Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0464

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-11 ta’ Marzu 2015.
    Europäische Schule München vs Silvana Oberto u Barbara O´Leary.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqin mill-Bundesarbeitsgericht.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Statut tal-Iskejjel Ewropej – Ġurisdizzjoni tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej sabiex tingħata deċiżjoni fuq kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat konkluż bejn Skola Ewropea u għalliem mhux assenjat jew ikkollokat minn Stat Membru.
    Kawża C-464/13.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:163

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    11 ta’ Marzu 2015 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Statut tal-Iskejjel Ewropej — Ġurisdizzjoni tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej sabiex tingħata deċiżjoni fuq kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat konkluż bejn Skola Ewropea u għalliem mhux assenjat jew ikkollokat minn Stat Membru”

    Fil-Kawżi magħquda C‑464/13 u C‑465/13,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-24 ta’ April 2013, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Awwissu 2013, fil-proċeduri

    Europäische Schule München

    vs

    Silvana Oberto (C-464/13),

    Barbara O’Leary (C-465/13),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský, M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Mejju 2014,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Europäische Schule München, minn H. Kunz-Hallstein, Rechtsanwalt,

    għal Oberto u O’Leary, minn A. Freiherr von Schorlemer, Rechtsanwalt,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers u J. Currall, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Settembru 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej, iffirmata fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1994 bejn l-Istati Membri u l-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 1, p. 16).

    2

    Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn l-Europäische Schule München u, rispettivament, S. Oberto u B. O’Leary dwar is-suġġett tal-ġurisdizzjoni tal-ordinament ġuridiku Ġermaniż li jieħu konjizzjoni ta’ rikors intiż għall-istħarriġ tal-validità tan-natura determinata tat-tul tal-kuntratt ta’ xogħol tal-persuni kkonċernati.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-Konvenzjoni ta ’ Vjenna

    3

    Skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”), intitolat “Ambitu ta’ din il-konvenzjoni”, din tapplika għal trattati bejn Stati.

    4

    L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, intitolat “Ftehim internazzjonali li ma jaqgħux fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni”, jipprovdi:

    “Il-fatt li din il-konvenzjoni ma tapplika la għall-ftehimiet internazzjonali konklużi bejn Stati u suġġetti oħrajn tad-dritt internazzjonali jew bejn dawn is-suġġetti oħrajn tad-dritt internazzjonali u lanqas għall-ftehimiet internazzjonali li ma ġewx konklużi bil-miktub ma jippreġudikax

    [...]

    b)

    l-applikazzjoni għal dawn il-ftehimiet tar-regoli kollha stabbiliti f’din il-konvenzjoni li huma suġġetti għalihom skont id-dritt internazzjonali indipendentement mill-imsemmija konvenzjoni;

    [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    5

    Skont l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, intitolat “Regola ġenerali ta’ interpretazzjoni”:

    “1.   Trattat għandu jiġi interpretat in bona fide skont is-sens ordinarju tat-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u l-iskop tiegħu.

    2.   Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ trattat, [...]

    3.   Flimkien mal-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni:

    [...]

    b)

    kull prassi sussegwenti fl-applikazzjoni tat-trattat li tistabbilixxi ftehim bejn il-partijiet dwar l-interpretazzjoni tiegħu;

    c)

    kull regola tad-dritt internazzjonali rilevanti applikabbli għar-relazzjonijiet bejn il-partijiet.

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Il-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej

    6

    L-ewwel u r-raba’ premessi tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej jipprovdu:

    “waqt li kunsidraw li, għall-edukazzjoni flimkien tat-tfal ta’ l-impjegati tal-Komunitajiet Ewropej sabiex ikun żgurat il-funzjonament xieraq ta’ l-Istituzzjonijiet Ewropej, stabbilimenti bl-isem ta’ ‘Skola Ewropea’, ġew imwaqqfin mill-1957 ’il quddiem;

    waqt li kunsidraw li l-Komunitajiet Ewropej huma ansjużi li jiżguraw edukazzjoni flimkien għal dawn it-tfal kollha u, għal dan il-għan, jagħmlu kontribuzzjoni għall-estimi ta’nfiq għall-iskejjel Ewropej;

    waqt li kunsidraw li s-sistema ta’ l-Iskejjel Ewropej hija “sui generis”'; waqt li kunsidraw li tikkostitwixxi forma ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u bejniethom u l-Komunitajiet Ewropej filwaqt li jirrikonoxxu bis-sħiħ ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membrigħall-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva tagħhom, u għad-diversitá kulturali u lingwistika tagħhom;

    waqt li kunsidraw li:

    [...]

    għandha tingħata protezzjoni legali xierqa kontra atti tal-Bord tal-Gvernaturi jew Bordijiet Amministrattivi lill-għalliema kif ukoll persuni oħra koperti minnu; għal dan il-għan għandu jinħoloq Bord ta’ l-Ilmenti, b’ġurisdizzjoni strettanent limitata;

    il-ġurisdizzjoni tal-Bord ta’ l-Ilmenti tkun mingħajr preġudizzju għall-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali rigward responsabbiltá ċivili u kriminali.”

