Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62013CJ0279
Judgment of the Court (Ninth Chamber) of 26 March 2015.#C More Entertainment AB v Linus Sandberg.#Request for a preliminary ruling from the Högsta domstolen.#Reference for a preliminary ruling — Approximation of laws — Copyright and related rights — Directive 2001/29/EC — Information society — Harmonisation of certain aspects of copyright and related rights — Article 3(2) — Direct broadcast of a sporting fixture on an internet site.#Case C-279/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-26 ta’ Marzu 2015.
C More Entertainment AB vs Linus Sandberg.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta domstolen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Soċjetà tal-informazzjoni – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Artikolu 3(2) – Xandira diretta ta’ avveniment sportiv fuq sit internet.
Kawża C-279/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-26 ta’ Marzu 2015.
C More Entertainment AB vs Linus Sandberg.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta domstolen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Soċjetà tal-informazzjoni – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Artikolu 3(2) – Xandira diretta ta’ avveniment sportiv fuq sit internet.
Kawża C-279/13.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:199
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
26 ta’ Marzu 2015 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29/KE — Soċjetà tal-informazzjoni — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Artikolu 3(2) — Xandira diretta ta’ avveniment sportiv fuq sit internet”
Fil-kawża C‑279/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta domstolen (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 2013, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Mejju 2013, fil-proċedura
C More Entertainment AB
vs
Linus Sandberg,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn K. Jürimäe, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: M. A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal C More Entertainment AB, minn P. Bratt u S. Feinsilber, advokater, |
— |
għal L. Sandberg, minn L. Häggström, advokat, |
— |
għall-gvern Finlandiż, minn S. Hartikainen, bħala aġent, |
— |
ghall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u J. Samnadda, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati f’socjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, p. 10). |
2 |
Din it-talba ġiet preżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn C More Entertainment AB (iktar ’il quddiem “C More Entertainment”) u L. Sandberg li għandha bħala suġġett l-inklużjoni, minn dan tal-aħħar f’sit internet, ta’ linkijiet “li jistgħu jiġu kklikkjati”, li permezz tagħhom l-utenti jistgħu jkollhom aċċess għal trażmissjoni diretta, f’sit ieħor ta’ logħbiet ta’ ħoki fuq is-silġ mingħajr ma jkollhom iħallsu l-ammont ta’ flus mitlub mill-operatur ta’ dan is-sit l-ieħor. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2001/29
3 |
Il-premessi 1, 7, 20, 23, u 25 tad-Direttiva 2001/29 jiddikjaraw:
[…]
[…]
[...]
[...]
|
4 |
L-ewwel Artikolu tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Kamp ta’Applikazzjoni”, jiddikjara fil-paragrafu 2 tiegħu: “Ħlief għall-każi msemmija fl-artikolu 11, din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara u m’għandha bl-ebda mod taffettwa d-disposizzjonijiet eżistenti tal-Komunità dwar: [...]
[...]” |
5 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jiddikjara: “1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħlijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom. 2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom: [...]
|
Id-Direttiva 2006/115/KE
6 |
Id-Direttiva 92/100, li kienet fis-seħħ sakemm ġiet adottata d-Direttiva 2001/29, ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar id-dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-propjetà intelletwali (ĠU L 376, p. 28). Id-Direttiva 2006/115 tikkodifika u tirriproduċi, fi kliem simili għal dawk tad-Direttiva 92/100, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar. |
7 |
Skont il-premessa 16 tad-Direttiva 2006/115: “L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi li jipprovdu għal protezzjoni iktar vasta għal sidien ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur minn dawk meħtieġa mid-dispożizzjonijiet stabbiliti b’din id-Direttiva rigward xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku.” |
8 |
L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku”, jiddikjara fil-paragrafu 3: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-organizzazzjonijiet tax-xandir id-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu x-xandir mill-ġdid tax-xandiriet tagħhom b’mezzi mingħajr fili, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom jekk din il-komunikazzjoni ssir f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul.” |
9 |
L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/115, intitolat “Relazzjoni bejn id-drittijiet ta’ l-awtur u d-drittijiet relatati” jiddikjara: “Il-protezzjoni ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva għandha tħalli integra u ma għandha bl-ebda mod taffettwa l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur.” |
Il-kawża prinċipali u t-talba preliminari
10 |
C More Entertainment hija kanal ta’ televiżjoni bi ħlas li, fost l-oħrajn, ixxandar dirett fis-sit internet tagħha, bi ħlas, logħbiet tal-ħoki fuq is-silġ. |
11 |
Fil-ħarifa 2007, C More Entertainment xandret fuq l-istess sit internet diversi logħbiet ta’ ħoki fuq is-silġ, li għalihom il-persuni interessati setgħu jkollhom aċċess billi jħallsu s-somma ta’ 89 Krona Svediż (SEK) għal kull logħba (madwar 9.70 EUR). |
12 |
L. Sandberg ħoloq ‘linkijiet’ fis-sit internet tiegħu, li ppermettew lill-utenti jevitaw is-sistema ta’ pedaġġ imwaqqfa minn C More Entertainment. Permezz ta’ dawn il-‘linkijiet’, l-utenti b’hekk setgħu jkollhom aċċess liberu ghat-trażmissjoni ta’ żewġ logħbiet ta’ ħoki fuq is-silġ imxandra dirett minn C More Entertainment fl-20 ta’ Ottubru u fl-1 ta’ Novembru 2007. |
13 |
Qabel l-ewwel waħda minn dawn il-logħbiet, C More Entertainment talbet, permezz ta’ telefonata, lil L. Sandberg ineħħi l-‘linkijiet’ li huwa kien qiegħed fis-sit internet tiegħu, u dan mingħajr suċċess. Wara l-logħba, C More Entertainment intimat, bil-miktub, lil L. Sandberg li hija kienet tqis li l-inklużjoni ta’ dawn il-‘linkijiet’ kien ippreġudika d-drittijiet tagħha. |
14 |
Waqt it-trażmissjoni tat-tieni logħba, C More Entertainment installat strument tekniku li kellu l-effett li jipprevjeni kwalunkwe aċċess għat-trażmissjoni permezz tal-‘linkijiet’ maħluqa minn L. Sandberg. |
15 |
L. Sandberg ġie mixli quddiem il-Hudiksvalls tingsrätt (qorti tal-prim’istanza ta’ Hudiksvall) għall-ksur tal-liġi (1960:729) dwar id-dritt għall-proprjetà letterarja u artistika [lagen (1960:729) om upphovsrätt till litterära och konstnärliga verk]. Fl-10 ta’ Novembru 2010, l-akkużat instab ħati ta’ ksur ta’ drittijiet tal-awtur u li tagħhom C More Entertainment kienet, skont din il-qorti, id-detentriċi, u ġie kkundannat iħallas multa kif ukoll iħallas danni bl-interessi lil din il-kumpannija. |
16 |
Kemm L. Sandberg kif ukoll C More Entertainment ressqu appell minn din is-sentenza quddiem il-Hovrätten för Nedre Norrland (qorti tal-appell ta’ Norrland Meridjonali). |
17 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2011, din il-qorti qieset li l-ebda parti mill-ħidma tal-kummentaturi, tal-kameramen u tad-diretturi tax-xandiriet tal-ħoki fuq is-silġ, meqjusa separatament jew flimkien, ma kellha l-oriġinalità meħtieġa bil-liġi (1960:729) dwar id-dritt ta’ proprjetà letterarja u artistika biex tiġi protetta mid-dritt tal-awtur. Wara, hija qieset li fir-rigward tal-komunikazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, C More Entertainment ma kinitx id-detentriċi ta’ drittijiet tal-awtur, iżda ta’ drittijiet relatati, li kienu ġew miksura. Konsegwentement, il-qorti kkundannat lil L. Sandberg għal multi, iktar onerużi minn dawk tal-prim’istanza imma naqqset bi ftit il-kumpens mogħti lil C More Entertainment. |
18 |
C More Entertainment ressqet appell minn din is-sentenza quddiem il-Högsta domstolen (qorti suprema) fejn talbet li tiġi rrikonoxxuta bħala d-detentriċi tad-drittijiet tal-awtur u li l-ammont tad-danni u interessi dovuti lilha jiġu rriveduti ’l fuq. |
19 |
Din il-qorti qieset li ma jirriżulta la mill-formulazzjoni tad-Direttiva 2001/29, u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li t-tqegħid ta’ “hyperlink” f’sit internet huwa att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Barra minn hekk, din il-qorti rrilevat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tipprevedi drittijiet relatati iktar wiesgħa minn dawk stipulati fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29, għaliex, b’differenza minn din id-dispożizzjoni, il-protezzjoni mogħtija mid-dritt Svediż ma hijiex limitata għall-atti ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni “fuq talba”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta domstolen iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ħames domandi preliminari. |
20 |
Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Marzu 2014, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja bagħat lill-Högsta domstolen kopja tas-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76), li fil-kuntest tagħha diversi domandi dwar il-kwistjoni li jsir magħruf jekk it-tqegħid ta’ link “li jista’ jiġi kklikkjat” f’sit internet jistax jiġi kklassifikat bħala att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku kienu ġew eżaminati, filwaqt li talbet lil din il-qorti tinformaha jekk, fid-dawl ta’ din is-sentenza, hija xtaqitx iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. |
21 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2014, il-Högsta domstolen iddeċidiet li tirtira l-ewwel erba’ domandi preliminari u li żżomm biss il-ħames domanda, li taqra kif ġej: “L-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu lid-detentur[i] tad-drittijiet dritt esklużiv iktar wiesa’ billi jipprevedu li l-komunikazzjoni lill-pubbliku tinkludi iktar atti minn dawk li huma msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [2001/29]?” |
Fuq id-domanda preliminari
22 |
Mill-proċess jirriżulta li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-provvista, f’sit internet, ta’ linkijiet li jippermettu lill-utenti jaċċedu, fis-sit internet ta’ organu tax-xandir, għal xandiriet li jittrażmettu dirett logħbiet tal-ħoki fuq is-silġ, mingħajr ma jkollhom iħallsu s-somma ta’ flus mitluba minn dan l-organu biex jaċċedu għalihom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li wieħed jifhem id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju bħala li tirrigwarda essenzjalment il-kwistjoni jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi d-drittijiet esklużivi ta’ organi tax-xandir imsemmija f’dan l-Artikolu 3(2)(d), fir-rigward ta’ atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku li jistgħu jikkostitwixxu trażmissjonijiet ta’ avvenimenti sportivi mxandra dirett fuq l-internet, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali. |
23 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(2)(d) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-organi tax-xandir id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku x-xandiriet tagħhom, b’mod li kulħadd ikun jista’ jkollu aċċess għalihom minn post u ħin li jagħżel individwalment. |
24 |
L-ewwel nett, hekk kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, u b’mod partikolari l-kliem “kull komunikazzjoni lill-pubbliku […] inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku”, il-kunċett ta’ “aġġornament pubblikament disponibbli”, użat ukoll fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, huwa parti mill-“komunikazzjoni lill-pubbliku” usa’. |
25 |
It-tieni nett, mill-Artikolu 3(2) jirriżulta mill-imsemmija direttiva li, sabiex jiġi kklassifikat bħal “att li jkun disponibbli għall-pubbliku” fis-sens ta’ dan l-artikolu, att irid jissodisfa b’mod kumulattiv iż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri li jippermetti lill-pubbliku kkonċernat jaċċedi għall-oġġett protett inkwistjoni fil-post u fil-ħin li kulħadd jagħżel individwalment. |
26 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-preambolu tal-proposta tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Diċembru 1997 [COM(97) 628], li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2001/29 , ikkorroborata mill-premessa 25 ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “jagħmlu disponibbli għall-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, jirreferi għal “trasmissjonijiet interattivi fuq talba”, li huma kkaratterizzati mill-fatt li kulħadd jista’ jkollu aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SCF, C-135/10, EU:C:2012:140, punt 59). |
27 |
Issa, dan ma huwiex il-każ ta’ xandiriet diretti fuq l-Internet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
28 |
Il-qorti tar-rinviju madankollu tistaqsi jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29 għandux jinftiehem li jipprekludi lill-Istati Membri jagħtu lill-organi tax-xandir imsemmija f’dan l-Artikolu 3(2)(d) id-dritt esklużiv ukoll fir-rigward ta’ atti li, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu jiġu kklassifikati bħala atti ta’ “komunikazzjoni lill-publiku”, iżda ma jikkostitwixxux atti ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni għall-pubbliku mill-iffissar tax-xandiriet tagħhom magħmula b’tali mod li kulħadd ikun jista’ jaċċedi għalihom minn post u ħin magħżul individwalment. |
29 |
F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessa 7 tad-Direttiva 2001/29, l-għan imfittex minn din tal-aħħar huwa li tarmonizza d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati sa fejn meħtieġ għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Fil-fatt, minn din il-premessa jirriżulta li d-direttiva ma għandhiex l-għan li telimina jew tipprevjeni d-differenzi bejn leġiżlazzjonijiet nazzjonali li ma jaffettwax il-funzjonament tas-suq intern. Għaldaqstant, u kif jirriżulta wkoll mit-titolu tal-istess direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq biss armonizzazzjoni parzjali tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati. |
30 |
Issa, mill-premessi 23 u 25 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried, minn naħa, jarmonizza l-ewwel id-dritt tal-awtur tal-komunikazzjoni lill-pubbliku, u, min-naħa l-oħra, ineħħi l-inċertezza legali madwar in-natura u l-livell ta’ protezzjoni tal-atti ta’ trażmissjoni fuq talba kif ukoll jimplementa protezzjoni armonizzata fil-livell tal-Unjoni Ewropea għal dan it-tip ta’ att. |
31 |
Min-naħa l-oħra, la l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29, u lanqas xi dispożizzjoni oħra tagħha ma jindikaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jarmonizza u, konsegwentement, jipprevjeni jew ineħħi xi diskrepanzi eventwali fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, fir-rigward tan-natura u l-estensjoni tal-protezzjoni li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikonoxxu lid-detenturi tad-drittijiet imsemmija f’dan l-Artikolu 3(2)(d), fir-rigward ta’ ċerti atti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma humiex imsemmija espressament f’din l-aħħar dispożizzjoni. |
32 |
Barra minn hekk, skont il-premessa 20 tad-Direttiva 2001/29, din tal-aħħar hija bbażata fuq prinċipji u regoli diġà stabbiliti mid-direttivi fis-seħħ fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, bħad-Direttiva 92/100 (ara s-sentenza Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 187). |
33 |
Fil-fatt, mill-premessa 16 tad-Direttiva 2006/115, li ssostitwixxiet id-Direttiva 92/100, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprevedu, għad-detenturi tad-drittijiet relatati tad-drittijiet tal-awtur, dispożizzjonijiet protettivi iktar minn dawk previsti mid-Direttiva 2006/115 f’dak li jirrigwarda x-xandir u l-komunikazzjoni lill-pubbliku. |
34 |
Issa, l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku”, jiddikjara fil-paragrafu 3 tiegħu, b’mod partikolari, li l-Istati Membri għandhom jipprovdu, għall-organi tax-xandir, id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu x-xandir mill-ġdid ta’ xandiriet tagħhom permezz ta’ frekwenzi radjoelettriċi, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom meta din il-komunikazzjoni ssir f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku bi ħlas għad-dħul. |
35 |
Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2006/115 tirrikonoxxi lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprevedu dispożizzjonijiet iktar protettivi, fir-rigward tax-xandir u tal-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xandiriet imwettqa mill-organi tax-xandir, kif ukoll dawk li għandhom jiġu implementati konformement mal-Artikolu 8(3) tal-imsemmija direttiva. Tali possibbiltà timplika li l-Istati Membri jistgħu jagħtu, lill-organi tax-xandir, id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom magħmula f’kundizzjonijiet differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 8(3), b’mod partikolari x-xandiriet li għalihom wieħed ikun jista’ jaċċedi mill-post li jagħżel hu, filwaqt li dan id-dritt ma għandu, kif previst fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/115, bl-ebda mod jaffettwa l-protezzjoni tad-dritt tal-awtur. |
36 |
Isegwi li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jaffettwax l-imsemmija possibbiltà tal-Istati Membri, irrikonoxxuta fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115, moqri flimkien mal-premessa 16 ta’ din tal-aħħar, li tagħti lill-organi tax-xandir id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom, bil-kundizzjoni li tali protezzjoni ma taffettwax il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur. |
37 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li tingħata risposta lid-domanda magħmula li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi d-dritt esklużiv ta’ organi tax-xandir imsemmija f’dan l-Artikolu 3(2)(d), fir-rigward ta’ atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku li jistgħu jikkostitwixxu trażmissjonijiet ta’ avvenimenti sportivi li jintwerew dirett fuq l-internet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bil-kundizzjoni li tali estensjoni ma taffettwax il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur. |
Fuq l-Ispejjeż
38 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma għandhomx ikunu suġġetti għal rimbors. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi d-dritt esklużiv tal-organi tax-xandir imsemmija fl-Artikolu 3(2)(d), fir-rigward ta’ atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku li jistgħu jikkostitwixxu trażmissjonijiet ta’ avvenimenti sportivi li jintwerew dirett fuq l-Internet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bil-kundizzjoni li tali estensjoni ma taffettwax il-protezzjoni tad-dritt tal-awtur. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-proċedura: l-Isvediż.