Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0541

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tad-9 ta’ Ottubru 2014.
    Douane Advies Bureau Rietveld vs Hauptzollamt Hannover.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali u tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Intestatura 3822 – Kunċett ta’ ‘reaġenti dijanjostiċi jew ta’ laboratorju’ – Indikaturi ta’ espożizzjoni għal temperatura ta’ rispons predeterminata.
    Kawża C‑541/13.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2270

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    9 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Unjoni doganali u tariffa doganali komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Intestatura 3822 — Kunċett ta’ ‘reaġenti dijanjostiċi jew ta’ laboratorju’ — Indikaturi ta’ espożizzjoni għal temperatura ta’ rispons predeterminata”

    Fil-Kawża C‑541/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Ottubru 2013, fil-proċedura

    Douane Advies Bureau Rietveld

    vs

    Hauptzollamt Hannover,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (id-Disa’ Awla),

    komposta minn K. Jürimäe (Relatur), President tal-Awla, M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Wahl,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Douane Advies Bureau Rietveld, minn B.‑Rietveld,

    għall-Hauptzollamt Hannover, minn T. Röper, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestatura 3822 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 861/2010, tal-5 ta’ Ottubru 2010 (ĠU L 284, p. 1).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn id-Douane Advies Bureau Rietveld (iktar ’il quddiem “Rietveld”), kumpannija Olandiża, u l-Hauptzollamt Hannover (awtorità doganali ta’ Hannover), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ żewġ prodotti kkummerċjalizzati taħt l-ismijiet ta’ “WarmMark” u ta’ “ColdMark” rispettivament (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, il-“prodotti fil-kawża prinċipali”).

    Il-kuntest ġuridiku

    In-NM

    3

    In-NM hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni ta’ oġġetti (iktar ’il quddiem is-“SA”), ippreparata mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), u stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni ta’ oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983. Din il-konvenzjoni ġiet approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tagħha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). In-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi tas-SA.

    4

    It-tieni parti tan-NM tinkludi t-Taqsima VI, intitolata “Prodotti tal-industrija kimika jew dawk relatati magħha”, li tkopri l-Kapitoli 28 sa 38.

    5

    Il-Kapitolu 38 tan-NM huwa intitolat “Diversi prodotti kimiċi”. Dan il-Kapitolu jinkludi, b’mod partikolari, l-intestatura 3822, li hija intitolata “Reaġenti dijanjostiċi jew ta’ laboratorju fuq rinforz, reaġenti ppreparati dijanjostiċi jew ta’ laboratorju fuq rinforz jew le, ħlief dawk ta’ titlu 3002 jew 3006; materjali ta’ referenza ċertifikati”. L-oġġetti kklassifkati taħt din l-intestatura huma eżenti mid-dazji doganali.

    6

    L-intestatura 3824 tan-NM hija redatta kif ġej “Materjali li jgħaqqdu ppreparati għal forom jew ċentri ta’ funderija; prodotti u preparazzjonijiet kimiċi tal-industriji kimiċi jew li għandhom x’jaqsmu magħhom (inklużi dawk li jikkonsistu f’taħlitiet ta’ prodotti naturali), mhux speċifikati jew inklużi band’ oħra”. Is-subintestatura 3824 90 97 hija subintestatura residwali li tkopri l-prodotti la msemmija u lanqas koperti band’oħra. L-oġġetti li jaqgħu taqa’ taħt din is-subintestatura hija suġġetta għal dazju bir-rata ta’ 6.5 %.

    In-noti ta ’ spjega tas-SA

    7

    L-ODD tapprova, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-konvenzjoni msemmija fil-punt 3 ta’ din is-sentenza, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA. Dawn in-noti, fil-verżjoni tagħhom adottata matul is-sena 2007, huma applikabbli għall-kawża prinċipali.

    8

    In-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 3822 huma redatti kif ġej:

    “Din l-intestatura tkopri reaġenti dijanjostiċi jew ta’ laboratorju fuq rinforz, ir-reaġenti ppreparati dijanjostiċi jew ta’ laboratorju fuq rinforz, minbarra r-reaġenti dijanostiċi taħt in-Nru 30.02, ir-reaġenti dijanostiċi maħsuba sabiex jiġu somministrati lill-pazjenti u r-reaġenti maħsuba għad-determinazzjoni tal-gruppi tad-demm taħt in-Nru 30.06. Din tkopri wkoll il-materjali ċċertifiakti ta’ riferiment. Ir-reaġenti dijanostiċi jintużaw għall-evalwazzjoni tal-proċessi u tal-istati fiżiċi, bijofiżiċi u bijokimiċi fil-bnedmin u fl-annimali. Il-funzjonijiet tagħhom huma bbażati fuq tibdila miżurabbli u apparenti tas-sustanzi bijoloġiċi u kimiċi kostituttivi tagħhom. Ir-reaġenti ppreparati dijanjostiċi taħt din il-pożizzjoni jista’ jkollhom funzjoni analoga għal dik tar-reaġenti maħsuba sabiex jiġu somministrati lill-pazjenti (Nru 3006.30) bl-eċċezzjoni li dawn jintużaw in vitro iktar milli in vivo. Ir-reaġenti ppreparati ta’ laboratorju jinkludu mhux biss ir-reaġenti dijanjostiċi, iżda wkoll reaġenti oħrajn ta’ analiżi użati għal finijiet differenti mid-detezzjoni jew id-dijanjożi. Ir-reaġenti ppreparati dijanjostiċi jew ta’ laboratorju jistgħu jintużaw fil-laboratorji mediċi, veterinarji, xjentifiki jew industrijali, fl-isptarijiet, fl-industrija, fuq il-post jew, f’ċerti każijiet, fid-djar.

    Ir-reaġenti taħt din l-intestaturi jiġu jew ippreżentati fuq rinforz, jew fil-forma ta’ preparazzjoni u għalhekk ikunu komposti, f’dan il-każ, minn iktar minn kostitwent wieħed. Dawn jistgħu pereżempju jkunu komposti minn għaqda intenzjonali ta’ żewġ reaġenti jew iktar jew minn reaġent wieħed maħlul f’solventi minbarra fl-ilma. Dawn jistgħu jiġu ppreżentati fil-forma ta’ karti, materjali tal-plastik jew materjali oħra (użati bħala substrat jew rinforz) miksija jew koperti b’reaġent wieħed jew iktar dijanjostiċi jew ta’ laboratorju bħal karta tat-tornasol, karti indikaturi tal-pH, il-karti li jindikaw il-pol jew il-plakki koperti minn qabel għat-testijiet tal-immunoloġija. Ir-reaġenti taħt din l-intestatura jistgħu wkoll jiġu kkundizzjonati fil-forma ta’ pakkett li jinkludi diversi komponenti anki jekk wieħed jew uħud minn dawn il-komponenti jkunu komposti minn assjem kimiku ppreżentati b’mod iżolat taħt il-Kaapitolu 28 jew il-Kaptitolu 29, materjali koloranti sintentiċi taħt in-Nru 32.04 jew kull sustanza oħra li, meta tiġi ppreżentata b’mod iżolat, tkun taqa’ taħt intestatura oħra. Bħala eżempju ta’ dawn il-pakketti, jistgħu jiġu ċċitati dawk li jintużaw sabiex tiġi ddeterminata l-preżenza ta’ zokkor fid-demm, l-aċtu fl-urina, eċċ., u dawk ibbażati fuq l-enżimi. Madankolli, il-pakketti ta’ dijanjożi li jippreżentaw in-natura essenzjali tal-prodotti taħt in-Nru 30.02 jew in-Nru 30.06 (pereżempju dawk ibbażati fuq antikorpi monoklonali jew poliklonali) huma esklużi.

    Ir-reaġenti taħt din l-intestatura għandhom ikunu rikonoxxibbli b’mod ċar bħala maħsuba li jintużaw biss bħala reaġenti dijanjostiċi jew ta’ laboratorju. Dan l-użu għandu jirriżulta b’mod ċar mill-kompożizzjoni tagħhom, mill-instruzzjonijiet li jinsabu fuq it-tikketta li tikkonċerna l-użu tagħhom in vitro jew fil-laboratorju, mill-indikazzjoni tat-test dijanjostiku speċifiku li għandu jitwettaq jew mill-forma materjali li taħtha jiġu ppreżentati (pereżempju fuq substrat jew rinforz).

    Bl-eċċezzjoni tal-prodotti taħt il-kapitlu 28 jew 29, għall-klassifikazzjoni ta’ materjali ta’ referenza ċertifikati, titlu 38.22 għandu jieħu preċedenza fuq kull intestatura oħra fin-nomenklatura.

    [...]”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    9

    Rietveld ressqet talba għal informazzjoni tariffarja vinkolanti quddiem il-Hauptzollamt Hannover dwar il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Din it-talba kienet intiża sabiex tinkiseb konferma li dawn il-prodotti kienu jaqgħu taħt l-intestatura 3822 tan-NM.

    10

    L-imsemmija prodotti huma indikaturi tat-temperatura b’użu uniku li, permezz ta’ tibdil tal-kulur, jindikaw b’mod irriversibbli jekk intlaħqitx temperatura superjuri jew inferjuri għal livell partikolari (iktar ’il quddiem it-“temperatura ta’ rispons”). Dawn jistgħu jitwaħħlu ma’ oġġetti sensittivi għal varjazzjonijiet fit-temperatura, bħal titqib jew prodotti farmaċewtiċi u kimiċi, bil-għan li jiġu kkontrollati l-kundizzjonijiet tat-temperatura li dawn tal-aħħar ikunu ġew esposti għalihom matul il-ħażna u t-trasport tagħhom. L-istess prodotti huma disponibbli f’diversi verżjonijiet korrispondenti għal temperaturi ta’ rispons differenti. Ċerti verżjonijiet jistgħu jipprovdu indikazzjonijiet dwar it-tul tal-espożizzjoni għal dawn it-temperaturi.

    11

    Il-prodott imsejjaħ “WarmMark” huwa kompost sistematikament minn minn żewġ strixxi ta’ karta waħda fuq l-oħra, separati minn xulxin permezz ta’ strixxa bla kulur u mqiegħda f’envelop tal-karti. L-istrixxa tal-karti inferjuri hija miksija b’sustanza ta’ kulur aħmar u ma hijiex viżibbli minn barra. L-istrixxa tal-karti superjuri hija bajda u viżibbli minn barra minn twieqi żgħar trasparenti fl-envelop tal-karti. Ġaladarba titneħħa l-istrixxa ta’ separazzjoni, ikun hemm kuntatt dirett bejn iż-żewġ strixxi tal-karta. Meta tintlaħaq jew tinqabeż it-temperatura ta’ rispons jew, is-sustanza koloranti ħamra, li t-temperatura ta’ likwidifikazzjoni tagħha tikkorrispondi mat-temperatura ta’ rispons, timxi b’kapillarità, u b’hekk timmarka l-istrixxa bajda. Għalhekk it-tieqa ta’ ispezzjoni tippermetti li jiġi vverifikat jekk intlaħqitx it-temperatura ta’ rispons. Il-portata tat-tilwin aħmar min-naħa tagħha tagħti indikazzjonijiet dwar it-tul tal-espożizzjoni għat-temperatura ta’ rispons.

    12

    Il-prodott imsejjaħ “ColdMark” huwa indikatur tal-friża kkostitwit minn tubu żgħir imqiegħed f’envelop tal-plastik u li t-tarf tiegħu huwa fil-forma ta’ boċċa vojta. Mill-envelop tal-plastik jidher biss dan it-tarf. Dan huwa mimli b’likwidu bla kulur, filwaqt li l-parti moħbija tat-tubu fiha likwidu vjola. Meta t-temperatura tal-ambjent tkun iktar baxxa mill-grad tat-temperatura indikata fuq l-istrixxa tal-karta, il-kontrazzjoni tal-volum tal-likwidu bla kulur fil-boċċa vojta joħloq ġibda tal-preparazzjoni bil-kulur li tinsab fit-tubu kapillari, li jwassal għat-tilwin vjola irriversibbli tal-likwidu inizjalment bla kulur.

    13

    F’Jannar tal-2011, il-Hauptzollamt Hannover tat żewġ informazzjonijiet tariffarji vinkolanti li permezz tagħhom hija klassifikat il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali taħt is-subintestatura 3824 90 97 tan-NM, bħala prodotti tal-industriji kimiċi li ma jissemmewx u li ma humiex koperti band’oħra.

    14

    Rietveld ippreżentat appell amministrattiv quddiem il-Hauptzollamt Hannover kontra dawn l-informazzjonijiet tariffarji vinkolanti. Fid-19 ta’ Settembru 2011, din tal-aħħar ċaħdet l-appell tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali peress li l-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 3822 tan-NM tirrikjedi li għandha ssir reazzjoni kimika jew bijokimika waqt l-użu tal-prodott. Issa, skont din l-awtorità doganali, it-tilwin li jirriżulta waqt l-użu tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta minn proċess fiżiku, jiġifieri r-trasferiment tal-likwidi kkuluriti, u mhux kimiku.

    15

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fetħet kawża quddiem il-qorti tar-rinviju bil-għan li tikseb il-klassifikazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali taħt l-intestatura 3822 tan-NM. Insostenn tar-rikors tagħha, hija pproduċiet l-ittra tas-Sur de Wolf, aġent tal-Aġenzija Ewropea għall-prodotti kimiċi, li tasal għall-konklużjoni li dawk il-prodotti jaqgħu taħt l-intestatura 3822 tan-NM.

    16

    Il-qorti tar-rinviju tispjega li hija tikkondividi l-interpretazzjoni tal-Hauptzollamt Hannover fis-sens li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt l-intestatura 3822 tan-NM, sa fejn it-terminu “reaġent” użat fiha jippreżumi proċess kimiku, filwaqt li l-funzjonament ta’ dawn il-prodotti huwa bbażat fuq proċess fiżiku. Madankollu din il-qorti tikkunsidra li l-interpretazzjoni tat-terminu “reaġent” ma huwa xejn ċar.

    17

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

    “Il-kunċett ta’ ‘reaġent’ kif użat fil-frażi ‘reaġenti dijanjostiċi jew tal-laboratorju’ fl-intestatura 3822 tan-[NM] għandu jinftiehem fis-sens li jikkonċerna biss sustanza li permezz tat-tibdil kimiku tagħha minħabba reazzjoni kimika għal jew mas-sustanza eżaminata, tintuża sabiex tindika stat jew karatteristika ta’ din l-aħħar sustanza?”

    Fuq id-domanda preliminari

    18

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, hija l-kompetenza ta’ din ta’ l-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinu jiddeċiedi l-kawża quddiemu. F’dan id-dawl, huwa l-obbligu, jekk inhu l-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha (sentenza Lukoyl Neftohim Burgas, C-330/13, EU:C:2014:1757, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    19

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fir-realtà, dwar l-interpretazzjoni tal-intestatura 3822 tan-NM għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja ta’ prodotti b’karatteristiċi bħal dawk tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    20

    Għaldaqstant, id-domanda preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala li tirrigwarda l-punt dwar jekk l-intestatura 3822 tan-NM relatata mar-reaġenti dijanjostiċi jew ta’ laboratorju għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-indikaturi tat-temperatura, bħall-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, permezz ta’ tibdil tal-kulur li jirriżulta mill-varjazzjoni tal-volum tal-likwidi ta’ ġo fihom, jindikaw, b’mod irriversibbli, jekk intlaħqitx temperatura ta’ rispons, jaqgħu taħt din l-intestatura.

    21

    Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u l-iffaċilitar tal-istħarriġ, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tat-tariffa ta’ oġġetti għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mit-termini tal-intestatura tan-NM u n-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu. In-noti ta’ spejga ppreparati, għal dak li jirrigwarda n-NM, mill-Kummissjoni Ewropea u, għal dak li jirrigwarda s-SA, mill-ODD jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tal-intestaturi tariffarji differenti mingħajr madankollu ma għandhom forza legali (sentenza Sysmex Europe, C‑480/13, EU:C:2014:2097, punti 29 u 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    22

    Għandu jiġi speċifikat ukoll li d-destinazzjoni tal-prodott tista’ tikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn tkun inerenti għall-imsemmi prodott, fejn l-inerenza għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u kwalitajiet oġġettivi ta’ dan tal-aħħar (sentenza Sysmex Europe, EU:C:2014:2097, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    F’dan il-każ, il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma maħsuba sabiex jintużaw bħala indikaturi tat-temperatura. Dawn il-prodotti għandhom il-funzjoni li jindikaw, wara li jkunu tqegħdu fuq oġġetti li huma partikolarment sensittivi għat-tibdil fit-temperatura, jekk dawn tal-aħħar ġewx esposti għal grad ta’ temperatura predeterminata waqt it-trasport jew il-ħażna tagħhom.

    24

    Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex previsti espliċitament la mill-kliem tal-intestatura 3822 tan-NM u lanqas min-noti tat-taqsima jew tal-kapitoli ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, il-kliem tal-intestatura 3822 tan-NM jipprevedi li, b’mod partikolari, ir-“[r]eaġenti dijanjostiċi jew ta’ laboratorju fuq rinforz u reaġenti ppreparati dijanjostiċi jew ta’ laboratorju”.

    25

    Skont in-noti ta’ spjega ta-SA marbuta mal-intestatura 3822, din tal-aħħar tipprevedi diversi tipi ta’ reaġenti, jiġifieri r-reaġenti dijanjostiċi jew ta’ laboratorju.

    26

    Fir-rigward tar-reaġenti dijanjostiċi, jirriżulta minn dawn in-noti, li r-reaġenti dijanjostiċi jintużaw għall-evalwazzjoni tal-proċessi u tal-istati fiżiċi, bijofiżiċi u bijokimiċi fil-bnedmin u fl-annimali u li l-funzjonijiet tagħhom huma bbażati fuq tibdil miżurabbli jew apparenti tas-sustanzi bijoloġiċi u kimiċi kostituttivi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sysmex Europe, EU:C:2014:2097, punt 34).

    27

    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tagħhom kif ukoll tad-destinazzjoni tagħhom, il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt il-kategorija ta’ reaġenti dijanjostiċi.

    28

    Fil-fatt, fl-ewwel lok, mid-deskrizzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li dawn il-prodotti, għalkemm jistgħu jintużaw għat-trasport jew għall-ħażna ta’ prodotti ta’ oriġini bijoloġiċi, bħad-demm, qatt ma jkunu f’reazzjoni, direttament jew indirettament, ma’ dawn tal-aħħar.

    29

    Fit-tieni lok, il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jintużawx għall-evalwazzjoni tal-proċessi u tal-istati fiżiċi, bijofiżiċi u bijokimiċi fil-bnedmin jew fl-annimali. Fil-fatt dawn il-prodotti huma indikaturi tat-temperatura u ma jevalwawx tali proċessi jew stati.

    30

    Fit-tielet lok, il-funzjoni tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex ibbażata fuq tibdila tas-sustanzi kostituttivi tagħhom b’riżultat ta’ reazzjoni mal-prodotti li magħhom dawn tal-aħħar huma maħsuba li jintużaw, u dan indipendentement min-natura ta’ din ir-reazzjoni.

    31

    Għalhekk, fid-dawl tal-elementi preċedenti, il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt il-kategorija ta’ reaġenti dijanjostiċi fis-sens tal-intestatura 3822 tan-NM.

    32

    L-istess konklużjoni tapplika għar-reaġenti ta’ laboratorju. Fil-fatt, in-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 3822 ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li, b’mod differenti minn reaġent dijanjostiku, reaġenti ta’ laboratorju jista’ jaqa’ taħt din l-intestatura meta l-funzjoni ta’ dan tal-aħħar hija bbażata fuq tibdil tas-sustanzi kostituttivi tiegħu li jirriżulta minn reazzjoni mal-prodotti li magħhom huwa maħsub li jintuża.

    33

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-intestatura 3822 tan-NM dwar reaġenti dijanjostiċi jew ta’ laboratorju għandha tiġi interpretata fis-sens li indikaturi tat-temperatura, bħall-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, permezz ta’ tibdil tal-kulur li jirriżulta mill-varjazzjoni tal-volum tal-likwidi ta’ ġo fihom, jindikaw, b’mod irriversibbli, jekk intlaħqitx temperatura ta’ rispons, ma jaqgħux taħt din l-intestatura.

    Fuq l-ispejjeż

    34

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-intestatura 3822 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 861/2010, tal-5 ta’ Ottubru 2010, dwar ir-reaġenti dijanjostiċi jew ta’ laboratorju’ għandha tiġi interpretata fis-sens li indikaturi tat-temperatura, bħall-prodotti kkummerċjalizzati taħt l-ismijiet ta’ “WarmMark” u ta’ “ColdMark”, li, permezz ta’ tibdil tal-kulur li jirriżulta mill-varjazzjoni tal-volum tal-likwidi ta’ ġo fihom, jindikaw, b’mod irriversibbli, jekk intlaħqitx temperatura ta’ rispons, ma jaqgħux taħt din l-intestatura.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq