EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0535

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-18 ta’ Ġunju 2015.
Vadzim Ipatau vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Appell — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi diretti kontra r-Repubblika tal-Bjelorussja — Ammissibbiltà — Terminu tar-rikors — Għajnuna legali — Effett sospensiv — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Drittijiet tad-difiża — Prinċipju ta’ proporzjonalità.
Kawża C-535/14 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:407

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

18 ta’ Ġunju 2015 ( *1 )

“Appell — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi diretti kontra r-Repubblika tal-Bjelorussja — Ammissibbiltà — Terminu tar-rikors — Għajnuna legali — Effett sospensiv — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Drittijiet tad-difiża — Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑535/14 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentant fl-24 ta’ Novembru 2014,

Vadzim Ipatau, residenti f’Minsk (il-Bjelorussja), irrappreżentat minn M. Michalauskas, avukat,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn F. Naert u B. Driessen, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas (Relatur), E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bl-appell tiegħu, V. Ipatau jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Settembru 2014, Ipatau vs Il‑Kunsill (T‑646/11, EU:T:2014:800, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament:

tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/666/PESK, tal-10 ta’ Ottubru 2011, li temenda tal-Kunsill 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja (ĠU L 265, p. 17);

tar-Regolament Implimentattiv tal-Kunsill (UE) Nru 1000/2011, tal-10 ta’ Ottubru 2011, li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja (ĠU L 265, p. 8);

tal-ittra tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2011, li permezz tagħha ċaħad it-talba tal-appellant intiża sabiex ismu jitneħħa mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/69/PESK, tal-31 ta’ Jannar 2011, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja (ĠU L 28, p. 40, iktar ’il quddiem l-“ittra tal-14 ta’ Novembru 2011”);

tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 84/2011, tal-31 ta’ Jannar 2011, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja (ĠU L 28, p. 17);

tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK, tal-15 ta’ Ottubru 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja (ĠU L 285, p. 1), u

tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1017/2012, tas-6 ta’ Novembru 2012, li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja (ĠU L 307, p. 7),

sa fejn dawn jikkonċernaw lill-appellant.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti kif ġej mill-Qorti Ġenerali:

“1

Ir-rikorrent, Vadzim Ipatau, huwa ċittadin Bjelorussu, Viċi President tal-Kumitat Elettorali Ċentrali (iktar ’il quddiem il-‘KEĊ’).

2

Jirriżulta mill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/276/PESK, tal-10 ta’ April 2006, dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2004/661/PESK (ĠU L 270M, p. 374), li, insegwitu għall-għajbiet ta’ diversi personalitajiet fil-Bjelorussja, ta’ elezzjonijiet u ta’ referendum frawdolenti kif ukoll ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mwettqa matul ir-repressjoni eżerċitata kontra l-manifestanti paċifiċi wara dawn l-elezzjonijiet u r-referendum, ġie deċiż li jittieħdu miżuri restrittivi, bħad-dħul jew it-tranżitu mit-territorju tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, diretti kontra diversi persuni mill-Bjelorussja.

3

Id-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-Unjoni ġew stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006, tat-18 ta’ Mejju 2006, dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Belarus (ĠU 2008, L 352M, p. 432). Dawn id-dispożizzjonijiet kienu s-suġġett ta’ numru ta’ emendi sussegwenti u l-Artikolu 8a(1) ta’ dan ir-regolament, kif emendat, jipprevedi li, meta l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li japplika lil persuna fiżika jew ġuridika, lil entità jew lil organu l-miżuri msemmija fl-Artikolu 2(1), huwa konsegwentement jemenda l-anness, li fih hemm il-lista fejn din il-persuna hija inkluża.

4

Il-miżuri restrittivi previsti fil-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK ġew estiżi sal-15 ta’ Marzu 2010 permezz tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2009/314/PESK, tas-6 ta’ April 2009, li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus, u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2008/844/PESK (ĠU L 93, p. 21). Madankollu, ir-restrizzjonijiet ta’ vvjaġġar imposti fuq ċerti figuri ewlenin tal-Bjelorussja, bl-eċċezzjoni ta’ dawk involuti fl-għajbiet li seħħew fl-1999 u fl-2000 u tal-President tal-Kumitat Elettorali Ċentrali, ġew sospiżi sal-15 ta’ Diċembru 2009.

5

Fil-15 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/969/PESK, tal-15 ta’ Diċembru 2009, li testendi l-miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus imniżżla fil-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK, u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2009/314/PESK (ĠU L 332, p. 76). Dan estenda sal-31 ta’ Ottubru 2010 kemm il-miżuri restrittivi previsti fil-Pożizzjoni Komuni 2006/276 kif ukoll is-sospensjoni ta’ restrizzjonijiet ta’ vvjaġġar imposti fuq ċerti figuri ewlenin tal-Bjelorussja.

6

Fuq il-bażi ta’ eżami mill-ġdid tal-Pożizzjoni Komuni 2006/276, il-Kunsill, bid-Deċiżjoni 2010/639/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja (ĠU L 280, p. 18), estenda sal-31 ta’ Ottubru 2011 kemm il-miżuri restrittivi previsti fil-Pożizzjoni Komuni 2006/276 kif ukoll is-sospensjoni tar-restrizzjonijiet ta’ vvjaġġar imposti fuq ċerti figuri ewlenin tal-Bjelorussja.

7

Bid-Deċiżjoni 2011/69/PESK […], ġie deċiż, fid-dawl tal-elezzjonijiet presidenzjali frawdolenti tad-19 ta’ Diċembru 2010 u tar-repressjoni vjolenti diretta kontra l-oppożizzjoni politika, tas-soċjetà ċivili u tar-rappreżentanti tal-midja indipendenti fil-Bjelorussja, li jiġi ffissat terminu għas-sospensjoni tar-restrizzjonijiet ta’ vvjaġġar, u sabiex jiġu implementati miżuri restrittivi oħra. L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2010/639 tlesta kif ġej:

‘d)

[huma responsabbli] għall-vjolazzjonijiet ta’ standards elettorali internazzjonali waqt l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Bjelorussja fid-19 ta’ Diċembru 2010, u r-repressjoni kontra s-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, u dawk il-persuni assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness IIIA.’

