Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CC0110

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Cruz Villalón, ippreżentati fit-23 ta’ April 2015.
Horațiu Ovidiu Costea vs SC Volksbank România SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Judecătoria Oradea.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 2(b) – Kunċett ta’ ‘konsumatur’ – Kuntratt ta’ kreditu konkluż minn persuna fiżika li teżerċita l-professjoni ta’ avukat – Ħlas lura tal-kreditu ggarantit minn proprjetà immobbli tal-uffiċċju tal-avukati tal-persuna li tissellef – Persuna li tissellef li għandha l-għarfien neċessarju sabiex tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola qabel l-iffirmar tal-kuntratt.
Kawża C-110/14.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:271

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fit-23 ta’ April 2015 ( 1 )

Kawża C‑110/14

Horațiu Ovidiu Costea

vs

SC Volksbank România SA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Judecătoria Oradea (ir-Rumanija)]

“Protezzjoni tal-konsumaturi — Kunċett ta’ konsumatur fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13/KEE — Kuntratt ta’ kreditu konkluż minn persuna fiżika li tipprattika l-professjoni ta’ avukat — Kreditu ggarantit permezz ta’ proprjetà immobbli tal-uffiċċju tal-avukati tal-mutwanti — Impatt tal-għarfien u tal-professjoni fuq il-kwalità ta’ konsumatur — Determinazzjoni tad-destinazzjoni tal-kreditu — Kuntratti għal żewġ għanijiet, fis-sens tal-premessa 17 tad-Direttiva 2011/83/UE — Impatt tal-kuntratt anċillari fuq il-kuntratt prinċipali”

1. 

Din id-domanda preliminari, magħmula mill-Judecătoria Oradea (ir-Rumanija), tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċiedi dwar il-kunċett ta’ konsumatur fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) ( 2 ), li jgħid li “konsumatur” tfisser kull persuna fiżika li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha.

2. 

Għalkemm il-kunċett ta’ konsumatur kien suġġett għal interpretazzjoni ġudizzjarja f’ambiti differenti tad-dritt tal-Unjoni, dan il-kunċett, sa issa, għadu ma ġiex żviluppat b’mod eżawrjenti fil-ġurisprudenza fil-kuntest speċifiku tad-Direttiva ( 3 ), li tagħha qed tintalab l-interpretazzjoni f’dan il-każ. B’mod konkret, dan il-każ jippreżenta l-partikolarità tal-kontestazzjoni tal-kwalità ta’ konsumatur ta’ professjonist tad-dritt fir-rigward tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu, iggarantit permezz ta’ proprjetà immobbli, li tappartjeni lill-uffiċċju individwali tiegħu ta’ avukat. Għalhekk tqum, minn naħa, il-kwistjoni tal-impatt tal-ħiliet u l-għarfien partikolari ta’ persuna fil-kapaċità tagħha ta’ konsumatur u, min-naħa l-oħra, l-influwenza tar-rwol li tali persuna għandha f’kuntratt anċillari ta’ garanzija fir-rigward tal-kwalità tiegħu ta’ konsumatur f’kuntratt prinċipali ta’ kreditu.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

Il-premessi 5 sa 10 u 16 tad-Direttiva huma fformulati kif ġej:

“(5)

Billi, ġeneralment, il-konsumaturi ma jkunux jafu r-regoli tal-liġi li, fi Stati Membri li ma jkunux tagħhom stess, jiggwidaw kuntratti għall-bejgħ ta’ merkanzija jew servizzi; billi dan in-nuqqas ta’ kuxjenza jista’ jżommhom lura minn transazzjonijiet diretti għax-xiri ta’ merkanzija jew servizzi fi Stat Membru ieħor;

[…]

(10)

Billi tista’ tinkiseb protezzjoni aktar effettiva tal-konsumatur billi jiġu adottati regoli tal-liġi uniformi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti; billi dawk ir-regoli għandhom jgħoddu għall-kuntratti kollha konklużi bejn il-bejjiegħa jew il-fornituri u l-konsumaturi; billi bħala riżultat kuntratti inter alia relatati ma’ l-impieg, kuntratti relatati mad-drittijiet tas-suċċessjoni, kuntratti relatati mad-drittijiet taħt il-liġi tal-familja u kuntratti relatati ma’l-inkorporazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kumpaniji jew ftehim ta’ sħubija għandhom jiġu esklużi minn din id-Direttiva;

[…]

(16)

Billi l-istima, skond il-kriterji ġenerali magħżula, tal-karattru inġust ta’ klawżoli, b’mod partikolari fil-bejgħ jew f’attivitajiet ta’ provvista ta’ natura pubblika li jipprovdu servizzi kollettivi li jqisu s-solidarjetà fost l-utenti, għandha tiġi supplimentata billi ssir valutazzjoni globali tad-diversi interessi involuti; billi din tikkostitwixxi l-ħtieġa ta’ buona fede; billi, waqt li tkun qed issir stima ta’ buona fede, għandha titqies b’mod partikolari s-saħħa tal-posizzjonijiet tal-ftehim tal-partijiet, kemm jekk il-konsumatur kellu xi jħajru biex jaqbel mal-klawżola kif ukoll jekk il-merkanzija jew is-servizzi nbiegħu jew ġew ipprovduti bl-ordni speċjali tal-konsumatur; billi l-ħtieġa ta’ buona fede tista’ tkun sodisfatta mill-bejjiegħ jew mill-fornitur meta dan jittratta b’mod ġust u ekwu mal-parti l-oħra li huwa għandu jikkunsidra l-interessi leġittimi tagħha”.

4.

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva, jipprovdi li l-għan tad-Direttiva huwa li “japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur”.

5.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva jinkludi d-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ konsumatur u ta’ bejjiegħ jew fornitur. Skont din id-dispożizzjoni, “[g]ħall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

b)

‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

c)

‘bejjiegħ jew fornitur’ tfisser kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha, sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata.”

B – Il-liġi Rumena

6.

L-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 193/2000 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn professjonisti u konsumaturi (Legea privind clauzele abuzive din contractele încheiate între comercianţi şi consumatori), fil-verżjoni fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu li huwa s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprovdi dan li ġej:

“1.   Konsumatur tfisser kull persuna fiżika jew grupp ta’ persuni fiżiċi li jiffurmaw assoċjazzjoni li, fuq il-bażi ta’ kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi ċċitata, taġixxi għal finijiet separati mill-attività kummerċjali, industrijali jew produttiva, tas-sengħa jew professjoni tagħha.

2.   Negozjant tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata biex, skont kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija liġi, taġixxi fil-kuntest tal-attività kummerċjali, industrijali jew produttiva, tas-sengħa jew professjoni tagħha kif ukoll kull min jaġixxi bl-istess għan f’isem jew bħala rappreżentant ta’ din il-persuna.”

II – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7.

Ir-rinviju preliminari preżenti jsir fil-kuntest ta’ proċedura ċivili bejn H.O. Costea, bħala r-rikorrent, u SC Volksbank România SA (iktar ’il quddiem, “Volksbank”), bħala l-konvenuta, u għandu l-għan ta’ azzjoni dikjaratorja quddiem il-Judecătoria Oradea (ir-Rumanija), il-qorti ċivili tal-prim’istanza.

8.

Ir-rikorrent, H.O. Costea, huwa avukat prattikanti li jipprattika fil-kuntest tad-dritt kummerċjali. Fl-2008, H.O. Costea ffirma kuntratt ta’ kreditu ma’ Volksbank (iktar ’il quddiem, “il-kuntratt ikkontestat”). Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, dan il-kuntratt kien iffirmat ukoll mill-uffiċċju individwali tal-avukati “Costea Ovidiu”, bħala garanti ipotekarju. Fil-fatt, fl-istess data tal-kuntratt ta’ kreditu ġie konkluż ukoll kuntratt li permezz tiegħu, l-uffiċċju individwali “Costea Ovidiu”, bħala sid tal-proprjetà, stipula ma’ Volksbank l-garanzija ta’ ħlas lura tal-kreditu msemmi preċedentement (iktar ’il quddiem, “il-kuntratt ta’ garanzija”). L-uffiċċju “Costea Ovidiu” ġie rrappreżentat, għal dan il-għan, minn H.O. Costea. Kien preċiżament dan il-fatt, li ppermetta lill-entità bankarja konvenuta biex ikollha informazzjoni dwar il-professjoni tal-mutwanti.

9.

Fl-24 ta’ Mejju 2013, H.O. Costea ressaq id-domanda li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali kontra Volksbank, filwaqt li talab dikjarazzjoni tal-karattru inġust tal-klawżola relatata mal-kummissjoni għal riskju, li tinsab fil-punt 5(a) tal-kuntratt ta’ kreditu ( 4 ), kif ukoll il-ħlas lura tal-ammonti imposti mill-bank għal din ir-raġuni. H.O. Costea jibbaża t-talbiet tiegħu fuq il-kwalità tiegħu ta’ konsumatur, filwaqt li rrefera għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 193/2000 li tittrasponi d-Direttiva fid-dritt Rumena. B’mod partikolari, H.O. Costea jqis li l-klawżola fuq il-kummissjoni għal riskju ma kinitx ġiet innegozjata, iżda kienet imposta unilateralment mill-bank. Minn dan, ir-rikorrent jikkonkludi li l-klawżola għandha karattru inġust, meta wieħed iqis, barra minn hekk, li l-garanzija ipotekarja li akkumpanjat il-kreditu kienet eliminat dan ir-riskju. La l-kontenut tal-klawżola u lanqas il-karattru potenzjalment inġust tagħha ma huma diskussi fid-digriet tar-rinviju ( 5 ).

10.

Peress li biex tiġi riżolta l-kawża prinċipali għandu jiġi interpretat l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13/KEE, il-Judecătoria Oradea għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur”, l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi jew fis-sens li jeskludi minn din id-definizzjoni persuna fiżika li teżerċita l-professjoni ta’ avukat li tikkonkludi kuntratt ta’ kreditu ma’ bank, mingħajr ma huwa speċifikat f’dan il-kuntratt l-għan tal-kreditu, li jsemmi l-kwalità ta’ garanzija ipotekarja tal-uffiċċju ta’ avukat tal-imsemmija persuna fiżika?”

11.

Osservazzjonijiet bil-miktub fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ġew ippreżentati minn SC Volksbank România, mill-Gvern Rumen, mill-Gvern Taljan, mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni Ewropea. Matul is-seduta tat-28 ta’ Jannar 2015, il-partijiet intalbu jiffukaw l-argumenti tagħhom fuq l-impatt tal-kuntratt anċillari ta’ garanzija fuq il-kwalità tal-konsumatur u fuq l-utilità, fil-kuntest ta’ dan il-każ, tal-indikazzjonijiet li jikkonċernaw kuntratti għal żewġ għanijiet, li jinsabu fil-premessa 17 tad-Direttiva 2011/83/UE ( 6 ). Osservazzjonijiet orali kienu ppreżentati minn H.O. Costea, mill-Gvern Rumen u mill-Kummissjoni Ewropea.

III – Osservazzjonijiet preliminari

12.

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, filwaqt li fid-digriet tar-rinviju l-qorti nazzjonali tindika li l-kliem tal-kuntratt fl-ebda mument ma jispeċifika d-destinazzjoni tal-kreditu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, kemm il-Gvern Rumen kif ukoll il-Kummissjoni enfasizzaw il-fatt li l-kuntratt ikkontestat fih klawżola li tidentifika l-għan tal-kuntratt, li tgħid li l-kreditu ngħata għall-“kopertura ta’ nfiq personali ta’ kuljum”. Dan il-fatt ma huwiex ikkontestat minn Volksbank, u kien ikkonfermat matul is-seduta minn H.O. Costea.

13.

Fid-dawl ta’ dan, u minkejja li l-ġurisdizzjoni nazzjonali tagħmel id-domanda tagħha billi tirreferi għal sitwazzjoni fejn ma tkunx speċifikata d-destinazzjoni tal-kreditu, inqis li d-diskrepanza bejn it-talba għal deċiżjoni preliminari u l-osservazzjonijiet sottomessi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tikkostitwixxi ostakolu għal din il-qorti biex tagħti risposta utli għad-domanda preliminari magħmula.

14.

Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li l-istess qorti hija responsabbli sabiex tiddefinixxi, u li l-verifika tal-eżattezza tagħhom ma hijiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali jkun iġġustifikat biss jekk ikun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 7 ).

15.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward, b’mod partikolari, tan-nuqqasijiet allegati u l-iżbalji tal-fatt li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-qorti nazzjonali u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-fatti li wasslu għat-tilwima u li għandha tislet minnhom il-konsegwenzi għad-deċiżjoni li għandha tingħata ( 8 ).

16.

F’din il-kawża, id-domanda preliminari saret fil-kuntest ta’ kwistjoni speċifika li s-soluzzjoni tagħha tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ konsumatur li tinsab fid-Direttiva. Barra minn hekk, id-digriet tar-rinviju jipprovdi biżżejjed elementi biex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali.

IV – Analiżi

17.

Fid-dawl tad-diversi elementi rilevanti biex tkun tista’ tingħata risposta utli għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, li kienu bbażati fuqhom ukoll l-osservazzjonijiet tal-intervjenenti, l-analiżi tiegħi se tkopri l-eżami tal-kunċett ta’ konsumatur fid-Direttiva, kif ukoll l-effett ta’ elementi oħra fuq dan il-kunċett, bħar-riferiment għall-kuntratti b’żewġ għanijiet magħmul fid-Direttiva 2011/83 u r-relazzjoni bejn il-kuntratt prinċipali (il-kuntratt ta’ kreditu) u l-kuntratt ta’ garanzija.

A – Il-kunċett ta ’ konsumatur fid-Direttiva 93/13

18.

Il-kunċett ta’ konsumatur jidher b’mod trasversali f’diversi oqsma tad-dritt tal-Unjoni, lil hinn mill-istrumenti speċifiċi biex jiġu approssimati l-liġijiet għall-protezzjoni tal-konsumaturi, bħal fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni ( 9 ), il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili ( 10 ), il-politika komuni tal-agrikoltura u s-sajd ( 11 ), kif ukoll oqsma oħra fejn hemm miżuri għall-approssimazzjoni tal-liġijiet ( 12 ). F’dan ir-rigward, lanqas l-istrumenti multipli tad-dritt sekondarju maħsuba għall-protezzjoni tal-konsumaturi ma joffru idea konkordanti tal-kunċett ta’ konsumatur ( 13 ). Għalhekk, dan huwa kunċett li jinstab f’ħafna sferi tal-attività leġiżlattiva tal-Unjoni, iżda li l-punti prinċipali speċifiċi tiegħu ma humiex stabbiliti fid-dritt primarju ( 14 ), u li l-potenzjal tiegħu bħala kategorija biex jiġu identifikati ċerti suġġetti ma huwiex monolitiku, iżda jvarja permezz ta’ kull wieħed mill-istrumenti tad-dritt sekondarju rilevanti. Għalhekk, il-kunċett ta’ konsumatur ma huwiex suġġett għal konfigurazzjoni uniformi fl-istrumenti kollha, li jappartjenu għal oqsma legali differenti u li għandhom għanijiet differenti: dan huwa kunċett operattiv u dinamiku, li jiġi ddefinit b’riferiment għall-kontenut tal-att leġiżlattiv inkwistjoni ( 15 ).

19.

Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tinterpreta l-kunċett ta’ konsumatur skont id-Direttiva 93/13. Biex twettaq dan il-kompitu, jidher ċar li l-punt tat-tluq għandu jkun il-kliem tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva, li jipprovdi d-definizzjoni ta’ konsumatur.

20.

Minn din id-dispożizzjoni tista’ tiġi dedotta, kemm fir-rigward tad-definizzjoni ta’ konsumatur kif ukoll fir-rigward tad-definizzjoni ta’ bejjiegħ jew fornitur, ir-rilevanza tal-qasam li fih issir l-attività tal-individwu. Għalhekk, l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva jipprevedi li konsumatur huwa “kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha”. B’kuntrast ma’ dan, skont l-Artikolu 2(c), bejjiegħ jew fornitur huwa “kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha [...]”.

21.

F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-kuntrast bejn il-kunċetti ta’ bejjiegħ jew fornitur u ta’ konsumatur ma jaħdimx fuq termini kompletament simetriċi (mhux il-persuni kollha li ma jistgħux jitqiesu bħala bejjiegħa jew fornituri huma konsumaturi), peress li, partikolarment, il-persuni ġuridiċi ma jistgħux jitqiesu bħala konsumaturi fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva ( 16 ). F’dan il-każ, ma hemm ebda dubju li H.O. Costea kien ikkonkluda l-kuntratt ta’ kreditu fil-kapaċità tiegħu ta’ persuna fiżika, u mhux bħala rappreżentant tal-uffiċċju tiegħu.

22.

Id-dubji dwar il-kwalità ta’ konsumatur ta’ H.O. Costea li jimmotivaw d-domanda preliminari jirriżultaw mill-fatt li H.O. Costea għandu l-professjoni ta’ avukat. Il-parteċipanti kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali, ħlief Volksbank, ikkunsidraw li l-professjoni mwettqa minn persuna fiżika ma għandhiex impatt fuq l-evalwazzjoni ta’ jekk persuna tistax titqies konsumatur fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva. Għall-kuntrarju, Volksbank tinnota li, biex ikun jista’ jitqies li persuna hija konsumatur, minbarra li jiġi eżaminat jekk jeżistix kriterju oġġettiv – li jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva – għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll kriterju suġġettiv marbut mal-ispirtu tad-Direttiva għall-protezzjoni tal-konsumatur bħala parti dgħajfa li ġeneralment ma tafx il-liġijiet. Għalhekk, skont Volksbank, il-preżunzjoni li l-konsumatur jinsab f’pożizzjoni ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza tista’ tiġi eliminata jekk jiġi stabbilit li dan għandu biżżejjed esperjenza u informazzjoni biex jipproteġi lilu nnifsu.

23.

Fid-dawl tal-kliem tad-definizzjoni tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva, interpretat b’mod sistematiku mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva, u fid-dawl tal-interpretazzjoni ġudizzjarja tal-kunċett ta’ konsumatur fi strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni, inqis li l-argument ta’ Volksbank ma jistax jiġi milqugħ.

24.

Fil-fatt, l-element ċentrali tal-kunċett ta’ konsumatur kif iddefinit f’din id-direttiva jirreferi għal element li jista’ jiġi ddemarkat b’mod ċar: il-pożizzjoni tal-parti kontraenti fit-tranżazzjoni legali inkwistjoni. F’dan is-sens, kif ġie enfasizzat fis-sentenza Asbeek Brusse u de Man Garabito, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li “huwa b’riferiment għall-kwalità tal-partijiet kontraenti, li tiddetermina jekk dawn jaġixxux jew le fil-kuntest tal-attività kummerċjali tagħhom, li d-direttiva tiddefinixxi l-kuntratti li huma suġġetti għaliha” ( 17 ).

25.

L-enfasi fil-qasam tal-attività li fiha l-operazzjoni inkwistjoni hija fformulata bħala element determinanti tal-kwalità tal-konsumatur hija, barra minn hekk, ikkonfermata wkoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar strumenti oħra fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi li jinkludu definizzjonijiet tal-kunċett ta’ konsumatur li jixbhu dik tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva. Għalhekk, fis-sentenza Di Pinto ( 18 ), fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ konsumatur skont id-Direttiva 85/577/KEE ( 19 ), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-kriterju ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni jinsab preċiżament fir-rabta bejn it-tranżazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ żjarat fid-djar –li kienu intiżi biex iħeġġu l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ reklamar relatat mal-bejgħ tal-avvjament – riċevuti mill-kummerċjanti, u l-attività professjonali tal-kummerċjant, b’tali mod li dan setgħa jinvoka l-applikazzjoni tad-Direttiva biss jekk it-tranżazzjoni li għaliha saret iż-żjara tkun lil hinn mill-kuntest tal-attivitajiet professjonali tiegħu ( 20 ).

26.

Għalhekk, il-kliem tad-Direttiva u l-ġurisprudenza li tinterpreta kemm dan l-istrument kif ukoll id-Direttiva 85/577, donnhom jiffavorixxu kunċett ta’ konsumatur li huwa fl-istess ħin oġġettiv u funzjonali: għalhekk, fir-rigward ta’ persuna partikolari, ma hijiex kategorija tal-istess natura u immutabbli ( 21 ), iżda, għall-kuntrarju, kwalità li għandha tiġi evalwata skont il-kundizzjoni li fiha tkun tinsab persuna fir-rigward ta’ tranżazzjoni legali jew tranżazzjoni partikolari, fost il-ħafna li tista’ twettaq fil-ħajja tagħha ta’ kuljum. Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża Di Pinto fir-rigward tal-kunċett ta’ konsumatur previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 85/577, il-persuni msemmija f’din id-dispożizzjoni “ma humiex iddefiniti fl-astratt, iżda skont dak li jagħmlu b’mod konkret”, b’tali mod li l-istess persuna f’sitwazzjonijiet differenti, jista’ xi kultant ikollha l-kwalità ta’ konsumatur u xi kultant ikollha l-kwalità ta’ bejjiegħ jew fornitur ( 22 ).

27.

Din l-idea tal-konsumatur bħala attur f’kuntratt legali partikolari, li fl-istess ħin jew skont il-każ jissodisfa kemm l-elementi oġġettivi kif ukoll dawk funzjonali, hija kkonfermata wkoll fl-ambitu tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, fejn il-kunċett tal-konsumatur ġie interpretat ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm, kif se nispjega aktar ’il quddiem, l-analoġija għandha tkun ikkwalifikata fl-interpretazzjoni tad-Direttiva b’kont meħud tal-għanijiet differenti taż-żewġ liġijiet. Għalhekk, fis-sentenza Benincasa ( 23 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, biex jiġi stabbilit jekk persuna tkun qiegħda taġixxi bħala konsumatur, “għandu jsir riferiment għall-pożizzjoni tal-persuna kkonċernata f’kuntratt partikolari, fir-rigward tan-natura u l-iskop ta’ dan, u mhux għas-sitwazzjoni suġġettiva tal-persuna kkonċernata. (...) [L]-istess persuna tista’ tiġi kkunsidrata bħala konsumatur fir-rigward ta’ ċerti operazzjonijiet u bħala operatur ekonomiku fir-rigward ta’ oħrajn” ( 24 ).

28.

Fl-aħħar nett, qegħdin fil-preżenza ta’ kunċett oġġettiv u funzjonali, li l-okkorrenza tiegħu tiddependi fuq kriterju wieħed: it-tranżazzjoni legali b’mod partikolari fil-qafas ta’ attivitajiet barra mill-eżerċizzju tal-professjoni. Fil-fatt, kif enfasizza l-Gvern Rumen, id-direttiva ma tistabbilixxi ebda kriterju addizzjonali biex tiġi ddeterminata l-kwalità ta’ konsumatur. Barra minn hekk, dan huwa kunċett li jiġi ddefinit b’mod sitwazzjonali, jiġifieri, skont tranżazzjoni legali konkreta ( 25 ). Konsegwentement, ebda persuna ma għandha tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li titqiegħed fil-pożizzjoni ta’ konsumatur fir-rigward ta’ kuntratt li jaqa’ barra mill-attività professjonali tagħha minħabba l-għarfien ġenerali jew il-professjoni tagħha, iżda għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod esklużiv, il-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta’ operazzjoni ġuridika partikolari.

29.

Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-allegazzjonijiet ta’ Volksbank ibbażati fuq l-ispirtu tad-Direttiva, li jirreferu, b’mod partikolari, għal diversi premessi fil-preambolu tal-istess direttiva ( 26 ). Skont il-viżjoni sistematika tad-direttiva, huwa ċert li l-kunċetti ta’ vulnerabbiltà u inferjorità ta’ kundizzjonijiet f’dan ir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll fil-livell ta’ għarfien, jikkostitwixxu r-raison d’être tad-direttiva, peress li din tibda minn realtà fejn il-konsumatur jaċċetta kundizzjonijiet diġà stabbiliti mill-bejjiegħ jew fornitur mingħajr ma jista’ jinfluwenza l-kontenut tagħhom ( 27 ). Madankollu, dawn l-ideat ta’ vulnerabbiltà u inferjorità, li huma sottostanti, b’mod ġenerali, id-dritt kollu tal-protezzjoni tal-konsumatur fil-livell tal-Unjoni ( 28 ), ma mmaterjalizzawx fil-forma regolatorja tal-kunċett ta’ konsumatur bħala kundizzjonijiet neċessarji permezz tad-definizzjoni tagħhom fid-dritt statutorju. Għalhekk, la d-definizzjoni ta’ konsumatur u l-ebda dispożizzjoni oħra tad-Direttiva ma jissuġġettaw l-eżistenza tal-kwalità ta’ konsumatur għall-preżunzjoni partikolari ta’ nuqqas ta’ għarfien, nuqqas ta’ informazzjoni, jew pożizzjoni effettiva ta’ inferjorità.

30.

Fil-fatt, il-possibbiltà li f’kull każ partikolari tiġi diskussa l-kwalità tal-konsumatur skont l-elementi relatati mal-esperjenza, l-edukazzjoni, il-professjoni, jew saħansitra anki l-intelliġenza tal-konsumatur, tmur kontra l-effettività tad-Direttiva. B’mod partikolari, l-avukati (jew dawk iggradwati fil-Liġi, kif ukoll professjonisti oħra) ikunu mċaħħda minn protezzjoni f’diversi aspetti tal-kummerċ privat tagħhom. Kif enfasizza l-Gvern Rumen, anki meta l-livell ta’ għarfien tal-persuna kkonċernata jista’ jkun paragunabbli ma’ dawk ta’ mutwalista, dan ma għandux jaffettwa l-fatt li s-setgħa tan-negozjar tiegħu tkun l-istess bħal dik ta’ kwalunkwe individwu ieħor meta mqabbla ma’ bejjiegħ jew fornitur.

31.

Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawża Šiba ( 29 ), qieset li “l-avukati jiddisponu minn livell għoli ta’ kompetenza teknika li l-konsumaturi mhux bilfors ikollhom” ( 30 ). Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet kienu jirreferu għal sitwazzjoni fejn l-avukat inkwistjoni “fil-kuntest tal-attività professjonali tiegħu, jipprovdi, bi ħlas, servizz legali għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika li taġixxi għall-għanijiet privati” u li, għalhekk, huwa bejjiegħ jew fornitur fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 93/13/KEE ( 31 ).

32.

Barra minn hekk, interpretazzjoni bħal dik proposta minn Volksbank twassal għall-konsegwenza li tiġi miċħuda l-kwalità ta’ konsumatur lill-persuni kollha li, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, kienu rċevew assistenza legali jew professjonali ta’ tip ieħor ( 32 ).

33.

Min-naħa l-oħra, l-influwenza tal-għarfien jew tas-sitwazzjoni partikolari tal-persuna kkonċernata ġiet irrifjutata mill-Qorti tal-Ġustiżżja f’oqsma differenti minn dawk tad-Direttiva, fejn ma ġiex osservat ir-rekwiżit oġġettiv li l-attività taqa’ barra mill-isfera professjonali tal-persuna kkonċernata. Dan il-każ kien jitratta d-Direttiva 85/577, li fir-rigward tagħha s-sentenza Di Pinto turi li, meta l-persuna taġixxi fil-qafas tal-attivitajiet professjonali tagħha, assenza effettiva ta’ għarfien fil-każ partikolari ma jnaqqasx mill-kwalità tagħha ta’ bejjiegħ jew fornitur ( 33 ).

34.

Bħala konklużjoni, inqis li l-kunċett ta’ konsumatur, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandu jiġi intepretat fis-sens li jinkludi persuna fiżika li tipprattika l-professjoni ta’ avukat u li tikkonkludi kuntratt ta’ kreditu ma’ bank, filwaqt li addizzjonalment f’dan il-kuntratt tidher, bħala garanzija ipotekarja, il-proprjetà immobbli tal-uffiċċju individwali tal-avukat, meta, abbażi tal-provi għad-dispożizzjoni tal-qorti nazzjonali, jirriżulta li din il-persuna aġixxiet għal skopijiet li ma jaqgħux taħt l-attività professjonali tagħha.

B – Il-kunċett ta ’ konsumatur fir-rigward tal-kuntratti għal żewġ għanijiet

35.

Separatament mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li, biex tingħata risposta għal din id-domanda preliminari, huwa utli li jiġu diskussi dawk li jissejħu “kuntratti għal żewġ għanijiet”, b’mod partikolari, sa fejn l-imsemmija kwistjoni tirrigwarda b’mod espliċitu għal kuntratt li fih l-iskop tal-kreditu ma huwiex speċifikat.

36.

Għal dawn ir-raġunijiet, kemm il-Gvern Rumen kif ukoll il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi indikaw l-utilità tas-sentenza Gruber fid-determinazzjoni, f’dan il-każ, tal-kwalità ta’ konsumatur ta’ H.O. Costea ( 34 ). Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni Ewropea, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, kif ukoll fis-seduta, indikat ir-rilevanza tal-premessa 17 tad-Direttiva 2011/83. Kemm din il-premessa kif ukoll is-sentenza Gruber jirreferu, f’oqsma differenti, għall-kuntratti għal żewġ għanijiet.

37.

Il-kriterji sabiex jiġi ddeterminat jekk kuntratt jaqax taħt l-isfera personali jew l-isfera professjonali huma differenti fis-sentenza Gruber u fid-Direttiva 2011/83. Kif se nuri iktar ’il quddiem, inqis li l-kriterju rilevanti għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ huwa dak tad-Direttiva 2011/83.

38.

Fis-sentenza Gruber ( 35 ) il-Qorti tal-Ġustizzja ppreferiet interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ konsumatur fis-sitwazzjonijiet relatati mal-kuntratti għal żewġ għanijiet. L-interpretazzjoni inkwistjoni tiffavorixxi l-kriterju ta’ marġinalità: persuna ma tistax tinvoka r-regoli speċifiċi ta’ ġurisdizzjoni dwar il-konsumaturi li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Brussell “sakemm l-użu professjonali jkun marġinali sal-punt li jkollu rwol negliġibbli fil-kuntest globali tat-tranżazzjoni inkwistjoni, filwaqt li l-fatt li l-aspett extraprofessjonali predominanti jkun mingħajr effet f’dan ir-rigward” ( 36 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, f’dan il-kuntest, li hija l-persuna li tinvoka l-Artikoli 13 sa 15 tal-Konvenzjoni li għandha l-oneru tal-prova ( 37 ).

39.

B’kontenut tabilħaqq differenti, il-premessa 17 tad-Direttiva 2011/83 tuża kriterju bbażat fuq l-iskop predominanti: “fil-każ ta’ kuntratti għal żewġ għanijiet, fejn il-kuntratt huwa konkluż għal skopijiet parzjalment fl-ambitu jew parzjalment barra mill-ambitu tal-kummerċ ta’ persuna u l-iskop ta’ kummerċ tant huwa limitat li mhuwiex predominanti fil-kuntest kumplessiv tal-kuntratt, dik il-persuna wkoll għandha titqies bħala konsumatur”.

40.

Għalhekk, filwaqt li l-idea ta’ kuntratt fl-ambitu personali skont il-kriterju tal-marġinalità tas-sentenza Gruber teħtieġ li l-użu kummerċjali jkun tant dgħajjef li jista’ jiġi kkunsidrat negliġibbli, id-Direttiva 2011/83 tagħżel soluzzjoni iktar ibbilanċjata, permezz tal-kriterju tal-iskop predominanti fil-kuntest ġenerali tal-kuntratt.

41.

Kif indikat il-Kummissjoni Ewropea waqt is-seduta, l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Gruber fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-Direttiva għandha tiġi kkunsidrata b’kawtela. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta l-kunċett ta’ konsumatur kemm fl-ambitu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, kif ukoll fl-ambitu tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001, turi approċċ restrittiv, ċertament fid-dawl tal-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet huma eċċezzjonijiet għall-kriterju ġenerali ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u, għaldaqstant, għandhom jiġu interpretati b’mod strett ( 38 ). Għalhekk, l-applikazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ konsumatur fil-kuntratti għal żewġ għanijiet ma tidhirx li hija awtomatikament trasponibbli b’analoġija għall-kuntest tar-regoli speċifiċi maħsuba għall-protezzjoni tal-konsumaturi, bħal ma hija d-Direttiva ( 39 ).

42.

Barra minn hekk, id-differenza bejn l-approċċ tal-premessa 17 tad-Direttiva 2011/83 u dak adottat fis-sentenza Gruber ma huwiex inċidentali. Fil-fatt, matul in-negozjati ta’ din id-direttiva, il-Parlament Ewropew issuġġerixxa emenda li kienet espliċitament tipproponi l-emenda tad-definizzjoni ta’ konsumatur fis-sens li tiġi estiża għal “kull persuna fiżika li [...] taġixxi għal skopjiet li jkunu prinċipalment barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha” ( 40 ). Matul in-negozjati sussegwenti, il-Parlament Ewropew qabel li jżomm id-definizzjoni tal-konsumatur, billi jelimina l-avverbju “prinċipalment”, bil-kundizzjoni li fil-premessa maħsuba biex tiċċara d-definizzjoni ta’ konsumatur, ibbażata oriġinalment fuq is-sentenza Gruber ( 41 ), il-kelma “marġinali” kellha tiġi ssostitwita bil-kelma “predominanti” ( 42 ).

43.

Fl-aħħar nett, u fid-dawl kemm tad-diversi funzjonijiet moqdija mill-kunċett ta’ konsumatur fid-diversi atti leġiżlattivi kif ukoll tal-konstatazzjoni li tirriżulta mix-xogħol preparatorju, inqis li l-premessa 17 tad-Direttiva 2011/83 tistabbilixxi l-kriterju tal-iskop predominanti fil-kuntest ġenerali tal-kuntratt.

44.

F’dak li jirrigwarda din il-kawża, l-istess bħall-Gvern Rumen u l-Kummissjoni, inklinat li nqis li l-użu tal-kjarifika prevista fil-premessa 17 tad-Direttiva 2011/83 għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ konsumatur huwa meħtieġ ukoll fil-kuntest tad-Direttiva. Fil-fatt, din l-evalwazzjoni hija ġġustifikata fid-dawl tal-għan komuni u tar-rabta espliċita bejn iż-żewġ strumenti. Għalhekk, id-Direttiva 2011/83 hija att li jemenda d-Direttiva ( 43 ). Barra minn hekk, il-kliem tal-kunċett ta’ konsumatur ta’ dawn iż-żewġ regoli huwa kważi identiku, l-unika differenza hija dik li, filwaqt li d-Direttiva tirreferi biss għal “[i]s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni”, id-Direttiva 2011/83 tirreferi għal “kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni”.

45.

Għalhekk, sabiex jiġi spjegat jekk persuna tistax titqies li hija konsumatur fis-sens tad-Direttiva, f’dawk iċ-ċirkustanzi fejn ikun hemm indikazzjonijiet li l-kuntratt inkwistjoni huwa għal żewġ għanijiet, b’tali mod li ma jirriżultax b’mod ċar li dan il-kuntratt ikun ġie konkluż esklussivament jew għal skopijiet personali, jew għal skopijiet professjonali, il-kriterju tal-iskop predominanti jipprovdi għodda biex jiġi ddeterminat, permezz ta’ eżami taċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-kuntratt inkwistjoni – lil hinn minn kriterju purament kwantitattiv ( 44 ) – u permezz ta’ evalwazzjoni tal-provi oġġettivi li jkollha l-qorti nazzjonali, il-punt sa fejn l-iskopijiet professjonali jew mhux professjonali jippredominaw fir-rigward ta’ kuntratt partikolari.

46.

Għalkemm kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll H.O. Costea indikaw matul is-seduta li d-deskrizzjoni tal-fatti pprovduta mill-qorti nazzjonali ma żvelat ebda element li jippermetti li jitqies li għandna kuntratt għal żewġ għanijiet, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiċċara s-sitwazzjoni fattwali fir-rigward tad-destinazzjoni tal-kreditu permezz tal-provi għad-dispożizzjoni tagħha, li fosthom hemm, mingħajr dubju, l-ispeċifikazzjonijiet li jinsabu fil-kuntratt innifsu, li l-kontenut tagħhom jista’ tabilħaqq jiġġustifika l-preżunzjoni li għandna quddiemna ta’ kreditu maħsub għal skopijiet personali.

47.

Bħala konklużjoni, inqis li, fil-każ li l-qorti nazzjonali tqis li ma huwiex ċar li kuntratt ikun ġie konkluż esklużivament jew għal skopijiet personali, jew għal skopijiet professjonali, il-parti kontraenti inkwistjoni għandha titqies li hija konsumatur jekk l-iskop professjonali ma huwiex predominanti fil-kuntest ġenerali tal-kuntratt, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha u l-evalwazzjoni tal-provi oġġettivi disponibbli, teħid inkunsiderazzjoni li għandu jitwettaq mill-qorti nazzjonali.

C – Ir-relazzjoni bejn il-kuntratt prinċipali u l-kuntratt anċillari

48.

Finalment, għad fadal li tiġi solvuta l-kwistjoni tal-effett li ċ-ċirkustanza li l-kuntratt prinċipali ta’ kreditu ġie ggarantit minn proprjetà immobbli li tintuża għall-attività professjonali tal-mutwanti jista’ jkollha fuq il-klassifikazzjoni tal-kwalità ta’ konsumatur ta’ H.O. Costea.

49.

F’dan ir-rigward, kemm l-osservazzjonijiet magħmula mill-Gvern Rumen kif ukoll dawk tal-Kummissjoni jenfasizzaw in-nuqqas ta’ effett tal-kuntratt ta’ garanzija fuq il-kuntratt ta’ kreditu. Dawn l-osservazzjonijiet, kif ukoll l-osservazzjonijiet ta’ H.O. Costea matul is-seduta, enfasizzaw il-kwalità ta’ terz tal-uffiċċju individwali “Costea Ovidiu” fir-rigward tal-kuntratt ta’ kreditu, filwaqt li indikaw li s-sempliċi fatt li proprjetà immobbli tal-imsemmi uffiċċju individwali tikkostitwixxi l-garanzija tal-kuntratt ta’ kreditu ma jfissirx li l-imsemmi uffiċċju jsir parti mill-kuntratt ta’ kreditu.

50.

Fl-istess sens indikat fl-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, inqis li jeżistu żewġ relazzjonijiet ġuridiċi differenti: minn naħa, dik ta’ H.O Costea, bħala persuna fiżika – fil-kwalità ta’ mutwanti – u l-bank u, min-naħa l-oħra, dik tal-uffiċċju individwali “Costea Ovidiu” – bħala garanti ipotekarju –, u l-bank. Iż-żewġ relazzjonijiet ġuridiċi għandhom jiġu kkunsidrati b’mod awtonomu, b’tali mod li t-tieni waħda – li, barra minn hekk, għandha wkoll natura anċillari – ma taffettwax in-natura tal-ewwel waħda.

51.

F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi xi indikazzjoni dwar ir-relazzjoni bejn il-kuntratti li jistgħu jitqiesu anċillari u r-rispettivi kuntratti prinċipali, kemm fil-kuntest tad-Direttiva 85/577 kif ukoll fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001. Għalhekk, fir-rigward tal-ewwel imsemmija direttiva, fis-sentenza Dietzinger ( 45 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minħabba n-natura anċillari tal-kuntratti ta’ garanzija, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 85/577, li fih id-definizzjoni ta’ konsumatur, “għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ garanzija konkluż minn persuna fiżika li ma tkunx qiegħda taġixxi fil-qafas ta’ attività professjonali huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva meta jiggarantixxi l-ħlas lura ta’ kreditu dovut minn persuna oħra li taġixxi taħt l-attività professjonali tagħha” ( 46 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet bl-istess mod fl-intepretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001, meta kkonkludiet, fis-sentenza Česká spořitelna ( 47 ), li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata “fis-sens li persuna fiżika li għandha rabtiet professjonali mill-qrib ma’ kumpannija, bħall-amministrazzjoni ta’ tali kumpannija jew iż-żamma ta’ sehem maġġoritarju fiha, ma tistax titqies bħala konsumatur fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta hija tagħti aval fuq promissory note maħruġa sabiex tiggarantixxi l-obbligi ta’ din il-kumpannija li jirriżultaw minn kuntratt li jirrigwarda l-għoti ta’ kreditu” ( 48 ).

52.

Madankollu, f’dan il-każ ninsabu fis-sitwazzjoni opposta. Fil-fatt, l-eventwali aspett professjonali huwa prevedibbli biss fir-rigward tal-kuntratt anċillari, peress li H.O. Costea ffirma l-kuntratt ta’ garanzija bħala r-rappreżentant legali tal-uffiċċju individwali tiegħu ta’ avukat. Għaldaqstant, u b’differenza mill-kawżi Dietzinger u Česká spořitelna, f’dan il-każ ma hemm ebda applikazzjoni tal-prinċipju accesorium sequitur principale, fis-sens li l-effetti tal-kuntratt anċillari għandhom isegwu dawk tal-kuntratt prinċipali, iżda għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-individwalità ta’ kull waħda minn dawn ir-relazzjonijiet ġuridiċi, sabiex ikunu jistgħu jiġu kkonstatati l-funzjonijiet differenti li jiżvolġi l-istess individwu. Fil-fatt, il-fattur determinanti fil-każ tagħna ma huwiex li tiġi stabbilita l-kwalità ta’ H.O. Costea bħala rappreżentant legali fil-kuntratt ta’ garanzija, bħala kuntratt anċillari, iżda li jiġi ċċarat liema hija l-pożizzjoni tiegħu fil-kuntratt ta’ kreditu, li jikkostitwixxi l-kuntratt prinċipali.

53.

Għalhekk, il-fatt li H.O Costea ffirma l-kuntratt ta’ garanzija bħala rappreżentant tal-uffiċċju tal-avukati ma jaffettwax b’mod negattiv il-kwalità ta’ konsumatur ta’ H.O. Costea fir-rigward tal-kuntratt ta’ kreditu prinċipali. Iżda, bil-kontra ta’ dan, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza msemmija, jista’ anki jiġi argumentat li l-kuntratt ta’ garanzija anċillari jinsab taħt l-influwenza tal-kuntratt prinċipali ( 49 ).

54.

Fid-dawl tar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, inqis li r-rwol ta’ persuna fiżika, bħala rappreżentant legali tal-uffiċċju individwali tagħha ta’ avukat, fil-konklużjoni ta’ kuntratt anċillari ta’ garanzija, ma għandu l-ebda effett fuq il-kwalità tagħha ta’ konsumatur fir-rigward ta’ kuntratt ta’ kreditu prinċipali.

V – Konklużjoni

55.

Għar-raġunijiet kollha esposti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Judecătoria Oradea:

“Il-kunċett ta’ konsumatur, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi persuna fiżika li tipprattika l-professjoni ta’ avukat u li tikkonkludi kuntratt ta’ kreditu ma’ bank, filwaqt li addizzjonalment f’dan il-kuntratt tidher, bħala garanzija ipotekarja, il-proprjetà immobbli tal-uffiċċju individwali tagħha ta’ avukat, meta, abbażi tal-provi għad-dispożizzjoni tal-qorti nazzjonali, jirriżulta li din il-persuna ma aġixxietx għal skopijiet li jaqgħu fi ħdan il-qafas tal-attività professjonali tagħha.

Fil-każ li l-qorti nazzjonali tqis li ma huwiex ċar li kuntratt ikun ġie konkluż esklużivament jew għal skopijiet personali, jew għal skopijiet professjonali, il-parti kontraenti inkwistjoni għandha titqies li hija konsumatur jekk l-iskop professjonali ma huwiex predominanti fil-kuntest ġenerali tal-kuntratt, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha u l-evalwazzjoni tal-provi oġġettivi disponibbli, teħid inkunsiderazzjoni li għandu jitwettaq mill-qorti nazzjonali.

Ir-rwol ta’ persuna fiżika, bħala rappreżentant legali tal-uffiċċju individwali tagħha ta’ avukat, fil-konklużjoni ta’ kuntratt anċillari ta’ garanzija, ma għandu l-ebda effett fuq il-kwalità tagħha ta’ konsumatur fir-rigward ta’ kuntratt ta’ kreditu prinċipali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) ĠUEdizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.

( 3 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat dan il-kunċett fir-rigward ta’ din id-Direttiva fis-sentenza Cape u Idealservice MN RE (C‑541/99 u C‑542/99, EU:C:2001:625).

( 4 ) Mid-dokumenti li dehru f’din il-kawża jirriżulta li din hija klawżola li tinsab fit-taqsima ta’ “kundizzjonijiet speċjali” tal-kuntratt u intitolata “kummissjoni għal riskju”, li tikkorrispondi għal 0.22 % tal-bilanċ ta’ kreditu u li għandu jitħallas kull xahar fid-dati tal-maturità tul id-dewmien tal-kuntratt kollu.

( 5 ) Il-prattika li fil-kuntratti ta’ kreditu jiġu inklużi klawżoli tal-kummissjoni għal riskju minn Volksbank wasslet għal diversi każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-sentenza SC Volksbank România (C‑602/10, EU:C:2012:443) il-Qorti ddeċidiet li d-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, p. 66), għandha tiġi interpretata fis sens li ma tipprekludix li miżura nazzjonali (f’dan il-każ, id-digriet liġi ta’ urġenza tal-Gvern 50/2010, Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 389, tal-11 ta’ Ġunju 2010) intiża sabiex tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern tkun tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha kuntratti ta’ kreditu, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li s-suġġett tagħhom ikun l-għoti ta’ kreditu ggarantit permezz ta’ beni immobbli, minkejja li tali kuntratti huma espressament eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija direttiva. Il-qrati Rumeni ressqu domandi preliminari f’ħames każijiet oħra li, madankollu, sussegwentement ma tkomplewx wara l-irtirar tad-domanda preliminari [kawżi SC Volksbank România (C‑47/11, EU:C:2012:572); SC Volksbank România (C‑571/11, EU:C:2012:726); SC Volksbank România, (C‑108/12, EU:C:2013:658), SC Volksbank România, C‑123/12, EU:C:2013:460, u SC Volksbank România (C‑236/12, EU:C:2014:241)]. Fis-sentenza Matei (C‑143/13, EU:C:2015:127) il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tinterpreta l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 fir-rigward ta’ ċerti klawżoli inklużi f’kuntratti ta’ kreditu konklużi bejn negozjant u konsumatur li jipprevedu “kummissjoni għal riskju”.

( 6 ) Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (ĠU L 304, p. 64).

( 7 ) Ara, fost diversi sentenzi oħra, is-sentenza Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363), punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 8 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Traum (C‑492/13, EU:C:2014:2267), punt 19 u PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), punt 40.

( 9 ) Artikoli 102(b) TFUE u 107(2)(a) TFUE.

( 10 ) Konvenzjoni ta’ Brussell dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, (ĠU 1972 L 299, p 32; verżjoni kkonsolidata ĠU 1998, C 27, p. 1), Artikolu 13 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), Artikolu 15.

( 11 ) Artikoli 39(1)(c) TFUE u 40(2) TFUE.

( 12 ) Pereżempju, jista’ jsir riferiment għad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).

( 13 ) Madankollu, il-kunċett ta’ konsumatur deher iddefinit b’mod simili, għalkemm mhux identiku, f’ċerti strumenti, bħad-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 262) u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319) –it-tnejn li huma mħassra bid-Direttiva 2011/83-, kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill Nru 90/314/KEE, tat-13 ta’ Ġunju 1990, dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 132) u d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (ĠU L 149, p. 22). Din tal-aħħar, tuża, ukoll, bħala riferiment il-kunċett ta’ “konsumatur medju” li, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, “huwa infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment attent u kawt, billi tieħu kont ta’ fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi (...)” (premessa 18). Għal paragun tal-kunċett tal-konsumatur fid-diversi strumenti, ara M. Ebers, “The notion of ‘consumer’”, f’Consumer Law Compendium, www.eu-consumer-law.org.

( 14 ) Fir-rigward tad-diversi funzjonijiet tal-kunċett ta’ konsumatur, u t-tifsira wiesgħa li għandha tingħata lil dan il-kunċett skont il-funzjoni tiegħu f’ċerti artikoli tat-Trattat, ara K. Mortelmans u S. Watson, “The Notion of Consumer in Community Law: A Lottery?”, f’J. Lonbay (ed.), Enhancing the Legal Position of the European Consumer, BIICL, 1996, pp. 36-57.

( 15 ) M. Tenreiro, “Un code de la consommation ou un code autour du consommateur? Quelques réflexions critiques sur la codification et la notion du consommateur”, f’L. Krämer, H.-W. Micklitz u K. Tonner (eds.), Law and diffuse Interests in the European Legal Order. Liber amicorum Norbert Reich, p. 349.

( 16 ) Is-sentenza Cape u Idealservice MN RE (C‑541/99 u C‑542/99, EU:C:2001:625), punt 16.

( 17 ) C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 30.

( 18 ) C‑361/89, EU:C:1991:118.

( 19 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju, (ĠU L 372, p. 31), imħassra permezz tad-Direttiva 2011/83/UE, li l-Artikolu 2 tagħha jiddefinixxi l-“konsumatur” bħala “kwalunkwe persuna fiżika li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet li jkunu lil hinn mis-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha”.

( 20 ) Is-sentenza Di Pinto (C‑361/89, EU:C:1991:118), punt 15.

( 21 ) Fi kliem l-Avukat Ġenerali Jacobs, “ma hemm ebda status personali ta’ konsumatur jew nonkonsumatur: dak li jgħodd huwa l-kundizzjoni li fiha x-xerrej aġixxa biex jikkonkludi l-kuntratt inkwistjoni”. Konklużjonijiet tal-kawża Gruber (C‑464/01, EU:C:2004:529) punt 34.

( 22 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża Di Pinto (C‑361/89, EU:C:1990:462), punt 19. F’din il-kawża, l-Avukat Ġenerali ppropona li l-kummerċjanti li jirċievu żjara għall-iskop ta’ bejgħ tal-avvjament tagħhom għandhom il-kwalità ta’ konsumatur. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx din l-opinjoni.

( 23 ) C‑269/95, EU:C:1997:337.

( 24 ) Ibid, punt 16. Bħala konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “l-attur li kkonkluda kuntratt intiż għall-eżerċizzju ta’ attività professjonali mhux attwali iżda fil-futur, jista’ jitqies bħala konsumatur”, punt 19. L-Avukat Ġenerali ddikjara fl-istess sens li “(...) hija preċiżament l-attività inkwistjoni - u, nenfasizza, mhux iċ-ċirkustanzi personali tas-suġġett - il-fattur li ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell biex jintroduċi regoli speċifiċi ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ ċerti kuntratti.” Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer tal-20 ta’ Frar 1997, punt 49.

( 25 ) F. Denkinger, Der Verbraucherbegriff, De Gruyter Recht, Berlin, 2007, p. 287 et seq.

( 26 ) B’mod partikolari, il-premessi 4 sa 6, 8 sa 10, 12, 16 u 24.

( 27 ) Is-sentenzi Asbeek Brusse u de Man Garabito (C‑488/11, EU:C:2013:341), punt 31 u Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349), punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 28 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-“Programm Preliminari tal-Komunità Ekonomika Ewropea għal politika ta’ protezzjoni u ta’ informazzjoni tal-konsumatur tal-1975 (ĠU C 92, p 1: EE 15/01, p. 65) u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1981, fuq it-tieni programm tal-Komunità Ekonomika Ewropea għal politika ta’ protezzjoni u ta’ informazzjoni tal-konsumatur, (ĠU C 133, p. 1: EE 15/01, p.6).

( 29 ) C 537/13, EU:C:2015:14.

( 30 ) Ibid., punt 23.

( 31 ) Ibid., punt 24.

( 32 ) F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Rampion u Godard (C‑429/05, EU:C:2007:575), punt 65, iddikjarat li l-fatt li persuna tkun irrappreżentata minn avukat ma jaffettwax l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, tat-22 ta’ Diċembru 1986, għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326), li tgħid li din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata ex officio mill-qorti nazzjonali.

( 33 ) Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-iżjed ħaġa loġika, effettivament, hija li wieħed jemmen li negozjant, normalment avżat, jaf il-valur tal-fond tiegħu u ta’ kull wieħed mill-atti li meħtieġ għall-bejgħ tiegħu, bir-riżultat li, jekk jidħol f’kompromess ma jistax ikun mingħajr kunsiderazzjoni u unikament taħt l-effett ta’ sorpriża”, sentenza Di Pinto (C‑361/89, EU:C:1991:118), punt 18.

( 34 ) Is-sentenza Gruber (C 464/01, EU:C:2005:32), mogħtija f’kawża marbuta max-xiri u l-installazzjoni ta’ madum tas-saqaf fuq ir-razzett li fih J. Gruber kellu wkoll id-dar tiegħu.

( 35 ) C‑464/01, EU:C:2005:32.

( 36 ) Is-sentenza Gruber (C‑464/01, EU:C:2005:32), punt 54. Enfasi miżjuda.

( 37 ) Ibid., punt 46.

( 38 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Shearson Lehman Hutton (C‑89/91, EU:C:1993:15), punt 18, u Gabriel (C‑96/00 EU:C:2002:436), punt 39.

( 39 ) Ara, f’dan ir-rigward, N. Reich, H.-W. Micklitz, P. Rott u K. Tonner, European Consumer Law, 2nd Ed. Intersentia, 2014, p. 53.

( 40 ) Rapport dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-konsumatur, Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tat-22 ta’ Frar 2011, A7-0038/2011, p. 36. Enfasi miżjuda.

( 41 ) Dokument tal-Kunsill 10481/11, tal-20 ta’ Mejju 2011, p. 3.

( 42 ) Dokument tal-Kunsill 11218/11, tat-8 ta’ Ġunju 2011, p. 5.

( 43 ) Id-Direttiva 2011/83 tissostitwixxi d-Direttivi 85/577/KEE u 9/7/KE, u temenda d-Direttivi 93/13/KEE u 1999/44/KE. Fir-rigward tad-Direttiva 93/13, għalkemm il-Proposta tal-Kummissjoni (COM (2008) 614 finali) kienet tipprevedi tħassir totali u l-integrazzjoni tagħha fid-direttiva l-ġdida, fl-aħħar nett, id-Direttiva 2011/83 tillimita ruħha li ddaħħal fid-Direttiva 93/13, permezz tal-Artikolu 32 tagħha, l-Artikolu 8a l-ġdid, relatat ma’ dispożizzjonijiet iktar rigorużi li jistgħu jiddaħħlu mill-Istati Membri għall-protezzjoni tal-konsumaturi.

( 44 ) Ma hemm ebda dubju li l-kriterju tal-iskop predominanti jinvolvi ċerta kumplessità meta jiġi applikat fil-prattika. Ara, fir-rigward ta’ din il-kwistjoni: L. D. Loacker, “Verbraucherverträge mit gemischter Zwecksetzung”, Juristenzeitung 68, 2013, p.234-242.

( 45 ) C‑45/96, EU:C:1998:111.

( 46 ) Ibid., punt 23. Madankollu, l-applikazzjoni tal-prinċipju accesorium sequitur principale ma tqisitx suffiċjenti biex jitqies li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 87/102 kien jinkludi kuntratt ta’ garanzija konkluż bħala garanzija għall-ħlas lura ta’ kreditu, anki meta la l-garanti u lanqas il-benefiċjarju tal-kreditu ma jkunu aġixxew fil-kuntest tal-attività professjonali tagħhom. Ara f’dan ir-rigward is-sentenza Berliner Kindl Brauerei (C‑208/98, EU:C:2000:152).

( 47 ) C‑419/11, EU:C:2013:165.

( 48 ) Ibid., punt 40.

( 49 ) Madankollu, il-kriterju tal-anċillarità bħala element biex tiġi ddeterminata l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni huwa limitat. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Berliner Kindl Brauerei (C‑208/98, EU:C:1999:537), punt 65.

Fuq