EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CJ0463

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) ta* 5 ta’ Marzu 2015.
Copydan Båndkopi vs Nokia Danmark A/S.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Østre Landsret.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati –Direttiva 2001/29/KE – Artikoli 5(2)(b) u 6 – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjoni – Ikkopjar għal użu privat – Riproduzzjonijiet magħmula bl-għajnuna ta’ karti tal-memorja tat-telefons ċellulari – Kumpens ġust – Tariffa fuq il-mezzi – Ugwaljanza fit-trattament – Rimbors tat-tariffa – Dannu minimu.
Kawża C-463/12.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:144

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

5 ta’ Marzu 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29/KE — Artikoli 5(2)(b) u 6 — Dritt ta’ riproduzzjoni — Eċċezzjoni — Ikkopjar għal użu privat — Riproduzzjonijiet magħmula bl-għajnuna ta’ karti tal-memorja tat-telefons ċellulari — Kumpens ġust — Tariffa fuq il-mezzi — Ugwaljanza fit-trattament — Rimbors tat-tariffa — Dannu minimu”

Fil-Kawża C‑463/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura

Copydan Båndkopi

vs

Nokia Danmark A/S,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Jannar 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Copydan Båndkopi, minn P. Schønning, advokat,

għal Nokia Danmark A/S, minn F. Bøggild, advokat,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u F. X. Bréchot, kif ukoll minn B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Noort, M. Bulterman u C. Wissels, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Kunnert u A. Posch, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Leppo, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brighouse, bħala aġent, assistita minn S. Malynicz u J. Holmes, barristers,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda, kif ukoll minn H. Støvlbæk u J. Szczodrowski, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikoli 5(2)(b) u 6 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Copydan Båndkopi (iktar ’il quddiem, “Copydan”) u Nokia Danmark A/S (iktar ’il quddiem, “Nokia”) dwar il-pagament tat-tariffa intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust taħt l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni msemmi fl-Artikolu 5(2)(b) tal-imsemmija direttiva (iktar ’il quddiem, “tariffa għall-ikkopjar għal użu privat”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 9, 10, 31, 32, 35, 38 u 39 tad-Direttiva 2001/29 huma fformulati kif ġej:

“(9)

Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. [...]

(10)

Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. [...]

[...]

(31)

Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. [...]

(32)

Din id-Direttiva tipprovdi għal elenku eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Xi eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet japplikaw biss għad-dritt ta’ riproduzzjoni, fejn hu xieraq. Dan l-elenku jikkunsidra kif inhu xieraq it-tradizzjonijiet legali differenti fl-Istati Membri, filwaqt li, fl-istess ħin, għandu bħala skop li jiżgura suq intern li jiffunzjona. L-Istati Membri għandhom jaslu għal applikazzjoni koerenti ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, li ssir stima tagħhom meta jirrevedu l-leġislazzjoni implimentattiva fil-futur.

[...]

(35)

F’ċerti każi ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet, detenturi ta’ drittijiet għandhom jirċievu kumpens ġust biex jikkumpensawhom b’mod adekwat għall-użu magħmul mix-xogħolijiet protetti tagħhom jew materjal ieħor. Meta jistabilixxu l-forma, l-arranġamenti dettaljati u livell possibbli ta’ dan il-kumpens ġust, għandhom jiġu kkunsidrati ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ. Meta jevalwaw dawn iċ-ċirkustanzi, kriterju validu jista’ jkun il-ħsara li tista’ ssir lid-detenturi tad-drittijiet li tirriżulta mill-att fil-kwistjoni. Fil-każi fejn id-detenturi tad-drittijiet ikunu diġà rċevew pagament f’xi forma jew oħra, per eżempju bħala parti minn ħlas ta’ liċenzja, l-ebda pagament speċifiku jew separat ma jkollu jitħallas. Il-livell ta’ kumpens ġust għandu jikkunsidra bis-sħiħ il-grad ta’ użu ta’ miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika msemmija f’din id-Direttiva. F’ċerti sitwazzjonijiet fejn il-preġudizzju [kkawżat lid] [...]-detentur tad-drittijiet ikun minimu, ma jista’ jkun hemm l-ebda obbligu għal ħlas.

[...]

(38)

L-Istati Membri għandhom jitħallew jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għal ċerti tipi ta’ riproduzzjoni ta’ materjal awdjo, viżiv jew awdjo-viżiv għal użu privat, akkumpanjat b’kumpens ġust. Dan jista’ jinkludi l-introduzzjoni jew kontinwazzjoni ta’ skemi ta’ rimunerazzjoni biex jikkumpensaw għal preġudizzju għal detenturi tad-drittijiet. [...]

(39)

Meta japplikaw l-eċċezzjoni jew limitazzjoni dwar ikkupjar privat, l-Istati Membri għandhom jagħtu kunsiderazzjoni xierqa lil żviluppi teknoloġiċi u ekonomiċi, b’mod partikolari dwar ikkupjar diġitali privat u skemi ta’ rimunerazzjoni, meta miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika effettiva jkunu disponibbli. Dawn l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet m’għandhomx jimpedixxu l-użu ta’ miżuri teknoloġiċi jew l-infurzar tagħhom kontra li jduru magħhom.”

4

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)

għall-awturi, tax-xogħlijiet tagħhom;

[...]”

5

Skont l-Artikolu 5(2) u (5) tal-istess direttiva:

“2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

a)

rigward riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti, bla ħsara għal mużika fuq il-karta, kemm-il darba li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust;

b)

rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat;

[...]

5.   L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

6

L-Artikolu 6(1) u (3) tad-Direttiva 2001/29 jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni legali adekwata kontra t-tidwir ma’ kull miżura teknoloġika effettiva, li persuna relatata twettaq konsapevolment, jew b’raġunijiet li tkun taf, li qiegħda tilħaq dak il-għan.

[...]

3.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-frażi ‘miżuri teknoloġiċi’ tfisser kull teknoloġija, tagħmir jew komponent li, matul il-kors normali tat-tħaddim tiegħu, ikun iddisinjat li jipprevjeni jew jirrestrinġi atti, rigward xogħolijiet jew suġġett ieħor, li mhumiex awtorizzati mid-detentur tad-drittijiet ta’ kull dritt ta’ l-awtur jew kull dritt relatat mad-drittijiet ta’ l-awtur li hemm provdut dwarhom bil-liġi […]. Drittijiet teknoloġiċi għandhom jitqiesu ‘effettivi’ fejn l-użu ta’ xogħol protett jew suġġett ieħor huwa kontrollat mid-detenturi tad-drittijiet permezz ta’ applikazzjoni ta’ kontroll għal aċċess jew proċess ta’ protezzjoni, bħal qlib f’ċifrarju, taqlib jew trasformazzjoni oħra tax-xogħol jew materjal ta’ xogħħol ieħħor jew mekkaniżmu ta’ kontroll ta’ ikkupjar li jilħaq l-għan ta’ protezzjoni.”

Id-dritt Daniż

7

Skont l-Artikolu 12(1) u (3) tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur (ophavsretsloven), kif ikkonsolidata bid-Deċiżjoni Nru 202, tas-27 ta’ Frar 2010, (iktar ’il quddiem, il-“Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur”):

“1.   Kull persuna hija awtorizzata tagħmel jew tqabbad lil min jagħmlilha, għal użu privat, kopji iżolati ta’ xogħol żvelat. Dawn il-kopji ma jistgħux jintużaw għal finijiet oħra.

[...]

3.   [I]r-riproduzzjoni f’forma diġitali minn kopja mislufa jew mikrija ma hijiex awtorizzata mingħajr il-kunsens tal-awtur.”

8

L-Artikolu 39 (1) u (2) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“1.   Kull min jipproduċi jew jimporta għal finijiet kummerċjali awdjo tapes, video tapes jew mezzi oħra li fuqhom jistgħu jiġu rrekordjati ħsejjes jew immaġni għandu jħallas remunerazzjoni lill-awturi tax-xogħolijiet imsemmija fil-paragrafu 2.

