Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CJ0035

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-22 ta’ Mejju 2014.
    Plásticos Españoles SA (ASPLA) vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-boroż industrijali tal-plastik — Ksur uniku u kontinwat.
    Kawża C‑35/12 P.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:348

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    22 ta’ Mejju 2014 ( *1 )

    “Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-boroż industrijali tal-plastik — Ksur uniku u kontinwat”

    Fil-Kawża C‑35/12 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-24 ta’ Jannar 2012,

    Plásticos Españoles SA (ASPLA), stabbilita f’Torrelavega (Spanja), irrappreżentata minn E. Garayar Gutiérrez, M. Troncoso Ferrer u E. Abril Fernández, avukati,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castilla Contreras u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn A. Borg Barthet, President tal-Awla, E. Levits u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2014,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Bl-appell tagħha, Plásticos Españoles SA (ASPLA) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ASPLA vs Il-Kummissjoni (T‑76/06, EU:T:2011:672, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors ta’ ASPLA intiż għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2005) 4634 finali, tat-30 ta’ Novembru 2005, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [81 KE] (Każ COMP/F/38.354 – Boroż industrijali) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), kif ukoll għall-annullament jew, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-multa imposta fuqha permezz ta’ din id-deċiżjoni.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

    2

    L-appellanti hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Spanjol, li tipproduċi u tbigħ sa mill-1982 gamma wiesgħa ta’ prodotti magħmula mill-plastik, fosthom boroż industrijali. Hija s-sussidjarja ta’ Armando Álvarez SA (iktar ’il quddiem, “Armando Álvarez”), kumpannija rregolata mid-dritt Spanjol li kellha 98.6 % mill-kapital tal-appellanti fl-2002.

    3

    F’Novembru 2001, British Polythene Industries plc informat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bl-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal-boroż industrijali (iktar ’il quddiem l-“akkordju”).

    4

    Wara li wettqet numru ta’ verifiki matul Ġunju tal-2002, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura amministrattiva fid-29 ta’ April 2004 u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-konfront ta’ diversi kumpanniji, li fosthom kien hemm, b’mod partikolari, l-appellanti u Armando Álvarez.

    5

    Fit-30 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li l-Artikolu 1(1)(j) tagħha jipprovdi li l-appellanti u Armando Álvarez kisru l-Artikolu 81 KE meta pparteċipaw, mit-8 ta’ Marzu 1991 sas-26 ta’ Ġunju 2002, f’numru ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-boroż tal-plastik industrijali fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi, li kienu jikkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet u l-implementazzjoni ta’ mudelli komuni għall-kalkolu tal-prezzijiet, it-taqsim tas-swieq u l-attribuzzjoni ta’ kwoti tal-bejgħ, it-tqassim tal-klijenti, tan-negozju u tal-ordnijiet, is-sottomissjoni miftiehma għal ċerti sejħiet għal offerti u l-iskambju ta’ informazzjoni individwalizzata.

    6

    Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni imponiet fuq l-appellanti u fuq Armando Álvarez, fil-punt h tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża, multa ta’ EUR 42 miljun, li għall-ħlas tagħha dawn iż-żewġ kumpanniji nżammu responsabbli in solidum.

    Is-sentenza appellata

    7

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Frar 2006, l-appellanti ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża. F’dan ir-rikors, hija talbet, essenzjalment, l-annullament ta’ din id-deċiżjoni sa fejn kienet tikkonċernaha jew, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha mill-Kummissjoni.

    8

    Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti invokat ħames motivi. L-ewwel tliet motivi kienu jikkonċernaw elementi fattwali għaliex kienu bbażati fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti relatati, fl-ewwel lok, mal-portata tal-aġir tal-appellanti, fit-tieni lok, mad-definizzjoni tas-suq ta’ prodotti u tas-suq ġeografiku inkwistjoni kif ukoll, fit-tielet lok, mal-partijiet tas-suq li servew bħala bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-multi. Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn il-Kummissjoni kienet ikklassifikat il-ksur bħala uniku u kontinwat. Il-ħames motiv kien ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kalkolu tal-multi kif ukoll tal-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ proporzjonalità tal-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti.

    9

    Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.

    It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    10

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tannulla s-sentenza appellata;

    sussidjarjament, tnaqqas kunsiderevolment l-ammont tal-multa imposta fuqha mill-Kummissjoni; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    11

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad l-appell; u

    tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    12

    B’deċiżjoni tal-President tas-Sitt Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Mejju 2013, il-proċedura relatata ma’ dan l-appell ġiet sospiża sat-tmiem tal-proċedura fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑40/12 P, EU:C:2013:768), Kendrion vs Il-Kummissjoni (C‑50/12 P, EU:C:2013:771) u Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (C‑58/12 P, EU:C:2013:770). Il-proċedura tkompliet wara li ngħataw dawn is-sentenzi fis-26 ta’ Novembru 2013.

    Fuq l-appell

    Fuq l-ewwel aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    13

    L-appellanti ssostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żbalji f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti u l-konklużjonijiet li ġew dedotti minnhom dwar l-applikazzjoni, fir-rigward tagħha, tal-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat.

    14

    Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punti 30, 31 u 33 tas-sentenza appellata, tliet żbalji f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur relatat mas-settur tal-boroż imsejħa “b’ħalq miftuħ”. Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha f’dan ir-rigward fuq sempliċi preżunzjonijiet, meta l-indizji disponibbli, jiġifieri n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħha fid-diskussjonijiet fuq il-livell reġjonali li matulhom ġew ittrattati l-kwistjonijiet relatati ma’ dawn il-boroż, mhux biss kienu jqajmu dubji rigward il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, iżda kienu wkoll jissuġġerixxu li hija ma kinitx ipparteċipat fih.

    15

    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali żbaljat ukoll meta qieset li l-appellanti pparteċipat fil-ksur fis-settur tal-“blockbags”, meta mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 44 sa 52 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-indizji li ssemmew f’dawn il-punti donnhom juru li hija ma pparteċipatx fid-diskussjonijiet dwar dan il-prodott u, għaldaqstant, li hija ma kinitx involuta fl-aġir antikompetittiv li jirrigwarda dan il-prodott.

    16

    Fit-tielet lok, il-provi li bbażat ruħha fuqhom il-Qorti Ġenerali, fil-punti 67 sa 69 tas-sentenza appellata, ma humiex tali li juru li l-appellanti, anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni tagħha f’ċerti laqgħat li fihom ġie diskuss aġir ta’ ksur, kienet taf jew kellha tkun taf li dan l-aġir kien jagħmel parti mill-iskema kollużiva ġenerali tal-akkordju deskritta fid-deċiżjoni kontenzjuża.

    17

    Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel aggravju, sa fejn jikkontesta l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-provi, huwa inammissibbli.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    18

    Sabiex jiġi indirizzat l-aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-provi ppreżentati quddiemha, għandha titfakkar il-portata tal-ilmenti magħmula fid-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-appellanti.

    19

    Kif il-Qorti Ġenerali osservat fil-punt 57 tas-sentenza appellata, id-deċiżjoni kontenzjuża tirreferi għal akkordju b’ħafna faċċati, li jaffettwa diversi tipi ta’ boroż u diversi territorji. Skont id-deskrizzjoni mogħtija tal-imsemmi akkordju fil-premessa 444 tal-istess deċiżjoni, l-istruttura tal-akkordju kellha “grupp globali [...] u subgruppi reġjonali jew funzjonali […] apparentement distinti”, u l-kartell meħud fl-intier tiegħu kien jikkostitwixxi “kostruzzjoni koerenti u koordinata kif juru, b’mod partikolari, numru ta’ fatturi”. Kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kkritikat lill-impriżi destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni mhux talli pparteċipaw fil-manifestazzjonijiet kollha tal-akkordju, iżda li “pparteċipaw [fih] fi gradi differenti”.

    20

    Fir-rigward tal-grad ta’ parteċipazzjoni tal-appellanti fl-aġir illegali deskritt fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali, wara li eżaminat l-argumenti kollha invokati mill-appellanti, ikkonstatat, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, li din kienet qed topponi ruħha essenzjalment għal ilment li ma kienx inkluż f’din id-deċiżjoni, jiġifieri dak ta’ parteċipazzjoni fil-manifestazzjonijiet kollha supranazzjonali, reġjonali u funzjonali tal-akkordju. Abbażi ta’ dan, hija kkonkludiet li l-provi prodotti quddiemha ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit li l-grad ta’ involviment tal-appellanti kien differenti minn dak imputat lilha mill-Kummissjoni fl-imsemmija deċiżjoni, peress li din il-parteċipazzjoni kienet murija b’serje ta’ indizji suffiċjentement preċiżi u konsistenti.

    21

    F’dak li jirrigwarda l-adeżjoni fl-akkordju, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha raġun tikkonkludi li, minkejja n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-appellanti fis-subgruppi, din tal-aħħar kienet involuta fl-akkordju globali. Il-Qorti Ġenerali ġġustifikat din l-evalwazzjoni billi enfasizzat b’mod partikolari, fil-punt 68 tal-istess sentenza, li l-appellanti kienet ipparteċipat fl-akkordju fuq il-livell ċentrali tiegħu, jiġifieri fuq livell fejn kien jinħoloq l-impetu.

    22

    Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-appellanti, tali evalwazzjoni tal-provi hija kompatibbli ma’ ġurisprudenza stabbilita sew, li ammettiet li l-eżistenza ta’ aġir illegali tista’ tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meqjusa flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ kwalunkwe spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni (sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 57, kif ukoll Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, EU:C:2007:52, punt 51).

    23

    Sa fejn l-appellanti tipprova ssostni li l-provi eżaminati mill-Qorti Ġenerali huma ambigwi, insuffiċjentement preċiżi jew mhux konsistenti sabiex jissostanzjaw il-konklużjonijiet li waslet għalihom din il-qorti, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tas-saħħa probatorja tal-atti tal-proċess ppreżentati quddiemha ma tistax, ħlief għall-każijiet fejn ma jiġux osservati r-regoli dwar l-oneru u l-produzzjoni tal-prova kif ukoll il-każijiet ta’ żnaturament tal-imsemmija atti tal-proċess, li ma humiex invokati f’dan il-każ, tiġi kkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza FLSmidth vs Il-Kummissjoni, C‑238/12 P, EU:C:2014:284, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel aggravju invokat mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tieni aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    25

    B’mod prinċipali, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 115 tas-sentenza appellata, meta ċaħdet bħala inammissibbli, għaliex huwa ġdid, l-argument li hija żviluppat waqt is-seduta, fis-sens li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkalkolat il-parti tagħha tas-suq mhux skont il-bejgħ proprju tagħha, iżda billi attribwitilha wkoll il-bejgħ magħmul minn Armando Álvarez, li kienet il-kumpannija parent tagħha.

    26

    Fuq il-mertu, l-appellanti ssostni li, ladarba għandha ssir distinzjoni bejn l-impriża li tipparteċipa direttament fil-ksur, f’dan il-każ is-sussidjarja, u dik li jiġi imputat lilha l-aġir ta’ din tal-aħħar, jiġifieri l-kumpannija parent, il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita billi jittieħed inkunsiderazzjoni biss id-dħul mill-bejgħ tas-sussidjarja, qabel ma, ladarba l-multa tiġi kkalkolata, il-kumpannija parent tinżamm responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ din il-multa. Dan il-metodu ġie applikat, fid-deċiżjoni kontenzjuża, għall-impriżi l-oħra li pparteċipaw fl-akkordju, u l-appellanti hija l-unika waħda li ġiet issanzjonata b’dan il-mod, sitwazzjoni li hija diskriminatorja u mhux iġġustifikata.

    27

    Sussidjarjament, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma vverifikatx ex officio jekk id-deċiżjoni kontenzjuża kinitx tinkludi motivazzjoni suffiċjenti sabiex tispjega r-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex titbiegħed, f’dak li jirrigwardaha, mil-leġiżlazzjoni applikabbli, mill-ġurisprudenza f’dan il-qasam u mill-metodu applikat għall-impriżi l-oħra involuti f’dan l-istess akkordju f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-multa. Fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva li tispjega din id-differenza ta’ trattament, din tal-aħħar tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    28

    Il-Kummissjoni tqis li t-tieni aggravju tal-appell huwa infondat f’kull waħda mill-partijiet tiegħu.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    29

    Sabiex jiġi indirizzat l-aggravju mqajjem, għandu jitfakkar l-argument invokat mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali.

    30

    Mill-qari tar-rikors promotur ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll tal-punti 98 sa 103 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-appellanti sostniet, essenzjalment, ħames tipi ta’ argumenti sabiex tikkontesta d-determinazzjoni tal-ammont inizjali użat mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-multi. Fl-ewwel lok, hija rrepetiet li l-Kummissjoni ma setgħetx tikklassifika l-aġir inkwistjoni bħala ksur uniku u kontinwat. Fit-tieni lok, hija sostniet li l-ammonti inizjali ma setgħux jiġu kkalkolati abbażi tal-partijiet tas-suq. Fit-tielet lok, hija kkritikat lill-Kummissjoni talli kisret il-prinċipju ta’ responsabbiltà individwali, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-bejgħ kollu tal-boroż industrijali fil-pajjiżi affettwati mill-akkordju. Fir-raba’ lok, hija sostniet li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-bejgħ tas-sena 1996 sabiex tikkalkola l-partijiet tas-suq, għaliex il-bejgħ tagħha naqas b’mod sinjifikattiv sussegwentement. Fil-ħames lok, hija sostniet li l-multa ta’ EUR 42 miljun imposta fuqha hija manifestament sproporzjonata, b’mod partikolari meta mqabbla mal-profitti li hija setgħet tagħmel mill-ksur.

    31

    F’dan ir-rigward, mill-punti 104 u 115 tas-sentenza appellata jirriżulta li, waqt is-smigħ quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti sostniet li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkalkolat il-parti tagħha tas-suq mhux abbażi tal-bejgħ proprju tagħha, iżda billi attribwitilha wkoll il-bejgħ magħmul mill-kumpannija parent tagħha, jiġifieri Armando Álvarez. B’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali, l-appellanti speċifikat li dan l-argument kellu jitqies li huwa żvilupp ulterjuri tal-motivi invokati minnha fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub.

    32

    Il-Qorti Ġenerali qieset li l-ebda wieħed mill-motivi żviluppati mill-appellanti fir-rikors tagħha ma kien jirrigwarda l-allegat żball fil-kalkolu tal-parti tas-suq invokat waqt is-seduta. Minn dan hija ddeduċiet li dan l-argument kellu jiġi kklassifikat bħala motiv ġdid u ċaħditu bħala inammissibbli, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

    33

    Sa fejn l-appellanti ssostni, fl-istadju tal-appell, li l-argument ibbażat fuq l-iżball imwettaq fid-determinazzjoni tal-parti tas-suq kien jissostanzja l-motivi invokati minnha fl-ewwel istanza taħt it-titoli “Żball imwettaq mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-fatti”, “Ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 [tal-Kunsill, tas-6 ta’ Frar 1962, L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3)] u tal-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi [imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu [65(5) tat-Trattat KEFA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171)]” kif ukoll tal-“prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità fid-determinazzjoni [tal-]ammont [tal-multa]”, biżżejjed jiġi osservat li n-natura ġenerali tat-titolu ta’ motiv invokat fl-istadju tar-rikors promotur ma tistax tkopri l-iżvilupp, fi stadju ulterjuri tal-proċedura, ta’ argumenti speċifiċi li ma humiex marbutin fil-qrib suffiċjentement mal-argumenti mqajma f’dan ir-rikors.

    34

    F’dan il-każ, mill-eżami tal-atti tal-proċess jirriżulta li l-appellanti, fl-istadju tar-rikors, żviluppat, taħt it-titoli msemmija fil-punt preċedenti, diversi argumenti speċifiċi rigward il-kalkolu tal-multa li ġiet imposta fuqha mill-Kummissjoni, mingħajr madankollu ma kkontestat il-fatt li l-part tagħha tas-suq kienet ġiet ikkalkolata billi ġie attribwit lilha l-bejgħ magħmul kemm minnha kif ukoll minn Armando Álvarez. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-parti tas-suq, fir-rigward tal-kapaċità ekonomika effettiva tal-atturi ta’ ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jikkawżaw dannu importanti għall-kompetizzjoni, jikkostitwixxi element essenzjali tal-metodu ta’ kalkolu tal-multa, b’tali mod li kwalunkwe kontestazzjoni ta’ dan il-metodu mill-appellanti kellha tiġi fformulata b’mod speċifiku quddiem il-Qorti Ġenerali sa mill-istadju tar-rikors promotur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑564/08 P, EU:C:2009:703, punt 31).

    35

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha raġun, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, tiċħad l-argument tal-appellanti bbażat fuq l-iżball ta’ kalkolu mwettaq mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-parti tagħha tas-suq, billi inkludiet f’din il-parti l-bejgħ tal-kumpannija parent tagħha.

    36

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-mertu ta’ tali argument.

    37

    Sa fejn l-appellanti ssostni, sussidjarjament, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tivverifika ex officio jekk id-deċiżjoni kontenzjuża kinitx tinkludi motivazzjoni suffiċjenti sabiex tispjega r-raġunijiet li kienu wasslu lill-Kummissjoni sabiex titbiegħed mir-regoli dwar il-kalkolu tal-multi, hekk kif kienet applikathom għall-impriżi l-oħra li kienu pparteċipaw fl-istess akkordju, għandu jiġi osservat li, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti bl-ebda mod ma invokat l-eżistenza, bejn dawn tal-aħħar u hija nfisha, ta’ differenza fit-trattament f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-parti tagħha tas-suq għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa.

    38

    Peress li ma tqajmet l-ebda allegazzjoni f’dan ir-rigward quddiem il-Qorti Ġenerali, hija ma tistax tiġi kkritikata talli ma vverifikatx ex officio l-eżistenza, fid-deċiżjoni kontenzjuża, ta’ motivazzjoni li tista’ tiġġustifika allegata differenza fit-trattament għaliex hija ma ntalbitx teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha f’dan ir-rigward.

    39

    Peress li l-argument ibbażat fuq tali differenza fit-trattament għandu jitqies li huwa ġdid, ma jistax jiġi eżaminat fl-istadju tal-appell. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dan, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-prinċipju, hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-qrati fl-ewwel istanza (FLSmidth vs Il-Kummissjoni, EU:C:2014:284, punt 42). Għaldaqstant it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud f’kull waħda mill-partijiet tiegħu.

    40

    Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-ebda wieħed miż-żewġ aggravji invokati mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha ma jista’ jintlaqa’ u, għaldaqstant, dan għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq it-talba għal sostituzzjoni ta’ motivi ppreżentata mill-Kummissjoni

    L-argumenti tal-Kummissjoni

    41

    Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-motivi fil-punt 47 tas-sentenza appellata. Fil-fehma tagħha, billi bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjoni ta’ parteċipant f’laqgħa tas-subgrupp “blockbags” sabiex tikkonkludi li l-appellanti ma pparteċipatx f’din il-laqgħa, meta isimha kien jidher fil-lista tal-parteċipanti tagħha, il-Qorti Ġenerali żnaturat provi prodotti quddiemha.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    42

    Skont l-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-redazzjoni tagħhom fis-seħħ fid-data tal-imsemmija talba, risposta għandha tkun intiża sabiex tiċħad totalment jew parzjalment l-appell jew għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jew sabiex jintlaqgħu, totalment jew parzjalment, it-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza. L-Artikolu 113(1) tal-imsemmija regoli jsemmi l-istess rekwiżiti fir-rigward ta’ appell (sentenza Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 83).

    43

    F’din il-kawża, it-talba tal-Kummissjoni ma hijiex intiża għall-ksib ta’ annullament, anki jekk parzjali, tas-sentenza appellata, iżda hija intiża sabiex tiġi emendata konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-ewwel motiv invokat quddiemha mill-appellanti, motiv li barra minn hekk ġie miċħud.

    44

    Għaldaqstant din it-talba tista’ biss tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

    Fuq l-ispejjeż

    45

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    46

    Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan l-appell, kif mitlub minn din tal-aħħar.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Plásticos Españoles SA (ASPLA) hija kkundannata għall-ispejjeż ta’ dan l-appell.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Fuq