Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62013CJ0069
Judgment of the Court (Second Chamber), 13 February 2014.#Mediaset SpA v Ministero dello Sviluppo economico.#Request for a preliminary ruling from the Tribunale civile di Roma.#Reference for a preliminary ruling — State aid — Subsidised purchase or renting of digital decoders — Commission decision declaring an aid scheme unlawful and incompatible with the internal market — Recovery — Quantification of the amount to be recovered — Role of the national court — Taking into consideration by the national court of the positions of the Commission in the enforcement of its decision — Principle of cooperation in good faith.#Case C‑69/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Frar 2014.
Mediaset SpA vs Ministero dello Sviluppo economico.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale civile di Roma.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Għajnuna mill-Istat — Sussidju għax-xiri jew għall-kiri ta’ dekoders diġitali — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara skema ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern — Irkupru — Kwantifikazzjoni tal-ammont li għandu jiġi rkuprat — Rwol tal-qorti nazzjonali — Teħid inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-pożizzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tagħha — Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.
Kawża C‑69/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Frar 2014.
Mediaset SpA vs Ministero dello Sviluppo economico.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale civile di Roma.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Għajnuna mill-Istat — Sussidju għax-xiri jew għall-kiri ta’ dekoders diġitali — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara skema ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern — Irkupru — Kwantifikazzjoni tal-ammont li għandu jiġi rkuprat — Rwol tal-qorti nazzjonali — Teħid inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-pożizzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tagħha — Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.
Kawża C‑69/13.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:71
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
13 ta’ Frar 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Għajnuna mill-Istat — Sussidju għax-xiri jew għall-kiri ta’ dekoders diġitali — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara skema ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern — Irkupru — Kwantifikazzjoni tal-ammont li għandu jiġi rkuprat — Rwol tal-qorti nazzjonali — Teħid inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-pożizzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tagħha — Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali”
Fil-Kawża C‑69/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale civile di Roma (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Frar 2013, fil-proċedura
Mediaset SpA
vs
Ministero dello Sviluppo economico,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.‑C. Bonichot, u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Novembru 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Mediaset SpA, minn L. Medugno, A. Lauteri, G. Rossi, G. M. Roberti, M. Serpone u I. Perego, avukati, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. De Stefano, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Grespan, B. Stromsky u G. Conte, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Mediaset SpA (iktar ’il quddiem “Mediaset”) u l-Ministero dello Sviluppo economico dwar l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat li r-Repubblika Taljana tat lil Mediaset fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna favur ix-xandara diġitali terrestri li joffru servizzi televiżivi bi ħlas u l-operaturi tat-televiżjoni bil-kejbil bi ħlas, iddikjarata inkompatibbli mas-suq intern permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/374/KE, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar għajnuna mill-istat C 52/2005 (ex NN 88/2005, ex CP 101/2004) li ġiet implimentata mir-Repubblika Taljana bis-sussidju għax-xiri ta’ decoders diġitali (ĠU L 147, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2007/374”). |
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999
3 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) jipprovdi fl-Artikolu 14 tiegħu, intitolat “Rkupru ta’ għajnuna”: “1. Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (minn hawn ’l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni ta’ rkupru’). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità. 2. L-għajnuna li ser tkun rikuperata skont deċiżjoni ta’ rkupru għandha tinkludi l-imgħax f’rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna llegali kienet fid-disposizzjoni tal-benefiċjarju sad-data li fiha kienet irkuprata. 3. Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] skont l-Artikolu [278 TFUE], ir-rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri proviżjonali, mingħajr preġudizzju għall-liġi [tal-Unjoni].” |
Id-Deċiżjoni 2007/374
4 |
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2007/374 jipprovdi: “L-iskema adottata illegalment mir-Repubblika Taljana favur it-trażmettituri [ix-xandara] diġitali terrestri li joffru servizzi televiżivi bi ħlas u lill-operaturi tat-televiżjoni bil-kejbil bi ħlas tikkostitwixxi għajnuna ta’ l-Istat inkumpatibbli mas-suq komuni.” |
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi: “1. Ir-Repubblika Taljana għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1. 2. L-irkupru għandu jseħħ mingħajr telf ta’ żmien u skond il-proċeduri taħt il-liġi nazzjonali, kemm-il darba dawn jippermettu l-implimentazzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-Deċiżjoni. L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-interessi, li jiddekorru mid-data meta l-għajnuna tpoġġiet għad-disposizzjoni tal-benefiċjarji sad-data ta’ l-irkupru tagħhom. 3. L-imgħaxijiet li għandhom jiġu rkuprati skond il-paragrafu 2 għandhom jiġu kkalkulati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 9 u 11 tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ April 2004, li jimplimenta r-Regolament [...] Nru 659/1999 [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3].” |
6 |
L-Artikolu 3 tal-istess deċiżjoni jipprovdi: “Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Repubblika Taljana għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-miżuri li ttieħdu biex tikkonforma magħha. Din l-informazzjoni għandha tingħata permezz tal-kwestjonarju anness ma’ din id‑Deċiżjoni. Fl-istess terminu hawn fuq imsemmi r-Repubblika Taljana għandha tibgħat id‑dokumenti meħtieġa biex turi li tat bidu għall-proċedura ta’ rkupru mingħand il-benefiċjarji ta’ l-għajnuniet illeġittimi u inkumpatibbli.” |
7 |
F’dak li jirrigwarda l-ammonti ta’ għajnuna li kellhom jiġu rkuprati, il-Kummissjoni speċifikat dan li ġej fil-premessi 191 sa 193 tad-Deċiżjoni 2007/374:
|
8 |
Fil-premessi 196 sa 205 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni pprovdiet indikazzjonijiet dwar il-metodu msemmi fil-punt 195 tagħha sabiex tippermetti lir-Repubblika Taljana tiddetermina l-ammonti preċiżi li kellhom jiġu rkuprati. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 |
Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/374, il-Kummissjoni u r-Repubblika Taljana kellhom skambji dwar l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji individwali tal-iskema ta’ għajnuna ddikjarata illegali u dwar il-kwantifikazzjoni tal-ammonti preċiżi li kellhom jiġu rkuprati. |
10 |
B’mod partikolari, permezz ta’ ittra tal-1 ta’ April 2008, il-Kummissjoni approvat il-metodoloġija użata mir-Repubblika Taljana, jiġifieri sondaġġ ta’ opinjoni mwettaq minn Ipsos, sabiex n-numru ta’ utenti addizzjonali li rriżultaw mill-għajnuna inkwistjoni, id-dħul medju għal kull utent u d-dħul addizzjonali. Il-Kummissjoni tat ukoll il-kunsens tagħha fir-rigward tal-konklużjonijiet tar-Repubblika Taljana li TIMedia u Fastweb, benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni, ma kellhomx ikunu suġġetti għall-obbligu ta’ ħlas lura inkwantu l-analiżijiet imwettqa wrew li l-imsemmija impriżi ma wettqu ebda qligħ addizzjonali matul il-perijodu ta’ għoti tal-għajnuna inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, permezz ta’ din l-istess ittra, il-Kummissjoni esprimiet ċerti riżervi dwar l-ispejjeż li setgħu jiġu evitati inkorsi minn Mediaset u għaldaqstant indikat li l-ammont tal-għajnuna li kellu jiġi rkuprat mingħand din tal-aħħar kien jammonta għal EUR 6 844 361. |
11 |
Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni approvat, wara li r-Repubblika Taljana ressqet provi ġodda għall-konjizzjoni tagħha, il-kalkolu l-ġdid tal-ispejjeż li setgħu jiġu evitati mwettaq minn dan l-Istat Membru għal Mediaset, u b’dan il-mod l-ammont tal-għajnuna li kellu jiġi rkuprat fil-konfront tagħha ammonta għal EUR 4 926 543.22. |
12 |
Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Ottubru 2009 li ntbagħtet wara li r-Repubblika Taljana ressqet provi addizzjonali ġodda, il-Kummissjoni ma approvatx il-mudell ekonomiku ġdid adottat minn dan l-Istat Membru għar-raġuni li kien jirreferi għal perijodi differenti għall-imputazzjoni tal-ispejjeż u tad-dħul u li metodoloġija simili kienet diġà twarrbet mill-imsemmi Stat Membru nnifsu. F’din l-ittra, il-Kummissjoni indikat ukoll li, fil-każ li r-Repubblika Taljana ma tirkuprax immedjatament l-għajnuna inkwistjoni mingħand Mediaset, hija tista’ tirrikorri għall-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. |
13 |
Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Novembru 2009, l-awtoritajiet Taljani ordnaw lil Mediaset tħallas l-ammont globali ta’ EUR 5 969 442.12, liema ammont kien jinkludi l-interessi kkalkolati skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999. |
14 |
Fil-11 ta’ Diċembru 2009, wara li ħallset l-ammont mitlub mill-awtoritajiet Taljani, Mediaset ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale civile di Roma għall-annullament tal-imsemmi digriet u għat-tnaqqis tas-somma li kellha tiġi rkuprata, billi invokat, b’mod partikolari, l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterji ta’ kwantifikazzjoni stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/374 u n-natura inkorretta tal-kalkoli magħmula sabiex jiġi ddeterminat il-qligħ addizzjonali ġġenerat mill-għajnuna inkwistjoni. Barra minn hekk, Mediaset talbet li tiġi ordnata perizja ġudizzjarja. |
15 |
Fil-frattemp Mediaset kienet ippreżentat rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni 2007/374 quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-rikors ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali b’sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il‑Kummissjoni (T-177/07, Ġabra p. II-2341). Mediaset ippreżentat appell minn din is-sentenza li ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja b’sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Mediaset vs Il‑Kummissjoni (C‑403/10 P). |
16 |
Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, it-Tribunale civile di Roma ordna perizja, li l-konklużjonijiet tagħha, mogħtija fis-6 ta’ Settembru 2011 mill-kulleġġ ta’ esperti, jinkludu kritiki kemm dwar is-sondaġġ ta’ opinjoni użat sabiex jiġi kkalkolat in-numru ta’ spettaturi addizzjonali attirati mill-offerta ta’ televiżjoni pay per view u mill-istazzjonijiet diġitali ġodda kif ukoll dwar il-mudelli ekonometriċi proposti u użati mill-partijiet fil-kawża prinċipali. Ir-rapport jikkonkludi wkoll li ma ġiex ipprovat li l-preżenza tal-għajnuna inkwistjoni effettivament influwenzat il-bejgħ ta’ dekoders matul il-perijodu eżaminat. Permezz tal-osservazzjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Lulju 2012, il-Ministero dello Sviluppo economio ikkontesta l-konklużjonijiet tal-perizja. |
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale civile di Roma ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
Fil-każ kuntrarju:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
18 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment jekk, sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara skema ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, iżda li ma tidentifikax il-benefiċjarji individwali ta’ din l-għajnuna u ma tiddeterminax l-ammonti preċiżi li għandhom jitħallsu lura, il-qorti nazzjonali hijiex marbuta mhux biss b’din id-deċiżjoni, iżda wkoll bil-pożizzjonijiet meħuda mill-imsemmija istituzzjoni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni li, min-naħa tagħhom, jindikaw preċiżament l-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat mingħand benefiċjarju partikolari. |
19 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-implementazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat hija r-responsabbiltà, minn naħa, tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, tal-qrati nazzjonali, li r-rwoli rispettivi tagħhom huma komplementari iżda distinti (ara s-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
20 |
Bis-saħħa tal-imsemmija sistema, il-Kummissjoni għalhekk għandha kompetenza esklużiva, suġġetta għall-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni, sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et, C-261/01 u C-262/01, Ġabra p. I-12249, punt 75; tal-5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich, C-368/04, Ġabra p. I-9957, punt 38, u Deutsche Lufthansa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28). |
21 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tistabbilixxi l-ammont eżatt tal-għajnuna li għandha titħalla lura meta tordna l-ħlas lura ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern. Huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi informazzjoni li tippermetti lid-destinatarju tagħha jiddetermina dan l-ammont huwa stess, mingħajr wisq diffikultà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C-480/98, Ġabra p. I-8717, punt 25; Mediaset vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 126, u tat-8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, C-81/10 P, Ġabra p. I-12899, punt 102). |
22 |
Fil-fatt, meta tkun affaċċjata bi skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni ġeneralment ma tkunx f’pożizzjoni li tidentifika preċiżament l-ammont ta’ għajnuna li kull wieħed mill-benefiċjarji individwali jkun irċieva u, għaldaqstant, iċ-ċirkustanzi speċifiċi għal wieħed mill-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna jistgħu jiġu evalwati biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2002, C-310/99, Ġabra p. I-2289, punti 89 sa 91). |
23 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, id-deċiżjonijiet għandhom jorbtu fl-intier tagħhom għad-destinatarji speċifikati fihom. Għaldaqstant, l-Istat Membru destinatarju ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tobbligah jirkupra għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern huwa obbligat, bis-saħħa ta’ dan l-artikolu, li jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C-209/00, Ġabra p. I-11695, punt 31, u tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C-404/00, Ġabra p. I-6695, punt 21). Din in-natura obbligatorja torbot lill-korpi kollha tal-Istat destinatarju, inklużi l-qrati tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 1987, Albako Margarinefabrik, 249/85, Ġabra p. 2345, punt 17). |
24 |
Għalkemm id-Deċiżjoni 2007/374, li saret definittiva wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Mediaset vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, hija, għaldaqstant, obbligatorja għar-Repubblika Taljana li hija d-destinatarja tagħha u, fuq din il-bażi, għandha titqies li torbot lill-qorti nazzjonali, l-istess ma jistax japplika għal-ittri li l-Kummissjoni indirizzat sussegwentement lir-Repubblika Taljana fil-kuntest tal-iskambji li saru sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tal-imsemmija deċiżjoni. |
25 |
Fil-fatt, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dawn l-ittri, u b’mod partikolari dawk tal-11 ta’ Ġunju 2008 u tat-23 ta’ Ottubru 2009 li jidentifikaw lil Mediaset bħala benefiċjarja tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u jispeċifikaw ammont eżatt ta’ għajnuna li għandu jiġi rkuprat mingħand din tal-aħħar, ma jikkostitwixxux deċiżjonijiet fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. |
26 |
Għandu jiġi kkonstatat ukoll li tali teħid ta’ pożizzjoni ma huwiex inkluż fost l-atti li jistgħu jiġu adottati abbażi tar-Regolament Nru 659/1999. |
27 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni nfisha rrikonoxxiet, fl-osservazzjonijiet tagħha, li l-pożizzjonijiet meħuda minnha ma kinux intiżi sabiex jikkompletaw jew jibdlu l-kontenut tad-Deċiżjoni 2007/274 u li ma kellhom ebda saħħa vinkolanti. |
28 |
Għaldaqstant, il-pożizzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2007/374 ma jistgħux jitqiesu li jorbtu lill-qorti nazzjonali. |
29 |
Madankollu, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija bbażata fuq obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn, minn naħa, il-qrati nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni, li fil-kuntest tiegħu kull waħda minnhom taġixxi skont ir-rwol mogħti lilha mit-Trattat FUE. Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu l-miżuri ġenerali jew speċifiċi kollha xierqa sabiex jiżguraw l-implementazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u joqogħdu lura minn dawk li jistgħu jipperikolaw il-kisba tal-għanijiet tat-Trattat, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE (ara s-sentenza Deutsche Lufthansa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41). |
30 |
Għalhekk, jekk il-qorti nazzjonali jkollha dubji jew diffikultajiet f’dak li jirrigwarda l-kwantifikazzjoni tal-ammont ta’ għajnuna li għandu jiġi rkuprat, hija dejjem għandha l-possibbiltà li ddur fuq il-Kummissjoni sabiex din tal-aħħar tagħtiha l-għajnuna tagħha skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 89 sa 96 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali (ĠU 2009, C 85, p. 1). |
31 |
Għaldaqstant, għalkemm il-pożizzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni ma jistgħux jorbtu lill-qorti nazzjonali, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn il-punti li jinsabu fl-imsemmi teħid ta’ pożizzjoni, kif ukoll fl-opinjonijiet tal-Kummissjoni eventwalment mitluba mill-qorti nazzjonali fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt preċedenti, huma intiżi sabiex jiffaċilitaw it-twettiq tal-kompitu tal-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni ta’ rkupru, u fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, il-qorti nazzjonali għandha teħodhom inkunsiderazzjoni bħala element ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-kawża li tkun tressqet quddiemha u timmotiva d-deċiżjoni tagħha fid-dawl tal-atti kollha tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati lilha. |
32 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li, għalkemm, sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara skema ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, iżda li ma tidentifikax il-benefiċjarji individwali ta’ din l-għajnuna u ma tiddeterminax l-ammonti preċiżi li għandhom jitħallsu lura, il-qorti nazzjonali hija marbuta b’din id-deċiżjoni, hija min-naħa l-oħra ma hijiex marbuta bil-pożizzjonijiet meħuda mill-imsemmija istituzzjoni fil-kuntest tal-imsemmija deċiżjoni. Madankollu, fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, il-qorti nazzjonali għandha tieħu dan it-teħid ta’ pożizzjoni inkunsiderazzjoni bħala element ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-kawża li tkun tressqet quddiemha. |
Fuq it-tieni u t-tielet domandi
33 |
Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tfittex essenzjalment li ssir taf jekk il-qorti nazzjonali tistax tikkonkludi, meta tiddetermina l-ammonti eżatti tal-għajnuna li għandhom jiġu rkuprati u meta l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni li tiddikjara skema ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern, ma tkunx identifikat il-benefiċjarji individwali tal-għajnuna inkwistjoni u lanqas ma tkun iddeterminat l-ammonti preċiżi li għandhom jitħallsu lura, li l-ammont tal-għajnuna li għandu jitħallas lura huwa ugwali għal żero meta dan jirriżulta mill-kalkoli magħmula abbażi tal-provi rilevanti li jkunu tressqu għall-konjizzjoni tagħha. |
34 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, l-irkupru ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern għandu jsir skont il-modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali, sakemm dawn tal-aħħar ma jwasslux sabiex jirrendu prattikament impossibbli l-irkupru meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni u ma jiksrux il-prinċipju ta’ ekwivalenza mal-proċeduri intiżi sabiex jiġu deċiżi kawżi tal-istess tip, iżda purament nazzjonali (ara s-sentenza Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C-382/99, Ġabra p. I-5163, punt 90). Hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi kawżi li jirrigwardaw dan l-irkupru (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-24 ta’ Lulju 2003, Sicilcassa et, C-297/01, Ġabra p. I-7849, punti 41 u 42). |
35 |
Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punti 22, 23 u 29 ta’ din is-sentenza, billi l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha, ma identifikatx il-benefiċjarji individwali tal-għajnuna inkwistjoni u lanqas ma stabbilixxiet l-ammonti preċiżi tal-għajnuna li għandhom jiġu rkuprati, hija l-qorti nazzjonali, jekk titressaq kawża quddiemha għal dan l-iskop, li għandha tiddeċiedi fuq l-ammont tal-għajnuna li l-irkupru tagħha ġie ordnat mill-Kummissjoni. Kif ġie indikat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, fil-każ ta’ diffikultajiet, il-qorti nazzjonali dejjem għandha l-possibbiltà li ddur fuq il-Kummissjoni sabiex din tal-aħħar tagħtiha l-għajnuna tagħha skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE. |
36 |
Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-kwantifikazzjoni tal-ammont ta’ għajnuna li għandu jiġi rkuprat, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, il-provi rilevanti kollha li jkunu tressqu għall-konjizzjoni tagħha, inklużi l-iskambji li jkunu saru bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali abbażi tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. |
37 |
Għalhekk ma jistax jiġi eskluż li, fid-dawl ta’ dawn il-provi kollha, il-kalkoli magħmula mill-qorti nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-kwantifikazzjoni tal-ammonti ta’ għajnuna li għandhom jitħallsu lura jwasslu għal ammont ugwali għal żero. |
38 |
Barra minn hekk, mill-atti tal-proċess mibgħut mill-qorti nazzjonali jirriżulta li l-Kummissjoni ammettiet espressament, fir-rigward ta’ TIMedia u Fastweb, li ebda ammont ma kellu jiġi rkuprat mingħand dawn iż-żewġ impriżi. |
39 |
Għaldaqstant, u mingħajr ma tqiegħed fid-dubju l-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni jew l-obbligu li titħallas lura l-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern, il-qorti nazzjonali tista’ tistabbilixxi ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat ugwali għal żero sa fejn tali ammont stabbilit jirriżulta direttament mill-operazzjoni ta’ kwantifikazzjoni tas-somom li għandhom jiġu rkuprati. |
40 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun li, mingħajr ma tqiegħed fid-dubju l-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni jew l-obbligu li titħallas lura l-għajnuna inkwistjoni, il-qorti nazzjonali tista’ tikkonkludi, meta tiddetermina l-ammonti eżatti tal-għajnuna li għandhom jiġu rkuprati u meta l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha li tiddikjara skema ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern, ma tkunx identifikat il-benefiċjarji individwali tal-għajnuna inkwistjoni u lanqas ma tkun iddeterminat l-ammonti preċiżi li għandhom jitħallsu lura, li l-ammont tal-għajnuna li għandu jitħallas lura huwa ugwali għal żero meta dan jirriżulta mill-kalkoli magħmula abbażi tal-provi rilevanti li jkunu tressqu għall-konjizzjoni tagħha. |
Fuq l-ispejjeż
41 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.