Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0335

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-6 ta' Novembru 2014.
    Robin John Feakins vs The Scottish Ministers.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Scottish Land Court - ir-Renju Unit.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika Agrikola Komuni - Skema ta’ pagament uniku - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 795/2004 - Artikolu 18(2) - Riżerva nazzjonali - Ċirkustanzi eċċezzjonali - Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
    Kawża C-335/13.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2343

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    6 ta’ Novembru 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika Agrikola Komuni — Skema ta’ pagament uniku — Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 795/2004 — Artikolu 18(2) — Riżerva nazzjonali — Ċirkustanzi eċċezzjonali — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”

    Fil-Kawża C‑335/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iScottish Land Court (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura

    Robin John Feakins

    vs

    The Scottish Ministers,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Berger, S. Rodin (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ April 2014,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal M. Feakins, minn A. S. Devanny, solicitor, C. Agnew of Lochnaw, QC, u N. MacDougall, advocate,

    għall-iScottish Ministers, minn N. Wisdahl, bħala aġent, assistita minn J. Wolffe, QC, u minn D. Cameron, advocate,

    għall-Gvern Elleniku, minn I. Chalkias u E. Chroni, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Skelly u G. von Rintelen, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Ġunju 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 795/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ ħlas waħdieni li hemm provvediment dwaru fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal sistemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 226), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2004, tad-29 ta’ Ottubru 2004 (ĠU L 306M, p. 21, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament ta’ Implementazzjoni”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn R. J. Feakins kontra deċiżjoni mogħtija mill-iScottish Ministers rigward id-determinazzjoni tal-ammont ta’ referenza għall-kalkolu tad-drittijiet ta’ dan għal pagament uniku skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Bażiku”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament Bażiku

    3

    Ir-Regolament Bażiku, li kien fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti li taw lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali, stabbilixxa, fost l-oħrajn, skema ta’ għajnuna għall-bdiewa sseparata mill-produzzjoni. Din l-iskema, indikata fit-tieni inċiż tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament bħala “skema ta’ pagament uniku”, tiġbor ċertu numru ta’ pagamenti diretti mħallsa lill-bdiewa taħt diversi skemi ta’ appoġġ li kienu jeżistu sa dakinhar.

    4

    Il-premessa 24 tar-Regolament Bażiku kienet ifformulata kif ġej:

    “Tkabbir fil-kompetittività tal-agrikoltura tal-Komunità u l-promozzjoni tal-kwalità ta’ l-ikel u ta’ livelli ambjentali neċessarjament iġibu magħhom tnaqqis fil-prezzijiet istituzzjonali tal-prodotti agrikoli u żjieda fil-prezz tal-produzzjoni għall-azjendi agrikoli fil-Komunità. Biex jinkisbu dawn l-għanijiet u biex ikun hemm promozzjoni ta’ agrikoltura sostenibbli u orjentata iktar lejn is-suq, hi neċessarja li tkun kompletata il-bidla mill-appoġġ lill-produzzjoni għall-appoġġ lill-produttur billi tiġi ntrodotta sistema ta’ dħul separat għal kull razzett. Waqt li l-imsemmija separazzjoni ma tbiddilx l-ammont attwali li jitħallas lill-bdiewa, iżżid b’mod sinifikanti l-effikaċja tad-dħul f’forma ta’ għajnuna. Hu għalhekk xieraq li l-pagament uniku lir-razzett ikun suġġett għall-kondizzjoni li jkun hemm ‘cross-compliance’ ma’ l-ambjent, sigurtà ta’ l-ikel, saħħa u benesseri ta’ l-annimali, kif ukoll il-manteniment tar-razzett f’kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba.”

    5

    Il-premessa 29 ta’ dan ir-regolament kienet tgħid:

    “Biex ikun stabbilit l-amont li l-bidwi għandu dritt għalih taħt l-iskema l-ġdida, hu xieraq li ssir referenza għall-ammonti mogħtija lilu matul il-perjodu ta’ referenza. Biex jittieħed kont ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi, għandha tiġi stabbilita riserva nazzjonali. Din ir-riserva tista’ ukoll tintuża biex tiffaċilita l-partiċipazzjoni ta’ bdiewa ġodda fl-iskema. Il-pagament uniku għandu jkun stabbilit fuq livell ta’ razzett.”

    6

    Għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku, l-Istati Membri setgħu jagħżlu l-mudell imsejjaħ “storiku” jew il-mudell imsejjaħ “reġjonali”.

    7

    Fil-kuntest tal-mudell imsejjaħ “storiku”, il-bdiewa li jkunu bbenefikaw, matul perijodu ta’ referenza li jinkludi, bħala regola ġenerali, is-snin kalendarji 2000 sa 2002, minn pagament taħt mill-inqas waħda mill-iskemi ta’ għajnuna msemmija fl-Anness VI tar-Regolament Bażiku, kellhom id-dritt jibbenefikaw minn “drittijiet għall-ħlas” ikkalkolati abbażi ta’ ammont ta’ referenza miksub, għal kull bidwi, mill-medja annwali, fuq dan il-perijodu, tal-pagamenti kollha li jkunu ngħataw lilu skont l-imsemmija skemi. In-numru ta’ drittijiet għall-ħlas kien jikkorrispondi għall-medja annwali ta’ ettari li taw id-dritt, għall-bidwi kkonċernat, għal tali pagamenti matul il-perijodu ta’ referenza.

    8

    B’dan il-mod, l-Artikolu 37(1) tal-imsemmi regolament kien jiddefinixxi r-regola ġenerali għall-kalkolu tal-ammont ta’ referenza bil-mod li ġej:

    “L-ammont ta’ referenza għandu jkun l-medja ta’ tlett snin ta’ l-ammonti totali ta’ pagamenti, li bidwi ġie mogħti taħt l-iskemi ta’ appoġġ imsemmija fl-Anness VI, kalkulati u aġġustati skond l-Anness VII, f’kull sena kalendarja tal-perjodu ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 38.”

    9

    Ir-Regolament Bażiku kien jipprevedi, madankollu, ċerti miżuri partikolari applikabbli għall-bdiewa li għalihom ammont ta’ referenza kkalkolat skont l-imsemmi Artikolu 37(1) ma kienx ikun rappreżentattiv tal-livell tal-għajnuna li kienu jirċievu fl-assenza tad-dħul fis-seħħ tal-iskema ta’ pagament uniku.

    10

    B’mod partikolari, minn naħa, skont l-Artikolu 40(1) ta’ dan ir-regolament:

    “B’deroga mill-Artikolu 37, bidwi illi l-produzzjoni tiegħu kienet milquta ħazin matul il-perjodu ta’ referenza minħabba każ ta’ ‘force majeure’ jew ċirkostanzi eċċezzjonali li ġraw qabel jew waqt il-perjodu ta’ referenza għandu dritt jitlob li l-ammont ta’ referenza jkun kalkulat fuq il-bażi tas-sena jew snin kalendarji fil-perjodu ta’ referenza li ma kienux milquta minn każ ta’ ‘force majeure’ jew ċirkustanzi eċċezzjonali.”

    11

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Bażiku kien jipprevedi l-istabbiliment ta’ riżerva nazzjonali għal kull Stat Membru, li kellha tkun ikkostitwita bl-applikazzjoni ta’ perċentwali ta’ tnaqqis lineari fuq l-ammonti ta’ referenza.

    12

    Skont l-Artikolu 42(3) u (5) ta’ dan ir-regolament, l-Istati Membri setgħu jużaw ir-riżerva nazzjonali sabiex jagħtu ammonti ta’ referenza lill-bdiewa li jibdew jeżerċitaw attività agrikola jew li kienu suġġetti għal programmi ta’ ristrutturazzjoni u ta’ żvilupp.

    13

    L-Artikolu 42(4) tal-imsemmi regolament kien jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom jużaw ir-riżerva nazzjonali biex jistabilixxu, skond kriterji oġġettivi u b’mod li jiżguraw trattament ugwali bejn il-bdiewa u li jevitaw distorzjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni, ammonti ta’ referenza għall-bdiewa li jsibu rwieħom f’sitwazzjoni speċjali, li għandha tkun definita mill-Kummissjoni [...]”

    14

    L-Artikolu 41 tar-Regolament Bażiku kien jipprevedi:

    “1.   Għal kull Stat Membru, is-somma ta’ l-ammonti ta’ referenza m’għandiex tkun ogħla mil-limitu nazzjonali msemmi fl-Anness VIII.

    2.   Fejn ikun neċessarju, Stat Membru għandu jipproċedi għat-tnaqqis ta’ persentaġġ lineari ta’ l-ammonti ta’ referenza biex jiżgura rispett tal-limitu tiegħu.”

    15

    L-Artikolu 42(7) ta’ dan ir-regolament kien jgħid:

    “L-Istati Membri għandhom jipproċedu għal tnaqqis lineari tad-drittijiet f’każ li r-riżerva nazzjonali tagħhom mhix biżżejjed biex tkopri l-każijiet imsemmija fil-paragrafi 3 u 4.”

    16

    Ir-Regolament Bażiku tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16), li daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Frar 2009, u li mbagħad tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, p. 608), li daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Diċembru 2013.

    Ir-Regolament ta ’ Implementazzjoni

    17

    Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni, li kien fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti li taw lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali, kien jinkludi d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku prevista permezz tar-Regolament Bażiku.

