EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0302

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-23 ta’ Ottubru 2014.
flyLAL-Lithuanian Airlines AS vs Starptautiskā lidosta Rīga VAS u Air Baltic Corporation AS.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Augstākās Tiesas Senāts.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari ‑ Regolament (KE) Nru 44/2001 ‑ Artikolu 31 ‑ Talba għal rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenza li tordna miżuri provviżorji jew kawtelatorji ‑ Artikolu 1(1) ‑ Kamp ta’ applikazzjoni ‑ Materji ċivili u kummerċjali ‑ Kunċett ‑ Talba ta’ kumpens għad-dannu li rriżulta minn allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea ‑ Tnaqqis fuq it-tariffi tal-ajruport ‑ Artikolu 22(2) ‑ Ġurisdizzjoni esklużiva ‑ Kunċett ‑ Tilwima fil-qasam tal-kumpanniji u tal-persuni ġuridiċi ‑ Deċiżjoni li jiġi konċess it-tnaqqis ‑ Artikolu 34(1) ‑ Motivi għar-rifjut ta’ rikonoxximent ‑ Ordni pubbliku tal-Istat fejn issir it-talba.
Kawża C‑302/13.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2319

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

23 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 31 — Talba għal rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenza li tordna miżuri provviżorji jew kawtelatorji — Artikolu 1(1) — Kamp ta’ applikazzjoni — Materji ċivili u kummerċjali — Kunċett — Talba ta’ kumpens għad-dannu li rriżulta minn allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea — Tnaqqis fuq it-tariffi tal-ajruport — Artikolu 22(2) — Ġurisdizzjoni esklużiva — Kunċett — Tilwima fil-qasam tal-kumpanniji u tal-persuni ġuridiċi — Deċiżjoni li jiġi konċess it-tnaqqis — Artikolu 34(1) — Motivi għar-rifjut ta’ rikonoxximent — Ordni pubbliku tal-Istat fejn issir it-talba”

Fil-Kawża C‑302/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākās Tiesas Senāts (il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura

flyLAL-Lithuanian Airlines AS, fi stralċ,

vs

Starptautiskā lidosta Rīga VAS,

Air Baltic Corporation AS,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur), E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Mejju 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal flyLAL-Lithuanian Airlines AS, fi stralċ, minn R. Audzevičius, advokatas, kif ukoll minn V. Skrastiņš u A. Guļajevs, advokāti,

għal Starptautiskā lidosta Rīga VAS, minn U. Zeltiņš, G. Lejiņš, M. Aljēns, S. Novicka, K. Zīle, advokāti,

għal Air Baltic Corporation AS, minn J. Jerņeva, D. Pāvila, u A. Lošmanis, advokāti, kif ukoll J. Kubilis, advokāta palīgs,

għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u I. Ņesterova, bħala aġenti,

għall-Gvern Litwan, minn A. Svinkūnaitė u D. Kriaučiūnas, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Sauka kif ukoll minn A.‑M. Rouchaud-Joët u I. Rubene, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1, 22(2), 34(1) u 35(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, flyLAL-Lithuanian Airlines AS, fi stralċ (iktar ’il quddiem, “flyLAL”), kumpannija rregolata mid-dritt Litwan, u, min-naħa l-oħra, Starptautiskā lidosta Rīga VAS (iktar ’il quddiem, “Starptautiskā lidosta Rīga”), kumpannija rregolata mid-dritt Latvjan li tamministra l-ajruport ta’ Riga (il-Latvja), u Air Baltic Corporation AS (iktar ’il quddiem, “Air Baltic”), kumpannija rregolata mid-dritt Latvjan, rigward talba għal rikonoxximent u eżekuzzjoni fil-Latvja ta’ sentenza ta’ qorti Litwana li tordna miżuri provviżorji jew kawtelatorji.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 6, 7, 16, 17 u 19 tar-Regolament Nru 44/2001 huma fformulati kif ġej:

“(6)

Sabiex jintlaħaq l-obbjettiv ta’ moviment liberu ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, huwa meħtieġ u xieraq li r-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-Rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jkun regolat minn strument legali tal-Komunità li jkun jorbot u direttament applikabbli.

(7)

L-iskop ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri il-materji prinċipali ċivili u kummerċjali apparti minn ċerti materji li jkunu ġew definiti.

[...]

(16)

Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni ta’ ġustizzja fil-Komunità tiġġustifika illi sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim.

(17)

Bis-saħħa ta’ l-istess prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, il-proċedura sabiex tiġi eżegwita fi Stat Membru wieħed sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun effiċjenti u malajr. Għal dan il-għan, id-dikjarazzjoni li ġudizzju huwa eżegwibbli għandha ssir virtwalment awtomatikament wara verifiki puramenti formali tad-dokumenti pprovduti, mingħajr ma jkun hemm possibiltà li l-qorti li tqajjem b’mozzjoni tagħha uħud mir-raġunijiet għan-non eżekuzzjoni b’dan ir-Regolament.

[...]

(19)

Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni [tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda f’din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem, il-‘Konvenzjoni ta’ Brussell’)] u dan ir-Regolament, u għandhom jintalbu għal dan il-għan disposizzjonijiet transitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussel mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u tal-[Ewwel Protokoll dwar l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1968 mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-verżjoni riveduta u emendata tiegħu (ĠU 1998, C 27, p. 28)] għandhom jibqgħu japplikaw ukoll f’każijiet diġa pendenti meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ.”

4

Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 44/2001 għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali. Huwa ma jkoprix, b’mod partikolari, l-oqsma tat-taxxa, tad-dwana jew dawk amministrattivi.

5

Skont l-Artikolu 5(3) u (4) ta’ dan ir-regolament:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[…]

3)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

4)

f’dak li għandu x’jaqsam ma’ talba għad-danni jew restituzzjoni bbażata fuq att li jagħti bidu għal proċedimenti kriminali, fil-qorti li jkollha l-pussess ta’ dawk il-proċedimenti, sal-limitu li dik il-qorti jkollha ġurisdizzjoni permezz tal-liġi tagħha li tilqa’ proċedimenti ċivili bħal dawk.”

6

Ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni jinsabu fil-Kapitolu II tal-imsemmi regolament. Is-Sezzjoni 6 ta’ dan il-kapitolu tinkludi r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni esklużiva. L-Artikolu 22 tal-istess regolament jipprevedi, b’mod partikolari:

“Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju:

[...]

2)

fi proċedimenti li jkollhom bħala l-obbjettiv tagħhom il-validità tal-kostituzzjoni, in-nullità jew id-dissoluzjoni ta’ kumpanniji jew ta’ persuni ġuridiċi oħra jew għaqdiet ta’ persuni naturali jew ġuridiċi, jew il-validità tad-deċiżjonijiet ta’ l-organi tagħhom, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih il-kumpannija, persuna ġuridika jew għaqda jkollha s-sede tagħhom. Sabiex tiġi determinata s-sede, il-qorti għandha tapplika r-regoli tal-liġi privata internazzjonali.”

7

L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi li l-miżuri provviżorji jew kawtelatorji li huma applikabbli skont il-liġi ta’ Stat Membru jistgħu jintalbu mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ dan l-Istat, anki jekk, skont dan ir-regolament, qorti ta’ Stat Membru ieħor ikollha l-ġurisdizzjoni fuq il-mertu tal-kawża.

8

L-Artikoli 33 sa 37 tar-Regolament Nru 44/2001 jirregolaw ir-rikonoxximent ta’ sentenzi. L-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-prinċipju li s-sentenzi mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru għandhom jiġu rikonoxxuti mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali. L-Artikoli 34 u 35 tal-imsemmi regolament jistabbilixxu r-raġunijiet għalfejn ir-rikonoxximent jista’, f’każijiet eċċezzjonali, jiġi rrifjutat.

9

L-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxi:

“Deċiżjoni m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jekk:

1)

jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

[...]”

10

L-Artikolu 35(1) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Aktar minn hekk, sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jew tmur kontra s-Sezzjonijiet 3, 4 jew 6 ta’ Kapitolu II, jew fil-każ li hemm disposizzjoni dwaru fl-Artikolu 72.”

11

L-Artikoli 36 u 45(2) tal-istess regolament jipprevedu li, għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni, fi Stat Membru, ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, din is-sentenza ma tistax tiġi riveduta fuq il-mertu.

Id-dritt Latvjan

12

Skont il-Liġi dwar l-Avjazzjoni Latvjana (Likums “Par aviāciju”), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru għandhom iħallsu tariffi, fost l-oħrajn, għall-użu tal-ajruporti.

13

Skont l-imsemmija liġi, l-iskema ta’ ffissar u ta’ tqassim tat-taxxi hija stabbilita mill-Kunsill tal-Ministri.

14

Il-punt 3.5 tad-Digriet Nru 20 tal-Kunsill tal-Ministri, tat-3 ta’ Jannar 2006, dwar id-determinazzjoni tat-taxxi għas-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru u s-servizzi pprovduti minn Starptautiskā lidosta Rīga u t-tqassim tagħhom (Latvijas Vēstnesis, 2006, no 10), jipprevedi li kull trasportatur li jwettaq titjiriet li jkollhom bħala destinazzjoni l-ajruport ta’ Riga u li jitilqu minnu jibbenefika minn tnaqqis, skont in-numru ta’ passiġġieri ttrasportati fi żmien sena minn dan l-ajruport.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, mill-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-osservazzjonijiet sottomessi fil-proċedura bil-miktub u fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija parti minn kontenzjuż usa’, pendenti quddiem il-Lietuvos apeliacinis teismas (Qorti tal-Appell tal-Litwanja). B’dan ir-rikors, flyLAL tixtieq tikseb kumpens għad-dannu li rriżulta, minn naħa, mill-abbuż minn pożizzjoni dominanti ta’ Air Baltic fis-suq tat-titjiriet li jitilqu jew li għandhom bħala destinazzjoni l-ajruport ta’ Vilnius (il-Litwanja) u, min-naħa l-oħra, minn akkordju antikompetittiv bejn il-konvenuti. Għal dan l-għan, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet miżuri provviżorji u kawtelatorji.

16

B’sentenza tal-31 ta’ Diċembru 2008, il-Lietuvos apeliacinis teismas laqgħet din it-talba u ddikjarat, b’mod provviżorju u kawtelatorju, it-tqegħid taħt sekwestru tal-beni mobbli u/jew immobbli u tad-drittijiet ta’ proprjetà ta’ Air Baltic u ta’ Starptautiskā lidosta Rīga għal ammont ta’ 199830000 litas Litwani (LTL), jiġifieri 40765320 lats Latvjani (LVL) (EUR 58 020 666.10).

17

B’deċiżjoni tad-19 ta’ Jannar 2012, ir-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (qorti distrettwali ta’ Vidzeme tal-belt ta’ Riga, il-Latvja) iddeċidiet li tikkonċedi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni fil-Latvja ta’ din is-sentenza, sa fejn kienet tirrigwarda t-tqegħid taħt sekwestru tal-beni mobbli u/jew immobbli u tad-drittijiet ta’ proprjetà ta’ Air Baltic u ta’ Starptautiskā lidosta Rīga. It-talba ta’ flyLAL rigward il-garanzija tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza ġiet miċħuda. Fl-appell, din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mir-Rīgas apgabaltiesas Civillietu tiesu kolēģija (Diviżjoni Ċivili tal-Qorti tal-Appell ta’ Riga, il-Latvja).

18

Ġew ippreżentati appelli kontra d-deċiżjoni tar-Rīgas apgabaltiesas Civillietu tiesu kolēģija quddiem il-qorti tar-rinviju. Starptautiskā lidosta Rīga u Air Baltic isostnu li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Lietuvos apeliacinis teismas tal-31 ta’ Diċembru 2008 jmorru kontra kemm ir-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku dwar l-immunità minn proċeduri ġudizzjarji kif ukoll kontra r-Regolament Nru 44/2001. Huma jallegaw li din il-kawża ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, peress li t-tilwima hija dwar tariffi tal-ajruport iffissati b’regoli tal-Istat, hija ma tirrigwardax materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal-imsemmi regolament. Din is-sentenza la għandha tiġi rikonoxxuta u lanqas eżegwita fil-Latvja. Bħala risposta, flyLAL tqis li r-rikors tagħha huwa ta’ natura ċivili, għaliex huwa intiż għall-ksib tal-kumpens għad-dannu li rriżulta mill-ksur tal-Artikoli 81 u 82 KE.

19

Minħabba n-natura tar-regoli li jiffissaw il-livelli ta’ tariffi tal-ajruport u ta’ tnaqqis fuqhom, il-qorti tar-rinviju tiddubita, qabel kollox, li l-kawża mressqa quddiemha hija kawża ċivili jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001. B’riferiment għas-soluzzjoni adottata fis-sentenza St. Paul Dairy (C‑104/03, EU:C:2005:255), hija fil-fatt issostni li sentenza li tordna miżuri provviżorji u kawtelatorji tista’ tiġi rrikonoxxuta abbażi ta’ dan ir-regolament biss jekk il-kawża li fiha ntalbu dawn il-miżuri tkun kawża ċivili jew kummerċjali fis-sens tal-imsemmi regolament.

20

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li t-tilwima fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, tqum, imbagħad, il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni esklużiva. L-Artikolu 22(2) tal-imsemmi regolament jipprevedi tali regola ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ validità tad-deċiżjonijiet tal-korpi ta’ kumpanniji jew ta’ persuni ġuridiċi li jkollhom is-sede tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru favur qrati ta’ dan l-Istat Membru. It-tnaqqis fuq it-tariffi tal-ajruport jiġi applikat permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda minn korpi ta’ kumpanniji kummerċjali. Għaldaqstant, teżisti, minn naħa, inċertezza f’dak li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni tal-qrati Litwani. Min-naħa l-oħra, peress li l-Artikolu 35(1) tal-istess regolament jipprojbixxi r-rikonoxximent tas-sentenzi jekk dawn jiksru r-regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hemmx lok li din il-kwistjoni tiġi eżaminata.

21

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi li sentenza ma għandhiex tiġi rrikonxxuta jekk dan ir-rikonoxximent imur manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru li fih qed jintalab ir-rikonoxximent. Fl-ewwel lok, is-somma mitluba hija kunsiderevoli, mingħajr ma s-sentenza tal-Lietuvos apeliacinis teismas tal-31 ta’ Diċembru 2008 tagħti spjegazzjonijiet fuq il-mod li bih ġew ikkalkolati s-somom inkwistjoni. Fit-tieni lok, ir-rikors huwa dirett kontra kumpanniji kummerċjali li l-Istat huwa azzjonist tagħhom. Peress li FlyLAL hija fi stralċ, fil-każ li r-rikors jiġi miċħud fuq il-mertu, Starptautiskā lidosta Rīga, Air Baltic u r-Repubblika tal-Latvja ma jkollhom l-ebda mod li jirkupraw it-telf li huma jsostnu minħabba l-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji u kawtelatorji ordnati permezz ta’ din is-sentenza. Tali ċirkustanzi jqiegħdu għaldaqstant dubju fuq il-konformità tar-rikonoxximent tal-imsemmija sentenza mal-ordni pubbliku tal-Istat ta’ rikonoxximent fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākās Tiesas Senāts iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Kawża li fiha rikorrent jitlob il-kumpens għad-danni u r-rikonoxximent tan-natura illegali tal-aġir tal-konvenuti, f’konnessjoni ma’ ftehim ipprojbit u ma’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u bbażat fuq l-applikazzjoni ta’ atti regolatorji ta’ portata ġenerali ta’ Stat Membru ieħor, għandha titqies fid-dawl tal-fatt li l-ftehim ipprojbit kien null u ineżistenti fil-mument li ġie konkluż, iżda wkoll tal-fatt li l-adozzjoni ta’ atti regolatorji hija attività eżerċitata mill-Istat fil-qasam tad-dritt pubbliku (acta iure imperii), li għaliha tapplika l-immunità ġudizzjarja tal-Istat fir-rigward tal-qrati ta’ Stat ieħor?

2)

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 1 (il-kawża hija ċivili jew kummerċjali fis-sens tar-Regolament [Nru 44/2001]), l-azzjoni ‘għad-danni’ għandha titqies bħala proċedura li għandha bħala għan il-validità tad-deċiżjonijet ta’ organi ta’ kumpanniji fis-sens tal-Artikolu 22(2) tal-imsemmi regolament, fatt li jippermetti li deċiżjoni ma tiġix rikonoxxuta skont l-Artikolu 35(1) tiegħu?

3)

Jekk l-għan tar-rikors għad-danni jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22(2) (ġurisdizzjoni esklużiva) tar-Regolament, il-qorti tal-Istat li fih qed jintalab ir-rikonoxximent hija obbligata tivverifika l-eżistenza taċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament, fil-każ tar-rikonoxximent ta’ sentenza li tadotta miżuri kawtelatorji?

4)

Il-klawżola ta’ ordni pubbliku li tinsab fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament tista’ tinftiehem fis-sens li r-rikonoxximent ta’ sentenza li tadotta miżuri kawtelatorji tmur kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru, jekk, l-ewwel nett, l-argument prinċipali insostenn tal-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji huwa l-ammont kunsiderevoli tas-somma indikata fir-rikors, li ma kinitx suġġetta għal kalkolu motivat u sostnut minn argumenti u, it-tieni nett, jekk ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ din id-deċiżjoni jista’ jfisser, għall-konvenuti, telf li dawn ma jkollhomx il-possibbiltà, fil-każ ta’ ċaħda tal-azzjoni ‘għad-danni’, li jirkupraw mingħand ir-rikorrenti, kumpannija kummerċjali fi stralċ, fatt li finalment iwassal għal preġudizzju fir-rigward tal-interessi ekonomiċi u għaldaqstant jhedded is-sigurtà tal-Istat li fih qed jintalab ir-rikonoxximent, fid-dawl tal-fatt li r-Repubblika tal-Latvja għandha 100 % tal-azzjonijiet ta’ Lidosta ‘Rīga’ u 52.6 % ta’ dawk ta’ AS ‘Air Baltic Corporation’?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

23

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija intiża għall-ksib tal-kumpens għad-dannu li rriżulta minn allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni taqax taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u tidħolx, konsegwentement, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

24

Qabel kollox għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġu żgurati, sa fejn huwa possibbli, l-ugwaljanza u l-uniformità tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 44/2001 kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati, jeħtieġ li l-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” ma jiġix interpretat bħala sempliċi riferiment għad-dritt intern ta’ wieħed jew ieħor mill-Istati kkonċernati. L-imsemmi kunċett għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat b’riferiment, minn naħa, għall-għanijiet u għall-istruttura tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li joħorġu mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata; Cartier parfums-lunettes u Axa Corporate Solutions Assurance, C‑1/13, EU:C:2014:109, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Hi Hotel HCF, C‑387/12, EU:C:2014:215, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Imbagħad, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 issa jissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tgħodd ukoll għal dawk ta’ dan ir-regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti jistgħu jiġu deskritti bħala ekwivalenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Sunico et, C‑49/12, EU:C:2013:545, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Brogsitter, C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 huwa, bħal dak tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, limitat għall-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”. Sabiex jiġi stabbilit jekk materja taqax jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, għandhom jiġu eżaminati l-elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet legali bejn il-partijiet fit-tilwima jew is-suġġett ta’ din (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Sapir et, C‑645/11, EU:C:2013:228, punti 32 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Sunico et, EU:C:2013:545, punti 33 u 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Mill-Artikolu 5(3) u (4) tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li, fil-prinċipju, l-azzjonijiet intiżi għall-ksib tal-kumpens għal dannu jaqgħu fil-materji ċivili u kummerċjali u jidħlu għaldaqstant fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Kif tfakkar il-premessa 7 tal-imsemmi regolament, huwa importanti li jiġu inklużi, fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan, il-materji ċivili u kummerċjali prinċipali, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti materji ddefiniti b’mod ċar. L-esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 jikkostitwixxu eċċezzjonijiet li, bħal kull eċċezzjoni, u fid-dawl tal-għan tal-imsemmi regolament, jiġifieri li jinżamm u jiġi żviluppat spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja billi jippromwovi l-moviment liberu tas-sentenzi, għandhom jiġu interpretati b’mod strett.

28

L-azzjoni mibdija minn flyLAL għandha bħala għan il-kumpens għad-dannu marbut ma’ allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. B’dan il-mod, hija taqa’ taħt id-dritt dwar ir-responsabbiltà ċivili għal delitti jew kważi delitti (ara, b’mod analogu, is-sentenza Sunico et, EU:C:2013:545, punt 37).

29

Għaldaqstant, rikors, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa intiż għall-kumpens għad-dannu li rriżulta mill-ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni, huwa ta’ natura ċivili u kummerċjali.

30

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, minkejja li ċerti tilwim bejn awtorità pubblika u persuna privata jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ materji ċivili u kummerċjali, dan ma huwiex minnu meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi tagħha (sentenzi Sapir et, EU:C:2013:228, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Sunico et, EU:C:2013:545, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi minn waħda mill-partijiet fit-tilwima, għaliex teżerċita setgħat li joħorġu mill-portata tar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi, jeskludi tali tilwima mill-materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, sentenza Apostolides, EU:C:2009:271, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

B’dan il-mod, f’dak li jirrigwarda tariffi għal navigazzjoni ta’ rotot, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kontrolli u s-sorveljanza tal-ispazju tal-ajru huma attivitajiet li jaqgħu min-natura tagħhom taħt is-setgħat pubbliċi u li jeżiġu, għat-twettiq tagħhom, l-eżerċizzju ta’ tali setgħat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SAT Fluggesellschaft, C‑364/92, EU:C:1994:7, punt 28).

33

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-provvista ta’ faċilitajiet ta’ ajruport, bi ħlas ta’ tariffa, tikkostitwixxi attività ta’ natura ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punt 78, kif ukoll Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig vs Il-Kummissjoni, C‑288/11 P, EU:C:2012:821, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, tali relazzjonijiet legali effettivament jaqgħu taħt il-materji ċivili u kummerċjali.

34

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tali konklużjoni la hija kontradetta bil-fatt li l-allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jirriżultaw minn dispożizzjonijiet legali, u lanqas bil-fatt li l-Istat għandu 100 % u 52.6 % mill-kapital tal-partijiet konvenuti fil-kawża prinċipali.

35

Fil-fatt, fl-ewwel lok, huwa irrilevanti li Starptautiskā lidosta Rīga hija suġġetta, fir-rigward tad-determinazzjoni tar-rati ta’ tariffi tal-ajruport u tat-tnaqqis fuqhom, għal dispożizzjonijiet legali ta’ applikazzjoni ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja. Dan il-fatt jirrigwarda, bil-kontra, ir-relazzjonijiet legali bejn dan l-Istat Membru u Starptautiskā lidosta Rīga, u ma jaffettwax ir-relazzjonijiet legali ta’ din tal-aħħar mal-kumpanniji tal-ajru li jibbenefikaw mis-servizzi tagħha.

36

Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tagħha, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex konsegwenza diretta tar-rikors għal kumpens, iżda l-iktar l-iktar jikkostitwixxi konsegwenza indiretta li tirriżulta minn kontroll bħala rimedju ta’ eċċezzjoni.

37

Fit-tieni lok, l-Istat Latvjan ma huwiex parti fl-istanza prinċipali u s-sempliċi kunsiderazzjoni li huwa azzjonist fl-imsemmija entitajiet ma jikkostitwixxix ċirkustanza ekwivalenti għal dik fejn l-imsemmi Stat Membru jeżerċita setgħat pubbliċi. Tali kunsiderazzjoni tgħodd iktar u iktar meta dawn l-entitajiet, ċertament miżmuma fil-biċċa l-kbira jew unikament mill-imsemmi Stat, jaġixxu bħal kwalunkwe operatur ekonomiku, kemm jekk ikun persuna fiżika jew ġuridika, li jopera fis-suq speċifiku. L-azzjoni mressqa b’dan il-mod hija diretta mhux kontra aġir jew proċeduri li jinvolvu eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi minn waħda mill-partijiet fit-tilwima, iżda kontra atti mwettqa minn individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Apostolides, EU:C:2009:271, punt 45).

38

Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiża għall-ksib tal-kumpens għad-dannu li rriżulta minn allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u tidħol, konsegwentement, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

39

Bit-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiża għall-ksib tal-kumpens għad-dannu li rriżulta minn allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, għandha titqies li tikkostitwixxi proċedura li għandha bħala suġġett il-validità tad-deċiżjonijiet ta’ korpi ta’ kumpanniji fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Jekk tingħata risposta fl-affermattiv, hija tistaqsi jekk, meta l-proċedura fuq il-mertu titressaq quddiem qorti differenti minn dik li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 22(2), id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien ta’ din id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 35 tal-imsemmi regolament jipprekludux ir-rikonoxximent ta’ sentenza ta’ din il-qorti l-oħra li tordna miżuri provviżorji u kawtelatorji.

40

Fir-rigward tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tiddeċiedi li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jkopri biss it-tilwimiet li fihom parti tikkontesta l-validità ta’ deċiżjoni ta’ korp ta’ kumpannija taħt id-dritt tal-kumpanniji applikabbli jew taħt id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-funzjonament tal-korpi tagħha (sentenza Hassett u Doherty, C‑372/07, EU:C:2008:534, punt 26).

41

Kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, essenzjalment, is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jirrigwarda talba ta’ kumpens għad-dannu li rriżulta minn allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u mhux il-validità, in-nullità jew id-dissoluzzjoni ta’ kumpanniji jew ta’ persuni ġuridiċi, jew il-validità tad-deċiżjonijiet tal-korpi tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 22(2) tal-imsemmi regolament.

42

Għaldaqstant ir-risposta għall-ewwel parti tat-tieni u t-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiża għall-ksib tal-kumpens għad-dannu li rriżulta minn allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, ma tikkostitwixxix proċedura li għandha bħala suġġett il-validità tad-deċiżjonijiet ta’ korpi ta’ kumpanniji fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

43

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel parti tat-tieni u t-tielet domandi, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni parti ta’ dawn, marbuta mal-Artikolu 35(1) tal-imsemmi regolament.

Fuq ir-raba’ domanda

44

Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-assenza ta’ motivazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont tas-somom li għalihom jirreferu l-miżuri provviżorji u kawtelatorji ddikjarati b’sentenza li għaliha ntalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, jew l-invokazzjoni ta’ konsegwenzi ekonomiċi serji, jikkostitwixxu motivi li jistabbilixxu ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat Membru fejn issir it-talba li jippermettu li jiġu rrifjutati r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, f’dan l-Istat Membru, ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor.

45

Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-premessi 16 u 17 tar-Regolament Nru 44/2001, is-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni prevista fih hija bbażata fuq il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni. Tali fiduċja teħtieġ li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fi Stat Membru jkunu mhux biss rikonoxxuti b’mod sħiħ fi Stat Membru ieħor, iżda wkoll li l-proċedura intiża sabiex tirrendi lil dawn id-deċiżjonijiet eżegwibbli f’dan l-aħħar Stat Membru tkun effettiva u rapida. Tali proċedura, skont il-premessa 17 ta’ dan ir-regolament, għandha tinvolvi biss sempliċi kontroll formali tad-dokumenti meħtieġa għall-attribuzzjoni tas-saħħa eżekuttiva fl-Istat Membru fejn issir it-talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prism Investments, C‑139/10, EU:C:2011:653, punti 27 u 28).

46

Imbagħad, skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, sentenza ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta jekk ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru fejn issir it-talba. Il-motivi ta’ kontestazzjoni li jistgħu jiġu invokati huma msemmija b’mod espliċitu fl-Artikoli 34 u 35 ta’ dan ir-regolament. Din il-lista, li l-elementi tagħha għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, hija ta’ natura eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Apostolides, EU:C:2009:271, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Prism Investments, EU:C:2011:653, punt 33).

47

Fl-aħħar nett, hija ġurisprudenza stabbilita li, filwaqt li l-Istati Membri, fil-prinċipju, jibqgħu liberi, bis-saħħa tar-riżerva fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jiddeterminaw, skont il-kunċetti nazzjonali tagħhom, il-ħtiġijiet tal-ordni pubbliku tagħhom, il-limiti ta’ dan il-kunċett jaqgħu taħt l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, minkejja li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddefinixxi l-kontenut tal-kunċett ta’ ordni pubbliku ta’ Stat Membru, hija għandha madankollu tikkontrolla l-limiti li fil-kuntest tagħhom il-qorti ta’ Stat Membru tista’ tuża dan il-kunċett sabiex ma tirrikonoxxix sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Krombach, C‑7/98, EU:C:2000:164, punti 22 u 23, kif ukoll Renault, C‑38/98, EU:C:2000:225, punti 27 u 28).

48

F’dan ir-rigward, billi jipprojbixxu reviżjoni fuq il-mertu ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, l-Artikoli 36 u 45(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprekludu lill-qorti tal-Istat fejn issir it-talba milli tirrifjuta li tirrikonoxxi jew teżegwixxi din is-sentenza għas-sempliċi raġuni li teżisti differenza bejn id-dispożizzjoni legali applikata mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini u dik li kienet tapplika l-qorti tal-Istat Membru fejn issir it-talba kieku t-tilwima tressqet quddiemha. Bl-istess mod, il-qorti tal-Istat fejn issir it-talba ma tistax tistħarreġ l-eżattezza tal-evalwazzjonijiet ta’ liġi u ta’ fatt li jkunu saru mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini (ara s-sentenza Apostolides, EU:C:2009:271, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Għandu jsir użu mill-klawżola ta’ ordni pubbliku, prevista fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 biss fil-każ li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor ivarjaw mill-ordinament ġuridiku tal-Istat fejn issir it-talba b’mod inaċċettabbli, peress li jippreġudikaw prinċipju fundamentali. Sabiex tiġi osservata l-projbizzjoni tar-reviżjoni fuq il-mertu ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, il-preġudizzju għandu jikkostitwixxi ksur manifest ta’ dispożizzjoni legali kkunsidrata li hija essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat fejn issir it-talba jew ta’ dritt rikonoxxut li huwa fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku (ara s-sentenza Apostolides, EU:C:2009:271, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar il-konsegwenzi li għandhom jiġu dedotti min-nuqqas ta’ motivazzjoni għall-modalitajiet ta’ determinazzjoni tal-ammont tas-somom li għalihom jirreferu l-miżuri provviżorji u kawtelatorji ddikjarati bis-sentenza li qed jintalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, dwar il-konsegwenzi marbuta mal-ammont ta’ dawn is-somom.

51

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-nuqqas ta’ motivazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq jeżiġi li kull deċiżjoni ġudizzjarja tiġi mmotivata, u dan sabiex il-konvenut ikun jista’ jifhem ir-raġunijiet għall-kundanna tiegħu u jippreżenta kontra tali deċiżjoni rikors xieraq u effettiv (sentenza Trade Agency, C‑619/10, EU:C:2012:531, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Għandu jiġi kkonstatat li l-portata tad-dmir ta’ motivazzjoni tista’ tvarja skont in-natura tad-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni u għandha tiġi eżaminata, fid-dawl tal-proċedura kkunsidrata b’mod globali u fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-garanziji proċedurali involuti f’din id-deċiżjoni, sabiex jiġi vverifikat jekk dawn tal-aħħar jiżgurawx li l-persuni kkonċernati jkollhom il-possibbiltà li jippreżentaw kontra l-imsemmija deċiżjoni rikors xieraq u effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Trade Agency, EU:C:2012:531, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata.).

53

F’dan il-każ, mill-informazzjoni kollha li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, l-elementi ta’ motivazzjoni ma humiex nieqsa, għaliex tista’ tiġi segwita l-linja ta’ raġunament li wasslet għad-determinazzjoni tal-ammont tas-somom inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, il-partijiet ikkonċernati kellhom il-possibbiltà li jibdew rikors kontra tali deċiżjoni u huma għamlu użu minn din il-possibbiltà.

54

Għaldaqstant, il-prinċipji elementari ta’ smigħ xieraq ġew ippreżervati u, konsegwentement, ma hemmx lok li jitqies li nkiser l-ordni pubbliku.

55

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-konsegwenzi marbuta mal-ammont tas-somom li għalihom jirreferu l-miżuri provviżorji u kawtelatorji ddikjarati bis-sentenza li qed jintalab ir-rikonoxximent tagħha, għandu jiġi enfasizzat, kif tfakkar fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, li l-kunċett ta’ ordni pubbliku għandu l-għan li jipprekludi ksur manifest ta’ dispożizzjoni legali meqjusa li hija essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat fejn issir it-talba jew ta’ dritt rikonoxxut li huwa fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku.

56

Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 84 u 85 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kunċett ta’ “ordni pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, huwa intiż sabiex jipproteġi interessi legali espressi permezz ta’ dispożizzjoni legali u mhux interessi purament ekonomiċi. Dan jgħodd ukoll meta, kif tfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, l-awtorità pubblika ġġib ruħha bħal operatur fis-suq, f’dan il-każ bħal azzjonist, u tesponi ruħha għal ċerti danni.

57

Jirriżulta, minn naħa, mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-konsegwenzi finanzjarji marbuta mal-ammont tat-telf possibbli diġà ġew diskussi quddiem il-qrati Litwani. Min-naħa l-oħra, kif tenfasizza l-Kummissjoni Ewropea, il-miżuri provviżorji u kawtelatorji, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkonsistu mhux fil-ħlas ta’ somma, iżda biss fis-sorveljanza tal-beni tal-konvenuti fil-kawża prinċipali.

58

Għaldaqstant, għandu jitqies li s-sempliċi invokazzjoni ta’ konsegwenzi ekonomiċi serji ma tikkostitwixxix ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat Membru fejn issir it-talba, fis-sens tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 4/2001.

59

Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li la l-modalitajiet ta’ determinazzjoni tal-ammont tas-somom li għalihom jirreferu l-miżuri provviżorji u kawtelatorji ddikjarati b’sentenza li qed jintalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħha, meta tkun tista’ tiġi segwita l-linja ta’ raġunament li wasslet għad-determinazzjoni tal-ammont tal-imsemmija somom, u anki meta rimedji ġudizzjarji kienu disponibbli u ġew eżerċitati sabiex jiġu kkontestati tali modalitajiet ta’ kalkolu, u lanqas is-sempliċi invokazzjoni ta’ konsegwenzi ekonomiċi serji ma jikkostitwixxu motivi li jistabbilixxu ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat Membru fejn issir it-talba li jippermettu li jiġu rrifjutati r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, f’dan l-Istat Membru, ta’ tali sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiża għall-ksib tal-kumpens għad-dannu li rriżulta minn allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u tidħol, konsegwentement, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

 

2)

L-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiża għall-ksib tal-kumpens għad-dannu li rriżulta minn allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, ma tikkostitwixxix proċedura li għandha bħala suġġett il-validità tad-deċiżjonijiet ta’ korpi ta’ kumpanniji fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

3)

L-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li la l-modalitajiet ta’ determinazzjoni tal-ammont tas-somom li għalihom jirreferu l-miżuri provviżorji u kawtelatorji ddikjarati b’sentenza li qed jintalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħha, meta tkun tista’ tiġi segwita l-linja ta’ raġunament li wasslet għad-determinazzjoni tal-ammont tal-imsemmija somom, u anki meta rimedji ġudizzjarji kienu disponibbli u ġew eżerċitati sabiex jiġu kkontestati tali modalitajiet ta’ kalkolu, u lanqas is-sempliċi invokazzjoni ta’ konsegwenzi ekonomiċi serji ma jikkostitwixxu motivi li jistabbilixxu ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat Membru fejn issir it-talba li jippermettu li jiġu rrifjutati r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, f’dan l-Istat Membru, ta’ tali sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

Fuq