EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0456

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-28 ta’ April 2015.
T & L Sugars Ltd u Sidul Açúcares, Unipessoal Lda vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell — Rikors għal annullament — Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Dritt għal azzjoni legali — Locus standi — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni — Att li jikkonċerna individwalment lir-rikorrenti — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Miżuri eċċezzjonali li jirrigwardaw it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ zokkor u ta’ iżoglukożju ’l fuq mill-kwota — Sena tas-suq 2010/2011.
Kawża C-456/13 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:284

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

28 ta’ April 2015 ( *1 )

“Appell — Rikors għal annullament — Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Dritt għal azzjoni legali — Locus standi — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni — Att li jikkonċerna individwalment lir-rikorrenti — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Miżuri eċċezzjonali li jirrigwardaw it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ zokkor u ta’ iżoglukożju ’l fuq mill-kwota — Sena tas-suq 2010/2011”

Fil-Kawża C‑456/13 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid-9 ta’ Awwissu 2013,

T & L Sugars Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit),

Sidul Açúcares Unipessoal Lda, stabbilita f’Santa Iria de Azóia (il-Portugall),

irrappreżentati minn D. Waelbroeck, avukat, u D. Slater, solicitor,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Ondrůšek u P. Rossi, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir‑Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, D. Colas u C. Candat, bħala aġenti,

Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn É. Sitbon u A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Ó Caoimh, J.‑C. Bonichot u S. Rodin (Relatur), Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, E. Levits, A. Arabadjiev, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Mejju 2014,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Ottubru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, T & L Sugars Ltd u Sidul Açúcares Unipessoal Lda (iktar ’il quddiem “T & L Sugars” u “Sidul Açúcares”, rispettivament) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni (T‑279/11, EU:T:2013:299, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħhom għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 222/2011, tat-3 ta’ Marzu 2011, li jistabbilixxi miżuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta’ zokkor u iżoglukożju ’l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2010/2011 (ĠU L 60, p. 6), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 293/2011, tat-23 ta’ Marzu 2011, li jistabbilixxi l-koeffiċjent ta’ allokazzjoni, li jirrifjuta iktar applikazzjonijiet u li jagħlaq il-perjodu għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-kwantitajiet disponibbli ta’ zokkor ’il fuq mill-kwota li jkunu se jinbiegħu fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed (ĠU L 79, p. 8), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 302/2011, li jiftaħ kwota tariffarja [ta’ importazzjoni] eċċezzjonali għal ċerti kwantitajiet ta’ zokkor għas-sena tas-suq 2010/2011 (ĠU L 81, p. 8), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 393/2011, tad-19 ta’ April 2011, li jiffissa l-koeffiċjent ta’ allokazzjoni għall-ħruġ ta’ liċenzji tal-importazzjoni li għalihom tressqet applikazzjoni mill-1 sas-7 ta’ April 2011 għal prodotti taz-zokkor fil-kuntest ta’ ċerti kwoti tariffarji u li jissospendi t-tressiq ta’ applikazzjonijiet għat-tali liċenzji (ĠU L 104, p. 39) (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“regolamenti kkontestati”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-regolamenti kkontestati

2

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew spjegati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 5 tas-sentenza appellata:

“1

Ir-rikorrenti, T&L Sugars [...] u Sidul Açúcares [...], huma impriżi tar-raffinar taz-zokkor tal-kannamieli stabbiliti fl-Unjoni Ewropea. Il-kapaċità ta’ produzzjoni tagħhom flimkien tirrappreżenta madwar nofs il-bżonnijiet tal-provvista tradizzjonali tal-industrija tar-raffinar taz-zokkor tal-kannamieli tal-Unjoni.

2

Il-provvista taz-zokkor fis-suq tal-Unjoni tinkludi z-zokkor prodott, minn naħa, matul l-ipproċessar tal-pitravi taz-zokkrija mill-produzzjoni domestika tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, matul ir-raffinar taz-zokkor tal-kannamieli mhux maħdum importat minn pajjiż terz, fejn il-prodott finali huwa kimikament identiku fiż-żewġ każi. Iz-zokkor tal-kannamieli mhux maħdum li ġej mill-Unjoni, jiġifieri mid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej u l-Açores, jirrappreżenta 2 % tal-produzzjoni taz-zokkor tal-Unjoni.

3

Bejn it-3 ta’ Marzu u d-19 ta’ April 2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat ċerti miżuri intiżi l jżidu l-provvista taz-zokkor fis-suq tal-Unjoni li kienet qed tesperjenza nuqqas.

4

Dawn il-miżuri kellhom bħala skop, minn naħa, li jippermettu lill-produtturi tal-Unjoni li jikkummerċjalizzaw ammont limitat ta’ zokkor, kif ukoll ta’ iżoglukożju, li jeċċedi l-kwota ta’ produzzjoni domestika u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxu kwota tariffarja li tippermetti lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati kollha jimportaw kwantità limitata ta’ zokkor billi jibbenefikaw minn sospensjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni.

5

Dawn il-miżuri ġew adottati fil-kuntest tal-atti li ġejjin [...]:

ir-Regolament [...] Nru 222/2011 [...];

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [...] Nru 293/2011 [...];

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [...] Nru 302/2011 [...];

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [...] Nru 393/2011 [...]”

3

Il-Qorti Ġenerali spjegat il-mekkaniżmu stabbilit mir-regolamenti kkontestati fil-punti 39 u 45 tas-sentenza appellata:

“39

L-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 222/2011 jipprovdi li, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw [mill-]kwantità eċċezzjonali [ta’ zokkor u ta’ iżoglukożju li tista’ tiġi kkummerċjalizzata ’l fuq mill-kwoti ta’ produzzjoni], il-produtturi għandhom jitolbu liċenzji billi jindirizzaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru li minnhom ikunu ġew approvati. Taħt l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, dawn għandhom jiddeċiedu dwar il-validità tal-applikazzjonijiet fir-rigward tal-kriterji magħmula mill-istess regolament u sussegwentement jinnotifikaw l-applikazzjonijiet validi lill-Kummissjoni.

40

Mill-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 222/2011 jirriżulta li, ladarba l-kwantità prevista għaz-zokkor ’il fuq mill-kwota tinqabeż, il-Kummissjoni tistabbilixxi koeffiċjenti ta’ allokazzjoni biex tqassam il-kwantità disponibbli b’mod uniformi, tirrifjuta l-applikazzjonijiet li ma ġewx innotifikati qabel u tagħlaq il-perijodu għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet. Kull ġimgħa, l-awtoritajiet nazzjonali joħorġu liċenzji li jagħtu dritt għal tnaqqis tal-imposta, għall-applikazzjonijiet innotifikati lill-Kummissjoni l-ġimgħa ta’ qabel, skont il-mudell tal-liċenzja anness mar-regolament.

41

Taħt l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 293/2011, il-Kummissjoni ddefinixxiet il-koeffiċjenti ta’ allokazzjoni, li ammonta għal 67.106224 %, li kellu jiġi applikat mill-awtoritajiet nazzjonali għall-applikazzjonijiet ippreżentati bejn l-14 u t-18 ta’ Marzu 2011 u nnotifikati lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, hija rrifjutat applikazzjonijiet sussegwenti u għalqet il-perijodu għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet.

42

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kwota tariffarja [ta’ importazzjoni] eċċezzjonali, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 302/2011 jipprevedi li l-applikazzjonijiet tad-dazji fuq l-importazzjoni huma sospiżi bejn l-1 ta’ April 2011 u t-30 ta’ Settembru 2011, għal kwantità ta’ 300000 tunnellata zokkor.

43

Fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-imsemmija kwota, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 302/2011 jinkludi riferiment għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 891/2009, tal-25 ta’ Settembru 2009, li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ ċerti kwoti tariffarji tal-Komunità fis-settur taz-zokkor (ĠU L 254, p. 82), li jagħmel riferiment, min-naħa tiegħu, għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006, tal-31 ta’ Awwissu 2006, li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta’ kwoti ta’ tariffi fuq l-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b’sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni (ĠU L 330M, p. 387), kif ukoll għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008, tat- 23 ta’ April 2008, li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ iffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (Verżjoni kkodifikata) (ĠU L 114, p. 3).

44

Taħt l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 1301/2006 u l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 376/2008, fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-kwoti, l-awtoritajiet nazzjonali jirċievu applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni u jiżguraw li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà jkunu osservati. Wara, taħt l-Artikoli 7 u 11 tar-Regolament Nru 1301/2006 u l-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 891/2009, huma jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-applikazzjonijiet riċevuti, joħorġu l-liċenzji tal-importazzjoni lill-operaturi u jinformaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet allokati.

45

Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 393/2011 jiddefinixxi l-koeffiċjenti ta’ allokazzjoni, li tammonta għal 1.8053 %, għall- applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni ppreżentati bejn l-1 u s-7 ta’ April 2011, li għalihom l-kwantità disponibbli nqabżet, u tissospendi l-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet ġodda sal-aħħar tas-sena tas-suq 2010/2011.”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

4

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Mejju 2011, l-appellanti ppreżentaw rikors għall-annullament tar-regolamenti kkontestati u għall-kumpens għad-dannu li allegatament ġarrbu minħabba l-adozzjoni tal-imsemmija regolamenti. Fis-26 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat, b’att separat, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

5

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, sostniet li r-regolamenti kkontestati, filwaqt li huma atti regolatorji, kienu jinvolvu miżuri ta’ implementazzjoni u la kienu jikkonċernaw lill-appellanti individwalment u lanqas direttament.

6

L-appellanti sostnew quddiem il-Qorti Ġenerali li huma kellhom locus standi sabiex jieħdu azzjoni legali kontra r-regolamenti kkontestati minħabba li dawn tal-aħħar huma atti regolatorji li jikkonċernawhom direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni jew, sussidjarjament, li dawn ir-regolamenti jikkonċernawhom direttament u individwalment.

7

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tagħti deċiżjoni fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni mingħajr ma tidħol fid-diskussjoni fuq il-mertu. Hija ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament tar-regolamenti kkontestati.

8

Dwar il-motiv ta’ inammissibbiltà bbażat fuq il-fatt li r-regolamenti kkontestati jinvolvu miżuri ta’ implementazzjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 46 sa 73 tas-sentenza appellata, li dawn ir-regolamenti, kemm dawk li jirrigwardaw il-kummerċjalizzazzjoni taz-zokkor ’il fuq mill-kwota kif ukoll dawk li jirrigwardaw il-kwota tariffarja, ma jistgħux jipproduċu l-effetti legali tagħhom fir-rigward tal-operaturi kkonċernati mingħajr l-istadju intermedjarju ta’ deċiżjonijiet individwali meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-Qorti Ġenerali qieset li tali miżuri jikkostitwixxu miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u ċaħdet l-argumenti tal-appellanti fis-sens li dawn il-miżuri kienu ta’ natura “awtomatika u obbligatorja”.

9

Fil-punt 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-appellanti ma sostnewx li kellhom jiksru l-liġi sabiex ikollhom aċċess għall-qrati, iżda indikaw biss li l-possibbiltà li jippreżentaw rikors kontra l-miżuri nazzjonali meħuda fil-kuntest tal-implementazzjoni tar-regolamenti kienet għadha, għalihom, għall-inqas inċerta. Fil-punti 66 u 68 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, li tali rimedju fuq livell nazzjonali ma huwiex previst espressament mid-dritt sekondarju tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Fil-punt 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-applikazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, kif tidher fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma tistax tkun suġġetta għall-eżistenza ta’ rimedju effettiv fis-sistemi legali tal-Istati Membri, li tippermetti li titqiegħed inkwistjoni l-validità tal-att tal-Unjoni kkontestat. Fil-punt 70 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li tali sistema kieku titlob li, f’kull każ konkret, il-Qorti tal-Unjoni teżamina u tinterpreta d-dritt proċedurali nazzjonali, ħaġa li toħroġ ’il barra mill-ġurisdizzjoni tagħha fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni.

10

Dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li l-appellanti ma stabbilixxewx li huma kkonċernati individwalment mir-regolamenti kkontestati, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, li dawn ir-regolamenti kienu jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt, billi huma japplikaw rispettivament għall-produtturi taz-zokkor kollha tal-Unjoni u għall-importaturi taz-zokkor kollha, mingħajr ma jiġu individwalizzati l-appellanti bi kwalunkwe mod.

11

Peress li l-appellanti sostnew li huma “għall-inqas” ikkonċernati individwalment mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 393/2011, billi sostnew li dan tal-aħħar jaffettwa kategorija magħluqa ta’ operaturi, minħabba li jiddefinixxi koeffiċjent ta’ allokazzjoni sabiex jippermetti d-distribuzzjoni tal-kwota tariffarja bejn l-importaturi li kienu ressqu l-applikazzjonijiet tagħhom bejn l-1 u s-7 ta’ April 2011 biss, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 84 u 89 tas-sentenza appellata, li kull waħda mir-rikorrenti kienet ġiet affettwata bl-istess mod mir-Regolament Nru 393/2011 minħabba l-kwalità oġġettiva tagħha, bħala produttur li ressaq applikazzjoni għal liċenzja, u li, għaldaqstant, l-appartenenza għal ċirku ristrett, li jirriżulta min-natura stess tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, ma kinitx tindividwalizza lill-appellanti.

12

Fil-punt 97 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li peress li r-rikors għal annullament ġie ddikjarat inammissibbli, l-eċċezzjoni ta’ illegalità, imqajma fil-konfront tal-Artikoli 186(a) u 187 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, p. 1), kellha tiġi miċħuda wkoll.

It-talbiet tal-partijiet

13

T & L Sugars u Sidul Açúcares jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu tat-tilwima; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

14

Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li T & L Sugars u Sidul Açúcares jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

15

Ir-Repubblika Franċiża u l-Kunsill jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

16

Insostenn tal-appell tagħhom, T & L Sugars u Sidul Açúcares iqajmu tliet aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, huma jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “att li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”, fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali interpretat ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE b’mod żbaljat sabiex iddeċidiet li huma ma kinux ikkonċernati individwalment mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 393/2011. Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li, peress li r-rikors għal annullament ġie ddikjarat inammissibbli, l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma b’rabta ma’ dan ir-rikors kellha tiġi miċħuda.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

17

Insostenn tal-ewwel aggravju tagħhom, T & L Sugars u Sidul Açúcares isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tar-regolamenti kkontestati jikkostitwixxu miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

18

Huma jqisu li r-regolamenti kkontestati tħejjew fl-iċken dettall tagħhom mill-Kummissjoni u li l-unika funzjoni li tħalliet f’idejn l-Istati Membri hija dik ta’ sempliċi “kaxxa tal-ittri”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellanti ma jistgħux jikkontestaw ir-regolamenti kkontestati quddiem il-qrati nazzjonali għaliex dawn tal-aħħar ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jannullaw dawn ir-regolamenti.

19

L-iżball li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali huwa li kkunsidrat li kull miżura adottata minn Stat Membru fil-kuntest ta’ regolament tal-Unjoni, anki jekk awtomatika jew anċillari, tikkostitwixxi “deċiżjoni ta’ implimentazzjoni” ta’ dan ir-regolament.

20

Il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet ukoll żball ta’ liġi sa fejn affermat, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk att regolatorju “jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”. Sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura ta’ Stat Membru effettivament iżżidx xi ħaġa ma’ att tal-Unjoni li bis-saħħa tiegħu tkun ittieħdet, l-appellanti jqisu li l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tikkostitwixxi kriterju rilevanti. Id-definizzjoni stess tat-terminu “deċiżjoni” timplika att li jeħtieġ għażla bejn diversi possibbiltajiet, u mhux l-implementazzjoni mekkanika, it-trażmissjoni ta’ ordnijiet ta’ terz jew sempliċi att konfermattiv.

21

L-appellanti jqisu li, fil-punti 58 sa 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni restrittiva tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). L-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata wkoll fid-dawl tal-effikaċja proċedurali u b’mod li tingħata tifsira utli lill-emendi magħmula għall-formulazzjoni tat-Trattat FUE. Dawn l-għanijiet jeżiġu li l-individwi jkunu jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jadixxu lill-Qorti Ġenerali meta, fl-assenza ta’ rimedju effettiv, huma ma jkollhom ebda possibbiltà oħra ħlief li jiksru l-liġi sabiex ikunu jistgħu jikkontestaw att tal-Unjoni quddiem qorti, bħal fil-każ inkwistjoni, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni stess.

22

Il-Kummissjoni jidhrilha li l-aħħar frażi tal-Artikolu 263 TFUE għandha l-għan li tippreżerva ċertu bilanċ bejn ir-rwol tal-qrati nazzjonali u dak tal-qrati tal-Unjoni fis-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv tal-Unjoni bbażat fuq l-eżistenza ta’ atti adottati mill-Istati Membri fuq livell nazzjonali sabiex jimplementaw il-leġiżlazzjoni inkwistjoni, kif ukoll fuq il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors ġudizzjarju kontra dawn l-atti quddiem il-qrati nazzjonali, fl-ewwel lok u, sussegwentement, eventwalment quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, meta tali rinviju jkun neċessarju, b’mod partikolari sabiex tiġi evalwata l-validità ta’ att adottat mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, kif ukoll sabiex jiġi ggarantiti interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni mill-qrati nazzjonali, skont l-Artikolu 267 TFUE.

23

Mill-fatt li Stat Membru jkollu setgħa diskrezzjonali limitata f’dak li jirrigwarda l-mod kif jimplementa att regolatorju tal-Unjoni ma jistax jiġi dedott li kwalunkwe annullament ta’ dispożizzjonijiet f’dan l-att ta’ implementazzjoni jirriżulta b’mod obbligatorju minn illegalità preżunta tal-att regolatorju tal-Unjoni nnifsu.

24

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali qieset ġustament li l-miżuri nazzjonali, f’dan il-każ, kienu importanti u neċessarji. Għalkemm ir-regolamenti kkontestati huma atti regolatorji, huma jistgħu jaffettwaw lill-operaturi kkonċernati biss b’mod indirett, b’mod partikolari permezz tal-miżuri ta’ implementazzjoni nazzjonali indispensabbli. Skont il-Kummissjoni, huwa inkontestabbli li mingħajr dawn il-miżuri r-regolamenti kkontestati ma setgħux jipproduċu l-effetti legali tagħhom fir-rigward tal-operaturi kkonċernati.

25

Fil-fatt, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti joħorġu ċ-ċertifikati u l-liċenzji ta’ importazzjoni li jawtorizzaw lill-operaturi jqiegħdu fis-suq kwantitajiet addizzjonali ta’ zokkor ’il fuq mill-kwota b’imposta mnaqqsa jew jimportaw iz-zokkor b’dazji mnaqqsa wara li jkunu identifikaw lill-applikanti, iddeterminaw il-veraċità, il-kompletezza u l-eżattezza tal-applikazzjonijiet tagħhom, ivverifikaw l-istatus tagħhom ta’ operatur effettiv fis-suq, talbu l-kostituzzjoni ta’ garanziji xierqa, iddeċidew li jaċċettaw jew li jiċħdu l-applikazzjonijiet u bagħtu lill-Kummissjoni d-data rilevanti kollha dwar l-applikazzjonijiet milqugħa. Ħafna minn dawn il-kompiti jinvolvu l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali sinjifikattiva min-naħa tal-Istati Membri, li huma wkoll obbligati jimpedixxu kwalunkwe irregolarità jew abbuż.

26

Anki jekk jitqies li ma jeżisti ebda rimedju sabiex jiġu kkontestati l-miżuri ta’ implementazzjoni, għandu jitfakkar li fis-sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 97 u 103), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li “la t-Trattat FUE u lanqas l-Artikolu 19 TUE ma kienu maħsuba sabiex joħolqu quddiem il-qrati nazzjonali, bl-iskop li jiġi osservat id-dritt tal-Unjoni, rimedji għajr dawk stabbiliti mid-dritt nazzjonali”, u li l-Artikolu 47 tal-Karta ma huwiex intiż li jibdel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni.

27

Ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tikkunsidra li r-regolamenti kkontestati kienu jinvolvu miżuri ta’ implementazzjoni. It-tieni nett, din l-interpretazzjoni ma tistax titqiegħed fid-dubju bl-argument tal-appellanti li ebda azzjoni legali ma tista’ tittieħed kontra miżuri nazzjonali meħuda fl-assenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni. It-tielet nett, l-imsemmija interpretazzjoni lanqas ma tista’ titqiegħed fid-dubju bl-argument tal-appellanti li, f’ċerti Stati Membri, huma ma għandhom ebda rimedju effettiv għad-dispożizzjoni tagħhom kontra r-regolamenti kkontestati.

28

Il-Kunsill isostni l-argumenti tal-Kummissjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29

Il-kunċett ta’ “att regolatorju [...] li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”, fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-oriġini tagħha, f’li jiġi evitat li individwu jkun kostrett jikser il-liġi sabiex ikollu aċċess għall-qrati. Issa meta att regolatorju jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika mingħajr ma jeħtieġ miżuri ta’ implementazzjoni, din tal-aħħar tirriskja li ma jkollhiex protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk hija ma jkollhiex rimedju ġudizzjarju dirett quddiem il-qrati tal-Unjoni għall-finijiet li tikkontesta l-legalità ta’ dan l-att regolatorju. Fil-fatt, fl-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, persuna fiżika jew ġuridika, minkejja li tkun ikkonċernata direttament mill-att inkwistjoni, tkun tista’ tikseb stħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-att biss wara li tkun kisret id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi l-att billi tinvoka l-illegalità ta’ dawn tal-aħħar fil-kuntest tal-proċeduri mibdija kontriha quddiem il-qrati nazzjonali (sentenza Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 27).

30

Min-naħa l-oħra, meta att regolatorju jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat indipendentement mill-kwistjoni jekk l-imsemmija miżuri joriġinawx mill-Unjoni jew mill-Istati Membri. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, minħabba l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma jistgħux jikkontestaw att regolatorju tal-Unjoni direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni huma protetti kontra l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ tali att mill-possibbiltà li jikkontestaw il-miżuri ta’ implementazzjoni li dan l-att jinvolvi (sentenza Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 28).

31

Meta l-implementazzjoni ta’ tali att tkun ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jippreżentaw rikors dirett quddiem il-qrati tal-Unjoni kontra l-atti ta’ implementazzjoni taħt il-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u jinvokaw insostenn ta’ dan ir-rikors, skont l-Artikolu 277 TFUE, l-illegalità tal-att bażiku inkwistjoni. Meta din l-implementazzjoni tkun f’idejn l-Istati Membri, dawn il-persuni jistgħu jinvokaw l-invalidità tal-att bażiku inkwistjoni quddiem il-qrati nazzjonali u jwasslu lil dawn il-qrati sabiex, skont l-Artikolu 267 TFUE, jistaqsu dwar dan lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domandi preliminari (sentenzi Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 93, u Telefónica vs Il-Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 29).

32

Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat il-punt jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, għandu jsir riferiment għall-pożizzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt għal azzjoni legali skont l-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk huwa irrilevanti jekk l-att inkwistjoni jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward ta’ individwi oħra (sentenzi Telefónica vs Il-Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 30, u Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 50).

33

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat l-ewwel aggravju invokat minn T & L Sugars u Sidul Açúcares insostenn tal-appell tagħhom.

34

Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 222/2011, l-għan ta’ dan tal-aħħar huwa li jistabbilixxi, għas-sena tas-suq 2010/2011, l-ammont tal-imposta fuq l-ammont żejjed għal EUR 0 kull tunnellata għal kwantitajiet massimi ta’ 500000 tunnellata ta’ zokkor u ta’ 26000 tunnellata ta’ iżoglukożju prodotti ’l fuq mill-kwota stabbilita fl-Anness VI tar-Regolament Nru 1234/2007. Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 222/2011, l-applikanti għal ċertifikat jistgħu jkunu biss impriżi li jipproduċu z-zokkor tal-pitravi jew tal-kannamieli jew l-iżoglukożju, li huma approvati skont l-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1234/2007 u li ngħatatilhom allokazzjoni ta’ kwota ta’ produzzjoni għal din is-sena tas-suq. B’applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 222/2011, moqri flimkien mal-Artikolu 2(4) ta’ dan ir-regolament, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom joħorġu lill-produtturi li jagħmlu applikazzjoni għalihom u fil-limiti tal-kwantitajiet massimi stabbiliti, iċ-ċertifikati għall-kwantitajiet ta’ zokkor u ta’ iżoglukożju li jagħtu d-dritt għall-imsemmi ammont żero.

35

Min-naħa tiegħu, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2011 jiftaħ, għall-istess sena, kwota tariffarja eċċezzjonali għal kwantità ta’ 300000 tunnellata zokkor. B’applikazzjoni tal-Artikoli 4, 5 u 8 tar-Regolament Nru 891/2009, li għalih jirreferi l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2011, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom joħorġu lill-importaturi li jagħmlu applikazzjoni għalihom u fil-limiti tal-kwantità massima stabbilita, il-liċenzji tal-importazzjoni relatati mal-imsemmija kwota tariffarja.

36

Peress li l-kwantitajiet koperti, minn naħa, mill-applikazzjonijiet għal ċertifikati għall-produzzjoni ta’ zokkor ’il fuq mill-kwota mressqa skont ir-Regolament Nru 222/2011 u, min-naħa l-oħra, mill-applikazzjonijiet għal liċenzji tal-importazzjoni mressqa skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2011, qabżu l-kwantitajiet stabbiliti fl-imsemmija atti mal-ewwel ġimgħa ta’ applikazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni stabbilixxiet, fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nru 293/2011 u Nru 393/2011, koeffiċjenti ta’ allokazzjoni li kellhom jiġu applikati għall-applikazzjonijiet għal ċertifikati li kienu diġà tressqu skont ir-Regolament Nru 222/2011 u skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2011, rispettivament.

37

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 222/2011 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 293/2011, l-appellanti, sa fejn ma għandhomx l-istatus ta’ produtturi ta’ zokkor u għalhekk is-sitwazzjoni legali tagħhom ma hijiex affettwata direttament mill-imsemmija regolamenti, ma humiex ikkonċernati direttament minn dawn ir-regolamenti fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara s-sentenzi Glencore Grain vs Il-Kummissjoni, C‑404/96 P, EU:C:1998:196, punt 41; Front national vs Il-Parlament, C‑486/01 P, EU:C:2004:394, punt 34; Il-Kummissjoni vs Ente per le Ville Vesuviane u Ente per le Ville Vesuviane vs Il‑Kummissjoni, C‑445/07 P u C‑455/07 P, EU:C:2009:529, punt 45, u Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 68).

38

Minn dan isegwi li, billi ma eżaminatx jekk l-appellanti kinux ikkonċernati direttament mill-imsemmija regolamenti u billi bbażat l-inammissibbiltà tar-rikors fuq il-fatt li l-istess regolamenti kienu jinvolvu miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

39

Madankollu għandu jiġi rrilevat li, sa fejn, kif ġie kkonstatat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, l-appellanti ma humiex ikkonċernati direttament mir-Regolament Nru 222/2011 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 293/2011 fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata f’dak li jirrigwarda l-inammissibbiltà tar-rikors kontra l-imsemmija regolamenti.

40

Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2011 u Nru 393/2011, dawn tal-aħħar jipproduċu l-effetti legali tagħhom fir-rigward tal-appellanti biss permezz ta’ atti adottati mill-awtoritajiet nazzjonali wara li jitressqu applikazzjonijiet għal ċertifikati abbażi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2011. Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali li joħorġu tali ċertifikati, li japplikaw fir-rigward tal-operaturi kkonċernati l-koeffiċjenti stabbiliti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 393/2011, kif ukoll id-deċiżjonijiet li jirrifjutaw totalment jew parzjalment tali ċertifikati jikkostitwixxu miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

41

Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed fid-dubju mill-allegata natura mekkanika tal-miżuri meħuda fuq livell nazzjonali.

42

Fil-fatt, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, il-kwistjoni hija irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn ir-regolamenti jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

43

F’dak li jirrigwarda l-argument li l-appellanti jisiltu mill-Artikolu 47 tal-Karta, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża li tibdel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea, kif jirriżulta wkoll mill-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 47 li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-Karta (ara s-sentenzi Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 42; Alemo-Herron et, C‑426/11, EU:C:2013:521, punt 32, u Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 97).

44

Għalhekk, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, mingħajr madankollu ma jiġu injorati dawn il-kundizzjonijiet, li huma previsti espressament mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Madankollu, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat, kif jirriżulta mill-Artikolu 19(1) TUE, mhux biss mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll mill-qrati tal-Istati Membri. Fil-fatt, it-Trattat FUE, permezz tal-Artikoli 263 TFUE u 277 TFUE tiegħu, minn naħa, u permezz tal-Artikolu 267 TFUE tiegħu, min-naħa l-oħra, stabbilixxa sistema sħiħa ta’ rimedji u ta’ proċeduri maħsuba sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, filwaqt li ħalla dan l-istħarriġ fir-responsabbiltà tal-qorti tal-Unjoni (sentenzi Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 90 u 92, u Telefónica vs Il-Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 57).

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-individwi għandhom, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali, id-dritt li jikkontestaw quddiem qorti l-legalità ta’ kull deċiżjoni jew ta’ kull att nazzjonali ieħor dwar l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ att tal-Unjoni ta’ portata ġenerali, billi jeċċepixxu l-invalidità ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi E u F, C‑550/09, EU:C:2010:382, punt 45, u Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 94).

47

Minn dan isegwi li r-rinviju għal evalwazzjoni tal-validità jikkostitwixxi, l-istess bħar-rikors għal annullament, modalità tal-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni (ara s-sentenzi Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest, C‑143/88 u C‑92/89, EU:C:1991:65, punt 18; ABNA et, C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, EU:C:2005:741, punt 103, u Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 95).

48

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li meta qorti nazzjonali tqis li motiv jew motivi ta’ invalidità ta’ att tal-Unjoni mressqa mill-partijiet jew, jekk ikun il-każ, imqajma ex officio jkunu fondati, hija għandha tissospendi l-proċedura quddiemha u għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar l-evalwazzjoni tal-validità, billi l-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-invalidità ta’ att tal-Unjoni (sentenzi IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punti 27 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 96).

49

Fir-rigward tal-persuni li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex jippreżentaw rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni, huma għalhekk l-Istati Membri li għandhom jipprovdu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Dan l-obbligu tal-Istati Membri ġie kkonfermat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li jipprovdi li dawn tal-aħħar “għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni” (sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 101). Tali obbligu jirriżulta wkoll mill-Artikolu 47 tal-Karta f’dak li jirrigwarda l-miżuri meħuda mill-Istati Membri meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

51

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

52

T & L Sugars u Sidul Açúcares isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li huma ma humiex ikkonċernati individwalment mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 393/2011.

53

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 393/2011 ma japplikax għal produtturi ta’ zokkor jew għal operaturi ekonomiċi inġenerali, iżda japplika speċifikament għal operaturi li għażlu li jagħmlu applikazzjoni għal liċenzja ta’ importazzjoni u li ressqu applikazzjoni individwali. Huwa kkostitwit minn numru kbir ta’ deċiżjonijiet individwali li jirrispondu għal applikazzjonijiet individwali.

54

Skont l-appellanti, għalkemm it-Trattat ta’ Lisbona jfittex li jwessa’ l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi tal-individwi kontra r-regolamenti, il-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni saħansitra iktar restrittiva tal-kunċett relatat mal-fatt li wieħed ikun “ikkonċernat individwalment” minn dik adottata inizjalment fis-sentenzi Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17) u Toepfer u Getreide-Import Gesellschaft vs Il-Kummissjoni (106/63 u 107/63, EU:C:1965:65).

55

Skont il-Kummissjoni, għalkemm f’dan il-każ l-appellanti jippruvaw jillimitaw l-argument tagħhom biss għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 393/2011, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-regolament ma huwiex att iżolat, iżda jikkostitwixxi r-regolament tal-għeluq tas-“sistema” stabbilita mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2011.

56

Il-Kummissjoni tfakkar li s-sentenza Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17) tiddikjara li persuni li ma jkunux dik li lilha att huwa indirizzat jistgħu jippretendu li huma kkonċernati individwalment biss jekk dan l-att ikun ġie adottat speċifikament billi ttieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ applikant għall-finijiet tal-adozzjoni tiegħu.

57

Is-sistemi previsti mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2011 u Nru 393/2011 li, flimkien mar-Regolamenti Nru 891/2009 u Nru 1301/2006, jikkompletawhom, huma miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali li huma indirizzati lill-importaturi ta’ zokkor kollha, inklużi l-proċessuri tal-pitravi taz-zokkor li huma importaturi u kull kummerċjant ieħor, u, bħala tali, ma ġewx adottati billi ttieħdet inkunsiderazzjoni kwalunkwe karatteristika jew kundizzjoni speċifika tar-raffinaturi full-time, li l-appellanti jagħmlu parti minnhom.

58

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza Zuckerfabrik Watenstedt vs Il‑Kunsill (6/68, EU:C:1968:43, 605), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura ta’ regolament ta’ att ma titqegħidx fid-dubju mill-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tal-persuni li għalihom japplika f’mument partikolari, sa fejn huwa paċifiku li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ liġi jew ta’ fatt iddefinita mill-att, b’rabta mal-għan ta’ dan tal-aħħar.

59

Ir-Repubblika Franċiża tqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 393/2011 ma jistax jitqies li huwa serje ta’ deċiżjonijiet individwali, billi l-Kummissjoni stabbilixxiet il-koeffiċjent ta’ allokazzjoni unikament fid-dawl tal-kwantità totali ta’ zokkor jew ta’ iżoglukożju li tirriżulta mill-applikazzjonijiet kollha mressqa lill-awtoritajiet nazzjonali. Għalhekk, l-istabbiliment tal-koeffiċjent ta’ allokazzjoni jippermetti biss li jiġi ddeterminat, skont regola oġġettiva u indipendentement mill-applikazzjonijiet individwali ta’ kull operatur, li barra minn hekk il-Kummissjoni bl-ebda mod ma tieħu konjizzjoni tagħhom, f’liema proporzjonijiet l-awtoritajiet nazzjonali ser jilqgħu l-applikazzjonijiet li jitressqu lilhom. L-uniku għan tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 393/2011 huwa li jġib l-għadd tal-kwantitajiet totali ta’ zokkor u ta’ iżoglukożju li jirriżulta mill-applikazzjonijiet kollha mressqa lill-awtoritajiet nazzjonali f’konformità mal-volum tal-kwota miftuħa mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2011, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni kwalunkwe ċirkustanza speċifika għal operatur partikolari.

60

Il-Kunsill isostni l-argumenti tal-Kummissjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

61

Għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 38 ta’ din is-sentenza, li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 393/2011 jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni.

62

Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra att li ma jkunx indirizzat lilha u li jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni biss jekk dan l-att jikkonċernaha direttament u individwalment.

63

F’dak li jirrigwarda t-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, jiġifieri l-fatt li wieħed ikun ikkonċernat individwalment mill-att inkwistjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li persuni li ma jkunux dawk li lilhom deċiżjoni hija indirizzata jistgħu jippretendu li huma kkonċernati individwalment biss jekk din id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti karatteristiċi li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddifferenzjahom minn kwalunkwe persuna oħra u, għalhekk, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak ta’ destinatarju (sentenzi Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, 223; Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 72, u Telefónica vs Il-Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 46).

64

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tal-persuni li għalihom tapplika miżura bl-ebda mod ma timplika li dawn il-persuni għandhom jitqiesu li huma kkonċernati individwalment minn din il-miżura sa fejn huwa paċifiku li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ liġi jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Antillean Rice Mills vs Il‑Kunsill, C‑451/98 P, EU:C:2001:622, punt 52, u Telefónica vs Il-Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 47).

65

Għandu jiġi kkonstatat li dan huwa l-każ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 393/2011 li T & L Sugars u Sidul Açúcares jitolbu li jiġi annullat u li fid-dawl tiegħu għandu konsegwentement jiġi eżaminat il-locus standi ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, peress li dan ir-regolament, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, jirreferi għall-“kwantitajiet li għalihom tressqu l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni mill-1 sas-7 ta’ April 2011”, T & L Sugars u Sidul Açúcares ma jistgħux jitqiesu li huma individwalizzati minn din id-dispożizzjoni.

66

Fil-fatt, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 393/2011 jirrigwarda l-applikanti kollha għal liċenzja ta’ importazzjoni li ressqu l-applikazzjoni tagħhom bejn l-1 u s-7 ta’ April 2011 fuq il-livell tal-Unjoni. Kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 85 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1301/2006 jipprevedi l-istabbiliment ta’ koeffiċjent ta’ allokazzjoni li huwa kkalkolat skont il-kwantità disponibbli u l-kwantità mitluba, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut tal-applikazzjonijiet individwali jew is-sitwazzjoni speċifika tal-applikanti. Għalhekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 393/2011 ġie adottat mhux billi ttieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tal-appellanti, iżda esklużivament billi ttieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kwantitajiet koperti mill-applikazzjonijiet għal liċenzji ta’ importazzjoni mressqa lill-awtoritajiet kompetenti mill-1 sas-7 ta’ April 2011 jaqbżu l-kwantità disponibbli, kif jirriżulta mill-premessa 1 ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, la l-applikazzjoni għal liċenzja u lanqas iktar ġeneralment is-sitwazzjoni individwali ta’ T & L Sugars u ta’ Sidul Açúcares ma ttieħdu inkunsiderazzjoni meta ġie adottat l-imsemmi regolament.

67

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali kellha raġun tiddeċiedi, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li T & L Sugars u Sidul Açúcares ma humiex ikkonċernati individwalment mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 393/2011, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

68

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni aggravju għandu wkoll jiġi miċħud.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

69

Fil-kuntest tat-tielet aggravju, l-appellanti jikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punt 97 tas-sentenza appellata, li “peress li r-rikors għal annullament kien iddikjarat inammissibbli, l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fir-rigward ta’ dan ir-rikors għandha tiġi miċħuda konsegwentement”.

70

Skont l-appellanti, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-argumenti tal-appellanti li r-regolamenti kkontestati ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni u jikkonċernaw individwalment lill-appellanti, ir-raġunijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali sabiex tiġġustifika ċ-ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra l-Artikoli 186(a) u 187 tar-Regolament Nru 1234/2007, jitilfu kwalunkwe bażi.

71

Il-Kummissjoni tosserva li l-appellanti jaffermaw sempliċement li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ċaħdet l-imsemmija eċċezzjoni ta’ illegalità minħabba żbalji li huma spjegaw fl-ewwel u fit-tieni aggravji tagħhom. Fid-dawl tal-fatt li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball fuq dan il-punt, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

72

Ir-Repubblika Franċiża u l-Kunsill isostnu l-argumenti tal-Kummissjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

73

L-appellanti jqisu essenzjalment li, peress li l-Qorti Ġenerali wettqet l-iżbalji ta’ liġi invokati fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni aggravji tagħhom, hija ma setgħetx tiċħad l-eċċezzjoni ta’ illegalità.

74

Issa għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punti 51 u 68 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma kinux issodisfatti sabiex jiġi ppreżentat rikors kontra r-regolamenti kkontestati li jinvolvu miżuri ta’ implementazzjoni u li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 393/2011 ma kienx jikkonċerna individwalment lill-appellanti. Konsegwentement, peress li r-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali kien inammissibbli, din tal-aħħar ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mill-appellanti.

75

Minn dan isegwi li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

76

Peress li l-aggravji kollha mqajma minn T & L Sugars u Sidul Açúcares insostenn tal-appell tagħhom ġew miċħuda, dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

77

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-Artikolu 138(2) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprovdi li l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

78

Peress li T & L Sugars u Sidul Açúcares tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

T & L Sugars Ltd u Sidul Açúcares Unipessoal Lda huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq