EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CC0591

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 23 ta' Jannar 2014.
Bimbo SA vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Appell - Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali BIMBO DOUGHNUTS - Trade mark verbali Spanjola preċedenti DOGHNUTS - Raġunijiet relattivi għal rifjut - Regolament (KE) Nru 40/94 -Artikolu 8(1)(b) - Evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni - Pożizzjoni distintiva awtonoma ta’ element ta’ trade mark verbali komposta.
Kawża C-591/12 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:34

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fit-23 ta’ Jannar 2014 ( 1 )

Kawża C‑591/12 P

Bimbo, SA

vs

UASI

“Appell — Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali BIMBO DOUGHNUTS — Trade mark verbali preċedenti DOGHNUTS — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

1. 

Bl-appell li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża, Bimbo SA (iktar ’il quddiem, l-“appellanti”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2012, Bimbo vs UASI–Panrico (BIMBO DOUGHNUTS) ( 2 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat minnha kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tas-7 ta’ Ottubru 2010 ( 3 ), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Panrico, SA (iktar ’il quddiem “Panrico”) u l-appellanti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

I – Il-fatti li wasslu għall-appell

2.

Il-fatti fl-oriġini ta’ din il-konklużjoni, kif deskritti fis-sentenza appellata, huma fil-qosor elenkati hawn taħt.

3.

Fil-25 ta’ Mejju 2006, l-appellanti ppreżentat quddiem l-UASI applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja, abbażi tar-Regolament Nru 40/94/KE u emendi suċċessivi ( 4 ), li għandha bħala s-suġġett tagħha s-sinjal verbali BIMBO DOUGHNUTS. Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom jaqgħu taħt il-klassi 30 tal-Ftehim ta’ Nice tal-15 ta’ Ġunju 1957, dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u s-servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, kif irrevedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “prodotti ta’ ħlewwiet u ħobż, b’mod partikolari, puffs”. Din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji tas-16 ta’ Ottubru 2006.

4.

Fis-16 ta’ Jannar 2007, Panrico ressqet oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li huwa s-suġġett tal-imsemmija applikazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94. Din l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-eżistenza preċedenti ta’ diversi trade marks, nazzjonali u internazzjonali, kemm verbali kif ukoll figurattivi, fosthom, b’mod partikolari, it-trade mark verbali Spanjol DOGHNUTS, irreġistrata fit-18 ta’ Ġunju 1994 għal prodotti li jaqgħu fl-istess klassi 30 u korrispondenti għad-deskrizzjoni li ġejja: “prodotti u preparazzjonijiet [...] ta’ ħlewwiet [...]; [...], puffs ta’ forma tonda [...]”. Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu bbażati fuq l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94.

5.

Fil-25 ta’ Mejju 2009, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI laqgħet l-oppożizzjoni. Bid-deċiżjoni kkontestata r-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI kkonferma l-analiżi tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

II – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

6.

Bl-appell ippreżentat fir-Reġistru fit-13 ta’ Diċembru 2010, l-appellanti talbet, prinċipalment, l-inverżjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li tintlaqa’ l-applikazzjoni għat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u, sussidjarjament, l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni. Insostenn tar-rikors tagħha hija invokat żewġ motivi, li minnhom it-tieni kien jikkonċerna ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Bis-sentenza appellata, wara li ddikjarat inammissibbli t-talba intiża biex tikseb l-inverżjoni tad-deċiżjoni kkontestata u r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u wara li ċaħdet fuq il-mertu ż-żewġ motivi, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors u kkundannat l-appellanti għall-ispejjeż tagħha stess u dawk sostnuti mill-UASI. Għal dak li jikkonċerna t-tieni motiv tar-rikors, li bih l-appellanti kienet qed tikkontesta l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, ikkonfermat li l-pubbliku ta’ riferiment għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni kien ikkostitwit mill-konsumatur medju Spanjol u li l-prodotti inkwistjoni kienu identiċi. It-tieni nett, fl-ambitu tat-tqabbil bejn is-sinjali, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, minn naħa, l-argument tal-appellanti li l-kelma “doughnuts”, fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, kellha titqies li hija deskrittiva, u b’hekk nieqsa minn karattru distintiv għall-pubbliku Spanjol (punti 57 sa 74) u, min-naħa l-oħra, l-allegazzjoni li l-kelma “bimbo” kienet tagħti karattru dominanti lil din it-trade mark, għaliex hija trade mark li tgawdi minn reputazzjoni fi Spanja (punti 75 sa 80). F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, anki li kieku ġie żgurat il-karattru rinomat tat-trade mark BIMBO, u, għalhekk, l-importanza ikbar fi ħdan dan is-sinjal tal-element li jipproduċih, dan ma kienx ikun suffiċjenti biex jippermetti li tiġi llimitata l-evalwazzjoni tax-xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti għal dan l-element waħdu, għaliex il-kelma “doughnuts” ma setgħetx f’kull każ titqies li hija negliġibbli fl-impressjoni globali prodotta mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-eżistenza ta’ grad ta’ xebh viżiv u fonetiku medju bejn is-sinjali mqabbla u l-impossibbiltà li wieħed iqabbel mill-perspettiva kunċettwali. Fl-aħħar nett, fl-ambitu tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Qorti Ġenerali rrispondiet għall-argument tal-appellanti dwar l-allegat karattru dominanti tal-element “bimbo” fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni billi rriferiet għas-sentenza Medion tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 5 ) u ppreċiżat, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, li “probabbiltà ta’ konfużjoni tista’ teżisti fil-moħħ tal-pubbliku, fil-każ ta’ identiċità tal-prodotti u tas-servizzi, meta s-sinjal ikkontestat ikun ikkostitwit mit-tqegħid ħdejn xulxin, minn naħa, tal-isem tal-kumpannija tat-terzi u, min-naħa l-oħra, tat-trade mark irreġistrat, li jkollha karattru distintiv normali, u din tal-aħħar, mingħajr ma toħloq waħedha l-impressjoni ġenerali mogħtija mis-sinjal kompost, tibqa’ żżomm pożizzjoni distintiva awtonoma”. Hija mbagħad ikkonstatat li l-element “doughnuts” kellu pożizzjoni distintiva awtonoma fi ħdan it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, għaliex, minn naħa, “kellu karattru distintiv medju għall-parti tal-pubbliku ta’ riferiment li ma jafx il-lingwa ingliża” u min-naħa l-oħra, billi ma kellu ebda sinjifikat għal dan il-konsumatur, ma kienx jingħaqad, fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, mal-element “bimbo” fi “grupp unitarju” jew f’“għaqda loġika” fiha nnifisha, li jista’ jidentifika l-prodotti inkwistjoni bħala “puffs prodotti mid-ditta Bimbo” (punt 97). Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-identiċità tal-prodotti inkwistjoni, tal-livell imnaqqas ta’ attenzjoni tal-konsumatur minħabba n-natura ta’ dawn tal-aħħar, kif ukoll tax-xebh viżiv u fonetiku bejn is-sinjali mqabbla, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Bord tal-Appell ġustament kien qies li f’dan il-każ kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

7.

Permezz tal-att promotur ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Diċembru 2012, l-appellanti ressqet appell mill-imsemmija sentenza. Hija titlob l-annullament tas-sentenza appellata, li jintlaqgħu t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza dwar l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għaliex ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 207/2009, u l-kundanna tal-UASI għall-ispejjeż. L-UASI u Panrico jitolbu ċ-ċaħda tal-appell u l-kundanna tal-appellanti għall-ispejjeż. Ir-rappreżentanti tal-partijiet instemgħu fis-seduta li nżammet fis-7 ta’ Novembru 2013.

IV – Fuq l-appell

8.

Insostenn tal-appell, l-appellanti tqajjem aggravju wieħed biss tal-appell, dwar il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel waħda tikkonċerna allegat żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet meta rrikonoxxiet lill-element “doughnuts” pożizzjoni distintiva awtonoma fit-trade mark li għalija saret applikazzjoni, kif ukoll billi interpretat u applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, l-iċċitata sentenza Medion. Fit-tieni parti, l-appellanti tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, l-elementi kollha rilevanti f’dan il-każ.

A – Fuq l-ewwel parti tal-aggravju uniku tal-appell: attribuzzjoni żbaljata lill-element “doughnuts” ta’ pożizzjoni distintiva awtonoma fi ħdan it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni

1. L-argumenti tal-partijiet

9.

Fil-fehma tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat, iddeduċiet, b’mod essenzjalment awtomatiku, il-pożizzjoni distintiva awtonoma tal-element “doughnuts” fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni miċ-ċirkustanza li dan l-element għandu karattru distintiv medju u ma għandu ebda sinjifikat għall-konsumatur medju Spanjol. Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali kkonfondiet il-“kapaċità distintiva” u l-“assenza ta’ sinjifikat” ta’ wieħed mill-elementi ta’ trade mark komposta bil-“pożizzjoni distintiva awtonoma” tagħha fi ħdanha stess, u b’hekk tat, lil dak li ntqal mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala sempliċi eċċezzjoni fis-sentenza ċċitata Medion, in-natura ta’ regola ġenerali. Skont l-appellanti, l-eżistenza ta’ din il-“pożizzjoni distintiva awtonoma” għandha tiġi żgurata każ b’każ, fid-dawl, kif jindika l-istess użu tal-kelma “pożizzjoni”, tal-karatteristiċi tal-elementi l-oħra li jikkomponu t-trade mark kumplessa u fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Issa, din l-evalwazzjoni hija assenti fis-sentenza appellata. Bil-kontra, ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali jwassal awtomatikament li jiġi eskluż li trade mark magħmul minn żewġ elementi, li wieħed minnhom huwa kkostitwit minn trade mark rinomat u l-ieħor minn trade mark li għandu karattru distintiv medju u mingħajr sinjifikat għall-pubbliku ta’ riferiment, jista’ jifforma “grupp unitarju” jew “għaqda loġika”, li jagħti, għal darb’oħra awtomatikament, lit-tieni element “pożizzjoni distintiva awtonoma”. Barra minn hekk, l-appellanti tirrileva li l-kunċetti ta’ “grupp unitarju” u ta’ “għaqda loġika”, li jidhru fis-sentenza appellata ma ġewx iċċarati mill-Qorti Ġenerali u jibqgħu mhux ċari. Fil-każ li, b’riferiment għal dawn il-kunċetti, il-Qorti Ġenerali trid tenfasizza l-assenza ta’ konnessjoni bejn l-elementi tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, l-appellanti tosserva li l-unika ċirkustanzi li wieħed jew iktar elementi ta’ trade mark kumplessa jkunu mingħajr konnessjoni fir-rigward tal-elementi l-oħra li jikkomponuha ma jimplikax neċessarjament li l-imsemmija elementi għandhom pożizzjoni distintiva awtonoma.

10.

Skont l-UASI u Panrico l-parti tal-aggravju uniku tal-appell taħt eżami għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, parzjalment, bħala manifestament inammissibbli, għaliex tfittex li tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja eżami mill-ġdid tal-fatti tal-każ.

2. Analiżi

11.

Mill-argument tal-appellanti, li ma tantx jispikka għal ċarezza partikolari, jidhirli li jqajjem essenzjalment żewġ ilmenti konnessi bejniethom. Minn naħa, billi tiddeduċi l-pożizzjoni distintiva awtonoma ta’ element fi ħdan it-trade mark komposta mill-kapaċità distintiva tagħha u mill-fatt li hija, billi ma tingħaqadx mal-elementi l-oħra tat-trade mark f’grupp distint kunċettwalment, iżżomm awtonomija tagħha, il-Qorti Ġenerali kienet b’mod żbaljat użat awtomatiżmu minflok ma evalwat globalment iċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, preċiżament minħabba l-istituzzjoni ta’ dan l-awtomatiżmu, il-Qorti Ġenerali kienet tat lis-sentenza ċċitata Medion portata ġenerali li hija kontradetta mill-istandards tagħha stess.

12.

Sabiex jiġu eżaminati dawn l-ilmenti għandu qabel xejn jitfakkar fil-qosor dak li qalet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza Medion, li għaliha l-partijiet ta’ din il-kawża jidhru li qed jagħtu interpretazzjonijiet għall-inqas f’parti diverġenti [sub a)]. Ser ngħaddi sussegwentement biex nuri l-mod li bih din is-sentenza ġiet interpretata u applikata fil-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali [sub b], qabel ma pprovat tiddefinixxi l-eżatt applikazzjoni tagħha [sub ċ)]. Ser nipproċedi, fl-aħħar, għall-eżami tal-argumenti mqajma mill-appellanti [sub d)].

a) Is-sentenza Medion

13.

Fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li ta lok għas-sentenza Medion, l-Oberlandesgericht Düsseldorf talbet, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk it-tieni sentenza tal-punt (b) tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva Nru 89/104/KEE (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva”) ( 6 ), li għandha l-istess kontenut tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, kellhiex tiġi interpretata fis-sens li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, fil-każ ta’ identiċità tal-prodotti jew tas-servizzi, bejn trade mark verbali preċedenti, li għandha kapaċità distintiva normali, u s-sinjal kompost li jiġi wara (verbali jew verbali u figurattiv) ta’ terz, li fih it-trade mark preċedenti tkun ippreċeduta mill-isem kummerċjali tat-terz, meta din it-trade mark, mingħajr ma tiddomina l-impressjoni globali tas-sinjal kompost, iżżomm fi ħdan din tal-aħħar pożizzjoni distintiva awtonoma. B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof, ispirata mit-teorija magħrufa bħala “Prägetheorie” (teorija tal-impressjoni kkreata), sabiex jiġi evalwat ix-xebh tas-sinjal ikkontestat, huwa meħtieġ li wieħed jibbaża ruħu fuq l-impressjoni ġenerali ta’ kull wieħed miż-żewġ sinjali u jistħarreġ jekk il-parti identika tikkaratterizzax is-sinjal kompost b’tali mod li l-bqija tal-elementi l-oħra jibqgħu fl-isfond mill-perspettiva tal-kreazzjoni tal-impressjoni ġenerali. Skont din it-teorija, ma kinitx tkun ammissibbli probabbiltà ta’ konfużjoni fil-każ li fih l-element identiku kien sempliċement jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ impressjoni ġenerali tas-sinjal, anki jekk iżomm fis-sinjal kompost pożizzjoni distintiva awtonoma. Ir-rikorrenti fil-proċedura prinċipali, proprjetarja tat-trade mark preċedenti LIFE, irreġistrata għal tagħmir elettroniku għall-ħin liberu, kienet qed tipprova tikseb li jiġi pprojbit l-użu, min-naħa tal-impriża Thomson, tas-sinjal THOMSON LIFE fir-rigward tal-istess prodotti. Il-qorti tar-rinviju rrilevat li, essenzjalment minħabba l-eżistenza, fis-settur tal-prodotti inkwistjoni, ta’ prattika ta’ għoti ta’ ismijiet li tendenzjalment tpoġġi fuq quddiem l-isem tal-produttur, l-element “thomson” kien jikkontribwixxi essenzjalment għall-impressjoni ġenerali ġġenerata mis-sinjal THOMSON LIFE, minkejja l-kapaċità distintiva normali tal-element “life”.

14.

Wara li ppreċiżat li l-Artikolu 5(1)(b) tad-“Direttiva għandu japplika biss jekk jeżisti, min-naħa tal-pubbliku, probabbiltà ta’ konfużjoni minħabba l-identiċità jew ix-xebh ta’ trade marks u ta’ prodotti jew servizzi indikati” u wara li fakkret li l-fatt li l-pubbliku jista’ jemmen li l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati joriġinaw mill-istess impriża jew, possibbilment, minn impriżi ekonomikament konnessi, jikkostitwixxi din il-probabbiltà fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ( 7 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-ġurisprudenza li tgħid li l-eżistenza ta’ tali probabbiltà għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni globali bbażata “għal dak li jirrigwarda x-xebħ viżwali, auditiva jew kunċettwali tat-trade marks in kwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, fejn tingħata attenzjoni partikolari għall-elementi distintivi u dominanti tagħhom. [...]” ( 8 ). Hija kompliet billi fakkret li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-perċezzjoni tat-trade marks użati mill-konsumatur medju tal-prodotti jew servizzi kkonċernati “tilgħab rwol determinanti f’din l-evalwazzjoni” u li l-imsemmi konsumatur “normalment jipperċepixxi trade mark fl-insjem tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-detalji differenti” ( 9 ). Hija ppreċiżat ukoll li, fil-verifika tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, “l-evalwazzjoni tax-xebh bejn iż-żewġ trade marks ma jfissirx li jittieħed kunsiderazzjoni ta’ komponent wieħed biss ta’ trade mark kumplessa u jitqabbel ma’ trade mark oħra”, jekk ikun meħtieġ minflok li jiġi operat paragun “waqt li jiġu eżaminati t-trade marks ikkonċernati, b’kull waħda tiġi kkunsidrata fil-kumpless tagħha, li ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tiġi ddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha”.

15.

B’din il-premessa, fil-punt 30 tas-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat kif ġej:

“30.

Madankollu, lil hinn mill-każ normali li fih il-konsumatur medju jipperċepixxi trade mark fl-insjem tagħha, u minkejja ċ-ċirkustanza li l-impressjoni ġenerali tista’ tkun iddominata minn wieħed jew bosta komponenti ta’ trade mark kumplessa, ma jistax ikun eskluż li, f’każ partikolari, trade mark preċedenti, użata minn terz f’sinjal kompost li jinkludi d-denominazzjoni tal-impriża ta’ dan it-terz, iżżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fis-sinjal kompost, mingħajr madankollu ma tikkostitwixxi l-element dominanti.”

16.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ bħal dan, il-pubbliku jista’ jiġi mġiegħel jifhem li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw, għall-inqas, minn impriżi ekonomikament konnessi, sitwazzjoni suffiċjenti sabiex tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni ( 10 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li jekk wieħed jissubordina d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ tali riskju għall-kundizzjoni li, fl-impressjoni ġenerali ġġenerata mis-sinjal kompost, jirriżulta dominanti l-element ikkostitwit mit-trade mark preċedenti, iċaħħad il-proprjetarju ta’ dan tal-aħħar mid-dritt esklużiv mogħti mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva kull meta terz juża’ sinjal kompost ikkostitwit minn dan it-trade mark u mid-ditta jew minn trade mark tat-terz li jgawdu minn fama, billi dawn l-elementi jkunu, fil-maġġoranza tal-każijiet tali li jiddominaw l-impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjal ( 11 ).

b) L-applikazzjonijiet sussegwenti tas-sentenza Medion

17.

Minn analiżi tal-ġurisprudenza li ġiet wara s-sentenza Medion jirriżulta, l-ewwel nett, li l-ewwel parti tal-motivi ta’ din is-sentenza, jiġifieri l-punti 27 sa 29, li l-kontenut tagħhom huwa rriprodott fil-qosor fil-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ġiet iċċitata b’mod kważi kostanti biex tindika l-metodoloġija li għandha tiġi segwita fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fil-każ li wieħed jew iż-żewġ trade marks kunfliġġenti jkunu kkostitwiti minn sinjali komposti ( 12 ). F’dan is-sens, l-imsemmija sentenza ġiet interpretata, minn naħa, bħala riaffermazzjoni tal-prinċipju li d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni globali, ibbażata, fir-rigward tax-xebh bejn is-sinjali, fuq il-kriterju tal-impressjoni ġenerali prodotta minnha, min-naħa l-oħra, bħala konferma ta’ dak li kien iddikjarat qabel mill-Qorti Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Matratzen, jiġifieri li l-bżonn li wieħed jipproċedi għal paragun bejn it-trade marks kunfliġġenti kkunsidrati kull waħda fil-kumpless tagħha “ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali pprodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tiġi ddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha” ( 13 ).

18.

Diversi sentenzi, b’mod partikolari tal-Qorti Ġenerali, għamlu mbagħad riferiment għall-preċiżazzjonijiet inklużi fil-punti 30 sa 37 tas-sentenza Medion, li l-kontenut tagħhom huwa miġbur fil-punti 15 u 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u għall-kunċett ta’ “pożizzjoni distintiva awtonoma”. L-ewwel konklużjoni li tirriżulta mill-analiżi ta’ dawn is-sentenzi hija t-tendenza li tiġi estiża l-applikazzjoni ta’ din il-parti tal-motivi tas-sentenza Medion lil hinn mill-ipoteżi espressament ikkontemplati minnha, dwar, kif intwera, l-użu minn terz, fil-każ ta’ identiċità tal-prodotti, ta’ sinjal kompost mir-riproduzzjoni ta’ trade mark preċedenti li għandu karattru distintiv awtonomu mqiegħed ħdejn l-isem tal-impriża tat-terz jew ħdejn trade mark li tagħha huwa proprjetarju ( 14 ). Minkejja xi sentenzi fis-sens kuntrarju ( 15 ), ipprevaliet, fil-fatt, qabel il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ( 16 ), u sussegwentement anki f’dik tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 17 ), orjentazzjoni li tiddeduċi b’analoġija mill-punti ta’ hawn fuq tas-sentenza Medion “regola” li tapplika fil-każijiet kollha li fihom trade mark preċedenti ( 18 ) tidher bħala element ta’ sinjal kompost li ġie wara, u dan anki meta ma jkunx ġie rriprodott identikament ( 19 ).

19.

Bl-istess mod, anki l-kunċett ta’ “pożizzjoni distintiva awtonoma” ġie interpretat b’mod eżawrjenti u applikat anki f’ċirkustanzi differenti minn dawk li kienu jikkaratterizzaw il-proċedura prinċipali fil-kawża Medion, pereżempju fil-każ ta’ trade mark preċedenti figurattiva ( 20 ). Għalkemm ma tinstabx fil-ġurisprudenza definizzjoni ta’ tali kunċett, hija ġiet xi drabi konnessa mal-“perċettibbiltà” jew “rikonoxxibbiltà” tat-trade mark preċedenti fi ħdan it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni li fiha l-ewwel trade mark, jew element tagħha ( 21 ), tiġi rriprodotta ( 22 ). F’każijiet oħra, min-naħa l-oħra, hija ġiet irrikonoxxuta applikabbli għal element “awtonomu, ċentrali u ta’ effett” ( 23 ), għal element li għandu “karattru distintiv tiegħu” ( 24 ) jew ta’ “kapaċità ta’ attrazzjoni suffiċjenti” ( 25 ) jew ġiet dedotta mill-karattru tagħha “mhux negliġibbli” fl-impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjal kompost ( 26 ). Għal dak li jikkonċerna l-grad ta’ distintività neċessarju biex jiddistingwi tali pożizzjoni, il-ġurisprudenza hija partikolarment diverġenti. F’ċerti sentenzi ġie eskluż li r-riproduzzjoni tat-trade mark preċedenti f’sinjal kompost li ġie wara seta’ jkollu, fi ħdan it-tali sinjal, pożizzjoni distintiva awtonoma jekk l-imsemmija trade mark (l-element tas-sinjal li ġie wara li jirriproduċih) kienet deskrittiva ( 27 ) jew kellha karattru distintiv dgħajjef ( 28 ). F’oħrajn, min-naħa l-oħra, ġiet aċċettata konklużjoni kuntrarja ( 29 ). Il-ġurisprudenza tidher min-naħa l-oħra meta tqis li ma tistax tiġi rrikonoxxuta pożizzjoni distintiva awtonoma lill-element tas-sinjal li ġie wara li jirriproduċi trade mark preċedenti jekk jikkomponi, mal-elementi l-oħra tal-imsemmi sinjal, għaqda loġika indipendenti, li jitlef b’tali mod l-awtonomija kunċettwali tiegħu. ( 30 )

20.

Għal dak li jikkonċerna l-konsegwenzi li għandhom x’jaqsmu mal-konstatazzjoni tal-pożizzjoni distintiva awtonoma li t-trade mark preċedenti żżomm fis-sinjal li jiġi wara, diversi sentenzi jiddeduċu awtomatikament minn din il-konstatazzjoni l-eżistenza ta’ xebh viżiv bejn is-sinjali mqabbla ( 31 ). Kawtela ikbar toħroġ min-naħa l-oħra fl-istadju tal-evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. F’dan ir-rigward, ġie ppreċiżat li din il-probabbiltà ma tistax tiġi dedotta miċ-ċirkustanza biss li t-trade mark preċedenti żżomm fit-trade mark li ġiet wara ċerta pożizzjoni distintiva għalkemm mhux dominanti ( 32 ), iżda għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni ( 33 ).

21.

Fl-aħħar, nirrileva inċertezza fil-ġurisprudenza kemm fl-importanza li għandha tingħata lill-preżenza, fi trade mark, tal-indikazzjoni tal-isem tal-manifattur. Jekk, fl-istess sentenza Medion u f’sentenzi oħra, tqies li tali indikazzjoni, minħabba l-funzjoni tagħha li tidentifika l-oriġini tal-prodott, ma tistax titqies li hija element negliġibbli ( 34 ) u anzi, ġie rrikonoxxut lilha karattru anki potenzjalment dominanti ( 35 ), f’sentenzi oħra, tqieset, proprju minħabba l-imsemmija funzjoni, li hija element ta’ importanza sekondarja ( 36 ).

c) Il-portata tas-sentenza Medion

22.

L-eżami qasir tal-ġurisprudenza ta’ hawn fuq juri ċerta diffikultà fid-delineazzjoni tal-portata attwali tas-sentenza Medion u fl-għoti ta’ kontenut lill-kunċett ta’ “pożizzjoni distintiva awtonoma” li jidher fl-imsemmi punt 30 ta’ din is-sentenza. Jekk it-terminoloġija użata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-punt tħalli lil wieħed jaħseb li din tal-aħħar kienet intiża li toħloq eċċezzjoni għall-prinċipji stabbiliti sew fil-ġurisprudenza tal-Unjoni fuq is-suġġett tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, din l-interpretazzjoni ma tidhirlix madankollu sodisfaċenti. Differenzazzjoni tal-kriterji applikabbli għall-evalwazzjoni tax-xebh bejn it-trade marks, li timplika, għal kategorija iżolata ta’ trade marks komposti, deroga mir-regoli fuq il-perċezzjoni tat-trade mark min-naħa tal-pubbliku, ma ssib, fil-fehma tiegħi, ebda ġustifikazzjoni plawżibbli. B’mod partikolari, ma tistax tikkostitwixxi tali ġustifikazzjoni l-ħtieġa, li l-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tenfasizza fil-punti 33 sa 35 tas-sentenza Medion, li tipproteġi t-trade mark preċedenti minn indħil possibbli minn terzi. Fil-fatt, din il-ħtieġa, għalkemm leġittima, hija barranija mill-konklużjoni ta’ konfużjoni u, kif kien diġà rrileva l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet fil-kawża li tat lok għas-sentenza inkwistjoni, għandha tintlaħaq bis-saħħa ta’ regoli differenti minn dawk li jwasslu għal din il-konklużjoni ( 37 ).

23.

Huwa għalhekk neċessarju fil-fehma tiegħi li wieħed jipprova jagħti rikostruzzjoni differenti tas-sentenza Medion. Għal dan il-għan huwa qabel xejn essenzjali li wieħed jiftakar li s-sentenza inkwistjoni ngħatat fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, li fih kull konstatazzjoni ta’ fatt jibqa’ d-dominju esklużiv tal-qorti tar-rinviju. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx pożizzjoni fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fil-każ inkwistjoni (paragun bejn it-trade marks THOMSOM LIFE u LIFE), iżda sempliċement irrispondiet għad-domanda li saritilha, billi ppreċiżat, fuq il-bażi tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti nazzjonali, il-kriterji li fid-dawl tagħhom tintlaħaq il-konklużjoni ta’ konfużjoni. F’dan il-kuntest, is-sentenza inkwistjoni essenzjalment iddikjarat li ma tistax tiġi eskluża a priori l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn trade mark preċedenti użata minn terz fl-ambitu ta’ sinjal kompost u dan is-sinjal meta t-trade mark preċedenti, minkejja li ma tkunx l-element dominanti tas-sinjal kompost, iżżomm pożizzjoni tali li l-pubbliku ta’ riferiment jasal biex xorta jattribwixxi “lill-proprjetarju ta’ dan it-trade mark l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mis-sinjal kompost” ( 38 ).

24.

Iktar inġenerali, u lil hinn miċ-ċirkustanzi tal-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dikjarazzjoni timplika li jekk l-element ta’ sinjal kompost, identiku jew simili għal trade mark preċedenti, jikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv li joħloq id-dehra ta’ dan is-sinjal li l-pubbliku rilevanti jżomm fil-memorja mingħajr ma jiddominaha u minkejja l-prevalenza possibbli ta’ komponent ieħor tas-sinjal, l-imsemmi element għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tax-xebh bejn is-sinjal kompost u t-trade mark preċedenti u għalhekk jasal għall-konklużjoni ta’ konfużjoni. F’dan is-sens, ’il bogħod milli tiġi introdotta deroga għall-prinċipji li jippresjedu li jwasslu għal din il-konklużjoni, is-sentenza inkwistjoni pjuttost, fil-fehma tiegħi, hija maħsuba biex ittaffi r-rigorożità ta’ ċerti preċedenti, b’mod partikolari s-sentenzi mogħtija fil-kawżi Matratzen Concord vs UASI, li setgħu jiġu interpretati bħala applikazzjoni riġida tal-Prägetheorie ( 39 ). Dan il-qari tas-sentenza Medion jirriżulta li huwa kkonfermat mis-sentenza UASI vs Shaker ( 40 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, bil-għan, espliċitu fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott li s-sentenza tirreferi għalihom, li tirrikonċilja l-inkonsistenza evidenti bejn l-imsemmija sentenzi u s-sentenza Medion, ippreċiżat li, jekk ma huwiex eskluż li l-impressjoni ġenerali ġġenerata minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tiġi ddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha, “huwa biss meta l-komponenti kollha l-oħra tat-trade mark huma negliġibbli li jista’ jiġi evalwat ix-xebh [bejn żewġ trade marks] fuq il-bażi biss tal-element dominanti”. ( 41 ) Din il-preċiżazzjoni ġiet kostantement użata mill-ġdid fil-ġurisprudenza li ġiet wara ( 42 ).

25.

F’dan il-punt, huma neċessarji żewġ preċiżazzjonijiet. L-ewwel nett, jekk jiġi ddikjarat li, fl-evalwazzjoni tax-xebh bejn iż-żewġ trade marks li minnhom waħda komposta minn iktar elementi li fosthom jidher irriprodott, b’mod identiku jew simili, l-uniku element li minnu hija komposta t-trade mark l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-element komuni, fejn ma jkunx marġinali fl-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark komposta, anki fejn ma tiddominax din l-impressjoni, ma timplikax li tista’ ssir deroga mill-kriterji ta’ perċezzjoni tat-trade mark min-naħa tal-pubbliku ta’ riferiment, li lilu l-ġurisprudenza tat in-natura ta’ parametri ġuridiċi reali u proprji. L-ewwel fost dawn il-parametri, stabbilit minn ġurisprudenza issa stabbilita, li fuqha hija bbażata l-istess sentenza Medion, huwa dak li l-konsumatur medju jipperċepixxi normalment trade mark bħala ħaġa sħiħa u ma joqgħodx jeżamina l-elementi individwali tagħha ( 43 ). Minn din ir-regola jsegwi li l-analiżi tal-komponenti ta’ trade mark u tal-piż tagħhom fi ħdanha huwa madankollu funzjonali għall-identifikazzjoni, fil-proċess ta’ sinteżi, tal-impressjoni ġenerali li hija tipproduċi, li tista’ tinżamm fil-memorja mill-konsumatur u li torjenta l-għażliet sussegwenti tiegħu ta’ xiri. Din l-operazzjoni ta’ sinteżi hija essenzjali anki fil-każ ta’ trade marks komposti minn iktar elementi distintivi li jikkomponu mingħajr ma jiddeterminaw, kull wieħed meħud separatament, l-impressjoni ġenerali ġġenerata mit-trade mark. Huwa wkoll meħtieġ fiċ-ċirkustanzi deskritti fis-sentenza Medion, jiġifieri fil-każ li fih trade mark preċedenti tiġi mqabbla ma’ sinjal ta’ terz fid-ditta ta’ dan tal-aħħar ( 44 ). Iktar inġenerali, l-importanti għalhekk ma huwiex daqstant il-pożizzjoni li jkollu, fis-sinjal li ġie wara, l-element ta’ din tal-aħħar li tirriproduċi t-trade mark preċedenti daqskemm pjuttost l-adegwatezza ta’ dan l-element li jiġi pperċepit u miżmum fil-memorja awtomatikament mill-pubbliku fil-kuntest tal-imsemmi sinjal.

26.

Fit-tieni lok, tkun xi tkun il-pożizzjoni li t-trade mark preċedenti tokkupa fl-impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjal li ġie wara, huwa xorta waħda neċessarju li wieħed jiddetermina l-probabbiltà ta’ konfużjoni mhux fl-astratt, iżda fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha flimkien tal-każ inkwistjoni, fosthom, b’mod partikolari, minbarra x-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali bejn is-sinjali kunfliġġenti, in-natura tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, il-metodi ta’ kummerċjalizzazzjoni, l-attenzjoni bejn wieħed u ieħor għolja tal-pubbliku ta’ riferiment u l-abitudnijiet tal-imsemmi pubbliku fis-settur interessat ( 45 ). Minn dan jirriżulta li ma jistax jiġi dedott awtomatikament, mill-fatt li t-trade mark preċedenti żżomm, fit-trade mark komposta li tkun ġiet wara, pożizzjoni distintiva awtonoma, li fost is-sinjali inkwistjoni hemm l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ( 46 ). B’mod partikolari, il-ħtieġa ta’ protezzjoni tat-trade mark preċedenti ma għandhiex tippermetti li tiġi injorata d-determinazzjoni ta’ din il-probabbiltà, kif madankollu joħroġ b’mod ċar, fil-fehma tiegħi, anki mill-istess punti 31 u 36 tas-sentenza Medion.

27.

Huwa fuq il-bażi tal-prinċipji esposti hawn fuq li ser neżamina l-ilmenti mqajma mill-appellanti fl-ewwel parti tal-uniku aggravju tagħha ta’ appell.

d) Analiżi tal-ilmenti

28.

L-appellanti tiddikjara fl-ewwel lok li l-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li l-element “doughnuts” jokkupa fis-sinjal li tiegħu qed tintalab ir-reġistrazzjoni pożizzjoni distintiva awtonoma fis-sens tas-sentenza Medion, mingħajr ma evalwat il-fatti kollha flimkien fil-każ inkwistjoni. F’dan ir-rigward nirrileva, preliminarjament, li l-punti 96 u 97 tas-sentenza appellata li fuqhom huwa bbażat l-ilment ineżami jikkostitwixxu risposta għall-argument tal-appellanti li l-element “bimbo” għandu karattru dominanti fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. F’dan il-kuntest, ir-riferiment għas-sentenza Medion, inkluż f’dawn il-punti, għandu jitqies li huwa ċitazzjoni tal-prinċipju, iddikjarat f’din is-sentenza, li d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma tistax tkun suġġetta għall-kundizzjoni li, fl-impressjoni ġenerali ġġenerata mis-sinjal kompost, tirriżulta dominanti dik il-parti tal-istess trade mark li hija kkostitwita mit-trade mark preċedenti ( 47 ). Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali riedet tikkjarifika li, anki jekk kellu jitqies li l-element “bimbo” għandu l-karattru dominanti li tagħtih l-appellanti, dan ma huwiex suffiċjenti biex jeskludi r-rilevanza tal-konklużjoni ta’ konfużjoni tal-element “doughnuts”. Il-Qorti Ġenerali waslet ukoll għall-istess konklużjoni fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li fiha ppreċiżat li dan l-element tal-aħħar għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-paragun bejn is-sinjali inkwistjoni inkwantu mhux negliġibbli fl-impressjoni ġenerali ġġenerata mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

29.

Dan premes, ma nħossx li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta rabtet, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, l-eżistenza ta’ pożizzjoni distintiva awtonoma tal-element “doughnuts” fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni mal-grad tagħha ta’ distintività u mal-fatt li hija ma tingħaqadx mal-element l-ieħor ta’ din it-trade mark f’ġħaqda kunċettwalment distinta. Fil-fatt, minn naħa, dan il-punt għandu jinqara fid-dawl tal-konstatazzjonijiet li diġà twettqu mill-Qorti Ġenerali dwar il-kapaċità tal-element “doughnuts” li jiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku u li jiġi għalhekk ipperċepit b’mod awtonomu minnu, kif ukoll il-kapaċità tiegħu li jikkomponi l-impressjoni ġenerali ġġenerata mit-trade mark (b’mod partikolari l-punti 79 sa 81, 85, 86 u 92). Min-naħa l-oħra, kif wieħed jara aħjar meta jeżamina t-tieni parti tal-aggravju uniku tal-appell, il-Qorti Ġenerali ma ddeduċietx b’mod awtomatiku mill-konstatazzjoni tal-pożizzjoni distintiva u awtonoma tal-imsemmi element l-eżistenza ta’' probabbiltà ta’ konfużjoni.

30.

Fir-rigward tat-tieni lment, li jgħid li l-Qorti Ġenerali estendiet indebitament il-portata tas-sentenza ċċitata Medion, hija titlaq minn interpretazzjoni ta’ din is-sentenza differenti minn dik proposta f’dawn il-konklużjonijiet u hija għalhekk, fil-fehma tiegħi, ibbażata fuq premessa żbaljata fid-dritt.

31.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad bħala infondata l-ewwel parti tal-aggravju uniku tal-appell.

B – Fuq it-tieni parti tal-aggravju uniku tal-appell: in-nuqqas ta ’ kunsiderazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta ’ konfużjoni

1. Argumenti tal-partijiet

32.

Fl-ewwel lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali bbażat il-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fuq il-bażi tal-unika konstatazzjoni tal- - allegata - pożizzjoni distintiva awtonoma tal-element “doughnuts”, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni fatturi rilevanti oħra u, b’mod partikolari, il-fatt li l-element “bimbo” ma huwiex biss isem tal-kumpannija iżda anki trade mark rinomat fi Spanja għall-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, il-fatt li tali element jidher fil-bidu tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, il-karattru distintiv mhux għoli tat-trade mark preċedenti u l-fatt li t-trade mark preċedenti ma huwiex irriprodott bl-istess mod fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. B’mod partikolari, fil-fehma tal-appellanti, il-fama bħala trade mark tal-ewwel element tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kellha twassal biex teskludi l-konfużjoni bejn is-sinjali mqabbla, bl-istess mod kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ċċitata Becker vs Harman International Industries.

33.

Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali ma spjegatx għal liema raġuni l-pubbliku rilevanti jkun imħajjar jinjora l-ewwel element tat-trade mark kumplessa, li jidentifika oriġini kummerċjali magħrufa sew tal-prodotti inkwistjoni, u li jattribwixxi l-oriġini ta’ dawn tal-aħħar lill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jew lil impriżi marbuta ekonomikament.

34.

Fit-tielet lok, l-appellanti tenfasizza li l-kuntest li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza Medion huwa differenti minn dak tal-każ inkwistjoni, li fih, b’differenza mis-settur tal-prodotti tal-elettronika, huwa mhux normali li jinħolqu rabtiet ekonomiċi bejn impriżi kompetituri.

35.

L-UASI u Panrico jqisu li l-argumenti tal-appellanti huma parzjalment inammissibbli u parzjalment manifestament infondati.

2. L-analiżi

36.

Filwaqt li naqbel mal-premessa tal-appellanti, jiġifieri li s-sentenza Medion ma tawtorizza la deroga mill-kriterju tal-impressjoni ġenerali ġġenerata mit-trade mark komposta u lanqas a priori minn evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, inqis madankollu infondati l-ilmenti li hija tressaq f’din il-parti tal-aggravju uniku tagħha tal-appell.

37.

Minn qari ġenerali - u mhux selettiv bħal dak propost mill-appellanti - joħroġ fil-fatt mis-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali ma ddeduċietx l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni mill-konstatazzjoni biss li l-element “doughnuts” jokkupa, fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, pożizzjoni distintiva awtonoma, iżda bbażat ruħha, għal dan l-iskop, fuq numru ta’ fatturi fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, skont il-ġurisprudenza ċċitata minnha stess fil-punt 51 tas-sentenza.

38.

Kuntrarjament għal dak iddikjarat mill-appellanti, fit-tqabbil tat-trade marks inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni kemm il-karattru allegatament rinomat tat-trade mark BIMBO, kif ukoll tal-fatt li din tal-aħħar tikkostitwixxi l-ewwel taż-żewġ elementi li minnhom hija magħmula t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. Fl-ewwel profil, għalkemm ma teskludix li l-fatt li sinjal kompost huwa kkostitwit minn trade mark rinomata jista’ jkun rilevanti fl-evalwazzjoni tal-piż relattiv tal-komponenti varji ta’ dan is-sinjal, hija madankollu ppreċiżat li dan ma jimplikax awtomatikament li l-paragun bejn it-trade marks kunfliġġenti għandu biss jieħu inkunsiderazzjoni dan l-element biss, jekk jirriżulta li l-komponenti l-oħra tas-sinjal ma jkunux negliġibbli fl-impressjoni ġenerali ġġenerata minnha ( 48 ). Fit-tieni profil, fil-punti 80, 83 u 84 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, għalkemm jinsab, fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, wara l-element “bimbo”, l-element “doughnuts” kien xieraq biex jiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku Spanjol minħabba l-akbar tul tiegħu, u l-karattru mhux tas-soltu, bl-Ispanjol, tas-sekwenza ta’ konsonanti “ghn” u għalhekk kellu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tax-xebh viżiv bejn is-sinjali kunfliġġenti. Fil-mertu, tali evalwazzjoni ta’ natura fattwali ma jistgħux jiġu mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell.

39.

Il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni wkoll, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-fatt li t-trade mark preċedenti ma kinitx irriprodotta b’mod identiku fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, u enfasizzat, fil-punt 82, li l-unika differenza kienet tikkonċerna ittra, imqiegħda fit-tielet pożizzjoni ġewwa kelma relattivament twila. Hija rrilevat li din id-differenza ma kienet tbiddel b’mod sinjifikattiv la t-tul u lanqas, mill-perspettiva tal-fonetika, il-pronunzja tal-kelma inkwistjoni.

40.

Fir-rigward tal-allegazzjoni li l-element “bimbo” ma huwiex biss isem ta’ kumpannija iżda wkoll trade mark rinomata fi Spanja għall-prodotti inkwistjoni, nirrileva li l-appellanti ma tikseb l-ebda effett speċifiku fil-liġi. Fejn hija tixtieq b’dan il-mod tiddifferenzja l-każ inkwistjoni minn dak li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali fil-kawża Medion, nosserva li fl-ekonomija tas-sentenza mogħtija f’tali kawża, il-fatt li t-trade mark preċedenti jintuża fis-sinjal kompost ta’ terz flimkien mal-isem tal-kumpannija tagħha, jiġifieri b’trade mark tal-proprjetà tagħha, ma jidher li għandu ebda rilevanza. Fil-fatt, minn naħa, fil-punt 36 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja poġġiet fuq l-istess livell iż-żewġ ipoteżi u, min-naħa l-oħra, kien jirriżulta minn dak li ppreċiżat il-qorti tar-rinviju li, fis-suq tal-prodotti inkwistjoni, kien użwali l-użu li tiġi inkorporata d-ditta fit-trade mark, bil-konsegwenza li din tal-aħħar kienet qed titlef il-konnotazzjoni tipika tagħha ta’ sinjal li jiddistingwi l-impriża biex tassumi dik ta’ element ta’ identifikazzjoni tal-prodott ( 49 ).

41.

Fl-ambitu tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-grad ta’ xebh viżiv u fonetiku bejn is-sinjali mqabbla, identifikat bħala medju, tal-identiċità tal-prodotti (punt 91), tal-karattru distintiv medju tat-trade mark preċedenti (punt 92) (punti 95 sa 97), tan-natura tal-prodotti inkwistjoni u tal-livell pjuttost baxx ta’ attenzjoni tal-pubbliku fil-mument tax-xiri (punt 99). B’riferiment għal dawn il-fatturi u, b’mod partikolari għax-xebh viżiv u fonetiku medju bejn is-sinjali u għall-identiċità bejn il-prodotti, hija fl-aħħar ikkonkludiet li hemm l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

42.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma nħossx li l-Qorti Ġenerali tista’ tiġi akkużata li ddeduċiet awtomatikament il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti mill-konstatazzjoni tal-pożizzjoni distintiva awtonoma tal-element “doughnuts” fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, u lanqas li ma evalwatx globalment il-probabbiltà ta’ konfużjoni.

43.

Għandu wkoll jiġi miċħud l-ilment intiż li jinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata. Il-motivi li għalihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-appellanti dwar il-karattru deċiżiv tal-allegata dominanza, fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, tal-kelma “bimbo” jirriżultaw, barra mill-punti 95 sa 97 tas-sentenza appellata, anki mill-punti 76 sa 81 tal-istess sentenza.

44.

Fl-aħħar nett, l-argument tal-appellanti li s-sentenza Medion ma tistax tiġi trasposta għall-każ preżenti minħabba d-diversità tal-użi kummerċjali fis-settur tat-tagħmir elettroniku ta’ divertiment u f’dak tal-ħelu huwa, fl-opinjoni tiegħi, infondat fil-fatti. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tidher li qed tiddikjara l-appellanti, ma jirriżultax, mill-qari tas-sentenza u tal-konklużjonijiet, li l-frekwenza tar-rabtiet ekonomiċi bejn l-impriżi li joperaw fis-suq ta’ riferiment kienet tagħmel parti mill-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali li huwa deskritt mill-qorti tar-rinviju. Kif diġà kelli mod li nenfasizza hawn fuq, fil-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din il-qorti minflok irrilevat li, fis-settur kummerċjali kkonċernat, l-użi fil-qasam tal-ismijiet kienu jattribwixxu iktar prominenza lill-isem tal-manifattur li, inkella, kieku marret fl-isfond fl-impressjoni ġenerali prodotta minn trade mark kompost, billi l-pubbliku għandu t-tendenza bħala regola li jidentifika l-isem tal-prodott f’komponent differenti tas-sinjal ( 50 ). L-eżistenza ta’ dawn l-użi kummerċjali, li, fejn dokumentati, żgur għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala fattur rilevanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, ma ġiet la pprovata u lanqas avvanzata mill-appellanti dwar is-suq tal-prodotti inkwistjoni.

45.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad bħala infondata anki t-tieni parti tal-aggravju uniku tal-appell.

V – Konklużjoni

46.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) T‑569/10.

( 3 ) R 838/2009-4.

( 4 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146). Mit-13 ta’ April 2009, ir-Regolament Nru 40/94 tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

( 5 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005 (C-120/04, Ġabra p. I-8551).

( 6 ) L-ewwel Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92).

( 7 ) Punti 25 sa 27.

( 8 ) Punti 27 u 28.

( 9 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċitat, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL (C-251/95, Ġabra p. I-6191), tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer (C-342/97, Ġabra p. I-3819) u d-digriet tat-28 ta’ April 2004, Matratzen Concord vs UASI (C-3/03 P, Ġabra p. I-3657).

( 10 ) Punti 31 u 36.

( 11 ) Punti 32 sa 34.

( 12 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2013, Seven for all mankind vs Seven (C‑655/11 P, punti 71 u 72), tat-2 ta’ Settembru 2010, Calvin Klein Trademark Trust vs UASI (C-254/09 P, Ġabra p. I-7989, punti 43 sa 45), tas-16 ta’ Lulju 2009, American Clothing Associates vs UASI u UASI vs American Clothing Associates (C-202/08 P u C-208/08 P, Ġabra p. I-6933, punt 61), tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker (C-334/05 P, Ġabra p. I-4529, punti 33, 35 u 41); digrieti tal-20 ta’ Ottubru 2011, DTL vs UASI (C-67/11 P, Ġabra p. I-156, punti 39 sa 41), tal-15 ta’ Jannar 2010, Messer Group vs Air Products and Chemicals (C-579/08 P, Ġabra p. I-2, punt 71) u tal-20 ta’ Jannar 2009, Sebirán vs UASI u El Coto De Rioja (C-210/08 P, Ġabra p. I-6, punt 35 ). Għal dak li jikkonċerna l-Qorti Ġenerali, ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2007, Merant vs UASI – Focus Magazin verlag (FOCUS) (T-491/04, Ġabra p. II-45, punti 43 sa 44).

( 13 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN) (T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 34), digriet Matratzen Concord vs UASI (cit., punt 32), sentenza Medion (cit., punt 29). F’dan is-sens ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI (C-193/06 P, Ġabra p. I-114, punt 42) u UASI vs Shaker (iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

( 14 ) Kif diġà kelli mod nenfasizza fil-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fil-punt 34 tas-sentenza Medion, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel riferiment espress barra għall-ipoteżi li fiha mat-trade mark preċedenti tiżdied, fis-sinjal kumpless li ġie wara, id-ditta tat-terz, l-ipoteżi li fiha l-element li jiżdied ikun ikkostitwit minn trade mark (rinomat) li tagħha huwa stess ikun il-proprjetarju.

( 15 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Settembru 2011, Procter & Gamble Manufacturing Cologne vs UASI – Natura Cosméticos (NATURAVIVA) (T-107/10, Ġabra p. II-338, punt 43) u tat-13 ta’ Settembru 2010, Procter & Gamble vs UASI – Prestige Cosmetics (P&G PRESTIGE BEAUTE) (T-366/07, Ġabra p. II-194, punt 82).

( 16 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Marzu 2009, L’Oréal vs UASI – Spa Monopole (SPA THERAPY) (T-109/07, Ġabra p. II-687, punt 19), tas-7 ta’ Marzu 2013, FairWild Foundation vs UASI–Wild (FAIRWILD) (T‑247/11, punt 49), tat-8 ta’ Mejju 2012, Panzeri vs UASI – Royal Trophy (Royal Veste e premia lo sport) (T‑348/10, punt 33), tal-25 ta’ Marzu 2010, Nestlé vs UASI – Master Beverage Industries (Golden Eagle) (T‑5/08 ‐ T-7/08, Ġabra p. II-1177, punt 60), tat-18 ta’ Mejju 2011, Glenton España vs UASI – Polo/Lauren (POLO SANTA MARIA) (T-376/09, Ġabra p. II-141, punt 34), tal-24 ta’ Mejju 2012, Grupo Osborne vs UASI –Industria Licorera Quezalteca (TORO XL) (T‑169/10, punt 27), tas-17 ta’ Mejju 2013, Rocket Dog Brands vs UASI –Julius-K9 (JULIUS K9) (T‑231/12, punt 30), tat-2 ta’ Diċembru 2008, Harman International Industries vs UASI – Becker (Barbara Becker) (T-212/07, Ġabra p. II-3431, punti 37 u 41) u tal-20 ta’ Jannar 2010, Nokia vs UASI – Medion (LIFE BLOG) (T-460/07, Ġabra p. II-89, punt 73).

( 17 ) Ara d-digrieti tat-22 ta’ Jannar 2010, ecoblue vs UASI u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C-23/09 P, Ġabra p. I-7, punt 45) u tal-15 ta’ Frar 2011 (C-353/09 P, Ġabra, p. I-12, punt 34). F’dan is-sens, minkejja li interpretat il-punti 30 et seq tas-sentenza Medion bħala eċċezzjoni għal prinċipju li l-konsumatur jipperċepixxi trade mark fil-globalità tagħha, jidher li kkonkluda hekk wkoll l-Avukat Ġenerali Cruz Villalon fil-kawża Becker vs Harman International Industries, punti 53, 55 u 56 (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2010, C-51/09 P, Ġabra p. I-5805); ara wkoll, b’mod impliċitu, il-punti 34 sa 39 tas-sentenza li għadna kemm iċċitajna.

( 18 ) Riprodott fl-intier tagħha, ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Mejju 2013, Rocket Dog Brands vs UASI – Julius-K9 (JULIUS K9) (punt 31) u Focus Magazin Verlag vs UASI – Editorial Planeta (FOCUS Radio) (iċċitata iktar qabel, punt 40). F’sens impliċitament kuntrarju, ara madankollu s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2009, Offshore Legends vs UASI – Acteon (OFFSHORE LEGENDS en noir et blanc et OFFSHORE LEGENDS en bleu, noir et vert) (T-305/07 u T-306/07, Ġabra p. II-155, punt 86).

( 19 ) Ara s-sentenzi Panzeri vs UASI (iċċitata iktar qabel, punt 33), Nestlé vs UASI – Master Beverage Industries (Golden Eagle) (iċċitata iktar qabel, punt 60), Glenton España vs UASI – Polo/Lauren (POLO SANTA MARIA) (iċċitata iktar qabel punt 34); Grupo Osborne vs UASI –Industria Licorera Quezalteca (TORO XL) (iċċitata iktar qabel, punt 27). Ara madankollu, f’sens kuntrarju s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011, Winzer Pharma vs UASI – Alcon (OFTAL CUSI) (T-160/09, Ġabra p. II-233).

( 20 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali Glenton España vs UASI – Polo/Lauren (POLO SANTA MARIA) (iċċitata iktar ’il fuq, punt 54). F’dan is-sens ara wkoll is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2009, Phildar vs UASI – Comercial Jacinto Parera (FILDOR) (T-99/06, Ġabra p. II-164, punt 43), li fiha l-Qorti Ġenerali kkonfermat il-korrettezza tal-użu ta’ dan il-kunċett, minn naħa tal-Bord tal-Appell, sabiex tiġi evalwata l-importanza tal-element figurattiv fl-impressjoni ġenerali prodott mit-trade mark preċedenti.

( 21 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ April 2011, United States Polo Association vs UASI – Textiles CMG (U.S. POLO ASSN.) (T-228/09, Ġabra p. II-102, punt 38), ikkonfermata mis-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, United States Polo Association vs UASI (C‑327/11 P, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, fil-punti 51 u 52, li l-Qorti Ġenerali ma kinitx f’dan il-każ applikat is-sentenza Medion).

( 22 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Harman International Industries vs UASI – Becker (Barbara Becker) (iċċitata iktar qabel, punt 37) u FairWild Foundation vs UASI–Wild (FAIRWILD) (iċċitata iktar qabel, punt 50).

( 23 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Glenton España vs UASI – Polo/Lauren (POLO SANTA MARIA) (iċċitata iktar qabel, punt 54).

( 24 ) Ara d-digriet Perfetti Van Melle vs UASI (iċċitat iktar qabel punt 37).

( 25 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali Grupo Osborne vs UASI – Industria Licorera Quezalteca (TORO XL) (iċċitata iktar qabel, punt 42).

( 26 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Nestlé vs UASI – Master Beverage Industries (Golden Eagle) (iċċitata iktar qabel, punti 60 sa 63) u Offshore Legends vs UASI – Acteon (OFFSHORE LEGENDS en noir et blanc et OFFSHORE LEGENDS en bleu, noir et vert) (iċċitata iktar qabel, punti 82 sa 86).

( 27 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 2007, Gateway vs UASI – Fujitsu Siemens Computers (ACTIVY Media Gateway) (T-434/05, Ġabra p. II-163, punt 49), ikkonfermata minn C-57/08, u tas-17 ta’ Frar 2011, Formula One Licensing vs UASI – Global Sports Media (F1 – LIVE) (T-10/09, Ġabra p. II-427, punt 51), annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni tal-karattru deskrittiv tal-element li jikkorrispondi għat-trade mark preċedenti, ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, Formula One Licensing vs UASI (C‑196/11 P).

( 28 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali Grupo Osborne vs UASI – Industria Licorera Quezalteca (TORO XL) (iċċitata iktar qabel, punt 42)

( 29 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Marzu 2012, Volkswagen vs UASI – Suzuki Motor (SWIFT GTi) (T‑63/09, punt 111), Offshore Legends vs UASI – Acteon (OFFSHORE LEGENDS en noir et blanc et OFFSHORE LEGENDS en bleu, noir et vert) (iċċitata iktar qabel, punt 82) u impliċitament, id-digriet tas-27 ta’ April 2006, L’Oréal vs UASI (C-235/05 P, Ġabra p. I-57, punt 32).

( 30 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Procter & Gamble Manufacturing Cologne vs UASI – Natura Cosméticos (NATURAVIVA) (iċċitata iktar qabel, punt 43), Grupo Osborne vs UASI–Industria Licorera Quezalteca (TORO XL) (iċċitata iktar qabel, punt 40), tad-19 ta’ Mejju 2010, Ravensburger vs UASI – Educa Borras (EDUCA Memory game) (T-243/08, Ġabra p. II-95, punti 33 sa 42), ikkonfermata mid-digriet tal-14 ta’ Marzu 2011, Ravensburger vs UASI (C-370/10 P, Ġabra p. I-27), u tal-1 ta’ Lulju 2009, Perfetti Van Melle vs UASI – Cloetta Fazer (CENTER SHOCK) (T-16/08, Ġabra p. II-97, bil-kuntrarju, punti 44 sa 48), ikkonfermata mid-digriet Perfetti Van Melle vs UASI (iċċitata iktar qabel punt 37).

( 31 ) Sentenzi tal-Qorti Ġenerali Panzeri vs UASI – Royal Trophy (Royal Veste e premia lo sport) (iċċitata iktar qabel, punt 33), Nestlé vs UASI – Master Beverage Industries (Golden Eagle) (iċċitata iktar qabel, punt 60) u Glenton España vs UASI – Polo/Lauren (POLO SANTA MARIA) (iċċitata iktar qabel, punt 34).

( 32 ) Sentenzi tal-Qorti Ġenerali Volkswagen vs UASI – Suzuki Motor (SWIFT GTi) (iċċitata iktar qabel, punt 109), Gateway vs UASI – Fujitsu Siemens Computers (ACTIVY Media Gateway) (iċċitata iktar qabel, punt 49), tad-9 ta’ Settembru 2011, BVR vs UASI – Austria Leasing (Austria Leasing Gesellschaft m.b.H. Mitglied der Raiffeisen-Bankengruppe Österreich) (T-197/10, Ġabra p. II-273, punt 61) u DRV vs UASI – Austria Leasing (Austria Leasing Gesellschaft m.b.H. Mitglied der Raiffeisen-Bankengruppe Österreich) (T-199/10, Ġabra p. II-274, punt 61).

( 33 ) Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Frar 2011, Annco vs UASI – Freche et fils (ANN TAYLOR LOFT) (T-385/09, Ġabra p. II-455, punti 49, 50) u Volkswagen vs UASI – Suzuki Motor (SWIFT GTi) (iċċitata iktar qabel, punt 113).

( 34 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-7 ta’ Diċembru 2012, A. Loacker vs UASI–Editrice Quadratum (QUADRATUM) (T‑42/09, punti 34 u 35).

( 35 ) Ara s-sentenza Medion (iċċitata iktar qabel, punt 34).

( 36 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Novembru 2006, Camper vs UASI – JC (BROTHERS by CAMPER) (T-43/05, Ġabra p. II-95, punti 65 et seq).

( 37 ) Pereżempju, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni inġusta, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs, punt 40.

( 38 ) Sentenza Medion (iċċitata iktar qabel, punt 36).

( 39 ) Fil-punt 33 tas-sentenza ċċitata Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), imsemmija mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Medion, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li “trade mark kumplessa tista’ titqies li tixbah lil trade mark oħra, identika jew simili għal waħda mill-komponenti tat-trade mark kumplessa, biss jekk din tal-aħħar tikkostitwixxi l-element dominanti fl-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark kumplessa”, filwaqt li madankollu ppreċiżat minnufih wara li “dan l-approċċ ma jfissirx li jittieħed inkunsiderazzjoni komponent biss ta’ trade mark kumplessa u jitqabbel ma’ trade mark oħra”, filwaqt li jkollu minflok “isir il-paragun billi jiġu eżaminati t-trade marks in kwistjoni, ikkunsidrati kull waħda fil-kumpless tagħha”, iżda tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li “l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa [tista’], f’ċirkustanzi ddeterminati, tiġi ddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha” (punt 34) .

( 40 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 12.

( 41 ) Ara l-punt 42. Dan il-prinċipju kien diġà impliċitu fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “element dominanti” mogħti fil-punt 34 tas-sentenza iċċitata iktar ’il fuq Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN) tal-Qorti Ġenerali.

( 42 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Calvin Klein Trademark Trust vs UASI (iċċitata iktar qabel punti 56 u 57), Nestlé vs UASI (iċċitata iktar qabel, punti 41 sa 43) u DTL vs UASI (iċċitata iktar qabel, punt 41) .

( 43 ) Ara s-sentenzi SABEL (iċċitata iktar qabel, punt 23), Lloyd Schuhfabrik Meyer (iċċitata iktar qabel, punt 25) u Medion (iċċitata iktar qabel, punt 28).

( 44 ) Ara d-digrieti tad-29 ta’ Ġunju 2011, adp Gauselmann vs UASI (C-532/10 P, Ġabra p. I-94, punt 43) u tat-23 ta’ Novembru 2010, Enercon vs UASI (C-204/10 P, Ġabra p. I-156, punti 23 sa 26).

( 45 ) Ara s-sentenza SABEL (iċċitata iktar qabel, punt 22) u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali Annco vs UASI – Freche et fils (ANN TAYLOR LOFT) (iċċitata iktar qabel, punt 50).

( 46 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Annco vs UASI – Freche et fils (ANN TAYLOR LOFT) (iċċitata iktar qabel, punt 49), L’Oréal vs UASI – Spa Monopole (SPA THERAPY) (iċċitata iktar qabel, punt 29) u Volkswagen vs UASI – Suzuki Motor (SWIFT GTi) (iċċitata iktar qabel, punt 113), ara wkoll Becker vs Harman International Industries (iċċitata iktar qabel, punt 40).

( 47 ) Ara s-sentenza Medion (iċċitata iktar qabel, punt 32).

( 48 ) Punti 77 u 78.

( 49 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs (iċċitati iktar qabel, punti 9 u 10).

( 50 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs (iċċitati iktar qabel punti 8 sa 10).

Fuq