2.   Ir-remunerazzjoni titħallas għat-tapes, eċċ., li jintużaw għall-ikkopjar għal użu privat [...]”

9

L-Artikolu 40 (2) u (3) tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur jipprevedi:

“2.   Għall-2006, ir-remunerazzjoni hija ta’ [...] DKK 4.28 għal kull unit tal-karti tal-memorja.

3.   Mill-2007, ir-remunerazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 hawn fuq għandha tiġi aġġustata kull sena skont il-koeffiċjent ta’ aġġustament tar-rati (ara l-liġi dwar il-koeffiċjent ta’ aġġustament tar-rati).”

10

L-Artikolu 75c(1) tal-istess liġi jipprevedi:

“Ma huwiex permess li jiġu evitati l-miżuri teknoloġiċi effettivi mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Copydan huwa organu ta’ ġestjoni ta’ drittijiet tal-awtur li jirrappreżenta lid-detenturi ta’ tali drittijiet marbuta ma’ xogħlijiet awdjo u awdjoviżivi. Huwa awtorizzat mill-Kulturministeriet (Ministeru tal-Kultura) għall-ġbir, il-ġestjoni u t-tqassim bejn dawn id-detenturi tat-tariffi miġbura għall-użu tal-imsemmija xogħlijiet.

12

Nokia tikkummerċjalizza fid-Danimarka telefons ċellulari. Hija tforni dawn il-prodotti lil professjonisti li jerġgħu jbiegħuhom, min-naħa tagħhom, kemm lil individwi kif ukoll lil professjonisti oħra. It-telefons ċellulari kollha għandhom memorja interna. Barra minn hekk, ċerti mudelli jinkludu karta tal-memorja addizzjonali, differenti mill-karta SIM. Jekk utent ikollu telefon ċellulari li jinkludi karta tal-memorja, jista’ jaħżen fiha data, bħan-numri tat-telefon, dettalji jew ritratti rreġistrati b’dan it-telefon. Jistgħu wkoll jinħażnu fiha fajls li jinkludu xogħlijiet ta’ mużika, films u xogħlijiet protetti oħrajn. Tali fajls jistgħu jkunu tniżżlu permezz tal-Internet jew jistgħu jiġu minn DVDs, CDs, apparati li jdoqqu fajls MP3 jew mill-kompjuters tal-utenti.

13

Il-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu fuq il-fatt li, jekk utent jaħżen xogħlijiet protetti f’telefon ċellulari li jkollu kemm memorja interna kif ukoll karta tal-memorja, dawn ix-xogħlijiet jinħażnu, bħala regola ġenerali, fil-karta tal-memorja. Madankollu, jekk l-utent jibdel is-settings tat-telefon, huwa jista’ wkoll jaħżen dawn ix-xogħlijiet fil-memorja interna.

14

Copydan qies li l-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari għandhom jaqgħu taħt is-sistema, prevista mil-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur, ta’ kumpens ġust skont l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni (iktar ’il quddiem, il-“kumpens ġust”), ħlief dawk li jkollhom kapaċità ta’ ħażna żgħira ħafna. Għal din ir-raġuni, huwa ppreżenta rikors kontra Nokia, filwaqt li talab li din tal-aħħar tiġi kkundannata tħallsu tariffa għall-ikkopjar għal użu privat għall-karti tal-memorja importati tul il-perijodu bejn is-sena 2004 u s-sena 2009.

15

Nokia sostniet li tali tariffa ma hijiex dovuta meta r-riproduzzjoni ma tkunx legali, u lanqas meta l-użu tar-riproduzzjoni, konsekuttiv, pereżempju, għal tniżżil tax-xogħol protett minn sit Internet ta’ kummerċ, ikun awtorizzat mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur. Għaldaqstant huma biss ir-riproduzzjonijiet legali għal użu privat, mhux awtorizzati mid-detenturi tad-drittijiet, li għandhom ikunu suġġetti għas-sistema ta’ kumpens ġust. Issa l-karti tal-memorja ta’ telefons ċellulari jinkludu biss rarament tali kopji, b’tali mod li l-ebda tariffa għal dawn il-kopji ma tista’ tintalab.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Østre Landsret iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Huwa kompatibbli mad-Direttiva [2001/29] li liġi nazzjonali tipprovdi għall-kumpens tad-detenturi tad-drittijiet f’każ ta’ riproduzzjoni mwettqa permezz tal-użu ta’ wieħed mis-sorsi segwenti:

a)

fajlijiet li l-użu tagħhom huwa awtorizzat mid-detenturi tad-drittijiet u li għalihom il-klijent ħallas tariffa (kontenut liċenzjat li joriġina, per eżempju, minn ħwienet on-line)

b)

fajlijiet li l-użu tagħhom huwa awtorizzat mid-detenturi tad-drittijiet u li għalihom il-klijent ma ħallasx tariffa (kontenut liċenzjat, per eżempju fil-kuntest ta’ offerti kummerċjali);

c)

DVD, CD, apparat li jdoqq fajlijet MP3 (MP3 Media Player), kompjuter, eċċ, tal-utent, mingħajr użu ta’ miżuri teknoloġiċi effettivi;

d)

DVD, CD, apparat li jdoqq fajlijiet MP3, kompjuter, eċċ, tal-utent, b’użu ta’ miżuri teknoloġiċi effettivi

e)

DVD, CD, apparat li jdoqq fajlijet MP3, kompjuter jew apparat ieħor ta’ terz;

f)

xogħolijiet ikkopjati illegalment permezz tal-internet jew ta’ sorsi oħra;

g)

fajlijiet ikkopjati legalment permezz ta’ mezz ieħor, pereżempju permezz tal-internet (permezz ta’ sorsi legali, mingħajr liċenzja).

2)

Il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar il-kumpens ġust [...] kif għandha tieħu inkunsiderazzjoni miżuri teknoloġiċi effettivi (Artikolu 6 tad-Direttiva [2001/29])?

3)

Fid-determinazzjoni tal-[kumpens ġust], xi tfisser l-espressjoni ‘ċerti sitwazzjonijiet fejn il-preġudizzju [kkawżat lid]-detentur tad-drittijiet ikun minimu’, li tinsab fil-premessa 35 tagħha, li jkollhom bħala konsegwenza li l-fatt li l-Istati Membri jkollhom leġiżlazzjoni li għandha bħala effett li tipprovdi għall-kumpens tad-detenturi tad-drittijiet għal tali kopji għal użu privat [...] ma jkunx kompatibbli mad-Direttiva [2001/29]?

4)

a) Jekk jiġi ammess li l-funzjoni ewlenija jew prinċipali tal-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari ma hijiex li sservi għall-ikkopjar għal użu privat, huwa allura kompatibbli mad-Direttiva [2001/29] li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tipprovdi għal kumpens għad-detenturi tad-drittijiet għall-ikkopjar fuq karti tal-memorja ta’ telefoni ċellulari?

b)

Jekk jiġi ammess li l-ikkopjar għal użu privat huwa wieħed mill-funzjonijiet ewlenija jew prinċipali tal-karti tal-memorja tat-telefoni ċellulari, huwa kompatibbli mad-Direttiva [2001/29] li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tipprovdi għal kumpens għad-detenutri tad-drittijiet għall-ikkopjar fuq il-karti tal-memorja tat-telefoni ċellulari?

5)

Il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tipprovdi għal ħlas fuq il-karti tal-memorja, filwaqt li ebda ħlas ma huwa meħtieġ għal memorji interni bħal [dawk tal-]apparti li jdoqqu fajlijiet MP3 jew iPods, li huma intiżi u prinċipalment użati għall-ħażna ta’ kopji għal użu privat huwa kompatibbli mal-espressjoni ‘bilanċ ġust’, li tinsab fil-premessa 31 tad-Direttiva [2001/29], u mal-interpretazzjoni uniformi tal-kunċett ta’ ‘kumpens ġust’ tal-Artikolu 5(2)(b) tagħha, li għadu jkun ibbażat fuq il-‘preġudizzju’?

6)

a) Id-Direttiva [2001/29] tipprekludi li Stat Membru jkollu leġiżlazzjoni li tipprovdi li l-manifattur u/jew l-importatur, li jbiegħ karti tal-memorja lil professjonisti li min-naħa tagħhom ibiegħawhom kemm lil individwi kif ukoll lil professjonisti, mingħajr mal-manifattur u/jew l-importatur ma jkun jaf jekk dawn il-karti tal-memorja humiex mibjugħa lil individwi jew lil professjonisti, huwa obbligat iħallas tariffa għall-ikkopjar għal użu privat?

b)

Il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tinkludi dispożizzjonijiet li għandhom bħala effett li l-manifattur, l-importatur u/jew id-distributur ma [għandhomx iħallsu] tariffa fuq il-karti tal-memorja użati għal finijiet professjonali, li l-manifattur, l-importatur u/jew id-distributur li xorta waħda [ħallsu t]-tariffa [jistgħu jitolbu…] r-rimbors ta’ dik it-tariffa li tikkonċerna l-karti tal-memorja użati għal finijiet professjonali, u li l-manifattur, l-importatur u/jew id-distributur [jistgħu jbiegħu] karti tal-memorja lil impriżi oħra rreġistrati mal-organizzazzjoni li tamministra l-iskema tat-tariffi, jaffettwa r-rispsosta għad-domanda 6(a)?

c)

Ir-risposta għad-domanda 6(a) jew (b) tkun differenti:

i)

jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tinkludi dispożizzjonijiet li għandhom bħala effett li l-manifattur, l-importatur u/jew id-distributur ma [għandhomx iħallsu] tariffa fuq il-karti tal-memorja użati għal finijiet professjonali, [fis-sitwazzjoni] fejn il-kunċett ta’ ‘użu għal finijiet professjonali’ huwa interpretat bħala li jagħti dritt għal tnaqqis applikabbli biss fir-rigward tal-impriżi approvati minn Copydan, filwaqt li t-tariffa għandha titħallas għall-karti tal-memorja użati għal finijiet professjonali minn klijenti professjonali mhux approvati minn Copydan;

ii)

jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tinkludi dispożizzjonijiet li għandhom bħala effett li, jekk il-manifattur, l-importatur u/jew id-distributur xorta waħda ħallas (teoretikament) it-tariffa, din tista’ tiġi rrimborsata fir-rigward tal-karti tal-memorja safejn dawn huma użati għal finijiet professjonali, [fis-sitwazzjoni] fejn […] fil-fatt, biss ix-xerrej tal-karta tal-memorja jista’ jikseb ir-rimbors, u [fejn] ix-xerrej tal-karta tal-memorja għandu jitlob lil Copydan ir-rimbors tat-tariffa;

iii)

jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tinkludi dispożizzjonijiet li għandhom bħala effett li l-manifattur, l-importatur u/jew id-distributur jista’ jbigħ, mingħajr ma jħallas it-tariffa, karti tal-memorja lil impriżi oħra rreġistrati mal-organizzazzjoni li tamministra l-iskema tat-tariffi, [fis-sitwazzjoni fejn] Copydan hija l-organizzazzjoni li tamministra l-iskema tat-tariffi, u l-impriżi rreġistrati ma jafux jekk il-karti tal-memorja humiex mibjugħa lil individwi jew lil professjonisti?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjoni preliminari

17

Ċerti domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma jirreferux b’mod espliċitu għall-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, filwaqt li oħrajn isemmuh. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta biċ-ċar li d-domandi kollha magħmula għandhom jinftiehmu fis-sens li jirrigwardaw din id-dispożizzjoni u huwa għalhekk mill-perspettiva ta’ din tal-aħħar li l-Qorti tal-Ġustizzja ser teżamina dawn id-domandi.

Fuq ir-raba ’ domanda

18

Bir-raba’ domanda, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kumpens ġust għal mezzi multifunzjonali, bħall-karti tal-memorja ta’ telefons ċellulari, kemm jekk dawn il-mezzi jkollhom u kemm jekk ma jkollhomx bħala funzjoni prinċipali l-ikkopjar għal użu privat.

19

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jistabbilixxu l-eċċezzjoni, prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tal-imsemmija direttiva, mid-dritt ta’ riproduzzjoni għall-użu minn kopji għal użu privat (iktar ’il quddiem, “l-eċċezzjoni għall-ikkopjar għal użu privat”), fid-dritt nazzjonali tagħhom, huma għandhom, b’mod partikolari, jipprevedu, skont din id-dispożizzjoni, il-ħlas ta’ kumpens ġust lid-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni (sentenzi Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 30, kif ukoll Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 19).

20

Sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-istess direttiva ma jispeċifikawx iktar id-diversi elementi tas-sistema ta’ kumpens ġust, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiddefinixxuhom. Huma l-Istati Membri li għandhom, fost l-oħrajn, jistabbilixxu l-persuni li għandhom iħallsu dan il-kumpens, kif ukoll jiffissaw il-forma, il-modalitajiet u l-livell tal-imsemmi kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Stichting de Thuiskopie, C‑462/09, EU:C:2011:397, punt 23, kif ukoll Amazon.com International Sales et, EU:C:2013:515, punt 20).

21

Madankollu, il-kumpens ġust, kif ukoll, għaldaqstant, is-sistema li fuqha huwa bbażat u l-livell ta’ dan, għandhom ikunu marbuta mad-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet minħabba l-ikkopjar għal użu privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Padawan, EU:C:2010:620, punti 40 u 42).

22

Peress li hija l-persuna li twettaq, għall-użu privat tagħha, ir-riproduzzjoni ta’ xogħol mingħajr ma titlob l-awtorizzazzjoni minn qabel mid-detentur tad-drittijiet ikkonċernat li tikkawża dannu lil dan tal-aħħar, hija, fil-prinċipju, din l-istess persuna li għandha tirrimedja d-dannu, billi tiffinanzja l-imsemmi kumpens li jitħallas lil dan id-detentur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Padawan, EU:C:2010:620, punt 45, u Amazon.com International Sales et, EU:C:2013:515, punt 23).

23

Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li, fid-dawl tad-diffikultajiet prattiċi sabiex jiġu identifikati l-utenti privati kif ukoll sabiex dawn jiġu obbligati jikkumpensaw lid-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni għad-dannu li huma kkawżawlu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għall-finijiet tal-finanzjament tal-kumpens ġust, tariffa għall-ikkopjar għal użu privat li għandha titħallas mhux mill-persuni privati kkonċernati, iżda minn dawk li għandhom tagħmir, apparat u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali u li, fuq din il-bażi, fid-dritt jew fil-fatt, iqegħduhom għad-dispożizzjoni ta’ persuni privati jew jagħtu lil dawn tal-aħħar servizz ta’ riproduzzjoni. Fil-kuntest ta’ tali sistema, huma l-persuni li għandhom l-imsemmija tagħmir, apparati u mezzi li għandhom iħallsu t-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat (sentenzi Padawan, EU:C:2010:620, punt 46, kif ukoll Amazon.com International Sales et, EU:C:2013:515, punt 24).

24

F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li jiġi stabbilit li l-persuni fiżiċi effettivament iwettqu riproduzzjonijiet għal finijiet privati permezz ta’ tali tagħmir, apparati u mezzi. Fil-fatt, dawn il-persuni huma preżunti b’mod leġittimu li jibbenefikaw b’mod sħiħ mit-tqegħid f’dispożizzjoni ta’ dawn, jiġifieri li huma preżunti jagħmlu użu mill-funzjonijiet kollha tagħhom, inkluża dik ta’ riproduzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Padawan, EU:C:2010:620, punti 54 u 55).

25

Għaldaqstant, minkejja li t-tagħmir, l-apparati u l-mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali jitqiegħdu fid-dispożizzjoni tal-persuni fiżiċi inkwantu utenti privati, is-sempliċi kapaċità tagħhom li jwettqu riproduzzjonijiet hija biżżejjed biex tiġġustifika l-applikazzjoni tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Padawan, EU:C:2010:620, punt 56).

26

B’dan il-mod, minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fil-prinċipju ma huwiex rilevanti li mezz ikun unifunzjonali jew multifunzjonali u lanqas li l-funzjoni ta’ riproduzzjoni tkun, eventwalment, sekondarja meta mqabbla ma’ funzjonijiet oħra, peress li l-utenti finali huma preżunti li jagħmlu użu mill-funzjonijiet kollha disponibbli ta’ dan il-mezz.

27

Madankollu, il-multifunzjonalità u n-natura sekondarja tal-funzjoni marbuta mar-riproduzzjoni jista’ jkollhom effett fuq l-ammont tal-kumpens ġust. B’mod partikolari, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, dan l-ammont għandu jiġi ffissat mill-awtoritajiet kompetenti, fil-prinċipju, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-importanza relattiva tal-kapaċità tal-mezz li jwettaq riproduzzjonijiet tax-xogħlijiet għal użu privat.

28

Għaldaqstant, meta jirriżulta li, fil-prattika, tali funzjoni kważi ma tintużax mill-utenti kollha ta’ mezz, it-tqegħid fid-dispożizzjoni ta’ din il-funzjoni jista’, skont il-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29, ma jagħtix lok għal obbligu ta’ pagament tal-kumpens ġust, sa fejn id-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet jitqies li huwa minimu.

29

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kumpens ġust għal mezzi multifunzjonali, bħall-karti tal-memorja ta’ telefons ċellulari, kemm jekk dawn il-mezzi jkollhom u kemm jekk ma jkollhomx bħala funzjoni prinċipali t-twettiq ta’ kopji għal użu privat, sakemm waħda mill-funzjonijiet tal-imsemmija mezzi, anki jekk tkun sekondarja, tippermetti lid-detenturi tagħhom jużawhom għal dan l-għan. Madankollu, in-natura prinċipali jew sekondarja ta’ din il-funzjoni u l-importanza relattiva tal-kapaċità tal-mezz li jwettaq riproduzzjonijiet jista’ jkollhom effett fuq l-ammont tal-kumpens ġust dovut. Sa fejn id-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet jitqies li huwa minimu, it-tqegħid fid-dispożizzjoni ta’ din il-funzjoni jista’ ma jagħtix lok għal obbligu ta’ pagament ta’ dan il-kumpens.

Fuq il-ħames domanda

30

Bil-ħames domanda, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat il-provvista ta’ mezzi li jistgħu jintużaw għal finijiet ta’ riproduzzjoni għal użu privat, bħall-karti tal-memorja ta’ telefons ċellulari, iżda li ma tissuġġettax għal din it-tariffa l-provvista tal-komponenti intiżi prinċipalment sabiex jaħżnu kopji għal użu privat, bħall-memorji interni tal-apparati li jdoqqu fajls MP3.

31

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu applikati filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Glatzel, C-356/12, EU:C:2014:350, punt 43).

32

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jitlob li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Soukupová, C‑401/11, EU:C:2013:223, punt 29, u Sky Italia, C‑234/12, EU:C:2013:496, punt 15).

33

Għaldaqstant l-Istati Membri ma jistgħux jipprevedu modalitajiet ta’ kumpens ġust li jintroduċu inugwaljanza fit-trattament li ma tkunx iġġustifikata bejn id-diversi kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi li jikkummerċjalizzaw oġġetti komparabbli koperti mill-eċċezzjoni għall-ikkopjar għal użu privat jew bejn id-diversi kategoriji ta’ utenti ta’ oġġetti protetti.

34

Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li l-leġiżlazzjoni nazzjonali twassal għal distinzjoni bejn, minn naħa, il-mezzi li jistgħu jiġu sseparati mill-apparati li jkollhom il-funzjoni ta’ riproduzzjoni diġitali u, min-naħa l-oħra, komponenti li ma jistgħux jiġu sseparati minn tali apparati. Fil-fatt, filwaqt li l-provvista ta’ dawn il-mezzi hija suġġetta għat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat, dan ma huwiex il-każ għall-provvista ta’ dawn il-komponenti.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-mezzi multifunzjonali, bħall-karti tal-memorja ta’ telefons ċellulari, minn naħa, u l-komponenti integrati, bħall-memorji interni tal-apparti li jdoqqu fajls MP3, min-naħa l-oħra, jistgħu jintużaw għar-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti għal finijiet privati u jikkawżaw b’dan il-mod dannu lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

36

Din l-analiżi tapplika wkoll għall-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari u għall-memorji interni ta’ dawn l-istess telefons. Anki jekk, kif jirriżulta mill-punt 13 ta’ din is-sentenza, dawn tal-aħħar għandhom, fl-istess apparat telefoniku, funzjoni ta’ riproduzzjoni identika għal dik tal-karti tal-memorja, mill-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-provvista tagħhom hija suġġetta għat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat.

37

Madankollu l-qorti tar-rinviju għandha teżamina jekk jeżistux, eventwalment, ċirkustanzi oħra li jippermettu li jiġi kkonstatat li, minkejja l-fatt li l-komponenti integrati meqjusa għandhom l-istess funzjoni fir-rigward tar-riproduzzjoni bħall-karti tal-memorja ta’ telefons ċellulari, dawn il-komponenti ma humiex, mil-lat tar-rekwiżiti marbuta mal-kumpens ġust, komparabbli.

38

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tista’ b’mod partikolari tevalwa l-eventwali impatt tal-fatt li l-imsemmija komponenti ma jistgħux jiġu sseparati mill-apparati li huma integrati fihom, filwaqt li l-mezzi użati għal finijiet identiċi ta’ riproduzzjoni, bħall-karti tal-memorja, jistgħu jiġu sseparati mill-apparati, karatteristika li tista’ tiffaċilita riproduzzjonijiet supplimentari tal-istess xogħlijiet fuq mezzi oħra.

39

Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonkludi li l-imsemmija komponenti u mezzi huma komparabbli mil-lat tar-rekwiżiti marbuta mal-kumpens ġust, hija jkollha, sussegwentement, tivverifika jekk id-differenza fit-trattament li tirriżulta mis-sistema nazzjonali ta’ kumpens ġust hijiex iġġustifikata.

40

Din id-differenza fit-trattament tista’ tkun iġġustifikata, b’mod partikolari, fis-sitwazzjoni fejn, għall-komponenti integrati li jistgħu jintużaw għal finijiet ta’ riproduzzjoni u bil-kontra ta’ dak li jgħodd għall-mezzi li jistgħu jiġu sseparati fil-kawża prinċipali, id-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust taħt forma oħra.

41

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat il-provvista ta’ mezzi li jistgħu jintużaw għal finijiet ta’ riproduzzjoni għal użu privat, bħall-karti tal-memorja ta’ telefons ċellulari, iżda li ma tissuġġettax għal din it-tariffa l-provvista tal-komponenti intiżi prinċipalment sabiex jaħżnu kopji għal użu privat, bħall-memorji interni tal-apparati li jdoqqu fajls MP3, sakemm dawn id-diversi kategoriji ta’ mezzi u komponenti ma jkunux komparabbli jew sakemm id-differenza fit-trattament li jkunu suġġetti għaliha tkun iġġustifikata, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq is-sitt domanda

42

Bis-sitt domanda, li għandha tiġi eżaminata fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-pagament tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat fuq il-manifatturi u fuq l-importaturi li jbigħu karti tal-memorja ta’ telefons ċellulari lil professjonisti bl-għarfien li dawn il-karti huma intiżi sabiex jerġgħu jinbiegħu minn dawn tal-aħħar iżda mingħajr għarfien dwar jekk ix-xerrejja finali tal-imsemmija karti humiex individwi jew professjonisti. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-risposta għal din id-domanda hijiex affettwata mill-fatt li dawn il-manifatturi u importaturi:

huma eżentati mill-pagament tal-imsemmija tariffa jekk ibigħu l-karti tal-memorja lill-professjonisti rreġistrati mal-organizzazzjoni inkarigata bil-ġestjoni tat-tariffi; u

jistgħu jitolbu r-rimbors tal-istess tariffa jekk il-karti tal-memorja ta’ telefons ċellulari jintużaw għal finijiet professjonali, bl-għarfien li, fil-prattika, huwa biss l-akkwirent finali ta’ tali karta tal-memorja li jista’ jikseb ir-rimbors tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat, u dan bil-kundizzjoni li jagħmel talba lill-organizzazzjoni inkarigata bil-ġestjoni tat-tariffi.

43

Kif tfakkar fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għall-finijiet tal-finanzjament tal-kumpens ġust, tariffa għall-ikkopjar għal użu privat li għandha titħallas mhux mill-persuni privati kkonċernati, iżda minn dawk li għandhom tagħmir, apparat u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali u li, fuq din il-bażi, fid-dritt jew fil-fatt, iqegħduhom għad-dispożizzjoni ta’ persuni privati jew jagħtu lil dawn tal-aħħar servizz ta’ riproduzzjoni.

44

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, japplikaw mingħajr distinzjoni t-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat fir-rigward tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni, ukoll fis-sitwazzjoni fejn l-użu finali ta’ dawn ma jidħolx fil-każ imsemmi fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Amazon.com International Sales et, EU:C:2013:515, punt 31).

45

Sistema intiża sabiex tapplika tali tariffa tirriżulta li hija konformi mal-imsemmija dispożizzjoni biss jekk l-istabbiliment tagħha jkun iġġustifikat minħabba diffikultajiet prattiċi u jekk il-persuni li għandhom iħallsuha jkollhom dritt għar-rimbors ta’ din it-tariffa meta din ma tkunx dovuta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Amazon.com International Sales et, EU:C:2013:515, punt 31).

46

F’dan ir-rigward, sistema ta’ tariffa għall-ikkopjar għal użu privat tista’ tkun iġġustifikata, b’mod partikolari, minħabba n-neċessità li tiġi rrimedjata l-impossibbiltà li jiġu identifikati l-utenti finali jew minħabba d-diffikultajiet prattiċi marbuta ma’ din l-identifikazzjoni jew ma’ diffikultajiet simili oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Amazon.com International Sales et, EU:C:2013:515, punti 31 u 34).

47

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’kull każ, l-imsemmija tariffa ma għandhiex tapplika għall-provvista ta’ tagħmir, apparat u mezzi ta’ riproduzzjoni lil persuni oħrajn għajr persuni fiżiċi, għal finijiet li manifestament ma għandhomx x’jaqsmu ma’ dik tat-twettiq ta’ kkopjar għal użu privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Padawan, EU:C:2010:620, punt 52 kif ukoll Amazon.com International Sales et, EU:C:2013:515, punt 28).

48

Barra minn hekk, fir-rigward tad-dritt għal rimbors tal-istess tariffa, dan id-dritt għandu jkun effettiv u ma għandux jirrendi eċċessivament diffiċli l-ħlas lura tat-tariffa mħallsa barra mill-każ imsemmi fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Amazon.com International Sales et, EU:C:2013:515, punti 31 u 34).

49

Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fl-ewwel lok, jekk l-istabbiliment tas-sistema li tipprevedi l-pagament tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat mat-tqegħid fis-suq tal-karti tal-memorja ta’ telefons ċellulari jirriżultax iġġustifikat minħabba diffikultajiet prattiċi, bħal dak imsemmija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza.

50

F’dan ir-rigward, mill-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punt 47 ta’ din is-sentenza jirriżulta li t-tqegħid fis-suq tal-imsemmija karti għandu jiġi, b’mod partikolari, eżentat mill-imsemmija tariffa meta l-manifattur jew l-importatur ikkonċernat jistabbilixxi li huwa pprovda l-istess karti lil persuni oħra għajr persuni fiżiċi, għal finijiet li manifestament ma għandhomx x’jaqsmu ma’ dik ta’ riproduzzjoni għal użu privat.

51

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-problemi prattiċi inerenti fl-identifikazzjoni tal-utenti finali u fil-ġbir tal-istess tariffa ma jistgħux jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-applikazzjoni ta’ tali eżenzjoni biss għall-kunsinna ta’ karti tal-memorja ta’ telefons ċellulari lill-professjonisti li huma rreġistrati mal-organizzazzjoni inkarigata bil-ġestjoni tat-tariffi għall-ikkopjar għal użu privat. Fil-fatt, tali limitazzjoni tintroduċi differenza fit-trattament bejn id-diversi gruppi ta’ operaturi ekonomiċi sa fejn, f’dak li jirrigwarda t-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat, dawn tal-aħħar jinsabu lkoll f’sitwazzjoni komparabbli, kemm jekk huma rreġistrati jew le f’dan l-organu.

52

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika li l-portata, l-effikaċja, id-disponibbiltà, l-għarfien pubbliku u s-sempliċità tal-użu tad-dritt għar-rimbors jippermettu li jittaffew l-eventwali żbilanċi maħluqa mis-sistema ta’ tariffa għall-ikkopjar għal użu privat sabiex tingħata soluzzjoni għad-diffikultajiet prattiċi kkonstatati (ara s-sentenza Amazon.com International Sales et, EU:C:2013:515, punt 36).

53

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, peress li s-sistema ta’ tariffa għall-ikkopjar għal użu privat inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti lill-persuni li għandhom iħallsuha jgħaddu l-ammont ta’ din it-tariffa fuq il-prezz tat-telefons ċellulari kkonċernati u peress li l-utent finali jbati għaldaqstant il-piż ta’ din, din hija fil-prinċipju konformi mal-ekwilibriju ġust bejn l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u dawk tal-utenti tal-oġġetti protetti, imsemmi fil-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29, li huwa biss l-akkwirent finali ta’ tali telefon li jista’ jikseb ir-rimbors tal-imsemmija tariffa u li dan ir-rimbors huwa suġġett għall-kundizzjoni tal-preżentazzjoni ta’ talba f’dan is-sens lill-organizzazzjoni inkarigata bil-ġestjoni tal-istess tariffi.

54

Sa fejn din il-possibbiltà tkun żgurata, ma tantx huwa rilevanti l-fatt jekk il-manifatturi jew l-importaturi tat-telefons inkwistjoni, li huma obbligati jħallsu t-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat, għandhom jew ma għandhomx informazzjoni dwar il-kwalità ta’ individwu jew ta’ professjonist tax-xerrejja finali ta’ dawn it-telefons.

55

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-pagament tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat fuq il-manifatturi u fuq l-importaturi li jbigħu karti tal-memorja ta’ telefons ċellulari lil professjonisti bl-għarfien li dawn il-karti huma intiżi sabiex jerġgħu jinbiegħu minn dawn tal-aħħar iżda mingħajr għarfien dwar jekk ix-xerrejja finali tal-imsemmija karti humiex individwi jew professjonisti, sakemm:

l-istabbiliment ta’ tali sistema jkun iġġustifikat minħabba diffikultajiet prattiċi;

il-persuni li għandhom iħallsu t-tariffa jkunu eżentati mill-pagament tal-imsemmija tariffa jekk jistabbilixxu li huma pprovdew il-karti tal-memorja ta’ telefons ċellulari lil persuni oħra għajr persuni fiżiċi, għal finijiet li manifestament ma għandhomx x’jaqsmu ma’ dik ta’ riproduzzjoni għal użu privat, u bil-premessa li din l-eżenzjoni ma tistax tkun limitata biss għall-kunsinna lill-professjonisti li huma rreġistrati mal-organizzazzjoni inkarigata bil-ġestjoni tat-tariffi għall-ikkopjar għal użu privat;

l-imsemmija sistema tipprevedi dritt għar-rimbors tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat li jkun effettiv u li ma jirrendix eċċessivament diffiċli l-ħlas lura tat-tariffa mħallsa, u dan ir-rimbors jista’ jitħallas biss lill-akkwirent finali ta’ tali karta tal-memorja li, għal dan l-għan, għandu jindirizza talba lill-imsemmija organizzazzjoni.

Fuq it-tielet domanda

56

Bit-tielet domanda, li għandha tiġi eżaminata fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 fid-dawl tal-ispeċifikazzjoni, li tinsab fil-premessa 35 ta’ din, li tgħid li f’ċerti każijiet fejn id-dannu kkawżat lid-detentur tad-dritt “ikun minimu, ma jista’ jkun hemm l-ebda obbligu għal ħlas”.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li d-Direttiva 2001/29 għandha l-għan li tarmonizza biss ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati (sentenza Padawan, EU:C:2010:620, punt 35). Min-naħa l-oħra, l-istruttura tagħha hija ddefinita permezz ta’ diversi dispożizzjonijiet tagħha li juru l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea li jagħti marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fl-implementazzjoni tagħha, bħall-Artikolu 5 li jipprevedi serje ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet li dawn l-Istati huma liberi li jittrasponu fid-dritt nazzjonali tagħhom.

58

Barra minn hekk, skont il-premessa 35 tal-imsemmija direttiva, fil-każ ta’ ċerti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet, id-detenturi tad-drittijiet għandhom jirċievu kumpens ġust. Madankollu, f’ċerti każijiet fejn id-dannu kkawżat lil dawn id-detenturi jkun minimu, il-pagament ta’ tali kumpens ma jistax jiġi impost.

59

Bl-istess mod li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu jew le eċċezzjoni fost dawk ippreċiżati fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/29, dawn l-istess Stati għandhom, kif tikkonferma l-premessa 35 ta’ din id-direttiva, is-setgħa li jipprevedu, f’ċertu każijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet li jkunu stabbilixxew liberament, eżenzjoni mill-pagament tal-kumpens ġust meta d-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet ikun minimu.

60

Din il-konklużjoni għandha tapplika b’mod sħiħ għall-eċċezzjoni għall-ikkopjar għal użu privat li hija prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tal-imsemmija direttiva.

61

Għar-raġunijiet imsemmija fil-punti preċedenti, l-iffissar ta’ limitu li taħtu d-dannu jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala “minimu”, fis-sens tal-premessa 35 tal-imsemmija direttiva, għandu wkoll jidħol fil-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri, sakemm, b’mod partikolari, l-applikazzjoni ta’ dan il-limitu tkun konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif imsemmi fil-punt 31 ta’ din is-sentenza.

62

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, moqri fid-dawl tal-premessa 35 ta’ din, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu, f’ċerti każijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni għall-ikkopjar għal użu privat, eżenzjoni mill-pagament tal-kumpens ġust, sakemm id-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet, f’dawn il-każijiet, ikun minimu. Huwa fil-kompetenza ta’ dawn l-Istati li jiffissaw il-limitu ta’ tali dannu, bil-premessa li dan il-limitu għandu, b’mod partikolari, jiġi applikat b’mod konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Fuq l-ewwel domanda, paragrafi (a) u (b)

63

Bl-ewwel domanda, paragrafi (a) u (b), il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, liema huma l-effetti tal-awtorizzazzjoni, mogħtija mid-detentur tad-drittijiet, li jintużaw, b’mod partikolari għal finijiet ta’ riproduzzjoni għal użu privat, fajls li jinkludu xogħlijiet protetti, fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kumpens ġust.

64

Mill-punti 24 u 25 ta’ din is-sentenza jirriżulta li ma huwiex meħtieġ li jiġi stabbilit li l-utenti finali tal-imsemmija fajls effettivament iwettqu riproduzzjonijiet għal użu privat, għaliex dawn l-utenti huma preżunti, b’mod leġittimu, li jibbenefikaw b’mod sħiħ mit-tqegħid fid-dispożizzjoni tal-istess fajls. Għaldaqstant, jekk detentur tad-drittijiet jawtorizza persuna fiżika tuża tali fajls, billi jqegħidhom fid-dispożizzjoni tagħha, is-sempliċi possibbiltà li jintużaw dawn il-fajls għal finijiet ta’ riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti tiġġustifika l-applikazzjoni tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat.

65

Madankollu, fir-rigward tal-impatt fuq il-kumpens ġust tal-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet li jintużaw il-fajls li jinkludu xogħlijiet protetti, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, meta Stat Membru jkun iddeċieda, skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/29, li jeskludi, fil-kuntest tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-dispożizzjoni, kull dritt, għad-detenturi tad-drittijiet, li jawtorizzaw ir-riproduzzjonijiet għal użu privat tax-xogħlijiet tagħhom, eventwali att ta’ awtorizzazzjoni adottat minn dawn ma jkollux effetti legali fid-dritt tal-imsemmi Stat. Għaldaqstant, tali att ma għandu l-ebda effett fuq id-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet minħabba l-introduzzjoni tal-miżura inkwistjoni li ċċaħħadhom minn dritt, u, għaldaqstant, ma jista’ jkollu l-ebda impatt fuq il-kumpens ġust, kemm jekk dan tal-aħħar ikun previst b’mod obbligatorju jew b’mod fakultattiv, skont id-dispożizzjoni applikabbli ta’ din id-direttiva (ara s-sentenza VG Wort et, C-457/11 SA C-460/11, EU:C:2013:426, punt 37).

66

Peress li, f’ċirkustanzi bħal dawk ippreċiżati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, l-imsemmija awtorizzazzjoni ma għandhiex effetti legali, hija ma tistax tagħti lok, minnha nnifisha, għal obbligu ta’ pagament ta’ kwalunkwe remunerazzjoni, għar-riproduzzjoni, għal użu privat, mill-utent tal-fajls ikkonċernati, lid-detentur tad-drittijiet li awtorizza l-użu tagħhom.

67

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda, paragrafi (a) u (b) għandha tkun li d-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta Stat Membru jkun iddeċieda, skont l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, li jeskludi, fil-kuntest tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-dispożizzjoni, kull dritt, għad-detenturi tad-drittijiet, li jawtorizzaw ir-riproduzzjonijiet għal użu privat tax-xogħlijiet tagħhom, l-awtorizzazzjoni mogħtija minn detentur tad-drittijiet għall-użu mill-fajls li jinkludu x-xogħlijiet tiegħu ma jista’ jkollha l-ebda impatt fuq l-obbligu ta’ kumpens ġust għar-riproduzzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-imsemmija direttiva bl-għajnuna ta’ tali fajls u ma tistax tagħti lok, minnha nnifisha, għal obbligu ta’ pagament ta’ kwalunkwe remunerazzjoni mill-utent tal-fajls ikkonċernati lil dan id-detentur.

Fuq l-ewwel domanda, paragrafi (c) u (d), kif ukoll fuq it-tieni domanda

68

Bl-ewwel domanda, paragrafi (c) u (d), kif ukoll bit-tieni domanda, li għandhom jiġu eżaminati fis-sitt lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-implementazzjoni ta’ miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29 għall-mezzi użati sabiex jiġu riprodotti xogħlijiet protetti, bħad-DVDs, is-CDs, l-apparati li jdoqqu fajls MP3 jew il-kompjuters, jistax ikollha impatt fuq il-kumpens ġust dovut għar-riproduzzjonijiet għal użu privat, imwettqa minn tali mezzi.

69

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-miżuri teknoloġiċi li għalihom jirreferi l-Artikolu 5(2)(b) tal-imsemmija direttiva huma intiżi sabiex jillimitaw l-atti mhux awtorizzati mid-detenturi tad-drittijiet, jiġifieri huma intiżi sabiex jiżguraw applikazzjoni korretta ta’ din id-dispożizzjoni u sabiex jipprekludu b’dan il-mod l-atti li ma josservawx il-kundizzjonijiet stretti li din id-dispożizzjoni timponi (sentenzi VG Wort et, EU:C:2013:426, punt 51, kif ukoll ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 43).

70

Barra minn hekk, sa fejn huma l-Istati Membri u mhux id-detenturi tad-drittijiet li jistabbilixxu l-eċċezzjoni għall-ikkopjar għal użu privat u li jawtorizzaw, għall-finijiet tat-twettiq ta’ tali kkopjar, dan l-użu tax-xogħlijiet jew ta’ oġġetti oħra protetti, huwa l-Istat Membru li awtorizza, bl-istabbiliment ta’ din l-eċċezzjoni, it-twettiq tal-ikkopjar għal użu privat, li għandu jiżgura l-applikazzjoni korretta tal-imsemmija eċċezzjoni kif ukoll l-atti mhux awtorizzati mid-detenturi tad-drittijiet (sentenzi VG Wort et, EU:C:2013:426, punti 52 u 53, kif ukoll ACI Adam et, EU:C:2014:254, punt 44).

71

Fid-dawl tan-natura volontarja tal-applikazzjoni tal-miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li anki jekk tali possibbiltà teżisti, in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri ma jistax iwassal għad-dekadenza tal-kumpens ġust (sentenza VG Wort et, EU:C:2013:426, punt 57).

72

Madankollu, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħmel il-livell konkret tal-kumpens dovut lid-detenturi tad-drittijiet dipendenti fuq l-applikazzjoni jew le ta’ tali miżuri teknoloġiċi, sabiex dawn tal-aħħar jiġu inkoraġġuti jagħmlu użu minnhom u b’hekk jikkontribwixxu b’mod volontarja għall-applikazzjoni korretta tal-eċċezzjoni għall-ikkopjar għal użu privat (sentenza VG Wort et, EU:C:2013:426, punt 58).

73

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda, paragrafi (c) u (d), kif ukoll għat-tieni domanda, għandha tkun li l-implementazzjoni ta’ miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29 għall-mezzi użati sabiex jiġu riprodotti xogħlijiet protetti, bħad-DVDs, is-CDs, l-apparati li jdoqqu fajls MP3 jew il-kompjuters, ma jistax ikollha impatt fuq il-kumpens ġust dovut għar-riproduzzjonijiet għal użu privat, imwettqa minn tali mezzi. Madankollu, din l-implementazzjoni jista’ jkollha impatt fuq il-livell konkret ta’ dan il-kumpens.

Fuq l-ewwel domanda, paragrafu (f)

74

Bl-ewwel domanda, paragrafu (f), li għandha tiġi eżaminata fis-seba’ lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2001/29 tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kumpens ġust għar-riproduzzjonijiet imwettqa minn sorsi illegali, jiġifieri minn xogħlijiet protetti li huma mqiegħda fid-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet.

75

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-imsemmija direttiva tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tagħmilx distinzjoni bejn is-sitwazzjoni fejn is-sors li minnu titwettaq riproduzzjoni għal użu privat ikun legali u s-sitwazzjoni fejn dan is-sors ikun illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ACI Adam et, EU:C:2014:254, punt 58).

76

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 5(2)(b) tal-istess direttiva jipprekludi li din id-dispożizzjoni tinftiehem fis-sens li titlob, lil hinn mir-restrizzjoni li hija tipprevedi b’mod espliċitu, lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur jittolleraw ksur tad-drittijiet tagħhom li jistgħu jakkumpanjaw l-ikkopjar għal użu privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ACI Adam et, EU:C:2014:254, punt 31).

77

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li sistema ta’ tariffa għall-ikkopjar għal użu privat, b’karatteristiċi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tagħmilx distinzjoni, fir-rigward tal-kalkolu tal-kumpens ġust dovut lill-benefiċjarji tagħha, bejn is-sitwazzjoni fejn is-sors li minnu titwettaq riproduzzjoni għal użu privat ikun legali minn dik fejn dan is-sors ikun illegali, ma tirrispettax l-ekwilibriju ġust li għandu jinstab bejn l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u dawk tal-utenti ta’ oġġetti protetti għaliex, f’tali sistema, l-utenti kollha li jakkwistaw tagħmir, apparati jew mezzi suġġetti għall-imsemmija tariffa jiġu ppenalizzati indirettament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ACI Adam et, EU:C:2014:254, punti 54 sa 56).

78

Fil-fatt, billi jbatu l-piż tal-istess tariffa ffissata indipendentement min-natura legali jew illegali tas-sors li minnu jitwettqu tali riproduzzjonijiet, dawn l-utenti msemmija l-aħħar jikkontribwixxu neċessarjament għall-kumpens tad-dannu kkawżat permezz ta’ riproduzzjonijiet għal użu privat minn sors illegali li ma humiex awtorizzati mid-Direttiva 2001/29 u b’dan il-mod ikollhom jassumu spiża supplimentari kunsiderevoli sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ikkopjar għal użu privat kopert permezz tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tagħha (ara s-sentenza ACI Adam et, EU:C:2014:254, punt 56).

79

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda, paragrafu (f), għandha tkun li d-Direttiva 2001/29 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kumpens ġust għar-riproduzzjonijiet imwettqa minn sorsi illegali, jiġifieri minn xogħlijiet protetti li huma mqiegħda fid-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet.

Fuq l-ewwel domanda, paragrafu (e)

80

Bl-ewwel domanda, paragrafu (e), li għandha tiġi eżaminata fit-tmien lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2001/29 tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kumpens ġust għal riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet protetti li jsiru minn persuna fiżika permezz jew bl-għajnuna ta’ mezz li jappartjeni lil terz.

81

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 5(2)(b) tal-imsemmija direttiva jirreferi għal tliet elementi li jistabbilixxu b’mod konġunt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Dawn huma, l-ewwel nett, is-suġġett tar-riproduzzjoni, imbagħad, il-persuna li twettaq din ir-riproduzzjoni u, fl-aħħar nett, ir-riproduzzjoni minnha nnifisha.

82

Fir-rigward, qabel kollox, tas-suġġett tar-riproduzzjoni, għandu jitfakkar li l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi eċċezzjoni għad-dritt esklużiv ta’ detentur li jawtorizza jew jipprojbixxi r-riproduzzjoni tax-xogħol ikkunsidrat. Dan jippresupponi neċessarjament li s-suġġett tar-riproduzzjoni kopert mill-istess dispożizzjoni jkun xogħol protett, mhux iffalsifikat jew pirata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ACI Adam et, EU:C:2014:254, punt 58).

83

Imbagħad, fir-rigward tal-persuna awtorizzata biex twettaq ir-riproduzzjoni, l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jispeċifika li hija esklużivament persuna fiżika li tagħmel kopji tax-xogħol protett inkwistjoni għal użu privat u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali.

84

Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda r-riproduzzjoni nnifisha, l-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva jispeċifika biss il-mezzi li fuqhom ix-xogħol protett jista’ jiġi riprodott.

85

Fil-fatt, biżżejjed, f’dan ir-rigward, li titqabbel ir-redazzjoni tal-eċċezzjoni għall-ikkopjar għal użu privat ma’ dik tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni prevista fl-Artikolu 5(2)(a) tal-imsemmija direttiva. Filwaqt li din tal-aħħar tapplika għar-“riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili”, l-eċċezzjoni għall-ikkopjar għal użu privat hija applikabbli għar-“riproduzzjonijiet ta’ kull mezz”.

86

Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tal-istess Direttiva 2001/29 bl-ebda mod ma tispeċifika l-karatteristiċi tal-mezzi li permezz tagħhom jew bl-għajnuna tagħhom jitwettaq l-ikkopjar għal użu privat. B’mod partikolari, ma jissemma xejn f’dak li jirrigwarda n-natura ġuridika tar-rabta li, bħad-dritt għall-proprjetà, tista’ tgħaqqad il-persuna fiżika, awtur tar-riproduzzjoni għal użu privat, u l-mezz użat minnha.

87

Għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-eċċezzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjoni hija ta’ interpretazzjoni stretta, b’tali mod li ma tippermettix interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-każijiet previsti b’mod espliċitu (ara, b’mod analogu, is-sentenzi ACI Adam et, EU:C:2014:254, punt 23, u Melzer, C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 24).

88

Min-naħa l-oħra, l-imsemmija direttiva għandha l-għan li tarmonizza biss ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur (sentenza Padawan, EU:C:2010:620, punt 35). Billi ma semmiex fl-imsemmija direttiva l-karatteristiċi u l-elementi partikolari msemmija fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li dawn ma humiex rilevanti fid-dawl tal-għan li huwa segwa bix-xogħol tiegħu ta’ armonizzazzjoni parzjali.

89

Għaldaqstant il-kwistjoni dwar jekk il-mezz użat minn persuna privata sabiex twettaq ikkopjar għal użu privat għandux ikun jappartjeni lilha jew jekk jistax jappartjeni lil terz ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

90

F’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni Ewropea, ma hemmx lok li l-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva jinqara fid-dawl tal-Artikolu 5(5) ta’ din, peress li din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar la hija intiża biex taffettwa l-kontenut sostantiv tad-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-portata tal-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva u lanqas, b’mod partikolari, biex twessa’ l-portata tad-diversi eċċezzjonijiet u restrizzjonijiet previsti fiha (ara s-sentenza ACI Adam et, EU:C:2014:254, punt 26).

91

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda, paragrafu (e), għandha tkun li d-Direttiva 2001/29 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kumpens ġust għal riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet protetti li jsiru minn persuna fiżika permezz jew bl-għajnuna ta’ mezz li jappartjeni lil terz.

Fuq l-ewwel domanda, paragrafu (g)

92

Bl-ewwel domanda, paragrafu (g), li għandha tiġi eżaminata fid-disa’ lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 2001/29 tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kumpens ġust għal riproduzzjonijiet li jsiru minn sorsi legali, “permezz ta’ mezz ieħor”, pereżempju permezz tal-Internet.

93

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta qorti nazzjonali ma tipprovdix lill-Qorti tal-Ġustizzja l-punti ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji sabiex tingħata risposta utli għad-domanda magħmula lilha, din id-domanda għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Belvedere Costruzioni, C‑500/10, EU:C:2012:186, punt 16, u d-digriet Stefan, C‑329/13, EU:C:2014:815, punt 24).

94

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma tagħtix biżżejjed punti marbuta man-natura tar-riproduzzjonijiet li huma s-suġġett tad-domanda magħmula.

95

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tirrispondi b’mod utli għall-ewwel domanda, paragrafu (g). Għaldaqstant din għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

96

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kumpens ġust skont l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għall-ikkopjar għal użu privat, fir-rigward ta’ mezzi multifunzjonali, bħall-karti tal-memorja ta’ telefons ċellulari, kemm jekk dawn il-mezzi jkollhom u kemm jekk ma jkollhomx bħala funzjoni prinċipali t-twettiq ta’ tali kkopjar, sakemm waħda mill-funzjonijiet tal-imsemmija mezzi, anki jekk tkun sekondarja, tippermetti lid-detenturi tagħhom jużawhom għal dan l-għan. Madankollu, in-natura prinċipali jew sekondarja ta’ din il-funzjoni u l-importanza relattiva tal-kapaċità tal-mezz li jwettaq riproduzzjonijiet jista’ jkollhom effett fuq l-ammont tal-kumpens ġust dovut. Sa fejn id-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet jitqies li huwa minimu, it-tqegħid fid-dispożizzjoni tal-imsemmija funzjoni jista’ ma jagħtix lok għal obbligu ta’ pagament ta’ dan il-kumpens.

 

2)

L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għat-tariffa intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust skont l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għall-ikkopjar għal użu privat il-provvista ta’ mezzi li jistgħu jintużaw għal finijiet ta’ riproduzzjoni għal użu privat, bħall-karti tal-memorja ta’ telefons ċellulari, iżda li ma tissuġġettax għal din it-tariffa l-provvista tal-komponenti intiżi prinċipalment sabiex jaħżnu kopji għal użu privat, bħall-memorji interni tal-apparati li jdoqqu fajls MP3, sakemm dawn id-diversi kategoriji ta’ mezzi u komponenti ma jkunux komparabbli jew sakemm id-differenza fit-trattament li jkunu suġġetti għaliha tkun iġġustifikata, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

3)

L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-pagament tat-tariffa intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust skont l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għall-ikkopjar għal użu privat fuq il-manifatturi u fuq l-importaturi li jbigħu karti tal-memorja ta’ telefons ċellulari lil professjonisti bl-għarfien li dawn il-karti huma intiżi sabiex jerġgħu jinbiegħu minn dawn tal-aħħar iżda mingħajr għarfien dwar jekk ix-xerrejja finali tal-imsemmija karti humiex individwi jew professjonisti, sakemm:

l-istabbiliment ta’ tali sistema jkun iġġustifikat minħabba diffikultajiet prattiċi;

il-persuni li għandhom iħallsu t-tariffa jkunu eżentati mill-pagament tal-imsemmija tariffa jekk jistabbilixxu li huma pprovdew il-karti tal-memorja ta’ telefons ċellulari lil persuni oħra għajr persuni fiżiċi, għal finijiet li manifestament ma għandhomx x’jaqsmu ma’ dik ta’ riproduzzjoni għal użu privat, u bil-premessa li din l-eżenzjoni ma tistax tkun limitata biss għall-kunsinna lill-professjonisti li huma rreġistrati mal-organizzazzjoni inkarigata bil-ġestjoni tal-imsemmija tariffi;

l-imsemmija sistema tipprevedi dritt għar-rimbors tal-istess tariffa li jkun effettiv u li ma jirrendix eċċessivament diffiċli l-ħlas lura tat-tariffa mħallsa, u dan ir-rimbors jista’ jitħallas biss lill-akkwirent finali ta’ tali karta tal-memorja li, għal dan l-għan, għandu jindirizza talba lill-imsemmija organizzazzjoni.

 

4)

L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, moqri fid-dawl tal-premessa 35 ta’ din, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu, f’ċerti każijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għall-ikkopjar għal użu privat, eżenzjoni mill-pagament tal-kumpens ġust skont din l-eċċezzjoni, sakemm id-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet, f’dawn il-każijiet, ikun minimu. Huwa fil-kompetenza ta’ dawn l-Istati li jiffissaw il-limitu ta’ tali dannu, bil-premessa li dan il-limitu għandu, b’mod partikolari, jiġi applikat b’mod konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

 

5)

Id-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta Stat Membru jkun iddeċieda, skont l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, li jeskludi, fil-kuntest tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-dispożizzjoni, kull dritt, għad-detenturi tad-drittijiet, li jawtorizzaw ir-riproduzzjonijiet għal użu privat tax-xogħlijiet tagħhom, l-awtorizzazzjoni mogħtija minn detentur tad-drittijiet għall-użu mill-fajls li jinkludu x-xogħlijiet tiegħu ma jista’ jkollha l-ebda impatt fuq l-obbligu ta’ kumpens ġust skont l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għar-riproduzzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-imsemmija direttiva bl-għajnuna ta’ tali fajls u ma tistax tagħti lok, minnha nnifisha, għal obbligu ta’ pagament ta’ kwalunkwe remunerazzjoni mill-utent tal-fajls ikkonċernati lil dan id-detentur.

 

6)

L-implementazzjoni ta’ miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29 għall-mezzi użati sabiex jiġu riprodotti xogħlijiet protetti, bħad-DVDs, is-CDs, l-apparati li jdoqqu fajls MP3 jew il-kompjuters, ma jistax ikollha impatt fuq l-obbligu ta’ kumpens ġust skont l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għar-riproduzzjonijiet imwettqa minn tali mezzi. Madankollu, din l-implementazzjoni jista’ jkollha impatt fuq il-livell konkret ta’ dan il-kumpens.

 

7)

Id-Direttiva 2001/29 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kumpens ġust skont l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għar-riproduzzjonijiet imwettqa minn sorsi illegali, jiġifieri minn xogħlijiet protetti li huma mqiegħda fid-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet.

 

8)

Id-Direttiva 2001/29 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kumpens ġust skont l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għar-riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet protetti li jsiru minn persuna fiżika permezz jew bl-għajnuna ta’ mezz li jappartjeni lil terz.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

Fuq