    7

    L-Artikolu 7 ta’ din il-Konvenzjoni jipprovdi:

    “L-organi komuni għall-iskejjel kollha għandhom ikunu:

    1)

    il-Bord tal-Gvernaturi;

    2)

    is-Segretarju Ġenerali;

    3)

    il-Bordijiet ta’ Spetturi;

    4)

    il-Bord ta’ l-Ilmenti;

    Kull Skola tkun amministrata minn Bord Amministrattiv u mmexxija minn Kap tal-Għalliema. [Kap tal-Iskola]”

    8

    L-Artikolu 8(1) tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi:

    “1.   Bla ħsara għall-Artikolu 28, il-Bord tal-Gvernaturi għandu jikkonsisti mill-membri li ġejjin:(a)

    ir-

    rappreżentant jew rappreżentanti fuq livell ministerjali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej awtorizzat li jorbot lill-Gvern ta’ l-Istat Membru, bil-patt li kull Stat Membru għandu biss vot wieħed;

    (b)

    membru tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej;

    (ċ)

    rappreżentant nominat mill-Kumitat tal-Persunal (minn fost il-persunal tal-għalliema) skont l-Artiklu 22;

    (d)

    rappreżentant tal-ġenituri tal-istudenti nominat mill-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri skont l-Artikolu 23.”

    9

    L-Artikolu 12(1) tal-istess konvenzjoni huwa fformulat kif ġej:

    “Fi ħwejjeġ amministrattivi, il-Bord tal-Gvernaturi għandu:

    1.

    jistabbilixxi r-Regolamenti tas-Servizz għas-Segretarju Ġenerali, il-Kapijiet tal-Għalliema, l-għalliema u, skont l-Artikolu 9(1)(a), għall-persunal amministrattiv u anċillari;”

    10

    Il-punti 4 u 6 tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej jistipulaw:

    “Bla ħsara għall-Artikoli 28 u 29, kull Bord Amministrattv previst fl-Artikolu 7 għandu jkollu tmien membri, kif ġej:

    […]

    4.

    żewġ membri tal-persunal tat-tagħlim, wieħed jirrappreżenta lill-persunal ta’ l-iskola sekondarja u l-ieħor lill-persunal ta’ l-iskejjel primarji u tat-tfal iż-żgħar flimkien;

    [...]

    6.

    rappreżentant tal-persunal amministrattiv u anċillari.”

    11

    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 ta’ din il-konvenzjoni, il-Kap tal-Iskola għandu jkollu l-kompetenza u l-kwalifiki meħtieġa f’pajjiżu sabiex imexxi stabbiliment ta’ tagħlim li jipprovdi ċertifikat ta’ tluq li jintitola lid-detentur għal dħul fl-università.

    12

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tal-imsemmija konvenzjoni, għandu jitwaqqaf Kumitat tal-Persunal li jkun fih rappreżentanti eletti tal-għalliema u l-persunal amministrattiv u anċillari ta’ kull Skola.

    13

    L-Artikolu 26 tal-istess konvenzjoni jipprovdi:

    “Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha ġurisdizzjoni esklużiva f’tilwim bejn il-Partijiet Kontraenti rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni li ma jkunx ġie solvut mill-Bord tal-Gvernaturi.”

    14

    L-Artikolu 27(1) u (2) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej jiddisponi:

    “1.   Qed jiġi b’dan stabbilit Bord ta’ l-Ilmenti.

    2.   Il-Bord ta’ l-Ilmenti jkollu ġurisdizzjoni esklużiva fil-prim’istanza u fl-aħħar istanza, wara li jkun sar użu mill-kanali kollha amministrattivi, f’kull tilwima li tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni għall-persuni kollha li huma koperti biha ħlief persunal amministrattiv u anċillari, u rigward il-legalità ta’ kull att ibbażat fuq il-Konvenzjoni jew regoli magħmulin taħtha, li jaffettwaw ħażin dawk il-persuni, mwettqa mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Bord Amministrattiv ta’ skola fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom kif speċifikat b’din il-Konvenzjoni. Meta dan it-tilwim huwa ta’ tip finanzjarju, il-Bord ta’ l-Ilmenti jkollu ġurisdizzjoni bla limitu.

    Il-kondizzjonijiet u r-regoli dettaljati li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn il-proċeduri għandhom jiġu stabbiliti, kif ikun xieraq, bir-Regolamenti tas-Servizzi għall-persunal tal-għalliema jew bil-kondizzjonijiet għall-għalliema part-time, jew bir-Regoli Ġenerali ta’ l-Iskejjel.

    [...]

    7.   Tilwim ieħor li l-Iskejjel ikunu parti fih għandu jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali. B’mod partikolari, il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali rigward materji ta’ responsabbiltà ċivili u kriminali mhix affettwata b’dan l-Artikolu.”

    Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time

    15

    Il-punti 1.1 sa 1.3 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time rreklutati bejn l-1 ta’ Settembru 1994 u l-31 ta’ Awwissu 2011 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time”), adottati mill-Bord tal-Gvernaturi, jipprevedu:

    “1.1

    L-Istatut tal-Iskejjel Ewropej jipprevedi bħala persunal tal-għalliema bażiku għalliema kkollokati għal perijodu ddeterminat mill-Istati Membri.

    1.2

    Barra dan il-persunal bażiku, l-iskejjel għandhom bżonn ta’ għalliema part-time [...]

    1.3

    Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time jipprevedu kuntratti ta’ ingaġġ annwali. Id-dmirijiet tal-għalliema part-time jistgħu jvarjaw minn sena għal sena, konformement man-numru ta’ sigħat ta’ korsijiet mhux meħuda mill-għalliema kkollokati.

    [...]”

    16

    Skont il-punt 2 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kap tal-Iskola jista’ jirrekluta għalliema part-time sabiex jissodisfa ħtieġa temporanja.

    17

    Il-punti 3.2 u 3.4 tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, relatati mal-Kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ tal-persunal tal-għalliema awżiljarju, jiddisponi:

    “3.2

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli [...] u 80 tar-Regolamenti tal-Persunal ikkollokat mal-Iskejjel Ewropej huma applikabbli għall-għalliema rreklutati mid-direttur.

    [...]

    3.4

    Leġiżlazzjoni tal-pajjiż tas-sede tal-Iskola.

    Il-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ u ta’ tkeċċija tal-għalliema part-time, tal-għalliema tar-reliġjon u tal-persunal temporanju huma rregolati mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż sede tal-Iskola fil-qasam tar-regolamentazzjoni u tar-relazzjonijiet tal-impjieg, tas-sigurtà soċjali u tat-taxxa, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet preċedenti.

    Il-qrati tas-sede tal-iskola għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu eventwali tilwim”.

    Ir-Regolamenti tal-Persunal ikkollokat

    18

    L-Artikolu 6(a) tar-Regolamenti tal-Persunal ikkollokat tal-Iskejjel Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal ikkollokat”) adottata mill-Bord tal-Gvernaturi, jipprovdi:

    “L-impjiegi taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal huma kklassifikati skont il-kategoriji li ġejjin:

    a)

    Persunal direttur:

    Direttur

    [...]”

    19

    L-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal ikkollokat jipprevedi:

    “1.   Il-Bord tal-Appell għandu jkollu ġurisdizzjoni esklużiva fl-ewwel u fl‑aħħar istanza fuq kwalunkwe tilwima bejn l-organi amministrattivi tal-Iskola u l-membri tal-persunal f’dak li għandu x’jaqsam mal-legalità ta’ att li tkun affettwathom b’mod negattiv. Meta dan it-tilwim huwa ta’ tip finanzjarju, il-Bord tal-Ilmenti jkollu ġurisdizzjoni sħiħa.

    2.   Appell kontenzjuż quddiem il-Bord tal-Ilmenti mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 77 huwa ammissibbli biss:

    jekk is-Segretarju Ġenerali jew il-Bord ta’ Spetturi ġew preċedentement aditi b’appell amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 79 ta’ dawn ir-regolamenti.

    u

    jekk dan l-appell amministrattiv kien suġġett għal deċiżjoni espliċita jew impliċita ta’ ċaħda.

    3.   B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ hawn fuq, id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Amministrazzjoni tal-Iskejjel u tal-Bord tal-Gvernaturi jistgħu jkunu suġġetti għal appell kontenzjuż dirett quddiem il-Bord tal-Ilmenti.

    [...]”

    20

    L-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal ikkollokat huwa fformulat kif ġej:

    “L-interpretazzjoni tal-artikoli ta’ dawn ir-regolamenti fir-rigward tal‑artikoli previsti fir-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali Komunitarji għandha ssir skont il‑kriterji applikati mill-Kummissjoni.”

    Id-dritt Ġermaniż

    21

    L-Artikolu 20 tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni ġudizzjarja (Gerichtsverfassungsgesetz) jipprovdi:

    “[...]

    (2)

    Barra minn hekk, il-ġurisdizzjoni tal-ordinament ġudizzjarju Ġermaniż ma testendix la lill-persuni [...] li jgawdu immunità taħt ir-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali, tal-konvenzjonijiet internazzjonali jew ta’ dispożizzjonijiet oħra.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    22

    S. Oberto u B. O’Leary huma għalliema part-time tal-Europäische Schule München li jeżerċitaw din il-funzjoni minn, rispettivament, l-1998 u l-2003. Il-kuntratti tagħhom ta’ tagħlim, iffirmati mill-Kap ta’ din l-iskola, ġew iffirmati għal tul determinat ta’ sena. L-aħħar kuntratti ta’ tagħlim konsekuttivi tagħhom, tat-13 Lulju 2010, jirrigwardaw il-perijodu mill-1 ta’ Settembru 2010 sal-31 ta’ Awwissu 2011.

    23

    L-Artikolu 10 tal-kuntratti ta’ tagħlim tat-13 ta’ Lulju 2010 konklużi bejn il-Kap tal-Europäische Schule München u, rispettivament, S. Oberto kif ukoll B. O’Leary jipprovdi:

    “Dritt applikabbli u qrati li għandhom ġurisdizzjoni

    1.   Japplikaw għar-relazzjoni ta’ tagħlim, fl-ordni li ġejja: id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt, ir-‘Regolamenti tal-Persunal il-ġodda' kif ukoll id-disposizzjonijiet tar-Regolamenti tal‑Persunal ikkollokat [...] applikabbli skont il-punt 3(2) u 2 tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda. Konformement mal-Artikolu 3(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, id-dritt Ġermaniż japplika biss sa fejn dan il-kuntratt u d-dritt relatat mal-Iskejjel Ewropej applikabbli għall-kuntratt ma għandu l-ebda dispożizzjoni u sa fejn il-lakuna regolatorja tikkonċerna kundizzjonijiet u relazzjonijiet ta’ impjieg li ma humiex irregolati minn dan il-kuntratt, l-assigurazzjoni soċjali jew id-dritt fiskali.

    2.   Fir-rigward tat-tilwim bejn l-Iskola u l-għaliem part-time fuq dan il-kuntratt, il-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej għandu ġurisdizzjoni esklużiva, konformement mal-Artikolu 80 tar- Regolamenti tal-Persunal ikkollokat [...], sa fejn ir-relazzjonijiet ġuridiċi tal-partijiet huma suġġetti għall-kuntratt u għad-dritt relatat mal-Iskejjel Ewropej. Skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time [...], il-qrati Statali Ġermaniżi jistgħu jkunu aditi biss b’tilwim bejn l-Iskola u l-għalliem part-time li jirrigwarda eskużivament kwistjonijiet li fuqhom id-dritt Ġermaniż japplika konformement mal-paragrafu 1 hawn fuq.”

    24

    S. Oberto u B. O’Leary, b’żewġ rikorsi ppreżentati quddiem l-Arbeitsgericht München (Qorti tax-Xogħol ta’ München), ikkontestaw il-limitazzjoni ta’ sena tat-tul tal-kuntratti ta’ xogħol tagħhom. Huma sostnew quddiem l-Arbeitsgericht München li l-qrati Ġermaniżi kellhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar il-validità tal-limitazzjonijiet tat-tul tar-relazzjonijiet ta’ impjieg tagħhom. Permezz ta’ sentenza interlokutorja, l-Arbeitsgericht München, minkejja l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Europäische Schule München, iddikjarat dawn ir-rikors ammissibbli.

    25

    Peress li l-appel ippreżentat mill-Europäische Schule München ma rnexxiex, din tal-aħħar ippreżentat rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesarbeitsgericht (Qorti Federali tax-Xogħol). L-Europäische Schule München sostniet quddiem din il-qorti li hija ma kinitx suġġetta għall-ordinament ġudizzjarju Ġermaniż, peress li l-kawża prinċipali taqa’ fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej.

    26

    F’dan il-kuntest, il-Bundesarbeitsgericht jistaqsi dwar il-ġurisdizzjoni tal-ordinament ġuridiku Ġermaniż sabiex jieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali. Il-qorti tar-rinviju tqis li d-deċiżjoni li hija għandha tagħti dwar il-ġurisdizzjoni tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej.

    27

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-ewwel sentenza [tal-ewwel subparagrafu] tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej tal-21 ta’ Ġunju 1994 [...], għandha tiġi interpretata fis-sens li l-għalliema [part-time] rreklutati minn Skola Ewropea u li ma jkunux ikkollokati mill-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala inklużi fost il-persuni koperti mill-Konvenzjoni u bħala persuni li ma humiex esklużi mill-applikazzjoni tagħha, b’differenza mill-persunal amministrattiv u anċillari?

    2)

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għad-domanda 1:

    L-ewwel sentenza [tal-ewwel subparagrafu] tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri wkoll il-legalità ta’ att li jikkawża preġudizzju li jkun ibbażat fuq il-Konvenzjoni jew fuq ir-regoli adottati skont din il-konvenzjoni, u li jkun adottat fir-rigward tal-għalliema [part-time] mid-direttur ta’ Skola fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu?

    3)

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda:

    L-ewwel sentenza [tal-ewwel subparagrafu] tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni [li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej] [...] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-konklużjoni ta’ ftehim bejn id‑direttur ta’ Skola Ewropea u għalliem [part-time], dwar il-limitazzjoni tat-tul tar‑relazzjoni ta’ xogħol [relazzjoni ta’ impjieg] tal-għalliem [part-time], tikkostitwixxi att adottat mid‑direttur fir-rigward tal-għalliem [part-time] li jikkawża preġudizzju lil dan tal‑aħħar?

    4)

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta negattiva għat-tieni u t-tielet domanda:

    L-ewwel sentenza [tal-ewwel subparagrafu] tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni [tal-1994] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Bord tal-Ilmenti hemm imsemmi għandu ġurisdizzjoni esklużiva fl-ewwel u fl-aħħar istanza sabiex jiddeċiedi, wara l-eżawriment tar-rimedji amministrattivi, dwar it-tilwim li jikkonċerna l-limitazzjoni tat-tul ta’ kuntratt ta’ xogħol li d‑direttur ta’ Skola jikkonkludi ma’ għalliem [part-time] f’sitwazzjoni fejn dan il‑ftehim ikun essenzjalment ibbażat fuq il-kriterju stabbilit mill-Kunsill Superjuri [Bord tal-Gvernaturi] msemmi fil-punt 1.3 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema [part-time] […] li jipprevedi kuntratti ta’ xogħol annwali?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    28

    S. Oberto u B. O’Leary kkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej, peress li din tal-aħħar ma għandhiex titqies bħala li tagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni.

    29

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-Artikoli 217 TFUE u 218 TFUE jikkostitwixxi, fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, att meħud minn istituzzjoni tal-Unjoni, fi ħdan it-tifsira tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, li d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim simili jagħmlu parti integrali, mid-dħul fis-seħħ ta’ dan tal-aħħar, mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li, fil-kuntest ta’ dan id-digriet ġuridiku, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari fuq l-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim (ara s-sentenza Demirel, 12/86, EU:C:1987:400, punt 7).

    30

    Dan jgħodd ukoll għal ftehim internazzjonali, bħall-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal‑Iskejjel Ewropej, li kienet konkluża abbażi tal-Artikolu 235 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 308 KE, li huwa stess sar l-Artikolu 352 TFUE) mill-Komunitajiet Ewropej, li ġew awtorizzati jagħmlu hekk mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/557 KE, Euratom, tas-17 ta’ Ġunju 1994, li tawtorizza lill-Komunità Ewropea u l‑Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika biex tiffirma u tikkonkludi l-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 1, p. 14).

    31

    Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant għandha ġurisdizzjoni li tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ din il-konvenzjoni kif ukoll tal-atti adottati abbażi tiegħu.

    Osservazzjonijiet preliminari

    32

    Qabel kollox, għandu jitfakkar li, is-sistema tal-iskejjel Ewropej hija sistema sui generis li, permezz ta’ ftehim internazzjonali, tinħoloq forma ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u bejn dawn tal-aħħar u l-Unjoni (ara s-sentenza Miles et, C-196/09, EU:C:2011:388, punt 39).

    33

    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-iskejjel Ewropej jikkostitwixxu korp ta’ organizzazzjoni internazzjonali li, minkejja l-kuntatti funzjonali li għandu mal-Unjoni, jibqa’ formalment distint minnha u mill-Istati Membri tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Miles et, EU:C:2011:388, punt 42).

    34

    Għaldaqstant, għalkemm il-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej tikkostitwixxi, fir-rigward tal-Unjoni, att meħud minn istituzzjoni tal-Unjoni fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, hija wkoll irregolata mid-dritt internazzjonali, u b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tiegħu, mid-dritt internazzjonali dwar it-trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brita, C‑386/08, EU:C:2010:91, punt 39).

    35

    Id-dritt internazzjonali dwar it-trattati ġie kkodifikat, essenzjalment, fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna. Skont l-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni, din tapplika għat-trattati bejn Stati. Madankollu, skont l-Artikolu 3(b) ta’ din il-konvenzjoni, il-fatt li din ma tapplikax għall-ftehimiet internazzjonali konklużi bejn Stati u suġġetti oħra tad-dritt internazzjonali ma jippreġudikax l-applikazzjoni għal dawn il-ftehimiet tar-regoli kollha stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna li huma suġġetti għaliha skont id-dritt internazzjonali indipendentement mill-konvenzjoni stess.

    36

    Isegwi li r-regoli li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna japplikaw għal ftehim konkluż bejn Stat u organizzazzjoni internazzjonali, bħall-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej, sa fejn dawn ir-regoli huma l-espressjoni tad-dritt internazzjonali ġenerali ta’ konswetudni. Għaldaqstant, din l-aħħar konvenzjoni għandha tiġi interpretata skont dawn ir-regoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brita, EU:C:2010:91, punt 41).

    37

    Skont l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li jesprimi d-dritt ta’ konswetudni internazzjonali, (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑118/07, EU:C:2009:715, punt 39), trattat għandu jiġi interpretat in bona fide, fis-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini tat-trattat fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u s-suġġett tiegħu (ara s-sentenza Brita, EU:C:2010:91, punt 43).

    38

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 31(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-interpretazzjoni ta’ trattat, ta’ kull prattika sussegwenti fl-applikazzjoni tat-trattat li biha huwa stabbilit il-ftehim tal-partijiet dwar l-interpretazzjoni tat-trattat.

    Fuq l-ewwel domanda

    39

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-għalliema part-time rreklutati minn Skola Ewropea u li ma jkunux ikkollokati mill-Istati Membri, għandhom jitqiesu bħala inklużi fost il-persuni koperti minn din id-dispożizzjoni, b’differenza mill-persunal amministrattiv u anċillari li huma esklużi minnha.

    40

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) ta’ din il-konvenzjoni, minn naħa, il-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej jkollu ġurisdizzjoni esklużiva fil-prim’istanza u fl-aħħar istanza, wara li jkun sar użu mill-kanali kollha amministrattivi, f’kull tilwima li tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni għall-persuni kollha li huma koperti biha ħlief persunal amministrattiv u anċillari, u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet u r-regoli dettaljati li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn il-proċeduri għandhom jiġu stabbiliti, b’mod partikolari, mir-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema jew mill-kundizzjonijiet tal-impjieg għall-għalliema part-time.

    41

    Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej jirriżulta li l-għalliema part-time huma fost il-persuni msemmija fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni tal-imsemmija konvenzjoni, kuntrarjament għall-membri tal-persunal amministrattiv u ta’ servizz li huma esklużi.

    42

    Tali interpretazzjoni hija barra minn hekk ikkorroborata wkoll mill-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej.

    43

    Fil-fatt, kif tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, minn din il-konvenzjoni, b’mod partikolari, mill-Artikoli 19(4) u (6) tagħha, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22, jirriżulta li din il-konvenzjoni tagħmel distinzjoni ċara bejn il-korp tat-tagħlim, minn naħa, u l-persunal amministrattiv u dak anċillari, min-naħa l-oħra.

    44

    Konsegwentement, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej għandha tiġi interpretata fis-sens li l-għalliema part-time irreklutati minn Skola Ewropea u li ma jkunux ikkollokati mill-Istati Membri huma inklużi fost il-persuni koperti minn din id-dispożizzjoni, b’differenza mill-persunal amministrattiv u anċillari li huma esklużi minnha.

    Fuq it-tielet domanda

    45

    Permezz tat-tielet domanda, li għandha tiġi eżaminata flimkien mat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej għandhiex tiġi interpretata fis-sens li ftehim bejn il-Kap ta’ Skola Ewropea u għalliem part-time dwar il-limitazzjoni tat-tul tar-relazzjoni ta’ impjieg jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju lil dan tal-aħħar.

    46

    Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li din il-konvenzjoni ma fiha ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “att [....] li jaffettwaw ħażin [att li jikkawża preġudizzju]” li jinsab fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2).

    47

    Kif osservat il-Europäische Schule München u l-Kummissjoni, hemm diskrepanza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-imsemmija konvenzjoni fir-rigward tat-termini “att [....] li jaffettwaw ħażin [att li jikkawża preġudizzju]”, li xi wħud minnhom, b’mod partikolari l-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola, Ingliża, Franċiża u Taljana, jużaw rispettivament, it-termini “un acto”, “any act”, “un acte” u “un atto”, li għandhom portata usa’ minn dawk użati fil-verżjoni Ġermaniża, jiġifieri “Entscheidung”, jiġifieri, litteralment, “deċiżjoni”.

    48

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ħames inċiż tar-raba’ premessa tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej, dan għandu, fost l-għanijiet tiegħu, li tingħata protezzjoni legali xierqa kontra l-atti tal-Bord tal-Gvernaturi jew tal-Bordijiet Amministrattivi lill-għalliema kif ukoll persuni oħra koperti minnu.

    49

    Ladarba ma hemm xejn, barra minn hekk, la fl-imsemmija konvenzjoni, u lanqas fil-miżuri adottati għall-implementazzjoni tagħha, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 31(3)(c) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li jipprekludi dan, għandha b’mod partikolari fid-dawl tal-għan imfakkar fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, li tiġi ppreferuta, f’dan il-każ, interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “att [...] li jaffettwaw ħażin [jikkawża preġudizzju]”.

    50

    Għandu jiġi nnutat li, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej, ir-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time, li jiddetermina l-kundizzjonijiet u r-regoli ddettaljati għall-proċeduri mressqa quddiem il-Bord tal-Ilmenti, jipprevedu fil-punt 3.2 tagħhom, li l-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal ikkollokat, li jinsabu fit-Titolu VII tagħhom dwar ir-rimedji, huwa applikat għall-għalliema part-time, peress li l-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej għandu ġurisdizzjoni esklużiva tal-ewwel u tal-aħħar istanza sabiex jiddeċiedi kull tilwima bejn il-korpi ta’ tmexxija tal-Iskejjel Ewropej u l-għalliema part-time dwar il-legalità ta’ “att [...] li jaffettwaw ħażin [jikkawża preġudizzju]”.

    51

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 80(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ikkollokat huwa fformulat b’mod analogu għall-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej [Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 5)], li skontu l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni fi kwalunkwe tilwima bejn l-Unjoni u waħda mill-persuni msemmija f’dawn ir-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tal-legalità ta’ att li jikkawża preġudizzju lil din il-persuna fis-sens tal-Artikolu 90(2) tiegħu.

    52

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal ikkollokat, l-interpretazzjoni tal-artikoli ta’ dawn ir-regolamenti li huma analogi għall-artikoli previsti fir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropej għandha ssir skont il‑kriterji applikati mill-Kummissjoni.

    53

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma biss l-atti li jaffettwaw direttament u individwalment is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuni kkonċernati li jistgħu jitqiesu li jikkawżaw preġudizzju. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament interpretat il-kunċett ta’ “att li taffettwah ħażin [li jikkawża preġudizzju]”, fis-sens tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, bħala intiża għal kull att li jista’ jaffettwa direttament sitwazzjoni ġuridika speċifika (ara, b’mod partikolari, id-digriet Strack vs Il-Kummissjoni, C‑237/06 P, EU:C:2007:156, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    54

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-kuntest ta’ tilwima bejn membru tal-persunal awżiljarju u l-Kummissjoni li l-“att li taffettwah ħażin [li jikkawża preġudizzju]”, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal kien, f’dan il-każ, il-kuntratt ta’ impjieg (ara s-sentenza Castagnoli vs Il-Kummissjoni, 329/85, EU:C:1987:352, punt 11).

    55

    Għaldaqstant, il-kuntratt ta’ għalliem part-time għandu jitqies bħala li jikkostitwixxu “att li taffettwah ħażin [li jikkawża preġudizzju]”, fis-sens tal-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal ikkollokat, a fortiori, meta hija inkwistjoni, element tal-kuntratt impost bil-liġi applikabbli, bħat-tul ta’ dan tal-aħħar, li jirriżulta direttament mill-applikazzjoni tal-punt 1.3 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time.

    56

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tielet domanda li l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li ftehim dwar il-limitazzjoni tat-tul tar-relazzjoni ta’ impjieg, li jinsab f’kuntratt ta’ xogħol konkluż bejn l-Iskola u l-għalliem part-time, jitqies bħala li jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju lil dan tal aħħar.

    Fuq it-tieni domanda

    57

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej għandhiex tiġi interpretata fis-sens li att meħud minn Kap tal-Iskola fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu jaqax f’din id-dispożizzjoni.

    58

    Għandu jiġi speċifikat li l-fatt biss li l-atti tal-Kap tal-Iskola ma humiex imsemmija speċifikament fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tal-imsemmija konvenzjoni ma jistax ikollu l-effett li jeskludi dawn l-atti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

    59

    Fil-fatt, minn naħa, għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej, il-kondizzjonijiet u r-regoli dettaljati li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn il-proċeduri għandhom jiġu stabbiliti, kif ikun xieraq, bir-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema jew bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-għalliema part-time.

    60

    Barra minn hekk, il-Konvenzjoni dwar l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej għandha tiġi interpretata, b’mod partikolari, konformement mal-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li taħthom hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni kwalunkwe regola rilevanti tad-dritt internazzjonali applikabbli fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet u li tingħata importanza kbira lil kull prattika sussegwenti fl-applikazzjoni tal-ewwel wieħed minn dawn il-ftehimiet.

    61

    F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, il-prattika sussegwenti segwita fl-applikazzjoni ta’ trattat tista’ tirbaħ fuq it-termini ċari tal-trattat jekk din il-prattika tirrifletti l-ftehim tal-partijiet [QIĠ, kawża tat-tempju ta’ Préah Vihéar (Il-Kamboġja vs It-Tajlandja), sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1962, Ġabra 1962, p. 6].

    62

    Għaldaqstant, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tat-termini “att [...] mwettqa mill-Bord tal-Gvernaturi [jew] tal-Bord Amministrattiv” fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej, għandha ssir riferenza għal kwalunkwe regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali applikabbli fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet u kull prassi sussegwenti segwita fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej.

    63

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal ikkollokat, li jirreferi għalih il-punt 3.2 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time, u li jiddetermina, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tal-Iskejjel Ewropej, ċerti kundizzjonijiet u regoli ta’ implementazzjoni dwar il-proċeduri mibdija quddiem il-Bord tal-Appell tal-Iskejjel Ewropej, il-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ dan tal-aħħar testendi għal kwalunkwe tilwima bejn il-korpi ta’ tmexxija tal-Iskejjel Ewropej u l-membri tal-persunal rigward il-legalità ta’ att li jikkawżalhom preġudizzju. Issa, b’mod partikolari mill-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 7 ta’ din il-konvenzjoni, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21 ta’ din tal-aħħar, kif ukoll mal-Artikolu 6(a) u l-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal ikkollokat, li l-Kap ta’ Skola Ewropea huwa korp ta’ tmexxija ta’ din l-Iskola.

    64

    It-termini tal-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal ikkollokat huma differenti minn dawk tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej.

    65

    Abbażi tal-imsemmi Artikolu 80 sussegwentement żviluppat il-ġurisprudenza tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej li skontha huwa possibbli li teżerċita rimedji kontra l-atti li jikkawżaw preġudizzju li ġejjin mill-korpi ta’ tmexxija tal-iskejjel Ewropej. Din il-ġurisprudenza għandha titqies bħala prattika ulterjorment segwita fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Iskejjel Ewropej, fis-sens tal-Artikolu 31(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

    66

    Din il-prattika qatt ma ġiet ikkontestata mill-partijiet għall-imsemmija konvenzjoni. Issa, l-assenza ta’ kontestazzjoni min-naħa ta’ dawn il-partijiet għandha titqies bħala li tirrifletti l-kunsens taċitu tagħhom għal tali prattika.

    67

    Minn dan isegwi li huwa xieraq li l-imsemmija prattika, ibbażata fuq l-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal ikkollokat, tiġi kklassifikata bħala li tistabbilixxi l-ftehim tal-partijiet dwar is-suġġett tal-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej. Din l-istess prattika għaldaqstant tipprevali fuq il-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, li b’hekk għandha tinqara bħala mhux bħala li tipprekludi li l-atti tal-korpi ta’ tmexxija tal-Iskejjel Ewropej, fil-prinċipji, jitqiesu bħala li jaqgħu taħt l-imsemmija dispożizzjoni.

    68

    Fir-rigward tal-effett tal-punt 3.4 tar-Regolament tal-Persunal tal-għalliema part-time fuq il-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, il-qrati tas-sede ta’ Skola Ewropea għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu t-tilwim eventwali dwar il-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ u ta’ tkeċċija tal-għalliema part-time, tal-għalliema tar-reliġjon u tal-persunal temporanju li huma rregolati mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż sede ta’ din l-Iskola fil-qasam tar-regolamentazzjoni u tar-relazzjonijiet tal-impjieg, tas-sigurtà soċjali u tat-taxxa, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet preċedenti.

    69

    Issa, sa fejn l-imsemmija tilwima inkwistjoni jirrigwarda l-limitazzjoni tat-tul tal-kuntratt ta’ xogħol, kif previst fil-punt 1.3 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time, ma tistax taqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-sede tal-Iskola Ewropea kkonċernata. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija wkoll riflessa fil-punt 2 tal-Artikolu 10 tal-kuntratti ta’ tagħlim konklużi bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali.

    70

    Minn dan isegwi li hemm lok li jitqies li l-punti 1.3, 3.2 u 3.4 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time għandhom jiġu interpretati fis-sens li tilwima fuq il-legalità ta’ ftehim fuq il-limitazzjoni tal-tul tar-relazzjoni ta’ impjieg li tinsab fil-kuntratt ta’ xogħol iffirmat bejn għalliem part-time u Kap ta’ Skola Ewropea taqa’ fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej.

    71

    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li sostnew S. Oberto u B. O’Leary fis-seduta, għandu jiġi rrilevat li din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej u tar-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time, li skontha l-Bord tal-Ilmenti għandu ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jiddeċiedi tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tippreġudikax id-dritt tal-persuni kkonċernati għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

    72

    Fir-rigward tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din tisssodisfa numru ta’ elementi li jippermetti li tikklassifika korp bħala “qorti” skont l‑Artikolu 267 TFUE, bħal jekk huwiex stabbilit mil-liġi, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontenzjuża tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-imsemmi korp, tar-regoli ta’ dritt, kif ukoll l-indipendenza tiegħu, bl-eċċezzjoni tal-fatt li jaqa’ taħt wieħed mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Miles et, EU:C:2011:388, punti 37 sa 39).

    73

    Insegwitu, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jkopri d-dritt ta’ aċċess mhux għal grad doppju ta’ protezzjoni ġudizzjarja, iżda sempliċement għal qorti jew tribunal (ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García, C-169/14, EU:C:2014:2099, punt 36).

    74

    Fl-aħħar nett, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fis-sentenza Miles (EU:C:2011:388, punti 43 sa 45) li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej, ladarba dan tal-aħħar ma jikkostitwixxix “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru” skont l-Artikolu 267 TFUE, hija ammettiet ukoll il-possibbiltà, jew l-obbligu, għal dan il-Bord tal-Appell li jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-għalliema kkollokati ma’ Skola Ewropea u din tal-aħħar, li fiha huwa xieraq li japplikaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, kien ċertament possibbli, iżda huma l-Istati Membri li għandhom jirriformaw is-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatus tal-Iskejjel Ewropej fis-seħħ fil-preżent.

    75

    Għaldaqstant, għandu jitqies li l-obbligu, għall-konvenuti fil-kawża prinċipali, li jressqu t-tilwima tagħhom fuq il-legalità ta’ ftehim fuq il-limitazzjoni tat-tul tar-relazzjoni ta’ impjieg li jinsab fil-kuntratt ta’ xogħol tagħhom mal-Kap tal-Europäische Schule München quddiem il-Bord tal-Ilmenti Appell tal-Iskejjel Ewropej, li jiddeċiedi fl-ewwel u fl-aħħar istanza u li ma huwiex intitolat li jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jippreġudikax id-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

    76

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li att meħud minn Kap tal-Iskola fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu jaqa’, fil-prinċipju, f’din id-dispożizzjoni. Il-punti 1.3, 3.2 u 3.4 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time għandhom jiġu interpretati fis-sens li tilwima fuq il-legalità ta’ ftehim fuq il-limitazzjoni tal-tul tar-relazzjoni ta’ impjieg li jinsab fil-kuntratt ta’ xogħol iffirmat bejn għalliem part-time u Kap ta’ Skola Ewropea taqa’ fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej.

    Fuq ir-raba ’ domanda

    77

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    78

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej, iffirmata fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1994 bejn l-Istati Membri u l-Komunitajiet Ewropej, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-għalliema part-time rreklutati minn Skola Ewropea u li ma jkunux ikkollokati mill-Istati Membri huma inklużi fost il-persuni koperti minn din id-dispożizzjoni, b’differenza mill-persunal amministrattiv u anċillari li huma esklużi minnha.

     

    2)

    L-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li ftehim dwar il-limitazzjoni tat-tul tar-relazzjoni ta’ impjieg, li jinsab f’kuntratt ta’ xogħol konkluż bejn l-Iskola u l-għalliem part-time, jitqies bħala li jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju lil dan tal-aħħar.

     

    3)

    L-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li att meħud minn Kap tal-Iskola fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu jaqa’, fil-prinċipju, f’din id-dispożizzjoni. Il-punti 1.3, 3.2 u 3.4 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time rreklutati bejn l-1 ta’ Settembru 1994 u l-31 ta’ Awwissu 2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li tilwima fuq il-legalità ta’ ftehim fuq il-limitazzjoni tal-tul tar-relazzjoni ta’ impjieg li jinsab fil-kuntratt ta’ xogħol iffirmat bejn għalliem part-time u dan il-kap jaqa’ fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq