Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CC0564

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 6 ta' Novembru 2014.
    Planet AE Anonymi Etaireia Parochis Symvouleftikon Ypiresion vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell - L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE - Responsabbiltà kuntrattwali tal-Unjoni - Artikolu 272 TFUE - Klawżola ta’ arbitraġġ - Sitt programm kwadru dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni - Kuntratti relatati mal-proġetti Ontogov, FIT u RACWeb - Spejjeż eliġibbli u ammonti mħallsa mill-Kummissjoni - Azzjoni dikjaratorja - Assenza ta’ interess ġuridiku ċert u attwali.
    Kawża C-564/13 P.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2352

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    KOKOTT

    ippreżentati fis-6 ta’ Novembru 2014 ( 1 )

    Kawża C‑564/13 P

    Planet AE Anonymi Etaireia Parochis Symvouleftikon Ypiresion

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Appell — Artikolu 272 TFUE — Klawżola ta’ arbitraġġ — Azzjoni dikjaratorja — Interess ġuridiku”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Dan l-appell minn digriet tal-Qorti Ġenerali ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”) iqajjem essenzjalment kwistjonijiet proċedurali li huma ta’ importanza prattika kbira.

    2.

    Il-qofol ta’ dan l-appell huwa dwar jekk tistax titressaq azzjoni dikjaratorja quddiem il-qrati tal-Unjoni meta dawn ikollhom ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ tilwim bejn il-Kummissjoni Ewropea u impriża privata bis-saħħa ta’ klawżola ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 272 TFUE, u, fl-affermattiv, taħt liema kundizzjonijiet tista’ titressaq tali azzjoni.

    II – Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-digriet appellat

    3.

    L-appellanti, impriża Griega, irċeviet diversi pagamenti mingħand il-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ tliet proġetti [Ontology enabled E-Gov Service Configuration (ONTOGOV), Fostering self-adaptive e-government service improvement using semantic technologies (FIT) u Risk Assessment for Customs in Western Balkans (RACWeb)].

    4.

    L-implementazzjoni tal-proġetti u l-pagamenti kienu bbażati fuq kuntratti konklużi bejn l-appellanti u l-Kummissjoni. Skont ir-rieda tal-partijiet, il-kuntratti kellhom ikunu rregolati mid-dritt Belġjan. Il-kuntratti kienu jistipulaw li l-Kummissjoni kellha tassumi r-responsabbiltà għal ċerti spejjeż eliġibbli tal-appellanti, fuq il-bażi ta’ provi korrispondenti. Il-kuntratti kienu jipprevedu espliċitament li l-Kummissjoni kellha twettaq verifika ulterjuri ta’ jekk il-pagamenti min-naħa tagħha kinux effettivament saru għal spejjeż eliġibbli.

    5.

    Skont il-klawżoli ta’ arbitraġġ ikkonċernati, il-qrati tal-Unjoni ngħataw ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ tilwim dwar il-validità, l-implementazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kuntratti.

    6.

    Wara li ntemmu l-proġetti u kif kien previst fil-kuntratti, il-Kummissjoni inkarigat, fl-2008, kumpannija ta’ verifika esterna sabiex tivverifika jekk l-ispejjeż iddikjarati mill-appellanti kinux effettivament spejjeż eliġibbli u għalhekk jekk, min-naħa tal-Kummissjoni, il-pagamenti magħmula kinux saru legalment. Waqt din il-verifika, l-awditur kien tal-fehma li kien dubjuż jekk il-pagamenti kollha kinux saru legalment. B’mod partikolari, tqajmet kritika dwar il-portata kunsiderevoli tal-parteċipazzjoni attiva fil-proġetti min-naħa tad-diretturi tal-appellanti (bi spejjeż għoljin). Skambju ta’ pożizzjonijiet bejn l-appellanti u d-dipartiment tal-Kummissjoni responsabbli għall-verifiki esterni, li dam għal diversi snin — sa Mejju 2012 — ma wassal għal ebda qbil bejn il-partijiet fir-rigward tal-eliġibbiltà ta’ ammont totali ta’ EUR 547 653.42 (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż inkwistjoni”) ( 3 ).

    7.

    Għalkemm il-Kummissjoni baqgħet tindika li kienet lesta tkompli bid-diskussjonijiet f’kuntest mhux ġudizzjarju ( 4 ) u għalkemm kienet għadha ma indirizzatx talba għal pagament lill-appellanti, din tal-aħħar ippreżentat, f’Novembru 2012, rikors quddiem il-Qorti Ġenerali fejn talbitha tiddikjara li l-Kummissjoni, minħabba li ma rrikonoxxietx l-ispejjeż inkwistjoni, kienet naqset milli tonora l-kuntratti u li, barra minn hekk, l-ispejjeż inkwistjoni kienu eliġibbli u ma kellhomx għalfejn jitħallsu lura lill-Kummissjoni ( 5 ). L-appellanti bbażat ir-rikors tagħha fuq l-Artikolu 272 TFUE u fuq l-Artikolu 340 TFUE.

    8.

    Il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward tar-rikors.

    9.

    Id-digriet appellat segwa essenzjalment l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni u ċaħad ir-rikors tal-appellanti bħala inammissibbli. Sa fejn il-Kummissjoni għadha ma indirizzatx talba għal pagament lill-appellanti, il-kwistjoni ta’ jekk l-appellanti kinitx fil-fatt ġarrbet danni tibqa’ kwistjoni ipotetika. Għaldaqstant, ir-rikors tal-appellanti ma kienx ibbażat fuq interess ġuridiku suffiċjentement ċert u reali ( 6 ).

    III – L-appell

    10.

    L-appellanti qiegħda tikkontesta d-digriet appellat u ssostni, essenzjalment, li l-interess li tikseb dikjarazzjoni jeżisti saħansitra qabel ma l-Kummissjoni tindirizza talba konkreta għal pagament. Il-Kummissjoni ripetutament ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tal-ispejjeż inkwistjoni. Għadu ma huwiex ċar jekk l-appellanti tistax iżżomm b’mod definittiv il-pagamenti inkwistjoni. L-inċertezza kkawżata minħabba f’hekk tippreġudika b’mod ċert u reali s-sitwazzjoni finanzjarja tal-appellanti. Għaldaqstant, ir-rikors tagħha sabiex tinkiseb dikjarazzjoni ta’ intitolament kuntrattwali huwa ammissibbli ( 7 ).

    11.

    Kuntrarjament, il-Kummissjoni tqis li d-digriet appellat ma fihx żbalji ta’ liġi u titlob li l-appell jiġi miċħud.

    IV – Evalwazzjoni legali

    12.

    Il-kawża ineżami twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja f’territorju legali ġdid. Huwa meħtieġ li jiġu ċċarati żewġ kwistjonijiet: l-ewwel nett, jekk fil-kuntest tal-Artikolu 272 TFUE hijiex qabel kollox permessa azzjoni dikjaratorja u, it-tieni nett, fil-każ li tingħata risposta affermattiva għal din il-kwistjoni, jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk ineżami f’din il-kawża, jistax jingħad li l-appellanti għandha interess ġuridiku suffiċjenti. Fil-kuntest tal-eżami ta’ dawn il-kwistjonijiet, ser ikun deċiżiv il-punt dwar skont liema dritt għandhom jiġu evalwati l-ammissibbiltà u l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ azzjoni dikjaratorja.

    A – Klassifikazzjoni tat-talba fl-ewwel istanza bħala azzjoni dikjaratorja

    13.

    Għandu qabel kollox jiġi ċċarat jekk it-talba għal protezzjoni ġuridika mressqa mill-appellanti għandhiex tiġi kklassifikata bħala azzjoni dikjaratorja.

    14.

    Din il-kwistjoni tqum, b’mod partikolari, minħabba li l-appellanti, fir-rikors tal-ewwel istanza tagħha, titlob li l-Qorti Ġenerali “tirrikonoxxi l-fatt li [...] l-ispejjeż ta’ persunal għad-diriġenti tal-ogħla livell [...] huma ammissibbli [eliġibbli] u ma għandhomx jitħallsu lura [...] lill-Kummissjoni” u dan fuq il-bażi mhux biss tal-Artikolu 272 TFUE iżda wkoll tal-Artikolu 340(1) TFUE ( 8 ), b’tali mod li twassal sabiex prima facie t-talba tagħha titqies li hija talba għad-danni u li għalhekk hija bbażata fuq azzjoni intiża sabiex tinkiseb ordni.

    15.

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li t-talba mressqa hija fl-aħħar mill-aħħar intiża sabiex il-pagamenti magħmula jkunu jistgħu jinżammu u għalhekk hija intiża li twassal għal riżultat li normalment jinkiseb permezz ta’ azzjoni intiża sabiex tinkiseb ordni. Għaldaqstant, it-talba mressqa għandha tiġi kklassifikata bħala azzjoni intiża sabiex tinkiseb ordni.

    16.

    Madankollu, dawn l-argumenti ma humiex konvinċenti speċjalment peress li t-talba mressqa, meta interpretata b’mod raġonevoli, kif huma obbligati jagħmlu l-qrati tal-Unjoni ( 9 ), ma hijiex intiża sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata twettaq xi ħaġa iżda hija intiża sabiex tinkiseb dikjarazzjoni mill-qorti li l-pagamenti diġà magħmula kienu saru b’mod legali. L-appellanti la qiegħda titlob li l-Kummissjoni taġixxi u lanqas li din tastjeni milli taġixxi, iżda qiegħda titlob, fl-aħħar mill-aħħar, kif ammettiet il-Kummissjoni stess, dikjarazzjoni mill-qorti li l-appellanti tista’ żżomm il-pagamenti magħmula mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, is-suġġett tat-tilwima huwa l-evalwazzjoni mill-qorti tar-relazzjonijiet legali bejn il-partijiet fid-dawl tal-kwistjoni dwar jekk minn dawn ir-relazzjonijiet jirriżultax li l-Kummissjoni hija intitolata għall-ħlas lura jew le. F’dan ir-rigward, l-appellanti qiegħda titlob li jiġi ddikjarat li ma hemmx tali drittijiet għall-ħlas lura.

    17.

    Tali rikors ma għandux jitqies li huwa rikors intiż sabiex tinkiseb ordni iżda għandu jitqies li huwa azzjoni dikjaratorja (negattiva), li l-ammissibbiltà u l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tagħha għandhom jiġu evalwati, iktar ’il quddiem, fid-dawl tal-Artikolu 272 TFUE.

    B – Ammissibbiltà tal-azzjoni dikjaratorja fil-kuntest tal-Artikolu 272 TFUE

    18.

    L-appell jista’ jkollu eżitu pożittiv biss jekk, fil-kuntest tal-Artikolu 272 TFUE, teżisti l-possibbiltà li talba għal dikjarazzjoni titressaq quddiem il-qrati tal-Unjoni. Għaldaqstant, din hija l-kwistjoni li għandha tiġi kkjarifikata fl-ewwel lok.

    1. L-Artikolu 272 TFUE bħala dispożizzjoni li tattribwixxi ġurisdizzjoni fiha nfisha

    19.

    La l-Artikolu 272 TFUE u lanqas ir-regoli proċedurali tal-qrati tal-Unjoni ma jipprovdu lista eżawrjenti tat-tipi differenti ta’ rikorsi possibbli li jistgħu jservu bħala rimedji legali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ. Għaldaqstant, il-fatt li l-ammissibbiltà ta’ azzjoni dikjaratorja ma hijiex irregolata fid-dritt pożittiv ma jistax jimplika, fih innifsu, li tali azzjoni hija eskluża b’mod ġenerali.

    20.

    L-oppost huwa fil-fatt minnu: peress li l-Artikolu 272 TFUE jippermetti lill-partijiet iressqu t-tilwim legali tagħhom quddiem il-qrati tal-Unjoni sabiex dawn jiddeċiedu dwar tali tilwim, dawn il-qrati, bħala prinċipju, għandu jkollhom ukoll ġurisdizzjoni fir-rigward tat-talbiet kollha li jistgħu jitressqu fil-kuntest ta’ dan it-tilwim legali. Dan jinkludi talbiet għal dikjarazzjoni ( 10 ). Dan jirriżulta mir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

    21.

    F’dan is-sens, fil-ġurisprudenza (b’mod partikolari tal-Qorti Ġenerali) wieħed isib deċiżjonijiet li fihom talbiet għal dikjarazzjoni bbażati fuq klawżola ta’ arbitraġġ ma ġewx miċħuda bħala inammissibbli iżda ġew eżaminati fuq il-mertu mingħajr ma ġiet espliċitament indirizzata l-problema tal-ammissibbiltà tal-azzjoni dikjaratorja ( 11 ).

    22.

    Dan ma huwiex kontradett mill-fatt li l-qrati tal-Unjoni, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 272 TFUE, ċaħdu talbiet għal dikjarazzjonijiet sa fejn “ma [kienu] jaqgħu f’ebda wħada mill-kategoriji ta’ rikorsi li fir-rigward tagħhom għandha ġurisdizzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja” ( 12 ). Fil-fatt, filwaqt li t-Trattat FUE jirregola b’mod eżawrjenti l-kategoriji ta’ rikors possibbli, pereżempju, fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri ( 13 ), dan ma jistax jingħad fir-rigward tal-klawżoli ta’ arbitraġġ. L-Artikolu 272 TFUE huwa fformulat b’mod iktar miftuħ u jagħti aċċess għall-qrati tal-Unjoni fuq il-bażi ta’ klawżoli ta’ arbitraġġ konklużi b’mod privat u awtonomu bħala parti minn kuntratti konklużi “skond id-dritt pubbliku jew privat” li l-kontenut tagħhom ma huwiex speċifikat iktar minn hekk. F’dan id-dawl, b’differenza mill-kuntest tad-dritt istituzzjonali tal-Unjoni, fil-kuntest tal-Artikolu 272 TFUE b’ebda mod ma huwa possibbli li jiġi previst ex ante liema talbiet għal protezzjoni ġudizzjarja jistgħu jitressqu quddiem il-qrati tal-Unjoni. L-unika ħaġa li hija ċara hija li dawn il-qrati, peress li skont l-Artikolu 272 TFUE għandhom il-ġurisdizzjoni jiddeċiedu “bis-saħħa ta’ klawżola ta’ l-arbitraġġ”, għandhom jagħtu lill-partijiet protezzjoni ġudizzjarja effettiva komprensiva. Meta, f’każ partikolari, dan ikun jinkludi talba għal dikjarazzjoni, il-qrati tal-Unjoni jkunu għalhekk meħtieġa jiddeċiedu wkoll dwar din it-talba u, fil-kuntest tal-Artikolu 272 TFUE, ma jistgħux jiddikjaraw li ma għandhomx ġurisdizzjoni billi jsostnu li l-azzjoni dikjaratorja ma hijiex irregolata minn dispożizzjoni tad-dritt pożittiv (jew billi jsostnu li ma għandhomx tali ġurisdizzjoni f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni).

    23.

    Madankollu, għadha ma ġietx ikkjarifikata l-kwistjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tal-azzjoni dikjaratorja li, bħala prinċipju hija ammissibbli, għandhomx jiġu evalwati b’mod awtonomu skont id-dritt tal-Unjoni jew jekk huwiex deċiżiv f’dan ir-rigward id-dritt li jirregola l-kuntratt (bħala prinċipju d-dritt nazzjonali).

    2. Kriterju ta’ eżami tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ azzjoni dikjaratorja fil-kuntest tal-Artikolu 272 TFUE

    24.

    Hemm tliet raġunijiet li jiffavorixxu soluzzjoni awtonoma taħt id-dritt tal-Unjoni.

    a) Natura deċiżiva tal-lex fori fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ forma ta’ protezzjoni ġudizzjarja ( 14 )

    25.

    L-ewwel nett, il-kwistjoni dwar il-kategoriji ta’ rikorsi ammissibbli u dwar il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tagħhom, min-natura tagħha, hija parti intrinsika tad-dritt proċedurali u għalhekk ma għandhiex taqa’ taħt id-dritt li jirregola l-kuntratt iżda għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-qorti adita (f’dan il-każ id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni). B’hekk, fil-każ tal-Artikolu 272 TFUE, huwa d-dritt tal-Unjoni, ikkunsidrat bħala l-lex fori, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kwistjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ azzjoni dikjaratorja u dwar il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tagħha.

    26.

    Ħlief għal numru żgħir ta’ eċċezzjonijiet li ma humiex konvinċenti ( 15 ), din is-soluzzjoni tidher li hija kkorroborata mid-duttrina u mill-prassi tal-qrati nazzjonali. Il-ħtieġa ta’ protezzjoni ġudizzjarja ġeneralment titqies li hija parti mid-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja, li ma jistax jiddependi mid-dritt applikabbli. Għaldaqstant, il-lex fori hija deċiżiva fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ forma ta’ protezzjoni ġudizzjarja bħalma hija l-azzjoni dikjaratorja ( 16 ).

    27.

    Madankollu, kwistjoni li tista’ tqum u li jkollha tiġi indirizzata b’mod separat hija dik ta’ jekk, f’każ partikolari, parti tkunx tista’ tiġi prekluża, fuq il-bażi ta’ pactum de non petendo konkluż b’mod privat u awtonomu, milli tressaq azzjoni legali li normalment tkun ammissibbli, u skont liema dritt għandha tiġi evalwata l-validità ta’ tali ftehim. F’dan il-każ hemm raġunijiet solidi li jiffavorixxu l-użu tal-lex causae tat-talba kkonċernata u mhux tal-lex fori. Madankollu, din il-kwistjoni ma hijiex is-suġġett ta’ din it-tilwima u għalhekk ma huwiex meħtieġ li tingħata soluzzjoni.

    b) Awtonomija u applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni

    28.

    It-tieni nett, il-prinċipju ta’ awtonomija u l-prinċipju ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni jiffavorixxu soluzzjoni awtonoma taħt id-dritt tal-Unjoni.

    29.

    L-użu tad-dritt li jirregola l-kuntratt li minnu tkun irriżultat it-tilwima inkwistjoni jwassal għal varjetà kbira fl-applikazzjoni tad-dritt mill-qrati tal-Unjoni: azzjoni dikjaratorja tkun xi drabi ammissibbli u xi drabi mhux ammissibbli, skont l-għażla tad-dritt magħmula mill-partijiet — għażla li tista’ twassal ukoll għall-applikazzjoni tad-dritt ta’ Stat terz — u l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni dwar din il-kwistjoni daqstant importanti tkun tiddependi minn kunsiderazzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jinbidlu kontinwament. Barra minn hekk, huwa diffiċli li tali soluzzjoni (li fl-aħħar mill-aħħar hija marbuta mal-għażla tad-dritt li hija diskrezzjoni tal-partijiet) tkun kompatibbli mal-idea fundamentali li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni ma tinsabx għad-dispożizzjoni tal-partijiet ( 17 ).

    30.

    Barra minn hekk, kieku l-evalwazzjoni tal-kwistjoni tal-ammissibbiltà ssir fid-dawl tad-dritt nazzjonali, din tkun twassal, fil-prattika, għal problemi fl-eżami u fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni legali applikabbli f’każ partikolari ( 18 ) u, fil-każ li din l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tkun is-suġġett ta’ appell, wieħed ikun qiegħed fil-limiti ta’ dak li huwa permess mill-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    31.

    Skont din id-dispożizzjoni, bħala prinċipju, huwa biss id-dritt tal-Unjoni li jista’ jkun suġġett għal stħarriġ sħiħ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Għalhekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ twettaq stħarriġ sħiħ tal-kwistjoni ta’ jekk il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel istanza, applikatx b’mod żbaljat id-dritt nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tal-azzjoni dikjaratorja ( 19 ), dan ikun iwassal għal lakuna fil-protezzjoni ġudizzjarja li ma hijiex aċċettabbli għall-finijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Fl-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawża ineżami, tikkunsidra li għandha tuża d-dritt nazzjonali tal-lex causae għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tal-azzjoni dikjaratorja, hija ser ikollha tindirizza din il-problema.

    32.

    Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, speċifikament fil-kuntest ta’ proċeduri mressqa fuq il-bażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, mingħajr ma indirizzat il-kwistjoni ta’ jekk id-dritt nazzjonali jistax ikun is-suġġett ta’ appell u għalhekk mingħajr ma indirizzat it-tensjoni li tirriżulta f’dan ir-rigward mas-sentenza Edwin vs UASI ( 20 ), diġà aċċettat, b’mod kuntrarju għad-diċitura tal-Artikolu 58 tal-Istatut, li tistħarreġ fuq appell id-dispożizzjonijiet ta’ dritt materjali ta’ oriġini nazzjonali li kienu japplikaw għall-kuntratt ( 21 ). Il-pożizzjoni partikolari tal-Artikolu 272 TFUE fil-qafas ta’ regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jinsabu fit-Trattat FUE u l-obbligu li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva huma żewġ raġunijiet li jiffavorixxu dan. Madankollu, din il-possibbiltà ma għandhiex tkun estiża b’tali mod li l-partijiet, minbarra l-għażla tad-dritt applikabbli għall-kuntratt, ikunu jistgħu jiddeterminaw ukoll id-dritt proċedurali quddiem il-qrati tal-Unjoni. Fil-fatt, l-istruttura awtonoma u uniformi mal-Unjoni kollha ta’ dan id-dritt proċedurali jeskludih kompletament mill-kamp privat u awtonomu.

    33.

    Jekk l-awtonomija tal-partijiet fir-rigward tal-għażla tad-dritt magħmula fil-kuntest tal-klawżola ta’ arbitraġġ tkun permessa wkoll fir-rigward tal-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, dan iwassal sabiex tinfetaħ il-kaxxa ta’ Pandora. Fil-fatt, jekk jiġi konċess li l-ammissibbiltà ta’ rikors tiddependi mid-dritt magħżul mill-partijiet u għalhekk fl-aħħar mill-aħħar mir-rieda tal-partijiet, il-konsegwenza loġika ta’ dan tkun li jkollu jiġi rrikonoxxut li, fil-kuntest tal-Artikolu 272 TFUE, ir-rieda tal-partijiet hija deċiżiva fir-rigward tal-kwistjonijiet proċedurali kollha, inkluż fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti jew fir-rigward tal-iżvolġiment konkret tal-proċedura. Dan iżda ma jkunx konformi mar-rekwiżiti tar-regoli proċedurali tal-qrati tal-Unjoni.

    34.

    Fl-aħħar nett, jimmilita kontra l-użu tad-dritt nazzjonali l-fatt li għall-partijiet, fil-kuntest tal-Artikolu 272 TFUE, huwa possibbli li ma jissuġġettawx it-tilwima fuq il-mertu tagħhom għal dritt nazzjonali partikolari iżda għal qafas ta’ regoli ta’ tip differenti. F’ċerti ċirkustanzi, iżda, dan il-qafas ta’ regoli jista’ ma jipprovdi ebda risposta għall-kwistjoni tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ azzjoni dikjaratorja meta, bħal fil-każ tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kuntratti ta’ bejgħ internazzjonali ta’ merkanzija jew bħal fil-każ tal-prinċipji ta’ Unidroit dwar il-kuntratti kummerċjali internazzjonali, dawn ir-regoli jkunu jikkonċernaw biss, essenzjalment, aspetti tad-dritt sostanzjali. Madankollu, anki f’każijiet bħal dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun tista’ tevalwa l-ammissibbiltà ta’ azzjoni dikjaratorja mressqa quddiemha. Peress li l-każijiet li fihom il-partijiet ikunu għażlu dritt nazzjonali bħala l-lex causae u dawk li fihom il-partijiet ma jkunux għamlu dan għandhom, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ ammissibbiltà, jiġu evalwati fuq il-bażi ta’ kriterji uniformi, l-unika possibbiltà li jifdal hija dik li l-imsemmija kriterji jiġu ddeterminati abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

    c) Natura adegwata tal-kunċett tad-dritt tal-Unjoni ta’ interess ġuridiku għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ azzjoni dikjaratorja

    35.

    It-tielet nett, lanqas ma hija meħtieġa soluzzjoni li tkun ibbażata fuq lex causae partikolari.

    36.

    Fil-fatt, id-dritt proċedurali tal-Unjoni diġà jinkludi sensiela wiesgħa u eżawrjenti ta’ prinċipji ta’ applikazzjoni ġenerali, stabbiliti permezz ta’ ġurisprudenza stabbilita, li jistgħu jiġu trasposti, mutatis mutandis, għall-azzjoni dikjaratorja. F’dan ir-rigward, il-qofol tal-problema tal-ammissibbiltà hija l-kwistjoni tal-interess ġuridiku li, fl-assenza tiegħu, ir-rikors ma jkunx ammissibbli, irrispettivament mill-kategorija tiegħu. Dan jgħodd ukoll, b’mod partikolari, għall-azzjoni dikjaratorja.

    37.

    Għandu issa jiġi analizzat jekk għandux jiġi rrikonoxxut interess suffiċjenti sabiex tinkiseb dikjarazzjoni fir-rigward tal-azzjoni dikjaratorja mressqa mill-appellanti.

    38.

    Madankollu, bħala konklużjoni intermedjarja għandu jiġi kkonstatat minn issa, l-ewwel nett, li azzjoni dikjaratorja hija bħala prinċipju ammissibbli fil-kuntest tal-Artikolu 272 TFUE u, it-tieni nett, li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ din l-azzjoni għandhom jiġu evalwati skont il-prinċipji awtonomi tad-dritt tal-Unjoni.

    C – L-appellanti għandha interess ġuridiku?

    39.

    Għandu jingħad li l-appellanti ma għandhiex interess ġuridiku fir-rigward tar-rikors ippreżentat minnha f’Novembru 2012 jekk, kif ikkonkludiet ġustament il-Qorti Ġenerali, permezz tar-rikors tagħha, fl-eventwalità li jintlaqa’, ma ser tikseb ebda vantaġġ sinjifikattiv u jekk għalhekk ma jkunx hemm interess ċert u reali għal protezzjoni ġudizzjarja ( 22 ). F’dan ir-rigward, l-oneru tal-espożizzjoni tal-fatti u tal-produzzjoni tal-provi jinsab fuq l-appellanti ( 23 ).

    40.

    Fir-rikors, l-appellanti ma tippreżentax b’mod konkret l-allegat interess ġuridiku tagħha. Barra minn hekk, l-appell fih sempliċement numru żgħir ta’ dikjarazzjonijiet ftit li xejn preċiżi li, essenzjalment, jindirizzaw l-“inċertezza” tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-appellanti sa fejn din ma hijiex ċerta dwar jekk tistax iżżomm b’mod permanenti l-pagamenti li kienu sarulha ( 24 ). Madankollu, l-appellanti ma tispeċifikax kif il-fatt li s-sitwazzjoni legali tagħha tkun diġà ċċarata fil-mument tal-preżentata tar-rikors jista’ jkun ta’ vantaġġ għaliha, u wisq inqas ma tispeċifika kif altrimenti s-sitwazzjoni tagħha tkun ippreġudikata ġuridikament jew ekonomikament u n-natura preċiża ta’ dan il-preġudizzju. L-appellanti lanqas ma pprovdiet indikazzjonijiet sostanzjali f’dan ir-rigward meta sarulha mistoqsijiet f’dan is-sens matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali u għalhekk ikun inutli li tiġi kkunsidrata l-kwistjoni ta’ jekk argumenti dwar dan imressqa fl-istadju tal-appell ikunux imressqa tard wisq b’tali mod li ma jkunux jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    41.

    Dan huwa proprju l-punt dgħajjef tat-talba għal dikjarazzjoni mressqa mill-appellanti. Fil-fatt, minkejja li bħala prinċipju azzjoni dikjaratorja hija ammissibbli fil-kuntest tal-Artikolu 272 TFUE, id-dritt tal-Unjoni jirrikjedi, speċifikament f’każ bħal dak tal-appellanti, espożizzjoni ssostanzjata fir-rigward tal-kwistjoni għaliex hija meħtieġa protezzjoni ġudizzjarja saħansitra qabel ma l-Kummissjoni tkun ħadet azzjoni. Fil-fatt, filwaqt li fil-kuntest ta’ azzjoni intiża sabiex tinkiseb ordni, li tkun intiża sabiex jiġu ssodisfatti talbiet speċifiċi, l-interess ġuridiku jkun jista’ ġeneralment jiġi dedott direttament mill-kuntest tat-talba stess, l-interess leġittimu tar-rikorrent li jikseb dikjarazzjoni ġuridika astratta fir-rigward tal-eżistenza jew tal-assenza ta’ relazzjoni legali — jew fir-rigward tal-eżistenza jew tal-ineżistenza ta’ dritt partikolari — jeħtieġ, bħala regola ġenerali, motivazzjoni partikolari. B’mod partikolari, ma huwiex il-kompitu tal-qrati tal-Unjoni li jagħtu opinjonijiet legali astratti.

    42.

    Huwa konċepibbli li jkun hemm ċirkustanzi fejn, għall-finijiet ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, l-appellanti għandha tkun tista’ titlob lill-qorti, permezz ta’ azzjoni dikjaratorja, tikkjarifika sitwazzjoni legali saħansitra qabel ma l-parti kontraenti l-oħra tkun ħadet azzjoni.

    43.

    Wieħed jista’ jimmaġina pereżempju li d-diretturi tal-appellanti, fil-każ li jkun hemm dritt għall-ħlas lura, ikollhom jieħdu passi, saħansitra qabel ma l-kreditur jieħu azzjoni, sabiex iressqu talba għal dikjarazzjoni ta’ insolvenza jew sabiex iħejju riżervi kunsiderevoli fil-kontijiet annwali, liema passi jista’ jkollhom effetti dewwiema u negattivi fuq is-solvabbiltà, fuq il-valur ekonomiku jew fuq il-prospetti tal-impriża li tirbaħ kuntratti pubbliċi.

    44.

    Madankollu, l-appellanti ma indikatx ċirkustanzi bħal dawn iżda sempliċement għamlet dikjarazzjonijiet ġenerali. Tali dikjarazzjonijiet ġenerali iżda ma jissodisfawx ir-rekwiżit li l-azzjoni tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja tista’ twassal sabiex l-appellanti tikseb vantaġġ konkret u attwali.

    45.

    Dan jgħodd iktar u iktar fil-każ tal-appellanti sa fejn din irrikorriet għal rimedji legali mhux biss qabel saritilha talba konkreta għal pagament iżda saħansitra qabel ma kienet ingħalqet il-proċedura quddiem il-Kummissjoni, proċedura li l-iżvolġiment tagħha kien previst kuntrattwalment u li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni kienet indikat li kienet għadha disponibbli għal iktar diskussjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jingħad li l-appellanti kienet mhedda b’inġustizzja li l-konstatazzjoni legali tagħha kienet diġà rilevanti u dan anki jekk, taħt ċerti ċirkustanzi — pereżempju fil-każ li l-proċedura quddiem il-Kummissjoni ddum ħafna mingħajr raġuni — azzjoni dikjaratorja tista’ tkun iġġustifikata, saħansitra qabel l-għeluq tal-proċedura ta’ verifika mill-Kummissjoni fuq il-bażi tad-dritt fundamentali għal amministrazzjoni tajba ( 25 ). Madankollu, l-appellanti ma sostniet xejn konkret f’dan ir-rigward. L-impressjoni suġġettiva tagħha li, f’kuntest mhux ġudizzjarju, l-argumenti tagħha ma kinux ser jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni, ma tistax, waħedha, tiġġustifika interess li tinkiseb dikjarazzjoni. B’mod partikolari, l-azzjoni dikjaratorja ma għandhiex tintuża għall-finijiet li ma kinitx maħsuba għalihom, jiġifieri sabiex jitħaffu proċeduri mibdija f’kuntest mhux ġudizzjarju u skont it-termini tal-kuntratt.

    46.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ġustament iddikjarat li l-appellanti ma kellhiex interess ġuridiku u ċaħdet ir-rikors tagħha bħala inammissibbli.

    47.

    Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud.

    D – Fuq l-ispejjeż

    48.

    Huwa minnu li l-appellanti tilfet fir-rigward tat-talbiet tagħha u li, meta tkun saret talba f’dan is-sens, ikun hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont l-Artikolu 184(1) u (2) moqri flimkien mal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, peress li l-Kummissjoni ma ressqitx tali talba għall-ispejjeż u peress li t-talba li ressqet debitament quddiem il-Qorti Ġenerali ma hijiex valida għall-proċedura tal-appell, kull parti għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

    V – Konklużjoni

    49.

    Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

    1)

    L-appell huwa miċħud.

    2)

    L-appellanti u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

    ( 2 ) Digriet Planet vs Il-Kummissjoni (T-489/12, EU:T:2013:496).

    ( 3 ) Digriet appellat (punti 7 sa 22).

    ( 4 ) Digriet appellat (punti 39 u 40).

    ( 5 ) Digriet appellat, punti 23 sa 27; litteralment, l-appellanti talbet, fl-ewwel istanza, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha “tirrikonoxxi l-fatt li, billi ċaħdet l-ispejjeż ta’ persunal għad-diriġenti tal-ogħla livell tar-rikorrenti, il-Kummissjoni Ewropea kisret il-kuntratti ONTOGOV, FIT u RACWeb u li, barra minn hekk, l-ispejjeż ta’ persunal għad-diriġenti tal-ogħla livell tar-rikorrenti sottomessi lill-Kummissjoni għall-imsemmija kuntratti, li jammontaw flimkien għal EUR 547 653.42 huma ammissibbli [eliġibbli] u ma għandhomx jitħallsu lura mir-rikorrenti lill-Kummissjoni”.

    ( 6 ) Digriet appellat (punti 44 sa 50).

    ( 7 ) Rikors tal-appell (punti 14 sa 16).

    ( 8 ) Ara l-punt 1 tar-rikors.

    ( 9 ) Ara, f’dan ir-rigward, id-digriet Verein Deutsche Sprache vs Il-Kunsill (C-93/11 P, EU:C:2011:429, punt 18).

    ( 10 ) Għalhekk anki t-talba ineżami, li tikkonċerna l-implementazzjoni tal-kuntratti inkwistjoni u li għalhekk hija koperta mill-klawżoli ta’ arbitraġġ imsemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq.

    ( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ELE.SI.A vs Il-Kummissjoni (T-312/10, EU:T:2012:512, punt 58) u EMA vs Il-Kummissjoni (T-116/11, EU:T:2013:634, punt 64).

    ( 12 ) Digriet L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-224/03, EU:C:2003:658, punt 21), li kien jikkonċerna talba mressqa mir-Repubblika Taljana intiża sabiex jiġi ddikjarat li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza fir-rigward ta’ ċerti miżuri; ara wkoll, fir-rigward ta’ talbiet għal dikjarazzjoni fil-qasam tad-dritt tas-servizz pubbliku, is-sentenza Jaenicke Cendoya vs Il-Kummissjoni (108/88, EU:C:1989:325, punti 8 u 9).

    ( 13 ) Digriet L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-224/03, EU:C:2003:658, punt 21).

    ( 14 ) Ara, f’dan ir-rigward, F. Dasser, “Feststellungsinteresse in internationalen Verhältnissen”, Jusletter tad-29 ta’ Settembru 2003, punti 16 sa 18; dan l-artikolu jista’ jinqara fis-sit internet: http://www.homburger.ch/fileadmin/publications/FESTSTLL.pdf

    ( 15 ) Fir-rigward tal-pożizzjoni differenti meħuda mill-qrati tal-Isvizzera, ibbażata fuq il-lex causae, minkejja li ma jirreferux għad-dritt tal-Unjoni, ara l-kummenti kritiċi ta’ F. Dasser fl-artikolu ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14.

    ( 16 ) Ara, b’mod partikolari, H. Schack, Internationales Zivilverfahrensrecht, is-6 edizzjoni, Editur C. H. Beck, München 2014, punt 591 u r-referenzi ċċitati.

    ( 17 ) Fuq in-natura riġida tat-termini proċedurali ara, fost oħrajn, id-digriet Micşa (C-573/10, EU:C:2011:479, punt 47).

    ( 18 ) Fuq il-prinċipju tal-evalwazzjoni ex officio mill-Qorti Ġenerali anki tad-dritt nazzjonali, ara s-sentenza UASI vs National Lottery Commission (C-530/12 P, EU:C:2014:186, punt 44).

    ( 19 ) Dan l-aspett, min-natura tiegħu, ma huwiex kopert minn difetti ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali u ta’ ksur tal-proċedura quddiemha li fuqhom jista’ jkun ibbażat appell skont l-Artikolu 58 tal-Istatut, peress li l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tirriżulta esklużivament mill-Artikolu 272 TFUE, moqri flimkien mal-klawżola ta’ arbitraġġ, u peress li l-kwistjoni tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tal-azzjoni dikjaratorja ma tikkonċernax l-iżvolġiment tal-proċedura bħala tali.

    ( 20 ) Sentenza Edwin vs UASI (C-263/09 P, EU:C:2011:452, punti 48 sa 53).

    ( 21 ) Din il-kwistjoni lanqas ma kienet indirizzata f’iktar dettall fis-sentenza Commune de Millau u SEMEA vs Il-Kummissjoni (C‑531/12 P, EU:C:2014:2008); ara l-konklużjonijiet tiegħi ippreżentati f’dik il-kawża (C-513/12 P, EU:C:2014:1946).

    ( 22 ) Ara, fir-rigward tal-ġurisprudenza stabbilita, b’mod partikolari s-sentenzi Cañas vs Il-Kummissjoni (C-269/12 P, EU:C:2013:415, punt 15), Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 61) u Wunenburger vs Il-Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 42).

    ( 23 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-239/12 P, EU:C:2013:30, punti 51 u 55).

    ( 24 ) F’dan ir-rigward, l-argumenti tal-appellanti jevokaw, b’mod vag, il-kunċett ta’ “intérêt de sécurité juridique” (“interess ta’ ċertezza legali”) żviluppat fil-letteratura ġuridika Franċiża li, madankollu, ma huwiex riprodott b’mod ċar fil-ġurisprudenza (ara, fir-rigward tal-ġurisprudenza, S. Grayot-Dirx, “Une action en justice peut-elle naître indépendamment d’un litige?”, Recueil Dalloz, 2011, 2311), u wisq inqas fil-Code de procédure civile (Kodiċi Franċiż tal-proċedura ċivili) li reċentement kien is-suġġett ta’ kodifikazzjoni ġdida. Ara, fir-rigward ta’ dan il-kunċett, S. Guinchard, C. Chainais, u F. Ferand, Procédure civile, Edizzjoni Nru 31, Dalloz, Pariġi 2012, punt 134. Madankollu, ma huwiex meħtieġ li nidħol f’iktar dettall f’dan ir-rigward peress li, kif intqal iktar ’il fuq, huwa d-dritt tal-Unjoni u mhux id-dritt nazzjonali li huwa rilevanti għall-finijiet tal-interess li tinkiseb dikjarazzjoni.

    ( 25 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Commune de Millau u SEMEA vs Il-Kummissjoni (C-531/12 P, EU:C:2014:1946).

    Fuq