EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CJ0036

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-22 ta’ Mejju 2014.
Armando Álvarez SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq ta’ boroż industrijali tal-plastik — Imputabbiltà lill-kumpannija parent tal-ksur imwettaq mis-sussidjarja — Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża C‑36/12 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:349

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

22 ta’ Mejju 2014 ( *1 )

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq ta’ boroż industrijali tal-plastik — Imputabbiltà lill-kumpannija parent tal-ksur imwettaq mis-sussidjarja — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża C‑36/12 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fl-24 ta’ Jannar 2012,

Armando Álvarez SA, stabbilita f’Madrid (Spanja) irrappreżentata minn M. Troncoso Ferrer, E. Garayar Gutiérrez u C. Ruixo Claramunt, avukati,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castilla Contreras u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Borg Barthet, President tal-Awla, E. Levits, u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2014,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Armando Álvarez SA titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Álvarez vs Il‑Kummissjoni (T‑78/06, EU:T:2011:673, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni C(2005) 4634 finali tal-Kummissjoni, tat-30 Novembru 2005, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [81 KE] (Każ COMP/F/38.354 — Boroż industrijali ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”), kif ukoll l-annullament jew, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-multa li kienet imposta fuqha permezz ta’ din id-deċiżjoni.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u għad-deċiżjoni inkwistjoni

2

L-appellanti hija kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita taħt id-dritt Spanjol, li żviluppat diversi attivitajiet industrijali fis-setturi tal-manifattura ta’ krietel tal-azzar, tal-karpenterija industrijali u tal-bejgħ tal-injam. Hija għandha diversi sussidjarji, fosthom Plásticos Españoles SA (ASPLA) (iktar ’il quddiem “ASPLA”), li tagħha kellha 98.6 % tal-kapital fl-2002.

3

F’Novembru 2001, il-kumpannija British Polythene Industries plc, informat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal-boroż industrijali (iktar ’il quddiem l-“akkordju”).

4

Wara li wettqet numru ta’ verifiki matul Ġunju 2002, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura amministrattiva fid-29 ta’ April 2004 u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-konfront ta’ diversi kumpanniji, li fosthom kien hemm, b’mod partikolari, ASPLA u l-appellanti.

5

Fit-30 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni, li l-Artikolu 1(1)(j) tagħha jipprovdi li ASPLA u l-appellanti kienu kisru l-Artikolu 81 KE meta pparteċipaw, mit-8 ta’ Marzu 1991 sas-26 ta’ Ġunju 2002, f’numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-boroż tal-plastik industrijali fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi, li kienu jikkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet u l-implementazzjoni ta’ mudelli komuni għall-kalkolu tal-prezzijiet, il-qsim tas-swieq u l-attribuzzjoni ta’ kwoti tal-bejgħ, it-tqassim tal-klijenti, tan-negozju u tal-ordnijiet, is-sottomissjoni miftiehma għal ċerti sejħiet għal offerti u l-iskambju ta’ informazzjoni individwalizzata.

6

Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni imponiet fuq ASPLA u fuq l-appellanti, fil-punt h tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inkwistjoni, multa ta’ EUR 42 miljun, li għal ħlas tiegħu dawn iż-żewġ kumpanniji ġew ikkunsidrati responsabbli in solidum.

Is-sentenza appellata

7

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Frar 2006, l-appellanti ppreżentat kawża kontra d-deċiżjoni inkwistjoni. F’dan ir-rikors, hija talbet, essenzjalment, l-annullament ta’ din id-deċiżjoni sa fejn tikkonċernaha jew sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha mill-Kummissjoni.

8

Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti invokat motiv uniku, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti u ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza kif ukoll tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża.

9

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni inkwistjoni, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

11

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

12

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tas-Sitt Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 2013, il-proċedura dwar dan l-appell ġiet sospiża sat-terminu tal-proċedura fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi Gascogne Sack Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑40/12 P, EU:C:2013:768), Kendrion vs Il‑Kummissjoni (C‑50/12 P, EU:C:2013:771) u Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni (C‑58/12 P, EU:C:2013:770). Il-proċedura tkompliet wara li ngħataw dawn is-sentenzi fis-26 ta’ Novembru 2013.

Fuq l-appell

Dwar l-aggravju invokat prinċipalment

L-argumenti tal-partijiet

13

Fis-sentenza appellata, l-appellanti argumentat li, il-Qorti Ġenerali kkunsidratha responsabbli għall-ksur ikkonstatat billi bbażat ruħha fuq żewġ aggravji li ma jidhrux fid-deċiżjoni inkwistjoni. L-ewwel nett, fil-punti 38 u 39 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ikkunsidrat li l-provi prodotti mill-Kummissjoni jistabbilixxu s-sehem dirett tal-appellanti fl-akkordju, li ma jirriżultax mill-premessi tad-deċiżjoni inkwistjoni. It-tieni nett, fil-punt 35 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment għall-preżunzjoni li l-appellanti, bħala kumpannija parent li għandha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha, jiġifieri ASPLA, kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar, filwaqt li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq din il-preżunzjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni.

14

Billi bbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq dawn iż-żewġ raġunijiet, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti, li ma kinitx f’pożizzjoni li tiddefendi lilha nnifisha mill-allegazzjonijiet li ma jinsabux fid-deċiżjoni inkwistjoni.

15

Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa infondat. Fid-deċiżjoni inkwistjoni, ir-responsabbiltà tal-appellanti hija bbażata b’mod ċar fuq il-preżunzjoni li din tal-aħħar, bħala kumpannija parent, eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. Kien biss b’mod komplementari li din id-deċiżjoni stabbilit l-indizji dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ din l-influwenza tal-appellanti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

16

Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi irrilevat li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni għamlet riferiment espliċitu, fil-premessa 580 tad-deċiżjoni kontenzjuża, għall-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja miżmuma 100 % minnha qabel ma indikat, fil-premessa 584 ta’ din id-deċiżjoni, li dan l-approċċ kien ser jidħol fid-dettall każ b’każ għal kull impriża kkonċernata (ara s-sentenza Kendrion vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2013:771, punt 28).

17

Fil-premessi tad-deċiżjoni inkwistjoni ddedikati għal ASPLA u għall-appellanti, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, fakkret, fil-premessa 669 ta’ din id-deċiżjoni, li l-appellanti kellha 98.6 % tal-kapital ta’ ASPLA. It-tieni nett, hija indikat, fil-premessa 671 tal-istess deċiżjoni, li jidher li l-appellanti kienet involuta wisq mill-qrib fid-direzzjoni operazzjonali ta’ ASPLA. Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, il-Kummissjoni semmiet, fil-premessi 672 sa 676 tal-imsemmija deċiżjoni, provi, diskussi matul il-proċedura bil-miktub, dwar il-preżenza tal-ogħla diretturi tal-appellanti f’minn tal-inqas 22 laqgħa tal-kumpanniji parteċipanti fl-akkordju kif ukoll fit-trażmissjoni, mill-inqas apparentement, ta’ rapporti mogħtija f’laqgħat oħra mir-rappreżentanti ta’ ASPLA lid-diretturi tal-appellanti.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 35 tas-sentenza appellata, li, abbażi tal-ġurisprudenza dwar il-kundizzjonijiet li fihom kumpannija parent hija preżunta li teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja, il-Kummissjoni kienet intitolata li tippreżumi li l-appellanti eżerċitat, fid-dawl tas-sehem ta’ 98.6 % li hija għandha mill-kapital ta’ ASPLA, influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar.

19

Barra dan, l-appellanti ma setgħetx issostni b’mod utli li hija ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha fil-konfront tal-użu tal-imsemmija preżunzjoni mill-Kummissjoni. Fil-fatt, jirriżulta mir-rikors promotur quddiem il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari mill-punt 19 tiegħu, li hija ammettiet l-eżistenza ta’ din il-preżunzjoni, anki jekk hija kkontestat il-legalità fir-rigward tal-preżunzjoni ta’ innoċenza. L-argumenti tagħha fuq dan il-punt ġew għalhekk eżaminati fil-punti 22 sa 29 tas-sentenza appellata u miċħuda fil-punt 30 tagħha.

20

Il-Qorti Ġenerali kienet ukoll korretta meta, fil-punti 36 u 37 tas-sentenza appellata, eżaminat l-argumenti invokati mill-appellanti sabiex tirrifjuta l-preżunzjoni ta’ kontroll effettiv li jirriżulta mir-rabtiet ta’ kapital li jeżistu bejn l-appellanti u s-sussidjarja tagħha, preżunzjoni li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali indikat ir-raġunijiet li minħabba fihom l-ebda minn dawn l-argumenti ma setgħu, skontha, jiġu aċċettati.

21

Il-punti 38 u 39 tas-sentenza appellata jaqgħu fl-istess stadju tar-raġunament żviluppat mill-Qorti Ġenerali u l-portata tagħhom għandha tiġi evalwata inkunsiderazzjoni tal-ordni loġika ta’ dan ir-raġunament.

22

Fil-punt 38 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-preżenza, f’diversi laqgħat tal-impriżi li kienu qed jieħdu sehem fl-akkordju, tal-ogħla diretturi tal-appellanti kif ukoll il-fatt li din tal-aħħar żammet ruħha informata dwar laqgħat oħrajn permezz ta’ rapporti stabbiliti mir-rappreżentanti ta’ ASPLA kien biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li hija kienet direttament involuta fid-diskussjonijiet li saru fl-akkordju. Fil-punt 39 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-fatt li r-rappreżentanti tal-appellanti ma kinux, skont din tal-aħħar, ingħataw mandat biex jipparteċipaw fl-akkordju kienet irrilevanti.

23

Kuntrarjament għal dak li qed targumenta l-appellanti, dawn l-evalwazzjonijiet ma għandhomx jiġu interpretati bħala indikazzjoni min-naħa tagħha ta’ raġuni ġdida ta’ responsabbiltà li timplika sehem dirett fl-akkordju. Fil-fatt, f’dan l-istadju tar-raġunament tagħha, il-Qorti Ġenerali sempliċement evalwat ir-rilevanza u l-plawsibbiltà tal-argumenti invokati mill-appellanti sabiex tirrifjuta l-imsemmija preżunzjoni kif ukoll l-indizji supplimentari li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li din il-kumpannija eżerċitat influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-provi li ġew sottomessi lilha, il-Qorti Ġenerali setgħet leġittimament tenfasizza s-saħħa probatorja li kellha, fil-fehma tagħha, tiġi mogħtija lill-indizju mressaq mill-Kummissjoni, li kien hemm sovrapożizzjoni tal-organi diretturi taż-żewġ kumpanniji, mingħajr ma din l-evalwazzjoni tbiddel il-bażi tar-responsabbiltà imputata lill-appellanti.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellanti ma għandha l-ebda raġuni li ssostni li hija ma setgħetx teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha fil-konfront tal-imputazzjoni kontrieha ta’ raġuni ġdida ta’ responsabbiltà.

25

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-aggravju invokat prinċipalment mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi miċħud.

Dwar l-aggravju invokat sussidjarjament

L-argumenti tal-partijiet

26

L-appellanti argumentat li l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi abbażi ta’ raġunijiet mhux invokati mill-partijiet fil-kawża wassal għal nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-allegazzjonijiet effettivament imressqa fir-rikors promotur, biex b’hekk ir-raġunament żviluppat fis-sentenza appellata hija vvizzjata minn inkonsistenza u nuqqas ta’ motivazzjoni.

27

Skont l-appellanti, filwaqt li l-Kummissjoni ma rreferiet, fil-każ tagħha, għall-ebda preżunzjoni li tgħid li kumpannija parent hija responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha, is-sempliċi prova invokata sabiex tiġi stabbilita l-influwenza tagħha fuq is-sussidjarja tagħha kienet, minbarra is-sehem tagħha fil-kapital ta’ din tal-aħħar, l-identiċità parzjali tad-diretturi fil-bordijiet taż-żewġ kumpanniji. Quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti kienet argumentat li din il-prova hija insuffiċjenti u li kienet se tibbaża ruħha fuq raġunijiet oħra sabiex tirrifjuta r-responsabbiltà li ġiet imputata lilha fil-kuntest tal-akkordju. Madankollu, il-Qorti Ġenerali naqset milli b’xi mod tevalwa dawn l-argumenti.

28

Skont il-Kummissjoni, dan l-aggravju invokat sussidjarjament huwa infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-aggravju invokat mill-appellanti sussidjarjament huwa bbażat fuq il-premessa li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha, fid-deċiżjoni inkwistjoni, fuq il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha li tagħha għandha t-totalità jew kważi t-totalità tal-kapital. Kif ukoll li jirriżulta mill-punti 16 sa 19 ta’ din is-sentenza, din il-premessa hija żbaljata.

30

Barra minn hekk, jirriżulta minn punti 20 sa 22 ta’ din is-sentenza li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata, f’dak li jikkonċerna l-eżami tal-argumenti li hija invokat sabiex tirrifjuta l-preżunzjoni li hija eżerċitat influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha, ma hija ivvizzjata b’ebda inkoerenza.

31

Sa fejn l-appellanti ssostni, fil-kuntest tal-aggravju sussidjarju tagħha, li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni billi ma rrispondietx għal kull wieħed mill-argumenti li hija invokat sabiex tirrifjuta l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, li huwa impost fuq il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ma jeħtieġx li din tagħti rapport li jsegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha mfissra mill-partijiet fil-kawża. (is-sentenza Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2013:770, punt 37).

32

Il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti tal-appellanti fil-punti 36 u 37 tas-sentenza appellata. Jekk iċ-ċaħda ta’ wħud minn dawn l-argumenti, bħal dawk ibbażati fuq in-natura tal-attivitajiet industrijali taż-żewġ kumpanniji, il-valur ekonomiku tagħhom, l-użu tal-managers esterni u tad-dritt tal-kumpanniji Spanjol, kienu biss is-suġġett ta’ motivazzjoni qasira, minn dan ma jirriżultax lanqas li din tal-aħħar hija biżżejjed sabiex tippermetti lill-appellanti tkun taf ir-raġunijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, jirriżulta minn dawn il-punti li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dawn l-elementi ma humiex ta’ natura li joħolqu dubju fis-saħħa probatorja tal-provi, bħalma huma r-rwol tal-ogħla diretturi tal-appellanti f’dak li jikkonċerna l-funzjonament taż-żewġ kumpanniji u l-effetti prattiċi tal-kompożizzjoni kważi identika tal-bordijiet tad-diretturi tagħhom, li l-Kummissjoni invokat sabiex issostni l-preżunzjoni li, fid-dawl tal-fatt li l-appellanti kellha kważi t-totalità tal-kapital ta’ ASPLA, l-appellanti setgħet tiġi preżunta li kienet teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha.

33

Sa fejn l-appellanti tixtieq tikkontesta l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-fatti u tal-provi prodotti quddiemha, għandu jitfakkar li, salv f’każ ta’ ksur tar-regoli tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova kif ukoll ta’ żnaturament tal-imsemmijin dokumenti, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ dritt li għandha tiġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza FLSmidth vs Il‑Kummissjoni, C‑238/12 P, EU:C:2014, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-aggravju invokat sussidjarjament mill-appellanti għandu jiġi miċħud.

35

Peress li ebda wieħed miż-żewġ aggravji invokati mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha ma jista’ jintlaqa’, dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

36

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

37

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet, hemm lok li l-appellanti tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan l-appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Armando Álvarez SA hija kkundannata għall-ispejjeż ta’ dan l-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Fuq