EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0375

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-28 ta’ Jannar 2015.
Harald Kolassa vs Barclays Bank plc.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill- Handelsgericht Wien.
Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Kuntratti konklużi mill-konsumaturi — Konsumatur, domiċiljat fi Stat Membru, li xtara titoli, maħruġa minn bank stabbilit fi Stat Membru ieħor, mingħand intermedjarju stabbilit fit-tielet Stat Membru — Ġurisdizzjoni għar-rikorsi diretti kontra l-bank li ħareġ it-titoli msemmija.
Kawża C-375/13.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:37

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

28 ta’ Jannar 2015 ( *1 )

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Kuntratti konklużi mill-konsumaturi — Konsumatur, domiċiljat fi Stat Membru, li xtara titoli, maħruġa minn bank stabbilit fi Stat Membru ieħor, mingħand intermedjarju stabbilit fit-tielet Stat Membru — Ġurisdizzjoni għar-rikorsi diretti kontra l-bank li ħareġ it-titoli msemmija”

Fil-Kawża C‑375/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Handelsgericht Wien (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Lulju 2013, fil-proċedura

Harald Kolassa

vs

Barclays Bank plc,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Mejju 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal H. Kolassa, minn P. Miller, Rechtsanwalt,

għal Barclays Bank plc, minn H. Bielesz, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers u A.‑M. Rouchaud-Joët, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5(1)(a) u (3), kif ukoll 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn H. Kolassa, domiċiljat fi Vjenna (l-Awstrija), u Barclays Bank plc (iktar ’il quddiem “Barclays Bank”), stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), fir-rigward ta’ talba għad-danni abbażi tar-responsabbiltà kuntrattwali, prekuntrattwali u delittwali ta’ dan il-bank minħabba l-iżvalutar ta’ investiment finanzjarju li kien wettaq permezz ta’ strument finanzjarju maħruġ minn dan tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2 u 11 sa 15 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdu:

“(2)

Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzali.

[…]

(11)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’ hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)

B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

(13)

B’relazzjoni ma’ assigurazzjoni, kuntratti tal-konsumatur u impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’ regoli ta’ ġurisdizzjoni l-aktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm provduti fir-regoli ġenerali.

(14)

L-awtonomija tal-partijiet f’kuntratt, apparti minn assigurazzjoni, konsumatur jew kuntratt ta’ impjieg, fejn tiġi permessa biss awtonomija limitata sabiex jiġu determinati l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, għandha tiġi rispettata skond il-bażi esklussivi ta’ ġurisdizzjoni mitluba f’dan ir-Regolament.

(15)

Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. […]”

4

L-Artikoli 2 sa 31 tar-Regolament imsemmi, li jinsabu taħt il-Kapitolu II tiegħu, jittrattaw regoli ta’ ġurisdizzjoni.

5

It-Taqsima 1 ta’ dan il-Kapitolu II, intitolata “Disposizzjonijiet ġenerali”, tinkludi l-Artikolu 2, li l-paragrafu 1 tiegħu huwa mfassal kif ġej:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

6

Skont l-Artikolu 5(1) u (3) tal-istess regolament:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)

a)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

b)

għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,

ċ)

jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a);

[…]

3)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq.”

7

Fit-Taqsima 4 tal-istess Kapitolu II, intitolata “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti tal-konsumatur”, jidher b’mod partikolari l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001, li fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ’l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizju għall-Artikolu [4] u punt 5 tal-Artikolu 5, jekk:

a)

ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti bin-nifs b’termini ta’ kreditu; jew

b)

ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti;

ċ)

fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi meżżi, imexxi tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta’ attivitajiet bħal dawk.”

8

L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fl-istess Taqsima 4 tal-Kapitolu II tiegħu, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt jew fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih jkun domiċiljat dak il-parti jew fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur.

2.   Jistgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt biss fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.”

9

Il-Kapitolu II tal-imsemmi regolament jinkludi wkoll it-Taqsima 8, intitolata “Eżami dwar ġurisdizzjoni u ammisibilità”, li tinkludi l-Artikoli 25 u 26 tiegħu, li huma mfassla kif ġej:

“Artikolu 25

Meta qorti ta’ Stat Membru jkollha quddiemha talba li tkun prinċipalment konċernata b’ materja li dwarha l-qrati ta’ Stat Membru ieħor ikollhom il-ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22, din għandha tiddikjara b’inizjattiva tagħha li m’ għandhiex ġurisdizzjoni.

Artikolu 26

1.   Meta konvenut domiċiljat fi Stat Membru wieħed ikun infittex f’qorti ta’ Stat Membru ieħor u li ma jidhirx quddiem il-qorti, il-qorti għandha tiddikjara bl-inizjattiva tagħha stess li m’ għandhiex ġurisdizzjoni sa kemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma tkunx ġejja mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-qorti għandha twaqqaf il-proċedimenti sa kemm ma jkunx jidher li dak il-konvenut seta’ rċieva d-dokument li jiftħu l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti sabiex ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu jew li jkunu ttieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dan il-għan.

[…]”

Id-dritt Awstrijak

10

L-Artikolu 11 tal-Liġi tas-suq tal-kapital (Kapitalmarktgesetz), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, kien imfassal kif ġej:

“1.   Ir-responsabbiltà lejn kull investitur li jkun sofra meta qiegħed il-fiduċja tiegħu fl-informazzjoni inkluża fil-prospett jew f’informazzjoni oħra mitluba skont din il-liġi federali (Artikolu 6), li hija rilevanti għall-valutazzjoni tat-titoli jew tal-investimenti, għandha tiġi inkorsa minn dawn li ġejjin:

1)

mill-persuna li ħarġet il-prospett, meta l-informazzjoni trażmessa ma tkunx eżatta jew kompluta minħabba fih jew minħabba l-persunal tiegħu jew minħabba l-persuni li inkariga bit-tfassil tal-prospett;

2)

mill-kontrollur tal-prospett, meta l-kontroll ikun sar b’mod mhux eżatt jew komplet minħabba fih jew minħabba l-persunal tiegħu jew minħabba l-persuni li inkariga bil-kontroll tal-prospett;

[…]

3)

mill-persuna li rċeviet f’isimha stess jew f’isem ħaddiehor l-inkarigu kuntrattwali tal-investitur u mis-sensar tal-kuntratt, jekk dawn il-persuni kienu jipprattikaw b’titolu professjonali l-kummerċ jew is-senserija ta’ valuri mobbli jew ta’ investiment u jekk huma stess jew il-persunal tagħhom kienu jafu, jew ma kinux jafu minħabba negliġenza serja, bin-natura mhux eżatta jew mhux kompluta tal-informazzjoni msemmija fil-punt 1 jew tal-kontroll […]

2.   Meta l-persuna li ħarġet il-valuri mobbli jew l-investimenti tkun barranija, ir-responsabbiltà ċivili msemmija fl-ewwel punt tal-paragrafu 1 iktar ’il fuq testendi wkoll għall-persuna li pproponiet fl-Awstrija l-offerta suġġetta għall-formalitajiet ta’ prospett.

3.   Meta r-responsabbiltà tkun tinsab fuq diversi persuni, dawn għandhom jassumuha in solidum. Ir-responsabbiltà ta’ kull persuna ma titnaqqasx mill-fatt li persuni oħra huma wkoll marbuta li jikkumpensaw id-dannu msemmi.

4.   Ir-responsabbiltà ma tista’ la tiġi eskluża u lanqas limitata a priori għad-detriment tal-investituri.

[…]

8.   Id-drittijiet għal kumpens ibbażati fuq il-ksur ta’ dispożizzjonijiet legali oħra jew fuq il-ksur ta’ kuntratti ma humiex influwenzati mid-dispożizzjonijiet preċedenti.”

11

L-Artikolu 26 tal-Liġi dwar il-fondi ta’ investiment (Investmentfondsgesetz), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienet tipprovdi:

“1.   Qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, ix-xerrej ta’ ishma ta’ fondi komuni ta’ investiment barranin għandu jirċievi mingħajr ħlas id-dispożizzjonijiet relattivi għall-fondi u/jew il-memorandum tal-kumpannija ta’ investiment, prospett tal-kumpannija ta’ investiment barranija kif ukoll kopja tat-talba għall-konklużjoni tal-kuntratt. Il-formula tat-talba għandha ssemmi l-ammont tal-kontribuzzjoni għall-ħruġ kif ukoll ir-remunerazzjoni annwali li għandha titħallas lill-kumpannija ta’ investiment.

2.   Il-prospett għandu jinkludi fih l-informazzjoni kollha li, fil-mument tat-talba, ikollha importanza partikolari għall-evalwazzjoni tal-ishma ta’ fondi komuni ta’ investiment barranin. […] Barra minn hekk, il-prospett għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

1)

l-isem jew l-isem kummerċjali, il-forma ġuridika, is-sede u l-kapital proprju (kapital tal-kumpannija mnaqqas bl-assi mhux imħallsa u miżjud bir-riżervi) tal-kumpannija ta’ investiment barranija, tal-impriża li tiddeċiedi dwar l-investiment tal-flus imħallsa (kumpannija ta’ amministrazzjoni), tal-impriża inkarigata mill-kummerċjalizzazzjoni tal-ishma (kumpannija ta’ kummerċjalizzazzjoni) kif ukoll tal-bank ta’ depożitu;

2)

l-isem kummerċjali, is-sede u l-indirizz tar-rappreżentant u tal-organi tal-ħlas;

3)

il-beni li jistgħu jinxtraw fil-patrimonju tal-fondi, il-prinċipji li abbażi tagħhom jintgħażlu dawn il-beni, il-possibbiltà li jinxtraw titoli negozjabbli fil-Borża (bil-preċiżazzjoni, jekk ikun il-każ, ta’ f’liema borża dawn it-titoli għandhom jiġu ammessi li jiġu kkwotati), l-użu tar-rikavat tal-fondi kif ukoll il-possibbiltà li parti mill-patrimonju tal-fondi tinżamm taħt forma ta’ depożitu bankarju (u, jekk ikun il-każ, sa liema limitu);

4)

il-kundizzjonijiet li fihom il-persuni li jżommu l-ishma jistgħu jitolbu l-ħlas tal-parti tal-patrimonju li tikkorrispondi għall-ishma tagħhom kif ukoll l-organiżmi kompetenti għal dan il-għan.

[…] L-eżattezza u n-natura eżawrjenti tal-prospett u tal-emendi tiegħu għandhom jiġu vverifikati mir-rappreżentant li jaġixxi bħala l-kontrollur tal-prospett. Fir-rigward tat-tfassil, tal-emendar u tal-kontroll tal-prospett kif ukoll tar-responsabbiltà relattiva għall-kontenut tiegħu, id-dispożizzjonijiet [tal-Liġi tas-suq tal-kapital] japplikaw mutatis mutandis kemm fir-rigward tal-persuna li toħroġ il-prospett kif ukoll tal-kontrollur tal-prospett. […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

H. Kolassa, bħala konsumatur, investa, bl-intermedjarju tal-bank Awstrijak direktanlage.at AG (iktar ’il quddiem “direktanlage.at”), EUR 68 180.36 f’ċertifikati X1 Global EUR Index (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikati”). Dawn iċ-ċertifikati nħarġu minn Barclays Bank, irreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ tar-Renju Unit, liema bank kellu wkoll fergħa fi Frankfurt-am-Main (il-Ġermanja).

13

Mal-ħruġ taċ-ċertifikati msemmija, Barclays Bank ħarġet prospett bażiku, fit-22 ta’ Settembru 2005. Iċ-ċertifikati huma suġġetti għal kundizzjonijiet ġenerali li twasslu għall-attenzjoni tal-pubbliku fl-20 ta’ Diċembru 2005. Fuq talba ta’ Barclays Bank, dan il-prospett bażiku xxandar ukoll fl-Awstrija. L-offerta ta’ sottoskrizzjoni pubblika seħħet bejn l-20 ta’ Diċembru 2005 u l-24 ta’ Frar 2006, filwaqt li ċ-ċertifikati nħarġu fil-31 ta’ Marzu 2006. Ir-rimborsi huma dovuti fl-2016. Il-kundizzjonijiet ta’ self jipprevedu barra minn hekk il-possibbiltà li l-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni jiġi tterminat.

14

Iċ-ċertifikati msemmija jieħdu l-forma ta’ obbligazzjoni lill-portatur [bearer bonds]. L-ammont li għandu jiġi rrimborsat u, għalhekk, il-valur ta’ dawn l-obbligazzjonijiet jiġu ddeterminati abbażi ta’ indiċi fformat minn portafoll ta’ diversi fondi speċifiċi, b’tali mod li dan il-valur huwa direttament fl-indiċi ta’ dan il-portafoll. Il-portafoll kellu jinħoloq u jiġi amministrat mill-kumpannija X1 Fund Allocation GmbH, li Barclays Bank inkarigat biex tinvesti l-flus li jirriżultaw mill-ħruġ taċ-ċertifikati. Dawn il-flus intilfu fil-parti l-kbira tagħhom. Fil-preżent, il-valur taċ-ċertifikati msemmija huwa stmat għal EUR 0, liema ħaġa hija madankollu kkontestata minn H. Kolassa.

15

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn iċ-ċertifikati nbiegħu lil investituri istituzzjonali li reġgħu biegħuhom, b’mod partikolari lil konsumaturi. F’dan il-każ, direktanlage.at ordnat iċ-ċertifikati li xtaq jissottoskrivi H. Kolassa mingħand il-kumpannija parent Ġermaniża tagħha, jiġifieri DAB Bank AG, stabbilita fi München (il-Ġermanja), li, min-naħa tagħha, xtrathom mingħand Barclays Bank. Kull darba, l-ordnijiet għaddew u ġew eżegwiti f’isem il-kumpanniji kkonċernati. B’mod konformi għall-kundizzjonijiet ġenerali tagħha, direktanlage.at eżegwiet l-ordni ta’ H. Kolassa bħala “depożitarja”, jiġifieri li hija, bħala hedge fund, iżżomm iċ-ċertifikati fi München f’isimha stess u għall-klijent tagħha. H. Kolassa seta’ biss jitlob il-kunsinna taċ-ċertifikati sal-ammont tas-sehem miżmum fil-hedge fund, filwaqt li kien mifhum li ċ-ċertifikati ma setgħux jiġu ttrasferiti f’ismu.

16

Bħala investitur li sofra dannu, H. Kolassa ressaq kawża quddiem il-Handelsgericht Wien biex jitlob il-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 73 705.07 bħala danni abbażi tar-responsabbiltà kuntrattwali, prekuntrattwali u delittwali ta’ Barclays Bank. Dan osserva li, kieku din ikkonformat ruħha mal-liġi, huwa ma kienx jagħmel l-investiment, iżda kien jinvesti l-kapital tiegħu f’portafoll ta’ fondi diversifikati ta’ orjentazzjoni newtrali, liema ħaġa kienet tippermettilu li jikseb is-somma mitluba mal-iskadenza, jiġifieri dik investita flimkien mal-interessi.

17

H. Kolassa jsostni li l-qorti msemmija għandha ġurisdizzjoni, prinċipalment, abbażi tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 jew, sussidjarjament, abbażi tal-Artikolu 5(1)(a) u (3) ta’ dan l-istess Regolament.

18

Quddiem il-qorti tar-rinviju, Barclays Bank tikkontesta kemm l-ilmenti ta’ H. Kolassa fil-mertu kif ukoll il-ġurisdizzjoni tal-qorti li tressqet il-kawża quddiemha.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Handelsgericht Wien iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

(a)

L-espressjoni ‘F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ‘’l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu’, li tinsab fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001, għandha tiġi interpretata fis-sens li

(i)

rikorrent li, inkwantu konsumatur, ikun akkwista bond anonimu fis-suq sekondarju u li issa jinvoka drittijiet kontra l-persuna li ħarġet il-bond abbażi tal-kundizzjonijiet tas-self, għall-ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ kontroll u tar-responsabbiltà li daħlet għaliha l-persuna li ħarġet il-bond skont il-prospett jista’ jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, meta, bix-xiri tat-titolu minn terz, huwa ssurroga ruħu għall-persuna li ssottoskriviet ruħha inizjalment għas-self fil-kuntest tal-kuntratt konkluż mal-persuna li ħarġet il-bond?

(ii)

fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda (a)(i) ir-rikorrent jista’ wkoll jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 meta t-terz li mingħandu akkwista l-bond huwa nnifsu akkwistaha għal użu li jista’ jitqies li jaqa’ taħt l-attività professjonali tiegħu, jiġifieri meta r-rikorrent ikun akkwista l-bond mingħand persuna li ma hijiex il-konsumatur?

(iii)

fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda (a)(i) u (ii) ir-rikorrent jista’ wkoll jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 meta d-detentur tal-bond ma huwiex ir-rikorrent innifsu, iżda t-terz inkarigat li jikseb it-titolu għar-rikorrent, peress li, skont il-modalitajiet miftiehma, dan it-terz, li ma huwiex huwa nnifsu konsumatur, iżomm it-titolu f’ismu u għan-nom tar-rikorrent, u dan tal-aħħar jista’ biss jitlob il-kunsinna tiegħu skont id-dritt kuntrattwali?

b)

fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda (a)(i) il-qorti mitluba tiddeċiedi fil-qasam kuntrattwali fuq id-drittijiet ibbażati fuq l-akkwist ta’ self tista’ titqies li għandha ġurisdizzjoni anċillari, skont l-Artikolu 15(1), tar-Regolament Nru 44/2001, sabiex tiddeċiedi f’materja delittwali fuq dan l-istess akkwist?

(2)

(a)

L-espressjoni ‘f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt’ li tinsab fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandha tiġi interpretata fis-sens li

(i)

rikorrent li […] akkwista bond anonimu fis-suq sekondarju u li issa jinvoka drittijiet kontra l-persuna li ħarġet il-bond abbażi tal-kundizzjonijiet tas-self, għall-ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ kontroll u tar-responsabbiltà li daħlet għaliha l-persuna li ħarġet il-bond skont il-prospett jista’ jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, meta, bix-xiri tat-titolu minn terz, huwa ssurroga ruħu għall-persuna li ssottoskriviet ruħha inizjalment għas-self fil-kuntest tal-kuntratt konkluż mal-persuna li ħarġet il-bond?

(ii)

fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda (a)(i) ir-rikorrent jista’ wkoll jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 meta d-detentur tal-bond ma huwiex ir-rikorrent innifsu, iżda t-terz inkarigat li jikseb it-titolu għar-rikorrent, peress li, skont il-modalitajiet miftiehma, dan it-terz iżomm it-titolu f’ismu u għan-nom tar-rikorrent, u dan tal-aħħar jista’ biss jitlob il-kunsinna tiegħu skont id-dritt tal-obbligi?

b)

fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda (a)(i) il-qorti mitluba tiddeċiedi fil-qasam kuntrattwali fuq id-drittijiet ibbażati fuq l-akkwist ta’ self għandha wkoll ġurisdizzjoni anċillari, skont l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, sabiex tiddeċiedi f’materja delittwali?

(3)

(a)

Fil-kuntest tal-ħruġ ta’ bond anonimu, id-drittijiet [dwar il-leġiżlazzjoni relattiva mas-suq tal-kapital u] ibbażati fuq ir-responsabbiltà li daħlet għaliha l-persuna li ħarġet il-bond skont il-prospett kif ukoll fuq il-ksur tal-obbligi ta’ protezzjoni u ta’ informazzjoni jistgħu jitqiesu bħala drittijiet f’materja delittwali jew ta’ kważi-delittwali fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001?

(i)

fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda (a)(1), dan jgħodd ukoll meta persuna li ma hijiex hija nfisha d-detentur tal-bond, iżda li għandha biss dritt għal ħlas lura [abbażi tad-dritt tal-obbligi] kontra l-persuna li żżomm it-titolu f’isimha tinvoka tali drittijiet kontra l-persuna li tkun ħarġet il-bond?

(b)

L-espressjoni ‘post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq’ li tinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ li titolu ġie akkwistat abbażi ta’ informazzjoni żbaljata intenzjonalment,

(i)

il-post tal-effett tal-ħsara jistqies li jinsab fid-domiċilju tal-vittma inkwantu ċ-ċentru tal-patrimonju tagħha?

(ii)

fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda (b)(i) Dan jgħodd ukoll meta l-ordni tax-xiri u l-ħlas tal-valur jistgħu jiġu rrevokati sat-twettiq tat-tranżazzjoni u meta l-imsemmija tranżazzjoni twettqet fi Stat Membru ieħor ċertu żmien wara li sar il-ħlas mill-kont tal-vittma?

(4)

Fil-kuntest tal-verifika tal-ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti adita għandha tipproċedi bil-produzzjoni dettaljata tal-prova f’dak li jirrigwarda l-fatti inkwistjoni li huma kemm rilevanti għall-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni kif ukoll għall-eżistenza tad-dritt invokat (‘fatti rilevanti b’mod doppju’) jew inkella tista’ tqis, għall-finijiet tad-deċiżjoni fuq il-ġurisdizzjoni, li l-allegazzjonijiet tal-parti rikorrenti huma korretti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

20

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li rikorrent li, bħala konsumatur, xtara obbligazzjonijiet lill-portatur mingħand terz professjonist jistax jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni għall-finijiet tal-kawża ppreżentata kontra l-persuna li ħarġet dawn l-obbligazzjonijiet u bbażata fuq il-kundizzjonijiet ta’ self, fuq il-ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ kontroll kif ukoll fuq ir-responsabbiltà fir-rigward tal-prospett.

21

Preliminarjament, minn naħa għandu jitfakkar li, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 issostitwixxa l-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), hekk kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi relatati mal-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda ma’ din il-konvenzjoni, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tapplika wkoll għal dawk tal-imsemmi regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti leġiżlattivi Komunitarji jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (sentenza Maletic, C‑478/12, EU:C:2013:735, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Min-naħa l-oħra, il-kunċetti użati mir-Regolament Nru 44/2001, u b’mod partikolari dawk li jinsabu fl-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, prinċipalment b’riferenza għas-sistema u għall-għanijiet tar-Regolament imsemmi, bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha (ara s-sentenza Česká spořitelna, C‑419/11, EU:C:2013:165, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 japplika fil-każ fejn jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, parti kontraenti jkollha l-kwalità ta’ konsumatur li jaġixxi f’kuntest li jista’ jitqies li huwa barrani għall-attività professjonali tiegħu, it-tieni nett, il-kuntratt bejn tali konsumatur u professjonist ġie effettivament konkluż u, it-tielet nett, tali kuntratt jidħol taħt waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (ċ) tal-imsemmi Artikolu 15. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv, b’tali mod li, jekk waħda mit-tliet kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta, il-ġurisdizzjoni ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata skont ir-regoli dwar il-kuntratti konklużi mill-konsumaturi (sentenza Česká spořitelna, EU:C:2013:165, punt 30).

24

F’dan ir-rigward, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ewwel u t-tielet kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti huma sodisfatti f’dan il-każ, hekk kif wara kollox jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu.

25

B’hekk, huwa biżżejjed li jiġi eżaminat jekk it-tieni kundizzjoni, jiġifieri relatata mal-konklużjoni ta’ kuntratt mal-professjonist li titressaq kawża kontrih, hijiex sodisfatta f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali.

26

F’dan ir-rigward, mill-preżentazzjoni fil-qosor tal-fatti mill-qorti tar-rinviju, hekk kif madankollu din tal-aħħar għandha tivverifika, jirriżulta li ma jeżistix kuntratt bejn Barclays Bank u H. Kolassa, għaliex din tal-aħħar ma hijiex il-portatur tal-obbligazzjonijiet imsemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, peress li dawn jinżammu minn direktanlage.at bħala fondi ta’ kopertura, f’isimha stess. Min-naħa l-oħra, skont din il-qorti wkoll, H. Kolassa seta’ jitlob il-kunsinna taċ-ċertifikati sal-ammont miżmum fil-fond ta’ kopertura, bil-ftehim li ċ-ċertifikati ma setgħux jiġu ttrasferiti f’ismu.

27

Skont H. Kolassa, f’tali ċirkustanzi, l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jimponi li tiġi adottata perspettiva ekonomika u li jitqies li effettivament ġie konkluż kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001, bejnu stess u Barclays Bank, għaliex ir-rwol ta’ direktanlage.at huwa dak ta’ intermedjarju.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jikkostitwixxi deroga kemm għar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut ikun iddomiċiljat, kif ukoll għar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam tal-kuntratti, stabbilita fl-Artikolu 5(1) ta’ dan l-istess regolament, li bih il-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija dik tal-post fejn obbligu, li huwa l-bażi tat-talba, ġie jew għandu jiġi eżegwit. B’hekk, l-Artikolu 15(1) għandu neċessarjament ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara s-sentenza Česká spořitelna, EU:C:2013:165, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Barra minn hekk, il-kundizzjoni relattiva għall-eżistenza ta’ kuntratt konkluż bejn il-konsumatur u l-professjonist li tressqet kawża kontrih tippermetti li tiġi żgurata l-prevedibbiltà tal-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni, li hija waħda mill-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001, hekk kif jirriżulta mill-premessa 11 tiegħu.

30

Konsegwentement, għandu jitqies li r-rekwiżit tal-konklużjoni ta’ kuntratt mal-professjonist li tressqet kawża kontrih stess ma huwiex suġġett għal interpretazzjoni, fis-sens li tali rekwiżit jinsab sodisfatt ukoll f’każ ta’ sensiela ta’ kuntratti li b’applikazzjoni tagħha ċerti drittijiet u obbligi tal-professjonist inkwistjoni jiġu ttrasferiti lejn il-konsumatur.

31

Din il-premessa hija kkonfermata minn qari flimkien tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 u tal-Artikolu 16 tiegħu.

32

Fil-fatt, ir-regoli tal-ġurisdizzjoni stabbiliti, fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi, mill-Artikolu 16(1) tar-Regolament imsemmi japplikaw, b’mod konformi mal-kliem ta’ dan l-artikolu, biss għall-kawża mressqa mill-konsumatur kontra l-parti l-oħra fil-kuntratt, liema ħaġa neċessarjament timplika l-konklużjoni ta’ kuntratt mill-konsumatur mal-professjonist li titressaq kawża kontrih.

33

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-kunċett ta’ “parti oħra fil-kuntratt” stabbilit fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi wkoll għall-kontroparti tal-operatur li miegħu l-konsumatur ikkonkluda dan il-kuntratt (sentenza Maletic, EU:C:2013:735, punt 32). Madankollu, din l-interpretazzjoni hija bbażata fuq ċirkustanzi speċifiċi li fihom il-konsumatur kien immedjatament marbut kuntrattwalment, b’mod indissoċjabbli, ma’ żewġ kontropartijiet. Barra minn hekk, l-esklużjoni tal-kontroparti stabbilita fl-Istat Membru tal-konsumatur mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 16 kellha l-konsegwenza li l-qorti li quddiemha tressqet kawża għal kundanna in solidum taż-żewġ kontropartijiet kellha ġurisdizzjoni biss fir-rigward tal-operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor.

34

Tali interpretazzjoni ma tistax tapplika fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, li fihom il-konklużjoni ta’ kuntratt mal-professjonist li titressaq kawża kontrih hija totalment ineżistenti.

35

Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, rikorrent li, bħala konsumatur, xtara obbligazzjonijiet lill-portatur mingħand terz professjonist, mingħajr ma jkun ġie konkluż kuntratt bejn il-konsumatur imsemmi u l-persuna li ħarġet dawn l-obbligazzjonijiet — liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju —, ma jistax jinvoka l-ġurisdizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni għall-finijiet tal-kawża mressqa kontra l-imsemmija persuna li ħarġet l-obbligazzjonijiet u bbażata fuq il-kundizzjonijiet ta’ self, fuq il-ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ kontroll kif ukoll fuq ir-responsabbiltà fir-rigward tal-prospett.

Fuq it-tieni domanda

36

Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-kawża mressqa kontra l-persuna li ħarġet l-obbligazzjonijiet lill-portatur u bbażata fuq il-kundizzjonijiet ta’ self, fuq il-ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ kontroll kif ukoll fuq ir-responsabbiltà fir-rigward tal-prospett, rikorrent li kiseb dawn l-obbligazzjonijiet mingħand terz jista’ jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

37

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu qabel kollox jitfakkar li l-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jistax jinftiehem li jirreferi għall-kwalifika li l-liġi nazzjonali applikabbli tagħti lir-relazzjoni ġuridika inkwistjoni quddiem il-qorti nazzjonali. B’mod kuntrarju, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu, b’riferenza għas-sistema u għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha (sentenzi Handte, C‑26/91, EU:C:1992:268, punt 10, u Česká spořitelna, EU:C:2013:165, punt 45).

38

Kuntrarjament għar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001, il-konklużjoni ta’ kuntratt ma tikkostitwixxix kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tal-istess Regolament, b’tali mod li l-esklużjoni tal-ġurisdizzjoni abbażi tal-ewwel dispożizzjoni ma tippreġudikax neċessarjament l-applikabbiltà tat-tieni.

39

Madankollu, anki jekk l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jeħtieġx il-konklużjoni ta’ kuntratt, l-identifikazzjoni ta’ obbligu hija madankollu indispensabbli għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-ġurisdizzjoni abbażi tagħha hija stabbilita skont il-post fejn ġie jew għandu jiġi eżegwit l-obbligu li jservi bħala bażi għat-talba. B’hekk, l-applikazzjoni għad-dispożizzjoni msemmija tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fil-qasam kuntrattwali tippresupponi d-determinazzjoni ta’ obbligu legali liberament konsentit minn persuna fir-rigward ta’ oħra u li fuqha hija bbażata l-kawża tar-rikorrent (ara s-sentenza Česká spořitelna, EU:C:2013:165, punti 46 u 47).

40

F’dan ir-rigward, mill-preżentazzjoni tal-fatti fil-qosor mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li tali obbligu legali liberament konsentit minn Barclays Bank fir-rigward ta’ H. Kolassa huwa nieqes fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali anki jekk, abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli, Barclays Bank għandha ċerti obbligi lejn H. Kolassa.

41

Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, rikorrent li xtara obbligazzjonijiet lill-portatur mingħand terz, mingħajr ma l-persuna li ħarġithom assumiet liberament obbligu fir-rigward ta’ dan ir-rikorrent, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, ma jistax jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni għall-finijiet tal-kawża mressqa kontra l-imsemmija persuna li ħarġet l-obbligazzjonijiet u bbażata fuq il-kundizzjonijiet ta’ self, fuq il-ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ kontroll kif ukoll fuq ir-responsabbiltà fir-rigward tal-prospett.

Fuq it-tielet domanda

42

Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal kawża intiża biex tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-persuna li ħarġet ċertifikat minħabba l-prospett relatat miegħu kif ukoll minħabba l-ksur ta’ obbligi legali oħra ta’ informazzjoni imposti fuq din il-persuna, u b’hekk jippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tar-rikorrent bħala l-post fejn seħħ jew hemm ir-riskju li jseħħ il-fatt li jikkawża preġudizzju.

43

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Coty Germany, C‑360/12, EU:C:2014:1318, punti 43 sa 45).

44

Xorta jibqa’ l-fatt li l-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, jinkludi fih kull talba intiża biex tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ rikorrent u li ma hijiex relatata mal-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) ta’ dan ir-Regolament (sentenza Brogsitter, C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 20). B’hekk, għandu jitqies li l-kawżi għar-responsabbiltà mressqa kontra persuna li toħroġ obbligazzjonijiet minħabba l-prospett kif ukoll minħabba l-ksur ta’ obbligi legali ta’ informazzjoni oħra tal-investituri jifformaw parti mill-materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt sa fejn dawn ma humiex koperti mill-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” kif iddefinit fil-punt 39 ta’ din is-sentenza.

45

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li t-termini “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”, li jidhru f’din id-dispożizzjoni, jirrigwardaw kemm il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu u dak tal-avveniment kawżali li jwassal għal dan id-dannu, b’tali mod li l-konvenut jista’ jitressaq, fuq għażla tar-rikorrent, quddiem il-qrati ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet (sentenza Coty Germany, EU:C:2014:1318, punt 46).

46

F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li r-regola tal-ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta kawżali partikolarment stretta bejn il-kontestazzjoni u l-qrati tal-post fejn seħħ jew jista’ jseħħ il-fatt li jikkawża preġudizzju, li jiġġustifika l-għoti tal-ġurisdizzjoni lil dawn tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ organizzazzjoni utli tal-proċedura (sentenza Coty Germany, EU:C:2014:1318, punt 47).

47

Peress li l-identifikazzjoni ta’ wieħed mill-fatturi kawżali rikonoxxuti mill-ġurisprudenza kif imfakkra fil-punt 45 ta’ din is-sentenza għandha tippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisprudenza tal-qorti li oġġettivament hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa jekk l-elementi li jikkostitwixxu r-responsabbiltà tal-persuna mħarrka humiex sodisfatti, minn dan jirriżulta li tista’ validament titressaq kawża biss quddiem il-qorti tal-post fejn jinsab il-fattur kawżali rilevanti (sentenza Coty Germany, EU:C:2014:1318, punt 48).

48

Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” ma tikkonċernax il-post tad-domiċilju tar-rikorrent, għas-sempliċi raġuni li dan ma jkunx sofra hemmhekk preġudizzju finanzjarju li jirriżulta mit-telf ta’ elementi mill-patrimonju tiegħu li seħħ u ġie sofrut fi Stat Membru ieħor (sentenza Kronhofer, C‑168/02, EU:C:2004:364, punt 21).

49

B’hekk, is-sempliċi fatt li xi konsegwenzi finanzjarji jaffettwaw lir-rikorrent ma jiġġustifikax l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lill-qrati tad-domiċilju ta’ dan tal-aħħar jekk, hekk kif kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza Kronhofer (EU:C:2004:364), kemm l-avveniment kawżali kif ukoll il-materjalizzazzjoni tad-dannu jkunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kronhofer, EU:C:2004:364, punt 20).

50

Min-naħa l-oħra, tali attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni tkun iġġustifikata sa fejn id-domiċilju tar-rikorrent ikun effettivament jikkostitwixxi l-post tal-avveniment kawżali jew dak tal-materjalizzazzjoni tad-dannu.