8

Id-Deċiżjoni 2011/69 issostitwit l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2010/639 b’dan il-mod:

‘Artikolu 2

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, miżmumin jew ikkontrollati minn persuni li huma responsabbli:

[…]

b)

għall-vjolazzjonijiet ta’ standards elettorali internazzjonali fl-elezzjonijiet Presidenzjali fil-Bjelorussja fid-19 ta’ Diċembru 2010, u r-repressjoni fuq is-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, u dawk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness IIIA;

[…]’

9

Isem ir-rikorrent issemma fl-Anness V tad-Deċiżjoni 2011/69, li żied l-Anness III A għad-Deċiżjoni 2010/639 [Anness III A, lista ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 1(1)(d) u fl-Artikolu 2(1)(b)]. Isem ir-rikorrent, li jidher fin-Nru 10, huwa akkumpanjat mill-kjarifika li ġejja: ‘Viċi President, [KEĊ]’.

10

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [Nru 84/2011] b’mod partikolari ssostitwixxa l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 765/2006 b’dan li ġej:

‘Artikolu 2:

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I jew l-Anness IA, jew li huma proprjetà tagħhom jew miżmuma jew kontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I jew għall-benefiċċju tagħhom.

[…]

5.   L-Anness I għandu jikkonsisti fil-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/639/PESK kif emendata.’

11

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 84/2011, permezz tal-Anness II tiegħu (Anness I A tar-Regolament Nru 765/2006 li jinkludi l-lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, ta’ entitajiet kif ukoll ta’ organi msemmija fl-Artikolu 2(1), (2) u (5)), inkluda isem ir-rikorrent bil-kjarifika li tinsab fil-punt 9 iktar ’il fuq.

12

Fit-2 ta’ Frar 2011 ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Avviż għall-attenzjoni tal-persuni li għalihom japplikaw il-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/69/PESK u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 84/2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 (ĠU C 33, p. 17).

13

B’ittra tat-2 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrent talab lill-Kunsill sabiex jipproċedi għall-eżami mill-ġdid tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kkonċernati.

14

B’ittra tal-14 ta’ Novembru 2011, il-Kunsill ċaħad din it-talba għal eżami mill-ġdid […], billi qis li l-miżuri restrittivi adottati kontra r-rikorrent kienu ġġustifikati. Huwa annetta ma’ din l-ittra deċiżjoni ġdida u Regolament ġdid ta’ Implimentazzjoni.

15

F’dan ir-rigward, il-Kunsill annetta d-Deċiżjoni [2011/666], fejn issostitwixxa l-kjarifika dwar ir-rikorrent kif indikata fil-punt 9 iktar ’il fuq b’dan li ġej:

‘Viċi President, [KEĊ], Bħala Membru tal-Kumitat Elettorali Ċentrali hu għandu r-responsabbiltà kondiviża għall-ksur tal-istandards elettorali internazzjonali fl-elezzjonijiet Presidenzjali fid-19 ta’ Diċembru 2010.’

16

Il-Kunsill annetta wkoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [Nru 1000/2011], li permezz tiegħu l-kjarifika kif indikata fil-punt 9 iktar ’il fuq ġiet ukoll issostitwita bl-istess entrata fid-Deċiżjoni 2011/666 u indikata fil-punt 15 iktar ’il fuq.

17

Fil-11 ta’ Ottubru 2011 ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Avviż għall-attenzjoni tal-persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/639/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/666/PESK, u fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006, kif implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 999/2011 dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja (ĠU C 299, p. 4).

18

Bid-Deċiżjoni [2012/642], il-Kunsill estenda, sal-31 ta’ Ottubru 2013, il-miżuri restrittivi fis-seħħ u ġabar dawn il-miżuri imposti mid-Deċiżjoni 2010/639 fi strument legali wieħed. L-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi:

’L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, tal-persuni:

a)

responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew ir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, jew li l-attivitajiet tagħhom ikunu serjament jipperikolaw id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Bjelorussja, jew kwalunkwe persuna assoċjata magħhom;

b)

li jibbenefikaw mir-reġim ta’ Lukashenka jew jappoġġawh,

kif elenkat fl-Anness.’

19

L-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2012/642 jiddisponi:

’Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma l-proprjetà ta’, huma miżmuma minn jew huma kkontrollati minn:

a)

persuni, entitajiet jew korpi responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, jew li l-attivitajiet tagħhom ikunu serjament jipperikolaw id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Bjelorussja, jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp assoċjati magħhom, kif ukoll persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma proprjetà ta’, jew ikkontrollati minnhom;

b)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jibbenefikaw mir-reġim ta’ Lukashenka jew jappoġġawh, kif ukoll persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom,

kif elenkat fl-Anness għandhom jiġu ffriżati.’

20

Fl-Anness tad-Deċiżjoni 2012/642 (lista ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 4(1)), isem ir-rikorrent, li jinsab fin-numru 66, ġie inkluż bil-kjarifika li ġejja:

‘Viċi President tal-[KEĊ]. Bħala Membru tal-[KEĊ], kien responsabbli għall-ksur tal-istandards elettorali internazzjonali fl-elezzjonijiet Presidenzjali tad-19 ta’ Diċembru 2010.’

21

Bir-Regolament (UE) Nru 1014/2012, tas-6 ta’ Novembru 2012 (ĠU L 307, p. 1), il-Kunsill emenda r-Regolament Nru 765/2006. Huwa ssostitwixxa l-Artikolu 2 ta’ dan l-aħħar regolament b’dan li ġej:

‘1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness I, jew li huma l-proprjetà tagħhom jew miżmuma jew ikkontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I jew għall-benefiċċju tagħhom.

3.   Għandha tiġi pprojbita l-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonali, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun, direttament jew indirettament, li jaħarbu mill-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4.   L-Anness I għandu jikkonsisti f’lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, skont il-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642[…], ġew identifikati mill-Kunsill bħala responsabbli ta’ ksur serju kontra d-drittijiet tal-bniedem, jew tar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, jew inkella li l-attivitajiet tagħhom joħolqu theddida serja għad-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Bjelorussja, jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entitajiet u korpi assoċjati magħhom, kif ukoll persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom.

5.   L-Anness I għandu jikkonsisti wkoll f’lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2012/642[…] ġew identifikati mill-Kunsill bħala li jibbenefikaw mir-reġim ta’ Lukashenka jew jappoġġawh, kif ukoll persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom.’

22

Barra minn hekk, mir-Regolament Nru 1014/2012, ir-referenzi għall-‘Annessi I, I°A, u I°B’ jew ir-referenzi għall-‘Annessi I jew I A’ fir-Regolament Nru 765/2006, kif emendati, ġew issostitwiti b’referenzi għall-‘Anness I’.

23

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [Nru 1017/2012], il-Kunsill issostitwixxa t-test tal-Annessi I, I A u I B tar-Regolament Nru 765/2006 b’Anness wieħed. F’dan tal-aħħar hemm, fin-numru 66, isem ir-rikorrent segwit mill-istess indikazzjoni, imsemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq.

24

Fis-7 ta’ Novembru 2012 ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK u fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1014/2012 u implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1017/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja (ĠU C 339, p. 9).”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

3

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Diċembru 2011, l-appellant ressaq talba għal għajnuna legali skont l-Artikoli 94 u 95 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali sabiex jiġi ppreżentat rikors kontra l-Kunsill, intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni 2011/69, tad-Deċiżjoni 2011/666, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 84/2011 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1000/2011, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh.

4

B’digriet tal-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali CD vs Il‑Kunsill (T‑646/11 AJ, EU:T:2012:279), il-benefiċċju tal-għajnuna legali ġie ammess lill-appellant.

5

B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Ġunju 2012, l-appellant ippreżenta rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni 2011/666, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1000/2011 u tal-ittra tal-14 ta’ Novembru 2011. Sussegwentement, l-appellant estenda t-talbiet tar-rikors tiegħu u talab ukoll l-annullament tad-Deċiżjoni 2012/642 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1017/2012.

6

Il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett eżaminat l-osservanza tat-termini tar-rikors fir-rigward tal-atti kollha li qed jintalab l-annullament tagħhom. Wara li kkunsidrat li t-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2011/666 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1000/2011 ġiet imressqa fit-termini tar-rikors, hija ddeċidiet dwar l-ammissibbiltà tar-rikors peress li din kienet diretta kontra l-ittra tal-14 ta’ Novembru 2011. Wara li eżaminat it-talba għal għajnuna legali, hija ddeċidiet, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li ma jistax jiġi kkunsidrat li, fit-talba għal għajnuna legali tiegħu, l-appellant semma b’mod ċar l-ittra tal-14 ta’ Novembru 2011 bħala att li għandu jkun kopert mir-rikors li għandu jiġi ppreżentat.

7

It-terminu previst għall-preżentata ta’ rikors kontra l-ittra tal-14 ta’ Novembru 2011 għalhekk ma kienx sospiż bl-applikazzjoni tal-Artikolu 96(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, bit-tressiq tat-talba għal għajnuna legali. Konsegwentement, ir-rikors ippreżentat fis-27 ta’ Ġunju 2012, jiġifieri iktar minn seba’ xhur wara d-data ta’ komunikazzjoni ta’ din l-ittra, kien ippreżentat wara l-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 263 TFUE u fl-Artikolu 102(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura fil-fehma tal-Qorti Ġenerali.

8

V. Ipatau kien invoka ħames motivi insostenn tar-rikors tiegħu, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq motivazzjoni insuffiċjenti u ksur tad-drittijiet tad-difiża, fit-tieni lok, fuq in-natura kollettiva tar-responsabbiltà u tal-miżura restrittiva, fit-tielet lok, fuq “assenza ta’ element legali”, fir-raba’ lok, fuq żball ta’ evalwazzjoni u, fil-ħames lok, fuq nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kull wieħed minn dawn il-motivi ma kienx fondat u, konsegwentement, ċaħdet ir-rikors.

It-talbiet tal-partijiet

9

Bl-appell tiegħu V. Ipatau jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi hija stess il-kawża jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż quddiem il-Qorti Ġenerali.

10

Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell; u

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż tal-Kunsill.

Fuq l-appell

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

L-argumenti tal-partijiet

11

Fl-ewwel aggravju tiegħu, V. Ipatau sostna li l-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat r-rikors inammissibbli minħabba li kien dirett kontra l-ittra tal-14 ta’ Novembru 2011, kisret id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

12

V. Ipatau kkontesta l-punti 58 sa 60 tas-sentenza appellata. Fl-ewwel lok, huwa jsostni li l-atti għandhom jiġu interpretati bħala li jimponu l-effettività tagħhom u li, konsegwentement, it-talba għal għajnuna legali tal-11 ta’ Diċembru 2011 għandha tiġi interpretata fis-sens li neċessarjament hija tirreferi għall-ittra tal-14 ta’ Novembru 2011. Fit-tieni lok, huwa jsostni li huwa ma kienx assistit minn avukat fl-ifformular tat-talba għal għajnuna legali.

13

Il-Kunsill jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta eskludiet din l-ittra mis-suġġett tat-talba għal għajnuna legali tar-rikorrent. Huwa jsostni li l-fatt li V. Ipatau fformula huwa stess it-talba għal għajnuna legali ma jeffettwax il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors. Huwa jirreferi għall-ifformular tat-talba għal għajnuna legali u jfakkar li, bħala direttur taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Leġiżlazzjoni u tar-Riċerka Legali tar-Repubblika tal-Bjelorussja, l-appellant kellu għarfien tar-regoli ġuridiċi, hekk kif jirriżulta mill-argumenti ġuridiċi fformulati f’din it-talba għaliex huma partikolarment żviluppati.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

14

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li la d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u lanqas id-dritt għal smigħ ma huma effettwati mill-applikazzjoni stretta tal-leġiżlazzjonijiet tal-Unjoni dwar it-termini tal-proċeduri, li, skont ġurisprudenza stabbilita tissodisfa r-rekwiżit taċ-ċertezza legali u tan-neċessità li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara d-digriet Page Protective Servizzi vs EEAS, C‑501/13 P, EU:C:2014:2259, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15

L-Artikolu 96(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprevedi li, bħala eċċezzjoni għar-regoli dwar it-termini tal-proċeduri, il-preżentata ta’ talba għal għajnuna legali tissospendi t-terminu previst għall-preżentata tar-rikors sad-data tan-notifika tad-digriet li jiddeċiedi dwar dik it-talba jew, jekk il-persuna kkonċernata ma pproponietx hija nnifisha avukat jew jekk ma hemmx bżonn li tiġi approvata l-għażla tiegħu, tad-digriet li jaħtar l-avukat inkarigat sabiex jirrappreżenta lill-applikant.

16

Matul l-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament sa fejn dan huwa dirett kontra l-ittra tal-14 ta’ Novembru 2011, il-Qorti Ġenerali kienet meħtieġa tinterpreta t-talba għal għajnuna legali ppreżentata minn V. Ipatau fil-11 ta’ Diċembru 2011, sabiex tivverifika jekk din l-ittra kinitx is-suġġett tar-rikors imsemmi.

17

Fil-punt 55 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċċitat il-parti tal-ittra tal-14 ta’ Novembru 2011 li ssemmi l-ittra. Fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, hija tirriproduċi wkoll is-suġġett tat-talba għal għajnuna legali, sa fejn din kienet intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni 2011/69, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 84/2011, tad-Deċiżjoni 2011/666 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1000/2011. Fil-punt 57 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali pproċediet għall-analiżi tal-aċċenn għall-ittra tal-14 ta’ Novembru 2011 fil-kuntest tat-talba għal għajnuna legali kif ukoll fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat li l-appellant kien semma din l-ittra biss fl-iżviluppi tal-motivi tiegħu u fl-argumenti prinċipali esposti fil-parti “suġġett tar-rikors” u li dan l-aċċenn isir biss f’nofs il-preżentazzjoni tal-ewwel motiv, b’din l-ittra ma tiġix imsemmija fil-kuntest taż-żewġ motivi l-oħra. Il-Qorti Ġenerali enfasizzat ukoll li filwaqt li t-tliet motivi jikkonċernaw b’mod espliċitu ħafna dawn id-deċiżjonijiet u r-regolamenti ta’ implimentazzjoni, dan ma kienx il-każ għall-ittra tal-14 ta’ Novembru 2011.

18

Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, huwa mingħajr żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li ma jistax jiġi kkunsidrat li, fit-talba għal għajnuna legali tiegħu, l-appellant semma l-ittra tal-14 ta’ Novembru 2011 bħala att li għandu jkun kopert mir-rikors li għandu jiġi ppreżentat.

19

Fir-rigward tal-argument li t-talba għal għajnuna legali tal-11 ta’ Diċembru 2011 għandha tiġi interpretata fis-sens li neċessarjament hija tirreferi għall-annullament tal-ittra tal-14 ta’ Novembru 2011, għandu jitfakkar li, b’din l-ittra, il-Kunsill ċaħad it-talba għal eżami mill-ġdid tal-inklużjoni ta’ V. Ipatau fuq il-listi ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi mid-Deċiżjoni 2011/69 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 84/2011. Din l-ittra kienet tinkludi wkoll id-Deċiżjoni 2011/666 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1000/2011.

20

Madankollu, it-talba għal għajnuna legali kienet ġiet imressqa mill-appellant għall-preżentata tar-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni 2011/69, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 84/2011, tad-Deċiżjoni 2011/666 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1000/2011. Minħabba fil-formulazzjoni ċara, preċiża u ġuridikament argumentata ta’ din it-talba għal għajnuna legali, l-ebda prova ma kienet tippermetti lill-Qorti Ġenerali li tikkunsidra li din it-talba kellha neċessarjament tfittex, barra minn hekk, l-annullament tal-ittra tal-14 ta’ Novembru 2011.

21

Fir-rigward tal-argument li jgħid li V. Ipatau ma kienx assistit minn avukat meta fformula t-talba tiegħu għal għajnuna legali, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal għajnuna legali miktuba minn V. Ipatau kienet ċara, preċiża u ġuridikament argumentata, li jafferma l-kompetenzi ġuridiċi tiegħu.

22

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-ewwel aggravju ma huwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża dwar id-Deċiżjoni 2012/642 u r-Regolament ta ’ Implimentazzjoni Nru 1017/2012

L-argumenti tal-partijiet

23

Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, V. Ipatau jsostni li billi l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kunsill seta’ jadotta d-Deċiżjoni 2012/642 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1017/2012 mingħajr ma jisimgħu minn qabel, hija kisret id-drittijiet tad-difiża. Huwa jikkontesta wkoll il-punti 80 u 81 tas-sentenza appellata li hija fformulata kif ġej:

“80.

Għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni li tikkonċerna lir-rikorrent ma nbidlitx sostanzjalment mill-2012, sa fejn dan tal-aħħar għadu responsabbli bħala l-Viċi President u bħala membru tal-KEĊ mill-ksur tal-istandards elettorali fil-kuntest tal-elezzjoni presidenzjali tad-19 ta’ Diċembru 2010.

81.

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tagħhom, li l-ilmenti żviluppati f’dan ir-rigward mir-rikorrent huma, f’kull każ, infondati, peress li l-Kunsill ma kienx meħtieġ jikkomunika lir-rikorrent il-provi użati kontrih u jagħtih l-opportunità li jinstema’ qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2012/642 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1017/2012.”

24

Huwa jargumenta li l-assenza ta’ bidla fil-motivazzjoni tal-atti inkwistjoni ma teżentax lill-Kunsill mill-obbligu tiegħu li jikseb l-opinjoni tal-persuna kkonċernata, sabiex tagħtiha l-possibbiltà taġġorna l-pożizzjoni tagħha u l-informazzjoni li tikkonċernaha. Huwa josserva li d-Deċiżjoni 2012/642, fil-premessa 8 tagħha, tirreferi għall-elezzjonijiet parlamentari tat-23 ta’ Settembru 2012, fejn tiddikjara li dawn “ukoll ma humiex konsistenti mal-istandards internazzjonali” filwaqt li r-raġunijiet li għalihom huwa ġie rreġistrat fuq il-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi huma relatati mal-“ksur tal-istandards elettorali fil-kuntest tal-elezzjoni presidenzjali tad-19 ta’ Diċembru 2010”.

25

Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-aggravju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26

Fil-punti 75 u 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, tfakkar il-ġurisprudenza li tgħid, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li żżomm isem il-persuna jew l-entità fuq lista ta’ persuni jew entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi, li l-Kunsill għandu jirrispetta d-dritt ta’ dik il-persuna jew ta’ dik l-entità li jinstemgħu minn qabel meta fid-deċiżjoni ta’ żamma tal-inklużjoni ta’ isimha fuq il-lista jkunu qed jiġu kkunsidrati provi ġodda fir-rigward tagħha, jiġifieri provi li ma kinux inklużi fid-deċiżjoni inizjali ta’ inklużjoni ta’ isimha fuq il-lista (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punti 62 u 63).

27

Hekk kif ġie ġustament osservat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 80 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet għaż-żamma tal-inklużjoni tal-appellant fil-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi inkwistjoni ma nbidlux sostanzjalment matul is-sena 2012. Fil-fatt, jirriżulta mill-atti kollha li l-appellant talab l-annullament tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, li r-responsabbiltà ta’ V. Ipatau dejjem kienet fil-kwalità tiegħu ta’ Viċi President u ta’ membru tal-KEĊ għall-ksur tal-istandards elettorali fil-kuntest tal-elezzjoni presidenzjali tad-19 ta’ Diċembru 2010.

28

F’kull każ, hekk kif sostna l-Kunsill, ir-rikorrent kien diġà ppreżenta osservazzjonijiet lill-Kunsill u għalhekk kien jaf li kellu dan id-dritt, a fortiori, fl-okkażjoni tal-eżami mill-ġdid perijodiku tal-miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika tal-Bjelorussja, għal estensjoni possibbli ta’ dawn.

29

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li t-tieni aggravju ma huwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żball ta ’ liġi fir-rigward tal-karattru suffiċjenti tal-motivi previsti fl-atti li l-annullament tagħhom qed tiġi mitluba

L-argumenti tal-partijiet

30

Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, V. Ipatau jsostni li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet li l-Kunsill ma kien wettaq l-ebda żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li l-motivi li jiġġustifikaw l-inklużjoni tal-appellant fil-lista ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi kienu fondati, wettqet żball ta’ liġi. Għalhekk huwa jikkontesta wkoll il-punti 143 u 144 tas-sentenza appellata. Il-punti 138 sa 140 u 142 sa 144 tas-sentenza appellata huma fformulati kif ġej:

“138

Ir-rikorrent ma jikkontestax il-kwalità tiegħu ta’ Viċi President tal-KEĊ, iżda, essenzjalment, ir-rwol u l-influwenza tiegħu kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, ir-rwol u l-influwenza tal-KEĊ fl-elezzjonijiet presidenzjali.

139

Ir-rikorrent jikkontesta, madankollu, l-inklużjoni ta’ ismu fuq il-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi fuq il-bażi li l-Kunsill kien wasal għal konklużjonijiet żbaljati mir-rapport tal-[Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE)] inkwistjoni.

140

Madankollu, jidher mill-ewwel li jekk il-Kunsill qed jibbaża ruħu fuq ir-rapport tal-OSCE inkwistjoni, il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport ma humiex kontradetti minn istituzzjonijiet bħall-Kunsill tal-Ewropa, hekk kif indikat mill-Kunsill. F’dan ir-rigward, jirriżulta mir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa 1790(2011), tas-27 ta’ Jannar 2011, kif ukoll mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU 17/24, tal-15 ta’ Ġunju 2011, li l-elezzjonijiet presidenzjali ta’ Diċembru 2010 fil-Bjelorussja ma żvolġewx regolarment, peress li kandidati għall-elezzjoni ġew arrestati u peress li kienet twettqet repressjoni fix-xahar ta’ wara l-elezzjoni. Il-fatt li l-Commonwealth tal-Istati Indipendenti (CIS) ivvalida l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2010 fil-Bjelorussja ma kienx biżżejjed sabiex jikkontesta l-kontenut ta’ dan ir-rapport f’dan ir-rigward.

[…]

142

Sussegwentement, jekk il-KEĊ ma kienx l-uniku responsabbli għall-implementazzjoni tad-dritt elettorali, dan ma jfissirx li ma hija bl-ebda mod responsabbli mit-tmexxija tal-elezzjonijiet presidenzjali f’Diċembru 2010. Jirriżulta mir-rapport tal-OSCE inkwistjoni, u dan ma huwiex ikkontestat mill-partijiet, li l-KEĊ huwa l-ogħla korp inkarigat mill-amministrazzjoni elettorali. Hija għandha rwol partikolarment importanti fit-twaqqif tal-lista tal-kandidati għall-elezzjoni presidenzjali, fis-superviżjoni tal-qrati inferjuri tal-amministrazzjoni inkarigata mill-elezzjonijiet, fil-kontroll tal-iżvolġiment tal-kampanja elettorali, fil-ġestjoni tal-ilmenti u tar-rikorsi mid-deċiżjonijiet meħuda mid-diversi kumitati elettorali inferjuri kif ukoll mill-amministrazzjonijiet lokali u b’mod iktar ġenerali fir-rikorsi ppreżentati ġeneralment mill-kandidati differenti għall-elezzjonijiet.

143

Issa r-rapport tal-OSCE inkwistjoni jenfasizza l-‘assenza ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità fil-ġestjoni tal-elezzjoni, kundizzjonijiet inġusti u ambjent li jillimita l-libertà ta’ azzjoni tal-midja, kif ukoll nuqqas ta’ trasparenza persistenti fl-istadji ewlenin tal-proċess elettorali’. Jirriżulta wkoll minn dan ir-rapport li s-sorveljanza u l-kontroll tal-elezzjonijiet ma kinux manifestament effettwati b’mod suffiċjenti. Il-KEĊ naqset milli tkun indipendenti, imparzjali kif ukoll mill-kolleġġjalità u hija ħabbret ir-riżultati uffiċjali li pproklamaw l-elezzjoni tal-President Lukashenko, mingħajr ma ppubblikat kwalunkwe forma ta’ riżultati ddettaljati.

144

Fl-aħħar nett, ma huwiex ikkontestat li r-rikorrent, bħala Viċi President tal-KEĊ, kien involut personalment fl-attivitajiet ta’ din tal-aħħar. Ma jidhirx li huwa jiddisassoċja ruħu f’mument wieħed jew ieħor mill-ħidma tal-KEĊ, li esprima l-iċken protesta, riserva jew influwenza fuq ix-xogħol imwettaq minn dak il-kumitat f’dak li jirrigwarda l-elezzjonijiet presidenzjali tad-19 ta’ Diċembru 2010, filwaqt li l-KEĊ approva bis-sħiħ it-tmexxija ta’ dawn l-elezzjonijiet.”

31

L-appellant jirreferi għas-sentenza Il‑Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 119 kif ukoll 121), li tgħid li l-Kunsill għandu jipproduċi l-prova tal-fondatezza tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li tinkludi jew li żżomm persuna fuq lista ta’ persuni suġġetti għal sanzjonijiet, u s-sentenza Tay Za vs Il‑Kunsill (C‑376/10 P, EU:C:2012:138, punt 71), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja kkundannat kwalunkwe preżunzjoni jew inklużjoni ta’ persuna fuq tali lista b’referenza għas-sempliċi rabtiet li dawn kellhom ma’ persuni oħra. Huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li r-raġunijiet tal-atti kkontestati kienu suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tiegħu għall-ksur tal-istandards elettorali internazzjonali li seħħew matul l-elezzjonijiet presidenzjali tad-19 ta’ Diċembru 2010. F’dan ir-rigward, V. Ipatau jsostni, fl-ewwel lok, li ma kien hemm ebda raġuni sabiex jiddisassoċja ruħu mill-ħidma tal-KEĊ.

32

Fit-tieni lok, huwa jsostni li ma jistax jiġi argumentat li l-KEĊ ikkontribwixxiet għall-falsifikazzjoni tar-riżultati elettorali tad-19 ta’ Diċembru 2010, meta tressaq quddiemha rikors wieħed biss li jikkontesta l-validità tal-elezzjonijiet, u li barra minn hekk hija l-Qorti Suprema li għandha tiddeċiedi fl-aħħar istanza u mhux il-KEĊ. Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkontestat lill-KEĊ li tivvalida r-riżultati ta’ elezzjoni fejn 90 % tal-kandidati aċċettaw ir-riżultati.

33

Fit-tielet lok, huwa jikkontesta l-kritika mqajma mill-OSCE fir-rapport tagħha u esposta fil-punt 143 tas-sentenza appellata, peress li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tirrevedi d-deċiżjonijiet tal-KEĊ.

34

Il-Kunsill ifakkar il-ġurisprudenza dwar il-motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet u jsostni li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fil-punti 97 sa 103 tas-sentenza appellata meta eżaminat il-motiv għal annullament ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

35

Il-Kunsill eżamina wkoll il-kwistjoni tal-fondatezza tal-miżuri adottati li huma diretti kontra V. Ipatau u li jagħtu prova tal-fatti li kienu għall-oriġini ta’ dawn il-miżuri. Huwa jfakkar li kien indika, fin-noti tiegħu ppreżentati fl-ewwel istanza, numru ta’ azzjonijiet tal-KEĊ li kisru l-istandards elettorali internazzjonali u r-rwol tal-appellant f’dan ir-rigward. Huwa barra minn hekk jinnota li jekk kandidat wieħed biss ikkontesta r-riżultati tal-elezzjonijiet, seba’ oħra ġew miżmuma mis-servizzi tas-sigurtà Bjelorussi wara l-elezzjonijiet u għalhekk ma setgħux jikkontestaw dawn ir-riżultati.

36

Il-Kunsill jenfasizza li s-sistema elettorali Bjelorussa tista’ taħdem biss bil-kollaborazzjoni leali ta’ uffiċjali governattivi għolja bħall-appellant. Huwa jikkunsidra li, bħala uffiċjal għoli tar-reġim, l-appellant kien marbut fil-konfront tal-Gvern Bjelorussu, fis-sens applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Tay Za vs Il‑Kunsill (C‑376/10 P, EU:C:2012:138). Minn dan isegwi li l-Kunsill seta’ jillimita ruħu li jesponi fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li huwa adotta din ir-rabta bejn l-appellant u l-gvern.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37

Għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità materjali tal-att kontenzjuż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67). Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tesprimi formalment ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li jkunu espressi motivi żbaljati (ara s-sentenza Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 181). L-ilmenti u l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ att, għalhekk ma humiex rilevanti fil-kuntest ta’ aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti.

38

Minkejja li l-appellant ikkwalifika l-aggravju bħala “ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tas-suffiċjenza tar-raġunijiet ipprovduti fl-atti kkontestati”, għandu jiġi kkonstatat li jikkontesta l-fondatezza tal-punti 143 u 144 tas-sentenza appellata, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali wieġbet għall-motiv ibbażat fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni. Minħabba fl-identifikazzjoni preċiża tal-motivi kkontestati, f’konformità mal-Artikolu 178(3) tar-Regoli tal-Proċedura, hemm madankollu lok li teżamina l-aggravju.

39

Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-fondatezza tal-inklużjoni ta’ V. Ipatau fil-listi tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, il-kriterji ġenerali għall-inklużjoni fil-listi, fit-tieni lok, il-motivazzjoni tal-inklużjoni ta’ V. Ipatau fuq tali lista u, fit-tielet lok, il-prova tal-fondatezza ta’ din l-inklużjoni (sentenzi Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:247, punt 40, u Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑630/13 P, EU:C:2015:248, punt 41).

40

Għandu jitfakkar li l-Kunsill għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa biex jiddefinixxi l-kriterji ġenerali użati biex japplikaw miżuri restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:247, punt 41, kif ukoll Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑630/13 P, EU:C:2015:248, punt 42).

41

V. Ipatau ma jallegax żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

42

Fir-rigward tal-prova tal-fondatezza tal-inklużjoni ta’ V. Ipatau fuq il-listi, għandu jitfakkar li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tirrikjedi li, għall-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li isem ta’ persuna jiġi inkluż fil-lista ta’ persuni li huma suġġetti għal miżuri restrittivi, il-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura ruħha li din id-deċiżjoni, li għandha portata individwali għal din il-persuna, tkun tistrieħ fuq bażi fattwali u solida biżżejjed. Dan jimplika, f’din il-kawża, verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li hemm wara l-atti kontenzjużi, sabiex jiġi vverifikat jekk l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tas-sunt veru tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-punt jekk dawn il-motivi, jew għall-inqas wieħed minnhom, jitqiesx li huwa suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119; Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 73; Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:247, punt 45, kif ukoll Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑630/13 P, EU:C:2015:248, punt 46).

43

Fl-ewwel lok, V. Ipatau kkontesta l-fatt li l-KEĊ setgħet tikkontribwixxi sabiex tiffalsifika r-riżultati tal-elezzjoni tad-19 ta’ Diċembru 2010, peress li ġie ppreżentat biss rikors wieħed quddiemha. Dan l-argument madankollu ma jistax jikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 142 u 143 tas-sentenza appellata.

44

Fil-fatt, f’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, li fil-pożizzjoni tagħha tal-ogħla istanza fl-amministrazzjoni inkarigata mill-elezzjonijiet, il-KEĊ għandha kompetenzi oħra minbarra l-indirizzar tal-ilmenti, bħal “rwol […] importanti fit-twaqqif tal-lista tal-kandidati għall-elezzjoni presidenzjali, fis-superviżjoni tal-qrati inferjuri tal-amministrazzjoni inkarigati mill-elezzjonijiet, fil-kontroll tal-iżvolġiment tal-kampanja elettorali, fil-ġestjoni tal-ilmenti u tar-rikorsi mid-deċiżjonijiet meħuda mid-diversi kumitati elettorali inferjuri kif ukoll mill-amministrazzjonijiet lokali”. Min-naħa l-oħra, huwa kkonstata li “s-sorveljanza u l-kontroll tal-elezzjonijiet ma kinux manifestament effettwati b’mod suffiċjenti” u li l-“KEĊ naqset milli tkun indipendenti, imparzjali kif ukoll mill-kolleġġjalità u hija ħabbret ir-riżultati uffiċjali li pproklamaw l-elezzjoni tal-President Lukashenko, mingħajr ma ppubblikat kwalunkwe forma ta’ riżultati ddettaljati”.

45

Fit-tieni lok, V. Ipatau kkontesta li kellu raġuni biex jiddisassoċja ruħu mill-ħidma tal-KEĊ. Issa, peress li V. Ipatau ma identifika l-ebda żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà tal-KEĊ għall-ksur tal-istandards elettorali internazzjonali fil-kuntest tal-elezzjonijiet presidenzjali tad-19 ta’ Diċembru 2010, ma jistax jiġi kkontestat lill-Qorti Ġenerali li ddeduċiet ir-responsabbiltà personali tal-appellant għal dan il-ksur minħabba fil-funzjoni tiegħu bħala l-Viċi President tal-KEC kif ukoll minħabba l-fatt li huwa ma ddisassoċjax ruħu mill-ħidma ta’ din tal-aħħar.

46

Dawn huma konstatazzjonijiet ta’ fatt, li ma humiex għall-Qorti tal-Ġustizzja li tistħarreġ fil-kuntest ta’ appell, li ppermettew lill-Qorti Ġenerali tikkonkludi, essenzjalment, li l-KEĊ kienet responsabbli għall-ksur tal-istandards elettorali internazzjonali fil-kuntest tal-elezzjonijiet presidenzjali tad-19 ta’ Diċembru 2010 u li huma setgħu wkoll jiġu attribwiti personalment lil V. Ipatau bħala l-Viċi President ta’ din l-istituzzjoni. Kuntrarjament għal dak li jsostni V. Ipatau, il-Qorti Ġenerali ma użatx preżunzjoni kontrih u konsegwentement ma kinitx f’kontradizzjoni mas-sentenza Tay Za vs Il‑Kunsill (C‑376/10 P, EU:C:2012:138) meta inkludiet ismu fuq il-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi għas-sempliċi rabtiet li dawn kellhom ma’ persuni oħra.

47

Fit-tielet lok, V. Ipatau jikkontesta lill-Qorti Ġenerali li għamlet tagħha l-kritika indirizzata mill-OSCE lill-KEĊ dwar il-kwalità tad-deċiżjonijiet ta’ din tal-aħħar mingħajr ma eżaminat dawn id-deċiżjonijiet. Madankollu, b’dan l-argument, V. Ipatau jikkontesta fir-realtà l-evalwazzjoni tal-provi magħmula mill-Qorti Ġenerali u l-valur li din tathom.

48

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li f’ċerti sitwazzjonijiet, il-qorti tal-Unjoni tista’ tikkunsidra r-rapporti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali mhux governattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 90 kif ukoll 91). A fortiori tista’ teżamina rapport minn organizzazzjoni internazzjonali bħall-OSCE.

49

Fil-punt 140 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali stħarrġet l-grad ta’ affidabbiltà tar-rapport tal-OSCE, billi qabblet ir-riżultati ta’ dan ir-rapport ma’ dawk minn istituzzjonijiet bħall-Kunsill tal-Ewropa.

50

Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet fattwali kollha tal-Qorti Ġenerali, li ma huwiex għall-Qorti tal-Ġustizzja li tistħarreġ fil-kuntest ta’ appell, huwa mingħajr ma jsir żball ta’ liġi li ġie miċħud bħala infondat, fil-punt 145 tas-sentenza appellata, il-motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill.

51

B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali osservat il-prinċipji, li jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, relatati mal-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li fuqhom huma bbażati atti bħall-atti kkontestati.

52

Għaldaqstant, hemm lok li t-tielet aggravju jiġi miċħud bħala mhux fondat.

Fuq ir-raba ’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta ’ proporzjonalità

L-argumenti tal-partijiet

53

Permezz tar-raba’ aggravju tiegħu, V. Ipatau jsostni li l-Qorti Ġenerali, meta vvalidat il-miżuri meħuda kontrih, fis-snin 2011 u 2012, meta r-rapport tal-OSCE ma kien jirrakkomanda l-ebda miżura restrittiva diretta kontra l-membri tal-KEĊ, kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Huwa jenfasizza li r-rakkomandazzjonijiet ġenerali tal-OSCE fuq il-KEĊ ma jikkonċernawx biss il-kompożizzjoni ta’ dan il-kumitat u l-kwalità tal-istruzzjonijiet li tindirizza lill-kumitati lokali. Madankollu, is-sanzjoni kollettiva tal-membri tal-KEĊ tidher manifestament sproporzjonata u ineffiċjenti, peress li tipprojbixxi lill-membri tal-KEĊ li jkollhom esperjenzi u jsiru jafu dwar l-aħjar prattiki Ewropej.

54

Barra minn hekk, sabiex jiġi promoss t-titjib tas-sistema elettorali Bjelorussa, li ma għandha l-ebda tradizzjonijiet antiki, jidher li hemm il-ħtieġa li l-atturi fis-sistema elettorali, b’mod partikolari l-membri tal-KEĊ, ikunu iktar konxji mill-istandards elettorali internazzjonali. Għalhekk, jista’ jiġi offrut taħriġ mill-Istati Membri tal-Unjoni u jafu jiġu organizzati żjarat ta’ osservazzjoni matul l-elezzjonijiet fl-istati tal-Unjoni. Issa tali projbizzjoni ta’ vvjaġġar fit-territorju tal-Unjoni jmur b’mod ċar kontra l-għanijiet tar-rapport tal-OSCE.

55

Il-Kunsill l-ewwel nett jenfasizza li r-rapport tal-OSCE ma jikkostitwixxix l-uniku bażi għal miżuri restrittivi kontra l-appellant. Barra minn hekk huwa jsostni li ma hemm l-ebda kontradizzjoni bejn ir-rapport tal-OSCE u l-politika tal-Kunsill u tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, dawn il-politiki, inklużi dawk li jwasslu għal miżuri restrittivi, huma maħsuba biex jagħmlu pressjoni fuq ir-reġim Bjelorussu u dawk assoċjati miegħu, biex itemmu l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, ir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika u għar-rispett tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Bjelorussja, inkluż standards elettorali internazzjonali. Barra minn hekk, il-miżuri restrittivi tal-Kunsill ma jipprekludux lill-persuni inkarigati mill-amministrazzjoni tal-elezzjonijiet milli jirċievu taħriġ fil-Bjelorussja fil-qasam tal-istandards elettorali internazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(6) tad-Deċiżjoni 2012/642 jipprovdi għal derogi possibbli mill-projbizzjoni fuq il-moviment fit-territorju tal-Unjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56

Skont l-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-aggravji u l-argumenti ġuridiċi invokati fil-kuntest ta’ appell għandhom jidentifikaw bi preċiżjoni l-motivi fid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li huma kkontestati (ara d-digriet Thesing u Bloomberg Finance vs BĊE, C‑28/13 P, EU:C:2014:230, punt 25, kif ukoll is-sentenza Klein vs Il‑Kummissjoni, C‑120/14 P, EU:C:2015:252, punt 85).

57

Għalhekk, l-appell ma jissodisfax dan ir-rekwiżit li, mingħajr ma speċifikament jidentifika l-iżball ta’ liġi li bih tkun ivvizzjata s-sentenza appellata, sempliċement jirriproduċi l-motivi u l-argumenti mressqa diġà quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, tali appell fil-verità jikkostitwixxi talba intiża għal sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li jaqa’ barra mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza Klein vs Il-Kummissjoni, C‑120/14 P, EU:C:2015:252, punt 86).

58

Madankollu, billi sempliċiment jafferma li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat iddeċidiet li l-miżuri tal-Kunsill inkwistjoni ma kinux sproporzjonati mingħajr ma identifika bi preċiżjoni l-motivi wara l-ħames motivi tas-sentenza appellata li għandu l-ħsieb li jikkontesta, V. Ipatau ma ssodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 169(2) ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura. Barra minn hekk, l-argumenti mressqa fil-kuntest tar-raba’ aggravju huma diretti mhux kontra s-sentenza appellata, iżda kontra dawn il-miżuri tal-Kunsill u essenzjalment jirrepetu l-argumenti li diġà tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali.

59

Ir-raba’ aggravju li jikkostitwixxi għalhekk fir-realtà talba intiża għal sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors li V. Ipatau ppreżenta fl-ewwel sentenza, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

60

Peress li l-erba’ aggravji ta’ V. Ipatau ġew miċħuda, l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

61

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

62

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tiegħu, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

63

Peress illi l-Kunsill kien talab li V. Ipatau jiġi kkundannat għall-ispejjeż u peress illi dan tal-aħħar tilef il-kawża, huwa għandu jiġi kkundannat iħallas, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Kunsill.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Vadzim Ipatau huwa kkundannat iħallas, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq