Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62013CJ0315
Judgment of the Court (Third Chamber), 3 December 2014.#Edgard Jan De Clercq and Others.#Request for a preliminary ruling from the rechtbank van eerste aanleg te Mechelen.#Reference for a preliminary ruling — Freedom to provide services — Articles 56 TFEU and 57 TFEU — Directive 96/71/EC — Article 3(1) and (10) — Directive 2006/123/EC — Article 19 — National legislation requiring the person to whom posted employees or trainees are deployed to declare those who are unable to submit the acknowledgement of receipt of the declaration which should have been made to the host Member State by their employer established in another Member State — Criminal penalty.#Case C‑315/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-3 ta’ Diċembru 2014.
Edgard Jan De Clercq et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank van eerste aanleg te Mechelen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE — Direttiva 96/71/KE — Artikolu 3(1) u (10) — Direttiva 2006/123/KE — Artikolu 19 — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-persuna li magħha jaħdmu ħaddiema impjegati jew ħaddiema bi prova kkollokati l-obbligu li tiddikjara lil dawk li ma jistgħux jipproduċu l-konferma ta’ rċevuta tad-dikjarazzjoni li kellha ssir fl-Istat Membru ospitanti mill-persuna li timpjegahom stabbilita fi Stat Membru ieħor — Sanzjoni kriminali.
Kawża C‑315/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-3 ta’ Diċembru 2014.
Edgard Jan De Clercq et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank van eerste aanleg te Mechelen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE — Direttiva 96/71/KE — Artikolu 3(1) u (10) — Direttiva 2006/123/KE — Artikolu 19 — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-persuna li magħha jaħdmu ħaddiema impjegati jew ħaddiema bi prova kkollokati l-obbligu li tiddikjara lil dawk li ma jistgħux jipproduċu l-konferma ta’ rċevuta tad-dikjarazzjoni li kellha ssir fl-Istat Membru ospitanti mill-persuna li timpjegahom stabbilita fi Stat Membru ieħor — Sanzjoni kriminali.
Kawża C‑315/13.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2408
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
3 ta’ Diċembru 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE — Direttiva 96/71/KE — Artikolu 3(1) u (10) — Direttiva 2006/123/KE — Artikolu 19 — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-persuna li magħha jaħdmu ħaddiema impjegati jew ħaddiema bi prova kkollokati l-obbligu li tiddikjara lil dawk li ma jistgħux jipproduċu l-konferma ta’ rċevuta tad-dikjarazzjoni li kellha ssir fl-Istat Membru ospitanti mill-persuna li timpjegahom stabbilita fi Stat Membru ieħor — Sanzjoni kriminali”
Fil-Kawża C‑315/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank van eerste aanleg te Mechelen (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ġunju 2013, fil-proċeduri kriminali kontra
Edgard Jan De Clercq,
Emiel Amede Rosa De Clercq,
Nancy Genevieve Wilhelmina Rottiers,
Ermelinda Jozef Martha Tampère,
Thermotec NV,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal E. J. De Clercq kif ukoll għal N. G. W. Rottiers, minn S. Bouzoumita, avukat, |
— |
għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn S. Rodrigues u I. Majumdar, avukati, |
— |
għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning u M. Wolff, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Franċiż, minn R. Coesme u D. Colas, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Wilman u J. Enegren kif ukoll minn H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE, tal-Artikolu 3(1) u (10) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431), u tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fl-ambitu ta’ proċedura kriminali mibdija kontra, minn naħa, E. J. De Clercq, N. G. W Rottiers u E. J. M. Tampère, ċittadini Belġjani, u, min-naħa l-oħra, Thermotec NV, kumpannija rregolata mid-dritt Belġjan (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“imputati”), peress li, f’diversi okkażjonijiet, matul perijodu mill-1 ta’ April 2007 sat-18 ta’ Novembru 2008, kisru obbligu ta’ dikjarazzjoni dwar ħaddiema impjegati kkollokati impost mill-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 96/71
3 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71, intitolat “Il-kamp ta’ l-applikazzjoni”, jipprovdi: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali, jimpjegaw ħaddiema skont paragrafu 3, fit-territorju ta’ Stat Membru. [...] 3. Din id-Direttiva għandha tapplika sa fejn l-impriżi msemmija fil-paragrafu 1 jieħdu waħda mill-miżuri transnazzjonali li ġejjin:
[...]” |
4 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71, intitolat “It-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta’ mpjieg, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu ħaddiema mibgħuta fit-territorju tagħhom it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg li jkopru il-kwistjonijiet li ġejjin, fl-Istati Membri fejn ix-xogħol hu mwettaq, huma stabbiliti:
[...] 10. Din id-Direttiva ma’ tipprekludix l-applikazzjoni mill-Istati Membri, f’konformità mat-Trattat, għall-impriżi nazzjonali u għall-impriżi ta’ Stati oħra, fuq bażi ta’ ugwaljanza ta’ trattament ta’:
|
5 |
L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Miżuri” jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa fil-każ ta’ non-konformità mad-Direttiva. Għandhom b’mod partikulari jiżguraw li proċeduri adegwati huma disponibbli lill-ħaddiema u/jew ir-rappresentanti tagħhom għat-twettiq ta’ l-obbligi taħt din id-Direttiva.” |
Id-Direttiva 2006/123
6 |
L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Libertà tal-provvista ta’ servizzi”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu: “L-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw il-libertà għall-provvista ta’ servizzi f’każ ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor billi jimponu xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti li ġejjin: [...]
|
7 |
L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/123, li jinsab fil-Kapitolu IV, Taqsima 2 tagħha, dwar id-drittijiet tad-destinatarji tas-servizzi fl-ambitu tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, huwa intitolat “Restrizzjonijiet projbiti”. Dan l-artikolu jipprovdi: “L-Istati Membri m’għandhomx jimponu rekwiżiti fuq riċevitur li jillimitaw l-użu ta’ servizz provdut minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari r-rekwiżiti li ġejjin:
[...]” |
8 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 44(1) tagħha, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu konformi ma’ din id-direttiva qabel it-28 ta’ Diċembru 2009. |
Id-dritt Belġjan
Il-Liġi ta’ Riorjentazzjoni Ekonomika tal-4 ta’ Awwissu 1978
9 |
Il-Liġi ta’ Riorjentazzjoni Ekonomika tal-4 ta’ Awwissu 1978 (Moniteur belge tas-17 ta’ Awwissu 1978, p. 9106) tipprovdi fl-Artikolu 69 tagħha: “§ 1 Kull persuna li magħha jew għaliha jaħdmu ħaddiema ta’ terzi li jibqgħu persuni taxxabbli taħt l-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru [...] li ma huwiex il-Belġju, għandha tikkomunika, matul l-ewwel jum tal-preżenza ta’ dawn il-ħaddiema, lid-Dipartiment tal-Ispezzjoni Soċjali tal-Ministeru tas-Sigurtà Soċjali, l-ismijiet ta’ dawk li ma humiex f’pożizzjoni li jipprovdu l-prova li huma persuni taxxabbli bil-preżentazzjoni taċ-ċertifikat ta’ kollokament previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83], kif ukoll il-komunikazzjoni tal-isem jew tad-denominazzjoni u l-indirizz tal-persuni li jimpjegawhom. [...] § 2 [...] Is-sanzjonijiet kriminali msemmija fl-Artikoli 35 u 39 tal-[Liġi tas-27 ta’ Ġunju 1969, li tirrevedi id-Digriet-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 1944 dwar is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema] huma applikabbli għall-persuni li ma josservawx ir-rekwiżiti tal-paragrafu 1.” |
10 |
Dan l-Artikolu 69 tħassar permezz tal-Artikolu 149 tal-Liġi-Qafas (I) tas-27 ta’ Diċembru 2006 (Moniteur belge tat-28 ta’ Diċembru 2006, p. 75178, iktar ’il quddiem il-“Liġi-Qafas”). |
Il-Liġi-Qafas
11 |
It-Taqsima 1 tal-Kapitolu VIII tat-Titolu IV tal-Liġi-Qafas, li tinkludi l-Artikoli 137 u 138 tagħha, tispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kapitolu u tagħti ċerti definizzjonijiet. L-Artikolu 137 tal-Liġi-Qafas jipprovdi: “Għall-applikazzjoni ta’ dan il-kapitolu u tad-digrieti ta’ implementazzjoni tiegħu, huma applikabbli dawn it-tifsiriet:
[...]” |
12 |
Skont l-Artikolu 138 tal-Liġi-Qafas: “Dan il-Kapitolu japplika:
[...]” |
13 |
Il-Kapitolu VIII tat-Titolu IV tal-Liġi-Qafas huwa intitolat “Dikjarazzjoni minn qabel għall-ħaddiema impjegati u indipendenti kkollokati”. Dan il-kapitolu, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2007, jistabbilixxi sistema ta’ dikjarazzjoni minn qabel għall-ħaddiema impjegati u indipendenti kkollokati msejħa “sistema tad-dikjarazzjoni Limosa”, u dan l-obbligu ta’ dikjarazzjoni minn qabel ġie introdott fl-ambitu ta’ proġett iktar wiesa’, imsejjaħ sistema “Limosa”, akronimu ta’ “Landenoverschrijdend Informatiesysteem ten behoeve van Migratieonderzoek bij de Sociale Administratie” (sistema ta’ informazzjoni transkonfinali intiża għar-riċerka fil-qasam tal-migrazzjoni mill-amministrazzjoni soċjali). |
14 |
It-Taqsima 2 tal-istess Kapitolu VIII, li tinkludi l-Artikoli 139 sa 152 tal-Liġi-Qafas, hija intitolata “Id-dikjarazzjoni minn qabel għall-ħaddiema impjegati kkollokati”. Fil-verżjoni tiegħu applikabbli fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 139 tal-Liġi-Qafas kien jipprovdi: “Qabel l-impjieg ta’ ħaddiem impjegat ikkollokat fit-territorju Belġjan, il-persuna li timpjegah, jew persuna inkarigata jew mandatarja tagħha għandha tagħmel elettronikament, lill-Uffiċċju Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, dikjarazzjoni redatta b’mod konformi mal-Artikolu 140 u skont ir-regoli stabbiliti mir-Re. Qabel il-bidu tal-perijodu ta’ prova tiegħu fit-territorju Belġjan, il-ħaddiem bi prova barrani kkollokat jew l-istituzzjoni fejn qed isegwi l-istudji jew it-taħriġ professjonali tiegħu għandu jagħmel elettronikament, lill-Uffiċċju Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, dikjarazzjoni redatta b’mod konformi mal-Artikolu 140 u skont ir-regoli stabbiliti mir-Re. [...] Meta ssir id-dikjarazzjoni prevista fil-paragrafi preċedenti, id-dikjarant għandu jirċievi konferma tal-irċevuta [...]. [...]” |
15 |
Skont l-Artikolu 140 tal-Liġi-Qafas, “[i]r-Re jiddetermina l-gruppi ta’ data li għandhom jidhru fid-dikjarazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 139” u “[l]‑Uffiċċju Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali għandu jiddefinixxi l-kontenut ta’ dawn il-gruppi ta’ data.” |
16 |
L-Artikolu 141 tal-Liġi-Qafas, li jaqa’ taħt il-Parti 2 tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu VIII tat-Titolu IV tal-Liġi-Qafas, dwar l-obbligu tal-utenti finali jew tal-isponsers tal-ħaddiema impjegati kkollokati, jipprovdi: “Kull persuna li magħha jew għaliha huma impjegati, direttament jew permezz ta’ sottokuntratt, persuni previsti fl-Artikolu 137, 2° u 5, għandu jikkomunika elettronikament, qabel il-bidu tal-impjieg ta’ dawn il-persuni, id-data ta’ identifikazzjoni tal-persuni li ma humiex f’pożizzjoni li jippreżentaw il-konferma tal-irċevuta mogħtija skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 139 ta’ dan il-kapitolu, lill-Uffiċċju Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali skont ir-regoli stabbiliti mir-Re. Meta ssir id-dikjarazzjoni prevista fil-paragrafi preċedenti, id-dikjarant għandu jirċievi konferma tal-irċevuta [...]. [...]” |
17 |
Fit-Taqsima 4 tal-imsemmi Kapitolu VIII, intitolata “Sorveljanza u Sanzjonijiet”, l-Artikolu 157 tal-Liġi-Qafas ippreveda s-sanzjoni applikabbli fil-każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 139 tagħha. L-Artikolu 158 tal-Liġi-Qafas, li jaqa’ taħt l-istess taqsima, ippreveda inter alia d-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 141 tagħha u kien redatt kif ġej: “Mingħajr ħsara għall-Artikoli 269 sa 274 tal-Kodiċi Kriminali, [hija ssanzjonata] b’multa ta’ EUR 250 sa EUR 2 500 kull persuna li ma tikkonformax ruħha mad-dispożizzjonijiet [tal-]Artikol[u] 141 [...]; il-multa hija applikata fir-rigward ta’ kull wieħed mill-ħaddiema impjegati jew indipendenti kkollokati li fir-rigward tiegħu jkun twettaq il-ksur, b’dan però li t-total tal-multi ma għandux jeċċedi l-ammont ta’ EUR 125 000.” |
Il-Kodiċi Kriminali Soċjali u l-Kodiċi Kriminali
18 |
Il-Liġi tas-6 ta’ Ġunju 2010 (Moniteur belge tal-1 ta’ Lulju 2010, p. 43712), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2011, introduċiet il-Kodiċi Kriminali Soċjali fl-Artikolu 2 tagħha. L-Artikolu 109, punt 55, ta’ din il-liġi jħassar inter alia l-Artikolu 158 tal-Liġi-Qafas. |
19 |
L-Artikolu 183 tal-Kodiċi Kriminali Soċjali, intitolat “L-obbligi tal-utenti finali jew tal-isponsers”, jipprovdi: “Hija sanzjonabbli b’sanzjoni tal-livell 3: (1) kull persuna li magħha jew għaliha huma impjegati ħaddiema kkollokati jew ħaddiema bi prova kkollokati, direttament jew permezz ta’ sottokuntratt li, bi ksur tal-Kapitolu VIII tat-Titolu IV tal-Liġi-Qafas [...] u tad-Digrieti ta’ Implementazzjoni tagħha, ma kkomunikatx elettronikament u skont ir-regoli stabbiliti mir-Re lill-Uffiċċju Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali qabel il-bidu tal-impjieg ta’ dawn il-persuni, id-data ta’ identifikazzjoni tal-persuni li ma humiex f’pożizzjoni li jippreżentaw konferma ta’ rċevuta. [...] Fir-rigward tal-ksur previst fil-paragrafu 1, il-multa hija mmultiplikata bin-numru ta’ ħaddiema, ta’ ħaddiema bi prova, ta’ ħaddiema indipendenti jew ta’ ħaddiema bi prova indipendenti kkonċernati.” |
20 |
Skont l-Artikolu 101 tal-Kodiċi Kriminali Soċjali, “[i]s-sanzjoni tal-livell 3 hija kkostitwita minn multa kriminali ta’ EUR 100 sa EUR 1 000 jew minn multa amministrattiva ta’ EUR 50 sa EUR 500”. L-Artikolu 102 tal-istess kodiċi jipprevedi li d-deċimi addizzjonali, previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Liġi tal-5 ta’ Marzu 1952 dwar id-deċimi addizzjonali fuq il-multi kriminali (Moniteur belge tat-3 ta’ April 1952, p. 2606), kif emendata bil-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 2011 dwar dispożizzjonijiet differenti fil-qasam tal-ġustizzja (II) (Moniteur belge tat-30 ta’ Diċembru 2011, p. 81669), huma applikabbli għal dawn il-multi kriminali kif ukoll għal dawn il-multi amministrattivi. L-applikazzjoni ta’ dawn id-deċimi għandha l-effett li timmultiplika b’sitta l-ammont ta’ dawn il-multi. |
21 |
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Kodiċi Kriminali jipprevedi li, “[j]ekk is-sanzjoni stabbilita fiż-żmien tal-ġudizzju tkun differenti minn dik ipprovduta fiż-żmien tal-ksur, hija s-sanzjoni l-inqas qawwija li għandha tiġi applikata”. |
Id-Digriet Irjali
22 |
Il-Kapitolu VIII tat-Titolu IV tal-Liġi-Qafas ġie kkompletat bid-Digriet Irjali tal-20 ta’ Marzu 2007 li jimplementa dan il-kapitolu (Moniteur belge tat-28 ta’ Marzu 2007, p. 16975), kif emendat bid-Digriet Irjali tal-31 ta’ Awwissu 2007 (Moniteur belge tat-13 ta’ Settembru 2007, p. 48537, iktar ’il quddiem id-“Digriet irjali”). |
23 |
Skont l-Artikolu 7 tad-Digriet Irjali: “Id-dikjarazzjoni prevista [fl-]Artikol[u] 141 [...] tal-Liġi-Qafas [...] tipprovdi d-data li ġejja:
|
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
24 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Thermotec NV hija kumpannija rregolata mid-dritt Belġjan li għandha bħala attività l-manifattura ta’ sistemi ta’ tkessiħ industrijali. L-erba’ persuni mħarrka fil-kawża prinċipali huma jew kienu l-amministraturi. Kumpannija fl-istess grupp ta’ kumpanniji, Thermotec sp. z o.o., ġiet stabbilita fil-Polonja. Hija twettaq l-istess attività bħal Thermotec NV. |
25 |
Matul kontroll li sar fil-5 ta’ Mejju 2008 fis-sede ta’ Thermotec NV, id-Dipartiment tal-Ispezzjoni Soċjali kkonstata l-preżenza ta’ erba’ ħaddiema Pollakki, li minnhom tlieta kienu impjegati minn Thermotec sp. z o.o. Ebda formola E 101 ma setgħet tiġi pprovduta għal dawn il-ħaddiema. Thermotec sp. z o.o. lanqas ma pprovdiet il-konferma ta’ rċevuta mogħtija mal-ħruġ tad-dikjarazzjoni minn qabel għall-kollokament prevista fl-Artikolu 139 tal-Liġi-Qasam (iktar ’il quddiem il-“konferma ta’ rċevuta”) u Thermotec NV, utent finali tas-servizzi, ma kkomunikatx lid-Dipartiment Belġjan kompetenti d-data ta’ identifikazzjoni tal-ħaddiema kkollokati li ma kinux f’pożizzjoni li jipprovdu l-konferma ta’ rċevuta. |
26 |
Verifika wriet li anki għall-perijodi ta’ impjieg preċedenti tal-ħaddiema jew tal-ħaddiema bi prova Pollakki, ebda formola E 101 ma ntalbet minn Thermotec sp. z o.o. Barra minn hekk, għall-perijodu li jippreċedi l-1 ta’ April 2007, l-imputati ma kinux ikkomunikaw l-isem ta’ dawn il-ħaddiema u lanqas l-isem u l-indirizz tal-persuni li jimpjegawhom lill-Ispezzjoni Soċjali matul l-ewwel jum ta’ preżenza. Għall-perijodu wara din id-data, id-data ta’ identifikazzjoni tal-persuni li ma setgħux jipprovdu l-konferma ta’ rċevuta ma ġietx ikkomunikata. |
27 |
Fit-3 ta’ Ottubru 2008, l-Awditur tax-Xogħol fetaħ inkjesta ġudizzjarja. Fl-ambitu tagħha, saret tfittxija fit-18 ta’ Novembru 2008. Fil-21 ta’ Novembru 2008, formoli E 101 validi b’effett retroattiv inħarġu mid-Dipartiment tal-Ispezzjoni Soċjali Pollakk. |
28 |
Ġie redatt verbal ta’ ksur fil-konfront ta’ Thermotec sp. z o.o. Barra minn hekk, permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2012, Thermotec NV u l-erba’ persuni fiżiċi mħarrka fil-kawża prinċipali ntbagħtu quddiem il-qorti tar-rinviju, sabiex jirrispondu għal żewġ okkorrenzi ta’ ksur. L-ewwel ksur huwa marbut ma’ fatti mwettqa bejn is-27 ta’ Ġunju 2004 u l-31 ta’ Marzu 2007 inklużivament u jikkonsisti fil-ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 69(2) tal-Liġi ta’ Riorjentazzjoni Ekonomika tal-4 ta’ Awwissu 1978. It-tieni ksur huwa marbut ma’ fatti li seħħew bejn l-1 ta’ April 2007 u t-18 ta’ Novembru 2008 inklużivament u jikkonsisti fil-ksur tal-Artikolu 141 tal-Liġi-Qasam. Dawn iż-żewġ okkorrenzi ta’ ksur huma suġġetti għal sanzjonijiet pekunjarji ta’ natura kriminali. |
29 |
Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-intimati huma mħarrka mhux għax ma għamlux id-dikjarazzjoni minn qabel għall-kollokament li huwa l-kompitu tal-persuna li timpjega l-ħaddiema kkollokati, iżda għax, bħala utenti finali jew prinċipali, huma ma kkomunikawx id-data ta’ identifikazzjoni tal-persuni li ma setgħux jipprovdu l-konferma ta’ rċevuta. |
30 |
Quddiem il-qorti tar-rinviju, E. J. De Clercq u N. G. W. Rottiers isostnu li l-obbligu impost bl-Artikolu 141 tal-Liġi-Qafas (iktar ’il quddiem l-“obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni”) jirrappreżenta ostakolu disproporzjonat għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Huma jenfasizzaw li għandu jitqies il-fatt li dan l-obbligu huwa miżjud mal-obbligu ta’ dikjarazzjoni tal-fornitur ta’ servizzi barrani impost mill-Artikolu 139 tal-Liġi-Qafas u jinvokaw ukoll l-Artikolu 19(a) tad-Direttiva 2006/123. |
31 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont il-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑577/10, EU:C:2012:477, punt 54), id-Direttiva 2006/123 ma tistax tkun rilevanti fil-każ ineżami, peress li l-fatti imputati jippreċedu t-2 ta’ Ottubru 2009. Madankollu, hija tqis li d-Direttiva 96/71 għandha tittieħed inkunsiderazzjoni. |
32 |
Din il-qorti tosserva li l-obbligu għall-utenti u għall-prinċipali li jikkomunikaw id-data ta’ identifikazzjoni tal-ħaddiema impjegati kkollokati li ma humiex iddikjarati mal-awtoritajiet Belġjani mill-persuna li timpjegahom jista’ jiġi kklassifikat, mill-utenti ta’ fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju, bħala restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Madankollu, hija tindika li hemm diversi ġustifikazzjonijiet li jistgħu jkunu previsti fil-każ ineżami, bħall-protezzjoni tal-ħaddiema impjegati kkollokati u n-neċessità li tinkiseb l-informazzjoni li tippermetti li jsir kontroll effettiv tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni Belġjana applikabbli għalihom, il-prevenzjoni tal-kompetizzjoni żleali, fosthom il-ġlieda kontra d-dumping soċjali, iż-żamma tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali u n-neċessità li l-frodi tiġi prekluża u li l-abbużi jiġu missielta. Hija tistaqsi madankollu dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni u s-sanzjoni li takkompanja n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni”) imorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. |
33 |
Il-qorti tar-rinviju tindika, barra minn hekk, li, fid-data li fiha hija tat id-deċiżjoni tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għadha ma ħaditx pożizzjoni fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑577/10), li tipprevedi wkoll il-Liġi-Qafas. Madankollu, hija ssostni li din il-kawża tal-aħħar tirrigwarda l-ħaddiema indipendenti, filwaqt li, fil-kawża odjerna, huma inkwistjoni l-obbligi tal-utent finali fl-ambitu tal-kollokament ta’ ħaddiema u ta’ ħaddiema bi prova impjegati, b’mod li l-kawża odjerna għalhekk tirrigwarda dispożizzjonijiet tal-Liġi-Qafas differenti minn dawk li huma previsti fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Belġju. |
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi r-rechtbank van eerste aanleg te Mechelen (Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Mechelen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikoli 56 u 57 TFUE (li qabel kienu l-Artikoli 49 u 50 KE) u l-Artikolu 3(1) u (10) tad-[Direttiva 96/71], irrispettivament mill-fatt jekk jiġu jew jiġux moqrija flimkien mal-Artikolu 19 tad-[Direttiva 2006/123] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu d-dispożizzjoni tal-Artikolu 141 tal-[Liġi-Qafas], li permezz tagħha huwa impost fuq kull persuna li magħha jew li għaliha jaħdmu, direttament jew b’sottokuntratt, ħaddiema bi salarju jew stagiaires issekondati, l-obbligu li tikkomunika b’mod elettroniku (jew fil-każ ta’ impossibbiltà, permezz ta’ faks jew b’ittra), lill-Uffiċċju Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, qabel il-bidu tax-xogħol ta’ dawn il-persuni, id-data ta’ identifikazzjoni tal-persuni li ma humiex f’pożizzjoni li jippreżentaw il-konferma ta’ rċevuta, mogħtija lill-persuna li timpjeghom, tad-dikjarazzjoni preliminari tagħhom, flimkien mal-Artikolu 157 tal-[Liġi-Qafas] u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 183(1) tal-Kodiċi Kriminali Soċjali, li jissanzjonaw bi pieni korrezzjonali n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu?” |
Fuq id-domanda preliminari
35 |
B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 157 tal-Liġi-Qafas. Dan l-artikolu jipprevedi inter alia s-sanzjoni applikabbli għall-persuna li timpjega ħaddiema kkollokati li tikser l-obbligu ta’ dikjarazzjoni impost fuqha mill-Artikolu 139 tal-Liġi-Qafas. Issa, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, hija s-sanzjoni applikabbli għad-destinatarju ta’ servizzi li ma josservax l-obbligu ta’ dikjarazzjoni tal-ħaddiema li ma ġewx iddikjarati minn qabel mill-persuna li timpjegahom li hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Din is-sanzjoni kienet prevista fl-Artikolu 158 tal-Liġi-Qafas. Dan l-artikolu ġie ssostitwit fl-1 ta’ Lulju 2011 bl-Artikolu 183 tal-Kodiċi Kriminali Soċjali u, skont kif indikat mill-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni tal-aħħar hija applikabbli fil-kawża prinċipali skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Kodiċi Kriminali. Min-naħa l-oħra, minkejja li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-imputati tressqu quddiem il-qorti nazzjonali sabiex iwieġbu għal żewġ okkorrenzi ta’ ksur, din il-qorti tal-aħħar tistaqsi lill‑Qorti tal-Ġustizzja biss fir-rigward tal-okkorrenza ta’ ksur marbuta mal-allegat ksur tal-Artikolu 141 tal-Liġi-Qafas. |
36 |
Barra minn hekk, għandu qabelxejn jiġi ppreċiżat li, minkejja li, fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-ħaddiema bi prova kkollokati fit-territorju Belġjan, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma applikabbli għalihom huma, mutatis mutandis, identiċi. Għalhekk, l-iżviluppi sussegwenti marbuta mal-ħaddiema kkollokati japplikaw ukoll għall-imsemmija ħaddiema bi prova, ladarba l-perijodu ta’ xogħol tagħhom isir taħt il-kundizzjonijiet ta’ attività ta’ impjieg reali u effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Lawrie-Blum, 66/85, EU:C:1986:284, punt 22, kif ukoll Bernini, C‑3/90, EU:C:1992:89, punti 14 u 15). |
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 3(1) u (10) tad-Direttiva 96/71, kemm jekk moqrija flimkien mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/123 kif ukoll jekk le, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha d-destinatarju ta’ servizzi li jingħataw mill-ħaddiema impjegati kkollokati ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor ikun marbut jiddikjara lill-awtoritajiet kompetenti, qabel il-bidu tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema, id-data ta’ identifikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar meta dawn ma jkunux f’pożizzjoni li jipprovdu l-prova tad-dikjarazzjoni li l-persuna li timpjegahom kellha tagħmel mal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru ospitanti qabel il-bidu tal-imsemmija provvista. |
38 |
Il-Gvern Belġjan, dak Daniż u dak Franċiż isostnu, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li, fi kwalunkwe każ, din il-leġiżlazzjoni hija, minn naħa, iġġustifikata b’raġunijiet impellanti ta’ interess ġenerali partikolarment il-protezzjoni tal-ħaddiema, il-prevenzjoni tal-kompetizzjoni żleali u l-ġlieda kontra l-frodi u, min-naħa l-oħra, neċessarja sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Barra minn hekk, dawn il-gvernijiet iqisu li, f’dan il-każ, la hemm lok li tiġi interpretata d-Direttiva 96/71 u lanqas id-Direttiva 2006/123. |
39 |
Il-Gvern Awstrijak iqis, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni twieġeb għad-dispożizzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 96/71, li skontha l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adegwati fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tagħha. |
40 |
E. J. De Clercq u N. G. W. Rottiers isostnu, min-naħa l-oħra, li din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni sproporzjonata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kuntrarja għall-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE. Huma jżidu li d-Direttiva 2006/123 tipprekludi espressament lill-Istati Membri milli jimponu obbligu ta’ dikjarazzjoni sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika minn provvista min-naħa ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor. |
41 |
Il-Kummissjoni Ewropea ssostni li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemmx lok, f’dan il-każ, li jiġi interpretat l-Artikolu 3(1) u (10) tad-Direttiva 96/71 u tirrileva li d-Direttiva 2006/123 ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Din il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata, iżda huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tistabbilixxi u tevalwa konkretament u preċiżament l-għan imfittex minnha kif ukoll il-proporzjonalità tagħha. |
Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 3(1) u (10) tad-Direttiva 96/71
42 |
Skont it-titolu tiegħu, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71 jirrigwarda l-“kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” tal-ħaddiema kkollokati. |
43 |
B’hekk, il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 3 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, tkun liema tkun il-liġi applikabbli għar-relazzjoni tax-xogħol, l-impriżi stabbiliti fi Stat membru li, fl-ambitu ta’ provvista ta’ servizzi transnazzjonali, jikkollokaw ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jiggarantixxu lil dawn tal-aħħar kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg li, fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jitwettaq ix-xogħol, huma stabbiliti minn liġijiet, regoli jew dispożizzjonijiet amministrattivi u/jew minn ftehimiet kollettivi jew sentenzi arbitrali sa fejn dawn jikkonċernaw ċerti attivitajiet tas-settur tal-kostruzzjoni elenkati fl-Anness ta’ din id-direttiva, u li jikkonċernaw b’mod partikolari l-perijodi massimi tax-xogħol u l-perijodi minimi tal-mistrieħ, it-tul minimu tal-leave annwali mħallas, ir-rati tas-salarju minimu kif ukoll is-sigurtà, is-saħħa u l-iġjene fuq il-post tax-xogħol. |
44 |
B’mod simili, il-paragrafu 10 tal-istess Artikolu 3 jispeċifika li l-Istati Membri jistgħu wkoll jimponu, b’mod ugwali u fl-osservanza tat-Trattat FUE, fuq impriżi nazzjonali u fuq impriżi ta’ Stati Membri oħra, kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg li jirrigwardaw suġġetti oħra li ma humiex dawk previsti fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu, sa fejn dawn jirrigwardaw dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg stabbiliti fi ftehimiet kollettivi jew sentenzi arbitrali li jirrigwardaw attivitajiet li ma humiex dawk previsti fl-Anness tad-Direttiva 96/71. |
45 |
Il-paragrafi 1 u 10 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71 huma intiżi, għalhekk, sabiex jiżguraw għall-ħaddiema kkollokati l-applikazzjoni tar-regoli ta’ protezzjoni minima tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg marbuta mas-suġġetti indikati fl-imsemmi paragrafu 1 u, fejn applikabbli, dawk speċifikati mill-Istati Membri skont l-imsemmi paragrafu 10, meta dawn iwettqu xogħol temporanju fit-territorju tal-istess Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Laval un Partneri, C‑341/05, EU:C:2007:809, punt 76). |
46 |
F’dan il-każ, mill-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tikkonċernax direttament il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet, iżda hija intiża sabiex tiġi żgurata l-effikaċità tal-kontrolli li jistgħu jsiru mill-awtoritajiet Belġjani sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg. |
47 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li tali miżuri ta’ kontroll ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/71 u lanqas ma huma armonizzati fil-livell tal-Unjoni Ewropea, peress li d-Direttiva 96/71 hija intiża sabiex tikkoordina l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali sostantivi marbuta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema kkollokati, indipendentement mir-regoli amministrattivi aċċessorji intiżi sabiex tkun tista’ ssir il-verifika tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet. Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu liberament jiddefinixxu dawn il-miżuri, fl-osservanza tat-Trattat u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza dos Santos Palhota et, C‑515/08, EU:C:2010:589, punti 25 sa 27). |
48 |
Għaldaqstant, sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) u (10) tad-Direttiva 96/71. |
Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/123
49 |
L-Artikolu 16(2)(g) tad-Direttiva 2006/123 jipprovdi li l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor billi jimponu r-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi previsti fl-Artikolu 19 tal-istess direttiva. Issa, kif E. J. De Clercq u N. G. W. Rottiers jirrilevaw, minn qari flimkien tal-istess Artikolu 16(2)(g) u tal-Artikolu 19(a) tad-Direttiva 2006/123 jirriżulta li l-Istati Membri ma jistgħux jimponu fuq id-destinatarju ta’ servizzi rekwiżiti li jirrestrinġu l-użu ta’ servizz ipprovdut minn fornitur li għandu l-istabbiliment tiegħu fi Stat Membru ieħor, inter alia l-obbligu li jagħmel dikjarazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tagħhom. |
50 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-imputati huma mħarrka għal fatti li seħħew bejn l-1 ta’ April 2007 u t-18 ta’ Novembru 2008, jiġifieri qabel ma skada t-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/123, stabbilit fl-Artikolu 44(1) tagħha, fit-28 ta’ Diċembru 2009. Għalhekk din ma hijiex applikabbli ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
51 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/123 fl-ambitu tal-eżami tad-domanda preliminari. |
Fuq l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE
52 |
B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, it-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda d-destinatarji ta’ servizzi mogħtija minn impriża stabbilita fi Stat Membru li kkollokat il-ħaddiema tagħha għal perijodu partikolari lil impriża tal-istess grupp stabbilita fi Stat Membru ieħor bil-għan li tipprovdi servizzi. Peress li l-Artikolu 56 TFUE jagħti drittijiet mhux biss lill-fornitur ta’ servizzi nnifsu, iżda wkoll lid-destinatarju tagħhom, tali sitwazzjoni ta’ fatt taqa’ wkoll taħt l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi dos Santos Palhota et, EU:C:2010:589, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Strojírny Prostějov u ACO Industries Tábor, C‑53/13 u C‑80/13, EU:C:2014:2011, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi
53 |
Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 56 TFUE ma jirrikjedix biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront tal-fornitur ta’ servizzi minħabba n-nazzjonalità tiegħu, jew minħabba li dan ikun stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak fejn għandha ssir il-provvista, iżda wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta hija tali li tipprojbixxi, li tfixkel, jew li tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa jipprovdi legalment servizzi analogi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi dos Santos Palhota et, EU:C:2010:589, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑577/10, EU:C:2012:814, punt 38, kif ukoll Essent Energie Productie, C‑91/13, EU:C:2014:2206, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
54 |
Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 56 TFUE jagħti drittijiet mhux biss lill-fornitur ta’ servizzi nnifsu, iżda wkoll lid-destinatarju ta’ dawn is-servizzi. |
55 |
F’dan il-każ, mill-Artikolu 141 tal-Liġi-Qafas jirriżulta li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni jimplika, għall-utenti finali jew l-isponsers li magħhom jew li għalihom jaħdmu, direttament jew permezz ta’ sottokuntratt, ħaddiema impjegati kkollokati, li jivverifikaw, qabel il-bidu tal-provvista ta’ servizzi, jekk dawn il-ħaddiema kkollokati humiex f’pożizzjoni li jipprovdu l-konferma ta’ rċevuta. Jekk il-konferma ta’ rċevuta ma tistax tiġi pprovduta, dawn l-utenti finali jew l-isponsers huma marbuta jagħmlu elettronikament dikjarazzjoni lill-awtoritajiet Belġjani kompetenti. |
56 |
Skont l-Artikolu 7 tad-Digriet Irjali, din id-dikjarazzjoni għandha tirriproduċi d-data ta’ identifikazzjoni tad-dikjarant, li tista’ fejn applikabbli tkun limitata għal numru ta’ impriża jew għal numru ta’ identifikazzjoni tas-sigurtà soċjali, id-data ta’ identifikazzjoni tal-ħaddiem ikkollokat li ma kienx f’pożizzjoni li jipprovdi l-konferma ta’ rċevuta, li tista’ tkun, fejn applikabbli, numru ta’ identifikazzjoni tar‑Reġistru Nazzjonali jew “Numru tal-Banque-Carrefour”, kif ukoll id-data ta’ identifikazzjoni tal-persuna li timpjega lill-ħaddiem, li tista’ wkoll, fejn applikabbli, tkun numru ta’ impriża jew numru ta’ identifikazzjoni tas-sigurtà soċjali. |
57 |
Skont l-Artikoli 101 u 183 tal-Kodiċi Kriminali Soċjali, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni mid-destinatarju tas-servizzi hija suġġetta għal multa kriminali f’ammont bejn EUR 100 u EUR 1 000, jew għal multa amministrattiva f’ammont bejn EUR 50 u EUR 500, bl-applikazzjoni tad-deċimi addizzjonali u bil-multiplikazzjoni tal-multa bin-numru ta’ ħaddiema involuti. |
58 |
Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tobbliga lid-destinatarji ta’ provvista ta’ servizzi minn ħaddiema kkollokati minn persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju mhux biss li jikkontrollaw, qabel il-bidu tal-provvista, jekk il-persuna li timpjega lil dawn il-ħaddiema tkunx hija stess issodisfat l-obbligu ta’ dikjarazzjoni impost fuqha mill-Artikolu 139 tal-Liġi-Qafas, iżda wkoll, fejn applikabbli, li jiġbru mingħand dawn il-ħaddiema, ukoll qabel ma jingħata bidu għall-provvista, id-data ta’ identifikazzjoni tagħhom kif ukoll dik tal-persuna li timpjegahom u li jibagħtuha, flimkien ma’ tagħhom, lill-awtoritajiet Belġjani kompetenti. |
59 |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni li timponi tali obbligi, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jista’ jiġi ssanzjonat kriminalment, hija ta’ natura li trendi inqas attraenti, għad-destinatarji ta’ servizzi stabbiliti fil-Belġju, is-servizzi pprovduti minn fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra u konsegwentement tiskoraġġixxi lil dawn id-destinatarji milli jfittxu fornituri ta’ servizzi residenti fi Stati Membri oħra. |
60 |
Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 57 TFUE, ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 56 TFUE. |
61 |
Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed f’dubju bl-affermazzjoni tal-Gvern Belġjan li, essenzjalment, l-effetti ta’ din il-leġiżlazzjoni huma insinjifikattivi minħabba li hija biss komunikazzjoni ta’ numru limitat ta’ data li hija mitluba, minħabba li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni huwa purament dikjaratorju u minħabba li din tintervjeni biss b’mod sussidjarju. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, fi kwalunkwe każ, anki restrizzjoni ta’ portata dgħajfa jew ta’ importanza minuri għal libertà fundamentali hija, bħala prinċipju, ipprojbita mit-Trattat [sentenzi Corsica Ferries (France), C‑49/89, EU:C:1989:649, punt 8, kif ukoll Strojírny Prostějov u ACO Industries Tábor, EU:C:2014:2011, punt 42]. |
Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi
62 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ taħt qasam li ma kienx suġġett għal armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni u li tapplika mingħajr distinzjoni għal kull persuna jew impriża li teżerċita attività fit‑territorju tal-Istat Membru kkonċernat tista’, minkejja l-effett restrittiv tagħha għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tkun iġġustifikata sa fejn din twieġeb għal raġuni impellanti ta’ interess ġenerali u dan l-interess ma jkunx diġà ssalvagwardjat mir-regoli li għalihom ikun suġġett il-fornitur fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit, sa fejn din tkun xierqa sabiex tiżgura li jintlaħaq l-għan imfittex minnha u sa fejn din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenzi Arblade et, C‑369/96 u C‑376/96, EU:C:1999:575, punti 34 u 35; dos Santos Palhota et, EU:C:2010:589, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, EU:C:2012:814, punt 44). |
63 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat li, fir-rigward tal-possibbiltà, għall-awtoritajiet tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ssir provvista ta’ servizzi, li jwettqu kontrolli intiżi sabiex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet li l-leġiżlazzjoni tal-istess Stat Membru tagħti lill-ħaddiema fit-territorju tiegħu, l-impriżi stabbiliti fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ssir il-provvista u dawk stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li jikkollokaw ħaddiema fit-territorju ta’ dan l-ewwel Stat Membru sabiex jipprovdu fih servizz jinsabu f’sitwazzjonijiet oġġettivament differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Finalarte et, C‑49/98, C‑50/98, C‑52/98 sa C‑54/98 u C‑68/98 sa C‑71/98, EU:C:2001:564, punti 63, 64 u 73, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, EU:C:2012:814, punt 48). |
64 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tista’ tiġi ġġustifikata bil-protezzjoni tal-ħaddiema impjegati kkollokati, bin-neċessità li jkun jista’ jiġi eżerċitat kontroll effettiv tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni Belġjana applikabbli għalihom, bil-prevenzjoni tal-kompetizzjoni żleali, inkluża l-ġlieda kontra d-dumping soċjali, biż-żamma tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali jew ukoll bin-neċessità li l-frodi tiġi prekluża u l-abbużi jiġu missielta. Il-Gvern Belġjan isostni wkoll li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija ġġustifikata mill-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, ta’ prevenzjoni tal-kompetizzjoni żleali u tal-ġlieda kontra l-frodi. |
65 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat li, fost ir-raġunijiet impellanti ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizz jirriżultaw b’mod partikolari l-protezzjoni tal-ħaddiema (sentenza dos Santos Palhota et, EU:C:2010:589, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), il-prevenzjoni tal-kompetizzjoni żleali min-naħa ta’ impriżi li jħallsu lill-ħaddiema kkollokati tagħhom f’livell iktar baxx minn dak li jikkorrispondi għas-salarju minimu, sa fejn dan l-għan jintegra għan ta’ protezzjoni tal-ħaddiema permezz tal-ġlieda kontra d-dumping soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wolff & Müller, C‑60/03, EU:C:2004:610, punti 35, 36 u 41), kif ukoll il-ġlieda kontra l-frodi, partikolarment soċjali, u l-prevenzjoni tal-abbużi, b’mod partikolari l-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, sa fejn dan l-għan jista’ jintrabat partikolarment mal-għan ta’ protezzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistemi tas-sigurtà soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rüffert, C‑346/06, EU:C:2008:189, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
66 |
Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet għall-Istati Membri l-fakultà li jivverifikaw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi u aċċettat li r-raġunijiet impellanti ta’ interess ġenerali li jiġġustifikaw id-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ leġiżlazzjoni jistgħu wkoll jiġġustifikaw il-miżuri ta’ kontroll neċessarji sabiex jiżguraw l-osservanza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Arblade et, EU:C:1999:575, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll dos Santos Palhota et, EU:C:2010:589, punt 48). |
67 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni minn qabel impost, essenzjalment, mill-Artikolu 153 tal-Liġi-Qafas fuq il-fornituri ta’ servizzi indipendenti legalment stabbiliti fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju u li jkunu jixtiequ jipprovdu servizzi fil-Belġju fuq bażi temporanja, il-Qorti tal-Ġustizzja ġġudikat li r-Renju tal-Belġju seta’ jipprevalixxi ruħu, bħala ġustifikazzjoni għall-ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kkawżat minn din id-dispożizzjoni, mill-għan tal-ġlieda kontra l-frodi, partikolarment soċjali, tal-prevenzjoni tal-abbużi u tal-protezzjoni tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, EU:C:2012:814, punt 45). |
68 |
F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni huwa impost fuq id-destinatarju tas-servizzi u li dan jikkompleta l-obbligu ta’ dikjarazzjoni minn qabel diġà impost fuq il-persuna li timpjega lill-ħaddiema kkollokati. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, b’mod partikolari fil-qasam tad-dritt tax-xogħol, il-ħaddiema kkollokati fit-territorju Belġjan mill-persuna li timpjegahom li hija stabbilita fi Stat Membru ieħor jibbenefikaw bħala prinċipju, partikolarment fuq il-bażi tad-Direttiva 96/71, minn ċerti drittijiet soċjali li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tfittex li tiżgura li jiġu rrispettati. |
69 |
Minn dan jirriżulta li l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ħaddiema kkollokati u tal-ġlieda kontra l-frodi, invokati f’dan il-każ mill-Gvern Belġjan, jistgħu jiġġustifikaw ukoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u li din, sa fejn tikkostitwixxi miżura neċessarja sabiex tiżgura l-osservanza ta’ dawn ir-raġunijiet impellanti ta’ interess ġenerali, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 65 u 66 ta’ din is-sentenza, hija, a priori, xierqa sabiex tiżgura li jintlaħqu dawn l-għanijiet. |
70 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex proporzjonata fid-dawl tal-għanijiet identifikati, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Finalarte et, EU:C:2001:564, punt 49, kif ukoll International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, C‑438/05, EU:C:2007:772, punt 84). |
71 |
Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat li obbligu impost fuq persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru ieħor sabiex tindika, qabel kollokament, lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti, il-preżenza ta’ ħaddiem jew ta’ diversi ħaddiema impjegati li għandhom jiġu kkollokati, iż-żmien previst ta’ din il-preżenza u l-provvista jew il-provvisti ta’ servizzi li jiġġustifikaw il-kollokament jikkostitwixxi miżura effikaċi u proporzjonata li hija ta’ natura li tippermetti lil dawn l-awtoritajiet sabiex, minn naħa, jikkontrollaw l-osservanza tal-leġiżlazzjoni soċjali u tar-remunerazzjoni tal-Istat Membru ospitanti matul iż-żmien tal-kollokament fid-dawl tal-obbligi li għalihom din il-persuna li timpjega hija diġà suġġetta skont ir-regoli tad-dritt soċjali applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini u, min-naħa l-oħra, jissieltu kontra l-frodi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza dos Santos Palhota et, EU:C:2010:589, punti 51, 53 u 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
72 |
Issa, kif il-Gvern Belġjan jindika, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, sa fejn din timplika kontroll tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni impost fuq il-persuna li timpjega lill-ħaddiema kkollokati fuq bażi temporanja fit-territorju Belġjan, tista’ titqies li hija korollari għal tali obbligu, neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mis-sistema Limosa. |
73 |
Jista’ jitfakkar ukoll li l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, inklużi ta’ natura kriminali, jistgħu jitqiesu neċessarji sabiex jiżguraw l-osservanza effettiva ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, sakemm, madankollu, in-natura u l-ammont tas-sanzjoni imposta jkunu f’kull każ proporzjonali għall-gravità tal-ksur li hija tintendi tissanzjona (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Louloudakis, C‑262/99, EU:C:2001:407, punti 69 u 70, kif ukoll il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑156/04, EU:C:2007:316, punt 72). |
74 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tista’ tkun proporzjonata fid-dawl tal-għanijiet indikati mill-qorti tar-rinviju u l-Gvern Belġjan, li huwa madankollu l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tivverifika. |
75 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għad-domanda li saret hemm lok li tingħata r-risposta li l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fuq il-bażi tagħha d-destinatarju ta’ servizzi li jitwettqu minn ħaddiema impjegati kkollokati ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor ikun marbut jiddikjara lill-awtoritajiet kompetenti, qabel ma jinbeda x-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema, id-data ta’ identifikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar meta dawn ma jkunux f’pożizzjoni li jipprovdu l-prova tad-dikjarazzjoni li l-persuna li timpjegahom kellha tagħmel mal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru ospitanti qabel il-bidu ta’ din il-provvista peress li tali leġiżlazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tal-protezzjoni ta’ raġuni impellanti ta’ interess ġenerali, bħall-protezzjoni tal-ħaddiema jew il-ġlieda kontra l-frodi soċjali, sakemm ikun stabbilit li din hija xierqa sabiex tiżgura li jintlaħaq l-għan jew l-għanijiet leġittimi mfittxija u li din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika. |
Fuq l-ispejjeż
76 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fuq il-bażi tagħha d-destinatarju ta’ servizzi li jitwettqu minn ħaddiema impjegati kkollokati ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor ikun marbut jiddikjara lill-awtoritajiet kompetenti, qabel ma jinbeda x-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema, id-data ta’ identifikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar meta dawn ma jkunux f’pożizzjoni li jipprovdu l-prova tad-dikjarazzjoni li l-persuna li timpjegahom kellha tagħmel mal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru ospitanti qabel il-bidu ta’ din il-provvista peress li tali leġiżlazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tal-protezzjoni ta’ raġuni impellanti ta’ interess ġenerali, bħall-protezzjoni tal-ħaddiema jew il-ġlieda kontra l-frodi soċjali, sakemm ikun stabbilit li din hija xierqa sabiex tiżgura li jintlaħaq l-għan jew l-għanijiet leġittimi mfittxija u li din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.