51

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minn naħa, l-iżvalutar taċ-ċertifikati kien dovut mhux għar-riskji tas-swieq finanzjarji, iżda għall-amministrazzjoni tal-fondi li fihom ġew investiti l-flus riżultanti mill-ħruġ ta’ dawn iċ-ċertifikati, li pprekludiet, finalment, evoluzzjoni pożittiva tal-valur tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-azzjonijiet jew l-ommissjonijiet ilmentati kontra Barclays Bank f’dak li jikkonċerna l-obbligi legali tagħha seħħew qabel l-investiment magħmul minn H. Kolassa u, skont dan tal-aħħar, kienu determinanti għal dan l-investiment.

52

Jekk jitqies li l-azzjonijiet u l-ommissjonijiet ta’ Barclays Bank ikkostitwew kundizzjoni neċessarja tal-materjalizzazzjoni tad-dannu subit minn H. Kolassa, liema ħaġa hija biżżejjed biex tiġi permessa l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza DFDS Torline, C‑18/02, EU:C:2004:74, punt 34), ikun għad irid jiġi vverifikat, għal dan il-għan, sa fejn iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jippermettu li l-post tal-avveniment kawżali jew dak tal-materjalizzazzjoni tad-dannu jkunu jistgħu jiġu lokalizzati fid-domiċilju tar-rikorrent.

53

F’dak li jikkonċerna l-avveniment kawżali tad-dannu allegat, jiġifieri l-allegat ksur, minn Barclays Bank, tal-obbligi legali tagħha relattivi għall-prospett u għall-informazzjoni lill-investituri, għandu jiġi rrilevat li l-atti jew l-ommissjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu tali ksur ma jistgħux jiġu lokalizzati fid-domiċilju tal-investitur allegatament preġudikat, peress li ebda prova mill-proċess ma tindika li d-deċiżjonijiet relattivi għall-metodi tal-investimenti proposti minn dan il-bank kif ukoll għall-kontenuti tal-prospett relatat magħhom ma ttieħdu fl-Istat Membru fejn dan l-investitur huwa domiċiljat, u lanqas li l-prospetti msemmija tfasslu u ġew iddistribwiti oriġinarjament mhux fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-bank inkwistjoni.

54

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, għandu jitqies li, f’ċirkustanzi bħal dawk imsemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, id-dannu jseħħ fil-post fejn l-investitur ibati dan id-dannu.

55

Il-qrati tad-domiċilju tar-rikorrent għandhom ġurisdizzjoni, abbażi tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, biex jisimgħu tali kawża b’mod partikolari meta d-dannu msemmi jseħħ direttament f’kont bankarju ta’ dan ir-rikorrent ma’ bank stabbilit fil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħhom.

56

Il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu hekk identifikat jissodisfa, f’ċirkustanzi bħal dawk imsemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, l-għan tar-Regolament Nru 44/2001 intiż biex isaħħaħ il-protezzjoni legali tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni, billi fl-istess ħin jippermetti li r-rikorrent jidentifika faċilment il-qorti li jista’ jressaq kawża quddiemha u li l-konvenut jipprevedi b’mod raġonevoli dik li jista’ jitressaq quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kronhofer, EU:C:2004:364, punt 20), peress li l-persuna li toħroġ ċertifikat li ma tissodisfax dawn l-obbligi legali relattivi għall-prospett għandha, meta tiddeċiedi li tinnotifika l-prospett relattiv għal dan iċ-ċertifikat fi Stati Membri oħra, tistenna li operaturi mhux informati biżżejjed, domiċiljati f’dawn l-Istati Membri, jinvestu f’dan iċ-ċertifikat u jsofru dannu.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal kawża intiża biex tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-persuna li ħarġet iċ-ċertifikat minħabba l-prospett relatat miegħu kif ukoll minħabba l-ksur ta’ obbligi ta’ informazzjoni oħra li jinsabu fuq din il-persuna li ħarġet iċ-ċertifikat, sakemm din ir-responsabbiltà ma tkunx tidħol fil-materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament imsemmi. Skont il-paragrafu 3 tal-istess Artikolu 5, il-qrati tad-domiċilju tar-rikorrent għandhom ġurisdizzjoni, abbażi tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, biex jisimgħu tali kawża b’mod partikolari meta d-dannu allegat jitwettaq direttament f’kont bankarju tar-rikorrent ma’ bank stabbilit fil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħhom.

Fuq ir-raba ’ domanda

58

Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fil-kuntest tal-verifika tal-ġurisdizzjoni internazzjonali abbażi tar-Regolament Nru 44/2001, għandhiex issir produzzjoni dettaljata tal-prova f’dak li jirrigwarda l-fatti inkwistjoni li huma kemm rilevanti għall-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni kif ukoll għall-eżistenza tad-dritt invokat jew, pjuttost, jekk għandux jitqies li l-allegazzjonijiet tar-rikorrent fil-kawża prinċipali biss huma korretti għall-finijiet tad-deċiżjoni fil-qasam tal-ġurisdizzjoni.

59

Huwa stabbilit li r-Regolament Nru 44/2001 ma jippreċiżax b’mod espliċitu l-firxa tal-obbligi ta’ stħarriġ li għandhom il-qrati nazzjonali fil-verifika tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħhom.

60

Madankollu, jekk il-kwistjoni tkun effettivament dwar aspett tad-dritt proċedurali intern li r-Regolament imsemmi ma għandux l-għan li jarmonizza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza G, C‑292/10, EU:C:2012:142, punt 44), l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali rilevanti ma għandhiex iċċaħħad l-effett utli tar-Regolament Nru 44/2001 (ara s-sentenza Shevill et, C-68/93, EU:C:1995:61, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan ta’ ċertezza legali jeżiġi li l-qorti nazzjonali li jkollha l-kawża quddiemha tkun tista’ faċilment tippronunzja ruħha fuq il-ġurisdizzjoni tagħha stess, mingħajr ma tkun marbuta li teżamina l-kawża fil-mertu (ara s-sentenza Benincasa, C‑269/95, EU:C:1997:337, punt 27). F’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit fil-kuntest tal-ġurisdizzjonijiet speċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, minn naħa, li l-qorti mitluba biex tiddeċiedi tilwima riżultanti minn kuntratt tista’ tivverifika, anki ex officio, il-kundizzjonijiet essenzjali tal-ġurisdizzjoni tagħha, fid-dawl tal-provi konklussivi u rilevanti ppreżentati mill-parti interessata, li jistabbilixxu l-eżistenza jew l-ineżistenza tal-kuntratt (sentenza Effer, 38/81, EU:C:1982:79, punt 7).

62

Min-naħa l-oħra, b’mod speċifiku fir-rigward tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fl-istadju tal-verifika tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, il-qorti li titressaq il-kawża quddiemha ma għandha tevalwa la l-ammissibbiltà u lanqas il-fondatezza tat-talba skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, iżda għandha tidentifika biss il-fatturi kawżali mal-Istat tal-forum li jiġġustifikaw il-ġurisdizzjoni tagħha abbażi ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza Folien Fischer u Fofitec, C‑133/11, EU:C:2012:664, punt 50). Barra minn hekk, din il-qorti tista’ tqis bħala stabbiliti, għall-finijiet biss li tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, l-allegazzjonijiet rilevanti tar-rikorrent fir-rigward tal-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali (sentenza Hi Hotel HCF, C‑387/12, EU:C:2014:215, punt 20).

63

Għandu jiġi rrilevat li obbligu li titwettaq, diġà f’dan l-istadju tal-proċedura, evalwazzjoni dettaljata tal-provi f’dak li jikkonċerna l-provi fattwali relattivi kemm għall-ġurisdizzjoni kif ukoll għall-mertu jirriskja li jippreġudika l-eżami tagħha.

64

Għalhekk, għalkemm il-qorti nazzjonali li għandha l-kawża quddiemha ma għandhiex l-obbligu, fil-każ ta’ kontestazzjoni mill-konvenut tal-allegazzjonijiet tar-rikorrent, li twettaq evalwazzjoni tal-provi fl-istadju tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni, għandu jiġi ppreċiżat li kemm l-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li jsostni lir-Regolament Nru 44/2001, kif ukoll ir-rispett dovut lill-awtonomija tal-qorti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha jeżiġu li l-qorti li tressqet il-kawża quddiemha tkun tista’ teżamina l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fid-dawl tal-informazzjoni kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż, jekk ikun il-każ, il-kontestazzjonijiet magħmula mill-konvenut.

65

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li, fil-kuntest tal-verifika tal-ġurisdizzjoni skont ir-Regolament Nru 44/2001, ma għandhiex issir evalwazzjoni dettaljata tal-provi f’dak li jikkonċerna l-elementi ta’ fatt inkwistjoni li huma rilevanti kemm għall-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni kif ukoll għall-eżistenza tad-dritt invokat. Madankollu, huwa mixtieq li l-qorti li titressaq il-kawża quddiemha teżamina l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fid-dawl tal-informazzjoni kollha li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi, jekk ikun il-każ, il-kontestazzjonijiet imressqa mill-konvenut.

Fuq l-ispejjeż

66

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, rikorrent li, bħala konsumatur, xtara obbligazzjonijiet lill-portatur mingħand terz professjonist, mingħajr ma jkun ġie konkluż kuntratt bejn il-konsumatur imsemmi u l-persuna li ħarġet dawn l-obbligazzjonijiet — liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju —, ma jistax jinvoka l-ġurisdizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni għall-finijiet tal-kawża mressqa kontra l-imsemmija persuna li ħarġet l-obbligazzjonijiet u bbażata fuq il-kundizzjonijiet ta’ self, fuq il-ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ kontroll kif ukoll fuq ir-responsabbiltà fir-rigward tal-prospett.

 

2)

L-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, rikorrent li xtara obbligazzjonijiet lill-portatur mingħand terz, mingħajr ma l-persuna li ħarġithom assumiet liberament obbligu fir-rigward ta’ dan ir-rikorrent, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, ma jistax jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni għall-finijiet tal-kawża mressqa kontra l-imsemmija persuna li ħarġet l-obbligazzjonijiet u bbażata fuq il-kundizzjonijiet ta’ self, fuq il-ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ kontroll kif ukoll fuq ir-responsabbiltà fir-rigward tal-prospett.

 

3)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal kawża intiża biex tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-persuna li ħarġet iċ-ċertifikat minħabba l-prospett relatat miegħu kif ukoll minħabba l-ksur ta’ obbligi ta’ informazzjoni oħra li jinsabu fuq din il-persuna li ħarġet iċ-ċertifikat, sakemm din ir-responsabbiltà ma tkunx tidħol fil-materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament imsemmi. Skont il-paragrafu 3 tal-istess Artikolu 5, il-qrati tad-domiċilju tar-rikorrent għandhom ġurisdizzjoni, abbażi tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, biex jisimgħu tali kawża b’mod partikolari meta d-dannu allegat jitwettaq direttament f’kont bankarju tar-rikorrent ma’ bank stabbilit fil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħhom.

 

4)

Fil-kuntest tal-verifika tal-ġurisdizzjoni skont ir-Regolament Nru 44/2001, ma għandhiex issir evalwazzjoni dettaljata tal-provi f’dak li jikkonċerna l-elementi ta’ fatt inkwistjoni li huma rilevanti kemm għall-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni kif ukoll għall-eżistenza tad-dritt invokat. Madankollu, huwa mixtieq li l-qorti li titressaq il-kawża quddiemha teżamina l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fid-dawl tal-informazzjoni kollha li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi, jekk ikun il-każ, il-kontestazzjonijiet imressqa mill-konvenut.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq