Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62013CJ0547
Judgment of the Court (Tenth Chamber) of 4 March 2015.#SIA "Oliver Medical" v Valsts ieņēmumu dienests.#Request for a preliminary ruling from the Administratīvā rajona tiesa.#Reference for a preliminary ruling — Regulation (EEC) No 2658/87 — Common Customs Tariff — Tariff classification — Combined Nomenclature — Headings 8543, 9018 and 9019 — Laser and ultrasonic appliances and their parts and accessories.#Case C-547/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-4 ta’ Marzu 2015.
"Oliver Medical" SIA vs Valsts ieņēmumu dienests.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā rajona tiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) Nru 2658/87 – Tariffa Doganali Komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Intestaturi 8543, 9018 u 9019 – Apparat lejżer u apparat ultrasoniku kif ukoll il-partijiet u l-aċċessorji tagħhom.
Kawża C-547/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-4 ta’ Marzu 2015.
"Oliver Medical" SIA vs Valsts ieņēmumu dienests.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā rajona tiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) Nru 2658/87 – Tariffa Doganali Komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Intestaturi 8543, 9018 u 9019 – Apparat lejżer u apparat ultrasoniku kif ukoll il-partijiet u l-aċċessorji tagħhom.
Kawża C-547/13.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:139
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-GĦAXAR AWLA)
4 ta’ Marzu 2015 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KEE) Nru 2658/87 — Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Intestaturi 8543, 9018 u 9019 — Apparat lejżer u apparat ultrasoniku kif ukoll il-partijiet u l-aċċessorji tagħhom”
Fil-Kawża C‑547/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-administratīvā rajona tiesa, Rīgas tiesu nams (il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Ottubru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Ottubru 2013, fil-proċedura
“Oliver Medical” SIA
vs
Valsts ieņēmumu dienests,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-GĦAXAR AWLA),
komposta minn C. Vajda (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas u E. Juhász, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Wahl,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal “Oliver Medical” SIA, minn G. Senkāns, avukat, |
— |
għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš, K. Freimanis u D. Pelše, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Spanjol, minn L. Banciella Rodríguez-Miñón, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u A. Sauka, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestaturi 8543, 9018 u 9019 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjonijiet tagħha kif jirriżultaw, b’mod suċċessiv, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007, tal-20 ta’ Settembru 2007 (ĠU L 286, p. 1), mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008, tad-19 ta’ Settembru 2008 (ĠU L 291, p. 1), mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 948/2009, tat-30 ta’ Settembru 2009 (ĠU L 287, p. 1), mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 861/2010, tal-5 ta’ Ottubru 2010 (ĠU L 284, p. 1), u mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011, tas-27 ta’ Settembru 2011 (ĠU L 282, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Oliver Medical” SIA (iktar ’il quddiem “Oliver Medical”) u l-Valsts ieņēmumu dienests (amministrazzjoni fiskali Latvjana, iktar ’il quddiem il-“VID”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ apparat intiż għat-trattament ta’ problemi dermovaskulari u dermatoloġiċi fi ħdan in-NM. |
Il-kuntest ġuridiku
Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta ’ merkanzija
3 |
Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), twaqqaf permezz tal-Konvenzjoni dwar il-ħolqien tal-imsemmi kunsill, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950. Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) tfasslet mill-ODD u ġiet stabbilita permezz tal-Konvenzjoni internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”), konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, flimkien mal-protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). |
4 |
Skont l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull Parti Kontraenti timpenja ruħha li n-nomenklaturi tariffarji u statistiċi tagħha jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestatura u s-subintestaturi tagħha, mingħajr żieda u mingħajr emenda, kif ukoll il-kodiċi marbuta magħhom, u li ssegwi l-ordni numerika tal-imsemmija sistema. Kull Parti Kontraenti timpenja ruħha wkoll li tapplika r-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tas-sezzjoni, tal-kapitolu u tas-subintestatura tas-SA u li ma temendax il-portata ta’ dawn tal-aħħar. |
5 |
L-ODD approvat, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-Noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA. |
6 |
Fid-dati tal-preżentata tad-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, in-nota ta’ spjega tas-SA fir-rigward tal-intestatura 9018 kienet ifformulata kif ġej: “[...] Din l-intestatura tkopri grupp – partikolarment vast – ta’ strumenti u ta’ apparat, ta’ kull materjal (inklużi l-metalli prezzjużi), ikkaratterizzati essenzjalment mill-fatt li l-użu normali tagħhom jeżiġi, kważi fil-każijiet kollha, l-intervent ta’ prattikant (tabib, kirurgu, dentist, veterinarju, qabla, eċċ.), liema intervent jista’ jikkonċerna l-istabbiliment ta’ dijanjosi, il-prevenzjoni jew it-trattament ta’ marda, l-operazzjoni, eċċ. F’din l-intestatura huma inklużi wkoll l-istrumenti u l-apparat għal xogħol ta’ anatomija jew ta’ dissezzjoni, għal awtopsji u, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-istrumenti u apparat għall-ħidma ta’ dentaturi [...] [...] L-istrumenti u l-apparat inkwistjoni jistgħu, mingħajr ma jiġu esklużi minn din l-intestatura, jinkludu dispożittiv ottiku jew jużaw l-elettriku, kemm jekk dan ikollu sempliċement ir-rwol li jħaddem l-istrument jew l-apparat jew rwol ta’ trażmissjoni u kemm jekk jaġixxi b’effett preventiv jew kurattiv jew għall-finijiet tad-dijanjosi. Din l-intestatura tinkludi wkoll l-istrumenti u l-apparat li joperaw bil-lejżer jew b’xi raġġ ieħor ta’ dawl jew ta’ foton, kif ukoll l-istrumenti u l-apparat ultrasoniċi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
7 |
Fid-dati tal-preżentata tad-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, in-nota ta’ spjega tas-SA fir-rigward tal-intestatura 9019 kienet ifformulata kif ġej: “[...] I. – Apparat ta’ terapija mekkanika Dan l-apparat jintuża essenzjalment għat-trattament ta’ mard tal-ġogi jew tal-muskoli u jkun intiż li jirriproduċi mekkanikament id-diversi movimenti tagħhom. Peress li tali trattament ġeneralment isir skont l-istruzzjonijiet jew taħt is-superviżjoni ta’ prattikant, l-apparat inkwistjoni għandu jiġi distint mill-apparat normali għat-taħriġ fiżiku fil-veru sens tal-kelma jew għall-hekk imsejħa ġinnastika medika, li wieħed jista’ juża ġo daru stess jew ġo swali speċjalizzati u li fosthom wieħed jista’ jsemmi: tagħmir bi ħbula jew b’kejbils elastiċi li jista’ jiġġebbed, tagħmir ta’ kull tip bil-molol maħsub sabiex wieħed jagħfsu f’idejh, il-magni tal-qdif li jippermettu r-riproduzzjoni ġewwa tal-movimenti tal-qdif, ċerti roti tad-dar b’rota waħda għat-taħriġ jew għall-iżvilupp tal-muskoli tas-saqajn (dan l-apparat tal-aħħar jaqa’ fin-numru 95.06). [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
In-NM
8 |
Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM. |
9 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2658/87”), huwa fformulat kif ġej: “Tariffa Integrata tal-Komunitajiet Ewropej, min issa ’l quddiem imsejħa ‘Taric’, li tħaddan fiha l-ħtiġiet kollha ta’ Tariffa Doganali Komuni, l-statistiċi esterni tal-kummerċ, il-linji politiċi kummerċjali, agrikoli u linji politiċi oħra tal-Komunità rigward l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ oġġetti, għandha tiġi stabbilita mill-Kummissj[oni]. It-Tariffa għandha tkun ibbażata fuq in-[NM] u jkun fiha: [...]
[...]” |
10 |
Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni għandha tadotta kull sena regolament li jirriproduċi l-verżjoni sħiħa tan-NM u r-rati tad-dazji doganali, kif tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament japplika b’effett mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara. |
11 |
Il-verżjonijiet tan-NM applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li żvolġew matul il-perijodu bejn is-sena 2008 u s-sena 2012, huma dawk li jirriżultaw mir-Regolamenti Nri 1214/2007, 1031/2008, 948/2009, 861/2010 u 1006/2011. |
12 |
Dawn il-verżjonijiet ma fihomx differenzi fir-rigward tal-formulazzjoni tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, fir-rigward tat-titolu tat-Taqsima XVI tan-NM u tan-nota 2 ta’ din it-taqsima, fir-rigward tal-intestaturi tariffarji tal-Kapitolu 85 tal-NM, fir-rigward tat-titolu tat-Taqsima XVIII tagħha, fir-rigward tan-nota 2 tal-Kapitolu 90 tan-NM kif ukoll fir-rigward tas-subintestaturi tariffarji 9018, 9018 11 00, 9018 12 00, 9018 13 00, 9018 14 00, 9018 19, 9018 19 90, 9019, 9019 10, 9019 10 10, 9019 10 90 u 9019 20 00, li huma kkonċernati mid-domandi preliminari. |
13 |
Ir-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fil-punt A tat-Taqsima 1 tal-Ewwel Parti tan-NM, jipprovdu: “Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
[...]
|
14 |
It-Tieni Parti tan-NM tinkludi t-Taqsima XVI, intitolata “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; partijiet tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”. |
15 |
In-nota 2 tat-Taqsima XVI tan-NM hija fformulata kif ġej: “Suġġett għal nota 1 għal din it-taqsima, nota 1 għal Kapitlu 84 u nota 1 għal Kapitlu 85, partijiet ta’ magni (li mhumiex bċejjeċ tal-oġġetti ta’ titlu [intestatura] 8484, 8544, 8545, 8546 jew 8547) għandhom ikunu kklassifikati skond dawn ir-regoli:
|
16 |
It-Taqsima XVI tan-NM tinkludi Kapitolu 85, intitolat “Makkinarju u tagħmir elettriku u partijiet tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss, strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu stampa u ħoss tat-televiżjoni, u partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”. Dan il-kapitolu jinkludi, b’mod partikolari, l-intestaturi tariffarji segwenti: “8543 Magni u apparat elettriċi, b’funzjonijiet individwali, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra f’dan il-kapitlu [...] 8543 70 – Magni u tagħmir ieħor [...] 8543 70 90 – – Oħrajn 8543 90 00 – Partijiet.” |
17 |
Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni tista’ tinkludi Noti ta’ spjega fin-NM. B’mod partikolari min-Noti ta’ spjega għan-Nomenklatura Magħquda tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2008, C 133, p. 1, iktar ’il quddiem in-“Noti ta’ spjega tan-NM dwar is-subintestatura 8543 70 90”) jirriżulta li s-subintestatura 8543 70 90 tan-NM ma tinkludix it-“tagħmir għal irradjazzjoni ultravjola għal għanijiet mediċi, anki jekk mhux meħtieġ tabib biex jintużaw (titlu [intestatura] 9018)”. |
18 |
Intitolata “Strumenti u apparat ottiku, fotografiku, ċinematografiku, ta’ kejl, ta’ iċċekkjar, ta’ preċiżjoni, mediku jew kirurġiku; arloġġi u arloġġi tal-idejn; strumenti mużikali; partijiet u aċċessorji tagħhom”, it-Taqsima XVIII tan-NM tinkludi l-Kapitolu 90, intitolat “Strumenti u apparat ottiku, fotografiku, ċinematografiku, għal kejl, għal iċċekkjar, ta’ preċiżjoni, mediku jew kirurġiku; partijiet u aċċessorji tagħhom”. |
19 |
In-nota 2 ta’ dan il-kapitolu hija fformulata kif ġej: “Suġġett għal nota 1 [...], partijiet u aċċessorji għal magni, apparat, strumenti jew oġġetti ta’ dan il-kapitlu għandhom ikunu kklassifikati skond dawn ir-regoli:
|
20 |
Il-Kapitolu 90 tan-NM jinkludi, b’mod partikolari, l-intestaturi u s-subintestaturi tariffarji segwenti: “9018 Strumenti u apparat użati fi xjenzi mediċi, kirurġiċi, dentali jew veterinarji, inkluż apparat xintigrafiku, apparat ieħor elettromediku u strumenti għal eżamijiet tal-vista
|
21 |
Is-subintestaturi 9018 90 u 9018 90 85 tan-NM, fil-verżjonijiet tagħha li jirriżultaw mir-Regolamenti Nri 1214/2007, 1031/2008 u 948/2009, huma fformulati kif ġej: “9018 90 – Strumenti u tagħmir oħrajn [...] 9018 90 85 – – Oħrajn”. |
22 |
Is-subintestaturi 9018 90 u 9018 90 84 tan-NM, fil-verżjonijiet tagħha li jirriżultaw mir-Regolamenti Nri 861/2010 u 1006/2011, huma fformulati kif ġej: “9018 90 – Strumenti u tagħmir oħrajn [...] 9018 90 84 – – Oħrajn”. |
23 |
Il-Kapitolu 90 tan-NM jinkludi wkoll l-intestaturi u s-subintestaturi tariffarji segwenti: “9019 Apparat ta’ terapija mekkanika; apparat għal massaġġi; apparat għal eżami ta’ kapaċità psikoloġiku; terapija bl-ożonu, terapija bl-ossiġnu, terapija bl-ajrusol, apparat ta’ respirazzjoni artifiċjali jew ta’ respirazzjoni terapewtika oħra 9019 10 Apparat ta’ terapija mekkanika; apparat għal massaġġi; apparat għal eżami ta’ kapaċità psikoloġiku 9019 10 10 – – Apparat ta’ l-elettriku għal massaġġi vibratorji 9019 10 90 – – Oħrajn 9019 20 00 – Terapija bl-ożonu, terapija bl-ossiġnu, terapija bl-ajrusol, apparat ta’ respirazzjoni artifiċjali jew ta’ respirazzjoni terapewtika oħra”. |
24 |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 119/2008, tas-7 ta’ Frar 2008, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti merkanziji fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 36, p. 3), adottat bis-saħħa tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87, ikklassifika l-prodott segwenti fis-subintestatura 8543 70 90 tan-NM: “Apparat għat-tneħħija tax-xagħar u għat-trattament tal-ġilda li jaħdem permezz ta’ teknoloġija b’dawl bil-pulsi intensivi (IPL) u li għandu d-dimensjonijiet li ġejjin: 34,5 (T) × 30,5 (W) × 50,5 (F) ċm u piż ta’ 25 [kilogrammi (kg)]. L-apparat huwa ddisinjat għat-tneħħija tax-xagħar u għat-trattament tal-ġilda li jvarja minn tixtil purament kosmetiku sat-tneħħija ta’ marki ta’ l-età, pigmentazzjoni mhux uniformi u ħjut tal-vini. Dan huwa użat fi ħwienet ta’ sbuħija. L-apparat għandu mutur elettriku għat-tberrid; il-mutur m’għandux rwol fit-tneħħija tax-xagħar jew fil-proċess tat-trattament tal-ġilda.” |
25 |
Il-klassifikazzjoni tal-imsemmi prodott f’din is-subintestatura hija mmotivata b’dawn it-termini: “Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-[NM], u l-kliem tal-kodiċi NM 8543, 8543 70 u 8543 70 90. Billi l-proċess tat-tneħħija tax-xagħar huwa permezz ta’ teknoloġija IPL u mhux permezz ta’ qbid tax-xagħar u l-qlugħ ’il barra mill-għerq b’mutur elettriku involut f’dan il-proċess, klassifikazzjoni f’titlu [intestatura] 8510 bħala apparat għat-tneħħija tax-xagħar b’mutur elettriku minnu nnifisu, hija eskluża (ara n-Noti ta’ Spjega [NM] għal titlu 8510). Il-klassifikazzjoni f’titlu 9018 bħala strument jew apparat mediku hija wkoll eskluża għaliex l-apparat ma jipprovdix trattament mediku u mhuwiex użat fil-prattika professjonali (ara n-Noti ta’ Spjega [NM] għal titlu 9018). L-apparat għandu jkun klassifikat f’titlu 8543 għax huwa apparat ta’ l-elettriku b’funzjoni individwali, mhux speċifikat jew inkluż xi mkien ieħor f’Kapitlu 85.” |
26 |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1204/2011, tat-18 ta’ Novembru 2011, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 305, p. 14), adottat bis-saħħa tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87, ikklassifika l-prodotti segwenti fis-subintestatura 8543 90 00 tan-NM: “1. Apparat interkambjabbli li jinżamm fl-idejn magħmul minn lampa tal-flash, lenti, buttuna li tazzjona u bozza li tindika (dak li jissejjaħ ‘apparat li jinżamm fl-idejn li jemetti vibrazzjoni intensiva ta’ dawl (IPL)’). L-apparat jiġġenera vibrazzjoni intensiva ta’ dawl f’meded differenti ta’ rati ta’ vibrazzjonijiet li jlaħħqu l-100 ms, wavelength ta’ 650 [sa] 1 200 nm, dabra b’daqs ta’ 16 × 46 mm u fluwenza massima ta’ 45 J/cm2. Dan jaħdem biss flimkien ma’ magna (‘l-unità prinċipali’) li minnha jirċievi l-enerġija, is-sinjali ta’ kontroll u l-likwidu li jkessaħ. L-unità prinċipali għandha provvista tal-enerġija, unità ta’ kontroll bi skrin u unità li tkessaħ, u hija wkoll kapaċi taħdem ma’ ‘apparati tal-lejżer li jinżammu fl-idejn’. Meta mqabbad mal-‘unità prinċipali’, l-apparat huwa użat għal kura kożmetika speċifika, per eżempju, it-tneħħija permanenti tax-xagħar. 2. Apparat interkambjabbli li jinżamm fl-idejn li għandu lejżer fi stat solidu, lenti, swiċċ li jbiddel id-daqs tad-dabra skont l-għażla, u buttuna li tazzjona (hekk msejjaħ ‘apparat li jinżamm fl-idejn tal-lejżer’). L-apparat jiġġenera dawl tal-lejżer fuq meded differenti ta’ rati ta’ vibrazzjonijiet li jlaħħqu l-100 ms, wavelength ta’ 1 064 nm, dbabar ta’ qisien varjabbli b’dijametru ta’ 1.5, 3, 6 u 9 mm u fluwenza massima ta’ 700 J/cm2. Dan jaħdem biss flimkien ma’ magna (‘l-unità prinċipali’) li minnha jirċievi l-enerġija, is-sinjali ta’ kontroll u l-likwidu li jkessaħ. L-unità prinċipali għandha provvista tal-enerġija, unità ta’ kontroll bi skrin u unità li tkessaħ, u hija wkoll kapaċi taħdem ma’ ‘appart li jinżamm fl-idejn li jemetti vibrazzjoni intensiva ta’ dawl (IPL)’. Meta mqabbad mal-’unità prinċipali’, l-apparat huwa użat speċifikament biex jikkura kożmetikament il-vini fir-riġlejn.” |
27 |
Il-klassifikazzjoni tal-apparat IPL li jinżamm fl-idejn f’din is-subintestatura hija mmotivata b’dawn it-termini: “Il-klassifikazzjoni hija stabbilita mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-[NM], Nota 2(b) għas-Sezzjoni XVI u mill-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 8543 u 8543 90 00. Minħabba li l-vibrazzjoni intensiva ta’ dawl iġġenerata mill-lampa tal-flash mhijiex raġġ tal-lejżer, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9013 bħala lejżer hija eskluża. Minħabba l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-apparat, jiġifieri l-kostruzzjoni ta’ natura elettronika li għandu, huwa mhux bħal biċċa għodda interkambjabbli (ara nota 1(o) ta’ Sezzjoni XVI). L-apparat meta jkun mqabbad mal-’unità prinċipali’ jiġi identifikat bħala magna tax-xogħol li għandha funzjoni individwali mhux speċifika jew inkluża x’imkien ieħor f’Kapitolu 85. L-apparat huwa essenzjali għall-ħidma tal-magna, għaliex il-magna mingħajru ma tistax tiffunzjona. Għalhekk l-apparat għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 8543 90 00 bħala parti minn magni u apparat tal-elettriku oħrajn, b’funzjonijiet individwali, mhux speċifikati jew inklużi x’imkien ieħor f’Kapitolu 85.” |
28 |
Il-klassifikazzjoni tal-apparat lejżer li jinżamm fl-idejn fis-subintestatura 8543 90 00 tan-NM hija mmotivata b’dawn it-termini: “Il-klassifikazzjoni hija stabbilita mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-[NM], Nota 2(b) għas-Sezzjoni XVI u mill-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 8543 u 8543 90 00. Minħabba li l-lejżer huwa ddisinjat speċifikament sabiex jiġġenera dawl tal-lejżer fuq ċerti meded ta’ vibrazzjonijiet u qisien ta’ dbabar, l-apparat huwa magħmul sabiex jopera funzjoni speċifika. Meta l-apparat ikun mqabbad mal-’unità prinċipali’, jiġi identifikat bħala magna tax-xogħol li għandha funzjoni individwali mhux speċifika jew inkluża x’imkien ieħor f’Kapitolu 85. Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9013 bħala lejżer hija għaldaqstant eskluża (ara ukoll in-Nota ta’ Spjegazzjoni [SA] għall-intestatura 9013 (2), ir-raba’ paragrafu). Minħabba l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-apparat, jiġifieri l-kostruzzjoni ta’ natura elettronika li għandu, huwa mhux bħal biċċa għodda interkambjabbli (ara nota 1(o) ta’ Sezzjoni XVI). L-apparat huwa essenzjali għall-ħidma tal-magna, għaliex il-magna mingħajru ma tistax tiffunzjona. Għalhekk l-apparat għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 8543 90 00 bħala parti minn magni u apparat tal-elettriku oħrajn, b’funzjonijiet individwali, mhux speċifikati jew inklużi x’imkien ieħor f’Kapitolu 85.” |
Id-Direttiva 93/42/KEE
29 |
Il-mezzi mediċi li jaqgħu taħt id-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, dwar mezzi mediċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 12, p. 82), kif emendata bid-Direttiva 2007/47 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Settembru 2007 (ĠU 247, p. 21, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/42”), huma ddefiniti fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 93/42 b’dawn it-termini: “‘mezz mediku’ jfisser kull strument, mezz, għodda, software, materjal jew artiklu ieħor, sew jekk użat waħdu jew f’kumbinazzjoni, inkluż is-software maħsub mill-manifattur biex jintuża speċifikament għal finijiet dijanjostiċi u/jew terapewtiċi u neċessarju għall-applikazzjoni korretta tiegħu, maħsub mill-manifattur sabiex jintuża għall-bnedmin bl-għan ta’:
u li ma jilħaqx l-azzjoni prinċipali tiegħu ġewwa jew fuq il-ġisem uman b’miżuri farmakoloġiċi, immunoloġiċi jew metaboliċi, imma li jkun assistit fil-funzjoni tiegħu b’dawn il-miżuri.” |
It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
30 |
Matul il-perijodu bejn ix-xhur ta’ Novembru 2008 u ta’ April 2012, Oliver Medical iddikjarat, għall-finijiet tal-introduzzjoni tagħhom fil-prattika libera, diversi prodotti tal-manifattur Lumenis. Ġew iddikjarati:
|
31 |
Wara kontroll li wettqet fir-rigward ta’ Oliver Medical, il-VID qieset li l-apparat “Light Sheer ST” u “IPL Quantum SR” kellhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8543 70 90 99 tan-NM. |
32 |
Il-VID qieset li l-irjus tal-apparat “IPL Quantum SR”, indikati bir-referenzi “HR upgd for IPL Quantum” u “DL upgd for IPL Quantumsystem”, kif ukoll dawk tal-apparat “IPL Quantum SR 560” u “Ultrashape contour I” kellhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8543 90 00 90 tan-NM. |
33 |
Barra minn hekk, wara li vverifikat il-konformità tad-data fid-dikjarazzjoni doganali tal-lejżer “Ls-Duet” u tal-aċċessorji tiegħu, il-VID qieset li din il-merkanzija kellha tiġi kklassifikata rispettivament fis-subintestaturi 8543 70 90 99 u 8543 90 00 90 tan-NM. |
34 |
Fuq il-bażi ta’ dawn il-korrezzjonijiet, id-dazji doganali u t-taxxa fuq il-valur miżjud li VID kienet qiegħda teżiġi mingħand Oliver Medical żdiedu u magħhom ġew inklużi wkoll interessi moratorji u penali. |
35 |
Fit-13 ta’ Marzu 2012, Oliver Medical ressqet quddiem il-VID talba għal informazzjoni tariffarja vinkolanti fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-apparat ta’ fototermolisi selettiva “Lumenis M22”, li kien ingħata ċ-ċertifikat ta’ konformità CE 93/42 bħala apparat mediku. Fil-25 ta’ April 2012, il-VID ħarġet informazzjoni tariffarja vinkolanti li tikklassifika l-apparat inkwistjoni fis-subintestatura 8543 70 90 tan-NM. |
36 |
Oliver Medical ikkontestat id-deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni tal-VID quddiem il-qorti tar-rinviju, filwaqt li sostniet li l-apparat tal-manifattur Lumenis kien intiż għal ċentri mediċi sabiex jintuża għal skopijiet mediċi u li għalhekk kellu jiġi kklassifikat fl-intestaturi 9018 u 9019 tan-NM. |
37 |
Min-naħa tagħha, il-VID tqis li dan l-apparat huwa pjuttost apparat elettriku li għandu funzjonijiet partikolari u li għalhekk jaqa’ fl-intestatura 8543 tan-NM. |
38 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-klassifikazzjoni tal-imsemmi apparat fl-intestatura 8543 tan-NM, b’mod partikolari fir-rigward tar-Regolament Nru 119/2009. F’dan ir-rigward, hija ssemmi, bħala eżempju, l-apparat “Light Sheer ST” li l-qisien tiegħu ta’ 44 ċm għoli, ta’ 50 ċm wisa’ u ta’ 112 ċm fond kif ukoll il-piż ta’ 48 kg ma jikkorrispondux għall-qisien ta’ 34.5 ċm għoli, ta’ 30.5 ċm wisa’ u ta’ 50.5 ċm fond kif ukoll mal-piż ta’ 25 kg indikati f’dan ir-regolament. Barra minn hekk, hija tispeċifika li s-sistema lejżer ta’ dan l-apparat tiġġenera raġġ ta’ dawl b’wavelength ta’ 900 nm li hija assorbita mill-melanina, teknoloġija li hija differenti minn dik tal-vibrazzjoni intensiva ta’ dawl (IPL) imsemmija fl-imsemmi regolament. Hija żżid li l-apparat “UltraPulse Encore laser” juża tip ta’ lejżer issiġillat tat-tip CO2 u li t-tkessiħ ta’ dan l-apparat jitwettaq permezz ta’ likwidu. |
39 |
Fir-rigward tal-apparat “IPL Quantumsystem”, il-qorti tar-rinviju tosserva li dan l-apparat jgħaqqad fuq pjattaforma waħda t-teknoloġija lejżer u t-teknoloġija tad-dawl b’intensità qawwija, bl-użu ta’ parametri ta’ kapaċità għolja. Min-naħa tiegħu, l-apparat “UltraShape Contour I” jiġġenera kapaċità għolja u mewġ ultrasoniku bi frekwenza baxxa skont teknoloġija analoġika użata għal-litotripsija u għat-trattament ta’ tumuri lokali. |
40 |
Il-qorti tar-rinviju żżid li l-apparat kopert mir-Regolament Nru 119/2008 huwa intiż sabiex jintuża fil-ħwienet tas-sbuħija filwaqt li l-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-partijiet tiegħu jintuża f’ċentri mediċi. |
41 |
Fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-apparat “Lumenis M22” fis-subintestatura 8543 70 90 tan-NM sussegwentement għal talba għal informazzjoni tariffarja vinkolanti, il-qorti tar-rinviju tindika li l-VID applikat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1204/2011, li jipprovdi li l-klassifikazzjoni ta’ apparat li jinkludi dispożittiv lejżer fl-intestatura 9013 tan-NM bħala lejżer hija eskluża. Filwaqt li tibbaża ruħha fuq in-Noti ta’ spjega tan-NM dwar is-subintestatura 8543 70 90, il-qorti tar-rinviju għandha dubju f’dan il-kuntest dwar il-portata rispettiva tad-diversi intestaturi tan-NM li huma rilevanti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, hija tqis li dawn l-intestaturi ma humiex reċiprokament esklużivi. Hija tqis li l-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. |
42 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-administratīvā rajona tiesa ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja t-tliet domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
43 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiżi għat-trattament ta’ problemi dermovaskulari u dermatoloġiċi u li jiffunzjonaw permezz tat-teknoloġija lejżer u permezz ta’ teknoloġija li tuża dawl b’intensità qawwija għandhom jiġu kklassifikati bħala strumenti jew apparat għall-mediċina jew bħala apparat ta’ terapija mekkanika, fl-intestaturi 9018 jew 9019 NM, jew jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li dawn il-prodotti għandhom jiġi kklassifikati bħala apparat elettriku b’funzjoni individwali, fl-intestatura 8543 tan-NM. |
44 |
L-ewwel nett, għandu jitfakkar, preliminarjament, li meta l-Qorti tal-Ġustizzja jsirilha rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-qasam ta’ klassifikazzjoni tariffarja, il-funzjoni tagħha hija iktar li tipprovdi kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li l-implementazzjoni tagħhom tista’ tippermetti lil din tal-aħħar tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM milli li twettaq din il-klassifikazzjoni hija stess, u dan japplika iktar u iktar minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex neċessarjament l-elementi kollha li jkunu indispensabbli għal dan il-għan. B’hekk, il-qorti nazzjonali jidher li hija fi kwalunkwe każ f’pożizzjoni aħjar sabiex tagħmel din il-klassifikazzjoni (ara s-sentenza Data I/O, C‑297/13, EU:C:2014:331, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
It-tieni nett, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-ispeċifikazzjonijiet oġġettivi ta’ din il-merkanzija, kif iddefiniti fil-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (sentenza Delphi Deutschland, C‑423/10, EU:C:2011:315, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
46 |
Bl-istess mod, skont ġurisprudenza stabbilita, in-Noti ta’ spejga mħejjija, fir-rigward tan-NM, mill-Kummissjoni u, fir-rigward tas-SA, mill-ODD, jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr madankollu ma għandhom saħħa legali vinkolanti (sentenza Delphi Deutschland, EU:C:2011:315, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
47 |
Fl-aħħar nett, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni fl-intestatura adegwata, għandu jitfakkar ukoll li l-użu intenzjonat tal-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott, fejn in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata fuq il-bażi tal-karatteristiċi u tal-ispeċifikazzjonijiet oġġettivi tiegħu (ara s-sentenza Olicom, C‑142/06, EU:C:2007:449, punt 18). |
48 |
Fir-rigward tal-intestatura 9018 tan-NM, mill-eżami ta’ din l-intestatura jirriżulta li din tinkludi b’mod partikolari l-istrumenti jew l-apparat għall-mediċina. Il-formulazzjoni ta’ din l-intestatura ma tipprovdix iktar preċiżazzjonijiet dwar il-karatteristiċi ta’ dawn l-istrumenti jew ta’ dan l-apparat. Fost il-prodotti li jaqgħu fl-imsemmija intestatura huwa elenkat l-apparat b’raġġi ultravjola jew infraħomor. |
49 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li skont in-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 9018, din l-intestatura tiġbor fiha grupp ta’ strumenti u ta’ apparat li l-użu normali tagħhom jeħtieġ, kważi fil-każijiet kollha, l-intervent ta’ prattikant, bħal tabib, kirurgu, dentist, veterinarju jew qabla, sabiex, b’mod partikolari, tiġi stabbilita dijanjosi, tiġi evitata jew ittratta marda jew sabiex titwettaq operazzjoni. |
50 |
Minn dan jirriżulta, minn naħa, li dan l-apparat u dawn l-istrumenti huma, fil-parti l-kbira tal-każijiet, użati minn prattikant fil-qasam tas-saħħa, mingħajr madankollu ma l-intervent ta’ tali prattikant ma huwa meħtieġ fil-każijiet kollha, u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija apparat u strumenti huma intiżi għal finijiet mediċi. |
51 |
Sabiex jiġi stabbilit jekk prodott ikunx intiż għal finijiet mediċi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti tal-każ ineżami, kif jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju, sa fejn ikunu involuti karatteristiċi jew speċifikazzjonijiet oġġettivi inerenti għal dan il-prodott. Huwa l-importatur li għandu, fil-mument tal-importazzjoni, jipproduċi l-prova li l-imsemmi prodott huwa intiż għal finijiet mediċi. |
52 |
Fost l-elementi rilevanti, għandhom jiġu evalwati l-użu li għalih il-prodott ikkunsidrat ikun intenzjonat mill-manifattur, kif ukoll il-modalitajiet u l-post tal-użu tiegħu. B’hekk, il-fatt li dan il-prodott ikun intiż għat-trattament ta’ marda waħda jew iktar u l-fatt li dan it-trattament għandu jitwettaq f’ċentru mediku u taħt il-kontroll ta’ prattikant jikkostitwixxu indizji li jistgħu jistabbilixxu li l-imsemmi prodott huwa intiż għal finijiet mediċi. Għall-kuntrarju, il-fatt li prodott jippermetti prinċipalment titjib estetiku, li dan il-prodott jista’ jiġi operat f’kuntest mhux mediku, pereżempju f’ħanut tas-sbuħija, u mingħajr l-intervent ta’ prattikant, huma indizji ta’ natura li jdgħajfu l-argument li dan il-prodott huwa intiż għal finijiet mediċi. |
53 |
Il-fatt li prodott ikollu l-marka CE li tiċċertifika l-konformità ta’ mezz mediku mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/42 jikkostitwixxi element wieħed minn fost oħrajn li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward. Madankollu, sa fejn id-Direttiva 93/42 issegwi għanijiet differenti minn dawk tan-NM u sabiex titħares il-koerenza bejn l-interpretazzjoni tan-NM u dik tas-SA, li hija stabbilita minn konvenzjoni internazzjonali li l-Unjoni hija Parti Kontraenti tagħha, il-fatt li prodott ikollu l-marka CE ma jistax ikun determinanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk dan huwiex intiż għal finijiet mediċi fis-sens tal-intestatura 9018 tan-NM. |
54 |
Il-qorti tar-rinviju għandha wkoll dubju dwar ir-rilevanza ta’ elementi oħra, bħalma huma l-qisien, il-piż tal-prodott ikkunsidrat kif ukoll it-teknoloġija użata, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk dan il-prodott jaqax fl-intestatura 9018 tan-NM. Hija tqis, fil-fatt, li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu distinti, fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, mill-prodotti li kienu s-suġġett tar-Regolament Nru 119/2008 u li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni eskludiet, f’dan ir-regolament, il-klassifikazzjoni fl-intestatura 9018 tan-NM. |
55 |
F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li regolament ta’ klassifikazzjoni għandu portata ġenerali sa fejn ma japplikax għal operatur partikolari iżda b’mod ġenerali għal prodotti identiċi għal dak li jkun ġie eżaminat mill-kumitat tal-kodiċi doganali. Sabiex, fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni, jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, il-motivazzjoni tiegħu (sentenza Krings, C‑130/02, EU:C:2004:122, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
56 |
Huwa minnu li r-Regolament Nru 119/2008 ma huwiex direttament applikabbli għall-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, dawn il-prodotti ma humiex identiċi għal dawk koperti minn dan ir-regolament peress li, fost affarijiet oħra, huma differenti minnhom minħabba l-qisien u l-piż tagħhom kif ukoll minħabba t-teknoloġiji użati minnhom. |
57 |
Madankollu, l-applikazzjoni b’analoġija ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni, bħalma huwa r-Regolament Nru 119/2008, għall-prodotti analogi għal dawk koperti minn dan ir-regolament tiffavorixxi interpretazzjoni koerenti tan-NM kif ukoll l-ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Krings, EU:C:2004:122, punt 35). |
58 |
Skont il-motivazzjoni mogħtija fit-tielet kolonna tal-Anness tar-Regolament Nru 119/2008, il-klassifikazzjoni bħala strument jew apparat mediku, fl-intestatura 9018 tan-NM, tal-prodotti msemmija fl-ewwel kolonna ta’ dan l-anness hija eskluża minħabba li l-apparat ma jippermettix trattament mediku u ma huwiex użat fil-mediċina. |
59 |
Minn dan għandu jiġi dedott li l-qisien, il-piż u t-teknoloġija użata ma jikkostitwixxux elementi determinanti għall-klassifikazzjoni ta’ prodott f’din l-intestatura. |
60 |
Fir-rigward tal-intestatura 9019 tan-NM, din l-intestatura tkopri, fost oħrajn, l-apparat ta’ terapija mekkanika. Min-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 9019 jirriżulta li dan l-apparat jintuża essenzjalment għat-trattament ta’ mard tal-ġogi jew tal-muskoli u li dan it-trattament ġeneralment isir skont l-istruzzjonijiet jew taħt is-superviżjoni ta’ prattikant. Minn dan jirriżulta li l-kriterji stabbiliti fil-punti 51 sa 53 ta’ din is-sentenza dwar l-użu intenzjonat tal-prodott għal finijiet mediċi huma rilevanti mutatis mutandis għall-interpretazzjoni tal-intestatura 9019 tan-NM. |
61 |
Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix punti fattwali li jippermettu li jiġu stabbiliti r-raġunijiet għaliex din l-intestatura tqieset li hija rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Matul is-seduta, Oliver Medical indikat li l-irjus ta’ kura tal-apparat “Ultrashape Contour I” jikkostitwixxu apparat ta’ terapija mekkanika, li jintuża sabiex jiġu sseparati ċ-ċelloli tax-xaħam. |
62 |
Sa fejn dan huwa punt fattwali li ma tqajjimx fid-deċiżjoni tar-rinviju iżda li ħareġ għall-ewwel darba matul is-seduta, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha fil-proċess u n-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 9019, jekk prodott wieħed jew iktar inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux fl-intestatura 9019 tan-NM minflok fl-intestatura 8543 tan-NM. |
63 |
Fir-rigward tal-intestatura 8543 tan-NM, din l-intestatura tidentifika l-magni u l-apparat elettriċi li għandhom funzjoni individwali u li la jissemmew u lanqas ma huma inklużi taħt intestatura oħra fil-Kapitolu 85. Skont ir-Regola 3(a) tar-Regoli ġenerali għall-implementazzjoni tan-NM, li jinsabu fil-punt A tat-Taqsima 1 tal-Ewwel Parti tan-NM, peress li l-imsemmija intestatura għandha portata iktar ġenerali minn dik tal-intestaturi 9018 jew 9019 tan-NM, l-intestatura 8543 tan-NM ma hijiex rilevanti għall-klassifikazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ħlief fil-każ li dawn ma jaqgħux fl-intestaturi 9018 jew 9019 tan-NM, kwistjoni din li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-punti 51 sa 59 ta’ din is-sentenza. |
64 |
Peress li tqis, fid-dawl tan-Noti ta’ spjega tan-NM dwar is-subintestatura 8543 70 90, li d-diversi intestaturi tan-NM li huma rilevanti fil-kawża prinċipali ma humiex reċiprokament esklużivi, il-qorti tar-rinviju għandha dubju, f’dan il-kuntest, dwar il-portata rispettiva ta’ dawn l-intestaturi. |
65 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-imsemmija noti ta’ spjega jikkonċernaw l-apparat ta’ irradjazzjoni permezz ta’ raġġi ultravjola, teknoloġija li ma jidhirx li tikkorrispondi għal dik tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kwistjoni din li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li kemm skont l-istess noti u kemm skont in-Nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 9018, imsemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, huwa l-użu intenzjonat mediku ta’ prodott li jikkostitwixxi l-kriterju deċiżiv għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ dan il-prodott fl-intestatura 9018 tan-NM. |
66 |
Barra minn hekk, fost il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma humiex inklużi biss tipi ta’ apparat differenti iżda wkoll il-partijiet li jinżammu fl-idejn korrispondenti, jiġifieri l-ponot u l-irjus. |
67 |
Min-nota 2 tat-Taqsima XVI tan-NM jirriżulta li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tan-nota 1 ta’ din it-taqsima u tan-nota 1 tal-Kapitoli 84 u 85, il-partijiet ta’ magni, ħlief għal xi eċċezzjonijiet li ma humiex rilevanti għall-kawża prinċipali, għandhom jiġu kklassifikati skont ir-regoli previsti f’din in-nota 2. Bl-istess mod, skont in-nota 2 tal-Kapitolu 90 tan-NM, il-partijiet u l-aċċessorji għal magni, apparat, strumenti jew oġġetti ta’ dan il-kapitolu għandhom jiġu kklassifikati skont ir-regoli stabbiliti f’din l-aħħar nota, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tan-nota 1 ta’ dan il-kapitolu. |
68 |
Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-partijiet li jinżammu fl-idejn inkwistjoni jikkostitwixxux partijiet jew aċċessorji fis-sens tal-imsemmija noti. |
69 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-intestaturi 8473, 8486 u 9018 tan-NM, jirriżulta li l-kunċett ta’ “partijiet” jimplika l-preżenza ta’ unità li dawn tal-aħħar ikunu indispensabbli għall-funzjonament tagħha u l-kunċett ta’ “aċċessorji” jinkludi l-elementi ta’ tagħmir interkambjabbli li jippermettu l-adattament ta’ apparat għal xogħol partikolari jew li jagħtuh possibbiltajiet supplimentari jew li nkella jippermettulu li jwettaq servizz partikolari relatat mal-funzjoni prinċipali tiegħu (ara s-sentenza Rohm & Haas Electronic Materials CMP Europe et, C‑336/11, EU:C:2012:500, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti u uniformi tat-Tariffa Doganali Komuni, dawn id-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “partijiet” u ta’ “aċċessorji” japplikaw, fejn ikun il-każ, għall-intestaturi 8543, 9018 u 9019 tan-NM. |
70 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi, fid-dawl tal-indikazzjonijiet mogħtija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, jekk il-partijiet li jinżammu fl-idejn inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jitqiesu li huma partijiet jew aċċessorji ta’ wieħed mill-istrumenti kkunsidrati u, għaldaqstant, jekk għandhomx jiġu kklassifikati inkonformità man-nota 2 tat-Taqsima XVI tan-NM jew man-nota 2 tal-Kapitolu 90 tagħha. |
71 |
Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti f’din is-sentenza u fuq il-bażi tal-punti fattwali kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jiġu kklassifikati fl-intestaturi 9018 jew 9019 tan-NM jew, jekk dan ma jkunx il-każ, fl-intestatura 8543 tan-NM. |
72 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk prodotti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhomx jiġu kklassifikati bħala apparat jew strumenti intiżi għal finijiet mediċi, fl-intestatura 9018 tan-NM, jew bħala apparat ta’ terapija mekkanika, fl-intestatura 9019 tan-NM, pjuttost milli bħala apparat elettriku b’funzjoni individwali, fl-intestatura 8543 tan-NM, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami, sa fejn dawn ikunu jikkonċernaw il-karatteristiċi u l-ispeċifikazzjonijiet oġġettivi inerenti għal dawn il-prodotti. Fost l-elementi rilevanti, għandhom jiġu evalwati l-użu li għalih l-imsemmija prodotti jkunu intenzjonati mill-manifattur, kif ukoll il-modalitajiet u l-post ta’ użu tagħhom. Il-fatt li prodotti jkunu intiżi għat-trattament ta’ marda waħda jew iktar u l-fatt li t-trattament ikollu jitwettaq f’ċentru mediku approvat jew taħt il-kontroll ta’ prattikant jikkostitwixxu indizji li jistgħu jistabbilixxu li dawn il-prodotti huma intiżi għal finijiet mediċi. Għall-kuntrarju, il-fatt li dawn il-prodotti jippermettu prinċipalment titjib estetiku u l-fatt li dawn il-prodotti jistgħu jiġu operati f’kuntest mhux mediku, pereżempju f’ħanut tas-sbuħija, u mingħajr l-intervent ta’ prattikant, huma indizji ta’ natura li jdgħajfu l-argument li l-imsemmija prodotti huma intiżi għal finijiet mediċi. Id-dimensjonijiet, il-piż u t-teknoloġija użata ma jikkostitwixxux elementi determinanti għall-klassifikazzjoni ta’ prodotti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-intestatura 9018 tan-NM. |
Fuq l-ispejjeż
73 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjonijiet tagħha kif jirriżultaw, b’mod suċċessiv, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007, tal-20 ta’ Settembru 2007, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008, tad-19 ta’ Settembru 2008, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 948/2009, tat-30 ta’ Settembru 2009, mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 861/2010, tal-5 ta’ Ottubru 2010, u mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011, tas-27 ta’ Settembru 2011, għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk prodotti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhomx jiġu kklassifikati bħala apparat jew strumenti intiżi għal finijiet mediċi, fl-intestatura 9018 ta’ din in-nomenklatura, jew bħala apparat ta’ terapija mekkanika, fl-intestatura 9019 tagħha, pjuttost milli bħala apparat elettriku b’funzjoni individwali, fl-intestatura 8543 tal-imsemmija nomenklatura, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami, sa fejn dawn ikunu jikkonċernaw il-karatteristiċi u l-ispeċifikazzjonijiet oġġettivi inerenti għal dawn il-prodotti. Fost l-elementi rilevanti, għandhom jiġu evalwati l-użu li għalih l-imsemmija prodotti jkunu intenzjonati mill-manifattur, kif ukoll il-modalitajiet u l-post ta’ użu tagħhom. Il-fatt li prodotti jkunu intiżi għat-trattament ta’ marda waħda jew iktar u l-fatt li t-trattament ikollu jitwettaq f’ċentru mediku approvat jew taħt il-kontroll ta’ prattikant jikkostitwixxu indizji li jistgħu jistabbilixxu li dawn il-prodotti huma intiżi għal finijiet mediċi. Għall-kuntrarju, il-fatt li dawn il-prodotti jippermettu prinċipalment titjib estetiku u l-fatt li dawn il-prodotti jistgħu jiġu operati f’kuntest mhux mediku, pereżempju f’ħanut tas-sbuħija, u mingħajr l-intervent ta’ prattikant, huma indizji ta’ natura li jdgħajfu l-argument li l-imsemmija prodotti huma intiżi għal finijiet mediċi. Id-dimensjonijiet, il-piż u t-teknoloġija użata ma jikkostitwixxux elementi determinanti għall-klassifikazzjoni ta’ prodotti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-intestatura 9018 tal-istess nomenklatura. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.