Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CC0439(01)

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Jääskinen, ippreżentati fl-4 ta’ Diċembru 2014.
Elitaliana SpA vs Eulex Kosovo.
Appell – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK – Sejħa għal offerti dwar l-appoġġ permezz ta’ ħelikopter għall-missjoni Eulex Kosovo – Azzjoni kontra d-deċiżjoni ta’ għoti – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 275 TFUE – Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – L‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Kunċett ta’ ‘korp jew ta’ organu tal-Unjoni’ – Miżuri imputabbli lill-Kummissjoni Ewropea – Żball skużabbli.
Kawża C-439/13 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:341

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fil-21 ta’ Mejju 2015 ( 1 )

Kawża C‑439/13 P

Elitaliana SpA

vs

Eulex Kosovo

“Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali — Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) — Missjoni tal-Unjoni Ewropea — Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni — Baġit tal-Unjoni — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 — Sejħa għal offerti dwar l-appoġġ permezz ta’ ħelikopter għall-missjoni EULEX fil-Kosovo — Stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku”

I – Introduzzjoni

1.

Din il-proċedura toriġina minn rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea minn impriża rregolata mid-dritt Taljan Elitaliana SpA (iktar ’il quddiem “Elitaliana”) kontra miżura adottata fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku ( 2 ) minn Eulex Kosovo, entità stabbilita skont l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK, tal-4 ta’ Frar 2008, dwar il-missjoni “stat tad-dritt” imwettqa mill-Unjoni Ewropea fil-Kosovo ( 3 ). Il-Qorti Ġenerali, filwaqt li ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors ta’ Elitaliana għar-raġuni li Eulex Kosovo ma kellhiex il-kwalità ta’ konvenuta ( 4 ), iddeċidiet fid-digriet Elitaliana vs Eulex Kosovo ( 5 ) li ma kienx hemm lok tiddeċiedi dwar jekk għandhiex il-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikorsi ppreżentati kontra l-atti adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE dwar il-PESK.

2.

Fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi mogħtija fir-rigward tal-appell ippreżentat kontra l-imsemmi digriet ( 6 ), ikkonkludejt li l-appell għandu jiġi miċħud minħabba l-istatus ta’ Eulex Kosovo. F’dak il-kuntest, ma ttrattajtx il-kwistjoni dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

3.

Sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-kawża inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja xtaqet madankollu li jiġu kkjarifikati l-aspetti rilevanti kollha u, permezz tad-digriet tal-10 ta’ Frar 2015, ordnat li l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali sabiex tippermetti lill-partijiet jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar il-kwistjoni:

“[…] jekk il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandhomx il-ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din il-kawża, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet dwar il-[PESK] li jinsabu fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE u dawk tal-Artikolu 275 TFUE.”

4.

Konformement mal-Artikolu 24 TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 275 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament ma għandhiex ġurisdizzjoni għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tal-PESK, bl-eċċezzjoni tal-istħarriġ fir-rigward tal-Artikolu 40 TUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.

5.

Madankollu, nixtieq immedjatament nenfasizza li l-kawża inkwistjoni, peress li tittratta kuntratti pubbliċi konklużi fil-kuntest tal-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea, taqa’ direttament fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-baġit tad-dritt tal-Unjoni. Bħal Elitaliana, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea, li kollha jaqblu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni fil-kawża preżenti ( 7 ), għandi l-intenzjoni nargumenta favur il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku fid-dawl tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-baġit tal-Unjoni, kemm mill-perspettiva tal-finanzjament tal-miżuri li jaqgħu taħt il-PESK kif ukoll mill-perspettiva tal-implementazzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

6.

L‑Artikolu 41(1) TUE jipprovdi:

“L-ispiża amministrattiva li tinqala’ minħabba l-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu għall-istituzzjonijiet għandha titħallas mill-baġit ta’ l-Unjoni.”

7.

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 41(2) TUE, l-ispejjeż operattivi li għandhom x’jaqsmu mal-implementazzjoni ta’ dan il-Kapitolu għandhom jitħallsu wkoll mill-baġit tal-Unjoni, ħlief għal dawk l-ispejjeż li joriġinaw minn operazzjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew tad-difiża u minn każijiet fejn il-Kunsill li jaġixxi unanimament jiddeċiedi mod ieħor.

8.

L-Artikolu 310(1) u (3) TFUE:

“1.   L-entrati fil-kontijiet tad-ddħul u tal-ħruġ kollha ta’ l-Unjoni għandhom jiġu nklużi fl-estimi li jsiru ta’ kull sena finanzjarja u għandhom jidhru fl-estimi.

Il-baġit annwali ta’ l-Unjoni għandu jkun stabbilit mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skond l-Artikolu 314.

Id-dħul u l-ħruġ murija fl-estimi finanzjarji għandhom ikunu jaqblu.

[…]

3.   L-implimentazzjoni ta’ l-infiq li jidher fil-baġit jeħtieġ l-adozzjoni minn qabel ta’ att ta’ l-Unjoni legalment vinkolanti li jipprovdi bażi legali għall-azzjoni tagħha u għall-implimentazzjoni ta’ l-infiq korrispondenti skond ir-regolament previst fl-Artikolu 322, ħlief fil-każijiet previsti minn dan ta’ l-aħħar.”

9.

L-Artikolu 317 tat-TFUE ġie emendat kif ġej:

“Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit f’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, skond id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti magħmula skond l-Artikolu 322, fuq ir-responsabbiltà tagħha stess u fil-limiti ta’ l-approprazzjonijiet, b’konsiderazzjoni tal-prinċipji ta’ tmexxija finanzjarja tajba. L-Istati Membri għandhom jikkoperaw mal-Kummissjoni sabiex jassiguraw li l-approprazzjonijiet jkunu wżati skond il-prinċipji ta’ tmexxija finanzjarja tajba.

[…]

Fl-ambitu ta’ l-estimi, il-Kummisjoni tista’, suġġetta għal-limiti u l-kondizzjonijiet iffissati fir-regolamenti magħmula skond l-Artikolu 322, tittrasferixxi ammonti votati minn kapitolu għall-ieħor jew minn sottodiviżjoni għall-oħra.”

10.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej ( 8 ), jipprevedi fl-Artikolu 4(2)(a) tiegħu li:

“Id-dħul u n-nefqa tal-Komunitajiet għandhom jinkludu:

(a)

id-dħul u n-nefqa tal-Komunità Ewropea, inkluża n-nefqa amministrattiva kif ikkaġunata mill-istituzzjonijiet bid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li tirrigwardja l-[PESK] u l-koperazzjoni mill-pulizija u ġudiżżjarja f’materji kriminali, u n-nefqa operattiva ikkaġunata mill-implimentazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet meta din tkun għal skariku tal-budget.”

11.

Konformement mal-Artikolu 162(1) tal-imsemmi regolament, id-dispożizzjonijiet tal-ewwel u tat-tielet parti tar-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002 japplikaw għall-azzjonijiet esterni ffinanzjati mill-baġit, bla ħsara għad-derogi previsti f’dan it-Titolu.

12.

Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 163 tar-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002, l-azzjonijiet imsemmija f’dan it-Titolu jistgħu jiġu implementati jew b’mod ċentralizzat mill-Kummissjoni, jew b’mod deċentralizzat minn pajjiż terz benefiċjarju wieħed jew iktar, jew b’mod konġunt ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

13.

Skont l-Artikolu 166 tar-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002:

“1.   Azzjonijiet imwettqa għandhom jagħtu bidu għal:

(a)

ftehim ta’ finanzjament imħejji bejn il-Kummissjoni, li taġixxi f’isem il-Komunitajiet, u l-pajjiż jew pajjiżi terzi benefiċjarji jew il-korpi li huma jkunu nnominaw, minn hawn il-quddiem: ‘il-benefiċjarji’; jew

(b)

kuntratt jew ftehim ta’ għotja mal-korpi nazzjonali jew internazzjonali tas-settur-publiku jew ta’ persuni naturali jew legali responsabbli għat-twettieq ta’ l-azzjonijiet.

[…]”

14.

L-Artikolu 167 tar-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002 jipprevedi li:

“1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 56 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu V tal-parti wieħed relatati mad-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-akkwist għandhom ikunu applikabbli għal-kuntratti koperti b’dan it-Titolu bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali li jirrigwardjaw il-limiti massimi u l-arranġamenti għall-għoti ta’ kuntratti esterni stabbiliti fir-regoli ta’ l-implenetazzjoni. L-awtoritajiet tal-kuntratti [kontraenti] għall-iskopijiet ta’ dak il-kapitoli għandhom ikunu:

(a)

il-Kummissjoni f’isem ta’ u għall-akkont ta’ wieħed jew aktar benefiċjarji;

(b)

il-benefiċjarju jew il-benefiċjarji;

(ċ)

korp nazzjonali jew internazzjonali tas-settur-publiku jew persuni naturali jew legali li jkunu ffermaw mal-Kummissjoni ftehim ta’ finanzjament jew ftehim ta’ l-għotja għall-implimentazzjoni ta’ l-azzjoni esterna.

[…]”

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.

Bi tweġiba għall-istedina li ntbagħtet lill-partijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali tal-10 ta’ Frar 2015, Elitaliana, Eulex Kosovo, il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Eulex Kosovo, il-Kunsill u l-Kummissjoni nstemgħu fis-seduta li nżammet fil-25 ta’ Marzu 2015.

IV – Fuq l-azzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-azzjoni esterna u l-limiti tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-PESK

A – Osservazzjonijiet preliminari dwar il-PESK

16.

Storikament, meta ġie ffirmat it-Trattat ta’ Maastricht, il-PESK, minħabba li kienet politika komuni tal-Unjoni ankrata fil-kooperazzjoni intergovernattiva, kienet il-frott ta’ kompromess. Għalkemm il-PESK inħolqot bħala sistema distinta, meta mqabbla mal-politiki Komunitarji u mal-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, hija ġiet integrata formalment, organikament u materjalment fi struttura unika, l-Unjoni ( 9 ). Għalhekk, sa mill-ħolqien tagħha, il-PESK kienet tagħmel parti minn qafas istituzzjonali uniku ( 10 ), komuni għat-tliet pilastri.

17.

Huwa minnu li l-azzjoni esterna tal-Unjoni tinkludi ħafna oqsma bħas-sigurtà u d-difiża, il-politika kummerċjali, l-għajnuna għall-iżvilupp, il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi, l-għajnuna umanitarja, il-ftehimiet internazzjonali, ir-relazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-applikazzjoni tal-klawżola ta’ solidarjetà fis-sens tal-Artikolu 222 TFUE ( 11 ).

18.

Fuq il-livell strutturali, il-PESK tinkludi b’mod partikolari l-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK), fejn l-awtonomija ta’ din tal-aħħar issaħħet permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, b’mod partikolari permezz tal-Artikoli 42 TUE u 43 TUE. Skont l-Artikolu 42(1) TUE, il-PESK tiżgura lill-Unjoni kapaċità operattiva sostnuta minn mezzi ċivili u militari. L-Unjoni tista’ tużahom f’missjonijiet imwettqa barra mill-Unjoni biex tiżgura ż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni ta’ kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali. It-tipi ta’ missjonijiet huma identifikati fl-Artikolu 43 TUE.

19.

Għalhekk, il-PESK timplika taħlita stretta u kumplessa bejn l-aspetti ċivili u militari. Din il-kawża madankollu turi kemm l-azzjoni esterna tal-Unjoni hija frammentata, ma hijiex trasparenti u tirrendi diffiċli d-determinazzjoni tar-responsabbiltà ġuridika tal-atturi differenti tagħha.

20.

Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ stabbiliment tal-preżenza tagħha taħt l-azzjoni esterna, huwa fatt li l-Unjoni tagħmel numru kbir ta’ azzjonijiet u ta’ missjonijiet madwar id-dinja ( 12 ), fejn il-missjonijiet ċivili jitqiesu li huma elementi ewlenin tal-PSDK ( 13 ). L-istrument ġuridiku ewlieni li jippermetti li jiġu stabbiliti l-operazzjonijiet tal-Unjoni jikkonsisti f’deċiżjoni tal-Kunsill meħuda skont l-Artikolu 42 TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 28 TUE ( 14 ). Dan huwa tabilħaqq att tal-Unjoni, u mhux sempliċi deċiżjoni adottata b’mod konġunt mill-Istati Membri ( 15 ).

21.

Fir-rigward tar-relazzjoni mal-pajjiż ospitanti, l-Unjoni tikkonkludi normalment ftehimiet mal-Istati ospitanti skont l-Artikolu 37 TUE (ex Artikolu 24 TUE) u l-Artikolu 218 TFUE, li jistabbilixxi l-kompetenza tagħha sabiex tidħol fi ftehimiet ma’ Stat wieħed jew iktar jew ma’ organizzazzjoni internazzjonali waħda jew iktar sabiex tiġi implementata l-PESK. Jiġri wkoll li l-partijiet interessati jipproċedu sabiex jestendu l-arranġamenti li diġà huma stabbiliti. Dan kien il-każ ta’ tim tal-ippjanar tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo, entità stabbilita permezz tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill ( 16 ), li ġiet qabel u ppreparat l-istabbiliment ta’ Eulex Kosovo ( 17 ).

22.

B’mod partikolari, l-istatus tal-operazzjonijiet PSDK jagħmel parti minn ftehimiet ( 18 ), li jirregolaw l-istatus u l-attivitajiet tal-operazzjonijiet tal-Istat ospitanti, inklużi d-dettalji dwar l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni kriminali, il-privileġġi u l-immunitajiet tal-operazzjoni u tal-persunal tagħha u r-riżoluzzjoni ta’ kunflitti ( 19 ). Konformement ma’ ftehim interistituzzjonali tal-2003 ( 20 ), il-persunal militari jew ċivili tal-missjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn immunità ġurisdizzjonali totali. Mill-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Eulex Kosovo jirriżulta wkoll li l-kap tal-missjoni kif ukoll il-missjoni Eulex kollha jibbenefikaw minn status diplomatiku kif ukoll minn privileġġi li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali ( 21 ). Madankollu, għandha ninnotaw li l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-relazzjonijiet diplomatiċi għall-persunal kollu diġà ġiet ikkritikata fil-livell istituzzjonali ( 22 ).

23.

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ argument imressaq waqt is-seduta mir-rappreżentant ta’ Eulex Kosovo u li jirrigwarda l-immunità ta’ din l-entità, nosserva li l-immunità li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Kosovo hija rilevanti għall-korpi u għall-qrati tal-Kosovo u ma tistax, f’kull każ, twaqqaf il-kontroll tal-legalità ta’ miżuri li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni bla ħsara għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam ( 23 ).

B – Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tat-Trattat ta ’ Lisbona

24.

Huwa fatt li fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-PESK għadha suġġetta għal regoli u għal proċeduri speċifiċi konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE. Għalhekk, ċerti atti adottati fil-kuntest tal-PESK jaħarbu għal kollox mill-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din hija sitwazzjoni inerenti fl-organizzazzjoni tal-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja previsti mit-Trattati ( 24 ).

25.

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, sa ċertu punt, it-Trattat ta’ Lisbona żviluppa l-kamp tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-PESK ( 25 ).

26.

L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ngħatat espliċitament il-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ ċertu atti li jaqgħu taħt il-PESK, li ġab fi tmiemu l-approċċ prevalenti preċedentement ta’ esklużjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju f’dan il-qasam. Għalhekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE jipprevedi li, għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tat-Trattati li jirregolaw il-PESK, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni biss sabiex tistħarreġ l-osservanza tal-Artikolu 40 TUE kif ukoll il-legalità ta’ ċerti deċiżjonijiet imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha b’mod partikolari l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikorsi, ippreżentati skont il-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dwar l-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjonijiet li jipprovdu għal miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE ( 26 ).

27.

It-tieni nett, l-Artikolu 40 TUE jista’ jinqara fis-sens li jikkonferixxi espliċitament lill-Qorti tal-Ġustizzja l-missjoni li tiggarantixxi d-delimitazzjoni bejn il-PESK, minn naħa, u l-politiki u l-proċeduri li jaqgħu taħt it-Trattat FUE, min-naħa l-oħra, meta jgħid li l-implementazzjoni tal-PESK ma taffettwax l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 TFUE sa 6 TFUE. In-novità ta’ din id-dispożizzjoni meta mqabbla mal-ex Artikolu 47 TUE (kif kien ifformulat qabel it-Trattat ta’ Lisbona) hija l-fatt li l-“obbligu ta’ nuqqas ta’ effett” jaħdem fuq żewġ livelli, sa fejn huwa għandu l-għan kemm li “jipproteġi” il-politiki tal-Unjoni minn sovrappożizzjoni eventwali mal-mekkaniżmi tal-kooperazzjoni intergovernattivi kif ukoll li “jipproteġi” lill-PESK kontra l-effetti simili eventwali tal-politiki tal-Unjoni ( 27 ).

28.

It-tielet nett, għandha tiġi enfasizzata l-importanza tal-prinċipji kostituzzjonali imposti fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta jieħdu azzjoni fil-kamp tal-azzjoni esterna li l-osservanza tagħhom għandha tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 28 ). Flimkien mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, l-osservanza tal-imsemmija prinċipji hija meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni li jinkludu b’mod partikolari l-PESK. F’dan ir-rigward, infakkar li konformement mal-Artikolu 21(3) TUE, l-Unjoni tosserva l-prinċipji li wasslu għall-ħolqien tagħha (imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-istess artikolu) fl-iżvilupp u fl-implementazzjoni tal-azzjoni esterna tagħha.

29.

Fl-aħħar nett, saħansitra qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet ġiet ikkonfrontata bil-kwistjoni tad-delimitazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tad-dibattitu dwar il-prodotti “li għandhom użu doppju” ( 29 ) fil-Kawża Werner fejn hija enfasizzat li “miżura li għandha l-għan li tipprekludi jew tirrestrinġi l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti […] ma tistax tiġi eskluża mill-qasam tal-politika kummerċjali komuni għar-raġuni li hija intiża li tilħaq l-għanijiet tal-politika esterna u ta’ sigurtà” ( 30 ). Għall-kuntrarju, fil-każ ta’ miżura intiża li tiġġieled il-proliferazzjoni tal-armi żgħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fid-dawl tal-Artikolu 47 UE, l-Unjoni ma setgħetx tirrikorri għal bażi legali li taqa’ taħt il-PESK sabiex tadotta d-dispożizzjonijiet li jaqgħu wkoll taħt il-kompetenza mogħtija mit-Trattat KE lill-Komunità ( 31 ).

30.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ l-gwardjana fundamentali tad-delimitazzjoni tal-kompetenzi. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk l-atti adottati minn missjoni tal-Unjoni fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-baġit tal-Unjoni jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

V – Il-baġit tal-Unjoni u l-istħarriġ tiegħu fil-kuntest tal-azzjoni esterna

A – Tfakkira qasira dwar l-istatus ta ’ Eulex Kosovo

31.

Kif tfakkar ġustament fil-konklużjonijiet tal-Kunsill iċċitati iktar ’il fuq ( 32 ), “huwa importanti li tiġi żgurata l-ikbar koerenza possibbli bejn l-azzjonijiet imwettqa mill-Unjoni u dawk imwettqa mill-Istati Membri sabiex jingħata appoġġ lill-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet reġjonali msieħba […] sabiex ikunu jistgħu jtejbu progressivament il-kapaċità tagħhom biex jipprevjenu jew jiġġestixxu kriżijiet huma stess”.

32.

Kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, Eulex Kosovo tgħin lill-istituzzjonijiet tal-Kosovo, lill-awtoritajiet ġudizzjarji u lill-korpi inkarigati mill-applikazzjoni tal-liġi fil-progress tagħhom lejn il-vijabbiltà u r-responsabbilizzazzjoni tal-mod li bih jallinjaw il-liġijiet rikonoxxuti fuq livell internazzjonali u l-prattiki tajba Ewropej.

33.

Il-missjoni Eulex Kosovo, li toriġina mir-Riżoluzzjoni Nru 1244 tan-Nazzjonijiet Uniti ( 33 ), hija l-ikbar missjoni ċivili li qatt kien hemm fil-kuntest tal-PSDK. Il-persunal tal-missjoni huwa kompost essenzjalment minn imħallfin, prosekuturi, pulizija u aġenti doganali u għandu madwar 800 membru internazzjonali u 800 membru nazzjonali. Il-baġit ta’ din il-missjoni jammonta għal EUR 90 miljun fis-sena u huwa ffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-maġġoranza tal-Istati Membri tal-Unjoni, kif ukoll il-Kanada, ir-Renju tan-Norveġja, il-Konfederazzjoni Svizzera, ir-Repubblika tat-Turkija u l-Istati Uniti tal-Amerika ( 34 ).

34.

Mill-proċess jirriżulta li Eulex Kosovo għandha status ta’ operazzjoni ta’ ġestjoni ta’ kriżi taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill li stabbilixxiha u li jeżerċita kontroll politiku u direzzjoni strateġika ( 35 ). Ir-rieda tal-leġiżlatur li jqis li l-missjonijiet huma sempliċi “operazzjonijiet” irriżultat effettivament mid-dispożizzjonijiet tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 ( 36 ).

35.

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-leġiżlatur emenda diversi drabi l-Azzjoni Konġunta 2008/124 ( 37 ), b’mod partikolari permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/349/PESK (iktar ’il quddiem l-“Azzjoni Konġunta 2008/124 emendata”. Skont l-Artikolu 15a tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 emendata, Eulex Kosovo għandha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, li tikkonkludi kuntratti u arranġamenti amministrattivi, li timpjega persunal, li jkollha kontijiet bankarji, li takkwista u li tiddisponi mill-assi u li tillikwida l-passiv tagħha kif ukoll li tkun parti għal proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex tiġi implementata l-imsemmija Azzjoni Konġunta. Barra minn hekk, nosserva, għall-kuntrarju ta’ dak li ntqal minn Eulex Kosovo waqt is-seduta, li din l-emenda ma kinitx tikkostitwixxi approċċ iżolat f’dan ir-rigward, iżda ġiet applikata wkoll fir-rigward tal-missjoni PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer ( 38 ).

B – Fuq ir-regoli baġitarji applikabbli għall-PESK bħala punt tat-tluq għall-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

1. Fuq il-finanzjament mill-baġit tal-Unjoni Ewropea

36.

Nixtieq infakkar li, meta ġie ffirmat it-Trattat ta’ Maastricht, ġiet stabbilita distinzjoni bejn l-ispejjeż amministrattivi u dawk operattivi sostnuti fil-kuntest tat-tieni pilastru, fejn dawk tal-ewwel kienu dejjem jitħallsu mill-baġit tal-Komunità. Għal din ir-raġuni, insostni li, fil-verità, il-kwistjoni tal-ispejjeż baġitarji qatt ma kkostitwixxiet u għadha ma tikkostitwixxix kwistjoni li taqa’ taħt il-PESK. Fil-fatt, dak iż-żmien kien diġà previst li parti mill-finanzjament tal-PESK tiġi sottomessa għar-regoli baġitarji Komunitarji, inkluż għas-sistema ta’ stħarriġ li tapplika għalihom.

37.

Għall-kuntrarju, għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż operattivi, it-Trattat ta’ Maastricht kien jipprevedi l-kompetenza tal-Kunsill li jiddeċiedi jekk dawn jitħallsux mill-Istati Membri jew inkella mill-baġit tal-Komunitajiet. It-Trattat ta’ Amsterdam assenja l-ispejjeż operattivi lill-baġit Komunitarju, filwaqt li ppreveda żewġ eċċezzjonijiet għall-ispejjeż relatati ma’ operazzjonijiet militari jew fil-qasam tad-difiża, iżda l-Kunsill żamm il-kompetenza li jiddeċiedi mod ieħor b’mod unanimu.

38.

It-Trattat ta’ Lisbona żamm is-sistema speċifika eżistenti. Fil-fatt, skont l-Artikolu 41(1) TUE, l-ispejjeż amministrattivi sostnuti minħabba l-implementazzjoni tal-PESK għandhom jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni ( 39 ), filwaqt li, skont l-Artikolu 41(2) TUE, l-ispejjeż operattivi għandhom jaqgħu taħt il-baġit tal-Unjoni, konformement mal-prinċipju adottat mit-Trattat ta’ Amsterdam. Għalhekk, il-missjonijiet PSDK, skont in-natura tagħhom, huma ffinanzjati mill-Istati Membri, skont il-kriterju tal-Prodott Gross Nazzjonali (PGN), meta l-kwistjoni tirrigwarda l-finanzjament ta’ operazzjonijiet militari, filwaqt li l-ispejjeż ċivili u amministrattivi jiġu sostnuti mill-Unjoni Ewropea ( 40 ). Skont il-ftehim interistituzzjonali tal-2013 ( 41 ), l-ammont totali tal-ispejjeż operattivi tal-PESK huwa inkluż kompletament f’kapitolu wieħed tal-baġit, li jġib l-isem “PESK” ( 42 ).

39.

Fil-kawża inkwistjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 16 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 ( 43 ), l-ispejjeż kollha ta’ Eulex Kosovo huma ġestiti skont ir-regoli u l-proċeduri Komunitarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea ( 44 ).

40.

F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi kkontestat li, peress li l-azzjonijiet tal-PESK jagħmlu parti mil-linji baġitarji tal-Unjoni, l-amministrazzjoni tal-baġit u l-kontroll relatat magħha jaqgħu taħt il-kompetenza tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 310(1) TFUE, id-dħul u l-infiq tal-Unjoni għandhom jiddaħħlu fil-baġit. Il-baġit annwali tal-Unjoni huwa stabbilit mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 314 TFUE. Diversi atturi huma involuti fl-implementazzjoni tal-baġit intiż li jiffinanzja l-azzjonijiet tal-PESK, fosthom il-Kunsill, il-Grupp tal-Kunsilliera tal-PESK tal-Kunsill, il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

41.

Il-fatt li jagħti lok għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta għalhekk mill-impenn tal-baġit tal-Unjoni u mill-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li għandhom l-għan li jiżguraw l-implementazzjoni tiegħu fil-kuntest tal-funzjonijiet eżerċitati minn entitajiet stabbiliti skont l-atti li jaqgħu taħt il-PESK. Din il-konstatazzjoni bl-ebda mod ma taffettwa d-dispożizzjonijiet tal-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, li jipprevedu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, bħala prinċipju, ġurisdizzjoni għal dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet relatati mal-PESK kif ukoll l-atti adottati abbażi tagħhom ( 45 ).

42.

Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn l-atti li jimplikaw il-baġit tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 310(3) TFUE u li jaqgħu taħt l-amministrazzjoni tal-funzjonament ta’ entitajiet stabbiliti fil-kuntest tal-PESK u atti li jkunu ġew adottati bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar il-PESK, bħall-Azzjoni Konġunta 2008/124, kif ukoll atti adottati minn organi stabbiliti permezz tad-dispożizzjonijiet relatati mal-PESK u li jirrigwardaw il-PESK.

43.

Għal dawn ir-raġunijiet, jiena ma naqbilx mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li ssostni, prinċipalment, fit-tweġiba tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja, li, fil-kawża inkwistjoni l-Qorti tal-Unjoni ġiet adita b’motiv ta’ illegalità bbażat fuq ksur tar-regoli fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li huwa “parametru normattiv estrinsiku għall-PESK”, liema fatt jippermetti li jiġi kkonstatat li l-esklużjoni tal-ġurisdizzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE ma hijiex applikabbli, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk l-att ikkontestat huwiex jew le, fih innifsu, att adottat abbażi ta’ dispożizzjoni tal-PESK.

44.

Barra minn hekk, it-teorija magħrufa bħala “taċ-ċentru tal-gravità” jew “ta’ atti politiċi”, kif invokata mir-rappreżentant ta’ Eulex Kosovo u li għandha twassal jew għall-esklużjoni tal-prinċipju tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella għal ammissjoni ta’ din l-istess ġurisdizzjoni, flimkien ma’ obbligu ta’ nuqqas ta’ eżerċizzju, ma tapplikax fid-dritt tal-Unjoni. Biżżejjed jitfakkar li l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tad-dritt tal-Unjoni jibqa’ valur fundamentali u kostanti tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. F’din il-komunità ta’ dritt, la l-Istati Membri tagħha u lanqas l-istituzzjonijiet tagħha ma jistgħu jevitaw l-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom abbażi mal-Karta Kostituzzjonali fundamentali li hija t-Trattat. It-Trattat stabbilixxa għalhekk sistema kompleta ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri intiżi sabiex jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-possibbiltà li tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet ( 46 ). Id-“dritt ta’ kontestazzjoni ta’ miżura quddiem il-qrati hija inerenti għall-istat tad-dritt”, huwa l-“korollarju” tiegħu, “rebħa u strument” ( 47 ).

45.

Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata, u b’mod partikolari s-sentenza Werner (C‑112/91, EU:C:1993:27), il-baġit tal-Unjoni, peress li jintuża sabiex jiffinanzja l-miżuri tal-PESK, ma jistax ma jkunx suġġett għar-regoli baġitarji applikabbli għall-politiki u għall-proċeduri tad-dritt tal-Unjoni.

46.

Sabiex tiġi ddefinita l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom madankollu jiġu analizzati r-regoli applikabbli mill-perspettiva tal-implementazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi li jistgħu jiġu organizzati fil-kuntest tal-azzjoni esterna.

2. Fuq l-implementazzjoni tal-ispejjeż relatati mal-PESK

47.

Minn perspettiva storika, għandu jiġi nnotat qabelxejn li l-implementazzjoni tal-baġit tal-Unjoni fil-qasam tal-azzjoni esterna ġiet suġġetta għal stħarriġ li żvela n-nuqqasijiet tagħha mill-bidu nett. Diġà fl-1996, il-Qorti tal-Awdituri identifikat kontroll insuffiċjenti kif ukoll irregolaritajiet serji fil-kuntest ta’ proċedura dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ appoġġ loġistiku ( 48 ). Barra minn hekk, fl-Opinjoni Nru 1/97 ddedikata għall-PESK, il-Qorti tal-Awdituri uriet l-assenza ta’ modalitajiet ta’ parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fid-determinazzjoni tad-dispożizzjonijiet finanzjarji, ġuridiċi u operattivi dwar it-twettiq ta’ miżuri tal-PESK li għandhom impatt finanzjarju ( 49 ). Fost ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li jirriżultaw mir-Rapport speċjali Nru 13/2001 tagħha, insibu b’mod partikolari n-neċessità ta’ adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ċari dwar ir-rwol tal-Kummissjoni fl-implementazzjoni tal-PESK kif ukoll it-trasparenza tal-amministrazzjoni finanzjarja tal-azzjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK. Fir-Rapport speċjali Nru 11/2014 dwar l-istabbiliment tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ( 50 ), il-Qorti tal-Awdituri semmiet, b’mod partikolari, nuqqas ta’ integrazzjoni tar-rappreżentanti speċjali tal-Unjoni fis-SEAE ( 51 ). Fl-aħħar nett, nosserva li, fl-2012, il-Qorti tal-Awdituri adottat rapport iddedikat speċifikament għall-missjoni Eulex Kosovo ( 52 ).

48.

Għal dak li jirrigwarda r-regoli baġitarji partikolari, l-Artikolu 317 TFUE jipprevedi li l-Kummissjoni għandha timplementa l-baġit f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, skont id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti magħmula skont l-Artikolu 322 TFUE, fuq ir-responsabbiltà tagħha stess u fil-limiti tal-krediti allokati, b’kunsiderazzjoni tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba. Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi l-bażi legali tar-regolament finanzjarju, li l-għan tiegħu huwa li jiddetermina r-regoli dwar l-istabbiliment u l-implementazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Għalhekk, dan għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika wkoll għall-atti ta’ amministrazzjoni u ta’ implementazzjoni tal-baġit adottati mill-missjonijiet tal-Unjoni u li jaqgħu taħt l-azzjoni esterna tagħha.

49.

Fil-kawża inkwistjoni, peress li Elitaliana rċeviet l-ittra kontenzjuża dwar id-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni fid-29 ta’ Marzu 2012 ( 53 ), ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-fatti kien dak adottat skont l-Artikolu 279 KE (li sar l-Artikolu 322 TFUE), jiġifieri r-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002 kif emendat, b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda s-SEAE, bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1081/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010 ( 54 ). L-Artikolu 4 tar-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002, li jinkludi l-prinċipju ta’ unità u ta’ eżattezza tal-baġit, jipprevedi li d-dħul u l-infiq tal-Komunitajiet għandhom jinkludu b’mod partikolari l-ispejjeż fil-qasam tal-PESK. Għaldaqstant, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtorità baġitarja, flimkien mal-abbozz tal-baġit, dokument li jippreżenta b’mod partikolari l-ispejjeż amministrattivi u operattivi kollha marbuta mal-azzjoni esterna tal-Unjoni, inklużi l-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK u ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni ( 55 ).

50.

Barra minn hekk, ir-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002 jipprevedi li l-amministrazzjoni tal-baġit tista’ ssir jew direttament mis-servizzi tal-Kummissjoni, jew inkella billi tiġi ddelegata lil organi rregolati mid-dritt Komunitarju jew mid-dritt pubbliku nazzjonali ( 56 ). Fl-Artikolu 54 tiegħu, l-imsemmi regolament jagħti l-possibbiltà lill-Kummissjoni, meta timplementa l-baġit permezz ta’ amministrazzjoni ċentralizzata indiretta jew ta’ amministrazzjoni deċentralizzata ( 57 ), li tiddelega l-kompiti ta’ implementazzjoni tal-baġit lil persuni inkarigati mill-implementazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi skont it-Titolu V tat-Trattat UE dwar il-PESK, identifikati fl-att bażiku fis-sens tal-Artikolu 49 tal-imsemmi regolament. L-Artikolu 49 tar-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002 jelenka fost l-atti bażiċi li jaqgħu taħt il-PESK l-adozzjoni ta’ azzjonijiet konġunti fis-sens tal-Artikolu 14 TUE ( 58 ). Huwa minnu li l-Azzjoni Konġunta 2008/14 li stabbilixxiet Eulex Kosovo ġiet adottata bis-saħħa tal-Artikolu 14 TUE.

51.

Għalhekk, għal dak li jirrigwarda Eulex Kosovo, konformement mal-Artikolu 8(4) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, il-kap tal-missjoni huwa responsabbli għall-implementazzjoni tal-baġit ta’ Eulex Kosovo u, għal dan il-għan, huwa ffirma kuntratt mal-Kummissjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 16 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 dwar id-dispożizzjonijiet finanzjarji, il-kap tal-missjoni għandu jagħti rendikont sħiħ lill-Kummissjoni tal-attivitajiet imwettqa fil-kuntest tal-kuntratt tiegħu, fejn din tal-aħħar tiżgura s-superviżjoni ta’ dawn l-attivitajiet.

52.

Barra minn hekk, ninnota li, f’Ġunju 2012, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni dwar l-amministrazzjoni finanzjarja tal-missjonijiet PSDK ( 59 ). Hija talbet lill-Kunsill sabiex jagħtihom personalità ġuridika sabiex dawn il-missjonijiet ikunu responsabbli quddiem il-Kummissjoni għall-amministrazzjoni ta’ fondi li jingħatawlhom ( 60 ). Għalkemm dan huwa dokument ikklassifikat, jidher li l-emendi għall-Azzjoni Konġunta, b’mod partikolari ż-żieda tal-Artikolu 15a tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 emendata jissodisfaw din it-talba ( 61 ). Fl-aħħar nett, għandu jitqies ukoll ir-rwol tas-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Estera (IPE) tal-Kummissjoni fl-amministrazzjoni tal-baġit tal-Unjoni fil-qasam inkwistjoni ( 62 ).

3. Fuq l-istħarriġ ta’ kuntratti pubbliċi fil-kuntest tal-azzjoni esterna

53.

Kif jirriżulta mid-digriet ikkontestat, fil-kuntest tal-missjoni Eulex Kosovo, ġie ppubblikat avviż ta’ kuntratt ristrett dwar proġett li jġib l-isem “Appoġġ permezz ta’ ħelikopter għall-missjoni EULEX fil-Kosovo”, intiż sabiex jiġi konkluż kuntratt għal servizz. Kif tippreċiża l-Kummissjoni, l-att kontenzjuż jikkonsisti għalhekk fil-Komunikazzjoni bil-miktub tad-29 ta’ Marzu 2012 li permezz tagħha l-kap tal-missjoni Eulex Kosovo informa lir-rikorrenti dwar id-deċiżjoni tiegħu li joffri l-kuntratt pubbliku kkonċernat lill-kompetitur li l-offerta tiegħu ġiet ikklassifikata l-ewwel, jiġifieri l-kumpannija rregolata mid-dritt Irlandiż Starlite, u konsegwentement li jeskludi l-offerta ta’ Elitaliana, li l-offerta tagħha ġiet ikklassifikata t-tieni ( 63 ).

54.

Għaldaqstant, il-kwistjoni tirrigwarda l-għoti ta’ kuntratt għal servizzi li jagħti lok għall-ħlas ta’ somom ta’ flus mill-baġit tal-Unjoni ( 64 ).

55.

Kif tenfasizza korrettament il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kontenzjuża tikkostitwixxi att ta’ implementazzjoni tal-baġit tal-Unjoni li bl-ebda mod ma jista’ jaqa’ taħt il-klawżola ta’ esklużjoni ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, anki jekk l-imsemmija deċiżjoni tkun ġiet adottata minn korp stabbilit bis-saħħa tat-Titolu V tat-Trattat UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li l-kap tal-missjoni Eulex Kosovo aġixxa, fil-kawża inkwistjoni, fil-kuntest tal-kompetenzi finanzjarji tal-Kummissjoni, u li għalhekk l-azzjonijiet tiegħu ma jaqgħux taħt il-PESK. Dan l-approċċ huwa konformi mhux biss mad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tar-regolament finanzjarju, irrispettivament minn jekk il-kwistjoni tirrigwarda d-dispożizzjonijiet applikabbli ratione temporis jew dawk li huma fis-seħħ bħalissa, iżda wkoll mas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mit-Trattati (ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE), li jissemmew ukoll fl-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni 2010/427/UE ( 65 ).

56.

Meta tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-att kontenzjuż, id-dispożizzjonijiet rilevanti huma dawk li jirriżultaw mit-Titolu V tar-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002 dwar il-kuntratti pubbliċi. L-Artikoli 162 u 167 tal-imsemmi regolament jikkonfermaw l-applikabbiltà tar-regoli ġenerali dwar il-kuntratti pubbliċi għall-azzjonijiet esterni ffinanzjati mill-baġit ( 66 ). Minn dan jirriżulta li l-osservazzjoni tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba timplika li l-organi, li lilhom jiġu ddelegati kompiti ta’ implementazzjoni f’isem il-Kummissjoni, għandhom ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, b’mod partikolari, proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti trasparenti u kontrolli interni effikaċi ( 67 ). Barra minn hekk, ir-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002 jinsisti fuq il-fatt li l-kuntratti ffirmati ma’ persuni fiżiċi għandhom jinkludu l-prinċipji ġenerali ta’ għoti ta’ kuntratti li jinsabu fit-Titolu V tal-ewwel parti u fit-Titolu IV tat-tieni parti tal-istess regolament għal dak li jirrigwarda l-azzjonijiet esterni ( 68 ).

57.

Għal dak li jirrigwarda l-mod ta’ amministrazzjoni, jirriżulta mill-Artikolu 166(1)(b) tar-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002 li l-azzjonijiet imwettqa fil-kuntest tal-PESK jagħtu lok għal kuntratt jew għal ftehim ta’ sussidju bejn il-Kummissjoni u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi inkarigati mit-twettiq tal-azzjonijiet inkwistjoni. Ir-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002 jiddefinixxi wkoll, fl-Artikolu 167 tiegħu, il-kunċett ta’ “awtorità kontraenti” li jinkludi “korp tas-settur pubbliku nazzjonali jew internazzjonali jew persuni ġuridiċi li huma benefiċjarji ta’ għotja għall-implimentazzjoni ta’ azzjoni esterna”.

58.

Fil-kawża inkwistjoni, mill-avviż ta’ kuntratt jirriżulta li dan kien jirrigwarda servizzi ta’ trasport ta’ emerġenza permezz ta’ ħelikopter għal finijiet mediċi (“helicopter emergency medical service”) u servizzi ta’ trasport mediku bl-ajru (“air ambulance service”). Għaldaqstant, jidhirli li n-natura tas-servizzi mfittxija kienet, għall-inqas prinċipalment, ċivili. Barra minn hekk, l-avviż ta’ kuntratt kien ħatar lill-kap tal-missjoni bħala l-awtorità kontraenti (“contracting authority”), b’tali mod li jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-Artikoli 166 u 167 tar-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002 ( 69 ).

59.

F’dan ir-rigward, nosserva li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 ma jżidux, bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 3 tiegħu, elementi rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni. Fil-fatt, dan jirriżulta mid-dispożizzjonijiet kollha dwar l-implementazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, li juru li r-responsabbiltà finali taqa’ fuq il-Kummissjoni.

60.

Jekk il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ kuntratti pubbliċi mogħtija fil-kuntest tal-azzjoni esterna tal-Unjoni hija b’hekk stabbilita, jibqa’ l-fatt li l-għoti ta’ tali kuntratti jista’ madankollu jkun eskluż mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni jekk il-kuntratti jagħmlu parti minn azzjonijiet ta’ natura militari. Fil-fatt, kif intqal qabel, fid-dawl tal-Artikolu 41 TUE, l-operazzjonijiet li għandhom implikazzjonijiet militari jew fil-qasam tad-difiża għandhom jitħallsu mill-baġit tal-Istati Membri, ħlief jekk il-Kunsill jiddeċiedi mod ieħor. Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, il-kuntratti pubbliċi ta’ natura ċivili, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija inkontestabbli ( 70 ).

61.

Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi fil-finanzjament ta’ operazzjonijiet għal finijiet ċivili, biżżejjed nirreferi għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża Nexans France vs Impriża Konġunta Fusion for Energy ( 71 ), li minnha jirriżulta li l-involviment tal-baġit ta’ Stati terzi ma jipprekludix l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni u tal-eżerċizzju tal-istħarriġ mill-qrati tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002 jipprevedi l-possibbiltà li jintuża l-finanzjament mill-atturi esterni, bħall-Istati terzi, filwaqt li jibqgħu japplikaw ir-regoli ta’ implementazzjoni tal-baġit tal-Unjoni ( 72 ).

VI – Osservazzjonijiet supplimentari

62.

B’mod supplimentari, nixtieq nagħmel xi kummenti qosra dwar l-appell li wassal għal din il-kawża.

63.

Qabelxejn, għal dak li jirrigwarda l-konsegwenzi tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 emendata għall-istħarriġ tad-digriet ikkontestat, huwa minnu li l-imsemmija azzjoni tikkonferma, fl-Artikolu 15a tagħha, il-locus standi in judicio ta’ Eulex Kosovo u tistabbilixxi, fl-Artikolu 16 tagħha, ir-responsabbiltà ta’ Eulex Kosovo fir-rigward ta’ kull ilment u obbligu li jirriżulta mill-eżekuzzjoni tal-mandat tagħha b’effett mill-15 ta’ Lulju 2014 ( 73 ). Għaldaqstant, fl-istat attwali tad-dritt, ir-rimedji legali li jippermettu l-istħarriġ tal-legalità quddiem il-Qorti Ġenerali huma stabbiliti b’mod ċar bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 263 TFUE.

64.

Madankollu, din il-kawża taħt appell tibqa’ ankrata ratione temporis f’kuntest ġuridiku differenti, liema fatt iwassalni sabiex nikkonferma l-pożizzjoni tiegħi skont liema l-Qorti Ġenerali kellha raġun li ma tirrikonoxxix lil Eulex Kosovo l-istatus ta’ konvenuta, b’tali mod li r-rikors ta’ Elitaliana kellu jitqies inammissibbli u li għalhekk l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

65.

Fil-fatt, l-Azzjoni Konġunta 2008/124 emendata bl-ebda mod ma tista’ taffettwa l-legalità tad-digriet ikkontestat. Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda d-dibattitu miftuħ waqt is-seduta dwar l-ordni ta’ eżami tal-kawżi ta’ inammissibbiltà kemm mill-Qorti Ġenerali kif ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiena tal-opinjoni li ma teżisti l-ebda raġuni fid-dritt tal-Unjoni li tippermetti li jitqies li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali kien ivvizzjat bi żball ta’ liġi peress li hija bdiet l-analiżi tagħha bl-eżami ta’ motiv ta’ inammissibbiltà ratione personae. Għall-kuntrarju, inqis li l-ordni ta’ eżami magħżula mill-Qorti Ġenerali hija ġġustifikata kompletament fid-dawl tal-prinċipju ta’ ekonomija tal-proċedura ( 74 ).

66.

Fi kwalunkwe każ, fil-futur il-qrati tal-Unjoni ma humiex ser ikunu jistgħu jevitaw li jiffaċċjaw l-insuffiċjenza tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ individwi fil-kuntest tal-azzjoni esterna. Għalhekk, id-dibattitu dwar l-istatus tal-missjonijiet u tal-persunal tagħhom, billi jingħataw privileġġi u immunitajiet, għandha tmur id f’id mal-istabbiliment ta’ rimedji legali aċċessibbli għall-individwi kontra l-atti adottati mill-missjonijiet li jkollhom effett fuq id-drittijiet u l-obbligi ta’ dawn tal-aħħar.

VII – Konklużjoni

67.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li:

Fid-dawl tal-Artikolu 41(1) u (2) TUE, il-qrati tal-Unjoni Ewropea għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar il-legalità ta’ att li jaqa’ taħt l-implementazzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea adottat minn entità stabbilita bis-saħħa ta’ att li jaqa’ taħt it-Titolu V tat-Trattat UE li jirregola l-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea u l-politika esterna u ta’ sigurtà komuni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Fil-kuntest tal-għoti tal-kuntratt pubbliku li jġib l-isem “EuropeAide/131516/D/SER/XK – Appoġġ permezz ta’ ħelikopter għall-missjoni EULEX fil-Kosovo (PROC/272/11)”.

( 3 ) ĠU L 42, p. 92.

( 4 ) Fil-kuntest tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, Eulex Kosovo qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, li kienet ibbażata, minn naħa, fuq il-fatt li fil-kawża inkwistjoni Eulex Kosovo ma kellhiex il-kwalità ta’ konvenuta u, min-naħa l-oħra, fuq l-assenza tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali minħabba l-fatt li l-atti kkontestati kienu ġew adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK).

( 5 ) T‑213/12, EU:T:2013:292, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”.

( 6 ) Għad-dettalji tal-kawża, ara d-digriet ikkontestat kif ukoll l-ewwel konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (C‑439/13 P, EU:C:2014:2416).

( 7 ) Ninnota li filwaqt li tiffoka fuq l-applikazzjoni ratione temporis tar-regoli inkwistjoni, Eulex Kosovo biss issostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni unikament sabiex tieħu konjizzjoni tal-atti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, bl-esklużjoni tal-atti adottati minn Eulex Kosovo. Minn dan nikkonkludi li hija tikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti.

( 8 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002”.

( 9 ) Dwar id-dibattitu bejn l-interpretazzjoni unitarja u separatista tal-PESK, ara, Everling, “Reflections on the structure of the European Union”, 29 CMLR, 1992, p. 1053 sa 1077. Dwar l-interpretazzjoni olistika tad-dispożizzjonijiet “mhux Komunitarji” qabel Lisbona mill-Qorti tal-Ġustizzja, ara s-sentenza Segi et vs Il‑Kunsill (C‑355/04 P, EU:C:2007:116).

( 10 ) Ara l-Artikolu C(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tat-Trattat ta’ Maastricht (ĠU 1992, C 191, p. 1).

( 11 ) Dwar il-kompetenza tal-Unjoni u tal-Istati Membri ta’ kapaċità unika, ara l-punt 1 tal-“Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-approċċ globali tal-UE”, tat-12 ta’ Mejju 2014, li huma disponibbli fl-indirizz internet http://www.google.lu/url?sa=t&rct=j&q=&esrc=s&source=web&cd=2&ved=0CCkQFjAB&url=http%3A%2F%2Fwww.consilium.europa.eu%2Ffr%2Fworkarea%2Fdownloadasset.aspx%3Fid%3D15788&ei=8TH0VKrAHcTVPLmygcAE&usg=AFQjCNGNI3D0A7gd1TpvI9RCQ_jx11LqUw&bvm=bv.87269000,d.ZWU.

( 12 ) Ara l-indirizz internet http://www.europarl.europa.eu/RegData/bibliotheque/briefing/2014/130712/LDM_BRI(2014)130712_REV2_EN.pdf.

( 13 ) Dokument tal-Kunsill 16927/09, bit-titolu “2009 Annual Report on the identification and implementation of lessons and best practices in civilian ESDP missions”, disponibbli fl-indirizz internet http://register.consilium.europa.eu/doc/srv?l=EN&f=ST%2016927%202009%20EXT%201.

( 14 ) Konformement mar-regoli tal-votazzjoni fis-sens tal-Artikolu 31 TUE.

( 15 ) Ara, Naert, F., “The Application of Human Rights and International Humanitarian Law” fi Drafting EU Missions’ Mandated u Rules of Engagement, Istitut tad-dritt internazzjonali tal-KU Leuven, Dokument tax-xogħol Nru 151, Ottubru 2011.

( 16 ) Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/304/PESK, tal-10 ta’ April 2006, dwar it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Ppjanar tal-UE (EUPT Kosovo) fir-rigward ta’ operazzjoni, eventwalment possibbli, tal-UE tal-immaniġġar ta’ kriżi fil-qasam tal-istat ta’ dritt u possibbilment f’oqsma oħra fil-Kosovo (ĠU L 270M , 29.9.2006, p. 415).

( 17 ) Fil-fatt, il-kap tal-Missjoni Temporanja ta’ Amministrazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (MINUK) estenda l-applikazzjoni tar-Regolament MINUK 2000/47 (UNMIK/Reg/2000/47, aċċessibbli fl-indirizz internet www.unmikonline.org) li jiddefinixxi l-istatus, il-privileġġi, u l-immunitajiet tal-Forza tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana għall-Kosovo (KFOR) u MINUK fit-territorju tal-Kosovo, lil EUPT Kosovo, permezz ta’ deċiżjoni ta’ implementazzjoni adottata wara t-talba tar-Rappreżentant Għoli għall-PESK. Deċiżjoni ta’ implementazzjoni 2006/18, skont il-sorsi ċċitati minn Sari, A., “Status of Forces and Status of Mission Agreements under the ESDP”, EJIL 2008, Vol. 19, Nru 1, p. 74. Ara wkoll l-Artikoli 4 u 5 tal-Azzjoni Konġunta 2006/304.

( 18 ) Ftehimiet bl-isem SOFA (“Status of Forces Agreement”, status tal-forzi barra mill-pajjiż) għall-operazzjonijiet militari u SOMA (“Status of Mission Agreements”, status tal-ftehim dwar il-missjoni) għall-operazzjonijiet ċivili, ara, Sari, A., op. cit.

( 19 ) Ara l-mudell ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat ospitanti dwar l-istatus tal-forzi taħt id-direzzjoni tal-Unjoni Ewropea, Dokument tal-Kunsill 8720/05, disponibbli fl-indirizz internet http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST‑8720‑2005‑INIT/fr/pdf.

( 20 ) Ftehim bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea dwar l-istatus tal-persunal militari u ċivili kkollokati lejn istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, tal-kwartieri ġenerali u tal-forzi li jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-preparazzjoni u tal-eżekuzzjoni ta’ missjonijiet imsemmija fl-Artikolu 17(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, inkluż matul eżerċizzji, u tal-persunal militari u ċivili tal-Istati Membri mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea sabiex tieħu azzjoni f’dan il-kuntest (EU SOFA) (ĠU 2003, C 321, p. 6).

( 21 ) F’dan ir-rigward, Eulex Kosovo tirreferi għal-liġi tar-Repubblika tal-Kosovo Nru 03/L‑033, tal-20 ta’ Frar 2008, dwar l-immunitajiet u l-privileġġi, disponibbli fl-indirizz internet http//www.mfa‑ks.net/repository.docs/2008_03‑L033_en1.pdf, kif ukoll għall-Konvenzjonijiet ta’ Vjenna dwar ir-relazzjonijiet diplomatiċi tat-18 ta’ April 1961, dwar ir-relazzjonijiet konsulari tal-24 ta’ April 1963, dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti tat-13 ta’ Frar 1946 u dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-istituzzjonijiet speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Uniti tal-21 ta’ Novembru 1947.

( 22 ) Dokument tal-Kunsill 15711/02, bit-titolu “Generic Status of Force Agreement for Police Mission – Imunities and privileges for EU Mission personnel”, disponibbli fl-indirizz internet http://register.consilium.europa.eu/doc/srv?l=EN&f=ST%2015711%202002%20INIT.

( 23 ) Madankollu għandu jiġi osservat li l-immunità ġurisdizzjonali mogħtija lill-missjonijiet PESK u lill-persunal tagħhom jista’ jkollha konsegwenzi fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Istat ospitanti fid-dawl tal-Artikolu 6 TUE. Fil-kuntest tad-drittijiet tal-bniedem, rigward in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex tiddeċiedi fuq ksur tal-Artikoli 2 u 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, attribwibbli lin-Nazzjonijiet Uniti fit-territorju tal-Kosovo, ara s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Behrami u Behrami vs Franza, Nru 71412/01, kif ukoll Saramati vs Franza, Il-Ġermanja u In-Norveġja, Nru 78166/01. Dan is-suġġett jippreżenta rabta mad-dibattitu attwali dwar l-effetti extraterritorjali tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ara, Moreno‑Lax, V., “The Extraterritorial Application of The EU Charter of Fundamental Rights”, fi The EU Charter of Fundamental Rights: a commentary, Hart 2014, p. 1657 sa 1683. Rigward ir-responsabbiltà ta’ Stat meta jeżerċita “l-kontroll effettiv” f’territorju li ma huwiex it-territorju nazzjonali tiegħu, ara s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Loizidou vs It-Turkija, Nru 15318/89, u l-interpretazzjoni stretta tagħha li tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Bankovic vs Il-Belġju, Nru 52207/99. Madankollu, il-kwistjoni tal-protezzjoni ġurisdizzjonali ma għandhiex effett dirett fuq il-kwistjoni mqajma mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża inkwistjoni.

( 24 ) Opinjoni 2/13, EU:C:2014:2454, punti 252253.

( 25 ) Ara, Hillion, C., “A Powerless Court? The European Court of Justice and the Common Foreign and Security Policy”, fi The European Court of Justice and External Relations Law, Oxford, 2014, p. 47 sa 73.

( 26 ) Dan wassal, minn naħa, għal ġurisprudenza partikolarment rikka tal-qrati tal-Unjoni (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518; Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776; Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑35/10 u T‑7/11, EU:T:2013:397kif ukoll Hassan vs Il‑Kunsill, T‑572/11, EU:T:2014:682) u, min-naħa oħra, għal emendi għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (ara l-abbozz tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, aċċessibbli fl-indirizz internet http://curia.europa.eu/jcms/upload/docs/application/pdf/2014‑06/doc‑fr‑0000.pdf).

( 27 ) Ara, Griller, S., “The Court of Justice and the Common Foreign and Security Policy”, fi The Court of Justice and the construction of Europe (Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-kostruzzjoni tal-Ewropa), 2013, p. 675 sa 692.

( 28 ) F’dan is-sens, ara s-sentenzi Il‑Kunsill vs Hautala (C‑353/99 P, EU:C:2001:661, punti 2829), kif ukoll Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 79).

( 29 ) Dawn huma prodotti li jistgħu jaqdu kemm skopijiet militari kif ukoll skopijiet ċivili.

( 30 ) Sentenza Werner (C‑70/94, EU:C:1995:328, punt 10). Din l-interpretazzjoni wasslet lil-leġiżlatur sabiex jissostitwixxi l-qafas ġuridiku li inizjalment kien ibbażat fuq azzjoni komuni tal-PESK kif ukoll regolament adottat skont il-politika kummerċjali komuni b’regolament esklużivament ibbażat fuq il-politika kummerċjali: ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1334/2000, tat-22 ta’ Ġunju 2000, li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ oġġetti u teknoloġiji b’użu doppju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 10, p. 3).

( 31 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑91/05, EU:C:2008:288, punt 77). B’mod komplementari, għal analiżi favur judicial restraint fil-kuntest tal-PESK, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑120/94, EU:C:1995:109, punt 54).

( 32 ) Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-approċċ globali tal-UE, tat-12 ta’ Mejju 2014, punt 11.

( 33 ) Fl-10 ta’ Ġunju 1999, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni Nru 1244, li fil-kuntest tagħha l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti: “[j]iddeċiedi li l-preżenza internazzjonali ċivili u l-preżenza internazzjonali tas-sigurtà huma stabbiliti għal perjodu inizjali ta’ 12-il xahar, u ser jkomplu wara sakemm il-Kunsill ma jiddeċidiex mod ieħor” (paragrafu 19), “[j]Jawtorizza lis-Segretarju Ġenerali, li jaġixxi bl-appoġġ tal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, sabiex jistabbilixxi preżenza internazzjonali ċivili fil-Kosovo” (paragrafu 10).

( 34 ) Għal iktar dettalji ara http://eeas.europa.eu/csdp/missions‑and‑operations/eulex‑kosovo/pdf/factsheet_eulex_kosovo_en.pdf.

( 35 ) Għalhekk, Eulex Kosovo ma hijiex missjoni stabbilita fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti, għall-kuntrarju ta’ dak li qed isostni r-rappreżentant ta’ Eulex Kosovo.

( 36 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 10(2) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124. Barra minn hekk, il-kap tal-missjoni ta’ Eulex Kosovo kkonkluda kuntratt mal-Kummissjoni u għaldaqstant ma ġiex irreklutat abbażi ta’ kompetizzjoni skont il-proċedura tal-korpi tal-istituzzjonijiet Ewropej, iżda bħala konsulent indipendenti għal perijodu ta’ żmien determinat.

( 37 ) Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/445/PESK, tad-9 ta’ Ġunju 2009 (ĠU L 148, p. 33); Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/322/PESK, tat-8 ta’ Ġunju 2010 (ĠU L 145, p. 13); Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/619/PESK, tal-15 ta’ Ottubru 2010 (ĠU L 272, p. 19); Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/687/PESK, tal-14 ta’ Ottubru 2011 (ĠU L 270, p 31); Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/752/PESK, tal-24 ta’ Novembru 2011 (ĠU L 310, p 10); Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/291/PESK, tal-5 ta’ Ġunju 2012 (ĠU L 146, p. 46); Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/241/PESK, tas-27 ta’ Mejju 2013 (ĠU L 141, p 47); Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/349/PESK, tat-12 ta’ Ġunju 2014 (ĠU L 174, p 42) u Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/685/PESK, tad-29 ta’ Settembru 2014 (ĠU L 284, p 51).

( 38 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/482/PESK, tat-22 ta’ Lulju 2014, li temenda d-Deċiżjoni 2012/392/PESK dwar il-missjoni ta’ PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) (ĠU L 217, p. 31). Il-kwistjoni tal-impatti tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 emendata ser tiġi trattata fil-parti finali ta’ dawn il-konklużjonijiet, ara l-punti 63 u 64.

( 39 ) It-trattat ta’ Lisbona introduċa wkoll żewġ strumenti oħra ta’ finanzjament ta’ operazzjonijiet militari, minn naħa, għal dak li jirrigwarda miżuri urġenti u, min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda fondi inizjali għall-finanzjament tal-attivitajiet preparatorji (ara l-Artikolu 41(3) TUE).

( 40 ) Carpentier, M., “La coordination des dépenses étatiques par la Commission. L’exemple de la PESC”, Revue française de finances publiques, Nru 125, Frar 2014.

( 41 ) Ftehim interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, p. 1).

( 42 ) Ninnota inċidentalment li peress li l-ispejjeż relatati mal-operazzjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari ma jiġux inklużi fil-baġit tal-Unjoni, din il-prattika hija nieqsa mit-trasparenza, b’mod partikolari fir-rigward tal-klawżola ta’ solidarjetà fil-qasam tad-difiża komuni li tinsab fl-Artikolu 222 TFUE u fl-Artikolu 42(7) TUE. Fil-fatt, skont l-imsemmija artikoli, l-Unjoni tista’ tuża l-mezzi militari tagħha sabiex tagħti għajnuna u assistenza lin-Nazzjonijiet Uniti (NU) u lill-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO), mingħajr ma huwa ċar jekk l-Unjoni jkollhiex tħallas l-ispejjeż militari li jirriżultaw minnhom.

( 43 ) L-Artikolu 16 tal-Azzjoni Konġunta jgħid hekk:

“1.   L-ammont finanzjarju ta’ referenza maħsub sabiex ikopri l-infiq relatat ma’ perijodu ta’ sittax-il xahar li jibda mid-data ta’ l-approvazzjoni ta’ l-OPLAN għandu jkun ta’ EUR 205000000.

2.   L-infiq kollu għandu jkun amministrat skond ir-regoli u l-proċeduri Komunitarji applikabbli għall-baġit ġenerali ta’ l-UE, bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m’għandux jibqa’ l-proprjetà tal-Komunità.

3.   Suġġett għall-approvazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, il-Kap tal-Missjoni jista’ jidħol f’arranġamenti tekniċi ma’ Stati Membri ta’ l-UE, ma’ Stati terzi parteċipanti u ma’ atturi internazzjonali oħrajn fir-rigward tal-provvista ta’ tagħmir, servizzi u postijiet lil EULEX KOSOVO. […].

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta b’mod sħiħ lill-Kummissjoni u jiġi sorveljat minnha dwar l-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

5.   L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti operattivi ta’ EULEX KOSOVO, inkluża l-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tal-gruppi tagħha, u għandhom jieħdu kont ta’ l-iskjerament tal-persunal fl-uffiċċji reġjonali. [...]”

( 44 ) Għandu jiġi nnotat li l-Azzjoni Konġunta 2008/124 ġiet emendata diversi drabi bl-għan li jiġi aġġornat u li jiżdied l-ammont finanzjarju ta’ referenza għall-missjoni ta’ Eulex Kosovo. Ara f’dan ir-rigward, l-emendi introdotti mill-Azzjoni Konġunta 2009/445 kif ukoll id-Deċiżjoni 2010/322.

( 45 ) Għal dak li jirrigwarda l-kontenzjuż klassiku dwar l-għażla tal-bażi legali ara s-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025).

( 46 ) Sentenza Les Verts vs Il‑Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punt 23).

( 47 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Gestoras Pro Amnistía et vs Il‑Kunsill (C‑354/04 P, EU:C:2006:667).

( 48 ) Rapport speċjali Nru 4/96 dwar il-kontijiet tal-unità elettorali Ewropea stabbilita permezz tal-azzjoni konġunta tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni li tikkonċerna l-osservazzjoni tal-elezzjonijiet Palestinjani, flimkien mat-tweġibiet tal-Kummissjoni (ĠU 1997, C 57, p. 1, punt 32).

( 49 ) L-Opinjoni Nru 1/97 ma ġietx ippubblikata u tinsab fl-Anness 5b tar-Rapport speċjali Nru 13/2001 tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), flimkien mat-tweġibiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ara l-punt 10, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 tal-imsemmi rapport) (ĠU 2001, C 338, p. 1).

( 50 ) Rapport speċjali Nru 11/2014 disponibbli fl-indirizz internet http://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR14_11/SR14_11_FR.pdf.

( 51 ) Punti 35 et seq tar-Rapport speċjali Nru 11/2014 tal-Qorti tal-Awdituri.

( 52 ) Rapport speċjali Nru 18/2012 dwar l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo fil-qasam tal-istat tad-dritt, disponibbli fl-indirizz internet http://www.europarl.europa.eu/meetdocs/2009_2014/documents/cont/dv/eca_sr182012_/eca_sr182012_fr.pdf.

( 53 ) Jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Finanzjarju (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, p. 1), fis-26 ta’ Ottubru 2012, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2013.

( 54 ) ĠU L 311, p. 9.

( 55 ) Artikolu 33 tar-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002.

( 56 ) Ara l-premessa 16 tar-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002.

( 57 ) Konformement mal-Artikoli 53a tar-Regolament Finanzjarju tal-2002.

( 58 ) Fil-verżjoni tiegħu tat-Trattat ta’ Nice.

( 59 ) C(2012) 4052/F1 Communication from the Commission Rules for the Financial management of the CFSP Missions.

( 60 ) Ara l-Komunikazzjoni C(2012) 4052/F1, iċċitata iktar ’il fuq. L-imsemmija komunikazzjoni, li ma hijiex aċċessibbli għall-pubbliku, hija msemmija fir-Rapport speċjali Nru 18/2012 tal-Qorti tal-Awdituri, iċċitat iktar ’il fuq.

( 61 ) B’mod supplimentari, ninnota li r-Regolament Nru 966/2012 jieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-ispeċifiċitajiet tal-PESK.

( 62 ) Ara r-rapport tas-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Estera, disponibbli fil-verżjoni Ingliża fl-indirizz internet http://ec.europa.eu/dgs/fpi/documents/fpi_activity_report_2012_en.pdf.

( 63 ) Waqt is-seduta, ir-rappreżentant ta’ Eulex Kosovo sostna madankollu li l-għażla bejn Starlite u Elitaliana tirrappreżenta għażla politika, li jikkontradixxi s-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu.

( 64 ) Ninnota li l-kwistjoni tal-istħarriġ tal-legalità tal-kuntratti pubbliċi fil-kuntest ta’ missjonijiet diġà tqajmet quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑511/08, dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL Afganistan), stabbilita bis-saħħa tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/369/PESK, tat-30 ta’ Mejju 2007 (ĠU L 139, p. 33). Madankollu, il-kawża tħassret wara rinunzja għall-atti (ara d-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali Unity OSG FZE vs Il‑Kunsill u EUPOL Afganistan, T‑511/08, ECLI:EU:T:2010:138).

( 65 ) Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-26 ta’ Lulju 2010, li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, p. 30).

( 66 ) Barra minn hekk, ninnota li l-Gwida prattika tal-proċeduri kuntrattwali fil-kuntest tal-azzjonijiet esterni tal-Unjoni (PRAG 2014) tirrigwarda l-proċeduri kuntrattwali li japplikaw għall-kuntratti kollha ta’ għajnuna esterna tal-Unjoni ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Baġit) u mill-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), http://ec.europa.eu/europeaid/prag/document.do?chapterId=1.&id=241. L-avviż ta’ kuntratt kontenzjuż ippubblikat minn Eulex Kosovo tagħmel riferiment għall-verżjoni fis-seħħ dak iż-żmien tal-imsemmija gwida: ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 tal-avviż ta’ kuntratt (Service Contract Notice, Helicopter support to EULEX Mission in Kosovo no 2, Pristina Kosovo), OJ/S S200 18/10/2011 no 324817‑2011‑EN (meħud mill-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-kawża li tat lok għad-digriet ikkontestat).

( 67 ) Premessa 18 tar-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002.

( 68 ) Premessa 45 tar-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002.

( 69 ) Fi kwalunkwe każ, kieku dan ma kienx il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-interpretazzjoni funzjonali għandha tittieħed inkunsiderazzjoni meta l-kwistjoni tkun tirrigwarda organu li, filwaqt li jkun ġie stabbilit sabiex jimplementa l-kompiti mogħtija lilu mil-liġi, ma jkunx integrat formalment fl-amministrazzjoni tal-Istat, ara s-sentenza Beentjes (31/87, EU:C:1988:422, punt 11).

( 70 ) Ara wkoll, għal dak li jirrigwarda l-kuntratti pubbliċi nazzjonali fil-qasam tad-difiża u, b’mod partikolari, il-prodotti akkwistati minn awtorità kontraenti għal finijiet speċifikament militari, iżda li jista’ jkollhom applikazzjoni ċivili simili ħafna, is-sentenza InsTiimi (C‑615/10, EU:C:2012:324).

( 71 ) T‑415/10, EU:T:2013:141.

( 72 ) Ara l-Artikoli 162 sa 165 tar-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002.

( 73 ) F’dan ir-rigward, Eulex Kosovo staqsiet, fl-osservazzjonijiet tagħha, dwar l-applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 15a tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 emendata. Fid-dawl tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2014/349/PESK, nikkunsidra li l-Artikolu 15a huwa applikabbli mid-dħul fis-seħħ tiegħu, jiġifieri t-12 ta’ Ġunju 2014.

( 74 ) F’dan ir-rigward, nosserva li, għall-kuntrarju tar-rakkomandazzjonijiet fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża L‑Isvizzera vs Il‑Kummissjoni (C‑547/10 P, EU:C:2012:565) kif ukoll tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer fil-kawża Il‑Kunsill vs Boehringer (C‑23/00 P, EU:C:2001:511), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-prattika tal-Qorti Ġenerali li permezz tagħha din tal-aħħar astjeniet ruħha milli teżamina l-ammissibbiltà ta’ rikors li kellha l-intenzjoni li tiċħad fuq il-mertu. A maiori ad minus, għal dak li jirrigwarda l-ordni ta’ eżami tal-kawżi ta’ inammissibbiltà, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissanzjona l-għażla tal-Qorti Ġenerali.

Fuq