Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0087

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2014.
    Staatssecretaris van Financiën vs X.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà ta’ stabbiliment — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq id-dħul — Persuna taxxabbli mhux residenti — Possibbiltà ta’ tnaqqis ta’ spejjeż marbuta ma’ monument storiku okkupat mill-proprjetarju tiegħu — Possibbiltà ta’ tnaqqis eskluża fir-rigward ta’ monument għas-sempliċi raġuni li l-monument ma huwiex ikklassifikat fl-Istat ta’ impożizzjoni filwaqt li huwa kklassifikat fl-Istat ta’ residenza.
    Kawża C‑87/13.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2459

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    18 ta’ Diċembru 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà ta’ stabbiliment — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq id-dħul — Persuna taxxabbli mhux residenti — Possibbiltà ta’ tnaqqis ta’ spejjeż marbuta ma’ monument storiku okkupat mill-proprjetarju tiegħu — Possibbiltà ta’ tnaqqis eskluża fir-rigward ta’ monument għas-sempliċi raġuni li l-monument ma huwiex ikklassifikat fl-Istat ta’ impożizzjoni filwaqt li huwa kklassifikat fl-Istat ta’ residenza”

    Fil-Kawża C‑87/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Frar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Frar 2013, fil-proċedura

    Staatssecretaris van Financiën

    vs

    X,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, J.‑C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal X, minn F. Engelen, S. Douma u G. Boulogne, bħala konsulenti,

    għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn B. Koopman u M. Bulterman, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

    għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

    għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u J.‑S. Pilczer, bħala aġenti,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brighouse, bħala aġent, assistita minn R. Hill, barrister,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u W. Mölls, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Settembru 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-iStaatssecretaris van Financiën (Segretarju tal-Istat għall-finanzi) u X dwar ir-rifjut tal-awtoritajiet fiskali tal-Pajjiżi l-Baxxi li jnaqqsu, mid-dħul ta’ din il-persuna taxxabbli, ċerti spejjeż marbuta mal-manutenzjoni tar-residenza tagħha, jiġifieri kastell li jinsab fil-Belġju u li huwa protett taħt il-leġiżlazzjoni dwar il-monumenti storiċi ta’ dan l-Istat Membru, għas-sempliċi raġuni li l-imsemmi kastell ma huwiex protett taħt il-leġiżlazzjoni dwar il-monumenti storiċi tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

    Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

    3

    L-Artikolu 2.5(1) tal-Liġi tal-2001 dwar it-taxxa fuq id-dħul (wet inkomstenbelasting 2001), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul”), jipprovdi:

    “Kull persuna taxxabbli nazzjonali li tirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi matul parti biss mis-sena kalendarja u kull persuna taxxabbli barranija li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, fil-gżejjer tal-Pajjiżi l-Baxxi ta’ Bonaire, Sint Eustatius u Saba jew f’territorju sovran kopert minn deċiżjoni ministerjali li miegħu r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jkun ikkonkluda ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja li jipprevedi l-iskambju ta’ informazzjoni, u li hija suġġetta għat-taxxa fl-imsemmi Stat Membru, fil-gżejjer tal-Pajjiżi l-Baxxi ta’ Bonaire, Sint Eustatius u Saba jew fl-imsemmi territorju sovran, tista’ tagħżel li tkun suġġetta għas-sistema fiskali prevista minn din il-Liġi għall-persuni taxxabbli nazzjonali. [...]”

    4

    Skont l-Artikolu 3.1 ta’ din il-liġi:

    “1.   Id-dħul taxxabbli miksub mix-xogħol u mill-abitazzjoni huwa d-dħul provenjenti mill-attività professjonali u mill-abitazzjoni, wara li jitnaqqas it-telf eventwali marbut mal-attività professjonali u mal-abitazzjoni (Taqsima 3.13).

    2.   Id-dħul miksub mix-xogħol u mill-abitazzjoni huwa ekwivalenti għall-ammont totali:

    a.

    tal-profitt taxxabbli mill-kummerċ (Taqsima 3.2),

    b.

    tas-salarju taxxabbli (Taqsima 3.3),

    c.

    tal-qligħ taxxabbli provenjenti minn diversi attivitajiet (Taqsima 3.4),

    d.

    ta’ allowances u ta’ ħlasijiet perijodiċi taxxabbli (Taqsima 3.5),

    e.

    tad-dħul taxxabbli miksub mir-residenza proprja (Taqsima 3.6),

    f.

    tal-ispejjeż negattivi marbuta mal-għoti ta’ dħul (Taqsima 3.8) u

    g.

    tat-tnaqqis negattiv ta’ natura personali (Taqsima 3.9),

    imnaqqas:

    h.

    bit-tnaqqis għal assenza jew kważi assenza ta’ dejn marbut mar-residenza proprja (Taqsima 3.6a),

    i.

    bl-ispejjeż marbuta mal-għoti ta’ dħul (Taqsima 3.7) u

    j.

    bit-tnaqqis ta’ natura personal (Kapitolu 6).”

    5

    Mill-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dħul taxxabbli provenjenti mill-abitazzjoni tal-persuna taxxabbli huwa ddeterminat b’mod fiss bħala perċentwali tal-valur tal-abitazzjoni.

    6

    Il-Kapitolu 6 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul jistabbilixxi, b’mod partikolari, regoli speċifiċi dwar it-tnaqqis tal-ispejjeż marbuta ma’ bini kklassifikat. Il-possibbiltà ta’ tnaqqis teżisti kemm għall-abitazzjonijiet proprji u kemm għall-bini kklassifikat li jiġġenera dħul provenjenti mit-tifdil u mill-investimenti, bħal dawk previsti fil-Kapitolu 5 tal-imsemmija liġi, jiġifieri r-residenzi sekondarji u d-djar b’diversi unitajiet ta’ akkomodazzjoni. Fuq il-bażi tal-Artikolu 6.31 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, moqri flimkien mal-parti inizjali tal-Artikolu 6.1(2) u mal-punt (g) tal-istess artikolu tal-imsemmija liġi, l-ispejjeż relatati ma’ bini kklassifikat, sakemm jaqbżu ċertu livell minimu, jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala element ta’ tnaqqis personali. Dawn il-kundizzjonijiet ma humiex marbuta mal-persuna jew mal-kapaċità taxxabbli tal-persuna taxxabbli. Fil-każ li l-bini kklassifikat ikollu jiġi kkunsidrat bħala abitazzjoni proprja, l-imsemmija regoli huma intiżi li jippermettu t-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ manutenzjoni sal-limitu tal-perċentwali fissa msemmija fil-punt preċedenti.

    7

    L-Artikolu 6.2 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, intitolat “Teħid inkunsiderazzjoni tat-tnaqqis ta’ natura personali”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.   It-tnaqqis ta’ natura personali għandu jnaqqas id-dħul miksub mix-xogħol u mill-abitazzjoni fil-perijodu fiskali, mingħajr ma dan id-dħul jista’ jkun inqas minn żero.

    2.   Jekk it-tnaqqis ta’ natura personali ma jiġix applikat fir-rigward tad-dħul miksub mix-xogħol u mill-abitazzjoni fil-perijodu fiskali, dan it-tnaqqis għandu jiġi applikat għad-dħul taxxabbli provenjenti mit-tifdil u mill-investimenti fil-perijodu fiskali mingħajr ma dan id-dħul jista’ jkun inqas minn żero.

    3.   Jekk it-tnaqqis ta’ natura personali ma jiġix applikat fir-rigward tad-dħul miksub mix-xogħol u mill-abitazzjoni jew mid-dħul taxxabbli provenjenti mit-tifdil u mill-investimenti fil-perijodu fiskali, dan it-tnaqqis għandu jiġi applikat għad-dħul provenjenti minn holding kunsiderevoli fil-perijodu fiskali, mingħajr ma dan id-dħul jista’ jkun inqas minn żero.

    4.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 3, id-dħul miksub mix-xogħol u mill-abitazzjoni u d-dħul provenjenti minn holding kunsiderevoli fil-perijodu fiskali għandu jiġi ddeterminat mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul li għandu jinżamm.

    5.   Fil-każ ta’ tnaqqis, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-ewwel lok l-ispejjeż marbuta man-nefqa ta’ manutenzjoni speċifika msemmija fl-Artikolu 6.1(2)(d).”

    8

    L-Artikolu 6 tal-Liġi tal-1988 dwar il-monumenti storiċi (Monumentenwet 1988), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-monumenti storiċi”), jipprovdi:

    “1.   Il-Ministru tagħna għandu jżomm, għal kull komun, reġistru tal-bini protett. Huwa għandu jinkludi fir-reġistru l-monumenti storiċi identifikati minnu, sakemm ma jkun ġie ppreżentat ebda rikors kontra tali identifikazzjoni jew jekk tali rikors ikun ġie miċħud.

    2.   Il-Ministru tagħna għandu jibgħat kopja ta’ kull iskrizzjoni magħmula fir-reġistru lir-rappreżentanti permanenti kif ukoll lis-sindku u lill-membri tal-kunsill tal-komun.

    3.   Il-kopja mibgħuta lis-sindku u lill-membri tal-kunsill tal-komun għandha titħalla mas-segretarjat tal-komun għal finijiet ta’ konsultazzjoni. Kull ċittadin jista’ jmur fl-uffiċċju tal-komun u jikseb kopja bi spejjeż tiegħu.”

    9

    L-Artikolu 7 ta’ din il-liġi jipprovdi:

    “1.   L-Artikolu 3(2) sa (6), l-Artikolu 4 u l-Artikolu 6 ma għandhomx japplikaw jekk il-monument storiku ma jinsabx fit-territorju ta’ komun.

    2.   Qabel jieħu deċiżjoni dwar monument imsemmi fil-paragrafu 1, il-Ministru tagħna għandu jisma’ lill-Kunsill.

    3.   Il-Ministru tagħna għandu jżomm reġistru nazzjonali fejn jinkludi l-monumenti identifikati minnu li jaqgħu taħt il-paragrafu 1, sakemm ma jkun ġie ppreżentat ebda rikors kontra tali identifikazzjoni jew jekk tali rikors ikun ġie miċħud. Kopja tal-iskrizzjoni għandha tintbagħat lill-awtorità li tamministra ż-żona kkonċernata, kif ukoll lir-rappreżentanti permanenti jekk il-monument ikun jinsab fit-territorju ta’ provinċja.”

    10

    L-Artikolu 3 tal-istess liġi jipprevedi l-modalitajiet ta’ rikonoxximent ta’ bini bħala monument storiku bit-termini segwenti:

    “1.   Il-Ministru tagħha jista’ jirrikonoxxi ex officio l-istatus ta’ monument protett fir-rigward ta’ monument immobbli.

    2.   Qabel jieħu deċiżjoni f’dan ir-rigward, il-Ministru tagħha għandu jikkonsulta lis-sindju u lill-membri tal-kunsill tal-komun li fih ikun jinsab il-monument, kif ukoll lir-rappreżentanti permanenti fil-każ li l-imsemmi monument ikun jinsab barra miż-żoni ta’ agglomerazzjoni identifikati skont il-Liġi tal-1994 dwar iċ-ċirkolazzjoni fit-toroq.

    3.   Il-Ministru tagħna għandu jinnotifika t-talba għal opinjoni msemmija fil-paragrafu 2 lill-persuni indikati bħala proprjetarji u aventi kawża fir-reġistrazzjoni bażika tar-reġistru tal-artijiet.

    4.   Is-sindku u l-membri tal-kunsill tal-komun għandhom joffru lill-persuni kkonċernati msemmija fil-paragrafu 3 l-possibbiltà li jinstemgħu u għandhom jorganizzaw il-pożizzjoni komuni msemmija fl-Artikolu 2(2).

    5.   Is-sindku u l-membri tal-kunsill tal-komun għandhom jinnotifikaw l-opinjoni tagħhom f’terminu ta’ ħames xhur minn meta tintbagħat it-talba għal opinjoni msemmija fil-paragrafu 2; it-terminu għar-rappreżentanti permanenti huwa ta’ erba’ xhur.

    6.   Il-Ministru tagħna għandu jieħu deċiżjoni, wara li jisma’ lill-Kunsill, f’terminu ta’ għaxar xhur mid-data li fiha tintbagħat it-talba għal opinjoni lis-sindku u lill-membri tal-kunsill tal-komun.”

    11

    Għalkemm il-Liġi dwar il-monumenti storiċi ma tistabbilixxi ebda kundizzjoni espliċita li l-monument għandu jkun jinsab fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-qorti tar-rinviju tqis li din il-kundizzjoni tirriżulta neċessarjament mill-istruttura ġenerali tal-imsemmija liġi, kif ikkjarifikata mix-xogħlijiet preparatorji ta’ din il-liġi.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12

    Matul is-sena 2004, X, ċittadin tal-Pajjiżi l-Baxxi, ittrasferixxi r-residenza tiegħu mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn il-Belġju, fejn jirrisjedi f’kastell li huwa l-proprjetà tiegħu.

    13

    Dan il-kastell huwa protett fil-Belġju bħala monument storiku. Għall-kuntrarju, fil-Pajjiżi l-Baxxi dan il-kastell ma huwa inkluż f’ebda wieħed mir-reġistri msemmija fl-Artikolu 6 jew fl-Artikolu 7 tal-Liġi dwar il-monumenti storiċi.

    14

    Matul is-sena fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, X kien jeżerċita fil-Pajjiżi l-Baxxi l-funzjoni ta’ amministratur ta’ kumpannija li tagħha kien l-uniku azzjonist. Huwa ma kien jirċievi ebda dħul minn attività fil-Belġju.

    15

    Peress li kien għażel li jkun suġġett għas-sistema prevista għall-persuni taxxabbli residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, X iddikjara d-dħul tiegħu f’dan l-Istat Membru filwaqt li naqqas is-somma ta’ EUR 18 140 bħala spejjeż ta’ manutenzjoni u ta’ deprezzament marbut mal-kastell, li kien għamlu l-abitazzjoni proprja tiegħu fis-sens tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-Pajjiżi l-Baxxi.

    16

    Sussegwentement, X kien is-suġġett ta’ aġġustament fir-rigward ta’ dan it-tnaqqis minħabba li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 6.31(2) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, li tirrikjedi li l-monument ikun inkluż f’wieħed mir-reġistri previsti fl-Artikoli 6 u 7 tal-Liġi dwar il-monumenti storiċi, ma kinitx issodisfatta.

    17

    Ir-Rechtbank Breda, peress li qieset li d-dritt għal tnaqqis inkwistjoni ma setax jiġi llimitat għall-monumenti li jinsabu fil-Pajjiżi l-Baxxi, laqgħat ir-rikors ta’ X kontra dan l-aġġustament. Il-Gerechtshof te ‘s‑Hertogenbosch ċaħdet l-appell ippreżentat mill-amministrazzjoni fiskali tal-Pajjiżi l-Baxxi. L-iStaatssecretaris van Financiën ippreżenta appell fil-kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden.

    18

    Huwa f’dan il-kuntest li l-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-movi[…]ment liberu tal-kapital, jipprekludi li persuna residenti fil-Belġju li, fuq talba tagħha, hija ntaxxata bħala persuna taxxabbli residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, u li sostniet spejjeż relatati ma’ kastell li huwa l-abitazzjoni propja tagħha, li jinsab fil-Belġju u li huwa kkunsidrat f’dan l-Istat bħala monument u sit rurali protett, ma tistax tnaqqas dawn l-ispejjeż għat-tassazzjoni tad-dħul fil-Pajjiżi l-Baxxi, minħabba li l-kastell ma kienx irreġistrat fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala monument storiku protett?

    2)

    F’dan ir-rigward sa fejn huwa rilevanti li l-persuna kkonċernata tista’ tnaqqas, għat-taxxa fuq id-dħul fil-pajjiż ta’ residenza tagħha, il-Belġju, dawn l-ispejjeż mid-dħul attwali jew ġejjieni tagħha li jorigina minn beni mobbli, permezz tal-għażla ta’ tassazzjoni progressiva ta’ dan id-dħul?”

    Fuq id-domandi preliminari

    19

    Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva, billi tinvoka l-protezzjoni tal-patrimonju kulturali nazzjonali, il-possibbiltà li jitnaqqsu l-ispejjeż relatati mal-monumenti kklassifikati għall-proprjetarji ta’ monumenti li jinsabu fit-territorju tiegħu biss.

    20

    Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm jistgħu jkunu affettwati kemm il-libertà ta’ moviment tal-kapital u kemm il-libertà ta’ stabbiliment, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, id-domandi fformulati mill-ġdid b’dan il-mod għandhom jingħataw risposta fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment.

    21

    Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE jkopri kull resident ta’ Stat Membru, irrispettivament min-nazzjonalità tiegħu, li jkollu sehem fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat membru ieħor li jagħtih influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ din il-kumpannija, influwenza li tippermettilu jiddetermina l-attivitajiet tagħha (ara s-sentenza N, C‑470/04, EU:C:2006:525, punt 27).

    22

    Issa dan huwa l-każ ta’ X li, matul is-sena fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għażel li jkun residenti fil-Belġju u ġġestixxa, fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-attivitajiet tal-kumpannija inkorporata taħt id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi li tagħha kien l-uniku azzjonist.

    23

    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi kull miżura nazzjonali li, minkejja li tapplika mingħajr distinzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità, tista’ tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat FUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Attanasio Group, C‑384/08, EU:C:2010:133, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    Għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment.

    25

    Fil-fatt, f’sitwazzjonijiet bħal dik ta’ X, li ma huwiex residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi iżda li għażel, minħabba li jeżerċita l-attività kollha tiegħu f’dan l-Istat Membru, li jkun suġġett għas-sistema fiskali applikabbli għall-persuni residenti, din il-leġiżlazzjoni timplika differenza fit-trattament bejn il-persuni taxxabbli li jgħixu f’monument storiku skont jekk il-post ta’ abitazzjoni tagħhom jinsabx jew le fit-territorju nazzjonali.

    26

    Din id-differenza fit-trattament tista’ tiddiswadi lill-persuni taxxabbli li l-abitazzjoni tagħhom tkun monument storiku li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru milli jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Stat Membru ieħor.

    27

    Madankollu, jista’ jkun hemm diskriminazzjoni fis-sens tat-Trattat bejn residenti u mhux residenti biss jekk, minkejja r-residenza tagħhom fi Stati Membri differenti, jiġi stabbilit li, fir-rigward tal-għan u tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, iż-żewġ kategoriji ta’ persuni taxxabbli jkunu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Estonja, C‑39/10, EU:C:2012:282, punt 51).

    28

    Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

    29

    Fil-fatt, l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta b’mod partikolari mid-dikjarazzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ liġi li wasslet għal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, huwa l-konservazzjoni u l-preżervazzjoni tal-patrimonju kulturali u storiku tal-Pajjiżi l-Baxxi, permezz tal-possibbiltà ta’ tnaqqis speċjali ta’ ċerti spejjeż relatati mal-monumenti kklassifikati, b’mod partikolari ma’ dawk li jservu bħala akkomodazzjoni għall-proprjetarju tagħhom.

    30

    Barra minn hekk, kien fid-dawl ta’ dan l-għan li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fetaħ l-imsemmija possibbiltà ta’ tnaqqis lill-persuni taxxabbli proprjetarji ta’ monument ikklassifikat li jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi anki meta dawn ikunu jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi.

    31

    Għaldaqstant, il-fatt li l-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali li l-għan tiegħu huwa li jiġi ppreżervat il-patrimonju kulturali u storiku tal-Pajjiżi l-Baxxi jiġi rriżervat għall-proprjetarji ta’ monumenti kklassifikati li jinsabu fit-territorju nazzjonali biss huwa inerenti għall-għan segwit mil-leġiżlatur nazzjonali.

    32

    Għaldaqstant, id-differenza fit-trattament li tirriżulta minn dan tapplika għal kategoriji ta’ persuni taxxabbli li ma jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli.

    33

    Il-konklużjoni tista’ tkun differenti biss fil-każ li l-persuna taxxabbli tistabbilixxi li l-momument li tiegħu hija l-proprjetarja, minkejja li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jikkostitwixxi xorta waħda element tal-patrimonju kulturali u storiku tal-Pajjiżi l-Baxxi, u li dan il-fatt huwa ta’ natura li jintitola lil dan il-monument, li kieku ma kienx għall-fatt li ma jinsabx fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, għal protezzjoni taħt il-Liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar il-monumenti storiċi.

    34

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva, billi tinvoka l-protezzjoni tal-patrimonju kulturali u storiku nazzjonali, il-possibbiltà li jitnaqqsu l-ispejjeż relatati mal-monumenti kklassifikati għall-proprjetarji ta’ monumenti li jinsabu fit-territorju tiegħu biss, sakemm din il-possibbiltà tkun miftuħa għall-proprjetarji ta’ monumenti li jistgħu jkunu marbuta mal-patrimonju kulturali u storiku ta’ dan l-Istat Membru minkejja l-fatt li jkunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

    Fuq l-ispejjeż

    35

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva, billi tinvoka l-protezzjoni tal-patrimonju kulturali u storiku nazzjonali, il-possibbiltà li jintaqqsu l-ispejjeż relatati mal-monumenti kklassifikati għall-proprjetarji ta’ monumenti li jinsabu fit-territorju tiegħu biss, sakemm din il-possibbiltà tkun miftuħa għall-proprjetarji ta’ monumenti li jistgħu jkunu marbuta mal-patrimonju kulturali u storiku ta’ dan l-Istat Membru minkejja l-fatt li jkunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Fuq