EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CC0196

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 4 ta' Settembru 2014.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Taljana.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Direttivi 75/442/KEE, 91/689/KEE u 1999/31/KE - Immaniġġar ta’ skart - Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu - Nuqqas ta’ eżekuzzjoni - Artikolu 260(2) TFUE - Sanzjonijiet pekunjarji - Pagamenti ta’ penalità - Somma f’daqqa.
Kawża C-196/13.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2162

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-4 ta’ Settembru 2014 ( 1 )

Kawża C‑196/13 u C‑378/13

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Taljana (C‑196/13)

u

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Ellenika (C‑378/13)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 260 TFUE — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja — Sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑135/05, EU:C:2007:250) u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑502/03, EU:C:2005:592) — Leġiżlazzjoni dwar l-iskart — Landfills illegali — Għeluq — Riabilitazzjoni — Awtorizzazzjoni mġedda skont id-Direttiva 99/31/KE — Sanzjonijiet pekunjarji — Impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità u ta’ somma f’daqqa — Tnaqqis tal-pagamenti ta’ penalità fil-każ ta’ eżekuzzjoni parzjali”

Werrej

 

I – Introduzzjoni

 

II – Il-kuntest ġuridiku

 

A – Id-Direttiva dwar l-iskart preċedenti

 

B – Id-Direttiva fuq skart perikoluż

 

C – Id-Direttiva dwar l-iskart il-ġdida

 

D – Id-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill]

 

III – Il-fatti li taw lok għaż-żewġ kawżi

 

A – Il-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑196/13)

 

B – Il-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑378/13)

 

IV – It-talbiet tal-partijiet

 

V – Analiżi ġuridika

 

A – Kunsiderazzjonijiet preliminari

 

1. L-eżistenza kontinwa tal-obbligu ta’ eżekuzzjoni

 

2. Dwar id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżekuzzjoni

 

B – Dwar il-proċedura kontra l-Italja

 

1. Dwar l-ammissibbiltà

 

2. Dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250)

 

a) Dwar l-użu ta’ landfills illegali

 

i) Dwar l-għadd ta’ landfills li baqgħu jintużaw

 

ii) Dwar l-introduzzjoni ta’ regoli u kontrolli addizzjonali

 

b) Dwar ir-riabilitazzjoni ta’ landfills illegali

 

i) Dwar l-obbligu tar-riabilitazzjoni inġenerali

 

ii) Dwar l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva fuq skart perikoluż

 

iii) Dwar il-landfills ikkonċernati

 

c) Dwar l-awtorizzazzjoni mġedda ta’ landfills li għadhom qed jiġu operati skont id-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill]

 

d) Konklużjoni intermedja

 

C – Dwar il-proċedura kontra l-Greċja

 

D – Dwar is-sanzjonijiet pekunjarji

 

1. Dwar il-pagamenti ta’ penalità

 

a) Dwar il-Kawża C‑196/13, Il-Kummissjoni vs L-Italja

 

i) Dwar l-eżistenza kontinwa tal-ksur

 

– Dwar il-każijiet mhux ikkontestati

 

– Dwar iż-żewġ każijiet inkwistjoni

 

ii) Dwar l-użu kontinwu ta’ landfills illegali

 

iii) Dwar il-ħtieġa ta’ riabilitazzjoni taż-żewġ landfills

 

– Konklużjoni intermedja

 

iv) Dwar il-pagament ta’ penalità — pagamenti fissi jew li jonqsu gradwalment?

 

iii) Dwar l-ammont bażiku

 

b) Dwar il-Kawża C‑378/13, Il-Kummissjoni vs Il-Ġreċja

 

i) Dwar l-ammont bażiku ta’ pagamenti ta’ penalitŕ

 

ii) Dwar ir-rikonoxximent tal-għeluq ta’ landfills

 

iii) Konklużjoni intermedja

 

2. Dwar is-somma f’daqqa

 

a) Dwar il-Kawża C‑196/13, Il-Kummissjoni vs L-Italja

 

b) Dwar il-Kawża C‑378/13, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja

 

VI – Spejjeż

 

VII – Konklużjonijiet

I – Introduzzjoni

1.

L-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskart tista’ xi drabi tagħti lok għal diffikultajiet. Tali diffikultajiet huma l-bażi ta’ din il-proċedura. Il-Kummissjoni ressqet proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Greċja u l-Italja minħabba għadd kbir ta’ landfills għar-rimi tal-iskart illegali, li taw lok għas-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑502/03, EU:C:2005:592), u Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑135/05, EU:C:2007:250). Hija qiegħda terġa’ tindirizza lill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li fil-fehma tagħha, iż-żewġ sentenzi għadhom ma ġewx eżegwiti kompletament. Billi ż-żewġ kawżi jissollevaw parzjalment l-istess domandi, qiegħda nindirizzahom flimkien f’dawn il-konklużjonijiet.

2.

Il-kawżi jikkonċernaw l-użu ta’ landfills illegali kif ukoll in-nuqqas ta’ riabilitazzjoni ta’ landfills illegali magħluqa. Fil-proċedura Taljana, jirriżulta hemm inkwistjoni wkoll il-fatt li ċerti landfills fihom skart perikoluż li ma ġiex identifikat u rreġistrat, kif ukoll in-nuqqas ta’ tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ landfills skont id-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill] ( 2 ).

3.

L-ewwel problema hija dik tad-dritt applikabbli: iż-żewġ sentenzi tas-snin 2005 u 2007 jistgħu u għandhom xorta jiġu eżegwiti, għalkemm sadanittant is-sitwazzjoni legali nbidlet?

4.

In-nuqqas ikkonstatat jikkonċerna d-Direttiva dwar l-iskart preċedenti ( 3 ), u fil-każ tal-Italja, anki d-Direttiva fuq skart perikoluż ( 4 ) u d-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill]. Sadanittant, id-Direttiva dwar l-iskart preċedenti, ġiet irrevokata u ssostitwita mingħajr tibdil sostanzjali permezz ta’ verżjoni kkonsolidata ( 5 ). Sussegwentement, l-Unjoni adottat id-Direttiva dwar l-iskart il-ġdida ( 6 ), li ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva kkodifikata dwar l-iskart u d-Direttiva fuq skart perikoluż. Għalhekk, għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni sa fejn il-ksur oriġinali għadu jeħtieġ li jiġu adottati miżuri llum.

5.

B’mod partikolari, il-proċedura fir-rigward tal-Italja tqajjem ukoll il-kwistjoni tas-suġġett tal-ewwel sentenza u, għaldaqstant, il-kwistjoni tal-portata tal-obbligu li tiġi eżegwita. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat nuqqas ġenerali u kontinwu ( 7 ), mingħajr ma identifikat eżattament liema każijiet huma s-suġġett tal-kundanna. Għandu għalhekk jiġi ċċarat jekk u kif tali sentenza għandha tiġi eżegwita skont l-Artikolu 260 TFUE.

6.

Kwistjonijiet oħra huma relatati mal-impożizzjoni eventwali ta’ pagamenti ta’ penalità u/jew ta’ somma f’daqqa. Billi ż-żewġ proċeduri jikkonċernaw għadd kbir ta’ każijiet individwali, għandu jiġi diskuss kif dawn il-każijiet individwali għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-pagament eventwali u liema konsegwenzi fuq l-ammont tal-pagament ta’ penalità jirriżultaw mill-eżekuzzjoni potenzjali tas-sentenza fir-rigward ta’ uħud minn dawn il-każijiet. Speċifikament, titqajjem il-kwistjoni dwar jekk għandhomx jiġu imposti pagamenti ta’ penalità li jonqsu u li l-ammont applikabbli tagħhom jitnaqqas perjodikament kif xieraq, sakemm isir progress fl-eżekuzzjoni tas-sentenzi.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-Direttiva dwar l-iskart preċedenti

7.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-iskart preċedenti jistabbilixxi obbligu ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent fl-ipproċessar tal-iskart u ta’ prevenzjoni ta’ rimi illegali ta’ skart:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw illi l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr l-użu ta’ proċessi jew ta’ metodi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent, u b’ mod partikolari: [...]

[...]

L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprojbixxu l-abbandun, it-tfigħ u r-rimi mhux ikkontrollat ta’ l-iskart.”

8.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar l-iskart preċedenti jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li d-detenturi tal-iskart jipproċessawh permezz ta’ kollettur privat jew pubbliku, jew inkella permezz ta’ impriża li twettaq ix-xogħlijiet imniżżla fil-lista fl-Anness II A jew II B ta’ din id-direttiva, jew jirkuprawh jew jiddisponu minnu huma stess skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

9.

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar l-iskart preċedenti jipprovdi li, fost l-oħrajn, għall-finijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva, l-istabbilimenti jew l-impriżi kollha li xogħlhom huwa li jipproċessaw l-iskart, għandhom jiksbu permess mingħand l-awtorità kompetenti għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

B – Id-Direttiva fuq skart perikoluż

10.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva fuq skart perikoluż jinkludi obbliġi bażiċi fir-rigward tar-rimi ta’ dan l-iskart:

“(1)   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedu li f’kull sit fejn isir rimi ta’ skart perikoluż l-iskart ikun irrekordjat u identifikat.

[...]”

C – Id-Direttiva dwar l-iskart il-ġdida

11.

Id-Direttiva dwar l-iskart u d-Direttiva fuq skart perikoluż ġew irrevokati bl-Artikolu 41 tad-Direttiva dwar l-iskart il-ġdida b’effett mit-12 ta’ Diċembru 2010. Din id-dispożizzjoni tipprevedi:

“Ir-referenzi għad-Direttivi mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness V.”

12.

L-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva dwar l-iskart preċedenti ġew issostitwiti mingħajr bidliet sinjifikattivi permezz tal-Artikoli 13 u 36(1), 15(1) kif ukoll 23(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-iskart il-ġdida.

13.

L-ekwivalenti funzjonali tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva fuq skart perikoluż huwa l-Artikolu 35(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-iskart il-ġdida:

“(1)   L-istabbilimenti jew l-intrapriżi msemmija fl-Artikolu 23(1), [stabbilimenti u intrapriżi li biħsiebhom iwettqu trattament ta’ skart], il-produtturi ta’ l-iskart perikoluż u l-istabbilimenti u l-intrapriżi li jiġbru jew jittrasportaw l-iskart perikoluż fuq bażi professjonali, jew jaġixxu bħala negozjanti jew sensara ta’ skart perikoluż, għandhom iżommu reġistru kronoloġiku tal-kwantità, in-natura u l-oriġini ta’ l-iskart, u, meta jkun rilevanti, id-destinazzjoni, il-frekwenza tal-ġbir, il-mod tat-trasport u l-metodu tat-trattament mistenni fir-rigward ta’ l-iskart, u jagħmlu dan it-tagħrif disponibbli, fuq talba, lill-awtoritajiet kompetenti.

(2)   Fil-każ ta’ skart perikoluż, ir-reġistri għandhom jinżammu għal mill-anqas tliet snin, tali reġistri għal mill-anqas 12-il xahar.

Għandha tiġi provduta, fuq talba ta’ l-awtoritajiet kompetenti jew ta’ detentur preċedenti, prova dokumentata li l-operazzjonijiet ta’ mmaniġġar ikunu twettqu.”

D – Id-Direttiva dwar ir-rimi ta ’ skart f’terraferma [landfill]

14.

L-Artikolu 14(a) sa (c) tad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill] tirregola t-tranżizzjoni ta’ landfills li kienu jeżistu qabel fil-qafas regolatorju tad-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex terraferma [landfill] li ġew mogħtija permess, jew li huma diġa qed jitħaddmu fil-ħin ta’ trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva, ma jistgħux ikomplu jaħdmu sakemm il-passi indikati hawn taħt jiġu mtemma […]:

a)

f’perijodu ta’ sena min wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1) [jiġifieri mhux iktar tard mis-16 ta’ Lulju 2002], l-operatur ta’ terraferma [landfill] irid jipprepara u jippreżenta lill-awtoritajiet kompetenti, għall-approvazzjoni tagħhom, pjan ta’ kondizzjonament għas-sit inklużi l-partikolari elenkati fl-Artikolu 8 u kull miżura korrettiva li l-operatur jikkonsidera li tkun meħtieġa sabiex ikun konformi mal-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-ħtiġijiet fl-Anness I, punt 1;

b)

skond il-preżentazzjoni tal-pjan ta’ kondizzjonament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu deċiżjoni definit[tiv]a fuq jekk l-operazzjonijiet ikomplux fuq il-bażi tal-imsemmi pjan ta’ kundizzjonament u ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jagħlqu malajr kemm jista’ jkun possibbli, bi qbil ma’ l-Artikolu 7(g) u 13, siti li ma ġewx mogħtija, bi qbil ma’ l-Artikolu 8, permess biex ikomplu joperaw;

c)

fuq il-bażi tal-pjan ta’ kondizzjonament tas-sit approvat, l-awtoritá kompetenti għandha tawtorizza x-xogħol neċessarju u tistipula perijodu tranżitorju għat-temma tal-pjan. Terraferma [landfill] eżistenti trid taqbel mall-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-ħtiġijiet fl-Anness I, punt 1 fi żmien tmien snin wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1).”

15.

Skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill], l-Istati Membri għandhom jimplementaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-direttiva sa mhux iktar tard minn sentejn minn wara d-dħul fis-seħħ tagħha (jiġifieri mhux iktar tard mis-16 ta’ Lulju 2001), u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan immedjatament.

III – Il-fatti li taw lok għaż-żewġ kawżi

16.

Dawn il-konklużjonijiet jikkonċernaw żewġ proċeduri skont l-Artikolu 260(2) TFUE kontra l-Italja u l-Greċja dwar l-eżekuzzjoni ta’ żewġ sentenzi preċedenti minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 258 TFUE.

A – Il-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑196/13)

17.

Fis-26 ta’ April 2007, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva dwar l-iskart preċedenti, taħt l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva fuq skart perikoluż u taħt l-Artikolu 14(a) sa (c) tad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill], billi ma adottatx il-miżuri kollha meħtieġa:

sabiex tiżgura li l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr l-użu ta’ proċessi jew ta’ metodi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent, u sabiex tipprojbixxi l-abbandun, ir-rimi u l-eliminazzjoni mingħajr kontroll tal-iskart;

sabiex kull possessur tal-iskart jipproċessah permezz ta’ kollettur privat jew pubbliku jew inkella permezz ta’ impriża li twettaq ix-xogħlijiet ta’ rimi jew ta’ rkupru, jew inkella jiddisponi minnu huwa stess skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-iskart;

sabiex kull installazzjoni jew impriża li topera fis-settur tar-rimi, tkun obbligata tikseb l-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti;

sabiex f’kull landfill jew sit fejn isir ir-rimi ta’ skart perikoluż, dan l-iskart ikun irreġistrat u identifikat; u

sabiex fil-landfills li diġà kienu rċevew l-awtorizzazzjoni jew diġà kienu sfruttati fis-16 ta’ Lulju 2001, l-operatur jipprepara u jippreżenta għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti, qabel is-16 ta’ Lulju 2002, pjan ta’ kundizzjonament tas-sit li jinkludi l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni, kif ukoll kull miżura korrettiva li l-operatur iqis li tkun meħtieġa, u sabiex, wara l-preżentazzjoni tal-pjan ta’ kundizzjonament, l-awtorità kompetenti tieħu deċiżjoni definittiva rigward il-kontinwazzjoni tal-operazzjoni, billi, mill-iktar fis possibbli, tagħlaq is-siti li ma ngħatawx l-awtorizzazzjoni li jkomplu joperaw jew tawtorizza x-xogħlijiet neċessarji u tistabbilixxi perjodu tranżitorju għall-implementazzjoni tal-pjan.

18.

Wara l-kuntatti inizjali, il-Kummissjoni, fl-1 ta’ Frar 2008, talbet lill-Italja tissottometti osservazzjonijiet dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenza. Wara skambju ta’ korrispondenza sussegwenti, fis-26 ta’ Ġunju 2009 il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Italja. L-iskadenza ddikjarata għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ġiet estiża mill-Kummissjoni għat-30 ta’ Settembru 2009. Dan ġie segwit minn komunikazzjoni oħra min-naħa tal-Italja li, madankollu, ma ssodisfatx lill-Kummissjoni. Għaldaqstant, fis-16 ta’ April 2013, ġie ppreżentat ir-rikors fil-Kawża C‑196/13.

B – Il-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑378/13)

19.

Fis-6 ta’ Ottubru 2005, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva dwar l-iskart, billi ma adottatx il-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiżgura l-osservanza tal-Artikoli 4, 8 u 9 ta’ din id-direttiva.

20.

Il-Kummissjoni u l-Greċja skambjaw il-fehmiet tagħhom b’mod intensiv dwar l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza. Fid-29 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni bagħtet talba ġdida lill-Greċja sabiex tissottometti osservazzjonijiet, fejn imponiet skadenza ta’ xahrejn għall-eżekuzzjoni tas-sentenza. Peress li anki l-informazzjoni li ntbagħtet sussegwentement mill-Greċja ma ssodisfatx lill-Kummissjoni, fit-2 ta’ Lulju 2013 ġie ppreżentat ir-rikors fil-Kawża C‑378/13.

IV – It-talbiet tal-partijiet

21.

Fil-Kawża C‑196/13, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1)

tiddikjara li, billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), li fiha ġie deċiż li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva dwar l-iskart, tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva fuq skart perikoluż, u tal-Artikolu 14(a) sa (ċ), tad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill], ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE;

2)

tordna lir-Repubblika Taljana tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità li jammontaw għal EUR 256 819.2 għal kull jum ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), dekorribbli mill-jum tal-għoti tas-sentenza fil-kawża preżenti sal-jum tal-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-Kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250);

3)

tordna lir-Repubblika Taljana tħallasha somma f’daqqa, li l-ammont tagħha jirriżulta mill-multiplikazzjoni ta’ ammont ta’ kuljum ta’ EUR 28 089.6 man-numru ta’ jiem ta’ dewmien tal-ksur b’effett mid-data tal-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), sad-data li fiha tingħata s-sentenza fil-kawża preżenti;

4)

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

22.

Ir-Repubblika Taljana titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara r-rikors inammissibbli, irrilevanti, u fi kwalunkwe każ, infondat, u tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

23.

Fil-Kawża C‑378/13 il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1)

tiddikjara li, billi r-Repubblika Ellenika naqset milli tadotta l-miżuri neċessarji li jirriżultaw mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE;

2)

tordna lir-Repubblika Ellenika tħallas il-pagamenti ta’ penalità proposti li jammontaw għal EUR 71 193.60 għal kull jum ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), dekorribbli mill-jum tal-għoti tas-sentenza fil-kawża preżenti sal-jum tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592);

3)

tordna lir-Repubblika Ellenika tħallasha somma f’daqqa ta’ EUR 7 786.80 għal kull jum b’effett mill-jum tal-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592) sal-jum tal-għoti tas-sentenza fil-kawża preżenti jew sal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), jekk dan iseħħ qabel;

4)

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

24.

Ir-Repubblika Ellenika titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1)

tiċħad ir-rikors tal-Kummissjoni fl-intier tiegħu;

2)

sussidjarjament, tiċħad it-talbiet għall-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penalità ta’ kuljum u ta’ somma f’daqqa;

3)

sussidjarjament, li tillimita għall-minimu assolut l-ammont ta’ pagamenti ta’ penalità propost mill-Kummissjoni, b’kunsiderazzjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), u tillimita s-somma f’daqqa għall-minimu previst għall-Greċja, jiġifieri l-ammont ta’ EUR 2 181 000; kif ukoll

4)

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25.

Il-partijiet ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u nstemgħu fis-seduta tat-3 ta’ Ġunju 2014.

V – Analiżi ġuridika

26.

Qabel ma jiġi eżaminat jekk l-Italja (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti B) u l-Greċja (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti C) wettqux l-eżekuzzjoni taż-żewġ sentenzi, ser nibda billi nagħmel kunsiderazzjonijiet preliminari li huma rilevanti għaż-żewġ proċeduri (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti A). Fl-aħħar nett, ser nikkunsidra s-sanzjonijiet pekunjarji (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti D).

A – Kunsiderazzjonijiet preliminari

27.

L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat sa liema punt is-sentenzi inkwistjoni għad iridu jiġu eżegwiti (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 1) u sussegwentement għandu jiġi ċċarat kif għandu jiġi stabbilit iż-żmien rilevanti għat-twettiq tal-obbligu tal-eżekuzzjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 2).

1. L-eżistenza kontinwa tal-obbligu ta’ eżekuzzjoni

28.

L-ewwel nett għandu jiġi ċċarat sa liema punt iż-żewġ sentenzi għadhom iridu jiġu eżegwiti. Huwa minnu li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill] għadhom validi. Madankollu, id-Direttiva dwar l-iskart preċedenti u d-Direttiva fuq skart perikoluż li kienu fis-seħħ meta ngħataw iż-żewġ sentenzi, ġew irrevokati u ssostitwiti bid-Direttiva dwar l-iskart il-ġdida.

29.

L-obbligu ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi ma jistax ikollu portata ikbar mill-obbligi legali li l-ksur tagħhom ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Kieku dan il-każ, l-obbligu ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza jkun jista’, f’ċerti ċirkustanzi, saħansitra jwassal għal ksur ieħor tad-dritt tal-Unjoni. Eżempju ta’ dan huma ż-żewġ sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Isvezja ( 8 ) dwar iż-żamma ta’ data. L-eżekuzzjoni kontinwa tagħhom, minħabba l-konstatazzjoni li d-Direttiva 2006/24 ( 9 ) hija invalida ( 10 ), possibbilment tikser l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58 ( 11 ), kif ukoll l-Artikoli 8 u 9 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

30.

Fi proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni tista’, skont il-ġurisprudenza stabbilita, tippermetti li jiġi kkonstatat ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-verżjoni inizjali ta’ att tal-Unjoni li kien sussegwentement emendat jew abrogat u li nżammu taħt id-dispożizzjonijiet il-ġodda ( 12 ). Din is-soluzzjoni tagħmel sens peress li, bħala regola ġenerali, jista’ jiġi preżunt li l-leġiżlatur tal-Unjoni, minkejja r-riformulazzjoni ta’ ċerti direttivi ma riedx jipprekludi l-infurzar tal-obbligi eżistenti li ma nbidlux. Tali emendi purament formali tad-dritt tal-Unjoni ma jaffettwawx l-għanijiet speċifiċi tad-direttivi rispettivi, li jorbtu lill-Istati Membri taħt l-Artikolu 288(3) TFUE. Dan japplika iktar u iktar jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni jdaħħal dispożizzjonijiet fl-atti l-ġodda li permezz tagħhom referenzi għad-direttivi abrogati għandhom jinftiehmu bħala referenzi għad-direttivi l-ġodda u anki jehmeż tabelli ta’ korrelazzjoni. Dan huwa eżattament dak li ġara fil-każ tad-direttiva l-ġdida fir-rigward tal-liġi dwar l-iskart ( 13 ).

31.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet li r-revoka tad-Direttiva dwar l-iskart preċedenti permezz tad-Direttiva dwar l-iskart ikkodifikata waqt il-proċedura preliminari ta’ rikors taħt l-Artikolu 258 TFUE ma taffettwax din il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Dan għaliex id-direttiva l-iżjed reċenti, li għal raġunijiet ta’ trasparenza u razzjonalità kkodifikat id-Direttiva dwar l-iskart, terġa’ tinkludi d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-direttiva preċedenti ( 14 ).

32.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà bbażat impliċitament sentenza fuq dan il-kunċett skont l-Artikolu 260(2) TFUE. Dan minħabba li l-proċedura dwar it-tankijiet settiċi Irlandiżi ( 15 ) wkoll kienet tikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 8 tad-Direttiva dwar l-iskart preċedenti, li kienet diġà ġiet issostitwita mid-Direttiva kkodifikata dwar l-iskart meta ngħatat l-ewwel sentenza. Barra minn hekk, qabel is-sottomissjoni tar-rikors skont l-Artikolu 260, id-Direttiva dwar l-iskart il-ġdida kienet diġà ssostitwixxiet id-Direttiva dwar l-iskart ikkonsolidata. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr diskussjoni ulterjuri dwar id-dritt applikabbli, imponiet il-pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa.

33.

Għalhekk, l-obbligi preċedenti tal-liġi dwar l-iskart jistgħu jiġu infurzati anki fil-proċedura preżenti, sa fejn dawn jinżammu fid-dispożizzjonijiet applikabbli. Dan għandu jiġi eżaminat fid-dettall f’kull każ.

2. Dwar id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżekuzzjoni

34.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk sentenza tkunx ġiet eżegwita, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(1) TFUE għandha titqies li hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta skont din id-dispożizzjoni ( 16 ). Madankollu, meta l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tkun inbdiet abbażi tal-Artikolu 228(2) KE u opinjoni motivata tkun intbagħtet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jiġifieri fl-1 ta’ Diċembru 2009, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit f’din l-opinjoni motivata ( 17 ).

B – Dwar il-proċedura kontra l-Italja

1. Dwar l-ammissibbiltà

35.

Huwa minnu li l-Italja tqis li r-rikors huwa inammissibbli minħabba li l-Kummissjoni ma bagħtet ebda opinjoni motivata supplimentari. Opinjoni addizzjonali, madankollu, kienet tkun meħtieġa biss kieku l-Kummissjoni estendiet il-proċedura fil-konfront tal-opinjoni motivata ( 18 ). Ma jidhirx li hemm tali estensjoni. Sakemm ir-rikors jikkoinċidi mal-opinjoni adottata, ma hija meħtieġa l-ebda opinjoni supplimentari. Għalhekk, dan l-argument tal-Italja għandu jiġi miċħud.

36.

Barra minn hekk, l-Italja ssostni li ittra tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Ambjent, tal-14 ta’ Ġunju 2011, qajmet aspettattivi leġittimi dwar delimitazzjoni differenti tas-suġġett tal-proċedura.

37.

Ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jassumi li l-amministrazzjoni tkun tat assigurazzjonijiet speċifiċi ( 19 ). Informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordanti u li ġejja minn sorsi awtorizzati u affidabbli tikkostitwixxi tali assigurazzjonijiet li jistgħu jqajmu aspettattivi bħal dawn ( 20 ).

38.

Madankollu, l-Italja ma spjegatx liema assigurazzjonijiet preċiżi għandhom jinsiltu minn din l-ittra. Għalhekk, din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda wkoll.

2. Dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250)

39.

Il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Italja abbażi ta’ eżekuzzjoni insuffiċjenti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250). Il-Kummissjoni estendiet l-iskadenza tat-terminu stabbilit f’dik is-sentenza sat-30 ta’ Settembru 2009. Għalhekk, jeħtieġ li l-ewwel jiġi stabbilit jekk f’dan iż-żmien l-Italja adottatx il-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma mas-sentenza.

40.

Fis-sentenza ċċitata, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li sar ksur tal-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva dwar l-iskart preċedenti, tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva fuq skart perikoluż, u tal-Artikolu 14(a) sa (c) tad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill].

41.

Meta skada t-terminu estiż bl-opinjoni motivata, fit-30 ta’ Settembru 2009, id-Direttiva dwar l-iskart preċedenti kienet ġiet issostitwita bid-Direttiva dwar l-iskart ikkonsolidata, iżda t-terminu għall-implementazzjoni tad-Direttiva dwar l-iskart il-ġdida kien għadu ma skadiex. Billi d-Direttiva kkonsolidata ma kien fiha ebda emendi sostanzjali, fit-30 ta’ Settembru 2009 l-Italja kien għad għandha l-obbligu li teżegwixxi s-sentenza.

42.

Għall-finijiet ta’ identifikazzjoni tal-obbligi tal-eżekuzzjoni, id-dispożittiv tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) iservi biss ta’ użu limitat ħafna, peress li huwa limitat biss għar-riproduzzjoni tat-test tad-dispożizzjonijiet miksura. Madankollu, dan għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-deċiżjoni ( 21 ). Għalhekk, hemm tliet tipi ta’ ksur li jistgħu jiġu identifikati, jiġifieri

l-użu ta’ landfills illegali, li wħud fihom skart perikoluż;

l-assenza ta’ riabilitazzjoni ta’ landfills illegali magħluqa, li wħud minnhom fihom skart perikoluż; u

l-assenza ta’ tiġdid ta’ awtorizzazzjoni għal landfills għar-rimi tal-iskart li baqgħu joperaw skont id-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill].

a) Dwar l-użu ta’ landfills illegali

43.

Il-Kummissjoni tikkontesta l-użu ta’ landfills għar-rimi tal-iskart illegali u ssostni li l-Italja għandha tintroduċi regoli u kontrolli addizzjonali sabiex tipprekludi tali abbużi fil-futur.

44.

Fil-punti 39, 42 u 43 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ksur tal-Artikoli 4 u 9 tad-Direttiva dwar l-iskart preċedenti u tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva fuq skart perikoluż permezz tal-użu ta’ landfills għar-rimi tal-iskart li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Skont dawn il-konstatazzjonijiet, fit-territorju tal-Italja kollu kien hemm numru kunsiderevoli ta’ landfills, fejn l-operatur ma żgurax l-irkupru jew ir-rimi ta’ skart b’tali mod li ma jipperikolax is-saħħa tal-bniedem, u fejn intużaw proċessi jew metodi li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent, u kien hemm ukoll numru sostanzjali ta’ siti fejn l-iskart kien jintrema’ bla kontroll ( 22 ). Kien hemm ukoll bosta landfills li kienu qegħdin joperaw mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti ( 23 ). U fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li fl-Italja kien hemm mill-inqas 700 landfill illegali bi skart perikoluż, li ma kienu suġġetti għal ebda kontroll ( 24 ).

i) Dwar l-għadd ta’ landfills li baqgħu jintużaw

45.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni sostniet li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit minnha, kien hemm mill-inqas 422 landfill illegali, iżda abbażi tal-informazzjoni inkluża fir-risposta, dawn kienu limitati għal 37 landfill li l-għeluq tagħhom ma kienx ġie stabbilit qabel l-iskadenza. Abbażi tal-informazzjoni fil-kontroreplika, hija finalment ikkontestat l-użu ta’ żewġ landfills illegali biss.

46.

Dawn huma landfill “mhux awtorizzata”, Matera/Altamura Sgarrone fil-konfini bejn Puglia u Basilicata, u landfill muniċipali preċedenti, Reggio Calabria/Malderiti fil-Calabria.

47.

L-Italja kien għad għandha dawn il-landfills elenkati fil-lista tagħha inkluża fir-replika tad-difiża ( 25 ), mingħajr speċifikazzjoni tad-data tal-għeluq, u kienu saħansitra annotati proposti għal miżuri ta’ riabilitazzjoni. Fil-kontroreplika ( 26 ) l-Italja madankollu ddikjarat li, wara spezzjonijiet reċenti fuq il-post, fiż-żona tal-allegata landfill Matera-Altamura-Sgarrone ma nstab ebda landfill preċedenti. U fil-każ tal-allegata landfill Reggio Calabria/Malderiti, l-Italja ddikjarat li huwa minnu li fil-passat ġie ddepożitat skart hemmhekk, iżda dan ġie eliminat żmien ilu.

48.

Dan l-argument ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk mal-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni kinux tabilħaqq għadhom qed jintużaw landfills illegali. L-ewwel nett, dawn is-sejbiet ġodda ma jeskludux il-fatt li f’dak iż-żmien il-landfills kienu għadhom qed jintużaw. It-tieni nett, l-Italja rrifjutat espressament li tieħu pożizzjoni dwar il-punt sa fejn is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) kienet ġiet eżegwita f’dan iż-żmien ( 27 ). Konsegwentement, l-Italja ma rnexxilhiex tiċħad l-użu ta’ dawn il-landfills sa tmiem it-terminu.

49.

Fir-rigward tal-landfills Matera/Altamura Sgarrone u Reggio Calabria/Malderiti hija għalhekk iġġustifikata l-akkuża li l-Italja baqgħet tuża landfills illegali meta skada t-terminu impost mill-Kummissjoni.

ii) Dwar l-introduzzjoni ta’ regoli u kontrolli addizzjonali

50.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkontesta madankollu l-fatt li l-Italja ma ħaditx passi suffiċjenti sabiex issaħħaħ ir-regoli tagħha sabiex tevita depożiti illegali tal-iskart u lanqas sabiex issaħħaħ is-sistema tagħha ta’ sorveljanza tal-iskart, għalkemm fil-frattemp l-awtoritajiet Taljani kienu ħabbru riformi xierqa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250).

51.

Għal dan l-ilment jista’ jiġi invokat il-fatt li s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) stabbilixxiet ksur ġenerali u kontinwu tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-iskart ( 28 ). Huwa loġiku li ksur bħal dan jiġi indirizzat permezz ta’ miżuri ġenerali, ta’ natura leġiżlattiva jew sistematika. Dawn jistgħu jikkontribwixxu sabiex fil-futur jipprekludu l-ħolqien ta’ landfills illegali.

52.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxietx li l-ksur jirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżuri bħal dawn. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ma tippreżenta ebda evidenza f’dan ir-rigward.

53.

Il-fatt li l-awtoritajiet Taljani possibbilment argumentaw, temporanjament, li huma meħtieġa iktar regoli u miżuri ta’ kontroll sistematiċi, ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jistabbilixxi li tali miżuri huma meħtieġa għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250). Dan japplika a fortiori sa fejn f’din il-proċedura, l-Italja ssostni li dawn il-pjanijiet ma kinux maħsuba sabiex jissodisfaw l-obbligu tal-eżekuzzjoni.

54.

Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li, kif qed issostni wkoll l-Italja, l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli eżistenti, diġà hija suffiċjenti sabiex fil-futur l-iskart ma jiġix iddepożitat f’numru kbir ta’ landfills illegali. Argument insostenn ta’ din l-analiżi huwa l-fatt li f’din il-proċedura ma ssemmiex il-ħolqien ta’ landfills illegali ġodda fil-frattemp.

55.

A contrario, każijiet individwali iżolati, pereżempju minħabba attività kriminali, bilkemm jistgħu jiġu evitati b’sigurtà permezz ta’ regoli stretti u sistemi ta’ sorveljanza elaborati. Dan għandu natura differenti mill-ksur ġenerali u kontinwu kkonstatat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250).

56.

Għalhekk, din il-parti tar-rikors għandha tiġi miċħuda.

b) Dwar ir-riabilitazzjoni ta’ landfills illegali

57.

It-tieni ksur li l-Kummissjoni qed tallega huwa n-nuqqas ta’ riabilitazzjoni ta’ landfills illegali magħluqa, li wħud minnhom fihom skart perikoluż. Il-Kummissjoni tinnota li, meta skada t-terminu impost minnha, kien għad hemm 422 landfill li kienu jeħtieġu riabilitazzjoni.

58.

Dan l-ilment iqajjem kwistjonijiet diffiċli. L-ewwel nett, għandu jiġi ċċarat jekk is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) tiġġustifikax obbligu għal riabilitazzjoni ta’ landfills illegali magħluqa (ara, f’dan ir-rigward, il-punt i) u l-importanza li għandha d-Direttiva fuq skart perikoluż f’dan il-kuntest (ara, f’dan ir-rigward, il-punt ii). Finalment, għandu jiġi diskuss, għal liema landfills japplika l-obbligu tal-eżekuzzjoni tas-sentenza (ara, f’dan ir-rigward, il-punt iii).

i) Dwar l-obbligu tar-riabilitazzjoni inġenerali

59.

L-Italja tikkontesta l-fatt li s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) teżiġi saħansitra r-riabilitazzjoni ta’ landfills illegali magħluqa.

60.

F’dan ir-rigward irid jiġi ammess li s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) la tistabbilixxi espliċitament li n-nuqqas ta’ riabilitazzjoni ta’ landfills illegali huwa parti mill-ksur ikkonstatat fid-dispożittiv u lanqas fil-motivi tagħha. Is-sentenza tistabbilixxi, madankollu, li fl-argumenti tagħha, il-Kummissjoni kkontestat il-fatt li r-riabilitazzjoni ta’ landfills illegali kienet għadha ma saritx ( 29 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ċaħditx dan l-argument, anzi laqgħet ir-rikors tal-Kummissjoni fl-intier tiegħu.

61.

Barra minn hekk, skont il-punt 41 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar l-iskart, ġie stabbilit li l-awtoritajiet Taljani ma żgurawx li d-detenturi tal-iskart, billi jirkupraw jew jiddisponu mill-iskart, jipproċessawh permezz ta’ kollettur jew inkella permezz ta’ impriża li twettaq ix-xogħlijiet, skont id-dispożizzjonijiet tad-direttiva. B’kunsiderazzjoni għad-dokumenti ċċitati ( 30 ), jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġġustifika din il-konstatazzjoni billi turi li ċerti landfills fir-reġjuni ta’ Umbria u Puglia kienu għadhom ma ġewx riabilitati.

62.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar l-iskart preċedenti jinkludi tali obbligu għar-riabilitazzjoni ta’ landfills illegali. Fil-fatt, ladarba jirċievi l-iskart, l-operatur ta’ landfill illegali jsir id-detentur ta’ dan l-iskart. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet imsemmija jobbligaw lill-Istat Membru, fil-konfront ta’ dan l-operatur, jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li dan l-iskart jiġi ttrasferit lil impriża privata jew pubblika li tiġbor jew tarmi l-iskart, fil-każ li dan l-operatur ma jkunx jista’ huwa stess jiżgura l-irkupru jew ir-rimi tiegħu ( 31 ).

63.

Konsegwentement, il-ksur ikkonstatat tal-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar l-iskart preċedenti huwa li l-landfills illegali kienu għadhom ma ġewx riabilitati.

64.

Huwa minnu li l-Kummissjoni ssostni li l-ksur tal-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar l-iskart preċedenti jirrigwarda biss iż-żewġ landfills li l-għeluq tagħhom huwa kkontestat ( 32 ). Madankollu, meta l-argumenti tagħha jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ġenerali, jidher ċar li, barra minn hekk, hija ma rrinunzjatx ir-rikors tagħha fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 8 minħabba n-nuqqas ta’ riabilitazzjoni ta’ landfills illegali. Fil-fatt, hija tinsisti espressament fuq din ir-riabilitazzjoni u dan b’mod li ma jagħti ebda lok għal dubju min naħa tal-Italja. Ir-rikonoxximent tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) fir-rigward tal-Artikoli 8 u 9 għalhekk jikkonċerna biss il-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet minħabba l-prevenzjoni inadatta ta’ landfills illegali jew l-użu tagħhom.

65.

Barra minn hekk, skont sentenzi li huma disponibbli biss bil-Franċiż u bil-lingwa tal-kawża, l-obbligu għar-riabilitazzjoni ta’ landfills illegali huwa bbażat ukoll fuq l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-iskart preċedenti, li l-Kummissjoni wkoll tinvoka l-ksur tagħha. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet hekk fir-rigward ta’ każijiet fejn kien ċar li skart iddepożitat illegalment kien jipperikola l-ambjent ( 33 ), sitwazzjoni li għandha tiġi prekluża preċiżament skont l-Artikolu 4. Sussegwentement, ibbażat ruħha fuq il-kunsiderazzjoni li anki l-ħażna ta’ skart f’landfill (illegali) taffettwa l-ambjent ( 34 ). Għalhekk, huwa loġiku li ma huwiex biżżejjed li landfill illegali jingħalaq jew li skart iddepożitat illegalment jitgħatta bil-ħamrija u t-terrapien sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) ( 35 ). Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, iktar u iktar għandu jiġi vverifikat għall-inqas jekk landfill illegali magħluq jipperikolax l-ambjent jew is-saħħa. Jekk dan ikun il-każ, tali landfill għandu jiġi riabilitat.

66.

Għaldaqstant, għandu jiġi nnotat li l-ksur tal-Artikoli 4(1) u (8) tad-Direttiva dwar l-iskart preċedenti kkonstatat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) jiġġustifika l-obbligu li jiġi vverifikat jekk landfills illegali jeħtieġux riabilitazzjoni, u jekk dan ikun il-każ, dawn għandhom jiġu riabilitati.

67.

Din il-konklużjoni tikkorrispondi għall-fatt li diġà fil-Kawża C‑135/05, kif ukoll f’din il-kawża, l-Italja pprovdiet informazzjoni dwar ir-riabilitazzjoni ta’ landfills. Għalhekk, dan l-Istat Membru ma jistax jallega li ma kellux għarfien tal-fatt li din il-proċedura testendi wkoll għar-riabilitazzjoni tal-landfills.

ii) Dwar l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva fuq skart perikoluż

68.

Il-konstatazzjoni tal-ksur tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva fuq skart perikoluż fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) tissupplimenta l-obbligu ta’ riabilitazzjoni b’obbligi speċifiċi fir-rigward ta’ skart perikoluż.

69.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jitfakkar li l-obbligi fundamentali tal-liġi dwar l-iskart tad-Direttiva dwar l-iskart — inkluż l-obbligu tar-riabilitazzjoni — ma ġewx irriveduti bid-Direttiva fuq skart perikoluż, iżda skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva japplikaw ukoll għal skart perikoluż. Konsegwentement, anki l-landfills illegali li fihom skart perikoluż għandhom jiġu riabilitati skont id-Direttiva dwar l-iskart.

70.

Madankollu, id-Direttiva fuq skart perikoluż tista’ tiġġustifika obbligi addizzjonali. B’hekk, l-Artikolu 2(1) jeżiġi li l-iskart perikoluż għandu jiġi identifikat u rreġistrat.

71.

Jekk ma jsirux l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ skart perikoluż f’landfill illegali, dawn għandhom jitwettqu fil-kuntest tar-riabilitazzjoni. Tipikament, l-identifikazzjoni hija saħansitra rekwiżit tar-riabilitazzjoni stess sabiex jinkiseb ħjiel affidabbli dwar kif għandha ssir ir-riabilitazzjoni, u sabiex jiġi evitat li waqt ir-riabilitazzjoni jinqalgħu perikoli addizzjonali għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem.

iii) Dwar il-landfills ikkonċernati

72.

Barra minn hekk, il-partijiet ma jaqblux dwar liema landfills huma suġġetti għall-obbligu tar-riabilitazzjoni. Dan jirrigwarda bażikament il-kwistjoni dwar jekk is-sentenza rreferietx f’dettall suffiċjenti għall-portata tal-ksur sabiex tippermetti l-infurzar skont l-Artikolu 260 TFUE. Fil-fatt, is-sentenza ma telenkax f’lista l-landfills li għandhom jiġu riabilitati, la fid-dispożizzjonijiet u lanqas fil-motivi.

73.

Tali lista tista’ tiġi stabbilita l-iktar l-iktar indirettament mid-dokumenti tal-Kawża C‑135/05. F’dan ir-rigward, huma rilevanti l-landfills indikati direttament jew indirettament mill-Kummissjoni. Għall-parti l-kbira tar-reġjuni, f’dan ir-rigward kien determinanti r-rapport tal-Awtorità Forestali tal-Istat Taljan tat-22 ta’ Ottubru 2002, li fuqu l-Kummissjoni bbażat ir-rikors tagħha. Dan kopra l-landfills illegali fiż-żoni forestali u muntanjużi tar-reġjuni bi statut normali fl-Italja, jiġifieri r-reġjuni Taljani kollha minbarra l-Valle d’Aosta, Friuli Venezia Giulia, Sardegna, Sicilia u Trentino-Alto Adige.

74.

Madankollu, lista elenkata b’dan il-mod probabbilment ma tkunx tinkludi l-landfills kollha li l-Kummissjoni qed teżiġi r-riabilitazzjoni tagħhom f’din il-proċedura. Fil-fatti, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Italja ppreżentat lista ta’ 71 landfill elenkati mill-Kummissjoni li ma kinux is-suġġett tal-proċedura fil-Kawża C‑135/05.

75.

Il-Kummissjoni ma ssostnix li dawn il-landfills kienu ġew indikati fil-proċedura tal-Kawża C‑135/05. Speċifikament, hija tesprimi ruħha biss dwar iż-żewġ landfills li l-eżistenza tagħhom qed tiġi kkontestata ( 36 ). Madankollu, mis-sottomissjonijiet tagħha jidher b’mod ċar li hija tinsisti li d-69 landfill l-oħra kellhom jiġu riabilitati. Erbgħa u erbgħin minn dawn il-landfills jinsabu fir-reġjuni li kienu eżaminati mill-Korp Forestali, filwaqt li l-25 reġjun l-ieħor, li fir-rigward tagħhom il-Korp Forestali ma għandux ġurisdizzjoni, jinsabu l-iktar f’Sicilia u f’Sardegna. Għalhekk, huwa dibbattibbli l-fatt li l-landfills, speċjalment dawk imsemmija l-aħħar, ġew indikati mill-Kummissjoni fil-proċeduri tal-Kawża C‑135/05.

76.

Madankollu, l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), ma humiex speċifikament maħsuba li jiddeterminaw jekk u kif ċerti landfills kellhom jiġu identifikati f’din il-proċedura. B’mod partikolari, fil-Kawża C‑135/05, l-Italja kienet diġà kkritikat il-ġeneralità u l-ambigwità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat mill-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li l-Kummissjoni tista’ tappella kontra prassi amministrattiva ġenerali li tikkawża ksur repetut u kontinwu tad-dritt tal-Unjoni ( 37 ). Konsegwentement, hija ddikjarat espressament fil-punt 45 ta’ din is-sentenza li l-Italja kienet, b’mod ġenerali u persistenti, naqset milli twettaq l-obbligi fundamentali tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma spjegatx il-ksur b’analiżi komprensiva tal-każijiet preżentati, iżda llimitat ruħha, pereżempju, għal riferimenti għas-sitwazzjoni f’ċerti reġjuni ( 38 ).

77.

Konsegwentement, il-konstatazzjoni tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), b’mod partikolari tal-Artikoli 4 u 8 tad-Direttiva dwar l-iskart kif ukoll tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva fuq skart perikoluż tmur lil hinn mill-każijiet individwali mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 39 ). Il-konstatazzjoni għandha pjuttost tinftiehem fis-sens li, fuq perijodu ta’ żmien twil, l-Italja ma ħaditx il-passi neċessarji fit-territorju kollu tagħha sabiex tirriabilita landfills illegali, jiġifieri sabiex, skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, telimina l-iskart iddepożitat illegalment. L-oriġini tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu huwa l-fatt li l-Italja ma għamlitx biżżejjed sforzi sabiex tipprekludi l-użu ta’ landfills illegali.

78.

Madankollu, huwa dibattibbli sa fejn tali konstatazzjoni ta’ ksur ġenerali u kontinwu, li ma huwiex limitat għall-każijiet individwali mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (bħala eżempju), jobbliga lil Stat Membru taħt l-Artikolu 260(1) TFUE jadotta miżuri li jistgħu jiġu infurzati skont l-Artikolu 260(2).

79.

Kieku l-applikazzjoni tal-Artikolu 260 TFUE kienet teħtieġ l-istess grad ta’ ċertezza bħal titolu infurzabbli, probabbilment jista’ jiġi eskluż li s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) tiġi eżegwita fir-rigward tar-riabilitazzjoni ta’ landfills. Għal titolu ta’ ħlas, fis-sens tal-Artikoli 192 u 187 tat-Trattat KEE (issa l-Artikoli 280 u 299 TFUE), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dawn ma jistgħux jiġu denominati f’unitajiet monetarji Ewropej li kienu jeżistu dak iż-żmien minkejja l-possibbiltà ta’ konverżjoni tagħhom, peress li dawn jistgħu jitħallsu biss fil-munita nazzjonali ( 40 ). Madankollu, jekk la s-sentenza u lanqas id-dokumenti tal-Kawża C‑135/05 ma jindikaw b’mod ċar liema landfills speċifiċi għandhom jiġu riabilitati, jidher li l-infurzar huwa eskluż.

80.

Madankollu, fir-rigward tal-Artikolu 260 TFUE, ma jistgħux jiġu imposti rekwiżiti paragunabbli ( 41 ). Dan jirriżulta diġà mill-fatt li s-sentenzi li għandhom jiġu eżegwiti skont l-Artikolu 258 TFUE għandhom biss natura dikjaratorja. Minbarra d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż, dawn ma jirreferu għall-ebda miżura speċifika li għandha tittieħed minn Stat Membru sabiex itemm il-ksur ikkonstatat tad-dritt tal-Unjoni. A contrario, dawn is-sentenzi normalment jagħtu lill-Istati Membri marġni kunsiderevoli għall-eżekuzzjoni tagħhom.

81.

Il-kriterju għandu jkun pjuttost il-prinċipju tal-proċess ġust, li għandu jibbenefika lil kull parti fil-proċedura li fiha tkun involuta l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni, irrispettivament mill-kapaċità legali tagħha ( 42 ). Sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti marbuta ma’ dan il-prinċipju, huwa importanti li dawk involuti mhux biss ikunu jafu biċ-ċirkustanzi attwali u legali li huma deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura, iżda jkunu wkoll jistgħu jargumentaw u jinstemgħu ( 43 ). Għalhekk, kull deċiżjoni ġudizzjarja għandha tkun motivata, sabiex il-konvenut ikun jista’ jifhem għaliex ikun ġie kkundannat ( 44 ). Il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tista’ tvarja skont in-natura tad-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni u għandha tiġi eżaminata, fir-rigward tal-proċedura kkunsidrata fit-totalità tagħha u fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-garanziji proċedurali involuti f’din id-deċiżjoni ( 45 ).

82.

Rekwiżiti relatati mal-motivazzjoni huma f’ċerti każijiet marbuta mal-possibbiltà li jiġi ppreżentat appell, li ma huwiex rilevanti fi proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ( 46 ). Madankollu, anki fi proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, sentenza għandha mill-inqas tkun ċara biżżejjed sabiex l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ jiddetermina liema miżuri għandu jieħu sabiex jeżegwixxiha. Għandu wkoll ikun jista’ jiddefendi l-eżekuzzjoni tagħha fil-konfront tal-Kummissjoni.

83.

Madankollu, ir-rekwiżiti li jirregolaw il-konstatazzjonijiet ma jistgħux ifissru li ma huwiex neċessarju li jkun hemm konformità ma’ konstatazzjoni ta’ prassi ġenerali u kontinwa, inkella, tali konstatazzjonijiet, li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi l-possibbiltà tagħhom fil-ġurisprudenza stabbilita ( 47 ), jiċċaħdu minn kull effett prattiku. Dawn ikollhom biss ta’ natura purament dikjaratorja.

84.

Il-ħtieġa ta’ tali konstatazzjonijiet pjuttost astratti li ma jsemmux b’mod speċifiku l-każijiet individwali kollha, tirriżulta wkoll mill-imġiba tal-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, dan tal-aħħar inizjalment jittollera ksur ġenerali u kontinwu tad-dritt tal-Unjoni u sussegwentement, fl-istadju preliminari tal-ewwel proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, filwaqt li jonqos mill-obbligu tiegħu ta’ kooperazzjoni leali, jinforma lill-Kummissjoni b’mod parzjali u mhux preċiż dwar il-portata tan-nuqqas. Li jintalab li l-Kummissjoni tiddeskrivi madankollu b’mod preċiż il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma għandha poteri speċifiċi ta’ investigazzjoni, sabiex iktar tard tinforza t-tmiem tan-nuqqas, ikun jawtorizza lill-Istat Membru jikseb vantaġġ ieħor mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni.

85.

Finalment, mill-inqas f’każ wieħed simili, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà applikat l-Artikolu 228 KE (li wara emenda sar l-Artikolu 260 TFUE). Il-kundanna ta’ Franza minħabba kontroll insuffiċjenti ta’ attivitajiet tas-sajd kienet tikkonċerna nuqqas strutturali kontinwu fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 48 ), li l-eliminazzjoni tiegħu wkoll ma kinitx iddefinita speċifikament.

86.

Konsegwentement, għandu jkun biżżejjed jekk l-Istat Membru, abbażi tas-sentenza, jekk ikun meħtieġ wara interpretazzjoni tagħha skont l-Artikolu 43 tal-Istatut, ikun jista’ jiddetermina l-miżuri ta’ implementazzjoni meħtieġa.

87.

Is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) tissodisfa dawn ir-rekwiżiti fir-rigward tal-obbligu ta’ riabilitazzjoni ta’ landfills. Kif intwera diġà ( 49 ), l-Italja, bħala Stat Membru parteċipanti fil-proċedura, setgħet tiddeduċi mis-sentenza u mill-atti tal-kawża li dawn jestendu għar-riabilitazzjoni ta’ landfills illegali li ma għadhomx jintużaw. Dawn il-landfills kienu dawk li fir-rigward tagħhom l-Italja preċedentement ma kinitx ipprekludiet l-użu ġenerali u kontinwu, bi ksur tal-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva dwar l-iskart preċedenti u parzjalment tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva fuq skart perikoluż. Dan peress li l-ħtieġa tar-riabilitazzjoni ta’ dawn il-landfills hija l-konsegwenza ta’ dan l-użu ( 50 ).

88.

L-Italja kienet ukoll kontinwament konxja mill-portata ta’ dan l-obbligu. Fil-proċedura tal-Kawża C‑135/05 u iżjed tard fil-proċedura ta’ din il-kawża, dan l-Istat Membru għalhekk kien diġà identifika l-landfills li ma għadhomx jintużaw u li għad iridu jiġu riabilitati.

89.

B’mod speċifiku, mill-istqarrijiet tal-Italja lill-Kummissjoni jirriżulta li sal-iskadenza tat-terminu impost bl-opinjoni motivata tat-30 ta’ Settembru 2009 kien għad hemm bejn 368 ( 51 ) u 422 ( 52 ) landfill illegali li ma kinux ġew riabilitati. Mill-inqas 15 ( 53 ), forsi anki 23 ( 54 ) minn dawn il-landfills, skont tagħrif mogħti mill-Italja fil-proċedura prekontenzjuża, kien fihom skart perikoluż. Għalhekk, f’dak iż-żmien, is-sentenza fir-rigward tar-riabilitazzjoni ta’ landfills kienet għadha ma ġietx eżegwita. Dan huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika kundanna ġdida taħt l-Artikolu 260(2) TFUE.

c) Dwar l-awtorizzazzjoni mġedda ta’ landfills li għadhom qed jiġu operati skont id-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill]

90.

Barra minn hekk, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) ikkonstatat il-ksur tal-Artikolu 14(a) sa (c) tad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill]. Din id-dispożizzjoni tirregola l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jitħallew joperaw il-landfills li fid-data tal-iskadenza għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jiġifieri fis-16 ta’ Lulju 2001, kellhom awtorizzazzjoni jew kienu qed joperaw.

91.

Skont l-Artikolu 14(a) tad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill], l-operatur għandu, mhux iktar tard mis-16 ta’ Lulju 2002, jipprepara pjan ta’ kundizzjonament u jippreżentah lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni. Il-punt (b) jipprovdi li, abbażi ta’ dan, l-awtorità għandha tiddeċiedi dwar l-operazzjoni ulterjuri jew l-għeluq tal-landfill. Skont il-punt (c), l-awtorità għandha, fil-każ tal-operazzjoni ulterjuri, tapprova x-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni meħtieġa u tistipula perijodu tranżitorju sa mhux iktar tard mis-16 ta’ Lulju 2009.

92.

Skont l-informazzjoni inkontestabbli tal-Kummissjoni, meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata kienu kkonċernati mill-inqas 93 landfill. Dawn kienu 69 landfill f’reġjuni ġodda, li fir-risposta tagħha għall-opinjoni motivata, l-Italja nnotifikat lill-Kummissjoni dwarhom, u 24 landfill ieħor fir-reġjun ta’ Puglia, li dwarhom l-Italja bagħtet notifika iktar tard. Għalhekk, anki f’dan ir-rigward is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) kienet għadha ma ġietx eżegwita sal-iskadenza tat-terminu impost.

d) Konklużjoni intermedja

93.

Konsegwentement, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva dwar l-iskart, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva fuq skart perikoluż u l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill] kif ukoll taħt l-Artikolu 260(1) TFUE, billi sat-30 ta’ Settembru 2009, meta skada t-terminu impost mill-Kummissjoni Ewropea fl-opinjoni motivata, ma kinitx ħadet il-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250).

C – Dwar il-proċedura kontra l-Greċja

94.

Is-suġġett tal-proċedura kontra l-Greċja huwa iktar limitat minn dak tal-proċedura kontra l-Italja. Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat biss il-ksur tal-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva dwar l-iskart preċedenti.

95.

Il-partijiet jaqblu li dan il-ksur jikkonċerna kemm l-użu ta’ landfills illegali kif ukoll ir-riabilitazzjoni tagħhom.

96.

Id-data rilevanti tirriżulta mill-ittra komplementari ta’ stedina għall-osservazzjonijiet tad-29 ta’ Ottubru 2010, fejn il-Kummissjoni stabbilixxiet skadenza sad-29 ta’ Diċembru 2010.

97.

Peress li t-terminu impost għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-iskart il-ġdida skada fit-12 ta’ Diċembru 2010, il-kontinwazzjoni tal-obbligu ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592) tiddependi minn jekk id-direttiva l-ġdida tibqax tinkorpora l-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva dwar l-iskart preċedenti.

98.

Fil-prinċipju, dan iseħħ permezz tal-Artikoli 13, 36(1), 15(1) u 23 tad-Direttiva dwar l-iskart il-ġdida, li jinkludu sempliċement emendi mhux sostanzjali.

99.

L-obbligu tar-riabilitazzjoni lanqas ma huwa kkontestat, fil-prinċipju, mill-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva dwar l-iskart il-ġdida. Din id-dispożizzjoni ssupplimentat il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart fis-sens li d-Direttiva dwar l-iskart ma tkunx applikabbli għal art (in situ), inkluża ħamrija kkontaminata mhux skavata. Madankollu, skart iddepożitat illegalment la huwa art u lanqas ma jinsab in situ, jiġifieri ma jinsabx fil-post oriġinali tiegħu ( 55 ). Kieku dan ma kienx il-każ, l-evażjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart permezz tad-depożitu illegali ta’ skart tagħti lok għall-abbuż. It-tneħħija ta’ dan l-iskart tista’ għalhekk tibqa’ tiġi offruta legalment skont il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart.

100.

Konsegwentement, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592) kellha tibqa’ tiġi eżegwita sal-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni.

101.

Mill-argumenti tal-partijiet, tad-29 ta’ Diċembru 2010, ma tirriżultax b’mod ċar il-portata tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592). Madankollu, sitt xhur wara, il-Greċja ħabbret li 82 landfill illegali kienu għadhom qed jintużaw u 596 landfill illegali oħra kellhom jiġu riabilitati.

102.

Għaldaqstant, billi ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592) fid-29 ta’ Diċembru 2010, data li fiha skada t-terminu stabbilit mill-Kummissjoni fl-istedina addizzjonali għall-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva dwar l-iskart u taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

D – Dwar is-sanzjonijiet pekunjarji

103.

Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, f’kull kawża u skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża mressqa quddiemha, kif ukoll skont il-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha li jkun meħtieġ, tiddeċiedi dwar sanzjonijiet pekunjarji li jkunu xierqa sabiex jiżguraw l-iktar eżekuzzjoni rapida possibbli tas-sentenza li preċedentement ikkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u sabiex tipprevjeni li jerġa’ jirrepeti ruħu ksur simili tad-dritt tal-Unjoni ( 56 ).

104.

Għalhekk, il-proposti tal-Kummissjoni ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda huma biss bażi ta’ riferiment utli. Bl-istess mod, il-linji gwida bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex jiżguraw it-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni mibdija mill-Kummissjoni ( 57 ).

1. Dwar il-pagamenti ta’ penalità

105.

L-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità skont l-Artikolu 260 TFUE hija ġeneralment iġġustifikata sa fejn jippersisti n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirriżulta min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 58 ).

106.

Għalhekk, il-konstatazzjonijiet li saru sa issa ma jiġġustifikaw ebda penalità għall-eżekuzzjoni insuffiċjenti tas-sentenzi sal-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni. A contrario, għandu jiġi vverifikat jekk fiż-żmien tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja s-sentenzi kinux għad iridu jiġu eżegwiti.

107.

F’dan ir-rigward ukoll, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu persistenti jippresupponi li, minkejja l-emendi li saru fil-frattemp fil-qafas tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, il-ksur tad-dispożizzjonijiet għandu jkompli fil-mument tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

108.

Fir-rigward tal-proċedura kontra l-Greċja, is-sitwazzjoni tibqa’ l-istess peress li waqt il-verifika mwettqa hawn fuq dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenza fl-iskadenza tat-terminu stipulat mill-Kummissjoni, id-Direttiva dwar l-iskart il-ġdida kienet diġà applikabbli ( 59 ).

109.

A contrario, fil-proċedura iżjed estiża kontra l-Italja, sa issa kellha tittieħed inkunsiderazzjoni biss id-Direttiva dwar l-iskart ikkonsolidata ( 60 ). Madankollu, jirriżulta mill-osservazzjonijiet dwar il-proċedura Griega li d-Direttiva dwar l-iskart il-ġdida ma tqajjimx dubji dwar l-obbligu tar-riabilitazzjoni li jirriżulta mid-Direttiva dwar l-iskart preċedenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 35 tad-Direttiva dwar l-iskart il-ġdida jżomm l-obbligu, taħt l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva fuq skart perikoluż, billi jeżiġi li stabbilimenti u impriżi fis-sens tal-Artikolu 23, jiġifieri, inter alia, l-operatur ta’ landfill, għandhom iżommu reġistru kronoloġiku tal-kwantità, tan-natura u tal-oriġini tal-iskart perikoluż. Għaldaqstant, dan l-obbligu jista’ jibqa’ jiġi infurzat.

a) Dwar il-Kawża C‑196/13, Il-Kummissjoni vs L-Italja

110.

Sabiex tiġi deċiża l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità għall-Italja, għandu l-ewwel nett jiġi vverifikat sa fejn ippersista l-ksur meta skada t-terminu stabbilit mill-Kummissjoni. It-tieni nett, għandha tiġi ddeterminata l-għamla tal-penalità, b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk għandhiex tiġi imposta bħala ammont fiss jew ammont li jonqos skont l-eżekuzzjoni, kif ukoll l-ammont bażiku tagħha u l-kundizzjonijiet għat-terminazzjoni tagħha.

i) Dwar l-eżistenza kontinwa tal-ksur

111.

Fil-parti l-kbira, l-eżistenza kontinwa tal-ksur fid-data tas-seduta ma kinitx fil-fatt ikkontestata, iżda jeħtieġ li jiġu diskussi f’iktar dettall żewġ każijiet, li fir-rigward tagħhom l-Italja tippreżenta provi reċenti fil-kontroreplika.

– Dwar il-każijiet mhux ikkontestati

112.

Huwa minnu li l-Italja għamlet iżjed progress meta mqabbel ma’ dak li sar fl-iskadenza tat-terminu impost bl-opinjoni motivata. Madankollu, skont informazzjoni konsistenti, għad hemm 196 landfill li għandhom jiġu riabilitati, jiġifieri l-218-il landfill imsemmija fir-rikors, minbarra 20 landfill li fil-frattemp il-Kummissjoni rrikonoxxiet ir-riabilitazzjoni tagħhom ( 61 ), u żewġ landfills li jeħtieġu attenzjoni immedjata. Skont informazzjoni mhux ikkontestata tal-Kummissjoni, 13 minn dawn il-196 landfill fihom skart perikoluż ( 62 ). Waqt is-seduta kien hemm ukoll qbil li issa żewġ landfills biss jeħtieġu awtorizzazzjoni mġedda skont id-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill].

– Dwar iż-żewġ każijiet inkwistjoni

113.

Il-każijiet tal-landfill “mhux awtorizzata”, Matera/Altamura Sgarrone fil-konfini bejn Puglia u Basilicata, u landfill muniċipali preċedenti, Reggio Calabria/Malderiti fil-Calabria madankollu jeħtieġu madankollu spjegazzjonijiet addizzjonali.

114.

Kif diġà ntqal ( 63 ), fir-risposta tagħha ( 64 ), l-Italja kien għad għandha dawn il-landfills elenkati fil-listi tagħha mingħajr indikazzjoni tad-data tal-għeluq, u kienu saħansitra annotati proposti għal miżuri ta’ riabilitazzjoni. Fil-kontroreplika ( 65 ), l-Italja madankollu ddikjarat li fil-każ ta’ Matera/Altamura Sgarrone, wara spezzjonijiet reċenti fuq il-post, ma nstab ebda landfill preċedenti. U fil-każ tal-allegat landfill Reggio Calabria/Malderiti, l-Italja ddikjarat li huwa minnu li fil-passat ġie ddepożitat skart hemmhekk, iżda kien ġie eliminat żmien ilu.

ii) Dwar l-użu kontinwu ta’ landfills illegali

115.

Il-Kummissjoni tallega li f’dawn iż-żewġ postijiet, l-Italja għadha qed tuża landfills illegali, iżda fir-risposta tagħha, l-Italja ddikjarat li f’dak il-ħin ebda landfill illegali kkonċernat f’din il-proċedura ma kien għadu qiegħed jintuża.

116.

Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tipprovdi evidenza tal-użu ta’ dawn il-landfills. Hija tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-Italja ma nnotifikat ebda data tal-għeluq.

117.

Madankollu, in-nuqqas li tiġi speċifikata data tal-għeluq ma huwiex prova tal-fatt li fiż-żewġ postijiet għadhom qegħdin jintużaw landfills illegali.

118.

Fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni ma ppreżentat ebda evidenza oħra dwar l-użu tal-landfills illegali f’Matera/Altamura Sgarrone u Reggio Calabria/Malderiti, ir-rikors għandu jiġi miċħud f’dan ir-rigward.

iii) Dwar il-ħtieġa ta’ riabilitazzjoni taż-żewġ landfills

119.

Madankollu, it-tilwima dwar iż-żewġ każijiet tirrigwarda l-obbligu tar-riabilitazzjoni ta’ landfills.

120.

Fir-risposta u fil-proċedura prekontenzjuża, l-Italja ammettiet li l-landfills illegali preċedenti f’Matera/Altamura Sgarrone u Reggio Calabria/Malderiti kienu jeħtieġu riabilitazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-argument ġdid tal-Italja jindika li bi żball dawn iż-żewġ każijiet ġew inklużi fil-lista ta’ landfills illegali preċedenti li kienu jeħtieġu riabilitazzjoni. Għalhekk, dan jikkostitwixxi bidla fid-difiża tagħha.

121.

Skont l-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda argument ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul l-istanza, sakemm dan l-argument ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li jitqajmu matul il-proċedura.

122.

L-Italja tibbaża ruħha fuq tali punti ta’ fatt. Dan għaliex il-konstatazzjoni li ż-żewġ landfills kienu elenkati bi żball fil-lista ta’ landfills li kienu jeħtieġu riabilitazzjoni, hija bbażata fuq spezzjonijiet fil-post li saru wara li ngħatat ir-risposta ( 66 ).

123.

Huwa minnu li fl-aħħar mill-aħħar dan il-fatt il-ġdid juri li l-Italja naqset milli tiċċara kompletament il-fatti tal-każ fi żmien xieraq, li huwa, fost oħrajn, rekwiżit tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-Kummissjoni. Madankollu, l-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura ma jeskludix il-modifika ta’ argumenti tad-difiża meta l-evidenza fattwali l-ġdida kellha tkun magħrufa minn qabel.

124.

Din il-ġenerożità fil-konfront ta’ argument ġdid hija wkoll sinjifikanti, għall-inqas f’dan il-każ. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-Italja fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ każijiet minkejja l-argumenti l-ġodda preżentati, l-eżekuzzjoni tas-sentenza fir-rigward ta’ dan il-punt tkun diffiċli ħafna fil-prattika. Kif tista’ l-Italja tipprova li dawn l-allegati landfills ġew riabilitati meta dawn ma jeżistux jew ma għadhomx jeżistu?

125.

Għaldaqstant, dan l-argument il-ġdid huwa ammissibbli.

126.

Il-kontroreplika hija bbażata fuq evidenza ġdida, jew mill-inqas fuq offerta ta’ evidenza addizzjonali, jiġifieri r-riżultati tal-ispezzjonijiet reċenti fuq il-post. Skont l-Artikolu 128(1) tar-Regoli tal-Proċedura, anki f’dan il-waqt, evidenza ġdida jew offerti ta’ evidenza jistgħu jiġu sottomessi jekk id-dewmien ikun iġġustifikat. Dan ir-rekwiżit huwa wkoll sodisfatt, peress li r-raġuni għad-dewmien tirriżulta mill-fatt li din l-informazzjoni saret magħrufa biss permezz ta’ spezzjonijiet reċenti.

127.

Il-Kummissjoni setgħet kienet sorpriża b’dan l-argument, iżda kienet tkun libera li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja terminu raġonevoli għall-investigazzjonijiet tagħha stess.

128.

Dan l-argument il-ġdid tal-Italja huwa għaldaqstant ammissibbli.

129.

Huwa minnu li prima facie, is-sottomissjoni Taljana ma tantx tidher konvinċenti minħabba l-enfasi tal-Kummissjoni fuq il-kontradizzjoni mal-argument preċedenti, speċjalment fid-dawl tal-miżuri għar-riabilitazzjoni proposti. Dan peress li huwa preżunt li miżuri ta’ riabilitazzjoni jiġu ppjanati biss fil-każ li jeżistu landfills li għandhom jiġu riabilitati.

130.

Min-naħa l-oħra, ma huwiex ċar għaliex l-Italja, f’dan il-punt tal-proċedura, debitament ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Kummissjoni informazzjoni falza dwar tnejn minn kważi 200 każ individwali, liema informazzjoni setgħet probabbilment tiġi miċħuda b’mod relattivament faċli. Pereżempju, setgħu jiġu vvalutati faċilment xbihat satellitari taż-żona inkwistjoni u żjara fis-sit ma kinitx teħtieġ sforz eċċessiv. Madankollu, il-Kummissjoni ma għamlitx sforz bħal dan sabiex tikseb evidenza li tirribatti l-argument il-ġdid tal-Italja.

131.

Barra minn hekk, jidher li ma jistax jiġi eskluż li Stat Membru, li jkollu jindirizza ksur tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart tal-Unjoni fir-rigward ta’ diversi mijiet ta’ landfills illegali, jirreġistra ċertu għadd ta’ każijiet bi żball u jinduna b’dawn l-iżbalji relattivament tard. Għaldaqstant, fil-proċedura prekontenzjuża, speċjalment fil-kuntest tar-risposta għall-opinjoni motivata, il-Kummissjoni aċċettat in-notifika tar-reġistrazzjonijiet żbaljati u t-tneħħija tagħhom mil-listi.

132.

Għalhekk, ir-referenza tal-Kummissjoni għall-inkonsistenza ma’ notifiki preċedenti ma hijiex suffiċjenti sabiex tirribatti l-argumenti tal-Italja.

133.

Peress li fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu l-Kummissjoni għandha tipprova l-eżistenza tan-nuqqas allegat ( 67 ), u f’dan ir-rigward ma ssottomettiet ebda argument ieħor, ma jistax jiġi stabbilit li f’Matera/Altamura Sgarrone u Reggio Calabria/Malderiti kien hemm landfills illegali li kienu jeħtieġu riabilitazzjoni.

134.

Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑196/13 għandu jiġi miċħud fir-rigward ta’ dan il-punt.

– Konklużjoni intermedja

135.

Fid-dawl tal-fatt li, minkejja dawn iż-żewġ każijiet individwali, fid-data tas-seduta, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) kienet għadha ma ġietx eżegwita kompletament fir-rigward tal-elementi essenzjali, il-kundanna tar-Repubblika Taljana għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità fil-prinċipju hija miżura pekunjarja adatta sabiex iġġiegħelha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex ittemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u tiżgura l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza ( 68 ).

iv) Dwar il-pagament ta’ penalità — pagamenti fissi jew li jonqsu gradwalment?

136.

Fir-rigward ta’ kif għandhom jiġu imposti l-pagament ta’ penalità, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-pagamenti ta’ penalità perijodiċi għandhomx jiġu stabbiliti bħala ammont fiss li r-Repubblika Taljana tħallas sakemm tkun eżegwixxiet kompletament is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250). L-alternattiva hija l-proposta mill-Kummissjoni, jiġifieri ammont li jonqos gradwalment skont l-eżekuzzjoni ulterjuri tas-sentenza.

137.

L-argument favur ammont fiss huwa l-fatt li fis-sentenza li għandha tiġi eżegwita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonstatatx serje ta’ ksur individwali, iżda ksur ġenerali u kontinwu. Ksur uniku jikkorrispondi għal pagamenti ta’ penalità fissi u uniċi.

138.

Tali argument jista’ madankollu jiġi kkontestat mill-fatt li dan il-ksur huwa wkoll ikkaratterizzat minn diversi sitwazzjonijiet individwali, li kull waħda minnhom teħtieġ miżuri individwali sabiex tiġi eżegwita s-sentenza. Analiżi ġenerali bejn dawn is-sitwazzjonijiet tista’ ssir fuq il-bażi tas-sempliċi fatt li, minn naħa, il-ksur tal-Artikoli 4 u 8 tad-Direttiva dwar l-iskart u tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva fuq skart perikoluż jeżiġi r-riabilitazzjoni ta’ landfills illegali magħluqa u, min-naħa oħra, il-ksur tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill] jeżiġi t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ landfills li għadhom qegħdin jiġu operati skont din id-direttiva. Fir-rigward taż-żewġ aspetti, kull landfill ikkonċernat jeħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri individwali. Dan l-istrutturar tar-rekwiżit tal-eżekuzzjoni fih innifsu jissuġġerixxi li għandu jiġi stabbilit ammont li jonqos gradwalment skont l-eżekuzzjoni ulterjuri ( 69 ).

139.

Madankollu, l-iktar importanti huwa li dan l-aħħar approċċ biss jista’ jiżgura li l-pagamenti ta’ penalità dovuti jikkorrispondu man-nuqqas tal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250). Fl-aħħar mill-aħħar, wara progress min-naħa tal-Italja fl-eżekuzzjoni tas-sentenza, ammont fiss li jikkorrispondi għal-livell tal-eżekuzzjoni fil-mument li fih jiġi stabbilit tali ammont, ma jkunx iktar xieraq għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, u għaldaqstant ikun sproporzjonat mal-ksur ikkonstatat ( 70 ). Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluża tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma għandhomx jeċċedu l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-objettivi leġittimi li tkun trid tilħaq il-liġi inkwistjoni, filwaqt li huwa mifhum, li meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik l-inqas restrittiva, u li l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti ( 71 ).

140.

Għal din ir-raġuni, fi tliet sentenzi l-Qorti tal-Ġustizzja diġà imponiet pagamenti ta’ penalità li jonqsu gradwalment għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu simili. Dawn il-każijiet kienu jikkonċernaw il-kwalità ta’ għadd kbir ta’ ilmijiet għall-għawm ( 72 ), l-irkupru ta’ għadd kbir ta’ għajnuna ( 73 ) u l-konnessjoni ta’ residenti ma’ impjanti għat-trattament tal-ilma urban ( 74 ).

141.

Madankollu, fl-iżjed proċedura reċenti ta’ dan it-tip, minkejja nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu simili, li kien jikkonċerna t-twaqqif ta’ diversi impjanti għat-trattament tal-ilma urban u minkejja talba f’dan is-sens min-naħa tal-Kummissjoni ( 75 ), il-Qorti tal-Ġustizzja imponiet pagamenti ta’ penalità fissi ( 76 ).

142.

Madankollu, dan il-każ ma jindika ebda bidla fundamentali mill-prattika ta’ impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità li jonqsu gradwalment f’każijiet xierqa, minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħti ebda ġustifikazzjoni għad-devjazzjoni mill-ġurisprudenza preċedenti. Dan kien ikun iġġustifikat mhux biss minħabba l-proposta tal-Kummissjoni, iżda wkoll minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja, xahar biss qabel, xorta kienet imponiet pagamenti ta’ penalità li jonqsu gradwalment ( 77 ). Għalhekk, l-iktar sentenza reċenti tista’, l-iktar l-iktar, tkun ibbażata fuq evalwazzjoni mhux espliċita ta’ ċirkustanzi partikolari tal-każ individwali.

143.

F’dan il-każ, madankollu, ma ġiet identifikata ebda ċirkustanza li teħtieġ li jiġu imposti pagamenti ta’ penalità fissi li ma jitnaqqsux f’każ ta’ eżekuzzjoni ulterjuri tas-sentenza, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

144.

B’mod partikolari, in-nuqqasijiet potenzjali fil-kooperazzjoni tal-Italja mal-Kummissjoni ma jagħtux lok għall-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità bħala ammont fiss. Huwa minnu li l-informazzjoni pprovduta mill-Italja kienet parzjalment inkompleta jew inkonsistenti. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja normalment tikkunsidra tali ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali meta tikkalkola s-somma f’daqqa, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir tal-Istat Membru kkonċernat ( 78 ).

145.

Madankollu, kooperazzjoni insuffiċjenti matul il-fażi tal-applikazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità awtomatikament ikollha impatt detrimentali għall-Istat Membru. Ir-riabilitazzjoni jew awtorizzazzjoni mġedda ta’ landfill tista’ tiġi rrikonoxxuta biss wara li l-Istat Membru jkun ippreżenta l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-eżami ta’ dan l-argument ( 79 ). Fil-każ li huwa jipprovdi informazzjoni mhux kompluta u/jew jippreżentaha tard, jirriżulta li l-pagamenti ta’ penalità jibqgħu jakkumulaw għal żmien itwal minn dak li huwa neċessarju.

146.

Għalhekk, il-pagamenti ta’ penalità għandhom jiġu imposti b’tali mod li jonqsu gradwalment.

147.

Kif tipproponi l-Kummissjoni, it-tnaqqis għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-kwalità differenti tad-diversi nuqqasijiet, jiġifieri b’mod partikolari r-riskji għall-ambjent. Ir-riskju assoċjat mal-183 landfill illegali magħluqa li ma fihomx skart perikoluż u li jeħtieġu riabilitazzjoni huwa għalhekk l-iktar baxx. Dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni billi jiġi applikat il-fattur 1. Iż-żewġ landfills li għad iridu jiġu awtorizzati mill-ġdid huma assoċjati ma’ riskji ikbar, peress li huma impjanti kbar li qed joperaw, għalkemm il-konformità sħiħa mad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill] ma hijiex kompletament ċara. Dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni billi jiġi applikat il-fattur 2. L-iżjed riskjużi huma t-13-il landfill illegali magħluqa li fihom skart perikoluż u li jeħtieġu riabilitazzjoni, peress li dawn huma sors ta’ perikoli ambjentali partikolarment gravi. Għalhekk, għal dawn il-landfills għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fattur 3. Jekk jiġu mmultiplikati n-numri rispettivi tal-landfills ikkonċernati mal-fatturi korrispondenti, u jingħaddu dawn ir-riżultati, jinkiseb total ta’ 226.

iii) Dwar l-ammont bażiku

148.

Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità b’tali mod li dawn ikunu, min-naħa, adattati għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ikkonstatat kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru involut. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterji ta’ bażi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura repressiva tal-pagamenti ta’ penalità fid-dawl tal-applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, it-tul tal-ksur, il-grad ta’ gravità tiegħu, u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi fuq l-interessi pubbliċi u privati kif ukoll l-urġenza sabiex l-Istat Membru involut jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu ( 80 ).

149.

Il-Kummissjoni ssostni li l-ammont ta’ pagamenti ta’ penalità għal kull jum għandu jiġi kkalkolat bl-istess mod għall-Istati Membri kollha, jiġifieri ammont bażiku ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 640 kuljum, immultiplikat bil-koeffiċjent tal-gravità stabbilit għal 8 (fuq skala minn 1 sa 20), immultiplikat bil-koeffiċjent tad-dewmien, li f’dan il-każ huwa ta’ 3 (fuq skala minn 1 sa 3), u mmultiplikat bil-fattur “n”, li jirrifletti l-kapaċità ta’ ħlas tal-Italja, jiġifieri 16.72. Bl-applikazzjoni ta’ dan il-metodu jirriżulta ammont ta’ EUR 256 819.20 kuljum.

150.

Għalkemm din il-proposta hija punt ta’ tluq tajjeb, xorta jeħtieġ li ssir diskussjoni f’iktar dettall.

151.

L-ewwel nett, fil-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità, għandha tintuża d-data aġġornata li stabbilixxiet il-Kummissjoni fin-notifika tagħha tal-21 ta’ Novembru 2013 ( 81 ). Dan peress li l-kapaċità ta’ ħlas ta’ dan l-Istat Membru, jiġifieri l-iżvilupp reċenti tal-inflazzjoni u tal-PDG, għandha tiġi kkunsidrata b’tali mod kif ġie ppreżentat mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-iktar evalwazzjoni reċenti tad-data ekonomika sottostanti ( 82 ). Minn dan isegwi ammont bażiku ta’ EUR 650 u fattur tal-kapaċità ta’ ħlas “n” ta’ 16.57.

152.

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tat-tul tal-ksur hija kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tirreferi għad-data li fiha eżaminat il-fatti tal-każ, u mhux għad-data li fiha l-Kummissjoni ppreżentat il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 83 ).

153.

Fid-dawl tal-fatt li, kif ġie stabbilit fil-punt 113 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-Repubblika Taljana effettivament irrikonoxxiet li għadha ma temmitx il-ksur fil-konfront tal-obbligi tagħha sabiex teżegwixxi s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), dan in-nuqqas ilu għaddej matul perijodu ta’ iktar minn seba’ snin. Fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dan il-perijodu huwa “pjuttost kunsiderevoli” ( 84 ).

154.

Barra minn hekk, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) ikkonstatat ksur komuni u ġenerali tal-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, li wħud minnhom kienu diġà applikabbli sa mill-iskadenza tat-terminu impost għat-traspożizzjoni tal-ewwel Direttiva dwar l-iskart, jiġifieri mill-1977, u fil-każ tad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill], mill-inqas mis-sena 2002. Għalhekk, għandu wkoll jiġi kkunsidrat li din il-kawża tirrigwarda abbużi li ilhom għaddejjin għal żmien eċċezzjonalment twil ( 85 ).

155.

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrikonoxxut li, b’mod partikolari, ir-riabilitazzjoni ta’ landfills illegali magħluqa tista’ tkun kumplessa ħafna u, fil-prinċipju, huwa ġġustifikat li f’dan ir-rigward jiġu stabbiliti prijoritajiet, sabiex riskji ambjentali partikolarment gravi jiġu indirizzati b’urġenza.

156.

Għaldaqstant, huwa xieraq li l-Kummissjoni tipproponi l-ogħla koeffiċjenti tad-dewmien disponibbli skont is-sistema tagħha, jiġifieri dak ta’ 3. Madankollu, ma huwiex meħtieġ li tmur lil hinn minn dawn il-livelli u li jintgħażlu koeffiċjenti anki iktar ogħla ( 86 ).

157.

Finalment, hija l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur li tikkostitwixxi l-ikbar sfida.

158.

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li n-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ sentenza huwa partikolarment gravi meta dan jista’ jikkaġuna ħsara lill-ambjent, li l-ħarsien tiegħu, kif jirriżulta mill-Artikolu 191 TFUE, huwa wieħed mill-għanijiet tal-politika tal-Unjoni ( 87 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet li t-tul ta’ żmien tal-ksur tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart iżid piż addizzjonali fuq ir-reat ( 88 ), għalkemm din iċ-ċirkustanza diġà tqieset fil-kalkolu tal-koeffiċjent tad-dewmien u b’hekk tittieħed inkunsiderazzjoni darbtejn.

159.

Barra minn hekk, ma humiex każijiet invidwali iżolati li hawn inkwistjoni hawnhekk, iżda pjuttost prassi ġenerali. Kieku l-Kummissjoni ressqet il-każijiet kollha b’mod individwali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kien ikun raġonevoli li, għal kull landfill li għandu jiġi riabilitat jew li jrid jiġġeddidlu l-awtorizzazzjoni, jiġi propost koeffiċjent tal-gravità ta’ 1, b’riżultat ta’ total ta’ mill-inqas 198. Mill-ewwel proċedura għall-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, hija kienet saħansitra pproponiet koeffiċjent tal-gravità ta’ 6 għall-operazzjoni ta’ landfill illegali wieħed fejn kien ġie ddepożitat skart perikoluż ( 89 ).

160.

Fl-infurzar ta’ sentenza dwar prassi ġenerali li tikkonċerna mijiet ta’ każijiet individwali, il-proposta ta’ koeffiċjent tal-gravità ta’ 8 minflok 198 jew ogħla, hija għalhekk ekwivalenti għal “skont relatat mal-kwantità” ( 90 ), li l-ġustifikazzjoni tiegħu hija dibattibbli. Madankollu, l-iskop tal-pagamenti ta’ penalità ma huwiex dak ta’ kumpens għal danni, jew ta’ sanzjoni xierqa ( 91 ). L-għan huwa pjuttost l-inkoraġġiment tal-eżekuzzjoni tal-ewwel sentenza u l-preklużjoni ta’ ksur ġdid. Konsegwentement, l-assenza ta’ żieda tal-koeffiċjent tal-gravità b’mod lineari skont l-għadd tal-każijiet ikkonċernati, tista’ tkun iġġustifikata.

161.

Fi kwalunkwe każ, l-Italja għandha favur tagħha l-fatt li din il-proċedura, kuntrarjament għat-talba tal-Kummissjoni, ma tikkonċernax iktar l-operazzjoni ta’ landfills illegali, iżda r-riabilitazzjoni tagħhom u t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ landfills li baqgħu joperaw skont id-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill]. Fiż-żewġ oqsma, fil-konfront tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), tal-iskadenza tal-opinjoni motivata u tal-bidu tar-rikors, sar progress sinjifikanti. Minn dan għandu jiġi konkluż li l-ħtieġa li tiżdied il-pressjoni fuq l-Italja permezz tal-pagamenti ta’ penalità ma hijiex kbira ħafna.

162.

Għaldaqstant, inqis li huwa xieraq li jitnaqqas kunsiderevolment il-koeffiċjent tal-gravità propost mill-Kummissjoni, jiġifieri minn 8 għal 5.

163.

Jekk l-ammont bażiku ta’ EUR 650 jiġi mmultiplikat b’fattur “n” ta’ 16.57 tal-kapaċità ta’ ħlas, b’koeffiċjent tal-gravità ta’ 5 u b’koeffiċjent tad-dewmien ta’ 3, dan jammonta għal pagamenti ta’ penalità għal kull jum ta’ EUR 161 557.50.

164.

Sabiex jiġi ffaċilitat it-tnaqqis gradwali tal-pagamenti tal-penalità billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż assenjat għall-ksur parzjali individwali, nissuġġerixxi li dan l-ammont jitnaqqas għal EUR 158 200. Dan l-ammont huwa diviżibbli bis-somma ponderata tal-ksur individwali, jiġifieri 226 ( 92 ). Malli landfill illegali magħluq li jkun fih skart perikoluż jiġi riabilitat, dan l-ammont jista’ jitnaqqas b’EUR 2 100, wara li tintemm ir-riabilitazzjoni ta’ kull landfill ieħor b’EUR 700, u wara l-awtorizzazzjoni mġedda ta’ landfill li tkun baqgħat topera f’konformità mad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill], b’EUR 1 400. Wara li jiġi eliminat kompletament il-ksur parzjali tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250) diskuss f’din il-proċedura, ebda pagamenti ta’ penalità ma jkunu iktar dovuti.

165.

Fil-każ li, sad-data tas-sentenza, l-Italja tirregola ksur parzjali ieħor, hija għandha immedjatament tagħti prova ta’ dan lill-Kummissjoni. Sussegwentement, il-pagamenti ta’ penalità jitnaqqsu immedjatament skont l-iskali msemmija.

166.

Għalhekk, sal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), l-Italja għandha tiġi kkundannata tħallas pagamenti ta’ penalità għal kull jum ta’ EUR 158 200 lill-Kummissjoni Ewropea fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”. Dan l-ammont bażiku għandu jitnaqqas b’EUR 2 100 ladarba l-Italja tagħti prova lill-Kummissjoni tar-riabilitazzjoni ta’ landfill illegali magħluq li jkun fih skart perikoluż, b’EUR 700 ladarba tiġi pprovata r-riabilitazzjoni ta’ landfill ieħor, u b’EUR 1 400 ladarba jiġġedded landfill ieħor li jkun għadu jopera skont id-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill].

b) Dwar il-Kawża C‑378/13, Il-Kummissjoni vs Il-Ġreċja

167.

Huwa minnu li sas-seduta, il-Greċja għamlet progress ġdid lejn l-aħħar tal-iskadenza tat-talba addizzjonali għal osservazzjonijiet. Madankollu, 70 landfill illegali xorta għadhom jintużaw u 223 landfill illegali magħluqa oħra għadhom jeħtieġu riabilitazzjoni.

168.

Konsegwentement, il-kundanna tar-Repubblika Ellenika għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità hija mezz pekunjarju xieraq sabiex iġġiegħelha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex ittemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592) ( 93 ).

169.

Bħal fil-każ tal-Italja, jeħtieġ li l-ewwel jiġi stabbilit ammont bażiku u li dan jitnaqqas skont l-eżekuzzjoni ulterjuri tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592) (ara, f’dan ir-rigward, il-punt i). Madankollu, ir-rikonoxximent tal-eżekuzzjoni sħiħa fir-rigward tal-għeluq ta’ landfills illegali joħloq problemi partikolari (ara, f’dan ir-rigward, il-punt ii).

i) Dwar l-ammont bażiku ta’ pagamenti ta’ penalità

170.

Il-Kummissjoni ssostni li l-ammont ta’ pagament ta’ penalità għal kull jum għandu jiġi kkalkolat, kif propost minnha, bl-istess mod għall-Istati Membri kollha, jiġifieri ammont bażiku ta’ EUR 640 kuljum, immultiplikat bil-koeffiċjent tal-gravità stabbilit ta’ 9 (fuq skala minn 1 sa 20), immultiplikat bil-koeffiċjent tad-dewmien, f’dan il-każ 3 (fuq skala minn 1 sa 3), u mmultiplikat b’fattur “n”, li jirrifletti l-kapaċità ta’ ħlas tal-Greċja, jiġifieri 4.12. Bl-applikazzjoni ta’ dan il-metodu jirriżulta ammont ta’ EUR 71 193.60 kuljum.

171.

Madankollu, anki fir-rigward tal-Greċja, għandha tiġi applikata, fil-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità, id-data aġġornata, li l-Kummissjoni stabbilixxiet ( 94 ) fin-notifika tagħha tal-21 ta’ Novembru 2013 ( 95 ). Din id-data tistabbilixxi ammont bażiku ta’ EUR 650 u minħabba l-kriżi ekonomika kontinwa fil-Greċja, fattur kemmxejn iktar baxx ta’ kapaċità ta’ ħlas “n” ta’ 3.87.

172.

Fir-rigward tal-koeffiċjent tad-dewmien, il-kundanna tal-Greċja fil-fatt hija sentejn itwal mill-kundanna tal-Italja. Madankollu, meta mqabbla mal-Italja, il-Greċja għandha favur tagħha l-fatt li l-obbligi tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart tad-dritt tal-Unjoni ta’ dan l-Istat Membru ma kinux vinkolanti fl-1977, iżda kienu vinkolanti biss fil-mument tal-adeżjoni, fl-1 ta’ Jannar 1981. Għalhekk, anki fil-każ tal-Greċja huwa xieraq li jintuża l-fattur tal-gravità propost ta’ 3.

173.

Il-ksur ikkonstatat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592) għandu portata legali iżjed limitata mill-ksur li abbażi tiegħu ġiet akkużata l-Italja. Il-Qorti tal-Ġustizzja la kkonstatat ksur tad-Direttiva fuq skart perikoluż u lanqas ksur tad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill]. Madankollu, b’differenza mill-Italja, fil-Greċja għadhom jintużaw landfills illegali, u għalhekk huwa probabbli ħafna li dawn qed jikkawżaw ħsara ġdida addizzjonali għall-ambjent u perikoli għas-saħħa. Barra minn hekk, fil-Greċja għad hemm kważi 300 landfill li jeħtieġ riabilitazzjoni, jiġifieri madwar 50 % iktar milli fl-Italja, għalkemm il-Greċja hija Stat Membru sinjifikament iżgħar. Għalhekk, il-koeffiċjent tal-gravità propost mill-Kummissjoni għandu jitnaqqas, iżda għal 7.5 biss.

174.

Jekk l-ammont bażiku ta’ EUR 650 jiġi mmultiplikat b’fattur “n” ta’ 3.87 tal-kapaċità ta’ ħlas, b’koeffiċjent tal-gravità ta’ 7.5 u b’koeffiċjent tad-dewmien ta’ 3, dan jammonta għal pagamenti ta’ penalità għal kull jum ta’ EUR 56 598.75.

175.

Meta jitnaqqsu l-pagamenti ta’ penalità, għal kull riabilitazzjoni u għal kull għeluq, għandu jintuża fattur ta’ 1 rispettivament. Fid-dawl tal-223 landfill magħluqa li jeħtieġu riabilitazzjoni u 70 landfill li għandhom jingħalqu u li jeħtieġu riabilitazzjoni, it-total ta’ dawn il-fatturi jammonta għal 363. Għalhekk, għall-finijiet ta’ sempliċità, huwa rakkomandabbli li l-pagamenti ta’ penalità għal kull jum jitnaqqsu għal EUR 54 450 u b’EUR 150 ladarba tingħata prova ta’ għeluq jew ta’ riabilitazzjoni ta’ landfill illegali.

ii) Dwar ir-rikonoxximent tal-għeluq ta’ landfills

176.

Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, jeżisti madankollu r-riskju li meta jingħalqu landfills illegali dawn jiġu ssostitwiti b’depożiti ġodda mhux ikkontrollati. Dan ir-riskju għandu jitqies debitament fit-tnaqqis tal-pagamenti ta’ penalità.

177.

Madankollu, jidher li huwa prattikament diffiċli li jiġi segwit l-approċċ tal-Kummissjoni msemmi fil-proposta fil-proċedura bil-miktub għall-kalkolu tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità abbażi tal-għadd ta’ landfills illegali. Hemm il-biża’ li jinħbew landfills illegali sostituttivi. Barra minn hekk, fil-gżejjer Griegi b’mod partikolari, jeżisti wkoll ir-riskju li l-iskart jintrema’ illegalment fil-baħar, mingħajr ma dan ikun skopert fil-ħin.

178.

Il-proposta li għamlet il-Kummissjoni waqt is-seduta, dwar l-għeluq ta’ landfill illegali li jiġi aċċettat biss meta fl-istess ħin jiġi pprovat li teżisti kapaċità suffiċjenti għall-irkupru jew għar-rimi legali tal-iskart u li din tkun qed tintuża hija għalhekk iktar effettiva. Fil-fatt, mingħajr tali kapaċità, huwa inevitabbli li tali skart iġġenerat jiġi ddepożitat b’mod illegali.

iii) Konklużjoni intermedja

179.

Għalhekk, sal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), ir-Repubblika Ellenika għandha tiġi kkundannata tħallas pagamenti ta’ penalità għal kull jum ta’ EUR 54 450 lill-Kummissjoni Ewropea fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”. Dan l-ammont bażiku għandu jitnaqqas b’EUR 150 ladarba l-Greċja tagħti prova lill-Kummissjoni tal-għeluq ta’ landfill illegali kif ukoll tad-disponibbiltà u l-użu ta’ kapaċità suffiċjenti għall-irkupru jew għar-rimi legali ta’ skart, jew tar-riabilitazzjoni ta’ landfill illegali magħluq.

2. Dwar is-somma f’daqqa

180.

Skont ġurisprudenza stabbilita, flimkien mal-pagamenti ta’ penalità tista’ tiġi imposta wkoll somma f’daqqa ( 96 ). L-impożizzjoni tagħha, f’kull każ, tibqa’ ssir skont l-elementi rilevanti kollha li huma marbuta kemm mal-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-aġir stess tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċeduri mibdija abbażi tal-Artikolu 260 TFUE ( 97 ). F’dan ir-rigward, din id-dispożizzjoni tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi jekk hemmx lok li timponi tali sanzjoni ( 98 ).

181.

Il-Kummissjoni tipproponi l-applikazzjoni ta’ metodu għall-kalkolu tas-somma f’daqqa, li jinvolvi l-ammont bażiku fiss ta’ EUR 210 għal kull jum immultiplikat bil-koeffiċjenti tal-gravità u l-fattur “n”, li f’termini tal-ammont jikkorrispondu mal-valuri proposti għall-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità, kif ukoll mal-għadd ta’ ġranet mid-data tal-ewwel sentenza.

a) Dwar il-Kawża C‑196/13, Il-Kummissjoni vs L-Italja

182.

Jekk din id-data tiġi aġġornata skont il-proposta tiegħi għall-pagamenti ta’ penalità li għandhom jiġu imposti fir-rigward tal-Italja, billi jittieħed bħala bażi l-ammont bażiku miżjud ta’ EUR 220 skont in-notifika l-iżjed reċenti tal-Kummissjoni, il-fattur “n” għall-kapaċità ta’ ħlas ta’ 16.57, u l-koeffiċjent tal-gravità ta’ 5, jirriżulta ammont bażiku ta’ EUR 18 227. Abbażi ta’ dawn il-konklużjonijiet, 2687 jum wara l-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250), ir-riżultat huwa somma f’daqqa ta’ EUR 48 975 949. Jekk is-sentenza tingħata madwar erba’ xhur wara l-konklużjonijiet, huwa possibbli li tiġi imposta somma f’daqqa ta’ EUR 51 163 189.

183.

Hemm il-kwistjoni ta’ jekk dan l-ammont huwiex xieraq.

184.

Minbarra l-kunsiderazzjonijiet li għamilt fir-rigward tal-pagamenti ta’ penalità, skont il-ġurisprudenza, għall-istabbiliment tas-somma f’daqqa, għandu jiġi kkunsidrat l-“aġir” tal-Istat Membru kkonċernat ( 99 ).

185.

Fil-każ li dan it-terminu jinkludi wkoll l-ammissjoni tal-Istat Membru li huwa responsabbli għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, jista’ jkun hemm oġġezzjoni għall-kritika tal-Italja fir-rigward tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250). Din il-kritika tirrigwarda b’mod partikolari l-provi invokati u l-allegat nuqqas ta’ preċiżjoni tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

186.

Madankollu, dan l-argument huwa l-konsegwenza loġika tal-pożizzjoni legali tal-Italja. Madankollu, il-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li wkoll jibbenefika lill-Istati Membri, jipprojbixxi li jitħarrxu s-sanzjonijiet sempliċiment għaliex Stat Membru jiddefendi l-pożizzjoni legali tiegħu, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx magħha. Is-sitwazzjoni tista’ tkun differenti jekk Stat Membru jinvoka pożizzjonijiet manifestament assurdi bl-uniku skop li jxekkel il-proċedura. Il-pożizzjonijiet legali Taljani huma madankollu aċċettabbli, b’mod partikolari minħabba li s-sentenza li għandha tiġi eżegwita teħtieġ interpretazzjoni fir-rigward ta’ diversi punti.

187.

Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni u mal-Qorti tal-Ġustizzja ( 100 ). F’dan ir-rigward, huwa partikolarment importanti l-fatt li l-Italja ppreżentat informazzjoni komprensiva biss fir-risposta tagħha għall-opinjoni motivata. Għaldaqstant, ma kienx sorprendenti li din l-informazzjoni kienet parzjalment żbaljata u għalhekk kienet teħtieġ korrezzjonijiet u addizzjonijiet frekwenti, anki fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 101 ).

188.

Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza l-fatt li, repetizzjoni ta’ aġir ta’ Stat Membru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni f’settur speċifiku tista’ tkun indikazzjoni tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva ta’ repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva, bħall-pagament ta’ somma f’daqqa ( 102 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkundannat lill-Italja f’iktar minn 20 proċedura għall-ksur tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart ( 103 ).

189.

Għaldaqstant inqis li huwa xieraq li f’dan il-każ is-somma f’daqqa tiżdied b’madwar EUR 9 miljun għal EUR 60 miljun.

b) Dwar il-Kawża C‑378/13, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja

190.

Għall-Greċja, l-ammont bażiku ta’ EUR 220 għandu jiġi mmultiplikat bil-fattur “n” ta’ 3.87 tal-kapaċità ta’ ħlas u b’koeffiċjent tal-gravità ta’ 7.5. Dan iwassal għal ammont għal kull jum ta’ EUR 6 385.50. Immultiplikat bit-3258 jum minn meta ngħatat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592) sad-data ta’ dawn il-konklużjonijiet tirriżulta somma f’daqqa ta’ EUR 20 803 959. Jekk is-sentenza tingħata erba’ xhur wara, dan l-ammont jiżdied għal EUR 21 570 219.

191.

F’termini tal-kooperazzjoni mal-Kummissjoni, l-aġir tal-Greċja ma jistax jiġi kkritikat. Madankollu, għandu jitqies li anki l-Greċja ġiet ikkundannata diversi drabi minħabba problemi relatati mal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart. Għandha tiġi enfasizzata b’mod partikolari l-ewwel impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità fir-rigward tal-landfill illegali ta’ Kouroupitos fi Kreta ( 104 ).

192.

Għaldaqstant, fil-konfront tal-Greċja nipproponi li tiġi imposta somma f’daqqa ta’ EUR 22 miljun.

VI – Spejjeż

193.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu intalbu.

194.

Fil-Kawża C‑196/13, il-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Taljana tiġi kkundannata għall-ispejjeż u għandu jiġi rrilevat li din tal-aħħar tilfet fuq il-parti l-kbira tal-argumenti tagħha. Fejn rebħet, hija naqset milli tipprovdi l-informazzjoni kollha rilevanti fil-proċedura prekontenzjuża. Għalhekk, għandha tbati l-ispejjeż kollha ta’ din il-proċedura ( 105 ).

195.

Il-Greċja għandha tħallas l-ispejjeż tal-proċedura fil-Kawża C‑378/13 peress li ma rebħet fuq ebda argument jew sottomissjoni tagħha.

VII – Konklużjonijiet

196.

Għaldaqstant, nipproponi li fil-Kawża C‑196/13, Il-Kummissjoni vs L-Italja, il-Qorti tal-Ġustizzja:

1)

tiddikjara li, billi naqset milli tieħu l-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑135/05, EU:C:2007:250), fit-30 ta’ Settembru 2009, meta skada t-terminu impost mill-Kummissjoni Ewropea fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart fil-verżjoni emendata bid-Direttiva 91/156/KEE, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/689/KEE fuq skart perikoluż u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31/KE dwar it-terraferma [landfill] kif ukoll l-Artikolu 260(1) TFUE;

2)

tikkundanna lir-Repubblika Taljana tħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, pagamenti ta’ penalità għal kull jum ta’ EUR 158 200 sal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250). Dan l-ammont bażiku għandu jitnaqqas b’EUR 2 100 ladarba l-Italja tagħti prova lill-Kummissjoni tar-riabilitazzjoni ta’ landfill illegali magħluqa li jkun fiha skart perikoluż, b’EUR 700 ladarba tingħata prova tar-riabilitazzjoni ta’ landfill oħra u b’EUR 1 400 ladarba tingħata prova tal-awtorizzazzjoni mġedda ta’ landfill ieħor li jkun għadu jopera skont id-Direttiva 1999/31/KE;

3)

tordna lir-Repubblika Taljana tħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, is-somma f’daqqa ta’ EUR 60 miljun;

4)

tiċħad il-kumplament tar-rikors;

5)

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

197.

Fil-Kawża C‑378/13, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

1)

tiddikjara li, billi naqset milli tieħu l-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-502/03, EU:C:2007:250), ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart fil-verżjoni emendata bid-Direttiva 91/156/KEE, kif ukoll taħt l-Artikolu 260(1) TFUE;

2)

tordna lir-Repubblika Ellenika tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità għal kull jum ta’ EUR 54 450 fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea” sal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592). Dan l-ammont bażiku għandu jitnaqqas b’EUR 150 ladarba dan l-Istat Membru jagħti prova lill-Kummissjoni tal-għeluq ta’ landfill illegali kif ukoll tad-disponibbiltà u l-użu ta’ kapaċità suffiċjenti għall-irkupru jew għar-rimi legali ta’ skart, jew tar-riabilitazzjoni ta’ landfill illegali magħluqa;

3)

tordna li r-Repubblika Ellenika tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, is-somma f’daqqa ta’ EUR 22 miljun;

4)

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE, tas-26 ta’ April 1999, dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447).

( 3 ) Fl-ewwel proċedura d-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta’ Marzu 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 3).

( 4 ) Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, fuq skart perikoluż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 78).

( 5 ) Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9).

( 6 ) Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, p. 3).

( 7 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑135/05, EU:C:2007:250, punt 45).

( 8 ) C-185/09, EU:C:2010:59 u C-270/11, EU:C:2013:339.

( 9 ) Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU L 105, p. 54).

( 10 ) Sentenza Digital Rights Ireland (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238).

( 11 ) Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, p. 11).

( 12 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja (San Rocco, C‑365/97, ECLI:EU:C:1999:544, punt 36, dwar il-liġi dwar l-iskart), Il-Kummissjoni vs Franza (C‑492/08, ECLI:EU:C:2010:348, punt 31) u Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑281/11, ECLI:EU:C:2013:855, punt 37).

( 13 ) Ara l-Artikolu 20 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart ikkonsolidata u l-Artikolu 41 tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart il-ġdida.

( 14 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑286/08, ECLI:EU:C:2009:543, punt 8).

( 15 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑374/11, EU:C:2012:827).

( 16 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 67) u Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C‑241/11, EU:C:2013:423, punt 23).

( 17 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑184/11, EU:C:2014:316, punt 36).

( 18 ) Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑191/95, EU:C:1998:441, punt 55), Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑186/06, EU:C:2007:813, punt 15) u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑530/11, EU:C:2014:67, punt 39).

( 19 ) Sentenzi Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 147), Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punt 81) u Kahla/Thüringen Porzellan vs Il-Kummissjoni (C‑537/08 P, EU:C:2010:769, punt 63).

( 20 ) Sentenzi Kahla/Thüringen Porzellan vs Il-Kummissjoni (C‑537/08 P, EU:C:2010:769, punt 63) u AJD Tuna (C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 72).

( 21 ) Sentenzi Bosch (135/77, EU:C:1978:75, punt 4), Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑526/08, EU:C:2010:379, punt 29) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑95/12, EU:C:2013:676, punt 40).

( 22 ) Punt 39.

( 23 ) Punt 42.

( 24 ) Punt 43.

( 25 ) Anness 2 tar-risposta tad-difiża, Nri 34 u 74.

( 26 ) Punt 14.

( 27 ) Punt 8 tar-risposta tad-difiża.

( 28 ) Punt 45.

( 29 ) B’mod partikolari l-punti 10 u 12.

( 30 ) P. 412–422 tal-Anness tal-kontroreplika tal-Italja fil-Kawża C‑135/05.

( 31 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja (San Rocco, C‑365/97, EU:C:1999:544, punt 108), Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑383/02, EU:C:2004:501, punti 40, 42 u 44), Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-447/03, EU:C:2004:751, punti 27, 28 u 30), Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 181) u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑37/09, EU:C:2010:331, punti 54 u 55).

( 32 ) Ara l-punti 47 sa 50 iktar ’il fuq.

( 33 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑383/02, EU:C:2004:501, punti 32 u 36) u Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑447/03, EU:C:2004:751, punti 19 sa 24).

( 34 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑361/05, EU:C:2007:298, punt 20) u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑37/09, EU:C:2010:331, punt 37).

( 35 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑361/05, EU:C:2007:298, punti 24 u 26), speċifikata fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑37/09, EU:C:2010:331, punt 37).

( 36 ) Ara l-punt 47 iktar ’il fuq.

( 37 ) Punti 18 sa 22 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2007:250).

( 38 ) Punt 32 kif ukoll il-punti 39 sa 44.

( 39 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑160/08, EU:C:2010:230, punt 110).

( 40 ) Sentenza Générale sucrière u Béghin-Say vs Il-Kummissjoni u oħrajn (41/73, 43/73 u 44/73, EU:C:1977:41, punti 14 u 15).

( 41 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, EU:C:2005:444, b’mod partikolari l-punt 91).

( 42 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda u oħrajn (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 53).

( 43 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda u oħrajn (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 56).

( 44 ) Sentenza Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531, punt 53).

( 45 ) Sentenza Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531, punt 60).

( 46 ) Eżempju ta’ dan hija s-sentenza Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531, punti 53 u 60).

( 47 ) Ara pereżempju s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (21/84, EU:C:1985:184, punt 13), Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑387/99, EU:C:2004:235, punt 42), Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 28) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑160/08, EU:C:2010:230, punt 106).

( 48 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, EU:C:2005:444, b’mod partikolari l-punti 52 u 60).

( 49 ) Ara l-punti 77 u 78 iktar ’il fuq.

( 50 ) Ma hemmx bżonn jiġi deċiż jekk il-Kummissjoni jkollhiex terġa’ ssemmi landfills oħra jew ikollhiex fil-futur terġa’ tibda proċeduri taħt l-Artikolu 260 TFUE minħabba landfills illegali li sa issa għadhom ma humiex magħrufa. Madankollu, tali landfills addizzjonali jistgħu jkunu koperti mis-sentenza Il-Kummissjoni vs l-Italja (EU:C:2007:250), l-iktar l-iktar jekk għadhom ir-riżultat ta’ prassi ġenerali u kontinwa kkonstatata f’din is-sentenza ta’ użu ta’ landfills illegali. A contrario, każijiet individwali ġodda u iżolati, li jinqalgħu minkejja infurzar li, fil-prinċipju, huwa adattat, tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart u infrastruttura adattata, jistgħu madankollu jseħħu kullimkien u ma jkunux jikkostitwixxu eżempji tal-ksur ġenerali u kontinwu tad-dritt tal-Unjoni, allegat fis-sentenza.

( 51 ) Notifika tat-30 ta’ Ottubru 2009.

( 52 ) Notifika tal-1 ta’ Ottubru 2009.

( 53 ) Notifika tal-1 ta’ Ottubru 2009.

( 54 ) Notifika tat-30 ta’ Ottubru 2009.

( 55 ) Ara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja Amministrattiva ta’ Aachen tas-16 ta’ Lulju 2009 (9 L 153/09, Juris, punti 17 sa 21).

( 56 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑496/09, EU:C:2011:740, punt 36).

( 57 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs il-Portugall (C‑70/06, EU:C:2008:3, punt 34), Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑369/07, EU:C:2009:428, punt 112), Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑496/09, EU:C:2011:740, punt 37) u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑533/11, EU:C:2013:659, punt 64).

( 58 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (C‑121/07, EU:C:2008:695, punt 27), Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑369/07, EU:C:2009:428, punt 59), Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑496/09, EU:C:2011:740, punt 42), Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 96) u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑576/11, EU:C:2013:773, punt 43).

( 59 ) Ara l-punt 98 et seq iktar ’il fuq.

( 60 ) Ara l-punt 42 iktar ’il fuq.

( 61 ) Punt 8 tar-risposta tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Mejju 2014 għat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 62 ) Calabria: Firmo/Sciolle; Emilia Romagna: S. Giovanni in Persiceto/V. Samoggia 26 (sit Razzaboni); Lazio: Riano/Piana Perina; Liguria: Careare/Premara Paleta, La Spezia/Pitelli - landfill Ruffino Pitelli, La Spezia/Pitelli IPODEC kif ukoll Lerici/Pertusola; Lombardia: Mantova/Valdaro; Zanica/l-ex barriera Cuter; Marche: Ascoli Piceno/SGL Carbon; Piemonte: Serravalle Scrivia/La Luminosa; Umbria: Gualdo Tadino/Vigna Vecchia; Sicilia: Priolo Gargallo/Penisola Magnisi.

( 63 ) Ara l-punti 47 sa 50 iktar ’il fuq.

( 64 ) Anness 2 tar-risposta, Nri 34 u 74.

( 65 ) Punt 14.

( 66 ) F’dan ir-rigward, dan l-argument huwa differenti mill-motiv li ġie miċħud fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Malta (C‑351/09, EU:C:2010:815, punti 23 u 24), li kien diġà ġie ppreżentat qabel ir-risposta.

( 67 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑179/06, Altamura, EU:C:2007:578, punt 37).

( 68 ) Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-496/09, EU:C:2011:740, punt 45), Il-Kummissjoni vs Spanja (C-610/10, EU:C:2012:781, punt 114) u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-576/11, EU:C:2013:773, punt 45).

( 69 ) Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja (C-278/01, EU:C:2003:635, punt 50), Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-496/09, EU:C:2011:740, b’mod partikolari l-punt 51), u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-533/11, EU:C:2013:659, punt 73) kif ukoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer għall-Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Kouroupitos, C-387/97, EU:C:1999:455, punt 104).

( 70 ) Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑278/01, EU:C:2003:635, punti 48 u 49) u Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑496/09, EU:C:2011:740, punt 49).

( 71 ) Sentenzi Jippes u oħrajn (C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 81), S.P.C.M. u oħrajn (C‑558/07, EU:C:2009:430, punt 41) kif ukoll Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 45).

( 72 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑278/01, EU:C:2003:635).

( 73 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑496/09, EU:C:2011:740).

( 74 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑533/11, EU:C:2013:659).

( 75 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑576/11, EU:C:2013:773, punti 48 sa 50).

( 76 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑576/11, EU:C:2013:773, punt 54).

( 77 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑533/11, EU:C:2013:659).

( 78 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (C‑121/07, EU:C:2008:695, punt 62), Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 141) u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑576/11, EU:C:2013:773, punt 58).

( 79 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑496/09, EU:C:2011:740, punti 50 sa 55).

( 80 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑369/07, EU:C:2009:428, punti 114 u 115), Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑496/09, EU:C:2011:740, punti 56 u 57), Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781, punti 118 u 119) u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑576/11, EU:C:2013:773, punti 46 u 47).

( 81 ) C(2013) 8101 final, http://ec.europa.eu/eu_law/docs/docs_infringements/c_2013_8101_mt.pdf.

( 82 ) Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑407/09, EU:C:2011:196, punt 42), Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 131) u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑279/11, EU:C:2012:834, punt 78).

( 83 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑369/07, EU:C:2009:428, punt 116), Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑496/09, EU:C:2011:740, punt 58) u Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 120).

( 84 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑496/09, EU:C:2011:740, punt 59).

( 85 ) Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 122) u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑374/11, EU:C:2012:827, punt 38).

( 86 ) Dwar din il-possibbiltà ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (C‑177/04, EU:C:2006:173, punt 71).

( 87 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Kouroupitos, C‑387/97, EU:C:2000:356, punt 94), Il-Kummissjoni vs Franza (C‑121/07, EU:C:2008:695, punt 77), Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑279/11, EU:C:2012:834, punt 72) u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑533/11, EU:C:2013:659, punt 56).

( 88 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑374/11, EU:C:2012:827, punt 38).

( 89 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer għall-Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Kouroupitos, C‑387/97, EU:C:1999:455, punt 101).

( 90 ) Minflok pagament ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 256 819.20, kif qed tipproponi l-Kummissjoni, b’koeffiċjent tal-gravità ta’ 198 jakkumula ammont ta’ kuljum ta’ EUR 6 356 275.20.

( 91 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, EU:C:2005:444, b’mod partikolari l-punt 91).

( 92 ) Ara l-punt 148 iktar ’il fuq.

( 93 ) Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑496/09, EU:C:2011:740, punt 45), Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 114) u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑576/11, EU:C:2013:773, punt 45).

( 94 ) – Ara l-punt 152 iktar ’il fuq.

( 95 ) C(2013) 8101 finali, http://ec.europa.eu/eu_law/docs/docs_infringements/c_2013_8101_mt.pdf.

( 96 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, EU:C:2005:444, punti 80 sa 86), Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑369/07, EU:C:2009:428, punt 143) u Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 140).

( 97 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (C‑121/07, EU:C:2008:695, punt 62), Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 141) u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑576/11, EU:C:2013:773, punt 58).

( 98 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 141) u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑374/11, EU:C:2012:827, punt 47) u Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑270/11, EU:C:2013:339, punt 40).

( 99 ) Ara l-evidenza fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 96.

( 100 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑407/09, EU:C:2011:196, punt 33).

( 101 ) Ara l-punt 48 iktar ’il fuq.

( 102 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (C‑121/07, EU:C:2008:695, punt 69), Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑496/09, EU:C:2011:740, punt 90), Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-279/11, EU:C:2012:834, punt 70) u Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑184/11, EU:C:2014:316, punt 78).

( 103 ) L-ewwel sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (30/81 sa 34/81, EU:C:1981:317) kienet dwar in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ diversi direttivi dwar l-iskart u l-aħħar sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑297/08, EU:C:2010:115) kienet dwar ksur sinjifikanti fl-immaniġġar tal-iskart f’Campania.

( 104 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Kouroupitos, C‑387/97, EU:C:2000:356).

( 105 ) Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑32/05, EU:C:2006:749, punt 87), Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑151/12, EU:C:2013:690, punt 57).

Fuq