EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0612

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Lulju 2015.
ClientEarth vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) – Informazzjoni dwar l-ambjent – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Artikolu 4(1) u (4) – Eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess – Ħarsien tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni – Studji mwettqa minn impriża, fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea, dwar it-traspożizzjoni ta’ direttivi fi kwistjonijiet ambjentali – Rifjut parzjali ta’ aċċess.
Kawża C-612/13 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:486

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

16 ta’ Lulju 2015 ( *1 )

“Appell — Aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) — Informazzjoni dwar l-ambjent — Konvenzjoni ta’ Aarhus — Artikolu 4(1) u (4) — Eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess — Ħarsien tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni — Studji mwettqa minn impriża, fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea, dwar it-traspożizzjoni ta’ direttivi fi kwistjonijiet ambjentali — Rifjut parzjali ta’ aċċess”

Fil-Kawża C‑612/13 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2013,

ClientEarth, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn P. Kirch, avukat,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Pignataro-Nolin u P. Costa de Oliveira kif ukoll minn M. Konstantinidis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn J. Rodrigues u L. Visaggio, bħala aġenti,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Moore kif ukoll minn M. Simm u A. Jensen, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts (Relatur), viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, ClientEarth titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ClientEarth vs Il-Kummissjoni (T‑111/11, EU:T:2013:482, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha dwar, inizjalment, talba għall-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea impliċitament irrifjutat li tagħtiha l-aċċess għal ċerti dokumenti dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri mad-dritt tal-ambjent tal-Unjoni Ewropea, u sussegwentement, talba għall-annullament tad-deċiżjoni espliċita ulterjuri, tat-30 ta’ Mejju 2011, li tirrifjutalha parzjalment l-aċċess għal dawn id-dokumenti.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

2

L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 124, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni:

[...]

2.

“L-espressjoni ‘awtorità pubblika’ tirreferi għal:

[...]

d)

l-istituzzjonijiet ta’ kwalunkwe organizzazzjoni ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali li għaliha jagħmel riferiment l-Artikolu 17 li tkun Parti minn din il-Konvenzjoni.”

[...]”

3

Skont l-Artikolu 4(1) u (4) ta’ din il-Konvenzjoni:

“1.   Kull Parti għandha tiżgura li, bla ħsara għal dak li hu stabbilit fil-paragrafi li ġejjin ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet pubbliċi jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, l-informazzjoni dwar l-ambjent mitluba minnhom, b’mod partikolari, jekk issir din it-talba u bla ħsara għall-punt b) ta’ hawn taħt, kopji tad-dokumenti li fihom tinsab effettivament informazzjoni, indipendentement minn jekk dawn id-dokumenti jkunx fihom informazzjoni oħra:

a)

il-pubbliku ma jkollux għalfejn jinvoka interess partikolari;

b)

fil-forma mitluba, sakemm:

i)

ma jkunx raġonevoli li l-awtorità pubblika tikkomunika l-informazzjoni inkwistjoni f’forma oħra, li f’dan il-każ għandhom jingħataw ir-raġunijiet għal din l-għażla; jew

ii)

l-informazzjoni ma tkunx diġà disponibbli pubblikament f’forma oħra.

[...]

4.   “Applikazzjoni għal tagħrif ambjentali tista’ tiġi miċħuda jekk l-iżvelar ta’ dan it-tagħrif jaffettwa b’mod negattiv:

[...]

c)

il-kors tal-ġustizzja, il-possibbiltà li kull persuna tirċievi proċess ġudizzjarju ġust jew l-abbiltà ta’ awtorità pubblika li tmexxi investigazzjoni ta’ natura kriminali jew dixxiplinari;

[...]

Ir-raġunijiet għal rifjut imsemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, b’kont meħud tal-interess pubbliku fl-iżvelar u skont jekk din l-informazzjoni mitluba tirrigwardax emissjonijiet fl-ambjent [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

Id-dritt tal-Unjoni

4

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

5

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eċċezzjonijiet”, jipprovdi fil-paragrafu 2:

“L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

[...]

[...]

l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.”

6

Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13):

“Fir-rigward ta’ l-ewwel u t-tielet inċiżi ta’ l-Arikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, b’eċċezzjoni għal investigazzjonijiet, b’mod partikolari dawk dwar ksur possibli tal-liġi Komunitarja, għandu jitqies li jeżisti interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar fejn l-informazzjoni mitluba tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent. Fir-rigward ta’ l-eċċezzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, ir-raġunijiet għal rifjut għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, b’kont meħud ta’ l-interess pubbliku moqdi bil-kxif u jekk l-informazzjoni mitluba tkunx konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

7

Fit-8 ta’ Settembru 2010, ClientEarth, assoċjazzjoni rregolata mid-dritt Ingliż li għandha bħala għan, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-ambjent, bagħtet lid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Ambjent” tal-Kummissjoni Ewropea talba għal aċċess għal dokumenti skont ir-Regolamenti (KE) Nru 1049/2001 u 1367/2006. Din it-talba tirrigwarda diversi dokumenti msemmija fil-“Pjan ta’ ġestjoni 2010” ta’ dan id-DG.

8

Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni laqgħet biss parzjalment l-imsemmija talba. Hija bagħtet lil ClientEarth wieħed mid-dokumenti mitluba, iżda indikat li d-dokumenti l-oħra kienu koperti, b’mod partikolari, bl-eċċezzjonijiet previsti fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001.

9

Fl-10 ta’ Novembru 2010, ClientEarth ressqet talba quddiem il-Kummissjoni intiża sabiex din tirrevedi l-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta’ diversi dokumenti li l-aċċess għalihom kien ġie rrifjutat.

10

Fit-30 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni adottat u kkomunikat lil ClientEarth deċiżjoni espliċita b’risposta għal din l-aħħar talba, fid-dawl tar-Regolamenti Nri 1049/2001 u 1367/2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni espliċita”).

11

Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tat lil ClientEarth aċċess parzjali għal 41 studju dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri mad-dritt tal-ambjent tal-Unjoni Ewropea, li saru minn impriża, fuq it-talba ta’ u f’isem il-Kummissjoni, u li din irċeviet matul is-sena 2009 (iktar ’il quddiem l-“istudji kontenzjużi”. B’mod partikolari, il-Kummissjoni bagħtet lil ClientEarth, għal kull studju kkontestat, il-paġna ta’ quddiem, il-werrej, il-lista tat-taqsiriet użati, anness li jinkludi l-leġiżlazzjoni eżaminata, kif ukoll il-partijiet intitolati “Introduzzjoni”, “Viżjoni ġenerali tal-kuntest ġuridiku tal-Istat Membru” u “Qafas għat-traspożizzjoni u l-implementazzjoni”. Min-naħa l-oħra, hija rrifjutat li tibgħatilha, għal kull wieħed minn dawn l-istudji, il-partijiet intitolati “Sunt”, “Analiżi ġuridika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni” u “Konklużjonijiet” kif ukoll l-anness li jinkludi tabella ta’ konkordanzi bejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u d-dritt tal-Unjoni rilevanti.

12

Il-Kummissjoni qasmet l-istudji kontenzjużi f’żewġ kategoriji. L-ewwel kategorija kienet tinkludi studju li l-evalwazzjoni tiegħu, li saret bi djalogu mal-Istat Membru kkonċernat, kien bdiet ftit qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni espliċita. It-tieni kategorija kienet tinkludi 40 studju ieħor, li kull wieħed minnhom kien ta lok għal djalogu iktar żviluppat mal-Istati Membri kkonċernati.

13

Insostenn tad-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni indikat li l-partijiet mhux żvelati tal-istudji kontenzjużi kienu koperti, b’mod partikolari, mill-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

14

F’dan ir-rigward, hija enfasizzat li dawn l-istudji kienu tfasslu bil-ħsieb li jippermettulha tikkontrolla t-traspożizzjoni ta’ diversi direttivi mill-Istati Membri u, jekk ikun il-każ, tagħti bidu għall-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 258 TFUE kontrihom.

15

Fir-rigward tal-istudju inkluż fl-ewwel kategorija msemmija fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni indikat li kienet għadha ma waslitx għal konklużjoni dwar it-traspożizzjoni, mill-Istat Membru inkwistjoni, tad-direttiva msemmija minn dan l-istudju u l-iżvelar tad-data u tal-konklużjonijiet fl-imsemmi studju, li ma kinux għadhom ġew ivverifikati u li fir-rigward tagħhom dan l-Istati Membru ma kienx għad kellu l-opportunità li jesprimi ruħu, kien jinvolvi, għal dan tal-aħħar, ir-riskju li jiġi kkritikat, forsi inġustament, u kien jippreġudika l-klima ta’ fiduċja reċiproka meħtieġa sabiex tiġi evalwata l-implementazzjoni ta’ din id-direttiva.

16

Fir-rigward tal-istudji kontenzjużi inklużi fit-tieni kategorija msemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni indikat li, f’ċerti każijiet, hija kienet iddeċidiet li tiftaħ il-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istati Membri kkonċernati, filwaqt li, f’każijiet oħra, hija kienet għadha ma ddeċidietx. Hija ssostni li l-iżvelar ta’ dawn l-istudji, kieku kellu jiġi awtorizzat, kien jippreġudika l-klima ta’ fiduċja reċiproka meħtieġa sabiex jiġu solvuti d-diverġenzi bejnha u bejn l-Istati Membri kkonċernati, mingħajr il-bżonn li tintuża l-fażi ġudizzjarja tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

17

Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-eżami li hija kienet għamlet fid-dawl tar-Regolament Nru 1049/2001.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

18

Fil-21 ta’ Frar 2011, ClientEarth ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita li tiċħad it-talba tagħha tal-10 ta’ Novembru 2010. Wara din l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, tad-deċiżjoni espliċita li tirrifjuta lil ClientEarth l-aċċess integrali għall-istudji kontenzjużi, ir-rikors ġie kkunsidrat bħala intiż minn issa ’il quddiem għall-annullament ta’ din l-aħħar deċiżjoni.

19

Insostenn tar-rikors tagħha, ClientEarth invokat seba’ motivi.

20

Peress li ċaħdet dawn is-seba’ motivi, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

21

ClientEarth titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil ClientEarth għall-ispejjeż.

23

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

Fuq l-appell

24

ClientEarth invokat tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha.

Fuq it-tieni motiv

25

Jaqbel li nibdew mill-eżami tat-tieni aggravju, li huwa intiż sabiex jakkuża l-iżball ta’ liġi li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet li t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa kompatibbli mal-Artikolu 4(1) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

L-argumenti tal-partijiet

26

Fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, ClientEarth tikkontesta r-raġunament tal-Qorti Ġenerali li jinsab fil-punti 91 sa 99 tas-sentenza appellata.

27

Fl-ewwel lok, ClientEarth, filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenzi Fediol vs Il-Kummissjoni (70/87, EU:C:1989:254) u Nakajima vs Il-Kunsill (C‑69/89, EU:C:1991:186), takkuża lill-Qorti Ġenerali li vverifikat l-applikabbiltà diretta tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, filwaqt li tali verifika ma kinitx neċessarja sabiex tistħarreġ il-kompatibbiltà tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma’ din il-konvenzjoni.

28

Fit-tieni lok, ClientEarth issostni li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali, żbaljatament, iddeċidiet li l-Artikolu 4(1) u il-punt (c) tal-ewwel inċiż tal-paragrafu (4) tal-Konvenzjoni ta’Aarhus ma huwiex direttament applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta aċċettat li l-ispeċifiċitajiet tal-Unjoni jistgħu jiġġustifikaw deroga għall-applikazzjoni diretta ta’ din il-konvenzjoni.

29

Fit-tielet lok, ClientEarth issostni li l-Qorti Ġenerali ma osservatx l-obbligu li tinterpreta l-punt c tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus b’mod restrittiv, skont it-tieni inċiż ta’ din il-konvenzjoni.

30

Fir-raba’ lok, ClientEarth tallega li l-Qorti Ġenerali ma interpretatx il-Konvenzjoni ta’ Aarhus b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 26 u 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”). Billi kabbret il-portata tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni għall-istudji kontenzjużi, il-Qorti Ġenerali fil-fatt, tat, bi ksur tal-artikoli msemmija iktar ’il fuq tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, interpretazzjoni tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus kuntrarja għall-formulazzjoni, għall-għan u għall-finijiet ta’ din.

31

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, issostni, b’mod ġenerali, li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali li jinsab fil-punti 91 sa 99 tas-sentenza appellata ma huwa vvizzjat bl-ebda żball ta’ liġi. Dan ir-raġunament huwa, fil-punti kollha, konformi mall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32

Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li dan l-aggravju huwa dwar il-kompatibbiltà tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, u mhux tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, mal-Artikolu 4(1) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

33

Wara din il-preċiżazzjoni preliminari, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 216(2) TFUE, l-istituzzjonijiet huma marbuta bil-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni u, għaldaqstant, dawn jipprevalu fuq l-atti adottati minnhom (sentenzi Il-Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, C‑401/12 P à C‑403/12 P, EU:C:2015:4, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe, C‑404/12 P u C‑405/12 P, EU:C:2015:5, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Minn dan isegwi li l-validità ta’ att tal-Unjoni tista’ tiġi affettwata mill-inkompatibbiltà ta’ dan l-att ma’ dawn ir-regoli tad-dritt internazzjonali (sentenza Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 51).

35

Kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 91 tas-sentenza appellata, madankollu minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni tista’ teżamina l-allegata inkompatibbiltà ta’ att tal-Unjoni mad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li l-Unjoni tkun tagħmel parti minnu biss meta, minn naħa, in-natura u l-istruttura ta’ dan il-ftehim ma jkunux jipprekluduh u, min-naħa l-oħra, meta dawn id-dispożizzjonijiet jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonali u biżżejjed preċiżi (ara s-sentenzi IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 39; Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 45, kif ukoll Air Transport Association of America et, C‑308/06, EU:C:2011:864, punt 54).

36

Ċertament, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fl-ipoteżi fejn l-Unjoni jkollha l-intenzjoni li teżegwixxi obbligu partikolari li tkun daħlet għalih abbażi tal-ftehimiet konklużi fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Mondjali tal-Kummerċ (WTO) jew meta l-att tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni jkunu jirreferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi ta’ dawn il-ftehimiet, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, skont il-każ, tistħarreġ il-legalità tal-att tal-Unjoni inkwistjoni fid-dawl tar-regoli tal-WTO (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Fediol vs Il-Kummissjoni, 70/87, EU:C:1989:254, punti 19 sa 22, u Nakajima vs Il-Kunsill, C‑69/89, EU:C:1991:186, punti 29 sa 32; ara, wkoll, is-sentenza LVP, C‑306/13, EU:C:2014:2465, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Madankollu, mingħajr ma hemm bżonn li tittieħed pożizzjoni dwar il-kwistjoni dwar jekk il-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti hijiex applikabbli f’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 1049/2001, b’mod partikolari fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) ma jirreferix b’mod espress għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus u lanqas ma jeżegwixxi obbligu partikolari li jirriżulta minnu. Konsegwentement, l-imsemmija ġurisprudenza ma hijiex, fi kwalunkwe każ, relevanti għal din il-kawża.

38

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali kellha raġun ma tiħux inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi Fediol vs Il-Kummissjoni (70/87, EU:C:1989:254) u Nakajima vs Il-Kunsill(C‑69/89, EU:C:1991:186), u, min-naħa l-oħra, vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) u l-punt c tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus humiex, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonali u biżżejjed preċiżi.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat l-argument ta’ ClientEarth ibbażat fuq in-natura żbaljata tal-analiżi tal-Qorti Ġenerali li dawn id-dispożizzjonijiet huma nieqsa minn dawn il-kwalitajiet u, għalhekk, ma jistgħux jiġu invokati sabiex tiġi evalwata l-legalità tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

40

F’dan ir-rigward, kif ġustament irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 96 tas-sentenza appellata, ir-riferiment, fl-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali juri li din il-konvenzjoni evidentement ġiet ikkonċepita b’kunsiderazzjoni tal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, u mhux l-ispeċifiċitajiet ġuridiċi tal-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali, bħall-Unjoni, anki jekk dawn tal-aħħar jistgħu jiffirmaw u jaderixxu għall-imsemmija konvenzjoni, skont l-Artikoli 17 u 19 tagħha.

41

Din hija r-raġuni għalfejn, kif enfasizzaw il-Kummissjoni u l-Parlament, il-Komunità, meta approvat il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, f’dikjarazzjoni ddepożitata skont l-Artikolu 19 ta’ din il-Konvenzjoni, tenniet id-dikjarazzjoni li kienet għamlet meta ffirmat l-imsemmija konvenzjoni u li annettiet għad-Deċiżjoni 2005/370, jiġifieri li “l-istituzzjonijiet Komunitarji ser japplikaw il-Konvenzjoni fi ħdan il-qafas tar-regolu eżistenti u futuri tagħhom dwar l-aċċess għad-dokumenti u regoli rilevanti oħra tal-liġi Komunitarja fil-qasam kopert mill-Konvenzjoni.”

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, la r-riferiment, fil-punt c tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għall-investigazzjonijiet ta’ “natura kriminali jew dixxiplinari”, u lanqas l-obbligu, stabbilit fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(4) ta’ din il-Konvenzjoni, li l-motivi ta’ rifjut ta’ aċċess msemmija fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati b’mod restrittiv, ma jistgħu jinftiehmu fis-sens li jimplikaw obbligu preċiż għal-leġiżlatur tal-Unjoni. Iktar u iktar, projbizzjoni li l-kunċett ta’ “investigazzjoni” jinftiehem fis-sens li jieħu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet tal-Unjoni, b’mod partikolari, tal-missjoni li għandha l-Kummissjoni li tinvestiga dwar possibbli nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ Stati Membri li jippreġudika l-applikazzjoni korretta tat-trattati u tar-regoli tal-Unjoni adottati skont dawn, ma tistax tiġi dedotta minn dawn id-dispożizzjonijiet.

43

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kellha raġun teskludi l-possibbiltà li jiġi invokat l-Artikolu 4(1) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus sabiex tiġi evalwata l-legalità tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqstant, hija setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tiċħad l-argument ta’ ClientEarth ibbażat fuq l-inkompatibbiltà ta’ din l-aħħar dispożizzjoni mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

44

Dawn l-istess kunsiderazzjonijiet iwasslu wkoll sabiex jiġi miċħud l-argument ta’ ClientEarth ibbażat fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipji ta’ eżekuzzjoni b’bona fide u ta’ interpretazzjoni tat-trattati, stabbiliti fl-Artikoli 26 u 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

45

Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

46

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa maqsum f’żewġ partijiet.

47

L-ewwel parti hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “attivitajiet ta’ investigazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u tkopri, b’mod partikolari, il-punti 49, 50, 58 sa 61 u 70 tas-sentenza appellata.

48

Fil-kuntest ta’ din il-parti, ClientEarth issostni li dan il-kunċett jippreżupponi l-eżistenza ta’ deċiżjoni formali tal-Kummissjoni, miġbura f’kulleġġ. Hija tinvoka f’dan ir-rigward, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, EU:C:2010:376), Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob (C‑404/10 P, EU:C:2012:393), LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738), WWF UK vs Il-Kummissjoni (T‑105/95, EU:T:1997:26), Bavarian Lager vs Il-Kummissjoni (T‑309/97, EU:T:1999:257), Petrie et vs Il-Kummissjoni (T‑191/99, EU:T:2001:284) kif ukoll API vs Il-Kummissjoni (T‑36/04, EU:T:2007:258).

49

Issa, f’dan il-każ, l-istudji kontenzjużi rriżultaw minn deċiżjoni amministrattiva li tirriżulta mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, u mhux minn deċiżjoni formali tal-kulleġġ tal-kummissarji li jinbdew proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stati Membri.

50

Abbażi tas-sentenza Mecklenburg(C‑321/96, EU:C:1998:300, punti 27 u 30), ClientEarth iżżid li, anki jekk huwa minnu li l-istudji kontenzjużi jaqgħu taħt il-fażi preliminari ta’ proċedura formali għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 tista’ tiġġustifika rifjut ta’ żvelar biss fl-ipoteżi jew l-eżistenza tad-dokument mitlub jippreċedi immedjatament il-ftuħ ta’ proċedura kontenzjuża jew kważi-kontenzjuża u hija spjegata mill-bżonn li jinġabru l-provi jew li tinbena kawża qabel il-ftuħ tal-fażi proċedurali proprja. Issa, f’dan il-każ, l-istudji kontenzjużi ma ppreċedewx immedjatament deċiżjoni li tinbeda, wara investigazzjoni, proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE.

51

It-tieni parti tal-ewwel aggravju hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “riskju tal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, u tkopri, b’mod partikolari, il-punti 53 u 68 sa 80 tas-sentenza appellata.

52

Fil-kuntest ta’ din it-tieni parti, ClientEarth issostni, qabel xejn, li hija talbet l-aċċess għal dokumenti speċifiċi, u mhux għal fajl amministrattiv komplet relatat ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jew għal grupp ta’ dokumenti kkunsidrati b’mod globali. Barra minn hekk, it-talba tagħha ma kinitx dwar kategorija ta’ dokumenti dwar kunsiderazzjonijiet ġenerali simili, iżda dwar żewġ kategoriji differenti ta’ studji, jiġifieri, minn naħa, dawk relatati ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li kienet infetħet u, min-naħa l-oħra, dawk li ma kienu relatati mal-ebda proċedura ta’ din in-natura.

53

ClientEarth issostni, sussegwentement, li l-iżvelar tal-istudji kontenzjużi bl-ebda mod ma kkomprometta t-twettiq tal-għan ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li huwa li jħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati jpoġġu d-dritt nazzjonali tagħhom f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

54

ClientEarth issostni li, sakemm ma kinitx għadha nbdiet proċedura formali mill-Kummissjoni kontra l-Istat Membru kkonċernat, ma setax jiġi kkunsidrat li l-iżvelar tal-istudji kontenzjużi kien suxxettibbli li jippreġudika l-klima ta’ fiduċja reċiproka. Fil-fatt, is-sempliċi eżistenza ta’ dawn l-istudji ma kinitx biżżejjed sabiex tinħoloq bejn kull Stat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni relazzjoni bilaterali li timmerita protezzjoni b’detriment tat-trasparenza.

55

Il-Kummissjoni ssostni li l-argument żviluppat minn ClientEarth fil-kuntest tal-ewwel parti tal-aggravju tagħha huwa nieqes minn fundament fil-liġi. Hija ssostni, essenzjalment, li kull dokument, bħal studju ta’ konformità, intiż sabiex jippermettilha tivverifika, skont l-Artikolu 17 TUE, ir-rispett tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri, għandu jiġi kkunsidrat li huwa relatat ma’ investigazzjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

56

Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet li saru fil-punt 53 tas-sentenza appellata, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, espost fil-punti 68 sa 80 ta’ din is-sentenza ma huwa vvizzjat bl-ebda żball ta’ liġi. Dan ir-raġunament huwa, fil-punti kollha, konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

57

Ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż li jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-iktar estiż possibbli. Minn dan ir-regolament jirriżulta wkoll, b’mod partikolari mill-Artikolu 4 tiegħu, li jipprovdi sistema ta’ eċċezzjonijiet f’dan ir-rigward, li dan id-dritt ta’ aċċess huwa, madankollu, suġġett għal ċerti limitazzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (ara s-sentenzi LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Bis-saħħa tal-eċċezzjoni invokata mill-Kummissjoni f’dan il-każ, jiġifieri dik inkluża fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika, sakemm l-iżvelar tad-dokument imsemmi ma jkunx iġġustifikat minħabba interess pubbliku superjuri.

59

F’dan il-każ, għandu, qabel xejn jiġi eżaminat jekk, kif issostni ClientEarth fl-ewwel parti tal-aggravju, il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-istudji kontenzjużi kienu jaqgħu taħt attività ta’ investigazzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat qabel xejn li mill-ġurisprudenza invokata minn ClientEarth u mfakkra fil-punt 48 ta’ din is-sentenza ma jirriżultax li “attività ta’ investigazzjoni”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, hija kkundizzjonata mill-eżistenza ta’ deċiżjoni formali adottata mill-Kummissjoni miġbura f’kulleġġ.

61

Wara din il-preċiżazzjoni, huwa importanti li jiġi osservat li l-istudji kontenzjużi saru fuq it-talba ta’ u f’isem il-Kummissjoni, wara li skada t-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ grupp ta’ direttivi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent, bil-għan preċiż li jiġi vverifikat l-istat tal-proċess ta’ traspożizzjoni ta’ dawn id-diversi direttivi f’ċertu numru ta’ Stati Membri. Kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet li jinsabu fil-punti 13 u 49 tas-sentenza appellata, kull wieħed minn dawn l-istudji, li huwa dwar Stat Membru wieħed u direttiva waħda, jinkludi, fil-fatt, paragun tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni rilevanti, flimkien ma’ analiżi legali u konklużjonijiet dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni adottati mill-Istat Membru kkonċernat.

62

Kif ġustament iddeċidiet l-Qorti Ġenerali fil-punt 49 tas-sentenza appellata, tali studji jagħmlu parti mill-istrumenti li għandha l-Kummissjoni fil-kuntest tal-obbligu li hija għandha, skont l-Artikolu 17(1) TUE li tissorvelja, taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sabiex tiskopri eventwali nuqqas ta’ twettiq minn Stati Membri tal-obbligu tagħhom ta’ traspożizzjoni tad-direttivi kkonċernati u sabiex tiddeċiedi, skont il-każ, li tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istati Membri li huma jikkunsidraw li kisru d-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, huma jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “attivitajiet ta’ investigazzjoni”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

63

Il-fatt, enfasizzat minn ClientEarth, li t-twettiq tal-istudji kontenzjużi ġie fdat mill-Kummissjoni lil prestatarju estern minflok ma sar mid-dipartimenti tagħha stess, u li dawn l-istudji ma jirriflettux il-pożizzjoni ta’ din l-istituzzjoni u lanqas ma hija responsabbli għalihom, ma jfissirx li l-Kummissjoni, billi ordnat li jsiru dawn l-istudji, segwiet għan differenti minn dak intiż sabiex jiddisponi, grazzi għal dawn il-mezzi ta’ investigazzjoni, informazzjoni fil-fond dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni ta’ ċertu numru ta’ Stati Membri mad-dritt tal-ambjent tal-Unjoni, li jippermettilha li tiskopri l-eżistenza ta’ possibbli ksur ta’ dan id-dritt u li tibda, skont il-każ, proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istat Membru inadempjenti.

64

Fir-rigward tal-argument ta’ ClientEarth ibbażat fuq is-sentenza Mecklenburg(C‑321/96, EU:C:1998:300), it-tagħlim li tagħti din is-sentenza fil-punti 27 u 30 ma huwiex relevanti għal din il-kawża. Fil-fatt, dan it-tagħlim huwa relatat mal-kunċett ta’ “investigazzjoni preliminari”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-Kunsill, tas-7 ta’ Ġunju 1990, dwar l-aċċess ħieles għall-informazzjoni dwar l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 402), u mhux fuq dak, differenti, ta’ “investigazzjoni”, li tirreferi għaliha wkoll din l-istess dispożizzjoni.

65

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li l-istudji kontenzjużi kienu jaqgħu fil-kuntest ta’ attività ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

66

Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

67

Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni ClientEarth fit-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha raġun tqis, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali, li l-iżvelar integrali ta’ dawn l-istudji kien jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

68

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument li jkun intalab l-iżvelar tiegħu, ma huwiex biżżejjed, fil-prinċipju, li dan id-dokument jaqa’ taħt attività msemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-istituzzjoni kkonċernata għandha wkoll tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward ta’ kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament iwassal għall-ħsara lill-interess protett minn eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu (sentenza Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

Madankollu, huwa possibbli għall-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata li tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili li jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (sentenza Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

F’dan il-każ, il-punt 66 tas-sentenza appellata jevidenzja li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq tali kunsiderazzjoni ta’ natura ġenerali sabiex tirrifjuta lil ClientEarth l-aċċess integrali għall-istudji kontenzjużi. Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 60 u 70 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha d-dritt tqis li dawn l-istudji jaqgħu kollha taħt l-istess kategorija ta’ dokumenti u li tibbaża ruħha fuq dawn il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali skont liema l-iżvelar integrali kien jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet intiżi minn dawn l-attivitajiet ta’ investigazzjoni, peress li dan l-iżvelar, kieku awtorizzatu, kien ikun ta’ preġudizzju għall-klima ta’ fiduċja li għadha teżisti bejnha u kull Stat Membru kkonċernat u kien jostakola, f’każ ta’ konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-ksib ta’ soluzzjoni konsenswali indipendentement mill-pressjoni esterna.

71

F’dan ir-rigward, l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-punt 17 tas-sentenza appellata juru li, fid-data meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni espliċita, ċerti studji kontenzjużi kienu diġà wasslu għall-ftuħ tal-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE.

72

Għal raġunijiet analogi għal dawk mogħtija fid-dettall mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punti 52 sa 65), il-Kummissjoni kellha d-dritt tqis li l-iżvelar integrali tal-istudji kontenzjużi li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni espliċita, kienu diġà wassluha sabiex tibgħat ittra ta’ intimazzjoni lil Stat Membru, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 258 TFUE, u kienu, konsegwentement, iddaħħlu fil-proċess dwar il-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, kien jirriskja li jibdel in-natura u l-iżvolġiment ta’ din il-fażi tal-proċedura billi jikkumplika l-proċess ta’ negozjati bejnha u bejn dan l-Istat Membru kif ukoll it-tiftix ta’ soluzzjoni bonarja li tippermetti li jintemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkritikat mingħajr ma jkun neċessarju li jsir rikors għall-fażi ġudizzjarja tal-imsemmija proċedura. Għaldaqstant, hija kellha raġun tikkunsidra li tali żvelar integrali kien jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

73

Il-fatt, invokat minn ClientEarth, li l-istudji kontenzjużi twettqu minn impriża esterna u ma jirriflettux il-pożizzjoni tal-Kummissjoni ma huwiex ta’ natura li jinvalida l-analiżi li tippreċedi.

74

Fil-fatt, minn naħa, id-dokumenti li jinsabu f’fajl dwar il-fażi prekontenzjuża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jikkostitwixxu, għall-finijiet tal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attività tal-investigazzjoni, kategorija unika ta’ dokumenti, mingħajr ma jkun hemm bżonn li ssir distinzjoni skont it-tip ta’ dokument li jagħmel parti mill-fajl jew mill-awtur tad-dokumenti kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 64).

75

Min-naħa l-oħra, huwa fid-dawl tal-analiżi legali u tal-konklużjonijiet li jinsabu fl-istudji kontenzjużi li l-fażi prekontenzjuża tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu nfetħet mill-Kummissjoni kontra ċerti Stati Membri. Din l-analiżi u dawn il-konklużjonijiet, fil-fatt, ikkostitwew il-bażi ta’ negozjati li nfetħu bejn il-Kummissjoni u kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati għall-finijiet li jintlaħaq ftehim bonarju għall-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi taħt id-dritt tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżvelar integrali ta’ dawn l-istudji kien ikun ta’ natura, b’mod partikolari, li joħloq pressjoni esterna suxxettibbli li tikkomprometti l-iżvolġiment ta’ dawn in-negozjati fi klima ta’ fiduċja reċiproka u, għaldaqstant, jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet intiżi mill-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

76

Minn dawn isegwi li l-Qorti Ġenerali kellha raġun tqis li l-Kummissjoni kienet awtorizzata tikkunsidra, b’mod ġenerali, li l-iżvelar integrali tal-istudji kontenzjużi li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni espliċita, kienu diġà iddaħħlu fil-proċess dwar il-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu miftuħa meta ntbagħtet l-ittra ta’ intimazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, kien jippreġudika l-protezzjoni tal-imsemmija għanijiet.

77

Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ studji kontenzjużi differenti minn dawk imsemmija fil-punti 71 sa 76 ta’ din is-sentenza, huwa importanti, minn naħa, li jiġi rrilevat li, sa din il-ġurnata, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità għall-benefiċċju ta’ ħames tipi ta’ dokumenti, jiġifieri d-dokumenti ta’ fajl amministrattiv relatat ma’ proċedura ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat (sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 61), in-noti ppreżentati minn istituzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja (sentenza L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 94), id-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti jew terzi persuni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stħarriġ ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (sentenza Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C-404/10 P, EU:C:2012:393, punt 123), id-dokumenti relatati ma’ proċedura prekontenzjuża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 65) u d-dokumenti relatati ma’ proċedura b’applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (sentenza Il-Kummissjoni vs EnBW, C-365/12 P, EU:C:2014:112, punt 93).

78

Fil-kawżi kollha li wasslu għad-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, ir-rifjut ta’ aċċess inkwistjoni kien dwar grupp ta’ dokumenti evidentement limitati mill-appartenenza komuni tagħhom għal fajl relatat ma’ proċedura amministrattiva jew ġuridika miftuħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C-139/07 P, EU:C:2010:376, punti 12 sa 22; L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 75; Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 128; LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punti 49 u 50, kif ukoll Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punti 69 u 70). Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ ta’ studji kontenzjużi oħra differenti minn dawk imsemmija fil-punti 71 sa 76 ta’ din is-sentenza.

79

Min-naħa l-oħra, jekk, kif tfakkar fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni setgħet ġustament tqis, b’mod ġenerali, li l-iżvelar tad-dokumenti relatati mal-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien jikkomprometti l-iżvolġiment tajjeb ta’ din il-fażi u t-tiftix, fi klima ta’ fiduċja reċiproka, ta’ ftehim bonarju dwar id-differenzi li jopponu lill-Kummissjoni u l-Istat Membru inkwistjoni, tali preżunzjoni ġenerali ma setgħetx, min-naħa l-oħra, tapplika għal dawk l-istudji kontenzjużi li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni espliċita, ma kinux wasslu lill-Kummissjoni sabiex tibgħat ittra ta’ intimazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, u li konsegwentement, jibqa’ inċert, f’din id-data, jekk iwasslux għall-ftuħ tal-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra dan l-Istat Membru. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar li l-Kummissjoni, meta tikkunsidra li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, tibqa’ libera li tevalwa l-opportunità li taġixxi kontra dan l-Istat u li tagħżel il-mument fejn tibda l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 61).

80

F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi aċċettat, fis-sentenza appellata, li l-Kummissjoni tista’ legalment twessa’ l-perimetru tal-preżunzjoni ta’ kunfidenzjalità għall-istudji kontenzjużi msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

81

Tali raġunament huwa inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ interpretazzjoni ta’ applikazzjoni stretta ta’ tali preżunzjoni, li tikkostitwixxi, fil-fatt, eċċezzjoni għall-obbligu ta’ eżami konkret u individwali, mill-istituzzjoni kkonċernata, ta’ kull dokument suġġett ta’ talba għal aċċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll, b’mod iżjed ġenerali, għall-prinċipju tal-aċċess l-iktar kbir possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 48, kif ukoll Il-Kunsill vs in ‘t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 48).

82

Minn dan jirriżulta li, peress li l-preżunzjoni ma tistax tapplika fir-rigward tal-istudji kontenzjużi msemmija fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, hija l-Kummissjoni li għandha teżamina każ b’każ jekk dawn l-istudji jistgħux jiġu żvelati kompletament lil ClientEarth.

83

Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi milqugħa, sa fejn din tikkonċerna l-istudji kontenzjużi li, fid-data meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni espliċita, ma kinux wasslu sabiex tintbagħat ittra ta’ intimazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE u għalhekk ma kinux iddaħħlu f’fajl relatat mal-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

84

Il-kumplament ta’ din il-parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tielet motiv

L-argumenti tal-partijiet

85

Fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħha, ibbażat fuq in-natura żbaljata tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali lill-kunċett ta’ “interess pubbliku akbar” fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ClientEarth issostni li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punti 107 sa 109 tas-sentenza appellata tgħaddi l-oneru tal-prova fuqha stess minflok fuq il-Kummissjoni, li huwa kuntrarju kemm għal din id-dispożizzjoni kif ukoll għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li timponi lill-istituzzjoni kkonċernata li, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, tibbilanċja l-interessi involuti billi tibda minn preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punti 44 u 45).

86

Filwaqt li tenfasizza l-importanza fundamentali li għandha, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, l-implementazzjoni korretta tad-dritt tal-ambjent tal-Unjoni mill-Istati Membri, ClientEarth issostni li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-informazzjoni dwar il-konformità tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma’ dan id-dritt jikkostitwixxi interess pubbliku ikbar ta’ intensità partikolari.

87

Il-Kummissjoni ssostni li l-analiżi fil-punti 107 sa 109 tas-sentenza appellata hija kollha kemm hi konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

88

Fid-dawl tal-konklużjoni miġbuda fil-punti 83 u 84 ta’ din is-sentenza, l-eżami ta’ dan it-tielet aggravju jikkonċerna biss il-partijiet mhux żvelati tal-istudji kontenzjużi li jaqgħu taħt il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità, minħabba li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni espliċita, dawn l-istudji kienu diġà ddaħħlu f’fajl relatat mal-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minħabba li l-Kummissjoni kienet bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE.

89

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li tali preżunzjoni ġenerali ma teskludix il-possibbiltà li jintwera li jeżisti, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokument mitlub (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

Madankollu, huwa r-rikorrent li għandu jinvoka b’mod konkret ċirkustanzi li juru li jeżisti interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni (sentenza Strack vs Il-Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91

F’dan il-każ, fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bħal fil-kuntest ta’ dan l-appell, ClientEarth issostni li l-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ demokrazija jimplikaw id-dritt taċ-ċittadini li jkunu informati dwar l-istat ta’ konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-ambjent tal-Unjoni u li jipparteċipaw fil-proċess deċiżjonali.

92

F’dan ir-rigward, l-interess pubbliku ikbar suxxettibbli li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokument ma għandux, ċertament, neċessarjament ikun differenti mill-prinċipji li jirreferi għalihom ir-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 74, kif ukoll Strack vs Il-Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 130).

93

Madankollu, kif ġustament iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 109 tas-sentenza appellata, kunsiderazzjonijiet tant ġenerali bħal dawk invokati minn ClientEarth ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu li l-prinċipju ta’ trasparenza u ta’ demokrazija f’dan il-każ huma ta’ rilevanza partikolari li setgħet tipprevali fuq ir-raġunijiet tar-rifjut ta’ żvelar integrali tad-dokumenti inkwistjoni mdaħħla fil-fajl relatat mal-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punti 93 u 95, kif ukoll Strack vs Il-Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 131).

94

Minn dan isegwi li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

95

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-appell ta’ ClientEarth għandu parzjalment fit-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha. Konsegwentement, għandha tiġi annullata s-sentenza appellata peress li, permezz tagħha l-Qorti Ġenerali aċċettat li l-Kummissjoni setgħet, permezz tad-deċiżjoni espliċita, tirrifjuta lil ClientEarth, abbażi ta’ preżunzjoni ġenerali, l-aċċess integrali għal dawk l-istudji kontenzjużi li, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ma kinux wasslu sabiex tintbagħat ittra ta’ intimazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE u għalhekk ma kinux iddaħħlu f’fajl dwar il-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

96

Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

97

Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din, f’każ ta’ annullament tas-sentenza appellata, tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

98

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li r-rikors ta’ ClientEarth għall-annullament tad-deċiżjoni espliċita huwa fi stadju li jiġi deċiż u li, għaldaqstant, hemm lok li tittieħed deċiżjoni definittiva fuq dan.

99

Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-raba’ motiv invokat minn ClientEarth huwa bbażat fuq il-ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sa fejn il-Kummissjoni kisret il-limiti tal-eċċezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni.

100

Fid-dawl tal-konklużjoni bbażata fuq il-punti 95 u 96 ta’ din is-sentenza, dan il-motiv għandu jiġi eżaminat unikament sa fejn jikkonċerna r-rifjut tal-Kummissjoni, li jinsab fid-deċiżjoni espliċita, li tagħti lil ClientEarth l-aċċess integrali għal dawk l-istudji kontenzjużi li, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ma kinux wassluha sabiex tibgħat ittra ta’ intimazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, u għalhekk ma kinux iddaħħlu fil-fajl dwar il-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

101

F’dan ir-rigward, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 77 sa 83 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt tibbaża ruħha, bħal ma għamlet f’dan il-każ, fuq il-preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar integrali ta’ dawn l-istudji kien jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet intiżi mill-attivitajiet ta’ investigazzjoni tagħha. Għal kull wieħed minn dawn l-istudji, il-Kummissjoni kellha, għall-kuntrarju, teżamina u tispjega kif tali żvelar kien konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett mill-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102

Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi milqugħ u, għaldaqstant, ir-rikors kif ippreċiżat fil-punt 100 ta’ din is-sentenza, u għandha tiġi annullata d-deċiżjoni espliċita sa fejn, permezz tagħha, il-Kummissjoni rrifjutat lil tagħti lil ClientEarth l-eċċess integrali għal dawk l-istudji kontenzjużi li, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ma kinux wasslu lill-Kummissjoni sabiex tibgħat ittra ta’ intimazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, u għalhekk ma kinux iddaħħlu fil-fajl dwar il-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

Fuq l-ispejjeż

103

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 138(3) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. L-Artikolu 140(1) tal-imsemmija regoli jipprovdi li l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

104

Peress li l-appell ta’ ClientEarth kif ukoll ir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali ġew milqugħa parzjalment biss, għandu jiġi deċiż li ClientEarth u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati mal-proċedura ta’ appell u mal-proċedura fl-ewwel istanza. Il-Parlament u l-Kunsill għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati mal-proċedura tal-appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ClientEarth vs Il-Kummissjoni (T-111/11, EU:T:2013:482) hija annullata sa fejn, permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea aċċettat li l-Kummissjoni Ewropea setgħet, permezz tad-deċiżjoni tagħha, tat-30 ta’ Mejju 2011, tirrifjuta lil ClientEarth, abbażi ta’ preżunzjoni ġenerali, l-aċċess integrali għal dawk l-istudji dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri mad-dritt dwar l-ambjent tal-Unjoni li, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ma kinux wasslu lill-Kummissjoni Ewropea biex tibgħat ittra ta’ intimazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 tat-TFUE, u għalhekk ma kinux ġew inklużi f’fajl dwar il-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

 

2)

Il-kumplament tal-appell għandu jiġi miċħud.

 

3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Mejju 2011 hija annullata sa fejn, permezz tagħha, il-Kummissjoni Ewropea rrifjutat li tagħti lil ClientEarth l-aċċess integrali għall-istudji msemmija fil-punt 1 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza.

 

4)

ClientEarth u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati mal-proċedura tal-appell u l-proċedura tal-ewwel istanza.

 

5)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati mal-proċedura tal-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq