Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0065

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Ottubru 2014.
Il-Parlament Ewropew vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni – Netwerk EURES – Setgħa ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea – Portata – Artikolu 291(1) TFUE.
Kawża C‑65/13.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2289

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

15 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Regolament (UE) Nru 492/2011 — Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni — Netwerk EURES — Setgħa ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea — Portata — Artikolu 291(1) TFUE”

Fil-Kawża C‑65/13,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fis-7 ta’ Frar 2013,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn A. Tamás u J. Rodrigues, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Enegren u C. Zadra, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts (Relatur), viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ April 2014,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Parlament Ewropew jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/733/UE tal-Kummissjoni, tas-26 ta’ Novembru 2012, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-approvazzjoni ta’ postijiet tax-xogħol battala u applikazzjonijiet għall-impjieg u l-istabbiliment mill-ġdid tal-EURES (ĠU L 328, p. 21, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 492/2011

2

Il-premessi 8 u 9 tar-Regolament Nru 492/2011 jipprovdu:

“(8)

Il-mekkaniżmu għall-ikklerjar ta’ postijiet vakanti, [għat-tqegħid f’kuntatt u għall-kumpens bejn applikazzjonijiet għal impjieg u pożizzjonijiet vakanti] partikolarment permezz tal-kooperazzjoni diretta bejn is-servizzi ċentrali tal-impjieg u wkoll bejn is-servizzi reġjonali, kif ukoll permezz tal-koordinazzjoni ta l-iskambju tal-informazzjoni jiżgura b’mod ġenerali stampa ċara tas-suq tax-xogħol. Il-ħaddiema li jkunu jixtiequ jispostaw ruħhom iridu wkoll ikunu regolarment infurmati dwar kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol.

(9)

Rabtiet mill-qrib jeżistu bejn il-moviment liberu tal-ħaddiema, l-impjieg u t-taħriġ professjonali, partikolarment fejn tal-aħħar jimmira li jqiegħed lill-ħaddiema f’qagħda li jkunu jistgħu jilqgħu offerti tal-impjieg minn reġjuni oħra tal-Unjoni.”

3

Skont l-Artikolu 11 tal-istess regolament:

“1.   [...]

Is-servizzi ċentrali tal-impjieg tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin u mal-Kummissjoni bil-għan li jaġixxu flimkien fir-rigward ta’ kklerjar ta’ postijiet vakanti u applikazzjonijiet għall-impjieg fi ħdan l-Unjoni u l-ippustjar riżultanti ta’ ħaddiema fl-impjieg.

2.   Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom jaħtru servizzi speċjalizzati li għandhom ikunu fdati bl-organizzazzjoni ta’ xogħol fl-oqsma li saret referenza għalihom fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 u jikkooperaw ma’ xulxin u mad-dipartimenti tal-Kummissjoni.

[...]”

4

L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar problemi li jinħolqu inkonnessjoni mal-moviment liberu u l-impjieg tal-ħaddiema, kif ukoll informazzjoni dwar l-istat u l-iżvilupp tal-impjieg.

2.   Il-Kummissjoni, filwaqt li tieħu inkonsiderazzjoni bl-aħjar mod possibbli l-opinjoni tal-Kumitat Tekniku msemmi fl-Artikolu 29 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘Kumitat Tekniku’), għandha tistabbilixxi l-mod li bih l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi mħejjija.

3.   Skont il-proċedura stabbilita mill-Kummissjoni, filwaqt li jieħu inkonsiderazzjoni bl-aħjar mod possibbli l-opinjoni tal-Kumitat Tekniku, is-servizz speċjalizzat ta’ kull Stat Membru għandu jibgħat lis-servizzi speċjalizzati tal-Istati Membri l-oħra u lill-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni msemmi fl-Artikolu 18, l-informazzjoni li tikkonċerna l-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol u l-istat tas-suq tax-xogħol li tista’ tkun ta’ gwida għall-ħaddiema mill-Istati Membri l-oħra. Din l-informazzjoni għandha tiġi aġġornata regolarment.

[...]”

5

L-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 492/2011 jipprovdi:

“1.   Is-servizz speċjalizzat ta’ kull Stat Membru għandu regolarment jibgħat lis-servizzi speċjalizzati tal-Istati Membri l-oħra u lill-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni msemmi fl-Artikolu 18:

(a)

dettalji tal-postijiet vakanti li jistgħu jimtlew minn persuni ta’ nazzjonalità ta’ Stati Membri oħra;

(b)

dettalji tal-postijiet vakanti indirizzati lil pajjiżi terzi;

(ċ)

dettalji ta’ l-applikazzjonijiet għal xogħol ta’ dawk li esprimew formalment ix-xewqa li jaħdmu fi Stat Membru ieħor;

(d)

informazzjoni, skont ir-reġjun u l-fergħa tal-attività, dwar applikanti li ddikjaraw lilhom infushom lesti jaċċettaw xogħol f’pajjiż ieħor.

Is-servizz speċjalizzat ta’ kull Stat Membru għandu jgħaddi din l-informazzjoni lis-servizzi u l-aġenziji ta’ xogħol xierqa kemm jista’ jkun malajr.

2.   Id-dettalji ta’ postijiet vakanti u applikazzjonijiet li għalihom saret referenza f’paragrafu 1 għandhom jiġu ċċirkolati skont sistema uniformi li għandha titwaqqaf mill-Uffiċċju Ewropew għall-Ko-ordinazzjoni, b’kollaborazzjoni mal-Kumitat Tekniku.

Din is-sistema tista’ tigi adattata jekk ikun meħtieġ.”

6

L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 492/2011, li huwa l-uniku artikolu fit-Taqsima 3 ta’ dan ir-regolament intitolata “Miżuri biex jiġi kkontrollat il-bilanċ tas-suq tax-xogħol”, jipprovdi:

“1.   Fuq bażi ta’ rapport mill-Kummissjoni ppreparat a bażi ta’ informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri, dawn ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni għandhom mill-inqas darba fis-sena janalizzaw flimkien ir-riżultati ta’ l-arranġamenti tal-Komunità dwar il-postijiet vakanti u l-applikazzjonijiet.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw mal-Kummissjoni l-possibbiltajiet kollha biex tingħata prijorità lil ċittadini ta’ Stati Membri meta jimtlew postijiet vakanti għall-impjieg sabiex jinkiseb bilanċ bejn il-postijiet vakanti u applikazzjonijiet għall-impjieg fi ħdan l-Unjoni. Huma għandhom jadottaw kull miżura neċessarja għal dan il-għan.

[...]”

7

L-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 492/2011 jipprovdi:

“L-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni [...], stabbilit fi ħdan il-Kummissjoni għandu jkollu l-kompitu ġenerali li jippromwovi kklerjar ta’ postijiet vakanti fuq il-livell tal-Unjoni. Huwa għandu jkun responsabbli, partikolarment, għad-doveri tekniċi kollha f’dan il-qasam li, taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, huma assenjati lill-Kummissjoni, u speċjalment sabiex jgħin is-servizzi tal-impjieg nazzjonali.

Huwa għandu jagħti fil-qosor l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 12 u 13 u d-data li toħroġ mill-istudji u riċerka mwettqa b’konformità mal-Artikolu 11, sabiex joħroġ fid-deher kwalunkwe fatt utli dwar żviluppi mbassra fuq is-suq tax-xogħol tal-Unjoni [...]”

8

Skont l-Artikolu 19(1) tal-imsemmi regolament:

“L-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni għandu jkun responsabbli, partikolarment:

(a)

biex jikkoordina l-mizuri prattiċi neċessarji għall-ikklerjar ta’ postijiet vakanti [kumpens ta’ pożizzjonijiet vakanti] fuq il-livell tal-Unjoni u biex janalizza l-movimenti riżultanti tal-ħaddiema;

[...]”

9

L-Artikolu 20 tal-istess regolament jistabbilixxi:

“Il-Kummissjoni tista’, bi ftehim mal-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru, u skont il-kondizzjonijiet u proċeduri li hija għandha tiddetermina fuq il-bażi tal-Opinjoni tal-Kumitat Tekniku, torganizza żjarat u inkarigi għall-uffiċjali ta’ Stati Membri oħra u wkoll programmi avvanzati għall-persunal speċjalizzat.”

10

L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 492/2011 jistabbilixxi Kumitat Konsultattiv li huwa responsabbli biex jassisti lill-Kummissjoni fl-eżami ta’ kwistjonijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-miżuri meħuda għall-implementazzjoni tiegħu, fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema u l-impjieg tagħhom.

11

L-Artikolu 29 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi Kumitat Tekniku li għandu jkun responsabbli għall-assistenza lill-Kummissjoni biex tħejji, tippromwovi u ssegwi x-xogħol u l-miżuri tekniċi kollha sabiex jingħata effett lil dan ir-regolament u kwalunkwe miżura supplimentari.

12

L-Artikolu 38 tal-istess regolament jipprovdi li:

“Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri b’konformità ma’ dan ir-Regolament għall-implimentazzjoni tiegħu. Għal dan il-għan, hija għandha taġixxi b’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet pubbliċi ċentrali tal-Istati Membri.”

Id-deċiżjoni kkontestata

13

Il-premessi 4 u 7 tad-deċiżjoni kkontestata jistabilixxu:

“(4)

Il-EURES għandu jippromwovi t-tħaddim aħjar tas-swieq tax-xogħol u li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ekonomiċi billi jħeffef il-mobbiltà ġeografika transnazzjonali u transkonfinali tal-ħaddiema, filwaqt li jiżgura mobbiltà b’kundizzjonijiet ġusti u li jiġu rispettati l-istandards applikabbli tax-xogħol. Dan għandu jagħti aktar trasparenza fis-swieq tax-xogħol, jiżgura l-iskambju u l-ipproċessar tal-postijiet tax-xogħol battala u l-applikazzjonijiet għall-impjieg (jiġifieri ‘approvazzjoni’ jew ‘tqabbil’ skont it-tifsira tar-Regolament) u jappoġġa attivitajiet fl-oqsma tar-reklutaġġ, il-pariri u l-gwida fuq livell nazzjonali u transkonfinali, u b’hekk ikun qed jagħti sehmu biex jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.

(7)

It-tneħħija tal-monopolji u żviluppi oħrajn wasslet biex fis-suq tax-xogħol inħolqot firxa wiesgħa ta’ fornituri tas-servizzi tax-xogħol. Biex jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu, il-EURES jeħtieġlu jinfetaħ għall-parteċipazzjoni ta’ dawn l-operaturi, filwaqt li jimpenja ruħu biex jirrispetta bis-sħiħ l-istandards tax-xogħol u r-rekwiżiti legali applikabbli, u standards oħrajn tal-EURES dwar il-kwalità.”

14

L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“Biex tissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 il-Kummissjoni għandha flimkien mal-Istati Membri tistabbilixxi u tħaddem netwerk Ewropew tas-servizzi tax-xogħol, imsemmi EURES.”

15

L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi:

“Għall-ġid ta’ dawk li qed ifittxu xogħol, il-ħaddiema u l-impjegaturi, il-EURES f’koperazzjoni kif xierqa ma’ servizzi jew netwerks Ewropej oħrajn għandu jippromwovi:

[...]

(b)

l-approvazzjoni u kollokament fuq livell transnazzjonali, interreġjonali u transkonfinali permezz tal-iskambju ta’ postijiet tax-xogħol battala u applikazzjonijiet għall-impjieg, u l-parteċipazzjoni f’attivitajiet immirati ta’ mobbiltà fuq livell ta’ UE;

[...]

(d)

l-iżvilupp ta’ miżuri li jħeġġu u jħeffu l-mobbiltà tal-ħaddiema żgħażagħ;

[...]”

16

Skont l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, EURES jinkludi wkoll, minbarra l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni u l-Membri tal-EURES (is-servizzi speċifiċi ta’ speċjalisti maħtura mill-Istati Membri jiġifieri l-uffiċċji nazzjonali għall-koordinazzjoni):

“[...]

(c)

l-imsieħba tal-EURES, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011. L-Imsieħba tal-EURES jinħatru mill-Membru rispettiv tal-EURES u jistgħu jinkludu fornituri pubbliċi jew privati tas-servizz attivi fil-qasam rilevanti tal-kollokament u l-impjiegi, u trejdunjins u organizzazzjonijiet tal-[persuna li timpjega]. Biex jikkwalifika, Imsieħeb tal-EURES irid jimpenja ruħu li jissodisfa r-rwoli u r-responsabbiltajiet stabbiliti fl-Artikolu 7;

(d)

l-Imsieħba Assoċjati tal-EURES, li f’konformità mal-Artikolu 6 jagħtu servizzi limitati taħt is-sorveljanza u r-responsabbiltà ta’ Msieħeb tal-EURES jew tal-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni.”

17

Skont l-Artikolu 4(3) tad-deċiżjoni kkontestata, l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni:

“b’mod parikolari:

[...]

(b)

[...] jagħmel analiżi tal-mobbiltà ġeografika u okkupazzjonali, fid-dawl tal-kisba ta’ bilanċ bejn il-provvista u d-domanda, u l-iżvilupp ta’ approċċ ġenerali għall-mobbiltà skont l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol;

[...]”

18

L-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“1.   Il-firxa sħiħa ta’ servizzi tal-EURES għandha tinkludi r-reklutaġġ, it-tqabbil tal-impjiegi u l-kollokazzjoni, li jkopru l-fażijiet kollha tal-kollokament mit-tħejjija ta’ qabel ir-reklutaġġ sal-għajnuna wara l-kollokament, u informazzjoni u pariri relatati.

2.   Dawn għandhom jingħataw f’aktar dettall fil-Katalgu tas-Servizzi tal-EURES li għandu jkunu parti mill-Karta tal-EURES kif inhu stabbilit fl-Artikolu 10 u għandu jkun fih is-servizzi universali li jagħtu l-Imsieħba kollha tal-EURES u servizzi komplementari.

3.   Is-servizzi universali huma dawk stabbiliti fil-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, b’mod partikolari l-Artikoli 12(3) u 13. Is-servizzi komplementari mhumiex obbligatorji skont it-tifsira tal-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, iżda jaqdu ħtiġijiet importanti tas-suq tax-xogħol.

[...]”

19

L-Artikolu 8 tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi:

“1.   Il-Bord tal-Ġestjoni tal-EURES għandu jassisti lill-Kummissjoni, lill-Uffiċċju Ewropew tiegħu tal-Koordinazzjoni u lill-Uffiċċji Nazzjonali għall-Koordinazzjoni fil-promozzjoni u s-sorveljanza tal-iżvilupp tal-EURES.

[...]

7.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Bord tal-Ġestjoni tal-EURES dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ippjanar strateġiku, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tas-servizzi u l-attivitajiet imsemmija f’din id-Deċiżjoni, inkluż:

(a)

il-Karta tal-EURES, skont l-Artikolu 10;

(b)

l-istrateġiji, l-għanijiet operattivi u l-programmi ta’ ħidma għan-netwerk EURES;

(c)

ir-rapporti tal-Kummissjoni mitluba bl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011.”

20

L-Artikolu 10 tal-imsemmija deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-Karta tal-EURES skont il-proċeduri preskritti fl-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 19(1), u l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, wara konsultazzjoni mal-Grupp tal-Ġestjoni tal-EURES stabbilit bl-Artikolu 8 ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Abbażi tal-prinċipju li l-postijiet tax-xogħol battala u l-applikazzjonijiet għall-impjieg li jsiru pubbliċi minn xi Membri tal-EURES għandhom ikunu aċċessibbli fl-Unjoni kollha, il-Karta tal-EURES għandha b’mod partikolari tistabbilixxi:

(a)

il-Katalgu tas-Servizzi tal-EURES li jiddeskrivi s-servizzi universali u komplementari li jridu jingħataw mill-Membri u l-Imsieħba tal-EURES, inklużi s-servizzi ta’ tqabbil tal-impjiegi, bħall-għoti personalizzat ta’ konsulenza u pariri lill-klijenti, sew jekk ikunu persuni jfittxu xogħol, ħaddiema jew impjegaturi;

[...]

(d)

l-għanijiet ta’ operazzjoni tas-sistema EURES, l-istandards ta’ kwalità li għandhom jiġu applikati kif ukoll l-obbligazzjonijiet tal-membri u l-imsieħba EURES, li jinkludu:

[...]

(ii)

it-tip ta’ informazzjoni, bħal informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol, informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, informazzjoni dwar offerti u talbiet għax-xogħol, informazzjoni dwar esperjenzi ta’ taħriġ u apprentistati, miżuri biex jħeġġu l-mobbiltà taż-żgħażagħ, il-kisba tal-ħiliet, u ostakli għall-mobbiltà, li jridu jagħtu lill-klijenti tagħhom u lill-bqija tan-netwerk, f’koperazzjoni ma’ servizzi jew networks Ewropej oħra rilevanti;

(iii)

id-deskrizzjonijiet tal-ħidma u l-kriterji biex jinħatru l-koordinaturi nazzjonali, il-konsulenti tal-EURES u l-persunal ewlieni ieħor fuq livell nazzjonali;

(iv)

it-taħriġ u l-kwalifikazzjonijiet meħtieġa għall-persunal tal-EURES u l- kondizzjonijiet u l-proċeduti għall-organizzazzjoni ta’ żjarat u assenjamenti għall-uffiċjali;

[...]”

It-talbiet tal-partijiet

21

Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors, u

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

23

Sussidjarjament, il-Kummissjoni titlob, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ kompletament jew parzjalment ir-rikors, li jinżammu l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata jew tad-dispożizzjonijiet annullati tagħha, sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli, ta’ deċiżjoni ġdida intiża li tissostitwiha.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

24

Insostenn tar-rikors tiegħu, il-Parlament jinvoka motiv uniku bbażat fuq ksur tal-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 492/2011 u fuq l-użu ħażin tas-setgħa ta’ implementazzjoni li l-leġiżlatur ta lill-Kummissjoni skont dan artikolu.

25

Il-Parlament ifakkar, preliminarjament, li l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 492/2011 jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta miżuri ta’ implementazzjoni “b’konformità ma’ dan ir-Regolament għall-implimentazzjoni tiegħu”. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ried għalhekk jillimita s-setgħa ta’ implementazzjoni għall-minimu neċessarju. Għaldaqstant, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tipprova ttejjeb il-qafas stabbilit b’dak ir-regolament, permezz ta’ atti ta’ implementazzjoni. Fil-fatt, fl-istruttura normattiva tat-trattat, att ta’ implementazzjoni li jaqa’ taħt l-Artikolu 291 TFUE huwa mistenni li jimplementa biss ir-regoli eżistenti tal-att bażiku, mingħajr, madankollu ma jikkompletah.

26

Il-Parlament jagħmel riferiment imbagħad għal sitt artikoli tad-deċiżjoni kkontestata li, fl-opinjoni tiegħu, jikkompletaw ċerti elementi tar-Regolament Nru 492/2011 u jeċċedu għalhekk is-setgħa ta’ implementazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 492/2011.

27

L-ewwel nett, il-Parlament isostni li l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(b) u (d), tad-deċiżjoni kkontestata jirriflettu l-għażliet politiċi, fis-sens li jippermettu li l-attivitajiet ta’ EURES jiġu ċċentralizzati billi jrendu prijoritarji ċerti kategoriji ta’ ħaddiema fil-kuntest tal-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ kumpens implementat mir-Regolament Nru 492/2011. Il-promozzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà mmirati u l-iżvilupp ta’ miżuri li jħeġġu u jħaffu l-mobbiltà tal-ħaddiema żgħażagħ, ma jirriżultawx mill-imsemmi regolament, li ma jagħti prijorità lil ebda grupp speċifiku.

28

It-tieni nett, il-Parlament jikkontesta s-setgħa tal-Kummissjoni li tiftaħ in-netwerk EURES għall-entitajiet privati, kif previst fl-Artikolu 3(c) tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, tali ftuħ jbiddel il-qafas stabbilit minn qabel mir-Regolament Nru 492/2011. Skont il-Parlament, dan ir-regolament huwa intiż biss għall-atturi tas-settur pubbliku fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ kumpens li ġie stabbilit mill-imsemmi regolament.

29

It-tielet nett, il-Parlament jargumenta li l-kompitu li l-Artikolu 4(3)(b) tad-deċiżjoni kkontestata jimponi fuq l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni huwa li jiżviluppa “approċċ ġenerali għall-mobbiltà” jeċċedi kunsiderevolment is-setgħa ta’ implementazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament Nru 492/2011. Fil-fatt, skont l-Artikoli 18 u 19 ta’ dan ir-Regolament Nru 492/2011, dispożizzjonijiet li jiddistingwu bejn il-Kummissjoni u l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni stabbilit fi ħdan il-Kummissjoni, il-kompiti li huma imposti fuq dan tal-aħħar huma limitati u ta’ natura purament teknika jew amministrattiva. L-imsemmi Regolament Nru 492/2011 ma jipprevedi ebda azzjoni konkreta ta’ programmazzjoni għal-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni.

30

Ir-raba’ nett, il-Parlament isostni li l-Kummissjoni ssostitwiet ruħha għal-leġiżlatur tal-Unjoni billi introduċiet fl-Artikolu 7(2) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata, il-kunċett ta’ “servizzi komplimentari”. Minn naħa waħda, mid-definizzjoni ta’ “servizz universali”, fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(3) tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta a contrario, li s-servizzi komplementari ma humiex intiżi mir-Regolament Nru 492/2011. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn dawn tal-aħħar huma koperti minn dan ir-regolament, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jipprevedix id-distinzjoni bejn id-diversi servizzi skont jekk jurux natura obbligatorja jew mhux obbligatorja. Il-Parlament jinnota wkoll li s-servizzi komplementari, minkejja li ma humiex obbligatorji, ma humiex neqsin minn effett ġuridiku. F’dan ir-rigward, jirreferi għall-Artikolu 6(5) tad-deċiżjoni kkontestata.

31

Il-ħames nett, il-Parlament jargumenta li, permezz tal-Artikolu 8(7) tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprevedi l-konsultazzjoni mill-Kummissjoni tal-Bord tal-Ġestjoni tal-EURES dwar numru ta’ kwistjonijiet, il-Kummissjoni ħolqot struttura kważi komitoloġika għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 492/2011, filwaqt li l-Artikolu 38 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-Kummissjoni għandha taġixxi b’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet pubbliċi ċentrali tal-Istati Membri.

32

Il-Parlament jistaqsi jekk, b’mod ġenerali, att ta’ implementazzjoni huwiex adattat biex joħloq, fih innifsu, qafas istituzzjonali li jaffettwa l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni ta’ atti sussegwenti, anki fil-każ meta dawn ikunu “atti ta’ implementazzjoni” fis-sens l-iktar strett possibbli, jiġifieri f’waqthom u purament tekniċi.

33

Fi kwalunkwe każ, parti tad-domandi li fuqhom għandu jiġi kkonsultat il-Bord tal-Ġestjoni tal-EURES, bħalma hija l-pjanifikazzjoni strateġika jew l-adozzjoni tal-Karta tal EURES, jirrigwardaw elementi li la jkunu f’waqthom u lanqas purament tekniċi, iżda li jikkompletaw ir-Regolament Nru 492/2011.

34

Anki jekk jiġi preżunt li l-Karta tal-EURES tinkludi miżuri li jaqgħu taħt atti ta’ implementazzjoni li l-Kummissjoni tista’ tadotta skont l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 492/2011 — quod non — l-Artikolu 10(1) tad-deċiżjoni kkontestata billi jipprevedi l-konsultazzjoni mal-Bord tal-Ġestjoni tal-EURES, iżid kundizzjoni proċedurali ġdida għall-adozzjoni ta’ tali miżuri li ma tirriżultax mill-Artikolu 38 tal-imsemmi regolament.

35

Barra minn hekk, skont il-Parlament, l-organi neċessarji, intiżi sabiex jassistu lill-Kummissjoni fl-implementazzjoni tal-politika li taqa’ taħt ir-Regolament Nru 492/2011, diġà ġew maħluqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Fil-fatt, il-Kumitat Konsultattiv u l-Kumitat Tekniku, rispettivament imsemmijin fl-Artikoli 21 u 29 ta’ dan ir-regolament għandhom dan il-għan. Minn dan jirriżulta li l-eżistenza ta’ koinċidenza potenzjali bejn minn naħa waħda, il-kompetenzi tal-imsemmija Kumitat Konsultattiv u Kumitat Tekniku u, min-naħa l-oħra, dawk tal-Bord tal-Ġestjoni tal-EURES li jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni ma hijiex awtorizzata tikkompleta dan il-qafas istituzzjonali kif jirriżulta mir-Regolament Nru 492/2011, mingħajr l-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

36

Is-sitt nett, fir-rigward tal-Karta tal-EURES li l-Artikolu 10 tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi l-adozzjoni tagħha, il-Parlament jargumenta, minn naħa waħda, li l-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jispeċifika li hija għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skont il-proċeduri ddefiniti fl-Artikoli 12, 13, 19 u 20 tar-Regolament Nru 492/2011. Għalhekk, il-Kummissjoni tat lilha nfisha kompetenzi ta’ implementazzjoni u ddeterminat il-proċedura applikabbli għall-adozzjoni tal-imsemmija Karta, filwaqt li l-għoti ta’ dawn il-kompetenzi ta’ implementazzjoni u d-determinazzjoni ta’ din il-proċedura jaqgħu fil-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Fil-fatt, peress li jinsab bejn ir-Regolament Nru 492/2011 u l-Karta tal-EURES futura, l-Artikolu 10 tad-deċiżjoni kkontestata jitlef kull natura implementattiva fis-sens tal-Artikolu 291 TFUE. Skont il-Parlament, il-Karta tal-EURES ser tkun is-suġġett ta’ att separat li ser ikun ibbażat wkoll fuq l-Artikolu 38 tal-imsemmi regolament.

37

Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-kontenut tal-Artikolu 10 tad-deċiżjoni kkontestata, dan fih elementi li jispeċifikaw ulterjorment il-portata Artikoli 12, 13, 19 u 20 tar-Regolament Nru 492/2011. Mill-imsemmi Artikolu 10(2)(d) jirriżulta li l-Karta tal-EURES ser ikun fiha obbligi ġuridiċi għall-membri u l-imsieħba tal-EURES. Filwaqt li, skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 492/2011 “l-informazzjoni li tikkonċerna l-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol u l-istat tas-suq tax-xogħol li tista’ tkun ta’ gwida għall-ħaddiema” għandhom jiġu forniti “skont il-proċedura stabbilita mill-Kummissjoni”, l-Artikolu 10(2)(d)(ii) tad-deċiżjoni kkontestata jispeċifika l-kontenut ta’ din it-tip ta’ informazzjoni lil hinn mill-formulazzjoni ġenerali tar-Regolament Nru 492/2011. Tabilħaqq, dan huwa kkompletat, b’mod simili, bil-paragrafu (2)(d)(iii) u (iv) tal-Artikolu 10 tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna l-kriterji biex jinħatar, jew it-taħriġ u l-kwalifiki meħtieġa għall-persunal tal-EURES.

38

Il-Kummissjoni twieġeb li d-deċiżjoni kkontestata tikkonforma bis-sħiħ mal-Artikolu 291 TFUE u ma teċċedix is-setgħa ta’ implementazzjoni kif stabbilita u llimitata mir-Regolament Nru 492/2011.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Osservazzjonijiet preliminari

39

Skont l-Artikolu 291(1) TFUE meta jkun hemm bżonn ta’ kundizzjonijiet uniformi għall-implementazzjoni tal-atti tal-Unjoni li huma legalment vinkolanti, dawn l-atti jagħtu kompetenzi ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni jew, fil-każijiet speċifiċi debitament iġġustifikati u fil-każijiet previsti fl-Artikoli 24 u 26 TUE, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

40

L-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 492/2011 jagħti lill-Kummissjoni setgħa ta’ implementazzjoni skont l-Artikolu 291(2) TFUE. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 38 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ implementazzjoni neċessarji għall-implementazzjoni ta’ dan ir-regolament.

41

Id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 492/2011 u tinkludi, skont l-Artikolu 291(4) TFUE t-terminu “ta’ implementazzjoni” fit-titolu tagħha.

42

Kuntrarjament għar-rikors li wassal għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill (C-427/12, EU:C:2014:170), dan ir-rikors ma jikkonċernax il-legalità tal-għażla eżerċitata mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta jagħti setgħa ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 291(1) TFUE minflok ma jagħtiha setgħa ddelegata skont l-Artikolu 290(1) TFUE. Dan ir-rikors jirrigwarda l-legalità tal-att ta’ implementazzjoni, jiġifieri d-deċiżjoni kkontestata, ibbażata fuq l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 492/2011, peress li l-Kummissjoni eċċediet is-setgħa ta’ implementazzjoni li ġiet mogħtija lilha minn din l-aħħar dispożizzjoni u l-Artikolu 291 TFUE.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li s-setgħa ta’ implementazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni hija fl-istess ħin limitata mill-Artikolu 291(1) TFUE u mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 492/2011. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, iddeċidiet li, meta s-setgħa ta’ implementazzjoni tingħata lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 291(1) TFUE, din għandha l-obbligu li tippreċiża l-kontenut tal-att leġiżlattiv, sabiex tiżgura l-implementazzjoni tiegħu f’kundizzjonijiet uniformi fl-Istati Membri kollha (is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill, EU:C:2014:170, punt 39).

44

Sussegwentement, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest tas-setgħa ta’ implementazzjoni tagħha, li l-limiti tagħha għandhom jiġu evalwati b’mod partikolari skont l-għanijiet ġenerali essenzjali tal-att leġiżlattiv inkwistjoni, il-Kummissjoni hija awtorizzata li tadotta l-miżuri kollha neċessarji jew utili għall-implementazzjoni tal-imsemmi att, sakemm dawn ma jkunux kuntrarji għalih (is-sentenzi Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑478/93, EU:C:1995:324, punti 30 u 31; Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑159/96, EU:C:1998:550, punti 40 u 41; Il-Parlament vs Il-Kummissjoni, C‑403/05, EU:C:2007:624, punt 51; kif ukoll Il-Parlament u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, C-14/06 u C-295/06, EU:C:2008:176, punt 52).

45

Barra dan, minn qari flimkien tal-Artikoli 290(1) TFUE u 291(2) TFUE jirriżulta li l-Kummissjoni, billi teżerċita setgħa ta’ implementazzjoni, ma tista’ la temenda u lanqas tikkompleta l-att leġiżlattiv, anki fir-rigward tal-elementi mhux essenzjali tiegħu.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni tispeċifika l-att leġiżlattiv skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 ta’ din is-sentenza jekk id-dispożizzjonijiet tal-att ta’ implementazzjoni li hija tadotta, minn naħa waħda, jirrispettaw l-għanijiet ġenerali essenzjali tal-att leġiżlattiv u, min-naħa l-oħra, jkunu neċessarji jew utli għall-implementazzjoni tiegħu mingħajr ma jikkompletawh jew jemendawh.

47

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat il-motiv uniku mqajjem mill-Parlament insostenn tar-rikors tiegħu.

Fuq il-punt dwar jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati jirrispettawx l-għanijiet ġenerali essenzjali tar-Regolament Nru 492/2011.

48

Skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistabbilixxu u jiġġestixxu network Ewropew ta’ servizzi tal-impjieg, imsejjaħ “EURES”, bil-għan li jiġu sodisfatti l-obbligi previsti fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 492/2011.

49

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata tirrispettax l-għanijiet ġenerali essenzjali tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, intitolat “l-Ikklerjar [kumpens] ta’ postijiet vakanti u applikazzjonijiet għall-impjieg”.

50

Kif jirriżulta mill-premessi 8 u 9 tar-Regolament Nru 492/2011, l-għan ġenerali essenzjali tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament huwa “li jqiegħed lill-ħaddiema f’qagħda li jkunu jistgħu jilqgħu offerti tal-impjieg minn reġjuni oħra tal-Unjoni” billi “jiżgura b’mod ġenerali stampa ċara tas-suq tax-xogħol”. Tali trasparenza għandha tintlaħaq, skont l-imsemmija premessa 8, permezz tal-“mekkaniżm[i] għall-ikklerjar [kumpens] ta’ postijiet vakanti, partikolarment permezz tal-kooperazzjoni diretta bejn is-servizzi ċentrali tal-impjieg u wkoll bejn is-servizzi reġjonali, kif ukoll permezz tal-koordinazzjoni ta l-iskambju tal-informazzjoni”.

51

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 492/2011 jiddefinixxi din il-kollaborazzjoni billi jipprevedi li “s-servizzi ċentrali tal-impjieg tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin u mal-Kummissjoni bil-għan li jaġixxu flimkien fir-rigward ta’ [kumpens bejn applikazzjonijiet għal impjieg u pożizzjonijiet vakanti] fi ħdan l-Unjoni u l-ippustjar riżultanti ta’ ħaddiema fl-impjieg”.

52

Madankollu, mill-premessa 4 u mill-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din tal-aħħar hija intiża bħalma huwa r-Regolament Nru 492/2011, li tiffaċilita l-mobbiltà ġeografika transkonfinali tal-ħaddiema billi tippromwovi, fil-kuntest ta’ azzjoni komuni, jiġifieri l-EURES, it-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar is-swieq tax-xogħol Ewropej. L-għan tad-deċiżjoni kkontestata huwa għalhekk konformi mal-għan ġenerali essenzjali tar-Regolament Nru 492/2011 li huwa speċifikat fil-punt 50 ta’ din is-sentenza.

53

Ċertament, l-Artikolu 2(b) u (d), tad-deċiżjoni kkontestata jsemmi, rispettivament, il-“parteċipazzjoni f’attivitajiet immirati ta’ mobbiltà” u “l-iżvilupp ta’ miżuri li jħeġġu u jħeffu l-mobbiltà tal-ħaddiema żgħażagħ”, fost l-azzjonijiet li għandhom jiġu promossi mill-EURES, filwaqt li tali attivitajiet ma humiex espressament previsti mir-Regolament Nru 492/2011. Madankollu, dawn l-azzjonijiet huma manifestament inklużi fl-għan ġenerali essenzjali ta’ dan ir-regolament li jikkonsisti fil-promozzjoni tal-mobbiltà ġeografika transkonfinali tal-ħaddiema.

54

Barra minn hekk, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata, li ġew identifikati mill-Parlament fir-rikors tiegħu u li jirrelataw il-kompożizzjoni u l-funzjonament tal-EURES, ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-għanijiet ġenerali essenzjali tar-Regolament Nru 492/2011, l-imsemmija deċiżjoni tmur kontra dan ir-regolament.

55

Fil-fatt, il-possibbiltà għal entitajiet privati li jiġu maħtura bħala msieħba tal-EURES, prevista fl-Artikolu 3(c) tad-deċiżjoni kkontestata, hija marbuta, kif jirriżulta mill-premessa 7 ta’ din id-deċiżjoni, mal-fatt li “fis-suq tax-xogħol inħolqot firxa wiesgħa ta’ fornituri tas-servizzi tax-xogħol” wara t-tneħħija tal-monopolju tas-servizzi pubbliċi, u intiża sabiex l-EURES jikseb “il-potenzjal kollu tiegħu”. Din id-dispożizzjoni hija inkluża fl-għan tad-deċiżjoni kkontestata kif speċifikat fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, li huwa konformi mal-għan ġenerali essenzjali tar- Regolament Nru 492/2011.

56

L-istess jgħodd, minn naħa waħda, għall-kompitu mogħti mill-Artikolu 4(3)(b) tad-deċiżjoni kkontestata, lill-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni li “[j]iżvilupp[a] [...] approċċ ġenerali għall-mobbiltà” u, min-naħa l-oħra, ta’ “servizzi komplimentari”, taħt ir-responsabbiltà tal-EURES skont l-Artikolu 7(2) u (3), ta’ din id-deċiżjoni, li kif jirriżulta mill-imsemmi paragrafu (3), jikkorrispondu għal “ħtiġijiet importanti tas-suq tax-xogħol”.

57

Fl-aħħar nett, il-ħolqien tal-Bord tal-Ġestjoni tal-EURES, previst fl-Artikolu 8 tad-deċiżjoni kkontestata, u r-rwol konsultattiv mogħti lilu mill-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu kif ukoll l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-Karta tal-EURES prevista fl-Artikolu 10 ta’ din id-deċiżjoni, intiżi li jtejbu l-funzjonament tal-EURES u għalhekk jiffavorixxu l-kumpens bejn applikazzjonijiet għal impjieg u pożizzjonijiet vakanti fl-Unjoni.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu għalhekk jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata tosserva l-għanijiet ġenerali essenzjali tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 492/2011.

Fuq il-punt ta’ jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati humiex neċessarji jew utili għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 492/2011 mingħajr ma jikkompletawh jew jimmodifikawh

59

Il-Parlament isostni, b’mod ġenerali, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jillimita s-setgħa ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni għall-minimu neċessarju billi fl-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 492/2011, jirreferi għall-miżuri ta’ implementazzjoni “[neċessarji] għall-implimentazzjoni” ta’ dan ir-regolament.

60

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 492/2011 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 291 TFUE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riferiment għal miżuri neċessarji, fl-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 492/2011, jirrigwarda n-neċessità li tiġi żgurata l-implementazzjoni ta’ dan ir-regolament f’kundizzjonijiet uniformi fl-Istati Membri kollha (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill, EU:C:2014:170, punt 39) mingħajr, għaldaqstant, ma tiġi effettwata s-setgħa ta’ implementazzjoni li għandha l-Kummissjoni skont il-qafas stabbilit mill-Kapitolu II tal-istess regolament.

61

Madankollu, peress li l-utilità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati għall-implementazzjoni tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 492/2011 ma hijiex ikkontestata, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk dawn josservawx il-limiti tas-setgħa ta’ implementazzjoni rrikonoxxuta lill-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi eżaminat jekk jikkompletawx jew jemendawx l-imsemmi att leġiżlattiv.

62

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 492/2011, li jidher fil-Kapitolu II tiegħu, jipprevedi kooperazzjoni mill-qrib bejn is-servizzi tal-impjiegi tal-Istati Membri u l-Kummissjoni “bil-għan li jaġixxu flimkien fir-rigward [tal-kumpens bejn] applikazzjonijiet għal impjieg u pożizzjonijiet vakanti fi ħdan l-Unjoni u l-ippustjar riżultanti ta’ ħaddiema fl-impjieg”. Din l-azzjoni komuni, li timplika, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 9 tar-Regolament Nru 492/2011, ċerta koordinazzjoni tal-politiki tal-impjieg tal-Istati Membri, hija kkaratterizzata minn skambju ta’ informazzjoni dwar il-problemi u d-data rilevanti tal-moviment liberu u tal-impjieg tal-ħaddiema, kif previst fl-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, u għall-implementazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens bejn applikazzjonijiet għal impjieg u pożizzjonijiet vakanti, kif previst fl-Artikoli 13 sa 16 tal-imsemmi regolament, billi dan il-mekkaniżmu jimplika kemm skambju ta’ informazzjoni bejn is-servizzi speċjalizzati tal-Istati Membri u kif ukoll bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni.

63

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li peress li l-EURES ma ġiex stabbilit minn dan ir-regolament, il-Kummissjoni ġiet inkarigata mhux biss li twaqqaf fuq saqajha tali “azzjoni komuni”, iżda wkoll li tiżviluppa r-regoli ta’ funzjonament ta’ din l-azzjoni b’osservanza tal-indikazzjonijiet stabbiliti għal dak l-iskop fir-Regolament Nru 492/2011.

64

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-qafas ġenerali stabbilit mir-Regolament Nru 492/2011 dwar l-azzjoni komuni prevista fih, jekk il-Kummissjoni, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet identifikati fir-rikors, eċċedietx is-setgħa ta’ implementazzjoni għall-implementazzjoni ta’ dan ir-regolament.

65

Il-Parlament isostni, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni eċċediet is-setgħa ta’ implementazzjoni tagħha billi fl-Artikolu 2(b) u (d), rispettivament, tad-deċiżjoni kkontestata, hija tipprevedi l-promozzjoni mill-EURES tal-parteċipazzjoni f’attivitajiet immirati ta’ mobbiltà u tal-iżvilupp ta’ miżuri li jħeġġu u jħeffu l-mobbiltà tal-ħaddiema żgħażagħ.

66

Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

67

Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet invokati mill-Parlament jaqgħu fil-kuntest tal-kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 492/2011 mingħajr ma jikkompletaw jew jemendaw il-qafas stabbilit mill-att leġiżlattiv f’dan ir-rigward. Kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 51 u 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmija dispożizzjonijiet jispeċifikaw l-azzjoni komuni intiża minn din l-aħħar dispożizzjoni billi tqiegħed l-aċċent fuq miżuri speċifiċi, li huma diġà mħaddma mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali, u li l-Artikolu 2(b) u (d) tad-deċiżjoni kkontestata jiżgura biss il-koordinazzjoni tagħhom.

68

It-tieni nett, il-Parlament isostni li l-ftuħ tal-EURES għall-entitajiet privati, prevista fl-Artikolu 3(c) tad-deċiżjoni kkontestata, jimplika emenda tar-Regolament Nru 492/2011 u għaldaqstant teċċedi s-setgħa ta’ implementazzjoni mogħtija minnu lill-Kummissjoni.

69

Ċertament, kif jirriżulta mill-punt 45 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni teċċedi l-limiti tas-setgħa ta’ implementazzjoni li ġiet mogħtija lilha mir-Regolament Nru 492/2011 jekk hija temenda l-elementi ta’ dan ir-regolament.

70

Madankollu, l-Artikolu 3(c) tad-deċiżjoni kkontestata ma jimplika l-ebda emenda fil-qafas stabbilit mill-imsemmi regolament.

71

Għandu jitfakkar għal dan l-iskop li, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 492/2011, l-Istati Membri jaħtru s-servizzi speċjalizzati li għandhom ir-responsabbiltà għall-kooperazzjoni bejnhom u s-servizzi tal-Kummissjoni fl-oqsma tal-kumpens bejn applikazzjonijiet għal impjieg u pożizzjonijiet vakanti fi ħdan l-Unjoni u l-kollokament riżultanti ta’ ħaddiema fl-impjieg. L-ebda dispożizzjoni tal-imsemmi regolament ma tirriżerva l-imsemmija kooperazzjoni għal entitajiet ta’ natura pubblika. Ir-riferiment għal fornituri ta’ servizzi privati, fid-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxi għalhekk preċiżjoni tal-qafas stabbilit mir-Regolament Nru 492/2011 li jieħu inkunsiderazzjoni, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tneħħija tal-monopolju tas-servizzi pubbliċi tal-impjieg fl-Istati Membri.

72

Għaldaqstant, l-argument tal-Parlament ibbażat fuq l-Artikolu 3(c) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud ukoll.

73

It-tielet nett, il-Parlament jargumenta li l-Kummissjoni eċċediet is-setgħa ta’ implementazzjoni mogħtija lilha mir-Regolament Nru 492/2011 billi fl-Artikolu 4(3)(b) tad-deċiżjoni kkontestata li l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni tipprevedi “l-iżvilupp ta’ approċċ ġenerali għall-mobbiltà”.

74

Lanqas dan l-argument ma jista’ jintlaqa’.

75

Fil-fatt, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 492/2011 jagħti rwol deċiżiv lill-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni fil-mekkaniżmu ta’ kumpens bejn applikazzjonijiet għal impjieg u pożizzjonijiet vakanti previst fih.

76

Għalhekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 492/2011, l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni għandu “l-kompitu ġenerali li jippromwovi l-[kumpens bejn applikazzjonijiet għal impjieg u pożizzjonijiet vakanti] fuq il-livell tal-Unjoni”. Anki jekk din id-dispożizzjoni “partikolarment” tinkariga lill-imsemmi uffiċċju b’kompiti tekniċi, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 492/2011 jinkariga wkoll lill-istess uffiċċju b’kompiti importanti insostenn tal-azzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri.

77

Għandu jiġi rrilevat, għal dan l-iskop li skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 492/2011, l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni jistabbilixxi s-sinteżi tal-informazzjoni li tinsab fl-Artikoli 12 u 13 ta’ dan ir-regolament kif ukoll data miksuba mill-istudji u r-riċerki magħmula skont l-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament b’mod li tintwera l-informazzjoni utli dwar l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 19(1)(a) tal-istess regolament, l-imsemmi uffiċċju għandu l-kompitu “janalizza l-movimenti [...] tal-ħaddiema”. Il-kompiti insostenn tal-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni għandhom għalhekk jippermettu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni li jadottaw, fid-dawl tal-informazzjoni kollha rilevanti, il-miżuri regolatorji neċessarji favur l-ekwilibriju fis-suq tax-xogħol previsti fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 492/2011 u huma inklużi fl-għan stabbilit fil-premessa 9 ta’ dan ir-regolament, li jikkonsisti f’“li jiġu diretti l-isforzi tal-Istati Membri għall-koordinazzjoni tal-politika tagħhom dwar ix-xogħol”.

78

F’dan il-kuntest, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni eċċediet il-limiti tas-setgħa ta’ implementazzjoni tagħha fl-Artikolu 4(3)(b) tad-deċiżjoni kkontestata, billi attribwiet kompitu lill-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni sabiex jiżviluppa “approċċ ġenerali għall-mobbiltà skont l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol” peress li dawn l-indikazzjonijiet ġenerali jistgħu jkunu intiżi biss sabiex tiġi ppreparata l-adozzjoni ta’ miżuri regolatorji previsti fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 492/2011 u sabiex isostnu l-isforzi tal-Istati Membri fil-koordinazzjoni tal-politiki ta’ impjieg tagħhom, skont il-premessa 9 ta’ dan ir-regolament, mingħajr għaldaqstant ma jikkompletaw jew jemendaw in-natura tal-azzjoni insostenn ta’ dan l-uffiċċju prevista mill-imsemmi regolament.

79

Ir-raba’ nett, skont il-Parlament, il-Kummissjoni ssostitwiet ruħha għal-leġiżlatur tal-Unjoni billi introduċiet fl-Artikolu 7(2) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata, il-kunċett ta’ “servizzi komplimentari”.

80

Dan l-argument għandu għalhekk jiġi miċħud.

81

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata jiddefinixxi l-firxa sħiħa ta’ servizzi tal-EURES. L-Artikolu 7(3) ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi l-possibbiltà għall-EURES li joffri servizzi komplementari. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, dawn ma humiex obbligatorji skont il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 492/2011, iżda madankollu, jaqdu ħtiġijiet importanti tas-suq tax-xogħol.

82

Madankollu, peress li s-servizzi ta’ impjieg tal-Istati Membri ġeneralment ma jillimitawx ruħhom li joffru biss is-servizzi li jirriżultaw b’mod obbligatorju mir-Regolament Nru 492/2011, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma tikkompleta jew temenda l-qafas stabbilit mill-imsemmi regolament, tikkunsidra li s-“servizzi komplimentari” eventwali offerti kellhom ikunu inklużi fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u s-servizzi ta’ impjieg ta’ Stati Membri, prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 492/2011.

83

Fil-fatt, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 89 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa indispensabbli, sabiex jintlaħaq aħjar l-għan tat-tqegħid f’kuntatt u tal-kumpens bejn applikazzjonijiet għal impjieg u pożizzjonijiet vakanti stabbilit fid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 492/2011, li l-informazzjoni kollha disponibbli lid-dipartimenti nazzjonali varji, inkluża dik li tirriżulta mis-servizzi komplementari tiġi pprovduta lill-EURES.

84

Il-ħames nett, il-Parlament jargumenta li l-Artikolu 8(7) tad-deċiżjoni kkontestata turi wkoll li l-Kummissjoni ma segwietx il-missjoni tagħha ta’ implementazzjoni tar-Regolament Nru 492/2011.

85

Mill-Artikolu 8(1) tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Ġestjoni tal-EURES jassisti lill-Kummissjoni, l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni tagħha u l-uffiċċji nazzjonali ta’ koordinazzjoni fl-evalwazzjoni u s-superviżjoni tal-iżvilupp tal-EURES. Skont l-Artikolu 8(7) tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonsulta l-Bord tal-Ġestjoni tal-EURES dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ippjanar strateġiku, l-iżvilupp, l-implementazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tas-servizzi u l-attivitajiet imsemmija f’din l-istess deċiżjoni.

86

Madankollu, il-Kummissjoni ma eċċedietx s-setgħa ta’ implementazzjoni tagħha bl-istabbiliment tal-Bord tal-Ġestjoni tal-EURES u billi tatu rwol konsultattiv.

87

Għandu jitfakkar għal dan l-iskop li, fid-dawl tal-fatt li l-EURES ma ġiex stabbilit mir-Regolament Nru 492/2011, dan, u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tiegħu, jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tiżviluppa regoli ta’ funzjonament ta’ azzjoni komuni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-oqsma tal-kumpens bejn applikazzjonijiet għal impjieg u pożizzjonijiet vakanti fi ħdan l-Unjoni u l-kollokament riżultanti ta’ ħaddiema fl-impjieg. L-istabbiliment ta’ Bord tal-Ġestjoni tal-EURES u l-għoti lilu ta’ rwol konsultattiv mid-dispożizzjoni kkontestata mill-Parlament, la jikkompletaw u lanqas jemendaw il-qafas stabbilit mir-Regolament Nru 492/2011, peress li huma intiżi biss li jiżguraw il-funzjonament effikaċi tal-azzjoni komuni prevista minn dan regolament mingħajr indħil, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 108 tal-konklużjonijiet tiegħu, fuq il-kompetenzi tal-kumitati konsultattivi u tekniċi stabbiliti, mill-Artikoli 21 u 29 rispettivament, tal-imsemmi regolament.

88

Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq l-Artikolu 8(7) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud ukoll.

89

Fl-aħħar nett, il-Parlament isostni li l-Kummissjoni eċċediet is-setgħa ta’ implementazzjoni tagħha billi adottat l-Artikolu 10 tad-deċiżjoni kkontestata.

90

Għaldaqstant, anki dan l-argument għandu jiġi miċħud.

91

Fil-fatt, l-Artikolu 10 tad-deċiżjoni kkontestata jillimita ruħu li jiddikjara l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ Karta tal-EURES. Madankollu, l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-imsemmija karta tikkostitwixxi att ta’ implementazzjoni fis-sens tal-Artikolu 291(1) TFUE li l-legalità tagħha tista’ tiġi evalwata, skont il-każ, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament sussegwenti, inkunsiderazzjoni tal-limiti tas-setgħa ta’ implementazzjoni rrikonoxxut lill-Kummissjoni.

92

Madankollu, ma jistax jiġi aċċettat li, sempliċement bil-fatt li ġiet prevista l-adozzjoni futura tal-Karta tal EURES, il-Kummissjoni eċċediet setgħa ta’ implementazzjoni tagħha. Fil-fatt, l-Artikolu 10 tad-deċiżjoni kkontestata la jikkompleta u lanqas jemenda l-qafas stabbilit mir-Regolament Nru 492/2011 peress li l-imsemmija dispożizzjoni u l-azzjoni ddikjarata fiha huma intiżi biss sabiex jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni fi ħdan il-EURES, kif previst fl-Artikoli 12 u 13 ta’ dan ir-regolament, u sabiex jippromwovu l-funzjonament effikaċi tiegħu.

93

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jirriżulta li l-motiv uniku mqajjem mill-Parlament insostenn tar-rikors tiegħu ma jistax jiġi milqugħ.

94

Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

95

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Parlament tilef hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill- Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq