Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0003

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ April 2015.
    Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej u Telefonia Dialog sp. z o.o. vs T-Mobile Polska SA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/21/KE — Artikoli 7 u 20 — Riżoluzzjoni tat-tilwim bejn impriżi li jiżguraw il-provvista ta’ netwerks jew ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Obbligu li tiġi implementata l-proċedura prevista fl-Artikolu 7(3) — Miżura li tista’ jkollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri — Direttiva 2002/19/KE — Artikolu 5 — Setgħat u responsabbiltajiet tal-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għal dak li jikkonċerna l-aċċess u l-interkonnessjoni — Direttiva 2002/22/KE — Artikolu 28 — Numri mhux ġeografiċi.
    Kawża C-3/14.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:232

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    16 ta’ April 2015 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/21/KE — Artikoli 7 u 20 — Riżoluzzjoni tat-tilwim bejn impriżi li jiżguraw il-provvista ta’ netwerks jew ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Obbligu li tiġi implementata l-proċedura prevista fl-Artikolu 7(3) — Miżura li tista’ jkollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri — Direttiva 2002/19/KE — Artikolu 5 — Setgħat u responsabbiltajiet tal-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għal dak li jikkonċerna l-aċċess u l-interkonnessjoni — Direttiva 2002/22/KE — Artikolu 28 — Numri mhux ġeografiċi”

    Fil-Kawża C‑3/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Jannar 2014, fil-proċedura

    Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej,

    Telefonia Dialog sp. z o.o.

    vs

    T‑Mobile Polska SA, li kienet Polska Telefonia Cyfrowa SA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader, E. Jarašiūnas (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Jannar 2015,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej, minn M. Kołtoński u M. Chmielewska, radcowie prawni,

    għal Telefonia Dialog sp. z o.o., minn R. Duczek, radca prawny,

    għal T‑Mobile Polska SA, minn Ł. Dąbrowski, radca prawny,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u D. Lutostańska, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u L. Nicolae kif ukoll minn G. Braun, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Jannar 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6, 7(3) u 20 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”) u tal-Artikolu 28 (1)(a) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 267).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej (President tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, iktar ’il quddiem il-“President tal-UKE”) u Telefonia Dialog sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “Telefonia Dialog”) kontra T‑Mobile Polska SA, li kienet Polska Telefonia Cyfrowa SA (iktar ’il quddiem “T‑Mobile Polska”), dwar deċiżjoni adottata mill-President tal-UKE fil-kuntest ta’ tilwima bejn dawn l-impriżi.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Skont il-premessi 15, 32 u 33 tad-Direttiva Qafas:

    “(15)

    Huwa iimportanti li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jikkonsultaw mal-partijiet kollha interessati dwar id-deċiżjonijiet proposti waqt li jingħata kont tal-kummenti tagħhom qabel ma tiġi adottata deċiżjoni finali. Sabiex jiġi żgurat li deċiżjonijiet f’livell nazzjonali ma jkollhomx effetti kuntrarji fuq is-suq wieħed jew miri oħra tat-Trattat, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom ukoll jinnotifikaw ċerti abbozzi ta’ deċiżjonijiet lill-Kummissjoni [Ewropea] u lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji oħra biex jagħtuhom l-opportunità li jikkummentaw. Huwa xieraq li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jikkonsultaw mal-partijiet interssati fuq l-abbozzi kollha tal-miżuri li għandhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-każi fejn il-proċeduri msemmija f’Artikoli 6 u 7 japplikaw huma definiti f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi. [...]

    [...]

    (32)

    [...]L-intervent ta’ awtorità nazzjonali regolatorja fir-riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn intrapriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi jew servizzi fi Stat Membru għandu jfittex li jassigura l-konformità ma’ l-obbligazzjonijiet li joħorġu taħt din id-Direttiva jew id-Direttivi Speċifiċi.

    [...]

    (38)

    Miżuri li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri huma miżuri li jista’ jkollhom influwenza, diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq ix-xejra tal-Kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod li jista’ jinħoloq ostakolu għas-suq wieħed. Jikkomprendu miżuri li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq l-operaturi jew l-utenti fi Stati Membri oħra, li jinkludu, fost ħwejjeġ oħra: miżuri li jeffettwaw il-prezzijiet għall-utenti fi Stati Membri oħra; miżuri li jeffettwaw l-abilità ta’ mpriża stabbilita fi Stat Membru ieħor li tipprovdi servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, b’mod partikolari miżuri li jeffettwaw l-abilità li jiġu offruti servizzi fuq bażi transnazzjonali; u miżuri li jeffettwaw l-istruttura tas-suq jew l-aċċess, li jwasslu għal riperkussjonijiet għal impriżi fi Stati Membri oħra.”

    4

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva Qafas jipprovdi li:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    [...]

    l)

    ‘Direttivi Speċifiċi’ tfisser id-Direttiva 2002/20/KE [tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337)], id-Direttiva 2002/19/KE [tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess), ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323)], id-Direttiva [‘]Servizz Universali[’] u d-Direttiva 97/66/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar l-ipproċessar ta’ data personlai u l-protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet (ĠU 1998 L 24, p. 1)].

    [...]”

    5

    L-Artikolu 6 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni u trasparenza”, jipprovdi l-implementazzjoni ta’ proċeduri ta’ konsultazzjoni nazzjonali bejn l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji (iktar ’il quddiem “ALN” u l-partijiet ikkonċernati meta l-ANR għandhom l-intenzjoni, skont din id-direttiva jew direttivi speċifiċi, li jadottaw miżuri li kellhom impatti sinjifikattivi fis-suq rilevanti.

    6

    L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Konsolidazzjoni tas-suq intern għall-komunikazzjonijiet elettroniċi”, jipprovdi li, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

    “1.   Fit-twettieq tax-xogħlijiet tagħhom taħt din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jagħtu l-akbar kont tal-miri stipulati f’Artikolu 8, inkluż sal-limitu li dawn jirrelataw mas-suq intern.

    [...]

    3.   B’żieda mal-konsultazzjoni msemmija f’Artikolu 6, fejn [ANR] jkollha l-ħsieb li tieħu miżuri li:

    a)

    jaqgħu fl-iskop ta’ Artikoli 15 jew 16 ta’ din id-Direttiva, Artikoli 5 jew 8 tad-Direttiva [‘Aċċess’] jew Artikolu 16 tad-Direttiva [‘Servizz Universali’], u

    b)

    jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri,

    għandha fl-istess żmien tagħmel abbozz tal-miżura aċċessibbli għall-Kummissjoni u għall-[ANR] fl-Istati Membri l-oħra, flimkien mar-raġonament li fuqu tkun bażata l-miżura, skond Artikolu 5(3), u tinforma lill-Kummissjoni u lill-[ANR] [...]”

    7

    L-Artikolu 8 ta’ din l-istess direttiva jiddefinixxi l-għanijiet ġenerali u l-prinċipji regolatorji li l-ANR għandhom jiżguraw l-osservanza tagħha. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu huwa fformulat kif ġej:

    “L-[ANR] għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern billi fost ħwejjeġ oħra:

    [...]

    d)

    jikkoperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni b’mod trasparenti biex jassiġuraw l-iżvilupp ta’ prattika regolatorja konsistenti u l-applikazzjoni konsistenti ta’ din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi.”

    8

    L-Artikolu 20 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn impriżi”, jipprovdi li:

    “1.   Fil-każ ta’ tilwim li jinqala’ b’konnessjoni ma’ l-obbligazzjonijiet li joħorġu taħt din id-Direttiva jew id-Direttivi Speċifiċi bejn iimpriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew servizzi fi Stat Membru, l-awtorità nazzjonali regolatorja għandha, fuq it-talba ta’ xi waħda mill-partijiet, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, toħroġ deċiżjoni li torbot biex tirriżolvi t-tilwim f’perjodu ta’ żmien l-anqas possibbli u f’kull każ fi żmien erba’ xhur ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali.[...]

    [...]

    3.   Fir-riżoluzzjoni ta’ tilwim, l-[ANR] għandha tieħu deċiżjonijiet immirati lejn il-ksib tal-miri stipulati f’Artikolu 8. Kull obbligazzjonijiet iimposti fuq impriża mill-[ANR] fir-riżoluzzjoni ta’ tilwim għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew id-Direttivi speċifiċi.

    [...]”

    9

    L-Artikolu 5 tad-Direttiva “Aċċess”, intitolat “Setgħat u responsabbiltajiet tal-[ARN] fir-rigward ta’ aċċess u interkonnessjoni”, jipprovdi li:

    “1.   L-[ANR] għandhom, waqt li jaġixxu biex jilħqu l-miri stipulati f’Artikolu 8 tad-[Direttiva Qafas], iħeġġu u fejn xieraq jiżguraw, skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, aċċess u interkonnessjoni adegwati, u interoperabilità ta’ servizzi, waqt li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tagħhom b’mod li jippromwovi l-effiċjenza, il-kompetizzjoni sostenibbli, u jagħtu l-benefiċċju massimu lill-utenti finali.

    [...]

    4.   Fir-rigward ta’ l-aċċess u l-interkonnessjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-[ANR] jkollha s-setgħa li tintervjeni fuq l-inizjattiva tagħha stess fejn ġustifikat jew, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-impriżi, fuq talba ta’ xi wieħed mill-partijiet involuti, sabiex tiżgura l-għanijiet tal-politika ta’ Artikolu 8 tad-[Direttiva [Qafas, skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u l-proċeduri msemmija f’Artikoli 6 u 7, 20 u 21 tad-[Direttiva Qafas].”

    10

    L-Artikolu 2(f) tad-Direttiva “Servizz Universali” jinkludi d-definizzjoni s-segwenti:

    “‘numri mhux ġeografiċi’ tfisser numru minn pjan nazzjonali ta’ enumerar li ma jkunx numru ġeografiku. Jinkludi fost ħwejjeġ oħra numri mobbli, bla ħlas u b’rati primjum.”

    11

    L-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva, intitolat “Numri mhux ġeografiċi”, jipprovdi li:

    “L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-utenti finali mill-Istati Membri l-oħra jkunu jistgħu jaċċessaw numri mhux ġeografiċi ġewwa t-territorju tagħhom fejn teknikament u ekonomikament possibbli, ħlief fejn abbonat li jissejjaħ ikun għażel għal raġunijiet kummerċjali li jillimita l-aċċess billi jsejjaħ partijiet lokati f’żoni speċifiċi ġeografiċi.”

    Id-dritt Pollakk

    12

    Skont l-Artikolu 15 tal-Liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet (ustawa Prawo telekomunikacyjne) tas-16 ta’ Lulju 2004 (Dz. U. no 171, position 1800), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tas-16 ta’ Lulju 2004”):

    “Il-President tal-UKE, qabel ma jieħu:

    [...]

    2)

    deċiżjoni dwar l-impożizzjoni, it-tħassir, il-konferma jew il-modifika ta’ obbligi regolatorji fir-rigward ta’ impriża tat-telekomunikazzjonijiet li jkollha jew ma jkollhiex qawwa sinjifikattiva,

    3)

    deċiżjoni dwar aċċess għat-telekomunikazzjonijiet, imsemmija fl-Artikoli 28 sa 30,

    4)

    deċiżjoni dwar suġġetti oħra indikati fil-liġi,

    wara proċedura ta’ konsultazzjoni li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jippreżentaw bil-miktub, fi żmien ċertu perijodu, il-pożizzjoni tagħhom dwar abbozz ta’ deċiżjoni.”

    13

    L-Artikolu 18 tal-Liġi tas-16 ta’ Lulju 2004 huwa fformulat kif ġej:

    “Meta deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 15, tkun tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, il-President tal-UKE, fl-istess ħin waqt li jkun qiegħed isegwi proċedura ta’ konsultazzjoni, għandu jiftaħ proċedura ta’ konsolidazzjoni u jibgħat l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet immotivati lill-Kummissjoni [...] u lill-[ANR] tal-Istati Membri l-oħra.”

    14

    L-Artikolu 27 ta’ din il-liġi jipprovdi li:

    “1.   Il-President tal-UKE jista’, permezz ta’ deċiżjoni, jistabbilixxi ex officio jew fuq talba bil-miktub minn kull parti li tkun qiegħda tinnegozja kuntratt ta’ aċċess, terminu għall-għeluq tan-negozjati li ma jistax jaqbeż 90 jum mill-preżentata tat-talba għall-konklużjoni ta’ tali kuntratt.

    2.   Jekk in-negozjati ma jinbdewx, jekk l-aċċess jiġi rrifjutat mill-istabbiliment obbligat li jagħtih jew jekk l-ebda kuntratt ma jiġi konkluż fit-terminu msemmi fil-paragrafu 1, kull parti tista’ titlob lill-President tal-UKE biex jiddeċiedi dwar il-punti inkwistjoni jew biex jiddefinixxi t-termini tal-kollaborazzjoni.

    [...]”

    15

    L-Artikolu 28 ta’ dan l-istess att jipprovdi li:

    “1.   Il-President tal-UKE jagħti d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti tal-aċċess fi f’terminu ta’ 90 jum mid-data li fiha titressaq it-talba msemmija fl-Artikolu 27(2) [...]

    [...]

    4.   Il-deċiżjoni dwar l-għoti tal-aċċess tissostitwixxi l-parti tal-kuntratt ta’ aċċess koperta mill-imsemmija deċiżjoni.

    [...]

    6.   Id-deċiżjoni dwar l-aċċess tista’ tiġi emendata mill-President tal-UKE fuq talba ta’ kull parti kkonċernata jew ex officio meta dan ikun iġġustifikata min-neċessità li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-interessi tal-utenti finali, ta’ kompetizzjoni effettiva jew tal-interoperabbiltà tas-servizzi.

    7.   Fil-każ ta’ talbiet finanzjarji minħabba n-nuqqas ta’ twettiq jew it-twettiq ħażin tal-obbligi li jirriżultaw mid-deċiżjoni dwar l-aċċess, għandhom jittieħdu proċeduri ġudizzjarji.

    [...]”

    16

    L-Artikolu 79(1) tal-Liġi tas-16 ta’ Lulju 2004 jipprovdi li:

    “Operatur ta’ netwerk pubblika tat-telefonija għandu jiżgura li l-utenti finali tan-netwerk tiegħu u ta’ Stati Membri oħra jkunu f’pożizzjoni li jaċċedu għan-numri mhux ġeografiċi fit-territorju Pollakk, sa fejn dan l-aċċess ikun teknikament u ekonomikament fattibbli, ħlief meta l-abbonat li jirċievi t-telefonata jkun illimita l-aċċess għal utenti finali li jkunu jinsabu f’ċerti żoni ġeografiċi.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    17

    T‑Mobile Polska u Telefonia Dialog huma impriżi li jippossjedu netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi miftuħa għall-pubbliku u jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fil-Polonja. Fl-4 ta’ April 2000, dawn l-impriżi kkonkludew kuntratt li kien jipprovdi l-modalitajiet ta’ kollaborazzjoni u ta’ regolamentazzjoni għall-aċess tal-utenti tan-netwerk ta’ T‑Mobile Polska għas-servizzi ta’ “netwerk intelliġenti” permezz tan-netwerk tat-Telefonia Dialog (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ kollaborazzjoni”).

    18

    Fl-2006, Telefonia Dialog talbet lil T‑Mobile Polska sabiex tibda negozjati għall-konklużjoni ta’ emenda għall-kuntratt ta’ kollaborazzjoni. Peress li dawn l-impriżi ma waslux għal ftehim, Telefonia Dialog talbet lill-President tal-UKE jiffissa terminu għall-għeluq ta’ negozjati ġodda. Il-President tal-UKE ffissa dan it-terminu għall-20 ta’ Ottubru 2006.

    19

    Peress li n-negozjati ma ngħalqux fit-terminu ffissat mill-President tal-UKE, Telefonia Dialog talbet, permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Novembru 2006, lill-imsemmi President jadotta deċiżjoni sabiex tiġi riżolta t-tilwima ma’ T‑Mobile Polska għal dak li jikkonċerna l-possibbli emenda li għandha ssir lill-kuntratt ta’ kollaborazzjoni.

    20

    Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008, adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 28 u 79 tal-Liġi tas-16 ta’ Lulju 2004, li ttrasponew l-Artikolu 5 tad-Direttiva “Aċċess” u l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali” rispettivament, il-President tal-UKE solva t-tilwima billi impona fuq Telefonia Dialog l-obbligu li tipprovdi servizz ta’ terminazzjoni tat-telefonati fuq in-netwerk tagħha lill-utenti tan-netwerk ta’ T‑Mobile Polska u ta’ T‑Mobile Polska sabiex dawn l-utenti jiġu ggarantiti aċċess għal servizzi ta’ informazzjoni pprovduti min-netwerk ta’ Telefonia Dialog. F’din id-deċiżjoni, il-President tal-UKE ffissa wkoll l-ammonti tar-remunerazzjonijiet dovuti b’korrispettiv għal dawn is-servizzi.

    21

    T‑Mobile Polska ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-President tal-UKE quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (Qorti reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja). Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Marzu 2011, is-Sąd Okręgowy w Warszawie annullat din id-deċiżjoni, minħabba li l-President tal-UKE ma kienx konformi mal-proċedura ta’ konsolidazzjoni prevista fl-Artikolu 18 tal-Liġi tas-16 ta’ Lulju 2004.

    22

    Il-President tal-UKE u Telefonia Dialog appellaw kontra s-sentenza tal-Qorti tas- Sąd Okręgowy w Warszawie quddiem is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (Qorti tal-Appell ta’ Varsavja), li ċaħad dawn l-appelli permezz ta’ sentenza tal-1 ta’ Frar 2012. Il-President tal-UKE u Telefonia Dialog ippreżentaw, kull wieħed minnhom, appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem is-Sąd Najwyższy (Qorti Suprema).

    23

    Is-Sąd Najwyższy esponiet li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, qabel tiġi adottata deċiżjoni li temenda l-kuntratt ta’ kollaborazzjoni, il-President tal-UKE kellux l-obbligu jsegwi l-proċedura prevista fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas.

    24

    F’dan ir-rigward, din il-qorti tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li miżura adottata minn ANR skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, moqri flimkien mal-Artikolu 5 tad-Direttiva “Aċċess”, għandha dejjem titqies li hija miżura li jkollha effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas.

    25

    Is-Sąd Najwyższy tirrileva li, fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni tal-President tal-UKE tad-19 ta’ Diċembru 2008 setgħet tidher nieqsa minn tali effett, peress li hija ma tirrigwardax servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet internazzjonali, ma tiddistingwix it-tariffa għat-telefonati lejn numri mhux ġeografiċi u lanqas temenda l-modalitajiet ta’ kalkolu li jipprovdi li s-servizzi jintużaw minn utent finali tal-Polonja jew mill-utent ta’ Stat Membru ieħor, ma tiffissax il-prezz li l-utenti finali ta’ Stati Membri oħra jibbenefikaw mir-roaming fuq in-netwerk ta’ T‑Mobile Polska, iħallsu lil din tal-aħħar għall-aċċess għas-servizzi pprovduti lill-utenti tan-netwerk ta’ Telefonia Dialog, lanqas tiffissa t-tariffi applikati bejn T‑Mobile Polska u l-operaturi tal-utenti ta’ Membri Stati oħra minħabba l-konnessjoni fuq in-netwerk ta’ T‑Mobile Polska u, fl-aħħar nett, tirrigwarda servizzi pprovduti bħala regola bil-lingwa Pollakka. Madankollu, din il-qorti, billi tirrileva essenzjalment li l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Univerali” jimponi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti finali ta’ Stati Membri oħra jkunu jistgħu jaċċedu n-numri mhux ġeografiċi fit-territorju tagħhom, esprimiet dubji fuq ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda msemmija fil-punt 23 ta’ din is-sentenza.

    26

    Fit-tielet lok, is-Sąd Najwyższy tagħmel id-domanda dwar jekk l-Artikoli 6, 7(3) u 20 tad-Direttiva Qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-ANR għandha dejjem l-obbligu li timplementa l-proċedura prevista fl-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva meta hija tadotta, sabiex tiġi riżolta t-tilwima, miżura li jkollha effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    27

    Fit-tielet lok, is-Sąd Najwyższy tistaqsi jekk, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikoli 6, 7(3) u 20 tad-Direttiva Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li timponi l-osservanza ta’ proċedura bħal dik prevista fl-Artikolu 18 tal-Liġi tas-16 ta’ Lulju 2004, il-qorti nazzjonali għandhiex l-obbligu li tirrifjuta li tapplika din id-dispożizzjoni.

    28

    F’dan ir-rigward, is-Sąd Najwyższy tosserva li, fil-każ ta’ risposta affermattiva, ikun għalhekk impossibbli, fil-kawża prinċipali, li l-Artikolu 18 tal-Liġi tas-16 ta’ Lulju 204 jiġi interpretat konformement mad-dritt tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, din il-qorti tqis li l-Artikoli 6, 7(3) u 20 tad-Direttiva Qafas ma għandhomx l-effett dirett orizzontali.

    29

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sad Najwyższy iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

    “1)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas u dawk tal-Artikolu 28 tad-Direttiva ‘Servizz Universali’ għandhom jiġu interpretati fis-sens li kull miżura adottata minn [ARN] bil-għan li jitwettaq l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 28 tad-Direttiva 2002/22 taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, jekk din il-miżura tippermetti li jiġi ggarantit li l-utenti finali tal-Istati Membri l-oħra jaċċedu għan-numri non-ġeografiċi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat?

    2)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7(3), 6 u 20 tad-Direttiva Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex tiġi riżolta tilwima bejn impriżi li jipprovdu networks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, dwar il-fatt li jiġi żgurat li waħda minn dawn l-impriżi twettaq l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 28 tad-Direttiva ‘Servizz Universali’, [ARN] ma hijiex awtorizzata ssegwi proċedura ta’ konsolidazzjoni, minkejja li l-miżura taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li, skont id-dritt nazzjonali, l-imsemmija [ARN] tkun obbligata ssegwi proċedura ta’ konsolidazzjoni meta miżura tista’ taffettwa tali kummerċ?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7(3), 6 u 20 tad-Direttiva Qafas, u tal-Artikoli 288 TFUE u 4(3) TUE, ikkunsidrati flimkien, għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali hija obbligata tirrifjuta li tapplika dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jeżiġu li [ARN] ssegwi proċedura ta’ konsolidazzjoni meta din l-[ARN] tadotta miżura li tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq it-tieni domanda

    30

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tfittex essenzjalment li tkun taf jekk ANR għandhiex l-obbligu li timplementa l-proċedura prevista fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas f’ċirkustanzi bħala dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    31

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 6 tad-Direttiva Qafas ma huwiex rilevanti sabiex tingħata risposta għal din id-domanda. Fil-fatt, dan l-artikolu jiffissa l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ implementazzjoni ta’ proċedura distinta minn dik prevista fl-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva, li jagħti lill-partijiet ikkonċernati, meta l-ANR għandhom l-intenzjoni jadottaw miżuri li jkollhom effetti sinjifikattivi fuq is-suq rilevanti, il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-abbozz ta’ miżuri f’terminu raġonevoli.

    32

    Għalhekk, hemm lok li jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 7(3) u 20 tad-Direttiva Qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-ANR għandha l-obbligu li timplementa l-proċedura prevista fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet meta, sabiex tiġi riżolta tilwima bejn impriżi li jiżguraw il-provvista ta’ netwerks jew ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fi Stat Membru wieħed, hija għandha l-intenzjoni li timponi obbligi intiżi li jiżguraw l-aċċess għan-numri mhux ġeografiċi konformement mal-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali” u li dawn l-obbligi jistgħu jkollhom effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    33

    La l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas u lanqas l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva ma jindikaw espressament li l-ANR għandha l-obbligu li timplementa l-proċedura prevista fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet meta, fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim bejn impriżi prevista fit-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, hija għandha l-intenzjoni li tadotta deċiżjoni vinkolanti intiża li ssolvi tilwima.

    34

    Madankollu, fl-ewwel lok, mill-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas jirriżulta li l-obbligu li timplementa l-proċedura prevista f’dan l-artikolu ma tiddependix fuq in-natura tal-proċedura fil-kuntest li fiha l-ANR għandha l-intenzjoni li tadotta l-miżura inkwistjoni, iżda fuq is-suġġett stess ta’ din il-miżura u fuq l-effetti li hija jista’ jkollha fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    35

    Fil-fatt, skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas, l-ANR ta’ Stat Membru għandha l-obbligu li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u tal-ANR ta’ Stati Membri oħra l-abbozz ta’ miżura li hija għandha l-intenzjoni li tadotta meta, minn naħa, din il-miżura taqa’ taħt l-ambitu tal-Artikoli 15 jew 16 tad-Direttiva Qafas, tal-Artikoli 5 jew 8 tad-Direttiva “Aċċess” jew tal-Artikolu 16 tad-Direttiva “Servizz Universali”, u min-naħa l-oħra, meta l-imsemmija miżura jista’ jkollha effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    36

    Fit-tieni lok, kif iddikjarat fil-premessa 32 tad-Direttiva Qafas, l-intervent tal-ANR fir-riżoluzzjoni ta’ tilwima bejn impriżi li jiżguraw il-provvista ta’ netwerks jew ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fi Stat Membru, għandu jkun intiż li jiżgura l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva Qafas jew mid-Direttiva Speċifiċi.

    37

    Rigward, b’mod iktar partikolari, obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva “Aċċess”, l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jafda lill-ANR il-missjoni li tiżgura aċċess u interkonnessjoni adegwati kif ukoll l-interoperabbiltà tas-servizzi.

    38

    L-Artikolu 5(4) tad-Direttiva “Aċċess” tispeċifika li l-ANR, meta hija tintervjeni fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet ikkonċernati, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-impriżi, għandha tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet li jinsabu f’din id-direttiva kif ukoll mal-proċeduri msemmija, b’mod partikolari, fl-Artikoli 7 u 20 tad-Direttiva Qafas.

    39

    Il-miżuri li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 5 tad-Direttiva “Aċċess” huma, barra minn hekk, espressament imsemmija fl-Artikolu 7(3)(a) tad-Direttiva Qafas.

    40

    Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-miżuri li l-ANR għandha l-intenzjoni li tadotta, abbażi tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 20 tad-Direttiva Qafas u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva “Aċċess”, fil-qasam ta’ aċċess u ta’ interkonnessjoni fil-kuntest ta’ tilwima bejn impriżi li jiżguraw il-provvista ta’ netwerks jew ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fi Stat Membru, għandhom jiġu sottomessi għall-proċedura prevista fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas jekk huma jista’ jkollhom effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    41

    Madankollu, miżura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, adottata fil-kuntest ta’ tilwima bejn impriżi u intiża li tiggarantixxi l-aċċess għan-numri mhux ġeografiċi konformement mal-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, taqa’ taħt l-obbligi li l-ANR tista’ timponi, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva “Aċċess”, sabiex tiżgura aċċess u interkonnessjoni adegwati kif ukoll l-interoperabbiltà tas-servizzi. Barra minn hekk, f’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet adottata skont l-Artikolu 28 tal-Liġi tas-16 ta’ Lulju 2004, li ttraspona l-Artikolu 5 tad-Direttiva “Aċċess” u l-Artikolu 79 ta’ din il-liġi, li ttraspona l-Artikolu 29 tad-Direttiva “Servizz Universali”.

    42

    Minn dan isegwi li abbozz li jirrigwarda miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi sottomess għall-proċedura prevista fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas jekk din il-miżura jista’ jkollha effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    43

    Tali interpretazzjoni hija, għall-bqija, konformi mal-għan segwit mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas, għan li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessa 15 ta’ din tal-aħħar, li jiġi ggarantit li d-deċiżjonijiet adottati fil-livell nazzjonali ma jkollhomx effett negattiv fuq is-suq uniku jew fuq għanijiet oħra tat-Trattat FUE.

    44

    Din l-istess interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-qari flimkien tal-Artikoli 7(1), 8(3)(d) u 20(3) tad-Direttiva Qafas kif ukoll tal-Artikolu 5(1) u (4) tad-Direttiva “Aċċess”.

    45

    Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 20(3) tad-Direttiva Qafas jipprovdi li, sabiex tiġi riżolta tilwima, l-ANR għandha tadotta deċiżjonijiet immirati għall-kisba tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, li l-Artikolu 7(1) ta’ din tal-aħħar jipprovdi li, fit-twettiq tal-kompiti assenjati lilhom skont l-imsemmija direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi, l-ANR għandhom jagħtu l-ikbar kunsiderazzjoni għal dawn l-għanijiet, inkluż dawk li jirrelataw għall-funzjonament tas-suq intern, u mill-Artikolu 5(1) u (4) tad-Direttiva “Aċċess” jirriżulta li, għal dak li jikkonċerna l-aċċess u l-interkonnessjoni, l-intervent tal-ANR huwa intiż ukoll sabiex jitwettqu dawn l-istess għanijiet u sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tagħhom. Skont l-Artikolu 8(3)(d) tad-Direttiva Qafas, l-ANR jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern, b’mod partikolari, billi jikkooperaw bejniethom kif ukoll mal-Kummissjoni, b’mod trasparenti, sabiex jiżguraw l-iżvilupp ta’ prattiki regolatorji koerenti u l-applikazzjoni koerenti ta’ din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi.

    46

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 7(3) u 20 tad-Direttiva Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ANR għandha l-obbligu li timplementa l-proċedura prevista fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet meta, sabiex tiġi riżolta tilwima bejn impriżi li jiżguraw il-provvista ta’ netwerks jew ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fi Stat Membru wieħed, hija għandha l-intenzjoni li timponi obbligi intiżi li jiżguraw l-aċċess għan-numri mhux ġeografiċi konformement mal-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali” u li dawn l-obbligi jistgħu jkollhom effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    Fuq l-ewwel domanda

    47

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas għandux jiġu interpretat fis-sens li kull miżura adottata mill-ANR sabiex jiġi ggarantit l-aċċess tal-utenti finali għan-numri mhux ġeografiċi konformement mal-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali” għandha effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    48

    F’dan ir-rigward, il-President tal-UKE jsostni li d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Pollakk iqis li din id-deċiżjoni ma għandhiex “neċessarjament” effett fuq il-kummerċ bejn dawn l-Istati. Min-naħa l-oħra, Telefonia Dialog, il-Kummissjoni u T‑Mobile Polska jsostnu li l-imsemmija deċiżjoni ma jistax ikollha tali effetti.

    49

    La d-Direttiva Qafas u lanqas id-Direttivi Speċifiċi ma jinkludu definizzjoni tal-kunċett ta’ “effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri” fis-sens tal-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva Qafas. Madankollu, il-premessa 38 ta’ din id-direttiva tgħid li l-miżuri li jistgħu jkollhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri huma miżura li jistgħu jkollhom influwenza, diretta jew indiretta, reali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, b’mod li jista’ jinħoloq ostakolu għas-suq uniku.

    50

    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 61 sa 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri” fis-sens tal-Artikolu 7(3)(d) tad-Direttiva Qafas hija analoga għal dik tal-kunċett ta’ “effett tal-kummerċ bejn l-Istati Membri”, fis-sens tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, u għandha għalhekk ikollha l-istess portata għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva.

    51

    Skont ġurisprudenza stabbilita li tikkonċerna dawn l-artikoli, sabiex jista’ jkollha effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, deċiżjoni, ftehim jew prattika għandhom, abbażi ta’ numru ta’ punti oġġettivi ta’ liġi jew ta’ fatt, jippermettu li wieħed jipprevedi b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti li huma jeżerċitaw influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, u dan b’mod li jagħtu x’jifhmu li jistgħu jostakolaw it-twettiq ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri (sentenzi Asnef-Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, EU:C:2006:734, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata; Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P u C‑137/07 P, EU:C:2009:576, punt 36, kif ukoll Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 65).

    52

    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li barra minn hekk, huwa meħtieġ li din l-influwenza ma tkunx insinjifikattiva (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi Béguelin Import, 22/71, EU:C:1971:113, punt 16; Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 42, kif ukoll Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, EU:C:2009:576, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    53

    Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-influwenza li tista’ teżerċita deċiżjoni, ftehim jew prattika fuq it-tendenzi ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri tirriżulta b’mod ġenerali mill-kombinazzjoni ta’ diversi fatturi li, meħuda b’mod iżolat, ma jkunux neċessarjament determinanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Manfredi et, EU:C:2006:461, punt 43), u li, sabiex jiġi vverifikat jekk ftehim jaffettwax b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri, jeħtieġ li jiġi eżaminat fil-kuntest ekonomiku u ġuridiku tiegħu (sentenza Asnef-Equifax u Administración del Estado, EU:C:2006:734, punt 35), billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami (sentenza Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 95). Din l-influwenza tista’ tiġi evalwata b’mod partikolari billi tiġi kkunsidrata n-natura tal-ftehim jew tal-prattika inkwistjoni, in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati u tal-pożizzjoni u tal-importanza tal-partijiet fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Javico, C‑306/96, EU:C:1998:173, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li n-natura transkonfinali tas-servizzi kkonċernati hija element rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk hija għandhiex effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenza Ziegler vs Il-Kummissjoni, EU:C:2013:513, punt 94).

    54

    Fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, il-premessa 38 tad-Direttiva Qafas tindika li l-miżura li jistgħu jkollhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jinkludu l-miżuri li għandhom effett sinjifikattiv fuq l-operaturi jew l-utenti ta’ Stati Membri oħra, jiġifieri, fost l-oħrajn, il-miżuri li jaffettwaw il-prezzijiet għall-utenti fi Stati Membri oħra; miżuri li jaffettwaw l-abbiltà ta’ impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor li tipprovdi servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, b’mod partikolari miżuri li jaffettwaw l-abbiltà li jiġu offruti servizzi fuq bażi transnazzjonali; u fl-aħħar nett, miżuri li jaffettwaw l-istruttura tas-suq jew l-aċċess, li jwasslu għal riperkussjonijiet għal impriżi fi Stati Membri oħra.

    55

    Fir-rigward ta’ miżura intiża li tiggarantixxi l-aċċess tal-utenti finali ta’ Stati Membri oħra għan-numri mhux ġeografiċi konformement mal-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, għandu jiġi rrilevat li, fil-prinċipju, fid-dawl tal-kliem stess ta’ dan l-artikolu, tali miżura għandha, min-natura, effett transkonfinali fi ħdan tal-Unjoni.

    56

    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-kliem tad-deċiżjoni tar-rinviju, id-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn naħa, tippermetti b’mod partikolari lil utent finali ta’ Stat Membru ieħor li jissoġġorna fil-Polonja u li juża r-roaming fuq in-netwerk ta’ operatur Pollakk li jaċċedi għan-numri mhux ġeografiċi u, min-naħa l-oħra, tiffissa t-tariffi tas-servizzi inkwistjoni kif ukoll il-modalitajiet ta’ reviżjoni ta’ dawn it-tariffi.

    57

    Jidher li tali deċiżjoni, inkwantu hija tippreżenta, għall-użu tar-roaming, dimensjoni transnazzjonali u jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq il-prezzijiet imħallsa mill-utenti finali ta’ Stati Membri oħra, jista’ jkollha effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas.

    58

    Fir-rigward ta’ evalwazzjoni tal-fatti, hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax taffettwa, minbarra b’mod insinjifikattiv, il-kummerċ bejn l-Istati Membri billi teżerċita influwenza diretta jew indiretta, reali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn dawn l-Istati. Għal dan il-għan, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura ta’ din il-miżura u tas-servizzi inkwistjoni kif ukoll tal-pożizzjoni u tal-importanza tal-impriżi kkonċernati fis-suq.

    59

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jiġi kkunsidrat li miżura adottata mill-ANR sabiex jiġi ggarantit l-aċċess tal-utenti finali għan-numri mhux ġeografiċi konformement mal-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali” għandha effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk hija tista’ taffettwahom, minbarra b’mod insinjifikattiv, billi teżerċita influwenza diretta jew indiretta, reali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn dawn l-Istati, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq it-tielet domanda

    60

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u t-tieni domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    61

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikoli 7(3) u 20 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva “Kwadru [Qafas]”) għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità nazzjonali regolatorja għandha l-obbligu li timplementa l-proċedura prevista fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet meta, sabiex tiġi riżolta tilwima bejn impriżi li jiżguraw il-provvista ta’ netwerks jew ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fi Stat Membru wieħed, hija għandha l-intenzjoni li timponi obbligi intiżi li jiżguraw l-aċċess għan-numri mhux ġeografiċi konformement mal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz Universali”) u li dawn l-obbligi jistgħu jkollhom effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

     

    2)

    L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/21 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jiġi kkunsidrat li miżura adottata mill-awtorità nazzjonali regolatorja sabiex jiġi ggarantit l-aċċess tal-utenti finali għan-numri mhux ġeografiċi konformement mal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2002/22 għandha effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk hija tista’ taffettwahom, minbarra b’mod insinjifikattiv, billi teżerċita influwenza diretta jew indiretta, reali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn dawn l-Istati, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

    Fuq