Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CC0047

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Cruz Villalón, ippreżentati fis-7 ta’ Mejju 2015.
    Holterman Ferho Exploitatie BV et vs F.L.F. Spies von Büllesheim.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 5(1) – Ġurisdizzjoni fil-qasam kuntrattwali – Artikolu 5(3) – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt – Artikoli 18 sa 21 – Kuntratti individwali ta’ impjieg – Kuntratt ta’ direttur ta’ kumpannija – Tmiem tal-kuntratt – Motivi – Eżekuzzjoni ħażina tal-mandat u aġir illegali – Azzjoni dikjaratorja u azzjoni għad-danni – Kunċett ta’ ‘kuntratt individwali ta’ impjieg’.
    Kawża C-47/14.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:309

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    PEDRO CRUZ VILLALÓN

    ippreżentati fis-7 ta’ Mejju 2015 ( 1 )

    Kawża C‑47/14

    Holterman Ferho Exploitatie BV

    Ferho Bewehrungsstahl GmbH

    Ferho Vechta GmbH

    Ferho Frankfurt GmbH

    vs

    Friedrich Leopold Freiherr Spies von Büllesheim

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

    “Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 5(1)(a) u (b) u (3) — Ġurisdizzjoni f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt — Ġurisdizzjoni f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt — Artikoli 18 sa 21 — Kuntratt individwali ta’ impjieg — Kwalità doppja ta’ direttur u ta’ amministratur ta’ kumpannija — Responsabbiltà għal twettiq ħażin tal-funzjonijiet ta’ direzzjoni u ta’ amministrazzjoni”

    1. 

    Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċiedi dwar l-applikabbiltà tar-regoli speċjali ta’ attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni tal-Artikoli 18 et seq (“kuntratti individwali ta’ impjieg”) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”) fil-każ li persuna titressaq kawża kontriha minn kumpannija minħabba t-twettiq ħażin tal-funzjonijiet tagħha mhux biss fil-kwalità tagħha ta’ direttur ta’ din il-kumpannija, impjegata minnha permezz ta’ kuntratt ta’ impjieg, iżda fil-kwalità tagħha ta’ amministratur tal-istess kumpannija taħt id-dritt tal-kumpanniji.

    2. 

    Iżjed konkretament, għandu jiġi ddeterminat jekk il-possibbli rabta li tgħaqqad lid-direttur tal-kumpannija ma’ din tinbidilx fil-portata tagħha konsegwenza tal-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali fil-kuntest tal-imsemmi regolament minħabba l-eżistenza, barra minn hekk, ta’ rabta kummerċjali li tgħaqqdu mal-imsemmija kumpannija bħala amministratur tal-istess meta jinżamm responsabbli kemm fil-kwalità tiegħu ta’ direttur kif ukoll fil-kwalità tiegħu ta’ amministratur.

    I – Il-kuntest leġiżlattiv

    A – Id-dritt tal-Unjoni

    3.

    Fil-premessa 11 tar-Regolament huwa indikat li “r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti [...]”, li ma’ dan, il-premessa 12 żżid li “b’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja”.

    4.

    Il-premessa 13 tal-imsemmi regolament tindika li “b’relazzjoni ma’ [...] kuntratti tal-[...] impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni l-aktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm provduti fir-regoli ġenerali”.

    5.

    Taħt is-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu II (“Ġurisdizzjoni”) tal-imsemmi regolament, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, l-Artikolu 2(1) jistabbilixxi:

    “Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

    6.

    L-Artikolu 5 tar-Regolament, li jinsab taħt is-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II, intitolat “Ġurisdizzjoni speċjali”, huwa fformulat kif ġej:

    “Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

    1)

    a) f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

    b)

    għall-iskopijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

    fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

    fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi;

    ċ)

    jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a);

    […]

    3)

    f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

    […]”

    7.

    Is-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament għandha bħala titolu “Ġurisdizzjoni dwar kuntratti individwali ta’ impjieg”. Fiha jinsabu kemm l-Artikolu 18 kif ukoll l-Artikolu 20. L-Artikolu 18(1) jistabbilixxi li “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti individwali ta’ impjieg, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni bla ħsara għall-Artikolu 4 u punt 5 tal-Artikolu 5”, filwaqt li l-Artikolu 20(1) jipprovdi li “wieħed li jimpjega jista’ jressaq proċedimenti biss fil-qrati ta’ l-Istat Membru fejn ikun domiċiljat l-impjegat”.

    B – Id-dritt nazzjonali

    8.

    L-Artikolu 2:9 tal-Kodiċi Ċivili Olandiż (Burgerlijk Wetboek) jistabbilixxi l-obbligu li għandu l-amministratur ta’ kumpannija li jwettaq korrettament il-funzjonijiet tiegħu bħala tali.

    9.

    Meta din il-persuna tkun barra minn hekk marbuta mal-imsemmija kumpannija permezz ta’ kuntratt ta’ impjieg bħala direttur tagħha — li huwa possibbli fid-dritt Olandiż ( 3 ) — ir-responsabbiltà tiegħu bħala ħaddiem, għal intenzjoni qarrieqa jew imprudenza intenzjonali fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg, hija rregolata fl-Artikolu 7:661(1) tal-Kodiċi Ċivili Olandiż (f’relazzjoni mal-Artikolu 6:74) tiegħu fit-termini li ġejjin: “L-impjegat li, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt tiegħu jikkawża dannu lill-persuna li timpjega jew lil terza persuna li l-persuna li timpjega hija obbligata tikkumpensa għad-dannu, ma jkunx responsabbli f’dan ir-rigward fil-konfront tal-persuna li timpjega, ħlief jekk id-dannu jkun ir-riżultat tal-intenzjoni qarrieqa tiegħu jew tal-imprudenza intenzjonali tiegħu […]”.

    10.

    Barra minn hekk, l-amministratur/direttur jista’ jkun responsabbli għal att illegali, taħt l-Artikolu 6:162 tal-Kodiċi Ċivili Olandiż.

    II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    11.

    Il-kumpannija Holterman Ferho Exploitatie BV (iktar ’il quddiem, “Holterman Ferho”) hija kumpannija holding pura rreġistrata fil-Pajjiżi l-Baxxi. Għandha tliet sussidjarji Ġermaniżi, Ferho Bewehrungsstahl GmbH, Ferho Vechta GmbH u Ferho Frankfurt GmbH, kollha stabbiliti fil-Ġermanja.

    12.

    F’April 2001, il-konvenut fil-kawża prinċipali, F. L. Freiherr Spies von Büllesheim (iktar ’il quddiem, “F. L. Spies”), ċittadin Ġermaniż, residenti fil-Ġermanja, beda jaħdem għal Holterman Ferho bħala direttur, abbażi ta’ kuntratt li l-qorti tar-rinviju kkwalifikat bħala “kuntratt ta’ impjieg”, redatt bil-Ġermaniż. Barra minn hekk, kien iwettaq ukoll funzjonijiet ta’ amministratur (fis-sens tad-dritt tal-kumpanniji) tal-imsemmija kumpannija, li, skont ma spjega F. L. Spies fis-seduta, kienu limitati għall-ġestjoni tas-sussidjarji Ġermaniżi ta’ Holterman Ferho, li tagħhom huwa kien amministratur u rappreżentant. Skont ma jindika F. L. Spies fil-punt 8 tal-osservazzjonijiet tiegħu u kif ikkonferma fis-seduta, huwa kien l-uniku impjegat tal-kumpannija Holterman Ferho u x-xogħol tiegħu kien jitwettaq fi kwalunkwe każ esklużivament fil-Ġermanja, li l-kumpannija Holterman Ferho ma tikkontestax fl-osservazzjonijiet tagħha. Min-naħa l-oħra, skont ma ammetta F. L. Spies fis-seduta b’risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra amministratur u direttur tal-kumpannija Holterman Ferho, huwa kien ukoll imsieħeb tagħha ( 4 ).

    13.

    Fil-31 ta’ Diċembru 2005, intemmet ir-relazzjoni li kienet torbot lil F. L. Spies ma’ Ferho Frankfurt GmbH u, fil-31 ta’ Diċembru 2006, intemmet dik li kienet torbtu mat-tliet kumpanniji l-oħra. L-erba’ kumpanniji ppreżentaw azzjoni dikjaratorja u azzjoni għad-danni kontra F. L. Spies quddiem ir-Rechtbank Almelo (il-Pajjiżi l-Baxxi). Prinċipalment, huma invokaw il-fatt li F. L. Spies kien wettaq b’mod ħażin il-funzjonijiet tiegħu ta’ amministratur, li kien irendih responsabbli fil-konfront tagħhom kollha abbażi tal-Artikolu 2.9 tal-Kodiċi Ċivili Olandiż. Barra minn hekk, l-erba’ kumpanniji allegaw li, indipendentement mill-kwalità tiegħu ta’ amministratur, F. L. Spies aġixxa b’intenzjoni qarrieqa jew imprudenza intenzjonali fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg li kien jorbtu ma’ Holterman Ferho, li kien irendih responsabbli skont it-termini tal-Artikolu 7:661 tal-Kodiċi Ċivili Olandiż. Sussidjarjament, Holterman Ferho u t-tliet sussidjarji tagħha allegaw li l-irregolaritajiet gravi li wettaq F. L. Spies fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu kienu jikkostitwixxu fi kwalunkwe każ att illegali skont l-Artikolu 6:162 tal-Kodiċi Ċivili Olandiż.

    14.

    Il-qorti tal-ewwel istanza ddikjarat in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha sabiex tiddeċiedi l-kawża, kif kien allega F. L. Spies. Il-Gerechtshof te Arnhem, fuq appell, ikkonfermat is-sentenza tar-Rechtbank Almelo. Il-Gerechtshof għamlet distinzjoni bejn:

    1)

    L-allegazzjonijiet magħmula minn Holterman Ferho ta’ nuqqas ta’ twettiq min-naħa ta’ F. L. Spies tal-obbligi li jirriżultaw mill-funzjoni tiegħu ta’ direttur u amministratur tal-imsemmija kumpannija. Fir-rigward tagħhom, il-Gerechtshof ikkunsidrat li:

    peress li ż-żewġ partijiet huma marbutin permezz ta’ kuntratt li kkwalifikat bħala “kuntratt ta’ impjieg”, kienu japplikaw ir-regoli speċjali ta’ ġurisdizzjoni fl-Artikoli 18 et seq tar-Regolament fir-rigward tal-allegazzjonijiet ibbażati fuq l-eżekuzzjoni ħażina tal-kuntratt ta’ impjieg kif ukoll, fir-rigward tal-allegazzjonijiet fil-qasam ta’ tort, delitt jew kważi-delitt, peress li dawn huma strettament marbutin mal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament, huma l-qrati Ġermaniżi tal-Istat Membru fejn dan il-ħaddiem kien domiċiljat li kellhom ġurisdizzjoni;

    fir-rigward tal-allegazzjonijiet ibbażati b’mod ġenerali fuq it-twettiq ħażin min-naħa ta’ F. L. Spies tal-funzjonijiet tiegħu bħala amministratur, li skont il-Gerechtshof ma huma bbażati fuq l-ebda kuntratt, kienet tapplika r-regola ġenerali tal-Artikolu 2 tar-Regolament, li jattribwixxi l-ġurisdizzjoni wkoll lill-qrati Ġermaniżi.

    2)

    L-allegazzjonijiet ifformulati mit-tliet sussidjarji Ġermaniżi kontra F. L. Spies f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt u materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt. Skont il-Gerechtshof, b’relazzjoni ma’ dawn l-allegazzjonijiet, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tal-Artikolu 5(1) u (3) tar-Regolament fl-ebda każ ma jattribwixxu ġurisdizzjoni lill-qrati Olandiżi.

    15.

    Is-sentenza tal-Gerechtshof ġiet appellata quddiem il-qorti tal-kassazzjoni mill-erba’ kumpanniji quddiem il-qorti tar-rinviju unikament fir-rigward tal-allegazzjonijiet magħmula minn Holterman Ferho kontra F. L. Spies.

    16.

    Il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Id-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II (Artikoli 18 sa 21) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-qorti tapplika l-Artikolu 5(1)(a) jew l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament f’każ bħal dak preżenti fejn il-konvenut ikun imfittex fil-qorti mill-kumpannija li tagħha huwa l-amministratur mhux biss fil-kapacità tiegħu bħala amministratur, minħabba li eżerċita irregolarment il-funzjonijiet tiegħu jew minħabba li aġixxa illegalment, iżda wkoll, indipendentement minn din il-kwalità, minħabba l-intenzjoni qarrieqa tiegħu jew l-imprudenza intenzjonali tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol konkluż bejnu u l-imsemmija kumpannija?

    2)

    a) Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-kunċett ta’ “materji kuntrattwali” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li jkopri b’mod partikolari każ bħal dak preżenti fejn kumpannija tfittex fil-qorti persuna fil-kapaċità tagħha bħala amministratur ta’ din l-istess kumpannija minħabba l-ksur tal-obbligu tagħha li teżerċita b’mod korrett l-funzjonijiet tagħha skont id-dritt tal-kumpanniji?

    b)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-parti a tat-tieni domanda, il-kunċett ta’ “post tat-twettiq tal-obbligi” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għall-post fejn l-amministratur eżerċita jew kellu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu skont id-dritt tal-kumpanniji, li, ġeneralment, ikun il-post fejn ikun hemm iċ-ċentru amministrattiv jew il-post prinċipali tan-negozju tal-kumpannija inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 60(1)(b) u (ċ) tal-imsemmi regolament?

    3)

    a) Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-kunċett ta’ “materji ta’ delitt jew kważi delitt” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li jkopri każ bħal dak preżenti fejn kumpannija tfittex fil-qorti persuna fil-kapaċità tagħha bħala amministratur ta’ din l-istess kumpannija minħabba li ma tkunx eżerċitat b’mod korrett il-funzjonijiet tagħha skont id-dritt tal-kumpanniji jew minħabba aġir illegali?

    b)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-parti a tat-tielet domanda, il-kunċett ta’ “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għall-post fejn l-amministratur eżerċita jew kellu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu skont id-dritt tal-kumpanniji, li, ġeneralment, ikun il-post fejn ikun hemm iċ-ċentru amministrattiv jew il-post prinċipali tan-negozju tal-kumpannija inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 60(1)(b) u (ċ) tal-imsemmi regolament?”

    17.

    F’din il-kawża fformulaw osservazzjonijiet bil-miktub F. L. Spies, il-kumpannija Holterman Ferho (ukoll f’isem is-sussidjarji tagħha), il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta li nżammet fl-20 ta’ Jannar 2015, intervjenew F. L. Spies u l-Kummissjoni, li kkonċentraw l-argumenti tagħhom, fuq it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, fuq l-ewwel domanda preliminari.

    III – Analiżi

    A – L-ewwel domanda preliminari

    18.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk fil-każ fejn persuna tiġi mfittxija minn kumpannija fil-kwalità tagħha ta’ amministratur ta’ din il-kumpannija għal twettiq ħażin tal-funzjonijiet jew għal att illegali u, fl-istess ħin, fil-funzjoni tagħha ta’ direttur, minħabba intenzjoni qarrieqa jew imprudenza intenzjonali fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg, konkluż bejnha u bejn il-kumpannija u li permezz tiegħu ġie maħtur direttur tagħha, japplikawx il-kriterji ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni fis-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II (“Ġurisdizzjoni dwar kuntratti individwali ta’ impjieg”, Artikoli 18 sa 21), tar-Regolament.

    1. Sunt tal-pożizzjonijiet tal-partijiet

    19.

    F. L. Spies jikkunsidra li l-Artikoli 18 sa 21 tar-Regolament jipprekludu li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, japplika l-Artikolu 5 ta’ dan, anki meta r-responsabbiltajiet assenjati lid-direttur skont il-kuntratt ta’ impjieg jkunu limitati għat-twettiq tal-funzjonijiet relatati mal-kundizzjoni tiegħu ta’ amministratur fis-sens tad-dritt tal-kumpanniji: jekk id-direttur huwa, minbarra amministratur tal-kumpannija, impjegat tagħha, għandhom japplikaw ir-regoli speċjali tal-Artikoli 18 sa 21 tal-imsemmi regolament.

    20.

    Il-Gvern Ġermaniż, li jiffoka l-osservazzjonijiet tiegħu esklużivament fuq din l-ewwel domanda preliminari, jipproponi li tingħata risposta fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 sa 21 tar-Regolament jipprekludu li qorti tapplika l-Artikolu 5(1)(a) jew (3) tal-imsemmi regolament f’każ bħal dak inkwistjoni. Il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra li l-kontenut litterali tal-imsemmi regolament huwa, f’dan il-punt, ċar biżżejjed u li l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ impjieg — indipendentement mill-fatt li tista’ teżisti wkoll relazzjoni bbażata fuq id-dritt tal-kumpanniji — tiddetermina l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ għoti ta’ ġurisdizzjoni tal-Artikolu 20(1) tiegħu (post ta’ domiċilju tal-impjegat), li barra minn hekk jikkorrispondi mal-għan ta’ protezzjoni tal-parti l-inqas b’saħħitha tal-kuntratt intiż mill-imsemmija regoli speċjali ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni.

    21.

    Holterman Ferho (f’isem is-sussidjarji tagħha wkoll) fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha sempliċement tirriproduċi passaġġi mill-konklużjonijiet tal-avukat ġenerali Olandiż quddiem il-Hoge Raad ippreżentati fil-kawża prinċipali. Hija ssostni li, fir-rigward tal-azzjonijiet relatati man-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ impjieg, japplikaw ir-regoli speċjali ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Artikoli 18 sa 21 tar-Regolament, iżda li, fir-rigward tal-azzjoni relatata man-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-funzjonijiet ta’ F. L. Spies bħala amministratur tal-Holterman Ferho, għandu japplika l-Artikolu 5(1) tiegħu, b’mod li jkollhom ġurisdizzjoni f’dan ir-rigward l-organi ġudizzjarji Olandiżi peress li din il-kumpannija hija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi [fl-opinjoni tagħha, il-post ta’ stabbiliment tal-kumpannija huwa l-post fejn kellu jitwettaq l-obbligu li jservi ta’ bażi għat-talba fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tal-imsemmi regolament].

    22.

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li għandu jiġi ddeterminat jekk il-“kuntratt” (fis-sens tar-Regolament) li jorbot lill-partijiet huwiex “kuntratt individwali ta’ impjieg” bl-effetti tal-imsemmi regolament — li jiddetermina l-applikazzjoni obbligatorja tar-regoli ta’ għoti tal-ġurisdizzjoni tal-Artikoli 18 et seq — jew jekk huwiex kuntratt ta’ natura oħra — li jippermetti li jiġi applikat, flimkien mar-regola ġenerali tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, l-Artikolu 5(1) tiegħu. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni telenka serje ta’ elementi li għandhom ikunu jeżistu sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li dan huwa kuntratt ta’ impjieg, fosthom ir-relazzjoni ta’ subordinazzjoni tal-impjegat fil-konfront tal-persuna li timpjega, li, skont din ma hijiex preżenti fir-relazzjoni li torbot lill-amministratur ta’ kumpannija mal-imsemmija kumpannija ( 5 ).

    2. Evalwazzjoni

    23.

    Skont il-qorti tar-rinviju, il-partijiet ikkonkludew, fis-7 ta’ Mejju 2001, “kuntratt ta’ impjieg” li permezz tiegħu F. L. Spies assuma l-kariga ta’ direttur tal-kumpannija Holterman Ferho. Issa, peress li r-Regolament jitlob interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “kuntratt individwali ta’ impjieg” ( 6 ), dak li huwa importanti sabiex tiġi stabbilita n-natura tal-imsemmi kuntratt skont ir-Regolament ma huwiex il-kwalifika li tawh il-partijiet u lanqas dik li jagħtih id-dritt nazzjonali. Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċetti tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, b’riferiment prinċipalment għall-istruttura u għall-għanijiet tiegħu ( 7 ), bil-għan li tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha ( 8 ).

    24.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-okkażjoni li tinterpreta sa issa l-kunċett ta’ “kuntratt ta’ impjieg” fil-kuntest speċifiku tar-Regolament. Huwa biss fil-kuntest tas-sentenza Shenavai ( 9 ) li ddikkjarat, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, dispożizzjoni li tinkludi wkoll dawn il-kuntratti, li “l-kuntratti ta’ impjieg, bl-istess mod bħall-kuntratti l-oħra relatati mal-ħaddiema impjegati, għandhom ċertu partikolaritajiet meta mqabbla mal-bqija tal-kuntratti, anki meta dawn tal-aħħar ikunu jirreferu għal provvista ta’ servizzi, fis-sens li joħolqu relazzjoni fit-tul li ddaħħal lil ħaddiem fil-kuntest ta’ ċerta organizzazzjoni tal-kwistjonijiet tal-impriża jew tal-persuna li tħaddem”.

    25.

    Dak li għadni kemm ikkwotajt huwa l-uniku element li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja toffri sabiex jiġi ddefinit dan il-kunċett għall-finijiet tar-Regolament. Huwa minnu li hemm ġurisprudenza abbondanti tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn huwa interpretat il-kunċett ta’ “ħaddiem” fid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-attwali Artikolu 45 TFUE ( 10 ), iżda wkoll fir-rigward tal-atti konkreti tad-dritt sekondarju ( 11 ). B’hekk, ma hemmx dubju li din il-ġurisprudenza tista’ tikkontribwixxi elementi ta’ interpretazzjoni li jistgħu jintużaw b’mod utli f’oqsma oħra ( 12 ). Madankollu, ma huwiex inqas ċert li l-interpretazzjoni tal-istess kunċett fl-ambitu tal-libertajiet fundamentali tat-Trattat FUE jew ta’ strumenti ta’ dritt sekondarju b’għanijiet speċifiċi ma għandhomx jikkoinċidu neċessarjament mal-interpretazzjoni ta’ dan l-istess kunċett f’ambiti oħra tad-dritt sekondarju ( 13 ).

    26.

    Ir-Regolament jirregola fis-Sezzjoni 5 il-“Ġurisdizzjoni dwar kuntratti individwali ta’ impjieg” u jistabbilixxi fl-Artikolu 18 tiegħu li “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti individwali ta’ impjieg, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni […]”. Kif ser jidher iktar ’il quddiem, il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża hija ftit iktar speċifika, peress li tistabbilixxi li “jekk is-suġġett tal-kawża jkun kuntratt individwali ta’ impjieg jew talbiet ibbażati fuq kuntratt individwali ta’ impjieg, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata abbażi ta’ din is-sezzjoni” ( 14 ). Għaldaqstant, huwa determinanti għall-applikazzjoni tas-Sezzjoni 5 tar-Regolament, li l-konvenut ikun imfittex fil-kwalità tiegħu ta’ parti minn “kuntratt individwali ta’ impjieg” fis-sens tal-imsemmi regolament (indipendentement, fil-prinċipju, mill-fatt li jista’ jkun marbut mar-rikorrenti permezz ta’ relazzjoni legali ta’ natura oħra) u li, kif jirriżulta b’mod ċar mill-verżjoni Ġermaniża, it-talba inkwistjoni fil-kawża tkun tirriżulta mill-imsemmi kuntratt.

    27.

    Bħala punt ta’ tluq għall-interpretazzjoni b’mod awtonomu mill-kunċett ta’ “kuntratt individwali ta’ impjieg” fis-sens tar-Regolament, jidhirli li huwa ċar fil-prinċipju li permezz ta’ kuntratt impjieg persuna tintrabat fil-konfront ta’ persuna oħra li twettaq attività partikolari kontra ħlas ta’ remunerazzjoni. Issa, ma’ dan għandu jiżdied kull element ieħor li jippermetti li jiġi sseparat il-“kuntratt individwali ta’ impjieg” tal-Artikoli 18 et seq mill-“provvista ta’ servizzi” l-oħra li japplika għalihom l-Artikolu 5(1) tiegħu. Għaldaqstant, skont l-istruttura u l-għanijiet tal-imsemmi regolament, għandu dejjem jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan li tiġi protetta l-parti l-inqas b’saħħitha tar-relazzjoni li hija l-bażi tal-ħolqien mil-leġiżlatur tal-kriterji speċifiċi ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni fl-Artikoli 18 et seq tiegħu.

    28.

    Fil-fehma tiegħi, dan l-element ta’ differenza li jissepara l-kuntratt ta’ impjieg mill-provvista ta’ servizzi għall-finijiet tar-Regolament huwa magħmul mill-fatt li, fil-każ ta’ kuntratt ta’ impjieg, il-persuna li tipprovdi servizz tkun suġġetta, ftit jew wisq, għall-awtorità tad-direzzjoni u għall-istruzzjonijiet tal-parti l-oħra fir-relazzjoni kuntrattwali, li jpoġġiha f’pożizzjoni ta’ subordinazzjoni fil-konfront tagħha. Hija din il-pożizzjoni ta’ subordinazzjoni li trendi neċessarja, bħala regola, protezzjoni partikolari tal-parti l-inqas b’saħħitha li tiġġustifika r-regola speċjali tal-Artikolu 20(1) tal-imsemmi regolament, li jistabbilixxi, fil-każ li l-konvenut ikun il-“ħaddiem”, li jista’ jitressaq biss quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn huwa domiċiljat ( 15 ).

    29.

    Ma’ din l-evalwazzjoni, fil-kuntest partikolari tal-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali ( 16 ), jaqbel l-avukat ġenerali Trstenjak, fil-konklużjonijiet tagħha ppreżentati fil-kawża Voogsgeerd ( 17 ). Hemm ukoll riferiment speċifiku għal element ta’ “dipendenza” (“relationship of subordination”) fil-verżjoni Ingliża tar-rapport Jenard/Möller dwar il-Konvenzjoni ta’ Lugano tal-1988, parallela mal-Konvenzjoni ta’ Brussell li ppreċediet ir-Regolament, fejn jingħad li “minkejja li sa dan il-mument ma jeżistix kunċett awtonomu ta’ kuntratt ta’ impjieg [fis-sens tal-imsemmija konvenzjoni], għandu jiġi kkunsidrat li jippresupponi rabta ta’ dipendenza tal-ħaddiem fir-rigward tal-persuna li timpjega” ( 18 ).

    30.

    Il-fatt li kuntratt ta’ impjieg jassenja lil persuna funzjonijiet ta’ direzzjoni ta’ kumpannija ma jeskludix neċessarjament l-element ta’ subordinazzjoni, minkejja li dan l-element jista’ jidher, f’ċirkustanzi partikolari, attenwat jew mdgħajjef fil-każ tal-persunal ta’ direzzjoni. Nikkunsidra li l-imsemmi element ikun preżenti jekk il-persuna li tassumi xogħol ta’ direzzjoni tkun suġġetta għall-istruzzjonijiet tal-parti l-oħra tal-kuntratt jew ta’ xi wieħed mill-korpi tagħha, minkejja li l-impjegat ikun igawdi minn awtonomija ta’ deċiżjoni jew, ukoll, minn marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu ta’ kuljum u l-attività tiegħu ma tkunx suġġetta b’mod abitwali għal kontroll immedjat minn naħa tal-persuna li timpjega ( 19 ).

    31.

    Għall-bqija, fil-każ speċifiku ta’ direttur suġġett għall-istruzzjonijiet tal-laqgħa ġenerali tal-imsieħba tal-kumpannija li huwa jidderiġi, ma nikkunsidrax li l-fatt li d-direttur jipparteċipa fiha jeskludi awtomatikament li r-relazzjoni li torbothom tista’ tkun ikkwalifikata bħala “kuntratt ta’ impjieg” skont ir-Regolament. Issa, jekk tali parteċipazzjoni tkun tant għolja li din il-persuna tista’ tinfluwixxi definittivament fil-formazzjoni tal-istruzzjonijiet li l-laqgħa ġenerali tal-imsieħba tagħtih fil-kwalità tiegħu ta’ direttur tal-imsemmija kumpannija, hekk, fil-prattika, huwa jkun suġġett għall-istruzzjonijiet tiegħu stess u għall-kriterju ta’ implementazzjoni tiegħu. Nifhem li, f’tali każ, l-awtorità ta’ direzzjoni tal-laqgħa ġenerali tal-imsieħba fil-konfront tiegħu tisparixxi u magħha r-relazzjoni ta’ subordinazzjoni ( 20 ).

    32.

    Il-kwistjoni tal-eżistenza jew le ta’ “kuntratt ta’ impjieg” fis-sens tal-Regolament għandha tingħata risposta f’kull każ partikolari, skont il-fatti u ċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet eżistenti bejn il-partijiet ( 21 ), evalwazzjoni li għandha tagħmel bħala regola l-qorti tar-rinviju. Għaldaqstant, f’dan il-każ għandha teżamina, minbarra ċ-ċirkustanzi tal-każ, fundamentalment żewġ atti legali: il-memorandum tal-kumpannija Holterman Ferho u l-kuntratt konkluż bejn din u F. L. Spies. Abbażi ta’ dawn iż-żewġ elementi tkun tista’ tiddetermina jekk F. L. Spies kienx suġġett (jew le) fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu għall-awtorità ta’ direzzjoni ta’ korp ieħor tal-kumpannija mhux ikkontrollat minnu, effettivament, jekk kinitx teżisti relazzjoni ta’ subordinazzjoni. Għal dan il-għan, tista’ teżamina, fost aspetti oħra, minbarra jekk il-kuntratt jirregolax aspetti karatteristiċi ta’ relazzjoni ta’ impjieg (salarju, vaganzi, eċċ.) ( 22 ), mingħand min kien jirċievi l-istruzzjonijiet F. L. Spies, liema kienet il-portata ta’ dawn l-istruzzjonijiet u sa fejn kien vinkolat minnhom, min kien jikkontrolla l-implementazzjoni ta’ dawn l-istruzzjonijiet u x’konsegwenzi kellu eventwali nuqqas ta’ twettiq ta’ tali istruzzjonijiet, b’mod partikolari, jekk setax jitkeċċa jew le jekk ma jsegwihomx. Il-qorti nazzjonali għandha tiddeċiedi wkoll, f’dan il-kuntest, sa fejn ir-relazzjoni ta’ subordinazzjoni li tista’ teżisti tinbidel minħabba l-fatt li d-direttur ikun ukoll imsieħeb tal-kumpannija inkwistjoni, kif ġara f’dan il-każ ta’ F. L. Spies, li jiddependi, fundamentalment mill-kapaċità li għandha din il-persuna bħala msieħeb li tinfluwixxi fuq il-volontà tal-korp li mingħandu jkollu jirċievi l-istruzzjonijiet.

    33.

    Kif diġà għidt iktar ’il fuq, ma huwiex biss li l-konvenut jiġi mfittex fil-kwalità tiegħu ta’ parti ta’ “kuntratt individwali ta’ impjieg” li huwa determinanti għall-applikazzjoni tas-Sezzjoni 5 tar-Regolament. Konsegwenza loġika ta’ dak li jippreċedi hija li t-talba li hija s-suġġett tal-kawża tirriżulta preċiżament minn dan l-istess kuntratt, kif osservat ukoll il-Kummissjoni matul is-seduta.

    34.

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk it-talba inkwistjoni tirriżultax mill-“kuntratt individwali ta’ impjieg” fis-sens tar-Regolament, jidhirli li jista’ japplika hawnhekk dak li ddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Brogsitter sabiex tistabbilixxi jekk azzjoni għal responsabbiltà ċivili hijiex inkluża jew le fil-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament: tali azzjoni hija inkluża taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament — jew, f’dan il-każ, hija talba li tirriżulta mill-“kuntratt individwali ta’ impjieg” — jista’ jiġi kkunsidrat biss li l-aġir taħt akkuża huwa nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kuntrattwali, kif jistgħu jiġu ddeterminati skont is-suġġett tal-kuntratt — f’dan il-każ, tal-kuntratt ta’ impjieg konkret. Dan ikun il-każ, a priori, jekk l-interpretazzjoni tal-kuntratt li torbot lill-konvenut mar-rikorrenti tirriżulta indispensabbli sabiex tiġi ddeterminata l-legalità jew l-illegalità tal-aġir li huwa akkużat bih l-ewwel wieħed mit-tieni wieħed ( 23 ), li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina.

    35.

    Effettivament, nikkunsidra li s-sempliċi fatt li jeżisti kuntratt ta’ impjieg bejn il-partijiet ma huwiex biżżejjed sabiex jiġu applikati r-regoli speċjali ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tas-Sezzjoni 5 tar-Regolament meta t-talba magħmula ma tkunx tirriżulta mill-“kuntratt ta’ impjieg” fit-termini esposti hawn fuq.

    36.

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina f’dan il-każ, abbażi ta’ dak espost fil-punti preċedenti, jekk il-konvenut ikunx imfittex bħala parti ta’ “kuntratt individwali ta’ impjieg” fis-sens tar-Regolament. Hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward li l-fatt li persuna jingħatawlha funzjonijiet ta’ direzzjoni ta’ kumpannija ma jeskludix neċessarjament l-element ta’ subordinazzjoni li huwa karatteristika tar-relazzjoni ta’ impjieg u li l-fatt li d-direttur ikollu azzjonijiet fil-kumpannija li jidderiġi lanqas ma jeskludi awtomatikament li r-relazzjoni li torbothom tista’ tiġi kkwalifikata bħala “kuntratt ta’ impjieg” fis-sens tar-Regolament. Bl-istess mod, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk it-talba magħmula tirriżultax mill-“kuntratt individwali ta’ impjieg”, jiġifieri, jekk jistax jiġi kkunsidrat li l-aġir taħt akkuża huwa nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali, kif iddefiniti fid-dawl tal-għan konkret tal-kuntratt ta’ impjieg. Jekk ikunu jeżistu ż-żewġ elementi, japplikaw ir-regoli speċjali ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni tas-Sezzjoni 5 tar-Regolament, indipendentement minn tip ieħor ta’ relazzjonijiet li jista’ jkollhom il-partijiet bejniethom (derivati, pereżempju, mill-fatt li, mill-perspettiva tad-dritt tal-kumpanniji, il-konvenut ikun ukoll amministratur tal-kumpannija).

    3. Konklużjoni intermedja

    37.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari li d-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II (Artikoli 18 sa 21) tar-Regolament japplikaw:

    jekk il-konvenut ikun imfittex fil-kwalità tiegħu ta’ parti f’”kuntratt individwali ta’ impjieg” fis-sens tar-Regolament, dan huwa, abbażi ta’ ftehim fejn persuna tobbliga ruħha fil-konfront ta’ oħra, u li hija suġġetta għall-awtorità ta’ direzzjoni u istruzzjonijiet tagħha, sabiex titwettaq attività partikolari kontra remunerazzjoni; u

    jekk it-talba magħmula tirriżulta mill-“kuntratt individwali ta’ impjieg”, jiġifieri, jista’ jiġi kkunsidrat li l-aġir taħt akkuża huwa nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali, kif jistgħu jkunu ddeterminati filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-kuntratt ta’ impjieg konkret,

    fejn hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa ż-żewġ possibbiltajiet.

    B – It-tieni domanda preliminari

    38.

    Il-proposta preċedenti trendi inutli r-risposta għat-tieni u t-tielet domandi. Madankollu, għall-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-konklużjoni li, fil-każ bħal dak inkwistjoni, ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II (Artikoli 18 sa 21) tar-Regolament, ser ngħaddi biex neżamina t-tieni domanda preliminari.

    39.

    Il-Hoge Raad der Nederlanden titlob, permezz tat-tieni u t-tielet domandi preliminari tagħha, li jiġi kkjarifikat jekk il-kunċetti ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” u “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt” użati fl-Artikolu 5(1)(a) u (3) rispettivament, tar-Regolament għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jinkludu wkoll il-każ fejn kumpannija titlob lil persuna fil-kwalità tagħha ta’ amministratur tal-imsemmija kumpannija għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu tagħha li twettaq korrettament il-funzjonijiet fil-kumpannija jew għal att illeċitu. F’dan il-każ, tistaqsi wkoll jekk bil-“post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tal-imsemmi regolament jew il-“post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tiegħu tirreferix għall-post fejn l-amministratur wettaq jew kellu jwettaq il-funzjonijiet li jassenjalu l-memorandum tal-kumpannija u/jew id-dritt tal-kumpanniji.

    1. Sunt tal-pożizzjonijiet tal-partijiet

    40.

    F. L. Spies jikkunsidra applikabbli biss il-paragrafu 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament (“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”), minħabba l-preżenza ta’ kompromessi liberament assunti bejn il-partijiet, li jeskludi fil-fehma tiegħu li s-suġġett jista’ jiġi kkwalifikat bħala “tort, delitt jew kwasi delitt”. Sabiex jiġi ddeterminat f’dan il-każ liema huwa l-post fejn twettaq l-obbligu li huwa l-bażi tad-domanda fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tal-imsemmi regolament, huwa jiffoka fuq il-post fejn seħħ l-allegat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi, li huwa l-Ġermanja, peress li dan in-nuqqas huwa relatat mal-ġestjoni tas-sussidjarji Ġermaniżi ta’ Holterman Ferho. Barra minn hekk, isostni li ma wettaq l-ebda xogħol ta’ ġestjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    41.

    Il-Kummissjoni tosserva li r-relazzjoni bejn l-amministratur tal-kumpannija u din tal-aħħar hija ta’ natura kuntrattwali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li jeżistu obbligi assunti volontarjament miż-żewġ partijiet. Fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament, il-Kummissjoni tikkunsidra li qabel kollox għandu jiġi ddeterminat jekk f’dan il-każ japplikax verament il-punt (a), kif jidher li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, jew jekk japplikax il-punt (b), li hija t-teżi li tiffavorixxi l-Kummissjoni, li tikkunsidra li l-att inkwistjoni huwa kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi. Fil-fehma tagħha, il-post tal-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, ġew ipprovduti s-servizzi huwa l-post fejn kienet amministrata l-kumpannija, li l-Kummissjoni tidentifika bħala l-post fejn din għandha l-amministrazzjoni ċentrali tagħha fis-sens tal-Artikolu 60(1)(b) tal-imsemmi regolament.

    2. Evalwazzjoni

    a) Natura tal-obbligu għall-finijiet tar-Regolament

    42.

    Kif semmejt fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kunċetti ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” u “materji li għandom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (3) tar-Regolament, rispettivament, għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, b’riferiment prinċipalment għall-istruttura u għall-għanijiet tal-imsemmi regolament, bil-għan li tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi ta’ dan fl-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, ma hemmx riferiment għall-kwalifika li l-liġi nazzjonali applikabbli tagħmel tar-relazzjoni ġuridika li għandha tiddeċiedi dwarha l-qorti li tirriżulta li għandha ġurisdizzjoni.

    43.

    Għall-bqija, kif indikajt iktar ’il fuq, sa fejn ir-Regolament jissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell hija ugwalment valida għad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, meta r-regoli ta’ dawn l-istrumenti jkunu ekwivalenti. Dan huwa l-każ tal-Artikoli 5(1)(a) u (3) tar-Regolament fir-rigward tal-Artikolu 5(1) u (3) rispettivament, tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 24 ).

    44.

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament jinkludu kwalunkwe talba li permezz tagħha konvenut jinżamm responsabbli u li ma humiex relatati mal-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament ( 25 ) b’mod li l-kwalifika tal-materja bħala “li għandha x’taqsam ma’ xi kuntratt” teskludi l-kwalifika tagħha bħala “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt” meta t-talbiet ta’ responsabbiltà jirriżultaw minn “kuntratt” fis-sens tar-Regolament ( 26 ).

    45.

    Għaldaqstant, huwa b’dan il-mod li għandu jiġi evalwat fl-ewwel lok jekk, indipendentement mill-kwalifika tiegħu fid-dritt nazzjonali, dan huwiex każ ta’ “kuntratt” fis-sens tar-Regolament. B’riferiment għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 5(1), tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” tippreżupponi l-eżistenza ta’ kompromess liberament meħud minn parti fil-konfront ta’ oħra ( 27 ).

    46.

    Fil-fehma tiegħi, F. L. Spies u l-kumpannija Holterman Ferho fil-fatt ħadu obbligi reċiproċi (F. L. Spies intrabat li jidderiġi u jamministra l-kumpannija filwaqt li din intrabtet li tħallas għal tali xogħol), li jippermettu li jiġi kkunsidrat li fir-relazzjoni tagħhom — mhux biss dik li tirriżulta mill-kuntratt li permezz tiegħu huwa assuma l-funzjoni ta’ direttur iżda wkoll dik li tirriżulta mid-dritt tal-kumpanniji li wasslitu biex jassumi l-kwalità ta’ amministratur — hija ta’ natura kuntrattwali għall-finijiet tar-Regolament ( 28 ).

    47.

    Issa, kif diġà ddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Brogsitter, is-sempliċi fatt li waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali tressaq azzjoni għad-danni li jirriżultaw minn responsabbiltà ċivili kontra l-parti l-oħra ma huwiex suffiċjenti sabiex jitqies li din l-azzjoni taqa’ taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament. Dan ikun il-każ biss jekk l-aġir ikkritikat ikun jista’ jitqies li jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kuntrattwali, liema obbligi jkunu jistgħu jiġu ddeterminati fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt. Dan ikun il-każ, a priori, jekk l-interpretazzjoni tal-“kuntratt” (fis-sens tar-Regolament) li torbot lill-konvenut mar-rikorrent tkun indispensabbli sabiex tiġi stabbilita n-natura legali jew illegali tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-konvenut mir-rikorrent ( 29 ).

    48.

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk bl-azzjonijiet imressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tkunx qiegħda ssir talba ta’ responsabbiltà li tista’ raġonevolment titqies immotivata min-nuqqas ta’ osservanza tad-drittijiet u tal-obbligi tal-“kuntratt” (għall-finijiet tar-Regolament) li jobbliga lill-partijiet tal-proċeduri fil-kawża prinċipali, b’mod li jirriżulta indispensabbli li dan il-“kuntratt” jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tingħata soluzzjoni għar-rikors. F’dan il-każ, tali azzjonijiet ikunu jirreferu għall-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament ( 30 ). Għall-kuntrarju, għandhom ikunu kkunsidrati anki fil-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament. Il-ftehim li għandhom jiġu interpretati għal dan il-għan huma dawk li jorbtu lill-kumpannija Holterman Ferho ma’ F. L. Spies, li mhux neċessarjament ikunu kollha bil-miktub, kif ukoll ir-regoli tad-dritt tal-kumpanniji li jiddeterminaw il-kontenut tal-kariga liberament assunta.

    b) Post tat-twettiq tal-obbligu skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament

    49.

    Fil-każ li jkun japplika l-Artikolu 5(1) tar-Regolament, għandu jiġi stabbilit liema qorti abbażi ta’ fejn tinsab għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi l-każ. Minkejja li t-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirreferi biss għall-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament, għandu jiġi kkunsidrat, kif tindika l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, jekk jaqbilx iktar li japplika l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament, konkretament, it-tieni inċiż, speċifikament intiż għall-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi ( 31 ). F’tali każ, il-persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġu mfittxija fil-post ta’ Stat Membru ieħor fejn, skont il-kuntratt, kienu ġew ipprovduti jew kellhom jiġu pprovduti s-servizzi.

    50.

    Fir-rigward ta’ jekk l-attività li F. L. Spies kien iwettaq għas-servizz tal-kumpannija Holterman Ferho jistax jiġi kkwalifikat bħala “provvista ta’ servizzi” fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament, it-terminu “servizzi” li jinsab fir-Regolament (iżda li ma huwiex iddefinit) għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu, indipendentement mit-tifsira li jingħata fl-ordinamenti tal-Istati Membri, b’mod li tiġi ggarantita applikazzjoni uniformi fihom kollha.

    51.

    Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà qalet li l-ebda element li jaqa’ taħt l-istruttura tar-Regolament Nru 44/2001 ma jeħtieġ li l-kunċett ta’ “provista ta’ servizzi” li jinsab fit-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tal-imsemmi regolament jiġi interpretat fid-dawl tas-soluzzjonijiet adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE ( 32 ), xi elementi karatteristiċi tal-“provvista ta’ servizzi” tad-dritt primarju huma applikabbli għall-“provvista ta’ servizzi” tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b), konkretament, l-attività fiha nfisha li jwettaq il-konvenut u r-remunerazzjoni li huwa jirċievi għat-twettiq ta’ tali attività ( 33 ).

    52.

    Issa, kif osservat l-avukat ġenerali Trstenjak fil-konklużjonijiet tagħha ppreżentati fil-kawża Falco Privatstiftung u Rabitsch ( 34 ), permezz tad-definizzjoni astratta tal-kunċett inkwistjoni jistgħu jiġu ddeterminati biss il-limiti esterni tiegħu. F’kull każ ikun neċessarju li jintuża metodu individwalizzat sabiex tiġi solvuta l-kwistjoni dwar jekk attività speċifika taqax jew le taħt il-kunċett ta’ “servizzi”.

    53.

    F’dan il-każ, iktar naqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li l-attività tal-amministratur ta’ kumpannija tista’ tiġi kkwalifikata bħala “provvista ta’ servizzi” fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament. Tali kwalifika teskludi l-applikazzjoni għall-każ inkwistjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1)(a).

    54.

    Skont l-Artikolu 5(1)(b) il-ġurisdizzjoni għad-deċiżjoni dwar talbiet ibbażati fuq il-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi tingħata lill-qrati tal-post tal-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, kienet saret jew kellha ssir il-provvista tas-servizzi.

    55.

    Skont il-Kummissjoni ( 35 ) — li, billi titlaq mill-espożizzjoni tad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, torbot ir-risposta tagħha mal-Artikolu 60 tar-Regolament —, is-servizzi ta’ amministratur jiġu pprovduti fil-post fejn dan jamministra l-kumpannija li, skont din, jikkorrispondi għall-post fejn tinsab l-amministrazzjoni ċentrali tagħha, kunċett li jirreferi għall-post fejn hija amministrata l-kumpannija u fejn issir id-direzzjoni tagħha u li mhux neċessarjament ikun il-post tas-“sede statutorja” [Artikolu 60(1)(a) tar-Regolament], li tiġi stabbilita fil-memorandum jew fil-kuntratt tal-kumpannija, jew il-“post prinċipali tan-negozju” [Artikolu 60(1)(ċ) tar-Regolament].

    56.

    Madankollu, naqbel mal-argument ta’ F. L. Spies fil-punt 38 tal-osservazzjonijiet tiegħu, fis-sens li r-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju mhux neċessarjament għandha tingħata permezz tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 60 tar-Regolament ( 36 ). Għall-kuntrarju, naqbel li għandhom jiġi segwiti l-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza interpretattiva tagħha tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament meta s-servizzi jiġu pprovduti f’postijiet differenti ( 37 ).

    57.

    F’dan is-sens, il-qorti tar-rinviju għandha tinvestiga qabel kollox jekk il-“kuntratt” (fis-sens tar-Regolament) bejn Holterman Ferho u F. L. Spies ( 38 ) jindikax liema huwa l-post tat-twettiq tal-provvista prinċipali (amministrazzjoni tal-kumpannija holding Holterman Ferho) ( 39 ). Fin-nuqqas ta’ dan, ikollha tiddetermina liema huwa l-post fejn F. L. Spies kien effettivament iwettaq, b’mod preponderanti, l-attivitajiet tiegħu ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ( 40 ) (dejjem jekk il-provvista tas-servizzi fl-imsemmi post ma tkunx kuntrarja għall-volontà tal-partijiet kif tirriżulta mill-ftehim bejniethom). Għal dan il-għan, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, iż-żmien li għadda f’dawn il-postijiet, u l-importanza tal-attivitajiet imwettqa fihom, u hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina l-ġurisdizzjoni tagħha fid-dawl tal-provi mressqa quddiemha ( 41 ).

    3. Konklużjoni intermedja

    58.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nifhem, sussidjarjament, li l-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament jinkludi wkoll każ fejn kumpannija tfittex persuna fil-kwalità tagħha ta’ amministratur tal-imsemmija kumpannija għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tagħha li tiżvolġi korrettament il-funzjonijiet tagħha fil-kumpannija. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-post fejn, skont il-kuntratt, kienet saret il-provvista jew kellha ssir il-provvista tas-servizzi għall-finijiet tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament, li huwa l-post tat-twettiq tal-provvista prinċipali li jistabbilixxi l-“kuntratt” (fis-sens tal-imsemmi regolament), jew, fin-nuqqas ta’ dan, il-post fejn l-amministratur tal-kumpannija effettivament wettaq, b’mod preponderanti, l-attivitajiet tiegħu ta’ amministrazzjoni, dejjem jekk il-provvista tas-servizzi fl-imsemmi post ma tkunx kuntrarja għall-volontà tal-partijiet skont kif jirriżulta mill-ftehim bejniethom.

    C – It-tielet domanda preliminari

    59.

    Wara dak li ngħad hawn fuq, bl-intenzjoni li nkun eżawrjenti, ser ngħaddi biex nirrispondi fil-qosor it-tielet domanda preliminari.

    1. Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

    60.

    Fir-rigward tat-tielet domanda preliminari, F. L. Spies, li jqis li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, ma jikkunsidrax li ma għandux isir rikors, kif jidher li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, għall-Artikolu 60 tar-Regolament sabiex tingħatalha risposta, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tasal biex tagħmel dan: bl-applikazzjoni tal-kriterji relatati mal-post fejn seħħ id-dannu stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament, anki f’dan il-każ huma l-qrati Ġermaniżi li jkollhom ġurisdizzjoni.

    61.

    Holterman Ferho tikkunsidra li l-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament (“f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt”) ma huwiex applikabbli għal dan il-każ.

    62.

    Il-Kummissjoni ma teskludix li tista’ ssir ukoll azzjoni għal responsabbiltà extrakuntrattwali sa fejn id-dritt nazzjonali jkun jippermetti dan. F’tali każ, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jkun jista’ jagħżel bejn li jagħmel it-talba fil-post fejn ikun seħħ id-dannu jew fil-post tal-fatt kawżanti nnifsu, li, f’dan il-każ, skont il-Kummissjoni, jikkoinċidi mal-post fejn il-kumpannija Holterman Ferho għandha l-amministrazzjoni ċentrali tagħha.

    2. Evalwazzjoni

    63.

    Sussidjarjament, fil-każ li l-qorti tar-rinviju, ladarba tiġi eżaminata fit-termini esposti fil-punti 47 u 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet it-talba ta’ responsabbiltà eżerċitata, tikkunsidraha inkluża fil-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament, ikollhom ġurisdizzjoni, skont ma tistabbilixxi l-imsemmija dispożizzjoni, “il-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”. Kif diġà ddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-post “ikopri kemm il-post fejn seħħ id-dannu kif ukoll il-post tal-avveniment kawżali li minnu oriġina dan id-dannu, b’mod li l-konvenut ikun jista’ jiġi mħarrek, fuq għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet” ( 42 ).

    64.

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina fl-aħħar nett, fid-dawl tal-fatt ta’ dan il-każ, liema huwa l-post kawżali fejn oriġina dan id-dannu u l-post fejn twettaq id-dannu.

    65.

    Fir-rigward tal-post tal-fatt kawżali, dan għandu jinftiehem bħala l-post fejn jinsab il-post fejn F. L. Spies kien abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu bħala amministratur għall-kumpannija holding Holterman Ferho (li, skont id-dikjarazzjoni ta’ F. L. Spies quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma kkontestatu Holterman Ferho, kien il-Ġermanja).

    66.

    Fir-rigward tal-post fejn seħħ id-dannu, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, ikollhom ġurisdizzjoni l-qrati Olandiżi dejjem sakemm il-fatt imwettaq fil-Ġermanja jkun ikkawża jew seta’ jikkawża dannu fil-Pajjiżi l-Baxxi. F’dan ir-rigward, hija l-qorti adita li għandha tevalwa, fid-dawl tal-elementi li jkollha quddiemha, sa fejn l-att illegali mwettaq minn F. L. Spies fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu bħala amministratur tal-kumpannija Holterman Ferho seta’ jikkawża dannu f’dan l-Istat Membru. Issa, għandha tieħu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward li, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” ma jistax jiġi interpretat b’mod wiesa’ sal-punt li jinkludi kwalunkwe post fejn jistgħu jinħassu l-konsegwenzi dannużi ta’ fatt li jkun ikkawża dannu li effettivament ikun seħħ f’post ieħor, b’mod partikolari, l-imsemmi kunċett ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-post fejn il-vittma tallega li sofriet id-dannu patrimonjali b’riżultat ta’ dannu inizjali li jkun seħħ u li hija tkun sostniet fi Stat Membru ieħor ( 43 ). Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kronhofer ( 44 ), din l-interpretazzjoni, li tqiegħed id-determinazzjoni tal-qrati li jkollhom ġurisdizzjoni dipendenti fuq il-post fejn “il-beni [tal-vittma] huma ċċentralizzati”, twassal fil-parti l-kbira tal-kawżi sabiex tiġi rikonoxxuta l-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tar-rikorrenti, li huwa kuntrarju għar-Regolament ( 45 ) barra mill-intenzjonijiet espliċitament ikkontemplati ta’ dan.

    IV – Konklużjoni

    67.

    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden:

    “1)

    Id-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II (Artikoli 18 sa 21) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, japplikaw

    jekk il-konvenut ikun imfittex fil-kwalità tiegħu ta’ parti f’”kuntratt individwali ta’ impjieg” fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001, dan huwa, abbażi ta’ ftehim fejn persuna tobbliga ruħha fil-konfronti ta’ oħra, u li hija suġġetta għall-awtorità ta’ direzzjoni u struzzjonijiet tagħha, sabiex titwettaq attività partikolari kontra remunerazzjoni; u

    jekk it-talba magħmula tirriżulta mill-“kuntratt individwali ta’ impjieg”, jiġifieri, jista’ jiġi kkunsidrat li l-aġir taħt akkuża huwa nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali, kif jistgħu jkunu ddeterminati filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-kuntratt ta’ impjieg konkret,

    fejn hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa ż-żewġ possibbiltajiet.

    Sussidjarjament, fil-każ fejn ma jkunux ikkunsidrati applikabbli d-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II (Artikoli 18 sa 21) tar-Regolament Nru 44/2001:

    2)

    Il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jinkludi wkoll każ fejn kumpannija tifttex persuna fil-kwalità tagħha ta’ amministratur tal-imsemmija kumpannija għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tagħha li twettaq korrettament il-funzjonijiet tagħha fil-kumpannija. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-post fejn, skont il-kuntratt, kienet saret il-provvista jew kellha ssir il-provvista tas-servizzi għall-finijiet tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, li hija l-post tat-twettiq tal-provvista prinċipali li jistabbilixxi l-“kuntratt” (fis-sens tal-imsemmi regolament), jew, fin-nuqqas ta’ dan, il-post fejn l-amministratur tal-kumpannija effettivament wettaq, b’mod preponderanti, l-attivitajiet tiegħu ta’ amministrazzjoni, dejjem jekk il-provvista tas-servizzi fl-imsemmi post ma tkunx kuntrarja għall-volontà tal-partijiet skont kif jirriżulta mill-ftehim bejniethom.

    3)

    Iktar sussidjarjament, fil-każ fejn jiġi kkunsidrat li t-talba għal responsabbiltà magħmula tista’ tkun inkluża f’“materji ta’ tort, delitt jew kwasi delitt”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, liema huwa l-post fejn seħħ il-fatt kawżali li ta’ oriġini għad-dannu u liema huwa l-post fejn seħħ id-dannu.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42. Fl-10 ta’ Jannar 2015, daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) (ĠU L 351, p. 1), li ma japplikax ratione temporis għal din il-kawża. Ir-Regolament Nru 1215/2012 jirriproduċi essenzjalment id-dispożizzjonijiet tar-regolament inkwistjoni f’din il-kawża.

    ( 3 ) Skont ma tindika l-Kummissjoni fil-punt 15 tal-osservazzjonijiet tagħha, fid-dritt Olandiż id-diretturi u l-amministraturi għandhom inkomuni l-parteċipazzjoni fil-ġestjoni tal-kumpannija. Issa, filwaqt li persuna li hija biss direttur tista’ titkeċċa mill-bord tad-diretturi, amministratur jista’ jitkeċċa biss mil-laqgħa ġenerali tal-imsieħba, b’mod li dan igawdi bħala regola minn libertà ikbar fit-tmexxija tal-impriża minn persuna li hija biss direttur. Għal viżjoni kompleta tal-obbligi u tar-responsabbiltà tad-diretturi fid-dritt Olandiż, De Beurs, S., “Directors’ Duties and Liability in the Netherlands”, fil-kuntest ta’ studju mwettaq minn LSE Enterprise għall-Kummissjoni Ewropea, Study on Directors’ Duties and Liability, Londra 2013, p. A609 et seq.

    ( 4 ) Skont ma spjega fis-seduta, il-kumpannija Holterman Ferho kellha żewġ imsieħba biss, huwa stess (imsieħeb minoritarju li kellu biss 15 % tal-azzjonijiet) u msieħeb maġġoritarju li kellu 85 % tal-azzjonijiet u li huwa wkoll kien jeżerċita funzjonijiet ta’ direzzjoni ta’ Holterman Ferho permezz ta’ kumpannija oħra.

    ( 5 ) F’din il-kawża, l-intervenjenti ma jikkontestawx il-fatt li F. L. Spies wettaq matul ċertu żmien ċerti prestazzjonijiet (relatati mal-ġestjoni tas-sussidjarji Ġermaniżi tagħha) favur il-kumpannija Holterman Ferho għal ħlas. Dak li huwa diskuss f’dan il-każ hija r-relazzjoni ta’ subordinazzjoni li tissottometti lil F. L. Spies għad-“direzzjoni”, jiġifieri, għall-istruzzjonijiet tal-kumpannija Holterman Ferho. Konkretament, il-Kummissjoni tiċħad li dan l-element huwa preżenti fil-każ (punt 35 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha), filwaqt li F. L. Spies osserva matul is-seduta li l-kuntratt li kien jorbtu ma’ Holterman Ferho, jipprova li fil-fatt kienet teżisti relazzjoni ta’ subordinazzjoni għal-laqgħa ġenerali tal-imsieħba, peress li kien suġġett għall-istruzzjonijiet tagħhom.

    ( 6 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza Mahamdia, C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 42; Kainz, C‑45/13, EU:C:2014:7, punt 19; Zuid-Chemie, C‑189/08, EU:C:2009:475, punt 17; u Pinckney, C‑170/12, EU:C:2013:635, punt 23.

    ( 7 ) Fir-rigward ta’ dak li jikkaratterizza l-“istruttura” u “l-għanijiet tar-Regolament”, nirreferi qabel kollox għall-premessi 11 u 12 tiegħu: “Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti […]. B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja” (enfasi miżjuda minni). Barra minn hekk, skont ma ddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tal-imsemmi regolament huwa l-unifikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tal-Istati kontraenti, u b’hekk tiġi evitata, sakemm ikun possibbli, l-eżistenza ta’ diversi kriterji ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward tal-istess kawża, u li tissaħħaħ il-protezzjoni ġuridika tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni, filwaqt li jkun iktar faċli għar-rikorrent li jiddetermina l-qorti li jista’ jressaq azzjoni quddiemha, u għall-konvenut li jipprevedi b’mod raġonevoli quddiem liema qorti jista’ jitressaq [sentenzi Mulox, C‑125/92, EU:C:1993:306, punt 11, u Rutten, C‑383/95, EU:C:1997:7, punti 12 u 13, f’relazzjoni mal-Konvenzjoni, tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32; EE 01/01, p. 186), hekk kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi relatati mal-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda ma’ din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”). Sa fejn ir-Regolament jissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja lid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell hija daqstant ieħor valida għall-imsemmi regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti jkunu jistgħu jiġu kkwalifikati bħala ekwivalenti (sentenzi Brogsitter, C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 19, u ÖFAB, C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 28)].

    ( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Brogsitter, C-548/12, EU:C:2014:148, punt 18, u ÖFAB, C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 27.

    ( 9 ) C-266/85, EU:C:1987:11, punt 16.

    ( 10 ) Għal kollha, is-sentenza Lawrie Blum, 66/85, EU:C:1986:284, punti 16 u 17.

    ( 11 ) Ara, b’mod partikolari, id-delimitazzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem” magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Danosa, C-232/09, EU:C:2010:674, punti 39 et seq, fejn kellu jiġi ddeterminat jekk il-membru tal-bord ta’ kumpannija kinitx “ħaddiema” fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 110), u jekk, għaldaqstant, setgħetx tibbenefika mill-protezzjoni mogħtija lil dawk li kienu jaqgħu taħt din il-kwalifika. Ara wkoll, fost oħrajn, is-sentenzi Union syndicale Solidaires Isère, C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 28 [f’relazzjoni mad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381)] u Kiiski, C‑116/06, EU:C:2007:536, punt 25 [f’relazzjoni mad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187)] u l-ġurisprudenza ċċitata fihom.

    ( 12 ) Ara estensivament f’dan is-sens Lüttringhaus, J. D., “Übergreifende Begrifflichkeiten im europäischen Zivilverfahrens- und Kollisionsrecht. Grund und Grenzen der rechtsaktübergreifenden Auslegung, dargestellt am Beispiel vertraglicher und außervertraglicher Schuldverhältnisse”, Rabels Zeitschrift für ausländisches und internationales Privatrecht, Vol. 77, 2013, p. 50.

    ( 13 ) Sentenzi Martínez Sala, C‑85/96, EU:C:1998:217, punti 31 et seq; von Chamier-Glisczinski, C‑208/07, EU:C:2009:455, punt 68; u van Delft et, C‑345/09, EU:C:2010:610, punt 88. Ara wkoll ir-riflessjonijiet ta’ Knöfel, O. L., “Kommendes Internationales Arbeitsrecht — Der Vorschlag der Kommission der Europäischen Gemeinschaft vom 15.12.2005 für eine “Rom I” – Verordnung”, Recht der Arbeit, 2006, b’mod speċjali p. 271 u 272, fil-kuntest speċifikament tal-kunċett ta’ “ħaddiem”.

    ( 14 ) “Bilden ein individueller Arbeitsvertrag oder Ansprüche aus einem individuellen Arbeitsvertrag den Gegenstand des Verfahrens, so bestimmt sich die Zuständigkeit […] nach diesem Abschnitt” (enfasi miżjuda minni).

    ( 15 ) Barra minn hekk, nikkunsidra li l-kriterju ta’ “subordinazzjoni” huwa biżżejjed ċar sabiex jiġu ggarantiti l-eżiġenzi ta’ prevedibbiltà li għandu jkollhom ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni, skont il-premessa 11 tar-Regolament u skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet: jekk dan il-kriterju jiġi kkunsidrat fil-mument li jsir kuntratt ta’ impjieg, ir-rikorrent ikun jista’ jiddetermina faċilment il-qorti li quddiemha jkun jista’ jeżerċita azzjoni, u l-konvenut ikun jista’ jipprevedi raġonevolment quddiem liema qorti jista’ jitressaq.

    ( 16 ) Il-Konvenzjoni ta’ Ruma preċedenti tad-19 ta’ Ġunju 1980 u r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6), jistgħu jservu bħala riferiment fl-interpretazzjoni tar-Regolament għaliex, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni ta’ kunċett fil-kuntest ta’ wieħed minn dawn l-istrumenti legali tad-dritt internazzjonali privat ma għandhiex tinjora dik tal-kriterji previsti fl-ieħor meta jiġu stabbiliti r-regoli għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-istess oqsma u jkunu jistabbilixxu kunċetti simili (sentenza Koelzsch, C‑29/10, EU:C:2011:151, punt 33).

    ( 17 ) C‑384/10, EU:C:2011:564, punt 88: “il-karatteristika essenzjali tar-relazzjoni ta’ impjieg hija ċ-ċirkustanza li persuna twettaq, għal ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, prestazzjonijiet li għalihom hija tirċevi remunerazzjoni”. Minn dan isegwi li l-fatt li l-ħaddiem jiġi suġġett għal istruzzjonijiet jikkostitwixxi element karatteristiku ta’ kull relazzjoni ta’ impjieg li tinvolvi, essenzjalment, li l-interessat ikun suġġett għad-direzzjoni jew superviżjoni ta’ persuna oħra li timponi fuqu l-prestazzjonijiet li għandu jwettaq u/jew il-ħinijiet tax-xogħol, u għalhekk il-ħaddiem għandu jobdi dawk l-istruzzjonijiet u r-regolamenti (enfasi miżjuda minni).

    ( 18 ) ĠU 1990, C 189, p. 73, punt 41.

    ( 19 ) Ara, f’dan is-sens, De Val Tena, Á., El trabajo de alta dirección. Caracteres y régimen jurídico. Madrid: Civitas, 2002, p. 111.

    ( 20 ) Jaqblu, f’dan is-sens, Weber, J., “Die Geschäftsführerhaftung aus der Perspektive des Europäischen Zivilprozessrechts”, IPRax – Praxis des Internationalen Privat- und Verfahrensrechts 1/2013, p. 70; Bosse, R., Probleme des europäischen Internationalen Arbeitsprozessrechts. Frankfurt: Peter Lang, 2007, p. 67 et seq, u Mankowski, P., “Organpersonen und Internationales Arbeitsrecht”, RIW – Recht der internationalen Wirtschaft 3/2004, p. 170. Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikkjarat, f’kawża fejn kellu jiġi ddeterminat jekk persuna kinitx “ħaddiem” jew “fornitur ta’ servizzi” skont id-dritt primarju, li d-direttur ta’ kumpannija fejn huwa l-unika msieħeb tagħha ma jeżerċitax l-attività tiegħu fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni, b’mod li ma jistax jitqies li huwa “ħaddiem” fis-sens tad-dritt primarju (sentenza Asscher, C‑107/94, EU:C:1996:251, punt 26, u l-konklużjonijiet tal-avukat ġenerali Léger ippreżentati f’din l-istess kawża, EU:C:1996:52, punt 29).

    ( 21 ) Sentenza Danosa, C-232/09, EU:C:2010:674, punt 46.

    ( 22 ) Ara, f’dan ir-rigward, dak li tistabbilixxi d-Direttiva tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ottubru 1991, dwar l-obbligazzjoni ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 3), li tobbliga lill-persuna li timpjega tgħarraf lill-ħaddiem bl-elementi essenzjali tal-kuntratt ta’ impjieg jew tar-relazzjoni ta’ impjieg.

    ( 23 ) Sentenza Brogsitter, C‑548/12, EU:C:2014:148, punti 23 sa 25. Ara f’dan is-sens ukoll dak li sostna Weber, li jgħid li l-forum speċifiku tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament japplika minflok ir-regoli ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni l-oħra biss jekk l-obbligu suġġett tat-tilwima jiddependi mill-istess kuntratt ta’ impjieg. B’dan il-mod, jekk l-obbligu jkun jiddependi direttament mir-relazzjoni ta’ natura ta’ sħubija li torbot lir-rikorrent mal-konvenut u l-kuntratt ta’ impjieg ma huwiex kundizzjoni sine qua non sabiex jiġi stabbilit il-kontenut tiegħu, l-obbligu fih innifsu ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “ta’ impjieg” lanqas meta l-kuntratt jirriproduċi l-obbligi hekk kif jistabbilixxihom id-dritt tal-kumpanniji (Weber, J., “Die Geschäftsführerhaftung aus der Perspektive des Europäischen Zivilprozessrechts”, IPRax – Praxis des Internationalen Privat- und Verfahrensrechts 1/2013, p. 70 u 71).

    ( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza ÖFAB, C-147/12, EU:C:2013:490, punt 29.

    ( 25 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Kalfelis Schröder, 189/87, EU:C:1988:459, punt 17; Reichert u Kockler, C‑261/90, EU:C:1992:149, punt 16; Réunion européenne et, C‑51/97, EU:C:1998:509, punt 22; Henkel, C‑167/00, EU:C:2002:555, punt 36; Engler, C‑27/02, EU:C:2005:33, punt 29; u Brogsitter, C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 20.

    ( 26 ) Sentenza Brogsitter, C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 21 et seq. Ara Haubold, J., “Internationale Zuständigkeit für gesellschaftsrechtliche und konzerngesellschaftsrechtliche Haftungsansprüche nach EuGVÜ und LugÜ”, IPRaxPraxis des Internationalen Privat- und Verfahrensrechts 5/2000, p. 378; Geimer, R. u Schütze, R., “Verordnung (EG) 44/2001 — Art. 5”, fix-xogħol tiegħu Europäisches Zivilverfahrensrecht, it-tielet ed., München: C.H. Beck, 2010, paragrafu 220, u Wendenburg, A., “Vertraglicher Gerichtsstand bei Ansprüchen aus Delikt?”, Neue Juristische Wochenschrift, 2014, p. 1633 et seq.

    ( 27 ) Fost ħafna sentenzi oħra, Handte, C‑26/91, EU:C:1992:268, punt 15; Réunion européenne et, C‑51/97, EU:C:1998:509, punt 17; u Tacconi, C‑334/00, EU:C:2002:499, punt 23.

    ( 28 ) Il-Kummissjoni f’dan is-sens issostni fl-osservazzjonijiet tagħha (punti 25 et seq), li tgħid li “l-fatt li ħafna mid-drittijiet u, iżjed importanti, ħafna mill-obbligi tal-amministratur ma jiddependux biss mill-ftehim bil-miktub mal-kumpannija iżda wkoll mid-dritt komuni tal-kumpanniji ma jibdel xejn [fir-rigward tal-fatt li r-relazzjoni bejn F. L. Spies u Holterman Ferho hija ta’ natura kuntrattwali għall-finijiet tar-Regolament]. Meta taċċetta l-kariga ta’ amministratur, il-persuna kkonċernata taċċetta l-kariga hekk kif deskritta fid-dritt komuni tal-kumpanniji u fir-regoli speċifiċi tal-kumpannija inkwistjoni, fost dawk li jinsabu fil-memborandum tagħha. Jekk, barra minn hekk, l-amministratur jikkonkludi kuntratt mal-kumpannija — xi kultant imsejjaħ ‘kuntratt ta’ amministrazzjoni’ u, f’dan il-każ, ‘kuntratt ta’ impjieg’ — jiżdiedu ftehim oħra, li għalihom teżisti remunerazzjoni matul it-twettiq tal-kariga u l-kumpensi dovuti meta tintemm il-kariga”.

    ( 29 ) Sentenza Brogsitter, C‑548/12, EU:C:2014:148, punti 23 sa 25.

    ( 30 ) Dan ma jfissirx li l-qorti li finalment tirriżulta li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi l-kawża jkollha tapplika d-dritt materjali tal-kuntratti sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu tal-kawża, peress li jista’ jiġri li, abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-każ, it-talba ma tkunx ta’ natura kuntrattwali, iżda dan huwa irrilevanti għall-finijiet tar-risposta għall-qorti tar-rinviju fir-rigward tar-Regolament.

    ( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Corman Collins, C‑9/12, EU:C:2013:860, punt 42.

    ( 32 ) Sentenza Falco Privatstiftung, C‑533/07, EU:C:2009:257, punti 33 et seq. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-avukat ġenerali Trstenjak ippreżentati f’dan l-istess każ, EU:C:2009:34, b’mod partikolari l-punt 63.

    ( 33 ) Sentenza Falco Privatstiftung, C‑533/07, EU:C:2009:257, punt 29. Ara wkoll, is-sentenza Corman Collins, C‑9/12, EU:C:2013:860, punt 37.

    ( 34 ) C-533/07, EU:C:2009:34, punt 57.

    ( 35 ) Punt 42 tal-osservazzjonijiet tagħha.

    ( 36 ) L-Artikolu 60(1) tar-Regolament jiddefinixxi fejn hija ddomiċiljata kumpannija jew persuna ġuridika oħra (konkretament, il-post fejn tinsab is-sede statutorja tagħha, iċ-ċentru amministrattiv jew il-post prinċipali tan-negozju). Nikkunsidra li l-post li jsemmi l-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament għandu jiġi ddeterminat indipendentement mill-Artikolu 60, mingħajr preġudizzju għall-fatt li fl-aħħar nett jista’ jikkoinċidi ma’ kull wieħed mill-postijiet stabbiliti f’dan l-aħħar artikolu.

    ( 37 ) Ara, is-sentenzi Car Trim, C-381/08, EU:C:2010:90, punti 54 et seq, (f’relazzjoni mal-ewwel inċiż tal-punt inkwistjoni) u Wood Floor Solutions Andreas Domberger, C‑19/09, EU:C:2010:137, punti 38 et seq, kif ukoll l-analiżi ta’ Francq, S. et, “L’actualité de l’article 5.1 du Règlement Bruxelles I: Évaluation des premiers arrêts interprétatifs portant sur la disposition relative à la compétence judiciaire internationale en matière contractuelle”, Cahiers du CeDIE, Working papers no 2011/02, p. 17 et seq.

    ( 38 ) Mill-ġdid, il-ftehimiet li l-qorti nazzjonali għandha tinterpreta għal dan il-għan huma dawk li jorbtu lill-kumpannija Holterman Ferho ma’ F. L. Spies, li mhux neċessarjament huma bil-miktub, bħar-regoli tad-dritt tal-kumpanniji li jiddeterminaw il-kontenut tal-funzjoni tiegħu liberament aċċettata.

    ( 39 ) F. L. Spies isostni fil-punt 37 tal-osservazzjonijiet tiegħu li l-obbligu inkwistjoni twettaq fil-Ġermanja u li l-partijiet ma kinux ftiehmu li kellu jitwettaq f’post ieħor. Skont F. L. Spies, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kollu li huwa akkużat bih u li fuqu hija bbażata t-talba huwa relatat mal-ġestjoni tas-sussidjarji Ġermaniżi ta’ Holterman Ferho, minkejja li mill-punt 2.9 tal-osservazzjonijiet ta’ Holterman Ferho jirriżulta li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar dan il-punt, peress li Holterman Ferho ssostni li t-twettiq ħażin tal-funzjonijiet ta’ F. L. Spies jirreferi wkoll għall-ġestjoni tal-kumpannija holding Olandiża.

    ( 40 ) Fis-sentenza Wood Floor Solutions Andreas Domberger, C‑19/09, EU:C:2010:137, punt 33, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regola tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament, il-post li jiggarantixxi r-rabta ta’ konnessjoni l-iktar stretta bejn il-kuntratt u l-qorti kompetenti, jinsab, bħala regola ġenerali, fil-post ta’ twettiq tal-provvista prinċipali.

    ( 41 ) Sentenza Wood Floor Solutions, C‑19/09, EU:C:2010:137, punt 40.

    ( 42 ) Sentenzi Coty Germany, C‑360/12, EU:C:2014:1318, punt 46, u Hejduk, C‑441/13, EU:C:2015:28, punt 18.

    ( 43 ) Sentenza Marinari, C-364/93, EU:C:1995:289, punti 14 u 15.

    ( 44 ) C-168/02, EU:C:2004:364, punt 20.

    ( 45 ) F’dak il-każ il-Konvenzjoni ta’ Brussell.

    Fuq