Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0161

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-8 ta’ Mejju 2014.
    Idrodinamica Spurgo Velox srl et vs Acquedotto Pugliese SpA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Puglia.
    Kuntratti pubbliċi — Settur tal-ilma — Direttiva 92/13/KEE — Proċeduri ta’ reviżjoni effikaċi u rapidi — Termini għall-preżentata ta’ rikors — Data li minnha dawn it-termini jibdew jiddekorru.
    Kawża C‑161/13.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:307

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    8 ta’ Mejju 2014 ( *1 )

    “Kuntratti pubbliċi — Settur tal-ilma — Direttiva 92/13/KEE — Proċeduri ta’ reviżjoni effikaċi u rapidi — Termini għall-preżentata ta’ rikors — Data li minnha dawn it-termini jibdew jiddekorru”

    Fil-Kawża C‑161/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Puglia (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura

    Idrodinamica Spurgo Velox srl,

    Giovanni Putignano e figli srl,

    Cogeir srl,

    Splendor Sud srl,

    Sceap srl

    vs

    Acquedotto Pugliese SpA,

    fil-preżenza ta’:

    Tundo srl,

    Giovanni XXIII Soc. coop. arl,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ħames Awla, E. Juhász (Relatur), A. Rosas u D. Šváby, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Jannar 2014,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Idrodinamica Spurgo Velox srl, minn L. Quinto u P. Quinto, avukati,

    għal Acquedotto Pugliese SpA, minn E. Sticchi Damiani, M. Todino u G. Martellino, avukati,

    għal Giovanni XXIII Soc. coop. arl, minn C. Rella u R. Rella, avukati,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Pignataro‑Nolin u A. Tokár, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1, 2a, 2ċ u 2f tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 315), kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU L 335, p. 31, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/13”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Idrodinamica Spurgo Velox srl (iktar ’il quddiem “Idrodinamica”) u erba’ rikorrenti oħra, u Acquedotto Pugliese SpA (iktar ’il quddiem “Acquedotto Pugliese”), entità kontraenti, dwar ir-regolarità tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt mogħti minn din l-entità lill-assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi mmexxija minn Giovanni XXIII Soc. coop. arl (iktar ’il quddiem “Cooperativa Giovanni XXIII”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonċerna attivitajiet fis-settur tal-ilma, huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19), komunement imsejħa “direttiva settorjali”.

    4

    It-tielet, il-ħames u s-sitt premessi tad-Direttiva 92/13 jipprovdu:

    “[…] l-assenza ta’ rimedji effettivi jew l-inadegwatezza tar-rimedji eżistenti jistgħu jżommu l-intrapriżi Komunitarji milli jissottomettu offerti; […] għaldaqstant l-Istati Membri għandhom jirrimedjaw din is-sitwazzjoni;

    […]

    […] l-ftuħ ta’ l-akkwist fis-setturi kkonċernati għall-konkorrenza Komunitarja jimplika li għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet biex jiżguraw li jsiru proċeduri approprjati ta’ reviżjoni disponibbli għall-fornituri jew il-kuntratturi fil-każ ta’ ksur tal-liġi Komunitarja rilevanti jew tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi;

    […] huwa neċessarju li jiġi provdut għal żieda sostanzjali fil-garanziji ta’ trasparenza u non-diskriminazzjoni u […], sabiex ikun hemm effetti tanġibbli, għandhom ikunu disponibbli rimedji effettivi u rapidi”.

    5

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop u disponibilità tal-proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

    “1.   Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva [2004/17] […]

    […]

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fil-każi ta’ kuntratti li jaqgħu taħt id-Direttiva [2004/17/KE], id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, partikolarment, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għal raġunijiet li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi Komunitarja fil-qasam ta’ l-akkwist jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

    […]

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, skont regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għal kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.”

    6

    L‑Artikolu 2(1) tad-Direttiva 92/13 jiddisponi:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 jinkludu dispożizzjoni għall-poteri:

    jew:

    a)

    li jieħu, ma’ l-opportunità l-iktar kmieni u bħala proċedura interlokutorja, miżuri interim bl-iskop li jiġi kkoreġut il-ksur allegat jew li jiġi pprevenut dannu ulterjuri għall-interessi kkonċernati, inklużi miżuri għas-sospensjoni jew sabiex tiġi assigurata s-sospensjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt jew l-implimentazzjoni ta’ kull deċiżjoni meħuda mill-parti kontraenti; u

    b)

    li jwarrab jew jiżgura li jitwarrbu deċiżjonijiet meħuda kontra l-liġi, inkluża t-tneħħija ta’ l-ispeċifikazzjonijiet diskriminatorji tekniċi, ekonomiċi jew finanzjari fin-notifika ta’ kuntratt, in-notifika perjodika indikativa, in-notifika dwar l-eżistenza ta’ sistema ta’ kwalifikazzjoni, l-invit għal offerta, d-dokumenti tal-kuntratt jew f’kull dokument ieħor li għandu x’jaqsam mall-proċeudra ta’ l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni;

    jew

    ċ)

    sabiex jieħdu, fl-opportunità l-iktar kmieni, jekk possibbli permezz ta’ proċeduri interlokutorji u jekk neċessarju permezz ta’ proċedura finali dwar is-sustanza, miżuri ta’ xort’ oħra minn dawk previsti fil-punti (a) u (b) bl-iskop li jiġi kkoreġut kull ksur identifikat u li jiġi pprevenut dannu għall-interessi konċernati; b’ mod partikolari, li ssir ordni għall-ħlas ta’ somma partikolari f’każijiet meta l-ksur ma ma ġiex korrett jew prevenut.

    L-Istati Membri jistgħu jagħmlu din l-għażla jew għall-, partijiet kollha kontraenti jew għal kategorijii ta’ entitajiet definiti fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, u f’kull każ jippreservaw l-effettività tal-miżuri stabbiliti sabiex jiġi pprevenut dannu kkawżat lill-interessi kkonċernati;

    d)

    u, fiż-żewġ każijiet ta’ hawn fuq, sabiex jingħata kumpens lil persuni milquta ħażin minn ksur.

    Meta jintalab kumpens fuq il-bażi li ttieħedet deċiżjoni illegalment, l-Istati Membri, meta s-sistema tagħhom tal-liġi interna teħtieġ hekk u tipprovdi għal entitajiet li jkollhom il-poteri neċessarji għal dak l-iskop, jipprovdu li d-deċiżjoni kkontestata għandha l-ewwel titwarrab jew tiġi ddikjarata illegali.”

    7

    Skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 2a(2) ta’ din id-direttiva:

    “Il-komunikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ l-għoti lil kull offerent u kandidat ikkonċernat għandha tkun akkumpanjata minn dan li ġej:

    sommarju tar-raġunijiet rilevanti, kif stabbilit fl-Artikolu 49(2) tad-Direttiva [2004/17/KE], u

    dikjarazzjoni preċiża tal-perijodu sospensiv eżatt applikabbli skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu dan il-paragrafu.”

    8

    L-Artikolu 49 tad-Direttiva 2004/17, intitolat “Tagħrif għal applikanti għall-kwalifika, kandidati u persuni li jagħmlu l-offerti”, jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2:

    “1.   Entitajiet kontraenti għandhom kemm jista’ jkun malajr jgħarrfu lill-operaturi ekonomiċi involuti bid-deċiżjonijiet li ntlaħqu rigward il-konklużjoni ta’ qafas ta’ ftehim, l-għoti tal-kuntratt, jew id-dħul f’sistema dinamika ta’ xiri, inkluż il-bażi għal kull deċiżjoni biex ma jiġix konkluż qafas ta’ ftehim jew ma jingħatax kuntratt għal liema kien hemm sejħa għal kompetizzjoni jew biex terġa’ tibda l-proċedura, jew biex ma tiġix implimentata sistema dinamika ta’ xiri; dan it-tagħrif għandu jiġi provvdut bil-miktub jekk l-entitajiet kontraenti jitolbu dan.

    2.   Fuq talba mill-parti konċernata, entitajiet kontraenti għandhom, kemm jista’ jkun malajr, jgħarrfu:

    lil kull kandidat li ma rnexxiex bir-raġunijiet għar-rifjut ta’ l-applikazzjoni tiegħu,

    kull persuna li tagħmel l-offerti bir-raġunijiet għar-rifjut ta’ l-offerta tagħha, inkluż, għall-każijiet riferiti fl-Artikolu 34(4) u (5), ir-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom ta’ nuqqas ta’ ekwivalenza jew id-deċiżjonijiet tagħhom li x-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi ma jilħqux il-ħtiġijiet tat-twettieq jew tat-tip funzjonali,

    kull persuna li tagħmel l-offerti li għamlet offerta aċċettabbli bil-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi ta’ l-offerta magħżula, kif ukoll bl-isem tal-persuna li tagħmel l-offerti li tirnexxi jew il-partijiet fil-qafas ta’ ftehim.

    Iż-żmien meħud biex isir dan ma jistax taħt l-ebda ċirkostanzi jaqbeż il-15-il ġurnata mill-irċevuta ta’ l-investigazzjoni bil-miktub.

    Madankollu, entitajiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li ċertu tagħrif dwar l-għoti tal-kuntratt jew il-konklużjoni tal-qafas tal-ftehim jew id-dħul f’sistema dinamika ta’ xiri, riferita fil-paragrafu 1, għandu jinżamm fejn rilaxx ta’ dan it-tagħruf jimpedixxi infurzar tal-liġi jew inkella jkun kuntrarju għall-interess pubbliku jew ikun jippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operatur ekonomiku partikolari, pubbliku jew privat, inkluż l-interessi ta’ l-operatur ekonomiku li lilu ngħata l-kuntratt, jew jistgħu jippreġudikaw kompetizzjoni bil-fier bejn operaturi ekonomiċi.”

    Id-dritt Taljan

    9

    Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, tat-12 ta’ April 2006 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 100, tat-2 ta’ Mejju 2006), jikkodifika r-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

    10

    L-Artikolu 11 ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv, intitolat “Fażijiet ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti”, jiddisponi:

    “1.   Il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jitwettqu fl-osservanza tal-atti ta’ programmazzjoni tal-entitajiet kontraenti, sa fejn dawn huma previsti minn dan il-kodiċi jew mid-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

    […]

    4.   Il-proċeduri ta’ għoti jagħżlu l-aħjar offerta, permezz ta’ wieħed mill-kriterji previsti f’dan il-kodiċi. Fi tmiem il-proċedura, l-għoti provviżorju jingħata lill-aħjar offerent.

    5.   Wara verifika tal-għoti provviżorju fis-sens tal-Artikolu 12(1), l-entità kontraenti għandha tipproċedi għall-għoti definittiv.

    […]

    8.   L-għoti definittiv jipproduċi effetti biss wara l-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti.

    9.   Ladarba l-għoti definittiv isir effettiv u ħlief jekk jiġu applikati r-regoli dwar is-setgħa tal-amministrazzjoni fil-każijiet previsti mil-liġi [jiġifieri s-setgħa tal-amministrazzjoni li tirtira, li tissospendi jew li temenda l-atti tagħha stess], il-kuntratt pubbliku jew il-kuntratt ta’ konċessjoni huwa konkluż f’terminu ta’ 60 jum, ħlief jekk terminu differenti ma kienx previst fl-avviż jew fl-istedina għal offerta, bħal fil-każ ta’ posponiment tat-terminu espressament milħuq mal-kontraenti. […]

    10.   Il-kuntratt lanqas ma jistax jiġi konkluż qabel 35 jum li jibdew jiddekorru wara li tintbagħat l-aħħar komunikazzjoni tad-deċiżjoni definittiva ta’ għoti fis-sens tal-Artikolu 79.

    […]”

    11

    Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 79 ta’ dan l-istess digriet leġiżlattiv huma għalhekk miġbura fil-qosor mill-qorti tar-rinviju:

    Skont il-paragrafu 5, l-entità kontraenti tikkomunika ex officio lill-kandidati kollha ammessi, f’terminu li ma jeċċedix il-ħamest ijiem, id-deċiżjoni ta’ għoti definittiv u d-data tal-konklużjoni tal-kuntratt mal-kontraenti.

    B’mod konformi mal-paragrafu 5a, ta’ din il-komunikazzjoni għandha tkun akkumpanjata mid-deċiżjoni ta’ għoti u mill-espożizzjoni tal-motivi tagħha, li tindika mill-inqas il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-impriża kontraenti, l-entità kontraenti li għandha l-possibbiltà li tissodisfa dan l-obbligu billi tittrażmetti lil dawn il-kandidati l-minuti tas-sejħa għal offerti.

    Skont il-paragrafu 5c, mingħajr ma tkun meħtieġa talba bil-miktub, il-kandidati għandhom aċċess immedjat għad-dokumenti relatati mas-sejħa għal offerti, permezz ta’ konsultazzjoni fuq il-post jew billi tinħareġ kopja f’terminu ta’ għaxart ijiem li jibda jiddekorri minn meta tintbagħat il-komunikazzjoni dwar ir-riżultat tas-sejħa għal offerti, bla ħsara għall-eżerċizzju mill-entità kontraenti tas-setgħa tagħha li tirrifjuta jew li tipposponi dan l-aċċess fil-każijiet previsti mil-liġi.

    12

    L-Artikolu 120 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 104/2010, tat-2 ta’ Lulju 2010, li jistabbilixxi l-Kodiċi ta’ proċeduri amministrattivi (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 156, tas-7 ta’ Lulju 2010), jipprevedi li t-talbiet għal reviżjoni kontra l-atti ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandhom jitressqu fit-terminu ta’ 30 jum mill-wasla tal-komunikazzjoni prevista fl-Artikolu 79 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006.

    13

    L-Artikolu 43 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 104/2010 jipprevedi li d-deċiżjonijiet tal-entità kontraenti adottati wara li kandidat ikun ippreżenta talba għal reviżjoni kontra l-għoti definittiv ta’ kuntratt jistgħu jiġu kkontestati, fil-kuntest tal-istess proċedura, bit-tressiq ta’ talba għal reviżjoni kkwalifikata bħala “talba għal reviżjoni fuq preżentazzjoni ta’ motivi ġodda”, li għandha tiġi eżerċitata fit-terminu ta’ 30 jum previst fl-Artikolu 120 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv.

    14

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-qrati amministrattivi Taljani jqisu li l-komunikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti prevista fl-Artikolu 79(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 tikkostitwixxi kundizzjoni suffiċjenti sabiex tiżgura għarfien perfett tal-att li jikkawża preġudizzju u hija xierqa sabiex tagħti bidu għat-terminu ta’ dekadenza, mingħajr ma jkun rilevanti li l-impriża kkonċernata injorat id-dokumenti interni, kollha jew parti minnhom, tal-proċedura ta’ għoti. Din il-komunikazzjoni tnissel l-obbligu tal-impriża kkonċernata li tikkontesta immedjatament il-ħruġ tas-sejħa għal offerti f’terminu ta’ 30 jum bla ħsara, għal din l-impriża, għall-possibbiltà li tqajjem motivi komplementari dwar irregolaritajiet eventwali li jistgħu jsiru magħrufa insegwitu. Il-ġurisprudenza waslet għall-istess konklużjoni f’dak li jirrigwarda l-każ fejn l-entità kontraenti tadotta deċiżjoni ta’ għoti definittiv li tissuġġetta l-effetti tagħha għall-kundizzjoni sospensiva li tivverifika li l-impriża kontraenti tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali u speċjali tal-avviż ta’ kuntratt, filwaqt li motivi kumplimentari jistgħu wkoll jiġu invokati insostenn tar-reviżjoni li għandha ssir fit-terminu ta’ 30 jum.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    15

    Acquedotto Pugliese hija impriża pubblika kollha kemm hi kkontrollata mir-Regione Puglia (reġjun tal-Puglia), li huwa l-uniku azzjonist tagħha. Hija tiżgura t-tmexxija tan-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ ilma u ta’ servizzi sanitarji kif ukoll t-tmexxija integrata tar-riżorsi tal-ilma fir-reġjun tal-Puglia u f’ċerti żoni ta’ reġjuni ġirien. Skont l-Anness VI‑C tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, Acquedotto Pugliese hija entità kontraenti li topera fis-settur tal-produzzjoni, tat-trasport u tad-distribuzzjoni ta’ ilma għax-xorb, li hija meħtieġa li tosserva l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2004/17.

    16

    Permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Marzu 2011, Acquedotto Pugliese tat bidu għal proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa għall-għoti, għal perijodu ta’ erba’ snin, tal-kuntratt ta’ servizzi għall-ipproċessar tal-ilma użat, għax-xogħlijiet ta’ manutenzjoni ordinarju u straordinarju tan-netwerks ta’ distribuzzjoni ta’ ilma u ta’ servizzi sanitarji, kif ukoll għax-xogħlijiet ta’ twettiq ta’ konnessjonijiet u ta’ partijiet minn pajps fil-lokalitajiet li jaqgħu taħt żona territorjali kunsiderevoli, li għall-ammont bażiku li jlaħħaq EUR 17 615 739.07, il-kuntratt għandu jingħata lill-irħas offerent.

    17

    Wara l-laqgħat pubbliċi miżmuma fis-17 u fit-30 ta’ Mejju 2011, irriżulta li l-assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi mmexxija minn Cooperativa Giovanni XXIII kienet issottomettiet l-aħjar offerta u kienet ikklassifikata l-ewwel. L-assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi mmexxija minn Tundo srl (iktar ’il quddiem “Tundo”) kienet ikklassifikata t-tieni u l-assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi mmexxija minn Idrodinamica ġiet ikklassifikata t-tielet. Għalhekk, permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2011, l-entità kontraenti definittivament tat il-kuntratt lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi mmexxija minn Cooperativa Giovanni XXIII. Il-komunikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni saret fis-6 ta’ Lulju 2011.

    18

    F’din id-deċiżjoni, ġie wkoll previst li, sakemm jiġi konkluż il-kuntratt, l-eżekuzzjoni antiċipata tal-kuntratt kienet awtorizzata, li l-għoti definittiv ikun effettiv biss wara l-verifika tal-kundizzjonijiet ta’ natura ġenerali u speċifika li kull impriża assoċjata għandha tissodisfa fi ħdan il-grupp kontraenti u fil-grupp ikklassifikat it-tieni, u li kien meħtieġ li l-għoti tal-kuntratt jiġi nnotifikat lill-offerenti kollha.

    19

    Sakemm kien konkluż il-kuntratt, il-grupp kontraenti, li sadanittant ġie fformat b’att notarili tal-4 ta’ Ottubru 2011, informa lill-entità kontraenti, b’ittra tat-28 ta’ Frar 2012, li waħda mill-impriżi li tifforma parti mill-assoċjazzjoni temporanja irtirat mill-grupp, filwaqt li ppreċiżat li madankollu kienet biħsiebha tkompli l-kuntratt u li, minkejja l-kompożizzjoni limitata tiegħu, il-grupp issa jikkonsisti mill-impriża mexxejja u minn żewġ impriżi oħra li kienu f’pożizzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi u ekonomiċi stabbiliti fl-avviż għal sejħa għal offerti.

    20

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2012, Acquedotto Pugliese awtorizzat l-irtirar imsemmi iktar ’il fuq. Il-kuntratt ġie konkluż fis-17 ta’ April 2012, bl-assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi mmexxija minn Cooperativa Giovanni XXIII fil-kompożizzjoni limitata l-ġdida tagħha.

    21

    Idrodinamica ippreżentat talba għal reviżjoni, innotifikata fis-17 ta’ Mejju 2012, kontra l-atti tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni, fejn speċifikament talbet għall-annullament tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2012, li awtorizzat il-bidla fil-kompożizzjoni tal-grupp kontraenti, l-annullament tal-kuntratt konkluż fis-17 ta’ April 2012 u l-annullament tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2011 li tagħti l-kuntratt b’mod definittiv. Hija ssostni li din il-proċedura hija vvizzjata b’illegalità għar-raġuni, minn naħa, li l-entità kontraenti awtorizzat il-bidla fil-kompożizzjoni tal-assoċjazzjoni temporanja tal-impriżi kontraenti u, min-naħa l-oħra, li din l-entità naqset milli teskludi mill-proċedura l-assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi mmexxija minn Tundo, ikklassifikata t-tieni, sa fejn ir-rappreżentant legali ta’ impriża li tagħmel parti minn din l-assoċjazzjoni ressqet dikjarazzjoni falza li tindika li qatt ma kienet ġiet ikkundannata kriminalment.

    22

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont ir-regoli u l-ġurisprudenza nazzjonali, ir-reviżjoni mitluba minn Idrodinamica għandha tiġi ddikjarata inammissibbli peress li din saret wara l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza ta’ 30 jum mill-komunikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkunsidrat fil-punt 40 tas-sentenza Uniplex (UK) (C‑406/08, EU:C:2010:45) li l-għan ta’ ħeffa mfittex mir-regoli dwar ir-reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ma jippermettix lill-Istati Membri jeskludu l-prinċipju ta’ effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja, li jipprovdi li l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tat-termini ta’ dekadenza nazzjonali ma għandhomx jirrendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li l-persuni kkonċernati jgawdu minnhom taħt id-dritt tal-Unjoni.

    23

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-regoli nazzjonali inkwistjoni humiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività sa fejn l-elementi li jinsabu fil-komunikazzjoni tad-deċiżjoni li twassal għall-għoti definittiv tal-kuntratt ma humiex dejjem suffiċjenti għall-kandidati u għall-offerenti esklużi sabiex ikunu jafu bid-dokumenti u biċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti sabiex jiddeċiedu jekk iressqux talba għal reviżjoni, b’mod partikolari meta irregolarità proċedurali eventwali tkun seħħet wara l-adozzjoni formali ta’ deċiżjoni ta’ għoti definittiv.

    24

    Barra minn hekk, ir-regola proċedurali li tirrikjedi li l-persuni kkonċernati jressqu talba għal reviżjoni fit-terminu ta’ dekadenza ta’ 30 jum kontra d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt, bla ħsara għall-possibbiltà li tinvoka motivi kumplimentari bbażati fuq atti u fuq ċirkustanzi li seħħew wara, jidher inkompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja, peress li r-rikorrent għandu jipprovdi għall-ħlas tal-onorarji tal-avukat u tal-esperti maħtura mill-partijiet, kif ukoll tat-taxxa relatata mal-ispejjeż tal-proċedura, kemm fil-mument tat-tressiq tat-talba għal reviżjoni kif ukoll meta jitressqu l-motivi l-ġodda.

    25

    Għalhekk il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni jistgħux jiġu interpretati fis-sens li t-terminu ta’ dekadenza ta’ talba għal reviżjoni prevista mir-regoli nazzjonali jibda jiddekorri mill-mument fejn il-persuna kkonċernata effettivament issir taf jew ikollha l-possibbiltà li tkun taf, permezz ta’ diliġenza normali, bl-eżistenza ta’ irregolarità, u ma jibdiex jiddekorri mid-data ta’ komunikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti definittiv tal-kuntratt.

    26

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-Tribunale amministrativo regionale per la Puglia ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikoli 1, 2a, 2c u 2f tad-Direttiva [92/13] għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors intiż sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-leġiżlazzjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jibda jiddekorri mid-data li fiha r-rikorrent sar jaf, jew bl-użu ta’ diliġenza normali kellu jsir jaf, bl-eżistenza ta’ dan il-ksur?

    2)

    L-Artikoli 1, 2a, 2c u 2f tad-Direttiva [92/13] jipprekludu dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali jew prassi ta’ interpretazzjoni bħal dawk stabbiliti fil-kawża prinċipali, li jippermettu lill-qorti tiddikjara inammissibbli rikors intiż sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-leġiżlazzjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, meta, minħabba l-imġiba tal-awtorità kontraenti, ir-rikorrent sar jaf bil-ksur wara l-komunikazzjoni formali tal-punti essenzjali tad-deċiżjoni definittiva ta’ għoti?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà

    27

    Cooperativa Giovanni XXIII u l-Gvern Taljan esprimew dubji dwar l-ammissibbiltà tad-domandi, b’mod partikolari minħabba li l-ilmenti ta’ Idrodinamica huma diretti kontra l-att tal-entità kontraenti li tawtorizza bidla fil-kompożizzjoni tal-grupp kontraenti u li l-ebda lment ma tressaq kontra d-deċiżjoni ta’ għoti definittiv tal-kuntratt.

    28

    Konsegwentement, l-annullament eventwali ta’ dan l-att kien ikollu biss l-effett li jwassal għat-tmiem tal-kuntratt mal-grupp kontraenti kif inhu issa ridott mingħajr dan tal-aħħar ma jitlef il-kwalità tiegħu ta’ kontraenti. Għalhekk, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma għandhomx rabta speċifika mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

    29

    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza Fish Legal u Shirley, C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża u d-dubji espressi minn Cooperativa Giovanni XXIII u mill-Gvern Taljan fuq l-ammissibbiltà tad-domandi ma humiex fondati. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju titlob għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 92/13 sabiex tevalwa l-ammissibbiltà tat-talba għal reviżjoni mressqa minn Idrodinamica. Hekk kif jirriżulta mill-proċess disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja, din ir-reviżjoni essenzjalment tikkonċerna, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-entità kontraenti li awtorizzat il-bidla fil-kompożizzjoni tal-grupp kontraenti u, min-naħa l-oħra, il-fatt li din l-entità naqset milli teskludi mill-proċedura ta’ għoti lil kompetitur ikklassifikat quddiem Idrodinamica.

    31

    Għandu jiġi kkonstatat li, jekk l-ewwel ilment imressaq minn Idrodinamica fil-kuntest tal-kawża prinċipali, li huwa essenzjalment ibbażat fuq il-fatt li l-entità kontraenti illegalment awtorizzat it-tnaqqis tan-numru ta’ impriżi li jifformaw l-assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi kontraenti, kellu jintlaqa’, id-deċiżjoni li tikkonkludi l-kuntratt mal-grupp kontraenti tista’ tiġi annullata. Jekk it-tieni lment, li permezz tiegħu l-entità kontraenti kellha teskludi l-assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi Tundo, ikklassifikata t-tieni, minħabba li r-rappreżentant legali ta’ waħda mill-membri tagħha ressaq dikjarazzjoni falza, kellu wkoll jintlaqa’, il-possibbiltà għal Idrodinamica li tingħata l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiżdied b’mod sinjifikattiv. Għalhekk, Idrodinamica ġustament tista’ tiġi kkunsidrata bħala persuna “li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat”, fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 92/13.

    32

    Konsegwentement, id-domandi magħmula huma ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    33

    Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt għandu jibda jiddekorri mill-ġdid f’sitwazzjoni fejn l-entità kontraenti tkun ħadet, wara l-iskadenza tat-terminu għat-tressiq ta’ talba għal reviżjoni, deċiżjoni li aktarx taffettwa l-legalità ta’ din id-deċiżjoni ta’ għoti. Hija tistaqsi wkoll jekk, fl-istess sitwazzjoni, offerent jistax iressaq rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt meta jkun sar jaf dwar ċirkustanzi li jippreċedu l-istess deċiżjoni ta’ għoti li jistgħu jkollhom effett fuq il-legalità tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni.

    34

    L-emenda għad-Direttiva 92/13 bid-Direttiva 2007/66 u l-Artikolu 49 tad-Direttiva 2004/17 ikkontribwew sabiex offerent li ma ngħatax kuntratt jiġi informat bir-riżultat tal-proċedura għall-għoti ta’ dan il-kuntratt u bir-raġunijiet insostenn ta’ din l-għażla. Fuq il-bażi tal-Artikolu 49(2) tad-Direttiva 2004/17, l-offerent jista’ jitlob li jkun ipprovdut b’informazzjoni ddettaljata.

    35

    Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeħtieġ li l-informazzjoni hekk miksuba u dik li setgħet inkisbet ma tistax tkun il-bażi għat-tressiq ta’ talba għal reviżjoni mill-offerent wara l-iskadenza tat-terminu previst mid-dritt nazzjonali.

    36

    Għall-kuntrarju, fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni li tawtorizza bidla fil-kompożizzjoni tal-grupp kontraenti tikkonċerna fatti li seħħew wara l-għoti tal-kuntratt u wara l-iskadenza tat-terminu ta’ 30 jum għat-tressiq ta’ talba għal reviżjoni previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għalhekk, la l-komunikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt u tar-raġunijiet dwar din id-deċiżjoni u lanqas ir-risposta mogħtija għal talba eventwali tal-offerent lill-entità kontraenti għal informazzjoni supplimentari ma jippermettu għarfien ta’ dawn il-fatti.

    37

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, reviżjoni effikaċi kontra l-ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tista’ tintlaħaq biss jekk it-termini previsti għat-tressiq ta’ dawn it-talbiet għal reviżjoni jibdew jiddekorru biss mid-data meta r-rikorrent kien sar jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur allegat tal-imsemmija dispożizzjonijiet [ara, f’dan is-sens, is-sentenza Uniplex (UK), EU:C:2010:45, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata].

    38

    Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li d-deċiżjoni li tawtorizza bidla fil-kompożizzjoni tal-grupp kontraenti li jista’ jkollha effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt, ġiet adottata qabel ma ġie konkluż il-kuntratt bejn l-entità kontraenti u dan il-grupp. F’tali ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li t-terminu ta’ 30 jum għat-tressiq ta’ talba għal reviżjoni jerġa’ jinfetaħ f’dak li jirrigwarda reviżjoni intiża għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt.

    39

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni li tawtorizza bidla fil-kompożizzjoni tal-grupp kontraenti timplika bidla meta mqabbel mad-deċiżjoni ta’ għoti li għandha tiġi kkunsidrata bħala sostanzjali jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-proċedura tal-kuntratt ikkonċernat, hija tirreferi għal wieħed mill-elementi essenzjali li ddeterminaw l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti. F’dan il-każ, għandhom jiġu applikati l-miżuri rilevanti previsti mid-dritt nazzjonali sabiex ikun hemm rimedju għal din is-sitwazzjoni irregolari, li tista’ twassal sal-organizzazzjoni ta’ proċedura ġdida ta’ għoti (ara, b’analoġija, is-sentenza Wall, C‑91/08, EU:C:2010:182, punti 38, 39, 42 u 43).

    40

    Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li possibbiltà bħal dik prevista fl-Artikolu 43 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 104/2010 li jiġu invokati “motivi ġodda” fil-kuntest ta’ talba għal reviżjoni inizjali mressqa fit-termini kontra d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt mhux dejjem tikkostitwixxi alternattiva valida għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-offerenti huma mġiegħla jikkontestaw in abstracto d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt, mingħajr ma jkunu jafu, f’dan l-istadju, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw dan ir-rikors.

    41

    Konsegwentement, it-terminu ta’ 30 jum għat-tressiq ta’ talba għal reviżjoni previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kontra d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt għandha tiddekorri mill-ġdid sabiex tippermetti l-verifika tal-legalità tad-deċiżjoni tal-entità kontraenti li awtorizzat il-bidla fil-kompożizzjoni tal-grupp kontraenti, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt. Dan it-terminu għandu jibda jiddekorri mid-data li fiha l-offerent ikun irċieva l-komunikazzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza bidla fil-kompożizzjoni tal-grupp kontraenti jew minn meta sar jaf b’dan.

    42

    F’dak li jirrigwarda l-ilment ta’ Idrodinamica bbażat fuq in-nuqqas ta’ esklużjoni mill-proċedura ta’ għoti tal-grupp it-tieni kklassifikat minħabba dikjarazzjoni falza tar-rappreżentant legali ta’ waħda mill-kumpanniji li jiffurmaw dan il-grupp, għandu jiġi kkonstatat li din l-allegata irregolarità kellha sseħħ qabel id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt.

    43

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-offerent, fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tkun ġiet lilu kkomunikata skont l-Artikolu 2a tad-Direttiva 92/13 u tal-Artikolu 49 tad-Direttiva 2004/17 u fuq il-bażi ta’ dik li seta’ jikseb permezz ta’ diliġenza normali, seta’ jressaq talba għal reviżjoni kontra ksur eventwali tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u li, konsegwentement, ma hemmx bżonn li jerġa’ jinfetaħ it-terminu għat-tressiq ta’ talba għal reviżjoni previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    44

    Għandu jiġi osservat li, fis-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni li tagħti l-kuntratt lill-grupp ikklassifikat l-ewwel fil-proċedura ta’ għoti, deċiżjoni ġdida ta’ għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament ġdid fit-terminu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    45

    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, fil-każ ta’ irregolaritajiet li allegatament twettqu qabel id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt, offerent jista’ jressaq rikors għal annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti biss fit-terminu speċifiku previst għal dan il-għan mid-dritt nazzjonali, sakemm ma jkunx espressament ipprovdut permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tiggarantixxi tali dritt ta’ rikors konformi mad-dritt tal-Unjoni.

    46

    Min-naħa l-oħra, offerent huwa intitolat li jressaq rikors għad-danni fit-terminu ġenerali ta’ preskrizzjoni previst għal dan il-għan mid-dritt nazzjonali.

    47

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(1) u (3), kif ukoll l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva 92/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt għandu jibda jiddekorri mill-ġdid ladarba tkun ingħatat deċiżjoni ġdida mill-entità kontraenti, adottata sussegwentement għal din id-deċiżjoni ta’ għoti iżda qabel l-iffirmar tal-kuntratt u li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din id-deċiżjoni ta’ għoti. Dan it-terminu jibda jiddekorri mid-data tal-komunikazzjoni lill-offerenti tad-deċiżjoni sussegwenti jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-mument meta dawn tal-aħħar ikunu saru jafu biha.

    48

    Fil-każ li, wara l-iskadenza tat-terminu għat-tressiq ta’ talba għal reviżjoni previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, offerent isir jaf b’irregolarità li allegatament twettqet qabel id-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt, dritt għal tressiq ta’ talba għal reviżjoni kontra din id-deċiżjoni huwa biss żgurat f’dan it-terminu, sakemm ma jkunx espressament ipprovdut permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tiggarantixxi tali dritt li hija konformi mad-dritt tal-Unjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    49

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 1(1) u (3), kif ukoll l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni, kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007, għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt għandu jibda jiddekorri mill-ġdid ladarba tkun ingħatat deċiżjoni ġdida mill-entità kontraenti, adottata sussegwentement għal din id-deċiżjoni ta’ għoti iżda qabel l-iffirmar tal-kuntratt u li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din id-deċiżjoni ta’ għoti. Dan it-terminu jibda jiddekorri mid-data tal-komunikazzjoni lill-offerenti tad-deċiżjoni sussegwenti jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-mument meta dawn tal-aħħar ikunu saru jafu biha.

     

    Fil-każ li wara l-iskadenza tat-terminu għat-tressiq ta’ talba għal reviżjoni previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, offerent isir jaf b’irregolarità li allegatament twettqet qabel id-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt, dritt għal tressiq ta’ talba għal reviżjoni kontra din id-deċiżjoni huwa biss żgurat f’dan it-terminu, sakemm ma jkunx espressament ipprovdut permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tiggarantixxi tali dritt li hija konformi mad-dritt tal-Unjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Fuq