EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0529

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal- 21 ta’ Jannar 2015.
Georg Felber vs Bundesministerin für Unterricht, Kunst und Kultur.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill- Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2000/78/KE — Artikoli 2(1) u (2)(a) u 6(1) u (2) — Differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età — Servizz pubbliku — Skema ta’ pensjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi skolastiċi mwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena.
Kawża C-529/13.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:20

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

21 ta’ Jannar 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2000/78/KE — Artikoli 2(1) u (2)(a) u 6(1) u (2) — Differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età — Servizz pubbliku — Skema ta’ pensjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi skolastiċi mwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena”

Fil-Kawża C‑529/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill‑Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Settembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ottubru 2013, fil-proċedura

Georg Felber

vs

Bundesministerin für Unterricht, Kunst und Kultur,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur) u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u D. Martin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-Artikoli 2(1) u (2)(a) u 6(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn G. Felber u l-Bundesministerin für Unterricht, Kunst und Kultur (Ministru Federali tat-Tagħlim, tal-Arti u tal-Kultura, iktar ’il quddiem il-“Bundesministerin”) dwar ir-rifjut tal-Bundesministerin li tieħu inkunsiderazzjoni perijodi skolastiċi qabel id-dħul fis-servizz ta’ G. Felber għall-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2000/78

3

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 “[l]-iskop [...] huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ’il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[...]”

5

L-Artikolu 3(1) u (3) ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[...]

ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[...]

[...]

3.   Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ħlasijiet ta’ kull tip magħmula minn skemi statali jew simili, inklużi skemi ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali.”

6

L-Artikolu 6 tal-istess direttiva huwa miktub kif ġej:

“1.   Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

b)

L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

[...]

2.   Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.”

7

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Azzjoni pożittiva u miżuri speċifiċi” jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bi skop li tiġi żgurata l-ugwaljanza kompleta fil-prattika, il-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament m’għandux iżomm lil Stat Membru milli jikkonserva jew jadotta miżuri speċifiċi biex jipprevjeni jew jikkompensa għal żvantaggi marbuta ma’ xi waħda mill-bażijiet imsemmija fl-Artikolu 1.”

Id-dritt Awstrijak

8

L-Artikoli 53, 54 u 56 tal-liġi Federali dwar id-drittijiet għall-pensjoni tal-uffiċjali Federali, is-superstiti tagħhom u l-membri tal-familja tagħhom (liġi dwar il-pensjonijiet tal-1965) [Bundesgesetz über die Pensionsansprüche der Bundesbeamten, ihrer Hinterbliebenen und Angehörigen (Pensionsgesetz 1965)], tat-18 ta’ Novembru 1965 (BGBl., 340/1965, iktar ’il quddiem il-“PG 1965”), kienu, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, ifformulati kif ġej:

“Perijodi qabel id-dħul fis-servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-punti ta’ rtirar

Artikolu 53

(1)   Il-perijodi li jistgħu jiġu assimilati huma dawk li huma elenkati fil-paragrafi 2 sa 4 sa fejn dawn huma preċedenti għad-data li minnha jibda jiddekorri ż-żmien ta’ servizz Federali li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-irtirar. Dawn il-perijodi huma inklużi permezz ta’ imputazzjoni.

(2)   Huma inklużi l-perijodi li ġejjin:

[...]

h)

it-tul ta’ ċiklu ta’ studji komplet imwettaq fi [...] kulleġġ ta’ tagħlim tekniku jew professjonali, fi stabbiliment ta’ edukazzjoni teknika jew professjonali, f’akkademja jew fi stabbiliment ta’ tagħlim affiljat bil-kundizzjoni li ma jkunx inqabeż it-tul minimu ta’ attività skolastika.

[...]

Esklużjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni u rinunzja

Artikolu 54 [...]

(2)   Ma jittieħdux inkunsiderazzjoni l-perijodi li jistgħu jiġu assimilati li ġejjin:

a)

il-perijodi li l-uffiċjal wettaq qabel ma jkun laħaq l-età ta’ 18-il sena [...]

[...]

Kontribuzzjoni straordinarja

Artikolu 56

(1)   L-uffiċjal għandu jħallas kontribuzzjoni straordinarja sa fejn il-Bund ma jirċevix, għall-perijodi li jistgħu jiġu assimilati meħuda inkunsiderazzjoni, ammont bħala trasferiment konformement mar-regoli tad-dritt tas-sigurtà soċjali [...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

G. Felber, imwieled fl-1956, jeżerċita s-sengħa ta’ għalliem u huwa uffiċjal fis-servizz tal-Bund (Stat Federali) mis-sena 1991.

10

Għall-finijiet tal-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu, il-perijodi li jistgħu jiġu assimilati qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-amministrazzjoni ġew stabbiliti permezz ta’ deċiżjoni meħuda matul is-sena 1992. Kienu biss il-perijodi ta’ taħriġ u ta’ attività professjonali mwettqa wara l-età ta’ 18-il sena li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni ta’ G. Felber. Il-perijodu ta’ taħriġ li huwa kien wettaq qabel l-età ta’ 18-il sena, f’dan il-każ tliet snin ta’ studji, konsegwentement ma kienx ġie inkluż. Filwaqt li bbaża ruħu fuq is-sentenza Hütter (C‑88/08, EU:C:2009:381), G. Felber talab li dan il-perijodu jittieħed inkunsiderazzjoni jew ikun jista’ jinfeda permezz tal-ħlas ta’ kontribuzzjoni straordinarja.

11

Il-Landesschulrat für Salzburg (awtorità edukattiva tal-Land ta’ Salzburg) ċaħdet it-talba tiegħu permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2010 minħabba li l-Artikolu 54(2)(a) tal-PG 1965 ma jawtorizzax it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ taħriġ imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena fir-rigward ta’ uffiċjali li, bħal G. Felber, jaqgħu taħt l-Artikolu 88(1) tal-PG 1965 peress li ġew irreklutati qabel l-1 ta’ Mejju 1995. G. Felber appella din id-deċiżjoni tal-Landesschulrat für Salzburg quddiem il-Bundesministerin, iżda hija ċaħdet ir-rikors tiegħu permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2011.

12

G. Felber sussegwentement ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verfassungsgerichtshof (Qorti Kostituzzjonali), li ċaħdet il-kompetenza tagħha, permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Mejju 2012, favur il-qorti tar-rinviju. Il-Verfassungsgerichtshof madankollu ddeċidiet, bħala kompatibbli mal-prinċipju Kostituzzjonali ta’ ugwaljanza fit-trattament, li regoli applikabbli għar-rikonoxximent ta’ perijodi ta’ taħriġ preċedenti għad-dħul fis-servizz fil-kalkolu tal-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar huma differenti minn dawk applikabbli għar-rikonoxximent ta’ dawn il-perijodi sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tas-salarju tal-uffiċjali.

13

Skont il-qorti tar-rinviju, is-sentenza Hütter ((EU:C:2009:381) teħtieġ li jsir kalkolu ġdid mhux diskriminatorju tal-perijodi ta’ attività professjonali u tal-perijodi ta’ taħriġ imwettqa mill-membru tal-persunal ikkonċernat qabel l-età ta’ 18-il sena. Għalhekk, hija tistaqsi jekk għandux isir dan il-kalkolu ġdid mhux diskriminatorju mhux biss għad-drittijiet għar-remunerazzjoni iżda wkoll għad-drittijiet għall-pensjoni.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Bla ħsara għall-Artikolu 52(1) tal-[Karta] u għall-Artikolu 6 tad-[Direttiva 2000/78], il-fatt li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-punti għall-irtirar ta’ uffiċjali, jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-perijodi ta’ studji li l-uffiċjal ikun wettaq f’kulleġġ jew fi stabbiliment ta’ edukazzjoni teknika jew professjonali wara li jkun għalaq l-età ta’ 18-il sena, fejn in-numru ta’ perijodi ma huwiex determinanti biss għad-dritt għal pensjoni iżda wkoll għall-ammont tagħha u fejn il-pensjoni inkwistjoni (pensjoni globali) tkun ikkunsidrata, fid-dritt nazzjonali, bħala remunerazzjoni li tibqa’ titħallas fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ servizz taħt id-dritt pubbliku li tibqa’ fis-seħħ anki wara li l-uffiċjal joħroġ bil-pensjoni tal-irtirar, jimplika inugwaljanza fit-trattament (diretta) ibbażata fuq l-età fis-sens tal-Artikolu 21(1) tal-Karta u tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) [ta’ din] id-Direttiva?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, uffiċjal jista’, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta u tal-Artikolu 6 tad-Direttiva [2000/78] (ara, f’dan ir-rigward, it-tielet domanda), jinvoka l-applikabbiltà diretta tal-Artikolu 21 tal-Karta u tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2000/78] fi proċedura intiża sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni perijodi mwettqa qabel id-dħul fis-servizz tiegħu anki meta ma jkunx ħareġ bil-pensjoni tal-irtirar fil-mument meta jibda l-proċedura, u dan fid-dawl tal-fatt, b’mod partikolari, li, skont id-dritt nazzjonali, jekk is-sitwazzjoni legali ma tkunx inbidlet fil-mument meta dan joħroġ bil-pensjoni tal-irtirar, l-effetti legali taċ-ċaħda tat-talba tiegħu għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-perijodi jkunu jistgħu jiġu invokati fil-konfront tiegħu fi proċedura għall-kalkolu tal-punti tal-irtirar tiegħu jew meta jressaq talba ġdida għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi inkwistjoni?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-inugwaljanza fit-trattament hija ġġustifikata fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta u tal-Artikolu 6(1) jew (2) tad-[Direttiva 2000/78]

a)

mill-intenzjoni li għall-persuni li d-data tat-twelid tagħhom kienet wara d-data tal-bidu tas-sena skolastika fis-sena meta bdew l-iskola kif ukoll għall-persuni li jsegwu edukazzjoni ta’ livell superjuri estiża u li, għal din ir-raġuni, ikollhom jibqgħu jistudjaw wara li jkunu għalqu t-18-il sena sabiex jispiċċaw l-istudji tagħhom, jiġu applikati l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-persuni li jispiċċaw mill-kulleġġ jew mill-istabbiliment ta’ edukazzjoni teknika jew professjonali qabel jagħlqu t-18-il sena, anki meta l-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ studji mwettqa wara t-18-il sena ma hijiex limitata għal dawn il-każijiet;

b)

mill-intenzjoni li mill-kalkolu tad-drittijiet għal-pensjoni jiġu esklużi l-perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata ġeneralment ma teżerċita ebda attività professjonali bi ħlas u għalhekk ma tħallas ebda kontribuzzjoni? L-inugwaljanza fit-trattament imsemmija iktar ’il fuq tista’ tiġi ġġustifikata irrispettivament mill-fatt li, inizjalment, lanqas ma huwa meħtieġ li titħallas kontribuzzjoni fir-rigward tal-perijodi ta’ studji mwettqa f’kulleġġ jew fi stabbiliment ta’ edukazzjoni teknika jew professjonali wara l-età ta’ 18-il sena u li, fil-każ li sussegwentement dawn il-perijodi jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni, ikun fi kwalunkwe każ meħtieġ li titħallas kontribuzzjoni partikolari [straordinarja] għal dan il-għan,

c)

minħabba li l-fatt li, għall-finijiet tal-assigurazzjoni tal-irtirar, ma jittieħed inkunsiderazzjoni ebda perijodu preċedenti għad-dħul fis-servizz imwettaq qabel l-età ta’ 18-il sena għandu jitqies li huwa ekwivalenti għall-iffissar, ‘fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji’ fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva [2000/78]?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

15

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta u li huwa kkonkretizzat fid-Direttiva 2000/78.

16

Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta jadottaw miżuri li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, li tikkonkretizza, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, l-Istati Membri għandhom jaġixxu b’osservanza ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Prigge et, C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 48, kif ukoll Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt, C‑132/11, EU:C:2012:329, punt 22).

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġu eżaminati d-domandi magħmula fil-kuntest tal-kawża prinċipali, bejn individwu u l-amministrazzjoni nazzjonali, fir-rigward unikament tad-Direttiva 2000/78.

Fuq l-ewwel u t-tielet domandi

18

Permezz tal-ewwel u tat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikoli 2(1) u 2(a) u 6(1) u (2) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi skolastiċi mwettqa minn uffiċjal qabel l-età ta’ 18-il sena għall-finijiet tal-għoti tad-dritt għall-pensjoni u tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu, minkejja li dawn il-perijodi jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jitwettqu wara li jkun laħaq din l-età.

19

Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78. F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-Artikolu 3(1)(a) u (ċ) tagħha li din id-direttiva tapplika, fil-kuntest tal-kompetenzi kkonferiti lill-Unjoni Ewropea, “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi”, f’dak li jikkonċerna, minn naħa, “il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg [...] inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali” u, min-naħa l-oħra, “il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

20

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 għandu għalhekk jinftiehem, fid-dawl tal-Artikolu 3(1)(ċ) u (3) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessa 13 ta’ din id-direttiva, bħala li ma jkoprix l-iskemi ta’ sigurtà soċjali u ta’ protezzjoni soċjali li l-benefiċċji tagħhom ma humiex assimilati ma’ remunerazzjoni skont it-tifsira mogħtija lil dan it-terminu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 157(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi HK Danmark, C‑476/11, EU:C:2013:590, punt 25, u Dansk Jurist- og Økonomforbund, C‑546/11, EU:C:2013:603, punt 25).

21

Il-kunċett ta’ “remunerazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 157(2) TFUE, jinkludi l-benefiċċji kollha fi flus jew in natura, kemm jekk immedjati jew fil-futur, bil-kundizzjoni li jitħallsu, anki indirettament, mill-persuna li timpjega lill-ħaddiem fid-dawl tal-impjieg tiegħu (sentenzi HK Danmark, EU:C:2013:590, punt 26, u Dansk Jurist- og Økonomforbund, EU:C:2013:603, punt 26).

22

Fil-kawża prinċipali, hemm inkwistjoni l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tal-punti tal-irtirar, ta’ perijodi skolastiċi mwettqa minn G. Felber qabel l-età ta’ 18-il sena u qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Bund.

23

Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar jiddependi minn perijodi ta’ servizz u minn perijodi li jistgħu jiġu assimilati kif ukoll mis-salarju li l-uffiċjal kien jirċievi. Il-pensjoni tal-irtirar tikkostitwixxi ħlas futur fi flus, imħallas mill-persuna li timpjega lill-impjegati tagħha, bħala konsegwenza diretta tar-relazzjoni ta’ impjieg ta’ dawn l-impjegati. Fil-fatt, din il-pensjoni titqies, fid-dritt nazzjonali, li hija remunerazzjoni li tkompli titħallas fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ servizz li tibqa’ fis-seħħ anki wara li l-uffiċjal jibda jibbenefika minn benefiċċji tal-irtirar. Din il-pensjoni tikkostitwixxi, f’dan ir-rigward, remunerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 157(2) TFUE.

24

Minn dan jirriżulta li, billi jeskludi, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ tali pensjoni tal-irtirar, parti mill-uffiċjali mill-benefiċċju tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi skolastiċi mwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena, l-Artikolu 54(2)(a) tal-PG 1965 jaffettwa l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni ta’ dawn l-uffiċjali, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78. Għalhekk, din id-direttiva tapplika għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

25

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludix differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età f’dak li jikkonċerna l-impjieg u x-xogħol, hemm lok li jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta fondata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, li fost dawn hemm l-età. L-Artikolu 2(2)(a) tagħha jippreċiża li, għall-bżonnijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata, jew kienet ittrattata jew li ser tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi ttrattata f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

26

Skont l-Artikolu 53(2)(h) tal-PG 1965, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul ta’ ċiklu ta’ studju komplet imwettaq mill-uffiċjal f’kulleġġ jew fi stabbiliment ta’ edukazzjoni teknika jew professjonali, f’akkademja jew fi stabbiliment ta’ tagħlim affiljat bil-kundizzjoni li ma jkunx inqabeż it-tul minimu ta’ attività skolastika. L-Artikolu 54(2)(a) tal-PG 1965 madankollu jillimita dan it-teħid inkunsiderazzjoni għall-perijodi li l-uffiċjal ikun wettaq wara li jkun laħaq l-età ta’ 18-il sena.

27

Hekk kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiffavorixxi l-persuni li jtemmu jew li jibdew tali ċiklu ta’ studji wara l-età ta’ tmintax-il sena sa fejn huma biss jibbenefikaw mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi skolastiċi li huma jkunu wettqu f’kulleġġ jew fi stabbiliment ta’ edukazzjoni teknika jew professjonali qabel id-dħul tagħhom fis-servizz tal-Bund. Leġiżlazzjoni ta’ din in-natura tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn il-persuni skont l-età li fiha huma wettqu t-taħriġ skolastiku tagħhom. Dan il-kriterju jista’ jwassal għal differenza fit-trattament bejn żewġ persuni li jkunu segwew dan l-istess tip ta’ taħriġ, u dan esklużivament abbażi tal-età rispettiva ta’ dawn il-persuni. Konsegwentement tali dispożizzjoni tistabbilixxi differenza fit-trattament direttament ibbażata fuq il-kriterju tal-età, fis-sens tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2000/78 (ara, b’analoġija, is-sentenza Hütter, EU:C:2009:381, punt 38).

28

Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament tistax madankollu tiġi ġġustifikata fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

29

L-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jippreċiża li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata b’għan leġittimu, b’mod partikolari minn għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ għanijiet ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi ddestinati biex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji.

30

F’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, il-kwistjoni jekk l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex leġittimu, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss sabiex jintlaħaq għan partikolari fost oħrajn fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenza Specht et, C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi preċedenti għad-dħul fis-servizz tal-uffiċjal imwettqa minnu barra mir-relazzjoni ta’ servizz huwa regola derogatorja li ġiet introdotta sabiex ma tagħtix żvantaġġ, fir-rigward tal-kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni, lill-uffiċjali li, qabel id-dħul tagħhom fis-servizz tal-Bund, ikunu wettqu taħriġ superjuri meta pparagunati ma’ dawk li r-reklutaġġ tagħhom ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni ta’ taħriġ partikolari u li konsegwentement, setgħu jidħlu fis-servizz tal-Bund mill-età ta’ 18-il sena. Għalhekk, ir-regoli tal-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali huma kkonċepiti b’mod li l-karriera globali li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tista’ tmur lura sal-età minima meħtieġa għad-dħul fis-servizz tal-Istat. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tagħmel uniformi d-data ta’ bidu ta’ kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjoni u, għaldaqstant, iż-żamma tal-età ta’ ammissjoni għall-benefiċċju tal-irtirar. F’dan il-kuntest, l-esklużjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ taħriġ skolastiku mwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena hija ġġustifikata mill-fatt li l-persuna kkonċernata bħala prinċipju ma teżerċitax, matul dawn il-perijodi, attività renumerata li tagħti lok għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ pensjoni.

32

Sa fejn it-tfittxija ta’ tali għan tippermetti li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-persuni kollha ta’ settur partikolari u fir-rigward ta’ element essenzjali tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom, bħalma huwa l-mument li fih jirtiraw, dan l-għan jikkostitwixxi għan leġittimu tal-politika tal-impjieg (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑286/12, EU:C:2012:687, punt 61).

33

It-tieni nett, hemm lok li jiġi vverifikat, skont it-termini stess tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, jekk, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ rikonoxxuta lill-Istati Membri, imfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, il-mezzi implementati sabiex jitwettaq dan l-għan humiex xierqa u neċessarji.

34

Minn naħa, fir-rigward tan-natura xierqa tal-Artikolu 54(2)(a) tal-PG 1965, jirriżulta mill-proċess imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-età minima ta’ reklutaġġ fis-servizz pubbliku hija ffissata għal 18-il sena u li, għaldaqstant, uffiċjal ma jistax jiġi affiljat mal-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali u jħallas kontribuzzjonijiet lil din l-iskema ħlief minn din l-età.

35

Konsegwentement, l-esklużjoni, skont din id-dispożizzjoni, tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ taħriġ skolastiku mwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu li jikkonsisti li tiġi adottata politika tal-impjieg ta’ natura li tippermetti lill-affiljati kollha mal-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali li jibdew iħallsu kontribuzzjonijiet fl-istess età, li jiksbu d-dritt li jirċievu pensjoni tal-irtirar kompleta u, għalhekk, li tiġi ggarantita ugwaljanza fit-trattament bejn l-uffiċjali.

36

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-kwistjoni jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqbiżx dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq l-għan li hija tfittex, għandu jitfakkar li t-talba fl-oriġini tal-kawża prinċipali hija intiża għat-teħid inkunsiderazzjoni mhux ta’ perijodi tal-impjieg, bħal fil-każ tal-kawża li tat lok għas-sentenza Hütter (EU:C:2009:381), iżda unikament perijodi ta’ taħriġ imwettqa f’kulleġġ jew fi stabbiliment ta’ edukazzjoni teknika jew professjonali.

37

F’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher koerenti fir-rigward tal-ġustifikazzjoni mressqa mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri li jiġu esklużi mill-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar il-perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata ma tħallasx kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ pensjoni.

38

Fil-fatt, minn naħa, perijodi ta’ taħriġ skolastiku bħal dawk inkwistjoni ma jagħtux lok għall-ħlas ta’ tali kontribuzzjonijiet. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perijodi skolastiċi mwettqa mill-uffiċjal wara li jkun laħaq l-età ta’ 18-il sena, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li dawn ma jitqisux li huma perijodi li jistgħu jiġu assimilati mas-snin ta’ servizz u, għaldaqstant, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-punti ta’ rtirar ħlief bil-kundizzjoni, li tinsab fl-Artikolu 56 tal-PG 1965, li titħallas, lill-iskema ta’ pensjoni, kontribuzzjoni straordinarja li tikkorrispondi mal-kontribuzzjonijiet neqsin. Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-kontribuzzjoni straordinarja tikkostitwixxi l-korrispettiv tan-nuqqas ta’ kontribuzzjoni, mill-persuna kkonċernata, matul dawn is-snin skolastiċi, lill-iskema ta’ pensjoni permezz ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji. Din il-kontribuzzjoni straordinarja tissodisfa, minħabba dan il-fatt, funzjoni ta’ kumpens.

39

F’dawn il-kundizzjonijiet, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ rikonoxxuta lill-Istati Membri fl-għażla mhux biss tat-tfittxija ta’ għan partikolari fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri li jistgħu jwettquh, miżura bħal dik prevista fl-Artikolu 54(2)(a) tal-PG 1965 hija xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

40

Konsegwentement it-tieni u t-tielet domandi għandhom jiġu risposti li l-Artikoli 2(1) u (2)(a) u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi skolastiċi mwettqa minn uffiċjal qabel l-età ta’ 18-il sena għall-finijiet tal-għoti tad-dritt għall-pensjoni u tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu, sa fejn, minn naħa, din hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata minn għan leġittimu relatat mal-politika tal-impjieg u mas-suq tax-xogħol u, min-naħa l-oħra, tikkostitwixxi mezz xieraq u neċessarju għat-twettiq ta’ dan il-għan.

Fuq it-tieni domanda

41

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tielet domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 2(1) u (2)(a) u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi skolastiċi mwettqa minn uffiċjal qabel l-età ta’ 18-il sena għall-finijiet tal-għoti tad-dritt għall-pensjoni u tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu, sa fejn, minn naħa, din hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata minn għan leġittimu relatat mal-politika tal-impjieg u mas-suq tax-xogħol u, min-naħa l-oħra, tikkostitwixxi mezz xieraq u neċessarju għat-twettiq ta’ dan il-għan.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq