EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0441

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-22 ta’ Jannar 2015.
Pez Hejduk vs EnergieAgentur.NRW GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Handelsgericht Wien.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 5(3) — Kompetenzi speċjali f’materja ta’ delitti jew kważi delitti — Drittijiet tal-awtur — Kontenut żmaterjalizzat — Tpoġġija fuq l-internet — Determinazzjoni tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż — Kriterji.
Kawża C-441/13.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:28

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

22 ta’ Jannar 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 5(3) — Kompetenzi speċjali f’materja ta’ delitti jew kważi delitti — Drittijiet tal-awtur — Kontenut żmaterjalizzat — Tpoġġija fuq l-internet — Determinazzjoni tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż — Kriterji”

Fil-Kawża C‑441/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Handelsgericht Wien (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Awwissu 2013, fil-proċedura

Pez Hejduk

vs

EnergieAgentur.NRW GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President ta’ Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Hejduk, minn M. Pilz, avukat,

għal EnergieAgentur.NRW GmbH, minn M. Wukoschitz, avukat,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u E. Pedrosa, bħala aġenti,

għall-Gvern Svizzeru, minn M. Jametti, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi tal-qorti f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn P. Hejduk, iddomiċiljata fi Vjenna (l-Awstrija), u EnergieAgentur.NRW GmbH (iktar ’il quddiem “EnergieAgentur”), li għandha s-sede tagħha f’Düsseldorf (il-Ġermanja), dwar talba sabiex jiġi kkonstatat ksur tad-drittijiet tal-awtur minħabba t-tpoġġija fuq is-sit tal-internet ta’ EnergieAgentur ta’ ritratti meħuda minn P. Hejduk mingħajr il-kunsens ta’ din tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 44/2001

3

Mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li dan tal-aħħar huwa intiż sabiex, fl-interess tal-funzjonament korrett tas-suq intern, jimplementa “[d]isposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament”.

4

Il-premessi 11, 12 u 15 ta’ dan ir-regolament jipprovdu:

“(11)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)

B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

[...]

(15)

Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. [...]”

5

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni jinsabu fil-Kapitolu II tal-istess regolament.

6

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu II, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, huwa fformulat kif ġej:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

7

L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, li jinsab fl-imsemmija Sezzjoni 1, jipprovdi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

8

L-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 2, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, tal-Kapitolu II ta’ dan tal-aħħar, jipprovdi kif ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[...]

3)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq.”

Id-Direttiva 2001/29/KE

9

Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230):

“Din id-Direttiva tirrigwarda l-protezzjoni legali tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, mingħajr enfasi partikolari fuq is-soċjetà ta’ informazzjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li jirriżulta li P. Hejduk hija fotografu professjonali arkitettonika, awtriċi, b’mod partikolari, ta’ xogħlijiet fotografiċi li jippreżentaw xogħlijiet tal-arkitett Awstrijaku Georg W. Reinberg. Dan tal-aħħar uża, fil-kuntest ta’ konferenza organizzata fis-16 ta’ Settembru 2004 minn EnergieAgentur, ir-ritratti ta’ P. Hejduk sabiex juri l-kostruzzjonijiet tiegħu, u dan kien awtorizzat li jagħmlu minn P. Hejduk.

11

Sussegwentement EnergieAgentur, mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ P. Hejduk u mingħajr ma tat indikazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur, irrendiet l-imsemmija ritratti aċċessibbli għall-konsultazzjoni u għar-reġistrazzjoni privata mis-sit tal-internet tagħha.

12

Peress li kkunsidrat li EnergieAgentur kienet kisret id-drittijiet tal-awtur tagħha, P. Hejduk fetħet kawża quddiem il-Handelsgericht Wien bil-għan li tikseb kumpens għad-danni fl-ammont ta’ EUR 4 050, kif ukoll l-awtorizzazzjoni li tippubblika s-sentenza bl-ispejjeż imposti fuq din il-kumpannija.

13

Il-qorti tar-rinviju tesponi li, sabiex tiġġustifika l-għażla ta’ din il-qorti, P. Hejduk invokat l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. EnergieAgentur qajmet l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali u territorjali tal-Handelsgericht Wien li ssostni li s-sit tal-internet tagħha ma huwiex dirett għall-Awstrija, u li s-sempliċi fakultà li dan jista’ jiġi kkonsultat minn dan l-Istat Membru hija insuffiċjenti sabiex tikkonferixxi l-ġurisdizzjoni lill-imsemmija qorti.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Handelsgericht Wien iddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 5(3) tar-Regolament [44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’kawża li tirrigwarda ksur ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur, imwettaq billi ritratt ġie magħmul aċċessibbli għal konsultazzjoni fuq sit tal-internet, u dan is-sit huwa operat taħt it-top-level domain ta’ Stat Membru differenti minn dak li fih il-proprjetarju tad-dritt għandu d-domiċilju tiegħu, teżisti ġurisdizzjoni biss:

fl-Istat Membru li fih il-persuna li allegatament wettqet il-ksur għandha s-sede tagħha kif ukoll

fl-Istat Membru jew fl-Istati Membri li għalih(hom) huwa dirett is-sit tal-Internet, skont il-kontenut tiegħu?”

Fuq id-domanda preliminari

15

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ allegat ksur tad-drittijiet relatati mad-dritt tal-awtur iggarantiti mill-Istat Membru tal-qorti adita, din tal-aħħar ikollha l-ġurisdizzjoni tieħu konjizzjoni ta’ kawża għad-danni riżultanti minn ksur ta’ dawn id-drittijiet minħabba t-tpoġġija fuq l-internet ta’ ritratti protetti fuq sit tal-internet aċċessibbli fil-ġurisdizzjoni tagħha.

16

Preliminarjament, jeħtieġ, minn naħa li jitfakkar li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Coty Germany, C-360/12, EU:C:2014:1318, punti 43 sa 45).

17

Huwa biss b’deroga mill-prinċipju fundamentali stabbilita fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li tagħti l-kompetenza lill-qrati tal-Istat Membru fit-territorju tiegħu l-konvenut huwa ddomiċiljat, li s-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament jipprevedi ċertu numru ta’ attribuzzjonijiet ta’ kompetenzi speċjali, li fosthom hemm dik prevista mil-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament (sentenza Coty Germany, EU:C:2014:1318, punt 44).

18

Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-frażi “tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”, li tinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, issemmi kemm il-post fejn jimmaterjalizza d-dannu kif ukoll il-post tal-avveniment kawżali li minnu joriġina d-dannu, b’tali mod li l-konvenut jista’ jiġi mħarrek, fuq it-talba tal-attur, quddiem il-qorti ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ postijiet (sentenza Coty Germany, EU:C:2014:1318, punt 46).

19

F’dan ir-rigward, huwa stabbilit skont ġurisprudenza stabbilita li r-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment mill-qrib bejn il-kontestazzjoni u l-qrati tal-post fejn ġie prodott il-fatt danneġġuż jew hemm riskju li jiġi prodott, li tiġġustifika attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni ta’ dawn tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-organizzazzjoni utli tal-proċess (sentenza Coty Germany, EU:C:2014:1318, punt 47).

20

Peress li l-identifikazzjoni ta’ wieħed mill-punti ta’ rabta rikonoxxuti mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 18 ta’ din is-sentenza għandu jippermetti li tipi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti li hija oġġettivament fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa jekk l-elementi li jikkostitwixxu r-responsabbiltà tal-persuna mħarrka humiex issodisfatti, isegwi li ma għandha tiġi adita validament l-ebda qorti ħlief dik li fil-ġurisdizzjoni tagħha tkun teżisti r-rabta rilevanti (sentenza Coty Germany, EU:C:2014:1318, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi ppreċiżat li għalkemm, fil-kawża prinċipali, P. Hejduk tallega ksur tad-drittijiet tagħha tal-awtur permezz tat-tpoġġija fuq is-sit tal-internet tar-ritratti tagħha mingħajr il-kunsens tagħha, din l-allegazzjoni tikkonċerna, skont il-qorti tar-rinviju, speċifikament drittijiet relatati mad-dritt tal-awtur.

22

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li għalkemm id-drittijiet tal-awtur għandhom jiġu protetti, b’mod partikolari skont id-direttiva 2001/29, b’mod awtomatiku fl-Istati Membri kollha, dawn huma suġġetti għall-prinċipju ta’ territorjalità. Għaldaqstant dawn id-drittijiet jistgħu jiġu miksura, rispettivament, f’kull wieħed mill-Istati Membri, skont id-dritt materjali applikabbli (ara s-sentenza Pinckney, C‑170/12, EU:C:2013:635, punt 39).

23

Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-avveniment kawżali, iddefinit bħala li fatt li minnu oriġina d-dannu allegat (ara s-sentenza Zuid-Chemie, C‑189/08, EU:C:2009:475, punt 28), ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita b’kawża bħall-kawża prinċipali.

24

Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-allegat delitt jikkonsisti fil-ksur ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati mad-dritt tal-awtur permezz tat-tpoġġija fuq sit tal-internet partikolari ta’ ritratti mingħajr il-kunsens tal-awtur tagħhom, jeħtieġ li jitqies li huwa avveniment kawżali l-bidu tal-proċess tekniku tal-wiri ta’ ritratti fuq l-imsemmi sit tal-internet. Il-fatt li jagħti lok għal ksur eventwali tad-drittijiet tal-awtur għalhekk jinsab fl-aġir tal-proprjetarju ta’ dan is-sit (ara, b’analoġija, is-sentenza Wintersteiger, C‑523/10, EU:C:2012:220, punti 34 u 35).

25

F’kawża bħall-kawża prinċipali, l-atti u l-ommissjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu tali ksur jistgħu jkunu lokalizzati biss fil-post fejn jinsab is-sede ta’ EnergieAgentur, peress li kien hemmhekk din tal-aħħar ħadet u eżegwiet id-deċiżjoni li tpoġġi fuq l-internet ritratti permezz ta’ sit tal-internet partikolari. Issa, huwa stabbilit li dan is-sede ma jinsabx fl-Istat Membru li tinsab fih il-qorti tar-rinviju.

26

Isegwi li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-avveniment kawżali seħħ fis-sede ta’ din il-kumpannija u, għaldaqstant, ma jippermettix li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita.

27

Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk tali qorti jistax ikollha ġurisdizzjoni abbażi tal-materjalizzazzjoni tad-dannu allegat.

28

Għalhekk, hemm lok li jiġi ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom, għall-finijiet tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, id-dannu li jirriżulta mill-allegat ksur tad-drittijiet tal-awtur jimmaterjalizza jew jista’ jimmaterjalizza fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih il-konvenut adotta u eżegwixxa d-deċiżjoni li jpoġġi ritratti fuq sit tal-internet partikolari.

29

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat mhux biss li l-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jvarja skont in-natura tad-dritt allegatament miksur, iżda wkoll li r-riskju li d-dannu jimmaterjalizza ruħu fi Stat Membru partikolari huwa suġġett għall-fatt li d-dritt li huwa allegatament miksur ikun protett f’dan l-Istat Membru huwa suġġett għall-fatt li d-dritt li huwa allegatament miksur ikun protett f’dan l-Istat Membru (ara s-sentenza Pinckney, EU:C:2013:635, punti 32 u 33).

30

Fir-rigward ta’ dan it-tieni aspett, fil-kawża prinċipali, P. Hejduk tallega ksur tad-drittijiet tagħha tal-awtur, minħabba l-pubblikazzjoni tar-rittatti tagħha fuq is-sit tal-internet ta’ EnergieAgentur. Huwa stabbiliti li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 22 ta’ din is-sentenza, id-drittijiet li hija tinvoka huma protetti fl-Awstrija.

31

Fir-rigward tar-riskju ta’ materjalizzazzjoni ta’ dannu fi Stat Membru ieħor li ma huwiex dak li fih għandha s-sede tagħha EnergieAgentur, din il-kumpannija tenfasizza li s-sit tal-internet tagħha, li fuqu ġew ippubblikati r-ritratti kkontestati, li jopera taħt l-isem tad-dominju nazzjonali tal-ewwel livell Ġermaniż, jiġifieri “.de” ma huwiex dirett għall-Awstrija u li, konsegwentement, id-dannu ma mmaterjalizzax ruħu f’dan l-aħħar imsemmi Stat Membru.

32

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, li ġie interpretat fis-sentenza, Pammer u Hotel Alpenhof (C‑585/08 u C‑144/09, EU:C:2010:740), l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-Regolament ma jirrikjedix li s-sit inkwistjoni jkun “dirett lejn” l-Istat Membru tal-qorti adita (ara s-sentenza Pinckney, EU:C:2013:635, punt 42).

33

Għaldaqstant, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu bil-għan li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, huwa irrilevanti l-fatt li s-sit tal-internet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jkunx dirett lejn l-Istat Membru li tkun tinsab fih il-qorti adita.

34

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jeħtieġ għalhekk li jiġi kkunsidrat li l-materjalizzazzjoni tad-dannu u/jew ir-riskju ta’ din il-materjalizzazzjoni jirriżultaw mill-aċċessibbiltà, fl-Istat Membru li tinsab fih il-qorti adita, permezz tas-sit tal-internet ta’ EnergieAgentur, tar-ritratti li magħhom hemm marbuta d-drittijiet invokat minn P. Hejduk.

35

Hemm lok li jiġi speċifikat li l-kwistjoni tal-portata tad-dannu allegat minn P. Hejduk taqa’ taħt l-eżami tat-talab fil-mertu u ma tistax tkun rilevanti fl-istadju tal-verifika tal-ġurisdizzjoni.

36

Madankollu, jeħtieġ li jitfakkar li, peress li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet mad-dritt tal-awtur mogħtija mill-Istat Membru li tinsab fih il-qorti adita hija limitata għat-territorju ta’ dan tal-aħħar, il-qorti adita, abbażi tal-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu allegat, għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tieħu konjizzjoni tad-dannu kkawżat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pinckney, EU:C:2013:635, punt 45).

37

Fil-fatt, il-qrati ta’ Stati Membri oħra fil-prinċipju jibqa’ jkollhom ġurisdizzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 u tal-prinċipju ta’ territorjalità, sabiex jieħdu konjizzjoni tad-dannu kkawżat lid-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fit-territorju tal-Istat Membru rispettiv tagħhom, peress li dawn jinsabu f’pożizzjoni aħjar, minn naħa, sabiex jevalwaw jekk kienx hemm effettivament ksur tad-drittijiet iggarantiti mill-Istat Membru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, sabiex tiġi ddeterminata n-natura tad-dannu li ġie kkawżat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pinckney, EU:C:2013:635, punt 46).

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ ksur allegat ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur iggarantiti mill-Istat Membru tal-qorti adita, din tal-aħħar ikollha ġurisdizzjoni, abbażi tal-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, li tieħu konjizzjoni ta’ kawża għad-danni għal ksur ta’ dawn id-drittijiet minħabba t-tpoġġija fuq l-internet ta’ ritratti protetti fuq sit tal-internet aċċessibbli fil-ġurisdizzjoni tagħha. Din il-qorti jkollha ġurisdizzjoni biss sabiex tieħu konjizzjoni tad-dannu kkawżat fit-territorju tal-Istat Membru li hija tkun fih.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi tal-qorti f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ ksur allegat ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur iggarantiti mill-Istat Membru tal-qorti adita, din tal-aħħar ikollha ġurisdizzjoni, abbażi tal-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, li tieħu konjizzjoni ta’ kawża għad-danni għal ksur ta’ dawn id-drittijiet minħabba t-tpoġġija fuq l-internet ta’ ritratti protetti fuq sit tal-internet aċċessibbli fil-ġurisdizzjoni tagħha. Din il-qorti jkollha ġurisdizzjoni biss sabiex tieħu konjizzjoni tad-dannu kkawżat fit-territorju tal-Istat Membru li hija tkun fih.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq