Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62013CJ0212
Judgment of the Court (Fourth Chamber), 11 December 2014.#František Ryneš v Úřad pro ochranu osobních údajů.#Request for a preliminary ruling from the Nejvyšší správní soud.#Reference for a preliminary ruling — Directive 95/46/EC — Protection of individuals — Processing of personal data — Concept of ‘in the course of a purely personal or household activity’.#Case C‑212/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Diċembru 2014.
František Ryneš vs Úřad pro ochranu osobních údajů.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud.
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 95/46/KE — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi — Ipproċessar ta’ data personali — Kunċett ta’ ‘fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika’”.
Kawża C‑212/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Diċembru 2014.
František Ryneš vs Úřad pro ochranu osobních údajů.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud.
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 95/46/KE — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi — Ipproċessar ta’ data personali — Kunċett ta’ ‘fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika’”.
Kawża C‑212/13.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2428
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
11 ta’ Diċembru 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 95/46/KE — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi — Ipproċessar ta’ data personali — Kunċett ta’ ‘fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika’”
Fil-Kawża C‑212/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ April 2013, fil-proċedura
František Ryneš
vs
Úřad pro ochranu osobních údajů,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Marzu 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal F. Ryneš, minn M. Šalomoun, avukat, |
— |
għall-Úřad pro ochranu osobních údajů, minn I. Němec, avukat, u J. Prokeš, |
— |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch u G. Kunnert, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, J. Fałdyga u M. Kamejsza, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u C. Vieira Guerra, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie, bħala aġent, assistit minn J. Holmes, barrister, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Martenczuk, P. Němečková u Z. Malůšková, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Lulju 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn F. Ryneš u l-Úřad pro ochranu osobních údajů (Uffiċċju għall-protezzjoni tad-data personali, iktar ’il quddiem l-“Úřad”), dwar id-deċiżjoni li permezz tagħha dan tal-aħħar ikkonstata li F. Ryneš kien wettaq diversi atti ta’ ksur f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-data personali. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 10, 12 u 14 sa 16 tad-Direttiva 95/46 jiddikjaraw:
[...]
[...]
|
4 |
Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
|
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar. 2. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:
|
6 |
L-Artikolu 7 tal-istess direttiva jaqra kif ġej: “Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:
jew [...]
|
7 |
L-Artikolu 11 tad-Direttiva 95/46 jipprovdi: “1. Meta d-data ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data, Stati Membru għandhom jipprovdu li l-kontrollur [...] għandhom fil-mument li jibdew ir-reġistrazzjoni tad-data personali [...], jagħtu lis-suġġett tad-data għall-inqas l-informazzjoni li ġejja, ħlief meta huwa jkun diġa jaf biha:
2. Il-Paragrafu 1 m’għandux japplika fejn, partikolarment għal ipproċessar għall-finijiet ta’ statistika jew għall-finijiet ta’ riċerka storika jew xjentifika, ma jkunx possibbli li tingħata dik l-informazzjoni jew biex tingħata jkun meħtieġ sforz sproporzjonat jew jekk ir-reġistrazzjoni jew l-iżvelar ikunu espressament meħtieġa bil-liġi. F’dawn il-każi Stati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni xierqa.” |
8 |
L-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli [...] 11 (1) [...] meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil: [...]
[...]
|
9 |
Skont l-Artikolu 18(1) tal-imsemmija direttiva: “Stati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur [...] għandu jinnotifika lill-awtorità ta’ superviżjoni [...] qabel ma jagħmel l-operazzjoni parzjali jew kollha ta’ l-ipproċessar awtomatiku jew sett ta’ operazzjonijiet bħal dawn maħsuba biex jaqdu skop wieħed jew diversi għanijiet relatati.” |
Id-dritt Ċek
10 |
L-Artikolu 3(3) tal-Liġi Nru 101/2000 Sb., dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-emendi ta’ ċerti liġijiet (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 101/2000”) jipprovdi: “Din il-liġi ma tapplikax għall-ipproċessar ta’ data personali minn persuna fiżika għal użu purament personali”. |
11 |
L-Artikolu 44(2) ta’ din il-liġi jirregola r-responsabbiltà tal-persuna inkarigata bl-ipproċessar tad-data personali, li twettaq ksur meta tipproċessa din id-data mingħajr il-kunsens tal-persuna kkonċernata, meta ma tipprovdix l-informazzjoni rilevanti lil din tal-aħħar u meta ma tissodisfax l-obbligu ta’ notifika lill-awtorità kompetenti. |
12 |
Skont l-Artikolu 5(2) tal-imsemmija liġi, bħala prinċipju, l-ipproċessar ta’ data personali huwa possibbli biss bil-kunsens tal-persuna kkonċernata. Fin-nuqqas ta’ tali kunsens, l-imsemmi pproċessar jista’ jseħħ jekk ikun neċessarju għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-interessi protetti mil-liġi tal-kontrollur, tad-destinatarju jew ta’ persuna oħra kkonċernata. Madankollu, dan l-ipproċessar ma għandux jikser id-dritt tal-persuna kkonċernata għar-rispett tal-ħajja privata u personali tagħha. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
13 |
Matul il-perijodu bejn il-5 ta’ Ottubru 2007 u l-11 ta’ April 2008, F. Ryneš installa u uża sistema ta’ kamera mqiegħda taħt il-bordura tal-bejt tad-dar tal-familja tiegħu. Din il-kamera kienet installata b’mod fiss, mingħajr possibbiltà li ddur, u kienet tirreġistra fuq film id-daħla ta’ din id-dar, it-triq pubblika u d-daħla tad-dar tal-faċċata. Is-sistema kienet tippermetti biss reġistrazzjoni vidjo, li kienet tinżamm f’apparat ta’ reġistrazzjoni kontinwa, jiġifieri f’hard disk. Meta tintlaħaq il-kapaċità tiegħu, dan l-apparat kien iħassar ir-reġistrazzjoni eżistenti permezz ta’ reġistrazzjoni ġdida. L-imsemmi apparat ta’ reġistrazzjoni ma kienx jinkludi skrin, b’mod li l-immaġni ma setgħetx tidher immedjatament. F. Ryneš biss kellu aċċess dirett għas-sistema u għad-data. |
14 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-unika raġuni għall-użu ta’ din il-kamera minn F. Ryneš kienet sabiex jipproteġi l-beni, is-saħħa u l-ħajja tiegħu stess u dawk tal-familja tiegħu. Fil-fatt, kemm huwa stess kif ukoll il-familja tiegħu kienu s-suġġett ta’ attakki matul diversi snin min-naħa ta’ persuna mhux magħrufa li ma setgħetx tinqabad. Barra minn hekk, fid-dar tal-familja tiegħu, it-twieqi tkissru diversi drabi bejn is-sena 2005 u s-sena 2007. |
15 |
Matul il-lejl bejn is-6 u s-7 ta’ Ottubru 2007, seħħ attakk ieħor. Tieqa tad-dar inkwistjoni tkissret b’tir ta’ projettili permezz ta’ żbandola. Bis-saħħa tas-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo inkwistjoni, żewġ persuni suspettati setgħu jiġu identifikati. Ir-reġistrazzjonijiet intbagħtu lill-pulizija u, sussegwentement, ġew invokati fil-kuntest tal-proċedura kriminali li nbdiet. |
16 |
Billi waħda minn dawn il-persuni suspettati talbet il-verifika tal-legalità tas-sistema ta’ sorveljanza ta’ F. Ryneš, l-Úřad, permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2008, ikkonstata li dan tal-aħħar kien wettaq ksur fir-rigward tal-Liġi Nru 101/2000 minħabba li:
|
17 |
Adita b’rikors ippreżentat minn F. Ryneš kontra din id-deċiżjoni, il-Městský soud v Praze (Qorti muniċipali ta’ Praga) ċaħditu permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ April 2012. F. Ryneš ippreżenta appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. |
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud (Qorti amministrattiva suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-użu ta’ sistema ta’ kameras installata fuq dar privata għall-protezzjoni tal-beni, tas-saħħa u tal-ħajja tal-proprjetarji tad-dar jista’ jaqa taħt l-ipproċessar ta’ data personali ‘minn persuna naturali [fiżika] meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika’ fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46[...], anki jekk tali sistema tissorvelja wkoll żona pubblika?” |
Fuq id-domanda preliminari
19 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ sistema ta’ kamera, li tagħti lok għal reġistrazzjoni vidjo ta’ persuni miżmuma f’apparat ta’ reġistrazzjoni kontinwa bħal hard disk, installata minn persuna fiżika fid-dar privata tagħha għall-protezzjoni tal-beni, tas-saħħa u tal-ħajja tal-proprjetarji tad-dar, liema sistema tissorvelja wkoll spazju pubbliku, jikkostitwixxi pproċessar ta’ data magħmul fil-kors ta’ attivitajiet purament personali jew domestiċi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
20 |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar tapplika “għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar”. |
21 |
Il-kunċett ta’ “data personali” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jinkludi, skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46, “kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali [fiżika] identifikata jew identifikabbli”. Jitqies li huwa identifikabbli “min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza [...] għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika [...] tiegħu”. |
22 |
Għaldaqstant, l-immaġni ta’ persuna rreġistrata permezz ta’ kamera tikkostitwixxi data personali fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija fil-punt preċedenti sa fejn hija tippermetti li tiġi identifikata l-persuna kkonċernata. |
23 |
F’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “ipproċessar ta’ data personali”, għandu jiġi rrilevat li dan huwa ddefinit fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46 bħala “kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali [...], bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, [...] ħażna”. |
24 |
Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 15 u 16 tad-Direttiva 95/46, is-sorveljanza bil-vidjo, bħala prinċipju, taqa’ taħt din id-direttiva sa fejn tikkostitwixxi pproċessar b’mezzi awtomatiċi. |
25 |
Issa sorveljanza mwettqa permezz ta’ reġistrazzjoni vidjo ta’ persuni, bħal fil-kawża prinċipali, miżmuma f’apparat ta’ reġistrazzjoni kontinwa, jiġifieri f’hard disk, tikkostitwixxi, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46, ipproċessar ta’ data personali b’mezzi awtomatiċi. |
26 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tali pproċessar madankollu huwiex eskluż mill-applikazzjoni ta’ din id-direttiva sa fejn isir “fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva. |
27 |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 u mill-premessa 10 tad-Direttiva 95/46, din tal-aħħar tfittex li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali (ara s-sentenza Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 66). |
28 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għall-ħajja privata, iggarantit bl-Artikolu 7 tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, teżiġi li d-derogi mill-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet ta’ din il-protezzjoni għandhom japplikaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (ara s-sentenzi IPI, C‑473/12, EU:C:2013:715, punt 39, u Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 52). |
29 |
Billi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, sa fejn jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali li jista’ jippreġudika l-libertajiet fundamentali u, b’mod partikolari, id-dritt għall-ħajja privata, għandhom neċessarjament jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li huma stabbiliti fl-imsemmija karta (ara s-sentenza Google Spain u Google, EU:C:2014:317, punt 68), id-deroga prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva għandha tingħata interpretazzjoni stretta. |
30 |
Din l-interpretazzjoni stretta hija bbażata wkoll fuq il-kliem innifsu ta’ din id-dispożizzjoni li jeskludi mill-applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 l-ipproċessar tad-data magħmul fil-kors ta’ attivitajiet mhux biss sempliċement personali jew domestiċi, iżda “purament” personali jew domestiċi. |
31 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, ipproċessar ta’ data personali jaqa’ taħt id-deroga prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 biss meta jsir fl-isfera purament personali jew domestika ta’ dak li jwettaq dan l-ipproċessar. |
32 |
Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda l-persuni fiżiċi, il-korrispondenza u ż-żamma ta’ reġistri ta’ indirizzi jikkostitwixxu, fid-dawl tal-premessa 12 tad-Direttiva 95/46, “attività purament personali jew domestika”, minkejja li, inċidentalment, jikkonċernaw jew jistgħu jikkonċernaw il-ħajja privata ta’ persuni oħra. |
33 |
Sa fejn sorveljanza bil-vidjo bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkopri, anki parzjalment, spazju pubbliku, u, minħabba f’hekk, tkun diretta ’l barra mill-isfera privata ta’ dak li jwettaq l-ipproċessar tad-data b’dan il-mezz, hija ma tistax titqies li hija attività purament “personali jew domestika”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46. |
34 |
Fl-istess ħin, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva tippermetti, jekk ikun il-każ, li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari skont l-Artikoli 7(f), 11(2) u 13(1)(d) u (g) tal-imsemmija direttiva, l-interessi leġittimi tal-kontrollur, li jikkonsistu, b’mod partikolari, bħal fil-kawża prinċipali, fil-protezzjoni tal-beni, tas-saħħa u tal-ħajja ta’ dan il-kontrollur u ta’ dawk tal-familja tiegħu. |
35 |
Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li t-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ sistema ta’ kamera, li tagħti lok għal reġistrazzjoni vidjo ta’ persuni miżmuma f’apparat ta’ reġistrazzjoni kontinwa bħal hard disk, installata minn persuna fiżika fid-dar privata tagħha għall-protezzjoni tal-beni, tas‑saħħa u tal-ħajja tal-proprjetarji tad-dar, liema sistema tissorvelja wkoll spazju pubbliku, ma jikkostitwixxix ipproċessar ta’ data magħmul fil-kors ta’ attivitajiet purament personali jew domestiċi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
36 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
It-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ sistema ta’ kamera, li tagħti lok għal reġistrazzjoni vidjo ta’ persuni miżmuma f’apparat ta’ reġistrazzjoni kontinwa bħal hard disk, installata minn persuna fiżika fid-dar privata tagħha għall-protezzjoni tal-beni, tas-saħħa u tal-ħajja tal-proprjetarji tad-dar, liema sistema tissorvelja wkoll spazju pubbliku, ma jikkostitwixxix ipproċessar ta’ data magħmul fil-kors ta’ attivitajiet purament personali jew domestiċi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.