EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0596

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-26 ta’ Marzu 2015.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Moravia Gas Storage a.s.
Appell – Suq intern tal-gass naturali – Obbligu tal-kumpanniji tal-gass naturali – Żvilupp ta’ sistema ta’ aċċess innegozjat għal terzi għall-faċilitajiet tal-ħażna ta’ gass naturali – Deċiżjoni tal-awtoritajiet Ċeki – Deroga temporanja għall-faċilitajiet futuri ta’ ħażna tal-gass taħt l-art f’Dambořice – Deċiżjoni tal-Kummissjoni – Ordni għall-irtirar tad-deċiżjoni ta’ deroga – Direttivi 2003/55/KE u 2009/73/KE – Applikazzjoni ratione temporis.
Kawża C-596/13 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:203

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

26 ta’ Marzu 2015 ( *1 )

“Appell — Suq intern tal-gass naturali — Obbligu tal-kumpanniji tal-gass naturali — Żvilupp ta’ sistema ta’ aċċess innegozjat għal terzi għall-faċilitajiet tal-ħażna ta’ gass naturali — Deċiżjoni tal-awtoritajiet Ċeki — Deroga temporanja għall-faċilitajiet futuri ta’ ħażna tal-gass taħt l-art f’Dambořice — Deċiżjoni tal-Kummissjoni — Ordni għall-irtirar tad-deċiżjoni ta’ deroga — Direttivi 2003/55/KE u 2009/73/KE — Applikazzjoni ratione temporis”

Fil-Kawża C‑596/13 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-21 ta’ Novembru 2013,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Armati u K. Herrmann, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

Moravia Gas Storage a.s., li kienet Globula a.s., stabbilita f’Hodonín (ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn P. Zákoucký u D. Koláček, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, T. Müller u J. Vláčil, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, J. L. da Cruz Vilaça u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Globula vs Il‑Kummissjoni (T‑465/11, EU:T:2013:406, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 4509, tas-27 ta’ Ġunju 2011, dwar id-deroga fir-rigward tal-faċilità ta’ ħażna ta’ gass taħt l-art f’Dambořice fid-dawl tar-regoli tas-suq intern dwar l-aċċess għal terzi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il‑kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230), jipprevedi:

“1.   Infrastrutturi maġġuri ġodda tal-gass, i.e. interkonnetturi bejn l-Istati Membri, faċilitajiet tal-ħażna u [LNG] jistgħu, fuq talba, jiġu eżentati mid-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 18, 19, 20, u 25(2), (3) u (4) taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

l-investiment għandu jtejjeb il-kompetizzjoni fil-fornitura tal-gass u jtejjeb is-sigurtà tal-fornitura;

b)

il-livell tar-riskju għall-investiment huwa tali li l-investiment ma jsirx kemm-il darba ma tingħatax eżenzjoni;

ċ)

l-infrastruttura għandha tkun il-proprjetà ta’ persuna naturali jew legali li hija separata għall-inqas ai termini tal-forma legali tagħha, mill-operatur tas-sistema li fis-sistemi tiegħu sejra tinbena dik l-infrastruttura;

d)

il-piżijiet jiġu imposti fuq l-utenti ta’ dik l-infrastruttura;

e)

l-eżenzjoni m’hix detrminetali [detrimentali] għall-kompetizzjoni jew għall-funzjonar effettiv tas-suq intern tal-gass jew il-funzjonar effettiv tas-sistema regolata li l-infrastruttura hija mqabbda magħha.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika ukoll għal żidiet sinifikanti fl-kapaċità ta’ infrastrutturi eżistenti u għal modifiki ta’ tali infrastrutturi li jippermettu l-iżvilupp ta’ sorsi ġodda tal-fornitura tal-gass.

3.   

a)

L-awtorità regolatorja msemmija fl-Artikolu 25 tista’, a bażi ta’ kull każ individwu, tiddeċiedi dwar l-eżenzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-awtoritajiet regolatorji għandhom jissottomettu, għal deċiżjoni formali, lill-korp rilevanti fl-Istat Membru, l-opinjoni tagħhom dwar it-talba għall-eżenzjoni. Din l-opinjoni għandha tiġi ppubblikata flimkien mad-deċiżjoni.

b)

i)

L-eżenzjoni tista’ tkopri l-infrastruttura l-ġdida, dik eżistenti b’żieda sinifikanti fil-kapaċità jew il-modifikazzjonijiet għall-infrastruttura kollha, jew partijiet minnhom rispettivament.

ii)

Meta tittieħed deċiżjoni li tingħata eżenzjoni, għandu jitqies, fuq bażi ta’ kull każ individwalment, għall-ħtieġa li jiġu imposti l-kondizzjonijiet rigward id-durata ta’ l-eżenzjoni u l-aċċess mhux diskriminatorju għall-interkonnettur.

iii)

Meta tittieħed deċiżjoni rigward il-kondizzjonijiet f’dan is-subparagrafu, għandhom jitqiesu b’mod partikolari t-tul tal-kuntratt, il-kapaċità żejda li ser tinbeba jew il-modifika tal-kapaċità eżistenti, l-oriżżont ta’ ħin tal-proġett u ċ-ċirkostanzi nazzjonali.

ċ)

Meta tingħata eżenzjoni, l-awtorità rilevanti tista’ tiddeċiedi dwar ir-regoli u l-mekkaniżmi għall-amministrazzjoni u l-allokazzjoni tal-kapaċità sa fejn dan ma jipprevjenix l-implimentazzjoni ta’ appalti fit-tul.

d)

Id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni, li tinkludi kwalunkwe mill-kondizzjonijiet imsemmija f’(b), għandha tkun debitament raġonata u ppubblikata.

e)

Fil-każ ta’ interkonnettur, kull deċiżjoni dwar eżenzjoni għandha tittieħed wara l-konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri jew l-awtoritajiet regolatorji l-oħrajn konċernati.

4.   Id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni għandha tiġi notifikata mingħajr dewmien, mill-awtorità kompetenti lill-Kummissjoni, flimkien ma’ l-informazzjoni rilevanti kollha rigward id-deċiżjoni. Din l-informazzjoni tista’ tingħata lill-Kummissjoni f’forma aggregata, li tippermetti lill-Kumissjoni tasal għal deċiżjoni fuq bażi tajba.

B’mod partikolari, l-informazzjoni għandu jkun jinsab fiha:

a)

ir-raġunjijiet dettaljat li a bażi tagħhom l-awtorità regolatorja, jew l-Istat Membru, ta eżenzjoni, inkluża l-informazzjoni finanzjarja li tiġġustifika l-ħtieġa għall-eżenzjoni;

b)

l-analiżi li tikun saret dwar l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-operat effettiv tas-suq intern tal-gass li jirriżultaw mill-għotja ta’ l-eżenzjoni;

ċ)

ir-raġunijiet għall-perjodu ta’ żmien u s-sehem tal-kapaċità totali ta’ l-infrastruttura tal-gass in kwistjoni li għaliha ngħatat l-eżenzjoni;

d)

f’każ li l-eżenzjoni tirrelata għal interkonnettur, ir-riżultat tal-konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri konċernati jew l-awtoritajiet regolatorji;

e)

il-kontribut ta’ l-infrastruttura għad-diversifikazzjoni tal-fornitura tal-gass.

Fi żmien xahrejn wara li tirċievi notifikazzjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob li l-awtorità regolatorja jew l-Istat Membru in kwistjoni jemendaw jew jirtiraw id-deċiżjoni li tingħata eżenzjoni. Il-perjodu ta’ xahrejn jista’ jiġi estiż sa xahar ieħor fejn il-Kummissjoni teħtieġ informazzjoni ulterjuri.

Jekk l-awtorità regolatorja jew l-Istat Membru in kwistjoni ma jħarsux it-talba fi żmien erba’ ġimgħat, għandha tittieħed deċiżjoni finali skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 30(2).

Il-Kummissjoni għandha tippreserva l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva.”

3

L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, p. 94), jipprevedi:

“1.   Infrastrutturi maġġuri ġodda tal-gass, jiġifieri interkonnetturi, faċilitajiet ta’ ħżin u ta’ LNG jistgħu, fuq talba, jiġu eżentati, għal perijodu definit ta’ żmien, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9, 32, 33 u 34, u l-Artikoli 41(6), (8) u (10) taħtil-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

l-investiment għandu jtejjeb il-kompetizzjoni fil-fornitura tal-gass u jtejjeb is-sigurtà tal-fornitura;

b)

il-livell tar-riskju għall-investiment huwa tali li l-investiment ma jsirx kemm-il darba ma tingħatax eżenzjoni;

c)

l-infrastruttura għandha tkun il-proprjetà ta’ persuna naturali jew legali li hija separata għall-inqas f’termini tal-forma legali tagħha, mill-operatur tas-sistema li fis-sistemi tiegħu sejra tinbena dik l-infrastruttura;

d)

id-drittjiet jiġu imposti fuq l-utenti ta’ dik l-infrastruttura; u

e)

l-eżenzjoni m’hix detrminetali [detrimentali] għall-kompetizzjoni jew għall-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-gass naturali jew il-funzjonament effettiv tas-sistema regolata li l-infrastruttura hija mqabbda magħha

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika ukoll għal żidiet sinifikanti fil-kapaċità ta’ infrastrutturi eżistenti u għal modifiki ta’ tali infrastrutturi li jippermettu l-iżvilupp ta’ sorsi ġodda tal-fornitura tal-gass.

3.   L-awtorità regolatorja msemmija fil-Kapitolu VIII tista’, fejn ikun il-każ, tiddeċiedi dwar l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4.   Fejn l-infrastruttura konċernata tkun tinsab fit-territorju ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, l-Aġenzija tista’ tressaq opijoni konsultattiva quddiem l-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri konċernati, li tista’ tintuża bħala sies għad-deċiżjoni tagħhom, fi żmien xahrejn mid-data li fiħa ġiet irċevuta t-talba għal eżenzjoni mill-aħħar minn fost dawk l-awtoritajiet regolatorji.

Meta l-awtoritajiet regolatorji konċernati kollha jkunu laħqu ftehim dwar it-talba għal eżenzjoni fi żmien sitt xhur mid-data li fiħ[h]a ġiet irċevuta t-talba għal eżenzjoni mill-aħħar minn fost dawk l-awtoritajiet regolatorji, għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija dwar dik id-deċiżjoni.

L-Aġenzija għandha teżerċita l-kompiti konferiti lill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri konċernati minn dan l-Artikolu:

a)

meta l-awtoritajiet regolatorji konċernati kollha ma jkunx irnexxiehom jilħqu ftehim fi żmien perijodu ta’ sitt xhur mid-data li fiħ[h]a ġiet irċevuta t-talba għal eżenzjoni mill-aħħar minn fost dawk l-awtoritajiet regolatorji; jew

b)

fuq talba konġunta mill-awtoritajiet regolatorji konċernati.

L-awtoritajiet regolatorji konċernati kollha jistgħu jitolbu konġuntament li l-perijodu msemmi fit-tielet subparagrafu jkun estiż b’perijodu massimu ta’ tliet xhur.

5.   Qabel ma tieħu deċiżjoni, l-Aġenzija għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet regolatorji rilevanti u lill-applikanti.

6.   Eżenzjoni tista’ tkopri l-kapaċità kollha jew parti minnha tal-infrastruttura l-ġdida, jew tal-infrastruttura eżistenti b’kapaċità miżjuda b’mod sinifikanti.

Meta tittieħed deċiżjoni li tingħata eżenzjoni, għandu jitqies, fuq bażi ta’ kull każ individwalment, għall-ħtieġa li jiġu imposti l-kondizzjonijiet rigward id-durata tal-eżenzjoni u l-aċċess mhux diskriminatorju għall-infrastruttura. Meta tittieħed deċiżjoni rigward dawk il-kondizzjonijiet, għandhom jitqiesu b’mod partikolari l-kapaċità żejda li għandha tinbena jew il-modifika tal-kapaċità eżistenti, il-medda ta’ żmien prevista għall-proġett u ċ-ċirkostanzi nazzjonali.

Qabel tagħti eżenzjoni l-awtorità regolatorja għandha tiddeċiedi dwar ir-regoli u l-mekkaniżmi għall-ġestjoni u l-allokazzjoni tal-kapaċità. Ir-regoli għandhom jesiġu li l-utenti kollha potenzjali tal-infrastruttura jkunu mistidnin jindikaw l-interess tagħhom fil-kapaċità tal-kuntrattar qabel ma tiġi allokata l-kapaċità għall-infrastruttura l-ġdida, inkluż għall-użu proprju. L-awtorità regolatorja għandha tesiġi li r-regoli għall-ġestjoni tal-konġestjoni jinkludu l-obbligu li tinbiegħ kapaċità ġdida fis-suq, u għandha tesiġi li l-utenti tal-infrastruttura jkunu intitolati jikkummerċjalizzaw il-kapaċitjiet kuntrattati tagħhom fuq is-suq sekondarju. Fl-analiżi tagħha tal-kriterji msemmija fil-punti (a), (b) u (e) tal-paragrafu 1, l-awtorità regolatorja għandha tqis ir-riżultati tal-proċedura tal-allokazzjoni ta’ kapaċità.

Id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni, li tinkludi kwalunkwe mill-kondizzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, għandha tkun motivata u ppubblikata kif jixraq.

7.   Minkejja l-paragrafu 3, l-Istati Membri jistgħu jipprovedu lil-awtorità regolatorja jew l-Aġenzija, fejn ikun il-każ, għandha tissottometti, għal deċiżjoni formali, lill-korp relevanti fl-Istat Membru l-opinjoni tagħhom dwar it-talba għal eżenzjoni. Din l-opinjoni għandha tiġi pubblikata flimkien mad-deċiżjoni.

8.   L-awtorità regolatorja għandha tibgħat lill-Kummissjoni minnufih kopja ta’ kull talba għal eżenzjoni. Id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata mingħajr dewmien, mill-awtorità kompetenti lill-Kummissjoni, flimkien mal-informazzjoni relevanti kollha rigward id-deċiżjoni. Din l-informazzjoni tista’ tingħata lill-Kummissjoni f’forma aggregata, li tippermetti lill-Kumissjoni tasal għal deċiżjoni fuq bażi tajba. B’mod partikolari, l-informazzjoni għandu jkun fiha.

a)

ir-raġunijiet dettaljati li abbażi tagħhom l-awtorità regolatorja, jew l-Istat Membru, taw jew irrifjutaw eżenzjoni flimkien ma’ referenza għall-paragrafu 1 inklużi l-punt jew punti relevanti ta’ dak il-paragrafu li fuqhom tkun ibbażata din id-deċiżjoni, inkluża l-informazzjoni finanzjarja li tiġġustifika l-ħtieġa għall-eżenzjoni;

b)

l-analiżi li tikun saret dwar l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-operat effettiv tas-suq intern tal-gass li jirriżultaw mill-għotja tal-eżenzjoni;

c)

ir-raġunijiet għall-perijodu ta’ żmien u s-sehem tal-kapaċità totali tal-infrastruttura tal-gass in kwistjoni li għaliha ngħatat l-eżenzjoni;

d)

f’każ li l-eżenzjoni tirrigwarda interkonnettur, ir-riżultat tal-konsultazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji konċernati; u

e)

il-kontribut tal-infrastruttura għad-diversifikazzjoni tal-fornitura tal-gass.

9.   Fi żmien xahrejn mill-jum tar-riċezzjoni tan-notifika, il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni li tesiġi li l-awtorità regolatorja temenda jew tirtira d-deċiżjoni li tingħata eżenzjoni. Dak il-perijodu ta’ xahrejn jista’ jiġi estiż b’perijodu addizzjonali ta’ xahrejn fejn il-Kummissjoni teħtieġ informazzjoni addizzjonali. Dak il-perijodu addizzjonali għandu jibda l-għada tar-riċezzjoni tal-informazzjoni kompleta. Il-perijodu inizjali ta’ xahrejn jista’ jiġi estiż ukoll bil-kunsens kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-awtorità regolatorja.

Meta l-informazzjoni mitluba ma tkunx ġiet provvduta fil-perijodu stipulat fit-talba, in-notifika għandha titqies li ġiet irtirata jekk, sakemm qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, dan ma jkunx ġie estiż bil-kunsens kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-awtorità regolatorja, u sakemm l-awtorità regolatorja, fi stqarrija debitament raġunata, ma tkunx informat lill-Kummissjoni li tikkunsidra li n-notifika hija kompluta.

L-awtorità regolatorja għandha tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex temenda jew tirtira d-deċiżjoni ta’ eżenzjoni fi żmien xahar, u għandha tinforma lill-Kummissjoni kif ikun meħtieġ.

Il-Kummissjoni għandha tippreżerva l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni sensittiva kummerċjalment.

L-approvazzjoni tal-Kummissjoni ta’ deċiżjoni dwar eżenzjoni m’għandhiex tibqa’ fis-seħħ sentejn wara l-adozzjoni tagħha jekk, sa dak iż-żmien, il-bini tal-infrastruttura ma jkunx għadu beda, u ħames snin wara l-adozzjoni tagħha jekk, l-infrastruttura ma tkunx saret operattiva sakemm il-Kummissjoni ma tiddeċidix li xi dewmien ikun kawża ta’ ostakli kbar li ma jkunux fil-kontroll tal-persuna li tkun ingħatat l-eżenzjoni.

10.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta Linji gwida għall-applikazzjoni tal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u tistipula l-proċedura li għandha tkun segwita għall-applikazzjoni tal-paragrafi 3, 6, 8 u 9 ta’ dan l-Artikolu. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissuplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 51(3).”

4

Skont l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2009/73, id-Direttiva 2003/55 tħassret b’effett mit-3 ta’ Marzu 2011 u, minn din id-data, ir-riferimenti għal din l-aħħar direttiva għandhom jinftiehmu li qed isiru għad-Direttiva 2009/73 u għandhom jinqraw konformement mat-tabella tal-korrelazzjoni fl-Anness II ta’ din tal-aħħar. Skont din it-tabella, l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/55 jikkorrispondi għall-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5

Fl-14 ta’ April 2009, Moravia Gas Storage a.s. (iktar ’il quddiem “MGS”), li kienet Globula a.s., ressqet talba quddiem il-Ministeru għall-Industrija u għall-Kummerċ Ċek (iktar ’il quddiem il-“Ministeru”) għal approvazzjoni għall-bini ta’ faċilità ta’ ħażna tal-gass taħt l-art f’Dambořice (ir-Repubblika Ċeka, iktar ’il quddiem il-“faċilità SSG”). Fil-kuntest ta’ din it-talba, il-kumpannija talbet deroga temporanja, rigward it-totalità tal-kapaċità l-ġdida tal-faċilità SSG, mill-obbligu li tipprovdi aċċess innegozjat għal terzi għall-imsemmija faċilità.

6

Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2010, il-Ministeru awtorizza l-bini tal-faċilità SSG u ta deroga temporanja lil MGS mill-obbligu li tipprovdi aċċess innegozjat għal terzi, fir-rigward ta’ 90 % tal-kapaċità tal-faċilità SSG u din id-deroga kienet tapplika għal ħmistax-il sena mid-data effettiva tal-awtorizzazzjoni għall-użu.

7

Il-Kummissjoni ġiet innotifikata b’din id-deċiżjoni permezz ta’ ittra tal-Ministeru tal-11 ta’ Frar 2011 li rċeviet fit-18 ta’ Frar 2011.

8

Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ April 2011, il-Kummissjoni talbet lill-Ministeru jipprovdi informazzjoni addizzjonali u speċifikat li, fil-każ li hija titolbu jemenda jew jirtira d-deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2010, hija tagħmel dan qabel it-18 ta’ Ġunju 2011. Il-Ministeru wieġeb fid-29 ta’ April 2011, fit-terminu stabbilit mill-Kummissjoni.

9

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Mejju 2011, għat-tieni darba, il-Kummissjoni talbet lill-Ministeru jipprovdi informazzjoni addizzjonali u reġgħet ippreċiżat li, fil-każ li hija titolbu li jemenda jew jirtira l-imsemmija deċiżjoni, hija tagħmel dan qabel it-18 ta’ Ġunju 2011. Il-Ministeru wieġeb fl-20 ta’ Mejju 2011, fit-terminu stabbilit mill-Kummissjoni.

10

Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Ġunju 2011, iffirmata mill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-enerġija, il-Kummissjoni informat lill-Ministeru li kienet ser tadotta deċiżjoni formali qabel id-29 ta’ Ġunju 2011.

11

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, innotifikata lir-Repubblika Ċeka fit-28 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni ordnat lil dan l-Istat Membru jirtira d-deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2010.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

12

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Awwissu 2011, MGS ressqet kawża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

13

Insostenn tar-rikors tagħha, MGS invokat tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed fuq żbalji fid-determinazzjoni tal-liġi applikabbli, it-tieni wieħed fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u t-tielet wieħed fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti.

14

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv ta’ MGS u annullat id-deċiżjoni kkontestata minħabba l-fatt li din kellha tiġi adottata mhux abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/73, iżda abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/55. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx it-tieni u t-tielet motiv invokati minn MGS insostenn tar-rikors tagħha.

It‑talbiet tal‑partijiet

15

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi li l-ewwel motiv invokat fl-ewwel istanza huwa infondat u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq it-tieni u fuq it-tielet motiv fl-ewwel istanza; u

tirriżerva l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

16

MGS titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell fl-intier tiegħu; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti għal dan l-appell.

17

Ir-Repubblika Ċeka titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell bħala infondat; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti fl-ewwel istanza u fil-kuntest ta’ dan l-appell.

Fuq l-appell

L-argumenti tal-partijiet

18

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem aggravju wieħed, li permezz tiegħu hija ssostni, essenzjalment, li meta l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-regoli tad-Direttiva 2003/55 kienu japplikaw għall-kawża mressqa quddiemha, hija kisret l-Artikoli 288 TUE u 297(1) TFUE.

19

Fil-fehma tagħha, sakemm it-terminu li hija għandha sabiex teżiġi t-tibdil jew l-irtirar ta’ deċiżjoni nazzjonali ta’ deroga ma jkunx skada, in-notifika ta’ tali deċiżjoni, skont l-Artikoli 22 tad-Direttiva 2003/55 u 36 tad-Direttiva 2009/73, tikkostitwixxi mhux sitwazzjoni definittivament konkluża, iżda stadju fil-proċess ta’ deroga li għadu għaddej.

20

F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li dan il-proċess ma kienx spiċċa fid-data tat-tħassir tad-Direttiva 2003/55, jiġifieri fit-3 ta’ Marzu 2011, hekk li, f’din id-data, ma kinitx teżisti sitwazzjoni definittivament konkluża u li, minn din l-istess data, ir-regoli tad-Direttiva 2009/73 kienu japplikaw.

21

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li s-sentenza Meridionale Industria Salumi et (212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270) kienet tapplika għal dan il-każ u meta ddeċidiet li t-tibdil tat-tip proċedurali u sostantiv introdott mill-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73 jirrappreżenta ħaġa waħda inseparabbli.

22

Hija tqis, b’mod partikolari, li l-eċċezzjoni li tirriżulta minn din is-sentenza għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet legali l-ġodda għandha tiġi interpretata b’mod strett u li hija ma tapplikax fil-każ fejn direttiva ġdida tibdel leġiżlazzjoni tal-Unjoni diġà eżistenti.

23

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li ma jistax jiġi dedott mill-fatt li d-Direttiva 2009/73 introduċiet tibdil, f’dan il-każ proċedurali, li r-regoli proċedurali u sostanzjali ta’ din id-direttiva jirrappreżentaw ħaġa waħda inseparabbli u li ma jistgħux jiġu kkunsidrati waħedhom fir-rigward tal-effett tagħhom ratione temporis.

24

Skont MGS, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha tapplika r-regoli tad-Direttiva 2003/55.

25

Fil-fatt, MGS issostni li l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ deroga nazzjonali u n-notifika tagħha lill-Kummissjoni jikkostitwixxu sitwazzjoni konkluża preċedentement u li konsegwentement hija kisbet drittijiet u li ma setgħux japplikaw dispożizzjonijiet ġodda fil-konfronti tagħha.

26

Barra minn hekk, MGS tqis li approċċ differenti jwassal għal ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

27

MGS tqis li l-eċċezzjoni li tirriżulta mis-sentenza Meridionale Industria Salumi et (212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270) tista’ tapplika għal sitwazzjoni li fiha direttiva tal-Unjoni tissostitwixxi direttiva preċedenti u li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali wettqet applikazzjoni korretta ta’ din l-eċċezzjoni.

28

Ir-Repubblika Ċeka ssostni li, sa fejn fil-kuntest tal-proċedura ta’ deroga prevista fid-Direttivi 2003/55 u 2009/73, il-Kummissjoni teżamina r-regolarità ta’ deċiżjoni preċedentement adottata mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, jiġifieri l-osservanza tar-rekwiżiti applikabbli fid-data ta’ din l-adozzjoni, dan l-eżami ma jistax, b’mod raġonevoli, isir fid-dawl tar-regoli adottati wara din id-data.

29

Skont l-imsemmi Stat Membru, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, in-notifika tad-deċiżjoni ta’ deroga nazzjonali tikkundizzjona l-iżvolġiment tal-istadji l-oħra tal-proċedura, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda d-dritt applikabbli fil-kuntest tal-eżami ta’ din id-deċiżjoni, peress li din tal-aħħar tistabbilixxi sitwazzjoni “konkluża preċedentement”.

30

Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka tqis li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tagħtiha l-opportunità li tevalwa b’mod differenti d-deċiżjonijiet ta’ deroga nazzjonali nnotifikati fl-istess data, peress li l-għażla tad-dispożizzjonijiet applikabbli tiddependi fir-realtà mid-data li fiha l-Kummissjoni tkun ħadet passi fid-dawl ta’ dawn id-deċiżjonijiet u b’dan il-mod tkun tista’ tagħti evalwazzjoni libera tagħhom. Dan il-fatt iwassal għal differenza fit-trattament tal-imsemmija deċiżjonijiet, li jkun imur kontra l-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ ekwità.

31

Fl-aħħar nett, dan l-Istat Membru josserva li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma kkorroborati mill-fatt li d-Direttiva 2009/73 ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar it-trattament tal-proċeduri pendenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32

Għandu jitfakkar li dispożizzjoni ġdida tapplika mid-dħul fis-seħħ tal-att li jistabbilixxiha u li għalkemm hija ma tapplikax għal sitwazzjonijiet legali li tnisslu u ġew definittivament konklużi taħt is-sistema legali preċedenti, hija tapplika għall-effetti futuri tagħhom, kif ukoll għal sitwazzjonijiet legali ġodda. Dan ikun differenti, u suġġett għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti ġuridiċi, jekk ir-regola l-ġdida jkollha magħha dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ratione temporis tagħha (sentenza Gemeinde Altrip et, C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 22 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

33

B’mod partikolari, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli proċedurali huma ġeneralment maħsuba sabiex japplikaw fid-data ta’ meta jidħlu fis-seħħ (sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), għall-kuntrarju tar-regoli sostantivi li ġeneralment jiġu interpretati li ma japplikawx għal sitwazzjonijiet li ġraw qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-għan u mill-istruttura tagħhom li tali effett għandu jiġi assenjat lilhom (ara s-sentenzi Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270, punt 9; Molenbergnatie, C‑201/04, EU:C:2006:136, punt 31; kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C‑334/07 P, EU:C:2008:709, punt 44).

34

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li d-dispożizzjoni li tifforma l-bażi legali ta’ att u li tagħti s-setgħa lil istituzzjoni tal-Unjoni biex tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tal-att (ara s-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, C‑352/09 P, EU:C:2011:191, punt 88).

35

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-tibdil ta’ tip proċedurali u sostantiv introdott permezz tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73 jirrappreżenta ħaġa waħda inseparabbli, hekk li, konformement mas-sentenza Meridionale Industria Salumi et (212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270), effett retroattiv ma jistax jiġi rikonoxxut għal dawn id-dispożizzjonijiet kollha u li, konsegwentement, kienu r-regoli tad-Direttiva 2003/55 li kienu japplikaw, kemm għal dak li jirrigwarda s-sostanza kif ukoll il-proċedura.

36

Għandu jitfakkar li, fil-punt 11 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, b’eċċezzjoni għar-regola interpretattiva mfakkra fil-punt [33] ta’ din is-sentenza, li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li hija intiża sabiex tistabbilixxi korp ta’ regoli għall-irkupru a posteriori tad-dazji tad-dwana, kien fiha kemm regoli ta’ proċedura kemm regoli sostantivi li kienu jifformaw ħaġa waħda inseparabbli li d-dispożizzjonijiet speċifiċi tagħhom ma setgħux jiġu kkunsidrati b’mod iżolat f’dak li jirrigwarda l-effett ratione temporis tagħhom. Tali eċċezzjoni hija ġġustifikata meta sistema Komunitarja ġdida tissostitwixxi sistemi nazzjonali li kienu diġà jeżistu, bl-għan li tintlaħaq applikazzjoni koerenti u uniformi tal-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja hekk stabbilita (ara s-sentenza Molenbergnatie, C‑201/04, EU:C:2006:136, punt 32).

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Meridionale Industria Salumi et (212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270) ma tistax tiġi pparagunata ma’ dik inkwistjoni f’dan il-każ. Fil-fatt, id-Direttiva 2009/73 tħassar u tissostitwixxi leġiżlazzjoni tal-Unjoni li kienet diġà teżisti u li tapplika għall-istess qasam, jiġifieri d-Direttiva 2003/55. F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2009/73 ma toħloqx sistema ġdida, iżda tagħmel parti mill-kontinwità diretta tad-Direttiva 2003/55, li, fil-fatt, hija ma tibdilx il-kontenut tad-dispożizzjonijiet sostantivi tagħha, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw ir-rekwiżiti materjali li huwa ssuġġettat għalihom il-benefiċċju ta’ deroga, previst fl-Artikoli 22(1) u (2) tad-Direttiva 2003/55 kif ukoll 36(1) u (2) tad-Direttiva 2009/73.

38

F’dan il-kuntest, kif innotat l-Avukat Ġenerali fil-punti 48 u 49 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li d-dispożizzjonijiet proċedurali tad-Direttiva 2003/55 ġew emendati bid-Direttiva 2009/73 ma huwiex, fih innifsu, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 36 tas-sentenza appellata, tali li juri li d-dispożizzjonijiet proċedurali u sostantivi previsti fl-Artikolu 36 ta’ din id-direttiva huma ta’ natura “inseparabbli”, fis-sens tas-sentenza Meridionale Industria Salumi et (212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270).

39

Barra minn hekk, il-fatt li, fl-imsemmija direttivi, l-istess dispożizzjonijiet sostantivi huma akkumpanjati minn dispożizzjonijiet proċedurali differenti għandu tendenza jindika li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, dawn id-dispożizzjonijiet sostantivi jistgħu jiġu sseparati mill-imsemmija dispożizzjonijiet proċedurali.

40

Konsegwentement, l-eċċezzjoni msemmija fil-punt [36] ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi applikata f’dan il-każ.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li d-Direttiva 2003/55 ġiet imħassra b’effett mit-3 ta’ Marzu 2011, data li fiha ġiet issostitwita bid-Direttiva 2009/73, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, is-27 ta’ Ġunju 2011, ma kinux dawk tad-Direttiva 2003/55, iżda dawk tad-Direttiva 2009/73.

42

Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma applikatx b’mod retroattiv id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/73, iżda li hija adottat id-deċiżjoni kkontestata abbażi tad-dispożizzjonijiet li kienu fis-seħħ f’dak iż-żmien.

43

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi osservat li, skont l-Artikoli 22 tad-Direttiva 2003/55 u 36 tad-Direttiva 2009/73, il-Kummissjoni tista’, wara li tkun irċeviet in-notifika ta’ deċiżjoni ta’ deroga nazzjonali, titlob għat-tibdil, għall-annullament jew għall-irtirar ta’ din id-deċiżjoni.

44

Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni MGS u kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 66, 70 u 71 tal-konklużjonijiet tagħha, tali deċiżjoni jew notifika ma jistgħux jitqiesu li joħolqu “sitwazzjoni li tnisslet u ġiet definittivament konkluża” jew “sitwazzjoni konkluża preċedentement”, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza.

45

Minn dan jirriżulta li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet partikolari li jistabbilixxu b’mod speċjali l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom ratione temporis, id-Direttiva 2009/73 kellha tapplika għall-proċeduri li kienu għadhom għaddejjin fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, jiġifieri fit-3 ta’ Marzu 2011. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni kellha żball meta applikat din id-direttiva fil-waqt li adottat id-deċiżjoni kkontestata.

46

Fir-rigward, f’dan il-kuntest, tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi invokat mill-MGS u mir-Repubblika Ċeka, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju ma jistax jiġi estiż sal-punt li jipprojbixxi, b’mod ġenerali, regola ġdida milli tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li joriġinaw mis-sistema tar-regola preċedenti (ara s-sentenzi Tomadini, 84/78, EU:C:1979:129, punt 21; Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C‑334/07 P, EU:C:2008:709, punt 43; u Stadt Papenburg, C‑226/08, EU:C:2010:10, punt 46).

47

Fir-rigward tal-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ ekwità allegat mir-Repubblika Ċeka, għandu jiġi osservat li, kif indikat l-Avukat Ġenerali fil-punti 62 u 63 tal-konklużjonijiet tagħha, sa fejn it-tibdil fis-sistema legali applikabbli huwa bbażat fuq element oġġettiv, jiġifieri d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/73, fejn, skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, in-notifika tad-deċiżjoni ta’ deroga nazzjonali inkwistjoni f’dan il-każ waslet biss ftit jiem qabel din id-data u fejn imkien ma ġie pprovat li l-Kummissjoni, b’mod arbitrarju u mingħajr raġuni oġġettiva, skont il-każ, għaġġlet jew tawwlet l-ipproċessar tad-deċiżjonijiet ta’ deroga nazzjonali nnotifikati fl-istess data sabiex jingħalqu ċerti proċeduri qabel u oħrajn wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, ma jistax jiġi konkluż li kienu nkisru l-imsemmija prinċipji f’dan il-każ.

48

Konsegwentement, meta l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, f’dan il-każ, ir-regoli tad-Direttiva 2003/55 kienu japplikaw kemm għal dak li jirrigwarda s-sostanza kif ukoll il-proċedura, hija wettqet żball ta’ liġi.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa xieraq li l-unika aggravju mqajjem mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha jintlaqa’ u li s-sentenza appellata tiġi annullata.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

50

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta appell huwa fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

51

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq li hija tiddeċiedi definittivament fuq l-ewwel motiv tar-rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata ppreżentat minn MGS.

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għar-raġunijiet stabbiliti fil-punti 35 sa 47 ta’ din is-sentenza, dan l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

53

Madankollu, peress illi l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx it-tieni u t-tielet motivi invokati minn MGS insostenn tar-rikors tagħha għal annullament, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li din il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża.

54

Konsegwentement, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar it-tieni u t-tielet motivi.

Fuq l‑ispejjeż

55

Peress li l-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell għandhom jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Globula vs Il‑Kummissjoni (T‑465/11, EU:T:2013:406) hija annullata.

 

2)

Il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq