirkulazzjoni libera huma assimilati definittivament u totalment mal-prodotti li joriġinaw mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tezi Textiel vs Il‑Kummissjoni, 59/84, EU:C:1986:102, punt 26).

    42

    Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, “l-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu jew jimpedixxu t-tqegħid fis-suq tax-xeddijiet tas-saqajn li jħarsu l-ħtiġiet tat-tikkettjar ta’ din id-Direttiva, bl-użu tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati li jirregolaw it-tikkettjar ta’ ċerti tipi ta’ xeddijiet tas-saqajn jew tax-xeddijiet tas-saqajn in ġenerali”.

    43

    Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 94/11 u l-Anness I tagħha, l-ittikkettjar ta’ oġġetti ta’ dan it-tip għandhom juru biss informazzjoni dwar il-materjal użat għall-manifattura tagħhom (ġilda, ġilda miksija, tessut jew materjali oħra). Għalhekk, obbligu li jiġi indikat il-pajjiż ta’ oriġini tal-ġilda, bħal dak impost mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex previst minn din id-direttiva.

    44

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE, li l-indikazzjonijiet jew l-immarkar ta’ oriġini, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma intiżi sabiex jippermettu lill-konsumaturi jagħmlu distinzjoni bejn il-prodotti nazzjonali u l-prodotti importati u b’hekk jagħtuhom il-possibbiltà li jasserixxu l-preġudizzji li jista’ jkollhom kontra l-prodotti barranin. Fi ħdan suq intern uniku, ir-rekwiżit tal-immarkar tal-oriġini mhux biss jirrendi iktar diffiċli l-kummerċjalizzazzjoni fi Stat Membru ta’ prodotti tal-Istati Membri l-oħra fis-setturi inkwistjoni, iżda għandu wkoll l-effett li jrażżan l-interpenetrazzjoni ekonomika fil-kuntest tal-Unjoni billi jiżvantaġġa l-bejgħ ta’ merkanzija prodotta bis-saħħa ta’ diviżjoni tax-xogħol bejn Stati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, 207/83, EU:C:1985:161, punt 17).

    45

    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza dwar l-istess dispożizzjoni jirriżulta li rekwiżiti lingwistiċi, bħal dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu ostakolu għall-kummerċ fl-Unjoni sa fejn il-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra għandu jkollhom fuqhom ittikkettjar differenti li jinvolvi spejjeż addizzjonali ta’ imballaġġ (sentenza Colim, C‑33/97, EU:C:1999:274, punt 36).

    46

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 94/11 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi, inter alia, il-kummerċjalizzazzjoni tal-komponenti tal-ġilda tax-xeddijiet tas-saqajn li joriġinaw minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi u li, f’dan il-każ tal-aħħar, diġà ġew ikkummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor jew fl-Istat Membru kkonċernat, meta dawn il-prodotti ma jinkludux indikazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

    Fuq it-tieni u r-raba ’ domandi

    47

    Permezz tat-tieni u tar-raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk l-Artikoli 34 TFUE sa 36 TFUE u l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 94/11 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi, inter alia, il-kummerċjalizzazzjoni tal-komponenti tal-ġilda tax-xeddijiet tas-saqajn li joriġinaw minn pajjiżi terzi u li jkunu għadhom ma ġewx ikkummerċjalizzati fit-territorju tal-Unjoni, meta dawn il-prodotti ma jinkludux indikazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

    48

    Skont it-termini nfushom użati mill-qorti tar-rinviju, dawn id-domandi jirrigwardaw komponenti tal-ġilda tax-xeddijiet tas-saqajn li joriġinaw minn pajjiżi terzi u li jkunu għadhom ma ġewx irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera fit-territorju tal-Unjoni, inkluż għalhekk fit-territorju Taljan.

    49

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar fl-ewwel lok li, skont l-Artikolu 28 TFUE, huwa pprojbit li jiġu imposti dazji doganali fuq l-importazzjonijiet u fuq l-esportazzjonijiet u kull taxxa li għandha effett ekwivalenti bejn l-Istati Membri, liema projbizzjoni hija applikabbli kemm “għall-prodotti li joriġinaw fl-Istati Membri” kif ukoll “għall-prodotti ġejjin minn pajjiżi mhux membri li huma f’ċirkolazzjoni libera fl-Istati Membri”.

    50

    Skont l-Artikolu 29 TFUE, prodotti li ġejjin minn pajjiżi terzi għandhom jitqiesu li huma f’ċirkulazzjoni libera fi Stat Membru jekk il-formalitajiet tal-importazzjoni jkunu twettqu u d-dazji doganali u t-taxxi li għandhom effett ekwivalenti pagabbli jkunu nġabru fl-Istat Membru inkwistjoni, u jekk ma kinux ibbenefikaw minn xi rifużjoni totali jew parzjali ta’ dawk id-dazji u ta’ dawk it-taxxi.

    51

    Madankollu, mill-qari tad-deċiżjoni tar-rinviju u tal-proċess nazzjonali jidher li l-oġġetti inkwistjoni ġew ikkummerċjalizzati fl-Italja u, għalhekk, li diġà ġew irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera fit-territorju tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 29 TFUE.

    52

    Issa għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li, għal tali oġġetti, ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 32 sa 46 ta’ din is-sentenza għall-ewwel u għat-tielet domandi tibqa’ applikabbli.

    53

    Min-naħa l-oħra, peress li t-tieni u r-raba’ domandi jirrigwardaw espressament oġġetti li jkunu għadhom ma ġewx irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera fit-territorju tal-Unjoni, isegwi li dawn id-domandi huma ta’ natura ipotetika.

    54

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tirrispondi għal domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza Stark, C‑293/10, EU:C:2011:355, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    55

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni u r-raba’ domandi huma inammissibbli.

    Fuq il-ħames u s-sitt domandi

    56

    Permezz tal-ħames u tas-sitt domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    57

    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dan l-artikolu ser jidħol fis-seħħ biss mill-1 ta’ Mejju 2016. Għaldaqstant, għandha tingħata deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2913/92, li kien fis-seħħ fid-data meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, u li l-kontenut tiegħu huwa essenzjalment identiku għal dak tal-Artikolu 60.

    58

    Skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2913/92, għall-finijiet li jiġu stabbiliti d-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni, “[m]erkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż wieħed għandha titqies li toriġina mill-pajjiż fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar sostanzjali [...] jew ħidma”.

    59

    Din id-dispożizzjoni tipprovdi definizzjoni komuni tal-kunċett ta’ oriġini tal-merkanzija, li tikkostitwixxi mezz indispensabbli sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u tal-miżuri l-oħra kollha adottati, għall-importazzjoni jew għall-esportazzjoni tal-merkanzija, mill-Unjoni jew mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gesellschaft für Überseehandel, 49/76, EU:C:1977:9, punt 5).

    60

    Minn dan jirriżulta, minn naħa, li din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax il-kontenut tal-informazzjoni ddestinata għall-konsumaturi permezz ta’ elementi ta’ ttikkettjar tax-xeddijiet tas-saqajn.

    61

    Min-naħa l-oħra, kif issostni l-Kummissjoni, peress li l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2013 ma jipprovdi ebda kriterju li jippermetti li tiġi ddefinita l-oriġini tal-prodott abbażi tal-post tal-“aħħar proċessar sostanzjali [...] jew ħidma” fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2913/92, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix li tiġi identifikata r-rabta bejn l-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 24 u r-riżoluzzjoni tat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    62

    Peress li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ħames u għas-sitt domandi ma hijiex rilevanti għall-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, dawn id-domandi huma inammissibbli.

    Fuq l-ispejjeż

    63

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 94/11/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tat-23 ta’ Marzu 1994, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tikkettjar tal-materjali li jintużaw fil-komponenti ewlenin tax-xeddijiet tas-saqajn għall-bejgħ lill-konsumatur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi, inter alia, il-kummerċjalizzazzjoni tal-komponenti tal-ġilda tax-xeddijiet tas-saqajn li joriġinaw minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi u li, f’dan il-każ tal-aħħar, diġà ġew ikkummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor jew fl-Istat Membru kkonċernat, meta dawn il-prodotti ma jinkludux indikazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Fuq