Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CC0477

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ppreżentati fil-5 ta’ Novembru 2014.
Eintragungsausschuss bei der Bayerischen Architektenkammer vs Hans Angerer.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2005/36/KE — Artikolu 10 — Rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali — Aċċess għall-professjoni ta’ perit — Titoli li ma jidhrux fil-punt 5.7.1. tal-Anness V — Kunċetti ta’ ‘raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali’ u ta’ ‘perit’.
Kawża C-477/13.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2338

Opinion of the Advocate-General

Opinion of the Advocate-General

Introduzzjoni

1. L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (2) jistabbilixxi l-portata ta’ sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ provi ta’ taħriġ. Fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba għall-ewwel darba dwar kif għadd ta’ termini ta’ dan l-artikolu għandhom ikunu interpretati u x’inhu l-valur normattiv tagħhom. Il-Bundesverwaltungsgericht (Qorti Amministrattiva Federali) (il-Ġermanja), li tressaq appell quddiemha dwar punt ta’ liġi (reviżjoni), tistaqsi jekk l-interpretazzjoni mogħtija miż-żewġ qrati inferjuri fil-każ preżenti hija korretta.

2. Il-partijiet fil-każ preżenti huma H. Angerer, li kiseb il-kwalifika ta’ “planender Baumeister” (mgħallem fil-kostruzzjoni/fl-ippjanar u l-kalkolu tekniku) ġewwa l-Awstrija, u l-Eintragungsausschuss bei der Bayerischen Architektenkammer (Kumitat ta’ Reġistrazzjoni tal-Kamra tal-Periti ta’ Bayern, iktar ’il quddiem “il-Kumitat ta’ Reġistrazzjoni”). H. Angerer qiegħed jitlob li jiġi irreġistrat fl-ordni tal-periti ta’ Bayern, filwaqt li l-Kumitat ta’ Reġistrazzjoni qiegħed jirrifjuta li jagħmel dan.

3. Il-każ preżenti ma jirrigwardax il-fatt jekk H. Angerer jissodisfax il-kriterji sostantivi fid-Direttiva 2005/36 li jippermettulu jipprattika l-professjoni ta’ perit fil-Ġermanja. Dan jikkonċerna biss il-mistoqsija jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi u l-qrati jistgħux japplikaw is-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent ta’ provi ta’ taħriġ fid-Direttiva 2005/36 għal dan il-każ jew jekk it-termini tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36 jistgħux jipprekluduhom milli jagħmlu dan.

4. L-evalwazzjoni tiegħi twassalni għat-tweġiba li l-awtoritajiet u l-qrati Ġermaniżi jistgħu japplikaw din il-parti tad-Direttiva 2005/36. Il-proposta tiegħi lill-Qorti tal-Ġustizzja hija li d-Direttiva 2005/36 għandha tkun interpretata b’mod konsistenti mar-raġunament tas-suq intern u mad-dispożizzjonijiet fundamentali tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment.

Il-kuntest ġuridiku

Il-liġi tal-Unjoni Ewropea

5. Id-Direttiva 2005/36 hija maqsuma f’sitt titoli: dispożizzjonijiet ġenerali (I), il-libertà li jiġu provduti servizzi (II), libertà ta’ stabbiliment (III), regoli dettaljati għall-eżerċizzju tal-professjoni (IV), koperazzjoni amministrattiva u responsabbiltà għall-implimentazzjoni (V), u diżpozzjonijiet oħra (VI).

6. It-Titolu III dwar il-libertà ta’ stabbiliment għandu fih erba’ Kapitoli: sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ provi ta’ taħriġ (I), rikonoxximent ta’ esperjenza professjonali (II), rikonoxximent abbażi ta’ kordinazzjoni ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ taħriġ (III), u dispożizzjonijiet komuni dwar id-dritt ta’ stabbiliment (IV).

7. L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36, li jinsab fit-Titolu III, Kapitolu I, jipprovdi:

“Dan il-Kapitolu japplika għall-professjonijiet kollha li ma jaqgħux taħt il-Kapitoli II u III ta’ dan it-Titolu fil-każijiet li ġejjin li fihom l-applikant, għal raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali, ma jissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dawk il-Kapitoli:

(a) għal attivitajiet elenkati fl-Anness IV, meta l-migrant ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 17, 18 u 19;

(b) għal tobba b’taħriġ bażiku, tobba speċjalizzati, infermiera responsabbli għas-saħħa ġenerali, tobba dentisti, tobba dentisti speċjalizzati, kirurgi veterinarji, qwiebel, spiżjara u periti, meta l-migrant ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ prattika professjonali effettiva u legali msemmija fl-Artikoli 23, 27, 33, 37, 39, 43 u 49;

(ċ) għal periti, meta l-migrant ikollu prova ta’ kwalifika formali mhux elenkata fil-punt 5.7 tal-Anness V ;

(d) bla ħsara għall-Artikoli 21(1), 23 u 27, għal tobba, infermiera, tobba dentisti, kirurgi veterinarji, qwiebel, spiżjara u periti li jkollhom provi ta’ kwalifiki formali bħala speċjalista, li għandu jsegwi t-taħriġ li jwassal għall-pussess ta’ titolu elenkat fl-Anness V, punti 5.1.1, 5.2.2, 5.3.2, 5.4.2, 5.5.2, 5.6.2 u 5.7. 1, u biss bl-għan ta’ rikonoxximent ta’ l-ispeċjalizzazzjoni in kwistjoni;

(e) għal infermiera responsabbli mill-kura ġenerali u infermiera speċjalizzati li jkollhom provi ta’ kwalifiki formali bħala speċjalista li jsegwi t-taħriġ li jwassal għall-pussess ta’ titolu elenkat fl-Anness V, punt 5.2.2, meta l-migrant ifittex rikonoxximent fi Stat Membru ieħor fejn l-attivitajiet professjonali in kwistjoni huma eżerċitati minn infermiera speċjalizzati mingħajr taħriġ bħala infermiera tal-kura ġenerali;

(f) għal infermiera speċjalizzati mingħajr taħriġ bħala infermiera tal-kura ġenerali, meta l-migrant ifittex rikonoxximent fi Stat Membru ieħor fejn l-attivitajiet professjonali in kwistjoni huma eżerċitati minn infermiera responsabbli mill-kura ġenerali, infermiera speċjalizzati mingħajr taħriġ bħala infermiera tal-kura ġenerali jew infermiera speċjalizzati li għandhom provi ta’ kwalifiki formali bħala speċjalista li jsegwi t-taħriġ li jwassal għall-pussess tat-titoli elenkati fl-Anness V, punt 5.2.2;

(g) għal migranti li jissodisfaw ir-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 3(3).”

Il-liġi Ġermaniża

8. Fil-Ġermanja, il-liġi dwar il-periti taqa’ taħt il-kompetenza tal-Länder (reġjuni) (l-Artikolu 70(1) Liġi Bażika (Grundgesetz)). Ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà u reġistrazzjoni fir-reġistru tal-periti tal-Kamra tal-Periti ta’ Bayern huma stabbiliti fl-Artikolu 4 tal-Liġi dwar il-Kamra tal-Periti ta’ Bayern u tal-Kamra tal-Inġiniera tal-Bini ta’ Bayern (Gesetz über die Bayerische Architektenkammer und die Bayerische Ingenieurekammer-Bau (GVBl. p. 308)), kif l-aħħar emendata bil-Liġi tal-11 ta’ Diċembru 2012 (GVBl. p. 633) (iktar ’il quddiem il-“BauKaG”). Dan l-Artikolu jipprovdi:

“(1) Ir-reġistru tal-periti għandu jkun amministrat mill-kamra tal-periti.

(2) Kull persuna li:

1. jkollha post ta’ residenza, post tax-xogħol jew impjieg professjonali prinċipali f’Bayern,

2. tkun għaddiet mill-eżami finali ta’ kors

(a) b’mill-inqas erba’ snin tul ta’ studju regolari fil-kompiti elenkati fl-Artikolu 3(1) fil-qasam tal-arkitettura (inġinerija strutturali) jew

(b) b’mill-inqas tliet snin tul ta’ studju regolari fil-kompiti elenkati fl-Artikolu 3(2) u (3) fl-oqsma ta’ arkitettura interna jew tal-pajsaġġ f’università Ġermaniża, fi skola Ġermaniża pubblika jew li tkun rikonoxxuta uffiċjalment għall-inġiniera (Akademie) jew fi stabbiliment ta’ tagħlim Ġermaniż li huwa ekwivalenti għal dawn, u

3. ikun wettaq minn ta’ lanqas sentejn ta’ esperjenza prattika postgradwatorja fil-qasam rilevanti

għandu jkun irreġistrat fir-reġistru tal-periti. Fid-determinazzjoni tal-perjodu meħtieġ ta’ esperjenza prattika, għandhom ikunu kkunsidrati programmi edukattivi vokazzjonali avvanzati u kontinwi tal-Kamra tal-Periti fl-oqsma tal-ippjanar tekniku u ekonomiku u tal-liġi tal-kostruzzjoni.

(3) […]

(4) Ir-rekwiżit fil-paragrafu 2(2)(a) iktar ’il fuq huwa milħuq ukoll minn persuna li tkun tista’ tipproduċi prova ekwivalenti li tkun ikkompletat kors ta’ studju f’università barranija jew stabbiliment ieħor barrani. Għal ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat firmatarju tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea, prova ekwivalenti għandha tinkludi prova ta’ kwalifiki formali ta’ tipi ppubblikati jew rikonoxxuti li huma suffiċjenti skont l-Artikoli 21, 46 u 47 tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, p. 22, kif rettifikata bil-ĠU L 271, p. 18, ĠU L 93, p. 28, ĠU L 33, p. 49), kif l-aħħar emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Numru 623/2012, tal-11 ta’ Lulju 2012 (ĠU L 180, p. 9) flimkien mal-punt 5.7.1 tal-Anness V tiegħu, kif ukoll prova skont l-Artikoli 23 u 49 tad-Direttiva 2005/36/KE flimkien mal-Anness VI, punt 6, tiegħu. […]

(5) Ir-rekwiżiti taħt l-paragrafu 2(2)(a) u (3) iktar ’il fuq huma wkoll issodisfatti fejn ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat firmatarju tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea ma jissodisfax, għal raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali fis-sens tal-Artikolu 10(b), (ċ), (d) u (g) tad-Direttiva 2005/36/KE, ir-rekwiżiti għar-rikonoxximent tal-prova tiegħu ta’ kwalifiki formali fuq il-bażi ta’ koordinazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ taħriġ minimu fis-sens tad-Direttiva 2005/36/KE, jekk barra minn hekk ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/36/KE huma issodisfatti; f’dak ir-rigward korsijiet ta’ taħriġ huma ttrattati b’mod ugwali għall-finijiet tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2005/36/KE. […] Is-sentenza 1 għandha tapplika mutatis mutandis għal persuni li huma awtorizzati li jużaw it-titolu professjonali ta’ perit skont il-liġi li tagħti lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat firmatarju tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea l-possibbiltà li tikkonferixxi dak it-titolu fuq ċittadini ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stati firmatarji tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea li jkunu ddistingwew ruħhom partikolarment bil-kwalità ta’ xogħolhom fil-qasam tal-arkitettura.

[…]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9. H. Angerer, ċittadin Ġermaniż b’residenzi privati ġewwa l-Ġermanja u l-Awstrija, ipprattika, mill-1 ta’ Marzu 2007, fl-Awstrija bħala “planender Baumeister”, wara li għadda minn eżami ta’ kwalifika permezz ta’ korrispondenza taħt id-dritt Awstrijak.

10. Il-kwalifika ta’ “planender Baumeister” ma tippermettilux li jipprattika bħala perit fl-Awstrija.

11. Barra minn hekk, il-kwalifika ta’ “planender Baumeister” ma teżistix fil-Ġermanja.

12. Fil-25 ta’ April 2008. H. Angerer applika għar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-periti f’Bayern taħt l-Artikolu 4 tal-BauKaG. Fil-11 ta’ Ġunju 2008 (3), huwa biddel l-applikazzjoni tiegħu għal applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru ta’ fornituri ta’ servizzi barranin taħt l-Artikolu 2 tal-BauKaG (4) . Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda mill-Kumitat ta’ Reġistrazzjoni permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2009.

13. H. Angerer ikkontesta din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-Bayerisches Verwaltungsgericht München (Qorti Amministrattiva ta’ Bayern, München). Din tal-aħħar, permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Settembru 2009, ħassret id-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-18 ta’ Ġunju 2009 u ordnat lill-Kumitat ta’ Reġistrazzjoni sabiex jirreġistra lil H. Angerer, skont l-Artikolu 2 tal-BauKaG, fir-reġistru ta’ fornituri ta’ servizzi barranin.

14. Il-Kumitat ta’ Reġistrazzjoni appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Bayern). Waqt il-proċeduri tal-appell, fuq suġġeriment tal-qorti, H. Angerer emenda t-talba tiegħu bil-kunsens tal-Kumitat ta’ Reġistrazzjoni sabiex ikun irreġistrat fir-reġistru tal-periti.

15. Il-qorti tal-appell laqgħet din it-talba emendata f’sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011 u ċaħdet l-appell tal-Kumitat ta’ Reġistrazzjoni suġġett għall-kundizzjoni li dan tal-aħħar kien meħtieġ li jasal għal deċiżjoni pożittiva dwar ir-reġistrazzjoni tal-applikant bħala perit freelance (inġinerija strutturali) fir-reġistru tal-periti. Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-qorti stqarret li r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni mitluba fir-reġistru tal-periti, skont l-Artikolu 4(5) tal-BauKaG, kif moqrija flimkien mar-regoli msemmija fihom fl-Artikoli 10(ċ), 11 u 13 tad-Direttiva 2005/36, kienu ssodisfatti.

16. Il-Kumitat ta’ Reġistrazzjoni appella minn dik id-deċiżjoni fuq punt ta’ liġi (Reviżjoni) quddiem il-Bundesverwaltungsgericht. Huwa talab il-varjazzjoni tas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011 tal-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Bayern u tas-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2009 tal-Qorti Amministrattiva ta’ Bayern (München) u ċ-ċaħda tar-rikors.

17. Il-Bundesverwaltungsgericht ikkunsidrat li s-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemha teħtieġ interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/36. B’digriet tal-10 ta’ Lulju 2013 li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Settembru 2013, il-Bundesverwaltungsgericht issospendiet il-proċeduri quddiemha u ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1) (a) Ir-‘raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali’ fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva jirreferu għas-sitwazzjonijiet li huma ddefiniti fil-kategoriji elenkati sussegwentement [punti (a) sa (g)], jew fost dawn is-sitwazzjonijiet għandhom jiġu inklużi wkoll ‘raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali’ li minħabba fihom l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitoli II u III tat-Titolu III tad-Direttiva?

(b) F’dan il-każ tal-aħħar, ta’ liema natura għandhom ikunu dawn ir-‘raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali’? Għandhom ikunu raġunijiet personali – bħal pereżempju l-bijografija tal-individwu – li minħabba fihom il-migrant ma jissodisfax, eċċezzjonalment, il-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III tat-Titolu III tad-Direttiva għar-rikonoxximent awtomatiku tat-taħriġ tiegħu?

(2) (a) Il-kunċett ta’ perit fis-sens tal-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva jirrikjedi li l-migrant, fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, minbarra attivitajiet tekniċi relatati mal-ippjanar tal-kostruzzjoni, mas-sorveljanza tal-kostruzzjoni u mal-eżekuzzjoni tal-kostruzzjoni, ikun eżerċita wkoll, jew ikun seta’ eżerċita bis-saħħa tat-taħriġ tiegħu, attivitajiet ta’ disinn artistiku, attivitajiet ta’ ppjanar urbaniku, attivitajiet ta’ natura ekonomika u possibbilment anki attivitajiet relatati mal-preżervazzjoni ta’ bini storiku, u, jekk dan ikun il-każ, sa fejn?

(b) Il-kunċett ta’ perit fis-sens tal-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva jirrikjedi li l-migrant ikun irċieva taħriġ ta’ livell superjuri (Hochschulniveau) li jkollu bħala l-komponent prinċipali tiegħu l-arkitettura u li, minbarra aspetti tekniċi relatati mal-ippjanar tal-kostruzzjoni, mas-sorveljanza tal-kostruzzjoni u mal-eżekuzzjoni tal-kostruzzjoni, ikopri wkoll suġġetti ta’ disinn artistiku, suġġetti ta’ ppjanar urbaniku, suġġetti ta’ natura ekonomika u possibbilment anki suġġetti relatati mal-preżervazzjoni ta’ bini storiku, u, jekk dan ikun il-każ, sa fejn?

(ċ) (i) Għall-finijiet tad-domandi (a) u (b), huwa rilevanti l-mod kif normalment jintuża t-titolu professjonali ta’ ‘perit’ fi Stati Membri oħra (Artikolu 48(1) tad-Direttiva)?

(ii) jew huwa biżżejjed li jiġi ddeterminat l-mod kif normalment jintuża t-titolu professjonali ta’ ‘perit’ fl-Istat Membru ta’ oriġini u fl-Istat Membru ospitanti?

(iii) jew inkella l-firxa ta’ attivitajiet normalment marbuta mat-titolu professjonali ta’ ‘perit’ fit-territorju tal-Unjoni Ewropea tista’ tiġi ddeterminata fuq il-bażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(1) tad-Direttiva?”

18. Il-partijiet ippreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub fil-proċeduri prinċipali, li jinkludu dawk tal-Landesanwaltschaft Bayern u tal-gvernijiet tal-Ġermanja, l-Olanda u r-Rumanija, u tal-Kummissjoni. Il-partijiet fil-proċeduri prinċipali, li jinkludu lill-Landesanwaltschaft Bayern, lill-gvern Ġermaniż u lill-Kummissjoni għamlu wkoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tad-9 ta’ Lulju 2014.

Evalwazzjoni

Rimarki preliminari

Direttiva 2005/36

19. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2005/36 diġà ġew iċċitati iktar ’il fuq. Sabiex wieħed ikun jista’ jifhem liema huma (u liema ma humiex) l-implikazzjonijiet tal-każ preżenti, naħseb li jeħtieġ li nispjega s-sistemi differenti ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali li jinsabu fid-Direttiva.

20. Id-Direttiva 2005/36 ġiet adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fis-6 ta’ Ġunju 2005 b’maġġoranza kkwalifikata (5) . Din hija bbażata fuq bażijiet legali tas-suq intern fit-Trattat (6) . Hija tirrevoka ħmistax-il Direttiva preċedenti fil-qasam tar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (7) u tirriorganizza u tirrazzjonalizza d-dispożizzjonijiet tagħhom permezz tal-istandardizzazzjoni tal-prinċipji tagħhom (8) . Fit-Titolu III tagħha, id-Direttiva 2005/36 tipprovdi għal tliet sistemi ta’ rikonoxximent: rikonoxximent awtomatiku għal professjonijiet fejn il-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ ġew armonizzati (Kapitolu III) (iktar ’il quddiem: “is-sistema awtomatika”); rikonoxximent fuq il-bażi ta’ esperjenza professjonali għal ċertu attivitajiet professjonali (Kapitolu II), u sistema ġenerali għal professjonijiet oħra regolati u professjonijiet li ma humiex koperti mill-Kapitoli II u III jew li fir-rigward tagħhom, suġġett għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36, l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fil-Kapitoli II u III (Kapitolu I) (iktar ’il quddiem: “is-sistema ġenerali”).

21. Għall-finijiet tal-każ preżenti, s-sistema awtomatika u dik ġenerali għandhom ikunu deskritti f’iktar dettal.

22. It-Titolu III, Kapitolu III tad-Direttiva 2005/36 essenzjalment jistabbilixxi strateġija vertikali ta’ armonizzazzjoni, għal kull professjoni, għal numru ta’ professjonijiet elenkati speċifikament, bħal dik tal-periti. (9) Il-prinċipju li fuqu huwa bbażat dan il-Kapitolu huwa sempliċi: jekk persuna għandha fil-pussess tagħha kwalifika formali elenkata fl-Anness V tad-Direttiva u jekk ċerti rekwiżiti minimi jiġu ssodisfatti, Stat Membru għandu jirrikonoxxi prova ta’ kwalifika formali u għandu, għall-finijiet ta’ aċċess għal u l-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali, jagħti lil dawn il-provi ta’ kwalifiki formali l-istess effett fit-territorju tiegħu bħal provi ta’ kwalifiki formali li joħroġ huwa stess. Għalhekk, persuna li trid tipprattika l-professjoni ta’ perit għandha, bis-saħħa tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2005/36, tkun fil-pussess ta’ kwalifika formali elenkata fl-Anness V, punt 5.7 tad-Direttiva u għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ imsemmija fl-Artikolu 46 tad-Direttiva. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li s-sistema awtomatika ta’ rikonoxximent, fir-rigward tal-professjoni ta’ perit, fl-Artikoli 21, 46 u 49 tad-Direttiva 2005/36, ma tħalli ebda diskrezzjoni lill-Istati Membri (10) . Għalhekk, ir-rikonoxximent fuq il-bażi tat-Titolu III, Kapitolu III huwa awtomatiku. Meta persuna tissodisfa l-kriterji, l-Istati Membri ma għandhomx għażla ħlief li jaċċettawh/ha fil-professjoni kkonċernata.

23. It-Titolu III, Kapitolu I tad-Direttiva 2005/36 jistabbilixxi sistema ġenerali, mfassla fuq id-direttivi ġenerali preċedenti (11), bħala sistema alternattiva (12) . Bħala regola, din tapplika biss għal dawk il-professjonijiet fejn is-sistema awtomatika ma tapplikax, kif jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36. Bħala eċċezzjoni għal din ir-regola, l-Artikolu 10 jistipula wkoll li s-sistema ġenerali tapplika f’numru ta’ każijiet fejn l-applikant, “għal raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali”, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fit-Titolu III, Kapitoli II u III. Ir-rekwiżiti materjali tas-sistema ġenerali huma stipulati fl-Artikolu 11 et seq tad-Direttiva.

Il-kuntest fattwali u ġuridiku tad-domandi preliminari

24. It-talba għal deċiżjoni preliminari hija limitata għal domandi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti termini tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36. Żewġ punti jistħoqqilhom ċertu enfasi.

25. L-ewwel nett, ma huwiex ikkontestat quddiem il-qrati Ġermaniżi li H. Angerer ma jissodisfax ir-rekwiżiti għal rikonoxximent awtomatiku. Huwa ma għandux diploma li hija elenkata fil-punt 5.7 tal-Anness V tad-Direttiva 2005/36, li jfisser li ma jistax, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ rikonoxximent awtomatiku, jippretendi li l-awtoritajiet ta’ Bayern jirreġistrawh bħala perit f’Bayern (13) . Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, ma ġietx mitluba sabiex tagħti interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-sistema awtomatika (14) .

26. It-tieni nett, il-qrati amministrattivi Ġermaniżi tal-ewwel u tat-tieni istanza sabu li H. Angerer jissodisfa r-rekwiżiti materjali tas-sistema ġenerali (15) . Dan ir-riżultat ma jidhirx li ġie kkontestat mill-Bundesverwaltungsgericht, li quddiemha tressaq l-appell dwar punt ta’ liġi (Reviżjoni). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex, għalhekk, mitluba tagħti interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mar-rekwiżiti materjali tas-sistema ġenerali. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-obbligu, fil-kuntest ta’ din it-talba preliminari, li tiddeċiedi jekk il-kwalifika li H. Angerer għandu ta’ “planender Baumeister” taħt id-dritt Awstrijak u l-esperjenza professjonali tiegħu għandhomx ikunu aċċettati mill-awtoritajiet Ġermaniżi taħt il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 11 et seq tad-Direttiva 2005/36 bil-għan li jaċċedi għall-professjoni ta’ perit fil-Ġermanja.

27. Dak li l-Bundesverwaltungsgericht tixtieq tkun taf huwa jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-awtoritajiet nazzjonali milli japplikaw is-sistema ġenerali fil-każ ineżami.

L-ewwel domanda: Interpretazzjoni tal-kliem “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36

28. Il-qorti tar-rinviju qegħda titlob interpretazzjoni tal-kliem “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36. Hi trid tkun taf jekk il-każijiet elenkati fil-punti (a) sa (g) ta’ dan l-Artikolu humiex biss elenku ta’ “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” jew jekk dak il-kliem għandux tifsira legali addizzjonali. Fi kliem ieħor, din il-qorti titlob gwida dwar jekk l-awtoritajiet nazzjonali jistgħux iwettqu evalwazzjoni dwar jekk il-kwalifiki formali ta’ “planender Baumeister” u l-esperjenza professjonali li għandu H. Angerer, skont l-Artikolu 11 et seq tad-Direttiva 2005/36, jistgħux jagħtu aċċess għall-professjoni ta’ perit fil-Ġermanja jew jekk, qabel ma jiġu evalwati l-kwalifiki formali tiegħu, l-awtoritajiet nazzjonali għandhomx fl-ewwel lok jeżaminaw jekk hemmx “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” għalfejn H. Angerer ma għandux prova ta’ kwalifika formali ta’ perit fl-Awstrija.

Interpretazzjoni testwali u sistematika tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36

29. Kif diġà rajna iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 10, is-sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ prova ta’ taħriġ tapplika għall-professjonijiet kollha li ma humiex koperti bil-Kapitoli II u III tat-Titolu III (Libertà ta’ stabbiliment) u fil-każijiet li ġejjin fejn l-applikant, għal raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali , ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati f’dawk il-Kapitoli. Il-“każijiet li ġejjin” huma dawk elenkati fil-punti (a) sa (g).

30. In-natura ta’ dawn il-punti tvarja. Għalhekk, il-punti (a) u (b) jirrigwardaw esperjenza professjonali jew prattika filwaqt li l-punti (ċ), (d), (e) u (f) jirrigwardaw kwalifiki speċifiċi formali. Il-punt (g) huwa ta’ natura kompletament differenti: dan jirrigwarda lil migranti li għandhom kwalifiki maħruġa f’pajjiż terz.

31. Minħabba l-pożizzjoni tal-kliem “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” li huma fil-bidu tal-Artikolu 10, jiġifieri, qabel l-elenku tal-punti (a) sa (g) (16), nissuġġerixxi li dak il-kliem għandu jkollu l-istess tifsira għal kull waħda mill-punti (a) sa (g) li jsegwu. Inkella, il-leġiżlatur kien jipprovdi lil kull punt minn (a) sa (g) bil-kliem tagħhom addizzjonali, adattati għall-bżonnijiet speċifiċi ta’ kull punt.

32. Din il-konstatazzjoni twassalna sabiex nistaqsu jekk il-punti (a) sa (g) tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36 jikkostitwixxux fihom infushom ir-raġunijiet għalfejn is-sistema ġenerali għandha tkun applikata jew jekk għandux ikun hemm raġunijiet addizzjonali.

33. Ħalli neżaminaw iktar mill-viċin it-terminu “raġuni”. L-Oxford Advanced Learner’s Dictionary jagħti s-segwenti definizzjoni għal dan it-terminu: “raġuni jew spjegazzjoni ta’ xi ħaġa li seħħet jew li xi ħadd wettaq” (17) . Il-Cambridge Advanced Learner’s Dictionary jagħti definizzjoni paragunabbli: “il-kawża ta’ avveniment jew sitwazzjoni jew xi ħaġa li tipprovdi skuża jew spjegazzjoni” (18) . L-element prinċipali f’dawn id-definizzjonijiet jidhirli li huwa l-element ta’ spjegazzjoni. “Raġuni” minnha nnifisha toffri spjegazzjoni.

34. Minn l-ewwel qari tat-termini tal-Artikolu 10, wieħed jista’ jitħajjar li jassumi li l-kliem “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” jirrikjedi elementi addizzjonali, bħal spjegazzjoni għalfejn il-kundizzjonijiet stipulati fil-Kapitoli II u III ma humiex milħuqa fil-każijiet tal-Artikolu 10(a) sa (g). Tabilħaqq, meta tingħata interpretazzjoni testwali stretta, il-punti (a) sa (g) bil-kemm jikkwalifikaw bħala “raġunijiet” (19) . Fil-każ ta’ perit taħt il-punt (ċ), spjegazzjoni tkun meħtieġa għalfejn il-persuna kkonċernata jkollha prova ta’ kwalifika formali mhux elenkata fil-punt 5.7 tal-Anness V (20) .

35. Il-qorti tar-rinviju xxaqleb lejn din l-interpretazzjoni. Fl-opinjoni tagħha, fir-rigward ta’ periti, għandhom ikunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi: l-ewwel, applikant għandu jkollu prova ta’ kwalifika formali mhux elenkata fil-punt 5.7 tal-Anness V, u t-tieni, dan huwa dovut għal “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali”.

36. Madankollu, jiena mhux konvint minn dan ir-raġunament.

37. Jekk nistgħu nassumu li t-termini “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” għandhom l-istess tifsira għall-punti (a) sa (g), malajr nindunaw li bil-kemm huwa possibbli li tasal għal definizzjoni komuni. Ħalli nikkunsidraw il-punt (g), fejn skont dan tapplika s-sistema ġenerali fejn l-applikant li, għal raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fil-Kapitoli II u III huwa migrant li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva. Din l-aħħar dispożizzjoni tistipula li prova ta’ kwalifiki formali maħruġa minn pajjiż terz għandha tkun ikkunsidrata bħala prova ta’ kwalifiki formali jekk it-titolari jkollu tliet snin ta’ esperjenza professjonali fil-professjoni kkonċernata fit-territorju tal-Istat Membru li rrikonoxxa dik il-prova ta’ kwalifiki formali skont l-Artikolu 2(2), iċċertifikata minn dak l-Istat Membru. Jista’ jkun mistenni li persuna li tkun kisbet kwalifiki formali minn pajjiż terz ikollu jressaq raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali għalfejn dawn il-kwalifiki huma miksuba f’dak il-pajjiż terz? It-tweġiba hi, tabilħaqq, “le”. X’inhu “speċifiku u eċċezzjonali” hawnhekk hu l- fatt li kwalifiki formali huma miksuba f’pajjiż terz, mhux ir- raġuni għalfejn ġew miksuba hemm.

38. Insib diffiċli ħafna li nimmaġina li jekk it-termini “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” ma għandhomx tifsira addizzjonali fir-rigward tal-punt (g), dawn ikollhom tifsira addizzjonali fil-punti l-oħra (21) .

39. Fi kliem ieħor, għalkemm nista’ nifhem li fil-każ ta’ periti taħt il-punt (ċ) huwa teoretikament possibbli li wieħed joħloq raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali għalfejn il-migrant għandu kwalifika formali mhux elenkata fil-punt 5.7 tal-Anness V tad-Direttiva 2005/36 (22), xorta waħda jkolli riżervi fir-rigward tal-għoti ta’ tifsira addizzjonali għall-kliem “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” għal kull wieħed mill-punti (a) sa (g).

L-iżvilupp storiku tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36

40. Meta wieħed iħares lejn l-iżvilupp storiku tad-Direttiva, nistgħu naraw li l-abbozz inizjali tal-Kummissjoni (23) fir-rigward tal-Artikolu 10 kien qasir u preċiż. Dan jaqra hekk: “Dan il-Kapitolu japplika għall-professjonijiet kollha li ma humiex koperti bil-Kapitoli II u III ta’ dan it-Titolu u għal każijiet kollha fejn l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati f’dawk il-Kapitoli. (24) ” Għalhekk, l-abbozz kien antiċipa li kull meta l-kundizzjonijiet ta’ rikonoxxim ent awtomatiku ma kinux milħuqa, is-sistema ġenerali xorta kienet applikabbli bħala prinċipju.

41. Il-Parlament ma oġġezzjonax għal dan il-kliem u għaldaqstant, fl-ewwel qari, ma pproponiex emenda għall-Artikolu 10 (25) .

42. Iżda, għall-Kunsill, il-proposta tal-Kummissjoni kienet wiesgħa wisq. Fil-pożizzjoni komuni tiegħu, huwa kkunsidra li din l-estensjoni tas-sistema ġenerali għandha tapplika biss għal professjonijiet mhux koperti mill-Kapitoli II u III tat-Titolu III, kif ukoll għal “każijiet partikolari elenkati fl-Artikolu 10(a) sa (g) tal-pożizzjoni komuni fejn l-applikant, waqt li jagħmel parti minn professjoni koperta minn dawk il-Kapitoli, ma jissodisfax, għal raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali, il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk il-Kapitoli” (26) . Il-pożizzjoni komuni tkompli tistipula li “[i]l-każijiet elenkati jkopru s-sitwazzjonijiet attwalment koperti mit-Trattat kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea u sitwazzjonijiet soġġetti għal soluzzjonijiet speċifiċi taħt Direttivi eżistenti.” (27)

43. Sussegwentement, il-Kummissjoni aċċettat din il-kontroproposta, fejn stqarret li l-pożizzjoni komuni ċċarat l-abbozz tal-Kummissjoni fir-rigward tal-każijiet ta’ applikazzjoni sussidjarja tar-regola ġenerali ta’ rikonoxximent, u elenkat is-sitwazzjonijiet speċifiċi konċernati li attwalment kienu rregolati jew b’regoli ad hoc , dispożizzjonijiet tat-Trattat, jew b’rikonoxximent ġenerali. Il-Kummissjoni stqarret ukoll li “din il-kjarifika ma tinvolvi ebda emenda sostantiva” (28) .

44. Għandi d-dubji tiegħi dwar il-preċiżjoni ta’ din l-aħħar stqarrija, billi l-effett tal-pożizzjoni komuni tal-Kunsill hija dik li s-sistema ġenerali ma tapplikax fil-każijiet kollha. Madankollu, jidhirli b’mod ċar li kien primarjament l-għan tal-leġiżlatur Komunitarju li jillimita l-każijiet partikolari għal dawk il-każijiet eċċezzjonali fil-punti (a) sa (g), jiġifieri, dawk diġà koperti bit-Trattat, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, u bid-Direttivi eżistenti. L-idea ma kinitx li jiġu introdotti kriterji addizzjonali lil hinn mill-punti (a) sa (g) għall-applikazzjoni tas-sistema ġenerali li setgħet tirriżulta mill-kliem “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali”.

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36 moqri fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE

45. Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36 hija barra minn hekk ikkonfermata b’interpretazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE (29) .

46. Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (30), każ li jirrigwarda lil spiżjara, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li d-dritt ta’ rikonoxximent ta’ diplomi huwa garantit bħala espressjoni tad-dritt fundamentali tal-libertà ta’ stabbiliment (31) . Ma nara ebda raġuni għalfejn l-istess ma għandux japplika għal periti. Bħala konsegwenza, id-Direttiva 2005/36 għandha tkun interpretata fid-dawl tad-dispożizzjoni tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment.

47. F’dan il-kuntest, nixtieq nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikorri għar-raġunament tas-sentenza Dreessen (32) .

48. Il-każ kien jikkonċerna lil ċittadin Belġjan li kien kiseb diploma fl-inġinerija fil-Ġermanja, li kien ħadem bħala impjegat ma’ diversi ditti ta’ periti fi Liège (il-Belġju) u li kien talab li jkun ammess fir-reġistru tal-Assoċjazzjoni tal-Periti fil-provinċja ta’ Liège sabiex ikun jista’ jipprattika bħala perit li jaħdem għal rasu. L-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda għar-raġuni li d-diploma tiegħu ma kinitx tikkorrispondi għal waħda mogħtija taħt qasam ta’ arkitettura fis-sens tad-Direttiva 85/384 u għalhekk ma kinitx taqa’ taħt id-Direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li f’din is-sitwazzjoni kien japplika l-Artikolu tat-Trattat dwar l-istabbiliment. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li ma kienx l-għan tad-direttivi dwar rikonoxximent li jagħmlu r-rikonoxximent ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali iktar diffiċli fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu barra l-iskop tagħhom (33) . L-awtoritajiet nazzjonali, għalhekk, kellhom jeżaminaw l-applikazzjoni ta’ N. Dreessen.

49. L-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 49 TFUE għal sitwazzjonijiet li jaqgħu barra mill-iskop tad-Direttiva rilevanti tapplika, fil-fehma tiegħi, a fortiori għal interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni fid-Direttiva 2005/36. Dak li nieħu mis-sentenza Dreessen għall-każ preżenti huwa dan: l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva għandu jkun interpretat b’mod li huwa konformi mat-Trattati, u partikolarment id-dritt ta’ stabbiliment, li jfisser li l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx ikunu preklużi milli jipproċessaw applikazzjoni u jivverifikaw jekk ir-rekwiżiti materjali tas-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent ġewx issodisfatti fil-każ ta’ perit. L-Artikolu 10(ċ) ma għandux jagħmel tali evalwazzjoni iktar diffiċli. Dan ma jfissirx li l-awtoritajiet nazzjonali huma meħtieġa li jirrikonoxxu d-diploma ta’ H. Angerer, billi din ma hijiex id-domanda mressqa. Dan ifisser biss li għandhom ikunu f’pożizzjoni sabiex ikunu jistgħu jeżaminaw jekk il-kwalifiki u l-esperjenza tiegħu jikkorrispondux mar-rekwiżiti tal-Artikolu 11 et seq tad-Direttiva 2005/36.

Ir-risposta għall-ewwel domanda

50. Biex nikkonkludi, jiena tal-fehma li l-kliem “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36 iservi biss bħala introduzzjoni tal-punti (a) sa (g) ta’ dak l-Artikolu. Dan il-kliem ma għandux valur normattiv li jmur lil hinn mill-każijiet elenkati fil-punti (a) sa (g). Għalhekk nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kliem “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36 jirreferi biss għall-punti (a) sa (g) ta’ dak l-Artikolu. Applikant ma huwiex meħtieġ li juri “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” lil hinn minn dawk elenkati fl-Artikolu 10(a) sa (g).

It-tieni domanda: Interpretazzjoni tat-terminu “periti” fl-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36

51. Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob kjarifika tat-tifsira tat-terminu “periti” fl-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36. Din tixtieq tkun taf jekk il-persuna kkonċernata kellhiex twettaq attivitajiet kreattivi, ippjanar urban, attivitajiet dwar il-konservazzjoni ekonomika u possibbilment storika ta’ bini u, b’mod iktar ġenerali, dwar il-kriterji li jiddeterminaw x’inhu “perit”.

52. Fl-opinjoni tal-Kumitat ta’ Reġistrazzjoni, il-kunċett ta’ periti jimplika li ċerti rekwiżiti minimi huma sodisfatti minn persuna li taspira li tkun rikonoxxuta bħala perit taħt is-sistema ġenerali. Bħala kriterji, jista’ jsir aċċess għar-rekwiżiti tal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2005/36.

53. Fl-opinjoni tiegħi, it-terminu “periti” fl-Artikolu 10(ċ) jindika biss il-professjoni li għaliha l-applikant qiegħed jitlob aċċess. Id-Direttiva 2005/36 ma tipprovdix definizzjoni legali dwar xi jfisser perit — la fis-sistema awtomatika u lanqas f’dik ġenerali.

54. Huwa minnu li l-Artikolu 46 — bħall-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/384 (34) — tad-Direttiva 2005/36, imsemmi “taħriġ ta’ periti”, jistabbilixxi fid-dettall x’tip ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi għandhom jinkisbu fl-istudji ta’ arkitettura li jikkwalifikaw għas-sistema awtomatika. Dan ma jfissirx, iżda, li d-Direttiva tipprova tagħti definizzjoni ta’ x’inhu perit.

55. Tabilħaqq, fir-rigward tad-Direttiva 85/384, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Artikolu 1(2) ta’ dik id-Direttiva li jistabbilixxi l-iskop tagħha (35) ma kienx maħsub biex jagħti definizzjoni legali tal-attivitajiet fil-qasam tal-arkitettura u li kien id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti li kellu jiddefinixxi l-attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu ta’ dak il-qasam (36) . Dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw lil dik li llum hija s-sistema awtomatika (37) .

56. Jiena tal-opinjoni li jekk id-Direttiva lanqas biss tipprova tiddefinixxi x’inhu perit fis-sistema awtomatika, ma tistax, a fortiori , tagħmel dan għas-sistema ġenerali.

57. Barra minn hekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tikkunsidra li r-rekwiżiti tal-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2005/36 japplikaw għat-terminu “periti” fl-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36. Dan ikun effettivament jammonta biex l-applikazzjoni tas-sistema ġenerali tkun soġġetta għall-kundizzjoni tat-twettiq tal-kriterji li jappartjenu għas-sistema awtomatika. B’hekk kunċetti tas-sistema awtomatika jiġu introdotti fis-sistema ġenerali b’mod indirett. Finalment, is-sistema ġenerali tkun mhedda.

58. Għalhekk, inkun attent ħafna milli nagħti interpretazzjoni wisq restrittiva għat-terminu “periti” fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36. Il-kwistjoni dwar jekk persuna hijiex ammessa li tipprattika bħala perit skont is-sistema ġenerali hija ddeterminata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ladarba jkunu applikaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 11 et seq u jkunu wettqu l-evalwazzjoni tagħhom skont dawn l-Artikoli. Kieku jitqiesu wisq rekwiżiti fit-terminu “periti”, ikun hemm ir-riskju li l-valutazzjoni li titwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali tkun x’aktarx imxekkla.

59. It-terminu “periti” użat fl-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36 ma jimplikax li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ifittxu kriterji addizzjonali li għandhom ikunu ssodisfatti mill-persuna li qegħda tapplika għal rikonoxximent taħt is-sistema ġenerali. F’dan l-istadju tad-Direttiva, l-Artikolu 10(ċ) ma jipprekludix lill-awtoritajiet nazzjonali milli jsibu li persuna kkonċernata tissodisfa l-kriterji għar rikonoxximent taħt is-sistema ġenerali. Ma nsib ebda raġuni għalfejn għandhom ikunu preklużi milli japplikaw is-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent.

60. Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-terminu “periti” fl-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36 jirreferi għall-professjoni li għaliha l-applikant qiegħed jitlob aċċess. Dan ma għandux ikun interpretat b’mod li jillimita l-iskop ta’ applikazzjoni tas-sistema għar-rikonoxximent ta’ provi ta’ taħriġ skont it-Titolu III, Kapitolu I, tad-Direttiva 2005/36.

Konklużjoni

61. Fid-dawl ta’ dan kollu li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht kif ġej:

1) Il-kliem “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali jirreferi biss għall-punti (a) sa (g) ta’ dak l-Artikolu. Applikant ma huwiex meħtieġ li juri “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” lil hinn minn dawk imsemmija fl-Artikolu 10(a) sa (g).

2) It-terminu “periti” fl-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36 jirreferi għall-professjoni li għaliha l-applikant qiegħed jitlob aċċess. Dan ma għandux jiġi interpretat b’mod li jiġi limitat l-iskop ta’ applikazzjoni tas-sistema għar-rikonoxximent ta’ provi ta’ taħriġ skont it-Titolu III, Kapitolu I, tad-Direttiva 2005/36.

(1) .

(2) – ĠU 2005, L 255, p. 22.

(3)  – Ara, s-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2009, Bayerisches Verwaltungsgericht München, – M 16 K 09.3302, p. 2.

(4)  – Dan it-tibdil kien sar wara li saru kuntatti bejn H. Angerer u l-Kumitat ta’ Reġistrazzjoni, fejn dan tal-aħħar kien ta indikazzjoni lil H. Angerer li ma kienx jikkwalifika għal reġistrazzjoni bħala perit, ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, Verwaltungsgerichtshof Bayern, – 22 B 10.2360, fil-punt 15, disponibbli minn: http://openjur.de/u/493661.html.

(5)  – Ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2005 (9775/05 (Presse 137)), disponibbli minn: http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/misc/85121.pdf. Id-Direttiva ġiet adottata bid-delegazzjonijiet Ġermaniżi u Griegi jivvotaw kontra. Il-Lussemburgu astjeniet.

(6) – L-Artikolu 40 KE (li sar l-Artikolu 46 TFUE) — moviment ħieles tal-ħaddiema, l-Artikolu 47 KE (li sar l-Artikolu 53 TFUE) — dritt ta’ stabbiliment u l-Artikolu 55 KE (li sar l-Artikolu 62 TFUE) — libertà tal-provvista ta’ servizzi.

(7)  – Ara l-Artikolu 62 tad-Direttiva 2005/36.

(8)  – Ara l-premessa 9 tad-Direttiva 2005/36.

(9)  – Id-Direttiva ftit jew wisq iżżomm is-sitwazzjoni legali preċedenti waqt li tirrevoka d-Direttiva tal-Kunsill 85/384/KEE tal-10 ta’ Ġunju 1985 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali fl-arkitettura, inkluż miżuri biex ikun iffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà ta’ forniment ta’ servizzi (ĠU L 233, p. 15).

(10)  – Ara s-sentenza Ordre des architectes vs Il-Belġju (C‑365/13, EU:C:2014:280, punt 24).

(11)  – Wara li reġa’ tnieda l-proċess politiku tas-suq komuni/intern f’nofs is-snin tmenin, f’oqsma mhux koperti b’din l-istrateġija vertikali, ġiet introdotta strateġija ġenerali u orizzontali li stabbiliet gwidi ġenerali għal rikonoxximent. Ara d-Direttivi 89/48/KEE, 92/51/KEE u 1999/42/KE. L-oriġini ta’ dawn id-Direttivi tista’ tinsab fl-“Ikkompletar tas-Suq Intern”, White Paper tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew, tal-14 ta’ Ġunju 1985, COM(85) 310 finali, fil-paragrafu 93.

(12)  – Ara C. Barnard, The substantive law of the EU. The four freedoms , Oxford University Press, Ir-Raba’ Edizzjoni, 2013, p. 320.

(13)  – Skont il-qorti tar-rinviju, fit-18 ta’ Diċembru 2012 — jiġifieri waqt li l-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju kienu diġà pendenti — H. Angerer kien iggradwa wkoll bil-lawrja akkademika ta’ Diplom-Ingenieur — inġinerija ċivili (inġinerija strutturali) (Fachhochschule (FH)) fil-Hochschule für Technik, Wirtschaft und Kultur (HTWK) Leipzig (Università ta’ Leipzig ta’ Xjenzi Applikati). Il-mistoqsija dwar jekk il-lawrja ta’ H. Angerer fl-inġinerija ċivili tippermettilux li jibbenefika minn kwalifika awtomatika ma hijiex il-kwistjoni fil-każ preżenti. Dan ġie wkoll ikkonfermat mill-partijiet waqt is-seduta ta’ smiegħ. F’dan il-każ, għandu biss jingħad li din il-lawrja ma hijiex elenkata fil-punt 5.7 tal-Anness V tad-Direttiva 2005/36. Il-mistoqsija jekk il-professjoni ta’ “Bauingenieur” xorta waħda taqa’ fis-sistema awtomatika (din tidher li hija l-opinjoni ta’ W. Kluth/ F. Rieger, “Die neue EU-Berufsanerkennungsrichtlinie – Regelungsgehalt und Auswirkungen für Berufsangehörige und Berufsorganisationen”, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht 2005, p. 486 sa 492, partikolarment p. 488) ma hijiex għalhekk rilevanti fil-każ preżenti.

(14)  – L-Artikolu 21 et seq u l-Artikolu 46 et seq tad-Direttiva 2005/36.

(15)  – L-Artikolu 11 et seq tad-Direttiva 2005/36. F’dan ir-rigward, il-Verwaltungsgerichtshof Bayern, li kkonfermat sentenza preċedenti tal-Verwaltungsgericht München, kienet diġà sostniet li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(3), flimkien mal-Artikolu 11(ċ) tad-Direttiva 2005/36, huma sodisfatti, ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011 – 22 B 10.2360, fil-punt 33, li tinsab: http://openjur.de/u/493661.html.

(16)  – Qabel il-parentesi, hekk kif jingħad fil-qasam tal-matematika.

(17)  – Definizzjoni li tinsab: http://www.oxfordlearnersdictionaries.com/definition/english/reason_1.

(18)  – Definizzjoni li tinsab: http://dictionary.cambridge.org/dictionary/british/reason.

(19)  – Għandu jiġi nnotat li verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-Artikolu 10 jużaw l-istess terminu, jew fil-forma fis-singolar jew fil-plural. Pereżempju, fil-forma fil-plural: “aus […] Gründen” (DE), “põhjustel” (ET), “dėl […] priežasčių” (LT), “z przyczyn” (PL); fil-forma fis-singolar: “por una razón” (ES), “pour un motif” (FR), “per una ragione” (IT).

(20)  – Fil-każ preżenti, dan ikun ifisser li H. Angerer ikollu jispjega għalfejn għandu l-kwalifika ta’ “planender Baumeister” taħt id-dritt Awstrijak. Mistoqsija li jsegwi tkun jekk “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” għandhomx ikollhom tifsira oġġettiva jew soġġettiva.

(21)  – Huwa għal din ir-raġuni li “sitwazzjonijiet” jew “każijiet” kienu jkunu termini iktar xierqa minn “raġunijiet”.

(22)  – Wieħed jista’, pereżempju jaħseb f’raġunijiet oġġettivi, bħan-nuqqas ta’ inklużjoni aċċidentali mill-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropea ta’ kwalifika fil-punt 5.7 tal-Anness V jew raġunijiet soġġettivi bħal ċirkustanzi partikolari u eċċezzjonali familjari li ppermettew lill-applikant jikseb biss kwalifika mhux elenkata fl-Anness, minflok waħda elenkata fl-Anness.

(23)  – Ara l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, COM(2002) 119 finali, ĠU C 181 E, p. 183, p. 188.

(24)  – L-enfasi tiegħi.

(25)  – Ara r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Frar 2004 dwar il-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (COM(2002)) 119 – C5-0133/2002 – 2002/0061(COD)), ĠU C 97 E, p. 230.

(26)  – Ara l-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 10/2005 adottata mill-Kunsill fil-21 ta’ Diċembru 2004 bil-għan li tiġi adottata d-Direttiva 2005/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-… dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, ĠU 2005 C 58 E, p. 1, p. 122.

(27)  – Ibid , p. 123.

(28)  – Ara l-Komunikazzjoni tas-6 ta’ Jannar 2005 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE li tikkonċerna l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, COM(2004) 853 finali, p. 7.

(29)  – L-Artikolu 49 TFUE li jikkostitwixxi il- Grundnorm tad-dritt ta’ stabbiliment, fit-terminoloġija eżatta ta’ P.-C. Müller-Graff, fi R. Streinz, EUV/AEUV , Beck, it-tieni edizzjoni, München 2012, Artikel 49 AEUV, punt 1.

(30)  – C‑39/07, EU:C:2008:265

(31)  – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2008:265, punt 37).

(32)  – C‑31/00, EU:C:2002:35.

(33)  – Ara s-sentenza Dreessen (EU:C:2002:35, punt 26).

(34)  – Il-kliem tal-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2005/36 huma virtwalment identiku għal dak tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/384.

(35)  – L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/384 jaqra kif ġej: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, l-attivitajiet fil-qasam ta’ l-arkitettura għandhom ikunu dawk l-attivitajiet li ssoltu jsiru taħt it-titolu professjonali ta’ perit”.

(36)  – Ara s-sentenza Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia et (C‑111/12, EU:C:2013:100, punt 42). Ara wkoll id-digriet f’Mosconi u Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia (C‑3/02, EU:C:2004:224, punt 45). Bl-istess mod, l-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet Dreessen (C‑31/00, EU:C:2001:285, punt 4) iddikjara li: “L-għan tad-Direttiva mhux li jġib fis-seħħ l-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali fil-qasam tal-arkitettura. Din ma tagħtix definizzjoni ta’ x’inhu perit. Lanqas ma tistipula kriterji sabiex tkun definita l-professjoni.”

(37)  – Peress li d-Direttiva 85/384 kellha biss tali sistema awtomatika, kif rajna iktar ’il fuq.

Fuq

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil-5 ta’ Novembru 2014 ( 1 )

Kawża C‑477/13

Eintragungsausschuss bei der Bayerischen Architektenkammer

vs

Hans Angerer

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja)]

“Moviment liberu ta’ persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Direttiva 2005/36/KE — Rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali — Aċċess għall-professjoni ta’ perit — Migrant li għandu diploma mhux elenkata fil-punt 5.7 tal-Anness V tad-Direttiva 2005/36/KE — Artikolu 10 — Tifsira ta’ ‘raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali’ — Kunċett ta’ ‘perit’”

Introduzzjoni

1.

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali ( 2 ) jistabbilixxi l-portata ta’ sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ provi ta’ taħriġ. Fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba għall-ewwel darba dwar kif għadd ta’ termini ta’ dan l-artikolu għandhom ikunu interpretati u x’inhu l-valur normattiv tagħhom. Il-Bundesverwaltungsgericht (Qorti Amministrattiva Federali) (il-Ġermanja), li tressaq appell quddiemha dwar punt ta’ liġi (reviżjoni), tistaqsi jekk l-interpretazzjoni mogħtija miż-żewġ qrati inferjuri fil-każ preżenti hija korretta.

2.

Il-partijiet fil-każ preżenti huma H. Angerer, li kiseb il-kwalifika ta’ “planender Baumeister” (mgħallem fil-kostruzzjoni/fl-ippjanar u l-kalkolu tekniku) ġewwa l-Awstrija, u l-Eintragungsausschuss bei der Bayerischen Architektenkammer (Kumitat ta’ Reġistrazzjoni tal-Kamra tal-Periti ta’ Bayern, iktar ’il quddiem “il-Kumitat ta’ Reġistrazzjoni”). H. Angerer qiegħed jitlob li jiġi irreġistrat fl-ordni tal-periti ta’ Bayern, filwaqt li l-Kumitat ta’ Reġistrazzjoni qiegħed jirrifjuta li jagħmel dan.

3.

Il-każ preżenti ma jirrigwardax il-fatt jekk H. Angerer jissodisfax il-kriterji sostantivi fid-Direttiva 2005/36 li jippermettulu jipprattika l-professjoni ta’ perit fil-Ġermanja. Dan jikkonċerna biss il-mistoqsija jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi u l-qrati jistgħux japplikaw is-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent ta’ provi ta’ taħriġ fid-Direttiva 2005/36 għal dan il-każ jew jekk it-termini tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36 jistgħux jipprekluduhom milli jagħmlu dan.

4.

L-evalwazzjoni tiegħi twassalni għat-tweġiba li l-awtoritajiet u l-qrati Ġermaniżi jistgħu japplikaw din il-parti tad-Direttiva 2005/36. Il-proposta tiegħi lill-Qorti tal-Ġustizzja hija li d-Direttiva 2005/36 għandha tkun interpretata b’mod konsistenti mar-raġunament tas-suq intern u mad-dispożizzjonijiet fundamentali tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment.

Il-kuntest ġuridiku

Il-liġi tal-Unjoni Ewropea

5.

Id-Direttiva 2005/36 hija maqsuma f’sitt titoli: dispożizzjonijiet ġenerali (I), il-libertà li jiġu provduti servizzi (II), libertà ta’ stabbiliment (III), regoli dettaljati għall-eżerċizzju tal-professjoni (IV), koperazzjoni amministrattiva u responsabbiltà għall-implimentazzjoni (V), u diżpozzjonijiet oħra (VI).

6.

It-Titolu III dwar il-libertà ta’ stabbiliment għandu fih erba’ Kapitoli: sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ provi ta’ taħriġ (I), rikonoxximent ta’ esperjenza professjonali (II), rikonoxximent abbażi ta’ kordinazzjoni ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ taħriġ (III), u dispożizzjonijiet komuni dwar id-dritt ta’ stabbiliment (IV).

7.

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36, li jinsab fit-Titolu III, Kapitolu I, jipprovdi:

“Dan il-Kapitolu japplika għall-professjonijiet kollha li ma jaqgħux taħt il-Kapitoli II u III ta’ dan it-Titolu fil-każijiet li ġejjin li fihom l-applikant, għal raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali, ma jissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dawk il-Kapitoli:

(a)

għal attivitajiet elenkati fl-Anness IV, meta l-migrant ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 17, 18 u 19;

(b)

għal tobba b’taħriġ bażiku, tobba speċjalizzati, infermiera responsabbli għas-saħħa ġenerali, tobba dentisti, tobba dentisti speċjalizzati, kirurgi veterinarji, qwiebel, spiżjara u periti, meta l-migrant ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ prattika professjonali effettiva u legali msemmija fl-Artikoli 23, 27, 33, 37, 39, 43 u 49;

(ċ)

għal periti, meta l-migrant ikollu prova ta’ kwalifika formali mhux elenkata fil-punt 5.7 tal-Anness V ;

(d)

bla ħsara għall-Artikoli 21(1), 23 u 27, għal tobba, infermiera, tobba dentisti, kirurgi veterinarji, qwiebel, spiżjara u periti li jkollhom provi ta’ kwalifiki formali bħala speċjalista, li għandu jsegwi t-taħriġ li jwassal għall-pussess ta’ titolu elenkat fl-Anness V, punti 5.1.1, 5.2.2, 5.3.2, 5.4.2, 5.5.2, 5.6.2 u 5.7. 1, u biss bl-għan ta’ rikonoxximent ta’ l-ispeċjalizzazzjoni in kwistjoni;

(e)

għal infermiera responsabbli mill-kura ġenerali u infermiera speċjalizzati li jkollhom provi ta’ kwalifiki formali bħala speċjalista li jsegwi t-taħriġ li jwassal għall-pussess ta’ titolu elenkat fl-Anness V, punt 5.2.2, meta l-migrant ifittex rikonoxximent fi Stat Membru ieħor fejn l-attivitajiet professjonali in kwistjoni huma eżerċitati minn infermiera speċjalizzati mingħajr taħriġ bħala infermiera tal-kura ġenerali;

(f)

għal infermiera speċjalizzati mingħajr taħriġ bħala infermiera tal-kura ġenerali, meta l-migrant ifittex rikonoxximent fi Stat Membru ieħor fejn l-attivitajiet professjonali in kwistjoni huma eżerċitati minn infermiera responsabbli mill-kura ġenerali, infermiera speċjalizzati mingħajr taħriġ bħala infermiera tal-kura ġenerali jew infermiera speċjalizzati li għandhom provi ta’ kwalifiki formali bħala speċjalista li jsegwi t-taħriġ li jwassal għall-pussess tat-titoli elenkati fl-Anness V, punt 5.2.2;

(g)

għal migranti li jissodisfaw ir-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 3(3).”

Il-liġi Ġermaniża

8.

Fil-Ġermanja, il-liġi dwar il-periti taqa’ taħt il-kompetenza tal-Länder (reġjuni) (l-Artikolu 70(1) Liġi Bażika (Grundgesetz)). Ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà u reġistrazzjoni fir-reġistru tal-periti tal-Kamra tal-Periti ta’ Bayern huma stabbiliti fl-Artikolu 4 tal-Liġi dwar il-Kamra tal-Periti ta’ Bayern u tal-Kamra tal-Inġiniera tal-Bini ta’ Bayern (Gesetz über die Bayerische Architektenkammer und die Bayerische Ingenieurekammer-Bau (GVBl. p. 308)), kif l-aħħar emendata bil-Liġi tal-11 ta’ Diċembru 2012 (GVBl. p. 633) (iktar ’il quddiem il-“BauKaG”). Dan l-Artikolu jipprovdi:

“(1)   Ir-reġistru tal-periti għandu jkun amministrat mill-kamra tal-periti.

(2)   Kull persuna li:

1.

jkollha post ta’ residenza, post tax-xogħol jew impjieg professjonali prinċipali f’Bayern,

2.

tkun għaddiet mill-eżami finali ta’ kors

(a)

b’mill-inqas erba’ snin tul ta’ studju regolari fil-kompiti elenkati fl-Artikolu 3(1) fil-qasam tal-arkitettura (inġinerija strutturali) jew

(b)

b’mill-inqas tliet snin tul ta’ studju regolari fil-kompiti elenkati fl-Artikolu 3(2) u (3) fl-oqsma ta’ arkitettura interna jew tal-pajsaġġ f’università Ġermaniża, fi skola Ġermaniża pubblika jew li tkun rikonoxxuta uffiċjalment għall-inġiniera (Akademie) jew fi stabbiliment ta’ tagħlim Ġermaniż li huwa ekwivalenti għal dawn, u

3.

ikun wettaq minn ta’ lanqas sentejn ta’ esperjenza prattika postgradwatorja fil-qasam rilevanti

għandu jkun irreġistrat fir-reġistru tal-periti. Fid-determinazzjoni tal-perjodu meħtieġ ta’ esperjenza prattika, għandhom ikunu kkunsidrati programmi edukattivi vokazzjonali avvanzati u kontinwi tal-Kamra tal-Periti fl-oqsma tal-ippjanar tekniku u ekonomiku u tal-liġi tal-kostruzzjoni.

(3)   […]

(4)   Ir-rekwiżit fil-paragrafu 2(2)(a) iktar ’il fuq huwa milħuq ukoll minn persuna li tkun tista’ tipproduċi prova ekwivalenti li tkun ikkompletat kors ta’ studju f’università barranija jew stabbiliment ieħor barrani. Għal ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat firmatarju tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea, prova ekwivalenti għandha tinkludi prova ta’ kwalifiki formali ta’ tipi ppubblikati jew rikonoxxuti li huma suffiċjenti skont l-Artikoli 21, 46 u 47 tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, p. 22, kif rettifikata bil-ĠU L 271, p. 18, ĠU L 93, p. 28, ĠU L 33, p. 49), kif l-aħħar emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Numru 623/2012, tal-11 ta’ Lulju 2012 (ĠU L 180, p. 9) flimkien mal-punt 5.7.1 tal-Anness V tiegħu, kif ukoll prova skont l-Artikoli 23 u 49 tad-Direttiva 2005/36/KE flimkien mal-Anness VI, punt 6, tiegħu. […]

(5)   Ir-rekwiżiti taħt l-paragrafu 2(2)(a) u (3) iktar ’il fuq huma wkoll issodisfatti fejn ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat firmatarju tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea ma jissodisfax, għal raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali fis-sens tal-Artikolu 10(b), (ċ), (d) u (g) tad-Direttiva 2005/36/KE, ir-rekwiżiti għar-rikonoxximent tal-prova tiegħu ta’ kwalifiki formali fuq il-bażi ta’ koordinazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ taħriġ minimu fis-sens tad-Direttiva 2005/36/KE, jekk barra minn hekk ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/36/KE huma issodisfatti; f’dak ir-rigward korsijiet ta’ taħriġ huma ttrattati b’mod ugwali għall-finijiet tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2005/36/KE. […] Is-sentenza 1 għandha tapplika mutatis mutandis għal persuni li huma awtorizzati li jużaw it-titolu professjonali ta’ perit skont il-liġi li tagħti lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat firmatarju tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea l-possibbiltà li tikkonferixxi dak it-titolu fuq ċittadini ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stati firmatarji tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea li jkunu ddistingwew ruħhom partikolarment bil-kwalità ta’ xogħolhom fil-qasam tal-arkitettura.

[…]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9.

H. Angerer, ċittadin Ġermaniż b’residenzi privati ġewwa l-Ġermanja u l-Awstrija, ipprattika, mill-1 ta’ Marzu 2007, fl-Awstrija bħala “planender Baumeister”, wara li għadda minn eżami ta’ kwalifika permezz ta’ korrispondenza taħt id-dritt Awstrijak.

10.

Il-kwalifika ta’ “planender Baumeister” ma tippermettilux li jipprattika bħala perit fl-Awstrija.

11.

Barra minn hekk, il-kwalifika ta’ “planender Baumeister” ma teżistix fil-Ġermanja.

12.

Fil-25 ta’ April 2008. H. Angerer applika għar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-periti f’Bayern taħt l-Artikolu 4 tal-BauKaG. Fil-11 ta’ Ġunju 2008 ( 3 ), huwa biddel l-applikazzjoni tiegħu għal applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru ta’ fornituri ta’ servizzi barranin taħt l-Artikolu 2 tal-BauKaG ( 4 ). Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda mill-Kumitat ta’ Reġistrazzjoni permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2009.

13.

H. Angerer ikkontesta din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-Bayerisches Verwaltungsgericht München (Qorti Amministrattiva ta’ Bayern, München). Din tal-aħħar, permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Settembru 2009, ħassret id-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-18 ta’ Ġunju 2009 u ordnat lill-Kumitat ta’ Reġistrazzjoni sabiex jirreġistra lil H. Angerer, skont l-Artikolu 2 tal-BauKaG, fir-reġistru ta’ fornituri ta’ servizzi barranin.

14.

Il-Kumitat ta’ Reġistrazzjoni appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Bayern). Waqt il-proċeduri tal-appell, fuq suġġeriment tal-qorti, H. Angerer emenda t-talba tiegħu bil-kunsens tal-Kumitat ta’ Reġistrazzjoni sabiex ikun irreġistrat fir-reġistru tal-periti.

15.

Il-qorti tal-appell laqgħet din it-talba emendata f’sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011 u ċaħdet l-appell tal-Kumitat ta’ Reġistrazzjoni suġġett għall-kundizzjoni li dan tal-aħħar kien meħtieġ li jasal għal deċiżjoni pożittiva dwar ir-reġistrazzjoni tal-applikant bħala perit freelance (inġinerija strutturali) fir-reġistru tal-periti. Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-qorti stqarret li r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni mitluba fir-reġistru tal-periti, skont l-Artikolu 4(5) tal-BauKaG, kif moqrija flimkien mar-regoli msemmija fihom fl-Artikoli 10(ċ), 11 u 13 tad-Direttiva 2005/36, kienu ssodisfatti.

16.

Il-Kumitat ta’ Reġistrazzjoni appella minn dik id-deċiżjoni fuq punt ta’ liġi (Reviżjoni) quddiem il-Bundesverwaltungsgericht. Huwa talab il-varjazzjoni tas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011 tal-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Bayern u tas-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2009 tal-Qorti Amministrattiva ta’ Bayern (München) u ċ-ċaħda tar-rikors.

17.

Il-Bundesverwaltungsgericht ikkunsidrat li s-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemha teħtieġ interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/36. B’digriet tal-10 ta’ Lulju 2013 li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Settembru 2013, il-Bundesverwaltungsgericht issospendiet il-proċeduri quddiemha u ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

(a)

Ir-‘raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali’ fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva jirreferu għas-sitwazzjonijiet li huma ddefiniti fil-kategoriji elenkati sussegwentement [punti (a) sa (g)], jew fost dawn is-sitwazzjonijiet għandhom jiġu inklużi wkoll ‘raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali’ li minħabba fihom l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitoli II u III tat-Titolu III tad-Direttiva?

(b)

F’dan il-każ tal-aħħar, ta’ liema natura għandhom ikunu dawn ir-‘raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali’? Għandhom ikunu raġunijiet personali – bħal pereżempju l-bijografija tal-individwu – li minħabba fihom il-migrant ma jissodisfax, eċċezzjonalment, il-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III tat-Titolu III tad-Direttiva għar-rikonoxximent awtomatiku tat-taħriġ tiegħu?

(2)

(a)

Il-kunċett ta’ perit fis-sens tal-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva jirrikjedi li l-migrant, fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, minbarra attivitajiet tekniċi relatati mal-ippjanar tal-kostruzzjoni, mas-sorveljanza tal-kostruzzjoni u mal-eżekuzzjoni tal-kostruzzjoni, ikun eżerċita wkoll, jew ikun seta’ eżerċita bis-saħħa tat-taħriġ tiegħu, attivitajiet ta’ disinn artistiku, attivitajiet ta’ ppjanar urbaniku, attivitajiet ta’ natura ekonomika u possibbilment anki attivitajiet relatati mal-preżervazzjoni ta’ bini storiku, u, jekk dan ikun il-każ, sa fejn?

(b)

Il-kunċett ta’ perit fis-sens tal-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva jirrikjedi li l-migrant ikun irċieva taħriġ ta’ livell superjuri (Hochschulniveau) li jkollu bħala l-komponent prinċipali tiegħu l-arkitettura u li, minbarra aspetti tekniċi relatati mal-ippjanar tal-kostruzzjoni, mas-sorveljanza tal-kostruzzjoni u mal-eżekuzzjoni tal-kostruzzjoni, ikopri wkoll suġġetti ta’ disinn artistiku, suġġetti ta’ ppjanar urbaniku, suġġetti ta’ natura ekonomika u possibbilment anki suġġetti relatati mal-preżervazzjoni ta’ bini storiku, u, jekk dan ikun il-każ, sa fejn?

(ċ)

(i)

Għall-finijiet tad-domandi (a) u (b), huwa rilevanti l-mod kif normalment jintuża t-titolu professjonali ta’ ‘perit’ fi Stati Membri oħra (Artikolu 48(1) tad-Direttiva)?

(ii)

jew huwa biżżejjed li jiġi ddeterminat l-mod kif normalment jintuża t-titolu professjonali ta’ ‘perit’ fl-Istat Membru ta’ oriġini u fl-Istat Membru ospitanti?

(iii)

jew inkella l-firxa ta’ attivitajiet normalment marbuta mat-titolu professjonali ta’ ‘perit’ fit-territorju tal-Unjoni Ewropea tista’ tiġi ddeterminata fuq il-bażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(1) tad-Direttiva?”

18.

Il-partijiet ippreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub fil-proċeduri prinċipali, li jinkludu dawk tal-Landesanwaltschaft Bayern u tal-gvernijiet tal-Ġermanja, l-Olanda u r-Rumanija, u tal-Kummissjoni. Il-partijiet fil-proċeduri prinċipali, li jinkludu lill-Landesanwaltschaft Bayern, lill-gvern Ġermaniż u lill-Kummissjoni għamlu wkoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tad-9 ta’ Lulju 2014.

Evalwazzjoni

Rimarki preliminari

Direttiva 2005/36

19.

Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2005/36 diġà ġew iċċitati iktar ’il fuq. Sabiex wieħed ikun jista’ jifhem liema huma (u liema ma humiex) l-implikazzjonijiet tal-każ preżenti, naħseb li jeħtieġ li nispjega s-sistemi differenti ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali li jinsabu fid-Direttiva.

20.

Id-Direttiva 2005/36 ġiet adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fis-6 ta’ Ġunju 2005 b’maġġoranza kkwalifikata ( 5 ). Din hija bbażata fuq bażijiet legali tas-suq intern fit-Trattat ( 6 ). Hija tirrevoka ħmistax-il Direttiva preċedenti fil-qasam tar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali ( 7 ) u tirriorganizza u tirrazzjonalizza d-dispożizzjonijiet tagħhom permezz tal-istandardizzazzjoni tal-prinċipji tagħhom ( 8 ). Fit-Titolu III tagħha, id-Direttiva 2005/36 tipprovdi għal tliet sistemi ta’ rikonoxximent: rikonoxximent awtomatiku għal professjonijiet fejn il-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ ġew armonizzati (Kapitolu III) (iktar ’il quddiem: “is-sistema awtomatika”); rikonoxximent fuq il-bażi ta’ esperjenza professjonali għal ċertu attivitajiet professjonali (Kapitolu II), u sistema ġenerali għal professjonijiet oħra regolati u professjonijiet li ma humiex koperti mill-Kapitoli II u III jew li fir-rigward tagħhom, suġġett għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36, l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fil-Kapitoli II u III (Kapitolu I) (iktar ’il quddiem: “is-sistema ġenerali”).

21.

Għall-finijiet tal-każ preżenti, s-sistema awtomatika u dik ġenerali għandhom ikunu deskritti f’iktar dettal.

22.

It-Titolu III, Kapitolu III tad-Direttiva 2005/36 essenzjalment jistabbilixxi strateġija vertikali ta’ armonizzazzjoni, għal kull professjoni, għal numru ta’ professjonijiet elenkati speċifikament, bħal dik tal-periti. ( 9 ) Il-prinċipju li fuqu huwa bbażat dan il-Kapitolu huwa sempliċi: jekk persuna għandha fil-pussess tagħha kwalifika formali elenkata fl-Anness V tad-Direttiva u jekk ċerti rekwiżiti minimi jiġu ssodisfatti, Stat Membru għandu jirrikonoxxi prova ta’ kwalifika formali u għandu, għall-finijiet ta’ aċċess għal u l-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali, jagħti lil dawn il-provi ta’ kwalifiki formali l-istess effett fit-territorju tiegħu bħal provi ta’ kwalifiki formali li joħroġ huwa stess. Għalhekk, persuna li trid tipprattika l-professjoni ta’ perit għandha, bis-saħħa tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2005/36, tkun fil-pussess ta’ kwalifika formali elenkata fl-Anness V, punt 5.7 tad-Direttiva u għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ imsemmija fl-Artikolu 46 tad-Direttiva. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li s-sistema awtomatika ta’ rikonoxximent, fir-rigward tal-professjoni ta’ perit, fl-Artikoli 21, 46 u 49 tad-Direttiva 2005/36, ma tħalli ebda diskrezzjoni lill-Istati Membri ( 10 ). Għalhekk, ir-rikonoxximent fuq il-bażi tat-Titolu III, Kapitolu III huwa awtomatiku. Meta persuna tissodisfa l-kriterji, l-Istati Membri ma għandhomx għażla ħlief li jaċċettawh/ha fil-professjoni kkonċernata.

23.

It-Titolu III, Kapitolu I tad-Direttiva 2005/36 jistabbilixxi sistema ġenerali, mfassla fuq id-direttivi ġenerali preċedenti ( 11 ), bħala sistema alternattiva ( 12 ). Bħala regola, din tapplika biss għal dawk il-professjonijiet fejn is-sistema awtomatika ma tapplikax, kif jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36. Bħala eċċezzjoni għal din ir-regola, l-Artikolu 10 jistipula wkoll li s-sistema ġenerali tapplika f’numru ta’ każijiet fejn l-applikant, “għal raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali”, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fit-Titolu III, Kapitoli II u III. Ir-rekwiżiti materjali tas-sistema ġenerali huma stipulati fl-Artikolu 11 et seq tad-Direttiva.

Il-kuntest fattwali u ġuridiku tad-domandi preliminari

24.

It-talba għal deċiżjoni preliminari hija limitata għal domandi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti termini tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36. Żewġ punti jistħoqqilhom ċertu enfasi.

25.

L-ewwel nett, ma huwiex ikkontestat quddiem il-qrati Ġermaniżi li H. Angerer ma jissodisfax ir-rekwiżiti għal rikonoxximent awtomatiku. Huwa ma għandux diploma li hija elenkata fil-punt 5.7 tal-Anness V tad-Direttiva 2005/36, li jfisser li ma jistax, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ rikonoxximent awtomatiku, jippretendi li l-awtoritajiet ta’ Bayern jirreġistrawh bħala perit f’Bayern ( 13 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, ma ġietx mitluba sabiex tagħti interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-sistema awtomatika ( 14 ).

26.

It-tieni nett, il-qrati amministrattivi Ġermaniżi tal-ewwel u tat-tieni istanza sabu li H. Angerer jissodisfa r-rekwiżiti materjali tas-sistema ġenerali ( 15 ). Dan ir-riżultat ma jidhirx li ġie kkontestat mill-Bundesverwaltungsgericht, li quddiemha tressaq l-appell dwar punt ta’ liġi (Reviżjoni). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex, għalhekk, mitluba tagħti interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mar-rekwiżiti materjali tas-sistema ġenerali. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-obbligu, fil-kuntest ta’ din it-talba preliminari, li tiddeċiedi jekk il-kwalifika li H. Angerer għandu ta’ “planender Baumeister” taħt id-dritt Awstrijak u l-esperjenza professjonali tiegħu għandhomx ikunu aċċettati mill-awtoritajiet Ġermaniżi taħt il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 11 et seq tad-Direttiva 2005/36 bil-għan li jaċċedi għall-professjoni ta’ perit fil-Ġermanja.

27.

Dak li l-Bundesverwaltungsgericht tixtieq tkun taf huwa jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-awtoritajiet nazzjonali milli japplikaw is-sistema ġenerali fil-każ ineżami.

L-ewwel domanda: Interpretazzjoni tal-kliem “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali ” fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36

28.

Il-qorti tar-rinviju qegħda titlob interpretazzjoni tal-kliem “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36. Hi trid tkun taf jekk il-każijiet elenkati fil-punti (a) sa (g) ta’ dan l-Artikolu humiex biss elenku ta’ “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” jew jekk dak il-kliem għandux tifsira legali addizzjonali. Fi kliem ieħor, din il-qorti titlob gwida dwar jekk l-awtoritajiet nazzjonali jistgħux iwettqu evalwazzjoni dwar jekk il-kwalifiki formali ta’ “planender Baumeister” u l-esperjenza professjonali li għandu H. Angerer, skont l-Artikolu 11 et seq tad-Direttiva 2005/36, jistgħux jagħtu aċċess għall-professjoni ta’ perit fil-Ġermanja jew jekk, qabel ma jiġu evalwati l-kwalifiki formali tiegħu, l-awtoritajiet nazzjonali għandhomx fl-ewwel lok jeżaminaw jekk hemmx “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” għalfejn H. Angerer ma għandux prova ta’ kwalifika formali ta’ perit fl-Awstrija.

Interpretazzjoni testwali u sistematika tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36

29.

Kif diġà rajna iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 10, is-sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ prova ta’ taħriġ tapplika għall-professjonijiet kollha li ma humiex koperti bil-Kapitoli II u III tat-Titolu III (Libertà ta’ stabbiliment) u fil-każijiet li ġejjin fejn l-applikant, għal raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati f’dawk il-Kapitoli. Il-“każijiet li ġejjin” huma dawk elenkati fil-punti (a) sa (g).

30.

In-natura ta’ dawn il-punti tvarja. Għalhekk, il-punti (a) u (b) jirrigwardaw esperjenza professjonali jew prattika filwaqt li l-punti (ċ), (d), (e) u (f) jirrigwardaw kwalifiki speċifiċi formali. Il-punt (g) huwa ta’ natura kompletament differenti: dan jirrigwarda lil migranti li għandhom kwalifiki maħruġa f’pajjiż terz.

31.

Minħabba l-pożizzjoni tal-kliem “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” li huma fil-bidu tal-Artikolu 10, jiġifieri, qabel l-elenku tal-punti (a) sa (g) ( 16 ), nissuġġerixxi li dak il-kliem għandu jkollu l-istess tifsira għal kull waħda mill-punti (a) sa (g) li jsegwu. Inkella, il-leġiżlatur kien jipprovdi lil kull punt minn (a) sa (g) bil-kliem tagħhom addizzjonali, adattati għall-bżonnijiet speċifiċi ta’ kull punt.

32.

Din il-konstatazzjoni twassalna sabiex nistaqsu jekk il-punti (a) sa (g) tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36 jikkostitwixxux fihom infushom ir-raġunijiet għalfejn is-sistema ġenerali għandha tkun applikata jew jekk għandux ikun hemm raġunijiet addizzjonali.

33.

Ħalli neżaminaw iktar mill-viċin it-terminu “raġuni”. L-Oxford Advanced Learner’s Dictionary jagħti s-segwenti definizzjoni għal dan it-terminu: “raġuni jew spjegazzjoni ta’ xi ħaġa li seħħet jew li xi ħadd wettaq” ( 17 ). Il-Cambridge Advanced Learner’s Dictionary jagħti definizzjoni paragunabbli: “il-kawża ta’ avveniment jew sitwazzjoni jew xi ħaġa li tipprovdi skuża jew spjegazzjoni” ( 18 ). L-element prinċipali f’dawn id-definizzjonijiet jidhirli li huwa l-element ta’ spjegazzjoni. “Raġuni” minnha nnifisha toffri spjegazzjoni.

34.

Minn l-ewwel qari tat-termini tal-Artikolu 10, wieħed jista’ jitħajjar li jassumi li l-kliem “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” jirrikjedi elementi addizzjonali, bħal spjegazzjoni għalfejn il-kundizzjonijiet stipulati fil-Kapitoli II u III ma humiex milħuqa fil-każijiet tal-Artikolu 10(a) sa (g). Tabilħaqq, meta tingħata interpretazzjoni testwali stretta, il-punti (a) sa (g) bil-kemm jikkwalifikaw bħala “raġunijiet” ( 19 ). Fil-każ ta’ perit taħt il-punt (ċ), spjegazzjoni tkun meħtieġa għalfejn il-persuna kkonċernata jkollha prova ta’ kwalifika formali mhux elenkata fil-punt 5.7 tal-Anness V ( 20 ).

35.

Il-qorti tar-rinviju xxaqleb lejn din l-interpretazzjoni. Fl-opinjoni tagħha, fir-rigward ta’ periti, għandhom ikunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi: l-ewwel, applikant għandu jkollu prova ta’ kwalifika formali mhux elenkata fil-punt 5.7 tal-Anness V, u t-tieni, dan huwa dovut għal “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali”.

36.

Madankollu, jiena mhux konvint minn dan ir-raġunament.

37.

Jekk nistgħu nassumu li t-termini “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” għandhom l-istess tifsira għall-punti (a) sa (g), malajr nindunaw li bil-kemm huwa possibbli li tasal għal definizzjoni komuni. Ħalli nikkunsidraw il-punt (g), fejn skont dan tapplika s-sistema ġenerali fejn l-applikant li, għal raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fil-Kapitoli II u III huwa migrant li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva. Din l-aħħar dispożizzjoni tistipula li prova ta’ kwalifiki formali maħruġa minn pajjiż terz għandha tkun ikkunsidrata bħala prova ta’ kwalifiki formali jekk it-titolari jkollu tliet snin ta’ esperjenza professjonali fil-professjoni kkonċernata fit-territorju tal-Istat Membru li rrikonoxxa dik il-prova ta’ kwalifiki formali skont l-Artikolu 2(2), iċċertifikata minn dak l-Istat Membru. Jista’ jkun mistenni li persuna li tkun kisbet kwalifiki formali minn pajjiż terz ikollu jressaq raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali għalfejn dawn il-kwalifiki huma miksuba f’dak il-pajjiż terz? It-tweġiba hi, tabilħaqq, “le”. X’inhu “speċifiku u eċċezzjonali” hawnhekk hu l-fatt li kwalifiki formali huma miksuba f’pajjiż terz, mhux ir-raġuni għalfejn ġew miksuba hemm.

38.

Insib diffiċli ħafna li nimmaġina li jekk it-termini “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” ma għandhomx tifsira addizzjonali fir-rigward tal-punt (g), dawn ikollhom tifsira addizzjonali fil-punti l-oħra ( 21 ).

39.

Fi kliem ieħor, għalkemm nista’ nifhem li fil-każ ta’ periti taħt il-punt (ċ) huwa teoretikament possibbli li wieħed joħloq raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali għalfejn il-migrant għandu kwalifika formali mhux elenkata fil-punt 5.7 tal-Anness V tad-Direttiva 2005/36 ( 22 ), xorta waħda jkolli riżervi fir-rigward tal-għoti ta’ tifsira addizzjonali għall-kliem “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” għal kull wieħed mill-punti (a) sa (g).

L-iżvilupp storiku tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36

40.

Meta wieħed iħares lejn l-iżvilupp storiku tad-Direttiva, nistgħu naraw li l-abbozz inizjali tal-Kummissjoni ( 23 ) fir-rigward tal-Artikolu 10 kien qasir u preċiż. Dan jaqra hekk: “Dan il-Kapitolu japplika għall-professjonijiet kollha li ma humiex koperti bil-Kapitoli II u III ta’ dan it-Titolu u għal każijiet kollha fejn l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati f’dawk il-Kapitoli. ( 24 )” Għalhekk, l-abbozz kien antiċipa li kull meta l-kundizzjonijiet ta’ rikonoxximent awtomatiku ma kinux milħuqa, is-sistema ġenerali xorta kienet applikabbli bħala prinċipju.

41.

Il-Parlament ma oġġezzjonax għal dan il-kliem u għaldaqstant, fl-ewwel qari, ma pproponiex emenda għall-Artikolu 10 ( 25 ).

42.

Iżda, għall-Kunsill, il-proposta tal-Kummissjoni kienet wiesgħa wisq. Fil-pożizzjoni komuni tiegħu, huwa kkunsidra li din l-estensjoni tas-sistema ġenerali għandha tapplika biss għal professjonijiet mhux koperti mill-Kapitoli II u III tat-Titolu III, kif ukoll għal “każijiet partikolari elenkati fl-Artikolu 10(a) sa (g) tal-pożizzjoni komuni fejn l-applikant, waqt li jagħmel parti minn professjoni koperta minn dawk il-Kapitoli, ma jissodisfax, għal raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali, il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk il-Kapitoli” ( 26 ). Il-pożizzjoni komuni tkompli tistipula li “[i]l-każijiet elenkati jkopru s-sitwazzjonijiet attwalment koperti mit-Trattat kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea u sitwazzjonijiet soġġetti għal soluzzjonijiet speċifiċi taħt Direttivi eżistenti.” ( 27 )

43.

Sussegwentement, il-Kummissjoni aċċettat din il-kontroproposta, fejn stqarret li l-pożizzjoni komuni ċċarat l-abbozz tal-Kummissjoni fir-rigward tal-każijiet ta’ applikazzjoni sussidjarja tar-regola ġenerali ta’ rikonoxximent, u elenkat is-sitwazzjonijiet speċifiċi konċernati li attwalment kienu rregolati jew b’regoli ad hoc, dispożizzjonijiet tat-Trattat, jew b’rikonoxximent ġenerali. Il-Kummissjoni stqarret ukoll li “din il-kjarifika ma tinvolvi ebda emenda sostantiva” ( 28 ).

44.

Għandi d-dubji tiegħi dwar il-preċiżjoni ta’ din l-aħħar stqarrija, billi l-effett tal-pożizzjoni komuni tal-Kunsill hija dik li s-sistema ġenerali ma tapplikax fil-każijiet kollha. Madankollu, jidhirli b’mod ċar li kien primarjament l-għan tal-leġiżlatur Komunitarju li jillimita l-każijiet partikolari għal dawk il-każijiet eċċezzjonali fil-punti (a) sa (g), jiġifieri, dawk diġà koperti bit-Trattat, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, u bid-Direttivi eżistenti. L-idea ma kinitx li jiġu introdotti kriterji addizzjonali lil hinn mill-punti (a) sa (g) għall-applikazzjoni tas-sistema ġenerali li setgħet tirriżulta mill-kliem “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali”.

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36 moqri fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE

45.

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36 hija barra minn hekk ikkonfermata b’interpretazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE ( 29 ).

46.

Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja ( 30 ), każ li jirrigwarda lil spiżjara, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li d-dritt ta’ rikonoxximent ta’ diplomi huwa garantit bħala espressjoni tad-dritt fundamentali tal-libertà ta’ stabbiliment ( 31 ). Ma nara ebda raġuni għalfejn l-istess ma għandux japplika għal periti. Bħala konsegwenza, id-Direttiva 2005/36 għandha tkun interpretata fid-dawl tad-dispożizzjoni tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment.

47.

F’dan il-kuntest, nixtieq nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikorri għar-raġunament tas-sentenza Dreessen ( 32 ).

48.

Il-każ kien jikkonċerna lil ċittadin Belġjan li kien kiseb diploma fl-inġinerija fil-Ġermanja, li kien ħadem bħala impjegat ma’ diversi ditti ta’ periti fi Liège (il-Belġju) u li kien talab li jkun ammess fir-reġistru tal-Assoċjazzjoni tal-Periti fil-provinċja ta’ Liège sabiex ikun jista’ jipprattika bħala perit li jaħdem għal rasu. L-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda għar-raġuni li d-diploma tiegħu ma kinitx tikkorrispondi għal waħda mogħtija taħt qasam ta’ arkitettura fis-sens tad-Direttiva 85/384 u għalhekk ma kinitx taqa’ taħt id-Direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li f’din is-sitwazzjoni kien japplika l-Artikolu tat-Trattat dwar l-istabbiliment. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li ma kienx l-għan tad-direttivi dwar rikonoxximent li jagħmlu r-rikonoxximent ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali iktar diffiċli fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu barra l-iskop tagħhom ( 33 ). L-awtoritajiet nazzjonali, għalhekk, kellhom jeżaminaw l-applikazzjoni ta’ N. Dreessen.

49.

L-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 49 TFUE għal sitwazzjonijiet li jaqgħu barra mill-iskop tad-Direttiva rilevanti tapplika, fil-fehma tiegħi, a fortiori għal interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni fid-Direttiva 2005/36. Dak li nieħu mis-sentenza Dreessen għall-każ preżenti huwa dan: l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva għandu jkun interpretat b’mod li huwa konformi mat-Trattati, u partikolarment id-dritt ta’ stabbiliment, li jfisser li l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx ikunu preklużi milli jipproċessaw applikazzjoni u jivverifikaw jekk ir-rekwiżiti materjali tas-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent ġewx issodisfatti fil-każ ta’ perit. L-Artikolu 10(ċ) ma għandux jagħmel tali evalwazzjoni iktar diffiċli. Dan ma jfissirx li l-awtoritajiet nazzjonali huma meħtieġa li jirrikonoxxu d-diploma ta’ H. Angerer, billi din ma hijiex id-domanda mressqa. Dan ifisser biss li għandhom ikunu f’pożizzjoni sabiex ikunu jistgħu jeżaminaw jekk il-kwalifiki u l-esperjenza tiegħu jikkorrispondux mar-rekwiżiti tal-Artikolu 11 et seq tad-Direttiva 2005/36.

Ir-risposta għall-ewwel domanda

50.

Biex nikkonkludi, jiena tal-fehma li l-kliem “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36 iservi biss bħala introduzzjoni tal-punti (a) sa (g) ta’ dak l-Artikolu. Dan il-kliem ma għandux valur normattiv li jmur lil hinn mill-każijiet elenkati fil-punti (a) sa (g). Għalhekk nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kliem “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36 jirreferi biss għall-punti (a) sa (g) ta’ dak l-Artikolu. Applikant ma huwiex meħtieġ li juri “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” lil hinn minn dawk elenkati fl-Artikolu 10(a) sa (g).

It-tieni domanda: Interpretazzjoni tat-terminu “periti ” fl-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36

51.

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob kjarifika tat-tifsira tat-terminu “periti” fl-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36. Din tixtieq tkun taf jekk il-persuna kkonċernata kellhiex twettaq attivitajiet kreattivi, ippjanar urban, attivitajiet dwar il-konservazzjoni ekonomika u possibbilment storika ta’ bini u, b’mod iktar ġenerali, dwar il-kriterji li jiddeterminaw x’inhu “perit”.

52.

Fl-opinjoni tal-Kumitat ta’ Reġistrazzjoni, il-kunċett ta’ periti jimplika li ċerti rekwiżiti minimi huma sodisfatti minn persuna li taspira li tkun rikonoxxuta bħala perit taħt is-sistema ġenerali. Bħala kriterji, jista’ jsir aċċess għar-rekwiżiti tal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2005/36.

53.

Fl-opinjoni tiegħi, it-terminu “periti” fl-Artikolu 10(ċ) jindika biss il-professjoni li għaliha l-applikant qiegħed jitlob aċċess. Id-Direttiva 2005/36 ma tipprovdix definizzjoni legali dwar xi jfisser perit — la fis-sistema awtomatika u lanqas f’dik ġenerali.

54.

Huwa minnu li l-Artikolu 46 — bħall-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/384 ( 34 ) — tad-Direttiva 2005/36, imsemmi “taħriġ ta’ periti”, jistabbilixxi fid-dettall x’tip ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi għandhom jinkisbu fl-istudji ta’ arkitettura li jikkwalifikaw għas-sistema awtomatika. Dan ma jfissirx, iżda, li d-Direttiva tipprova tagħti definizzjoni ta’ x’inhu perit.

55.

Tabilħaqq, fir-rigward tad-Direttiva 85/384, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Artikolu 1(2) ta’ dik id-Direttiva li jistabbilixxi l-iskop tagħha ( 35 ) ma kienx maħsub biex jagħti definizzjoni legali tal-attivitajiet fil-qasam tal-arkitettura u li kien id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti li kellu jiddefinixxi l-attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu ta’ dak il-qasam ( 36 ). Dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw lil dik li llum hija s-sistema awtomatika ( 37 ).

56.

Jiena tal-opinjoni li jekk id-Direttiva lanqas biss tipprova tiddefinixxi x’inhu perit fis-sistema awtomatika, ma tistax, a fortiori, tagħmel dan għas-sistema ġenerali.

57.

Barra minn hekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tikkunsidra li r-rekwiżiti tal-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2005/36 japplikaw għat-terminu “periti” fl-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36. Dan ikun effettivament jammonta biex l-applikazzjoni tas-sistema ġenerali tkun soġġetta għall-kundizzjoni tat-twettiq tal-kriterji li jappartjenu għas-sistema awtomatika. B’hekk kunċetti tas-sistema awtomatika jiġu introdotti fis-sistema ġenerali b’mod indirett. Finalment, is-sistema ġenerali tkun mhedda.

58.

Għalhekk, inkun attent ħafna milli nagħti interpretazzjoni wisq restrittiva għat-terminu “periti” fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36. Il-kwistjoni dwar jekk persuna hijiex ammessa li tipprattika bħala perit skont is-sistema ġenerali hija ddeterminata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ladarba jkunu applikaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 11 et seq u jkunu wettqu l-evalwazzjoni tagħhom skont dawn l-Artikoli. Kieku jitqiesu wisq rekwiżiti fit-terminu “periti”, ikun hemm ir-riskju li l-valutazzjoni li titwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali tkun x’aktarx imxekkla.

59.

It-terminu “periti” użat fl-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36 ma jimplikax li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ifittxu kriterji addizzjonali li għandhom ikunu ssodisfatti mill-persuna li qegħda tapplika għal rikonoxximent taħt is-sistema ġenerali. F’dan l-istadju tad-Direttiva, l-Artikolu 10(ċ) ma jipprekludix lill-awtoritajiet nazzjonali milli jsibu li persuna kkonċernata tissodisfa l-kriterji għar rikonoxximent taħt is-sistema ġenerali. Ma nsib ebda raġuni għalfejn għandhom ikunu preklużi milli japplikaw is-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent.

60.

Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-terminu “periti” fl-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36 jirreferi għall-professjoni li għaliha l-applikant qiegħed jitlob aċċess. Dan ma għandux ikun interpretat b’mod li jillimita l-iskop ta’ applikazzjoni tas-sistema għar-rikonoxximent ta’ provi ta’ taħriġ skont it-Titolu III, Kapitolu I, tad-Direttiva 2005/36.

Konklużjoni

61.

Fid-dawl ta’ dan kollu li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht kif ġej:

1)

Il-kliem “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali jirreferi biss għall-punti (a) sa (g) ta’ dak l-Artikolu. Applikant ma huwiex meħtieġ li juri “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” lil hinn minn dawk imsemmija fl-Artikolu 10(a) sa (g).

2)

It-terminu “periti” fl-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 2005/36 jirreferi għall-professjoni li għaliha l-applikant qiegħed jitlob aċċess. Dan ma għandux jiġi interpretat b’mod li jiġi limitat l-iskop ta’ applikazzjoni tas-sistema għar-rikonoxximent ta’ provi ta’ taħriġ skont it-Titolu III, Kapitolu I, tad-Direttiva 2005/36.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU 2005, L 255, p. 22.

( 3 ) Ara, s-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2009, Bayerisches Verwaltungsgericht München, – M 16 K 09.3302, p. 2.

( 4 ) Dan it-tibdil kien sar wara li saru kuntatti bejn H. Angerer u l-Kumitat ta’ Reġistrazzjoni, fejn dan tal-aħħar kien ta indikazzjoni lil H. Angerer li ma kienx jikkwalifika għal reġistrazzjoni bħala perit, ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, Verwaltungsgerichtshof Bayern, – 22 B 10.2360, fil-punt 15, disponibbli minn: http://openjur.de/u/493661.html.

( 5 ) Ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2005 (9775/05 (Presse 137)), disponibbli minn: http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/misc/85121.pdf. Id-Direttiva ġiet adottata bid-delegazzjonijiet Ġermaniżi u Griegi jivvotaw kontra. Il-Lussemburgu astjeniet.

( 6 ) L-Artikolu 40 KE (li sar l-Artikolu 46 TFUE) — moviment ħieles tal-ħaddiema, l-Artikolu 47 KE (li sar l-Artikolu 53 TFUE) — dritt ta’ stabbiliment u l-Artikolu 55 KE (li sar l-Artikolu 62 TFUE) — libertà tal-provvista ta’ servizzi.

( 7 ) Ara l-Artikolu 62 tad-Direttiva 2005/36.

( 8 ) Ara l-premessa 9 tad-Direttiva 2005/36.

( 9 ) Id-Direttiva ftit jew wisq iżżomm is-sitwazzjoni legali preċedenti waqt li tirrevoka d-Direttiva tal-Kunsill 85/384/KEE tal-10 ta’ Ġunju 1985 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali fl-arkitettura, inkluż miżuri biex ikun iffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà ta’ forniment ta’ servizzi (ĠU L 233, p. 15).

( 10 ) Ara s-sentenza Ordre des architectes vs Il-Belġju (C‑365/13, EU:C:2014:280, punt 24).

( 11 ) Wara li reġa’ tnieda l-proċess politiku tas-suq komuni/intern f’nofs is-snin tmenin, f’oqsma mhux koperti b’din l-istrateġija vertikali, ġiet introdotta strateġija ġenerali u orizzontali li stabbiliet gwidi ġenerali għal rikonoxximent. Ara d-Direttivi 89/48/KEE, 92/51/KEE u 1999/42/KE. L-oriġini ta’ dawn id-Direttivi tista’ tinsab fl-“Ikkompletar tas-Suq Intern”, White Paper tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew, tal-14 ta’ Ġunju 1985, COM(85) 310 finali, fil-paragrafu 93.

( 12 ) Ara C. Barnard, The substantive law of the EU. The four freedoms, Oxford University Press, Ir-Raba’ Edizzjoni, 2013, p. 320.

( 13 ) Skont il-qorti tar-rinviju, fit-18 ta’ Diċembru 2012 — jiġifieri waqt li l-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju kienu diġà pendenti — H. Angerer kien iggradwa wkoll bil-lawrja akkademika ta’ Diplom-Ingenieur — inġinerija ċivili (inġinerija strutturali) (Fachhochschule (FH)) fil-Hochschule für Technik, Wirtschaft und Kultur (HTWK) Leipzig (Università ta’ Leipzig ta’ Xjenzi Applikati). Il-mistoqsija dwar jekk il-lawrja ta’ H. Angerer fl-inġinerija ċivili tippermettilux li jibbenefika minn kwalifika awtomatika ma hijiex il-kwistjoni fil-każ preżenti. Dan ġie wkoll ikkonfermat mill-partijiet waqt is-seduta ta’ smiegħ. F’dan il-każ, għandu biss jingħad li din il-lawrja ma hijiex elenkata fil-punt 5.7 tal-Anness V tad-Direttiva 2005/36. Il-mistoqsija jekk il-professjoni ta’ “Bauingenieur” xorta waħda taqa’ fis-sistema awtomatika (din tidher li hija l-opinjoni ta’ W. Kluth/ F. Rieger, “Die neue EU-Berufsanerkennungsrichtlinie – Regelungsgehalt und Auswirkungen für Berufsangehörige und Berufsorganisationen”, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht 2005, p. 486 sa 492, partikolarment p. 488) ma hijiex għalhekk rilevanti fil-każ preżenti.

( 14 ) L-Artikolu 21 et seq u l-Artikolu 46 et seq tad-Direttiva 2005/36.

( 15 ) L-Artikolu 11 et seq tad-Direttiva 2005/36. F’dan ir-rigward, il-Verwaltungsgerichtshof Bayern, li kkonfermat sentenza preċedenti tal-Verwaltungsgericht München, kienet diġà sostniet li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(3), flimkien mal-Artikolu 11(ċ) tad-Direttiva 2005/36, huma sodisfatti, ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011 – 22 B 10.2360, fil-punt 33, li tinsab: http://openjur.de/u/493661.html.

( 16 ) Qabel il-parentesi, hekk kif jingħad fil-qasam tal-matematika.

( 17 ) Definizzjoni li tinsab: http://www.oxfordlearnersdictionaries.com/definition/english/reason_1.

( 18 ) Definizzjoni li tinsab: http://dictionary.cambridge.org/dictionary/british/reason.

( 19 ) Għandu jiġi nnotat li verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-Artikolu 10 jużaw l-istess terminu, jew fil-forma fis-singolar jew fil-plural. Pereżempju, fil-forma fil-plural: “aus […] Gründen” (DE), “põhjustel” (ET), “dėl […] priežasčių” (LT), “z przyczyn” (PL); fil-forma fis-singolar: “por una razón” (ES), “pour un motif” (FR), “per una ragione” (IT).

( 20 ) Fil-każ preżenti, dan ikun ifisser li H. Angerer ikollu jispjega għalfejn għandu l-kwalifika ta’ “planender Baumeister” taħt id-dritt Awstrijak. Mistoqsija li jsegwi tkun jekk “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” għandhomx ikollhom tifsira oġġettiva jew soġġettiva.

( 21 ) Huwa għal din ir-raġuni li “sitwazzjonijiet” jew “każijiet” kienu jkunu termini iktar xierqa minn “raġunijiet”.

( 22 ) Wieħed jista’, pereżempju jaħseb f’raġunijiet oġġettivi, bħan-nuqqas ta’ inklużjoni aċċidentali mill-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropea ta’ kwalifika fil-punt 5.7 tal-Anness V jew raġunijiet soġġettivi bħal ċirkustanzi partikolari u eċċezzjonali familjari li ppermettew lill-applikant jikseb biss kwalifika mhux elenkata fl-Anness, minflok waħda elenkata fl-Anness.

( 23 ) Ara l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, COM(2002) 119 finali, ĠU C 181 E, p. 183, p. 188.

( 24 ) L-enfasi tiegħi.

( 25 ) Ara r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Frar 2004 dwar il-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (COM(2002)) 119 – C5-0133/2002 – 2002/0061(COD)), ĠU C 97 E, p. 230.

( 26 ) Ara l-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 10/2005 adottata mill-Kunsill fil-21 ta’ Diċembru 2004 bil-għan li tiġi adottata d-Direttiva 2005/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-… dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, ĠU 2005 C 58 E, p. 1, p. 122.

( 27 ) Ibid, p. 123.

( 28 ) Ara l-Komunikazzjoni tas-6 ta’ Jannar 2005 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE li tikkonċerna l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, COM(2004) 853 finali, p. 7.

( 29 ) L-Artikolu 49 TFUE li jikkostitwixxi il-Grundnorm tad-dritt ta’ stabbiliment, fit-terminoloġija eżatta ta’ P.-C. Müller-Graff, fi R. Streinz, EUV/AEUV, Beck, it-tieni edizzjoni, München 2012, Artikel 49 AEUV, punt 1.

( 30 ) C‑39/07, EU:C:2008:265

( 31 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2008:265, punt 37).

( 32 ) C‑31/00, EU:C:2002:35.

( 33 ) Ara s-sentenza Dreessen (EU:C:2002:35, punt 26).

( 34 ) Il-kliem tal-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2005/36 huma virtwalment identiku għal dak tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/384.

( 35 ) L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/384 jaqra kif ġej: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, l-attivitajiet fil-qasam ta’ l-arkitettura għandhom ikunu dawk l-attivitajiet li ssoltu jsiru taħt it-titolu professjonali ta’ perit”.

( 36 ) Ara s-sentenza Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia et (C‑111/12, EU:C:2013:100, punt 42). Ara wkoll id-digriet f’Mosconi u Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia (C‑3/02, EU:C:2004:224, punt 45). Bl-istess mod, l-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet Dreessen (C‑31/00, EU:C:2001:285, punt 4) iddikjara li: “L-għan tad-Direttiva mhux li jġib fis-seħħ l-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali fil-qasam tal-arkitettura. Din ma tagħtix definizzjoni ta’ x’inhu perit. Lanqas ma tistipula kriterji sabiex tkun definita l-professjoni.”

( 37 ) Peress li d-Direttiva 85/384 kellha biss tali sistema awtomatika, kif rajna iktar ’il fuq.

Fuq