    18

    Il-premessa 13 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni kienet ifformulata kif ġej:

    “L-Artikolu 42(4) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 jippermetti lill-Kummissjoni li tiddefinixxi s-sitwazzjonijiet speċjali li għandhom jagħtu d-dritt għall-istabbiliment ta’ l-ammonti ta’ referenza għal ċerti bdiewa li jsibu lilhom infushom f’sitwazzjonijiet li ma ħallewhomx, għal kollox jew parzjalment, milli jirċievu ħlasijiet diretti fil-perjodu ta’ referenza. Huwa għalhekk xieraq li jiġu elenkati dawk is-sitwazzjonijiet speċjali billi jkun hemm provvediment dwar dawk ir-regoli sabiex jiġi evitat l-akkumular ta’ benefiċċju mill-allokazzjoni differenti ta’ drittijiet għall-ħlas lill-istess bidwi mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà tal-Kummissjoni li żżid aktar każi fejn jinqala’ l-każ […]”

    19

    L-Artikolu 18(1) u (2) ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi:

    “1.   Għall-finijiet ta’ l-Artikolu 42(4) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, ‘bdiewa f’sitwazzjoni speċjali’ għandha tfisser il-bdiewa msemmija fl-Artikoli 19 sa 23a ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Fil-każi fejn bidwi f’sitwazzjoni speċjali ikun jikkonforma mal-kondizzjoni għall-applikazzjoni ta’ Artikolu wieħed [tnejn] jew aktar mill-Artikoli 19 sa 23a ta’ dan ir-Regolament jew l-Artikoli 37(2), 40, 42(3) jew 42(5) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, huwa għandu jirċievi numru ta’ drittijiet għall-ħlas li ma jkunx għola minn-numru ta’ ettari li jiddikjara fl-ewwel sena ta’ l-applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ ħlas waħdieni u li l-valur tagħhom ikun l-ogħla valur li jista’ jikseb billi japplika separatament kull wieħed mill-Artikoli li jkun jikkonforma mal-kondizzjonijiet tagħhom.”

    20

    L-Artikoli 19 sa 23a tal-imsemmi regolament kienu jiddefinixxu ċertu numru ta’ sitwazzjonijiet speċjali li jagħtu lill-bidwi kkonċernat il-benefiċċju ta’ drittijiet mir-riżerva nazzjonali.

    21

    B’mod partikolari, l-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni kien jipprevedi:

    “1.   Bidwi li jkun kera, qabel it-tmiem ta’ referenza u l-aktar tard sal-15 ta’ Mejju 2004, għal sitt snin jew aktar azjenda jew parti minnha li l-kondizzjonijiet tagħha tal-bejgħ ma jitgħux jiġu aġġustati għandu jirċievi drittijiet għall-ħlas kalkolati billi jiġi diviż l-ammont ta’ referenza, stabbilit mill-Istat membru, skond kriterji oġġettivi u b’dak il-mod li jiġi żgurat trattament ugwali bejn il-bdiewa u li jiġi evitat tgħawwiġ tas-suq jew tal-kompetizzjoni, b’numru ta’ ettari li ma jkunx għola minn-numru ta’ ettari li jkun kera.

    2.   Il-paragrafu 1 għandu jgħodd, għal bidwi li jkun xtara, fil-perjodu ta’ referenza jew qabel, jew l-aktar tard sal-15 ta’ Mejju 2004, azjenda jew parti minnha li l-art tagħha kienet taħt kiri matul il-perjodu ta’ referenza, bl-intenzjoni li jibda jew iwassa’ l-attività agrikola tiegħu fi żmien sena wara li jiskadi ċ-ċens.”

    22

    L-Artikolu 12(1), (4) u (8) ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi:

    “1.   Mill-bidu tas-sena kalendarja li tiġi qabel l-ewwel sena ta’ applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ ħlas waħdieni l-Istati Membri jistgħu jipproċedu għall-identifikazzjoni tal-bdiewa eliġibbli msemmija fl-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, għall-istabbiliment provviżorju u n-numru ta’ ettari msemmija rispettivament fl-Artikolu 34(1) (a) u (b) ta’ dak ir-Regolament u għall-verifikazzjoni preliminari tal-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5 ta’ dak l-Artikolu.

    [...]

    4.   L-istabbiliment definittiv ta’ drittijiet għall-ħlas li għandu jiġi allokat fl-ewwel sena ta’ l-applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ ħlas waħdieni għandu jkun suġġett għall-applikazzjoni taħt l-iskema ta’ ħlas waħdieni skond l-Artikolu 34(3) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

    L-ebda trasferiment definittiv ta’ intitolamenti ta’ ħlas m’għandu jkun possibbli qabel l-istabbiliment definittiv ta’ intitolamenti ta’ ħlas.

    [...]

    Il-bdiewa jistgħu jintroduċu, taħt riżerva tal-istabbiliment definittiv tagħhom, applikazzjonijiet taħt il-pagament uniku fuq il-bażi ta’ intitolamenti ta’ ħlas provviżorji stabbiliti mill-Istati Membri jew akkwistati permezz ta’ klawżola kuntrattawli msemmija fl-Artikoli 17 jew 27.

    […]

    8.   Ħlief għall-fini li jkunu stabbiliti intitolamenti ta’ ħlas mir-riżerva nazzjonali msemmija fl-Artikoli 6, 7 u 18 sa 23a, u mingħajr ħsara għall-paragrafu 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu, l-ebda kwantità definita ma teħtieġ li tkun iddikjarata għall-fini tal-istabbiliment tal-intitolamenti ta’ ħlas. Id-dikjarazzjoni tal-kwantitajiet definiti għall-Artikolu 44(3) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandha tapplika għall-fini tal-applikazzjoni għal ħlas tal-intitolamenti ta’ ħlas taħt l-iskema ta’ ħlas uniku.”

    23

    Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1120/2009, tad-29 ta’ Ottubru 2009, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku li hemm provvediment dwarha fit-Titolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa (ĠU L 316, p. 1), li daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Diċembru 2009.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    24

    Qabel id-dħul fis-seħħ tal-iskema ta’ pagament uniku, R. J. Feakins kien jopera razzett li jinsab fi Sparum, fl-Ingilterra, li għalih kien kiseb diversi pagamenti taħt l-iskemi ta’ appoġġ għall-produzzjoni msemmija fl-Anness VI tar-Regolament Bażiku.

    25

    Matul is-sena 2001, il-bhejjem kollha tiegħu nqatlu minħabba l-marda tal-ilsien u d-dwiefer u r-razzett tiegħu wara ntuża bħala maħżen ta’ karkassi. Il-marda tal-ilsien u d-dwiefer kienet waqqfitu milli jrabbi merħla ġdida matul is-snin 2001 u 2002. Madankollu, wara d-dħul fis-seħħ tal-iskema ta’ pagament uniku, R. J. Feakins seta’, b’applikazzjoni tal-Artikolu 40 tar-Regolament Bażiku, jikseb ammont ta’ referenza kkalkolat biss abbażi taċ-ċifri tas-sena tal-perijodu ta’ referenza li ma kinitx affettwata mill-marda tal-ilsien u d-dwiefer, jiġifieri s-sena 2000. Konsegwentement, ġie attribwit għalih ammont ta’ referenza ta’ EUR 232 744.

    26

    Matul ix-xahar ta’ Novembru 2002, R. J. Feakins akkwista żewġ irziezet, f’Langburnshields u f’Tythehouse, fl-Iskozja, li kienu kull wieħed minnhom is-suġġett ta’ kiri li kien jiskadi matul is-sena 2006.

    27

    Fl-14 ta’ Marzu 2005, R. J. Feakins applika quddiem l-iScottish Ministers sabiex isir stabbiliment provviżorju tad-drittijiet għall-ħlas mir-riżerva nazzjonali għaż-żewġ irziezet Skoċċiżi tiegħu. R. J. Feakins sostna li kien jinsab fis-sitwazzjoni speċjali msemmija fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, minħabba li kien xtara matul il-perijodu ta’ referenza artijiet mikrija lil terz, sabiex jibda hemmhekk attività agrikola wara li tintemm il-kirja.

    28

    Wara din l-applikazzjoni, l-iScottish Ministers iffissaw, b’mod provviżorju, l-ammont ta’ referenza għad-drittijiet tiegħu għall-pagament mir-riżerva nazzjonali għal EUR 95 146. Skont l-Artikolu 12(4) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, dawn id-drittijiet setgħu, madankollu, isiru definittivi u jagħtu lok għal pagamenti biss wara li l-irziezet ikkonċernati jittieħdu fil-pussess u wara d-dikjarazzjoni tal-ettari korrispondenti fl-applikazzjoni għal għajnuna taħt is-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll (iktar ’il quddiem, il-“formola SIAK”).

    29

    R. J. Feakins iddikjara r-razzett ta’ Langburnshields fil-formola SIAK tiegħu tax-xahar ta’ Mejju 2005, u dak ta’ Tythehouse fil-formola tax-xahar ta’ Mejju 2007, wara li ħa l-pussess ta’ dawn l-irziezet, rispettivament, fl-10 ta’ Marzu 2005, jiġifieri wara li skadiet il-kirja, skont ftehim konkluż mal-operatur, u fit-28 ta’ Novembru 2006. Huwa żamm id-drittijiet tiegħu għall-ħlas marbuta mar-razzett Ingliż tiegħu ta’ Sparum, li kera lil terz.

    30

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammont ta’ referenza mogħti lil R. J. Feakins għar-razzett Ingliż tiegħu ġie ttrasferit mill-Ingilterra lejn l-Iskozja. L-iScottish Ministers imbagħad irrifjutaw lil dan tal-aħħar il-benefiċċju tal-ammont supplimentari mir-riżerva nazzjonali abbażi tar-regola tal-“ogħla valur” msemmija fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-Artikolu 40 tar-Regolament Bażiku kienet tistabbilixxi għalih il-benefiċċju, għar-razzett Ingliż tiegħu, ta’ ammont ta’ referenza ogħla minn dak li kien awtorizzat jirċievi għall-irziezet Skoċċiżi tiegħu taħt l-Artikolu 22(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

    31

    R. J. Feakins ressaq il-kawża quddiem l-iScottish Land Court u sostna li l-iScottish Ministers kienu interpretaw l-imsemmi Artikolu 18(2) b’mod żbaljat. Huwa allega wkoll li, jekk jingħad li l-interpretazzjoni adottata minn dawn tal-aħħar kienet korretta, din id-dispożizzjoni tkun invalida.

    32

    Il-qorti tar-rinviju tqis li jibqgħu dubji dwar l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

    33

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iScottish Land Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikolu 18(2) tar-[Regolament ta’ Implementazzjoni] għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika:

    a)

    meta bidwi jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ żewġ artikoli jew iktar mis-segwenti: l-Artikoli 19 [sa] 23a ta[r-Regolament ta’ Implementazzjoni], u l-Artikolu 37(2), l-Artikolu 40 u l-Artikolu 42(3) u (5) tar-[Regolament Bażiku]; jew biss

    b)

    meta bidwi jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ żewġ artikoli jew iktar fost l-Artikoli 19 [sa] 23a tar-[Regolament ta’ Implementazzjoni] jew, separatament, ta’ żewġ artikoli jew iktar fost l-Artikoli 37(2), 40 u 42(3) u (5) tar-[Regolament Bażiku]?

    2)

    Jekk l-Artikolu 18(2) jiġi interpretat b’konformità mal-punt (1)(a) iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni hija invalida fl-intier tagħha jew f’parti minnha għal wieħed miż-żewġ motivi segwenti mressqa mir-rikorrent, jew għat-tnejn li huma:

    a)

    meta l-Kummissjoni adottat ir-[Regolament ta’ Implementazzjoni] ma kellhiex is-setgħa li tadotta l-Artikolu 18(2) bit-tifsira li tatu hawn fuq; jew

    b)

    meta l-Kummissjoni adottat ir-[Regolament ta’ Implementazzjoni], ma mmotivatx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(2)?

    3)

    Jekk l-Artikolu 18(2) jiġi interpretat bil-mod indikat fil-punt 1(a), u jekk id-domanda (2) tingħata risposta negattiva, l-Artikolu 18(2) japplika fil-każ fejn, fl-2005, bidwi jkun kiseb l-approvazzjoni provviżorja ta’ drittijiet għall-ħlas mir-riżerva nazzjonali abbażi tal-Artikolu 22 tar-[Regolament ta’ Implementazzjoni] għal razzett, iżda fejn dan il-bidwi ddikjara dawn id-drittijiet fil-formola tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll (SIAK) biss fl-2007, wara li ħa l-pussess tar-razzett?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    34

    Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-benefiċċju kumulattiv ta’ tnejn jew iktar mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u tar-Regolament Bażiku li għalihom jirreferi dan l-artikolu, inkluż il-benefiċċju kumulattiv ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti, jew jekk l-imsemmi artikolu sempliċement jimpedixxi l-benefiċċju kumulattiv ta’ tnejn jew iktar mid-dispożizzjonijiet rilevanti minn regolament wieħed.

    35

    Sabiex tiġi interpretata d-dispożizzjoni inkwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punt 50, u Chatzi, C‑149/10, EU:C:2010:534, punt 42).

    36

    Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, għandu jiġi osservat li kemm l-ewwel parti ta’ dan kif ukoll it-titolu li jidher taħtu jindikaw li r-regola tal-“ogħla valur” tapplika biss “għal bdiewa f’sitwazzjonijiet speċjali”, li huma ddefiniti fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu bħala dawk imsemmija fl-Artikoli 19 sa 23a ta’ dan ir-regolament.

    37

    Peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni huwa għaldaqstant iddefinit bir-rekwiżit li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ mill-inqas wieħed mill-Artikoli 19 sa 23a ta’ dan ir-regolament, l-użu tal-kliem “[tnejn] jew aktar”, li jippreċedi r-riferiment għal dawn l-artikoli, jirrifletti l-fatt li s-sodisfazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ mill-inqas wieħed ieħor mill-imsemmija artikoli jagħti lok għall-applikazzjoni tar-regola tal-“ogħla valur”.

    38

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kliem “[tnejn] jew aktar” jista’ loġikament jintrabat biss mal-Artikoli 19 sa 23a tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, u r-regola tal-“ogħla valur” tapplika, barra minn hekk, ukoll meta bidwi li jkun jinsab f’waħda jew iktar mis-“sitwazzjonijiet speċjali” iddefiniti minn dawn l-artikoli jissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ waħda jew iktar mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Bażiku.

    39

    Għaldaqstant l-Artikolu 18(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni għandu jinqara fis-sens li japplika meta bidwi li jkun jinsab f’sitwazzjoni speċjali, u li għaldaqstant jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ mill-inqas wieħed mill-Artikoli 19 sa 23a ta’ dan ir-regolament, jissodisfa minbarra dan il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni:

    ta’ mill-inqas wieħed ieħor mill-imsemmija Artikoli 19 sa 23a, jew

    mill-inqas wieħed mill-Artikoli 37(2), 40, 42(3), jew 42(5) tar-Regolament Bażiku.

    40

    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-istruttura u mill-iskop tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u mil-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tagħmel parti minnha.

    41

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi eskluż l-argument, imqajjem minn R. J. Feakins, li jgħid li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Bażiku u dawk tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jsegwu għanijiet distinti, b’mod li l-imsemmi Artikolu 18(2) ma jipprekludix il-benefiċċju kumulattiv ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ regolament wieħed u waħda mid-dispożizzjonijiet tar-regolament l-ieħor.

    42

    Fil-fatt, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tagħha, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Bażiku u dawk tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, li għalihom jirreferi wkoll l-Artikolu 18(2) ta’ dan ir-regolament imsemmi l-aħħar, huma lkoll intiżi sabiex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li l-bidwi jista’ jbati jekk, fid-determinazzjoni tal-ammont ta’ referenza, jitqiesu biss il-pagamenti li huwa jkun irċieva matul il-perijodu ta’ referenza mis-sena 2000 sas-sena 2002.

    43

    Id-distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Bażiku u dawk tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tidher jerġa’ iktar mhux flokha għaliex l-Artikolu 42(3) u (5) tar-Regolament Bażiku jkopri, bħad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, sitwazzjonijiet li jagħtu aċċess għar-riżerva nazzjonali, u l-Artikolu 19 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jirrigwarda s-sitwazzjoni partikolari ta’ ċerti produtturi ta’ prodotti mill-ħalib li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 40 tar-Regolament Bażiku.

    44

    Iż-żewġ listi huma għaldaqstant differenti biss fir-rigward tas-sors leġiżlattiv tagħhom, u l-Artikoli 19 sa 23a tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jikkostitwixxu għall-bqija biss l-implementazzjoni tal-Artikolu 42(4) tar-Regolament Bażiku.

    45

    Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 18(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika, minn naħa, meta bidwi jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ tnejn jew iktar mill-Artikoli 19 sa 23a tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, u, min-naħa l-oħra, meta bidwi li jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ mill-inqas wieħed mill-Artikoli 19 sa 23a ta’ dan ir-regolament jissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ mill-inqas wieħed mill-Artikoli 37(2), 40, 42(3) u 42(5) tar-Regolament Bażiku.

    Fuq it-tieni domanda

    46

    Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, kif interpretat b’risposta għall-ewwel domanda, huwiex validu fid-dawl tal-prinċipji ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi u ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Kummissjoni għandha skont l-Artikolu 296 TFUE.

    47

    Fir-rigward tal-validità tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jitlob li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Elbertsen, C‑449/08, EU:C:2009:652, punt 41 u Franz Egenberger, C‑313/04, EU:C:2006:454, punt 33).

    48

    L-Artikolu 18(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jistabbilixxi differenza fit-trattament bejn, minn naħa, bidwi li jkun esperjenza ċirkustanzi eċċezzjonali li jintitolawh għal aġġustament tal-ammont ta’ referenza tiegħu skont l-Artikolu 40 tar-Regolament Bażiku, u, min-naħa l-oħra, bidwi li ma ġiex ikkonfrontat b’tali ċirkustanzi u li ġie attribwit ammont ta’ referenza kkalkolat skont ir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 37(1) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, skont kif osserva R. J. Feakins, id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tqiegħed fi żvantaġġ l-ewwel bidwi meta mqabbel mat-tieni wieħed billi ċċaħħdu mill-benefiċċju ta’ ammont ta’ referenza mir-riżerva nazzjonali b’żieda mal-ammont ta’ referenza tiegħu aġġustat skont l-imsemmi Artikolu 40.

    49

    L-eventwali ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba trattament iddifferenzjat jippresupponi, madankollu, li s-sitwazzjonijiet ikkonċernati huma komparabbli fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza IBV & Cie, C‑195/12, EU:C:2013:598, punt 51).

    50

    L-iScottish Ministers, il-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni sostnew li din il-kundizzjoni ma ġietx sodisfatta f’dan il-każ.

    51

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti kif ukoll in-natura komparabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu stabbiliti u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-iskop tal-att Komunitarju li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Szatmári Malom, C‑135/13, EU:C:2014:327, punt 67). Minbarra dan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu l-att inkwistjoni (sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 26).

    52

    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessa 24 tar-Regolament Bażiku, ir-regoli għall-kalkolu tal-ammonti ta’ referenza mogħtija lill-bdiewa taħt l-iskema ta’ pagament uniku kienu intiżi sabiex jiżguraw li t-tranżizzjoni lejn din l-iskema ssir mingħajr ma jinbidlu l-ammonti effettivament imħallsa lill-bdiewa meta mqabbla ma’ dawk imħallsa taħt id-diversi skemi ta’ pagament dirett li kienu jeżistu sa dakinhar.

    53

    Huwa f’din il-perspettiva li l-Artikolu 40 tar-Regolament Bażiku ppreveda l-possibbiltà, għal bidwi li jkun esperjenza ċirkustanzi eċċezzjonali matul il-perijodu ta’ referenza ddefinit fl-Artikolu 38 ta’ dan ir-regolament, li jikseb aġġustament tal-ammont ta’ referenza tiegħu sabiex jiġi ggarantit livell ta’ għajnuna li jirrifletti l-ammonti rċevuti taħt l-iskemi preċedenti u, b’dan il-mod, li jitqiegħed fuq livell indaqs bħall-bdiewa li ma kkonfrontawx tali ċirkustanzi.

    54

    Għaldaqstant, bidwi li ġie attribwit ammont ta’ referenza kkalkolat skont l-Artikolu 37(1) tar-Regolament Bażiku u bidwi li jibbenefika minn aġġustament fil-metodu għall-kalkolu tal-ammont ta’ referenza tiegħu skont l-Artikolu 40 ta’ dan ir-regolament, li jitolbu t-tnejn li huma l-għoti ta’ drittijiet supplimentari mir-riżerva nazzjonali, jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli fid-dawl tal-għanijiet tal-iskema ta’ pagament uniku.

    55

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk id-differenza fit-trattament li tirriżulta mid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi ġġustifikata oġġettivament.

    56

    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, minkejja li l-leġiżlatur Komunitarju għandu, fil-qasam tal-politika agrikola komuni, setgħa diskrezzjonali wiesgħa, huwa għandu jibbaża l-għażliet tiegħu fuq kriterji oġġettivi u xierqa għall-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Arcelor Atlantique u Lorraine et, EU:C:2008:728, punt 58, kif ukoll Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou, C‑373/11, EU:C:2013:567, punt 34).

    57

    Il-Kummissjoni, bħall-iScottish Ministers, sostniet li d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħet tkun iġġustifikata oġġettivament min-neċessità, kif imsemmija fil-premess 13 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, li tiġi evitata l-akkumulazzjoni mill-istess bidwi ta’ diversi possibbiltajiet ta’ għoti ta’ drittijiet għall-ħlas. Il-projbizzjoni ta’ tali akkumulazzjoni sservi sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-bdiewa li l-ammonti ta’ referenza tagħhom ġew ikkalkolati skont ir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament Bażiku. Fil-fatt, fil-każ li jinqabżu l-limiti massimi nazzjonali minħabba żieda fir-rikors għar-riżerva nazzjonali, l-ammonti ta’ referenza attribwiti lil dawn tal-aħħar jitnaqqsu b’mod lineari skont l-Artikoli 41(2) u 42(7) ta’ dan ir-regolament.

    58

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-mekkaniżmu previst minn dawn id-dispożizzjonijiet imsemmija l-aħħar jikkostitwixxi mezz sabiex jinżamm l-ekwilibriju finanzjarju tal-iskema ta’ pagament uniku filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, b’mod analogu, is-sentenzi Spagl, C‑189/89, EU:C:1990:450, punt 28 u Pastätter, C‑217/89, EU:C:1990:451, punt 19). L-għan li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu ma jistax, għaldaqstant, jiġġustifika ksur ta’ dan il-prinċipju.

    59

    Minbarra dan, sa fejn huwa jimplika l-promozzjoni tal-interessi tal-bdiewa li l-ammonti ta’ referenza tagħhom ġew ikkalkolati skont ir-regola ġenerali bi preġudizzju għal dawk li l-ammonti ta’ referenza tagħhom ġew aġġustati skont l-Artikolu 40 tar-Regolament Bażiku, tali għan imur kontra l-iskop ta’ din id-dispożizzjoni. L-imsemmi Artikolu 40 huwa intiż, fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 53, sabiex jiġi kkumpensat l-iżvantaġġ li jbatu, fl-assenza tiegħu, il-bdiewa li jkunu esperjenzaw ċirkustanzi eċċezzjonali meta mqabbla ma’ dawk li ma kellhomx jikkonfrontaw tali ċirkustanzi.

    60

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    61

    Mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mressqa fil-proċedura kontra l-validità tiegħu, l-Artikolu 18(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni għandu għaldaqstant jiġi ddikjarat invalidu sa fejn huwa jipprekludi bidwi li jkun esperjenza ċirkustanzi eċċezzjonali fis-sens tal-Artikolu 40 tar-Regolament Bażiku milli jibbenefika fl-istess waqt minn aġġustament tal-ammont ta’ referenza tiegħu taħt din id-dispożizzjoni u minn ammont ta’ referenza supplimentari mir-riżerva nazzjonali taħt wieħed mill-Artikoli 19 sa 23a tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, filwaqt li bidwi li ma jkunx ikkonfronta tali ċirkustanzi u li jkun ġie attribwit ammont ta’ referenza kkalkolat skont l-Artikolu 37(1) tar-Regolament Bażiku jista’ jakkumula dan l-ammont u ammont ta’ referenza mir-riżerva nazzjonali taħt wieħed mill-Artikoli 19 sa 23a tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

    Fuq it-tielet domanda

    62

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

    Fuq l-effetti ratione temporis tad-dikjarazzjoni ta ’ invalidità f’deċiżjoni preliminari

    63

    Waqt is-seduta, il-Kummissjoni talbet li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara l-invalidità tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, l-effetti tas-sentenzi jiġu limitati għar-rikorrenti u għal kull applikant ieħor tal-istess tip.

    64

    Insostenn tat-talba tagħha, il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-konsegwenzi finanzjarji serji li jkollha sentenza li tagħmel tali dikjarazzjoni. Minn naħa, il-kontestazzjoni ta’ pagamenti li diġà twettqu fuq perijodu ta’ kważi għaxar snin toħloq diffikultajiet serji għall-Istati Membri u tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Min-naħa l-oħra, l-obbligu li jerġgħu jiġu kkalkolati dawn il-pagamenti jaffettwa, fid-dawl tal-prinċipju tad-dixxiplina baġitarja, il-finanzjament tal-politika agrikola komuni fl-intier tagħha.

    65

    Meta kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali jiġġustifikawha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, applikabbli, b’analoġija, ukoll fil‑kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari għal evalwazzjoni tal‑validità ta’ atti tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 267 TFUE, setgħa diskrezzjonali sabiex tindika, f’kull każ partikolari, dawk l-effetti tal-att ikkonċernat li għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi (ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 121, kif ukoll Volker u Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 93).

    66

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe informazzjoni rigward in-numru ta’ bdiewa li potenzjalment ser ikunu awtorizzati jitolbu pagamenti supplimentari wara d-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni u fir-rigward tal-ammont ta’ dawn il-pagamenti, bl-ebda mod ma jirriżulta mill-proċess li kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali jiġġustifikaw il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din id-dispożizzjoni.

    67

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati ratione temporis.

    Fuq l-ispejjeż

    68

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 795/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ ħlas waħdieni li hemm provvediment dwaru fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal sistemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2004, tad-29 ta’ Ottubru 2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika, minn naħa, meta bidwi jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ tnejn jew iktar mill-Artikoli 19 sa 23a tal-imsemmi regolament, kif emendat bir-Regolament Nru 1974/2004, u, min-naħa l-oħra, meta bidwi li jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ mill-inqas wieħed mill-Artikoli 19 sa 23a tal-istess regolament, kif emendat bir-Regolament Nru 1974/2004, jissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ mill-inqas wieħed mill-Artikoli 37(2), 40, 42(3) u 42(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001.

     

    2)

    L-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 795/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 1974/2004 huwa invalidu sa fejn huwa jipprekludi bidwi li jkun esperjenza ċirkustanzi eċċezzjonali fis-sens tal-Artikolu 40 tar-Regolament Nru 1782/2003 milli jibbenefika fl-istess waqt minn aġġustament tal-ammont ta’ referenza tiegħu taħt din id-dispożizzjoni u minn ammont ta’ referenza supplimentari mir-riżerva nazzjonali taħt wieħed mill-Artikoli 19 sa 23a tar-Regolament Nru 795/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 1974/2004, filwaqt li bidwi li ma jkunx ikkonfronta tali ċirkustanzi u li jkun ġie attribwit ammont ta’ referenza kkalkolat skont l-Artikolu 37(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 jista’ jakkumula dan l-ammont u ammont ta’ referenza mir-riżerva nazzjonali taħt wieħed mill-Artikoli 19 sa 23a tar-Regolament Nru 795/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 1974/2004.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Fuq