EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CO0422

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-30 ta’ Jannar 2014.
Industrias Alen SA de CV vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI).
Appell – Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura – Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali CLORALEX – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti CLOROX – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 8(1)(b) – Appell inċidentali – Artikolu 176 tar-Regoli tal-Proċedura – Rekwiżit li jiġi ppreżentat appell inċidentali permezz ta’ att separat.
Kawża C‑422/12 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:57

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

30 ta’ Jannar 2014 ( *1 )

“Appell — Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura — Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali CLORALEX — Trade mark nazzjonali verbali preċedenti CLOROX — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 8(1)(b) — Appell inċidentali — Artikolu 176 tar-Regoli tal-Proċedura — Rekwiżit li jiġi ppreżentat appell inċidentali permezz ta’ att separat”

Fil-Kawża C‑422/12 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-12 ta’ Settembru 2012,

Industrias Alen SA de CV, stabbilita fi Santa Catarina (il-Messiku), irrappreżentata minn A. Padial Martinez, avukat,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

The Clorox Company, stabbilita f’Oakland (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn S. Malynicz, barrister,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund (Relatur), A. Ó Caoimh, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tal-appell tagħha, Industrias Alen SA de CV (iktar ’il quddiem “Alen”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal-10 ta’ Lulju 2012, Clorox vs UASI – Industrias Alen (CLORALEX) (T‑135/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din annullat id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tas-16 ta’ Diċembru 2010 (Każ R 521/2009-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn The Clorox Company (iktar ’il quddiem “Clorox”) u Alen (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it‑trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), tħassar u ġie ssostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), li daħal fis‑seħħ fit-13 ta’ April 2009.

3

Bit-titolu “Raġunijiet relattivi għal rifjut”, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

[...]

b)

jekk minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.”

4

L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 kien redatt bl-istess kliem tad-dispożizzjoni korrispondenti tar-Regolament Nru 207/2009.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5

Fl-24 ta’ Settembru 2004, Alen ippreżentat lill-UASI applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, bħala trade mark Komunitarja, tas-sinjal verbali “CLORALEX”.

6

Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 3, “Preparazzjonijiet għall-ibbliċjar u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ, prodotti għat-tindif, għall-illustrar, għat-tneħħija tax-xaħam u għall-brix (preparazzjonijiet li joborxu); spapen għat-tindif ta’ ġod-dar”, u 5, “Diżinfettanti (mhux għall-użu mill-bniedem)”, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”).

7

Fil-22 ta’ Marzu 2006, Clorox opponiet ir-reġistrazzjoni tal-imsemmi sinjal bħala trade mark Komunitarja. Din l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-eżistenza ta’ trade marks preċedenti li jindikaw prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 3 u 5 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice identiċi għal dawk imsemmija fl-imsemmija applikazzjoni.

8

Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2009, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI laqgħet din l-oppożizzjoni billi qieset li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-regolament Nru 40/94, bejn is-sinjal “CLORALEX” u t-trade mark Griega CLOROX, irreġistrata fid-19 ta’ Jannar 2004, għal prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 3 u 5 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice.

9

Fil-7 ta’ Mejju 2009, Alen ippreżentat appell quddiem l-UASI kontra l-imsemmija deċiżjoni. Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”) annulla l-imsemmija deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u ċaħad l-oppożizzjoni fl-intier tagħha. Il-Bord tal-Appell essenzjalment qies li s-sinjali “CLOROX” u “CLORALEX”, ma jixtibhux biżżejjed mill-perspettiva viżiva, fonetika jew kunċettwali sabiex tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni.

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

10

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Marzu 2011, Clorox ippreżentat azzjoni għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

11

Insostenn tar-rikors tagħha, Clorox invokat motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Hija kkritikat lill-Bord tal-Appell talli qies li l-element “clor” għandu karattru distintiv dgħajjef u talli, konsegwentement, naqas milli jieħdu inkunsiderazzjoni fl-istadju tal-paragun tas-sinjali kunfliġġenti.

12

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors u annullat id-deċiżjoni kkontestata.

13

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali fakkret il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. B’mod partikolari hija rrilevat, fil-punt 17 tas-sentenza appellata, li l-probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti għall-każ inkwistjoni, b’mod partikolari l-interdipendenza tax-xebh tas-sinjali u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi indikati. Sussegwentement, hija ppreċiżat, fil-punt 18 ta’ dik is-sentenza, li probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, tippresupponi kemm identiċità jew xebh tat-trade marks kunfliġġenti kif ukoll identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi indikati minnhom. Fl-aħħar nett, fil-punti 19 u 20 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju, f’dan il-każ Grieg, tal-kategorija ta’ prodotti kkonċernata, informat tajjeb u raġonevolment attent u avżat, filwaqt li ppreċiżat li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni.

14

Wara li kkonstatat li kienu biss il-paragun tas-sinjali u l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni li kienu kontenzjużi, il-Qorti Ġenerali eżaminat, b’mod alternat, kull wieħed minn dawn iż-żewġ elementi.

15

Fir-rigward tat-tqabbil tas-sinjali, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 22 tas-sentenza kkontestata, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma jeżaminax id-diversi dettalji tagħha. Madankollu hija enfasizzat ukoll, fil-punt 27 tal-imsemmija sentenza, li l-konsumatur, meta jipperċepixxi sinjal verbali, jirriduċih f’elementi verbali li, għalih, jissuġġerixxu tifsira konkreta jew jixbhu kliem li huwa jaf. Il-Qorti Ġenerali, fil-punti 29 sa 31 tas-sentenza appellata, laqgħet il-konstatazzjoni, magħmula mill-Bord tal-Appell, tal-karattru distintiv tal-element “clor”, li jiddeskrivi wieħed mill-ingredjenti tal-prodotti indikati mit-trade mark li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha jew li jagħmel parti mill-familja tal-prodotti tat-tindif.

16

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kritika ta’ Clorox li tgħid li l-Bord tal-Appell seta’ jieħu inkunsiderazzjoni l-karattru distintiv dgħajjef tal-element “clor” biss fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Hija rrilevat, fil-punt 33 tas-sentenza appellata, li Clorox żbaljat meta invokat il-punt 42 tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ April 2006, L’Oréal vs UASI (C‑235/05 P), li jipprovdi li l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti ma huwiex rilevanti fil-kuntest tal-paragun tas-sinjali inwistjoni, peress li din ir-regola tikkonċerna l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti fl-intier tagħha u mhux il-karattru distintiv ta’ element ta’ din l-aħħar trade mark.

17

Madankollu hija qieset, fil-punti 34 u 35 tas-sentenza kkontestata, li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, lanqas ma kien hemm lok li jiġi eskluż it-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi deskrittivi matul l-eżami tax-xebh tas-sinjali inwistjoni, peress li l-karattru distintiv dgħajjef ta’ element ta’ trade mark mhux bilfors jimplika li dan tal-aħħar ma huwiex ser jittieħed inkunsiderazzjoni mill-pubbliku rilevanti. Hija ddeċidiet li dan ma kienx il-każ fil-każ inkwistjoni u dan billi enfasizzat, fil-punt 36 tal-imsemmija sentenza, li l-element komuni “clor” jiddetermina, ġeneralment, l-impressjoni globali prodotta miż-żewġ sinjali kunfliġġenti. Minn dan hija ddeduċiet, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta injora, fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, l-element verbali komuni “clor”, matul it-tqabbil tas-sinjali kunfliġġenti.

18

Il-Qorti Ġenerali għalhekk eżaminat jekk dan l-iżball kellux effett fuq l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni mill-Bord tal-Appell.

19

Fir-rigward tat-tqabbil viżiv tas-sinjali kunfliġġenti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, xebh viżiv qawwi li, kuntrarjament għal dak li qies il-Bord tal-Appell, ma jistax jiġi kkontrobilanċjat, b’mod sinjifikattiv, bid-differenza bejn iż-żewġ trade marks. Għaldaqstant hija qieset li l-Bord tal-Appell żbalja meta kkonkluda li hemm xebh viżiv dgħajjef.

20

Fil-punt 40 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet konstatazzjoni simili fir-rigward tax-xebh fonetiku.

21

Fl-aħħar nett, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, kuntrarjament għall-Bord tal-Appell, li l-karattru deskrittiv tar-riferiment għal prodotti tat-tindif li fihom il-kloru ma jipprekludix milli ssir konstatazzjoni ta’ xi xebh kunċettwali bejn it-trade marks kunfliġġenti.

22

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, li jeżistu żbalji min-naħa tal-Bord tal-Appell fl-eżami tax-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali bejn it-trade marks kunfliġġenti. Konsegwentement, hija eżaminat l-effett ta’ dawn l-iżbalji fuq l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell billi bbażat ruħha fuq il-konstatazzjoni li t-trade marks inkwistjoni huma medjament simili fuq il-pjan viżiv u fonetiku u simili ħafna fuq il-pjan kunċettwali.

23

B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-livell ta’ xebh medju, u saħansitra għoli, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u t-trade mark preċedenti, minkejja l-fatt li t-trade mark preċedenti, evalwata globalment, ma hijiex partikolarment distintiva. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali laqgħet il-motiv u annullat id-deċiżjoni kkontestata.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24

Permezz tal-appell tagħha, Alen titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

25

L-UASI, permezz ta’ appell inċidentali, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tiċħad ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata jew tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali u tikkundanna lil Clorox għall-ispejjeż.

26

Clorox titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil Alen għall-ispejjeż.

Fuq l-appell prinċipali

27

Skont l-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell ikun, kompletament jew parzjalment, manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara r-rapport tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiċħad l-appell permezz ta’ digriet motivat, u dan mingħajr ma tagħti bidu għall-proċedura orali.

28

Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata f’din il-kawża.

29

Insostenn tal-appell tagħha, Alen tinvoka essenzjalment aggravju wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

30

Fl-ewwel lok, Alen jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ħadet inkunsiderazzjoni l-element deskrittiv “clor” fil-paragun globali tas-sinjali “CLOROX” u “CLORALEX”, filwaqt li dan l-element huwa pperċepit mill-pubbliku bħala riferiment għall-kloru u mhux għat-trade mark fl-intier tagħha.

31

Alen tqis li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali hija illoġika u żbaljata. Hija ssostni li ma jistax ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn żewġ trade marks li l-uniċi elementi tagħhom li jixxiebhu huma deskrittivi, minbarra l-aħħar ittra tagħhom. Barra minn hekk, il-preżenza ta’ elementi deskrittivi fi trade mark tipprojbixxi lill-proprjetarju tagħhom milli jinvoka dawn l-elementi kontra trade marks terzi. Alen tqis li s-soluzzjoni inversa twassal sabiex tagħti monopolju lill-proprjetarju tat-trade mark fuq sinjal deskrittiv. Issa, l-użu jew ir-reġistrazzjoni ta’ element deskrittiv ta’ prodott bħalma huwa l-kloru ma jistax jixxekkel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2004, Grupo El Prado Cervera vs UASI — Héritiers Debuschewitz (CHUFAFIT), T-117/02, Ġabra p. II-2073, punti 50 sa 53).

32

Fit-tieni lok, Alen tikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tat-tqabbil viżiv, fonetiku u kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti.

33

Fit-tielet lok, Alen tikkontesta l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni.

34

Alen qabelxejn tqis li tali probabbiltà ma teżistix, peress li:

l-impressjoni globali taż-żewġ trade marks hija differenti;

l-elementi distintivi huma differenti;

“CLORALEX” huwa sinjal distintiv li ma jistax jiġi konfuż ma’ “CLOROX” minħabba li dawn is-sinjali għandhom l-istess element deskrittiv, u

is-suffiss “alex” huwa dejjem dominanti meta mqabbel mas-suffiss “ox”.

35

Sussegwentement, Alen issostni li jeżistu għadd ta’ eżempji ta’ trade marks oħra għall-klassijiet 3 u 5 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice li fihom is-sinjal “clor”.

36

Fl-aħħar nett, Alen issostni li hija kkonkludiet ftehim ta’ koeżistenza ta’ trade marks ma’ Clorox, liema fatt juri li din tal-aħħar ukoll tqis li ma hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti.

37

Madankollu, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għall-punti ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tagħhom, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI, C-104/00 P, Ġabra p. I-7561, punt 22, u tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C-16/06 P, Ġabra p. I-10053, punt 68).

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tax-xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti hija analiżi ta’ natura fattwali li ma hijiex suġġetta, minbarra fil-każ ta’ żnaturament imsemmi iktar ’il fuq, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Calvin Klein Trademark Trust vs UASI, C-254/09 P, Ġabra p. I-7989, punt 50). Issa, permezz tal-argumenti tagħha relattivi għall-assenza ta’ xebh tas-sinjali kunfliġġenti fuq il-pjan viżiv, fonetiku u kunċettwali, kulma tagħmel Alen huwa li tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti li wettqet il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tallega ebda żnaturament tal-fatti jew tal-provi.

39

Għandu wkoll jitfakkar li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll mill-Artikolu 112(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ qabel id-data tal-preżentata tal-appell, jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kritiċi tas-sentenza li tagħha qiegħed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jappoġġjaw din it-talba b’mod speċifiku (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 34, kif ukoll id-digriet tat-23 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Potamianos u Potamianos vs Il‑Kummissjoni, C‑561/08 P u C‑4/09 P, punt 58).

40

L-argumenti ta’ Alen dwar in-natura illoġika u żbaljata tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali kif ukoll dwar ir-reġistrazzjoni ta’ trade marks verbali li fihom l-element “clor” u dwar l-eżistenza ta’ kuntratti bejn Alen u Clorox ma jindikawx b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata u lanqas l-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament inammissibbli.

41

Għaldaqstant, huwa biss sa fejn l-appell ta’ Alen jissodisfa l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 37 u 39 ta’ dan id-digriet li hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-mertu.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, awditiv jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni, tiġi bbażata fuq l-impressjoni globali prodotta minnhom, b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-elementi distintivi u dominanti tagħhom (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 23; tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 25; tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C-334/05 P, Ġabra p. I-4529, punt 35, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Aceites del Sur‑Coosur/Koipe, C-498/07 P, Ġabra p. I-7371, punt 60).

43

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tillimita ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni biss komponent ta’ trade mark kumplessa u li tqabblu ma’ trade mark oħra, iżda li hemm lok li jsir tqabbil billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni kkunsidrati, kull waħda minnhom, fl-intier tagħha (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2005, Medion, C-120/04, Ġabra p. I-8551, punt 29; UASI vs Shaker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u Aceites del Sur‑Coosur vs Koipe, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

44

Ċertament, f’ċerti ċirkustanzi, l-impressjoni globali prodotta f’moħħ il-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’ tkun dominata minn komponent wieħed jew iktar tat-trade mark, b’mod li, jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli, l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir abbażi tal-element dominanti biss (ara s-sentenzi UASI vs Shaker, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 u 42; tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, punti 42 u 43, kif ukoll Aceites del Sur-Coosur vs Koipe, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62). Madankollu, minn din il-ġurisprudenza dwar sitwazzjonijiet eċċezzjonali ma jistax jiġi dedott li huwa biss l-element distintiv ta’ trade mark komposta minn element deskrittiv u minn element distintiv li huwa deċiżiv għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni (digriet tal-15 ta’ Jannar 2010, Messer Group vs Air Products and Chemicals, C‑579/08 P, punt 72).

45

Għandu wkoll jitfakkar li l-konstatazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni twassal biss għall-protezzjoni ta’ ċerta kombinazzjoni ta’ elementi mingħajr madankollu ma tipproteġi, bħala tali, element deskrittiv li jagħmel parti minn din il-kombinazzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet Messer Group vs Air Products and Chemicals, iċċitat iktar ’il fuq, punt 73).

46

Konsegwentement, huma manifestament infondati l-kritiki ta’ Alen kontra t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ element deskrittiv li jagħmel parti mill-kompożizzjoni tas-sinjal li tiegħu qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni.

47

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-appell prinċipali għandu jiġi miċħud, parzjalment, bħala manifestament inammissibbli u, parzjalment, bħala manifestament infondat.

Fuq l-appell inċidentali

48

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012, kull parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li jkollha interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud tista’ tippreżenta risposta għall-appell f’terminu ta’ xahrejn li jiddekorri min-notifika tal-appell. L-Artikolu 176(1) ta’ dawn ir-regoli barra minn hekk jipprovdi li l-partijiet imsemmija f’dan l-Artikolu 172 jistgħu jippreżentaw appell inċidentali fl-istess terminu bħal dak previst għall-preżentata tar-risposta. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 176(2) tal-imsemmija regoli jipprevedi li l-appell inċidentali għandu jsir permezz ta’ att separat, distint mir-risposta.

49

F’dan il-każ, l-UASI ppreżenta, fid-29 ta’ Novembru 2012, fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja nota, bl-isem ta’ “Risposta”, li permezz tagħha dan l-uffiċċju ddikjara li japprova r-raġunament u t-talbiet ta’ Alen.

50

Barra minn hekk, f’din l-istess nota, l-UASI żviluppa erba’ aggravji addizzjonali.

51

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta qieset, fil-punt 35 tas-sentenza appellata, li l-element “clor” għandu pożizzjoni awtonoma fl-impressjoni globali prodotta mit-trade marks kunfliġġenti.

52

It-tieni motiv huwa bbażat fuq assenza ta’ motivazzjoni, billi s-sentenza appellata ma tagħti ebda raġuni li tispjega għal liema motiv il-Qorti Ġenerali qieset li s-suffissi “alex” u “ox”, fihom infushom, ma jistgħux jikkaratterizzaw is-sinjali kunfliġġenti fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti.

53

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żnaturament tal-fatti meta l-Qorti Ġenerali, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, indikat li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta ma ħax inkunsiderazzjoni l-element verbali komuni “clor” waqt it-tqabbil tas-sinjali kunfliġġenti. Din il-konstatazzjoni mill-Qorti Ġenerali hija kontradetta mill-punti 19 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħhom il-Bord tal-Appell effettivament ħa inkunsiderazzjoni l-element verbali “clor” waqt it-tqabbil tas-sinjali.

54

Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi matul l-eżami tax-xebh tat-trade marks kunfliġġenti. L-UASI jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma għamlitx evalwazzjoni globali tat-trade marks kunfliġġenti sabiex tevalwa l-probabbiltà ta’ konfużjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata b’kontradizzjoni ta’ motivi billi asserixxiet, fil-punt 39 tagħha, li jeżisti xebh viżiv kbir bejn it-trade marks kunfliġġenti u billi kkunsidrat, fil-punt 43 tal-imsemmija sentenza, li t-trade marks kunfliġġenti huma biss “moderatament simili fuq il-pjan viżiv”. Issa, sinjali li ftit li xejn huma distintivi jistgħu biss jagħtu lok għal probabbiltà ta’ konfużjoni dgħajfa. Il-Qorti Ġenerali rrifjutat ir-reġistrazzjoni tat-trade mark CLORALEX billi bbażat ruħha fuq il-bażi ta’ element “clor” li huwa deskrittiv, u dan jammonta għal għoti, lil Clorox, ta’ monopolju fuq dan l-element u jwassal sabiex terzi jiġu pprojbiti milli jużawh għall-prodotti tat-tindif.

55

Għandu jiġi kkonstatat li dawn l-erba’ aggravji huma intiżi għall-annullament tas-sentenza appellata u huma differenti minn dawk invokati fl-appell prinċipali, li fir-risposta tiegħu, l-UASI jiddikjara li jaqbel magħhom. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ dawn l-aggravji, l-UASI ppreżenta appell inċidentali. Issa, dan ma ġiex ippreżentat permezz ta’ att separat, distint mir-risposta. Għalhekk, dan ma jissodisfax il-ħtieġa prevista fl-Artikolu 176(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Konsegwentement, l-appell inċidentali tal-UASI għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

56

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq jirriżulta li l-appell prinċipali u l-appell inċidentali għandhom, b’applikazzjoni tal-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura, jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

Fuq l-ispejjeż

57

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi Clorox talbet li Alen tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress illi din tal-aħħar tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tħallas, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk esposti minn Clorox.

58

Billi l-UASI tilef ukoll, hemm lok li jiġi deċiż li dan għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tordna:

 

1)

L-appell prinċipali u l-appell inċidentali huma miċħuda.

 

2)

Industrias Alen SA de CV hija kkundannata tħallas, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti minn The Clorox Company.

 

3)

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Fuq