Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CJ0525

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ Settembru 2014.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Direttiva 2000/60/KE – Qafas għal politika Komunitarja fil-qasam tal-ilma – Irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma – Kunċett ta’ ‘servizzi ta’ l-ilma’.
    Kawża C‑525/12.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2202

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    11 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ambjent — Direttiva 2000/60/KE — Qafas għal politika Komunitarja fil-qasam tal-ilma — Irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma — Kunċett ta’ ‘servizzi ta’ l-ilma’”

    Fil-Kawża C‑525/12,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, ippreżentata fid-19 ta’ Novembru 2012,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Manhaeve u G. Wilms, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

    konvenuta,

    sostnuta minn

    Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn M. Wolff u V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti,

    L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

    Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Heliskoski u H. Leppo, bħala aġenti,

    Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson u S. Johannesson, bħala aġenti,

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn S. Behzadi-Spencer u J. Beeko, bħala aġenti, assistiti minn G. Facenna, barrister,

    intervenjenti,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.-C. Bonichot (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Marzu 2014,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Mejju 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi eskludiet ċerti servizzi (b’mod partikolari, it-teħid għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku, tan-navigazzjoni u tal-protezzjoni kontra l-għargħar, l-estrazzjoni għall-irrigazzjoni u għal finijiet industrijali, kif ukoll il-konsum kaptiv) mill-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “servizzi ta’ l-ilma”, ir-Repubblika Federali Ġermaniża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275), u b’mod partikolari, il-punt 38 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-Direttiva 2000/60

    2

    Id-Direttiva 2000/60 tinkludi, b’mod partikolari, il-premessi li ġejjin:

    “(1)

    L-ilma mhuwiex prodott kummerċjali bħal kull prodott ieħor imma, pjuttost, wirt li għandu jiġi protett, difiż u ttrattat bħala tali.

    [...]

    (11)

    Kif stabbilit fl-Artikolu 174 tat-Trattat, il-politika Komunitarja fuq l-ambjent għandha tikkontribwixxi għal għanijiet ta’priservar, protezzjoni u titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent, f’użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali, u li din tkun bażata fuq il-prinċipju prekawzjonarju, u fuq il-prinċipji li, azzjonijiet preventivi għandhom jittieħdu, il-ħsara għall-ambjent trid, bħala prijorità, tkun ikkoreġuta fil-bidu u li minn iniġġeż iħallas.

    [...]

    (13)

    Hemm diversi kundizzjonijiet u ħtiġiet fil-Komunità li jeħtieġu soluzzjonijiet speċifiċi differenti. Id-diversità trid tiġi kunsidrata fl-ippjanar u l-eżekuzzjoni ta’ miżuri biex tkun żgurata l-protezzjoni u l-użu sostenibbli ta’ l-ilma fil-qafas tal-baċin tax-xmara. Id-deċiżjonijiet iridu jittieħdu viċin kemm jisa’ jkun tal-lokazzjonijiet fejn l-ilma huwa affetwat jew użat. Trid tingħata prijorità għal azzjoni li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri mit-tfassil ta’ programmi ta’ miżuri aġġustati għal kundizzjonijiet reġjonali u lokali.

    [...]

    (19)

    Din id-Direttiva timmira sabiex iżżomm u ttejjeb l-ambjent akwatiku fil-Komunità. Dan l-iskop huwa primarjament konċernat mal-kwalità tal-ilmijiet konċernati. Il-kontroll tal-kwantità huwa element anċillari fl-assigurazzjoni tal-kwalità ta’ l-ilma u b’hekk miżuri fuq il-kwantità, li għandhom l-għan li jassiguraw kwalità tajba, iridu jkunu stabbiliti wkoll.

    (20)

    L-istatus kwantitattiv ta’ korp ta’ ilma ta’ taħt l-art jista’ jkollu impatt fuq il-kwalità ekoloġiku ta’ l-ilma tal-wiċċ u ekosistemi terrestri assoċjati ma’ dak il-korp ta’ l-ilma ta’ taħt l-art.

    [...]

    (33)

    L-għan sabiex jinkiseb stat tajjeb ta’ ilma jrid ikun segwit għal kull baċin tax-xmara, sabiex miżuri fir-rigward ta’ l-ilma tal-wiċċ u tal-qiegħ li jappartjenu għall-istess sistema ekoloġika, idroloġika u idroġeoloġika, ikunu kordinati.

    [...]

    (38)

    L-użu ta’ strumenti ekonomiċi mill-Istati Membri jista’ jkun xieraq bħala parti minn programm ta’ miżuri. Il-prinċipju tal-irkuprar tal-ispejjeż tas-servizzi ta’ l-ilma, inklużi l-ispejjeż ambjentali u tar-riżorsi assoċjati ma’ ħsara jew impatt negattiv fuq l-ambjent akkwatiku jrid jiġi kunsidrat bi qbil, partikolarment, mal-prinċipju ta’ minn iniġġes iħallas. Analiżi ekonomika tas-servizzi ta’ l-ilma bbażata fuq previżjonijiet fit-tul tal-forniment u t-talba għall-ilma fid-distrett tal-baċin tax-xmara ser tkun meħtieġa għal dan l-iskop.

    [...]”

    3

    Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Definizzjonijiet”:

    “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva d-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

    [...]

    38)

    ‘Servizzi ta’ l-ilma’:

    a)

    estrazzjoni, teħid, ħażna, trattament u distribuzzjoni ta’ ilma tal-wiċċ jew tal-qiegħ;

    b)

    kollezzjoni ta’ skart ta’ l-ilma u faċilitajiet ta’ trattament li sussegwentement joħorġu fl-ilma tal-wiċċ;

    39)

    ‘Użu ta’ l-ilma’ ifisser servizzi ta’ l-ilma flimkien ma’ kull attività oħra identifikata taħt l-Artikolu 5 u l-Anness II li jkollhom impatt sinifikanti fuq l-istat ta’ l-ilma.

    Dan il-kunċett japplika għall-iskopijiet tal-Artikolu 1 u tal-analiżi ekonomiċi magħmula skond l-Artikolu 5 u l-Anness III, punt (b);

    [...]”

    4

    L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Irkupru ta’ l-ispejjeż tas-servizzi ta’ l-ilma”, jistabbilixxi:

    “1.   L-Istati Membri jridu jikkunsidraw il-prinċipju ta’ rkuprar ta’ l-ispejjeż tas-servizzi ta’ l-ilma, inklużi l-ispejjeż ta’ l-ambjent u tar-riżorsi, wara li jiġu kkunsidrati l-analiżi ekonomiċi imwettqa skond l-Anness III, u bi qbil partikolarment mal-prinċipju ta’ minn iniġġes iħallas.

    L-Istati Membri jridu jiżguraw sa’ s-sena 2010:

    li l-politika ta’ l-apprezzament ta’ l-ilma tipprovdi inċentivi adegwati għall-utenti biex jużaw ir-riżorsi ta’ l-ilma effiċjentament, u b’hekk jikkontribwixxu għall-għanijiet ambjentali ta’ din id-Direttiva,

    kontribuzzjoni adegwata ta’ użu effiċjenti ta’ l-ilma, imqassam għall-anqas ġo l-industrija, djar u agrikoltura, għall-irkuprar tal-ispejjeż tas-servizzi ta’ l-ilma, bażati fuq l-analiżi ekonomiċi imwettqa skond l-Anness III u jiġi kunsidrat il-prinċipju ta’ minn iniġġes iħallas.

    L-Istati Membri jistgħu meta qed jagħmlu dan, jikkunsidraw l-effetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-irkupru kif ukoll il-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi tar-reġjun jew reġjuni affetwati.

    2.   L-Istati Membri għandhom jirraportaw fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara fuq il-passi pjanati għall-implimentazzjoni ta’ paragrafu 1 li għandhom jikkontribwixxu għall-kisba ta’ l-għanijiet ambjentali ta’ din id-Direttiva u fuq il-kontribuzzjoni magħmula minn użi varji ta’ l-ilma għall-irkuprar ta’ l-ispejjeż tas-servizzi ta’ l-ilma.

    3.   Xejn f’dan l-Artikolu ma’ għandu jipprevjeni l-finanzjament ta’ miżuri preventivi partikolari jew miżuri rimedjali sabiex jinkisbu l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

    4.   L-Istati Membri ma’ jkunux qe jiksru din id-Direttiva jekk jiddeċiedu bi qbil ma’ prattiċi stabbiliti biex ma’ japplikawx id-disposizzjonijiet ta’ paragrafu 1, it-tieni sentenza, u għal dak l-iskop id-disposizzjonijiet relevanti ta’ paragrafu 2, għal attività partikolari ta’ użu ta’ l-ilma, fejn din ma’ tikkompromettix l-iskopijiet u l-kisba ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri jridu jirraportaw ir-raġunijiet għalfejn ma’ japplikawx paragrafu 1 it-tieni sentenza, b’mod sħiħ, fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara.”

    5

    L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Programm ta’ miżuri” jinkludi, b’mod partikolari, il-paragrafi segwenti:

    “1.   Kull Stat Membru jrid jiżgura li jkun stabbilit għal kull distrett tal-baċin tax-xmara, jew għall-parti ta’ distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara fi ħdan it-territorju tiegħu, programm ta’ miżuri, b’konsiderazzjoni tar-riżultati ta’ l-analiżi meħtieġa taħt l-Artikolu 5, sabiex jinkisbu l-għanijiet imwaqqfa taħt l-Artikolu 4. Dawn il-programmi ta’ miżuri jistgħu jirreferu għal miżuri li joħorġu minn leġislazzjoni adottata f’livell nazzjonali u tkopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru. Fejn hu xieraq, Stat Membru jista’ jadotta miżuri applikabbli għad-distretti kollha tal-baċin tax-xmara u/jew il-parti ta’ distretti internazzjonali tal-baċin tax-xmara li jaqa’ fi ħdan it-territorju tiegħu.

    2.   Kull programm ta’ miżuri jrid jinkludi l-miżuri ‘bażiċi’ speċifikati f’paragrafu 3 u, fejn meħtieġ, miżuri ‘supplimentari’.

    3.   ‘Miżuri bażiċi’ huma l-ħtiġiet minimi li jridu jiġu mħarsa u jikkonsistu f’:

    a)

    dawk il-miżuri meħtieġa biex jimplimetaw leġislazzjoni Komunitarja għall-protezzjoni ta’ l-ilma, inklużi miżuri meħtieġa taħt il-leġislazzjoni speċifikata fl-Artikolu 10 u f’parti A ta’ l-Anness VI;

    b)

    miżuri meqjusa xierqa għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 9;

    [...]”

    6

    L-Anness III tad-Direttiva 2000/60 intitolat “Analiżi ekonomiċi” huwa redatt kif ġej:

    “L-analiżi ekonomiċi jridu jikkontjenu biż-żejjed informazzjoni f’dettal suffiċenti (b’kunsiderazzjoni tal-ispejjeż assoċjati mal-kollezzjoni tad-data relevanti) sabiex:

    a)

    L- isiru l-kalkolazzjonijiet relevanti meħtieġa biex jiġu konsidrati taħt l-Artikolu 9 il-prinċipju ta’ rkuprar tal-ispejjeż tas-servizzi ta’ l-ilma, b’konsiderazzjoni ta’ previżjonijiet ta’ żmien twil jew forniment u talba għal ilma fid-distrett tal-baċin tax-xmara u, fejn meħtieġ:

    stimi tal-volum, prezzijiet u spejjeż assoċjati mas-servizzi ta’ l-ilma, u

    stimi ta’ investimenti relevanti inklużi previżjonijiet ta’ ċerta investimenti;

    b)

    isiru ġudiżżji fuq l-aktar kombinazzjonijiet ta’ miżuri li jiffrankaw il-flus fir-rigward ta’ l-użu ta’ l-ilma biex jiġu inklużi fil-programm ta’ miżuri taħt l-Artikolu 11 bbażat fuq stimi ta’ l-ispejjeż potenzjali ta’ dawn il-miżuri.”

    Id-Direttiva 2006/123/KE

    7

    Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36) intitolat “Definizzjonijiet”:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1)

    ‘servizz’ tfisser attività ekonomika mhux imħallsa, normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 50 tat-Trattat;

    2)

    ‘fornitur’ tfisser kwalunkwe persuna naturali li hija ċittadin ta’ Stat Membru, jew kwalunkwe persuna ġuridika kif imsemmija fl-Artikolu 48 tat-Trattat u stabbilita fi Stat Membru, li toffri jew li tipprovdi servizz;

    3)

    ‘riċevitur’ tfisser kwalunkwe persuna naturali li hija ċittadin ta’ Stat Membru jew li tibbenefika mid-drittijiet mogħtija lilha mill-atti Komunitarji, jew kwalunkwe persuna ġuridika kif imsemmija fl-Artikolu 48 tat-Trattat u stabbilita fi Stat Membru, li, għal skopijiet professjonali jew mhux professjonali, tuża, jew tixtieq tuża, servizz; [...]”

    Id-Direttiva 2004/35/KE

    8

    Skont l-Artikolu 2(13) tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 358) intitolat “Definizzjonijiet”, “servizzi” tfisser, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, il-funzjonijiet żgurati minn riżorsi naturali favur riżorsi naturali oħra jew favur il-pubbliku.

    Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    9

    Il-Kummissjoni ġiet adita, f’Awwissu 2006, b’ilment li jipprovdi li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja qed tinterpreta d-definizzjoni ta’ “servizzi ta’ l-ilma” msemmija fil-punt 38 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60 b’mod li s-servizzi inkwistjoni jirrigwardaw biss il-provvista tal-ilma u t-trattament u l-eliminazzjoni tal-ilma mormi, u b’hekk irrestrinġiet il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva li jirrigwarda l-irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma.

    10

    B’mod partikolari, it-teħid, partikolarment, għall-produzzjoni tal-elettriku permezz tal-enerġija idrawlika, għan-navigazzjoni u għall-protezzjoni kontra l-għargħar, ma jikkostitwixxux, skont din l-interpretazzjoni, servizzi tal-ilma u ma jistgħux għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tal-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż skont l-Artikolu 9 u l-Paragrafu (a) tal-Anness III tal-imsemmija direttiva.

    11

    Fis-7 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li fiha sostniet li l-leġiżlazzjoni tagħha ma kinitx skont bosta dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60 u li hija ma kinitx qed tapplika korrettament il-kunċett ta’ “servizzi ta’ l-ilma”. Fil-fatt, il-Kummissjoni essenzjalment qieset li fl-interess tal-protezzjoni tar-riżorsa tal-ilma, l-użu differenti tal-ilma kellu jkollu prezz. Minn dan jirriżulta l-obbligu għall-Istati Membri biex jistabbilixxu apprezzament għall-użi differenti tal-ilma, anki jekk dawn ma setgħux jitqiesu li huma provvisti ta’ servizzi fis-sens klassiku tal-kelma. Għalhekk, pereżempju, is-sempliċi navigazzjoni kellha tkun suġġetta għal miżata.

    12

    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet għall-ittra ta’ intimazzjoni fis-6 ta’ Marzu 2008 u fl-24 ta’ Settembru 2009.

    13

    Fit-30 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali li għaliha r-Repubblika Federali Ġermaniża rrispondiet fit-18 ta’ Novembru 2010. Dan l-Istat Membru, fis-27 ta’ Lulju 2011, ikkomunika lill-Kummissjoni l-liġi dwar il-protezzjoni tal-ilma tal-wiċċ (Verordnung zum Schutz der Oberflächengewässer), tal-20 ta’ Lulju 2011, li tittrasponi l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60.

    14

    Fit-30 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    15

    Wara tiġdid doppju tat-terminu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet l-imsemmija opinjoni fil-31 ta’ Jannar 2012, u wara, fix-xahar ta’ Lulju 2012, informat lill-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tal-punti 38 u 39 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/60.

    16

    Għalkemm id-dispożizzjonijiet inkwistjoni ġew tassew trasposti, il-Kummissjoni madankollu qieset li l-problema dwar l-interpretazzjoni diverġenti tad-definizzjoni ta’ “servizzi ta’ l-ilma” u, għalhekk, l-applikazzjoni, fil-fehma tagħha, lakunjarja tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/60 kienet għadha tippersisti. Għalhekk, hija ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

    17

    B’digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali, rispettivament tat-2, tal-5, tat-8, tal-11 u tal-15 ta’ April 2013, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Repubblika tal-Finlandja, l-Ungerija, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, kif ukoll ir-Renju tad-Danimarka ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    Fuq ir-rikors

    Fuq l-ammissibbiltà

    L-argumenti tal-partijiet

    18

    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li r-rikors tal-Kummissjoni huwa inammissibbli inkwantu sempliċement jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkjarifika kwistjoni purament teorika mingħajr ma tiġġustifika kif hija konkretament naqset mill-obbligi tagħha li jirriżultaw mit-Trattati u mid-Direttiva 2000/60. Billi ssostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq tali obbligi għaliex eskludiet ċerti servizzi mill-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “servizzi ta’ l-ilma”, il-Kummissjoni hija impreċiża għaliex ma tirrigwardax aġir konkret li għandu jinbidel.

    19

    Il-lista tas-servizzi ċċitati mill-Kummissjoni fit-talbiet tagħha li jaqgħu, bħala eżempju, taħt dan il-kunċett ma tirrimedjax din l-impreċiżazzjoni għaliex, li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-imsemmija talbiet, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tkunx f’pożizzjoni li tkun taf jekk hemmx bżonn li jiġu kklassifikati b’dan il-mod servizzi oħra tal-ilma. Barra minn hekk, dawn l-eżempji ma ġewx iċċitati fl-opinjoni motivata li d-dispożittiv tagħha kien għalhekk differenti minn dak ta’ dan ir-rikors.

    20

    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors tagħha huwa perfettament ċar inkwantu huwa intiż li jikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tapplika b’mod kumulattiv l-elementi elenkati fil-punt 38 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60, b’mod li bosta servizzi marbuta mal-użu tal-ilma ma jaqgħux taħt id-definizzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni. Konsegwentement, fit-territorju tal-Istat Membru konvenut, l-attivitajiet iċċitati fir-rikors huma esklużi ex officio mill-apprezzament.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    21

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-proċedura prekontenzjuża għandha l-għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità, minn naħa, li jikkonforma ruħu mal‑obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jkun jista’ jsostni d-difiża tiegħu kontra l‑akkużi mressqa mill‑Kummissjoni. Is-suġġett ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE huwa, għaldaqstant, limitat mill-proċedura prekontenzjuża prevista f’din id-dispożizzjoni. Ir-regolarità ta’ din il-proċedura tikkostitwixxi garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat FUE mhux biss għall-ħarsien tad-drittijiet tal-Istat Membru inkwistjoni, iżda wkoll biex jiġi żgurat li l-eventwali proċedura kontenzjuża jkollha, bħala suġġett, kontroversja li tkun iddefinita b’mod ċar (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C‑508/10, EU:C:2012:243, punti 33 u 34).

    22

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 120(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li, fir-rikorsi kollha ppreżentati taħt l-Artikolu 258 TFUE, tindika l-ilmenti preċiżi li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tagħti deċiżjoni kif ukoll, minn tal-inqas fil-qosor, il-punti ta’ liġi u ta’ fatt li fuqhom huma bbażati dawn l-ilmenti. Minn dan isegwi li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jinkludi espożizzjoni koerenti u ddettaljata tar-raġunijiet li wassluha għall-konvinzjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, EU:C:2012:243, punti 35 u 36).

    23

    Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, għandu jiġi kkonstatat li dan jinkludi spjegazzjoni koerenti tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni biex qieset li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet naqset mill-obbligi tagħha taħt il-punt 38 tal-Artikoli 2 u tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/60. Fil-fatt, kemm mill-proċedura prekontenzjuża, u b’mod partikolari mill-opinjoni motivata mibgħuta mill-Kummissjoni lil dan l-Istat Membru, kif ukoll mir-rikors li biha ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-Kummissjoni essenzjalment issostni li, minħabba l-interpretazzjoni li dan l-Istat Membru jagħti lill-kunċett ta’ “servizzi ta’ l-ilma”, ċerti minnhom inġustament jibqgħu ex officio barra mill-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit minn din id-direttiva u ma humiex suġġetti għall-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż, inkluż l-ispejjeż għall-ambjent u r-riżorsi.

    24

    Issa, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tippermetti li tiġi ddeterminata l-portata eżatta tal-obbligi tal-Istati Membri fil-każ ta’ diverġenza ta’ interpretazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑196/07, EU:C:2008:146, punt 28).

    25

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, bla ħsara għall-obbligu li jiġi ssodisfatt l-oneru tal-prova li jinsab fuqha fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni, fid-dawl ta’ tali diverġenza ta’ interpretazzjoni, milli tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-Istat Membru kkonċernat billi tinvoka bosta sitwazzjonijiet li huma, fil-fehma tagħha, kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, anki jekk hija ma tidentifikax b’mod eżawrjenti dawn is-sitwazzjonijiet kollha (ara, b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑135/05, EU:C:2007:250, punti 20 sa 22).

    26

    F’din il-proċedura, l-interpretazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat jagħti lil dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’sens li ma huwiex dak mogħti mill-Kummissjoni, twassal, fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għal prattika amministrattiva li l-eżistenza tagħha ma hijiex ikkontestata, anki jekk hija ma hijiex iġġeneralizzata. Għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni invokat insostenn tal-argument tagħha biss xi eżempji ta’ din il-prattika ma għandux l-effett li jċaħħad ir-rikors tiegħu mill-preċiżazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni tas-suġġett ta’ dan ir-rikors.

    27

    F’dan ir-rigward, għad għandu jiġi kkonstatat li għalkemm, fid-dispożittiv ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni tikkwota, bħal eżempji, sitwazzjonijiet li, fil-fehma tagħha, juru n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih hija akkużata r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, filwaqt li tali eżempji ma jinsabux fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata mibgħuta lil dan l-Istat Membru, tali żieda ma tistax titqies li hija estensjoni tas-suġġett ta’ dan ir-rikors, li jibqa’ limitat għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mill-punt 38 tal-Artikolu 2 u mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/60.

    28

    Konsegwentement, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    L-argumenti tal-partijiet

    29

    Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minħabba l-interpretazzjoni restrittiva li hija tagħti lill-kunċett ta’ “servizzi ta’ l-ilma” fis-sens tal-punt 38 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60, ma tapplikax b’mod korrett l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jirrigwarda l-irkupru tal-ispejjeż ta’ dawn is-servizzi, il-politika ta’ apprezzament tal-ilma u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas għall-utenti tal-ilma.

    30

    Kuntrarjament għal dak li ssostni dan l-Istat Membru, il-kunċett ta’ “servizzi ta’ l-ilma” ma jkoprix biss il-provvista tal-ilma u t-trattament tal-ilma mormi. Il-kliem stess tal-punt 38 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60, il-kuntest tiegħu u l-għanijiet segwiti minn din id-direttiva jwasslu biex jiġi kkunsidrat li d-definizzjoni ta’ dawn is-servizzi jinkludu attivitajiet oħra bħal pereżempju, in-navigazzjoni, il-produzzjoni tad-dawl permezz tal-enerġija idrawlika u l-protezzjoni kontra l-għargħar.

    31

    Billi jsemmi, l-estrazzjoni, it-teħid, il-ħażna, it-trattament u d-distribuzzjoni, il-punt 38 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60 jelenka diversi attivitajiet li waħda minnhom trid tkun preżenti fis-servizz tal-ilma, mingħajr mal-użu tal-virgoli bejn dawn il-kliem u l-użu tal-konjugazzjoni “u” għandha tifsira oħra. Servizz tal-ilma ma jeżiġix li l-attivitajiet elenkati fil-punt 38(a) jew (b) tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jkunu preżenti kumulattivament.

    32

    L-għan tagħha huwa li jiġi żgurat użu effikaċi tar-riżorsi tal-ilma, billi tiġi żgurata parteċipazzjoni xierqa tad-diversi użi tal-ilma għall-irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi marbuta ma’ dan l-użu, fid-dawl tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Dan l-għan ma jintlaħaqx jekk, kif isostni l-Istat Membru konvenut, l-impriżi jipprattikaw l-estrazzjoni tal-ilma lil hinn mill-attivitajiet tal-provvista tal-ilma jew tat-trattament tal-ilma mormi, bħal pereżempju, f’ċerti Länder, l-impriżi ta’ estrazzjoni tal-minjieri fil-miftuħ, ma kinux obbligati li jħallsu l-ispejjeż għal din l-estrazzjoni.

    33

    Skont il-Kummissjoni, id-Direttiva 2000/60 u d-Direttiva 2004/35 għandhom l-istess bażi legali u t-tnejn li huma jsegwu għanijiet li huma intiżi biex iħarsu l-ambjent, fatt li ma jippermettix, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, interpretazzjoni kuntrarja tal-kunċett ta’ “Funktion” li jinsab fil-verżjoni tal-lingwa Ġermaniża ta’ din l-aħħar direttiva, u tal-kunċett ta’ “Dienstleitung” li jinsab fid-Direttiva 2000/60, biex jiġi dedott li dan tal-aħħar jirrigwarda attività umana. Barra minn hekk, fid-dritt tal-ambjent, is-servizzi ma jippreżumux il-parteċipazzjoni ta’ bniedem, kif jirriżulta mill-istudju ta’ evalwazzjoni tas-servizzi ekosistemiċi msejjaħ “Millennium Ecosystem Assessment”, imniedi min-Nazzjonijiet Uniti matul is-sena 2001 (CREDOC, Biotope, Asconit Consultants, 2009).

    34

    Għall-Kummissjoni, l-interpretazzjoni wiesgħa li hija tagħti lill-kunċett “servizzi ta’ l-ilma” ma trendix superfluwa d-distinzjoni magħmula mill-punt 39 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60 meta juża l-kunċett ta’ użu tal-ilma. Dan l-aħħar kunċett jinkludi mhux biss servizzi marbuta mal-użu tal-ilma iżda saħansitra, b’mod iktar wiesa’, kull attività li tista’ tinfluwenza b’mod sinjifikattiv l-istat tal-ilma, bħal pereżempju, is-sajd sportiv, l-għawm jew in-navigazzjoni fl-ilmijiet naturali li ma jistgħux jiġu arġinati.

    35

    Il-Kummissjoni ssostni li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ servizzi tal-ilma, l-estrazzjoni għall-finijiet tal-irrigazzjoni, li teżerċita pressjoni sinjifikattiva fuq l-istat tal-korp tal-ilma, l-estrazzjoni għall-finijiet industrijali, il-konsum kaptiv, it-teħid għall-użu mill-enerġija idrawlika, għan-navigazzjoni u għall-protezzjoni kontra l-għargħar, kif ukoll għall-ħażna, it-trattament u d-distribuzzjoni tal-ilma. Issa, jirriżulta, b’mod partikolari, li ċerti Länder ma japplikaw l-ebda miżata ta’ estrazzjoni jew japplikaw derogi wiesgħa.

    36

    Għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq approċċ żbaljat tad-Direttiva 200/60, b’mod partikolari tal-istrumenti bħall-apprezzament tal-użu tal-ilma li, għalkemm jikkostitwixxi mezz importanti biex jinkoraġġixxi iktar ekonomija u prudenza fl-amministrazzjoni tar-riżorsi tal-ilma, ma huwiex l-uniku miżura maħsuba minn din id-direttiva sabiex jintlaħaq dan l-għan. Issa, l-interpretazzjonijiet tal-punt 38 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/60 li tirreferi għalihom il-Kummissjoni ma jsemmux is-sistema ta’ amministrazzjoni ta’ din id-direttiva li għandha, bħala għan prinċipali, l-idea li r-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ilma fil-baċin tax-xmara jiġu bbilanċjati mad-drittijiet leġittimi għall-użu. Il-Kummissjoni għalhekk tneħħi l-ekwilibriju li jeżisti bejn l-istrumenti differenti ta’ amministrazzjoni li din id-direttiva tipprovdi kemm għal raġunijiet ta’ sussidjarjetà kif ukoll għal raġunijiet ta’ effikaċja.

    37

    L-istruttura stess tal-punt 38(a) u (b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60 tistrieħ, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, rispettivament fuq tqassim ċar bejn l-attivitajiet ta’ provvista ta’ ilma u l-attivitajiet ta’ tindif tal-ilma mormi. L-ewwel attivitajiet normalment jikkostitwixxu l-istadji meħtieġa għall-provvista tal-ilma (akkwist, trattament, ħażna, twassil, distribuzzjoni), u jekk dawn huma ddettaljati huwa għaliex għandu jiġi ppreċiżat li dawn l-istadji kollha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ispejjeż.

    38

    Għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-kunċett ta’ “servizzi ta’ l-ilma” jinkludi mhux id-diversi attivitajiet tal-provvista tal-ilma, iżda din il-provvista f’sens ġenerali. L-inklużjoni tal-imsemmija attivitajiet f’dan il-kunċett iwassal biex jiġi estiż b’mod illegali l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Din id-definizzjoni ma ċċaħħadx id-Direttiva 2000/60 mill-effettività tagħha, li tirriżulta minn bilanċ bejn, minn naħa, ir-rekwiżiti fil-qasam tal-protezzjoni tal-ilma, u, min-naħa l-oħra, l-użu leġittimu tal-ilma. Ma jistax jiġi dedott mis-sempliċi fatt li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/60 jsemmi l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas li l-istrument, li huwa l-obbligu li jiġu rkuprati l-ispejjeż, għandu jiġi estiż għall kull użu u għall-interventi li joħolqu dannu lill-ilma, peress li hemm miżuri oħra previsti bħal dawk li jinsabu fil-Parti B tal-Anness VI ta’ din id-direttiva.

    39

    Sabiex il-kunċett jiġi ddefinit bħala “servizzi”, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li għandha tiġi applikata d-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 57 TFUE u li teżiġi relazzjoni bilaterali, li ma tinsabx, pereżempju, fl-użu tal-ilma għan-navigazzjoni jew fil-miżuri ta’ protezzjoni kontra l-għargħar, iżda li hija stabbilita fl-attivitajiet ta’ provvista ta’ ilma u ta’ trattament tal-ilma mormi.

    40

    Din id-definizzjoni ta’ servizzi ma tistax titfittex fid-Direttiva 2004/35 li ġiet adottata erba’ snin wara d-Direttiva 2000/60 u li ma tinkludi, f’dan ir-rigward, l-ebda rinviju għaliha, u fejn għandu barra minn hekk jiġi rrilevat li hija ssemmi dak li huwa kklassifikat, fil-verżjoni tagħha bil-lingwa Ġermaniża, mhux bħala “Dienstleistung”, iżda bħala “Funktionen”, li ma tippreżumix attività umana. F’dan ir-rigward, hija ma tistax titfittex fl-użu tal-kunċett ta’ “servizzi ekosistemiċi”, li deher ħafna wara d-Direttiva 2000/60.

    41

    Għandu wkoll jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni wiesgħa li tapplika l-Kummissjoni tal-kunċett ta’ “servizzi ta’ l-ilma” twassal biex fil-prattika titneħħa l-eżistenza ta’ użi oħra tal-ilma bħal dawk imsemmija fil-punt 39 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60. Ix-xogħol preparatorju tal-punt 38 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva li jippermetti li din l-aħħar dispożizzjoni tiġi interpretata juri, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni stess kienet sostniet li l-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż kellu japplika biss għall-provvista ta’ ilma għax-xorb u għat-trattament tal-ilma mormi.

    42

    Fin-noti ta’ intervent tagħhom, ir-Renju tad-Danimarka, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit kollha ppreżentaw osservazzjonijiet insostenn tal-konklużjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    43

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss it-termini tagħha u l-għanijiet segwiti minnha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll id-dispożizzjonijiet b’mod ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u l-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti fir-rigward tal-interpretazzjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    F’din il-kawża, mill-kliem tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/60 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż għas-servizzi tal-ilma, inkluż l-ispejjeż għall-ambjent u r-riżorsi, fid-dawl tal-analiżi ekonomika mwettqa skont l-Anness III ta’ din id-direttiva u skont, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Dawn l-Istati għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw li l-politika ta’ apprezzament tal-ilma tinkoraġġixxi lill-utenti biex jużaw ir-riżorsi b’mod effikaċi u jikkontribwixxu għalhekk għat-twettiq tal-għanijiet ambjentali stabbiliti bid-Direttiva 2000/60. Fir-rigward tal-punt 38 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, dan jiddefinixxi bħala “servizzi ta’ l-ilma”, kull servizz li jkopri, għad-djar, għall-istituzzjonijiet pubbliċi jew għal kull attività ekonomika, minn naħa, l-estrazzjoni, it-teħid, il-ħażna, it-trattament u d-distribuzzjoni ta’ ilma tal-wiċċ jew tal-qiegħ u, min-naħa l-oħra, faċilitajiet ta’ kollezzjoni ta’ skart tal-ilma mormi u ta’ trattament li sussegwentement joħorġu fl-ilma tal-wiċċ.

    45

    Dawn id-dispożizzjonijiet, li ma jiddefinixxux il-kunċett ta’ “servizzi”, ma humiex suffiċjenti biex jiġi ddeterminat ex ante jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni riedx jissuġġetta għall-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż, kif issostni essenzjalment il-Kummissjoni, kull servizz li jikkonċerna l-attivitajiet iċċitati fil-punt 38 (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60, barra dawk marbuta mat-trattament tal-ilma mormi msemmija f’dan il-paragrafu 38(b), jew biss, kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minn naħa, is-servizzi marbuta mal-attività ta’ provvista tal-ilma billi teżiġi li jittieħdu inkunsiderazzjoni kull stadju ta’ din l-attività kif huwa elenkat fl-imsemmi paragrafu 38(a), u, min-naħa l-oħra, dawk li huma marbuta mal-attività ta’ trattament tal-ilma mormi msemmi f’dan l-istess paragrafu (b).

    46

    Għalhekk, għandu l-ewwel nett jiġi analizzat il-kuntest u l-istruttura ġenerali tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni biex jiġi vverifikat jekk, kif essenzjalment issostni l-Kummissjoni, l-apprezzament tal-ispejjeż huwiex meħtieġ għall-attivitajiet kollha ta’ estrazzjoni, teħid, ħażna, trattament u distribuzzjoni tal-ilma fil-wiċċ jew ilma taħt l-art.

    47

    L-ewwel nett, mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2000/60 jirriżulta, kif sostnut fil-qosor mill-Avukat Ġenerali fil-punti 68 u 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried, minn naħa, jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jiddeterminaw, fuq il-bażi ta’ analiżi ekonomika, il-miżuri li għandhom jiġu adottati għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż u, min-naħa l-oħra, li jippromwovi l-apprezzament ta’ dawn l-ispejjeż mingħajr ma jiġu estiżi għas-servizzi kollha tal-ilma għaliex f’dan ir-rigward kien hemm prattiki diverġenti ħafna bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-apprezzament tas-servizzi ta’ provvista tal-ilma u t-trattament tal-ilma mormi.

    48

    It-tieni nett, id-Direttiva 2000/60, billi teżiġi, skont l-Artikolu 9 tagħha, li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma u li għandhom jiżguraw li l-politika ta’ apprezzament tal-ilma tinkoraġġixxi lill-utenti biex jużaw ir-riżorsi b’mod effikaċi, u jikkontribwixxi għalhekk għat-twettiq tal-għanijiet ambjentali stabbiliti minn din id-direttiva, ma timponix, bħala tali, obbligu ġġeneralizzat ta’ apprezzament tal-attivitajiet kollha marbuta mal-użu tal-ilma.

    49

    Għalhekk, fit-tieni lok, għandha tiġi evalwata l-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tal-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2000/60.

    50

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2000/60 hija direttiva-qafas adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 175(1) KE (li sar l-Artikolu 192 TFUE). Hija tistabbilixxi prinċipji komuni u qafas globali ta’ azzjoni għall-protezzjoni tal-ilma u tiżgura l-koordinazzjoni, l-integrazzjoni, kif ukoll, għal medda itwal ta’ żmien, l-iżvilupp tal-prinċipji ġenerali u tal-istrutturi li jippermettu l-protezzjoni u użu ekoloġikament vijabbli tal-ilma fl-Unjoni Ewropea. Il-prinċipji komuni u l-qafas globali ta’ azzjoni li hija tistabbilixxi għandhom jiġu żviluppati iktar mill-Istati membri li għandhom jadottaw sensiela ta’ miżuri partikolari konformement mat-termini previsti minn din id-direttiva. Madankollu, din tal-aħħar ma tirrigwardax armonizzazzjoni totali tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-ilma (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑32/05, EU:C:2006:749, punt 41).

    51

    Kif jirriżulta mill-premessa 19 tad-Direttiva 2000/60, din tal-aħħar hija intiża li żżomm u ttejjeb l-ambjent akwatiku tal-Unjoni. Dan l-għan huwa primarjament marbut mal-kwalità tal-ilmijiet inkwistjoni. Il-kontroll tal-kwantità huwa element addizzjonali li jiżgura l-kwalità tajba tal-ilma u għaldaqstant għandhom jittieħdu wkoll miżuri dwar il-kwantità, suġġetti għall-għan ta’ kwalità tajba.

    52

    Billi kkonstata li l-kundizzjonijiet u l-bżonnijiet eżistenti jeżigu f’dan ir-rigward soluzzjonijiet speċifiċi, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessa 13 tad-Direttiva 2000/60, li din id-diversità ta’ soluzzjonijiet tittieħed inkunsiderazzjoni fl-ippjanar u fl-implementazzjoni tal-miżuri intiżi għall-protezzjoni u għall-użu ekoloġikament vijabbli tal-ilma fil-kuntest ta’ baċin tax-xmara u li d-deċiżjonijiet jittieħdu fil-livell l-eqreb possibbli tal-postijiet ta’ użu jew ta’ degradazzjoni tal-ilma. Konsegwentement, u bla ħsara għall-importanza tal-politika ta’ apprezzament tal-ilma u tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, kif sostnut mill-ġdid minn din id-direttiva, il-prijorità għandha tingħata lill-azzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, billi jfasslu programmi ta’ azzjonijiet adatti għall-kundizzjonijiet lokali u reġjonali.

    53

    Għalhekk, kif l-Avukat Ġenerali rrileva, b’mod partikolari fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2000/60 essenzjalment tistrieħ fuq il-prinċipji ta’ amministrazzjoni għall-baċin tax-xmara, tal-iffissar tal-għanijiet għall-korp tal-ilma, tal-ippjanar u tal-programmazzjoni, tal-analiżi ekonomiċi tal-modalitajiet tal-apprezzament tal-ilma, tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-irkupru tal-ispejjeż, kif ukoll tal-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi tar-reġjun jew tar-reġjuni kkonċernati.

    54

    F’din il-perspettiva, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60 jistabbilixxi li kull Stat Membru għandu jiżgura li titfassal, għal kull distrett ta’ baċin tax-xmara jew għal dik il-parti tad-distrett ta’ baċin tax-xmara li tinsab fit-territorju tiegħu, programm ta’ miżuri li jqis ir-riżultati tal-analiżi li jridu jitwettqu preliminarjament previsti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, biex jitwettqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ din tal-aħħar. Skont il-paragrafu 3(b) tal-imsemmi Artikolu 11, il-miżuri dwar l-irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma, kif previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/60, għandhom josservaw rekwiżiti minimi li tali programm għandu jinkludi.

    55

    Għalhekk, jidher li l-miżuri dwar l-irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma jikkostitwixxu wieħed mill-istrumenti, għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, dwar l-amministrazzjoni kwalitattiva tal-ilma intiż għal użu razzjonali tar-riżorsa.

    56

    Issa, għalkemm, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, l-attivitajiet differenti elenkati fil-punt 38 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60, bħal pereżempju l-estrazzjoni jew it-teħid, jistgħu jkollhom effetti fuq l-istat tal-korpi tal-ilma u għalhekk jistgħu jikkompromettu t-twettiq tal-għanijiet segwiti minn din id-direttiva, ma jistax madankollu jiġi dedott li, fil-każijiet kollha, l-assenza ta’ apprezzament ta’ tali attivitajiet hija neċessarjament ta’ dannu għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet.

    57

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2000/60 jistabbilixxi li l-Istati Membri huma awtorizzati, taħt ċerti kundizzjonijiet, li ma japplikawx l-irkupru tal-ispejjeż għal attività ta’ użu tal-ilma, sa fejn dan ma jqiegħedx inkwistjoni l-għanijiet segwiti minn din id-direttiva u ma jikkompromettix it-twettiq ta’ dawn tal-aħħar.

    58

    Minn dan jirriżulta li l-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2000/60 mhux neċessarjament jimplikaw li d-dispożizzjonijiet tal-punt 38(a) tal-Artikolu 2 tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jissuġġettaw l-attivitajiet kollha li hija tiċċita għall-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż, kif essenzjalment issostni l-Kummissjoni.

    59

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tissuġġettax xi wħud minn dawn l-attivitajiet għal dan il-prinċipju, ma jippermettix li waħdu jiġi stabbilit, lil hinn minn kull ilment ieħor, li dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-punt 38 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/60.

    60

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    61

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, li jipprovdi li l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom isostnu l-ispejjeż tagħhom, ir-Renju tad-Danimarka, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż.

     

    3)

    Ir-Renju tad-Danimarka, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq