Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0135

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (id-Disa’ Awla) tal-15 ta’ Mejju 2014.
    Szatmári Malom Kft. vs Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal Központi Szerve.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria.
    Agrikoltura — FAEŻR — Regolament (KE) Nru 1698/2005 — Artikoli 20, 26 u 28 — Għajnuna għall-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli u għajnuna għat-tkabbir tal-valur miżjud tal-prodotti agrikoli u forestali — Kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà — Kompetenzi tal-Istati Membri — Għajnuna li minnha tibbenefika l-modernizzazzjoni tal-kapaċitajiet eżistenti ta’ mtieħen — Imtieħen issostitwiti b’mitħna ġdida waħda mingħajr żieda fil-kapaċità — Esklużjoni — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
    Kawża C‑135/13.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:327

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    15 ta’ Mejju 2014 ( *1 )

    “Agrikoltura — FAEŻR — Regolament (KE) Nru 1698/2005 — Artikoli 20, 26 u 28 — Għajnuna għall-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli u għajnuna għat-tkabbir tal-valur miżjud tal-prodotti agrikoli u forestali — Kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà — Kompetenzi tal-Istati Membri — Għajnuna li minnha tibbenefika l-modernizzazzjoni tal-kapaċitajiet eżistenti ta’ mtieħen — Imtieħen issostitwiti b’mitħna ġdida waħda mingħajr żieda fil-kapaċità — Esklużjoni — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”

    Fil-Kawża C‑135/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kúria (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura

    Szatmári Malom Kft.

    vs

    Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal Központi Szerve,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur) u K. Jürimaë, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

    Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Marzu 2014,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Szatmári Malom Kft., minn F. Simonné dr. Zsúnyi, avukat,

    għall-Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal Központi Szerve, minn A. Ivanovits, avukat,

    għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

    għall-Gvern Elleniku, minn I. Chalkias u X. Basakou, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Sipos, J. Aquilina u V. Bottka, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20(b), 26(1)(a) u 28(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 286M, p. 26).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Szatmári Malom Kft. (iktar ’il quddiem “Szatmári Malom”) u l-Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal Központi Szerve (Uffiċċju tal-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali) dwar deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li rrifjutat li tagħti għajnuna mill-FAEŻR lil Szatmári Malom.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessi 9, 11, 13, 20, 21, 23 u 61 tar-Regolament Nru 1698/2005 jiddikjaraw:

    “(9)

    Abbażi tal-linji gwida strateġiċi, kull Stat Membru għandu jħejji l-pjan strateġiku nazzjonali tiegħu għall-iżvilupp rurali li jikkostitwixxi l-qafas ta’ referenza għat-tħejjija tal-programmi għall-iżvilupp rurali. [...]

    [...]

    (11)

    Sabiex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli taż-żoni rurali jeħtieġ li wieħed jiffoka fuq numru limitat ta’ objettivi ta’ qofol fuq livell Komunitarju relatati mal-kompetittività fl-oqsma tal-agrikoltura u tal-foresterija, il-ġestjoni tal-art u l-ambjent, il-kwalità tal-għajxien u d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet f’dawk l‑oqsma, b’kont meħud tad-diversità tas-sitwazzjonijiet, li jvarjaw minn żoni rurali remoti milquta minn tnaqqis fil-popolazzjoni u rigress għal żoni rurali peri-urbani taħt pressjoni dejjem akbar minn ċentri urbani.

    [...]

    (13)

    Sabiex jintlaħaq l-objettiv li tittejjeb il-kompetittività tas-setturi tal-agrikoltura u tal-foresterija huwa importanti li jinbnew strateġiji ċari ta’ żvilupp immirati lejn it-titjib u l-adattament tal-potenzjal uman, il-potenzjal fiżiku u l-kwalità tal-produzzjoni agrikola.

    [...]

    (20)

    Fir-rigward tal-potenzjal fiżiku, għandhom ikunu disponibbli sett ta’ miżuri dwar il-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli, it-titjib tal-valur ekonomiku tal-foresti, iż-żieda fil-valur tal-prodotti agrikoli u forestali, il-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda fis-settur agrikolu u tal-ikel u fis-settur tal-foresterija, it-titjib u l-iżvilupp tal-infrastruttura agrikola u forestali, ir-rikostituzzjoni tal-potenzjal tal-produzzjoni agrikola fejn saret ħsara minnħabba diżastri naturali u l-introduzzjoni ta’ miżuri adatti ta’ prevenzjoni.

    (21)

    L-għan tal-għajnuna Komunitarja għall-investiment fl-azjendi agrikoli huwa li jiġu modernizzati l-azjendi agrikoli biex titjieb il-prestazzjoni ekonomika tagħhom permezz tal-użu aħjar tal-fatturi ta’ produzzjoni, li jinkludi, l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u ta’ innovazzjoni, filwaqt li jiġu ppreferuti l-kwalità, il-prodotti organiċi u d-diversifikazzjoni intra u extra-azjendali, inklużi s-setturi li mhux tal-ikel u tal-prodotti tar-raba’ enerġetiċi, kif ukoll it-titjib tas-sitwazzjoni ambjentali, tas-sigurtà fuq ix-xogħol, tal-iġjene u tat-trattament xieraq tal-annimali fl-azjendi agrikoli [...]

    [...]

    (23)

    Għandu jitħeġġeġ it-titjib fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli u forestali primarji permezz ta’ appoġġ għall-investimenti li għandhom l-għan li jtejbu l-effiċjenza fis-settur tal-ipproċessar u dak tal-kummerċjalizzazzjoni, li jippromovu l-ipproċessar tal-produzzjoni agrikola u forestali għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, li jintroduċu teknoloġiji ġodda u innovazzjoni, li jiftħu opportunitajiet ġodda fis-suq għall-prodotti agrikoli u forestali, li jtejbu l-kwalità, li jżidu l-livell ta’ protezzjoni tal-ambjent, tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-iġjene u t-trattament xieraq tal-annimali, skont il-każ, billi, bħala regola ġenerali, jiffukaw fuq il-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u intrapriżi oħra taħt ċertu daqs, li huma f’pożizzjoni aħjar biex iżidu l-valur tal-prodotti lokali [...]

    [...]

    (61)

    F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u soġġett għal eċċezzjonijiet, għandu jkun hemm regoli nazzjonali dwar l-eliġibbilità tal-ispejjeż”.

    4

    L-Artikolu 2(c) sa (e) tar-Regolament Nru 1698/2005 jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

    “[...]

    (c)

    ‘assi’: grupp koerenti ta’ miżuri b’għanijiet speċifiċi li jirriżultaw direttament mill-implimentazzjoni [u li jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ wieħed jew iktar mill-objettivi ddefiniti fl-Artikolu 4];

    (d)

    ‘miżura’: sett ta’ operazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ assi [...];

    (e)

    ‘operazzjoni’: proġett, kuntratt jew arranġament, jew azzjoni oħra magħżula skont kriterji stabbiliti għall-programm għall-iżvilupp rurali kkonċernat u implimentat minn wieħed jew aktar mill-benefiċjarji li jippermetti l-kisba tal-objettivi mniżżla fl-Artikolu 4”.

    5

    L-Artikolu 11(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

    “1.   Kull Stat Membru għandu jippreżenta pjan strateġiku nazzjonali li jindika l-prijoritajiet tal-azzjoni tal-FAEŻR u tal-Istat Membru kkonċernat b’kont meħud tal-linji gwida strateġiċi tal-Komunità, l-objettivi speċifiċi tagħhom, il-kontribut mill-FAEŻR u r-riżorsi finanzjarji l-oħra.

    2.   [...] Dan għandu jiġi implimentat permezz tal-programmi għall-iżvilupp rurali.”

    6

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tal-istess regolament jipprovdi:

    “Il-FAEŻR għandu jaġixxi fl-Istati Membri permezz ta’ programmi ta’ żvilupp rurali. Dawn il-programmi jimplimentaw strateġija ta’ żvilupp rurali permezz ta’ sett ta’ miżuri magħquda flimkien skont l-assi definiti fit-Titolu IV [...]”

    7

    L-Artikolu 16(c) tar-Regolament Nru 1698/2005 jistabbilixxi:

    “Kull programm għall-iżvilupp rurali għandu jinkludi:

    [...]

    (c)

    informazzjoni dwar l-assi u l-miżuri proposti għal kull assi u d-deskrizzjoni tagħhom [...]”

    8

    L-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

    “1.   Il-programmi għall-iżvilupp rurali għandhom jiġu stabbiliti minn Stat Membru [...]

    [...]

    3.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-programmi proposti abbażi tal-konsistenza tagħhom mal-linji gwida strateġiċi tal-Komunità, mal-pjan strateġiku nazzjonali u ma’ dan ir-Regolament.

    Fejn il-Kummissjoni tqis li programm għall-iżvilupp rurali mhuwiex konsistenti mal-linji gwida strateġiċi tal-Komunità, mal-pjan strateġiku nazzjonali jew ma’ dan ir-Regolament, għandha titlob lill-Istat Membru biex jirrevedi l-programm propost kif meħtieġ.

    4.   Kull programm għall-iżvilupp rurali għandu jiġi approvat f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2).”

    9

    Taħt l-iskema ta’ għajnuna tal-Assi 1, intitolata “Titjib tal-kompetittività tas-settur agrikolu u tal-foresterija”, l-Artikolu 20 tal-istess regolament jipprovdi:

    L-appoġġ immirat għall-kompetittività tas-settur agrikolu u tal-foresterija għandu jikkonċerna:

    [...]

    (b)

    miżuri mmirati lejn ir-ristrutturazzjoni u l-iżvilupp tal-potenzjal fiżiku u l-promozzjoni tal-innovazzjoni permezz ta’:

    (i)

    il-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli;

    [...]

    (iii)

    iż-żieda fil-valur [it-tkabbir tal-valur miżjud] tal-prodotti agrikoli u tal-foresti;

    [...]”

    10

    L-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1698/2005, intitolat “Modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-appoġġ previst fl-Artikolu 20(b)(i) għandu jingħata għal investimenti tanġibbli u/jew mhux tanġibbli li:

    (a)

    itejbu l-prestazzjoni globali tal-azjenda agrikola, [...]

    [...]”

    11

    L-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament, intitolat “Żieda fil-valur miżjud tal-prodotti agrikoli u forestali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-appoġġ previst fl-Artikolu 20(b)(iii) għandu jingħata għal investimenti tanġibbli u/jew mhux tanġibbli li:

    (a)

    itejbu l-prestazzjoni globali tal-azjenda agrikola [tal-impriżi];

    (b)

    jikkonċernaw:

    l-ipproċessar u/jew it-tqegħid fis-suq tal-prodotti koperti mill-Anness I għat-Trattat, ħlief il-prodotti tas-sajd, u tal-prodotti forestali, [...]

    [...]”

    12

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(3) ta’ dan l-istess regolament jistabbilixxi:

    “Ir-regoli dwar l-eliġibbilità tan-nefqa għandhom jiġu stabbiliti fuq livell nazzjonali, soġġett għall-kondizzjonijiet speċjali stabbiliti minn dan ir-Regolament għal ċerti miżuri għall-iżvilupp rurali.”

    Id-dritt Ungeriż

    13

    Skont l-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 47/2008 tal-Ministru tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali, tas-17 ta’ April 2008, dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna għat-tkabbir tal-valur miżjud tal-prodotti agrikoli mill-FAEŻR [Az Európai Mezőgazdasági Vidékfejlesztési Alapból a mezőgazdasági termékek értéknöveléséhez nyújtandó támogatások részletes feltételeiről szóló 47/2008. (IV. 17.) FVM rendelet] (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 47”).

    “Permezz tat-titjib fl-ipproċessar u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli jew permezz tal-introduzzjoni ta’ prodotti, ta’ proċessi u teknoloġiji ġodda, l-għajnuna tfittex li tkabbar il-prestazzjoni globali u l-kompetittività tal-azjendi agrikoli u tal-impriżi tal-industrija tal-ikel, li ttejjeb il-kundizzjonijiet ta’ sigurtà u ta’ iġjene tal-ikel u li ttaffi l-piż fuq l-ambjent”.

    14

    L-Artikolu 6(3) tad-Digriet Nru 47 jipprovdi:

    “F’dak li jirrigwarda l-prodotti li jaqgħu taħt is-subintestaturi [tan-Nomenklatura Magħquda (NM)] li jibdew b’0203, 0401, u 1101 sa 1104, kif ukoll dawk li jaqgħu taħt is-subintestaturi NM 0206 30 00 sa 0206 80 10, u 0207 11 10 sa 0207 14 99, l-għajnuna tista’ tingħata għal operazzjonijiet intiżi esklużivament għall-modernizzazzjoni tal-kapaċitajiet eżistenti ta’ mtieħen, impjanti għall-ipproċessar tal-ħalib u impjanti għat-tqattigħ tal-laħam.”

    15

    Skont l-Artikolu 12 tal-imsemmi digriet:

    “Dan id-digriet jinkludi d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implementazzjoni tal-Artikoli 26 u 28 tar-Regolament [Nru 1698/2005].”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    16

    Fit-30 ta’ Novembru 2009, Szatmári Malom issottomettiet applikazzjoni għal għajnuna għat-tkabbir tal-valur miżjud tal-prodotti agrikoli. Skont din l-applikazzjoni, Szatmári Malom kienet qiegħda taħseb li tistabbilixxi mitħna ġdida f’Veszprém-Kádárta (l-Ungerija), li tgħaqqad flimkien il-kapaċitajiet ta’ tliet imtieħen eżistenti li fl-istess ħin kienu sejrin jingħalqu.

    17

    Il-Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal Központi Szerve rrifjuta li jilqa’ l-imsemmija applikazzjoni għar-raġuni li, skont l-Artikolu 6(3) tad-Digriet Nru 47, għajnuna tista’ tingħata biss għall-modernizzazzjoni ta’ mtieħen eżistenti u mhux għall-istabbiliment ta’ mitħna ġdida f’post ġdid.

    18

    Szatmári Malom ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Jász-Nagykun-Szolnok Megyei Bíróság (qorti provinċjali ta’ Jász-Nagykun-Szolnok). Filwaqt li rrikonoxxiet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha l-għan li tevita żieda fin-numru ta’ impriżi involuti fit-tħin, Szatmári Malom argumentat, insostenn ta’ dan ir-rikors, li l-użu tal-kapaċità lliberata mit-tliet imtieħen magħluqa kellu, f’dan il-każ, jippermettilha twettaq attività ta’ produzzjoni li kienet teżisti qabel f’kundizzjonijiet iktar moderni b’titjib konsegwenti tal-prestazzjoni globali tal-impriża.

    19

    L-imsemmi rikors ġie miċħud b’sentenza tal-Jász-Nagykun-Szolnok Megyei Bíróság tal-14 ta’ Novembru 2011. Dik il-qorti kkunsidrat li l-Artikoli 1 u 6(3) tad-Digriet Nru 47 ma setgħux jiġu interpretati fis-sens li t-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tippermetti wkoll l-għoti ta’ għajnuna għal miżuri ta’ żvilupp imwettqa permezz ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni lliberati mill-għeluq ta’ mtieħen eżistenti. F’dan ir-rigward, hija rrilevat, b’mod partikolari, li l-Artikolu 12 tad-Digriet Nru 47 jenfasizza li dan tal-aħħar jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Artikoli 26 u 28 tar-Regolament Nru 1698/2005 u li l-Artikolu 20(b)(i) ta’ dan tal-aħħar, li għalih jirreferi l-imsemmi Artikolu 26, jiggarantixxi t-twettiq ta’ miżuri ta’ modernizzazzjoni, iżda mhux l-istabbiliment ta’ unitajiet ġodda ta’ produzzjoni.

    20

    Insostenn tal-appell minn din is-sentenza li ressqet quddiem il-Kúria, Szatmári Malom issostni li dik is-sentenza hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tar-Regolament Nru 1698/2005. Hija ssostni, b’mod partikolari, li l-Jász-Nagykun-Szolnok Megyei Bíróság żbaljat meta rreferiet għall-Artikolu 20(b)(i) ta’ dan ir-regolament, billi l-applikazzjoni għal għajnuna inkwistjoni ġiet sottomessa mhux abbażi ta’ modernizzazzjoni ta’ azjenda ta’ produzzjoni agrikola prevista fl-imsemmija dispożizzjoni, iżda abbażi tat-tkabbir tal-valur miżjud tal-prodotti agrikoli, sitwazzjoni li taqa’ biss taħt l-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament, li jipprovdi għall-għoti ta’ għajnuna intiża sabiex tittejjeb il-prestazzjoni globali tal-impriżi.

    21

    Issa, skont Szatmári Malom, il-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar, b’mod li hija biss interpretazzjoni tad-Digriet Nru 47 li twassal għall-għoti tal-għajnuna mitluba li tista’ tkun ta’ natura li tiżgura, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, il-konformità tal-imsemmi digriet mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1698/2005.

    22

    Min-naħa tiegħu, il-Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal Központi Szerve jsostni li d-deċiżjoni tiegħu kienet ibbażata biss fuq id-Digriet Nru 47, b’mod li l-Jász-Nagykun-Szolnok Megyei Bíróság ma kellhiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1698/2005. Fi kwalunkwe każ, skont l-imsemmi uffiċċju, l-Artikolu 6(3) ta’ dan id-digriet huwa konformi mal-imsemmi regolament.

    23

    Huwa f’dan il-kuntest li l-Kúria ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Il-fatt li impriża trid toħloq unità ta’ produzzjoni ġdida billi tagħlaq l-unitajiet antiki, iżda mingħajr ma żżid il-kapaċità eżistenti, jikkorrispondi għall-kunċett ta’ titjib tal-prestazzjoni ġenerali tal-azjenda agrikola, użat fl-Artikolu 26(1)(a) tar-[Regolament Nru 1698/2005]?

    2)

    L-investiment previst mir-rikorrenti jista’ jitqies bħala investiment intiż għat-titjib tal-prestazzjoni ġenerali tal-impriżi, fis-sens tal-Artikolu 20(b)(iii) u l-Artikolu 28(1)(a) tar-[Regolament Nru 1698/2005]?

    3)

    L-Artikolu 6(3) tad-[Digriet Nru 47] jinkludi regola konformi mal-Artikolu 28(1)(a) tar-[Regolament Nru 1698/2005], sa fejn dan jipprevedi għajnuna għall-operazzjonijiet li huma intiżi biss, f’dak li jikkonċerna l-imtieħen, li jimmodernizzaw il-kapaċità eżistenti? [Dan ir-regolament] jippermetti l-adozzjoni ta’ leġiżlazzoni nazzjonali li teskludi, għal raġunijiet ekonomiċi, l-għoti ta’ għajnuna għal ċerti miżuri ta’ żvilupp?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    24

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 26(1)(a) tar-Regolament Nru 1698/2005 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ titjib tal-prestazzjoni globali tal-azjenda agrikola, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jistax ikopri operazzjoni li permezz tagħha impriza li l-attività tagħha hija l-operat ta’ mtieħen tagħlaq imtieħen antiki sabiex tissostitwihom b’mitħna ġdida mingħajr żieda fil-kapaċità eżistenti.

    25

    Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mit-termini tagħha stess, l-imsemmija dispożizzjoni tirrigwarda l-“azjendi agrikoli”, bl-istess mod, barra minn hekk, bħall-Artikolu 20(b)(i) tar-Regolament Nru 1698/2005.

    26

    Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni sostniet, f’dan ir-rigward, li mtieħen ma jistgħux jiġu kkunsidrati azjendi agrikoli fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet, b’mod li dawn tal-aħħar ma humiex intiżi sabiex japplikaw għal operazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    27

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, kif jirriżulta mill-premessa 61 u mill-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 1698/2005, għalkemm ir-regoli dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż huma, bħala regola ġenerali, iddeterminati fuq livell nazzjonali, dan huwa l-każ biss suġġett għall-kundizzjonijiet partikolari stabbiliti mill-imsemmi regolament għal ċerti miżuri ta’ żvilupp rurali (sentenza Ketelä, C‑592/11, EU:C:2012:673, punt 38).

    28

    L-għajnuna għall-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli prevista fl-Artikoli 20(b)(i) u 26 tar-Regolament Nru 1698/2005 tikkonċerna tali miżura u l-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà relatata mal-għoti tal-għajnuna lil “azjenda agrikola” tikkostitwixxi kundizzjoni partikolari ta’ din il-miżura.

    29

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel l-ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri bl-iskop li jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħha normalment għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Ketelä, EU:C:2012:673, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Ma hemm ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ azjenda agrikola fir-Regolament Nru 1698/2005.

    31

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ termini li ma jingħataw ebda definizzjoni fid-dritt tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita skont it-tifsira komuni tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti tfittex li tilħaq (sentenza Ketelä, EU:C:2012:673, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Fir-rigward tat-termini użati fl-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1698/2005, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-portata ta’ espressjoni bħal “azjenda agrikola” tista’, b’mod partikolari, tvarja skont l-għanijiet speċifiċi li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni jfittxu li jilħqu (ara s-sentenza Azienda Avicola Sant’Anna, 85/77, EU:C:1978:38, punt 9).

    33

    F’dak li jirrigwarda l-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni, mill-premessi 13 u 20 tar-Regolament Nru 1698/2005 u mill-Artikolu 20(b)(i) u (iii) ta’ dan ir‑regolament jirriżulta li, bil-fatt li speċifika d-diversi tipi ta’ miżuri intiżi sabiex itejbu u jadattaw il-potenzjal fiżiku, il-leġiżlatur tal-Unjoni, b’mod partikolari, għamel distinzjoni bejn il-miżuri għall-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli u l-miżuri għat-tkabbir tal-valur miżjud tal-prodotti agrikoli.

    34

    Barra minn hekk, dawn iż-żewġ tipi ta’ operazzjonijiet huma s-suġġett ta’ żewġ dispożizzjonijiet distinti, jiġifieri l-Artikoli 26 u 28 tar-Regolament Nru 1698/2005, li għandhom l-għan li jispeċifikaw ċerti karatteristiċi li għandhom jissodisfaw rispettivament l-imsemmija operazzjonijiet.

    35

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1698/2005 jispeċifika li l-operazzjonijiet li jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna għall-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli huma l-investimenti tanġibbli u/jew intanġibbli li, b’mod partikolari, itejbu l-“prestazzjoni globali tal-azjenda agrikola”, filwaqt li l-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament jispeċifika li l-operazzjonijiet li jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna għat-tkabbir tal-valur miżjud tal-prodotti agrikoli huma l-investimenti tanġibbli u/jew intanġibbli li jtejbu l-“prestazzjoni globali tal-azjenda agrikola [tal-impriża]” u jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-“ipproċessar u/jew it-tqegħid fis-suq tal-prodotti [agrikoli] koperti mill-Anness I għat-Trattat”.

    36

    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-premessa 21 tar-Regolament Nru 1698/2005 tikklassifika l-għajnuna għall-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli, prevista fl-Artikoli 20(b)(i) u 26 ta’ dan ir-regolament, bħala “għajnuna [...] għall-investiment fl-azjendi agrikoli” u tirreferi, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, għall-użu aħjar tal-“fatturi ta’ produzzjoni” u għall-ħtieġa li jiġu ppreferuti l-“prodotti agrikoli” u d-“diversifikazzjoni intra u extra-azjendali, inklużi s-setturi li mhux tal-ikel u tal-prodotti tar-raba’ enerġetiċi”.

    37

    Il-premessa 23 tal-imsemmi regolament li tikkonċerna l-għajnuna għat-tkabbir tal-valur miżjud tal-prodotti agrikoli tispeċifika, min-naħa tagħha, li l-imsemmija għajnuna tfittex li tħeġġeġ it-titjib fl-“ipproċessar” u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-“prodotti agrikoli [...] primarji” permezz ta’ għajnuna għall-investimenti li għandhom, b’mod partikolari, l-għan li jtejbu l-effiċjenza fis-settur tal-“ipproċessar” u tal-kummerċjalizzazzjoni.

    38

    Mid-distinzjoni hekk magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni u mill-imsemmija dettalji kollha li jinsabu fl-Artikoli 26 u 28 u fil-premessi 21 u 23 tar-Regolament Nru 1698/2005 jirrizulta li, fl-ambitu tal-kuntest leġiżlattiv stabbilit minn dan ir-regolament, “azjenda agrikola”, fis-sens tal-Artikoli 20(b)(i) u 26 ta’ dan tal-aħħar, għandha tfisser azjenda li l-attività tagħha hija l-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli primarji (ara, f’dan is-sens ukoll, fir-rigward ta’ leġiżlazzjonijiet preċedenti li jikkonċernaw iż-żewġ tipi ta’ għajnuna eżaminati hawnhekk, is-sentenza Cattaneo Adorno vs Il‑Kummissjoni, 107/80, EU:C:1981:127, punti 19 u 21).

    39

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li impriża bħal dik ta’ Szatmári Malom, li ma tipproduċix prodotti agrikoli primarji, iżda topera mtieħen li fihom hija tipproċessa tali prodotti, ma tikkostitwixxix “azjenda agrikola”, fis-sens tal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1698/2005.

    40

    Min-naħa l-oħra, tali impriża taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 20(b)(iii) u 28(1) ta’ dan ir-regolament u għaldaqstant tista’ tibbenefika minn għajnuna abbażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

    41

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 26(1)(a) tar-Regolament Nru 1698/2005 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ titjib tal-prestazzjoni globali tal-azjenda agrikola, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, ma jistax ikopri operazzjoni li permezz tagħha impriza li l-attività tagħha hija l-operat ta’ mtieħen tagħlaq imtieħen antiki sabiex tissostitwixxihom b’mitħna ġdida mingħajr żieda fil-kapaċità eżistenti.

    Fuq it-tieni domanda

    42

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 20(b)(iii) u 28(1)(a) tar-Regolament Nru 1698/2005 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li operazzjoni li tikkonsisti fl-għeluq ta’ mtieħen antiki u s-sostituzzjoni tagħhom b’mitħna ġdida mingħajr żieda fil-kapaċità eżistenti tistax ittejjeb il-prestazzjoni globali tal-impriża fis-sens tat-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

    43

    F’dan ir-rigward, diġà ġie rrilevat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza li impriża li topera mitħna waħda jew iktar u, għalhekk, hija attiva fis-settur tal-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli primarji tista’ taqa’ taħt il-kamp tal-imsemmija dispożizzjonijiet u tibbenefika minn għajnuna abbażi ta’ dawn tal-aħħar. Bl-istess mod, huwa paċifiku li operazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tabilħaqq tirrappreżenta investiment tanġibbli li jissodisfa l-kundizzjoni, stabbilita mill-Artikolu 28(1)(b) tar-Regolament Nru 1698/2005, li tali investiment għandu jikkonċerna l-ipproċessar ta’ prodotti koperti mill-Anness I tat-Trattat.

    44

    F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk tali operazzjoni tistax twassal għal “titjib tal-prestazzjoni globali” tal-imsemmija impriża, fis-sens tal-Artikolu 28(1)(a) tal-imsemmi regolament, għandu jiġi rrilevat li xejn fit-test tal-imsemmi Artikolu 28(1) ma jissuġġerixxi li l-għajnuna prevista minn dan tal-aħħar għandha tkun eskluża f’każijiet fejn tali titjib fil-prestazzjoni jintlaħaq mill-impriża kkonċernata permezz tas-sostituzzjoni ta’ installazzjoni ta’ pproċessar eżistenti waħda jew iktar b’installazzjoni ġdida.

    45

    Kif, b’mod partikolari, issostni ġustament il-Kummissjoni, tali interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 lanqas ma tista’ tiġi ġġustifikata abbażi tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet li din id-dispożizzjoni tfittex li tilħaq.

    46

    Fil-fatt, mill-Artikoli 20(b)(iii) u 28(1) tar-Regolament Nru 1698/2005, moqrija fid-dawl tal-premessi 13, 20 u 23 ta’ dan tal-aħħar, jirriżulta li l-miżuri ta’ għajnuna previsti fl-imsemmija dispożizzjonijiet ifittxu, b’mod partikolari, li jtejbu l-ipproċessar tal-prodotti agrikoli primarji, billi jsostnu l-investimenti li l-għan tagħhom huwa t-tisħiħ tal-effiċjenza fis-settur tal-ipproċessar, sabiex ikabbru l-valur miżjud tal-prodotti agrikoli u jikkontribwixxu sabiex jintlaħaq l-għan tal-imsemmi regolament li jikkonsisti fit-titjib tal-kompetittività tas-settur agrikolu.

    47

    Issa huwa evidenti li t-titjib tal-prestazzjoni ta’ impriża ta’ pproċessar li topera mitħna waħda jew iktar, li jseħħ permezz tas-sostituzzjoni tal-installazzjonijiet eżistenti b’installazzjoni ġdida, jista’ jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu tali għanijiet.

    48

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 20(b)(iii) u 28(1)(a) tar-Regolament Nru 1698/2005 għandhom jiġu interpretati fis-sens li operazzjoni li tikkonsisti fl-għeluq ta’ mtieħen antiki u s-sostituzzjoni tagħhom b’mitħna ġdida mingħajr żieda fil-kapaċità eżistenti tista’ ttejjeb il-prestazzjoni globali tal-impriża fis-sens tat-tieni waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet.

    Fuq it-tielet domanda

    49

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(3) tad-Digriet Nru 47 jipprovdi li l-għajnuna għat-tkabbir tal-valur miżjud tal-prodotti agrikoli tista’ tingħata biss, f’dak li jirrigwarda l-imtieħen, għal operazzjonijiet intiżi għall-modernizzazzjoni tal-kapaċitajiet eżistenti tagħhom.

    50

    F’dak li jirrigwarda l-iskop ta’ din il-limitazzjoni, u minkejja li, fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi, f’dan ir-rigward, f’termini ġeneriċi għal raġunijiet ekonomiċi li jiġġustifikaw l-esklużjoni ta’ ċerti miżuri ta’ żvilupp, jidher li mill-indikazzjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju, riprodotta fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, joħroġ li l-imsemmija limitazzjoni hija dovuta, essenzjalment, għal volontà li ma tiġix inkoraġġita żieda fin-numru tal-imtieħen attivi.

    51

    Mistoqsi fuq dan il-punt waqt is-seduta, il-Gvern Ungeriż min-naħa tiegħu kkonferma li l-imsemmija limitazzjoni kienet effettivament intiża sabiex tevita li tinkoraġġixxi, permezz tal-għoti ta’ għajnuna, il-ħolqien ta’ kapaċitajiet addizzjonali ta’ pproċessar fis-settur tat-tħin.

    52

    Barra minn hekk, kemm il-Gvern Ungeriż kif ukoll il-Kummissjoni enfasizzaw, f’dan ir-rigward, li mill-pjan għall-iżvilupp rurali Ungeriż stabbilit bis-saħħa tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1698/2005 jirriżulta li, fl-imsemmi Stat Membru, is-settur tat-tħin huwa kkaratterizat minn livell baxx ħafna ta’ użu tal-kapaċitajiet eżistenti.

    53

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet domanda għandha tinftiehem li, essenzjalment, tfittex li jsir magħruf jekk l-Artikolu 28(1)(a) tar-Regolament Nru 1698/2005 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi għajnuna għat-tkabbir tal-valur miżjud tal-prodotti agrikoli li minnha jistgħu jibbenefikaw biss, f’dak li jirrigwarda l-impriżi li joperaw imtieħen, l-operazzjonijiet intiżi għall-modernizzazzjoni tal-kapaċitajiet eżistenti tal-imsemmija mtieħen u mhux dawk li jinvolvu l-istabbiliment ta’ kapaċitajiet ġodda.

    54

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li għalkemm, minħabba n-natura tagħhom stess u l-funzjoni tagħhom fis-sistema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ regolamenti għandhom, bħala regola ġenerali, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali mingħajr ma huwa meħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu miżuri ta’ applikazzjoni, uħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom jistgħu jeħtieġu, madankollu, għall-implementazzjoni tagħhom, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni mill-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Ketelä, EU:C:2012:673, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    55

    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni ta’ regolament jekk ma jostakolawx l-applikabbiltà diretta tiegħu, jekk ma jaħbux in-natura Komunitarja tiegħu u jekk jispeċifikaw l-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilhom minn dan ir-regolament filwaqt li jibqgħu fil-parametri tad-dispożizzjonijiet tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Ketelä, EU:C:2012:673, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    56

    F’dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku r-Regolament Nru 1698/2005, fil-punt 27 ta’ din is-sentenza diġà tfakkar li, mill-premessa 61 u mill-Artikolu 71(3) tal-imsemmi regolament jirriżulta li, suġġett għall-kundizzjonijiet partikolari stabbiliti minn dan tal-aħħar għal ċerti miżuri ta’ żvilupp rurali, ir-regoli dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż huma, bħala regola ġenerali, iddeterminati fuq livell nazzjonali.

    57

    F’dan il-każ, ir-rekwiżit stabbilit mill-Artikolu 28(1)(a) tar-Regolament Nru 1698/2005 li l-operazzjoni prevista għandha tkun ta’ natura li tiżgura titjib tal-prestazzjoni globali tal-impriża ċertament jikkostitwixxi tali kundizzjoni partikolari u, għalhekk, kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna prevista f’dik id-dispożizzjoni.

    58

    Min-naħa l-oħra, mill-imsemmi rekwiżit bl-ebda mod ma jirriżulta li kull tip ta’ investiment li jippermetti lil impriża ta’ pproċessar, bħal impriża li topera mitħna waħda jew iktar, ittejjeb il-prestazzjoni globali tagħha għandu jibbenefika minn għajnuna abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni.

    59

    Fil-fatt, għandu jitfakkar li, f’dak li jirrigwarda l-finanzjamenti li għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntest tar-Regolament Nru 1698/2005 u kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikoli 16 u 18 ta’ dan tal-aħħar, l-Istati Membri huma mitluba jistabbilixxu l-programmi għall-iżvilupp rurali tagħhom stess li jinkludu, b’mod partikolari, informazzjoni dwar il-miżuri proposti għal kull assi u d-deskrizzjoni tagħhom, programmi li għandhom sussegwentement jiġu suġġetti għall-proċeduri ta’ evalwazzjoni u ta’ approvazzjoni previsti fl-imsemmi Artikolu 18.

    60

    F’dan il-kuntest, u kif għadu kif tfakkar fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, jibqa’ possibbli, b’mod partikolari, għall-Istati Membri li jistabbilixxu, għall-finijiet tal-għoti tal-għajnuna ffinanzjata mill-FAEŻR, kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà b’żieda ma’ dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1698/2005, sakemm, meta jagħmlu dan, jispeċifikaw l-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilhom minn dan ir-regolament filwaqt li jibqgħu fil-parametri tad-dispożizzjonijiet tiegħu.

    61

    F’dan il-każ, u kif jirriżulta mill-punti 49 sa 51 ta’ din is-sentenza, bl-adozzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Digriet Nru 47, l-awtoritajiet Ungeriżi pprovdew li għajnuna għat-tkabbir tal-valur miżjud tal-prodotti agrikoli bħal dik prevista fl-Artikolu 28(1)(a) tar-Regolament Nru 1698/2005 tista’ tingħata biss, f’dak li jirrigwarda l-imtieħen, għal operazzjonijiet intiżi għall-modernizzazzjoni tal-kapaċitajiet eżistenti tagħhom, u dan, essenzjalment, sabiex jevitaw li jinkoraġġixxu, permezz ta’ tali għajnuna, żieda fil-kapaċitajiet eżistenti f’dan is-settur ta’ attività.

    62

    Issa bl-ebda mod ma jirriżulta mill-atti tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, bil-fatt li stabbilixxew tali kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna kkonċernata, l-awtoritajiet Ungeriżi eċċedew il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ mogħti lilhom mill-imsemmi regolament għall-finijiet, b’mod partikolari, u kif tenfasizza l-premessa 11 ta’ dan tal-aħħar, li tittieħed inkunsiderazzjoni d-diversità tas-sitwazzjonijiet fir-reġjuni kkonċernati, u lanqas ma jirriżulta li dawn l-awtoritajiet ma baqgħux fil-parametri tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

    63

    F’dan ir-rigward, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Ungeriż u mill-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, jirriżulta, b’mod partikolari, li, f’dan il-każ, tali limitazzjoni tista’ tiġi spjegata fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ livell baxx ta’ użu tal-kapaċitajiet eżistenti li jikkaratterizza, fl-imsemmi Stat Membru, is-settur ta’ attività tat-tħin.

    64

    Madankollu, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, l-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-element speċifiku li l-istabbiliment ta’ installazzjoni tat-tħin ġdida li tinvolvi, isir b’sostituzzjoni ta’ installazzjonijiet tat-tħin eżistenti li għandhom jingħalqu, mingħajr ma tinħoloq żieda fil-kapaċitajiet eżistenti bl-imsemmija operazzjoni.

    65

    F’dan ir-rigward, u f’dak li jirrigwarda, bħal f’dan il-każ, għajnuna mogħtija abbażi tar-Regolament Nru 1698/2005, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar japplikaw għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Waqt tali implementazzjoni, l-Istati Membri, bl-istess mod, huma obbligati jiżguraw l-osservanza tal-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt, bħal, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 20 ta’ din il-karta (digriet Dél-Zempléni Nektár Leader Nonprofit, C‑24/13, EU:C:2014:40, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    66

    Issa skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Soukupová, C‑401/11, EU:C:2013:223, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    67

    F’dan ir-rigward, l-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għaldaqstant in-natura paragunabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-iskop tal-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza IBV & Cie, C‑195/12, EU:C:2013:598, punti 52 u 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    68

    F’dak li jirrigwarda l-għan li, f’dan il-każ, il-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà inkwistjoni fil-kawża prinċipali tfittex li tilħaq, ġie spjegat iktar ’il fuq jidher li din il-kundizzjoni hija intiża sabiex tiżgura li l-iskema ta’ għajnuna kkonċernata tikkontribwixxi għal titjib tal-prestazzjoni globali tal-impriżi attivi fis-settur tat-tħin, filwaqt li tevita li tinkoraġġixxi l-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda f’settur ikkaratterizzat minn livell baxx ta’ użu tal-kapaċitajiet eżistenti.

    69

    Issa, suġġett għall-evalwazzjoni finali li għandha ssir f’dan ir-rigward mill-qorti tar-rinviju, jidher li, fid-dawl ta’ tali għan, is-sitwazzjoni li fiha installazzjoni tat-tħin waħda jew iktar jingħalqu sabiex jiġu ssostitwiti b’installazzjoni tat-tħin ġdida mingħajr żieda fil-kapaċitajiet eżistenti tista’ titqies li hija paragunabbli għal dik li fiha tali installazzjonijiet tat-tħin preeżistenti jagħtu lok għal modernizzazzjoni, b’mod li l-esklużjoni tal-ewwel sitwazzjoni mill-benefiċċju tal-imsemmija skema ta’ għajnuna tkun ta’ natura li tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    70

    F’dan il-kuntest, fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta japplikaw id-dritt intern, il-qrati nazzjonali huma marbuta jinterpretawh, sa fejn huwa possibbli, b’mod li jippermetti li tiġi żgurata l-konformità tiegħu mad-dritt tal-Unjoni. Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa fil-fatt inerenti għas-sistema tat-Trattat FUE għaliex dan jippermetti li l-qrati nazzjonali jiżguraw, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Rusedespred, C‑138/12, EU:C:2013:233, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    71

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 28(1)(a) tar-Regolament Nru 1698/2005 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi għajnuna għat-tkabbir tal-valur miżjud tal-prodotti agrikoli li minnha jistgħu jibbenefikaw biss, f’dak li jirrigwarda l-impriżi li joperaw imtieħen, l-operazzjonijiet intiżi għall-modernizzazzjoni tal-kapaċitajiet eżistenti tal-imsemmija mtieħen u mhux dawk li jinvolvu l-istabbiliment ta’ kapaċitajiet ġodda. Madankollu, fejn ikun hemm sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha installazzjoni tat-tħin waħda jew iktar jingħalqu sabiex jiġu ssostitwiti b’installazzjoni tat-tħin ġdida mingħajr żieda fil-kapaċitajiet, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura li tali leġiżlazzjoni tiġi applikata b’mod li jiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    Fuq l-ispejjeż

    72

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 26(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ titjib tal-prestazzjoni globali tal-azjenda agrikola, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, ma jistax ikopri operazzjoni li permezz tagħha impriza li l-attività tagħha hija l-operat ta’ mtieħen tagħlaq imtieħen antiki sabiex tissostitwihom b’mitħna ġdida mingħajr żieda fil-kapaċità eżistenti.

     

    2)

    L-Artikoli 20(b)(iii) u 28(1)(a) tar-Regolament Nru 1698/2005 għandhom jiġu interpretati fis-sens li operazzjoni li tikkonsisti fl-għeluq ta’ mtieħen antiki u s-sostituzzjoni tagħhom b’mitħna ġdida mingħajr żieda fil-kapaċità eżistenti tista’ ttejjeb il-prestazzjoni globali tal-impriża fis-sens tat-tieni waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet.

     

    3)

    L-Artikolu 28(1)(a) tar-Regolament Nru 1698/2005 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi għajnuna għat-tkabbir tal-valur miżjud tal-prodotti agrikoli li minnha jistgħu jibbenefikaw biss, f’dak li jirrigwarda l-impriżi li joperaw imtieħen, l-operazzjonijiet intiżi għall-modernizzazzjoni tal-kapaċitajiet eżistenti tal-imsemmija mtieħen u mhux dawk li jinvolvu l-istabbiliment ta’ kapaċitajiet ġodda. Madankollu, fejn ikun hemm sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha installazzjoni tat-tħin waħda jew iktar jingħalqu sabiex jiġu ssostitwiti b’installazzjoni tat-tħin ġdida mingħajr żieda fil-kapaċitajiet, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura li tali leġiżlazzjoni tiġi applikata b’mod li jiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

    Fuq